DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)
19 ta’ Marzu 2012 ( *1 )
“Kompetizzjoni — Akkordji — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Ċaħda ta’ lment — Interess leġittimu — Interess Komunitarju — Rikors parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat”
Fil-Kawża T-273/09,
Associazione “Giùlemanidallajuve”, stabbilita f’Cerignola (l-Italja), irrappreżentata minn L. Misson, G. Ernes u A. Pel, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet u V. Di Bucci, bħala aġenti, assistiti minn J. Derenne, avukat,
konvenuta,
sostnuta minn
Fédération internationale de football association (FIFA), stabbilita fi Zurich (l-Isvizzera), irrappreżentata minn A. Barav u D. Reymond, avukati,
intervenjenti,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 3916, tat-12 ta’ Mejju 2009, meħuda abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 u li tiċħad, minħabba nuqqas ta’ interess leġittimu u ta’ interess Komunitarju, l-ilment imressaq mir-rikorrenti dwar il-ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE allegatament imwettaq mill-Federazione italiana giuoco calcio, il-Comitato olimpico nazionale italiano, il-Union of European Football Associations u l-Fédération internationale de football association, fil-kuntest tas-sanzjonijiet imposti fuq il-Juventus Football Club SpA ta’ Torino (l-Italja) (Każ COMP/39464 — Supporters Juventus Turin vs FIGC-CONI-UEFA-FIFA)
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe u M. van der Woude (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
tagħti l-preżenti
Digriet
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1
L-Associazione “Giùlemanidallajuve” (iktar ’il quddiem l-“Għaqda” jew ir-“rikorrenti”) hija għaqda mingħajr skop ta’ lukru kkostitwita minn imsieħba, azzjonisti minuri u sostenituri tal-Juventus Football Club SpA ta’ Torino (l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“Juventus”).
2
L-Għaqda nħolqot bil-għan li tiddefendi l-interessi tal-membri tagħha u li tikkontesta s-sanzjonijiet imposti fuq il-Juventus fl-2006 minħabba ċerti prattiki illegali intiżi li jinfluwenzaw l-għażla tar-referees.
3
Dawn is-sanzjonijiet ġew imposti fuq il-Juventus mill-Kummissjoni ta’ Appell Federali tal-Federazione italiana giuoco calcio (Federazzjoni Taljana tal-futbol, iktar ’il quddiem il-“FIGC”), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2006. Is-sanzjonijiet ġew sussegwentement ikkonfermati, essenzjalment, mill-qorti federali tal-FIGC, permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Lulju 2006, u mill-Kamra ta’ Konċiljazzjoni u ta’ Arbitraġġ tal-Comitato olimpico nazionale italiano (Kumitat Olimpiku Taljan, iktar ’il quddiem il-“CONI”), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2006. Is-sanzjonijiet wasslu għall-impożizzjoni ta’ multa fuq il-Juventus, għar-revoka tat-titlu tagħha bħala rebbieħa tal-kampjonat Taljan għall-istaġun 2004/2005, għall-fatt li t-titlu ta’ rebbieħ tal-kampjonat Taljan għall-istaġun 2005/2006 ma ngħata lil ħadd u r-retroċessjoni tagħha fl-aħħar post fil-klassifika tas-Serje A tal-kampjonat Taljan ta’ din l-aħħar sena. Bħala riżultat ta’ din id-deċiżjoni, il-Juventus kellha tilgħab fis-serje B matul l-istaġun 2006/2007 b’penalizzazzjoni ta’ disa’ punti u ma setgħetx tipparteċipa, fuq livell Ewropew, fiċ-Champions League matul dan l-istaġun, minkejja li kienet ikkwalifikat biex tipparteċipa f’din il-kompetizzjoni.
4
Wara li adixxiet lill-qorti amministrattiva reġjonali ta’ Lazio (iktar ’il quddiem it-“TAR”), l-Għaqda ressqet ilment, fl-1 ta’ Ġunju 2007, quddiem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Matli, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). Dan l-ilment kien intiż li jakkuża pubblikament l-allegat ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE mwettaq mill-FIGC, il-CONI, il-Union of European Football Associations (iktar ’il quddiem il-“UEFA”) u l-Fédération internationale de football association (iktar ’il quddiem il-“FIFA”), indipendentement wieħed mill-ieħor u/jew kollettivament, fil-kuntest tas-sanzjonijiet imposti fuq il-Juventus. L-Għaqda essenzjalment sostniet li kemm il-ħolqien tal-korpi tal-FIGC u tal-CONI li ddeċidew il-kwistjonijiet dixxiplinari (il-kummissjoni ta’ appell federali tal-FIGC, il-qorti federali tal-FIGC u l-Kamra ta’ Konċiljazzjoni u ta’ Arbitraġġ tal-CONI) kif ukoll il-proċeduri adottati minn dawn l-istanzi kienu illegali. Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, il-miżuri dixxiplinari kienu ta’ gravità inġustifikata u diskriminatorji, li ppreġudikaw lill-Juventus u lil numru ta’ sostenituri, azzjonisti u simpatizzanti tal-klabb.
5
Fl-10 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni stiednet lill-FIGC, lill-CONI, lill-FIFA u lill-UEFA sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet dwar l-ilment. Fid-19 ta’ Frar 2008, l-Għaqda intimat lill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-ilment tagħha. Il-Kummissjoni wieġbet b’ittra tal-14 ta’ Marzu 2008, billi ppreċiżat li d-dipartimenti tagħha kienu qed jeżaminaw l-ilment. Fis-26 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrenti ppreżentat, fuq il-bażi tal-Artikolu 232 KE, rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-kawża ġiet irreġistrata taħt in-numru T-254/08. F’din l-istess data, il-Kummissjoni talbet lill-Għaqda sabiex tagħtiha tagħrif addizzjonali. Fl-10 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni talbet lill-Għaqda biex tipprovdilha preċiżazzjonijiet oħra. L-Għaqda wieġbet dawn iż-żewġ talbiet għal informazzjoni permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Awwissu 2008.
6
Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Awwissu 2008, il-Kummissjon informat lir-rikorrenti, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 [KE] sa 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81) li, wara eżami tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi mressqa, hija qieset li l-Għaqda ma kellhiex interess leġittimu sabiex tressaq ilment fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u li, fi kwalunkwe każ, ma kienx hemm interess Komunitarju suffiċjenti sabiex tibda investigazzjoni fuq l-allegati okkorrenzi ta’ ksur. Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Settembru u tat-30 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti wieġbet għal din l-ittra billi sostniet il-pożizzjoni inizjali tagħha.
7
Fit-12 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni adottat, abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 773/2004, id-Deċiżjoni C (2009) 3916 li permezz tagħha hija ċaħdet l-ilment (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Il-Kummissjoni prinċipalment invokat in-nuqqas ta’ interess leġittimu tar-rikorrenti u, sussidjarjament, in-nuqqas ta’ interess Komunitarju suffiċjenti sabiex titkompla l-investigazzjoni.
8
Fir-rigward tan-nuqqas ta’ interess leġittimu, il-Kummissjoni qabel kollox enfasizzat li l-Għaqda ma kinitx tirrappreżenta lill-Juventus u li ma kinitx qed taġixxi f’isem din tal-aħħar. Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset li l-Għaqda ma wrietx ksur tal-interessi ekonomiċi tal-membri tagħha, kemm f’dak li jirrigwarda lis-sostenituri kif ukoll f’dak li jirrigwarda lill-azzjonisti minuri tal-Juventus.
9
Fir-rigward tan-nuqqas ta’ interess Komunitarju suffiċjenti sabiex titkompla l-investigazzjoni, invokat sussidjarjament, il-Kummissjoni qieset li, anki li kieku kellu jitqies li l-allegat ksur kellu effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, l-aġir allegat ma effettwax b’mod sinjifikattiv il-funzjonament tas-suq komuni. Fi kwalunkwe każ, it-tkomplija tal-istruttorja kienet tobbliga lill-Kummissjoni sabiex tibda investigazzjoni ta’ daqs sproporzjonat fir-rigward tal-probabbiltà żgħira li jiġi kkonstatat ksur.
10
Wara li ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata, is-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni mressaq mill-Għaqda (digriet tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Diċembru 2009, Associazione “Giùlemanidallajuve” vs Il-Kummissjoni, T-254/08, mhux ippubblikat fil-Ġabra).
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
11
Permezz ta’ rikors ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2009, l-Għaqda ppreżentat dan ir-rikors.
12
Permezz ta’ att ippreżentat fit-23 ta’ Novembru 2009, il-FIFA (iktar ’il quddiem l-“intervenjenti”) talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Marzu 2010, il-President tas-Sitt Awla awtorizza dan l-intervent.
13
Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla u konsegwentement, din il-kawża ġiet assenjata lilha.
14
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
—
tordna lill-Kummissjoni sabiex tipproċedi b’investigazzjoni intiża li tikkonstata l-ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE mill-FIGC, mill-CONI, mill-UEFA u mill-FIFA bil-għan li:
—
—
tannulla r-regoli li jiksru l-Artikoli 81 KE u 82 KE u s-sanzjonijiet tal-FIGC, tal-CONI u tal-UEFA imposti fuq il-Juventus;
—
tordna lill-FIGC, lill-CONI, lill-UEFA u lill-FIFA sabiex jikkumpensaw l-ekwivalenti tad-dannu li l-Għaqda realment ġarrbet minħabba l-ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE mwettaq minn dawn l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi;
—
tiddeċiedi kull sanzjoni utli.
15
Fir-replika, ir-rikorrenti titlob ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.
16
Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiċħad ir-rikors;
—
tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.
Id-dritt
17
Skont l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta din tal-aħħar manifestament ma jkollhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors jew meta tali rikors ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt, il-Qorti Ġenerali tista’, mingħajr ma tkompli bil-proċedura, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.
18
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li l-atti tal-proċess jipprovdulha informazzjoni suffiċjenti u, abbażi ta’ dan l-artikolu, tagħżel li tiddeċiedi mingħajr ma tiftaħ il-proċedura orali.
1. Fuq it-talbiet tar-rikorrenti intiżi sabiex il-Kummissjoni tingħata ordni
19
Permezz tat-tieni kap ta’ talbiet, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tordna lill-Kummissjoni tipproċedi b’investigazzjoni intiża li tikkonstata l-ksur allegat bil-għan li r-regolamenti u s-sanzjonijiet inkwistjoni jiġu annullati, sabiex tordna lill-FIGC, lill-CONI, lill-UEFA u lill-FIFA jikkumpensaw id-dannu mġarrab mill-Għaqda u li tiġi deċiża kull sanzjoni utli.
20
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni li toħroġ ordnijiet lill-istituzzjonijiet fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità li hija teżeriċta. Fil-fatt, skont l-Artikolu 233 KE, hija l-istituzzjoni li toħroġ l-att annullat li għandha tieħu l-miżuri li jinvolvu l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 1997, Tremblay et vs Il-Kummissjoni, T-224/95, Ġabra p. II-2215, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21
Minn dan isegwi li t-talbiet tar-rikorrenti sabiex tiġi indirizzata ordni lill-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament inammissibbli.
2. Fuq it-talbiet għal annullament
22
Għandu jiġi osservat, bħalma tinnota l-Kummissjoni, li r-rikors ma huwiex maqsum f’motivi għal annullament imressqa kontra d-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel parti “dwar il-fatti” (punti 1 sa 27 tar-rikors) hija segwita minn ċerti żviluppi li jikkonċernaw l-ipproċessar mill-Kummissjoni tal-ilment (punti 28 sa 42 tar-rikors), l-interess leġittimu tal-Għaqda (punti 43 sa 63 tar-rikors), l-ammissibbiltà tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali (punti 64 sa 72 tar-rikors) u n-natura ratione temporis tas-sanzjonijiet imposti fuq il-Juventus (punti 73 sa 76 tar-rikors). Sussegwentement, ir-rikors jinkludi, parti “dwar il-liġi”, iddettaljata ħafna, li tikkonċerna l-ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE mill-istanzi sportivi inkwistjoni u li tirrepeti l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fl-ilment tagħha kontra l-miżuri allegati kif ukoll ċerti preċiżazzjonijiet ippreżentati mill-Għaqda bħala tweġiba għall-ittra tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Awwissu 2008 (punti 77 sa 368 tar-rikors).
23
Fil-punti 371 sa 373 tar-rikors, ir-rikorrenti tiġbor fil-qosor l-oġġezzjonijiet tagħha kif ġej:
—
il-Kummissjoni ma kkunsidratx biżżejjed il-punti ta’ fatt u ta’ liġi esposti fl-ilment u, għalhekk, kisret il-kompitu tagħha li timplementa u li torjenta l-politika tal-kompetizzjoni u l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni;
—
madankollu, jirriżulta li l-miżuri li huma s-suġġett tal-ilment jiksru b’mod ċar l-Artikoli 81 KE u 82 KE.
24
Peress li r-rikorrenti essenzjalment irripproduċiet fir-rikors tagħha l-kliem tal-ilment tagħha, huwa diffiċli, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li jiġu identifikati l-motivi għal annullament imressqa kontra r-raġunament tal-Kummissjoni li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata.
25
Fuq il-bażi ta’ kif fehmet ir-rikors, il-Kummissjoni ħasbet li mir-risposta setgħet tiddeduċi l-eżistenza ta’ ħames motivi. Il-motivi hekk identifikati huma bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, it-tieni nett, fuq ksur tal-kunċett ta’ interess leġittimu fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1/2003, it-tielet nett, fuq ksur mill-Kummissjoni tal-kompitu tagħha li timplementa u li torjenta l-politika tal-kompetizzjoni, ir-raba’ nett, fuq ksur tal-kunċett ta’ interess Komunitarju għall-eżami ta’ lment u, il-ħames nett, fuq ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.
26
Fir-replika, ir-rikorrenti ma kkontestatx din l-interpretazzjoni tar-rikors u qasmet l-oġġezzjonijiet tagħha fuq il-bażi tal-motivi identifikati mill-Kummissjoni fir-risposta.
27
Fil-kontroreplika l-Kummissjoni aċċettat ukoll l-eżistenza ta’ motiv ġdid li kien tressaq mir-rikorrenti fir-replika, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
28
Għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Skont ġurisprudenza stabbilita, dawn l-elementi għandhom ikunu suffiċjentement ċari u preċiżi sabiex jippermettu li l-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni addizzjonali. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ li, sabiex rikors ikun ammissibbli, il-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan huwa bbażat, jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (digrieti tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T-85/92, Ġabra p. II-523, punt 20; tal-21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T-154/98, Ġabra p. II-1703, punt 49, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 1999, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, T-277/97, Ġabra p. II-1825, punt 29). Dawn ir-rekwiżiti huma wkoll meħtieġa meta oġġezzjoni hija invokata insostenn ta’ motiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni, T-209/01, Ġabra p. II-5527, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikors, minkejja n-nuqqasijiet manifesti tiegħu, jinkludi informazzjoni biżżejjed sabiex il-Kummissjoni setgħet tieħu pożizzjoni fuq il-mertu u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha.
30
Għalhekk, ir-rikors huwa ammissibbli inkwantu huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu eżaminati fuq il-bażi tal-motivi identifikati mill-Kummissjoni u li fir-rigward tagħhom il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li dawn essenzjalment jikkorrispondu għall-kontenut tar-rikors.
31
Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali ser teżamina r-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-kunċett ta’ interess Komunitarju. Fil-fatt, l-argumenti tar-rikorrenti li jistgħu jinġabru fil-kuntest ta’ dan il-motiv jidhru li huma l-iktar wesgħin. Barra minn hekk, ir-raba’ motiv jikkonċerna wieħed mill-pilastri li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ir-raġunament tagħha sabiex tiċħad l-ilment, bil-pilastru l-ieħor ikun in-nuqqas ta’ interess leġittimu tal-Għaqda (ara l-punti 7 sa 9 iktar ’il fuq).
32
Għandu jiġi osservat li kull wieħed minn dawn il-pilastri huwa, waħdu, biżżejjed sabiex fuqu tiġi bbażata ċ-ċaħda tal-ilment. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-kunċett ta’ interess Komunitarju, jiġi miċħud, l-analiżi tat-tieni motiv, dwar ksur mill-Kummissjoni tal-kunċett ta’ interess leġittimu, ma tkunx iktar meħtieġa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2006, SELEX Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni, T-155/04, Ġabra p. II-4797, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
Fuq ir-raba ’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-kunċett ta ’ interess Komunitarju
33
Skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tqiegħed fi gradi ta’ prijorità l-ilmenti mressqa quddiemha li jirrigwardaw il-ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, hija tista’ tistabbilixxi l-ordni li biha dawn l-ilmenti ser jiġu eżaminati u tirreferi għall-interess Komunitarju li hemm f’kawża bħala l-kriterju ta’ prijorità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1992, Automec vs Il-Kummissjoni, T-24/90, Ġabra p. II-2223, punti 83 sa 85).
34
Sabiex tevalwa l-interess Komunitarju li jitkompla l-eżami ta’ kawża, il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, tqiegħed f’bilanċ il-gravità tal-ksur allegat fuq il-funzjonament tas-suq komuni, il-probabbiltà li tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dan il-ksur u l-portata tal-miżuri ta’ investigazzjoni meħtieġa bil-ħsieb li tissodisfa, fl-aħjar kundizzjonijiet, il-kompitu tagħha ta’ sorveljanza tal-osservanza tal-Artikoli 81 KE u 82 KE (sentenza Automec vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 86).
35
Għalhekk, fil-każ li jiġi konkluż li qed jiġi effettwat il-kummerċ intra-Komunitarju, ilment li jirrigwarda l-ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE jiġi investigat mill-Kummissjoni biss jekk ikun jeżisti interess Komunitarju suffiċjenti. B’mod partikolari, dan jista’ jkun il-każ meta l-ksur allegat ikun jista’ joħloq funzjonament ħażin kunsiderevoli fis-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 2009, AEPI vs Il-Kummissjoni, C-425/07 P, Ġabra p. I-3205, punt 54).
36
L-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fuq l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni fl-ipproċessar tal-ilmenti ma għandux iwassalha sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-interess Komunitarju għal dik tal-Kummissjoni, iżda huwa intiż li jivverifika li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq fatti materjalment ineżatti u li ma hija vvizzjata minn ebda żball ta’ liġi jew żball manifest ta’ evlawazzjoni jew użu ħażin ta’ poter (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Frar 2001, SEP vs Il-Kummissjoni, T-115/99, Ġabra p. II-691, punt 34, u tas-26 ta’ Jannar 2005, Piau vs Il-Kummissjoni, T-193/02, Ġabra p. II-209, punt 81).
37
F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonkludiet, fuq il-bażi ta’ żewġ kunsiderazzjonijiet, li ma kienx hemm interess Komunitarju sabiex l-investigazzjoni titkompla.
38
Prinċipalment, il-Kummissjoni qieset, fil-punti 41 sa 49 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-aġir allegat ma kienx jeffettwa b’mod sinjifikattiv il-funzjonament tas-suq komuni, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, u dan għal erba’ raġunijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, minħabba l-portata ekonomika limitata tal-kawża u l-effett fuq numru limitat ta’ konsumaturi, it-tieni nett, minħabba li l-qrati nazzjonali kompetenti ġew aditi, it-tielet nett, minħabba l-portata ġeografika limitata tar-restrizzjonijiet preżunti u, ir-raba’ nett, minħabba t-tmiem tal-effetti tar-restrizzjonijiet allegati.
39
Sussidjarjament, il-Kummissjoni qieset, fil-punti 50 sa 56 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fi kwalunkwe każ, it-tkomplija tal-istruttorja kienet timponilha l-obbligu li tibda investigazzjoni ta’ daqs sproporzjonat fil-konfront tal-probabbiltà żgħira li tikkonstata ksur.
40
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, issostni li r-rikorrenti ma kkontestatx din it-tieni parti tar-raġunament tagħha, imressqa b’mod sussidjarju fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fehma tal-Kummissjoni, minn dan isegwi li, anki li kieku l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-ewwel parti tar-raġunament tagħha huma fondati, dan ma huwiex biżżejjed sabiex titqiegħed inkwistjoni l-konklużjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ interess Komunitarju fit-tkomplija tal-investigazzjoni. Għalhekk l-argumenti imressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tar-raba’ motiv huma ineffettivi.
41
Tali argument ma jistax jintlaqa’.
42
Fil-fatt, għalkemm ir-rikorrenti ma kkontestatx formalment il-fondatezza tal-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura sproporzjonata tal-investigazzjoni meta mqabbla mal-probabbiltà żgħira li jiġi stabbilit ksur, hija sostniet, fil-punt 373 tar-rikors, li l-miżuri li kienu s-suġġett tal-ilment kienu jiksru b’mod ċar l-Artikoli 81 KE u 82 KE. Fil-punt 146 tar-replika, ir-rikorrenti tisħaq li fl-ilment tagħha hija pprovdiet il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tiffaċilita kemm jista’ jkun xogħol il-Kummissjoni fl-investigazzjonijiet tagħha. Minn dan jirriżulta li r-rikors, b’mod partikolari fil-parti tiegħu “Dwar il-liġi” li tikkonċerna l-ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE mwettaq mill-istanzi sportivi inkwistjoni, jista’ jiġi interpretat bħala li huwa intiż li jikkontesta wkoll il-konklużjoni sussidjarja tal-Kummissjoni, li tinsab fil-punti 50 sa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-portata sproporzjonata tal-investigazzjoni meta mqabbla mal-probabbiltà żgħira li jiġi stabbilit ksur.
43
Wara li ġie stabbilit dan il-fatt, fl-ewwel lok għandu jiġi eżaminat jekk il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ effett sinjifikattiv fuq il-funzjonament tas-suq komuni, imressqa b’mod prinċipali fil-punti 41 sa 49 tad-deċiżjoni kkontestata, hijiex ibbażata fuq fatti materjalment ineżatti jew hijiex ivvizzjata minn żball ta’ liġi, minn żball manifest ta’ evalwazzjoni jew minn użu ħażin ta’ poter. Fil-każ li l-legalità ta’ tali konklużjoni ma tkun tqiegħdet inkwistjoni mir-rikorrenti, l-analiżi dwar il-konklużjoni sussidjarja tal-Kummissjoni, imsemmija fil-punti 50 sa 56 tad-deċiżjoni kkontestata, ma tkunx iktar meħtieġa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SELEX Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 47).
44
Qabel kollox, ir-rikorrenti tenfasizza, fil-punt 28 tar-rikors, li l-Kummissjoni kkonkludiet li la kien hemm interess Komunitarju u lanqas effett sinjifikattiv fuq il-funzjonament tas-suq komuni, u dan fuq il-bażi ta’ erba’ argumenti (ara l-punt 38 iktar ’il fuq), li tlieta minnhom — ibbażati, rispettivament, fuq il-portata ekonomika limitata tal-kawża, fuq il-fatt li l-qrati nazzjonali kompetenti ġew aditi u fuq it-tmiem tal-effetti tal-ksur allegat — huma nieqsa minn rilevanza għaliex ma jirrigwardawx il-problema marbuta mal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.
45
Sussegwentement, ir-rikorrenti tressaq, b’mod frammentat u iżolat, diversi argumenti fir-rikors li jistgħu jitqiesu bħala li huma intiżi li jikkontestaw ir-raġunament tal-Kummisjoni dwar in-nuqqas ta’ effett sinjifikattiv fuq il-funzjonament tas-suq. Dawn l-argumenti jirrigwardaw, l-ewwel nett, il-portata internazzjonali tal-kawża, it-tieni nett, il-persistenza tal-effetti tal-ksur allegat, it-tielet nett, l-insuffiċjenza tar-rimedji legali nazzjonali u, ir-raba’ nett, il-portata ekonomika tal-kawża.
Fuq il-portata internazzjonali tal-kawża
46
Qabel kollox, għandhom jinġabru l-argumenti tar-rikorrenti li jistgħu jkunu marbuta mal-portata ġeografika tal-ksur allegat.
47
Fil-parti tar-rikors intitolat “Dwar il-liġi: ksur tal-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE]”, ir-rikorrenti tinsisti, fil-punti 123 sa 138 tar-rikors, fuq in-natura internazzjonali tal-kawża u ssostni li l-miżuri allegati ma jaħarbux il-projbizzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, għaliex dawn jeffettwaw b’mod sinjifikattiv is-suq peress li għandhom impatt fuq it-territorju kollu Taljan (effett ta’ kompartimentalizzazzjoni fil-livell Taljan) u jirrestrinġu l-libertà kompetittiva fuq il-livell Ewropew (impossibbiltà għall-Juventus li tipparteċipa fiċ-Champions League minħabba r-rabtiet li jeżistu bejn il-FIGC, il-CONI, il-UEFA u l-FIFA).
48
Ir-rikorrenti ssostni wkoll, fil-punti 144 sa 158 tar-rikors, li l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni li hija kienet allegat quddiem il-Kummissjoni jeffettwaw b’mod kunsiderevoli l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Dan jgħodd ukoll fir-rigward tal-argumenti li hija kienet ressqet quddiem il-Kummissjoni dwar il-ksur tal-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56 KE. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tispjega, fil-punti 159 sa 171 tar-rikors, li s-sanzjonijiet imposti fuq il-Juventus illimitaw l-investimenti tal-klabb, tal-azzjonisti tagħha u tal-persuni li xtaqu jixtru sehem mill-kapital tal-klabb, fatt li jeffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri” fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE għandu jinftiehem bħala li jiġbor l-entitajiet kollha li jistgħu jipperikolaw it-twettiq tal-għanijiet tat-Trattat, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk humiex ta’ natura li jirrestrinġu l-kummerċ bejn l-Istati Membri.
49
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li r-rikorrenti tagħmel konfużjoni manifesta bejn il-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE u l-kunċett ta’ funzjonament ħażin sinjifikattiv tas-suq. Madankollu, dawn huma kunċetti tassew differenti li huma ddefiniti b’mod ċar mill-ġurisprudenza (sentenza AEPI vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 49).
50
Fil-fatt, il-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, li jirreferi għalih ir-rikorrenti, huwa kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE. Mingħajr effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx (ara s-sentenza AEPI vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punti 50 u 51, u l-ġurisprudenza ċċitata).
51
Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ funzjonament ħażin kunsiderevoli tas-suq, li rriferiet għalih il-Kummissjoni meta enfasizzat in-nuqqas ta’ effett sinjifikattiv fuq il-funzjonament tas-suq komuni fil-punti 41 sa 49 tad-deċiżjoni kkontestata, jidħol fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tippermettilha tinjora l-eżami ta’ lment. Fil-fatt, dan il-kunċett jikkostitwixxi wieħed mill-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess Komunitarju suffiċjenti sabiex jingħata bidu għal investigazzjoni ta’ lment min-naħa tal-Kummissjoni. F’dan il-kuntest, din tal-aħħar hija marbuta li tevalwa, f’kull każ inkwistjoni, il-gravità tal-allegat ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni u l-persistenza tal-effett ta’ dan il-ksur. B’mod partikolari, dan l-obbligu jimplika li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-tul u l-gravità tal-ksur allegat, kif ukoll l-impatt tiegħu fuq is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fl-Unjoni (ara s-sentenza AEPI vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punti 52 u 53, u l-ġurisprudenza ċċitata).
52
Kif tfakkar fil-punt 35 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tista’ ġustament tinjora l-eżami ta’ lment meta ma jkunx hemm funzjonamenti ħżiena sinjifikattivi tas-suq komuni, anki jekk l-aġir allegat jeffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE (sentenza AEPI vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 54).
53
L-argumenti tar-rikorrenti intiżi li juru effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri huma għalhekk ineffettivi.
54
Fl-aħħar nett, anki fil-każ fejn ċerti oġġezzjonijiet tar-rikorrenti jistgħu jiġu interpretati bħala li huma intiżi li jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ funzjonament ħażin tas-suq, quod non, ebda element imressaq mir-rikorrenti ma jista’ jqiegħed inkwistjoni l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt.
55
Fil-fatt, kif tosserva l-Kummissjoni fil-punti 43 u 47 tad-deċiżjoni kkontestata, l-impatt tas-sanzjoni imposta fuq il-Juventus fuq l-istruttura kompetittiva tas-suq tal-futbol ma għandux portata sinjifikattiva: il-klabb kompla jilgħab fis-Serje B u reġa’ kiseb il-parteċipazzjoni tiegħu fis-Serja A tal-kampjonat Taljan sena biss wara li ġie ssanzjonat u fiċ-Champions League sentejn wara din l-istess sanzjoni. Klabb ieħor Taljan seta’ jipparteċipa fiċ-Champions League, sabiex jirrappreżenta lill-Italja matul l-istaġuni 2006/2007 u 2007/2008. L-argumenti tar-rikorrenti dwar, minn naħa waħda, l-eventwali impatt fuq il-prezzijiet mitluba mill-klabbs tal-futbol minħabba s-sanzjonijiet imposti fuq il-Juventus u, min-naħa l-oħra, allegat riskju ta’ ftehim taċitu tal-klabbs il-kbar tal-Ewropa wara r-retroċessjoni fis-Serje B tal-Juventus ma ġew bl-ebda mod issostanzjati u għalhekk ma jqegħdux inkwistjoni l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-miżuri inkwistjoni ma kellhomx impatt sinjifikattiv fuq il-funzjonament tas-suq komuni.
56
Għaldaqstant l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-portata internazzjonali tal-kawża għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi, u, fi kwalunkwe każ, bħala manifestament infondati fid-dritt.
Fuq it-tmiem tal-effetti tal-allegati restrizzjonijiet
57
Ir-rikorrenti tikkontesta, b’mod partikolari fil-punti 73 sa 76 tar-rikors, il-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fil-punt 48 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar in-nuqqas ta’ interess Komunitarju għat-tkomplija tal-investigazzjoni minħabba t-tmiem tal-effetti tal-allegati restrizzjonijiet.
58
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
59
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni tista’ leġittimament tiddeċiedi, bil-kundizzjoni li timmotiva tali deċiżjoni, li ma tkomplix tikkunsidra lment li jallega prattiki li sussegwentement ġew fi tmiemhom (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-16 ta’ Settembru 1998, IECC vs Il-Kummissjoni, T-133/95 u T-204/95, Ġabra p. II-3645, punt 146). Madankollu, jekk il-Kummissjoni tixtieq tibbaża r-raġunament tagħha fuq il-fatt li l-aġir ġie fi tmiemu, hija għandha tivverifika jekk l-effetti antikompetittivi ppersistewx u tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur fl-evalwazzjoni tal-interess Komunitarju għat-tkomplija tal-ilment (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, UFEX et vs Il-Kummissjoni, T-60/05, Ġabra p. II-3397, punt 74). Jekk hija tirrispetta dawn l-obbligi, hija tista’ tiċħad l-ilment anki jekk il-ksur idum u jkun ta’ gravità kbira, bil-kundizzjoni li hija ma tibbażax ruħha fuq fatti materjalment ineżatti u ma twettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni (sentenza UFEX et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 140).
60
Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, huwa manifestament żbaljat li r-rikorrenti tiddikjara li t-tul tal-ksur allegat u l-persistenza tal-effetti tagħha ma humiex fatturi rilevanti sabiex jiġi evalwat l-interess Komunitarju għat-tkomplija tal-investigazzjoni.
61
Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li Juventus kisbet postha fis-Serje A tal-kampjonat Taljan u fiċ-Champions League fi żmien qasir, ir-rikorrenti ma ressqet ebda element li jippermetti li jinftiehem kif l-effetti antikompetittivi tal-ksur allegat ippersistew. Ir-rikorrenti lanqas ma turi kif il-konsegwenzi finanzjarji sostnuti mill-Juventus setgħu jinfluwenzaw fit-tul il-prezzijiet mitluba minn dan il-klabb u mill-klabbs ikkonċernati.
62
Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-possibbiltà teoretika li l-istanzi sportivi jirrepetu fil-ġejjieni l-aġir ikkontestat ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-effetti tal-miżuri allegati f’din il-kawża jippersistu.
63
Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament setgħet tikkonkludi li ma hemmx interess Komunitarju minħabba, b’mod partikolari, it-tmiem tal-effetti tal-ksur allegat.
64
Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament infondati fid-dritt.
Fuq il-possibbiltà li jiġu aditi l-qrati nazzjonali
65
Ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-punti 45 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-ilment seta’ jiġi miċħud b’mod partikolari minħabba l-possibbiltà li jiġu aditi l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali.
66
Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
67
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-fatt li qorti nazzjonali jew awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni hija diġà adita bil-kwistjoni tal-konformità ta’ ftehim jew prattika mal-Artikoli 81 KE u 82 KE huwa element li jista’ jiġi kkunsidrat mill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-interess Komunitarju tal-kawża (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Jannar 1995, Tremblay et vs Il-Kummissjoni, T-5/93, Ġabra p. II-185, punt 62, u tat-3 ta’ Lulju 2007, Au Lys de France vs Il-Kummissjoni, T-458/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 72).
68
Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, meta l-effetti tal-ksur allegat f’ilment jinħassu essenzjalment biss fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss u li kawżi marbuta ma’ dan il-ksur ikunu tressqu mil-lanjant quddiem il-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha dritt tiċħad l-ilment fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ interess Komunitarju, bil-kundizzjoni madankollu li d-drittijiet tal-lanjant ikunu jistgħu jiġu mħarsa b’mod sodisfaċenti mill-istanzi nazzjonali, fatt li jippreżumi li dawn huma f’pożizzjoni li jiġbru l-punti ta’ fatt sabiex jiddeterminaw jekk il-prattiki inkwistjoni jikkostitwixxux ksur (sentenzi Automec vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punti 89 sa 96, u Au Lys de Francevs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar ’il fuq, punt 83).
69
F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-impatt fuq il-livell Ewropew tal-miżuri allegati ma għandux, kif indikat fil-punt 55 iktar ’il fuq, gravità sinjifikattiva għaliex iċ-ċentru ta’ gravità tal-kawża jinsab fl-Italja.
70
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda ħjiel dwar kif ir-rimedji legali offruti mid-dritt Taljan ma jippermettux li jiġu mħarsa b’mod sodisfaċenti d-drittijiet tagħha. Għall-kuntrarju, mill-proċess jirriżulta li l-Għaqda, minn naħa, sosntiet lill-Juventus fil-kuntest tar-rikors tagħha ppreżentat quddiem it-TAR kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Federali tal-FIGC tal-25 ta’ Lulju 2006 u, min-naħa l-oħra, ippreżentat hija stess rikors quddiem it-TAR kontra d-deċiżjoni tal-Kamra ta’ Konċiljazjoni u Arbitraġġ tal-CONI tas-27 ta’ Ottubru 2006. Il-fatt li t-TAR kienet iddikjarat li l-intervent kien mingħajr skop, wara li l-Juventus irtirat ir-rikors tagħha, u l-fatt li abbażi tad-dritt nazzjonali r-rikors tal-Għaqda ġie ddikjarat inammissibbli ma jqegħdux inkwistjoni l-possibbiltà li għandha r-rikorrenti li tadixxi l-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Au Lys de France vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar ’il fuq, punt 86). Barra minn hekk, l-Għaqda setgħet tadixxi l-awtorità tal-kompetizzjoni Taljana, possibbiltà li f’din il-kawża ma għamlitx użu minnha.
71
Fir-rigward tal-allegati pressjonijiet imġarrba mill-Juventus sabiex ma teżerċitax id-drittijiet ta’ rimedju tagħha quddiem il-qrati nazzjonali, għandu jiġi kkonstatat, kif tirrikonoxxi r-rikorrenti stess fil-punti 13 u 364 tar-rikors, li l-Juventus fl-ebda mument ma ġiet imċaħħda mir-rimedji legali li hija kellha fil-livell nazzjonali sabiex tikkontesta d-deċiżjonijiet meħuda mill-korpi ta’ appell tal-istanzi sportivi.
72
Fl-aħħar nett, l-argumenti tar-rikorrenti li jipprovdu li l-qrati Taljani ma kinux f’pożizzjoni li jiġbru l-punti fattwali sabiex jiddeterminaw jekk il-prattiki inkwistjoni kinux jikkostitwixxu ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE ma huma bl-ebda mod issostanzjati. Fil-fatt, il-fatt li r-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni aħjar sabiex tipproċessa l-ilment tagħha jirrifletti biss fehma suġġettiva, li ma tistax iġġiegħel lil din l-istituzzjoni tkompli l-eżami ta’ lment bħallikieku dan kien jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tagħha.
73
Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta qieset li l-fatt li l-qrati nazzjonali jiġu aditi kien fattur rilevanti sabiex l-ilment jiġi miċħud.
74
Għaldaqstant l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament infondati fid-dritt.
Fuq il-portata ekonomika limitata tal-kawża
75
Ir-rikorrenti tikkontesta, b’mod partikolari fil-punti 139 sa 143 u 150 sa 157 tar-rikors, il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni fformulat, fil-punti 42 sa 44 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-portata ekonomika limitata tal-kawża.
76
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-elementi f’ċifri pprovduti mir-rikorrenti fil-punti 151 tar-rikors, dwar id-danni ekonomiċi mġarrba mill-Juventus, ma ġewx ippreżentati lill-Kummissjoni qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat abbażi tal-Artikolu 230 KE, il-legalità ta’ att għandha tiġi evalwata skont l-informazzjoni li kellu l-awtur tiegħu fid-data li fiha l-imsemmi att ġie adottat (ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Marzu 2009, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T-424/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 169). Kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-elementi f’ċifri pprovduti mir-rikorrenti għandhom għalhekk jiġu ddikjarati bħala manifestament inammissibbli.
77
Bħala risposta għall-inammissibbiltà ta’ dawn l-elementi, li l-Kummissjoni qajmet fir-risposta tagħha, ir-rikorrenti sostniet, fl-istadju tar-replika, li dawn l-elementi kienu diġà ssemmew fil-qosor fl-ilment tagħha u li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sa fejn hija qatt ma kienet talbet lill-Għaqda għal iktar informazzjoni f’dan ir-rigward u, b’mod ġenerali, fuq l-elementi fl-ilment tagħha li ġew deskritti bħala insuffiċjenti fid-deċiżjoni kkontestata.
78
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.
79
Issa, għandu jiġi kkonstatat, bħalma ssostni l-Kummissjoni, li l-argument imressaq mir-rikorrenti, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, jikkostitwixxi motiv ġdid fis-sens ta’ dan l-artikolu u għandu għalhekk jiġi ddikjarat inammissibbli.
80
Fil-fatt, l-argument tar-rikorrenti ma tressaqx fl-istadju tar-rikors u ma huwiex marbut mal-motivi identifikati mill-Kummissjoni. Kif ser jiġi indikat fil-punti 100 sa 106 iktar ’il quddiem, ir-rikorrenti essenzjalment illimitat ruħha, fil-kuntest tat-tielet motiv imressaq fir-rikors, li tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt u ta’ liġi mressqa fl-ilment. Madankollu, ir-rikors ma jinkludi l-ebda kritika dwar id-domandi li l-Kummissjoni kellha tibgħat lill-Għaqda b’mod partikolari dwar l-impatt ekonomiku tas-sanzjonijiet fuq il-Juventus.
81
Fi kwalunkwe każ, għalkemm l-argumenti tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jistgħu jiġu ddikjarati bħala ammissibbli, quod non, il-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment fil-qasam tal-kompetizzjoni, ma tistax tiġi akkużata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni element li ma tressaqx quddiemha mil-lanjant u li setgħet issir taf dwaru biss jekk tibda investigazzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Marzu 2003, FENIN vs Il-Kummissjoni, T-319/99, Ġabra p. II-357, punt 43). Fil-fatt, peress li l-uniku obbligu tal-Kummissjoni huwa li teżamina l-punti ta’ fatt u ta’ liġi miġjuba quddiemha mil-lanjant, din l-istituzzjoni ma għandhiex, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, tistabbilixxi li hija ħadet miżuri istruttorji (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Mejju 2010, EMC Development vs Il-Kummissjoni, T-432/05, Ġabra p. II-1629, punti 58 u 59).
82
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li t-telf ekonomiku allegatament imġarrab mill-uniku operatur sanzjonat ma jippermettix li jiġi awtomatikament konkluż li hemm effett sinjifikattiv fuq il-funzjonament tas-suq u li hemm bżonn li l-Kummissjoni tuża r-riżorsi limitati tagħha għall-allegat ksur.
83
F’dan il-każ, il-Kummissjoni osservat, fil-punt 43 tad-deċiżjoni kkontestata u mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li kull sena tnejn-u-tletin klabb jipparteċipaw fiċ-Champions League u li klabb ieħor Taljan kien seta’ jipparteċipa fl-imsemmija kompetizzjoni minflok il-Juventus. Il-Juventus setgħet terġa’ tikkompeti kontra timijiet Ewropej oħra fl-istaġun 2008/2009. Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi, fil-punt 44 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kawża kellha portata limitata u li ma kienx hemm interess Komunitarju suffiċjenti sabiex tkompli investigazzjonijiet fid-dettall.
84
Kif indikat fil-punt 55 iktar ’il fuq, dawn il-konstatazzjonijiet konkreti ma jistgħux jitqiegħdu f’dubju bid-dikjarazzjonijiet ġenerali u mhux issostanzjati tar-rikorrenti dwar, minn naħa, l-allegat ksur fil-konfront tal-funzjonament globali tas-suq tal-futbol u, min-naħa l-oħra, l-eventwali impatt fuq il-prezzijiet mitluba mill-klabbs tal-futbol u l-allegat riskju ta’ ftehim taċitu bejn il-klabbs il-kbar.
85
Minn dan jirriżulta li l-oġġezzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-portata ekonomika tal-kawża għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment manifestament inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala manifestament infondati fid-dritt.
86
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi li ma hemmx effett sinjifikattiv fuq il-funzjonament tas-suq u għalhekk tiċħad l-ilment.
87
Peress li l-legalità ta’ din il-konklużjoni, imressqa b’mod prinċipali mill-Kummissjoni, ma tqegħditx inkwistjoni mir-rikorrenti, ma għadx hemm lok, kif indikat fil-punt 43 iktar ’il fuq, li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni inġustament ikkonkludietx, b’mod sussidjarju, li t-tkomplija tal-istruttorja tal-ilment kienet, fi kwalunkwe każ, ser timponi fuqha l-obbligu li tibda investigazzjoni li l-importanza tagħha kienet tidher li ser tkun sproporzjonata fil-konfront tal-probabbiltà żgħira li jiġi kkonstat ksur.
88
Għalhekk, ir-raba’ motiv essenzjalment imressaq mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv, parzjalment manifestament inammissibbli u, parzjalment manifestament infondat fid-dritt.
89
Peress li l-Kummissjoni setgħet validament tiċħad l-ilment fin-nuqqas ta’ interess Komunitarju li tkompli l-investigazzjoni, ma għadx hemm bżonn, kif imsemmi fil-punt 32 iktar ’il fuq, li jiġi eżaminat it-tieni motiv identifikat mill-Kummissjoni li huwa bbażat fuq ksur tal-kunċett ta’ interess leġittimu.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta ’ motivazzjoni
90
Ir-rikorrenti ssostni, fil-punti 38 sa 42 u 372 tar-rikors, li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata b’mod sommarju u li bl-ebda mod ma tirreferi għall-punti ta’ fatt u ta’ liġi li hija kienet invokat matul il-proċedura amministrattiva. Skont ir-rikorrenti, l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni ma tippermettix lill-partijiet jew lill-qorti jifhmu kif il-Kummissjoni applikat id-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni f’dan il-każ.
91
Fir-replika, ir-rikorrenti tippreċiża li l-Kummissjoni jmissha spjegat ir-raġunament legali u fattwali li wassalha sabiex tqis li l-impatt tal-ksur allegat fuq il-kummerċ tal-Istati Membri ma kienx biżżejjed, għaliex tali analiżi hija preliminarjament meħtieġa fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-qasam taċ-ċaħda tal-ilmenti. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma weġbitx għall-argument tagħha li jipprovdi li d-deċiżjonijiet tal-istanzi sportivi jeċċedu l-fruntieri Taljani u jdumu fiż-żmien. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma spejgatx kif il-kompitu tagħha kien daqshekk sproporzjonat meta mqabbel mas-sitwazzjoni kontenzjuża.
92
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
93
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandha tippermetti, minn naħa, li d-destinatarju tagħha jkun jaf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata sabiex ikun jista’, jekk ikun il-każ, isostni d-drittijiet tiegħu u jivverifika jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza Au Lys de France vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar ’il fuq, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).
94
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata, fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati minnha sabiex tiżgura l-applikazzjoni tar-regola ta’ kompetizzjoni, li tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha li l-partijiet ikkonċernati jinvokaw insostenn tat-talba tagħhom, iżda huwa biżżejjed li hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T-387/94, Ġabra p. II-961, punt 104, u tas-17 ta’ Lulju 1998, ITT Promedia vs Il-Kummissjoni, T-111/96, Ġabra p. II-2937, punt 131).
95
Qabel kollox, fir-rigward tal-oġġezzjoni tar-rikorrenti li l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jippermettux li jinftiehem kif din tal-aħħar applikat id-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġie indikat fil-punti 7 sa 9 u 51 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma ddeċidietx fid-deċiżjoni kkontestata fuq il-ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, iżda sempliċement, skont il-ġurisprudenza, ċaħdet l-ilment wara li, b’mod partikolari, iġġustifikat b’mod motivat in-nuqqas ta’ funzjonament ħażin sinjifikattiv tas-suq. L-argumenti mressqa mir-rikorrenti dwar l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt jipprovaw fil-verità jikkontestaw in-nuqqas ta’ teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar l-allegat ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE mwettaq mill-istanzi sportivi inkwistjoni.
96
Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni ċaħdet l-ilment, prinċipalment minħabba nuqqas ta’ interess leġittimu tar-rikorrenti u sussidjarjament minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju.
97
Fir-rigward b’mod partikolari tan-nuqqas ta’ interess Komunitarju, il-Kummissjoni spjegat b’mod dettaljat ir-raġunijiet li wassluha sabiex tqis li l-impatt eventwali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri ma kienx suffiċjenti u li l-effetti tal-allegat ksur kienu ġew fi tmiemhom. L-argumenti tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-argumenti tagħha f’dan ir-rigward huma fil-verità intiżi li jikkontestaw il-fondatezza tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fuq dan il-punt.
98
Fir-rigward tan-natura sproporzjonata tal-investigazzjoni meta mqabbla mal-probabbiltà li jiġi stabbilit ksur, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni spejgat ir-raġunament tagħha b’mod ċar u ddettaljat fil-punti 50 sa 56 tad-deċiżjoni kkontestata.
99
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li l-ewwel motiv tar-rikorrenti jiġi miċħud bħala manifestament infondat fid-dritt.
Fuq it-tielet motiv, dwar il-ksur mill-Kummissjoni tal-kompitu tagħha li timplementa u torjenta l-politika tal-kompetizzjoni
100
Ir-rikorrenti ssostni, b’mod partikolari fil-punti 370 sa 372 tar-rikors, li l-Kummissjoni kisret il-kompitu ġenerali tagħha li timplementa u torjenta l-politika ta’ kompetizzjoni billi nħbiet wara argumenti proċedurali sabiex taħrab mill-obbligu prinċipali tagħha, li huwa dak li tiżgura l-implementazzjoni tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, u billi ma kkunsidratx biżżejjed il-punti ta’ fatt u ta’ liġi esposti fl-ilment.
101
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tibda proċeduri intiżi li jistabbilixxu ksur eventwali tad-dritt Komunitarju u li, fost id-drittijiet mogħtija lill-persuni li jilmentaw, ma hemmx id-dritt li tinkiseb deċiżjoni definittiva dwar l-eżistenza jew le tal-allegat ksur (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Haladjian Frères vs Il-Kummissjoni, T-204/03, Ġabra p. II-3779, punt 27).
102
Madankollu, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li teżamina bir-reqqa l-punti ta’ fatt u ta’ liġi miġjuba għall-għarfien tagħha mil-lanjant (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Automec vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Diċembru 1999, Micro Leader vs Il-Kummissjoni, T-198/98, Ġabra p. II-3989, punt 27).
103
F’dan il-każ, mill-iskambji varji li kien hemm bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jirriżulta li din tal-aħħar eżaminat bir-reqqa l-punti varji ta’ fatt u ta’ liġi miġjuba għall-għarfien tagħha mill-Għaqda. Ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li hija kellha diversi kuntatti mad-dipartimenti tal-Kummissjoni u li dawn tal-aħħar bagħtulha talbiet għal informazzjoni addizzjonali dwar, b’mod partikolari, l-interess leġittimu tagħha li tippreżenta lment (ara l-punt 5 iktar ’il fuq). Huwa biss wara li rċeviet l-preċiżazzjonijiet u l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Għaqda fit-tweġiba għall-ittra mibgħuta abbażi tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 773/2004 li l-Kummissjoni ċaħdet l-ilment (ara punti 6 u 7 iktar ’il fuq).
104
Fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jinsabu fl-ilment, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet eżami xieraq tagħhom u li ma tistax tiġi akkużata bi ksur tal-kompitu tagħha li timplementa u torjenta l-politika tal-kompetizzjoni.
105
Fl-aħħar nett, l-oġġezzjonijiet tar-rikorrenti li ebda wieħed mill-argumenti tagħha ma ġew ikkontestati jew analizzati mill-Kummissjoni huma fil-verità intiżi li jikkontestaw in-nuqqas ta’ teħid ta’ pożizzjoni ta’ din tal-aħħar fir-rigward tal-prattiki allegati.
106
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat fid-dritt.
Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u 82 KE
107
Kif indikat fil-punt 22 iktar ’il fuq, ir-rikors jinkudi parti “Dwar il-liġi” li hija ddettaljata ħafna u li tikkonċerna l-ksur tal-Artikolu 81 KE u 82 KE u li essenzjalment terġa’ ssemmi l-argumenti mressqa fl-ilment fil-konfront tal-miżuri allegati u fir-risposta tal-Għaqda għall-ittra tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Awwissu 2008.
108
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma ddeċidietx dwar l-allegat ksur tal-Artikolu 81 KE u 82 KE mwettaq mill-istanzi sportivi inkwistjoni, iżda sempliċement ċaħdet l-ilment għaliex, minn naħa, ir-rikorrenti ma kellhiex interess leġittimu (ara punt 8 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, ma kienx hemm interess Komunitarju suffiċjenti biex titkompla l-investigazzjoni (ara punt 9 iktar ’il fuq). Għalhekk, l-argumenti li r-rikorrenti tislet mill-ksur tal-Artikolu 81 KE u 82 KE huma ineffettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Au Lys de France vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar ’il fuq, punt 104).
109
Madankollu, kif imsemmi fil-punt 42 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi eskluż li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti huma intiżi wkoll li jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li d-daqs tal-investigazzjoni meħtieġa kien sproporzjonat meta mqabbel mal-probabbiltà żgħira li jiġi kkonstatat ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE (punti 50 sa 56 tad-deċiżjoni kkontestata).
110
L-analiżi tal-argumenti tar-rikorrenti ma għadhiex madankollu meħtieġa għaliex kif indikat fil-punti 86 u 87 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ġustament setgħet tiċħad l-ilment fin-nuqqas ta’ effett sinjifikattiv fuq il-funzjonament tas-suq (punti 41 sa 49 tad-deċiżjoni kkontestata).
111
Għaldaqstant, minn dan isegwi li l-ħames motiv ma jista’ fl-ebda każ jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.
112
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, peress li l-motivi essenzjalment mressqa mir-rikorrenti huma parzjalment ineffettivi, parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondati fid-dritt.
Fuq l-ispejjeż
113
Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.
114
Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li parti intervenjenti tbati l-ispejjeż tagħha.
115
Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li jiġi deċiż li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.
116
Skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)
tordna:
1)
Ir-rikors huwa miċħud.
2)
L-Associazione “Giùlemanidallajuve” hija kkundannata għall-ħlas tal-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.
3)
Il-Fédération internationale de football association (FIFA) għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Il-Lussemburgu, id-19 ta’ Marzu 2012.
E. Coulon
Reġistratur
I. Pelikánová
President
Werrej
Il-fatti li wasslu għall-kawża
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
Id-dritt
1. Fuq it-talbiet tar-rikorrenti intiżi sabiex il-Kummissjoni tingħata ordni
2. Fuq it-talbiet għal annullament
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-kunċett ta’ interess Komunitarju
Fuq il-portata internazzjonali tal-kawża
Fuq it-tmiem tal-effetti tal-allegati restrizzjonijiet
Fuq il-possibbiltà li jiġu aditi l-qrati nazzjonali
Fuq il-portata ekonomika limitata tal-kawża
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni
Fuq it-tielet motiv, dwar il-ksur mill-Kummissjoni tal-kompitu tagħha li timplementa u torjenta l-politika tal-kompetizzjoni
Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u 82 KE
Fuq l-ispejjeż
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Top