Avviż Legali Importanti
Official Journal L 130 , 16/05/1986 P. 0053 - 0054
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 20 P. 0228
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 20 P. 0228
Id-Direttiva tal-Kummissjoni
tad-9 ta’ April 1986
li tiffissa l-metodu tal-kalkoli għall-valur ta’ l-enerġija tat-tgħam kompost tat-tjur
86/174/K(EE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea,
Wara li kunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE tat-2 ta’ April 1979 li tirrigwarda s-suq tat-tgħam kompost ta’ l-annimali [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 82/957/KEE( [2]), u b’ mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha,
Billi, sakemm il-metodi tal-Komunità kienu introdotti, l-Istati Membri ma jistgħux, skond id-Direttiva 79/373/KEE, jeħtieġu jew jippermettu dikjarazzjoni tal-valur ta’ l-enerġija dwar it-tgħam kompost ta’ l-annimali minbarra fejn din id-dikjarazzjoni kienet meħtieġa jew permessa fit-territorju tagħhom u l-metodi uffiċjali tal-kalkolu kienu, barra minn hekk, diġà fl-applikazzjoni meta din id-Direttiva kienet adottata;
Billi l-għerf xjentifiku u tekniku l-lum huwa tali li l-valur ta’ l-enerġija fit-tgħam kompost tat-tjur jista’ jkun ikkalkolat permezz ta’ metodu uniformi fl-Istati Membri kollha; billi dan il-metodu għandu għaldaqstant jiġi addottat u jkun jista’ jiġi applikat mhux biss fl-Istati Membri li jeħtieġu jew jippermettu d-dikjarazzjoni tal-valur ta’ l-enerġija fuq it-tikketti tat-tgħam kompost tat-tjur imma kif ukoll f’dawk l-Istati Membri li kellhom jistennew għall-adozzjoni ta’ metodu tal-Komunità qabel ma jeħtieġu jew jippermettu dawn id-dikjarazzjonijiet;
Billi fil-każ ta’ differenzi bejn ir-riżultat tas-sejbiet uffiċjali għall-valur ta’ l-enerġija u l-valur iddikjarat mill-fabbrikant, huwa mixtieq li tiġi permessa tolleranza minima għad-devjazzjonijiet dovuti għall-metodu użat fl-għażla tal-kampjuni tat-tgħam ta’ l-annimali, il-proċess ta’ fabbrikazzjoni jew id-diverġenzji analitiċi;
Billi l-miżuri stabbiliti f’din id-Direttiva huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tat-Tgħam ta’ l-Annimali,
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
L-Artikolu 1
Safejn u sakemm, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5(4) u (6) tad-Direttiva 79/373/KEE, il-valur ta’ l-enerġija tat-tgħam kompost tat-tjur huwa ddikjarat, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li dan il-valur ikun ikkalkolat bi qbil mal-metodu deskritt fl-Anness għal din id-Direttiva.
L-Artikolu 2
L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 1987 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva u għandhom mill-ewwel jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan.
L-Artikolu 3
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmulha fi Brussel, fid-9 ta’ April 1986.
Għall-Kummissjoni
Frans Andriessen
Viċi-President
[1] ĠU L 86, tas-6.4.1979, p. 30.
[2] ĠU L 386, tal-31.12.1982, p. 42.
--------------------------------------------------
L-ANNESS
IL-METODU SABIEX IKUN IKKALKOLAT IL-VALUR TA’ L-ENERĠIJA TAT-TGĦAM TAT-TJUR
1. Il-metodu tal-kalkoli u l-espressjoni tal-valur ta’ l-enerġija
Il-valur ta’ l-enerġija tat-tgħam kompost tat-tjur għandu jiġi kalkolat bi qbil mal-formola mniżżla hawn taħt fuq il-bażi tal-persentaġġi ta’ ċertu komponenti analitiċi tat-tgħam. Dan il-valur għandu jiġi espress f’megajoules (MJ) ta’ l-enerġija metabolizzabbli (ME), f’nitroġenu koreġġut, kull kilogramm tat-tgħam kompost:
MJ/kg ta’ ME = 0,1551 × % ta’ proteina kruda + 0,3431 × % xaħam + 0,1669 × % ta’ lamtu + 0,1301 × % tat-totali taz-zokkor (espress bħala sukrosju)
2. It-tolleranzi li huma applikabbli għall-valuri dikjarati
Jekk l-ispezzjoni uffiċjali provduta fl-Artikolu 12 turi diskrepanza (il-valur tat-tgħam ta’ l-annimali miżjud jew imnaqqas) bejn ir-riżultat ta’ l-ispezzjoni u l-valur iddikjarat ta’ l-enerġija, għandha tiġi permessa tolleranza minima ta’ 0,4 MJ/kg ta’ ME.
3. L-espressjoni tar-riżultat
Wara l-applikazzjoni tal-formola ta’ hawn fuq, ir-riżultat miġjub għandu jingħata sa post deċimali wieħed.
4. L-għażla tal-kampjuni u l-metodi analitiċi
L-għażla tal-kampjuni tat-tgħam kompost u d-determinazzjoni tal-kontenut tal-komponenti analitiċi indikati fil-metodu tal-kalkoli għandu jkun imwettaq bi qbil mal-metodi ta’ l-għażla tal-kampjuni tal-Komunità u mal-metodi analitiċi għall-kontroll uffiċjali tat-tgħam ta’ l-annimali rispettivament.
Dawn li ġejjin għandhom jiġu applikati:
- sabiex ikun stabbilit il-kontenut krud tax-xaħam: metodu B, kif emendat mid-Direttiva tal-Kummissjoni 84/4/KEE [1],
- sabiex ikun stabbilit il-kontenut tal-lamtu: il-metodu polarimetriku maħruġ fid-Direttiva tal-Kummissjoni 72/199/KEE [2].
[1] ĠU L 15, tat-18.1.1984, p. 28.
[2] ĠU L 123, tad-29.5.1972, p. 6.
--------------------------------------------------
Top