Avviż Legali Importanti
Official Journal L 368 , 28/12/1982 P. 0040 - 0041
Finnish special edition: Chapter 1 Volume 2 P. 0028
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 19 P. 0003
Swedish special edition: Chapter 1 Volume 2 P. 0028
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 19 P. 0003
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill
tat-13 ta' Diċembru 1982
dwar il-kordinament ta' l-attivitajiet ta' l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Komunità bil-għan li ssir stima tal-ħtieġa għal, u biex jitħejjew proposti biex tkun stabbilita, sistema ta' informazzjoni inter-istituzzjonali tal-Komunità
(82/869/KEE)
IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 235 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],
Billi l-integrazzjoni ta' l-ipproċessar ta' data, l-ipproċessar tat-test u t-telekomunikazzjonijiet wasslet għal teknoloġiji ġodda ta' informazzjoni li jistgħu jintużaw biex itejbu t-tħaddim tax-xogħol tal-Komunità, l-aktar l-iskambju dejjem jiżdied ta' informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Komunità u l-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membri;
Billi l-introduzzjoni mhux ikkordinata ta' teknoloġiji ġodda ta' l-informazzjoni fl-istituzzjonijiet tal-Komunità u fl-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membri tinvolvi l-periklu ta' ostakli ġodda għaċ-ċirkolazzjoni libera ta' l-informazzjoni;
Billi d-definizzjoni ċara tal-possibbiltajiet ta' applikazzjoni u l-ħtiġiet ta' l-utent fl-istituzzjonijiet tal-Komunità u fl-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membri għandu jkollha effett pożittiv fuq l-istabbiliment ta' regolamenti tekniċi għas-sistemi ta' informazzjoni li ma jkunux speċifiċi għall-fabbrikanti individwali, kif ukoll fuq l-estensjoni tan-networks pubbliċi tat-telekomunikazzjonijiet u l-użu ta' dawn għas-sistemi ta' l-informazzjoni; huwa għalhekk mistenni li dan jista' jwassal biex ikun hemm inċentivi ta' innovazzjoni għall-industrija;
Billi, għalhekk, huwa mixtieq li tkun stabbilita proċedura ta' kordinament bil-għan li jkunu stabbiliti l-ħtiġijiet ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità u ta' l-amministrazzjonijiet nazzjonali relevanti għal teknoloġiji ġodda ta' informazzjoni, u li jkunu stabbiliti ftehim konġunti għall-iskambju ta' informazzjoni li ma tkunx speċifika għall-fabbrikanti individwali, filwaqt li jittieħed kont ta' l-istandardizzazzjoni internazzjonali;
Billi, minħabba li s-setgħat speċifiċi ta' azzjoni meħtieġa biex tkun adottata din id-Deċiżjoni ma ġewx previsti fit-Trattat, huwa meħtieġ li jkun invokat l-Artikolu 235 tiegħu,
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkordinaw l-attivitajiet tagħhom dwar:
1. l-identifikazzjoni u l-istima tal-ħtiġijiet;
2. jekk ikun hemm bżonn, it-tħejjija ta' pjan u programm ta' twettiq;
3. l-istabbiliment ta' ftehim konġunti għall-iskambju ta' informazzjoni li ma tkunx speċifika għall-fabbrikanti individwali, filwaqt li jittieħed kont ta' l-istandardizzazzjoni internazzjonali,
li tkun stabbilita sistema ta' informazzjoni integrata inter-istituzzjonali tal-Komunità (INSIS) li tagħmel possibbli l-użu ta' teknoloġiji elettroniċi ġodda għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità u l-Istati Membri. L-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-Komunità għandhom jiġu mistiedna biex jieħdu sehem f'dan il-kordinament. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli li twettaq dan il-kordinament permezz ta' Kumitat Konsultattiv magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità. It-termini ta' referenza ta' dan il-Kumitat huma definiti fl-Anness.
Artikolu 2
Meta jitwettaq ix-xogħol imsemmi fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill u lill-Parlament u tippreżenta, sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara li din id-Deċiżjoni tkun daħlet fis-seħħ, proposti li hija tqis xieraq.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
Magħmula fi Brussel, fit-13 ta' Diċembru 1982.
Għall-Kunsill
Il-President
U. Ellemann-Jensen
[1] ĠU C 125, tas-17.5.1982, p. 170.
[2] ĠU C 343, tal-31.12.1981, p. 4.
--------------------------------------------------
ANNESS
KUMITAT KONSULTATTIV
TERMINI TA' REFERENZA
1. Kompiti ewlenin
1.1. Kompitu ġenerali
Il-funzjoni ġenerali tal-Kumitat Konsultattiv hija li jsostni lill-Kummissjoni f':
- l-identifikazzjoni u l-istima ta' ħtiġijiet,
- jekk ikun hemm bżonn, it-tħejjija ta' pjan u programm ta' twettiq,
- li jistabbilixxi ftehim konġunti għall-bdil ta' informazzjoni li ma tkunx speċifika għall-fabbrikanti individwali, filwaqt li jittieħed kont ta' l-istandardizzazzjoni internazzjonali
għal sistema ta' informazzjoni tal-Komunità (INSIS).
1.2. Kompiti speċifiċi
Il-kompiti speċifiċi tal-Kumitat Konsultattiv jinkludu dawn li ġejjin:
1.2.1. biex jgħin lill-Kummissjoni tidentifika ħtiġijiet li jeżistu u oħrajn potenzali,
1.2.2. biex jgħin lill-Kummissjoni tidentifika proġetti relevanti fit-teknoloġija ta' l-informazzjoni li jkunu qed jitwettqu fl-Istati Membri u fl-istituzzjonijiet tal-Komunità,
1.2.3. li jagħti pariri lill-Kummissjoni fuq il-miri ta' proġett ta' l-INSIS u fuq il-prijoritajiet ta' implimentazzjoni,
1.2.4. li jagħti pariri lill-Kummissjoni fuq il-konsistenza tal-pjanijiet ta' l-INSIS ma' l-attivitajiet relevanti fl-Istati Membri u fl-istituzzjonijiet tal-Komunità,
1.2.5. li jagħti pariri lill-Kummissjoni fuq standards li huma relevanti għall-INSIS,
1.2.6. li jagħti pariri lill-Kummissjoni fuq il-kordinament bikri ma' l-amministrazzjoni postali u ma' l-industrija.
2. Il-Frekwenza tal-laqgħat
F'intervalli ta' madwar xahrejn.
3. Kemm idum ix-xogħol
Madwar tmien xhur.
4. Parteċipanti
Sa tliet rappreżentanti minn kull Stat Membru u minn kull istituzzjoni tal-Komunità, bil-membri ta' kull delegazzjoni jkopru kemm jista' jkun il-medda ta' oqsma relevanti u speċjalizzati (tekonoloġija ta' l-informazzjoni, il-ħtiġijiet ta' l-utent, eċċ.).
Is-segretarjat għandu jkun ipprovdut mill-Kummissjoni.
--------------------------------------------------
Top