DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)
9 ta’ Novembru 2016 *
“Rikors għal annullament — Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2069 — Approvazzjoni tas-sustanza bażika idroġenu karbonat tas-sodju — Nuqqas ta’ interess dirett — Inammissibbiltà”
Fil-Kawża T‑746/15,
Biofa AG, stabbilita f’Münsingen (il-Ġermanja), irrappreżentata inizjalment minn C. Stallberg u S. Knoblich, sussegwentement minn Stallberg, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Ondrůšek, G. von Rintelen u F. Moro, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2069, tas-17 ta’ Novembru 2015, li japprova s-sustanza bażika idroġenu karbonat tas-sodju, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU 2015, L 301, p. 42),
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),
komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn S. Gervasoni, li qed jaġixxi bħala President, L. Madise u Z. Csehi (relatur), imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
tagħti l-preżenti
Digriet
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1
Ir-rikorrenti, Biofa AG, hija kumpannija li tipproduċi u tikkummerċjalizza prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u hija detentriċi ta’ awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott fungiċida abbażi ta’ idroġenu karbonat tal-potassju, il-VitiSan.
2
L-idroġenu karbonat tal-potassju hija “sustanza attiva” imniżżla fl-anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011, tal-25 ta’ Mejju 2011, li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU 2011, L 153, p. 1).
3
Fuq talba tal-aġenzija Daniża għall-protezzjoni tal-ambjent, fis-17 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) 2015/2069, li japprova s-sustanza bażika idroġenu karbonat tas-sodju, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU 2015, L 301, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).
4
Wara li rċeviet ir-rapport tekniku tal-Awtorità Ewropea għas-sigurtà tal-ikel (EFSA) fuq is-sustanza inkwistjoni, bis-saħħa tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni approvat l-idroġenu karbonat tas-sodju bħala “sustanza bażika” fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1).
5
L-idroġenu karbonat tas-sodju huwa disponibbli fis-suq bħala addittiv tal-ikel fis-sens tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1130/2011, tal-11 ta’ Novembru 2011, li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-addittivi tal-ikel billi jistabbilixxi lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel, l-aromatizzanti u n-nutrijenti tal-ikel (ĠU 2011, L 295, p. 178). L-approvazzjoni ta’ din is-sustanza bħala “sustanza bażika” tippermetti għalhekk li dan il-prodott, li huwa komunament użat għall-finijiet l-iktar varji, ikun jista’ jintuża wkoll għall-finijiet ta’ protezzjoni tal-pjanti.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
6
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrenti bdiet din l-azzjoni.
7
Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji. Din it-talba ġiet miċħuda bid-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Jannar 2016 u l-ispejjeż ġew irriżervati.
8
Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din l-eċċezzjoni fil‑31 ta’ Marzu 2016.
9
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ April 2016, ir-Renju tad-Danimarka talab sabiex jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.
10
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla r-regolament ikkontestat;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
11
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara r-rikors inammissibbli;
—
tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
12
Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli;
—
sussidjarjament, tgħaqqad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mal-mertu.
Id-dritt
Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors
13
Skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-konvenut jitlob dan, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess u tiddeċiedi li tagħti deċiżjoni mingħajr ma tgħaqqad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mal-mertu.
14
Il-Kummissjoni tqajjem żewġ eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà, l-ewwel waħda, ibbażata fuq nuqqas ta’ interess dirett tar-rikorrenti u, it-tieni waħda, fuq nuqqas ta’ interess ġuridiku.
15
L-ewwel nett għandha tiġi eżaminata l-ewwel eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni.
16
Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafi, tippreżenta rikors kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni.
17
F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-regolament ikkontestat ma kienx indirizzat lir-rikorrenti, li għaldaqstant mhijiex destinatarja ta’ dan l-att. Għalhekk, ir-rikorrenti tista’ tagħmel rikors għal annullament tar-regolament imsemmi biss sakemm, minn naħa, hija tkun direttament affettwata minnu u, min-naħa l-oħra, jekk tkun individwalment ikkonċernata fis-sens tat-tieni każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u sakemm l-att ikkontestat jikkostitwixxi att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tat-tielet każ li jissemma f’din id-dispożizzjoni.
18
Ir-rikorrenti ssostni li hija direttament effetwata mir-regolament ikkontestat, abbażi ta’ żewġ argumenti, l-ewwel wieħed fuq il-bażi tal-Artikolu 59(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 u t-tieni wieħed, fuq il-bażi tal-impatt ekonomiku tar-regolament ikkontestat fuq is-sitwazzjoni tagħha fis-suq.
19
Bis-saħħa tal-ewwel argument, ir-rikorrenti ssostni li, fir-rapport tekniku li l-EFSA pprovdiet lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-idroġenu karbonat tas-sodju bħala sustanza bażika, l-awtorità imsemmija użat, mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha, ir-riżultati tal-istudji li hija kienet ippreżentat għall-approvazzjoni tal-idroġenu karbonat tal-potassju bħala sustanza attiva. Iktar preċiżament, fir-rapport tekniku inkwistjoni, l-EFSA eskludiet li l-idroġenu karbonat tas-sodju jista’ jkollu effetti negattivi fuq in-naħal tal-għasel, minħabba l-fatt li dawn l-effetti kienu ġew esklużi għall-idroġenu karbonat tal-potassju, fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni dwar il-VitiSan kif ukoll ta’ prodott ieħor.
20
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 59(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi b’mod partikolari li r-rapporti ta’ testijiet u ta’ studji, li jirrigwardaw sustanza attiva rreġistrata b’konformità mar-regolament imsemmi, jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-data f’ċerti kundizzjonijiet li, f’dan il-każ, huma ssodisfatti. B’mod partikolari, hija tfakkar li din id-dispożizzjoni tippreċiża li, meta rapport huwa protett, l-Istat Membru li rċevieh ma jistax jużah fl-interess ta’ applikanti oħra għal awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, ħlief f’ċerti sitwazzjonijiet imsemmija fir-regolament inkwistjoni u li ma japplikawx għal dan il-każ.
21
L-ewwel nett, skont ir-rikorrenti, din id-dispożizzjoni tagħtiha dritt suġġettiv li nkiser mill-Kummissjoni sa fejn, fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-idroġenu karbonat tas-sodju bħala sustanza bażika, il-Kummissjoni użat data tar-rikorrenti relatata mal-approvazzjoni tal-idroġenu karbonat tal-potassju bħala sustanza attiva, mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha u qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxar snin protezzjoni applikabbli għal din id-data.
22
It-tieni nett, skont ir-rikorrenti, il-fatt li l-formulazzjoni tal-Artikolu 59(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 ma tipprevedix il-protezzjoni tad-data fil-kuntest tal-proċedura semplifikata għall-approvazzjoni ta’ sustanza bażika ma tipprekludix dawn il-konklużjonijiet, peress li bħal deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ sustanza attiva, deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ sustanza bħala sustanza bażika tippermetti lil terzi li jikkummerċjalizzaw prodott għall-protezzjoni tal-pjanti f’kompetizzjoni ma dak tar-rikorrenti. Dan huwa iktar evidenti għaliex l-approvazzjoni ta’ sustanza bażika twassal għal konsegwenzi iktar sinjifikattivi għall-kompetizzjoni, b’hekk tippermetti lil numru illimitat ta’ persuni jikkummerċjalizzaw din is-sustanza bażika fit-territorju tal-Unjoni Ewropea bħala prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, b’mod illimitat fiż-żmien.
23
It-tielet nett, il-konklużjoni tar-rikorrenti hija kkonfermata mill-fatt li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, li jipprevedi derogi għal ċerti artikoli tar-regolament imsemmi, ma jsemmix l-Artikolu 59(1) ta’ dan ir-regolament.
24
Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1107/2009, is-sistema partikolari applikata għas-sustanzi bażiċi tista’ tiġi applikata biss meta l-ħtieġa għall-użu tas-sustanzi inkwistjoni ma jkunx kopert mill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti diġà eżistenti, sabiex jiġi evitat li operaturi oħra tas-suq ma jingħatawx vantaġġ kummerċjali fir-rigward tad-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet, billi jitqiegħdu fis-suq prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li ma għandhomx bżonn ta’ awtorizzazzjoni.
25
F’dan ir-rigward, l-idroġenu karbonat tas-sodju huwa kkunsidrat mill-Kummissjoni bħala sustanza attiva tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u ma hemmx interess kummerċjali li tinkiseb l-awtorizzazzjoni ta’ din is-sustanza attiva, peress li l-użu għall-finijiet ta’ protezzjoni tal-pjanti huwa diġà awtorizzat f’ċerti Stati Membri abbażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali.
26
Barra minn hekk, l-approvazzjoni tal-idroġenu karbonat tas-sodju bħala sustanza bażika mhijiex utli għall-finijiet ta’ protezzjoni tal-pjanti fid-dawl tal-eżistenza ta’ sustanza attiva kimika komparabbli jew identika, b’mod partikolari fir-rigward tar-regoli ta’ klassifikazzjoni u ta’ ittikkettjar, il-proċessi ta’ manifattura tagħhom, l-użu tagħhom u l-modalità ta’ azzjoni fungiċida tagħhom, bħalma huwa kkonfermat mir-rapport tekniku tal-EFSA u mid-dokumenti u pubblikazzjonijiet internazzjonali.
27
Il-ħames nett, skont ir-rikorrenti, skont il-“prinċipju ta’ prijorità”, l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva twaqqaf kull applikazzjoni pendenti ta’ approvazzjoni tal-istess sustanza bħala sustanza bażika. Għaldaqstant, peress li hija talbet l-approvazzjoni tal-idroġenu karbonat tas-sodju bħala sustanza attiva, l-approvazzjoni ta’ din tal-aħħar bħala sustanza bażika għandha tiġi rrevokata.
28
Permezz tat-tieni argument, ir-rikorrenti ssostni li l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat għandha impatt ekonomiku dirett fuq is-sitwazzjoni tagħha fis-suq, peress li l-idroġenu karbonat tas-sodju, approvat mill-Kummissjoni bħala sustanza bażika, huwa sostitut għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti abbażi ta’ idroġenu karbonat tal-potassju u għalhekk huwa f’kompetizzjoni mal-prodott tagħha VitiSan.
29
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess dirett ta’ individwu huwa bbażat fuq żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, huwa jeżiġi li l-att tal-Unjoni kkontestat jipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ dan l-individwu u, it-tieni nett, li d-destinatarji ta’ dan l-att li jkunu inkarigati bl-implementazzjoni tiegħu ma jkollhom ebda setgħa diskrezzjonali, b’tali mod li jkollha natura purament awtomatika u tkun tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra [digriet tas-6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, T‑18/10, EU:T:2011:419, punt 71, u s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Microban International u Microban (Europe) vs Il-Kummissjoni, T‑262/10, EU:T:2011:623, punt 27].
30
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel argument magħmul mir-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 59(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, ma jistax jistabbilixxi li r-rikorrenti hija affettwata direttament mir-regolament ikkontestat.
31
Fil-fatt, fir-rapport tekniku li hija pprovdiet lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-idroġenu karbonat tas-sodju bħala sustanza bażika, l-EFSA semmiet, b’mod ġeneriku ħafna, ir-riżultati tal-istudji ppreżentati mir-rikorrenti għall-approvazzjoni tal-idroġenu karbonat tal-potassju bħala sustanza attiva. Fl-imsemmi rapport tekniku, l-EFSA eskludiet li l-idroġenu karbonat tas-sodju jista’ jkollu effetti negattivi fuq in-naħal tal-għasel, minħabba l-fatt li dawn l-effetti kienu ġew esklużi għall-idroġenu karbonat tal-potassju, fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni dwar il-VitiSan kif ukoll ta’ prodott ieħor.
32
Madankollu, l-Artikolu 59(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi li l-protezzjoni tad-data li jibbenefika minnha applikant għall-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq jew ta’ użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih sustanza attiva, li pprovda rapport ta’ testijiet u ta’ studji li jirrigwardaw din is-sustanza, tipprojbixxi lill-Istat Membru li rċieva dan ir-rapport milli jużaħ fl-interess ta’ applikanti għal awtorizzazzjoni oħra, ħlief fil-każijiet previsti mill-imsemmi regolament.
33
Kif jirriżulta mill-premessa 39 tar-Regolament Nru 1107/2009, din id-dispożizzjoni hija maħsuba biex tipproteġi l-investimenti sinjifikattivi li seta’ jkun għamel l-applikant għal awtorizzazzjoni li pprovda r-rapport inkwistjoni kontra l-użu li applikant ieħor f’kompetizzjoni miegħu jkun jista’ jagħmel minnu.
34
Għalhekk, hija ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tipproteġi dan l-applikant għal awtorizzazzjoni dwar ir-referenzi għar-rapport inkwistjoni imwettqa mill-EFSA fil-kuntest ta’ approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ sustanza bażika. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 18 tar-Regolament Nru 1107/2009, “[xi] sustanzi li mhumiex użati b’mod predominanti bħala prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jistgħu jkunu utli għall-protezzjoni tal-pjanti, [anki jekk] l-interess ekonomiku ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni jista’ jkun limitat”. Għalhekk, l-approvazzjoni ta’ sustanza bħala sustanza bażika ma ssirx fl-interess ta’ applikanti partikolari, iżda fl-interess tal-utenti kollha, u għalhekk ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni prevista mill-Artikolu 59(1) tar-Regolament Nru 1107/2009. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll, kif jirriżulta mill-Artikolu 28(2)(a) tar-regolament imsemmi, li l-approvazzjoni ta’ sustanza bħala sustanza bażika tippermetti biss l-“użu” ta’ din is-sustanza għall-finijiet ta’ protezzjoni tal-pjanti, u mhux għat-tqegħid fis-suq ta’ din is-sustanza bħala prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, li jikkonferma l-assenza ta’ interess ekonomiku ta’ tali approvazzjoni għall-applikant partikolari.
35
Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx kif ir-regolament ikkontestat, għalkemm l-għan tiegħu huwa biss li jippermetti l-użu – u mhux it-tqegħid fis-suq – tal-idroġenu karbonat tas-sodju għall-finijiet ta’ protezzjoni tal-pjanti, jista’ jaffettwa direttament is-sitwazzjoni tagħha u jippreġudika eventwali dritt għall-protezzjoni kummerċjali ta’ data inkluż f’rapporti ta’ testijiet jew studji pprovduti mir-rikorrenti li hija jkollha taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 59(1) tar-Regolament Nru 1107/2009.
36
Fir-rigward tat-tieni argument imressaq mir-rikorrenti, abbażi tal-impatti ekonomiċi tar-regolament ikkontestat fuq is-sitwazzjoni tagħha fis-suq, għandu jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti sempliċement tqajjem, b’mod ġeneriku ħafna, il-possibbiltà ta’ telf riżultanti mill-użu tal-idroġenu karbonat tas-sodju minflok il-prodott tagħha, il-VitiSan, mingħajr ma pprovdiet provi li juru li s-sitwazzjoni legali tagħha tkun direttament affettwata bir-regolament ikkontestat.
37
Fil-fatt, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li r-regolament ikkontestat jista’ jkollhu impatt fuq il-possibbiltajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodott tar-rikorrenti, kif rikonoxxut mill-Kummissjoni stess fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, tali konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw minn dan ir-regolament ma jikkonċernawx is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, iżda biss is-sitwazzjoni ta’ fatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 37, u d-digriet tas-6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑18/10, EU:T:2011:419, punt 75).
38
F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li att jista’ jinfluwenza s-sitwazzjoni materjali tar-rikorrenti mhuwiex fih innifsu suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li dan jikkonċernaha direttament (digrieti tat-18 ta’ Frar 1998, Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, T‑189/97, EU:T:1998:38, punt 48, u tal-21 ta’ Settembru 2011, Etimine u Etiproducts vs ECHA, T‑343/10, EU:T:2011:509, punt 41; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1969, Eridania et vs Il-Kummissjoni, 10/68 u 18/68, EU:C:1969:66, punt 7).
39
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-regolament ikkontestat ma jipproduċix effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, peress li l-imsemmi regolament sempliċement jippermetti l-użu, għall-finijiet ta’ protezzjoni tal-pjanti, ta’ prodott differenti minn dak li huwa kkummerċjalizzat mir-rikorrenti. Peress li l-ewwel kundizzjoni tal-interess dirett mhijiex issodisfatta, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti mhijiex direttament ikkonċernata mir-regolament ikkontestat u għalhekk ma għandhiex locus standi sabiex tieħu azzjoni legali kontra dan ir-regolament, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-eventwali interess individwali tar-rikorrenti fis-sens tat-tieni każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk ir-regolament ikkontestat jikkostitwixxix att regolatorju li ma jinvolvi l-ebda miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tat-tielet każ imsemmi f’din id-dispożizzjoni.
40
Konsegwentement, l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tintlaqà u r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, mingħajr il-bżonn li tiġi eżaminata it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.
Fuq it-talba għal intervent
41
Skont l-Artikolu 144(3) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-konvenut iressaq eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jew ta’ nuqqas ta’ kompetenza, imsemmija fl-Artikolu 130(1) ta’ dawn ir-regoli, id-deċiżjoni dwar it-talba għal intervent ma għandhiex tittieħed qabel ma din l-eċċezzjoni tiġi miċħuda jew titħalla għad-deċiżjoni fil-mertu.
42
F’dan il-każ, peress li r-rikors ġie miċħud fl-intier tiegħu, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal intervent.
Fuq l-ispejjeż
43
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kif mitlub mill-Kummissjoni.
44
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 144(10) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż tiegħu marbuta mat-talba għal intervent.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)
tordna:
1)
Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.
2)
Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal intervent tar-Renju tad-Danimarka.
3)
Biofa AG hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.
4)
Ir-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu marbuta mat-talba għal intervent.
Magħmula fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Novembru 2016 *.
Reġistratur
E. Coulon
Il-President, li qed jaġixxi bħala President
S. Gervasoni
Top