Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea
MT
Is-serje L
2026/116
20.1.2026
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/116
tad-19 ta’ Jannar 2026
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2321 dwar il-format taċ-ċertifikat ta’ bastiment lest għar-riċiklaġġ meħtieġ skont ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 u d-Direttiva 2009/16/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(9), it-tieni subparagrafu, tiegħu,
Billi:
(1)
Il-format taċ-ċertifikat ta’ bastiment lest għar-riċiklaġġ huwa stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2321 (2). Dan ġie żviluppat biex ikun konsistenti mal-Appendiċi 4 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Reċiklaġġ ta’ Bastimenti li jkun Sikur u li Jħares l-Ambjent adottata f’Hong Kong fil-15 ta’ Mejju 2009 (il-“Konvenzjoni ta’ Hong Kong”).
(2)
Wara d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta’ Hong Kong fis-26 ta’ Ġunju 2025, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-format taċ-ċertifikat ta’ bastiment lest għar-riċiklaġġ maħruġ skont ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 ikun jista’ jintuża kemm skont il-Konvenzjoni ta’ Hong Kong kif ukoll skont ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 għaċ-ċertezza legali u s-simplifikazzjoni amministrattiva.
(3)
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2321 huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 330, 10.12.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1257/oj.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2321 tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar il-format taċ-ċertifikat ta’ bastiment lest għar-riċiklaġġ meħtieġ skont ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti (ĠU L 345, 20.12.2016, p. 112, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/2321/oj).
ANNESS
“ANNESS
ĊERTIFIKAT INTERNAZZJONALI TA’ BASTIMENT LEST GĦAR-RIĊIKLAĠĠ
(Nota:
Dan iċ-ċertifikat għandu jkun issupplimentat minn inventarju tal-materjali perikolużi u mill-pjan għar-riċiklaġġ tal-bastimenti)(Timbru uffiċjali)
(Stat)
Maħruġ skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Internazzjonali ta’ Hong Kong dwar ir-Reċiklaġġ ta’ Bastimenti li jkun Sikur u li Jħares l-Ambjent adottata f’Hong Kong fil-15 ta’ Mejju 2009 (il-“Konvenzjoni ta’ Hong Kong”), għal dawk l-Istati Membri li huma Partijiet għall-Konvenzjoni, u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013 taħt l-awtorità tal-Gvern ta’
…
(Isem l-Istat)
sa …
(Isem sħiħ tal-persuna jew tal-organizzazzjoni awtorizzata skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Hong Kong u r-Regolament (UE) Nru 1257/2013)
Dettalji tal-Bastiment
Isem il-Bastiment
Numru jew ittri distintivi
Port tar-Reġistru
Tunnellaġġ gross
Numru tal-OMI
L-isem u l-indirizz ta’ sid il-bastiment
Numru tal-identifikazzjoni tal-OMI tas-sid irreġistrat
Numru tal-identifikazzjoni tal-OMI tal-kumpanija
Data tal-Kostruzzjoni
Dettalji tal-Faċilità/Faċilitajiet tar-Riċiklaġġ tal-Bastimenti
Isem il-Faċilità tar-Riċiklaġġ tal-Bastimenti
Numru tal-identità distintiv tal-Kumpanija tar-Riċiklaġġ ibbażat fuq id-DASR (*1)
Numru tal-identità distintiv tal-Kumpanija tar-Riċiklaġġ kif indikat fil-Lista Ewropea
Indirizz sħiħ
Data tal-iskadenza tad-DASR
Data tal-iskadenza tal-inklużjoni tal-faċilità tar-riċiklaġġ tal-bastimenti fil-Lista Ewropea
Dettalji tal-inventarju tal-materjali perikolużi
Numru tal-identifikazzjoni/verifika tal-inventarju tal-materjali perikolużi: …
Nota:
L-inventarju tal-materjali perikolużi, kif meħtieġ mir-regolament 5 tal-Anness tal-Konvenzjoni ta’ Hong Kong u mill-Artikolu 9(9) tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013, huwa parti essenzjali miċ-Ċertifikat Internazzjonali ta’ Bastiment Lest għar-Riċiklaġġ u jrid dejjem jakkumpanja dak iċ-ċertifikat. L-inventarju tal-materjali perikolużi għandu jiġi kkompilat abbażi tal-format standard muri fil-linji gwida żviluppati mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, issupplimentati, meta applikabbli, minn linji gwida dwar aspetti speċifiċi tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013, bħas-sustanzi elenkati f’dak ir-Regolament iżda mhux fil-Konvenzjoni ta’ Hong Kong.Dettalji tal-pjan għar-riċiklaġġ tal-bastimenti
In-numru tal-identifikazzjoni/verifika tal-pjan għar-riċiklaġġ tal-bastimenti: …
Nota:
Il-pjan għar-riċiklaġġ tal-bastimenti, kif meħtieġ mir-regolament 9 tal-Anness tal-Konvenzjoni ta’ Hong Kong u mill-Artikolu 9(9) tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013, huwa parti essenzjali miċ-Ċertifikat Internazzjonali ta’ Bastiment Lest għar-Riċiklaġġ u jrid dejjem jakkumpanja dak iċ-ċertifikat.DAN JIĊĊERTIFIKA:
1.
li l-bastiment ġie mistħarreġ f’konformità mar-regolament 10 tal-Anness tal-Konvenzjoni ta’ Hong Kong, għal dawk l-Istati Membri li huma Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Hong Kong, u mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013;
2.
li l-bastiment għandu inventarju validu tal-materjali perikolużi f’konformità mar-regolament 5 tal-Anness tal-Konvenzjoni ta’ Hong Kong, għal dawk l-Istati Membri li huma Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Hong Kong, u mal-Artikolu 5(7) tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013;
3.
li l-pjan għar-riċiklaġġ tal-bastimenti, kif meħtieġ mir-regolament 9 tal-Anness tal-Konvenzjoni ta’ Hong Kong jirrifletti b’mod xieraq l-informazzjoni li tinsab fl-inventarju tal-materjali perikolużi kif meħtieġ mir-regolament 5.4 tal-Anness tal-Konvenzjoni ta’ Hong Kong u fih informazzjoni dwar l-istabbiliment, il-manutenzjoni u l-monitoraġġ ta’ kundizzjonijiet sikuri għad-dħul u ta’ kundizzjonijiet sikuri għal xogħol f’temperatura għolja, għal dawk l-Istati Membri li huma Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Hong Kong;
4.
li l-pjan għar-riċiklaġġ tal-bastimenti ġie kkompilat f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013; kif ukoll
5.
li l-faċilità/faċilitajiet tar-riċiklaġġ tal-bastimenti fejn dan il-bastiment għandu jiġi rriċiklat ikollha/ikollhom awtorizzazzjoni valida f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Hong Kong, għal dawk l-Istati Membri li huma Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Hong Kong, u tkun/ikunu elenkata/i fil-Lista Ewropea f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013.
Dan iċ-ċertifikat huwa validu sa (jj/xx/ssss) …
(Data)
Maħruġ fi …
(Post tal-ħruġ taċ-ċertifikat)
(jj/xx/ssss) …
…
(Data tal-ħruġ)
(Firma tal-uffiċjal awtorizzat kif xieraq li qed joħroġ iċ-ċertifikat)
(Siġill jew timbru tal-awtorità, kif xieraq)
APPROVAZZJONI BIEX TIĠI ESTIŻA L-VALIDITÀ TAĊ-ĊERTIFIKAT SAKEMM JASAL FIL-PORT TAL-FAĊILITÀ TAR-RIĊIKLAĠĠ TAL-BASTIMENTI GĦAL PERJODU TA’ KONĊESSJONI META JAPPLIKAW IR-REGOLAMENT 14.5 TAL-ANNESS TAL-KONVENZJONI TA’ HONG KONG U L-ARTIKOLU 10(5) TAR-REGOLAMENT (UE) NRU 1257/2013 (*2)
Dan iċ-ċertifikat għandu, f’konformità mar-Regolament 14.5 tal-Anness tal-Konvenzjoni ta’ Hong Kong, għal dawk l-Istati Membri li huma Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Hong Kong, u mal-Artikolu 10(5) tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013 dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti, jiġi aċċettat bħala validu għal vjeġġ uniku minn punt sa punt
mill-port ta’: …
sal-port ta’: …
Iffirmata: …
(Firma tal-uffiċjal awtorizzat kif xieraq)
Post: …
Data: (jj/xx/ssss) …
(Siġill jew timbru tal-awtorità, kif xieraq)
”(*1) Dokument ta’ Awtorizzazzjoni biex jitwettaq ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti (DASR, Document of Authorization to conduct Ship Recycling).
(*2) Din il-paġna tal-approvazzjoni għandha tiġi riprodotta u miżjuda maċ-ċertifikat skont kif meħtieġ mill-Amministrazzjoni
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/116/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)
Top