Avviż Legali Importanti
Official Journal L 384 , 31/12/1986 P. 0052 - 0053
Finnish special edition: Chapter 1 Volume 2 P. 0069
Swedish special edition: Chapter 1 Volume 2 P. 0069
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill
tat-22 ta' Diċembru 1986
li tistabbilixxi proċedura ta' konsultazzjoni u ta' kooperazzjoni fil-qasam tat-turiżmu
(86/664/KEE)
IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 235 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],
Billi l-Artikolu 2 tat-Trattat jipprovdi li Komunità għandha jkollha d-dover li partikolarment tippromwovi matul il-Komunità kollha żvilupp armonjuż tal-attivitajiet ekonomiċi, kontinwi u l-espansjoni bbilanċjata u r-relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn l-Istati li huma membri tagħha; billi t-turiżmu jista' jgħin biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;
Billi r-risoluzzjoni tall-Kunsill ta' l-10 ta' April 1984 dwar strateġija komuni tal-Komunità fuq it-turiżmu [4] tenfasizza l-ħtieġa għall-konsultazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fuq it-turiżmu;
Billi l-konsultazzjoni hija mezz utili biex tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni bil-għan biex tilħaq l-objettivi tat-Trattat;
Billi kull wieħed mill-Istati Membri għandu jagħti lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni l-benefiċċju ta' l-esperjenza tiegħu fil-qasam tat-turiżmu;
Billi, invista tal-kunsultazzjoni fil-qasam tat-turiżmu, l-iskambju ta' l-informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandu jkun assigurat;
Billi konsultazzjoni bħal din m'għandhiex tidduplika x-xogħol imwettaq minn korpi oħrajn tal-Komunità,
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Kumitat Konsultattiv dwar it-Turiżmu, minn issa ‘l quddiem imsejjaħ il-"Kumitat", għandu jkun stabbilit taħt l-awspiċji tal-Kummissjoni. Għandu jkun magħmul minn membri nominati minn kull Stat Membru.
Artikolu 2
Id-dover tal-Kumitat għandu jkun li jiffaċilita l-iskambju ta' l-informazzjoni, konsultazzjoni u, meta xieraq, il-kooperazzjoni dwar it-turiżmu, u, partikolarment, dwar il-provizjoni tas-servizzi għat-turisti.
Artikolu 3
Għall-iskopijiet li hemm referenza għaihom fl-Artikolu 2, kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni, darba f'sena, rapport dwar il-miżuri l-aktar sinifikanti li jkun ħa u, sakemm ikun possibli, dwar il-miżuri li jkun beħsiebu li jieħu fil-proviżjoni tas-servizzi għat-turisti li jista' jkollhom konsegwenzi għall-vjaġġaturi mill-Istati Membri l-oħrajn.
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħrajn dwar dan.
Artikolu 4
1. Il-Kumitat, li għandu jiltaqgħa mill-anqas darba fis-sena, għandu jwettaq skambju ta' ideat fuq il-bażi tar-rapporti referuti fl-Artikolu 3 sabiex jiffaċilita, meta meħtieġ, kooperazzjoni futura fost l-Istati Membri fis-segwiment ta' l-għanijiet referuti fl-Artikolu 2.
2. Fuq talba mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, il-Kumitat għandhu wkoll jiddiskuti kull materja li tista tkun ta' interess għal numru ta' Stati Membri.
3. Il-Kumitat għandu wkoll jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kull kwistjoni li fuqha din ta' l-aħħar tkun talbet l-opinjoni tiegħu.
4. L-informazzjoni u l-konsultazzjoni li tipprovdi għalihom din id-Deċiżjoni għandhom ikunu koperti minn segretezza professjonali.
Artikolu 5
Il-Kumitat għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Kumitat bis-servizzi segretarjali.
Magħmula fi Brussel, fit-22 ta' Diċembru 1986.
Għall-Kunsill
Il-President
G. Shaw
[1] ĠU C 114, ta' l-14.5.1986, p. 11.
[2] Opinjoni mogħtija fit-12 ta' Diċembru, 1986 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
[3] ĠU C 328, tat-22.12.1986, p. 1.
[4] ĠU C 115, tat-30.4.1984, p. 1.
--------------------------------------------------
Top