Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea
MT
Serje L
2024/851
11.3.2024
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/851
tal-4 ta’ Marzu 2024
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-12-il sessjoni tal-Kummissjoni Preparatorja għall-istabbiliment tar-Reġistru Internazzjonali għall-Vetturi Ferrovjarji u fl-ewwwl sessjoni tal-Awtorità Superviżorja stabbilita skont il-Protokoll tal-Lussemburgu għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Kwistjonijiet speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(9)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)
L-Unjoni, fir-rigward tal-kompetenzi tagħha, approvat il-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Kwistjonijiet Speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji (il-“Protokoll tal-Lussemburgu”), adottat fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/888/UE (1), u kisbet l-istatus ta’ Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika skont dak il-Protokoll.
(2)
Matul l-ewwel sessjoni tagħha fit-8 ta’ Marzu 2024, l-Awtorità Superviżorja stabbilita skont l-Artikolu XII tal-Protokoll tal-Lussemburgu (l-“Awtorità Superviżorja”) hija mistennija tadotta, fost punti oħra fuq l-aġenda, l-Istatuti u r-Regoli ta’ Proċedura tagħha, ftehim bejn l-Awtorità Superviżorja u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) rigward il-funzjonijiet tas-segretarjat tal-Awtorità Superviżorja, u atti oħra li għandhom x’jaqsmu mal-istabbiliment u mal-funzjonament tar-Reġistru Internazzjonali għall-Vetturi Ferrovjarji (ir-“Reġistru Internazzjonali”) f’konformità mal-Artikolu 17(2), il-punt (d), tal-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli (il-“Konvenzjoni ta’ Cape Town”), b’mod partikolari r-regolamenti u l-proċeduri tar-Reġistru Internazzjonali u r-Regoli Mudell dwar l-Identifikazzjoni Permanenti tal-Vetturi Ferrovjarji żviluppati fil-qafas tal-Kumitat għat-Trasport Intern tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (ir-“Regoli Mudell”).
(3)
Matul it-12-il sessjoni tagħha tas-7 ta’ Marzu 2024, il-Kummissjoni Preparatorja għall-istabbiliment tar-Reġistru Internazzjonali hija mistennija li tikkunsidra u tapprova l-abbozz finali tal-atti li għandhom jiġu adottati mill-ewwel sessjoni tal-Awtorità Superviżorja.
(4)
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-12-il sessjoni tal-Kummissjoni Preparatorja u fl-ewwel sessjoni tal-Awtorità Superviżorja, peress li l-Unjoni hija Parti Kontraenti għall-Protokoll tal-Lussemburgu u d-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu mill-Awtorità Superviżorja jistgħu jwasslu għall-adozzjoni ta’ atti li huma vinkolanti skont id-dritt internazzjonali u li jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-parteċipazzjoni tal-Unjoni f’dak il-korp u l-kontenut tal-leġi tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) (2), ir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/757/UE (4), u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 (5).
(5)
L-abbozz tal-Istatuti tal-Awtorità ta’ Sorveljanza jiddefinixxu, fost oħrajn, il-personalità ġuridika, il-kompiti u l-qafas amministrattiv tagħha, kif meħtieġ mill-Konvenzjoni ta’ Cape Town u mill-Protokoll tal-Lussemburgu. L-adozzjoni tal-abbozz tal-Istatuti hija prerekwiżit għall-istabbiliment u għall-operat tal-Awtorità Superviżorja u għalhekk jenħtieġ li tiġi appoġġata. Jenħtieġ li tiġi proposta emenda minuri għad-dispożizzjoni li tiddefinixxi l-kompożizzjoni tal-Awtorità Superviżorja biex tiċċara r-referenza trasversali għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Protokoll tal-Lussemburgu, jiġifieri l-Artikolu XII(1).
(6)
L-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Awtorità Superviżorja, jiddefinixxu, fost oħrajn, ir-regoli tal-laqgħat, ir-regoli tar-rappreżentanza, il-proposti u d-deċiżjonijiet u l-proċeduri tal-votazzjoni. Madankollu, l-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura kurrenti ma huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll tal-Lussemburgu li jirrikonoxxu l-istatus ta’ organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika bħala ekwivalenti għal dak ta’ Stat Parti, minħabba li jintroduċu differenzi mhux ġustifikati bejn, minn naħa, l-Istati Partijiet per se, li huma intitolati li jkunu rrappreżentati u li jivvutaw fuq deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Awtorità Superviżorja, u, min-naħa l-oħra, l-organizzazzjonijiet Reġjonali għall-integrazzjoni Ekonomika, li ma humiex espressament imsemmija bħala membri tal-Awtorità Superviżorja. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu proposti emendi għal dak l-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura biex jiġi żgurat li s-sħubija u d-drittijiet tal-vot tal-Unjoni fi ħdan l-Awtorità Superviżorja jkunu previsti b’mod effettiv f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll tal-Lussemburgu, inklużi regoli dwar il-votazzjoni li jikkonċernaw kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Madankollu, id-dispożizzjonijiet li jifdal tal-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura jenħtieġ li jiġu appoġġati.
(7)
F’konformità mal-Artikolu XII(6) tal-Protokoll tal-Lussemburgu, huwa f’idejn l-OTIF li tassumi r-rwol tas-Segretarjat tal-Awtorità Superviżorja ladarba l-Protokoll jidħol fis-seħħ. Il-ftehim previst bejn l-Awtorità Superviżorja u l-OTIF jistabbilixxi l-kundizzjonijiet dettaljati għat-twettiq tal-kompiti tas-Segretarjat tal-Awtorità Superviżorja. L-adozzjoni ta’ dak il-ftehim hija meħtieġa biex tiġi żgurata l-amministrazzjoni tajba tax-xogħlijiet tal-Awtorità Superviżorja u għalhekk jenħtieġ li tiġi appoġġata.
(8)
Skont l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town u l-Artikolu XII tal-Protokoll tal-Lussemburgu, l-Awtorità Superviżorja għandha tipprevedi l-istabbiliment tar-Reġistru Internazzjonali. Hija għandha tiżgura wkoll li teżisti sistema ta’ reġistrazzjoni elettronika effiċjenti bbażata fuq l-avviżi sabiex jiġu implimentati l-objettivi tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town u tal-Protokoll tal-Lussemburgu, permezz tal-istabbiliment, ir-rieżami u l-emenda, fejn meħtieġ, ta’ regolamenti u proċeduri għar-Reġistru Internazzjonali. Dawk ir-regolamenti u l-proċeduri jridu jiġu stabbiliti mill-Awtorità Superviżorja skont l-Artikolu 17(2), il-punti (d) u (e), tal-Konvenzjoni ta’ Cape Town u f’konformità mal-Artikoli XIV, XV, XVI u XVII tal-Protokoll tal-Lussemburgu. Dawn huma meħtieġa biex jipprovdu l-qafas legali għat-tħaddim tar-Reġistru Internazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tat-talba u l-allokazzjoni tal-identifikatur tas-Sistema Unika ta’ Identifikazzjoni tal-Vetturi Ferrovjarji (URVIS). Fl-Unjoni, ir-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni tal-vetturi ferrovjarji huma regolati wkoll mid-Direttiva (UE) 2016/797 u mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1614, li jipprovdu, fost l-oħrajn, speċifikazzjonijiet għal Numru Ewropew tal-Vetturi (EVN) u għal Reġistru Ewropew tal-Vetturi (EVR). Għalkemm is-sistemi skont id-dritt tal-Unjoni u skont il-Protokoll tal-Lussemburgu jittrattaw l-istess kwistjoni topika tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-vetturi ferrovjarji, dawn għandhom għanijiet u skopijiet differenti, jiġifieri operazzjonali (tekniċi) għal tal-ewwel u finanzjarji għal tal-aħħar. B’riżultat ta’ dan, id-dispożizzjonijiet legali attwalment ma jmorrux kontra xulxin, u ż-żewġ sistemi jistgħu jeżistu flimkien. Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tkun tista’ ssegwi komplementarjetà dejjiema bejn dawk ir-reġistri u s-sistemi ta’ identifikazzjoni. Peress li l-adozzjoni ta’ dawk ir-regolamenti u l-proċeduri hija meħtieġa biex jiġi żgurat it-tħaddim tar-Reġistru Internazzjonali u peress li huma kompatibbli u konsistenti mal-qafas legali tal-Unjoni, jenħtieġ li l-adozzjoni tagħhom mill-Awtorità Superviżorja tiġi appoġġata.
(9)
Sabiex jilħaq l-għan tiegħu, il-Protokoll tal-Lussemburgu jeħtieġ li jibbaża fuq sistema ċara ta’ identifikazzjoni u ta’ mmarkar tal-vetturi ferrovjarji bbażata fuq standards internazzjonali. Ir-Regoli Mudell previsti jipprovdu qafas għall-assenjazzjoni tal-identifikatur URVIS u għall-immarkar tiegħu fuq il-vetturi ferrovjarji. Skont ir-Regoli Mudell, il-marka tal-identifikatur tal-URVIS hija addizzjonali għal kwalunkwe sistema ta’ mmarkar eżistenti oħra bħas-sistema stabbilita fid-Deċiżjoni 2012/757/UE. Ir-Regoli Mudell ma jmorrux kontra l-qafas ġuridiku tal-Unjoni . Għalhekk huwa xieraq li l-adozzjoni tagħhom mill-Awtorità Superviżorja tiġi appoġġata,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fit-12-il sessjoni tal-Kummissjoni Preparatorja għall-istabbiliment tar-Reġistru Internazzjonali għall-Vetturi Ferrovjarji u fl-ewwel sessjoni tal-Awtorità Superviżorja tal-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Kwistjonijiet Speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji hija stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kummissjoni Preparatorja u fl-Awtorità Superviżorja jistgħu jaqblu fuq xi tibdil minuri fil-pożizzjonijiet imsemmija f’dak l-Anness mingħajr deċiżjoni ulterjuri mill-Kunsill.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjonigħandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Marzu 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
T. VAN DER STRAETEN
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/888/UE tal-4 ta’ Diċembru 2014 dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar il-Garanziji Internazzjonali fuq Tagħmir Mobbli għal Kwistjonijiet Speċifiċi tal-Vetturi Ferrovjarji, adottat fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007 (ĠU L 353, 10.12.2014, p. 9).
(2) Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44).
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/757/UE tal-14 ta’ Novembru 2012 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-“operat u l-immaniġġjar tat-traffiku” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea u li temenda d-Deċiżjoni 2007/756/KE (ĠU L 345, 15.12.2012, p. 1).
(5) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1614 tal-25 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għar-reġistri tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li temenda u tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/756/KE (ĠU L 268, 26.10.2018, p. 53).
ANNESS
1. Introduzzjoni
L-ewwel sessjoni tal-Awtorità Superviżorja tal-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar l-Interessi Internazzjonali fit-Tagħmir Mobbli dwar Kwistjonijiet speċifiċi għall-Vetturi Ferrovjarji adottat fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2007 (“il-Protokoll tal-Lussemburgu”) ser issir fit-8 ta’ Marzu 2024, eżatt wara t-12 u l-aħħar sessjoni tal-Kummissjoni Preparatorja li ser issir fis-7 ta’ Marzu 2024.
2. Kompetenza tal-UE
L-Unjoni Ewropea hija parti kontraenti għall-Protokoll tal-Lussemburgu. Fir-rigward tal-punti tal-aġenda ta’ din il-laqgħa fejn l-Awtorità Superviżorja ser tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali skont it-tifsira tal-Artikolu 218(9) TFUE — jiġifieri l-Punti tal-Aġenda 3 (sa fejn jikkonċerna l-approvazzjoni tal-Istatuti u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Awtorità Superviżorja), 4, 8 u 9, l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza esklużiva.
3. Kummenti dwar il-punti tal-aġenda tal-ewwel sessjoni tal-Awtorità Superviżorja
Il-Punt 3 tal-Aġenda — L-istabbiliment tal-Awtorità Superviżorja (li għandu jiġi kkunsidrat taħt il-Punt 5 tal-Aġenda tat-12-il sessjoni tal-Kummissjoni Preparatorja):
Approvazzjoni tal-Istatuti tal-Awtorità Superviżorja
Dokument(i):
Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot:
L-Unjoni Ewropea
Pożizzjoni:
Favur l-approvazzjoni u l-adozzjoni tal-abbozzi tal-Istatuti, soġġett għall-emenda li ġejja:
—
Fl-Artikolu 2 (Kompożizzjoni): emenda tal-paragrafu 2 biex jaqra: “Is-sħubija tagħha hija determinata skont l-Artikolu XII (1) (a), (b) u (c) tal-Protokoll”.
Stabbiliment tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Awtorità Superviżorja
Dokument(i):
Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot:
L-Unjoni Ewropea
Pożizzjoni:
Favur l-approvazzjoni u l-adozzjoni tal-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura, soġġett għall-emendi li ġejjin:
—
Fl-Artikolu 1 (Definizzjonijiet): emenda tad-definizzjoni ta’ “Maġġoranza Kwalifikata” biex taqra “għall-ewwel sentejn wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll, maġġoranza sempliċi tal-voti kemm (a) tar-rappreżentanti tal-Istati Parti kif ukoll (b) tal-Membri, u, wara, maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti tal-Membri”; emenda tad-definizzjoni ta’ “Stat Parti” biex taqra “Stat jew Organizzazzjoni Reġjonali li rratifikat jew aderiet kemm għall-Konvenzjoni kif ukoll għall-Protokoll”;
—
Fl-Artikolu 4 (Rappreżentanza tal-Membri): emenda tal-paragrafu 3 biex jaqra “Permezz ta’ deroga mill-Paragrafu 1, il-persuna nominata biex tirrappreżenta Organizzazzjoni Reġjonali tista’ teżerċita, fi kwalunkwe laqgħa tal-Awtorità Superviżorja, għadd ta’ voti daqs l-għadd ta’ Stati Membri li huma intitolati jipparteċipaw u jivvutaw f’tali laqgħat. Kull meta Organizzazzjoni Reġjonali teżerċita d-dritt tagħha li tivvota, l-Istati Membri tagħha m’għandhomx jeżerċitaw tagħhom, u bil-maqlub.”
Punt 4 fl-aġenda — Approvazzjoni tal-Ftehim bejn l-Awtorità Superviżorja u l-OTIF dwar il-funzjonijiet tas-Segretarjat (li għandu jiġi kkunsidrat taħt il-Punt 5 tal-Aġenda tat-12-il sessjoni tal-Kummissjoni Preparatorja)
Dokument(i):
Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot:
L-Unjoni Ewropea
Pożizzjoni:
Favur l-approvazzjoni tal-Ftehim
Il-punt 8 tal-Aġenda — Approvazzjoni tar-Regolamenti u l-Proċeduri għar-Reġistru Internazzjonali tal-Vetturi Ferrovjarji u l-pubblikazzjoni tagħhom (li għandha tiġi kkunsidrata taħt il-Punt 6 tal-Aġenda tat-12-il sessjoni tal-Kummissjoni Preparatorja)
Dokument(i):
Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot:
L-Unjoni Ewropea
Pożizzjoni:
Favur l-approvazzjoni tar-Regolamenti u l-Proċeduri, u l-pubblikazzjoni tagħhom
Il-punt 9 tal-Aġenda — Approvazzjoni tar-Regoli Mudell kif emendati fil-15 ta’ Novembru 2023 għall-finijiet tar-Regolamenti għar-Reġistru Internazzjonali tal-Vetturi Ferrovjarji
Dokument(i):
Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot:
L-Unjoni Ewropea
Pożizzjoni:
Favur l-adozzjoni tar-Regoli Mudell dwar l-Identifikazzjoni Permanenti tal-Vetturi Ferrovjarji
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/851/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)
Top