Avviż Legali Importanti
Official Journal L 314 , 04/12/1984 P. 0024 - 0027
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 11 P. 0162
Spanish special edition: Chapter 11 Volume 21 P. 0096
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 11 P. 0162
Portuguese special edition Chapter 11 Volume 21 P. 0096
Id-Direttiva tal-Kunsill
tas-27 ta' Novembru 1984
li tikkonċerna l-obbligazzjonijiet reċiproċi ta' organizzazzjonijiet ta' assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni ta' l-Istati Membri li jaġixxu għan-nom ta' l-Istat jew bl-appoġġ tiegħu, jew ta' dipartimenti pubbliċi li jaġixxu minflok dawk l-organizzazzjonijiet, fil-każ ta' garanziji konġunti għall-kuntratt li jinvolvi subkuntratt wieħed jew aktar fi Stat Membru wieħed jew aktar tal-Komunitajiet Ewropej
(84/568/KEE)
IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidra t- Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l- l-Artikoli 100 u 113 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Billi l-assigurazzjoni u l-iffinanzjar għall-esportazzjoni jinfluwenzaw ix-xejriet tal-kummerċ internazzjonali u bħala tali jikkostitwixxu strument b'saħħtu tal-politika kummerjali;
Billi l-interdipendenza dejjem tiżdied tar-riżultati ekonomiċi ta' l-Istati Membri f'xejra lejn it-tkabbir ta' operazzjonijiet ta' esportazzjoni mwettqa fuq bażi kooperattiva minn numru ta' intrapriżi fi Stati Membri differenti;
Billi dik il-kooperazzjoni hija fattur, prinċipali, jew ukoll deċiżiv, tal-kompetittività ta' l-esportazzjonijiet tal-Komunità għas-swieq ta' pajjiżi terzi;
Billi, għalhekk, dik il-kooperazzjoni għandha tiġi mħajra, partikolarment fil-qasam tas-subkuntrattar;
Billi d-differenzi bejn is-sistemi ta' garanziji ta' esportazzjoni u ffinanzjar fil-preżent fis-seħħ fl-Istati Membri jistgħu jagħtu lok għal diffikultajiet fit-twettiq ta' dawk l-operazzjonijiet ta' esportazzjoni;
Billi l-assigurazzjoni konġunta hija forma ta' kooperazzjoni bejn l-assiguraturi tal-kreditu ta' l-Istati Membri differenti li tippermetti lill-intrapriżi ta' dawk l-Istati Membri li jikkooperaw f'operazzjonijiet għall-esportazzjoni;
Billi per konsegwenza huwa importanti li tiġi stabbilita u tiġi estiża l-operazzjoni bla ntoppi ta' din il-forma ta' kooperazzjoni bejn l-assiguraturi tal-kreditu;
Billi, finalment, is-sistemi ta' garanziji u ffinanzjar fis-seħħ fl-Istati Membri għandhom effett dirett fuq it-tħaddim tas-suq komuni, u jidher utli wkoll li din il-forma ta' kooperazzjoni tiġi applikata fil-qasam tal-kummerċ intra-Komunitarju; billi l-implimentazzjoni tad-Direttiva preżenti ma tinvolvix iżda xi modifikazzjoni fid-dispożizzjonijiet leġislattivi ta' l-Istati Membri, u l-konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew hija għalhekk mhux obbligatorja,
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
1. L-Istati Membru għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet tagħhom ta' assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni li jaġixxu għan-nom ta' l-Istat jew bl-appoġġ tiegħu, jew id-dipartimenti pubbliċi li jaġixxu minflok dawk l-organizzazzjonijiet, jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim kampjun hawn anness fir-rigward ta' l-obbligazzjonijiet reċiproċi jekk jiddeċidu li jagħtu, flimkien ma' organizzazzjoni jew dipartiment pubbliku ta' Stat Membru ieħor, garanziji li jirrelataw ma' kuntratt li jinvolvi subkuntratt wieħed jew aktar fi Stat Membru wieħed jew aktar.
2. Id-disposizzjonijier annessi m'għandhomx jinkludu l-adozzjoni mill-organizzazzjonijiet jew dipartimenti li għalihom jirreferi l-paragrafu 1 ta' dispożizzjonijiet addizzjonali li ma jaffettwawx l-iskop tad-dispożizzjonijiet hawn annessi, fl-applikazzjoni ta' dawn ta' l-aħħar għal xi operazzjoni speċifika.
Artikolu 2
Il-Kummissjoni għandha, sentejn wara l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, tibgħat rapport dwar l-esperjenzi miksuba mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet hawn annessi.
Il-kummissjoni tista' f'kull żmien tibgħat proposti għall-modifikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet.
Artikolu 3
L-Istati Membri għandhom jintavolaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta' l-Anness fi żmien sitt xhur min-notifika [1] ta' din id-Direttiva.
Għandhom ukoll javżaw lill-Kummissjoni b'dawn il-miżuri.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussel, fis-27 ta' Novembru 1984.
Għall-Kunsill
Il-President
P. Barry
[1] Din id-Direttiva kienet innotifikata lill-Istati Membri fit-3 ta' Diċembru 1984.
--------------------------------------------------
L-ANNESS
MUDELL TAL-FTEHIM
Artikolu 1
Qasam ta' applikazzjoni
L-għan ta' dan il-Ftehim huwa li jirregola l-obbligazzjonijiet reċiproċi ta' l-assigurazzjoni ta' kreditu ta' esportazzjoni tal-Komunità Ekonomika Ewropea fil-każi fejn:
- intrapriża (hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejħa "il-kuntrattur prinċipali") ta' Stat Membru wieħed jew aktar tal-Komunità Ekonomika Ewropea kuntratt ta' esportazzjoni li tiegħu l-kuntrattur prinċipali huwa l-uniku detentur, u li jkun ġie konkluż ma' intrapriża (hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejħa "x-xerrej") li tkun tinsab:
- jew f'pajjiż li ma jagħmilx parti mill-Komunità Ekonomika Ewropea,
- jew fi Stat Membru tal- Komunità Ekonomika Ewropea barra minn dawk li fihom il-kuntrattur prinċipali jew is-subkuntrattur/i ikun/u stabbiliti/i;
- il-kuntrattur prinċipali jkun intrabat li jibgħat lis-subkuntrattur/i il-porzjon dovut lil dan ta' l-aħħar tas-somom imħallsa mix-xerrej lill-kuntrattur prinċipali, u li jtemm xi formalitajiet li jistgħu jkunu meħtieġa għat-trasferiment ta' dak il-porzjon tal-ħlasijiet magħmula mix-xerrej li jkun dovut lis-subkuntrattur/i;
- ma jkun hemm ebda rabtiet legali bejn ix-xerrej u s-subkuntrattur/i;
- l-assiguratur tal-kreditu tal-kuntrattur priċipali (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ "l-assiguratur prinċipali") u l-assiguratur/i tal-kreditu tas-subkuntrattur/i (hawnhekk iżjed' il quddiem imsejjaħ "l-assuguratur/i konġunt/i") huma lesti li jiggarantixxu, kull wieħed skond it-termini normali tal-polza tiegħu, il-porzjon ta' l-operazzjoni mwettqa fil-pajjiżi rispettivi tagħhom kontra r-riskji definiti minnhom f'kull ftehim individwali.
Il-ftehim li l-assiguraturi ta' kreditu ta' esportazzjoni msemmija hawn fuq għandu jiġi kkonkluż f'kull każ li jirrelata mal-ħruġ ta' garanziji konġunti lill-kuntrattur prinċipali jew lil subkuntrattur wieħed jew aktar għandu jiġi rregolat bl-Artikoli ta' hawn taħt.
Artikolu 2
Obbligazzjonijiet ta' l-assiguratur prinċipali
L-assiguratur prinċipali, li huwa l-maniġer uniku tar-riskju, inkluż l-element subkuntrattat, għandu jintrabat:
(a) li jiggarantixxi lill-kuntrattur prinċipali, biss dwar il-parti ta' dan ta' l-aħħar tal-kuntratt, kontra r-riskji definiti minnu f'kull ftehim individwali;
(b) li ma jaċċettax xi modifikazzjoni għal xi wieħed minn dawn it-termini tat-twettiq tal-kuntratt (ammont, twassil, ħlas, eċċ.) jew għall-kuntratt bejn il-kuntrattur prinċipali u s-subkuntrattur/i għat-twettiq ta' dak il-kuntratt, sakemm jekk mhux bi qbil komuni ma' l-assiguratur/i konġunt/i;
(ċ) li ma jiċħadx ir-responsabbiltà taħt id-dispożizzjonijiet tal-polza maħruġa lill-kuntrattur prinċipali b'konsegwenza ta' xi nuqqas minn dan ta' l-aħħar, mingħajr ma jinnotifika lill-assiguratur/i konġunt/i biha;
(d) li ma jiddikjarax li l-polza tkun skadiet mingħajr ma jinnotifika lill-assiguratur/i konġunt/i b'dan;
(e) li jinnotifika lill-assiguratur/i konġunt/i b'xi fatt li jsir jaf bih u li jista' jibdel in-natura jew il-limitu tar-riskju jew iwassal għal telf;
(f) fil-każ ta' telf jew theddid ta' telf, li jikkonsulta ma' l-assiguratur/i konġunt/i bil-passi li għandhom jittieħdu; id-deċiżjonijiet li jiġi rikonoxxut telf għandhom, sa fejn hu possibbli, jittieħdu bi qbil komuni, bl-ammont tar-riżarċiment u l-metodu ta' ħlas jiġi ffissat skond id-dispożizzjonijiet ta' kull polza;
(g) fil-każ ta' telf, li jieħu l-passi meħtieġa jew jeħtieġ lill-kuntrattur prinċipali li jieħu l-passi meħtieġa biex jirkupra ammonti mhux imħallsa u li jħallas lura lill-assiguratur konġunt il-porzjon dovut lil dan ta' l-aħħar mis-somom irkuprati u li jlesti kull formalità meħtieġa għat-trasferiment ta' dak il-porzjon. In-nefqiet magħmula fl-irkupru mill-assiguratur prinċipali għandhom jinqasmu bejn l-assiguraturi fil-proporzjon tas-sehem tal-kuntratt kopert;
(h) fil-każ tal-kanċellament tal-garanzija mogħtija lill-kuntrattur prinċipali, li juża l-aħjar sforzi tiegħu biex jilħaq l-obbligazzjonijiet imniżżla f'dan l-Artikolu.
Artikolu 3
Obbligazzjonijiet ta' kull wieħed mill-assiguraturi konġunti
Kull wieħed mill-assiguraturi konġunti għandu, għas-sehem tiegħu, jintrabat:
(a) li jiggarantixxi lis-subkuntrattur fil-pajjiż tiegħu, biss dwar il-parti ta' dan ta' l-aħħar ta' l-operazzjoni, kontra r-riskji definiti minnu f'kull ftehim individwali;
(b) li ma jaċċettax xi modifika għall-kuntratt konkluż bejn il-kuntrattur prinċipali u s-subkuntrattur għat -twettiq tal-kuntratt konkluż max-xerrej, ħlief bi qbil komuni ma' l-assiguratur prinċipali;
(ċ) li ma jiċħadx ir-responsabbiltà taħt id-dispożizzjonijiet tal-polza maħruġa lis-subkuntrattur b'konsegwenza ta' xi nuqqas minn dan ta' l-aħħar, mingħajr ma jinnotifika lill-assiguratur prinċipali b'dan;
(d) li ma jiddikjarax li l-polza tkun skadiet mingħajr ma jinnotifika lill-assiguratur prinċipali b'dan;
(e) li jinnotifika lill-assiguratur prinċipali b'xi fatt li jsir jaf bih u li jista' jibdel in-natura jew il-limitu tar-riskju jew iwassal għal telf;
(h) fil-każ tal-kanċellament tal-garanzija mogħtija lis-subkuntrattur, li juża l-aħjar sforzi tiegħu biex jilħaq l-obbligazzjonijiet imniżżla f'dan l-Artikolu.
Artikolu 4
Konsolidazzjoni
Fil-każ ta' xi ftehim li jikkonsolida d-dejn fil-pajjiż tax-xerrej, l-assiguratur prinċipali u l-assiguratur/i konġunt/i għandhom iżommu konsultazzjoni dwar kif jistgħu jirriżolvu l-problemi speċifiċi li joħorġu mill-ftehim ta' konsolidazzjoni.
Artikolu 5
Operazzjonijiet ta' kreditu tax-xerrej
Dawk l-assiguraturi ta' kreditu tal-Komunità li jiftiehmu li s-sistemi ta' kreditu għax-xerrejja huma suffiċjentement kompatibbli jistgħu b'żieda jiftiehmu li jwaqqfu jew li jkopru kreditu ta' xerrej uniku għall-kuntratt sħiħ, u malli jsir dan id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim għandhom jgħoddu b'analoġija.
Artikolu 6
Arbitraġġ
Kull disputa li toħroġ minn dan il-Ftehim li ma tistax tiġi solvuta amikevolment għandha tinġieb quddiem bord ta' arbitraġġ magħmul minn tliet arbitri. Kull waħda mill-partijiet involuti għandha taħtar arbitru. It-tielet arbitru għandu jinħatar mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej; għandu jaġixxi bħala l-President tal-Bord ta' l-Arbitraġġ. Il-proċeduri għandhom jiġu rregolati bir-Regoli ta' Konċiljazzjoni u Arbitraġġ tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ.
--------------------------------------------------
Top