Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea
MT
Is-serje L
2025/2403
26.11.2025
DEĊIŻJONI (UE) 2025/2403 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-13 ta’ Novembru 2025
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lil Spanja b’rabta mal-għargħar fir-Reġjun ta’ Valenzja fi Spanja f’Ottubru 2024 u lil Franza wara l-ħsarat ikkawżati miċ-ċiklun Chido f’Mayotte f’Diċembru 2024 u miċ-ċiklun Garance f’Réunion fi Frar 2025
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprja ġodda (3), u b’mod partikolari l-punt 10 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)
Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (“il-Fond”) għandu l-għan li jippermetti lill-Unjoni tirrispondi b’mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza sabiex tintwera solidarjetà mal-popolazzjonijiet tar-reġjuni milquta minn diżastri naturali reġjonali jew minn emerġenza tas-saħħa pubblika maġġuri.
(2)
Il-Fond ma għandux jaqbeż il-limiti massimi stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 (4).
(3)
Fl-20 ta’ Jannar 2025, Spanja ppreżentat applikazzjoni biex jiġi mobilizzat il-Fond wara l-għargħar ta’ Ottubru 2024.
(4)
Fis-7 ta’ Marzu 2025, Franza ppreżentat applikazzjoni biex jiġi mobilizzat il-Fond wara l-ħsarat ikkawżati miċ-ċiklun Chido f’Mayotte f’Diċembru 2024.
(5)
Fit-23 ta’ Mejju 2025, Franza ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond wara l-ħsarat ikkawżati miċ-ċiklun Garance f’Réunion fi Frar 2025.
(6)
Dawk l-applikazzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002.
(7)
Għalhekk jenħtieġ li jiġi mobilizzat il-Fond sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja lil Spanja u Franza.
(8)
Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed biex jiġi mobilizzat il-Fond, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2025, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jkun mobilizzat kif ġej f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament b’rabta mad-diżastri naturali:
(a)
l-ammont ta’ EUR 946 153 691 għandu jiġi pprovdut lil Spanja biex tirreaġixxi għas-sitwazzjoni ta’ emerġenza li rriżultat mill-għargħar f’Ottubru 2024;
(b)
l-ammont ta’ EUR 89 628 050 għandu jiġi pprovdut lil Franza biex tirreaġixxi għas-sitwazzjoni ta’ emerġenza li rriżultat mill-ħsarat ikkawżati miċ-ċiklun Chido f’Mayotte f’Diċembru 2024;
(c)
l-ammont ta’ EUR 21 236 336 għandu jiġi pprovdut lil Franza biex tirreaġixxi għas-sitwazzjoni ta’ emerġenza li rriżultat mill-ħsarat ikkawżati miċ-ċiklun Garance f’Réunion fi Frar 2025.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika mit-13 ta’ Novembru 2025.
Magħmula fi Brussell, it-13 ta’ Novembru 2025.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
S. LOSE
(1) ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/2012/oj.
(2) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2093/oj.
(3) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2020/1222/oj.
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 tad-29 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L, 2024/765, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/765/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2403/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)
Top