Avviż Legali Importanti
Official Journal L 042 , 12/02/1987 P. 0043 - 0047
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 7 P. 0197
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 7 P. 0197
Id-Direttiva tal-Kunsill
tat-22 ta’ Diċembru 1986
li temenda d-Direttiva 75/439/KEE dwar ir-rimi ta’ żejt użat
(87/101/KEE)
IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’ mod partikolari l-Artikoli 100 u 235 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1];
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],
Billi d-Direttiva tal-Kunsill 75/439/KEE [4] tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-ġbir u r-rimi taż-żejt użat ma joħloqx ħsara, u sabiex jiżguraw, li sakemm hu possibli, ir-rimi ta’ żejt użat jsir permezz tar-riċiklaġġ (billi jerġa’ jiġi użat jew permezz ta’ ħruq milli jiġi distrutt);
Billi r-reġenerazzjoni hija ġeneralment l-aktar mod razzjonali ta’ kif tista’ terġa’ tuża żejt użat sabiex ma tinħelhiex l-enerġija; billi allura, għandha tingħata prijorità lill-ipproċessar taż-żejt użat billi jerġgħu jiġu ġġenerati, fil-limiti li r-ristrizzjonijiet tekniċi, ekonomiċi u organizzattivi jippermettu dan;
Billi, fl-istat preżenti tal-liġi tal-Komunità l-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kondizzjonijiet, jipprojbixxu l-ħruq taż-żejt użat fuq it-territorju tagħhom; billi din id-Direttiva mhiex maħsuba li tbiddel dan l-istat tal-liġi;
Billi il-ħruq ta’ żejt użat jiġġenera gassijiet maħruqa li jkollhom sustanzi li huma ta’ ħsara għall-ambjent meta jiġu emessi ’l fuq minn ċertu konċentrazzjoni; billi allura għandhom jittieħdu miżuri li jispjegaw l-arranġamenti għall-ħruq taż-żejt użat;
Billi huwa xieraq li l-effiċjenza tal-ġbir taż-żejt użat titjieb u l-ħarsien f’dan il-qasam ikun aktar strett;
Billi, fid-dawl tal-karattru b’ mod partikolari perikoluż tal-PCB/PCTs, huwa neċessarju li tissaħħaħ il-liġi tal-Komunità dwar il-ħruq jew ir-riġenerazzjoni taż-żejt użat li huma kkontaminati b’dawn is-sustanzi;
Billi l-Istati Membri għandhom ikollhom il-possibilità, waqt li jirrispettaw il-kondizzjonijiet tat- Trattat, li jieħdu miżuri aktar stretti biex jipproteġu l-ambjent,
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Id-Direttiva Nru 75/439/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:
1. L-Artikoli 1 sa 6 għandhom jiġu sostitwiti b’ li ġej:
"Artikolu 1
Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
- "żejt użat" tfisser:
kull lubrikazzjoni bbażata fuq minerali jew żjut industrijali li m’għadhomx tajbin aktar għall-użu li oriġinarjament kienu maħsuba għalih, u b’ mod partikolari żjut użati u maħruqa tal-magna u żjut tal-gearbox, kif ukoll żjut tal-lubrikazzjoni, żjut għat-turbini u żjut tal-hydraulic;
- "rimi" jfisser:
l-ipproċessar jew id-distruzzjoni ta’ żejt użat kif ukoll il-ħżin tagħhom u tipping fuq jew taħt l-art;
- "ipproċessar" ifisser:
operazzjonijiet iddisinjati sabiex iż-żejt użat jerġgħu jiġu użati, jiġifieri, li jerġgħu jiġu ġġenerati u maħruqa;
- "terġa’ tiġġenera" fisser:
kull proċess li bih iż-żjut bażiċi jistgħu jiġu prodotti billi ż-żejt użat jiġu raffinati, b’ mod partikolari billi jitneħħa dak li jkun qiegħed jikkontaminhom, prodotti ta’ ossidazzjoni u addittivi kkontenuti f’dawn iż-żjut;
- "ħruq" ifisser:
l-użu ta’ żejt użat bħala karburanti u li s-sħana prodotta tkun rikoverata suffiċjentement;
- "ġbir" ifisser:
l-operazzjonijiet kollha fejn żejt użat jistgħu jiġu ttrasferiti mis-sidien lill-impriżi li jarmu dawn iż-żjut.
Artikolu 2
Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Nru 78/319/KEE [5], l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw li ż-żejt użat qegħdin jinġabru u jintremew mingħajr ma ssir l-ebda ħsara li tista’ tiġi evitata għall-bniedem u għall-ambjent.
Artikolu 3
1. Sa fejn kostrinġimenti tekniċi, ekonomiċi jew ta’ organizzazzjoni jippermettu, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jagħtu prijorità lill-iproċessar taż-żejt użat billi jerġgħu jiġġenerawhom.
2. Fejn żejt użat ma jerġgħux jiġu riġenerati, skond ir-restrizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 aktar ’il fuq, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw li kull ħruq ta’ żejt użat jsir taħt kondizzjonijiet ambjentali li huma aċċettabbli, skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, sakemm dak il-ħruq ikun teknikament, ekonomikament u organizzazzjonalment fattibbli.
3. Fejn żejt użat la jistgħu jerġgħu jiġu ġġenerati u lanqas maħruqa, skond ir-restrizzjonijiet imsemmja f’paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw id-distruzzjoni bla periklu tagħhom jew il-ħażna kkontrollata tagħhom jew it-tipping.
Artikolu 4
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw il-projbizzjoni ta’:
(a) kull skarikar ta’ żejt użat fl-ilma tal-wiċċ ta’ ġewwa, ilma ta’ l-art, ilma baħar territorjali u sistemi ta’ drenaġġ;
(b) kull depożitu u/jew skarikar ta’ żejt użat li jagħmel ħsara lill-ħamrija u kull skarikar li mhux ikkontrollat ta’ fdalijiet mill-iproċessar ta’ żejt użat;
(ċ) kull ipproċessar ta’ żejt użat li joħloq tniġġis fl-arja li jkun aktar mil-level preskritt mid-dispożizzjonijiet eżistenti.
Artikolu 5
1. Fejn hu neċessarju sabiex l-għanijiet ta’ din id-Direttiva jintlaħqu u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2, l-Istati Membri għandhom imexxu informazzjoni pubblika u kampanji promozzjonali sabiex jiżguraw li żejt użat qegħdin jiġu maħżuna kif suppost u miġbura kemm jista’ jkun.
2. Fejn l-għanijiet definiti fl-Artikoli 2, 3 u 4 ma jistgħux jintlaħqu b’mod ieħor, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw li waħda jew aktar impriżi jieħdu ħsieb il-ġbir u/jew ir-rimi ta’żejt użat li jiġu offruti lilhom mis-sidien, fejn huwa xieraq fil-lokalità assenjata lilhom mill-awtoritajiet kompetenti.
3. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet definiti fl-Artikoli 2 u 4, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jallokaw iż-żejt użat għal kull tip ta’ pproċessar mniżżel fl-Artikolu 3. Għal dan il-għan, jistgħu jagħmlu kontrolli xierqa.
4. Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-miżuri meħuda skond l-Artikolu 4, kull impriża li tiġbor iż-żejt użat għandha tkun suġġetta għar-reġistrazzjoni u supervizjoni adekwata mill-awtoritajiet nazzjoniali kompetenti, li possibilment tinkludi sistema ta’ permessi.
Artikolu 6
1. Sabiex jiġu mħarsa l-miżuri meħuda skond l-Artikolu 4, kull impriża li tarmi żjut moħlija għandha tikseb permess. Fejn hu neċessarju, dan il-permess għandu jingħata wara eżami ta’ l-istallazzjonijiet.
2. Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti stabbiliti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali u tal-Komunità b’għan ieħor apparti minn dak ta’ din id- Direttiva, permess jista’ jingħata lill-impriżi li jerġgħu jiġġeneraw żejt użat jew li jużaw żejt użat bħala karburanti biss jekk l-awtorità kompetenti tkun sodisfatta li l-miżuri kollha xierqa għall-protezzjoni ta’ l-ambjent u tas-saħħa ttieħdu, inkluż l-użu ta’ l-aħjar teknoloġija disponibbli, sakemm l-ispiża ma tkunx eċċessiva.
Artikolu 7
Fejn żejt użat jerġgħu jiġu ġġenerati, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw li:
(a) l-operazzjoni ta’ l-impjant li teġa’ tiġġenera ma toħloqx ħsara li tista’ tiġi evitata lill-ambjent.
Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riskji assoċjati mal-kwantità ta’ fdalijiet tar-riġenerazzjoni u mal-karattru tossiku u perikoluż ta’ dawn il-fdalijiet għandhom jitnaqqsu għall-minimu possibbli u li l-fdalijiet jiġu mormija skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva Nru 78/319/KEE;
(b) iż-żjut bażiċi derivati mir-reġenerazzjoni ma jikkostitwixxux skart tossiku u perikoluż kif inhu definit fl-Artikolu 1(b) tad-Direttiva Nru 78/319/KEE u ma jkunx fihom polychlorinated biphenyls u polychlorinated tophenyls (PCB/PCT) f’konċentrazzjonijiet iktar mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 10.
L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b’dawn il-miżuri. Fuq il-bażi ta’din l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha, fi żmien ħames snin min-notifika ta’ din id-Direttiva, tissottometti rapport lill-Kunsill, akkompanjat jekk hemm bżonn bi proposti xierqa.
Artikolu 8
1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Nru 84/360/KEE [6] u l-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva, fejn żejt użat qegħdin jintużaw bħala karburanti, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw li t-tħaddim ta’ l-impjant ma’ joħloqx xi livell sinifikattiv ta’ tniġġis fl-arja, b’ mod partikolari bl-emissjoni ta’ sustanzi mniżżla fl-Anness. Għal dan l-iskop:
(a) L-Istati Membri għandhom jissodisfaw lilhom innfushom li fil-każ ta’ ħruq ta’ żjut f’impjanti b’ input ta’ sħana ta’ 3 MW jew aktar fuq il-valur aktar baxx ta’ sħana (LHV), il-limiti tal-valuri ta’ l-emissjoni mwaqqfa f’dak l-Anness qed jiġu mħarsa.
L-Istati Membri jistgħu f’kull ħin iwaqqfu limiti ta’ valuri aktar stretti minn dawk mogħtija fl-Anness. Jistgħu wkoll iwaqqfu limiti ta’ valuri għas-sustanzi u parametri oħra li m’humiex imniżżla fl-Anness;
(b) L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri li jqisu neċessarji sabiex jiżguraw li l-ħruq ta’ żejt użat f’impjanti b’ input ta’ sħana ta’ inqas minn 3 MW ibbażata fuq il-valur aktar baxx ta’ sħana (LHV) hija suġġetta għall-kontroll adattat.
Għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b’dawn il-miżuri. Fuq il-bażi ta’din l-informazzjoni l-Kummissjoni għandha, fi żmien ħames snin min-notifika ta’ din id-Direttiva, tissottometti rapport lill-Kunsill, akkompanjat jekk hemm bżonn bi proposti xierqa.
2. L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw illi:
(a) il-fdalijiet mill-ħruq ta’ żejt użat jintremew skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva Nru 78/319/KEE;
(b) iż-żejt użat użati bħala karburanti ma joħolqux skart tossiku u perikoluż kif inhu definit fl-Artikolu 1(b) tad-Direttiva Nru 78/319/KEE u ma jkunx fihom PCB/PCT) f’konċentrazzjonijiet iktar minn 50 ppm;
3. Osservazzjoni tal-limiti tal-valuri mwaqqfa fl-Anness tista’ inkella tiġi żgurata permezz ta’ sistema xierqa ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tat-tniġġis fiż-żejt użat, jew taħlit ta’ żejt użat u karburanti oħra, maħsuba għall-ħruq waqt li tikkonsidra l-karatteristiċi tekniċi ta’ l-impjant.
Fil-każ fejn l-impjant fejn emissjonijiet ta’ sustanżi mniżżla fl-Anness jistgħu joħorġu wkoll mill-prodotti li jsaħħnu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, permezz ta’ sistema mwaqqfa ta’ kontroll, li l-proporzjoni ta’ dawn is-sustanzi ħerġin mill-ħruq ta’ żejt użat ma taqbiżx il-limiti tal-valuri fl-Anness."
2. L-Artikolu 7 jsir l-Artikolu 9.
3. L-Artikoli 8 u 9 huma mħassra.
4. Artikolu ġdid 10 huwa mdaħħal u għandu jinqara kif ġej:
"L-Artikolu 10
1. Waqt il-ħażna u l-ġbir, is-sidien u l-kolletturi m’għandhomx iħalltu żejt użat mal-PCBs u l-PCTs skond it-tifsira li tingħata fid-Direttiva Nru 76/403/KEE [7]) l-anqas ma’ skart tossiku u perikoluz skond it-tifsira li tingħata fid-Direttiva 78/319/KEE.
2. Ħlief kif inhu pprovdut fil-paragrafu 3, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 76/403/KEE għandhom jgħoddu għaż-żejt użat li jkun fihom aktar minn 50 ppm ta’ PCB/PCT.
L-Istati Membri għandhom jieħdu wkoll dawn il-miżuri speċjali tekniċi kif ikun xieraq sabiex jiżguraw li kull żejt maħruq li jkun fih il-PCB/PCT jintrema mingħajr ħsara li tista’ tiġi evitata għall-bniedem u għall-ambjent.
3. Il-permess sabiex żejt użat li jkun fihom il-PCBs jew il-PCTs jerġgħu jiġu riġenerati jingħata jekk il-proċessi biex dawn jerġgħu jiġu riġenerati jippermettu li jew li jeqirdu l-PCBs u l-PCTs jew li jnaqqsuhom sabiex iż-żjut li jerġgħu jiġu riġenerati ma jkunx fihom PCB/PCT aktar mil-limitu massimu li fl-ebda każ m’għandhu jaqbeż il-50 ppm.
4. Il-metodu ta’ referenza tal-kejl li jistabbilixxi l-kontenut tal-PCB/PCT fiż-żejt użat għandu jkun stabbilit mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat għall-adattament mal-progress tekniku mwaqqaf taħt l-Artikolu 18 tad-Direttiva Nru 78/319/KEE.
5. Żejt użat kkontaminati minn sustanżi li jaqgħu fid-definizzjoni ta’ skart tossiku u perikoluż kif stabbilit mill-Artikolu 1(b) tad-Direttiva Nru 78/319/KEE għandhom jintremew skond id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva."
5. L-Artikolu 10 jsir l-Artikolu 11.
6. L-Artikolu 11 isir l-Artikolu 12, u huwa emendat biex jinqara kif ġej:
"L-Artikolu 12
Kull impriża li tiġbor, tokkupa, u/jew tarmi żejt użat għandha tikkomunika lill-awtoritajiet kompetenti, fuq talba tagħhom, kull informazzjoni dwar il-ġbir u/jew rimi ta’ żejt użat jew il-fdalijiet tagħhom.".
7. L-Artikolu 12 isir l-Artikolu 13 u huwa emendat sabiex jinqara kif ġej:
"L-Artikolu 13
1. L-impriżi referuti fl-Artikolu 6 għandhom jiġu spezzjonati perjodikament mill-Istati Membri, b’ mod partikolari dwar il-konformità tagħhom mal-kondizzjonijiet tal-permessi tagħhom.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżaminaw ix-xejriet fl-istat ta’ żvilupp tekniku u/jew fl-ambjent bl-għan li jirrevedu, fejn hu neċessarju, il-permessi mogħtija lill-impriżi skond din id-Direttiva.".
8. L-Artikoli 13 u 14 isiru l-Artikoli 14 u 15 rispettivament.
9. Artikolu ġdid 16 huwa miżjud u għandu jinqara kif ġej:
"L-Artikolu 16
L-Istati Membri jistgħu, waqt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, jieħdu miżuri għall-protezzjoni ambjentali li jkunu aktar stretti minn dawk li huma pprovduti f’din id-Direttiva.
Dawn il-miżuri jistgħu, taħt l-istess dispożizzjonijiet, jinkludu fost affarijiet oħra l-projbizzjoni tal-ħruq ta’ żejt użat.".
10. L-Artikoli 15 u 16 isiru l-Artikoli 17 u 18 rispettivament.
11. L-Anness għal din id-Direttiva għandu jiġi miżjud.
Artikolu 2
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva b’effett mill-1 ta’ Jannar 1990 u għandhom jgħarrfu bihom mill-ewwel lill-Kummissjoni.
Artikolu 3
Il-miżuri adottati mill-Istati Membri skond din id-Direttiva jistgħu jiġu applikati progressivament mill-impriżi referuti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva Nru 75/439/KEE eżistenti fiż-żmien tan-notifika ta’ din id-Direttiva, fi żmien seba’ snin mill-istess notifika [8].
Artikolu 4
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-testi tad-dispożizzjonijiet maġġuri tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.
Artikolu 5
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussel, fit-22 ta’ Diċembru 1986.
Għall-Kunsill
Il-President
G. Shaw
[1] ĠU C 58, tas-6.3.1985, p. 3.
[2] ĠU C 255, tat-13.10.1986, p. 269
[3] ĠU C 330, tal-20.12.1985, p. 32.
[4] ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 23
[5] ĠU L 84, tal-31.3.1973, p. 43.
[6] ĠU L 188, tas-16.7.1984, p. 10.
[7] ĠU L 108, tas-26.4.1976, p. 41.
[8] Din id-Direttiva ġiet innotifikata lill-Istati Membri fit-13 ta’ Jannar 1987.
--------------------------------------------------
L-ANNESS
Limiti tal-valuri ta' l-emissjoni [1] għal ċerti sustanzi maħruġa bħala riżultat tal-kombustjoni ta' żejt użat f'impjanti b' input ta' sħana ta' 3 MW (LHV) jew aktar
L-oġġetti li qed iniġġes | Il-limutu tal-valur mg/Nm3 |
| | |
Cd | 0,5 |
Ni | 1 |
| jew | jew | |
Cr | 1,5 | Cr | 5 |
Cu | Cu |
V | V |
Pb | 5 | Pb |
Cl | 100 |
F | 5 |
SO2 | — |
Trab (total) | — |
--------------------------------------------------
Top