Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tad-29 ta’ Settembru 2011 – Grisoli vs Regione Lombardia
(Kawża C‑315/08)
“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Saħħa pubblika – Spiżeriji – Prossimità – Provvista ta’ mediċini għall-popolazzjoni – Awtorizzazzjoni ta’ operat – Tqassim territorjali tal-ispiżeriji – Distanza minima bejn l-istabbilimenti”
Libertà ta’ stabbiliment - Restrizzjonijiet - Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel għall-ftuħ ta’ spiżeriji ġodda f’reġjun speċifiku - Kundizzjonijiet għall-għoti marbuta mad-densità demografika u mad-distanza minima bejn l-ispiżeriji - Ammissibbiltà - Kundizzjonijiet - Verifika mill-qorti nazzjonali (Artikolu 49 TFUE) (ara l-punti 21-38 u d-dispożittiv)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari - Consiglio di Stato - Interpretazzjoni tal-Artikoli 152 u 153 KE - Ftuħ ta’ spiżeriji ġodda - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi limiti skont in-numru ta’ abitanti u li tiffissa l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-ftuħ ta’ spiżerija ġdida.
Dispożittiv
L-Artikolu 49 TFUE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi limiti għall-ftuħ ta’ spiżeriji ġodda, billi tipprovdi li
–fil-komuni b’popolazzjoni inferjuri għal 4 000 abitant, spiżerija waħda biss tista’ tinfetaħ, u
–fil-komuni b’popolazzjoni ogħla minn 4 000 abitant, il-ftuħ ta’ spiżerija ġdida huwa suġġett għal kundizzjonijiet bħal li jrid ikun hemm iktar minn mill-inqas 50 % tan-numru ta’ abitanti meħtieġa għal spiżerija u l-osservanza ta’ distanza minima fir-rigward tal-ispiżeriji diġà eżistenti,
bil-kundizzjoni li tali leġiżlazzjoni tippermetti, b’deroga mir-regoli bażiċi, il-ħolqien ta’ numru suffiċjenti ta’ spiżeriji li jistgħu jiżguraw servizz farmaċewtiku xieraq fiż-żoni b’karatteristiċi demografiċi jew ġeografiċi partikolari, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
Top