Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea
MT
Is-serje L
2026/800
1.4.2026
DEĊIŻJONI (UE) 2026/800 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-25 ta’ Marzu 2026
li taħtar il-Kap Prosekutur Ewropew tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-“UPPE”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,
Wara li kkunsidraw id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1696 tat-13 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-“UPPE”) (2),
Wara li kkunsidraw id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1275 tat-18 ta’ Settembru 2018 li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 (3),
Wara li kkunsidraw il-proposta ta’ lista ristretta ta’ kandidati mħejjija mill-bord tal-għażla fit-8 ta’ Ottubru 2025, f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1696, bil-ħsieb tal-ħatra tal-Kap Prosekutur Ewropew tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew,
Billi:
(1)
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) kien stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/1939.
(2)
Il-Kap Prosekutur Ewropew huwa l-Kap tal-UPPE u jorganizza l-ħidma tal-UPPE, jidderieġi l-attivitajiet tiegħu, u jieħu deċiżjonijiet f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1939 u r-regoli interni ta’ proċedura tal-UPPE. Il-Kulleġġ tal-UPPE jikkonsisti mill-Kap Prosekutur Ewropew u Prosekutur Ewropew wieħed għal kull Stat Membru.
(3)
Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), is-Sa Laura Codruța KÖVESI nħatret bħala l-ewwel Kap Prosekutur Ewropew tal-UPPE. Il-mandat tagħha ser jiskadi fil-31 ta’ Ottubru 2026.
(4)
Huwa għaldaqstant meħtieġ li jinħatar, bi qbil komuni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Kap Prosekutur Ewropew ġdid tal-UPPE.
(5)
Sejħa miftuħa għal kandidati għall-pożizzjoni ta’ Kap Prosekutur Ewropew tal-UPPE bħala aġent temporanju fil-grad ta’ AD 15 ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-28 ta’ April 2025 (5).
(6)
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1696 tistipula r-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 (“ir-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla”).
(7)
F’konformità mal-ewwel paragrafu tar-Regola VII.1 tar-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla, tħejjiet lista ristretta ta’ erba’ kandidati mill-bord tal-għażla, li ta r-raġunijiet għall-għażla tal-kandidati fil-lista ristretta. F’konformità mat-tieni paragrafu tar-Regola VII.1 tar-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla, il-bord tal-għażla kklassifika l-kandidati skont il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom. Tali klassifikazzjoni tindika l-ordni ta’ preferenza tal-bord tal-għażla iżda mhijiex vinkolanti fuq il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Fit-8 ta’ Ottubru 2025, il-bord tal-għażla ppreżenta l-lista ristretta u pprovda r-raġunijiet għall-għażla tal-kandidati fil-lista ristretta, kif ukoll il-Curricula Vitae u l-ittri ta’ motivazzjoni tagħhom, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
(8)
Fit-3 ta’ Diċembru 2025, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament Ewropew, wara li organizza seduta pubblika tal-erba’ kandidati fil-lista ristretta flimkien mal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew, u wara li rċieva l-opinjoni tiegħu, ipproċeda għal vot favur is-Sur Andrés RITTER bħala l-kandidat preferut tal-Parlament għall-pożizzjoni ta’ Kap Prosekutur Ewropew tal-UPPE.
(9)
Fit-3 ta’ Diċembru 2025, ġiet stabbilita l-pożizzjoni tal-Kunsill favur il-ħatra tas-Sur Andrés RITTER bħala Kap Prosekutur Ewropew tal-UPPE.
(10)
Il-Kap Prosekutur Ewropew tal-UPPE għandu jinħatar bi qbil komuni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għal mandat mhux rinnovabbli ta’ seba’ snin mill-1 ta’ Novembru 2026.
(11)
Wara li vvalutaw il-kandidati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim komuni dwar il-ħatra tas-Sur Andrés RITTER bħala l-Kap Prosekutur Ewropew tal-UPPE.
(12)
Fil-ħatra tas-Sur Andrés RITTER, iż-żewġ istituzzjonijiet ivvalutaw il-merti rispettivi tal-kandidati, b’kont meħud tad-dikjarazzjoni tar-raġunijiet mogħtija mill-bord tal-għażla, kif ukoll il-Curricula Vitae u l-ittri ta’ motivazzjoni tagħhom,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Is-Sur Andrés RITTER huwa b’dan maħtur Kap Prosekutur Ewropew tal-UPPE bħala aġent temporanju fil-grad ta’ AD 15 għal perjodu mhux rinnovabbli ta’ seba’ snin mill-1 ta’ Novembru 2026.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Marzu 2026.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
M. RAOUNA
(1) ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1939/oj.
(2) ĠU L 282, 12.11.2018, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1696/oj.
(3) ĠU L 238, 21.9.2018, p. 92, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1275/oj.
(4) Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 li taħtar il-Kap Prosekutur Ewropew tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU L 274, 28.10.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1798/oj).
(5) ĠU C, C/2025/2468, 28.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2468/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/800/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)
Top