Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-kawża C-492/04,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Baden-Württemberg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Diċembru 2004, fil-proċedura
Lasertec Gesellschaft für Stanzformen mbH
vs
Finanzamt Emmendingen,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President ta’ l-Awla, E. Juhász, R. Silva de Lapuerta, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: R. Grass,
peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tipproponi li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha,
wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,
tagħti l-preżenti
Digriet
Motivi tas-sentenza1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 56 KE sa 58 KE.
2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kontroversja li oriġinat mid-deċiżjoni li biha l-Finanzamt Emmendingen (iktar ’il quddiem il-“Finanzamt”), fid-dawl ta’ l-impożizzjoni tat-taxxa dovuta mill-kumpannija Ġermaniża Lasertec Gesellschaft für Stanzformen mbH (iktar ’il-quddiem ir-“rikorrenti”), ikkwalifikat mill-ġdid bħala tqassim ta’ profitti moħbija l-interessi mħallsa mir-rikorrenti lill-kumpannija Żvizzera Lasertec AG (iktar ’il quddiem “Lasertec”), azzjonista tagħha.
Il-liġi nazzjonali
3. L-Artikolu 8a tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (il-Körperschaftsteuergesetz, iktar ’il quddiem il-“KStG”), intitolat “Kapitali mislufa bejn l-azzjonisti”, ġie introdott permezz tal-liġi dwar miżuri għall-ġlieda kontra d-delokalizzazzjoni tal-kumpanniji (Standortsicherungsgesetz), tat-13 ta’ Settembru 1993, (BGBl., 1993 I, p. 1569). Skond id-deċiżjoni tar-rinviju, din il-liġi daħlet fis-seħħ fl-14 ta’ Settembru ta’ l-istess sena.
4. Fil-verżjoni li kienet applikabbli meta seħħew il-fatti, l-Artikolu 8a tal-KStG kien jistabbilixxi s-segwenti dispożizzjonijiet:
“(1) Il-ħlasijiet tal-kapitali esterni li kumpannija b’kapital azzjonarju li tkun suġġetta għat-taxxa mingħajr limitu tkun akkwistat mingħand azzjonist li ma jibbenifikax minn kreditu ta’ taxxa u li matul is-sena ta’ stima in kwistjoni jkollu sehem rilevanti fil-kapital tal-kumpannija, għandhom jitqiesu bħala tqassim ta’ profitti moħbija,
[…]
2. Fil-każ fejn il-ħlas miftiehem ikun ikkalkulat f’perċentwali tal-kapital u fejn, matul is-sena ta’ stima, il-kapitali esterni jaqbżu l-valur tat-triplu tas-sehem miżmum mill-azzjonist, ħlief jekk il-kumpannija b’kapital azzjonarju kellha l-possibbiltà li tikseb dawn il-kapitali esterni tagħha f’kundizzjonijiet barra minn hekk identiċi mingħand terzi persuni jew jekk il-kapitali esterni jirrappreżentaw self intiż sabiex jiffinanzja operazzjonijiet bankarji ordinarji. […]
(2) Is-sehem mill-kapital proprju miżmum mill-azzjonist huwa kkostitwit mill-frazzjoni tal-kapital proprju tal-kumpannija b’kapital azzjonarju – kif ikun jinsab fl-aħħar tas-sena ta’ stima preċedenti – korrispondenti għall-parti ta’ l-azzjonist fil-kapital sottoskritt. Il-kapital proprju huwa l-kapital sottoskritt, mingħajr il-kontribuzzjonijiet li għadhom ma tħallsux […].
(3) Ikun hemm sehem rilevanti meta l-azzjonist ikollu iktar minn kwart tal-kapital inizjali jew nominali ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, kemm b’mod dirett kemm bl-użu ta’ kumpannija intermedjarja. L-istess japplika meta s-soċju jkollu iktar minn kwart tal-kapital flimkien ma’ l-azzjonisti l-oħra li jifforma assoċjazzjoni magħhom jew li jikkontrollawha, jew inkella li jikkontrollaw jew li huma kkontrollati flimkien magħha. L-azzjonist li ma għandux sehem rilevanti huwa l-istess bħal azzjonist li għandu sehem rilevanti meta jeżerċita, b’mod indipendenti jew b’kooperazzjoni ma’ azzjonisti oħrajn, influwenza dominanti fuq il-kumpannija b’kapital azzjonarju.”
5. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, b’mod ġenerali, l-azzjonisti mhux residenti, b’mod partikolari, ma għandhomx id-dritt għal kreditu ta’ taxxa.
6. Skond l-Artikolu 54(6a) tal-KStG, l-Artikolu 8a tiegħu kien applikabbli mis-sena ta’ stima ta’ wara l-31 ta’ Diċembru 1993.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
7. Ir-rikorrenti hija kumpannija Ġermaniża li ġiet stabbilita permezz ta’ att tat-12 ta’ Settembru 1994. Hija suġġetta integralment għat-taxxa fil-Ġermanja.
8. Fiż-żmien meta seħħew il-fatti, il-kapital tar-rikorrenti, li kien jammonta għal DEM 300 000, kien miżmum mis-Sur Papke f’total ta’ DEM 100 000 u minn Lasertec f’total ta’ DEM 200 000.
9. Bis-saħħa ta’ dispożizzjoni ta’ l-att kostituttiv tar-rikorrenti, is-sottoskrizzjonijiet inizjali kellhom jitħallsu immedjatament f’total ta’ kwart tal-kapital sottoskritt, filwaqt li l-bilanċ kellu jitħallas fuq talba tad-Direzzjoni.
10. Permezz ta’ kuntratt tal-5 ta’ Jannar 1995, Lasertec ikkonċediet self fl-ammont ta’ DEM 700 000 lir-rikorrenti. It-terminu inizjali tal-kuntratt kien stabbilit għal sentejn. L-ammont misluf u l-interessi fuqu kellhom jitħallsu lura f’rati ta’ DEM 34 000 kull tliet xhur. L-ispejjeż ta’ l-interessi relattivi għal dan is-self għolew fl-1995 għal DEM 48 132,40.
11. Fil-kuntest ta’ verifika li seħħet matul ix-xahar ta’ Awwissu 1997 li kienet tirrigwarda s-sena ta’ stima 1995, il-kontrollur tat-taxxi sab li l-ammont ta’ kapital sottoskritt kien tħallas fl-10 ta’ Jannar 1995. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħu, kellu jitnaqqas mill-ammont ta’ kapital sottoskritt (jiġifieri DEM 300 000) l-ammont tal-kontribuzzjoni mhux imħallsa sal-31 ta’ Diċembru 1994 (jiġifieri DEM 225 000). B’hekk, il-kontrollur tat-taxxa qies li l-parti miżmuma minn Lasertec fil-kapital proprju tar-rikorrenti kien jammonta, f’dik id-data, għal DEM 50 000. Peress li s-self mogħti lir-rikorrenti minn Lasertec kellu jiġi kkwalifikat bħala “kapital estern”, huwa naqqas b’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8a tal-KStG, mill-ammont tas-self (DEM 700 000) it-triplu tas-sehem miżmum minn Lasertec fil-kapital proprju tar-rikorrenti (DEM 150 000). Il-frazzjoni ta’ l-ispejjeż ta’ interessi tas-sena 1995 li tikkorrispondi għal DEM 550 000, jiġifieri DEM 37 818, ġiet ikkwalifikata, għall-finijiet ta’ l-istabbiliment ta’ l-imposta tar-rikorrenti għas-sena ta’ stima kkonċernata, bħala “tqassim ta’ profitti moħbija”.
12. Permezz ta’ avviż tat-taxxa tal-15 ta’ Ġunju 1998, il-Finanzamt qies li, skond l-Artikolu 8a tal-KStG, l-ispejjeż ta’ l-interessi in kwistjoni kellhom jiġu kkunsidrati bħala tqassim ta’ profitti moħbija u kellhom jiġu ntaxxati bħala tali. Konsegwentement, dan biddel it-taxxa dovuta mir-rikorrenti għas-sena ta’ stima 1995 għall-ammont ta’ DEM 16 207.
13. Fit-2 ta’ Lulju 1998, ir-rikorrenti ppreżentat kontestazzjoni kontra dan l-avviż tat-taxxa, li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Finanzamt tat-22 ta’ Frar 1999. Ir-rikorrenti kkontestat din id-deċiżjoni permezz ta’ appell ippreżentat quddiem il-Finanzgericht Baden-Württemberg fit-22 ta’ Marzu 1999.
14. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Baden-Württemberg iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ domandi preliminari segwenti:
“1). L-Artikolu 57(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li għandhom jinftiehmu bħala restrizzjonijiet għall-moviment liberu ta’ kapitali bejn l-Istati Membri u pajjiżi oħra, ‘eżistenti’ fil-31 ta’ Diċembru 1993, dawk li għalihom f’dik id-data l-leġiżlatur nazzjonali kien għalaq il-proċedura leġiżlattiva, jew dawk li f’dik id-data kienu diġà applikabbli, għal sitwazzjonijiet li kienu seħħu, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet nazzjonali?
2). L-Artikolu 56(1) KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 58 KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tassazzjoni parzjali ta’ l-interessi mħallsa minn kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat Membru lil kreditur stabbilit f’pajjiż terz, li huwa fl-istess ħin soċju ta’ l-ewwel kumpannija, billi jiġu kkunsidrati bħala tqassim ta’ profitti, hija pprojbita safejn din tikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fil-moviment ta’ kapitali bejn Stat Membru u pajjiż terz?”
Fuq id-domandi preliminari
15. Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 104(3)(i) tar-Regoli tal-Proċedura, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ ċarament tiġi dedotta mill-ġurisprudenza, il-Qorti tista’ tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat.
16. Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, leġiżlazzjoni nazzjonali, li bis-saħħa tagħha l-interessi fuq is-self imħallsa minn kumpannija residenti b’kapital azzjonarju lil azzjonist stabbilit f’pajjiż terz li għandu sehem rilevanti fil-kapital ta’ din il-kumpannija, f’ċerti kundizzjonijiet, jitqiesu li huma tqassim ta’ profitti moħbija, taxxabbli f’idejn il-kumpannija residenti debitriċi, hijiex kumpatibbli mad-dispożizzjonijiet fuq il-moviment liberu ta’ kapitali.
17. Il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li d-dispożizzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi evalwata biss fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment, u mhux f’dak tal-moviment liberu ta’ kapitali. Essenzjalment, dawn isostnu li din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss ix-xiri ta’ sehem rilevanti, ta’ natura li jikkonferixxi influwenza determinanti fuq il-kumpannija li fiha jinżamm is-sehem, u li, konsegwentement, din tirrigwarda b’mod esklużiv il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-libertà ta’ stabbiliment.
18. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika fid-dawl ta’ liema libertà għandha tiġi evalwata d-dispożizzjoni msemmija.
19. F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit taħt liema waħda mil-libertaijiet ta’ moviment hija applikabbli liġi nazzjonali, għandu jiġi kkunsidrat l-iskop tal-liġi in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, Ġabra p. I-7995, punti 31 sa 33; tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz, C-452/04, Ġabra p. I-9521, punti 34 u 44 sa 49; tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C-374/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 37 u 38, kif ukoll Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 36, u s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C-524/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 26 sa 34).
20. B’hekk, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw il-pussess ta’ sehem li jippermetti li tiġi eżerċitata ċerta influwenza fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija kkunċernata u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha jiffurmaw parti mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dispożizzjonijet tat-Trattat KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Baars, C‑251/98, Ġabra p. I‑2787, punt 22; Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31, u Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).
21. Fil-kawża prinċipali, il-miżura nazzjonali in kwistjoni hija applikabbli għas-sitwazzjonijiet li fihom il-kumpannija kreditriċi mhux residenti jkollha sehem rilevanti fil-kapital soċjali tal-kumpannija debitriċi residenti, jiġifieri sehem ta’ iktar minn 25 %.
22. L-assimilazzjoni tal-pussess ta’ sehem minoritarju, iżda li xorta jikkonferixxi influwenza dominati fuq il-kumpannija kkunċernata, ma’ pussess ta’ sehem rilevanti, juri, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, li, f’moħħ il-leġiżlatur Ġermaniż, il-miżura nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija kapaċi li tapplika, indipendentement minn skala stabbilita, fil-konfront ta’ l-ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija kkonċernata u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 20 ta’ dan id-digriet (ara, b’analoġija, is-sentenza Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).
23. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Lasertec, il-kumpannija li selfet, għandha żewġ terzi tal-kapital soċjali tar-rikorrenti, il-kumpannija li sselfet. Sehem bħal dan mingħajr dubju jikkonferixxi fuq Lasertec influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet u l-attivitajiet tar-rikorrenti (ara, b’analoġija, is-sentenza Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).
24. B’hekk isegwi li din il-kawża tifforma parti biss mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relativi għal-libertà ta’ stabbiliment.
25. Jekk jitqies li l-miżura nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandha, kif issostni r-rikorrenti, effetti restrittivi fuq il-moviment liberu ta’ kapitali, tali effetti huma l-konsegwenza inevitabbli ta’ ostaklu għal-libertà ta’ stabbiliment kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Lankhorst-Hohorst (C‑324/00, Ġabra p. I‑11779), u ma jiġġustifikawx evalwazzjoni tal-miżura msemmija fir-rigward ta’ l-Artikoli 56 KE sa 58 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, punt 33; Fidium Finanz, punti 48 u 49, kif ukoll Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, punt 34).
26. Konsegwentement, mhemmx lok li tingħata risposta għad-domandi li saru fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relattivi għall-moviment ħieles ta’ kapitali.
27. Rigward il-kapitolu tat-Trattat relattiv għal-libertà ta’ stabbiliment, dan ma fih l-ebda dispożizzjoni li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu għas-sitwazzjonijiet fejn hemm implikata persuna domiċiljata f’pajjiż terz li tinsab barra mill-Unjoni Ewropea. Hekk kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-opinjoni tagħha 1/94 tal-15 ta’ Novembru 1994 (Ġabra p. I‑5267, punt 81), l-għan ta’ dan il-kapitolu huwa dak li jassigura l-libertà ta’ stabbiliment favur ir-residenti ta’ l-Istati Membri. B’hekk, l-Artikolu 43 KE u dawk suċċessivi ma jistgħux jiġu invokati f’kuntest fejn kumpannija ta’ pajjiż terz ikollha sehem li jagħtiha influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet u l-attivitajiet ta’ kumpannija ta’ Stat Membru (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-sentenza Fidium Finanz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).
28. Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ir-risposta għad-domandi magħmula hija li miżura nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-interessi fuq is-self imħallsa minn kumpannija b’kapital azzjonarju residenti lil azzjonist mhux residenti li għandu sehem rilevanti fil-kapital ta’ din il-kumpannija, taħt ċerti kundizzjonijiet, jitqiesu li huma tqassim ta’ profitti moħbija, taxxabbli f’idejn il-kumpannija li tissellef, tolqot b’mod rilevanti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment skond l-Artikoli 43 KE et seq . Dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu invokati f’sitwazzjoni fejn hemm implikata kumpannija ta’ pajjiż terz.
Fuq l-ispejjeż
29. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Parti operattivaGħal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Miżura nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-interessi fuq is-self imħallsa minn kumpannija b’kapital azzjonarju residenti lil azzjonist mhux residenti li għandu sehem rilevanti fil-kapital ta’ din il-kumpannija, taħt ċerti kundizzjonijiet, jitqiesu li huma tqassim ta’ profitti moħbija, taxxabbli f’idejn il-kumpannija li tissellef, tolqot b’mod rilevanti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment skond l-Artikoli 43 KE et seq . Dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu invokati f’sitwazzjoni fejn hemm implikata kumpannija ta’ pajjiż terz.
Top