Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea
MT
Is-serje L
2024/1788
15.7.2024
DIRETTIVA (UE) 2024/1788 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-13 ta’ Ġunju 2024
dwar ir-regoli komuni għas-swieq interni tal-gass rinnovabbli, il-gass naturali u l-idroġenu, li temenda d-Direttiva (UE) 2023/1791 u li tħassar id-Direttiva 2009/73/KE
(riformulazzjoni)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),
Billi:
(1)
Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) ġiet emendata b’mod sostanzjali diversi drabi. Peress li għandhom isiru iżjed emendi, jenħtieġ li dik id-Direttiva tiġi riformulata fl-interess taċ-ċarezza.
(2)
Is-suq intern tal-gass naturali, li ġie implimentat progressivament mill-1999 ‘il quddiem, għandu l-għan li jipprovdi għażla reali lill-konsumaturi kollha fl-Unjoni, kemm liċ-ċittadini u anki lin-negozji, opportunitajiet ġodda ta’ negozju u aktar kummerċ transfruntier, biex titjieb l-effiċjenza, jinkisbu prezzijiet kompetittivi u standards ogħla ta’ servizz, u biex dan jgħin fis-sigurtà tal-provvista u s-sostenibbiltà.
(3)
Id-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u d-Direttiva 2009/73/KE taw kontribut sinifikanti biex jissawwar dan is-suq intern tal-gass naturali.
(4)
Ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (6) u d-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (7) għamlu pass ieħor ‘il quddiem fl-iżvilupp tas-suq intern tal-elettriku li jpoġġi liċ-ċittadini fil-qalba tiegħu u għenu fl-objettivi tal-Unjoni li twettaq tranżizzjoni lejn sistema ta’ enerġija nadifa u tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Is-suq intern tal-gass naturali jenħtieġ li jinbena fuq dawk l-istess prinċipji u, b’mod partikolari, jiżgura livell ugwali ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-politika tal-Unjoni dwar l-enerġija tindirizza l-klijenti vulnerabbli u l-faqar enerġetiku.
(5)
Permezz tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) l-Unjoni intrabtet li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Ir-regoli tas-suq intern tal-fjuwils gassużi jeħtieġ li jiġu allinjati ma’ dak ir-Regolament. F’dak il-kuntest, l-Unjoni stipulat kif ser taġġorna s-swieq tal-enerġija tagħha, inkluż fir-rigward tad-dekarbonizzazzjoni tas-swieq tal-gass, fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2020 intitolata “Nixprunaw Ekonomija Newtrali għall-Klima: Strateġija tal-UE dwar l-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija” (l-“Istrateġija tal-UE għall-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija”) u “Strateġija għall-idroġenu għal Ewropa newtrali għall-klima” (“L-istrateġija tal-UE għall-idroġenu”), kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Lulju 2020 dwar approċċ Ewropew komprensiv għall-ħżin tal-enerġija (9). Jenħtieġ li din id-Direttiva tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-objettiv tal-Unjoni li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra filwaqt li fl-istess ħin tiżgura s-sigurtà tal-provvista u l-funzjonament tajjeb tas-swieq interni tal-gass naturali u tal-idroġenu.
(6)
Din id-Direttiva tikkomplementa strumenti politiċi u leġiżlattivi relatati tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk proposti skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 intitolata l-“Patt Ekoloġiku Ewropew” bħar-Regolamenti (UE) 2023/857 (10), (UE) 2023/957 (11), (UE) 2023/1805 (12) u (UE) 2023/2405 (13) d-Direttivi (UE) 2023/959 (14), (UE) 2023/1791 (15) u (UE) 2023/2413 (16) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li għandhom l-għan li jinċentivaw id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-Unjoni u jiżguraw li tibqa’ fuq trajettorja lejn Unjoni newtrali għall-klima sal-2050, f’konformità mar-Regolament(UE) 2021/1119. L-objettiv ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa li tippermetti u tiffaċilita tali tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika billi tiżgura żieda fis-suq tal-idroġenu u suq effiċjenti tal-gass naturali.
(7)
Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2022 bit-titolu “REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli” (REPowerEU), li ġiet adottata wara l-bidu tal-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, enfasizzat l-importanza tad-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-gass biex titneħħa gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-enerġija Russa. Dik il-komunikazzjoni rrikonoxxiet li ż-żieda tal-bijometan sostenibbli u l-introduzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli jistgħu jaqdu rwol deċiżiv u, għal dak l-għan, appellat lil-leġiżlaturi biex jadottaw malajr din id-Direttiva u r-Regolament (UE) 2024/1789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).
(8)
Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) jiżgura sett ta’ obbligi fuq il-parteċipanti fis-suq tal-gass. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kif imsemmija f’dak ir-Regolament huma responsabbli biex jiżguraw li dak ir-Regolament jiġi infurzat fl-Istat Membri. Dawk id-dispożizzjonijiet huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-kummerċ tal-gass ikun soġġett għal obbligi ta’ trasparenza.
(9)
Din id-Direttiva għandha l-għan li tiffaċilita l-penetrazzjoni tal-gass rinnovabbli u l-gass u l-idroġenu b’livell baxx tal-karbonju fis-sistema tal-enerġija, biex tkun tista’ ssir il-bidla mill-gassijiet fossili, u biex il-gass rinnovabbli u l-gass u l-idroġenu b’livell baxx tal-karbonju jkunu jistgħu jaqdu rwol importanti fil-kisba tal-objettivi klimatiċi tal-Unjoni sal-2030 u tan-newtralità klimatika sal-2050. Din id-Direttiva għandha l-għan ukoll li tistabbilixxi qafas regolatorju li jippermetti u jinċentiva lill-parteċipanti kollha fis-suq biex jitbiegħdu mill-gassijiet fossili u jippjanaw l-attivitajiet tagħhom ħalli jevitaw l-effetti ta’ intrappolament u għandha l-għan li tiżgura tneħħija gradwali u fil-ħin tal-gassijiet fossili, b’mod partikolari fis-setturi industrijali rilevanti kollha u għal skopijiet ta’ tisħin.
(10)
L-integrazzjoni tal-bijometan sostenibbli f’konformità mal-kriterji stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) fis-sistema tal-gass naturali tappoġġa l-objettivi klimatiċi tal-Unjoni u tgħin fid-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija. Jenħtieġ li t-talbiet għall-konnessjoni mal-grilja tal-produzzjoni tal-gass rinnovabbli jiġu vvalutati f’limiti ta’ żmien raġonevoli u mmonitorjati mill-awtoritajiet regolatorji rilevanti. Jenħtieġ li jkun possibbli li tingħata prijorità lit-talbiet għal konnessjoni fil-livell ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni għall-produzzjoni ta’ gass rinnovabbli minflok talbiet għal konnessjoni għall-produzzjoni ta’ gass naturali u b’livell baxx ta’ karbonju.
(11)
L-Istrateġija tal-UE għall-Idroġenu tagħraf li, billi l-Istati Membri għandhom potenzjal differenti fil-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli, suq intern miftuħ u kompetittiv b’kummerċ transfruntier mingħajr xkiel jipprovdi benefiċċji sinifikanti għall-kompetizzjoni, l-affordabbiltà u s-sigurtà tal-provvista. Barra minn hekk, l-Istrateġija tal-UE għall-Idroġenu tenfasizza li t-tranżizzjoni lejn suq likwidu b’kummerċ tal-idroġenu bbażat fuq il-komoditajiet tiffaċilita d-dħul ta’ produtturi ġodda u tgħin għal integrazzjoni aktar profonda ma’ vetturi oħra tal-enerġija u toħloq sinjali tal-prezzijiet vijabbli gass għal deċiżjonijiet dwar l-investiment u deċiżjonijiet operazzjonali. Jenħtieġ li r-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva jiffaċilitaw l-emerġenza ta’ swieq tal-idroġenu, ċentri ta’ kummerċ tal-idroġenu bbażat fuq il-komodità u ta’ kummerċ likwidu. Jenħtieġ li l-Istati Membri jeliminaw kwalunkwe ostaklu żejjed f’dan ir-rigward. Filwaqt li jiġu rikonoxxuti d-differenzi inerenti, jenħtieġ li r-regoli eżistenti li ppermettew operazzjonijiet kummerċjali u kummerċ effiċjenti żviluppati għas-swieq tal-elettriku u tal-gass naturali jiġu kkunsidrati wkoll għal suq għall-idroġenu. Filwaqt li din id-Direttiva tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali applikabbli għat-tħaddim tas-suq tal-idroġenu, huwa xieraq li jitqies l-istadju tal-iżvilupp ta’ dak is-suq meta jiġu applikati dawk il-prinċipji.
(12)
F’konformità mal-Istrateġija tal-UE għall-Idroġenu, l-idroġenu rinnovabbli mistenni jidħol fuq skala kbira mill-2030 ‘il quddiem għall-fini tad-dekarbonizzazzjoni ta’ ċerti setturi, li jvarjaw mill-avjazzjoni u t-tbaħħir għal setturi industrijali li diffiċli jiġu dekarbonizzati. Jenħtieġ li l-klijenti finali kollha konnessi mas-sistemi tal-idroġenu jgawdu ċerti drittijiet bażiċi tal-konsumaturi applikabbli għall-klijenti finali konnessi mas-sistema tal-gass naturali bħalma hu d-dritt li jaqilbu minn fornitur għal ieħor u li jkollhom informazzjoni eżatta dwar il-fatturazzjoni. Meta l-klijenti jkunu konnessi man-network tal-idroġenu, fosthom il-klijenti industrijali, jenħtieġ li dawn igawdu l-istess drittijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi applikabbli għall-klijenti tal-gass naturali. Madankollu, jenħtieġ li id-dispożizzjonijiet tal-klijenti domestiċi mfassla biex iħeġġu l-parteċipazzjoni tal-unitajiet domestiċi fis-suq, fosthom l-għodod għat-tqabbil tal-prezzijiet u l-klijenti attivi ma japplikawx għas-sistema tal-idroġenu.
(13)
Bi qbil mal-Istrateġija tal-UE għall-Idroġenu, il-prijorità għall-Unjoni hi li tiżviluppa idroġenu rinnovabbli magħmul l-iżjed bl-enerġija mir-riħ u mix-xemx. L-idroġenu rinnovabbli prodott bl-użu tal-enerġija tal-bijomassa jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ bijogass, kif definit mid-Direttiva (UE) 2018/2001. L-idroġenu rinnovabbli hu l-aktar kompatibbli mal-objettiv fit-tul ta’ newtralità klimatika u l-għan fit-tul ta’ tniġġis żero tal-Unjoni, u l-aktar koerenti ma’ sistema tal-enerġija integrata. Madankollu, x’aktarx li r-ritmu taż-żieda fil-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli mhux ser ikun biżżejjed biex jissodisfa t-tkabbir mistenni fid-domanda għall-idroġenu fl-Unjoni. Għaldaqstant, il-fjuwils b’livell baxx tal-karbonju bħall-idroġenu b’livell baxx tal-karbonju jistgħu jaqdu rwol fit-tranżizzjoni tal-enerġija f’konformità mal-miri klimatiċi tal-Unjoni, b’mod partikolari fit-terminu qasir u medju, biex l-emissjonijiet tal-fjuwils eżistenti jitnaqqsu malajr, u tiġi appoġġata t-tranżizzjoni tal-klijenti tal-Unjoni f’setturi li diffiċli jiġu dekarbonizzati li fihom mhumiex disponibbli għażliet aktar effiċjenti fl-enerġija jew aktar kosteffiċjenti. Biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni, jeħtieġ tiġi stabbilita mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, għall-idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u għall-fjuwils sintetiċi gassużi. Din il-mira jenħtieġ li ssir aktar stretta għall-idroġenu ġġenerat f’installazzjonijiet li jibdew joperaw mill-1 ta’ Jannar 2031, biex jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi u jiġi stimulat aħjar il-progress dinamiku lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-produzzjoni tal-idroġenu.
(14)
L-Istrateġija tal-UE għall-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija enfasizzat il-ħtieġa li tintuża sistema ta’ ċertifikazzjoni għall-Unjoni kollha li tkopri wkoll il-fjuwils b’livell baxx tal-karbonju ħalli l-Istati Membri jkunu jistgħu jqabbluhom ma’ alternattivi oħra tad-dekarbonizzazzjoni u jikkunsidrawhom fit-taħlita tal-enerġija tagħhom bħala soluzzjoni vijabbli. Jenħtieġ li ċ-ċertifikazzjoni tal-fjuwils b’livell baxx tal-karbonju ssir b’mod li jkun koerenti maċ-ċertifikazzjoni tal-fjuwils rinnovabbli. Għalhekk huwa xieraq li ssir referenza għad-dispożizzjonijiet stipulati għaċ-ċertifikazzjoni tal-fjuwils rinnovabbli fid-Direttiva (UE) 2018/2001 u li dawn jiġu applikati b’analoġija għaċ-ċertifikazzjoni tal-fjuwils b’livell baxx tal-karbonju. Biex ikun żgurat li l-fjuwils b’livell baxx tal-karbonju jkollhom l-istess impatt ta’ dekarbonizzazzjoni meta mqabbla ma’ sorsi alternattivi tal-enerġija rinnovabbli, hu importanti li dawn jiġu ċċertifikati billi jitħaddem approċċ metodoloġiku simili bbażat fuq valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-emissjonijiet totali tagħhom tal-gassijiet serra. Jenħtieġ li tali valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tqis l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-produzzjoni ta’ fjuwils b’livell baxx tal-karbonju tul il-katina tal-provvista kollha, inkluż l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-estrazzjoni tal-enerġija primarja, l-ipproċessar u t-trasport, u jenħtieġ li tqis l-emissjonijiet indiretti li jirriżultaw mid-devjazzjoni ta’ inputs riġidi u r-rati attwali tal-qbid tad-diossidu tal-karbonju. Jenħtieġ li l-emissjonijiet upstream tal-metan jiġu derivati abbażi tal-miżuri inklużi fir-Regolament (UE) 2024/1787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20). B’hekk ikun possibbli l-użu ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni komprensiva għall-Unjoni kollha li tkopri t-taħlita tal-enerġija kollha tal-Unjoni. Peress li l-fjuwils b’livell baxx tal-karbonju u l-idroġenu b’livell baxx tal-karbonju mhumiex fjuwils rinnovabbli, it-terminoloġija u ċ-ċertifikazzjoni tagħhom ma setgħux jiġu inklużi fil- kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Għalhekk, l-inklużjoni tagħhom f’din id-Direttiva timla dik il-lakuna.
(15)
Il-metan u l-idroġenu jikkontribwixxu għat-tisħin globali. Għalhekk, jenħtieġ li t-tnixxija tagħhom mis-sistema tal-gass naturali u tal-idroġenu tiġi evitata f’konformità mal-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel” u sabiex jiġi minimizzat l-impatt klimatiku tagħhom. It-trażmissjoni, id-distribuzzjoni, il-ħżin taħt l-art tal-gass naturali u t-terminals tal-gass naturali likwifikat jeħtieġ li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2024/1787. Dak ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-kejl bi preċiżjoni, il-kwantifikazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija fl-Unjoni, kif ukoll għat-tnaqqis ta’ dawk l-emissjonijiet, inkluż permezz ta’ stħarriġ dwar id-detezzjoni u t-tiswija tat-tnixxijiet, l-obbligi ta’ tiswija u restrizzjonijiet fuq l-ivventjar u l-ivvampjar. Minbarra dan, jenħtieġ li din id-Direttiva tiprevedi għal operaturi tan-networks, tal-ħżin u tat-terminals tal-idroġenu biex jieħdu miżuri biex jiġu evitati u minimizzati l-emissjonijiet tal-idroġenu fl-operazzjonijiet tagħhom u jwettqu, f’intervalli regolari, stħarriġ dwar id-detezzjoni u t-tiswija tat-tnixxijiet tal-idroġenu fil-komponenti rilevanti kollha li jkun responsabbli għalihom l-operatur. Fejn xieraq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta dwar ir-riskji ambjentali u klimatiċi ta’ tnixxija tal-idroġenu u, fejn xieraq, tippreżenta proposti għal miżuri li jinkludu rati massimi ta’ tnixxija tal-idroġenu biex jiġu minimizzati r-riskji possibbli ta’ tnixxija tal-idroġenu. Fejn jiġu adottati tali miżuri, jenħtieġ li dawn jitqiesu fil-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn fjuwils b’livell baxx tal-karbonju.
(16)
L-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju importat x’aktarx jikkomplementa l-idroġenu prodott fl-Unjoni bil-ħsieb li tiġi żgurata d-disponibbiltà rapida ta’ kwantitajiet kbar ta’ idroġenu li jakkomodaw id-domanda tal-Unjoni. Għalhekk huwa ta’ benefiċċju reċiproku għall-Kummissjoni u l-Istati Membri, f’konformità mal-kompetenza rispettiva tagħhom, li jidħlu fi djalogu miftuħ u kostruttiv sabiex tiġi stabbilita kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Tali kooperazzjoni tista’ b’mod partikolari tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ħolqien ta’ swieq teknoloġiċi nodfa u ġodda permezz tat-trasferiment tal-għarfien, u livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali, sostenibbiltà u mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, filwaqt li jiġu evitati effetti soċjali jew ambjentali negattivi. F’dak il-kuntest, l-Unjoni tista’ taqdi rwol ta’ mexxej fl-iżvilupp ta’ standards globali għaċ-ċertifikazzjoni tal-fjuwils b’livell baxx tal-karbonju u ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala mexxej klimatiku globali, u tuża d-diplomazija klimatika tagħha biex tiżviluppa kooperazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku mas-sħab esportaturi.
(17)
Il-libertajiet li t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiggarantixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni – – fost l-oħrajn, il-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi – jistgħu jinkisbu biss f’suq miftuħ għalkollox, li jippermetti lill-konsumaturi kollha jkunu liberi li jagħżlu l-fornituri tagħhom u li jippermetti lill-fornituri kollha jkunu liberi jfornu lill-klijenti tagħhom.
(18)
Sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-Unjoni li ssir newtrali għall-klima sal-2050, jenħtieġ li l-isforzi għad-dekarbonizzazzjoni tas-suq tal-gass jimxu id f’id mal-użu ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-qafas tal-miri tal-Unjoni stabbiliti mid-Direttiva (UE) 2018/2001 u sforzi komplementari ta’ dekarbonizzazzjoni bbażati fuq sorsi mhux fossili oħra. Fir-rigward ta’ suq miftuħ għalkollox, jenħtieġ li l-Istati Membri xorta jkunu jistgħu jippjanaw it-taħlita tal-enerġija tagħhom, inkluż l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli kkombinat mal-użu ta’ fjuwils b’livell baxx tal-karbonju, fil-kuntest taċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi tagħhom. Għal dak l-għan, fit-tfassil ta’ skemi ta’ appoġġ, inkluż appoġġ finanzjarju, għal fjuwils rinnovabbli jew fjuwils b’livell baxx tal-karbonju, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-kisba tal-miri tal-Unjoni filwaqt li l-Istati Membri jżommu d-dritt tagħhom li jagħżlu liema sorsi ta’ fjuwils rinnovabbli jew fjuwils b’livell baxx tal-karbonju jappoġġaw, jekk ikun hemm, dment li tali fjuwils jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 u din id-Direttiva u li tali skemi ta’ appoġġ ikunu konformi mal-qafas legali applikabbli għall-għajnuna mill-Istat ibbażat fuq l-Artikoli 107 u 108 TFUE. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu rekwiżiti addizzjonali dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, f’konformità mal-istrateġija nazzjonali tad-dekarbonizzazzjoni tagħhom.
(19)
L-interessi tal-konsumatur jenħtieġ li jkunu fiċ-ċentru ta’ din id-Direttiva, u l-kwalità tas-servizz jenħtieġ li tkun responsabbiltà ċentrali tal-impriżi tal-gass naturali u tal-idroġenu. Id-drittijiet eżistenti tal-konsumaturi u d-drittijiet tal-aċċess għas-servizzi essenzjali, inkluż l-enerġija u l-indirizzar tal-faqar enerġetiku, kif iddikjarat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ April 2017 li tistabbilixxi Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat u ffirmat fis-17 ta’ Novembru 2017 mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-Summit Soċjali ta’ Gothenburg jeħtieġ li jissaħħu u jiġu ggarantiti, u jenħtieġ li jinkludu aktar trasparenza. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li jiġi evitat is-sussidjar inkroċjat tan-networks tal-idroġenu permezz tat-tariffi tan-networks tal-gass naturali jew tal-elettriku. Il-protezzjoni tal-konsumatur jenħtieġ li tiżgura li l-klijenti kollha fil-kompetenza usa’ tal-Unjoni jibbenefikaw minn suq tal-gass naturali kompetittiv. Id-drittijiet tal-konsumaturi jenħtieġ li jiġu infurzati mill-Istati Membri, jew meta l-Istati Membri hekk jistipulaw, mill-awtoritajiet regolatorji.
(20)
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jqis l-enerġija fost is-servizzi essenzjali li kulħadd għandu jkollu aċċess għalihom u jitlob miżuri ta’ appoġġ għal dawk fil-bżonn (il-prinċipju 20). L-Għan 7 tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU jitlob ukoll li jkun żgurat aċċess għal enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna lil kulħadd.
(21)
Rekwiżiti tas-servizz pubbliku u l-istandards minimi komuni li jitnisslu minnhom jeħtieġ li jissaħħu aktar biex ikun żgurat li l-konsumaturi kollha, speċjalment dawk vulnerabbli, jkunu jistgħu jgawdu mill-kompetizzjoni u minn prezzijiet ġusti. Ir-rekwiżiti tas-servizz pubbliku jenħtieġ li jiġu definiti fil-livell nazzjonali, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali; madankollu. Il-liġi tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi rispettat mill-Istati Membri.
(22)
Sabiex tiġi ffaċilitata d-dekarbonizzazzjoni marbuta mat-tisħin ibbażata fuq l-inklużività, jeħtieġ li l-konsumaturi jiġu infurmati dwar alternattivi sostenibbli li jistgħu jaqilbu għalihom u jkollhom aċċess għal għażliet ta’ finanzjament u sussidji xierqa. Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimminimizzaw l-effett negattiv li l-qlib tal-fjuwil jew il-konnessjonijiet tat-tisħin distrettwali implimentati skont din id-Direttiva jkollhom fuq il-klijenti finali, inkluż dawk affettwati mill-faqar enerġetiku u l-klijenti vulnerabbli. Meta applikabbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu possibbli tal-finanzjament, inkluż il-finanzjament pubbliku u l-faċilitajiet ta’ finanzjament stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, bil-għan li jiġu minimizzati l-effetti negattivi u tkun żgurata tranżizzjoni tal-enerġija ġusta u inklużiva.
(23)
L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom diskrezzjoni wiesgħa biex jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku fuq l-impriżi tal-gass naturali fl-isforzi tagħhom biex jilħqu objettivi ta’ interess ekonomiku ġenerali mingħajr ma jfixklu t-tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija integrata, effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u bbażata fuq sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’konformità mal-miri, il-liġi u l-istrateġiji rilevanti tal-Unjoni. Madankollu, obbligi ta’ servizz pubbliku fil-forma ta’ ffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-gass naturali huma miżura li toħloq distorsjoni fundamentali li spiss twassal għal akkumulazzjoni ta’ defiċits tariffarji, limitazzjoni fl-għażla tal-konsumaturi, inqas inċentivi għall-investimenti fl-iffrankar enerġetiku u fl-effiċjenza enerġetika, standards ta’ servizz aktar baxxi, livelli aktar baxxi ta’ involviment u sodisfazzjon tal-konsumaturi, restrizzjoni tal-kompetizzjoni, u inqas prodotti u servizzi innovattivi fis-suq. Minħabba f’hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li japplikaw għodod oħra ta’ politika, b’mod partikolari miżuri ta’ politika soċjali mmirati, biex jiżguraw l-affordabbiltà tal-provvista tal-gass naturali liċ-ċittadini tagħhom. L-interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet tal-provvista tal-gass naturali jkunu jikkostitwixxu, fil-prinċipju, miżura li toħloq distorsjoni fis-suq. Jenħtieġ għalhekk li tali interventi jitwettqu biss fejn xieraq u bħala obbligi ta’ servizz pubbliku u jenħtieġ li jkunu soġġetti għal kundizzjonijiet speċifiċi. Suq bl-imnut tal-gass naturali liberalizzat għalkollox u li jiffunzjona sew jistimula l-kompetizzjoni fost il-fornituri eżistenti abbażi tal-prezzijiet u mhux tal-prezzijiet, u jipprovdi inċentivi lill-parteċipanti ġodda fis-suq, u b’hekk jitjiebu l-għażla u s-sodisfazzjon tal-konsumaturi. Skont din id-Direttiva, jenħtieġ li jkunu possibbli prezzijiet regolati, inkluż taħt il-kost, għall-klijenti affettwati mill-faqar enerġetiku, għall-klijenti domestiċi vulnerabbli u, f’każijiet speċifiċi, għall-klijenti domestiċi u għall-mikrointrapriżi. Matul kriżi fil-prezzijiet tal-gass naturali, meta l-prezzijiet tal-gass naturali bl-ingrossa u bl-imnut jiżdiedu b’mod sinifikanti, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jestendu l-applikazzjoni ta’ prezzijiet regolati temporanjament għal servizzi soċjali essenzjali kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (4), tar-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), u għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Fir-rigward tal-klijenti domestiċi, is-servizzi soċjali essenzjali kif ukoll l-SMEs, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jistabbilixxu, b’mod eċċezzjonali u temporanjament, prezzijiet regolati taħt il-kost waqt kriżi fil-prezzijiet tal-gass naturali dment li dan ma joħloqx distorsjonijiet bejn il-fornituri u li l-fornituri jiġu kkumpensati għall-kostijiet tal-provvista taħt il-kost. Madankollu, jeħtieġ li jiġi żgurat li tali regolamentazzjoni tal-prezzijiet tkun immirata u ma toħloqx inċentivi biex jiżdied il-konsum. Għalhekk, jenħtieġ li tali estensjoni eċċezzjonali u temporanja tar-regolamentazzjoni tal-prezzijiet tkun limitata għal 80 % tal-konsum medjan tal-klijenti domestiċi, u għal 70 % tal-konsum tas-sena ta’ qabel għal servizzi soċjali essenzjali u għall-SMEs. Jenħtieġ li l-Kunsill ikun jista’, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, jiddikjara kriżi fil-prezzijiet tal-gass naturali fuq livell reġjonali jew tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-valutazzjoni ta’ jekk teżistix tali kriżi fil-prezzijiet tal-gass naturali tkun ibbażata fuq tqabbil mal-prezzijiet fi żminijiet ta’ operazzjoni normali tas-suq u għalhekk jenħtieġ li teskludi l-impatt tal-kriżijiet preċedenti fil-prezzijiet tal-gass naturali ddikjarati skont din id-Direttiva. Jenħtieġ li tali deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tispeċifika wkoll il-perjodu ta’ validità tad-dikjarazzjoni ta’ kriżi fil-prezzijiet tal-gass naturali, li matulu tapplika l-estensjoni temporanja tal-prezzijiet regolati. Jenħtieġ li dak il-perjodu ma jkunx ikun itwal minn sena. Meta l-kundizzjonijiet għal dik id-dikjarazzjoni tal-kriżi tal-prezzijiet tal-gass naturali jkomplu jiġu ssodisfati, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, li jestendi l-perjodu ta’ validità tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. L-għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill huwa ġġustifikat minħabba l-implikazzjonijiet orizzontali sinifikanti għall-Istati Membri ta’ deċiżjoni li tiddikjara kriżi fil-prezzijiet tal-gass naturali u b’hekk tiskatta l-possibbiltajiet estiżi għal interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-gass naturali. Tali implikazzjonijiet huma sinifikanti kemm mil-lat ta’ għadd ta’ klijenti kkonċernati kif ukoll tal-importanza tal-kategoriji ta’ dawn il-klijenti. L-għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill iqis ukoll b’mod adegwat in-natura politika ta’ tali deċiżjoni li tiddikjara kriżi fil-prezzijiet tal-gass naturali, li tirrikjedi bbilanċjar delikat ta’ kunsiderazzjonijiet politiċi differenti li huma ċentrali għad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri li jimplimentaw l-iffissar tal-prezzijiet għall-enerġija. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li d-dikjarazzjoni ta’ kriżi fil-prezzijiet tal-gass naturali fuq livell reġjonali jew tal-Unjoni tiżgura kundizzjonijiet ekwi fl-Istati Membri kollha affettwati mid-deċiżjoni sabiex is-suq intern ma jkunx distort bla bżonn.
(24)
L-obbligi ta’ servizz pubbliku fil-forma ta’ ffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-gass naturali jenħtieġ li jintużaw mingħajr ma jisbqu l-prinċipju ta’ swieq miftuħa f’ċirkostanzi definiti b’mod ċar u b’benefiċjarji definiti b’mod ċar, u jenħtieġ li jkunu limitati fiż-żmien. Tali ċirkostanzi jistgħu jseħħu fejn il-provvista tkun limitata ħafna, li tikkawża prezzijiet tal-gass naturali sinifikattivament ogħla min-normal, jew f’każ ta’ falliment tas-suq fejn ikun evidenti li l-interventi mill-awtoritajiet regolatorji u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jkunu ineffettivi. Tali ċirkostanzi jaffettwaw lill-klijenti domestiċi b’mod sproporzjonat u, b’mod partikolari, lill-klijenti vulnerabbli li tipikament jonfqu sehem ogħla mill-introjtu nett tagħhom fuq il-kontijiet tad-dawl bi tqabbil ma’ konsumaturi b’introjtu għoli. Biex jittaffew l-effetti distorsivi tal-obbligi ta’ servizz pubbliku fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-gass naturali, l-Istati Membri li japplikaw dawn l-interventi jenħtieġ li jdaħħlu fis-seħħ miżuri addizzjonali, inkluż miżuri għall-prevenzjoni ta’ distorsjonijiet tal-iffissar tal-prezzijiet fis-suq bl-ingrossa jew miżuri biex tiġi appoġġata l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, b’mod partikolari għall-klijenti vulnerabbli u l-klijenti milquta mill-faqar enerġetiku. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-benefiċjarji kollha tal-prezzijiet regolati jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-offerti disponibbli fis-suq kompetittiv meta jagħżlu li jagħmlu dan. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġu infurmati direttament u regolarment dwar l-offerti u l-iffrankar disponibbli fis-suq kompetittiv u jenħtieġ li jingħataw assistenza biex jirrispondu għall-offerti bbażati fuq is-suq u jibbenefikaw minnhom.
(25)
Jenħtieġ li l-interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-gass naturali ma jikkawżawx sussidjar inkroċjat dirett bejn kategoriji differenti ta’ klijenti. F’konformità ma’ dak il-prinċipju, is-sistemi tal-prezzijiet ma għandhomx iġiegħlu b’mod espliċitu lil ċerti kategoriji ta’ klijenti jġarrbu l-kost tal-interventi fil-prezzijiet li jolqtu lil kategoriji oħra ta’ klijenti. L-obbligi tas-servizz pubbliku fl-iffissar tal-prezzijiet jenħtieġ li jikkonċernaw biss il-provvista tal-gass naturali, peress li l-klijenti domestiċi mhumiex mistennija jużaw l-idroġenu għal skopijiet ta’ tisħin fuq skala wiesgħa. Is-suq tal-idroġenu mistenni jikkonċerna l-aktar lill-industrija, li ma teħtieġx interventi pubbliċi bħal dawn.
(26)
Jenħtieġ li tkun disponibbli informazzjoni ċara u komprensiva lill-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom relatati mas-settur tal-enerġija. Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż l-Istati Membri, awtoritajiet regolatorji, korpi tal-konsumatur u impriżi tal-gass naturali, stabbiliet lista tal-kontroll aċċessibbli u faċli għall-konsumaturi tal-enerġija b’informazzjoni prattika dwar id-drittijiet tagħhom. Din il-lista tal-kontroll għall-konsumaturi tal-enerġija jenħtieġ li tinżamm aġġornata, tingħata lill-konsumaturi kollha u tkun disponibbli għall-pubbliku.
(27)
Jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-fatt li tranżizzjoni tal-enerġija b’suċċess tirrikjedi investiment imsaħħaħ fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fil-ħiliet għall-ħaddiema fis-setturi tal-gass naturali u tal-idroġenu, inkluż fir-rigward tal-iżvilupp tal-infrastruttura, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-applikazzjonijiet tal-utenti finali li jużaw alternattivi aktar kosteffettivi u dekarbonizzati. Investiment bħal dan ikun konformi mad-Direttiva (UE) 2023/1791.
(28)
Ir-regoli tas-suq jenħtieġ li jħarsu u jagħtu s-setgħa lill-klijenti biex jagħmlu l-aktar għażliet effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ħalli l-gass u l-idroġenu rinnovabbli ġodda u l-gass u l-idroġenu b’livell baxx tal-karbonju jiġu inkorporati għalkollox fit-tranżizzjoni tal-enerġija.
(29)
Il-gass naturali għad għandu rwol ewlieni fil-provvista tal-enerġija, peress li l-konsum tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi mill-gass naturali għadu iżjed minn tal-elettriku. Għalkemm l-elettrifikazzjoni hija element ewlieni tat-tranżizzjoni ekoloġika, il-konsum tal-gass naturali mill-unitajiet domestiċi, inkluż volumi dejjem akbar tal-gass rinnovabbli, b’mod partikolari l-bijometan, ser ikompli jeżisti fil-futur.
(30)
Fis-settur tal-gass naturali, inkluż is-suq bl-imnut tal-gass naturali, id-dispożizzjonijiet relatati dwar l-involviment u l-protezzjoni tal-konsumaturi ma ġewx adattati skont il-ħtiġijiet tat-tranżizzjoni tal-enerġija.
(31)
Is-suq tal-gass naturali huwa soġġett għal nuqqas ta’ sodisfazzjon u involviment mill-klijenti u l-adozzjoni bil-mod ta’ gass rinnovabbli ġdid u gass b’livell baxx tal-karbonju, li jirrifletti kompetizzjoni limitata f’ħafna Stati Membri. Il-prezzijiet tal-gass naturali għall-klijenti domestiċi żdiedu fl-aħħar għaxar snin u dan wassal biex il-klijenti domestiċi jħallsu darbtejn jew tliet darbiet aktar mill-klijenti industrijali għall-konsum tal-gass naturali tagħhom.
(32)
Bħal fil-każ tas-settur tal-elettriku, il-flessibbiltajiet tas-suq u qafas legali adegwat tad-drittijiet tal-konsumatur tal-Unjoni fis-settur tal-gass naturali huma essenzjali biex ikun żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jipparteċipaw fit-tranżizzjoni tal-enerġija u jgawdu prezzijiet affordabbli, standards tajbin tas-servizz, u għażla effettiva ta’ offerti li jirriflettu l-iżviluppi teknoloġiċi.
(33)
Il-qlib mill-gassijiet fossili għal alternattivi rinnovabbli mistenni jitwettaq jekk l-enerġija minn sorsi rinnovabbli ssir għażla attraenti u nondiskriminatorja tal-konsumaturi abbażi ta’ informazzjoni tassew trasparenti li taqsam b’mod ġust il-kostijiet tat-tranżizzjoni bejn il-gruppi differenti ta’ konsumaturi u parteċipanti fis-suq. Madankollu, il-qlib mill-gass naturali għal teknoloġiji oħrajn normalment mhuwiex faċli minħabba l-effett ta’ intrappolament relatat mat-tagħmir sottostanti. Meta l-infrastruttura tal-gass naturali tiġi dekummissjonata, jenħtieġ li tkun akkumpanjata minn miżuri li jindirizzaw l-effetti negattivi fuq il-klijenti finali, b’mod partikolari l-klijenti vulnerabbli u l-klijenti domestiċi affettwati mill-faqar enerġetiku, kif ukoll miżuri li jindirizzaw l-inugwaljanzi li jirriżultaw mit-tranżizzjoni tal-enerġija. Jenħtieġ li l-konsumaturi tal-gass naturali jkunu protetti minn żieda fit-tariffi meta l-assi tal-gass naturali jkollhom jiġu deprezzati, minn sussidjar inkroċjat bejn l-utenti tal-gass u tal-idroġenu u żieda fit-tariffi tal-gass li jirriżultaw minn bażi ta’ klijentela dejjem tiċkien.
(34)
Biex jiġu indirizzati l-lakuni attwali fis-suq tal-gass naturali bl-imnut, jeħtieġ jiġu indirizzati l-ostakli eżistenti tal-kompetizzjoni u tekniċi għat-tfaċċar ta’ provvista tal-enerġija alternattiva, ibbażata fuq sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, servizzi ġodda, livelli aħjar ta’ servizz u prezzijiet orħos għall-konsumaturi, filwaqt li tkun żgurata l-protezzjoni tal-klijenti vulnerabbli u klijenti milquta mill-faqar enerġetiku.
(35)
Biex ikun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ awtonomizzazzjoni lill-konsumaturi b’mod konsistenti fost is-setturi kollha tal-enerġija, jenħtieġ li l-qafas leġiżlattiv tas-suq tal-gass naturali dekarbonizzat jirrifletti l-protezzjoni tal-klijent fis-suq tal-elettriku u, fejn rilevanti, id-dispożizzjoni ta’ awtonomizzazzjoni tiegħu u jenħtieġ li jqis l-effiċjenza tas-sistema tal-enerġija, kif ukoll l-objettivi tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-provvista, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli.
(36)
Biex ikun koerenti u effettiv, jenħtieġ li l-approċċ li jiġu rifless ċerti aspetti tas-suq tal-elettriku jinkludi d-dispożizzjonijiet kollha dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-awtonomizzazzjoni, kull fejn ikun fattibbli u adattabbli għas-suq tal-gass naturali. Jenħtieġ li dan jinkludi minn drittijiet kuntrattwali bażiċi għal regoli tal-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni, il-qlib tal-fornitur tal-enerġija, għodod tat-tqabbil affidabbli magħmula disponibbli, il-protezzjoni tal-klijenti vulnerabbli u klijenti milquta mill-faqar enerġetiku, l-iżgurar ta’ protezzjoni adegwata tad-data fl-arloġġi intelliġenti u l-ġestjoni tad-data, u soluzzjoni tat-tilwim alternattiva effiċjenti.
(37)
Fit-twettiq tal-konsistenza tad-dispożizzjonijiet fis-setturi kollha, il-piżijiet għall-amministrazzjonijiet nazzjonali u n-negozji jenħtieġ li jibqgħu limitati u proporzjonati, inkluż billi jibnu fuq l-esperjenza bl-atti legali tal-Unjoni inklużi fil- “Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha”, bħar-Regolamenti (UE) 2018/1999 (22), (UE) 2019/941 (23), (UE) 2019/942 (24), (UE) 2019/943 u d-Direttivi (UE) 2018/844 (25), (UE) 2018/2001, (UE) 2018/2002 (26), u (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(38)
Il-modernizzazzjoni tas-settur tal-gass naturali mistennija twassal għal benefiċċji ekonomiċi u ambjentali sostanzjali mil-lat ta’ titjib tal-kompetizzjoni fis-suq bl-imnut, u mil-lat tal-benefiċċji soċjali u distribuzzjonali u ta’ awtonomizzazzjoni tal-klijenti, inkluż tisħiħ fid-drittijiet kuntrattwali u informazzjoni disponibbli aħjar dwar il-konsum u s-sorsi tal-enerġija li jwasslu għal għażliet aktar ekoloġiċi, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija u t-tnaqqis fl-użu ta’ gass fossili jew il-qlib minn gass fossili għal sorsi ta’ enerġija aktar sostenibbli. Il-komunitajiet ta’ interess tal-enerġija jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-użu tal-gass rinnovabbli.
(39)
Il-qlib huwa indikatur importanti tal-involviment tal-klijent kif ukoll għodda importanti biex tingħata spinta lill-kompetizzjoni kemm fis-suq tal-gass naturali kif ukoll tal-idroġenu u għaldaqstant jenħtieġ li jiġi garantit bħala dritt bażiku għall-klijenti. Madankollu, ir-rati tal-qlib għadhom inkonsistenti fost l-Istati Membri, u l-konsumaturi la huma mħeġġa jaqilbu s-sors u lanqas il-fornitur tal-enerġija minħabba tariffi tal-ħruġ u tat-terminazzjoni. Minkejja li t-tneħħija ta’ dawn it-tariffi tista’ tillimita l-għażla tal-klijenti billi telimina l-prodotti bbażati fuq l-ippremjar tal-lealtà tal-klijenti, aktar restrizzjonijiet tal-użu tagħhom għandhom itejbu l-benesseri tal-konsumaturi, l-involviment tagħhom u l-kompetizzjoni fis-suq.
(40)
Tnaqqis fil-ħinijiet għall-qlib aktarx li jħeġġeġ lill-klijenti jfittxu offerti aħjar tal-enerġija, u jaqilbu l-fornitur. Biż-żieda fl-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni, sal-2026, jenħtieġ li l-proċess tekniku tal-qlib għar-reġistrazzjoni ta’ fornitur ġdid f’punt ta’ kejl għand l-operatur tas-suq ikun tipikament possibbli li jitlesta fi żmien 24 siegħa fi kwalunkwe jum tax-xogħol. Li jkun żgurat li sal-2026, il-proċess tekniku tal-qlib jista’ jsir fi żmien 24 siegħa, inaqqas il-ħin tal-qlib u b’hekk jgħin biex jiżdiedu l-involviment tal-konsumaturi u l-kompetizzjoni fis-suq bl-imnut.
(41)
Il-ħinijiet tal-qlib f’24 siegħa fis-swieq tal-gass naturali u l-idroġenu jkunu jirriflettu dak li diġà japplika fis-suq tal-elettriku, li għandu funzjonalitajiet back-end simili u rekwiżiti tal-bażi tad-data tal-IT. L-armonizzazzjoni tal-ħinijiet tal-qlib bejn is-setturi tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi kollha, b’mod partikolari dawk b’kuntratti b’żewġ tipi ta’ fjuwils. Jenħtieġ li ħinijiet iqsar ta’ qlib għall-konsumaturi ma jaffettwawx l-obbligi tal-ibbilanċjar tal-fornitur.
(42)
Diversi fatturi jxekklu lill-klijenti milli jaċċessaw, jifhmu u jieħdu azzjoni rigward id-diversi sorsi ta’ informazzjoni tas-suq disponibbli għalihom. B’hekk jirriżulta li l-kumparabbiltà tal-offerti jenħtieġ li tittejjeb, permezz ta’ informazzjoni adegwata għall-klijent ibbażata fuq l-għodod ta’ tqabbil għall-klijenti kollha, u l-ostakli mhux ġustifikati għall-qlib jenħtieġ li jitneħħew mingħajr ma tiġi limitata bla bżonn l-għażla għall-klijenti. Huwa wkoll vitali li l-fornituri kollha jagħtu lill-klijenti informazzjoni prekuntrattwali ċara u li tinftiehem, sabiex il-klijenti jkunu kompletament konxji tad-dettalji u l-konsegwenzi tal-kuntratt.
(43)
L-għodod tat-tqabbil indipendenti, inkluż is-siti web, huma mezz effettiv biex il-klijenti iżgħar ikunu jistgħu jivvalutaw il-vantaġġi tal-offerti differenti tal-enerġija disponibbli fis-suq. Dawn jenħtieġ li jimmiraw li jinkludu l-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ offerti disponibbli, u jkopru kemm jista’ jkun mis-suq skont kemm ikun fattibbli biex il-klijent jingħata ħarsa ġenerali rappreżentattiva. Fejn il-prestazzjoni ambjentali tiġi promossa bħala karatteristika essenzjali tal-offerta, jenħtieġ li l-għodod ta’ tqabbil jinkludu wkoll deskrizzjoni ta’ dik il-prestazzjoni ambjentali. Huwa kruċjali li l-klijenti iżgħar ikollhom aċċess għal mill-anqas għodda waħda ta’ tqabbil u li l-informazzjoni mogħtija dwar dawn l-għodod tkun affidabbli, imparzjali, trasparenti u li tinftiehem faċilment. Għal dak l-għan, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu għodda ta’ tqabbil li titħaddem minn awtorità nazzjonali jew kumpanija privata u jikkonsultaw il-kriterji għall-għodod ta’ tqabbil mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumatur.
(44)
Il-klijenti finali jenħtieġ li jkunu jistgħu wkoll jikkunsmaw, jaħżnu u jbigħu l-gass rinnovabbli awtoġenerat filwaqt li jikkonformaw mal-liġi applikabbli għall-produzzjoni tal-gass rinnovabbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u jipparteċipaw fis-swieq kollha tal-gass naturali billi jipprovdu servizzi anċillari għas-sistema, pereżempju permezz tal-ħżin tal-enerġija, filwaqt li jżommu d-drittijiet tagħhom bħala klijenti finali skont din id-Direttiva. L-arranġamenti kollettivi bejn klijenti attivi jipprovdu opportunitajiet għall-fornituri ta’ servizzi u n-negozji lokali, b’mod partikolari SMEs, biex jikkontribwixxu għall-ibbilanċjar u l-flessibbiltà tas-sistema. L-Istati Membri jenħtieġ li jkun jista’ jkollhom dispożizzjonijiet differenti fil-liġi nazzjonali tagħhom rigward it-taxxi u l-imposti għall-klijenti attivi individwali u li jaġixxu b’mod konġunt.
(45)
Il-kontijiet u l-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni huma mezz importanti għall-informazzjoni u l-awtonomizzazzjoni tal-klijenti finali. Il-kontijiet tal-enerġija jibqgħu l-aktar tħassib komuni u l-aktar sors komuni tal-ilmenti tal-konsumaturi, fattur li jikkontribwixxi għal-livelli persistentement baxxi ta’ sodisfazzjon u involviment tal-konsumaturi fis-settur tal-gass naturali. Id-dispożizzjonijiet tal-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni fis-settur tal-gass għadhom ukoll lura fejn jidħlu d-drittijiet tal-konsumaturi fis-settur tal-elettriku. Għalhekk dawn jeħtieġ jiġu allinjati, u jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għall-kontijiet u l-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni fis-settur tal-gass, ħalli l-konsumaturi jkollhom aċċess għal informazzjoni trasparenti, kompluta u li tinftiehem faċilment. Il-kontijiet jenħtieġ li jagħtu informazzjoni lill-klijenti finali dwar il-konsum u l-kostijiet tagħhom, dwar l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju, u dwar is-sehem ta’ gass rinnovabbli u gass b’livell baxx tal-karbonju, ħalli jiffaċilitaw it-tqabbil tal-offerti meta jseħħ il-qlib tal-fornitur jew tas-sors ta’ enerġija, kif ukoll informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur tagħhom, bħal soluzzjoni alternattiva ta’ tilwim. Barra minn hekk, il-kontijiet jenħtieġ li jkunu għodda biex il-konsumaturi jinvolvu ruħhom b’mod attiv fis-suq, ħalli l-konsumaturi jkunu jistgħu jimmaniġġjaw ix-xejriet tal-konsum tagħhom u jagħmlu għażliet aktar ekoloġiċi. Huwa importanti li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni komprensiva u preċiża biex jiġi żgurat li jkunu konxji tal-impatt ambjentali tagħhom u, b’hekk, ikunu jistgħu jesprimu l-preferenza tagħhom għall-aktar trasportaturi tal-enerġija sostenibbli. Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2023/1791 tiġi emendata skont dan.
(46)
L-għoti regolari ta’ informazzjoni eżatta dwar il-fatturazzjoni abbażi tal-konsum reali tal-gass naturali hu importanti biex jgħin lill-klijenti jikkontrollaw il-konsum u l-kostijiet tagħhom tal-gass naturali. Iżda l-klijenti, b’mod partikolari l-klijenti domestiċi, jenħtieġ li jkollhom aċċess għal arranġamenti flessibbli għall-ħlas effettiv tal-kontijiet tagħhom.
(47)
Aspett prinċipali tal-provvista lill-klijenti hu l-aċċess għal data oġġettiva u trasparenti dwar il-konsum. Għaldaqstant, il-konsumaturi jenħtieġ li jkollhom aċċess għad-data tal-konsum tagħhom u l-prezzijiet assoċjati u l-kostijiet tas-servizzi, inkluż il-prezz ta’ servizzi addizzjonali bħal assigurazzjonijiet u servizzi ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija, fejn rilevanti, biex ikunu jistgħu jistiednu lill-kompetituri biex jagħmlu offerta bbażata fuq dik l-informazzjoni. Il-konsumaturi jenħtieġ li jkollhom ukoll id-dritt li jiġu infurmati sew dwar il-konsum tal-enerġija tagħhom. Il-ħlasijiet bil-quddiem jenħtieġ li ma jqegħdux żvantaġġ sproporzjonat fuq l-utenti tagħhom, filwaqt li s-sistemi differenti tal-ħlas jenħtieġ li jkunu nondiskriminatorji. L-informazzjoni dwar il-kostijiet tal-enerġija mogħtija sikwit biżżejjed lill-konsumaturi jenħtieġ li toħloq l-inċentivi għall-iffrankar enerġetiku billi tagħti rispons dirett lura lill-klijenti dwar l-effetti tal-investiment fl-effiċjenza enerġetika u l-bidla fl-imġiba.
(48)
Kwalunkwe deċiżjoni fil-livell nazzjonali rigward l-użu tas-sistemi ta’ kejl intelliġenti għall-gass naturali, jenħtieġ li ssir wara li jitwettqu valutazzjonijiet tal-kostbenefiċċji. Jenħtieġ li tali valutazzjonijiet iqisu l-benefiċċji fit-tul tal-introduzzjoni tas-sistemi ta’ kejl intelliġenti għall-konsumaturi u għall-katina tal-valur kollha. Jekk dik il-valutazzjoni tikkonkludi li l-introduzzjoni ta’ dawn is-sistemi tal-kejl tkun raġonevoli ekonomikament u kosteffettiva biss għall-konsumaturi b’ċertu ammont ta’ konsum tal-gass naturali, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkunsidraw dan meta jipproċedu bl-introduzzjoni. Valutazzjonijiet bħal dawn jenħtieġ li jiġu rieżaminati regolarment bħala rispons għal bidliet sinifikanti fis-suppożizzjonijiet sottostanti, u fi kwalunkwe każ mill-inqas kull erba’ snin, fid-dawl tal-pass mgħaġġel tal-iżviluppi teknoloġiċi. Implimentazzjonijiet limitati ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti, bħal proġetti pilota u fażijiet ta’ ttestjar, ma jitqisux bħala użu ta’ tali sistemi skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva.
(49)
Biex jgħinu għall-parteċipazzjoni attiva tal-klijenti finali fis-suq, meta jintużaw is-sistemi ta’ kejl intelliġenti jenħtieġ li jqisu kif xieraq l-użu tal-istandards disponibbli rilevanti, inkluż dawk li jippermettu l-interoperabbiltà fil-livell tal-mudell tad-data u tas-saff ta’ applikazzjoni, l-aqwa prattiki u l-importanza tal-iżvilupp tal-iskambju tad-data, u s-servizzi tal-enerġija futuri u innovattivi. Barra minn hekk, is-sistemi ta’ kejl intelliġenti li jintużaw jenħtieġ li ma jkunux joħolqu ostaklu għall-qlib tal-fornitur fil-każ tal-konsumaturi tal-gass naturali u jenħtieġ li jkollhom funzjonalitajiet adegwati għall-użu biex il-klijenti finali jkollhom aċċess fil-ħin għad-data dwar il-konsum tagħhom, ikunu jistgħu jimmodulaw l-imġiba enerġetika tagħhom, jiġu ppremjati għaliha, u jiksbu ffrankar fil-kontijiet tagħhom. Jenħtieġ li l-gruppi tal-konsumaturi jingħataw pariri dwar kif jużaw l-arloġġi intelliġenti b’mod li jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tagħhom.
(50)
L-Istati Membri li ma jintroduċux il-kejl intelliġenti sistematikament fis-sistema tal-gass naturali jenħtieġ li jippermettu lill-konsumaturi jgawdu mill-installazzjoni ta’ arloġġ intelliġenti, meta jitolbu dan, b’kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli filwaqt li jġarrbu l-kostijiet assoċjati, u jenħtieġ li jagħtuhom l-informazzjoni rilevanti kollha.
(51)
Bħalissa, fl-Istati Membri ġew żviluppati, jew qed jiġu żviluppati, mudelli differenti għall-ġestjoni tad-data wara l-introduzzjoni tas-sistemi ta’ kejl intelliġenti. Indipendentement mill-mudell tal-ġestjoni tad-data, hu importanti li l-Istati Membri jqiegħdu fis-seħħ regoli trasparenti biex id-data tkun tista’ tiġi aċċessata b’kundizzjonijiet nondiskriminatorji u jiżguraw l-ogħla livell taċ-ċibersigurtà u tal-protezzjoni tad-data, u l-imparzjalità tal-entitajiet li jipproċessaw id-data.
(52)
Aktar protezzjoni lill-konsumaturi hi żgurata bid-disponibbiltà ta’ mezzi effettivi għas-soluzzjoni tat-tilwim lill-konsumaturi kollha. L-Istati Membri jenħtieġ li jipprevedu proċeduri rapidi u effettivi għall-immaniġġar tat-tilwim. Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-immaniġġar tat-tilwim tingħata fil-kuntratti tal-klijenti u l-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni.
(53)
Meta jivvalutaw il-funzjonament tal-mekkaniżmi tagħhom għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-parteċipazzjoni u l-konformità tal-impriżi tal-gass naturali.
(54)
L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri xierqa, bħall-għoti ta’ benefiċċji bis-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom, ħalli jiżguraw il-provvista meħtieġa lill-klijenti vulnerabbli, u jagħtu appoġġ biex titjieb l-effiċjenza enerġetika u l-użu tal-enerġija rinnovabbli, ħalli jindirizzaw b’mod sostenibbli l-faqar enerġetiku, inkluż fil-kuntest usa’ tal-faqar. Dawk il-miżuri jistgħu jvarjaw skont ċirkostanzi partikolari fl-Istati Membri inkwistjoni u jistgħu jinkludu miżuri ta’ politika soċjali jew tal-enerġija relatati mal-ħlas ta’ kwalunkwe kont tal-gass naturali u l-idroġenu, għall-investiment fl-effiċjenza enerġetika tal-bini residenzjali, jew il-protezzjoni tal-konsumaturi, bħas-salvagwardji mill-iskonnessjoni.
(55)
Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni (UE) 2020/1563 (27) tal-14 ta’ Ottubru 2020 u (UE) 2023/2407 (28) tal-20 ta’ Ottubru 2023 dwar il-faqar enerġetiku jistabbilixxu prattiki tajbin għad-definizzjoni tal-faqar enerġetiku fil-livell nazzjonali, inkluż indikaturi xierqa għall-kejl tal-faqar enerġetiku, u għal miżuri u titjib strutturali li l-Istati Membri jistgħu jieħdu biex jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-faqar enerġetiku. L-investimenti f’miżuri strutturali biex tiġi indirizzata l-prestazzjoni enerġetika baxxa tad-djar u tal-apparat domestiku u d-dekarbonizzazzjoni u l-użu ta’ sorsi rinnovabbli huma enfasizzati, kif ukoll miżuri oħra bl-għan li tiġi pprovduta informazzjoni dwar kif jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija u jiġu introdotti prattiki li jiffrankaw l-enerġija, jiġu appoġġati ċ-ċittadini biex jingħaqdu mal-komunitajiet tal-enerġija jew titħeġġeġ bidla lejn soluzzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli.
(56)
L-iskonnessjoni taffettwa b’mod sinifikanti l-aċċess tal-klijenti għall-provvista tal-gass naturali li jeħtieġu, b’mod partikolari, biex isaħħnu djarhom. Il-klijenti affettwati mill-faqar enerġetiku u l-klijenti vulnerabbli huma affettwati ħażin b’mod partikolari mill-iskonnessjonijiet tal-gass naturali u jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jipprevjenu l-iskonnessjoni ta’ dawk il-klijenti għal raġunijiet ekonomiċi jew kummerċjali. Hemm diversi għodod u prattiki tajbin disponibbli għall-Istati Membri li jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, projbizzjonijiet ta’ skonnessjoni tul is-sena kollha jew staġjonali, prevenzjoni tad-dejn u soluzzjonijiet sostenibbli biex jappoġġaw lill-klijenti f’diffikultà li jħallsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jidentifikaw l-aktar għodod xierqa abbażi taċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom. Jenħtieġ li tali miżuri ma jaffettwawx l-iskonnessjoni temporanja tal-klijenti mill-operaturi tan-network f’emerġenza, mingħajr avviż minn qabel meta dik l-iskonnessjoni tkun għal raġunijiet ta’ sigurtà, u b’avviż minn qabel fejn fattibbli meta tkun għal raġunijiet ta’ manutenzjoni.
(57)
Il-klijenti għandhom id-dritt li jużaw proċeduri ta’ lment ġestiti mill-fornituri tagħhom, kif ukoll proċeduri ta’ soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti, sabiex jaraw id-drittijiet tagħhom infurzati b’mod effettiv u ma jkunux żvantaġġati fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil mal-fornituri, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontijiet jew l-ammont dovut. Meta l-klijenti jużaw dawk il-proċeduri, jenħtieġ li l-fornituri ma jtemmux il-kuntratti abbażi ta’ fatti li għadhom qed jiġu kkontestati. Jenħtieġ li kemm il-fornituri kif ukoll il-klijenti jkomplu jissodisfaw id-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali tagħhom, b’mod partikolari li jfornu l-gass naturali u li jħallsu għal dak il-gass naturali, u jenħtieġ li l-proċeduri tal-ilment ma jsirux il-bażi għal abbużi li jippermettu lill-klijenti ma jonorawx l-obbligi kuntrattwali tagħhom, inkluż il-ħlas tal-kontijiet tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu miżuri xierqa biex jevitaw li dawk il-proċeduri ta’ lment jew ta’ soluzzjoni tat-tilwim jintużaw b’mod distort.
(58)
Biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista għall-konsumaturi, partikolarment f’każijiet ta’ falliment tal-fornitur, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu reġim tal-fornitur tal-aħħar għażla jew jieħdu miżuri ekwivalenti. Jenħtieġ li jkun possibbli li jinħatar il-fornitur tal-aħħar għażla jew qabel jew fil-mument tal-falliment tal-fornitur. Fornitur tal-aħħar għażla jista’ jkun id-diviżjoni tal-bejgħ ta’ impriża integrata vertikalment li twettaq ukoll funzjonijiet ta’ distribuzzjoni, sakemm tissodisfa r-rekwiżiti tas-separazzjoni ta’ din id-Direttiva. Madankollu, jenħtieġ li dan ma jimplikax obbligu tal-Istati Membri li jfornu b’ċertu prezz minimu fiss. Fejn Stat Membru jobbliga fornitur tal-aħħar għażla biex iforni gass naturali lil klijent li ma jirċievix offerti bbażati fuq is-suq, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li japplikaw u l-obbligu jista’ jinvolvi prezz regolat biss sal-punt li l-klijent huwa intitolat li jibbenefika minn prezzijiet regolati. Meta jivvalutaw jekk l-offerti riċevuti minn klijenti mhux domestiċi humiex ibbażati fuq is-suq, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu ċ-ċirkostanzi kummerċjali u tekniċi individwali. Fejn, qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, Stat Membru jkun diġà ħatar fornitur ta’ l-aħħar għażla għall-gass naturali permezz ta’ proċedura ġusta, trasparenti u mhux diskriminatorja, mhux meħtieġ li titnieda proċedura ġdida għall-ħatra tal-fornitur tal-aħħar għażla.
(59)
Is-simplifikazzjoni tal-proċessi tal-għoti tal-permessi amministrattivi u limiti taż-żmien ċari għad-deċiżjonijiet li jridu jieħdu l-awtoritajiet kompetenti biex joħorġu awtorizzazzjoni, jenħtieġ li jiżguraw li l-introduzzjoni ta’ faċilitajiet tal-produzzjoni tal-idroġenu u tal-infrastruttura tas-sistema tal-idroġenu tkun tista’ ssir b’pass adegwat mingħajr ma jxekklu l-konsultazzjonijiet pubbliċi. L-Istati Membri jenħtieġ li jintalbu jirrappurtaw dwar il-progress li jkun sar. L-anterjorità tal-awtorizzazzjonijiet, bħal liċenzji, permessi, konċessjonijiet jew approvazzjonijiet, mogħtija skont il-liġi nazzjonali għall-kostruzzjoni u l-operazzjoni tal-pipelines eżistenti tal-gass naturali u ta’ assi oħra tan-network tkun meħtieġa ladarba l-vettur tal-enerġija gassuża trasportat f’pipeline tal-gass naturali jinbidel mill-gass naturali għall-idroġenu (pur). Jenħtieġ li dik l-anterjorità tal-awtorizzazzjonijiet la taffettwa l-validità tar-rekwiżiti tekniċi tas-sikurezza għall-infrastruttura tal-idroġenu, u lanqas il-possibbiltà għall-awtoritajiet kompetenti li jimmonitorjaw il-konformità ma’ tali rekwiżiti u li jieħdu miżuri ta’ infurzar xierqa u proporzjonati, inkluż revoka possibbli tal-awtorizzazzjonijiet ta’ anterjorità, jekk dan ikun iġġustifikat. Dan għandu jevita d-dewmien bla bżonn fl-adattament għal skop ġdid lill-pipelines tal-gass naturali eżistenti u lil assi oħra tan-networks għat-trasport tal-idroġenu. Jenħtieġ li jkun evitat li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għall-infrastruttura tas-sistema tal-idroġenu jkunu materjalment differenti, sakemm dan ma jkunx ġustifikat biżżejjed. Kunsiderazzjonijiet tekniċi dwar is-sikurezza jistgħu jiġġustifikaw approċċ divrenzjat fl-anterjorità tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti, jew fil-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet ġodda. Id-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri tal-awtorizzazzjoni jenħtieġ li japplikaw mingħajr preġudizzju għal-liġijiet internazzjonali u tal-Unjoni, inkluż id-dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem. Meta jkun debitament ġustifikat minħabba ċirkostanzi straordinarji, jenħtieġ li jkun possibbli li l-limiti taż-żmien għall-proċeduri tal-awtorizzazzjoni jiġu estiżi b’perjodu massimu ta’ sena.
(60)
L-għoti ta’ gwida lill-applikanti tul il-proċessi tagħhom tal-applikazzjoni u tal-għoti tal-permess amministrattiv permezz ta’ punt ta’ kuntatt amministrattiv hu maħsub biex tonqos il-kumplessità għall-iżviluppaturi tal-proġetti u jiżdiedu l-effiċjenza u t-trasparenza. Il-possibbiltà li l-applikanti jissottomettu d-dokumenti rilevanti b’format diġitali u d-disponibbiltà ta’ manwal tal-proċeduri għall-applikanti jistgħu jgħinu fl-effiċjenza. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet li jimplimentaw il-proċeduri tal-awtorizzazzjoni jiġu involuti b’mod attiv biex jindirizzaw l-ostakli pendenti, fosthom dawk nonfinanzjarji bħan-nuqqas ta’ għarfien u riżorsi diġitali u umani biżżejjed li jxekklu l-ipproċessar ta’ għadd dejjem akbar ta’ proċeduri tal-awtorizzazzjoni. Jenħtieġ li l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi għall-konnessjonijiet man-network ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni ma jiġux imxekkla minn nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva. Barra minn hekk, jenħtieġ li tali proċeduri għall-għoti ta’ permessi ma jistabbilux ostakli fir-rigward tal-kisba tal-mira nazzjonali tal-enerġija rinnovabbli.
(61)
Mingħajr is-separazzjoni effettiva tan-networks mill-attivitajiet tal-produzzjoni u tal-provvista (separazzjoni effettiva), hemm riskju ta’ diskriminazzjoni mhux biss fl-operazzjoni tan-network iżda anki fl-inċentivi lill-impriżi integrati vertikalment biex jinvestu kif xieraq fin-networks tagħhom.
(62)
Hija biss it-tneħħija tal-inċentiv għall-impriżi integrati vertikalment li jiddiskriminaw kontra l-kompetituri fejn jidħol l-aċċess għan-networks u l-investiment li tista’ tiżgura separazzjoni effettiva. Is-separazzjoni tas-sjieda, li timplika l-ħatra ta’ sid in-network bħala l-operatur tas-sistema, u l-indipendenza tiegħu minn kull interess ta’ provvista u ta’ produzzjoni, hi bla dubju mod effettiv u stabbli biex jissolva l-kunflitt ta’ interess inerenti u tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista. Għal dik ir-raġuni, il-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Lulju 2007 dwar il-prospetti għas-suq intern tal-gass u tal-elettriku jirreferi għas-separazzjoni tas-sjieda fil-livell tat-trażmissjoni bħala l-aktar għodda effettiva li tippromwovi l-investimenti fl-infrastrutturi b’mod nondiskriminatorju, aċċess ġust għan-network lill-parteċipanti ġodda, u t-trasparenza fis-suq. Għalhekk, bis-separazzjoni tas-sjieda, l-Istati Membri jenħtieġ li jintalbu jiżguraw li l-istess persuna ma tkunx intitolata teżerċita kontroll fuq impriża tal-produzzjoni jew tal-provvista u, fl-istess waqt, teżerċita kontroll jew xi dritt fuq operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew fuq sistema tat-trażmissjoni. Bil-kontra, il-kontroll fuq sistema tat-trażmissjoni jew fuq operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jenħtieġ li jwaqqaf il-possibbiltà li jiġi eżerċitat kontroll jew dritt fuq impriża tal-produzzjoni jew tal-provvista. F’dawk il-limiti, jenħtieġ li jkun possibbli li impriża tal-produzzjoni jew tal-provvista jkollha sehem minoritarju f’operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew f’sistema tat-trażmissjoni.
(63)
Kull sistema tas-separazzjoni jenħtieġ li tkun effettiva fit-tneħħija ta’ kull kunflitt ta’ interess bejn il-produtturi, il-fornituri u l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni, biex jinħolqu inċentivi għall-investimenti meħtieġa u jkun żgurat l-aċċess tal-parteċipanti ġodda fis-suq permezz ta’ reġim regolatorju effiċjenti u trasparenti, u jenħtieġ li ma tkunx toħloq reġim regolatorju oneruż iżżejjed għall-awtoritajiet regolatorji.
(64)
Id-definizzjoni tat-terminu “kontroll” f’din id-Direttiva hija allinjata mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (29).
(65)
Fid-dawl tar-rabtiet vertikali bejn is-setturi tal-gass naturali u tal-elettriku, id-dispożizzjonijiet dwar is-separazzjoni jenħtieġ li jkunu japplikaw għas-setturi kollha għall-gass naturali, l-idroġenu u l-elettriku kif spjegat fid-dettall f’din id-Direttiva.
(66)
Fir-rigward tas-settur tal-idroġenu, jenħtieġ li r-regoli dwar is-separazzjoni vertikali jiġu applikati mingħajr dewmien. Dan huwa preferibbli minn separazzjoni ex-post għalja li tista’ tkun meħtieġa f’każ li s-settur jiżviluppa integrazzjoni vertikali b’saħħitha.
(67)
Bis-separazzjoni tas-sjieda, biex tkun żgurata indipendenza sħiħa tal-operazzjoni tan-network mill-interessi tal-provvista u tal-produzzjoni, u biex ikun evitat kull skambju tal-informazzjoni kunfidenzjali, l-istess persuna jenħtieġ li ma jkunx membru tal-bordijiet maniġerjali ta’ operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew sistema tat-trażmissjoni kif ukoll ta’ impriża li twettaq xi waħda mill-funzjonijiet tal-produzzjoni jew il-provvista. Għall-istess raġuni, l-istess persuna jenħtieġ li ma tkunx intitolata li taħtar membri tal-bordijiet maniġerjali ta’ operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew ta’ sistema tat-trażmissjoni u teżerċita kontroll jew dritt fuq impriża tal-produzzjoni jew tal-provvista.
(68)
L-istabbiliment ta’ operatur tas-sistema jew ta’ operatur tat-trażmissjoni li jkun indipendenti mill-interessi tal-provvista u tal-produzzjoni jenħtieġ li jippermetti lill-impriżi integrati vertikalment iżommu s-sjieda tagħhom tal-assi tan-network, filwaqt li jiżgura separazzjoni effettiva tal-interessi, dment li dan l-operatur indipendenti tas-sistema jew dan l-operatur indipendenti tat-trażmissjoni jwettaq il-funzjonijiet kollha ta’ operatur tas-sistema u jkun hemm fis-seħħ regolamentazzjoni dettaljata u mekkaniżmi estensivi tal-kontroll regolatorju.
(69)
Jekk, fit-3 ta’ Settembru 2009, impriża li tkun is-sid ta’ sistema tat-trażmissjoni kienet parti minn impriża integrata vertikalment, l-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw l-għażla bejn is-separazzjoni tas-sjieda u l-istabbiliment ta’ operatur tas-sistema jew ta’ operatur tat-trażmissjoni li jkun indipendenti mill-interessi tal-provvista u tal-produzzjoni.
(70)
Għal ħarsien sħiħ tal-interessi tal-azzjonisti tal-impriżi integrati vertikalment, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom l-għażla li jimplimentaw separazzjoni tas-sjieda bi żvestiment dirett jew bi qsim tal-ishma tal-impriża integrata f’ishma tal-impriża tan-network u ishma tal-impriża residwa tal-provvista u tal-produzzjoni, dment li dan ikun konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mis-separazzjoni tas-sjieda.
(71)
L-effikaċja sħiħa tas-soluzzjonijiet ta’ operatur indipendenti tas-sistema jew ta’ operatur indipendenti tat-trażmissjoni jenħtieġ li tkun żgurata b’regoli speċifiċi addizzjonali. Ir-regoli dwar l-operatur indipendenti tat-trażmissjoni jipprovdu qafas regolatorju xieraq li jiżgura kompetizzjoni ġusta, investiment biżżejjed, aċċess lill-parteċipanti ġodda fis-suq, u l-integrazzjoni tas-swieq tal-gass naturali u tal-idroġenu. Is-separazzjoni effettiva permezz tad-dispożizzjonijiet dwar l-operatur indipendenti tat-trażmissjoni jenħtieġ li tissejjes fuq pilastru ta’ miżuri organizzattivi u miżuri dwar il-governanza tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni, u fuq pilastru ta’ miżuri relatati mal-investiment, il-konnessjoni ta’ kapaċitajiet ġodda tal-produzzjoni man-network, u l-integrazzjoni tas-suq bil-kooperazzjoni reġjonali. L-indipendenza tal-operatur tat-trażmissjoni jenħtieġ li tkun żgurata wkoll, fost l-oħrajn b’ċerti perjodi tal-“cooling-off” li matulhom ma ssir l-ebda attività ta’ ġestjoni jew attività rilevanti oħra fl-impriża integrata vertikalment li tagħti aċċess għall-istess informazzjoni li setgħet inkisbet f’pożizzjoni maniġerjali.
(72)
Biex tinħoloq il-kompetizzjoni fis-swieq interni tal-gass naturali u tal-idroġenu, il-klijenti l-kbar mhux domestiċi, involuti f’attivitajiet kummerċjali fuq skala kbira, jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jagħżlu l-fornituri tagħhom u jagħmlu kuntratti ma’ bosta fornituri biex jiżguraw il-ħtiġijiet tal-gass naturali u tal-idroġenu tagħhom. Dawn il-klijenti jenħtieġ li jkunu protetti mill-klawżoli ta’ esklużjoni, bl-effett li jeskludu offerti kompetittivi jew kumplimentari.
(73)
Stat Membru jenħtieġ li jkollu d-dritt li jagħżel separazzjoni sħiħa tas-sjieda fit-territorju tiegħu. Meta Stat Membru jkun eżerċita dak id-dritt, jenħtieġ li impriża ma jkollhiex id-dritt tistabbilixxi operatur indipendenti tas-sistema jew operatur indipendenti tat-trażmissjoni, dment li ma jkunx previst mod ieħor minn din id-Direttiva. Barra minn hekk, impriża li twettaq xi waħda mill-funzjonijiet tal-produzzjoni jew tal-provvista jenħtieġ li ma tkunx teżerċita kontroll dirett jew indirett jew xi dritt fuq operatur tas-sistema tat-trażmissjoni minn Stat Membru li għażel separazzjoni sħiħa tas-sjieda.
(74)
Fis-suq intern tal-gass naturali, jeżistu tipi differenti ta’ organizzazzjoni tas-suq. Il-miżuri li l-Istati Membri jistgħu jieħdu biex jiżguraw ambjent ekwu jenħtieġ li jkunu bbażati fuq rekwiżiti prevalenti ta’ interess ġenerali. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi kkonsultata dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri mat-TFUE u ma’ liġijiet rilevanti oħra tal-Unjoni.
(75)
L-implimentazzjoni ta’ separazzjoni effettiva jenħtieġ li tirrispetta l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn is-settur pubbliku u privat. Għal dan il-għan, l-istess persuna jenħtieġ li ma tkunx tista’ teżerċita kontroll jew dritt, bi ksur tar-regoli tas-separazzjoni tas-sjieda jew l-alternattiva tal-operatur indipendenti tas-sistema, waħedha jew b’mod konġunt, fuq il-kompożizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjoni tal-korpi tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni jew tas-sistemi tat-trażmissjoni kif ukoll tal-impriżi tal-produzzjoni jew tal-provvista. Rigward is-separazzjoni tas-sjieda u l-alternattiva tal-operatur indipendenti tas-sistema, dment li l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ juri konformità mar-rekwiżit, jenħtieġ li żewġ korpi pubbliċi separati jkunu jistgħu jikkontrollaw l-attivitajiet tal-produzzjoni u tal-provvista, min-naħa, u l-attivitajiet tat-trażmissjoni, min-naħa l-oħra.
(76)
Is-separazzjoni effettiva sħiħa tal-attivitajiet tan-network mill-attivitajiet tal-provvista u tal-produzzjoni jenħtieġ li tapplika fl-Unjoni kollha għall-impriżi tal-Unjoni kif ukoll għal impriżi ta’ pajjiżi terzi. Biex ikun żgurat li l-attivitajiet tan-network u l-attivitajiet tal-provvista u tal-produzzjoni fl-Unjoni jibqgħu indipendenti minn xulxin, l-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jkollhom is-setgħa li jirrifjutaw iċ-ċertifikazzjoni lill-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni li ma jikkonformawx mar-regoli tas-separazzjoni. Biex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dawk ir-regoli fl-Unjoni kollha, l-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jqisu bis-sħiħ l-opinjoni tal-Kummissjoni meta dawk tal-ewwel jieħdu deċiżjonijiet dwar iċ-ċertifikazzjoni. Barra minn hekk, biex tiżgura r-rispett tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u s-solidarjetà u s-sigurtà tal-enerġija fl-Unjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha d-dritt tagħti l-opinjoni tagħha dwar iċ-ċertifikazzjoni fir-rigward ta’ sid tas-sistema tat-trażmissjoni jew operatur tas-sistema tat-trażmissjoni li jkun ikkontrollat minn persuna minn pajjiż terz. Fit-twettiq ta’ dik il-valutazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis ir-relazzjonijiet kummerċjali li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv l-inċentivi u l-ħila tal-operatur li jwettaq il-kompiti tiegħu, kif ukoll l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u kwalunkwe fatt u ċirkostanza speċifiċi oħra tal-każ. Jenħtieġ li tali fatti u ċirkostanzi jinkludu t-tnaqqis tal-provvisti tal-gass naturali bħala arma u l-manipulazzjoni tas-swieq permezz ta’ interruzzjonijiet intenzjonati tal-flussi tal-gass naturali bil-potenzjal ċar ta’ impatt dirett u serju fuq l-interessi essenzjali tas-sigurtà internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri.
(77)
In-networks tal-pipelines tal-idroġenu jenħtieġ li jkunu mezz importanti ta’ trasport effiċjenti u sostenibbli tal-idroġenu, fuq l-art u lil hinn mill-kosta. Minħabba n-nefqa kapitali għolja meħtieġa għall-kostruzzjoni tagħhom, in-networks tal-pipelines tal-idroġenu jistgħu jikkostitwixxu monopolji naturali. L-esperjenza fir-regolamentazzjoni tas-swieq tal-gass naturali wriet l-importanza li jkun żgurat aċċess miftuħ u nondiskriminatorju għan-networks tal-pipelines biex titħares il-kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti bażiċi. Għalhekk, il-prinċipji stabbiliti sew tal-operazzjoni tan-network, bħall-aċċess ta’ partijiet terzi, jenħtieġ li jkunu applikabbli għan-networks tal-idroġenu fuq l-art u lil hinn mill-kosta fl-Unjoni.
(78)
Jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ “trażmissjoni tal-idroġenu” u dik ta’ “distribuzzjoni tal-idroġenu” f’din id-Direttiva jkunu bbażati fuq il-funzjonijiet tal-kategoriji rilevanti tan-network u fuq it-tipi ta’ infrastruttura konnessa.
(79)
Jenħtieġ li l-interkonnetturi tal-idroġenu, bħala networks tal-idroġenu li jaqdu l-iskop importanti li jikkollegaw in-networks nazzjonali tal-idroġenu tal-Istati Membri, jitħaddmu mill-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu. F’każijiet limitati ħafna u fejn network ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu jkun parti mill-pjan tal-iżvilupp tan-network rilevanti, huwa possibbli li dan jiġi konness ma’ network tat-trażmissjoni tal-idroġenu fi Stat Membru ieħor. Dment li dak in-network tad-distribuzzjoni ma jkunx konness addizzjonalment ma’ network tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni tal-idroġenu fl-Istat Membru fejn jinsab in-network ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu, jenħtieġ li jitħaddem bħala network tad-distribuzzjoni tal-idroġenu.
(80)
Jenħtieġ li n-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu, li jservu prinċipalment l-iskop li jfornu lill-klijenti konnessi direttament, jibbenefikaw minn reġim regolatorju eħfef fir-rigward tas-separazzjoni vertikali u l-ippjanar tan-networks. Jenħtieġ li tali networks ma jinkludux interkonnetturi tal-idroġenu u lanqas ma jkollhom konnessjonijiet ma’ infrastruttura ewlenija, bħal terminals jew faċilitajiet ta’ ħżin taħt l-art fuq skala kbira – sakemm in-network inkwistjoni ma jkunx network tal-gass naturali adattat għal skop ġdid – jew għal interkonnetturi tal-idroġenu. Fil-konnessjoni bejn ħażna taħt l-art fuq skala kbira u sistema ta’ distribuzzjoni, li t-tnejn li ġew adattati għal skop ġdid għall-użu tal-idroġenu, jista’ jinbena pipeline ġdid ta’ konnessjoni fuq distanza qasira għat-trasport tal-idroġenu bejniethom bħala estensjoni tas-sistema tad-distribuzzjoni eżistenti. Madankollu, jenħtieġ li l-konnessjoni ta’ installazzjonijiet iżgħar għall-ħżin tal-idroġenu taħt l-art jew fuq l-art, inkluż tankijiet replikabbli faċilment għall-ħżin tal-idroġenu, ma’ networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu ma tkunx ristretta peress li huma mistennija jaqdu rwol ewlieni fl-ibbilanċjar ta’ dawk in-networks.
(81)
L-operazzjoni tan-networks tal-idroġenu jenħtieġ li tkun separata mill-attivitajiet tal-produzzjoni u tal-provvista tal-enerġija biex ikun evitat ir-riskju ta’ kunflitti ta’ interess f’isem l-operaturi tan-networks. Is-separazzjoni strutturali tas-sjieda tan-networks tat-trażmissjoni tal-idroġenu u l-parteċipazzjoni fil-produzzjoni u fil-provvista tal-enerġija tiżgura n-nuqqas ta’ dawn il-kunflitti ta’ interess. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddependu fuq il-mudell ta’ separazzjoni alternattiv ta’ operatur ta’ network integrat tat-trażmissjoni tal-idroġenu għal operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni tal-gass naturali, soġġett għall-mudell ta’ separazzjoni ta’ operatur indipendenti tat-trażmissjoni u għal networks tal-idroġenu eżistenti integrati vertikalment. Jenħtieġ li l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni tal-gass naturali li jibbenefikaw minn deroga skont din id-Direttiva jitqiesu bħala ċċertifikati għall-fini tad-determinazzjoni tal-eliġibbiltà tagħhom biex jużaw il-mudell tal-operatur tan-network integrat tat-trażmissjoni tal-idroġenu. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jippermettu wkoll l-użu tal-mudell ta’ operatur indipendenti tan-networks tat-trażmissjoni tal-idroġenu biex jippermettu lis-sidien integrati vertikalment tan-networks tat-trażmissjoni tal-idroġenu jżommu s-sjieda tan-networks tagħhom filwaqt li jiżguraw l-operazzjoni nondiskriminatorja ta’ tali networks.
(82)
Filwaqt li l-operazzjoni konġunta tan-networks tal-idroġenu u tal-grilji tal-gass naturali jew tal-elettriku tista’ toħloq sinerġiji, u għaldaqstant jenħtieġ li jkunu permessi, l-attivitajiet tal-operazzjoni tan-networks tat-trażmissjoni tal-idroġenu jenħtieġ li jiġu organizzati f’entità legali separata biex tkun żgurata t-trasparenza b’rabta mal-finanzjament u l-użu tat-tariffi tal-aċċess. Jenħtieġ li d-derogi għal dak ir-rekwiżit ta’ separazzjoni orizzontali legali jingħataw biss fuq bażi temporanja, soġġett għal analiżi pożittiva tal-kostbenefiċċji u valutazzjoni tal-impatt mill-awtoritajiet regolatorji. Minħabba l-pożizzjoni remota tagħhom u d-daqs limitat tas-suq, jenħtieġ li tali derogi jingħataw awtomatikament lill-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja sal-2031. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li t-trasparenza rigward il-finanzjament u l-użu tat-tariffi ta’ aċċess tiġi żgurata b’separazzjoni ċara u trasparenti tal-kontijiet taħt il-monitoraġġ tal-awtoritajiet regolatorji. Meta operatur tan-network tal-idroġenu jkun parti minn impriża attiva fit-trażmissjoni jew fid-distribuzzjoni tal-gass naturali jew tal-elettriku, l-operatur tan-network jenħtieġ li jippreżenta lill-awtorità regolatorja lista li tispeċifika fil-dettall l-assi tal-infrastruttura tal-impriża rigward l-allokazzjoni tal-grilja għall-użu tal-idroġenu jew tal-gass naturali bl-għan li tiġi żgurata trasparenza sħiħa fir-rigward tas-separazzjoni tal-bażi tal-assi regolatorji. Dik il-lista jenħtieġ li tiġi aġġornata f’konformità mal-proċeduri tal-awditjar tas-soltu għall-kontijiet.
(83)
Biex tkun żgurata t-trasparenza b’rabta mal-kostijiet u l-finanzjament tal-attivitajiet regolati, l-attivitajiet tal-operazzjoni tan-networks tat-trażmissjoni tal-idroġenu jenħtieġ li jiġu separati mill-attivitajiet l-oħra tal-operazzjoni tan-networks għal vetturi oħra tal-enerġija mill-inqas fejn tidħol il-forma legali u l-kontijiet tal-operaturi tan-networks. Għall-fini tas-separazzjoni legali tal-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu, il-ħolqien ta’ sussidjarja jew entità ġuridika separata fi ħdan l-istruttura tal-grupp tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni tal-gass naturali jenħtieġ li jitqies suffiċjenti, mingħajr il-ħtieġa ta’ separazzjoni funzjonali tal-governanza jew separazzjoni tal-maniġment jew tal-persunal. Għalhekk jenħtieġ li t-trasparenza fir-rigward tal-kostijiet u l-finanzjament tal-attivitajiet regolati tinkiseb mingħajr ma jintilfu s-sinerġiji u l-vantaġġi tal-ispejjeż li t-tħaddim ta’ diversi networks jista’ jġib miegħu.
(84)
In-networks tal-idroġenu jenħtieġ li jkunu soġġetti għal aċċess ta’ partijiet terzi biex ikunu żgurati l-kompetizzjoni u ambjent ekwu fis-suq tal-provvista tal-idroġenu. L-aċċess regolat ta’ partijiet terzi abbażi ta’ tariffi tal-aċċess regolati jenħtieġ li jkun ir-regola awtomatika fit-tul. Biex tkun żgurata l-flessibbiltà meħtieġa għall-operaturi u jonqsu l-kostijiet amministrattivi tul il-fażi taż-żieda fis-suq tal-idroġenu, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom l-għażla li jippermettu l-użu ta’ aċċess negozjat ta’ partijiet terzi sal-31 ta’ Diċembru 2032.
(85)
Huma biss partijiet mill-ħażna taħt l-art li sseħħ b’mod naturali użati għall-gass naturali bħall-għerien tal-melħ, l-akwiferi u ħażniet tal-gass naturali żvojtati li jistgħu jintużaw ukoll għall-idroġenu. Id-disponibbiltà ta’ dawk il-faċilitajiet tal-ħżin tal-idroġenu taħt l-art fuq skala kbira hi limitata u mqassma b’mod mhux uniformi madwar l-Istati Membri. Minħabba r-rwol potenzjalment siewi għall-funzjonament tat-trasport tal-idroġenu u tas-swieq tal-idroġenu, l-aċċess għal dawn il-faċilitajiet ta’ ħżin ta’ taħt l-art fuq skala kbira jenħtieġ li fl-aħħar mill-aħħar ikun soġġett għal aċċess regolat minn partijiet terzi biex ikun żgurat ambjent ekwu għall-parteċipanti fis-suq. Madankollu, fil-fażi ta’ żieda ta’ swieq tal-idroġenu, għandu jkun hemm flessibbiltà għall-Istati Membri biex jużaw ukoll reġimi ta’ aċċess innegozjati sal-31 ta’ Diċembru 2032.
(86)
Huwa mistenni li l-idroġenu u d-derivattivi tal-idroġenu, bħall-ammonijaka jew il-vetturi tal-idroġenu organiku likwidi ser jiġu importati fl-Unjoni u ttrasportati fi ħdan l-Unjoni. Madankollu, għadu mhux ċert b’liema mezzi u f’liema forma l-idroġenu ser jiġi ttrasportat filwaqt li diversi mezzi u forom x’aktarx li jikkoeżistu u jikkompetu ma’ xulxin. Din id-Direttiva tipprovdi qafas regolatorju għall-infrastruttura u s-swieq għall-idroġenu gassuż. Konsegwentement, huwa biss meta forom oħra ta’ idroġenu jew derivattivi u l-faċilitajiet li jimmaniġġawhom ikunu rilevanti biex jiġi żgurat il-ħolqien ta’ suq kompetittiv għall-idroġenu gassuż li jkun jenħtieġ li r-rwol tagħhom u r-regoli applikabbli għalihom jiġu definiti f’din id-Direttiva.
(87)
It-terminals għall-ħatt u l-konverżjoni tal-idroġenu likwidu jew tal-ammonijaka likwida ttrasportati bil-bastimenti f’idroġenu gassuż jikkostitwixxu mezz ta’ importazzjoni tal-idroġenu, iżda jikkompetu ma’ mezzi oħra tat-trasport tal-idroġenu. Filwaqt li l-aċċess ta’ partijiet terzi għal terminals bħal dawn jenħtieġ li jkun żgurat, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu sistema ta’ aċċess negozjat ta’ partijiet terzi biex jonqsu l-kostijiet amministrattivi tal-operaturi u tal-awtoritajiet regolatorji. Il-ħżin assoċjat mat-terminal u li għalih jingħata aċċess lil partijiet terzi jenħtieġ li jkun proporzjonat għall-kapaċità tat-terminal li jikkonverti u jinjetta l-idroġenu fin-network. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-aċċess ta’ partijiet terzi għas-servizzi tat-tagħbija tat-trakkijiet tista’ ma tkunx meħtieġa, dment li tali operazzjoni ma tkunx servizz anċillari marbut mal-konverżjoni u l-injezzjoni sussegwenti tal-idroġenu fin-network.
(88)
L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jeliminaw gradwalment il-gass naturali sabiex jilħqu l-objettiv tan-newtralità klimatika stipulat fir-Regolament (UE) 2021/1119 jew għal raġunijiet tekniċi oħra. Huwa importanti li jiġi pprovdut qafas regolatorju ċar li jippermetti r-rifjut ta’ aċċess u l-iskonnessjoni possibbli tal-utenti tan-network biex jintlaħqu dawk l-objettivi ta’ politika. Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġi rrifjutat l-aċċess lil, jew li jiġu skonnessi, l-utenti tan-network b’rabta ma’ infrastruttura li ser tiġi dekummissjonata f’konformità mal-pjan ta’ żvilupp tan-network fil-livell tat-trażmissjoni jew fejn id-dekummissjonar huwa previst fil-livell tad-distribuzzjoni. Fl-istess ħin, jenħtieġ li jittieħdu miżuri adegwati biex jipproteġu lill-utenti tan-network f’ċirkostanzi bħal dawn u huwa importanti wkoll li d-deċiżjonijiet dwar ir-rifjut ta’ aċċess u ta’ skonnessjoni jkunu soġġetti għal kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji żviluppati mill-awtoritajiet regolatorji.
(89)
In-networks tal-idroġenu integrati vertikalment eżistenti jenħtieġ li jkunu eliġibbli li jitolbu derogi mir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva dment li dawk in-networks ma jiġux estiżi b’mod sinifikanti u li tali deroga ma jkollhiex effett negattiv fuq il-kompetizzjoni jew l-infrastruttura tal-idroġenu jew l-iżvilupp tas-suq, li jenħtieġ li jiġi vverifikat regolarment.
(90)
Ir-raggruppamenti tal-idroġenu lokalizzati jenħtieġ li jkunu element kostitwenti importanti tal-ekonomija tal-idroġenu tal-Unjoni. Tali raggruppamenti jistgħu jibbenefikaw minn rekwiżiti regolatorji simplifikati matul il-fażi ta’ żieda tas-suq tal-idroġenu, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tas-separazzjoni tas-sjieda għan-networks li jfornu parteċipanti fis-suq f’tali raggruppamenti. Jenħtieġ li r-rekwiżiti regolatorji simplifikati korrispondenti jindirizzaw ukoll il-ħtieġa għal flessibbiltà regolatorja ta’ konnessjonijiet diretti tal-pipelines bejn il-produtturi tal-idroġenu u l-klijenti individwali.
(91)
L-interkonnetturi tal-pipelines ma’ pajjiżi terzi jistgħu jservu bħala mezz tat-trasport għall-importazzjonijiet jew għall-esportazzjonijiet tal-idroġenu. L-applikabbiltà ta’ din id-Direttiva għal-linji ta’ pipelines tal-idroġenu lejn u mill-pajjiżi terzi jenħtieġ li tkun limitata għat-territorju tal-Istati Membri. Ir-regoli operattivi għall-interkonnetturi tal-idroġenu ma’ pajjiżi terzi jenħtieġ li jiġu minquxa fi ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi kkonnettjati. Jenħtieġ li tali ftehim internazzjonali ma jitqiesx neċessarju meta l-Istat Membru konness jew li beħsiebu jiġi konness mill-interkonnettur tal-idroġenu jinnegozja u jikkonkludi ftehim intergovernattiv mal-pajjiżi terzi kkonċernati f’konformità mal-proċedura ta’ għoti ta’ setgħa prevista f’din id-Direttiva, sabiex jiġi żgurat qafas regolatorju koerenti u l-applikazzjoni konsistenti tiegħu għall-infrastruttura kollha.
(92)
Biex tkun żgurata l-operazzjoni effiċjenti tan-networks tal-idroġenu tal-Unjoni, l-operaturi tan-networks tal-idroġenu jenħtieġ li jkunu responsabbli għall-operazzjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tan-network b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ operaturi oħra tan-networks tal-idroġenu u ma’ operaturi oħra tas-sistemi li magħhom huma konnessi jew jistgħu jkunu konnessi n-networks tagħhom, inkluż biex teħfief l-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija.
(93)
L-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu jenħtieġ li jibnu kapaċità transfruntiera biżżejjed għat-trasport tal-idroġenu li tilħaq id-domandi kollha ekonomikament raġonevoli u teknikament fattibbli għal din il-kapaċità, u b’hekk jabilitaw l-integrazzjoni tas-suq.
(94)
F’konformità mal-Istrateġija tal-UE għall-Idroġenu, huwa importanti li tingħata prijorità lit-trasport u l-użu tal-idroġenu fil-forma pura tiegħu. F’dak is-sens, huwa importanti li s-sistema tal-idroġenu tittrasporta, taħżen u timmaniġġa l-idroġenu ta’ grad għoli ta’ purità filwaqt li tqis ir-rekwiżiti tal-kwalità tal-utenti finali tal-idroġenu, għall-kuntrarju tal-idroġenu mħallat fis-sistema tal-gass naturali. Huwa importanti wkoll li l-istandards tal-kwalità tal-idroġenu jipprovdu aktar kriterji biex jiġu ddeterminati l-livelli ta’ purità tal-idroġenu komunement aċċettabbli. Jeħtieġ li firxa ta’ livelli aċċettabbli ta’ purità tal-idroġenu u parametri rilevanti oħra tal-kwalità tal-idroġenu, pereżempju kontaminanti, jiġu definiti permezz ta’ proċess ta’ standardizzazzjoni teknika minn korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni.
(95)
F’xi każijiet, skont pereżempju t-topografija tan-networks tal-idroġenu u l-popolazzjoni tal-utenti finali konnessi man-networks tal-idroġenu, il-ġestjoni tal-kwalità tal-idroġenu mill-operaturi tan-networks tal-idroġenu tista’ ssir meħtieġa (pereżempju l-purifikazzjoni). Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji jqabbdu lill-operaturi tan-networks tal-idroġenu biex jiżguraw ġestjoni effiċjenti tal-kwalità tal-idroġenu fin-networks tagħhom, meta meħtieġ għall-ġestjoni tas-sistema. Meta jwettqu attivitajiet bħal dawn, l-operaturi tan-networks tal-idroġenu jenħtieġ li jiżguraw kwalità stabbli tal-idroġenu għall-utenti finali inkluż f’setturi li diffiċli jiġu dekarbonizzati, billi jikkonformaw mal-istandards tal-kwalità tal-idroġenu applikabbli.
(96)
Meta l-operaturi tas-sistemi għall-operaturi tan-networks tal-gass naturali jew tal-idroġenu jirrifjutaw talbiet għal aċċess jew għal konnessjoni minħabba nuqqas ta’ kapaċità, jenħtieġ li huma jissostanzjaw kif xieraq tali rifjut, u l-operaturi jenħtieġ li jintalbu jtejbu s-sistema tagħhom biex jippermettu l-konnessjonijiet jew l-aċċess mitlubin, meta jkun ekonomiku li jagħmlu dan u skont l-eżerċizzju tal-ippjanar rilevanti.
(97)
L-ostakli għat-tlestija tas-suq intern tal-gass naturali kkawżati minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli tas-suq tal-Unjoni għal-linji tat-trażmissjoni tal-gass naturali lejn u mill-pajjiżi terzi jenħtieġ li jiġu indirizzati wkoll. Jeħtieġ ikun żgurat li r-regoli applikabbli għal-linji tat-trażmissjoni tal-gass naturali li jikkollegaw żewġ Stati Membri jew aktar ikunu applikabbli wkoll fl-Unjoni għal-linji tat-trażmissjoni tal-gass naturali lejn u mill-pajjiżi terzi. Dan għandu jistabbilixxi l-konsistenza tal-qafas legali fl-Unjoni, u jevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern tal-enerġija fl-Unjoni u l-impatt negattiv fuq is-sigurtà tal-provvista. Dan għandu jsaħħaħ ukoll it-trasparenza u jipprovdi ċ-ċertezza legali lill-parteċipanti fis-suq, b’mod partikolari lill-investituri fl-infrastruttura tal-gass naturali u lill-utenti tas-sistemi, rigward ir-reġim legali applikabbli.
(98)
L-Istati Membri u l-Partijiet Kontraenti għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija (30) jenħtieġ li jikkooperaw mill-qrib fil-materji kollha li jikkonċernaw l-iżvilupp ta’ suq tal-gass naturali integrat u dekarbonizzat, u jenħtieġ li ma jieħdu l-ebda miżura li xxekkel l-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tal-gass naturali jew is-sigurtà tal-provvista tal-Istati Membri u tal-Partijiet Kontraenti. Dan jista’ jinkludi kooperazzjoni b’rabta mal-kapaċitajiet tal-ħżin tal-gass naturali, u li jiġu mistiedna esperti fi gruppi reġjonali rilevanti dwar ir-riskju tal-gass naturali.
(99)
Jenħtieġ li l-pipelines li jikkollegaw proġett tal-produzzjoni taż-żejt jew tal-gass naturali ta’ pajjiż terz ma’ impjant tal-ipproċessar jew ma’ destinazzjoni kostali finali fi ħdan Stat Membru jitqiesu bħala networks tal-pipelines upstream. Il-pipelines li jikkollegaw proġett tal-produzzjoni taż-żejt jew tal-gass naturali fi Stat Membru ma’ impjant tal-ipproċessar jew ma’ destinazzjoni kostali finali fi ħdan pajjiż terz jenħtieġ li ma jitqisux bħala networks tal-pipelines upstream għall-fini ta’ din id-Direttiva, għax pipelines bħal dawk aktarx ma jħallux impatt sinifikanti fuq is-suq intern tal-enerġija.
(100)
Jenħtieġ li operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni jkunu liberi li jikkonkludu ftehimiet tekniki ma’ operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni jew entitajiet oħra f’pajjiżi terzi dwar materji relatati mal-operazzjoni u l-interkonnessjoni tas-sistemi tat-trażmissjoni, dment li l-kontenut ta’ dawn il-ftehimiet ikun kompatibbli mal-liġijiet tal-Unjoni.
(101)
Il-ftehimiet tekniċi rigward l-operazzjoni tal-linji tat-trażmissjoni bejn l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni jew entitajiet oħra jenħtieġ li jibqgħu fis-seħħ, dment li dawn ikunu konformi mal-liġijiet tal-Unjoni u d-deċiżjonijiet rilevanti tal-awtorità regolatorja.
(102)
Meta dawn il-ftehimiet tekniċi jkunu fis-seħħ, din id-Direttiva ma teżiġix il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali bejn Stat Membru u pajjiż terz jew ta’ ftehim bejn l-Unjoni u pajjiż terz rigward l-operazzjoni tal-linja tat-trażmissjoni tal-gass naturali kkonċernata.
(103)
L-applikabbiltà ta’ din id-Direttiva għal-linji tat-trażmissjoni tal-gass naturali lejn u mill-pajjiżi terzi jenħtieġ li tkun limitata għat-territorju tal-Istati Membri. Rigward il-linji tat-trażmissjoni tal-gass naturali offshore, din id-Direttiva jenħtieġ li tkun tapplika fil-baħar territorjali tal-Istat Membru fejn jinsab l-ewwel punt tal-interkonnessjoni man-network tal-Istati Membri.
(104)
Il-ftehimiet eżistenti konklużi bejn Stat Membru u pajjiż terz dwar l-operazzjoni tal-linji tat-trażmissjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jibqgħu fis-seħħ, f’konformità ma’ din id-Direttiva.
(105)
Rigward il-ftehimiet jew partijiet mill-ftehimiet ma’ pajjiżi terzi li jistgħu jaffettwaw ir-regoli komuni tal-Unjoni, jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura koerenti u trasparenti biex permezz tagħha Stat Membru jiġi awtorizzat, meta jitlob dan, li jemenda, jestendi, jadatta, iġedded jew jikkonkludi ftehim ma’ pajjiż terz dwar l-operazzjoni ta’ linja tat-trażmissjoni jew ta’ network tal-pipelines upstream bejn l-Istat Membru u pajjiż terz. Il-proċedura jenħtieġ li ma ddewwimx l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-allokazzjoni tal-kompetenza bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, u jenħtieġ li tapplika għall-ftehimiet eżistenti u ġodda.
(106)
Meta jkun jidher li s-suġġett ta’ ftehim ikun parzjalment fil-kompetenza tal-Unjoni u parzjalment fil-kompetenza ta’ Stat Membru, hu essenzjali li tkun żgurata l-kooperazzjoni mill-qrib bejn dak l-Istat Membru u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
(107)
Biex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li jiġu konferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjonijiet li jawtorizzaw jew jirrifjutaw li jawtorizzaw lil Stat Membru jemenda, jestendi, jadatta, iġedded jew jikkonkludi ftehim ma’ pajjiż terz. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31).
(108)
Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija hi element essenzjali tas-sigurtà pubblika u għaldaqstant hi marbuta b’mod inerenti mal-funzjonament effiċjenti tas-suq intern tal-gass naturali u mal-integrazzjoni tas-swieq iżolati tal-gass naturali tal-Istati Membri. Il-gass naturali jista’ jasal biss għand ic-ċittadini tal-Unjoni permezz tan-network. Swieq tal-gass naturali miftuħin li jiffunzjonaw, u b’mod partikolari networks u assi oħra assoċjati mal-provvista tal-gass naturali huma essenzjali għas-sigurtà pubblika, għall-kompetittività tal-ekonomija u għall-benesseri taċ-ċittadini tal-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-persuni mill-pajjiżi terzi jitħallew jikkontrollaw sistema tat-trażmissjoni jew operatur tas-sistema tat-trażmissjoni biss jekk dawn ikunu konformi mar-rekwiżiti tas-separazzjoni effettiva li japplikaw fl-Unjoni. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, l-Unjoni jidhrilha li s-settur tas-sistema tat-trażmissjoni tal-gass naturali għandu importanza kbira għall-Unjoni u għalhekk hemm bżonn salvagwardji addizzjonali għall-preżervazzjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija lill-Unjoni ħalli jkun evitat kull theddid għall-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika fl-Unjoni u għall-benesseri taċ-ċittadini tal-Unjoni. Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija lill-Unjoni teħtieġ, b’mod partikolari, valutazzjoni tal-indipendenza tal-operazzjoni tan-networks, il-livell tad-dipendenza tal-Unjoni u tal-Istati Membri individwali fuq il-provvista tal-enerġija minn pajjiżi terzi, u t-trattament tal-kummerċ u tal-investiment domestiċi u barranin fl-enerġija f’xi pajjiż terz partikolari. Għalhekk is-sigurtà tal-provvista jenħtieġ li tiġi vvalutata fid-dawl taċ-ċirkostanzi fattwali ta’ kull każ, u tad-drittijiet u l-obbligi li joħorġu mil-liġijiet internazzjonali, b’mod partikolari l-ftehimiet internazzjonali bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat. Meta xieraq, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta rakkomandazzjonijiet biex jiġu negozjati ftehimiet rilevanti mal-pajjiżi terzi li jindirizzaw is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni jew biex jiġu inklużi l-kwistjonijiet meħtieġa f’negozjati oħra ma’ dawk il-pajjiżi terzi.
(109)
Jenħtieġ li jittieħdu miżuri oħra biex għall-aċċess għat-trasport ikunu żgurati tariffi trasparenti u nondiskriminatorji. Dawn it-tariffi jenħtieġ li jkunu japplikaw għall-utenti kollha b’mod nondiskriminatorju. Meta faċilità tal-ħżin tal-gass naturali, linepack jew servizz anċillari jkunu joperaw f’suq li hu kompetittiv biżżejjed, l-aċċess jista’ jiġi permess b’mekkaniżmi trasparenti u nondiskriminatorji bbażati fuq is-suq.
(110)
Jeħtieġ tkun żgurata l-indipendenza tal-operaturi ta’ sistemi tal-ħżin tal-gass naturali biex jitjieb l-aċċess ta’ partijiet terzi għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass naturali li huma meħtieġa teknikament jew ekonomikament biex jingħata aċċess effiċjenti għas-sistema għall-provvista tal-klijenti. Għaldaqstant, jixraq li l-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass naturali jitħaddmu minn entitajiet legalment separati li jkollhom drittijiet deċiżjonali effettivi rigward l-assi meħtieġa għall-operazzjoni, il-manutenzjoni jew l-iżvilupp tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass naturali. Jeħtieġ ukoll tiżdied it-trasparenza rigward il-kapaċità tal-ħżin tal-gass naturali li tiġi offruta lill-partijiet terzi, billi l-Istati Membri jiġu obbligati jistabbilixxu qafas pubbliku ċar u nondiskriminatorju, li jiddetermina r-reġim regolatorju adegwat applikabbli għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass naturali. Dak l-obbligu jenħtieġ li ma jkunx jeħtieġ deċiżjoni ġdida dwar ir-reġimi tal-aċċess iżda jenħtieġ li jtejjeb it-trasparenza rigward ir-reġim tal-aċċess għall-ħżin tal-gass naturali. Ir-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità għall-informazzjoni sensittiva kummerċjalment huma importanti b’mod partikolari fejn tidħol id-data ta’ natura strateġika jew meta jkun hemm utent wieħed biss għal faċilità tal-ħżin tal-gass naturali.
(111)
L-aċċess nondiskriminatorju għan-network tad-distribuzzjoni jiddetermina l-aċċess downstream lill-klijenti fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. Madankollu, l-ambitu għad-diskriminazzjoni rigward l-aċċess u l-investiment ta’ parti terza hu inqas sinifikanti fil-livell tad-distribuzzjoni milli fil-livell tat-trażmissjoni, fejn il-konġestjoni u l-influwenza tal-interessi tal-produzzjoni huma ġeneralment iżjed milli fil-livell tad-distribuzzjoni. Biex jiġi stabbilit ambjent ekwu fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, l-attivitajiet tal-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni jenħtieġ li jiġu monitorjati biex ma jieħdu vantaġġ mill-integrazzjoni vertikali tagħhom rigward il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-suq, b’mod partikolari b’rabta ma’ klijenti domestiċi u ma’ klijenti żgħar mhux domestiċi.
(112)
L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu miżuri konkreti biex jassistu l-użu usa’ ta’ bijometan sostenibbli, jew tipi oħra ta’ gass, li jistgħu jiġu injettati teknikament u b’mod sigur fis-sistema tal-gass naturali u ttrasportati permezz tagħha, li l-produtturi tagħhom jenħtieġ li jingħataw aċċess nondiskriminatorju għal dik is-sistema, dment li dan l-aċċess ikun kompatibbli kontinwament mar-regoli tekniċi u l-istandards tas-sikurezza rilevanti u dment li ma jkunx previst mod ieħor f’din id-Direttiva.
(113)
Il-produtturi tal-gass rinnovabbli u tal-gass b’livell baxx tal-karbonju spiss ikunu konnessi mal-grilja tad-distribuzzjoni. Biex jiġu ffaċilitati l-adozzjoni u l-integrazzjoni tas-suq tagħhom, hu essenzjali li dawn jiksbu aċċess bla xkiel għas-suq bl-ingrossa u għall-punti tal-kummerċ virtwali rilevanti. L-aċċess tal-gass rinnovabbli u tal-gass b’livell baxx tal-karbonju għas-suq bl-ingrossa jenħtieġ li jiġi ffaċilitat billi tingħata definizzjoni ta’ sistema ta’ dħul u ħruġ li tippermetti l-inklużjoni ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni u li finalment tiżgura li l-faċilitajiet ta’ produzzjoni kollha jkollhom aċċess għas-suq, irrispettivament minn jekk humiex konnessi mas-sistema tad-distribuzzjoni jew ta’ trażmissjoni. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2024/1789 jipprevedi li l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni u l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni jridu jaħdmu flimkien biex jippermettu flussi fid-direzzjoni opposta min-network tad-distribuzzjoni għan-network tat-trażmissjoni jew mezzi alternattivi biex teħfief l-integrazzjoni fis-suq tal-gass rinnovabbli u tal-gass b’livell baxx tal-karbonju.
(114)
Biex tkun evitata l-impożizzjoni ta’ piż finanzjarju u amministrattiv fuq l-operaturi ż-żgħar tas-sistema tad-distribuzzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu, meta meħtieġ, jeżentaw lill-impriżi kkonċernati mir-rekwiżiti legali tas-separazzjoni.
(115)
Meta tintuża sistema magħluqa tad-distribuzzjoni biex tiżgura l-aqwa effiċjenza possibbli tal-provvista integrata tal-enerġija li teħtieġ standards operattivi speċifiċi, jew meta titħaddem sistema magħluqa tad-distribuzzjoni qabelxejn għall-użu ta’ sid is-sistema, l-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni jenħtieġ li jkun jista’ jiġi eżentat mill-obbligi li joħolqu piż amministrattiv bla bżonn minħabba n-natura partikolari tar-relazzjoni bejn l-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni u l-utenti tas-sistema. Is-siti industrijali, kummerċjali jew ta’ servizzi komuni, bħall-binjiet tal-istazzjonijiet tal-ferroviji, l-ajruporti, l-isptarijiet, is-siti kbar tal-kampeġġ b’faċilitajiet integrati jew is-siti tal-industrija tal-kimika jistgħu jinkludu sistemi magħluqa tad-distribuzzjoni minħabba n-natura speċjalizzata tal-operazzjonijiet tagħhom.
(116)
Bl-integrazzjoni ta’ volumi dejjem akbar ta’ gass rinnovabbli u gass b’livell baxx tal-karbonju fis-sistema tal-gass naturali, il-kwalità tal-gass trasportat u kkunsmat fl-Unjoni ser tinbidel. Biex tkun żgurata l-operazzjoni effiċjenti tas-sistema tal-gass naturali, l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni jenħtieġ li jkunu responsabbli għall-ġestjoni tal-kwalità tal-gass fil-faċilitajiet tagħhom. Meta l-injezzjoni tal-gass rinnovabbli u tal-gass b’livell baxx tal-karbonju ssir fil-livell tad-distribuzzjoni u meta tkun meħtieġa ġestjoni tal-impatt tagħhom fuq il-kwalità tal-gass, l-awtoritajiet regolatorji jistgħu jqabbdu lill-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni biex jiżguraw il-ġestjoni effiċjenti tal-kwalità tal-gass fil-faċilitajiet tagħhom. Meta jwettqu kompiti ta’ ġestjoni tal-kwalità tal-gass, l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni jenħtieġ li jikkonformaw mal-istandards applikabbli tal-kwalità tal-gass.
(117)
L-awtoritajiet regolatorji jeħtieġ ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet fuq il-kwistjonijiet regolatorji rilevanti kollha biex is-suq intern tal-gass naturali jiffunzjona sew, u jridu jkunu indipendenti għalkollox minn kull interess pubbliku jew privat ieħor. Id-dispożizzjonijiet relatati mal-awtonomija fl-implimentazzjoni tal-baġit allokat tal-awtorità regolatorja jenħtieġ li jiġu implimentati fil-qafas stabbilit mil-liġi u r-regoli baġitarji nazzjonali. Filwaqt li jkunu qed jikkontribwixxu għall-indipendenza tal-awtorità regolatorja minn kull interess politiku jew ekonomiku jew interferenza bi skema xierqa ta’ rotazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jqisu kif xieraq id-disponibbiltà tar-riżorsi umani u d-daqs tal-bord.
(118)
Biex ikun żgurat aċċess effettiv għas-suq lill-parteċipanti kollha fis-suq, inkluż lill-partijiet ġodda, huma meħtieġa mekkaniżmi nondiskriminatorji u kostriflessivi. Dan jenħtieġ li jintlaħaq bit-twaqqif ta’ mekkaniżmi trasparenti bbażati fuq is-suq għall-provvista u x-xiri tal-gass naturali meħtieġ fil-qafas tar-rekwiżiti tal-ibbilanċjar. L-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jaqdu rwol attiv biex jiżguraw li l-prezzijiet tal-ibbilanċjar ikunu nondiskriminatorji u kostriflessivi. Fl-istess ħin, jenħtieġ li jingħataw inċentivi xierqa għal ibbilanċjar tad-dħul u tal-ħruġ tal-gass u biex is-sistema ma titqigħedx fil-periklu.
(119)
L-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jkunu jistgħu jiffissaw jew japprovaw it-tariffi, jew il-metodoloġiji sottostanti tal-kalkolu tat-tariffi, abbażi ta’ proposta mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, mill-operatur tas-sistemi tad-distribuzzjoni jew mill-operatur tas-sistema tal-gass naturali likwifikat, jew abbażi ta’ proposta maqbula minn dawk l-operaturi u l-utenti tan-networks. Meta jwettqu dawk il-kompiti, l-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jiżguraw li t-tariffi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni jkunu nondiskriminatorji u kostriflessivi, u jenħtieġ li jqisu l-kostijiet marġinali evitati u fit-tul tan-network minħabba miżuri amministrattivi min-naħa tad-domanda.
(120)
L-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jippromwovu, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), stabbilita bir-Regolament (UE) 2019/942, suq intern tal-idroġenu miftuħ, kompetittiv, sigur u ambjentalment sostenibbli bi flussi transfruntieri mingħajr xkiel. Biex is-suq intern tal-idroġenu jiffunzjona sew, l-awtoritajiet regolatorji jeħtieġ li jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet rigward il-kwistjonijiet regolatorji rilevanti kollha.
(121)
L-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jkollhom is-setgħa jadottaw deċiżjonijiet vinkolanti rigward l-impriżi tal-gass naturali jew tal-idroġenu u jimponu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq l-impriżi tal-gass naturali jew impriżi tal-idroġenu li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom, jew jipproponu lil qorti kompetenti biex timponi dawn il-penali fuqhom. L-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jingħataw ukoll is-setgħa li jiddeċiedu, irrispettivament mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni, dwar miżuri xierqa li jiżguraw benefiċċji għall-klijenti permezz tal-promozzjoni tal-kompetizzjoni effettiva meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-gass naturali u tal-idroġenu. L-istabbiliment ta’ programmi ta’ rilaxx tal-gass huwa wieħed mill-miżuri possibbli li jista’ jintuża għall-promozzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva u l-iżgurar tal-funzjonament tajjeb tas-suq.
(122)
L-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jingħataw ukoll is-setgħat jikkontribwixxu biex ikunu żgurati standards għoljin ta’ servizz pubbliku f’konformità mal-ftuħ tas-suq, il-protezzjoni tal-klijenti vulnerabbli, u għall-effettività sħiħa tal-miżuri tal-protezzjoni tal-konsumaturi. Dawk id-dispożizzjonijiet jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni rigward l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, inkluż l-eżaminar tal-fużjonijiet b’dimensjoni tal-Unjoni, u mingħajr preġudizzju wkoll għar-regoli tas-suq intern bħall-moviment liberu tal-kapital. Il-korp indipendenti li lilu għandha d-dritt tappella parti li tkun affettwata b’deċiżjoni tal-awtorità regolatorja jista’ jkun qorti jew tribunal ieħor bis-setgħa jwettqu rieżami ġudizzjarju.
(123)
Kwalunkwe armonizzazzjoni tas-setgħat tal-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li tkun tinkludi s-setgħat li jingħataw inċentivi lill-impriżi u li jiġu imposti pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq l-impriżi jew li jiġi propost lil qorti kompetenti biex timponi dawk il-pieni. Barra minn hekk, l-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jkollhom is-setgħa jitolbu informazzjoni rilevanti lill-impriżi, iwettqu investigazzjonijiet xierqa u biżżejjed, u jsolvu t-tilwimiet.
(124)
L-awtoritajiet regolatorji u l-ACER jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni dwar is-suq tal-idroġenu biex jiżguraw it-trasparenza, inkluż aspetti bħall-provvista u d-domanda, l-infrastruttura tat-trasport, il-kwalità tas-servizz, il-kummerċ transfruntier, l-investimenti, il-prezzijiet bl-ingrossa u tal-konsumaturi, kif ukoll il-likwidità tas-suq.
(125)
L-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni jaqdu rwol importanti biex ikunu żgurati investimenti kosteffettivi fin-networks tal-gass naturali u tal-idroġenu. Għal ippjanar ottimizzat fost il-vetturi tal-enerġija u biex jixxejjen id-distakk bejn l-approċċi differenti tal-ippjanar tan-networks nazzjonali u tal-Unjoni kollha, jenħtieġ li jiddaħħlu rekwiżiti addizzjonali għal ippjanar konsistenti. Sabiex tiġi żgurata introduzzjoni kosteffettiva tal-infrastruttura u biex jiġu evitati assi mhux rekuperabbli, l-ippjanar tan-networks jenħtieġ li jqis ukoll l-interkonnessjonijiet miżjuda bejn il-gass naturali u l-elettriku, kif ukoll l-idroġenu u, fejn applikabbli, it-tisħin distrettwali. Minbarra l-assi tal-elettriku għall-gass naturali, l-interkonnessjonijiet bejn l-idroġenu u l-elettriku jistgħu jinkludu wkoll l-impjanti tal-enerġija tal-idroġenu. Jenħtieġ li l-ippjanar tan-network ikun trasparenti u jippermetti l-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-operaturi jkunu meħtieġa jwettqu konsultazzjoni estensiva mal-partijiet ikkonċernati. Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32) jista’ jipprovdi l-opinjoni tiegħu dwar ix-xenarji konġunti. Jenħtieġ li l-pjan tal-iżvilupp tan-network għall-idroġenu jkun immirat lejn l-użu tal-idroġenu f’setturi li diffiċli jiġu dekarbonizzati fejn ma tkun disponibbli ebda alternattiva aktar effiċjenti fl-enerġija u aktar kosteffiċjenti.
(126)
Bil-kolokazzjoni, il-produzzjoni u l-konsum tal-idroġenu jseħħu fl-istess post jew jinsabu qrib kemm jista’ jkun, u b’hekk tiġi żgurata kwalità stabbli tal-idroġenu skont l-użu finali u jiġu minimizzati l-kostijiet u l-impatt ambjentali kif ukoll it-tnixxija tal-idroġenu relatati mat-trasport. Jenħtieġ li l-operaturi tan-netwerk tal-idroġenu jikkooperaw ma’ operaturi tan-network tal-idroġenu konnessi u ġirien biex jiżguraw l-aktar konnessjoni effiċjenti possibbli.
(127)
Meta jiżviluppaw il-pjan tal-iżvilupp tan-networks, importanti li l-operaturi tal-infrastrutturi jqisu l-prinċipju li l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel u dak tal-effiċjenza tas-sistema stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Settembru 2021 bit-titlu “L-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel: minn prinċipji għall-prattika. Linji gwida u eżempji għall-implimentazzjoni tagħha fit-teħid tad-deċiżjonijiet fis-settur tal-enerġija u lil hinn minnu”, b’mod partikolari l-konsum mistenni użat għall-iżvilupp tax-xenarju konġunt. Jenħtieġ li tingħata prijorità lis-soluzzjonijiet min-naħa tad-domanda kull meta jkunu aktar kosteffettivi mill-investimenti fl-infrastruttura.
(128)
L-Istrateġija għall-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija tal-UE tindika l-importanza ta’ ppjanar u operazzjoni kkoordinati tas-sistema tal-enerġija biex jintlaħqu l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni. Għalhekk, jeħtieġ jitfasslu pjanijiet tal-iżvilupp tan-networks ibbażat fuq xenarju konġunt li jkun żviluppat fuq bażi transsettorjali. Filwaqt li jibqgħu jkunu jistgħu jidentifikaw mudelli tan-networks settorjali separati u kapitoli separati fil-każ ta’ pjan tal-iżvilupp ta’ network konġunt, l-operaturi tal-infrastruttura jenħtieġ li jaħdmu għal livell ogħla ta’ integrazzjoni filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet tas-sistema lil hinn minn vetturi tal-enerġija speċifiċi.
(129)
Il-pjanijiet tal-iżvilupp tan-networks huma element importanti biex jingħarfu l-lakuni fl-infrastruttura u biex tingħata l-informazzjoni dwar l-infrastruttura li jeħtieġ li tinbena jew li tista’ tiġi dekummissjonata u li tista’ tintuża għal skopijiet oħra, bħat-trasport tal-idroġenu. Dan hu minnu irrispettivament mill-mudell tas-separazzjoni magħżul għall-operaturi tan-networks.
(130)
L-għoti tal-informazzjoni dwar l-infrastruttura li tista’ tiġi dekummissjonata, fil-pjan tal-iżvilupp tan-networks, jista’ jfisser li l-infrastruttura titwaqqaf mis-servizz b’mod permanenti, jew billi titħalla ma tintużax, li tiżżarma jew li tqiegħed għad-dispożizzjoni biex tintuża għal skopijiet oħra, bħat-trasport tal-idroġenu. Iż-żieda fit-trasparenza dwar l-infrastruttura qed issir għax l-infrastruttura bi skop ġdid hija komparattivament orħos minn infrastruttura mibnija ġdida u għalhekk jenħtieġ li tippermetti tranżizzjoni kosteffettiva.
(131)
Fl-Istati Membri fejn għandu jiġi żviluppat network ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu, l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-idroġenu jenħtieġ li jkun ibbażat fuq projezzjoni progressiva u realistika tad-domanda, inkluż il-ħtiġijiet potenzjali mill-perspettiva tas-sistema tal-elettriku u s-setturi li diffiċli jiġu dekarbonizzati. Jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li jippermettu imposti dedikati bħala mezz ta’ kofinanzjament tal-infrastruttura ġdida tal-idroġenu, il-pjan jenħtieġ li jappoġġa lill-awtorità regolatorja fil-valutazzjoni tagħha ta’ dawk l-imposti. Il-pjan għandu jiġi ppreżentat kull erba’ snin. Jenħtieġ li sottomissjonijiet li jsiru qabel l-31 ta’ Diċembru 2032 isiru lill-awtorità regolatorja jew lil awtorità kompetenti oħra. SJenħtieġ li s-sottomissjonijiet li jsiru wara dik id-data jsiru biss lill-awtorità regolatorja.
(132)
L-informazzjoni li hemm fil-pjan tal-iżvilupp tan-network jenħtieġ li tippermetti tbassir dwar l-impatt fuq it-tariffi abbażi tal-ippjanar, id-dekummissjonar jew l-adattament għal skop ġdid li jaffettwaw il-bażi tal-assi regolatorji.
(133)
Minflok ma jipprovdu pjan nazzjonali tal-iżvilupp tan-networks fil-livell tal-Istat Membru individwali, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jagħżlu li jfasslu pjan tal-iżvilupp tan-networks fil-livell reġjonali li jinkludi aktar minn Stat Membru wieħed u f’konformità mal-integrazzjoni volontarja reġjonali tas-suq tal-gass naturali.
(134)
B’kuntrast mal-elettriku, ir-rwol tal-gass naturali ser jonqos b’mod progressiv fil-futur, u dan jaffettwa wkoll id-domanda għall-investimenti fl-infrastruttura. Għalhekk, il-pjan tal-iżvilupp tan-networks jeħtieġ jibbilanċja t-tħassib dwar il-kompetizzjoni u jevita assi mhux irkuprabbli.
(135)
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu li jagħlqu u jaġġustaw b’mod strateġiku parti mis-sistema ta’ distribuzzjoni tagħhom sabiex ineħħu gradwalment il-provvista ta’ gass naturali lill-klijenti domestiċi biex jiżguraw it-tranżizzjoni lejn sistema sostenibbli u effettiva.
(136)
Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikjedu li l-operaturi tan-networks tad-distribuzzjoni tal-idroġenu jippreżentaw l-infrastruttura tan-network tal-idroġenu li jkollhom l-għan li jiżviluppaw u jadattaw mill-ġdid fil-pjanijiet tan-network tad-distribuzzjoni tal-idroġenu. L-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni tal-gass naturali jenħtieġ li jkunu meħtieġa jiżviluppaw pjanijiet ta’ dekummissjonar tan-network meta jkun mistenni tnaqqis fid-domanda għall-gass naturali li jirrikjedi d-dekummissjonar tas-sistemi tad-distribuzzjoni tal-gass naturali jew ta’ partijiet minn tali sistemi. L-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni tal-gass naturali u l-operaturi tan-networks tad-distribuzzjoni tal-idroġenu jistgħu jitħallew jiżviluppaw pjanijiet konġunti jekk joperaw fl-istess żona u partijiet tan-network għandhom jingħataw skop ġdid. Jenħtieġ li dawk il-pjanijiet ikunu konformi mal-pjanijiet ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network. Il-pjanijiet għall-iżvilupp tan-network tad-distribuzzjoni u l-pjanijiet tad-dekummissjonar għall-gass naturali jenħtieġ li jippromwovu l-effiċjenza enerġetika u l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija filwaqt li jqisu l-pjanijiet lokali tat-tisħin u t-tkessiħ. Dawk il-pjanijiet jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-kisba tal-miri tal-Unjoni dwar l-enerġija u l-klima u jkunu bbażati fuq suppożizzjonijiet raġonevoli dwar id-domanda u l-produzzjoni tal-gass naturali u tal-idroġenu. Meta jkunu qed iħejju l-pjan, jenħtieġ li l-operaturi jkunu meħtieġa jwettqu proċess ta’ konsultazzjoni li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti u jagħmlu l-abbozzi tal-pjanijiet disponibbli għall-pubbliku. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw gwida mill-awtoritajiet regolatorji meta partijiet mis-sistema ta’ distribuzzjoni jistgħu jeħtieġu d-dekummissjonar, b’mod partikolari qabel it-tmiem taż-żmien ta’ deprezzament tagħhom previst oriġinarjament.
(137)
Il-qafas li jirregola l-kalkolu u l-impożizzjoni tal-kostijiet u t-tariffi tal-konnessjoni għall-produtturi tal-bijometan jaqdi rwol importanti biex il-bijometan sostenibbli jkun jista’ jiġi integrat fin-networks tal-gass naturali tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu qafas regolatorju għall-iffaċilitar ta’ konnessjoni effiċjenti tal-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-bijometan mas-sistemi ta’ trażmissjoni jew distribuzzjoni. Meta jistabbilixxu jew japprovaw it-tariffi jew il-metodoloġiji li għandhom jintużaw mill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji, mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tagħhom fit-twettiq ta’ dawk il-kompiti, jibqgħu jkunu jistgħu jqisu l-ispejjeż imġarrba u l-investimenti magħmula minn dawk l-operaturi tas-sistema.
(138)
Fl-Unjoni jeħtieġ li jsir progress lejn swieq tal-idroġenu interkonnessi biex b’hekk jiġi ffaċilitat l-investiment fl-infrastruttura transfruntiera tal-idroġenu.
(139)
Il-fiduċja fis-suq, il-likwidità tiegħu u l-għadd ta’ parteċipanti fis-suq jeħtieġ jiżdiedu, u għalhekk jeħtieġ tiżdied is-sorveljanza regolatorja tal-impriżi attivi fil-provvista tal-gass naturali. Dawn ir-rekwiżiti jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għal-liġi eżistenti tal-Unjoni dwar is-swieq finanzjarji, u kompatibbli magħha. L-awtoritajiet regolatorji u r-regolaturi tas-swieq finanzjarji jeħtieġ jikkooperaw biex jgħinu lil xulxin jiksbu għarfien ġenerali dwar is-swieq ikkonċernati. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu s-solidità finanzjarja tal-impriżi tal-provvista tal-gass naturali bħala kriterju għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ, inkluż il-bejgħ mill-ġdid, tal-gass naturali. Jenħtieġ li kriterju bħal dan ikun kompletament trasparenti u nondiskriminatorju.
(140)
Il-gass naturali hu qabelxejn, u kulma jmur, importat fl-Unjoni mingħand il-pajjiżi terzi. Il-liġi tal-Unjoni jenħtieġ li tqis il-karatteristiċi tal-gass naturali, fosthom ċerti riġiditajiet strutturali minħabba l-konċentrazzjoni tal-fornituri, il-kuntratti fit-tul jew in-nuqqas ta’ likwidità downstream. Għaldaqstant, hija meħtieġa aktar trasparenza, inkluż fil-formazzjoni tal-prezzijiet.
(141)
Qabel l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ linji gwida li jiddefinixxu aktar ir-rekwiżiti għaż-żamma tar-reġistri, l-ACER u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33), jenħtieġ li jikkooperaw u jagħtu pariri lill-Kummissjoni dwar il-kontenut tagħhom. L-ACER u l-ESMA jenħtieġ li jikkooperaw ukoll biex jinvestigaw aktar u jagħtu pariri dwar jekk it-tranżazzjonijiet fil-kuntratti tal-provvista tal-gass u d-derivattivi tal-gass naturali jenħtieġx li jkunu soġġetti għal rekwiżiti tat-trasparenza ta’ qabel jew ta’ wara l-kummerċ u, jekk iva, x’jenħtieġ li jkun il-kontenut ta’ dawk ir-rekwiżiti.
(142)
L-Istati Membri jew, meta l-Istati Membri hekk jistipulaw, l-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jħeġġu l-iżvilupp ta’ kuntratti tal-provvista interrompibbli.
(143)
Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, filwaqt li jqisu r-rekwiżiti tal-kwalità meħtieġa, il-bijometan jew tipi oħra ta’ gass jingħataw aċċess nondiskriminatorju għas-sistema tal-gass naturali, dment li dak l-aċċess ikun kompatibbli permanentement mar-regoli tekniċi rilevanti u l-istandards tas-sikurezza. Dawk ir-regoli u l-istandards jenħtieġ li jiżguraw li dak il-bijometan jew tipi oħra ta’ gass ikunu jistgħu teknikament u b’mod sikur jiġu injettati u trasportati fis-sistema tal-gass naturali u jenħtieġ li jindirizzaw ukoll il-karatteristiċi kimiċi tagħhom.
(144)
Il-kuntratti fit-tul huma parti importanti mill-provvista tal-gass naturali tal-Istati Membri. Madankollu, jenħtieġ li dawn ma joħolqux ostaklu għad-dħul ta’ gass rinnovabbli u ta’ gass b’livell baxx ta’ karbonju, li hija r-raġuni għalfejn il-kuntratti għall-provvista tal-gass fossili mhux imnaqqas jenħtieġ li ma jdumux aktar mill-31 ta’ Diċembru 2049. Jenħtieġ li dawk il-kuntratti dejjem jikkonformaw mal-objettivi ta’ din id-Direttiva u jkunu kompatibbli mat-TFUE, inkluż ir-regoli tal-kompetizzjoni. Meta tkun qed tiġi ppjanata l-kapaċità tal-provvista u tat-trasport tal-impriżi jeħtieġ jitqiesu l-kuntratti fit-tul. Filwaqt li l-gass fossili b’emissjonijiet mhux imnaqqsa għadu jaqdi rwol importanti, ir-rilevanza tiegħu biex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija tal-Unjoni ser tonqos progressivament. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-eliminazzjoni gradwali tal-gass fossili, filwaqt li jqisu d-disponibbiltà ta’ alternattivi. Fejn previst fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu data, li fiha jagħlqu l-kuntratti fit-tul għall-gass fossili b’emissjonijiet mhux imnaqqsa, li tiġi qabel l-31 ta’ Diċembru 2049.
(145)
Biex ikun żgurat li fl-Unjoni jinżammu standards għoljin tas-servizz pubbliku, il-miżuri kollha li ħadu l-Istati Membri biex jilħqu l-objettivi ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li jiġu notifikati b’mod regolari lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li b’mod regolari tippubblika rapport li janalizza l-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali biex jintlaħqu l-objettivi tas-servizz pubbliku u bi tqabbil dwar l-effettività tagħhom biex jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri li jridu jittieħdu fil-livell nazzjonali ħalli jinkisbu standards għoljin tas-servizz pubbliku.
(146)
Ir-rispett tar-rekwiżiti tas-servizz pubbliku huwa rekwiżit fundamentali ta’ din id-Direttiva, u huwa importanti li f’din id-Direttiva jiġu speċifikati standards minimi komuni li huma rispettati mill-Istati Membri kollha, u li jqisu l-objettivi tal-protezzjoni komuni, l-indirizzar tal-faqar enerġetiku, il-monitoraġġ tal-prezzijiet, is-sigurtà tal-provvista, il-protezzjoni tal-ambjent u livelli ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-Istati Membri kollha. Hu importanti li l-kriterji tas-servizz pubbliku jkunu jistgħu jiġu interpretati fuq bażi nazzjonali, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali u soġġett għar-rispett tal-liġi tal-Unjoni.
(147)
Il-miżuri implimentati mill-Istati Membri biex jilħqu l-objettivi tal-koeżjoni ekonomika u soċjali jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, l-għoti ta’ inċentivi ekonomiċi xierqa permezz, meta xieraq, l-għodod tal-Unjoni u nazzjonali eżistenti kollha. Dawn l-għodod jenħtieġ li jkunu jistgħu jinkludu mekkaniżmi tar-responsabbiltà biex ikun żgurat l-investiment meħtieġ.
(148)
Sakemm il-miżuri li ħadu l-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi tas-servizz pubbliku jkunu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE, hemm obbligu skont l-Artikolu 108(3) TFUE li dawn jinnotifikawhom lill-Kummissjoni.
(149)
Il-prezzijiet tas-suq jenħtieġ li jipprovdu inċentivi ġusti għall-iżvilupp tan-network.
(150)
Jenħtieġ li ċerti Stati Membri, minħabba l-karatteristiċi storiċi u l-livelli ta’ maturità tas-swieq tal-gass naturali tagħhom, ikollhom il-possibbiltà li jidderogaw minn regoli speċifiċi stabbiliti f’din id-Direttiva biex jipprevjenu penalizzazzjoni mhux ġustifikata, u biex jiffavorixxu żvilupp effiċjenti tas-swieq tal-gass naturali f’dawk l-Istati Membri. Dan japplika b’mod partikolari għal-Lussemburgu, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tas-suq tiegħu, u għal dawk l-Istati Membri kollha li għadhom mhumiex konnessi mas-sistema interkonnessa ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor jew li għadhom ma rċevewx l-ewwel provvista kummerċjali tal-ewwel kuntratt ta’ provvista tal-gass naturali tagħhom fit-tul. Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-Unjoni, id-derogi għall-Istati Membri li għadhom mhumiex konnessi mas-sistema interkonnessa ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor jew li għadhom ma rċevewx l-ewwel provvista kummerċjali tal-ewwel kuntratt tal-provvista tal-gass naturali tagħhom fit-tul jenħtieġ li jkunu temporanji u japplikaw biss sakemm dawk l-Istati Membri jkunu jistgħu jissodisfaw standards ogħla f’termini ta’ ftuħ tas-suq u interkonnettività mas-sistema integrata tal-gass naturali tal-Unjoni. Meta tapplika tali deroga, jenħtieġ li din tkopri wkoll kwalunkwe dispożizzjoni f’din id-Direttiva li tkun anċillari, jew li teħtieġ l-applikazzjoni minn qabel, ta’ kwalunkwe dispożizzjoni li minnha tkun ingħatat deroga.
(151)
Il-promozzjoni tal-kompetizzjoni ġusta u aċċess faċli lil fornituri differenti jenħtieġ li jkunu mill-aktar importanti għall-Istati Membri ħalli l-konsumaturi jkunu jistgħu jaħtfu għalkollox l-opportunitajiet ta’ suq intern liberalizzat tal-gass naturali.
(152)
Fid-dawl tal-ħolqien ta’ suq intern tal-gass naturali, jenħtieġ li l-Istati Membri jrawmu l-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali tagħhom u l-kooperazzjoni tal-operaturi tas-sistemi fil-livell tal-Unjoni u reġjonali, b’mod li jinkorporaw ukoll is-sistemi iżolati li jifformaw gżejjer tal-gass li jippersistu fl-Unjoni.
(153)
L-integrazzjoni volontarja tas-swieq reġjonali, b’mod partikolari l-fużjonijiet tas-suq, tista’ tipprovdi diversi benefiċċji, skont l-ispeċifiċitajiet tas-swieq. L-integrazzjoni tas-suq tista’ tkun opportunità biex isir l-aħjar użu mill-infrastruttura, dment li din ma tkunx tħalli impatt negattiv fuq is-swieq ġirien, pereżempju b’żieda fit-tariffi transfruntieri. Hi opportunità wkoll biex jiżdiedu l-kompetizzjoni, il-likwidità u l-kummerċ għall-ġid tal-konsumaturi finali fir-reġjun, peress li jiġu attirati fornituri li altrimenti ma kinux ikunu interessati jiġu minħabba ċ-ċokon tas-suq. L-integrazzjoni tas-suq tippermetti wkoll li jinħolqu żoni akbar li jaċċessaw aktar sorsi tal-provvista. Diversifikazzjoni bħal din tista’ tħalli impatt fuq il-prezzijiet tas-suq bl-ingrossa, bis-saħħa ta’ kompetizzjoni aħjar bejn is-sorsi, iżda tista’ ttejjeb ukoll is-sigurtà tal-provvista jekk ma jkunx għad fadal xi konġestjoni interna fiż-żona fuża l-ġdida. L-integrazzjoni tas-suq tista’ tkun bażi għal aktar appoġġ lit-trasformazzjoni tas-suq tal-gass naturali, inkluż l-użu tal-gass rinnovabbli u tal-gass b’livell baxx ta’ karbonju. L-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji u l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni jenħtieġ li jikkooperaw bejniethom biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni reġjonali.
(154)
L-iżvilupp ta’ suq intern veru tal-gass naturali, b’network konness mal-Unjoni kollha, jenħtieġ li jkun wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ din id-Direttiva, u għalhekk it-trattar ta’ kwistjonijiet regolatorji dwar l-interkonnessjonijiet transfruntieri u s-swieq reġjonali jenħtieġ li jkunu wieħed mill-kompiti ewlenin tal-awtoritajiet regolatorji, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-ACER meta rilevanti.
(155)
Wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li jkun ukoll li jinkisbu regoli komuni għal suq intern veru u għal provvista wiesgħa tal-gass naturali. Għal dak il-għan, prezzijiet tas-suq bla distorsjonijiet jipprovdu inċentiv għall-kummerċ transfruntier waqt li jwasslu għal konverġenza tal-prezzijiet.
(156)
L-awtoritajiet regolatorji jenħtieġ li jipprovdu wkoll informazzjoni dwar is-suq il-Kummissjoni tkun tista’ taqdi r-rwol tagħha li tosserva u tissorvelja s-suq intern tal-gass naturali u l-evoluzzjoni tiegħu fl-immedjat, fi żmien medju u fit-tul, inkluż aspetti bħall-provvista u d-domanda, l-infrastrutturi tat-trażmissjoni u tat-distribuzzjoni, il-kwalità tas-servizz, il-kummerċ transfruntier, il-ġestjoni tal-konġestjoni, l-investimenti, il-prezzijiet bl-ingrossa u bl-imnut, il-likwidità tas-suq kif ukoll it-titjib ambjentali u fl-effiċjenza. Jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji jirrapportaw lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni lil dawk l-Istati Membri li fi ħdanhom il-prezzijiet qed ixekklu l-kompetizzjoni u l-funzjonament tajjeb tas-suq.
(157)
Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-ħolqien ta’ suq intern operattiv għalkollox tal-gass naturali u tal-idroġenu, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti ta’ azzjoni bħal din, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex tinkiseb dak l-objettiv.
(158)
Skont ir-Regolament (UE) 2024/1789, il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida jew kodiċijiet tan-netwerk biex tikseb il-grad ta’ armonizzazzjoni meħtieġ. Dawn il-linji gwida jew il-kodiċijiet tan-network, li jikkostitwixxu regoli vinkolanti adottati bħala regolamenti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni, huma, anki fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, għodda siewja li tkun tista’ tiġi adattata malajr meta meħtieġ.
(159)
B’mod partikolari, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa tadotta l-linji gwida meħtieġa biex tagħti l-grad minimu ta’ armonizzazzjoni meħtieġ ħalli jintlaħaq l-għan ta’ din id-Direttiva.
(160)
F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li man-notifika tal-miżuri tat-traspożizzjoni tagħhom, f’każijiet ġustifikati, iżidu dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ Direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali tat-traspożizzjoni. Rigward din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawk id-dokumenti hija ġustifikata, b’mod partikolari wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-543/17 (34).
(161)
Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali, u tosserva l-prinċipji, rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). Għaldaqstant, din id-Direttiva jenħtieġ li tiġi interpretata u applikata f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali garantit mill-Artikolu 8 tal-Karta. Hu essenzjali li kull ipproċessar tad-data personali skont din id-Direttiva jikkonforma mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35).
(162)
Sabiex jiġu emendati l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva jew biex tiġi supplimentata fir-rigward ta’ ċerti oqsma speċifiċi li huma fundamentali biex jinkisbu l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tal-provvista ta’ linji gwida dwar il-kriterji minimi biex tiġi żgurata l-indipendenza tas-sistema ta’ trażmissjoni jew ta’ sid in-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu u tas-sistema tal-ħżin tal-gass naturali jew tal-operatur tal-ħżin tal-idroġenu, linji gwida li jagħtu d-dettalji tal-proċedura taċ-ċertifikazzjoni ta’ operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jew tal-operatur tan-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu, linji gwida dwar il-firxa tad-doveri tal-awtoritajiet regolatorji biex jikkooperaw ma’ xulxin u mal-ACER, linji gwida li jagħtu d-dettalji tal-proċedura li tikkonċerna l-konformità ta’ deċiżjoni meħuda minn awtorità regolatorja b’kodiċijiet tan-network u l-linji gwida adottati skont din id-Direttiva u r-Regolament (UE) 2024/1789 u linji gwida li jiddefinixxu l-metodi u l-arranġamenti għaż-żamma ta’ rekords, u l-forma u l-kontenut tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ta’ kuntratti tal-provvista ta’ gass naturali u ta’ idroġenu u derivattivi tal-gass naturali u tal-idroġenu pprovduti minn impriżi tal-provvista. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (36). B’mod partikolari, biex tkun żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.
(163)
Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tiddetermina rekwiżiti tal-interoperabbiltà u proċeduri nondiskriminatorji u trasparenti tal-aċċess għad-data. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
(164)
Biex tiżgura implimentazzjoni bla xkiel u effettiva ta’ ‘din id-Direttiva, il-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (37) u li jipprovdi għarfien espert tekniku apposta biex jitfasslu u jitwettqu r-riformi, inkluż dawk li jippromwovu swieq interni kompetittivi tal-gass naturali u tal-idroġenu, li jippermettu l-integrazzjoni ta’ gass rinnovabbli u gass b’livell baxx tal-karbonju, u jżidu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni. L-appoġġ tekniku jinvolvi, pereżempju, it-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva, l-armonizzazzjoni tal-oqfsa leġiżlattivi u l-kondiviżjoni tal-aqwa prattiki rilevanti.
(165)
Għalhekk jenħtieġ li titħassar id-Direttiva 2009/73/KE u l-obbligu tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali jenħtieġ li jkun limitat għal dawk id-dispożizzjonijiet li jirrappreżentaw emenda sostantiva meta mqabbel mad-Direttiva 2009/73/KE. L-obbligu tat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula joħroġ minn dik id-Direttiva.
(166)
Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti taż-żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u d-dati tal-applikazzjoni tad-Direttivi stipulata fl-Anness III, il-Parti B, ta’ din id-Direttiva,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU I
SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni għad-dekarbonizzazzjoni tas-swieq tal-gass naturali u tal-idroġenu, sabiex tikkontribwixxi għall-kisba tal-miri tal-klima u l-enerġija tal-Unjoni.
2. Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni dwar it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni, il-provvista u l-ħżin tal-gass naturali bl-użu tas-sistema tal-gass naturali, u d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, bl-għan li fl-Unjoni jinħolqu swieq għall-gass naturali integrati, kompetittivi u trasparenti. Din tistabbilixxi r-regoli rigward l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ dak is-settur, l-aċċess għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għat-trażmissjoni, id-distribuzzjoni, il-provvista u l-ħżin tal-gass naturali permezz tas-sistema tal-gass naturali u l-operazzjoni ta’ dik is-sistema.
3. Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni dwar it-trasport, il-provvista u l-ħżin tal-gass naturali u t-tranżizzjoni tas-sistema tal-gass naturali lejn sistema integrata u effiċjenti ħafna bbażata fuq il-gass rinnovabbli u l-gass b’livell baxx tal-karbonju.
4. Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni dwar it-trasport, il-provvista u l-ħżin tal-idroġenu permezz tas-sistema tal-idroġenu. Tistabbilixxi regoli marbutin mal-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ dak is-settur, l-aċċess għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għan-networks, il-provvista u l-ħżin tal-idroġenu u l-operazzjoni ta’ dik is-sistema.
5. Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar l-istabbiliment progressiv ta’ sistema tal-idroġenu interkonnessa li tkopri l-Unjoni kollha u tikkontribwixxi għall-flessibbiltà fit-tul tas-sistema tal-elettriku u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra ta’ setturi li diffiċli jiġu dekarbonizzati filwaqt li jittieħed kont tal-potenzjal ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-enerġija u l-kosteffiċjenza fir-rigward ta’ għażliet oħra u b’hekk tappoġġa d-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)
“gass naturali” tfisser gass li jikkonsisti primarjament mill-metan, inkluż il-bijometan, jew tipi oħra ta’ gass, li teknikament u b’mod sikur ikunu jistgħu jiġu injettati fis-sistema tal-gass naturali u trasportati fiha;
(2)
“gass rinnovabbli” tfisser bijogass kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (28), tad-Direttiva (UE) 2018/2001 inkluż bijogass li ġie kkonvertit f’bijometan, u fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (36), ta’ dik id-Direttiva;
(3)
“sistema tal-gass naturali” tfisser sistema ta’ infrastruttura, inkluż pipelines, terminals tal-gass naturali likwifikat (LNG) u faċilitajiet tal-ħżin tal-gass naturali, li tittrasporta gass naturali;
(4)
“sistema tal-idroġenu” tfisser sistema ta’ infrastruttura, inkluż networks tal-idroġenu, ħżin tal-idroġenu u terminals tal-idroġenu, li fiha idroġenu bi grad għoli ta’ purità;
(5)
“faċilità tal-ħżin tal-idroġenu” tfisser faċilità użata għall-ħżin tal-idroġenu bi grad għoli ta’ purità:
(a)
inkluż il-parti ta’ terminal tal-idroġenu użata għall-ħżin, iżda eskluż il-parti użata għall-operazzjonijiet tal-produzzjoni u l-faċilitajiet riżervati esklużivament għall-operaturi tan-networks tal-idroġenu fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom;
(b)
inkluż installazzjonijiet kbar għall-ħżin tal-idroġenu, b’mod partikolari taħt l-art, iżda eskluż l-installazzjonijiet iżgħar u faċilment replikabbli tal-ħżin tal-idroġenu;
(6)
“operatur tal-ħżin tal-idroġenu” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li twettaq il-funzjoni tal-ħżin tal-idroġenu u li hija responsabbli għall-operazzjoni ta’ faċilità tal-ħżin tal-idroġenu;
(7)
“linepack tal-idroġenu” tfisser il-ħżin tal-idroġenu bi grad għoli ta’ purità fin-networks tal-idroġenu permezz ta’ kompressjoni, għajr il-faċilitajiet riżervati għall-operaturi tan-networks tal-idroġenu fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom;
(8)
“terminal tal-idroġenu” tfisser installazzjoni użata għall-ħatt u t-trasformazzjoni tal-idroġenu likwidu jew tal-ammonijaka likwida f’idroġenu gassuż biex jiġi injettat fin-network tal-idroġenu jew is-sistema tal-gass naturali jew għal-likwifikazzjoni tal-idroġenu gassuż u t-tagħbija tiegħu, inkluż is-servizzi anċillari u l-ħżin temporanju meħtieġ għall-proċess tat-trasformazzjoni u l-injezzjoni sussegwenti fin-network tal-idroġenu, iżda eskluż il-parti tat-terminal tal-idroġenu użata għall-ħżin;
(9)
“operatur tat-terminal tal-idroġenu” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li twettaq il-funzjoni ta’ ħatt u trasformazzjoni tal-idroġenu likwidu jew tal-ammonijaka likwida f’idroġenu gassuż għall-injezzjoni fin-network tal-idroġenu jew is-sistema tal-gass naturali jew għal-likwifikazzjoni u t-tagħbija tal-idroġenu gassuż u hija responsabbli għat-tħaddim ta’ terminal tal-idroġenu;
(10)
“kwalità tal-idroġenu” tfisser il-purità tal-idroġenu u l-kontaminanti f’konformità mal-istandards tal-kwalità tal-idroġenu applikabbli għas-sistema tal-idroġenu;
(11)
“idroġenu b’livell baxx tal-karbonju” tfisser idroġenu li l-kontenut enerġetiku tiegħu huwa derivat minn sorsi mhux rinnovabbli, li jissodisfa l-limitu tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ 70 % meta mqabbel mal-komparatur tal-fjuwils fossili għall-karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika stabbilit fil-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra minn fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u minn fjuwils tal-karbonju riċiklati, adottata skont l-Artikolu 29a(3) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;
(12)
“gass b’livell baxx tal-karbonju” tfisser il-parti tal-fjuwils gassużi fil-fjuwils tal-karbonju riċiklat kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (35), tad-Direttiva (UE) 2018/2001, idroġenu b’livell baxx tal-karbonju u fjuwils gassużi sintetiċi li l-kontenut enerġetiku tagħhom hu derivat minn idroġenu b’livell baxx tal-karbonju, li jissodisfaw il-limitu tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ 70 % meta mqabbel mal-komparatur tal-fjuwils fossili għal fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika stabbilit fil-metodoloġija adottata skont l-Artikolu 29a(3) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;
(13)
“fjuwils b’livell baxx tal-karbonju” tfisser fjuwils tal-karbonju riċiklat kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (35), tad-Direttiva (UE) 2018/2001, idroġenu b’livell baxx tal-karbonju u fjuwils gassużi u likwidi sintetiċi li l-kontenut enerġetiku tagħhom hu derivat minn idroġenu b’livell baxx tal-karbonju, li jissodisfaw il-limitu tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ -gassijiet serra ta’ 70 % meta mqabbel mal-komparatur tal-fjuwils fossili għal fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika stabbilit fil-metodoloġija adottata skont l-Artikolu 29a(3) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;
(14)
“impriża tal-idroġenu” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li twettaq mill-inqas waħda mill-funzjonijiet li ġejjin: il-produzzjoni, it-trasport, il-provvista, ix-xiri jew il-ħżin tal-idroġenu jew l-operazzjoni ta’ terminal tal-idroġenu, u li hija responsabbli għall-kompiti kummerċjali, tekniċi jew tal-manutenzjoni relatati ma’ dawk il-funzjonijiet, eskluż il-klijenti finali;
(15)
“impriża tal-gass naturali” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li twettaq il-produzzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni, il-provvista, ix-xiri jew il-ħżin tal-gass naturali, inkluż tal-LNG, u li hi responsabbli għall-kompiti kummerċjali, tekniċi jew tal-manutenzjoni relatati ma’ dawk il-funzjonijiet, eskluż il-klijenti finali;
(16)
“network tal-pipelines upstream” tfisser pipeline jew network tal-pipelines imħaddma jew mibnija bħala parti minn proġett tal-produzzjoni taż-żejt jew tal-gass naturali, jew użati għat-trasport tal-gass naturali minn proġett wieħed jew aktar lejn impjant tal-ipproċessar jew terminal jew destinazzjoni kostali finali;
(17)
“trażmissjoni” tfisser il-ġarr tal-gass naturali ġo network li jinkludi l-aktar pipelines ta’ pressjoni għolja, għajr network tal-pipelines upstream u għajr il-parti tal-pipelines ta’ pressjoni għolja li tintuża l-aktar fil-kuntest tad-distribuzzjoni lokali tal-gass naturali, bl-iskop ta’ twassil lill-klijenti, eskluż il-provvista;
(18)
“operatur tas-sistema tat-trażmissjoni” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li twettaq il-funzjoni tat-trażmissjoni u li tkun responsabbli għall-operazzjoni, tiżgura l-manutenzjoni u meta meħtieġ tiżviluppa s-sistema tat-trażmissjoni f’żona partikolari u, meta japplika, l-interkonnessjonijiet tagħha ma’ sistemi oħra, u tiżgura l-abbiltà fit-tul tas-sistema li tissodisfa domandi raġonevoli għat-trasport tal-gass naturali;
(19)
“distribuzzjoni” tfisser it-trasport tal-gass naturali ġo networks tal-pipelines lokali jew reġjonali bl-iskop ta’ twassil lill-klijenti, eskluż il-provvista;
(20)
“operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li twettaq il-funzjoni tad-distribuzzjoni tal-gass naturali u li tkun responsabbli mill-operazzjoni, tiżgura l-manutenzjoni u, meta meħtieġ, tiżviluppa s-sistema tad-distribuzzjoni f’żona partikolari u, meta applikabbli, l-interkonnessjonijiet tagħha ma’ sistemi oħra, u tiżgura l-abbiltà fit-tul tas-sistema li tissodisfa domandi raġonevoli għad-distribuzzjoni tal-gass naturali;
(21)
“network tal-idroġenu” tfisser network ta’ pipelines fuq l-art u lil hinn mill-kosta użati għat-trasport tal-idroġenu bi grad għoli ta’ purità bl-iskop ta’ twassil lill-klijenti, eskluż il-provvista;
(22)
“trasport tal-idroġenu” tfisser it-trażmissjoni jew id-distribuzzjoni tal-idroġenu permezz ta’ network tal-idroġenu bil-ħsieb li jiġi kkonsenjat lill-klijenti, eskluż il-provvista;
(23)
“network tat-trażmissjoni tal-idroġenu” tfisser network ta’ pipelines għat-trasport tal-idroġenu ta’ grad għoli ta’ purità, b’mod partikolari network li jinkludi interkonnetturi tal-idroġenu jew li huwa konness direttament mal-ħżin tal-idroġenu, terminals tal-idroġenu jew żewġ interkonnetturi tal-idroġenu jew aktar jew li primarjament jaqdi l-iskop li jittrasporta l-idroġenu lejn networks oħra tal-idroġenu, ħażna tal-idroġenu jew terminals tal-idroġenu, mingħajr ma’ tiġi eskluża l-possibbilta’ li tali networks jservu l-għan li jfornu lill-klijenti konnessi direttament;
(24)
“network ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu” tfisser network ta’ pipelines għat-trasport lokali jew reġjonali tal-idroġenu ta’ grad għoli ta’ purità, li primarjament taqdi l-iskop li tforni lill-klijenti konnessi direttament u li ma tinkludix interkonnetturi tal-idroġenu, u li mhijiex konnessa direttament mal-faċilitajiet tal-ħżin tal-idroġenu jew mat-terminals tal-idroġenu, sakemm in-network inkwistjoni ma kienx sistema ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali fl-4 ta’ Awwissu 2024 u ngħata skop ġdid parzjalment jew kompletament għat-trasport tal-idroġenu, jew għal żewġ interkonnetturi tal-idroġenu jew aktar;
(25)
“operatur tan-networks tal-idroġenu” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li twettaq il-funzjoni tat-trasport tal-idroġenu u li hi responsabbli għall-operazzjoni tan-network tal-idroġenu, u li tiżgura l-manutenzjoni u, jekk ikun meħtieġ, l-iżvilupp tiegħu f’żona partikolari u, meta applikabbli, l-iżvilupp tal-interkonnessjonijiet tiegħu ma’ networks oħra tal-idroġenu, u li tiżgura l-abbiltà fit-tul tas-sistema li tissodisfa domandi raġonevoli għat-trasport tal-idroġenu;
(26)
“operatur tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li hija responsabbli għall-operazzjoni tan-network tal-idroġenu, u li tiżgura l-manutenzjoni u, jekk ikun meħtieġ, l-iżvilupp tiegħu f’żona partikolari u, meta applikabbli, l-iżvilupp tal-interkonnessjonijiet tiegħu ma’ networks oħra tal-idroġenu, u li tiżgura l-abbiltà fit-tul tas-sistema li tissodisfa domandi raġonevoli għat-trasport tal-idroġenu;
(27)
“operatur tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li hija responsabbli għall-operazzjoni tan-network ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu, u li tiżgura l-manutenzjoni u, jekk ikun meħtieġ, l-iżvilupp tiegħu f’żona partikolari u, meta applikabbli, l-interkonnessjonijiet tiegħu ma’ networks oħra tal-idroġenu, u li tiżgura l-abbiltà fit-tul tan-network li tissodisfa domandi raġonevoli għat-trasport tal-idroġenu;
(28)
“provvista” tfisser il-bejgħ, inkluż il-bejgħ mill-ġdid, tal-gass naturali, inkluż l-LNG, jew tal-idroġenu, inkluż fil-forma ta’ trasportaturi tal-idroġenu organiku likwidu jew idroġenu likwidu u derivattivi tal-idroġenu inkluż l-ammonijaka jew il-metanol lill-klijenti;
(29)
“impriża tal-provvista” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li twettaq il-funzjoni tal-provvista;
(30)
“fornitur tal-aħħar għażla” tfisser fornitur li jkun innominat biex jieħu f’idejh il-provvista tal-gass naturali lill-klijenti ta’ fornitur li ma baqax jopera;
(31)
“faċilità tal-ħżin tal-gass naturali” tfisser faċilità użata għall-ħżin tal-gass naturali u fis-sjieda ta’ jew imħaddma minn impriża tal-gass naturali, inkluż il-parti tal-faċilitajiet tal-LNG użati għall-ħżin tal-gass naturali, eskluż il-parti użata għall-operazzjonijiet tal-produzzjoni, u eskluż il-faċilitajiet riżervati esklużivament għall-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom;
(32)
“operatur ta’ sistema tal-ħżin tal-gass naturali” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li twettaq il-funzjoni tal-ħżin tal-gass naturali u li hi responsabbli biex tħaddem faċilità tal-ħżin tal-gass naturali;
(33)
“faċilità tal-LNG” tfisser terminal li jintuża għal-likwifikazzjoni tal-gass naturali jew l-importazzjoni, il-ħatt u r-rigassifikazzjoni tal-LNG, li jinkludi s-servizzi anċillari u l-ħżin temporanju meħtieġ għall-proċess tar-rigassifikazzjoni u l-konsenja sussegwenti sas-sistema tat-trażmissjoni, eskluż kwalunkwe parti tat-terminals tal-LNG użata għall-ħżin;
(34)
“operatur tas-sistema tal-LNG” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li twettaq il-funzjoni tal-likwifikazzjoni tal-gass naturali, jew l-importazzjoni, il-ħatt u r-rigassifikazzjoni tal-LNG u li hi responsabbli għall-operazzjoni ta’ faċilità tal-LNG;
(35)
“sistema” tfisser networks tat-trażmissjoni, networks tad-distribuzzjoni, faċilitajiet tal-LNG jew faċilitajiet tal-ħżin tal-gass naturali li jkunu fis-sjieda ta’ jew imħaddma minn impriża tal-gass naturali, inkluż linepack u l-faċilitajiet li jipprovdu servizzi anċillari u ta’ impriżi relatati meħtieġa biex jingħata aċċess għat-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-LNG;
(36)
“servizzi anċillari” tfisser is-servizzi kollha meħtieġa għall-aċċess lil u operazzjoni tan-networks tat-trażmissjoni, networks tad-distribuzzjoni, faċilitajiet tal-LNG jew faċilitajiet tal-ħżin tal-gass naturali, inkluż bilanċjar, taħlit tat-tagħbijiet u injezzjoni ta’ gassijiet inerti, eskluż faċilitajiet riservati esklużivament għal operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom;
(37)
“linepack tal-gass naturali” tfisser il-ħażna tal-gass naturali b’kompressjoni fis-sistemi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni, eskluż il-faċilitajiet riżervati għall-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom;
(38)
“sistema interkonnessa” tfisser numru ta’ sistemi li huma konnessi ma’ xulxin;
(39)
“interkonnettur” tfisser linja tat-trażmissjoni li taqsam jew tinfirex tul fruntiera bejn Stati Membri għall-finijiet li tikkollega s-sistema tat-trażmissjoni nazzjonali ta’ dawk l-Istati Membri jew linja tat-trażmissjoni bejn Stat Membru u pajjiż terz sat-territorju tal-Istati Membri jew sal-baħar territorjali ta’ dak l-Istat Membru;
(40)
“interkonnettur tal-idroġenu” tfisser network tal-idroġenu li jaqsam jew jinfirex tul fruntiera bejn Stati Membri għall-finijiet li jikkollega n-networks nazzjonali tal-idroġenu ta’ dawk l-Istati Membri, jew network tal-idroġenu bejn Stat Membru u pajjiż terz sat-territorju tal-Istati Membri jew sal-baħar territorjali ta’ dak l-Istat Membru;
(41)
“linja diretta” tfisser pipeline tal-gass naturali li jikkumplimenta lis-sistema interkonnessa;
(42)
“impriża integrata tal-gass naturali” tfisser impriża integrata vertikalment jew orizzontalment;
(43)
“impriża integrata vertikalment” tfisser impriża tal-gass naturali jew grupp ta’ impriżi tal-gass naturali jew impriża tal-idroġenu jew grupp ta’ impriżi tal-idroġenu fejn l-istess persuna/i jkunu intitolati direttament jew indirettament li jeżerċitaw kontroll, u fejn l-impriża jew il-grupp ta’ impriżi jwettqu mill-inqas waħda mill-funzjonijiet tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni, it-trasport tal-idroġenu, l-operazzjoni tat-terminals tal-idroġenu, il-ħżin tal-LNG jew tal-gass naturali jew tal-idroġenu, u mill-inqas waħda mill-funzjonijiet tal-produzzjoni jew tal-provvista tal-gass naturali jew tal-idroġenu;
(44)
“impriża integrata orizzontalment” tfisser impriża li twettaq mill-inqas waħda mill-funzjonijiet tal-produzzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni, il-provvista jew il-ħżin tal-gass naturali, kif ukoll l-attività tal-gass mhux naturali;
(45)
“impriża relatata” tfisser impriża affiljata kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (12), tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38), jew impriża li tappartjeni għall-istess azzjonisti;
(46)
“utent tas-sistema” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li qed tforni gass naturali jew idroġenu lis-sistema jew li qed tiġi fornuta minnha;
(47)
“klijent” tfisser klijent bl-ingrossa jew finali tal-gass naturali jew tal-idroġenu jew impriża tal-gass naturali jew tal-idroġenu li jixtri l-gass naturali jew l-idroġenu;
(48)
“klijent domestiku” tfisser klijent li jixtri l-gass naturali jew l-idroġenu għall-konsum tal-klijent domestiku;
(49)
“klijent mhux domestiku” tfisser klijent li jixtri l-gass naturali jew l-idroġenu li mhuwiex għall-użu tiegħu domestiku;
(50)
“klijent finali” tfisser klijent li jixtri l-gass naturali jew l-idroġenu għall-konsum tal-klijent;
(51)
“klijent bl-ingrossa” tfisser persuna fiżika jew ġuridika minbarra l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni u l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni li tixtri l-gass naturali jew l-idroġenu għall-iskop ta’ bejgħ mill-ġdid fis-sistema jew barra mis-sistema fejn tkun stabbilita l-persuna;
(52)
“mikrointrapriża”, “intrapriża żgħira” jew “intrapriża ta’ daqs medju” tfisser mikrointrapriża, intrapriża żgħira jew intrapriża ta’ daqs medju kif definit fl-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (39);
(53)
“kuntratt għal forniment tal-gass” tfisser kuntratt għall-forniment tal-gass naturali jew tal-idroġenu, eskluż derivattiv tal-gass naturali;
(54)
“derivattiv tal-gass naturali” tfisser strument finanzjarju speċifikat fit-Taqsima C, il-punt 5, 6, jew 7 tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (40), fejn dak l-istrument finanzjarju jirrelata mal-gass naturali;
(55)
“kontroll” tfisser kwalunkwe drittijiet, kuntratti jew xi mezzi oħra li, separatament jew flimkien, u filwaqt li jitqiesu l-fatti u l-liġijiet involuti, jagħtu l-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq impriża, b’mod partikolari bi:
(a)
is-sjieda jew id-dritt ta’ użu tal-assi kollha ta’ impriża, jew ta’ parti minnhom;
(b)
drittijiet jew kuntratti li jħallu influwenza deċiżiva fuq il-kompożizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet tal-organi ta’ impriża;
(56)
“kuntratt fit-tul” tfisser kuntratt tal-provvista tal-gass ta’ aktar minn sena;
(57)
“sistema ta’ dħul u ħruġ” tfisser mudell ta’ aċċess għall-gass naturali jew l-idroġenu fejn l-utenti tas-sistema jipprenotaw id-drittijiet tal-kapaċità b’mod indipendenti fil-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ, li jinkludi s-sistema ta’ trażmissjoni u jista’ jinkludi s-sistema ta’ distribuzzjoni kollha jew parti minnha, jew networks tal-idroġenu;
(58)
“żona tal-ibbilanċjar” tfisser sistema li għaliha japplika reġim tal-ibbilanċjar speċifiku, li tinkludi s-sistema ta’ trażmissjoni u tista’ tinkludi s-sistemi ta’ distribuzzjoni kollha jew partijiet minnha;
(59)
“punt tal-kummerċ virtwali” tfisser punt kummerċjali mhux fiżiku f’sistema ta’ dħul u ħruġ fejn il-gass naturali jew tal-idroġenu jiġu skambjati bejn bejjiegħ u xerrej mingħajr il-bżonn ta’ prenotazzjoni tal-kapaċità;
(60)
“utent tan-network” tfisser klijent jew klijent potenzjali ta’ operatur tas-sistema jew operatur tas-sistema nnifsu sa fejn hu meħtieġ biex dak l-operatur tas-sistema jkun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu fir-rigward tat-trasport tal-gass naturali jew tal-idroġenu;
(61)
“punt ta’ dħul” tfisser punt soġġett għal proċeduri ta’ prenotazzjoni mill-utenti tan-network li jipprovdi aċċess għal sistema ta’ dħul u ħruġ;
(62)
“punt ta’ ħruġ” tfisser punt soġġett għal proċeduri ta’ prenotazzjoni mill-utenti tan-network li jippermetti flussi tal-gass ‘il barra mis-sistema ta’ dħul u ħruġ;
(63)
“punt tal-interkonnessjoni” tfisser punt fiżiku jew virtwali li jikkollega sistemi ta’ dħul u ħruġ kontigwi, jew li jikkollega sistema ta’ dħul u ħruġ ma’ interkonnettur, sa fejn tali punt ikun soġġett għal proċeduri ta’ prenotazzjoni mill-utenti tan-network;
(64)
“punt tal-interkonnessjoni virtwali” tfisser żewġ punti tal-interkonnessjoni jew aktar li jikkollegaw l-istess żewġ sistemi ta’ dħul u ħruġ kontingwi, integrati flimkien biex jipprovdu servizz tal-kapaċità uniku;
(65)
“parteċipant fis-suq” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tixtri, tbigħ jew tipproduċi gass naturali jew idroġenu jew li tkun operatur ta’ servizzi tal-ħżin, inkluż bit-tqegħid ta’ ordnijiet għal kummerċ f’suq wieħed jew aktar tal-gass naturali jew tal-idroġenu, inkluż is-swieq tal-ibbilanċjar;
(66)
“tariffa għat-terminazzjoni tal-kuntratt” tfisser imposta jew penali imposta fuq il-klijenti mill-fornituri jew mill-parteċipanti fis-suq għat-terminazzjoni ta’ kuntratt tal-provvista jew servizz tal-gass;
(67)
“tariffa relatata mal-qlib” tfisser imposta jew penali għall-qlib tal-fornituri jew tal-parteċipanti fis-suq, inkluż tariffi għat-terminazzjoni ta’ kuntratt, imposta direttament jew indirettament fuq il-klijenti mill-fornituri, mill-parteċipanti fis-suq jew mill-operaturi tas-sistema;
(68)
“informazzjoni dwar il-fatturazzjoni” tfisser l-informazzjoni mogħtija fil-kont finali tal-klijenti finali, minbarra talba għall-ħlas;
(69)
“arloġġ konvenzjonali” tfisser arloġġ analogu jew elettroniku li mhux kapaċi jittrażmetti u jirċievi d-data;
(70)
“sistema ta’ kejl intelliġenti” tfisser sistema elettronika li kapaċi tkejjel il-gass naturali jew l-idroġenu li jidħol fil-grilja jew il-gass naturali jew l-idroġenu kkunsmat mill-grilja, li tipprovdi aktar informazzjoni minn arloġġ konvenzjonali, u li kapaċi tittrażmetti u tirċievi d-data għall-finijiet ta’ informazzjoni, monitoraġġ u kontroll, permezz tal-komunikazzjoni elettronika;
(71)
“interoperabbiltà” tfisser, fil-kuntest tal-metraġġ intelliġenti, l-abbiltà li żewġ networks, sistemi, apparati, applikazzjonijiet jew komponenti tal-enerġija jew tal-komunikazzjoni, jew aktar, jiskambjaw u jużaw l-informazzjoni biex iwettqu l-funzjonijiet meħtieġa;
(72)
“l-aktar reċenti disponibbli” tfisser, fil-kuntest tad-data dwar il-metraġġ intelliġenti, li tingħata f’perjodu daqs l-iqsar perjodu tal-issetiljar fis-suq nazzjonali;
(73)
“l-aqwa tekniki disponibbli” tfisser, fil-kuntest tal-protezzjoni tad-data u tas-sigurtà f’ambjent ta’ metraġġ intelliġenti, l-aktar tekniki effettivi, avvanzati, u adegwati fil-prattika biex tinkiseb, fil-prinċipju, il-bażi għall-konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà;
(74)
“faqar enerġetiku” tfisser faqar enerġetiku kif iddefinit fl-Artikolu 2, il-punt (52), tad-Direttiva (UE) 2023/1791;
(75)
“klijent attiv” tfisser klijent finali tal-gass naturali, jew grupp ta’ klijenti finali tal-gass naturali li jaġixxu b’mod konġunt, li:
(a)
jikkonsma jew jaħżen gass rinnovabbli li huwa prodott:
(i)
fil-bini tiegħu li jinsab f’konfini limitati; jew
(ii)
fejn permess mill-Istat Membru kkonċernat, f’bini ieħor;
(b)
dment li l-attivitajiet tiegħu ma jikkostitwux l-attività kummerċjali jew professjonali primarja tal-klijent finali u jikkonformaw mal-liġi applikabbli għall-produzzjoni tal-gass rinnovabbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra:
(i)
ibiegħ gass rinnovabbli awtoprodott permezz tas-sistema tal-gass naturali; jew
(ii)
jipparteċipa fil-flessibbiltà jew jipparteċipa fi skemi tal-effiċjenza enerġetika;
(76)
“l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” tfisser l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (18), tar-Regolament (UE) 2018/1999;
(77)
“adattament għal skop ġdid” tfisser adattament għal skop ġdid kif definit fil-punt (18) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41).
KAPITOLU II
REGOLI ĠENERALI GĦALL-ORGANIZZAZZJONI TAS-SUQ
Artikolu 3
Swieq kompetittivi, iċċentrati fuq il-klijent, flessibbli u mhux diskriminatorji għall-gass naturali u l-idroġenu
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti kollha jkunu liberi li jixtru l-gass naturali u l-idroġenu mingħand il-fornitur tal-għażla tagħhom u għandhom jiżguraw li l-klijenti kollha jkunu liberi li jkollhom aktar minn kuntratt wieħed tal-provvista tal-gass naturali jew tal-idroġenu fl-istess ħin, dment li jiġu stabbiliti l-punti tal-konnessjoni u tal-metraġġ meħtieġa.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġi nazzjonali tagħhom ma tkunx tfixkel bla bżonn il-kummerċ transfruntier tal-gass naturali u l-idroġenu, il-funzjonament u l-ħolqien ta’ kummerċ likwidu tal-gass naturali u l-idroġenu, il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi, l-investimenti, b’mod partikolari, fil-gass rinnovabbli u l-gass b’livell baxx tal-karbonju, jew il-ħżin tal-enerġija bejn l-Istati Membri, u għandhom jiżguraw li l-prezzijiet tal-gass naturali u tal-idroġenu jkunu jirriflettu d-domanda u l-provvista reali.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkunx hemm ostakli bla bżonn fis-swieq interni tal-gass naturali u l-idroġenu rigward id-dħul u l-ħruġ mis-suq, il-kummerċ u l-operazzjoni.
4. L-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-enerġija jkunu soġġetti għal regoli, tariffi u trattament trasparenti, proporzjonati u nondiskriminatorji, b’mod partikolari fir-rigward tal-konnessjoni man-network, l-aċċess għas-swieq bl-ingrossa, l-aċċess għad-data, il-proċessi tal-qlib u r-reġimi tal-kontijiet u, meta applikabbli, il-liċenzjar.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-parteċipanti fis-suq minn pajjiżi terzi, meta joperaw fis-swieq interni tal-gass naturali u tal-idroġenu, jikkonformaw mal-liġijiet applikabbli tal-Unjoni u nazzjonali, inkluż dawk relatati mal-ambjent u s-sikurezza.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw approċċ iċċentrat fuq il-klijenti u effiċjenti fl-enerġija fis-suq tal-idroġenu. L-użu tal-idroġenu għandu jkun immirat lejn klijenti f’setturi li diffiċli jiġu dekarbonizzati b’potenzjal għoli ta’ tnaqqis tal-gassijiet serra fejn ma jkunux disponibbli għażliet aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u kosteffiċjenti.
7. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li din id-Direttiva tiġi implimentata b’mod li jrawwem l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija filwaqt li ma jiddiskriminax bla bżonn kontra soluzzjonijiet aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, bħall-elettrifikazzjoni diretta, f’konformità mal-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel”.
Artikolu 4
Prezzijiet tal-provvista bbażati fuq is-suq
1. Il-fornituri għandhom ikunu liberi li jiddeterminaw il-prezz li jitolbu biex ifornu l-gass naturali u l-idroġenu lill-klijenti. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjonijiet xierqa biex jiżguraw kompetizzjoni effettiva bejn il-fornituri u biex jiżguraw prezzijiet raġonevoli għall-klijenti finali.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-klijenti milquta minn faqar enerġetiku u klijenti domestiċi vulnerabbli skont l-Artikoli 26 sa 29 permezz tal-politika soċjali jew mezzi oħra għajr interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-gass naturali u l-idroġenu.
3. B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu japplikaw interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-gass naturali lill-klijenti milquta mill-faqar enerġetiku jew klijenti domestiċi vulnerabbli. Dawn l-interventi pubbliċi għandhom ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 4 u 5.
4. L-interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-gass naturali:
(a)
għandu jkollhom interess ekonomiku ġenerali u ma jmorrux lil hinn minn dak meħtieġ biex jinkiseb dak l-interess ekonomiku ġenerali;
(b)
għandhom jiġu definiti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli;
(c)
għandhom jiżguraw aċċess ugwali lill-impriżi tal-Unjoni tal-gass naturali għall-klijenti;
(d)
għandhom ikunu limitati fiż-żmien u proporzjonati fir-rigward tal-benefiċjarji tagħhom;
(e)
ma għandhomx jikkawżaw kostijiet addizzjonali lill-parteċipanti fis-suq b’mod diskriminatorju;
(f)
ma jxekklux l-eliminazzjoni gradwali u f’waqtha tal-gass fossili sabiex tintlaħaq il-mira klimatika tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119.
5. Kull Stat Membru li japplika interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-gass naturali f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandu jikkonforma wkoll mal-Artikolu 3(3), il-punt (d), u mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2018/1999, irrispettivament minn jekk l-Istat Membru kkonċernat għandux għadd sinifikanti ta’ klijenti domestiċi affettwati mill-faqar enerġetiku. Qabel it-tneħħija tal-interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-gass naturali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw miżuri ta’ appoġġ adegwati għall-klijenti milquta mill-faqar enerġetiku u għall-klijenti domestiċi vulnerabbli f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
6. Sabiex tiġi stabbilita kompetizzjoni effettiva għall-kuntratti tal-provvista tal-gass naturali bejn il-fornituri, u biex jinkiseb ipprezzar tal-gass naturali bl-imnut effettiv għalkollox u affordabbli bbażat fuq is-suq f’konformità mal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu, għal perjodu tranżitorju, japplikaw interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-gass naturali lill-klijenti domestiċi li ma jibbenefikawx minn interventi pubbliċi skont il-paragrafu 3, u għall-mikrointrapriżi.
7. L-interventi pubbliċi skont il-paragrafu 6 għandhom jikkonformaw mal-kriterji stipulati fil-paragrafu 4 u għandhom:
(a)
ikunu akkumpanjati minn sett ta’ miżuri biex tinkiseb kompetizzjoni effettiva u metodoloġija għall-valutazzjoni tal-progress b’rabta ma’ dawk il-miżuri;
(b)
jiġu stabbiliti b’metodoloġija li tiżgura trattament nondiskriminatorju tal-fornituri;
(c)
jiġu ffissati għal prezz iżjed mill-kost, f’livell li jippermetti kompetizzjoni effettiva tal-prezzijiet;
(d)
jiġu ddisinjati b’mod li jnaqqsu kemm jista’ jkun kwalunkwe impatt negattiv fuq is-suq bl-ingrossa tal-gass naturali;
(e)
jiżguraw li l-benefiċjarji kollha ta’ interventi pubbliċi bħal dawn ikunu jistgħu jagħżlu offerti tas-suq kompetittivi u li jkunu infurmati direttament mill-inqas kull tliet xhur dwar id-disponibbiltà ta’ offerti u ffrankar fis-suq kompetittiv, u għandhom jiżguraw li jingħataw assistenza biex jaqilbu għal offerta bbażata fuq is-suq;
(f)
jiżguraw, f’każ li l-Istat Membru jipproċedi bl-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti f’konformità mal-Artikolu 17, li l-benefiċjarji kollha ta’ tali interventi pubbliċi, jiġu infurmati direttament dwar il-possibbiltà li jiġu installati arloġġi intelliġenti u li jingħataw l-assistenza meħtieġa;
(g)
ma jwasslux għal sussidjar inkroċjat dirett bejn klijenti fornuti bi prezzijiet tas-suq ħieles u dawk fornuti bi prezzijiet regolati tal-provvista.
8. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-miżuri meħuda lill-Kummissjoni skont il-paragrafi 3 u 6 fi żmien xahar wara l-adozzjoni tagħhom, u jistgħu japplikawhom minnufih. Man-notifika għandha tingħata spjegazzjoni dwar għalfejn strumenti oħra ma kinux biżżejjed biex jintlaħaq l-objettiv mixtieq, dwar kif huma ssodisfati r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 4, 5 u 7, u dwar l-effetti tal-miżuri notifikati fuq il-kompetizzjoni. In-notifika għandha tiddeskrivi l-ambitu tal-benefiċjarji, b’mod partikolari l-klijenti milquta mill-faqar enerġetiku u l-klijenti domestiċi vulnerabbli, kif ukoll benefiċjarji potenzjali oħra, it-tul taż-żmien tal-miżuri u l-għadd ta’ klijenti domestiċi affettwati mill-miżuri, u għandha tispjega kif ġew determinati l-prezzijiet regolati.
9. Sal-15 ta’ Marzu 2025 u mbagħad kull sentejn, bħala parti mir-rapporti nazzjonali integrati ta’ progress dwar l-enerġija u l-klima, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapporti lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu u l-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-interventi pubbliċi skont dan l-Artikolu, u valutazzjoni tal-progress biex tinkiseb kompetizzjoni effettiva bejn il-fornituri, u t-tranżizzjoni lejn prezzijiet ibbażati fuq is-suq. L-Istati Membri li japplikaw prezzijiet regolati f’konformità mal-paragrafu 6 għandhom jirrapportaw dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 7, inkluż dwar il-konformità tal-fornituri li jeħtieġ japplikaw dawn l-interventi, u dwar l-impatt tal-prezzijiet regolati fuq il-finanzi ta’ dawk il-fornituri.
10. Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu biex jinkiseb ipprezzar bl-imnut tal-gass naturali bbażat fuq is-suq u tippreżenta rapport dwaru lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu, fejn xieraq, jinkludi valutazzjoni tal-impatt ta’ dawk il-miżuri fuq il-progress fil-kisba tal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni u l-objettivi l-oħra dwar l-enerġija u l-klima. Dan jista’ jiġi kkombinat mar-rapport imsemmi fl-Artikolu 5(10) tad-Direttiva (UE) 2019/944 dwar l-implimentazzjoni ta’ dak l-Artikolu. Ir-rapport għandu jiġi ppreżentat flimkien ma’ jew segwit minn proposta leġiżlattiva, jekk xieraq. Tali proposta leġiżlattiva tista’ tinkludi data tat-tmiem għall-prezzijiet regolati.
Artikolu 5
Aċċess għal enerġija affordabbli waqt kriżi tal-prezzijiet tal-gass naturali
1. Il-Kunsill jista’, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, jiddikjara kriżi reġjonali jew madwar l-Unjoni tal-prezzijiet tal-gass naturali, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)
l-eżistenza ta’ prezzijiet medji għoljin ħafna fis-swieq tal-gass naturali bl-ingrossa li jkunu mill-anqas darbtejn u nofs il-prezz medju matul il-ħames snin preċedenti, u mill-anqas 180 EUR/MWh, li huma mistennija li jkomplu għal mill-anqas sitt xhur, soġġett għall-kalkolu tal-prezz medju matul il-ħames snin preċedenti li ma għandux iqis perjodi li matulhom tkun ġiet iddikjarata kriżi reġjonali jew madwar l-Unjoni tal-prezzijiet tal-gass naturali;
(b)
iseħħu żidiet qawwija fil-prezzijiet bl-imnut tal-gass naturali fil-medda ta’ 70 % li huma mistennija jkomplu għal mill-anqas tliet xhur.
2. Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tispeċifika l-perjodu ta’ validità tagħha li jista’ jkun għal perjodu ta’ mhux aktar minn sena. Dak il-perjodu jista’ jiġi estiż skont il-proċedura stipulata fil-paragrafu 8 għal perjodi konsekuttivi ta’ mhux aktar minn sena.
3. Id-dikjarazzjoni ta’ kriżi reġjonali jew madwar l-Unjoni fil-prezzijiet tal-gass naturali skont paragrafu 1 għandha tiżgura kompetizzjoni u kummerċ ġusti fl-Istati Membri kollha affettwati mid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni sabiex is-suq intern ma jkunx distort bla bżonn.
4. Fejn il-kundizzjonijiet fil-paragrafu 1 huma ssodisfatti, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta biex tiddikjara kriżi reġjonali jew madwar l-Unjoni fil-prezzijiet tal-gass naturali li għandha tinkludi l-perjodu ta’ validità propost tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.
5. Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jemenda proposta tal-Kummissjoni ppreżentata skont il-paragrafu 4 jew 8.
6. Meta l-Kunsill ikun adotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, sakemm iddum valida dik id-deċiżjoni, l-Istati Membri jistgħu japplikaw interventi pubbliċi mmirati temporanji fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-gass naturali lil intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), klijenti domestiċi u servizzi soċjali essenzjali kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (4), tar-Regolament (UE) 2017/1938. Dawn l-interventi pubbliċi għandhom:
(a)
ikunu limitati għal massimu ta’ 70 % tal-konsum tal-benefiċjarju matul l-istess perjodu tas-sena preċedenti u jżommu inċentiv għat-tnaqqis fid-domanda;
(b)
jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4(4) u 4(7);
(c)
fejn rilevanti, jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 7;
(d)
jiġu ddisinjati b’mod li jnaqqsu kemm jista’ jkun kwalunkwe frammentazzjoni negattiva tas-suq intern.
7. Meta l-Kunsill ikun adotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, sakemm iddum valida dik id-deċiżjoni l-Istati Membri jistgħu, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 4(7), il-punt (c), meta jiġu applikati interventi pubbliċi mmirati fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-gass naturali skont l-Artikolu 4(6) jew il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, eċċezzjonalment u temporanjament, jistabbilixxu prezz għall-provvista tal-gass naturali li jkun taħt il-kost dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)
il-prezz stabbilit għall-klijenti domestiċi japplika biss, l-iktar, għal massimu ta’ 80 % tal-konsum medjan tal-unitajiet domestiċi u jżomm inċentiv għat-tnaqqis fid-domanda;
(b)
ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn il-fornituri;
(c)
il-fornituri jiġu kkumpensati għall-provvista ta’ taħt il-kost b’mod trasparenti u nondiskriminatorju;
(d)
il-fornituri kollha jkunu eliġibbli biex joffru prezz għall-provvista tal-gass naturali li jkun inqas mill-kost fuq l-istess bażi;
(e)
il-miżuri proposti ma jwasslux għal distorsjoni tas-suq intern tal-gass naturali.
8. Fi żmien xieraq qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ validita’ speċifikat skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 għadhomx jiġu ssodisfati. Jekk il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jibqgħu jiġu sodisfatti, hija għandha tippreżenta lill-Kunsill proposta biex jestendi l-perjodu ta’ validità ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni adottata skont il-paragrafu 1. Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jestendi l-perjodu ta’ validità, il-paragrafi 6 u 7 għandhom japplikaw matul tali perjodu estiż.
Il-Kummissjoni għandha tivvaluta u timmonitorja kontinwament l-impatt li jirriżulta minn kwalunkwe miżura adottata skont dan l-Artikolu u tippubblika fuq bażi regolari r-riżultati ta’ tali valutazzjonijiet.
Artikolu 6
Obbligi tas-servizz pubbliku
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u filwaqt li jieħdu kont debitu tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-impriżi tal-gass naturali u tal-idroġenu jitħaddmu f’konformità mal-prinċipji ta’ din id-Direttiva biex jinkisbu swieq kompetittivi, siguri u ambjentalment sostenibbli tal-gass naturali u l-idroġenu. L-Istati Membri ma għandhomx jiddiskriminaw bejn dawk l-impriżi fir-rigward tad-drittijiet jew l-obbligi tagħhom.
2. Filwaqt li jqisu bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-TFUE, b’mod partikolari l-Artikolu 106 tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-impriżi tal-gass naturali u tal-idroġenu, fl-interess ekonomiku ġenerali, obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu relatati mas-sigurtà, inkluż is-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità u l-kwalità tal-provvisti, u l-protezzjoni tal-ambjent, inkluż l-effiċjenza enerġetika, l-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-protezzjoni tal-klima u mal-prezz tal-provvista tal-gass naturali. Dawn l-obbligi għandhom jiġu definiti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorju, verifikabbli u għandhom jiżguraw l-ugwaljanza tal-aċċess lill-impriżi tal-gass naturali u lill-impriżi tal-idroġenu tal-Unjoni għall-konsumaturi nazzjonali. L-obbligi tas-servizz pubbliku li jikkonċernaw l-interventi pubbliċi fl-iffissar tal-prezzijiet għall-provvista tal-gass naturali għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 4 u 5 ta’ din id-Direttiva.
3. L-obbligi tas-servizz pubbliku relatati mas-sigurtà tal-provvista tal-gass għandhom jiżguraw il-konformità tal-impriżi tal-gass naturali mal-istandard tal-provvista tal-gass skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2017/1938 u għandhom ikunu konsistenti mar-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali mwettqa skont l-Artikolu 7(3) ta’ dak ir-Regolament, kif spjegat fil-pjanijiet ta’ azzjoni preventiva mħejjija skont l-Artikolu 9(1), il-punti (c), (d) u (k), ta’ dan ir-Regolament. L-obbligi tas-servizz pubbliku li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2017/1938 għandhom jikkonformaw mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament.
4. Meta jingħata kumpens finanzjarju jew xi forma oħra ta’ kumpens minn Stat Membru għat-twettiq tal-obbligi stipulati f’dan l-Artikolu, dan għandu jsir b’mod nondiskriminatorju u trasparenti.
5. L-Istati Membri għandhom, mat-transpożizzjoni ta’ din id-Direttiva, jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kollha adottati biex iwettqu l-obbligi tas-servizz pubbliku, inkluż il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ambjent, u l-effett possibbli tagħhom fuq il-kompetizzjoni nazzjonali u internazzjonali, sew jekk dawn il-miżuri jkunu jeħtieġu deroga minn din id-Direttiva u sew jekk le. Imbagħad dawn għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull sentejn dwar kull bidla f’dawn il-miżuri, sew jekk ikunu jeħtieġu deroga minn din id-Direttiva u sew jekk le.
6. Meta jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku skont il-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti fi stadju bikri u b’mod miftuħ, inklużiv u trasparenti. Id-dokumenti uffiċjali kollha relatati mal-konsultazzjonijiet u d-dokumenti użati għall-iżvilupp tal-obbligu tas-servizz pubbliku għandhom isiru pubbliċi filwaqt li jitħarsu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva u l-protezzjoni tad-data.
Artikolu 7
Promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali
1. L-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji għandhom jikkooperaw bejniethom biex jintegraw is-swieq nazzjonali tagħhom f’livell reġjonali wieħed jew aktar, swieq reġjonali, meta l-Istati Membri jew l-awtoritajiet regolatorji tagħhom hekk jiddeċiedu, u eventwalment biex joħolqu suq intern liberalizzat għalkollox. B’mod partikolari, l-Istati Membri jew, fejn l-Istati Membri hekk jistipulaw, l-awtortajiet regolatorji għandhom jippromwovu u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni tal-gass naturali u tal-operaturi tan-networks tat-trażmissjoni tal-idroġenu fil-livell reġjonali, inkluż dwar kwistjonijiet transfruntieri u dwar id-dekummissjonar tal-assi, bil-għan li jiżguraw dekarbonizzazzjoni kosteffettiva f’konformità mal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni u joħolqu swieq interni kompetittivi tal-gass natural u l-idroġenu, irawmu l-konsistenza tal-qafas legali, regolatorju u tekniku tagħhom u jiffaċilitaw l-integrazzjoni tas-sistemi iżolati li jiffurmaw gżejjer tal-gass naturali li jippersistu fl-Unjoni. Iż-żoni ġeografiċi koperti minn din il-kooperazzjoni reġjonali għandhom jinkludu l-kooperazzjoni fiż-żoni ġeografiċi definiti skont l-Artikolu 31(3) tar-Regolament (UE) 2024/1789. Din il-kooperazzjoni tista’ tkopri żoni ġeografiċi oħra. Meta l-Kummissjoni jidhrilha li r-regoli fil-livell tal-Unjoni huma rilevanti għall-integrazzjoni reġjonali tas-swieq tal-gass naturali u l-idroġenu, din għandha tipprovdi gwida xierqa mhux vinkolanti li tqis l-ispeċifiċitajiet ta’ dawk is-swieq u l-impatt fuq is-swieq ġirien.
2. L-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) għandha tikkoopera mal-awtoritajiet regolatorji u l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u l-operaturi tan-networks tat-trażmissjoni tal-idroġenu biex tiżgura l-kompatibbiltà tal-oqfsa regolatorji bejn u fir-reġjuni biex jinħolqu swieq interni kompetittivi tal-gass naturali u l-idroġenu. Meta l-ACER jidhrilha li hemm bżonn regoli vinkolanti għal dik il-kooperazzjoni, din għandha tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet xierqa.
3. Jekk l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni integrati vertikalment jieħdu sehem f’impriża konġunta stabbilita għall-implimentazzjoni ta’ din il-kooperazzjoni, l-impriża konġunta għandha tistabbilixxi u timplimenta programm tal-konformità li jistabbilixxi l-miżuri li jridu jittieħdu biex tkun żgurata l-esklużjoni ta’ kull imġiba diskriminatorja u antikompetittiva. Dak il-programm tal-konformità għandu jistabbilixxi l-obbligi speċifiċi tal-impjegati li jilħqu l-objettiv ta’ esklużjoni tal-imġiba diskriminatorja u antikompetittiva. Dan għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-ACER. Il-konformità mal-programm għandha tiġi sorveljata b’mod indipendenti mill-uffiċjali tal-konformità tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni integrati vertikalment.
Artikolu 8
Proċedura tal-awtorizzazzjoni
1. Meta tkun meħtieġa awtorizzazzjoni, pereżempju liċenzja, permess, konċessjoni, kunsens jew approvazzjoni għall-kostruzzjoni jew għall-operazzjoni ta’ faċilitajiet tal-gass naturali, ta’ faċilitajiet tal-produzzjoni tal-idroġenu u ta’ infrastruttura tas-sistema tal-idroġenu, l-Istati Membri jew xi awtorità kompetenti deżinjata minnhom għandhom jagħtu awtorizzazzjonijiet għall-kostruzzjoni jew għall-operazzjoni ta’ dawk il-faċilitajiet, l-infrastruttura, il-pipelines jew tagħmir assoċjat fit-territorju tagħhom, f’konformità mal-paragrafi 2 sa 11. L-Istati Membri jew kwalunkwe awtorità kompetenti li jinnominaw jistgħu wkoll jagħtu awtorizzazzjonijiet fuq l-istess bażi għall-provvista tal-gass naturali u l-idroġenu u għall-klijenti bl-ingrossa.
2. Meta l-Istati Membri jkollhom sistema tal-awtorizzazzjoni, dawn għandhom jistabbilixxu kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji u proċeduri trasparenti, li jridu jiġu ssodisfati meta impriża tapplika għal awtorizzazzjoni biex tforni l-gass naturali u l-idroġenu jew tibni jew topera faċilitajiet tal-gass naturali, faċilitajiet tal-produzzjoni tal-idroġenu jew infrastruttura tas-sistema tal-idroġenu. Il-kriterji u l-proċeduri għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għandhom ikunu pubbliċi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri tal-awtorizzazzjoni għal dawn il-faċilitajiet, l-infrastruttura, il-pipelines jew tagħmir assoċjat ikunu jqisu l-importanza tal-proġett għas-swieq interni tal-gass naturali u l-idroġenu, meta xieraq. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konsistenza tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni għall-infrastruttura tas-sistemi tal-idroġenu mal-pjanijiet tal-iżvilupp tan-network għan-networks tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-idroġenu adottati skont l-Artikoli 55 u 56.
3. Għall-fornituri tal-gass naturali, l-Istati Membri jistgħu jivvalutaw is-saħħa finanzjarja u l-kapaċitajiet tekniċi tal-applikanti bħala kriterji għall-awtorizzazzjoni. Kriterji bħal dawn għandhom ikunu kompletament trasparenti u nondiskriminatorji.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe regola nazzjonali dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu tkun proporzjonata, meħtieġa u tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-regoli ġenerali għall-organizzazzjoni tas-swieq għall-gass naturali u l-idroġenu u l-aċċess għall-infrastruttura, għall-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel”, għall-kisba tal-miri tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija u għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali integrati tal-Istati Membri dwar l-enerġija u l-klima, kif ukoll l-istrateġiji fit-tul tagħhom adottati skont ir-Regolament (UE) 2018/1999.
5. Il-proċeduri tal-awtorizzazzjoni għall-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx jaqbżu s-sentejn, inkluż il-proċeduri rilevanti kollha tal-awtoritajiet kompetenti. Meta debitament ġustifikat minħabba ċirkostanzi straordinarji, dak il-perjodu ta’ sentejn jista’ jiġi estiż sa massimu ta’ sena.
6. L-Istati Membri għandhom jivvalutaw liema miżuri nazzjonali leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi huma meħtieġa biex jissimplifikaw il-proċeduri tal-awtorizzazzjoni, inkluż, mingħajr ma jostakolaw, kwalunkwe pass proċedurali relatat mal-proċeduri tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u l-konsultazzjoni pubbliċi. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw ir-riżultati ta’ dik il-valutazzjoni lill-Kummissjoni bħala parti mill-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima kif imsemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1999, u f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 7 sa 12 ta’ dak ir-Regolament, u bħala parti mir-rapporti nazzjonali integrati tagħhom ta’ progress fl-enerġija u l-klima skont l-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament.
7. Il-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-obbligi skont il-liġi ambjentali applikabbli tal-Unjoni u l-liġi dwar l-enerġija, inkluż id-Direttiva (UE) 2018/2001, għall-appelli ġudizzjarji, ir-rimedji u proċedimenti oħra quddiem qorti jew tribunal, u għall-mekkaniżmi tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim, inkluż il-proċeduri tal-ilmenti, l-appelli u r-rimedji nonġudizzjarji, u jistgħu jiġu estiżi għat-tul taż-żmien ta’ dawk il-proċeduri.
8. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew jiddeżinjaw punt ta’ kuntatt wieħed jew aktar. Dawk il-punti ta’ kuntatt għandhom, meta jintalbu mill-applikant, u mingħajr ħlas, jiggwidaw l-applikant u jiffaċilitaw il-proċedura kollha tal-awtorizzazzjoni għall-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 sat-twassil mill-awtoritajiet responsabbli fi tmiem il-proċedura. L-applikant ma għandux jintalab jikkuntattja aktar minn punt ta’ kuntatt wieħed għall-proċess kollu.
9. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet skont il-liġi nazzjonali għall-kostruzzjoni u t-tħaddim tal-infrastruttura tas-sistema tal-gass naturali japplikaw ukoll għall-infrastruttura tas-sistema tal-idroġenu. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jirrevokaw dawk l-awtorizzazzjonijiet jekk l-infrastruttura tal-idroġenu ma tikkonformax mar-regoli tekniċi tas-sigurtà għall-infrastruttura tas-sistema tal-idroġenu stipulati fil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali.
10. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet eżistenti tal-użu tal-art għall-kostruzzjoni u l-operazzjoni tal-pipelines tal-gass naturali u ta’ assi oħra tan-network għandhom japplikaw ukoll għall-pipelines u l-assi l-oħra tan-network għat-trasport tal-idroġenu.
11. Fil-każ ta’ trasferiment tas-sjieda tal-infrastruttura fl-istess impriża biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-Artikolu 69, l-awtorizzazzjonijiet u d-drittijiet tal-użu tal-art marbuta ma’ dik l-infrastruttura għandhom jiġu ttrasferiti bl-istess mod lis-sid il-ġdid.
12. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-raġunijiet għal kwalunkwe rifjut ta’ awtorizzazzjoni jkunu oġġettivi u nondiskriminatorji u li jiġu ipprovduti lill-applikant. Ir-raġunijiet għal dan ir-rifjut għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni għall-informazzjoni. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċedura biex l-applikant ikun jista’ jappella kontra dan ir-rifjut.
13. Għall-iżvilupp ta’ żoni ġodda tal-provvista u l-operazzjoni effiċjenti b’mod ġenerali u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 34, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jagħtu awtorizzazzjoni ulterjuri għall-kostruzzjoni u l-operazzjoni tas-sistemi tal-pipelines tad-distribuzzjoni tal-gass naturali f’żona partikolari, ġaladarba dawk is-sistemi tal-pipelines ikunu nbnew jew ikunu ġew awtorizzati biex jinbnew f’dik iż-żona, u jekk il-kapaċità eżistenti jew proposta ma tkunx ġiet eżawrita.
14. L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw li jagħtu awtorizzazzjoni biex tinbena u titħaddem infrastruttura ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni għall-gass naturali f’żoni fejn il-pjan għall-iżvilupp tan-network skont l-Artikolu 55 jipprevedi d-dekummissjonar tas-sistema ta’ trażmissjoni jew ta’ partijiet rilevanti tagħha jew fejn pjan ta’ dekummissjonar tan-network tad-distribuzzjoni jkun ġie approvat skont l-Artikolu 57.
15. Meta awtorizzazzjoni skont it-tifsira tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 u l-Artikoli 15b sa 17 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, għandhom japplikaw biss dawk id-dispożizzjonijiet.
Artikolu 9
Ċertifikazzjoni ta’ gass rinnovabbli u fjuwils b’livell baxx tal-karbonju
1. Il-gass rinnovabbli għandu jiġi ċċertifikat f’konformità mal-Artikoli 29, 29a u 30 tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Il-fjuwils b’livell baxx tal-karbonju għandhom jiġu ċċertifikati f’konformità ma’ dan l-Artikolu.
2. Biex ikun żgurat li l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-użu tal-fjuwils b’livell baxx tal-karbonju jkun mill-inqas 70 %, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-operaturi ekonomiċi juru li hemm konformità ma’ dan il-livell limitu u mar-rekwiżiti stabbiliti fil-metodoloġija msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. Għal dawk il-finijiet, għandhom jeżiġu li l-operaturi ekonomiċi jużaw sistema tal-bilanċ tal-massa f’konformità mal-Artikolu 30(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jippreżentaw informazzjoni affidabbli dwar il-konformità mal-limitu tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ 70 % imsemmija fil-paragrafu 2 u mal-metodoloġija tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra msemmija fil-paragrafu 5, u li l-operaturi ekonomiċi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Istat Membru rilevanti, meta jintalbu, id-data li ntużat biex tiġi pprovduta dik l-informazzjoni. L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-operaturi ekonomiċi jdaħħlu fis-seħħ standard xieraq tal-awditjar indipendenti tal-informazzjoni ppreżentata, u li jipprovdu evidenza li dan ikun sar. L-awditjar għandu jivverifika li s-sistemi użati mill-operaturi ekonomiċi huma eżatti, affidabbli u mħarsa mill-frodi.
4. L-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2 għandhom japplikaw irrispettivament minn jekk il-fjuwils b’livell baxx tal-karbonju humiex prodotti fl-Unjoni jew importati. L-informazzjoni dwar l-oriġini ġeografika u t-tip ta’ materja prima tal-fjuwils b’livell baxx tal-karbonju, jew tal-idroġenu b’livell baxx tal-karbonju, ta’ kull fornitur tal-fjuwil għandha tkun disponibbli għall-konsumaturi fuq is-siti web tal-operaturi, tal-fornituri jew tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti u għandha tiġi aġġornata kull sena.
5. Sal-5 ta’ Awwissu 2025, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 90 biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tispeċifika l-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-fjuwils b’livell baxx tal-karbonju. Dik il-metodoloġija għandha tiżgura li l-kreditu għall-emissjonijiet evitati ma jingħatax għad-diossidu tal-karbonju minn sorsi fossili li l-qbid tagħhom diġà rċieva kreditu tal-emissjonijiet skont dispożizzjonijiet oħra tal-liġi u għandha tkopri ċ-ċiklu tal-ħajja tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tikkunsidra l-emissjonijiet indiretti li jirriżultaw mid-devjazzjoni ta’ inputs riġidi. Dik il-metodoloġija għandha tkun konsistenti mal-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u minn karburanti tal-karbonju riċiklat, inkluż it-trattament tal-emissjonijiet minħabba r-rilokazzjoni tal-idroġenu, u tqis l-emissjonijiet upstream tal-metan u r-rati attwali tal-qbid tal-karbonju.
6. Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jevalwa t-tnixxija tal-idroġenu, inkluż ir-riskji ambjentali u klimatiċi, l-ispeċifiċitajiet tekniċi u r-rati massimi adegwati ta’ tnixxija tal-idroġenu. Abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tintroduċi miżuri li jimminimizzaw ir-riskji possibbli ta’ tnixxija tal-idroġenu, tistabbilixxi rati massimi ta’ tnixxija tal-idroġenu u tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ konformità. Ir-rati massimi rilevanti ta’ tnixxija tal-idroġenu għandhom jiġu inklużi fil-metodoloġija msemmija fil-paragrafu 5.
7. Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjonijiet li jirrikonoxxu li l-iskemi volontarji nazzjonali jew internazzjonali li jistabbilixxu standards għall-produzzjoni tal-fjuwils b’livell baxx tal-karbonju jew tal-idroġenu b’livell baxx tal-karbonju jipprovdu data eżatta dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu u juru l-konformità mal-metodoloġija msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tadotta tali deċiżjonijiet biss jekk l-iskema inkwistjoni tissodisfa standards adegwati ta’ affidabbiltà, trasparenza u awditjar indipendenti f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/996 (42) għaċ-ċertifikazzjoni ta’ fjuwils rinnovabbli.
8. Meta operatur ekonomiku jipprovdi evidenza jew data miksuba bi skema li kienet soġġetta għal rikonoxximent skont il-paragrafu 7, Stat Membru ma għandux jeżiġi li l-operatur ekonomiku jipprovdi aktar evidenza tal-konformità mal-kriterji li skonthom l-iskema ġiet rikonoxxuta mill-Kummissjoni.
9. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jissorveljaw l-operazzjoni tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni li jkunu qed iwettqu l-awditjar indipendenti bi skema volontarja. Il-korpi taċ-ċertifikazzjoni għandhom jissottomettu, meta jintalbu mill-awtoritajiet kompetenti, l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa biex jissorveljaw l-awditjar, inkluż id-data, il-ħin u l-post eżatti tal-awditjar. Meta l-Istati Membri jsibu kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, dawn għandhom jinfurmaw lill-iskema volontarja mingħajr dewmien.
10. Fuq talba ta’ Stat Membru, li tista’ tkun ibbażata fuq talba ta’ operatur ekonomiku, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-evidenza disponibbli kollha, teżamina jekk ġewx issodisfati l-kriterji tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbiliti f’dan l-Artikolu, il-metodoloġija żviluppata f’konformità mal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, u l-limiti tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra indikati fl-Artikolu 2, il-punti (11), (12) u (13). Fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi talba bħal din, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk l-Istat Membru kkonċernat jistax:
(a)
jaċċetta l-evidenza diġà pprovduta biex tintwera l-konformità mal-kriterji tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-fjuwils b’livell baxx tal-karbonju; jew
(b)
b’deroga mill-paragrafu 8, jeżiġi li l-fornituri tas-sors tal-fjuwils b’livell baxx tal-karbonju jipprovdu aktar evidenza tal-konformità tagħhom mal-kriterji tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u mal-limitu tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ 70 %.
11. L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-operaturi ekonomiċi rilevanti jdaħħlu fil-bażi tad-data tal-Unjoni stabbilita skont l-Artikolu 31a(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, jew fil-bażijiet tad-data nazzjonali li huma marbuta ma’ dik il-bażi tad-data tal-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 31a(2) ta’ dik id-Direttiva, informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet li saru u dwar il-karatteristiċi tas-sostenibbiltà tal-gass rinnovabbli u tal-fjuwils b’livell baxx tal-karbonju skont ir-rekwiżiti għall-fjuwils rinnovabbli stabbiliti fl-Artikolu 31a ta’ dik id-Direttiva. Meta jkunu nħarġu garanziji tal-oriġini għall-produzzjoni ta’ kunsinna ta’ gassijiet b’livell baxx tal-karbonju, dawn għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli bħal dawk stipulati f’dak l-Artikolu għall-garanziji tal-oriġini maħruġa għall-produzzjoni ta’ gass rinnovabbli.
12. Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent skont il-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 91(3). Tali deċiżjonijiet għandu jkollhom perjodu limitat ta’ validità, li ma jaqbiżx ħames snin.
Artikolu 10
Regoli tekniċi
1. L-Istati Membri jew, meta l-Istati Membri hekk jipprevedu, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti l-kriterji tas-sigurtà teknika u li jinħolqu u jiġu ppubblikati regoli tekniċi li jistabbilixxu r-rekwiżiti minimi tad-disinn tekniku u r-rekwiżiti operattivi għall-konnessjoni mas-sistema tal-faċilitajiet tal-LNG, il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass naturali, sistemi oħra tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni, jew linji diretti, kif ukoll mas-sistema tal-idroġenu. Dawn ir-regoli tekniċi għandhom jiżguraw l-interoperabbiltà tas-sistemi u għandhom ikunu oġġettivi u nondiskriminatorji. L-ACER tista’ tagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa biex tinkiseb il-kompatibbiltà ta’ dawn ir-regoli, meta xieraq. Dawk ir-regoli għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (43).
2. Meta rilevanti, l-Istati Membri jew, meta l-Istati Membri hekk jipprevedu, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jeżiġu li l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni, l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni u l-operaturi tan-networks tal-idroġenu fit-territorju tagħhom jippubblikaw regoli tekniċi f’konformità ma’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari rigward ir-regoli dwar il-konnessjoni tan-networks li jinkludu r-rekwiżiti tal-kwalità tal-gass, l-odorizzazzjoni tal-gass u l-pressjoni tal-gass. L-Istati Membri għandhom jeżiġu wkoll li l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u tas-sistemi tad-distribuzzjoni jippubblikaw it-tariffi tal-konnessjoni għal konnessjoni tal-gass minn sorsi rinnovabbli abbażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji.
KAPITOLU III
PROTEZZJONI U AWTONOMIZZAZZJONI TAL-KONSUMATURI U SWIEQ BL-IMNUT
Artikolu 11
Drittijiet kuntrattwali bażiċi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali kollha jkunu intitolati li jkollhom gass naturali u idroġenu pprovduti minn fornitur, soġġett għall-qbil tal-fornitur, irrispettivament f’liema Stat Membru jkun irreġistrat il-fornitur, dment li l-fornitur josserva r-regoli applikabbli dwar il-kummerċ, l-ibbilanċjar u s-sigurtà tal-provvista u l-kriterji f’konformità mal-Artikolu 8(2). F’dak ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-proċeduri amministrattivi ma jiddiskriminawx kontra l-fornituri li diġà huma rreġistrati fi Stat Membru ieħor.
2. Mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (44) u d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE (45), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali jkollhom id-drittijiet previsti fil-paragrafi 3 sa 11 ta’ dan l-Artikolu.
3. Il-klijenti finali għandu jkollhom id-dritt għal kuntratt mal-fornitur tagħhom li jispeċifika:
(a)
l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-fornitur, inkluż l-indirizz, l-indirizz tal-posta elettronika u hotline ta’ appoġġ għall-konsumaturi;
(b)
is-servizzi pprovduti (inkluż l-isem tal-prodott u tat-tariffa), il-karatteristiċi ewlenin tas-servizzi pprovduti, il-livelli tal-kwalità tas-servizz offrut, u ż-żmien għall-konnessjoni inizjali;
(c)
it-tipi ta’ servizzi tal-manutenzjoni offruti;
(d)
il-mezzi kif tista’ tinkiseb informazzjoni aġġornata dwar it-tariffi u l-imposti tal-manutenzjoni applikabbli kollha, u dwar il-prodotti jew is-servizzi kollha offruti bħala pakketti;
(e)
it-terminu tal-kuntratt, il-kundizzjonijiet għat-tiġdid u t-terminazzjoni tal-kuntratt u tas-servizzi, inkluż il-prodotti jew is-servizzi offruti bħala pakkett ma’ dawk is-servizzi, u jekk hix permessa t-terminazzjoni mingħajr ħlas tal-kuntratt;
(f)
kwalunkwe kumpens u arranġament ta’ rifużjoni li japplikaw jekk ma jintlaħqux il-livelli tal-kwalità tas-servizz ikkuntrattat, inkluż dwar meta l-kontijiet ma jkunux eżatti jew jiddewmu;
(g)
fejn il-prestazzjoni ambjentali, inkluż fejn rilevanti l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju, tiġi promossa bħala karatteristika essenzjali, impenji ċari, oġġettivi, disponibbli għall-pubbliku u verifikabbli pprovduti mill-fornitur u, fil-każ ta’ provvista ta’ gass rinnovabbli u gass b’livell baxx tal-karbonju, iċ-ċertifikazzjoni tal-gass rinnovabbli u l-gass b’livell baxx tal-karbonju fornuti f’konformità mal-Artikolu 9;
(h)
il-metodu biex tinbeda proċedura għal soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti f’konformità mal-Artikolu 25;
(i)
informazzjoni relatata mad-drittijiet tal-konsumatur, inkluż informazzjoni ċara u li tinftiehem dwar it-trattament tal-ilmenti u kif u fejn jista’ jitressaq ilment u l-informazzjoni kollha msemmija f’dan il-paragrafu, ikkomunikata b’mod ċar fuq il-kont jew fuq is-sit web tal-impriża tal-idroġenu jew tal-gass naturali;
(j)
fejn rilevanti, informazzjoni dwar il-fornitur u l-prezz ta’ prodotti jew servizzi li huma marbuta mal-provvista tal-gass naturali jew tal-idroġenu, jew offruti bħala pakkett magħha.
Il-kundizzjonijiet kuntrattwali għandhom ikunu ġusti u magħrufa sew minn qabel. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta f’lingwaġġ faċli għall-konsumatur, ċar u mhux ambigwu, qabel il-kuntratt jiġi konkluż jew ikkonfermat. Meta xi kuntratti jkunu konklużi permezz ta’ intermedjarji, l-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu għandha tiġi pprovduta wkoll qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. L-informazzjoni dwar il-fornitur ta’ prodotti jew servizzi, u l-prezz ta’ dawk il-prodotti jew servizzi, li huma marbuta jew magħquda mal-provvista tal-gass għandha tiġi pprovduta qabel il-konklużjoni tal-kuntratt.
Il-klijenti finali għandhom jingħataw sommarju wieħed tal-kundizzjonijiet kuntrattwali ewlenin b’mod prominenti u b’lingwaġġ konċiż u sempliċi. L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-fornitur juża terminoloġija komuni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida mhux vinkolanti f’dan ir-rigward.
4. Il-klijenti finali għandhom jingħataw avviż xieraq dwar kwalunkwe intenzjoni li jinbidlu l-kundizzjonijiet kuntrattwali u għandhom jiġu infurmati bid-dritt tagħhom li jitterminaw il-kuntratt meta jingħata l-avviż. Il-fornituri għandhom jgħarrfu lill-klijent finali tagħhom direttament u b’mod trasparenti u komprensibbli dwar kwalunkwe aġġustament fil-prezz tal-provvista u bir-raġunijiet u l-prekundizzjonijiet għall-aġġustament u l-ambitu tiegħu, fi żmien mhux inqas minn ġimagħtejn, jew xahar fil-każ tal-klijenti domestiċi, qabel ma jidħol fis-seħħ l-aġġustament. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali jkunu ħielsa li jitterminaw il-kuntratti jekk ma jaċċettawx il-kundizzjonijiet kuntrattwali ġodda jew l-aġġustamenti fil-prezzijiet tal-provvista notifikati lilhom mill-fornitur tagħhom.
5. Il-fornituri għandhom jipprovdu lill-klijenti finali b’informazzjoni trasparenti dwar il-prezzijiet, it-tariffi u t-termini u l-kundizzjonijiet standard applikabbli, fir-rigward tal-aċċess għas-servizzi u l-użu tagħhom, għall-gass naturali u l-idroġenu, b’mod partikolari informazzjoni dwar jekk il-prezz huwiex fiss jew varjabbli u, fejn rilevanti, dwar promozzjonijiet u skontijiet. L-informazzjoni kuntrattwali ewlenija għandha tiġi enfasizzata mill-fornitur.
6. Il-fornituri għandhom joffru għażla wiesgħa ta’ metodi tal-ħlas lill-klijenti finali. Dawk il-metodi tal-ħlas ma għandhomx jiddiskriminaw bejn il-klijenti. Il-klijenti vulnerabbli kif imsemmija fl-Artikolu 26 ta’ din id-Direttiva u l-klijenti affettwati mill-faqar enerġetiku jistgħu jingħataw trattament aktar favorevoli. Kwalunkwe differenza fl-imposti relatata mal-metodi tal-ħlas jew mas-sistemi tal-ħlas bil-quddiem għandha tkun oġġettiva, nondiskriminatorja u proporzjonata u ma għandhiex taqbeż il-kostijiet diretti mġarrba mill-benefiċjarju talli juża xi metodu tal-ħlas jew sistema tal-ħlas bil-quddiem speċifika, f’konformità mal-Artikolu 62 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (46).
7. Il-klijenti domestiċi li jkollhom aċċess għal sistemi tal-ħlas bil-quddiem ma għandhomx jitqiegħdu fi żvantaġġ mis-sistemi tal-ħlas bil-quddiem.
8. Il-fornituri għandhom joffru termini u kundizzjonijiet ġenerali ġusti u trasparenti lill-klijenti finali, li għandhom jingħataw b’lingwaġġ sempliċi u mhux ambigwu u ma għandhomx jinkludu ostakli mhux kuntrattwali għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-konsumaturi, bħal dokumentazzjoni kuntrattwali eċċessiva. Il-klijenti għandhom jitħarsu minn metodi tal-bejgħ inġusti jew qarrieqa.
9. Il-klijenti finali għandu jkollhom id-dritt għal standard tajjeb tas-servizz u tat-trattament tal-ilmenti mill-fornituri tagħhom. Il-fornituri għandhom jittrattaw l-ilmenti fil-pront, b’mod sempliċi, u ġust.
10. Il-fornituri għandhom jipprovdu informazzjoni xierqa lill-klijenti domestiċi tal-gass naturali dwar miżuri alternattivi biex jevitaw l-iskonnessjoni kmieni biżżejjed qabel ma ssir kwalunkwe skonnessjoni ppjanata. Dawk il-miżuri alternattivi jistgħu jinkludu informazzjoni dwar is-sorsi ta’ appoġġ biex tkun evitata l-iskonnessjoni, u dwar is-sistemi tal-ħlas bil-quddiem, awditjar tal-enerġija, servizzi ta’ konsulenza dwar l-enerġija, pjanijiet tal-ħlas alternattivi, il-pariri dwar il-ġestjoni tad-dejn, jew moratorji għall-iskonnessjoni, u ma għandhomx jinvolvu kostijiet żejda għall-klijenti li jkunu qed jiffaċċjaw skonnessjoni.
11. Wara kull qlib tal-fornitur, il-fornituri għandhom jipprovdu kont tal-għeluq finali lill-klijenti finali, fi żmien sitt ġimgħat minn meta jsir il-qlib.
Artikolu 12
Dritt għall-qlib u regoli dwar it-tariffi marbuta mal-qlib
1. Il-klijenti għandu jkollhom id-dritt li jibdlu l-fornituri tal-gass naturali u tal-idroġenu jew li jibdlu l-parteċipanti fis-suq tal-gass naturali u tal-idroġenu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li klijent li jixtieq jaqleb il-fornitur jew il-parteċipant fis-suq, filwaqt li jirrispetta l-kundizzjonijiet kuntrattwali, ikun intitolat għal dan il-qlib fl-inqas żmien possibbli, u fi kwalunkwe każ sa tliet ġimgħat mid-data tat-talba mill-klijent. Sal-1 ta’ Jannar 2026, il-proċess tekniku tal-qlib tal-fornitur jew tal-parteċipant fis-suq ma għandux idum aktar minn 24 siegħa u għandu jkun possibbli f’kwalunkwe jum tax-xogħol.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dritt għall-qlib tal-fornitur jew tal-parteċipanti fis-suq jingħata lill-klijenti b’mod nondiskriminatorju f’termini ta’kost, sforz u ħin.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mill-inqas il-klijenti domestiċi, il-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar ma jintalbu jħallsu l-ebda tariffa relatata mal-bdil għall-gass naturali u l-idroġenu, inkluż fejn il-provvista tal-gass tkun marbuta ma’ servizzi, tagħmir jew prodotti oħra jew offruti bħala pakkett. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-fornituri jew il-parteċipanti fis-suq jimponu tariffi għat-terminazzjoni tal-kuntratt fuq il-klijenti tagħhom meta dawk il-klijenti jitterminaw, b’mod volontarju, kuntratti tal-provvista b’terminu fiss u bi prezz fiss qabel ma jimmaturaw, dment li dawk it-tariffi:
(a)
ikunu parti minn kuntratt li l-klijent ikun daħal għalih b’mod volontarju; u
(b)
jiġu komunikati b’mod ċar lill-klijent qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt.
Dawk it-tariffi għandhom ikunu proporzjonati u ma għandhomx jaqbżu t-telf ekonomiku dirett lill-fornitur jew il-parteċipant fis-suq ikkawżat mit-terminazzjoni tal-kuntratt mill-klijent. Fil-każ ta’ offerti f’pakkett, il-klijenti għandhom ikunu jistgħu jitterminaw servizzi individwali ta’ kuntratt. L-oneru tal-prova tat-telf ekonomiku dirett għandu jkun fuq il-fornitur jew il-parteċipant fis-suq. Il-permissibbiltà tat-tariffi tat-terminazzjoni tal-kuntratt għandha timmonitorjaha l-awtorità regolatorja jew awtorità nazzjonali kompetenti oħra.
4. Il-klijenti domestiċi għall-gass naturali u l-idroġenu għandhom ikunu intitolati jipparteċipaw fi skemi ta’ qlib kollettiv. L-Istati Membri għandhom ineħħu l-ostakli regolatorji jew amministrattivi kollha għall-qlib kollettiv, u jipprovdu qafas li jiżgura l-protezzjoni tal-konsumaturi minn prattiki abbużivi.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-bdil tal-fornituri tiġi pprovduta lill-klijenti finali f’format faċli għall-utent, inkluż permezz tal-punti uniċi ta’ kuntatt imsemmija fl-Artikolu 24.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti jingħataw id-dritt li jitterminaw il-kuntratti tagħhom għall-provvista tal-gass fi żmien qasir.
Artikolu 13
Id-drittijiet u l-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tat-tneħħija gradwali tal-gass naturali
Meta l-iskonnessjoni tal-utenti tan-networks skont l-Artikolu 38(6) tkun permessa, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a)
l-utenti tan-networks kkonċernati u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, b’mod partikolari l-korpi tal-klijent, ikunu ġew ikkonsultati;
(b)
l-utenti tan-network, il-klijenti finali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti jiġu infurmati fi żmien biżżejjed qabel id-data ppjanata, il-proċedura għall-iskonnessjoni, il-passi ppjanati u l-iskeda ta’ żmien rilevanti;
(c)
il-klijenti finali jirċievu informazzjoni dwar l-għażliet ta’ tisħin sostenibbli u jkollhom aċċess għal biżżejjed pariri dwarhom, kif ukoll informazzjoni dwar l-appoġġ finanzjarju permezz ta’ korpi rilevanti li għandhom jiġu identifikati mill-awtoritajiet nazzjonali, inkluż punti uniċi ta’ servizz stabbiliti skont l-Artikoli 21 u 22 tad-Direttiva (UE) 2023/1791u l-Artikolu 18 tad-Direttiva (UE) 2024/1275 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (47), u l-punti ta’ kuntatt stabbiliti jew nominati skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;
(d)
fl-ippjanar u fit-twettiq tal-eliminazzjoni gradwali tal-gass naturali, jitqiesu kif dovut il-ħtiġijiet speċifiċi tal-klijenti vulnerabbli kif imsemmi fl-Artikolu 26 u l-klijenti affettwati mill-faqar enerġetiku u fejn applikabbli, jittieħdu miżuri xierqa bl-għan li jneħħu l-effetti negattivi tat-tneħħija gradwali tal-gass naturali b’kont meħud tal-gwida msemmija fl-Artikolu 27 liema miżuri jistgħu jinkludu l-użu ta’ finanzjament pubbliku u faċilitajiet ta’ finanzjament stabbiliti fil-livell tal-Unjoni;
(e)
kwalunkwe trasferiment finanzjarju bejn servizzi regolati jsegwi r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1789 u ma hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn kategoriji differenti ta’ klijenti u bejn it-trasportaturi tal-enerġija.
Artikolu 14
Għodod tat-tqabbil għall-gass naturali
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mill-inqas il-klijenti domestiċi tal-gass naturali, kif ukoll il-mikrointrapriżi u intrapriżi żgħar b’konsum annwali mistenni ta’ anqas minn 100 000 kWh, ikollhom aċċess, mingħajr ħlas, għal mill-inqas għodda waħda ta’ tqabbil tal-offerti tal-fornituri, inkluż l-offerti offruti bħala pakkett. Il-klijenti għandhom jiġu infurmati dwar id-disponibbiltà ta’ dawk l-għodod fil-kontijiet tagħhom jew flimkien magħhom, jew b’mezzi oħra. Tali għodod għandhom mill-inqas:
(a)
ikunu indipendenti mill-parteċipanti fis-suq u jiżguraw li l-impriżi tal-gass naturali jingħataw trattament ugwali fir-riżultati tat-tiftix;
(b)
jiżvelaw b’mod ċar is-sidien tagħhom u l-persuna fiżika jew ġuridika li topera u tikkontrolla l-għodod, kif ukoll informazzjoni dwar kif jiġu ffinanzjati l-għodod;
(c)
jistabbilixxu kriterji ċari u oġġettivi li skonthom għandu jsir it-tqabbil, inkluż is-servizzi, u jiżvelawhom;
(d)
jużaw lingwaġġ ċar u mhux ambigwu;
(e)
jipprovdu informazzjoni eżatta u aġġornata u jiddikjaraw il-ħin tal-aħħar aġġornament tal-informazzjoni;
(f)
ikunu aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà, billi jkunu perċettibbli, operabbli, jinftiehmu u robusti;
(g)
jipprovdu proċedura effettiva għar-rapportar tal-informazzjoni skorretta dwar l-offerti ppubblikati;
(h)
iwettqu tqabbil b’mod li d-data personali mitluba tkun limitata għal dik meħtieġa strettament għat-tqabbil;
(i)
jindikaw b’mod ċar jekk il-prezz huwiex fiss jew varjabbli u t-tul tal-kuntratt.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mill-inqas għodda waħda tkun tkopri s-suq kollu għall-gass naturali. Meta s-suq ikun kopert b’diversi għodod, dawk l-għodod għandhom jinkludu, bl-aktar mod sħiħ u prattikament possibbli, firxa tal-offerti tal-gass naturali li jkopru parti sinifikanti tas-suq u, meta dawk l-għodod ma jkoprux lis-suq kollu, dikjarazzjoni ċara dwar dan, li tiġi pprovduta qabel jintwerew ir-riżultati.
Il-fornituri u l-intermedjarji rilevanti għandhom jipprovdu l-offerti rilevanti tagħhom lil mill-inqas għodda waħda tat-tqabbil tal-prezzijiet li tkopri s-suq kollu.
Il-fornituri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta lill-operatur tal-għodda tat-tqabbil tkun preċiża u aġġornata.
2. L-għodod jistgħu jitħaddmu minn xi entità, inkluż minn kumpaniji privati, u awtoritajiet jew korpi pubbliċi.
3. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-għodod tat-tqabbil imsemmija fil-paragrafu 1 jinkludu kriterji komparattivi relatati man-natura tas-servizzi offruti mill-fornituri, inkluż il-prezz unitarju uniku, l-imposti u l-informazzjoni kollha dwar l-iskontijiet, u, fejn applikabbli, il-prestazzjoni ambjentali.
Meta jistabbilixxu dawk il-kriterji, l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti.
4. L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti li tkun responsabbli għall-ħruġ ta’ marki ta’ fiduċja għall-għodod tat-tqabbil li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1, u li tiżgura li l-għodod tat-tqabbil b’dik il-marka ta’ fiduċja jkomplu jissodisfaw dawk ir-rekwiżiti. Dik l-awtorità kompetenti għandha tkun indipendenti minn kwalunkwe parteċipant fis-suq u operatur tal-għodod tat-tqabbil.
5. Kwalunkwe għodda li tqabbel il-parteċipanti fis-suq għandha tkun eliġibbli biex tapplika għal marka ta’ fiduċja kif imsemmi fil-paragrafu 4 b’mod volontarju u nondiskriminatorju.
6. B’deroga mill-paragrafi 4 u 5, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jipprevedux il-ħruġ ta’ marki ta’ fiduċja għall-għodod tat-tqabbil jekk awtorità pubblika jew korp pubbliku jipprovdi għodda tat-tqabbil li tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1.
Artikolu 15
Klijenti attivi fis-suq tal-gass naturali
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali, b’mod partikolari mis-settur agrikolu jew pubbliku, filwaqt li jżommu d-drittijiet tagħhom bħala klijenti finali kif stabbilit f’din id-Direttiva, ikunu intitolati jaġixxu bħala klijenti attivi mingħajr ma jkunu soġġetti għal rekwiżiti tekniċi u rekwiżiti, proċeduri u imposti amministrattivi li jkunu sproporzjonati jew diskriminatorji, u għal imposti tan-network li ma jirriflettux il-kostijiet reali.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti attivi jkunu:
(a)
intitolati joperaw direttament;
(b)
intitolati jbigħu l-gass naturali rinnovabbli awtoprodott permezz tas-sistema tal-gass naturali;
(c)
intitolati jipparteċipaw fi skemi tal-effiċjenza enerġetika u t-trasferiment tad-domanda;
(d)
intitolati jiddelegaw il-ġestjoni tal-installazzjonijiet meħtieġa għall-attivitajiet tagħhom lil parti terza, inkluż l-installazzjoni, l-operazzjoni, it-trattament tad-data u l-manutenzjoni mingħajr ma dik il-parti terza titqies bħala klijent attiv;
(e)
soġġetti għal imposti tan-network trasparenti, nondiskriminatorji u li jirriflettu l-kostijiet reali, filwaqt li jiżguraw li jikkontribwixxu b’mod xieraq u bilanċjat għall-kondiviżjoni tal-kostijiet ġenerali tas-sistema;
(f)
responsabbli finanzjarjament għall-iżbilanċi li jikkawżaw fis-sistema tal-gass naturali jew ikunu ser jiddelegaw ir-reponsabbiltà tagħhom għall-ibbilanċjar f’konformità mal-Artikolu 3, il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2024/1789.
3. Fil-liġi nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jista’ jkollhom dispożizzjonijiet differenti applikabbli għall-klijenti attivi individwali u li jaġixxu b’mod konġunt, dment li d-drittijiet u l-obbligi kollha skont dan l-Artikolu jkunu japplikaw għall-klijenti attivi kollha. Kwalunkwe differenza fit-trattament tal-klijenti attivi li jaġixxu b’mod konġunt għandha tkun proporzjonata u ġustifikata kif xieraq.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti attivi li jkunu sidien ta’ faċilitajiet tal-ħżin tal-gass rinnovabbli:
(a)
ikollhom id-dritt għal konnessjoni mal-grilja fi żmien raġonevoli wara li jkunu għamlu talba għal dak il-għan, dment li jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa, bħall-ibbilanċjar tar-responsabbiltà;
(b)
ma jkunux soġġetti għal imposti doppji, inkluż it-tariffi tan-network, għall-gass rinnovabbli maħżun li jibqa’ fl-istabbilimenti tagħhom;
(c)
ma jkunux soġġetti għal rekwiżiti jew tariffi tal-liċenzjar sproporzjonati;
(d)
ikunu jistgħu jipprovdu diversi servizzi fl-istess ħin, jekk dan ikun fattibbli teknikament.
Artikolu 16
Kontijiet u informazzjoni dwar il-fatturazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontijiet u l-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni jkunu eżatti, jinftiehmu faċilment, ċari, konċiżi, faċli għall-utenti u ppreżentati b’mod li jiffaċilita t-tqabbil mill-klijenti finali, u li dawn ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi stipulati fl-Anness I. Meta jitolbu dan, il-klijenti finali għandhom jirċievu spjegazzjoni ċara u li tinftiehem dwar kif ġie derivat il-kont tagħhom, speċjalment meta l-kontijiet ma jkunux ibbażati fuq il-konsum reali.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali jirċievu l-kontijiet tagħhom u l-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni mingħajr ħlas.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali jiġu offruti l-għażla li jkollhom il-kontijiet u l-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni tagħhom b’mod elettroniku, u jiġu offruti arranġamenti flessibbli għall-ħlas effettiv tal-kontijiet.
4. Meta l-kuntratt jipprevedi bidla futura tal-prodott jew tal-prezz, jew xi skont, dan għandu jiġi indikat fuq il-kont flimkien mad-data meta tkun ser issir il-bidla.
5. Meta jkunu qed jikkunsidraw xi bidliet fir-rekwiżiti tal-kontenut tal-kontijiet, l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-korpi tal-konsumaturi.
Artikolu 17
Sistemi ta’ kejl intelliġenti fis-sistema tal-gass naturali
1. Biex jikkomplementaw il-miżuri dwar l-effiċjenza enerġetika adottati skont id-Direttivi (UE) 2023/1791 u (UE) 2024/1275 u biex jagħtu aktar setgħa lill-klijenti finali, l-Istati Membri jew, meta l-Istat Membri hekk ipprevedew, l-awtoritjiet regolatorji għandhom jirrakkomandaw bil-qawwa li l-impriżi tal-gass naturali jottimizzaw l-użu tal-gass naturali billi, fost l-oħrajn, jipprovdu servizzi ta’ ġestjoni tal-enerġija, u jintroduċu sistemi ta’ kejl intelliġenti f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, li jkunu interoperabbli b’mod partikolari ma’ sistemi tal-ġestjoni tal-enerġija tal-konsumaturi u ma’ grilji intelliġenti, f’konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.
2. L-Istati Membri għandhom jissoktaw bl-introduzzjoni fit-territorji tagħhom ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti biss wara valutazzjoni tal-kostbenefiċċji li għandha ssir f’konformità mal-prinċipji stipulati fl-Anness II, li tidentifika l-benefiċċji netti għall-klijenti li jirriżultaw mill-użu ta’ arloġġi intelliġenti u l-abbonament f’offerti bbażati fuq l-użu tal-arloġġi intelliġenti. Fil-valutazzjoni tal-kostbenefiċċji tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu valutazzjonijiet separati u jevalwaw l-impatt tal-użu ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti għal kategoriji differenti ta’ klijenti u gruppi ta’ klijenti, bħal klijenti domestiċi, mikrointrapriżi, SMEs u l-industrija.
3. L-Istati Membri li jissoktaw bl-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti għandhom jadottaw u jippubblikaw ir-rekwiżiti funzjonali u tekniċi minimi għas-sistemi ta’ kejl intelliġenti li jkunu ser idaħħlu fit-territorji tagħhom, f’konformità mal-Artikolu 19 u l-Anness II. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-interoperabbiltà ta’ dawk is-sistemi ta’ kejl intelliġenti, u l-abbiltà tagħhom li jipprovdu output għas-sistemi tal-ġestjoni tal-enerġija tal-konsumaturi. F’dak ir-rigward, l-Istati Membri għandhom iqisu kif xieraq l-użu tal-istandards disponibbli rilevanti, inkluż dawk li jippermettu l-interoperabbiltà, l-aqwa prattiki u l-importanza tal-iżvilupp tal-grilji intelliġenti u l-iżvilupp tas-suq intern tal-gass naturali.
4. L-Istati Membri li jissoktaw bl-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti għandhom jiżguraw il-forniment ta’ informazzjoni ċara u li tinftiehem u ta’ pariri lill-klijenti dwar il-benefiċċji tal-arloġġi intelliġenti wara li jikkonsultaw lill-korpi tal-konsumaturi u l-organizzazzjonijiet rilevanti l-oħra. Dik l-informazzjoni għandha mill-inqas:
(a)
tinkludi pariri dwar kif il-gruppi ta’ klijenti jistgħu jużaw is-sistemi ta’ kejl intelliġenti tagħhom biex itejbu l-effiċjenza enerġetika tagħhom;
(b)
tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-klijenti affettwati mill-faqar enerġetiku jew tal-klijenti vulnerabbli kif imsemmi fl-Artikolu 26 ta’ din id-Direttiva, bħal persuni b’insuffiċjenza fil-vista jew fis-smigħ u persuni b’livelli baxxi ta’ litteriżmu, inkluż permezz ta’ strateġiji ta’ involviment kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (55), tad-Direttiva (UE) 2023/1791;
5. L-Istati Membri li jissoktaw bl-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti għandhom jiżguraw li l-klijenti finali jikkontribwixxu għall-kostijiet assoċjati tal-introduzzjoni b’mod trasparenti u nondiskriminatorju, filwaqt li jqisu l-benefiċċji fit-tul għall-katina tal-provvista kollha kemm hi, inkluż il-benefiċċji għall-operazzjonijiet tan-network, meta jikkalkulaw l-imposti tan-network applikabbli għall-klijenti jew it-tariffi li ħallsu. L-Istati Membri jew, meta l-Istati Membri hekk ipprevedew, l-awtoritajiet kompetenti maħtura għandhom jimmonitorjaw regolarment din l-introduzzjoni fit-territorji tagħhom biex isegwu t-twassil tal-benefiċċji lill-klijenti.
6. Meta l-introduzzjoni tas-sistemi ta’ kejl intelliġenti tkun ġiet ivvalutata b’mod negattiv minħabba l-valutazzjoni tal-kostbenefiċċji msemmija fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-valutazzjoni tiġi riveduta b’reazzjoni għal bidliet sinifikanti fis-suppożizzjonijiet sottostanti u b’reazzjoni għall-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq. Malli jkun disponibbli l-Istati Membri għandhom jibagħtu r-riżultat tal-valutazzjoni aġġornata tagħhom tal-kostbenefiċċji lill-Kummissjoni.
7. Id-dispożizzjonijiet f’din id-Direttiva dwar is-sistemi ta’ kejl intelliġenti għandhom japplikaw għall-installazzjonijiet futuri u għall-installazzjonijiet li jissostitwixxu lill-arloġġi intelliġenti eqdem. Is-sistemi ta’ kejl intelliġenti diġà installati jew li jkun skatta l-“bidu tax-xogħlijiet” tagħhom qabel l-4 ta’ Awwissu 2024, jistgħu jibqgħu jitħaddmu għal tul ħajjithom. Madankollu, is-sistemi ta’ kejl intelliġenti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 19 u tal-Anness II ma għandhomx jibqgħu jitħaddmu wara l-5 ta’ Awwissu 2036.
8. Għall-finijiet tal-paragrafu 7, “bidu tax-xogħlijiet” tfisser jew il-bidu tax-xogħlijiet tal-kostruzzjoni tal-investiment jew l-ewwel impenn sod biex jiġi ordnat tagħmir, jew impenn ieħor li jagħmel l-investiment irriversibbli, skont liema minnhom isir l-ewwel. Ix-xiri tal-art u l-ħidma preparatorja biex jinkisbu l-permessi u jitwettqu l-istudji preliminari tal-fattibbiltà ma għandhomx ikunu meqjusa bħala “bidu tax-xogħlijiet”. Fir-rigward tal-akkwiżizzjonijiet, “bidu tax-xogħlijiet” tfisser il-mument meta jiġu akkwistati l-assi li jkunu konnessi direttament mal-istabbiliment akkwistat.
Artikolu 18
Sistemi ta’ kejl intelliġenti fis-sistema tal-idroġenu
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti li jistgħu jkejlu l-konsum eżatt u jipprovdu informazzjoni dwar il-ħin reali tal-użu, u li jkunu jistgħu jittrażmettu u jirċievu data għal finijiet ta’ informazzjoni, monitoraġġ u kontroll permezz tal-komunikazzjoni elettronika.
2. Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, tali obbligu ta’ użu għandu jkun soġġett għal valutazzjoni tal-kostbenefiċċji, mill-inqas għall-klijenti domestiċi, li għandha ssir f’konformità mal-prinċipji stipulati fl-Anness II.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sigurtà tas-sistemi ta’ kejl intelliġenti u l-komunikazzjoni tad-data rilevanti, u l-privatezza tal-klijenti finali, f’konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, kif ukoll l-interoperabbiltà tagħhom filwaqt li jitqies l-użu ta’ standards xierqa.
4. Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, rekwiżiti ta’ interoperabbiltà għal kejl intelliġenti u proċeduri biex tiżgura aċċess lil dawk eliġibbli għad-data pprovduta minn sistemi ta’ kejl intelliġenti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 91(2).
5. L-Istati Membri li jissoktaw bl-introduzzjoni ta’ sistemi tal-kejl intelliġenti għandhom jiżguraw li l-klijenti finali jikkontribwixxu għall-kostijiet assoċjati tal-introduzzjoni b’mod trasparenti u nondiskriminatorju, filwaqt li jqisu l-benefiċċji fit-tul għall-katina tal-provvista kollha kemm hi, inkluż għall-operazzjonijiet tan-network, meta jikkalkulaw l-imposti tan-network applikabbli għall-klijenti jew it-tariffi li ħallsu. L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw regolarment tali introduzzjoni fit-territorji tagħhom biex isegwu t-twassil tal-benefiċċji lill-klijenti.
6. Meta l-introduzzjoni tas-sistemi ta’ kejl intelliġenti tkun ġiet ivvalutata b’mod negattiv minħabba l-valutazzjoni tal-kostbenefiċċji msemmija fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-valutazzjoni tiġi riveduta perjodikament b’reazzjoni għal bidliet sinifikanti fis-suppożizzjonijiet sottostanti u b’reazzjoni għall-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq. Malli jkun disponibbli l-Istati Membri għandhom jibagħtu r-riżultat tal-valutazzjoni aġġornata tagħhom tal-kostbenefiċċji lill-Kummissjoni.
Artikolu 19
Funzjonalitajiet tas-sistemi ta’ kejl intelliġenti fis-sistema tal-gass naturali
Fejn l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti tkun ġiet ivvalutata b’mod pożittiv b’riżultat tal-valutazzjoni tal-kostbenefiċċji msemmija fl-Artikolu 17(2), jew fejn sistemi ta’ kejl intelliġenti ikunu ġew introdotti b’mod sistematiku wara l-4 ta’ Awwissu 2024, l-Istati Membri għandhom jintroduċu dawk is-sistemi f’konformità mal-istandards Ewropew, Anness II, u r-rekwiżiti li ġejjin:
(a)
is-sistemi ta’ kejl intelliġenti jkejlu eżattament il-konsum effettiv tal-gass naturali u jkunu kapaċi jipprovdu informazzjoni lill-klijenti finali dwar il-ħin reali tal-użu, inkluż data storika validata dwar il-konsum li tkun disponibbli faċilment u b’mod sigur u viżwalizzata għall-klijenti finali meta tintalab u mingħajr kost addizzjonali, u l-aktar data reċenti disponibbli dwar il-konsum u mhux ivvalidata li tkun disponibbli faċilment u b’mod sigur għall-klijenti finali mingħajr kost addizzjonali, b’interfaċċa standardizzata jew bl-aċċess remot, biex tkun tappoġġa programmi awtomatizzati tal-effiċjenza enerġetika, u servizzi oħra;
(b)
is-sigurtà tas-sistemi ta’ kejl intelliġenti u tal-komunikazzjoni tad-data tikkonforma mar-regoli rilevanti tal-Unjoni dwar is-sigurtà, filwaqt li jitqiesu kif xieraq l-aqwa tekniki disponibbli biex ikun żgurat l-ogħla livell ta’ protezzjoni taċ-ċibersigurtà, u jitqiesu l-kostijiet u l-prinċipju ta’ proporzjonalità;
(c)
il-privatezza tal-klijenti finali u l-protezzjoni tad-data tagħhom tkun konformi mar-regoli rilevanti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza;
(d)
meta l-klijenti finali jitolbuha, id-data dwar il-konsum tal-gass naturali tagħhom issir disponibbli għalihom, f’konformità mal-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 23, b’interfaċċa tal-komunikazzjoni standardizzata jew bl-aċċess remot, jew għal parti terza li taġixxi f’isimhom, f’format komprensibbli faċilment li jippermettilhom iqabblu l-offerti fuq bażi simili;
(e)
il-klijenti finali jingħataw pariri u informazzjoni xierqa qabel jew waqt l-installazzjoni tal-arloġġi intelliġenti, b’mod partikolari rigward il-potenzjal kollu tagħhom b’rabta mal-ġestjoni tal-qari tal-arloġġ u l-monitoraġġ tal-konsum tal-enerġija, u dwar il-ġbir u l-ipproċessar tad-data personali f’konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data;
(f)
is-sistemi ta’ kejl intelliġenti jippermettu li l-klijenti finali jingħataw servizz ta’ kejl u ssetiljar fi żmien li jkun daqs l-iqsar perjodu tal-issetiljar fis-suq nazzjonali.
Għall-finijiet tal-punt (d), għandu jkun possibbli li l-klijenti finali jirkupraw id-data tagħhom dwar il-kejl jew li jibagħtuha lil parti oħra mingħajr kost addizzjonali u skont id-dritt tagħhom tal-portabbiltà tad-data fir-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.
Artikolu 20
Intitolament għal arloġġ intelliġenti tal-gass naturali
1. Meta l-introduzzjoni tas-sistemi ta’ kejl intelliġenti tingħata valutazzjoni negattiva minħabba l-valutazzjoni tal-kostbenefiċċji msemmija fl-Artikolu 17(2) u meta s-sistemi ta’ kejl ma jiġux introdotti b’mod sistematiku, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti jkunu intitolati, meta jitolbu dan u filwaqt li jġarrbu l-kostijiet assoċjati, li jingħataw installazzjoni jew, meta jkun il-każ, aġġornament b’kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u kosteffettivi, tal-arloġġ intelliġenti li:
(a)
meta jkun fattibbli teknikament, ikollu l-funzjonalitajiet imsemmija fl-Artikolu 19, jew sett minimu ta’ funzjonalitajiet li jridu jiġu stabbiliti u ppubblikati mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali u f’konformità mal-Anness II;
(b)
ikun interoperabbli u kapaċi jwassal il-konnettività mixtieqa tal-infrastruttura ta’ kejl mas-sistemi tal-ġestjoni tal-enerġija tal-konsumaturi.
2. Meta klijent jitlob l-installazzjoni ta’ arloġġ intelliġenti skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri jew, meta l-Istati Membri hekk ipprevedew, l-awtoritajiet kompetenti maħtura għandhom:
(a)
jiżguraw li l-offerta lill-klijent li jitlob l-installazzjoni ta’ arloġġ intelliġenti tkun tiddikjara b’mod espliċitu u tiddeskrivi b’mod ċar:
(i)
il-funzjonijiet u l-interoperabbiltà li jistgħu jiġu appoġġati mill-arloġġ intelliġenti u mis-servizzi li jistgħu jingħataw, u l-benefiċċji li jistgħu jinkisbu b’mod realistiku f’dak il-mument kieku wieħed ikollu arloġġ intelliġenti;
(ii)
il-kostijiet assoċjati kollha li jrid iħallas il-klijent;
(b)
jiżguraw li l-arloġġ intelliġenti jiġi installat fi żmien raġonevoli, u li fi kwalunkwe każ ma jaqbiżx l-erba’ xhur mit-talba tal-klijent;
(c)
b’mod regolari, u fi kwalunkwe każ mill-inqas kull sentejn, jirrieżaminaw u jippubblikaw il-kostijiet assoċjati, u jsegwu l-evoluzzjoni ta’ dawk il-kostijiet minħabba l-iżviluppi teknoloġiċi u aġġornamenti potenzjali tas-sistema ta’ kejl.
Artikolu 21
Arloġġi konvenzjonali tal-gass naturali
1. Meta l-klijenti finali tal-gass naturali ma jkollhomx arloġġi intelliġenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali jingħataw arloġġi konvenzjonali individwali li jkejlu eżatt il-konsum reali tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lil klijenti domestiċi li ma jużawx il-gass naturali għal skopijiet ta’ tisħin minn dan ir-rekwiżit meta l-introduzzjoni ta’ arloġġi bħal dawn ma tkunx teknikament possibbli, finanzjarjament raġonevoli jew proporzjonata għall-iffrankar potenzjali tal-enerġija. Dik l-eżenzjoni tista’ tiġi estiża wkoll għal klijenti mhux domestiċi li jinsabu f’bini fejn il-maġġoranza tal-klijenti huma klijenti domestiċi eliġibbli għall-eżenzjoni, jekk l-introduzzjoni ma tkunx teknikament fattibbli.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali tal-gass naturali jkunu jistgħu jaqraw l-arloġġi konvenzjonali tagħhom faċilment, direttament jew indirettament b’interfaċċa online jew b’interfaċċa xierqa oħra.
Artikolu 22
Ġestjoni tad-data
1. Meta jkunu qed jistipulaw ir-regoli dwar il-ġestjoni u l-iskambju tad-data, l-Istati Membri jew, meta l-Istati Membri hekk ipprevedew, l-awtoritajiet kompetenti maħtura, għandhom jispeċifikaw ir-regoli dwar l-aċċess għad-data tal-klijent finali min-naħa tal-partijiet eliġibbli f’konformità ma’ dan l-Artikolu u mal-qafas legali applikabbli tal-Unjoni. Għall-fini ta’ din id-Direttiva, id-data għandha tinftiehem li tinkludi data dwar il-kejl u l-konsum, u data meħtieġa għall-qlib tal-klijenti, kif ukoll servizzi oħra.
2. L-Istati Membri għandhom jorganizzaw il-ġestjoni tad-data biex jiżguraw aċċess u skambju effiċjenti u siguri tad-data, kif ukoll il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà tad-data.
Indipendentement mill-mudell tal-ġestjoni tad-data applikata f’kull Stat Membru, il-partijiet responsabbli għall-ġestjoni tad-data għandhom jipprovdu aċċess għad-data tal-klijent finali lil kwalunkwe parti eliġibbli f’konformità mal-paragrafu 1. Il-partijiet eliġibbli għandu jkollhom id-data mitluba għad-dispożizzjoni tagħhom, b’mod nondiskriminatorju u simultanju. L-aċċess għad-data għandu jkun faċli u l-proċeduri rilevanti għall-kisba tal-aċċess għad-data għandhom isiru pubbliċi.
3. Ir-regoli dwar l-aċċess għad-data u l-ħżin tad-data għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom jikkonformaw mal-liġijiet rilevanti tal-Unjoni.
L-ipproċessar tad-data personali fil-qafas ta’ din id-Direttiva għandu jsir f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.
4. L-Istati Membri jew, meta l-Istati Membri hekk ipprevedew, l-awtoritajiet kompetenti maħtura għandhom jawtorizzaw u jiċċertifikaw jew, meta applikabbli, jissorveljaw lill-partijiet responsabbli għall-ġestjoni tad-data, biex jiżguraw li dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.
Mingħajr preġudizzju għall-kompiti tal-uffiċjali tal-protezzjoni tad-data stipulati fir-Regolament (UE) 2016/679, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeżiġu li l-partijiet responsabbli mill-ġestjoni tad-data jaħtru uffiċjali tal-konformità li għandhom ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda minn dawk il-partijiet biex jiżguraw aċċess nondiskriminatorju għad-data u konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.
L-Istati Membri jistgħu jaħtru l-uffiċjali jew il-korpi tal-konformità msemmija fl-Artikolu 46(2), il-punt (d), biex jissodisfaw l-obbligi msemmija f’dan il-paragrafu.
5. Il-klijenti finali ma għandhom iġarrbu l-ebda kost addizzjonali biex jaċċessaw id-data tagħhom jew biex jitolbu li d-data tagħhom issir disponibbli.
L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli li jistabbilixxu l-imposti rilevanti tal-aċċess għad-data mill-partijiet eliġibbli.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe ħlas impost minn entitajiet regolati li jipprovdu servizzi tad-data jkun raġonevoli u debitament ġustifikat.
Artikolu 23
Rekwiżiti ta’ interoperabbiltà u proċeduri għall-aċċess għad-data fis-suq tal-gass naturali
1. Biex tiġi promossa l-kompetizzjoni fis-suq bl-imnut tal-gass naturali u jkunu evitati kostijiet amministrattivi eċċessivi għall-partijiet eliġibbli, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-interoperabbiltà sħiħa tas-servizzi tal-enerġija fl-Unjoni.
2. Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-rekwiżiti tal-interoperabbiltà u proċeduri nondiskriminatorji u trasparenti għall-aċċess tad-data msemmija fl-Artikolu 22(1). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 91(2).
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-gass naturali japplikaw ir-rekwiżiti tal-interoperabbiltà u l-proċeduri għall-aċċess tad-data msemmija fil-paragrafu 2. Dawk ir-rekwiżiti u l-proċeduri għandhom ikunu bbażati fuq prattiki nazzjonali eżistenti.
Artikolu 24
Punti uniċi ta’ kuntatt
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti punti uniċi ta’ kuntatt biex jipprovdu lill-klijenti kollha, inkluż dawk mingħajr aċċess għall-internet, bl-informazzjoni kollha meħtieġa dwar id-drittijiet tagħhom, għodod ta’ tqabbil iċċertifikati, miżuri ta’ appoġġ disponibbli, inkluż dawk immirati lejn klijenti vulnerabbli kif imsemmi fl-Artikolu 26 ta’ din id-Direttiva, il-liġi applikabbli u l-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti disponibbli għalihom f’każ ta’ tilwim. Tali punti uniċi ta’ kuntatt jistgħu jkunu parti mill-punti ta’ informazzjoni ġenerali għall-konsumatur u jistgħu jkunu l-istess entitajiet bħall-punti uniċi ta’ kuntatt għall-elettriku msemmija fl-Artikolu 25 tad-Direttiva (UE) 2019/944 jew il-punti ta’ kuntatt stabbiliti skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u l-punti uniċi ta’ servizz stabbiliti skont l-Artikoli 21 u 22 tad-Direttiva (UE) 2023/1791, u l-Artikolu 18 tad-Direttiva (UE) 2024/1275. L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-allinjament bejn il-punti uniċi ta’ kuntatt stabbiliti skont din id-Direttiva u l-korpi stabbiliti skont dawk l-atti legali tal-Unjoni.
Artikolu 25
Soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali jkollhom aċċess għal mekkaniżmi sempliċi, ġusti, raġonevoli, trasparenti, indipendenti, kosteffiċjenti u effikaċi għal soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti b’rabta mad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti skont din id-Direttiva, permezz ta’ mekkaniżmu indipendenti bħal Ombudsman tal-enerġija jew korp tal-konsumaturi, jew permezz ta’ awtorità regolatorja. Meta l-klijent finali jkun konsumatur skont it-tifsira tad-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (48), dawk il-mekkaniżmi għal soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-kwalità ta’ dik id-Direttiva u, meta meħtieġ, għandhom jipprevedu sistemi ta’ rimborż u kumpens.
2. Meta meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet tar-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim jikkooperaw biex jipprovdu mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti sempliċi, ġusti, trasparenti, indipendenti, effettivi u effiċjenti ta’ soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għal kull tilwima li tinqala’ fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma marbuta jew offruti f’pakkett ma’ xi prodott jew servizz fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.
3. Il-parteċipazzjoni tal-impriżi tal-gass naturali fil-mekkaniżmi tas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għall-klijenti domestiċi għandha tkun obbligatorja, għajr meta l-Istat Membru juri lill-Kummissjoni li hemm mekkaniżmi oħra effettivi daqshom.
4. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2013/11/UE, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-funzjonament tal-mekkaniżmi tagħhom għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti msemmijin f’dan l-Artikolu.
Artikolu 26
Protezzjoni tal-klijenti vulnerabbli u tal-klijenti affettwati mill-faqar enerġetiku
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex iħarsu lill-klijenti finali u għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw li jkun hemm salvagwardji adegwati li jħarsu lill-klijenti vulnerabbli u l-klijenti affettwati mill-faqar enerġetiku. F’dak il-kuntest, kull Stat Membru għandu jiddefinixxi l-kunċett ta’ klijenti vulnerabbli li jista’ jirreferi għall-faqar enerġetiku. Id-definizzjoni ta’ klijenti vulnerabbli għandha tkun konsistenti mal-kunċett ta’ klijent vulnerabbli kif definit minn Stat Membru skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva (UE) 2019/944.
2. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex iħarsu lill-klijenti finali fiż-żoni remoti li jkunu konnessi mas-sistemi tal-gass naturali jew tal-idroġenu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-klijenti, b’mod partikolari rigward it-trasparenza tat-termini u l-kundizzjonijiet kuntrattwali u prezzijiet kompetittivi, trasparenti u nondiskriminatorji, informazzjoni ġenerali u mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim.
Artikolu 27
Il-faqar enerġetiku u d-dekummissjonar tan-network tad-distribuzzjoni tal-gass naturali
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida dwar il-protezzjoni tal-klijenti vulnerabbli u klijenti affettwati mill-faqar enerġetiku waqt l-ippjanar u t-twettiq tal-eliminazzjoni gradwali tal-gass naturali jew meta jkunu qed jiġu dekummissjonati n-networks tad-distribuzzjoni tal-gass naturali, b’mod partikolari biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dawn il-klijenti jitqiesu kif xieraq f’konformità mal-Artikolu 13(1), il-punt (d).
Artikolu 28
Protezzjoni mill-iskonnessjoni
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jipprevjenu l-iskonnessjoni ta’ klijenti vulnerabbli u klijenti affettwati mill-faqar enerġetiku. Fir-rigward tal-klijenti vulnerabbli, dawk il-miżuri għandhom ikunu soġġetti għall-Artikolu 26.
Meta jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom għal din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jispjegaw ir-relazzjoni bejn l-ewwel subparagrafu u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ma jitterminawx kuntratti ma’, jew jiskonnettjaw, klijenti għal raġunijiet li fir-rigward tagħhom il-fornitur rilevanti jkun qed jittratta lment f’konformità mal-Artikolu 11(9) jew li jkunu s-suġġett ta’ soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti f’konformità mal-Artikolu 25, u ma jaffettwawx id-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali tal-partijiet. L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri xierqa biex jevitaw abbuż tal-proċess.
3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex il-klijenti jkunu jistgħu jevitaw l-iskonnessjoni, li jistgħu jinkludu:
(a)
il-promozzjoni ta’ kodiċijiet volontarji ta’ fornituri u klijenti bl-għan li jipprevjenu u jimmaniġġaw sitwazzjonijiet ta’ klijenti b’arretrati, li jistgħu jagħtu appoġġ lill-klijenti biex jimmaniġġaw l-użu u l-ispejjeż tal-enerġija tagħhom, inkluż l-immarkar ta’ żidiet qawwija f’daqqa fl-użu tal-enerġija jew użu għoli ta’ enerġija li ma jkunux tas-soltu, l-offerta ta’ pjanijiet xierqa ta’ pagament flessibbli, miżuri ta’ konsulenza dwar id-dejn, komunikazzjoni mtejba mal-klijenti u aġenziji ta’ appoġġ;
(b)
il-promozzjoni tal-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-klijenti dwar id-drittijiet tagħhom u l-ġestjoni tad-dejn; u
(c)
l-aċċess għal finanzjament, vouchers jew sussidji biex jappoġġaw il-ħlas ta’ kontijiet.
Artikolu 29
Fornitur tal-aħħar istanza
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu reġim ta’ fornitur tal-aħħar istanza jew jieħdu miżuri ekwivalenti biex jiżguraw il-kontinwità tal-provvista mill-inqas għall-klijenti domestiċi. Il-fornituri tal-aħħar istanza għandhom jinħatru fi proċedura ġusta, trasparenti u nondiskriminatorja.
2. Il-klijenti finali li jiġu ttrasferiti lill-fornituri tal-aħħar istanza għandhom ikomplu jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom bħala klijenti.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tal-aħħar istanza jikkomunikaw minnufih it-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom lill-klijenti trasferiti u jiżguraw kontinwità bla xkiel tas-servizz għal dawn il-klijenti għall-perjodu meħtieġ biex jinstab fornitur ġdid.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali jingħataw informazzjoni u inkoraġġiment biex jaqilbu għal offerta bbażata fuq is-suq.
5. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li fornitur tal-aħħar istanza jforni l-gass naturali lill-klijenti domestiċi u lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li ma jirċevux offerti bbażati fuq is-suq, inkluż għall-fini tal-Artikolu 28(3). F’każijiet bħal dawn, għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4.
KAPITOLU IV
AĊĊESS TA’ PARTIJIET TERZI GĦALL-INFRASTRUTTURA
Taqsima 1
Aċċess għall-infrastruttura tal-gass naturali
Artikolu 30
Aċċess għall-gass rinnovabbli u għall-gass b’livell baxx tal-karbonju mis-suq
L-Istati Membri għandhom jippermettu l-aċċess għall-gassijiet rinnovabbli u gassijiet b’livell baxx tal-karbonju mis-suq u mill-infrastruttura irrispettivament minn jekk il-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-gassijiet rinnovabbli u tal-gassijiet b’livell baxx tal-karbonju humiex konnessi man-networks tad-distribuzzjoni jew tat-trażmissjoni, filwaqt li jqisu s-suppożizzjonijiet dwar l-evoluzzjoni tal-produzzjoni, tal-provvista u tal-konsum tal-gass naturali f’konformità mal-Artikolu 55(2), il-punt (f).
Artikolu 31
Aċċess ta’ partijiet terzi għal distribuzzjoni u trażmissjoni tal-gass naturali u terminals tal-LNG
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ sistema tal-aċċess ta’ parti terza għas-sistemi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni u l-faċilitajiet tal-LNG abbażi ta’ tariffi ppubblikati, applikabbli għall-klijenti kollha, inkluż l-impriżi tal-provvista, u applikati b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistemi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn it-tariffi, jew il-metodoloġiji li jirfdu l-kalkoli tagħhom, ikunu approvati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom f’konformità mal-Artikolu 78 minn awtorità regolatorja u li dawk it-tariffi, – u l-metodoloġiji, meta jkunu ġew approvati biss il-metodoloġiji – jiġu ppubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.
2. L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jkollhom aċċess għan-network ta’ operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni oħrajn, jekk dan ikun meħtieġ għall-fini tat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom inkluż b’rabta ma’ trażmissjoni transfruntiera.
3. Din id-Direttiva ma għandhiex tipprevjeni l-konklużjoni ta’ kuntratti fit-tul għall-gass rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju sa fejn dawn ikunu konformi mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni. Ma għandu jiġi konkluż l-ebda kuntratt fit-tul għall-provvista tal-gassijiet fossili b’emissjonijiet mhux imnaqqsa b’durata li jaqbeż il-31 ta’ Diċembru 2049.
Artikolu 32
Aċċess għan-networks tal-pipelines upstream tal-gass naturali
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-impriżi tal-gass naturali u l-klijenti eliġibbli, kull fejn jinsabu, ikunu jistgħu jiksbu aċċess għan-networks tal-pipelines upstream, li jinkludu l-faċilitajiet tal-għoti tas-servizzi tekniċi inċidentali għal dak l-aċċess, f’konformità ma’ dan l-Artikolu, għajr għall-partijiet ta’ dawk in-networks u l-faċilitajiet li jintużaw għall-operazzjonijiet tal-produzzjoni lokali fil-post tal-produzzjoni tal-gass naturali. Il-miżuri għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 94.
2. L-aċċess imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jingħata bil-mod determinat mill-Istati Membri f’konformità mal-istrumenti legali rilevanti. L-Istati Membri għandhom japplikaw l-objettivi ta’ aċċess ġust u miftuħ, il-kisba ta’ suq kompetittiv għall-gass naturali, u l-evitar ta’ kull abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, filwaqt li jqisu is-sigurtà u r-regolarità tal-provvisti, il-kapaċità li tkun jew li raġonevolment tista’ tkun disponibbli, u l-protezzjoni tal-ambjent. Jistgħu jitqiesu dawn il-ħtiġijiet li ġejjin:
(a)
il-ħtieġa ta’ rifjut tal-aċċess f’każ ta’ inkompatibbiltà tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li raġonevolment ma tistax tingħeleb;
(b)
il-ħtieġa li jiġu evitati d-diffikultajiet li raġonevolment ma jistgħux jingħelbu u li jistgħu jippreġudikaw il-produzzjoni effiċjenti, attwali u futura ppjanata tal-idrokarburi, inkluż dawk minn oqsma ta’ vijabbiltà ekonomika marġinali;
(c)
il-ħtieġa li jiġu rrispettati l-ħtiġijiet raġonevoli u debitament sostanzjati tas-sid jew ta’ operatur tan-networks tal-pipelines upstream għat-trasport u l-ipproċessar tal-gass naturali, u l-interessi tal-utenti l-oħra kollha tan-network tal-pipelines upstream jew tal-faċilitajiet rilevanti tal-ipproċessar jew tal-immaniġġar li jistgħu jiġu effettwati; u
(d)
il-ħtieġa li l-liġijiet u l-proċeduri amministrattivi tagħhom jiġu applikati, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-produzzjoni jew għall-iżvilupp upstream.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għandhom fis-seħħ arranġamenti għas-soluzzjoni tat-tilwim, inkluż awtorità indipendenti mill-partijiet b’aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha, biex it-tilwim dwar l-aċċess għan-networks tal-pipelines upstream ikun jista’ jissolva malajr, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet imsemmija fil-paragrafu 2 u l-għadd tal-partijiet li jistgħu jkunu involuti fin-negozjar tal-aċċess għal dawn in-networks.
4. Fil-każ ta’ tilwimiet transfruntieri għandhom jiġu applikati l-arranġamenti għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-Istat Membru li jkollu ġuriżdizzjoni fuq in-network tal-pipelines upstream li jirrifjuta l-aċċess. Jekk, f’xi tilwimiet transfruntieri, in-network ikkonċernat ikun kopert minn aktar minn Stat Membru wieħed, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkonsultaw lil xulxin biex jiżguraw li din id-Direttiva tiġi applikata b’mod konsistenti. Meta n-network tal-pipelines upstream ikun joriġina f’pajjiż terz u konness ma’ mill-inqas Stat Membru wieħed, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkonsultaw lil xulxin, u l-Istat Membru tal-ewwel punt ta’ dħul fin-network tal-Istati Membri għandu jikkonsulta lill-pajjiż terz ikkonċernat fejn ikun joriġina n-network tal-pipelines upstream, biex fir-rigward tan-network ikkonċernat ikun żgurat li din id-Direttiva tiġi applikata b’mod konsistenti fit-territorju tal-Istati Membri.
Artikolu 33
Aċċess għall-ħżin tal-gass naturali
1. Biex jorganizzaw aċċess għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass naturali u l-linepack, meta jkunu meħtieġa teknikament jew ekonomikament biex jingħata aċċess effiċjenti għas-sistema għall-provvista tal-klijenti, u biex jorganizzaw l-aċċess għas-servizzi anċillari, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu waħda jew iż-żewġ proċeduri msemmija fil-paragrafi 3 u 4. Dawn il-proċeduri għandhom joperaw f’konformità ma’ kriterji oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji.
Meta jagħżlu l-proċedura tal-aċċess għall-ħżin tal-gass naturali skont dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom iqisu r-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskju komuni u nazzjonali mwettqa skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2017/1938.
L-awtoritajiet regolatorji għandhom jistabbilixxu u jippubblikaw kriterji li skonthom jista’ jiġi determinat liema reġim tal-aċċess għandu japplika għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass naturali u l-linepack. Dawn għandhom jippubblikaw, jew jobbligaw lill-operaturi tas-sistemi tal-ħżin tal-gass naturali u l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni biex jippubblikaw, liema faċilitajiet tal-ħżin tal-gass naturali, jew liema partijiet ta’ dawn il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass naturali, u liema linepack hu offrut skont il-proċeduri differenti msemmija fil-paragrafi 3 u 4.
2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għas-servizzi anċillari u l-ħżin temporanju relatati mal-faċilitajiet tal-LNG u li huma meħtieġa għall-proċess tar-rigassifikazzjoni u l-konsenja sussegwenti sas-sistema tat-trażmissjoni.
3. Fil-każ tal-aċċess negozjat, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-impriżi u l-klijenti eliġibbli kollha fit-territorju jew barra mit-territorju kopert mis-sistema interkonnessa biex ikunu jistgħu jinnegozjaw aċċess għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass naturali u l-linepack, meta jkunu meħtieġ teknikament jew ekonomikament biex jingħata aċċess effiċjenti għas-sistema, u biex jiġi organizzat aċċess għal servizzi anċillari oħra. Il-partijiet għandhom jiġu obbligati jinnegozjaw, in bona fide, l-aċċess għall-faċilitajiet tal-ħżin, il-linepack u servizzi anċillari oħra.
Il-kuntratti għall-aċċess tal-ħżin, il-linepack u servizzi anċillari oħra għandhom jiġu negozjati mal-operatur rilevanti tas-sistema tal-ħżin tal-gass naturali. L-awtoritajiet regolatorji għandhom jeżiġu li l-operaturi tas-sistemi tal-ħżin tal-gass naturali u l-impriżi tal-gass naturali jippubblikaw il-kundizzjonijiet kummerċjali ewlenin għall-użu tal-ħżin, il-linepack u servizzi anċillari oħra kull sena.
Meta jfasslu dawk il-kundizzjonijiet, l-operaturi tas-sistemi tal-ħżin tal-gass naturali għandhom jikkonsultaw lill-utenti tas-sistema.
4. Fil-każ tal-aċċess regolat, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex lill-impriżi tal-gass naturali u lill-klijenti eliġibbli fit-territorju u barra mit-territorju kopert mis-sistema interkonnessa jagħtuhom dritt jaċċessaw il-ħżin, il-linepack u servizzi anċillari oħra, abbażi ta’ tariffi jew termini u obbligi oħra ppubblikati għall-użu ta’ dak il-ħżin u l-linepack, meta jkun meħtieġ teknikament jew ekonomikament biex jingħata aċċess effiċjenti għas-sistema, u biex jorganizzaw l-aċċess għal servizzi anċillari oħra. L-awtoritajiet regolatorji għandhom jikkonsultaw lill-utenti tas-sistema meta jfasslu dawk it-tariffi jew il-metodoloġiji tal-kalkolu ta’ dawk it-tariffi. Dan id-dritt ta’ aċċess lill-klijenti eliġibbli jista’ jingħata billi jitħallew jagħmlu kuntratti tal-provvista ma’ impriżi kompetituri għajr is-sid jew l-operatur tas-sistema jew impriża relatata.
Artikolu 34
Linji diretti għall-gass naturali
1. l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżura meħtieġa biex jippermettu li:
(a)
l-impriżi tal-gass naturali stabbiliti fit-territorji tagħhom ifornu lill-klijenti eliġibbli permezz ta’ linja diretta; u
(b)
kwalunkwe wieħed minn dawn il-klijenti fit-territorju tagħhom jiġi fornut mill-impriżi tal-gass naturali permezz ta’ linja diretta.
2. Meta tkun meħtieġa awtorizzazzjoni, bħal liċenzja, permess, konċessjoni, kunsens jew approvazzjoni għall-kostruzzjoni jew għall-operazzjoni ta’ linji diretti, l-Istati Membri jew kwalunkwe awtorità kompetenti deżinjata minnhom għandhom jistabbilixxu l-kriterji għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għall-kostruzzjoni jew għall-operazzjoni ta’ dawk il-linji fit-territorju tagħhom. Dawk il-kriterji għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji.
3. L-Istati Membri jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni għall-kostruzzjoni ta’ linja diretta li jew tkun suġġetta għar-rifjut tal-aċċess għas-sistema abbażi tal-Artikolu 38 jew għall-ftuħ ta’ proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 79.
Taqsima 2
Aċċess għall-infrastruttura tal-idroġenu
Artikolu 35
Aċċess ta’ partijiet terzi għan-networks tal-idroġenu
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ sistema tal-aċċess regolat ta’ partijiet terzi għan-networks tal-idroġenu abbażi ta’ tariffi ppubblikati, u li din tiġi applikata b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn kwalunkwe utent tan-network tal-idroġenu.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tariffi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jew il-metodoloġiji tal-kalkoli tagħhom, ikunu approvati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom f’konformità mal-Artikolu 78 minn awtorità regolatorja u li dawk it-tariffi - u l-metodoloġiji, meta jkunu ġew approvati biss il-metodoloġiji - jiġu ppubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.
3. Meta jkun meħtieġ biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom, l-operaturi tan-networks tal-idroġenu, inkluż fir-rigward tat-trasport transfruntier tal-idroġenu, għandu jkollhom aċċess għan-network ta’ operaturi oħra tan-networks tal-idroġenu.
4. Sal-31 ta’ Diċembru 2032, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 1. F’każ bħal dak, l-Istat Membru għandu jiżgura l-implimentazzjoni ta’ sistema tal-aċċess negozjat ta’ partijiet terzi għan-networks tal-idroġenu f’konformità ma’ kriterji oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji. L-awtoritajiet regolatorji għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex l-utenti tan-networks tal-idroġenu jkunu jistgħu jinnegozjaw l-aċċess għan-networks tal-idroġenu u jiżguraw li l-partijiet ikunu obbligati jinnegozjaw l-aċċess għan-networks tal-idroġenu in bona fide.
5. Meta jintuża aċċess negozjat kif imsemmi fil-paragrafu 4, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jipprovdu gwida lill-utenti tan-network tal-idroġenu dwar kif it-tariffi negozjati għandhom jiġu affettwati meta jiġi introdott l-aċċess regolat ta’ partijiet terzi.
Artikolu 36
Aċċess ta’ partijiet terzi għat-terminals tal-idroġenu
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ sistema tal-aċċess ta’ partijiet terzi għat-terminals tal-idroġenu abbażi ta’ aċċess negozjat b’mod oġġettiv, trasparenti u nondiskriminatorju, li permezz tagħha l-awtoritajiet regolatorji għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex l-utenti tat-terminals tal-idroġenu jkunu jistgħu jinnegozjaw l-aċċess għal dawk it-terminals. Il-partijiet għandhom jiġu obbligati jinnegozjaw l-aċċess in bona fide.
2. L-awtoritajiet regolatorji għandhom jimmonitorjaw il-kundizzjonijiet tal-aċċess ta’ partijiet terzi għat-terminals tal-idroġenu u l-impatt tagħhom fuq is-suq tal-idroġenu u, meta meħtieġ, jissalvagwardjaw il-kompetizzjoni billi jieħdu miżuri li jtejbu l-aċċess skont il-kriterji stipulati fil-paragrafu 1.
Artikolu 37
Aċċess għall-ħżin tal-idroġenu
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ aċċess regolat ta’ partijiet terzi għall-ħżin tal-idroġenu u, meta jkunu meħtieġa teknikament u ekonomikament biex jingħata aċċess effiċjenti għas-sistema għall-provvista tal-klijenti, għall-aċċess għal-linepack, kif ukoll biex jiġi organizzat l-aċċess għal servizzi anċillari abbażi ta’ tariffi ppubblikati u applikati b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn kwalunkwe utent tas-sistemi tal-idroġenu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk it-tariffi, jew il-metodoloġiji li fuqhom ikun ibbażat il-kalkolu tagħhom, jiġu approvati mill-awtorità regolatorja qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom f’konformità mal-Artikolu 78.
2. Sal-31 ta’ Diċembru 2032, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 1. F’dak il-każ, l-Istat Membru għandu jiżgura l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ aċċess neġozjat ta’ partijiet terzi għall-ħżin tal-idroġenu u, meta teknikament u ekonomikament meħtieġa biex jiġi pprovdut aċċess effiċjenti għas-sistema għall-provvista tal-klijenti, aċċess għal-linepack, kif ukoll għall-organizzazzjoni tal-aċċess għal servizzi anċillari f’konformità ma’ kriterji oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji. L-awtoritajiet regolatorji għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex l-utenti tal-ħażna tal-idroġenu jkunu jistgħu jinnegozjaw l-aċċess għall-ħażna tal-idroġenu u jiżguraw li l-partijiet ikunu obbligati jinnegozjaw l-aċċess għall-ħażna tal-idroġenu in bona fide.
3. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu drittijiet tal-kapaċità allokati qabel il-5 ta’ Awwissu 2026 skont sistema ta’ aċċess negozjat ta’ partijiet terzi skont il-paragrafu 2 li għandhom jiġu rispettati sad-data tal-iskadenza tagħhom u li dawn ma jiġux affettwati mill-implimentazzjoni ta’ aċċess regolat ta’ partijiet terzi skont il-paragrafu 1.
Taqsima 3
Rifjut ta’ aċċess u konnessjoni
Artikolu 38
Rifjut ta’ aċċess u konnessjoni
1. Operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni, operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni u operaturi tan-network tal-idroġenu jistgħu jirrifjutaw l-aċċess jew il-konnessjoni għas-sistema tal-gass naturali jew tal-idroġenu minħabba nuqqas ta’ kapaċità jew nuqqas ta’ konnessjoni.
2. Mingħajr preġudizzju għall-objettivi tal-Unjoni u nazzjonali tad-dekarbonizzazzjoni u rekwiżiti eżistenti għat-tnaqqis jew il-bidla mill-konsum tal-gass fossili, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni jew l-operaturi tan-network tal-idroġenu li jirrifjutaw l-aċċess jew il-konnessjoni għas-sistema tal-gass naturali jew għas-sistema tal-idroġenu minħabba nuqqas ta’ kapaċità jew nuqqas ta’ konnessjoni, jagħmlu t-titjib meħtieġ, dment li jkun vijabbli ekonomikament jew meta xi klijent potenzjali jkun lest li jħallas għalih.
3. L-aċċess għas-sistema għall-gass rinnovabbli u l-gass b’livell baxx tal-karbonju jista’ jiġi rrifjutat biss soġġett għall-Artikoli 20 u 36 tar-Regolament (EU) 2024/1789.
4. B’deroga mill-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, Stat Membru għandu jiżgura li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni jitħallew jirrifjutaw l-aċċess jew il-konnessjoni, jew jiskonnettjaw, lill-utenti tan-network tal-gass naturali, b’mod partikolari biex jiżguraw il-konformità mal-implimentazzjoni tal-objettiv tan-newtralità klimatika stipulat fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119, dment li:
(a)
il-pjan ta’ żvilupp tan-network stabbilit skont l-Artikolu 55 jipprevedi d-dekummissjonar tas-sistema ta’ trażmissjoni jew partijiet rilevanti minnha;
(b)
l-awtorità nazzjonali rilevanti tkun approvat il-pjan ta’ dekummissjonar tan-network skont l-Artikolu 57(3);
(c)
l-operatur tan-network ta’ distribuzzjoni rilevanti, li jkun ġie eżentat milli jippreżenta pjan ta’ dekummissjonar tan-network skont l-Artikolu 57(5), ikun informa lill-awtorità nazzjonali rilevanti bid-dekummissjonar tan-network ta’ distribuzzjoni jew ta’ partijiet rilevanti minnu.
5. L-Istati Membri li jippermettu r-rifjut ta’ aċċess jew konnessjoni jew ta’ skonnessjoni tal-utenti tan-network skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom jipprevedu qafas regolatorju għar-rifjut ta’ aċċess jew konnessjoni jew għall-iskonnessjoni li jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji stabbiliti mill-awtorità regolatorja, b’kont meħud tal-interessi affettwati, ir-rekwiżiti eżistenti għat-tnaqqis jew il-bidla mill-konsum tal-gass naturali u l-pjanijiet lokali rilevanti għat-tisħin u t-tkessiħ stabbiliti skont l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva (UE) 2023/1791. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jipproteġu lill-utenti tan-network skont l-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva meta jippermettu skonnessjoni.
6. Kwalunkwe rifjut ta’ aċċess jew konnessjoni u kwalunkwe skonnessjoni skont dan l-Artikolu għandhom jiġu sostanzjati kif xieraq.
KAPITOLU V
REGOLI APPLIKABBLI GĦALL-OPERATURI TA’ SISTEMI TA’ TRAŻMISSJONI, TAL-ĦŻIN U TAL-LNG TAL-GASS NATURALI
Artikolu 39
Kompiti tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni, tal-ħżin jew tal-LNG tal-gass naturali
1. Kull operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, tal-ħżin jew tal-LNG tal-gass naturali għandu:
(a)
jopera, iżomm, jiżviluppa jew jiddekummissjona f’kundizzjonijiet ekonomiċi, faċilitajiet ta’ trażmissjoni, tal-ħżin jew tal-LNG tal-gass naturali siguri, affidabbli u effiċjenti sabiex jiżgura suq miftuħ, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-ambjent u l-klima u l-obbligi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1787, u jiżgura li jkun hemm mezzi adegwati biex jissodisfa l-obbligi tas-servizz tiegħu;
(b)
ma jiddiskriminax bejn l-utenti tas-sistema jew il-klassijiet tal-utenti tas-sistema, b’mod speċifiku favur l-impriżi relatati tiegħu;
(c)
jagħti informazzjoni biżżejjed lil kwalunkwe operatur ieħor ta’ sistemi ta’ trażmissjoni, lil kwalunkwe operatur ieħor ta’ sistemi tal-ħżin tal-gass naturali, lil kwalunkwe operatur ieħor ta’ sistemi tal-LNG jew lil kwalunkwe operatur ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni, biex jiżgura li t-trasport u l-ħżin tal-gass naturali jkunu jistgħu jsiru b’mod kompatibbli mal-operazzjoni sigura u effiċjenti ta’ sistema interkonnessa;
(d)
jagħti l-informazzjoni meħtieġa lill-utenti tas-sistema għal aċċess effiċjenti għas-sistema.
2. Kull operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandu jibni kapaċità transfruntiera biżżejjed biex jintegra l-infrastruttura tat-trażmissjoni Ewropea li takkomoda domanda ekonomikament raġonevoli u teknikament fattibbli kollha għall-kapaċità, filwaqt li jqis is-sigurtà tal-provvista tal-gass.
3. L-operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni għandhom jikkooperaw mal-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni biex jiżguraw il-parteċipazzjoni effettiva tal-parteċipanti fis-suq konnessi mal-grilja fis-swieq bl-imnut, bl-ingrossa u tal-ibbilanċjar.
4. L-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni għandhom jiżguraw ġestjoni effiċjenti tal-kwalità tal-gass fil-faċilitajiet tagħhom skont l-istandards tal-kwalità tal-gass applikabbli.
5. Ir-regoli adottati mill-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni biex jibbilanċjaw is-sistemi tat-trażmissjoni tal-gass għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji, inkluż regoli dwar l-imposti għall-utenti tas-sistemi tan-networks tagħhom għall-iżbilanċ tal-enerġija. It-termini u l-kundizzjonijiet, inkluż ir-regoli u t-tariffi, għall-għoti ta’ dawn is-servizzi mill-operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni għandhom jiġu stabbiliti skont metodoloġija kompatibbli mal-Artikolu 78(7) b’mod nondiskriminatorju u kostriflessiv, u għandhom jiġu ppubblikati.
6. L-Istati Membri jew, fejn previst mill-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji, jistgħu jeżiġu li l-operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni jikkonformaw ma’ standards minimi għall-manutenzjoni u l-iżvilupp ta’ sistema ta’ trażmissjoni, inkluż il-kapaċità tal-interkonnessjoni.
7. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li kompitu wieħed jew diversi kompiti elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jiġu assenjati lil operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni li ma jkunx sid is-sistema ta’ trażmissjoni li għalih kieku jkunu applikabbli r-responsabbiltajiet ikkonċernati. L-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni li lilu jiġu assenjati l-kompiti għandu jiġi ċċertifikat bħala parti mis-separazzjoni tas-sjieda, l-operatur indipendenti ta’ sistema jew il-mudell tal-operatur indipendenti ta’ trażmissjoni u għandu jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 60, iżda ma għandux jintalab ikun sid is-sistema ta’ trażmissjoni li jkun responsabbli għaliha.
8. L-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni li huwa s-sid ta’ sistema ta’ trażmissjoni għandu jissodisfa r-rekwiżiti previsti fil-Kapitolu IX u għandu jiġi ċċertifikat f’konformità mal-Artikolu 71. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni ċċertifikati bħala parti mis-separazzjoni tas-sjieda, l-operatur indipendenti ta’ sistema jew il-mudell tal-operatur indipendenti ta’ trażmissjoni jiddelegaw, b’inizjattiva tagħhom stess u bis-superviżjoni tagħhom, ċerti kompiti lil operaturi oħra ta’ sistemi ta’ trażmissjoni ċċertifikati bħala parti mis-separazzjoni tas-sjieda, lill-operatur indipendenti ta’ sistema jew lill-mudell tal-operatur indipendenti ta’ trażmissjoni, meta d-delega tal-kompiti ma tkunx tipperikola d-drittijiet deċiżjonali effettivi u indipendenti tal-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni delegatur.
9. L-operaturi ta’ sistemi tal-LNG, ta’ trażmissjoni u tal-ħżin tal-gass naturali għandhom jikkooperaw, fi Stat Membru wieħed u fil-livell reġjonali, biex jiżguraw l-aktar użu effiċjenti tal-kapaċitajiet tal-faċilitajiet u tas-sinerġiji bejn dawk il-faċilitajiet, filwaqt li jqisu l-integrità u l-operazzjoni ta’ sistema u jevitaw li joħolqu limitazzjonijiet fit-tħaddim tal-faċilitajiet tal-LNG u tal-ħżin tal-gass naturali.
10. Operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni għandhom jakkwistaw l-enerġija li jużaw biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom f’konformità ma’ proċeduri trasparenti, nondiskriminatorji u bbażati fuq is-suq.
Artikolu 40
Kunfidenzjalità lill-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u lis-sidien tas-sistemi tat-trażmissjoni
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 74 jew kwalunkwe obbligu legali ieħor tal-iżvelar tal-informazzjoni, kull operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni, tal-ħżin jew tal-LNG tal-gass naturali, u kull sid ta’ sistema ta’ trażmissjoni, għandhom iħarsu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni sensittiva kummerċjalment miksuba waqt it-twettiq tal-attivitajiet tagħhom, u għandhom jevitaw l-iżvelar diskriminatorju tal-informazzjoni dwar attivitajiet tagħhom stess li jaf tkun vantaġġuża kummerċjalment. Jekk l-operatur ta’ sistemi ta’ trażmissjoni, tal-ħżin jew tal-LNG tal-gass naturali, jew sid is-sistema ta’ trażmissjoni jkunu parti minn impriża integrata vertikalment, b’mod partikolari dan ma għandu jiżvela l-ebda informazzjoni kummerċjalment sensittiva lill-partijiet li jifdal tal-impriża integrata vertikalment għajr operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni, operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni jew operaturi tan-networks tal-idroġenu, għajr meta jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ tranżazzjoni tan-negozju. Biex jiżguraw ir-rispett sħiħ tar-regoli dwar is-separazzjoni tal-informazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li sid is-sistema ta’ trażmissjoni, anke fil-każ ta’ operatur ikkombinat, l-operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni, u l-partijiet li jifdal tal-impriża li mhumiex operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni jew operaturi tan-networks tal-idroġenu, ma jużawx servizzi konġunti, bħal servizzi legali konġunti, apparti l-funzjonijiet purament amministrattivi jew tal-IT.
2. L-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni, tal-ħżin jew tal-LNG tal-gass naturali ma għandhomx, fil-kuntest ta’ bejgħ jew xiri tal-gass naturali min-naħa ta’ impriżi relatati, jużaw ħażin informazzjoni sensittiva kummerċjalment miksuba mingħand partijiet terzi fil-kuntest ta’ għoti jew negozjar ta’ aċċess għas-sistema.
3. L-informazzjoni meħtieġa għal kompetizzjoni effettiva u funzjonament effiċjenti tas-suq għandha tiġi ppubblikata. Dan l-obbligu hu mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni tal-informazzjoni sensittiva kummerċjalment.
Artikolu 41
Setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-konnessjoni tal-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-gass rinnovabbli u gass b’livell baxx tal-karbonju mas-sistema ta’ trażmissjoni
1. L-operatur ta’ sistemi ta’ trażmissjoni għandu jistabbilixxi u jippubblika proċeduri trasparenti u effiċjenti għal konnessjoni nondiskriminatorja ta’ faċilitajiet ġodda tal-produzzjoni għall-gass rinnovabbli u tal-gass b’livell baxx tal-karbonju f’konformità mal-kapaċitajiet identifikati mill-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network imsemmi fl-Artikolu 55. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji. L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-prijorità għall-konnessjoni lill-faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-bijometan.
2. L-operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni ma għandhomx ikunu intitolati jirrifjutaw talbiet tal-konnessjoni ekonomikament raġonevoli u teknikament fattibbli ta’ faċilitajiet ġodda jew eżistenti iżda li għadhom mhumiex konnessi tal-produzzjoni tal-gass rinnovabbli u tal-gass b’livell baxx tal-karbonju, għajr skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 38.
3. Għall-fini tal-implimentazzjoni rapida tal-konnessjoni mal-grilja tal-produzzjoni tal-bijometan, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jikkonforma ma’ limiti ta’ żmien raġonevoli biex jivvaluta t-talbiet għall-injezzjoni tal-bijometan, jagħmel offerta u jimplimenta l-konnessjoni, taħt il-monitoraġġ mill-awtoritajiet regolatorji mwettaq f’konformità mal-Artikolu 78(1), il-punt (t).
Artikolu 42
Setgħat deċiżjonali dwar il-konnessjoni mas-sistema ta’ trażmissjoni u n-network ta’ trażmissjoni tal-idroġenu
1. L-operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni u l-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu għandhom jistabbilixxu u jippubblikaw proċeduri u tariffi trasparenti u effiċjenti għal konnessjoni nondiskriminatorja tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass naturali u tal-idroġenu, tal-faċilitajiet tal-LNG, tat-terminals tal-idroġenu u tal-klijenti industrijali mas-sistema ta’ trażmissjoni u n-network tat- trażmissjoni tal-idroġenu. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja.
2. L-operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni u l-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu ma għandhomx ikunu intitolati li jirrifjutaw il-konnessjoni ta’ faċilità ġdida tal-ħżin tal-gass naturali jew tal-idroġenu, faċilità tal-LNG, terminal tal-idroġenu jew klijent industrijali minħabba limitazzjonijiet futuri possibbli fil-kapaċitajiet tan-network disponibbli jew kostijiet addizzjonali relatati maż-żieda meħtieġa fil-kapaċità. L-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni u l-operatur tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu għandhom ikunu obbligati jiżguraw biżżejjed kapaċità ta’ dħul u ħruġ għall-konnessjoni l-ġdida.
KAPITOLU VI
OPERAZZJONI TAS-SISTEMI TA’ DISTRIBUZZJONI TAL-GASS NATURALI U L-IDROGENU
Artikolu 43
Deżinjazzjoni tal-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni u tal-operaturi tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu
L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw, jew jeżiġu li l-impriżi li għandhom jew li huma responsabbli għal sistemi ta’ distribuzzjoni jew għal networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu jiddeżinjaw, wara proċedura trasparenti, għal perjodu li jrid jiġi determinat mill-Istati Membri, wara li jqisu l-effiċjenza ekonomika u enerġetika u l-bilanċ ekonomiku, operatur wieħed jew aktar tas-sistemi ta’ distribuzzjoni jew tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu u għandhom jiżguraw li dawk l-operaturi jaġixxu f’konformità mal-Artikoli 44, 46, 47 u 50.
Artikolu 44
Kompiti tal-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni
1. Kull operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni għandu jkun responsabbli biex jiżgura l-abbiltà fit-tul tas-sistema li tissodisfa domandi raġonevoli għad-distribuzzjoni tal-gass naturali f’konformità mal-Artikoli 55 u 57 ta’ din id-Direttiva inkluż għall-injezzjoni tal-bijometan, u li jopera, iżomm u jiżviluppa jew jiddekummissjona b’kundizzjonijiet ekonomiċi, sistema ta’ distribuzzjoni sigura, affidabbli u effiċjenti fiż-żona tiegħu, filwaqt li jqis l-ambjent, l-obbligi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1787 u l-effiċjenza enerġetika.
2. Meta l-awtoritajiet regolatorji hekk jiddeċiedu, l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni jistgħu jkunu responsabbli biex jiżguraw ġestjoni effiċjenti tal-kwalità tal-gass fis-sistemi tagħhom skont standards tal-kwalità tal-gass applikabbli, meta meħtieġ għall-ġestjoni tas-sistema minħabba l-injezzjoni ta’ gass rinnovabbli u gass b’livell baxx tal-karbonju.
3. F’kull każ, l-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni ma għandux jiddiskrimina bejn l-utenti tas-sistema jew il-klassijiet tal-utenti tas-sistema, b’mod partikolari favur l-impriżi relatati tiegħu.
4. Kull operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni għandu jipprovdi informazzjoni biżżejjed lil kwalunkwe operatur ieħor ta’ sistema ta’ distribuzzjoni jew ta’ sistema ta’ trażmissjoni, jew tal-LNG, jew ta’ sistema tal-ħżin tal-gass naturali biex jiżgura li t-trasport u l-ħżin tal-gass naturali jsir b’mod kompatibbli mal-operazzjoni sigura u effiċjenti ta’ sistema interkonnessa.
5. Kull operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni għandu jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa lill-utenti tas-sistema għal aċċess effiċjenti għas-sistema, u għall-użu tagħha.
6. Meta l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni jkunu responsabbli mill-ibbilanċjar tas-sistema tad-distribuzzjoni, ir-regoli adottati minnhom għal dak il-għan għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji, inkluż regoli dwar l-imposti tal-utenti tas-sistemi għall-iżbilanċ tal-enerġija. It-termini u l-kundizzjonijiet, inkluż ir-regoli u t-tariffi, għall-għoti ta’ dawn is-servizzi mill-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni għandhom jiġu stabbiliti skont metodoloġija kompatibbli mal-Artikolu 78(7) b’mod nondiskriminatorju u kostriflessiv, u għandhom jiġu ppubblikati.
7. L-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni għandhom jikkooperaw mal-operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni biex jiżguraw il-parteċipazzjoni effettiva tal-parteċipanti fis-suq konnessi mal-infrastruttura tagħhom fis-swieq bl-imnut, bl-ingrossa u tal-ibbilanċjar fis-sistema ta’ dħul u ħruġ li għaliha tappartjeni s-sistema ta’ distribuzzjoni jew li hija konnessa magħha.
8. L-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni ma għandhomx ikunu intitolati jirrifjutaw talbiet tal-konnessjoni ekonomikament raġonevoli u teknikament fattibbli ta’ installazzjoni ta’ faċilità ġdida jew eżistenti iżda li għadha mhijiex konnessa tal-produzzjoni tal-gass rinnovabbli u tal-gass b’livell baxx tal-karbonju, għajr skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 38.
Artikolu 45
Setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-konnessjoni ta’ faċilitajiet ġodda tal-produzzjoni tal-gass rinnovabbli u l-gass b’livell baxx tal-karbonju mas-sistema ta’ distribuzzjoni
L-awtoritajiet regolatorji għandhom jirrikjedu lill-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni jippubblika proċeduri trasparenti u effiċjenti għal konnessjoni nondiskriminatorja ta’ faċilitajiet tal-produzzjoni għall-gass rinnovabbli u l-gass b’livell baxx tal-karbonju. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji. L-Istati Membri jistgħu jagħtu faċilitajiet ta’ produzzjoni għall-prijorità tal-bijometan għall-konnessjoni.
Għall-fini tal-implimentazzjoni rapida tal-konnessjoni mal-grilja tal-produzzjoni tal-bijometan, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni jikkonforma ma’ limiti ta’ żmien raġonevoli biex jivvaluta t-talbiet għall-injezzjoni tal-bijometan, jagħmel offerta u jimplimenta l-konnessjoni, taħt il-monitoraġġ mill-awtoritajiet regolatorji mwettaq f’konformità mal-Artikolu 78(1), il-punt (t).
Artikolu 46
Is-separazzjoni tal-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni u tal-operaturi tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu
1. Meta l-operatur tas-sistemi ta’ distribuzzjoni jew l-operatur tan-network ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu jkun parti minn impriża integrata vertikalment, dan għandu jkun indipendenti minn attivitajiet oħra mhux relatati mad-distribuzzjoni jew mad-distribuzzjoni tal-idroġenu mill-inqas f’termini tal-forma ġuridika tiegħu, l-organizzazzjoni tiegħu u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu. Dawk ir-regoli ma għandhomx joħolqu obbligu ta’ separazzjoni tas-sjieda tal-assi tas-sistema ta’ distribuzzjoni jew in-network ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu mill-impriża integrata vertikalment. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-operaturi tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu jkunu jistgħu jikru jew jillokaw assi tan-network tal-idroġenu minn sidien ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni oħra, operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni oħra jew operaturi ta’ networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu oħra fl-istess impriża. Dan il-kiri jew lokazzjoni ma għandux iwassal għal sussidji inkroċjati bejn operaturi differenti.
2. Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, meta l-operatur tas-sistemi ta’ distribuzzjoni jew l-operatur tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu jkun parti minn impriża integrata vertikalment, dan għandu jkun indipendenti f’termini tal-organizzazzjoni tiegħu u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu minn attivitajiet oħra mhux relatati mad-distribuzzjoni jew mad-distribuzzjoni tal-idroġenu. Biex jintlaħaq dan, għandhom japplikaw l-kriterji minimi li ġejjin:
(a)
l-amministrazzjoni tal-operatur ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni jew l-operatur tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu ma għandhiex tieħu sehem fl-istrutturi korporattivi tal-impriża integrata tal-gass naturali jew tal-impriża integrata vertikalment responsabbli, direttament jew direttament, għall-operazzjoni ta’ kuljum tal-produzzjoni, ta’ trażmissjoni, u tal-provvista tal-gass naturali jew l-idroġenu;
(b)
għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex ikun żgurat li l-interessi professjonali tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni jew l-operatur tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu jitqiesu b’mod li jiżgura li dawn ikunu kapaċi jaġixxu b’mod indipendenti;
(c)
l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni jew l-operatur tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu għandu jkollu drittijiet deċiżjonali effettivi, indipendentement mill-impriża integrata tal-gass naturali jew tal-impriża integrata vertikalment, rigward l-assi meħtieġa għall-operazzjoni, il-manutenzjoni jew l-iżvilupp tan-network; biex iwettaq dawn il-kompiti, l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni jew l-operatur tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu għandu jkollu r-riżorsi meħtieġa għad-dispożizzjoni tiegħu, inkluż riżorsi umani, tekniċi, finanzjarji u fiżiċi; dan ma għandux jipprevjeni l-eżistenza ta’ mekkaniżmi xierqa tal-koordinazzjoni li jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet ta’ superviżjoni ekonomika u amministrattiva tal-kumpanija ewlenija fir-rigward tal-qligħ mill-assi, regolati indirettament f’konformità mal-Artikolu 78(7), f’kumpanija sussidjarja; b’mod partikolari, dan għandu jippermetti lill-kumpanija ewlenija tapprova l-pjan finanzjarju annwali, jew kwalunkwe strument ekwivalenti, tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni jew l-operatur tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu u tistabbilixxi limiti ġenerali għal-livelli tad-dejn tas-sussidjarja tagħha; dan ma għandux jippermetti lill-kumpanija ewlenija tagħti struzzjonijiet dwar l-operazzjonijiet ta’ kuljum, jew dwar deċiżjonijiet individwali fuq il-kostruzzjoni jew l-aġġornament tal-linji tad-distribuzzjoni, li ma jaqbżux it-termini tal-pjan finanzjarju approvat, jew ta’ kwalunkwe strument ekwivalenti;
(d)
l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni jew l-operatur tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu għandu jistabbilixxi programm tal-konformità li jistabbilixxi l-miżuri meħuda biex jiżguraw l-esklużjoni tal-imġiba diskriminatorja, u għandu jiżgura monitoraġġ xieraq tal-osservanza ta’ dak il-programm ta’ konformità; il-programm tal-konformità għandu jistipula l-obbligi speċifiċi tal-impjegati biex jintlaħaq dak l-objettiv; rapport annwali li jistabbilixxi l-miżuri meħuda għandu jiġi ppreżentat mill-persuna jew mill-korp responsabbli mill-monitoraġġ tal-programm tal-konformità, jew l-uffiċjal tal-konformità tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni jew l-operatur tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu lill-awtorità regolatorja u għandu jiġi ppubblikat; l-uffiċjal tal-konformità tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni jew l-operatur tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu għandu jkun indipendenti għalkollox u għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni kollha meħtieġa dwar l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni jew l-operatur tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu u kwalunkwe impriża affiljata biex iwettaq il-kompitu tal-uffiċjal tal-konformità.
3. Meta l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni jew l-operatur tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu jkun parti minn impriża integrata vertikalment, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni jew l-operatur tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu jiġi monitorjati mill-awtoritajiet regolatorji jew minn korpi kompetenti oħra biex ma jkunx jista’ jieħu vantaġġ mill-integrazzjoni vertikali tiegħu biex ixekkel il-kompetizzjoni. B’mod partikolari, l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni jew l-operaturi tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu integrati vertikalment ma għandhomx, fil-komunikazzjoni u l-marka korporattiva tagħhom, joħolqu konfużjoni rigward l-identità separata tal-fergħa tal-provvista tal-impriża integrata vertikalment.
4. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafi 1, 2 u 3 għal operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni li jkun parti minn impriża integrata tal-gass naturali b’inqas minn 100 000 klijent konness. Fejn operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni jibbenefika minn deroga f’konformità ma’ dan il-paragrafu fl-4 ta’ Awwissu 2024, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafi 1, 2 u 3 għal operatur tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu fl-istess impriża, dment li l-klijenti konnessi tal-operatur tas-sistemi ta’ distribuzzjoni magħduda ma’ dawk tal-operatur tan-network ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu jibqa’ inqas minn 100 000.
Artikolu 47
Obbligi tal-kunfidenzjalità għall-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 74 jew kwalunkwe dover legali ta’ żvelar tal-informazzjoni, kull operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni għandu jħares il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni sensittiva kummerċjalment miksuba waqt it-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, u għandu jevita l-iżvelar diskriminatorju tal-informazzjoni dwar attivitajiet tiegħu stess li jaf tkun vantaġġuża kummerċjalment.
2. L-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni ma għandhomx, fil-kuntest ta’ bejgħ jew xiri tal-gass naturali mill-impriżi relatati, jabbużaw minn informazzjoni sensittiva kummerċjalment miksuba mingħand partijiet terzi fil-kuntest ta’ għoti jew negozjar ta’ aċċess għas-sistema.
Artikolu 48
Sistemi magħluqa tad-distribuzzjoni tal-gass naturali
1. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet regolatorji jew awtoritajiet regolatorji oħra jikklassifikaw sistema li tiddistribwixxi l-gass naturali fi ħdan sit industrijali, kummerċjali jew ta’ servizzi komuni ġeografikament magħluq u li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, ma tfornix lill-klijenti domestiċi, bħala sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa dment li:
(a)
għal raġunijiet tekniċi jew ta’ sikurezza speċifiċi, l-operazzjoni jew il-proċess tal-produzzjoni tal-utenti ta’ dik is-sistema jiġu integrati; jew
(b)
dik is-sistema tkun tforni l-gass naturali qabelxejn lis-sid jew lil operatur tas-sistema jew lil impriżi relatati tagħhom.
2. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet regolatorji jeżentaw lill-operatur ta’ sistema magħluqa ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali mir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 31(1) li t-tariffi, jew il-metodoloġiji tal-kalkolu tagħhom, ikunu approvati qabel ma jidħlu fis-seħħ f’konformità mal-Artikolu 78.
3. Meta tingħata eżenzjoni f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, it-tariffi applikabbli, jew il-metodoloġiji tal-kalkolu tagħhom, għandhom jiġu rieżaminati u approvati f’konformità mal-Artikolu 78 meta ssir talba għal dan minn utent tas-sistema magħluqa ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali.
4. L-użu inċidentali minn għadd żgħir ta’ klijenti domestiċi b’impjieg jew assoċjazzjonijiet simili mas-sid tas-sistema ta’ distribuzzjoni u li jinsabu fiż-żoni fornuti minn sistema magħluqa ta’ distribuzzjoni ma għandux jeskludi l-għoti ta’ eżenzjoni f’konformità mal-paragrafu 2.
5. Is-sistemi magħluqa tad-distribuzzjoni għandhom jitqiesu bħala sistemi tad-distribuzzjoni għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 49
Operatur ikkombinat
1. L-Artikolu 46(1) ma għandux iwaqqaf l-operazzjoni ta’ operatur ikkombinat ta’ sistema ta’ trażmissjoni, il-ħżin, jew il-faċilitajiet tal-LNG għal-gass naturali jew ta’ sistema ta’ distribuzzjoni, dment li l-operatur ikun konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kapitolu IX.
2. L-Artikolu 46(1) ma għandux jipprevjeni l-ħidma ta’ operatur ikkombinat ta’ networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu, ta’ terminali tal-idroġenu, ta’ faċilitajiet tal-ħżin tal-idroġenu jew networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu, dment li dan l-operatur ikun konformi mal-Artikoli 68 u 69.
3. Il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jipprevjenu l-ħidma ta’ operatur ikkombinat fis-sistemi tal-gass naturali u tal-idroġenu, soġġett għar-rekwiżiti tal-Artikolu 69.
KAPITOLU VII
REGOLI APPLIKABBLI GĦAN-NETWORKS TAL-IDROĠENU
Artikolu 50
Kompiti tal-operaturi tan-networks, tal-ħażniet u tat-terminals tal-idroġenu
1. Kull operatur ta’ network tal-idroġenu, ħażna jew terminal għandu jkun responsabbli għal dawn li ġejjin:
(a)
l-operazzjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp, inkluż l-addattament għal skop ġdid, f’kundizzjonijiet ekonomiċi, ta’ infrastruttura sigura u affidabbli għat-trasport jew il-ħżin tal-idroġenu b’kunsiderazzjoni xierqa għall-ambjent u b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ operaturi tan-networks tal-idroġenu konnessi u ġirien sabiex jiġu ottimizzati l-kolokazzjoni tal-produzzjoni u l-użu tal-idroġenu u abbażi tal-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network imsemmi fl-Artikolu 55;
(b)
l-iżgurar tal-abbiltà fit-tul tas-sistemi tal-idroġenu biex jiġu sodisfatti domandi raġonevoli identifikati għat-trasport u l-ħżin tal-idroġenu f’konformità mal-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network imsemmi fl-Artikolu 55;
(c)
l-iżgurar ta’ mezzi xierqa sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu;
(d)
l-għoti ta’ informazzjoni biżżejjed lill-operatur tan-networks jew ta’ sistemi oħra li magħhom tkun interkonnessa s-sistema tiegħu, inkluż dwar il-kwalità tal-idroġenu, biex ikun żgurat li l-operazzjoni, l-iżvilupp ikkoordinat u l-interoperabbiltà tas-sistema interkonnessa jkunu siguri u effiċjenti;
(e)
ma ssirx diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema tal-idroġenu jew il-klassijiet tal-utenti tal-infrastruttura, b’mod speċifiku favur l-impriżi relatati tiegħu;
(f)
l-għoti tal-informazzjoni meħtieġa lill-utenti tas-sistema tal-idroġenu biex jiksbu aċċess effiċjenti għall-infrastruttura;
(g)
it-teħid tal-miżuri raġonevoli kollha li jkunu disponibbli biex jiġu evitati u minimizzati l-emissjonijiet tal-idroġenu fl-operazzjonijiet tagħhom u t-twettiq, f’intervalli regolari, ta’ stħarriġ dwar id-detezzjoni u t-tiswija tat-tnixxijiet tal-idroġenu fil-komponenti rilevanti kollha li jkun responsabbli għalihom l-operatur;
(h)
is-sottomissjoni ta’ rapport dwar id-detezzjoni tat-tnixxijiet tal-idroġenu u, fejn meħtieġ, programm ta’ tiswija jew ta’ sostituzzjoni lill-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li tiġi ppubblikata informazzjoni statistika dwar id-detezzjoni u t-tiswija tat-tnixxijiet tal-idroġenu fuq bażi annwali.
2. L-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu għandu jkollhom l-għan li jiżguraw kapaċità transfruntiera suffiċjenti biex jintegraw l-infrastruttura tal-idroġenu Ewropea li takkomoda d-domandi ekonomikament raġonevoli u teknikament fattibbli kollha għall-kapaċità identifikati fil-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network imsemmi fl-Artikolu 55 ta’ din id-Direttiva u l-pjan ta’ għaxar snin tal-iżvilupp tan-network fl-Unjoni kollha għall-idroġenu msemmi fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2024/1789 filwaqt li jqisu s-sigurtà tal-provvista tal-idroġenu. Maċ-ċertifikazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 71 ta’ din id-Direttiva u l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2024/1789, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jinkarigaw operatur wieħed jew għadd limitat ta’ operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu bir-responsabbiltà li jiżguraw il-kapaċità transfruntiera.
3. Fejn xieraq għall-ġestjoni tas-sistema u għall-utenti finali, l-awtorità regolatorja għandha tafda lill-operaturi tan-networks tal-idroġenu bir-responsabbiltà li jiżguraw ġestjoni effiċjenti tal-kwalità tal-idroġenu u kwalità stabbli tal-idroġenu fin-networks tagħhom f’konformità mal-istandards tal-kwalità tal-idroġenu applikabbli.
4. L-operaturi tan-networks tal-idroġenu għandhom ikunu responsabbli għall-bilanċ fin-networks tagħhom mill-1 ta’ Jannar 2033, jew minn data aktar kmieni fejn dan ikun previst mill-awtorità regolatorja. Ir-regoli adottati mill-operaturi tan-networks tal-idroġenu biex jibbilanċjaw in-network tal-idroġenu għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji, inkluż regoli dwar l-imposti għall-utenti tas-sistemi tan-networks tagħhom għall-iżbilanċ tal-enerġija.
Artikolu 51
Networks eżistenti tal-idroġenu
1. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu awtoritajiet regolatorji biex jagħtu deroga mir-rekwiżiti ta’ wieħed jew aktar mill-Artikoli 35, 46, 68, 69, 70 u 71 ta’ din id-Direttiva, u l-Artikoli 7 u 65 tar-Regolament (UE) 2024/1789 lin-networks tal-idroġenu li kienu jappartjenu għal impriża integrata vertikalment fl-4 ta’ Awwissu 2024.
2. Kwalunkwe deroga mogħtija skont il-paragrafu 1 għandha tiskadi meta:
(a)
l-awtorità regolatorja, fuq talba mill-impriża integrata vertikalment, tiddeċiedi li ttemm id-deroga;
(b)
in-network tal-idroġenu li jibbenefika mid-deroga jkun konness ma’ network tal-idroġenu ieħor;
(c)
ssir espansjoni tan-network tal-idroġenu li jibbenefika mid-deroga jew tal-kapaċità tiegħu, b’aktar minn 5 % f’termini ta’ tul jew ta’ kapaċità meta mqabbel mal-4 ta’ Awwissu 2024; jew
(d)
l-awtorità regolatorja tikkonkludi b’deċiżjoni li jekk id-deroga tibqa’ tapplika din iġġib magħha r-riskju li xxekkel il-kompetizzjoni jew taffettwa ħażin l-użu effiċjenti tal-infrastruttura tal-idroġenu jew l-iżvilupp u l-funzjonament tas-suq tal-idroġenu fl-Istat Membru jew fl-Unjoni.
3. Kull seba’ snin mid-data tal-għoti ta’ deroga skont il-paragrafu 1, l-awtorità regolatorja għandha tippubblika valutazzjoni tal-impatt tad-deroga fuq il-kompetizzjoni, fuq l-infrastruttura tal-idroġenu u fuq l-iżvilupp u l-funzjonament tas-suq għall-idroġenu fl-Unjoni jew fl-Istat Membru.
4. L-awtoritajiet regolatorji jistgħu jitolbu lill-operaturi tan-networks tal-idroġenu eżistenti biex jipprovdulhom l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.
Artikolu 52
Networks tal-idroġenu konfinati ġeografikament
1. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet regolatorji jagħtu deroga mill-Artikoli 68 u 71 jew mill-Artikolu 46 għan-networks tal-idroġenu li jittrasportaw l-idroġenu f’żona ġeografikament konfinata, industrijali jew kummerċjali. Għat-tul ta’ żmien tad-deroga, network bħal dan għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)
ma għandux jinkludi interkonnetturi tal-idroġenu;
(b)
ma għandux ikollu konnessjonijiet diretti mal-faċilitajiet tal-ħżin tal-idroġenu jew it-terminals tal-idroġenu, sakemm tali faċilitajiet jew terminals tal-ħżin ma jkunux konnessi wkoll ma’ network tal-idroġenu li ma jibbenefikax minn deroga mogħtija f’konformità ma’ dan l-Artikolu jew l-Artikolu 51;
(c)
dan għandu primarjament iservi l-iskop li jipprovdi l-idroġenu lill-klijenti konnessi direttament ma’ dan in-network; u
(d)
ma għandu jkun konness ma’ ebda network tal-idroġenu ieħor, għajr networks li jibbenefikaw ukoll minn deroga mogħtija f’konformità ma’ dan l-Artikolu li jitħaddmu mill-istess operatur tan-network tal-idroġenu.
2. L-awtorità regolatorja għandha tadotta deċiżjoni li tirtira d-deroga skont il-paragrafu 1 jekk tikkonkludi li t-tkomplija tal-applikazzjoni tad-deroga twassal għar-riskju li tfixkel il-kompetizzjoni jew taffettwa ħażin l-użu effiċjenti tal-infrastruttura tal-idroġenu jew l-iżvilupp u l-funzjonament tas-suq tal-idroġenu fl-Unjoni jew fl-Istat Membru, jew fejn kwalunkwe kundizzjoni mil-lista fil-paragrafu 1 ma tibqax issodisfata.
Kull seba’ snin mill-għoti ta’ deroga skont il-paragrafu 1, l-awtorità regolatorja għandha tippubblika valutazzjoni tal-impatt tad-deroga fuq il-kompetizzjoni, fuq l-infrastruttura tal-idroġenu u fuq l-iżvilupp u l-funzjonament tas-suq għall-idroġenu fl-Unjoni jew fl-Istat Membru.
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li t-talbiet għall-aċċess tal-produtturi tal-idroġenu kif ukoll it-talbiet għall-konnessjoni tal-klijenti industrijali jiġu nnotifikati lill-awtorità regolatorja, isiru pubbliċi u jiġu ttrattati skont l-Artikolu 42. Il-pubblikazzjoni tat-talbiet għall-aċċess għandha tippreżerva l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva.
Artikolu 53
Interkonnetturi tal-idroġenu ma’ pajjiżi terzi
1. Għal kull interkonnettur tal-idroġenu bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, u qabel l-operazzjoni tiegħu, l-Unjoni għandha tikkonkludi ftehim internazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 218 TFUE mal-pajjiżi terzi konnessi ikkonċernati, li jistipula r-regoli operattivi għall-interkonnettur tal-idroġenu kkonċernat, meta jkun meħtieġ li jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza mar-regoli applikabbli għan-networks tal-idroġenu stipulati f’din id-Direttiva u fir-Regolament (UE) 2024/1789. Ftehim internazzjonali ma għandux jitqies meħtieġ meta l-Istat Membru konness jew bl-intenzjoni li jkun konness minn interkonnettur tal-idroġenu jinnegozja u jikkonkludi ftehim intergovernattiv mal-pajjiżi terzi konnessi kkonċernati f’konformità mal-Artikolu 89 ta’ din id-Direttiva, li jistipula r-regoli operattivi għall-interkonnettur tal-idroġenu kkonċernat biex jiġu żgurati koerenza u konsistenza mar-regoli applikabbli għan-networks tal-idroġenu stabbiliti f’din id-Direttiva u fir-Regolament (UE) 2024/1789.
2. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 85 għall-allokazzjoni tal-kompetenza bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.
3. Il-paragrafu 1 għandu jkun ukoll mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Unjoni u l-Istati Membri, skont il-kompetenza rispettiva tagħhom u f’konformità mal-proċeduri applikabbli, jidħlu fi djalogi ma’ pajjiżi terzi konnessi, inkluż biex jistabbilixxu kooperazzjoni dwar kwistjonijiet rilevanti għall-produzzjoni tal-idroġenu bħal kwistjonijiet soċjali u ambjentali.
Artikolu 54
Kunfidenzjalità għall-operaturi tan-networks tal-idroġenu, tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-idroġenu u tat-terminals tal-idroġenu
1. Mingħajr preġudizzju għad-doveri legali ta’ żvelar tal-informazzjoni, kull operatur tan-network tal-idroġenu, faċilità tal-ħżin tal-idroġenu jew terminal tal-idroġenu, u kull sid ta’ network tal-idroġenu, għandu jħares il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni sensittiva kummerċjalment miksuba waqt it-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, u għandu jevita l-iżvelar diskriminatorju tal-informazzjoni dwar attivitajiet tiegħu stess li jaf tkun vantaġġuża kummerċjalment. B’mod partikolari, jekk l-operatur ta’ network tal-idroġenu, faċilità tal-ħżin tal-idroġenu jew terminal tal-idroġenu, jew is-sid ta’ network tal-idroġenu, ikun parti minn impriża integrata vertikalment, dan ma għandu jiżvela l-ebda informazzjoni sensittiva kummerċjalment lill-partijiet li jifdal tal-impriża integrata vertikalment għajr operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni, operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni jew operaturi tan-networks tal-idroġenu, dment li dan ma jkunx meħtieġ għat-twettiq ta’ attività tan-negozju.
2. L-operatur ta’ network tal-idroġenu, faċilità tal-ħżin tal-idroġenu jew terminal tal-idroġenu ma għandux, fil-kuntest ta’ bejgħ jew xiri tal-idroġenu minn impriżi relatati, juża ħażin l-informazzjoni sensittiva kummerċjalment miksuba mingħand partijiet terzi fil-kuntest ta’ għoti jew negozjar tal-aċċess għas-sistema.
3. L-informazzjoni meħtieġa għal kompetizzjoni effettiva u funzjonament effiċjenti tas-suq għandha tiġi ppubblikata. Dan l-obbligu hu mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni tal-informazzjoni sensittiva kummerċjalment.
KAPITOLU VIII
IPPJANAR TAN-NETWORK INTEGRAT
Artikolu 55
Żvilupp tan-networks għall-gass naturali u l-idroġenu u s-setgħa biex jittieħdu deċiżjonijiet tal-investiment
1. Mill-inqas kull sentejn, l-operaturi kollha tas-sistemi tat-trażmissjoni u l-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu għandhom jippreżentaw pjan tal-iżvilupp tan-networks ta’ għaxar snin lill-awtorità regolatorja rilevanti li jkun ibbażat fuq il-provvista u d-domanda eżistenti u previsti wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti f’konformità mal-paragrafu 2, il-punt (f). Għandu jkun hemm pjan uniku għall-iżvilupp tan-network għal kull Stat Membru għall-gass naturali u pjan uniku għall-iżvilupp tan-network għal kull Stat Membru għall-idroġenu, jew pjan wieħed konġunt għall-gass naturali u l-idroġenu għal kull Stat Membru.
L-Istati Membri li jippermettu pjan wieħed konġunt għandhom jiżguraw li tali pjan ikun trasparenti biżżejjed biex jippermetti lill-awtorità regolatorja tidentifika b’mod ċar il-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur tal-gass naturali u l-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur tal-idroġenu indirizzati mill-pjan. Għandu jsir immudellar separat għal kull trasportatur tal-enerġija rispettiv, b’kapitoli separati li juru mapep tan-networks għall-gass naturali u mapep tan-networks għall-idroġenu.
L-Istati Membri li fihom jiġu żviluppati pjanijiet separati għall-gass naturali u għall-idroġenu għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u l-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu jikkooperaw mill-qrib meta jkun meħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet biex tiġi żgurata l-effiċjenza tas-sistema, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (4), tad-Direttiva (UE) 2023/1791, fit-trasportaturi tal-enerġija kollha, bħal pereżempju għall-adattament għal skop ġdid.
L-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni tal-elettriku u mal-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni tal-elettriku, jekk applikabbli, sabiex jikkoordinaw ir-rekwiżiti konġunti għall-infrastruttura, bħall-post tal-elettrolizzaturi u l-infrastruttura rilevanti tat-trażmissjoni, u għandhom iqisu b’mod sħiħ il-fehmiet tagħhom.
L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw passi kkoordinati fil-pjanijiet rispettivi tal-iżvilupp tan-networks ta’ għaxar snin għall-gass naturali, l-idroġenu u l-elettriku.
L-operaturi tal-infrastruttura, inkluż l-operaturi tat-terminals tal-LNG, l-operaturi ta’ sistemi tal-ħżin tal-gass naturali, l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni, l-operaturi tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu, l-operaturi tat-terminals tal-idroġenu, l-operaturi tal-ħżin tal-idroġenu, l-operaturi tal-infrastruttura tat-tisħin distrettwali u l-operaturi tal-elettriku għandhom jintalbu jipprovdu u jaqsmu kull informazzjoni rilevanti mal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u mal-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu tal-pjanijiet tal-iżvilupp tan-networks ta’ għaxar snin. Il-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network għall-gass naturali għandu jkun fih miżuri effiċjenti biex jiżgura l-adegwatezza tas-sistema tal-gass naturali u s-sigurtà tal-provvista, b’mod partikolari l-konformità mal-istandards tal-infrastruttura stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/1938. Il-pjanijiet tal-iżvilupp tan-networks ta’ għaxar snin għandhom jiġu ppubblikati u aċċessibbli fuq sit web flimkien mal-eżitu tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Dak is-sit web għandu jiġi aġġornat regolarment biex jiġi żgurat li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jkunu infurmati dwar meta ssir il-konsultazzjoni, il-mod kif issir u xi tkopri.
2. Il-pjanijiet tal-iżvilupp tan-networks ta’ għaxar snin imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom, b’mod partikolari:
(a)
ikun fihom informazzjoni komprensiva u dettaljata dwar l-infrastruttura ewlenija li jeħtieġ tinbena jew tiġi modernizzata fl-għaxar snin li ġejjin b’kont meħud ta’ kwalunkwe titjib meħtieġ fl-infrastruttura biex jiġu konnessi installazzjonijiet tal-gass rinnovabbli jew tal-gass b’livell baxx tal-karbonju u li jinkludu infrastruttura żviluppata biex tippermetti flussi fid-direzzjoni opposta lura lejn in-network tat-trażmissjoni;
(b)
ikun fihom informazzjoni dwar l-investimenti kollha diġà deċiżi u jidentifikaw investimenti u soluzzjonijiet ġodda min-naħa tad-domanda li ma jeħtiġux investimenti ġodda fl-infrastruttura li jridu jitwettqu fit-tliet snin li ġejjin;
(c)
fil-każ tal-gass naturali, jinkludu informazzjoni komprensiva u dettaljata dwar l-infrastruttura li tista’ jew li ser tiġi dekummissjonata;
(d)
fil-każ tal-idroġenu, jinkludu informazzjoni komprensiva u dettaljata dwar l-infrastruttura li tista’ jew li għandha tiġi adattata għal skop ġdid għat-trażmissjoni tal-idroġenu, b’mod partikolari biex l-idroġenu jitwassal lill-utenti finali f’setturi li diffiċli jiġu dekarbonizzati filwaqt li jqisu l-potenzjal tat-tnaqqis tal-gassijiet serra u l-effiċjenza fl-enerġija u l-kosteffiċjenza fir-rigward ta’ għażliet oħra;
(e)
jipprevedu skeda taż-żmien għall-proġetti kollha tal-investiment u tad-dekummissjonar;
(f)
ikunu bbażati fuq xenarju konġunt żviluppat kull sentejn bejn l-operaturi tal-infrastruttura rilevanti, inkluż l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni rilevanti, mill-inqas tal-gass naturali, l-idroġenu, l-elettriku, u, fejn applikabbli, it-tisħin distrettwali;
(g)
fil-każ tal-gass naturali, ikunu konsistenti mar-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskju komuni u nazzjonali skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2017/1938;
(h)
ikunu konformi mal-pjan nazzjonali integrat dwar l-enerġija u l-klima u mal-aġġornamenti tiegħu, iqisu s-sitwazzjoni attwali fir-rapporti nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima sottomessi skont ir-Regolament (UE) 2018/1999, jkunu konsistenti mal-miri stabbiliti mid-Direttiva (UE) 2018/2001 u jappoġġaw l-objettiv tan-newtralità klimatika stipulat fl-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119;
(i)
ikunu konsistenti mal-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-networks fl-Unjoni kollha għall-gass naturali msemmi fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2024/1789 u l-pjan ta’ għaxar snin tal-iżvilupp tan-network fl-Unjoni kollha għall-idroġenu msemmi fl-Artikolu 60 ta’ dak ir-Regolament, kif applikabbli;
(j)
iqisu l-pjan tal-iżvilupp tan-network ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu msemmi fl-Artikolu 56 u l-pjanijiet għad-dekummissjonar tan-network tal-gass naturali msemmija fl-Artikolu 57.
Ix-xenarji konġunti msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (f), għandhom ikunu bbażati fuq suppożizzjonijiet raġonevoli dwar l-evoluzzjoni tal-produzzjoni, tal-provvista u tal-konsum, b’mod partikolari l-ħtiġijiet tas-setturi li diffiċli jiġu dekarbonizzati filwaqt li jitqies il-potenzjal tat-tnaqqis tal-gassijiet serra u l-enerġija u l-kosteffiċjenza b’rabta ma’ għażliet oħra, u għandhom iqisu soluzzjonijiet min-naħa tad-domanda li ma jeħtiġux investimenti ġodda fl-infrastruttura. Għandhom iqisu wkoll l-iskambji transfruntiera, inkluż ma’ pajjiżi terzi, u r-rwol tal-ħżin tal-idroġenu u l-integrazzjoni tat-terminals tal-idroġenu. L-operaturi tal-infrastruttura għandhom iwettqu proċess ta’ konsultazzjoni estensiv dwar xenarji bħal dawn miftuħ għall-partijiet ikkonċernati rilevanti fosthom l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni għall-gass naturali u għall-elettriku, l-operaturi tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu, l-assoċjazzjonijiet involuti fis-swieq tal-elettriku, tal-gass naturali u tal-idroġenu, l-impriżi tat-tisħin u t-tkessiħ, tal-provvista u tal-produzzjoni, l-aggregaturi indipendenti, l-operaturi tar-rispons għad-domanda, l-organizzazzjonijiet involuti fis-soluzzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi tal-enerġija, u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Il-konsultazzjonijiet għandhom isiru b’mod miftuħ, inklużiv u trasparenti fi stadju bikri qabel l-iżvilupp tal-pjan tal-iżvilupp tan-networks ta’ għaxar snin. Id-dokumenti kollha pprovduti mill-operaturi tal-infrastruttura biex jiffaċilitaw il-konsultazzjonijiet għandhom isiru pubbliċi, kif ukoll l-eżitu tal-konsultazzjoni mal-parti kkonċernata. Is-sit web rilevanti għandu jiġi aġġornat fil-ħin meta dawk id-dokumenti jkunu disponibbli sabiex il-partijiet ikkonċernati rilevanti jkunu infurmati biżżejjed biex ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-konsultazzjoni b’mod effettiv.
Ix-xenarji konġunti msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (f), ta’ dan il-paragrafu għandhom ikunu konformi max-xenarji għall-Unjoni kollha stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2022/869 u mal-pjan nazzjonali integrat dwar l-enerġija u l-klima u l-aġġornamenti tiegħu f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1999 u jappoġġaw l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) u fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119. Tali xenarji konġunti għandhom jiġu approvati mill-awtorità nazzjonali kompetenti. Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 401/2009 jista’, fuq inizjattiva tiegħu stess, jipprovdi opinjoni dwar il-kompatibbiltà tax-xenarji konġunti mal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha għall-2050. Dik l-opinjoni għandha titqies mill-awtorità nazzjonali kompetenti.
3. Meta jkun qed jelabora l-pjanijiet tal-iżvilupp tan-networks ta’ għaxar snin, l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni u l-operatur tan-network ta’ trażmissjoni tal-idroġenu għandhom iqisu għalkollox il-potenzjal ta’ alternattivi għal espansjoni tas-sistema, pereżempju bl-użu tar-rispons għad-domanda, kif ukoll il-konsum mistenni wara l-applikazzjoni tal-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” f’konformità mal-Artikolu 27 tad-Direttiva (UE) 2023/1791, il-kummerċ ma’ pajjiżi oħra u l-pjanijiet tal-iżvilupp tan-networks għall-Unjoni kollha. Bil-ħsieb tal-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija, l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni u l-operatur tan-network ta’ trażmissjoni tal-idroġenu għandhom jivvalutaw kif jindirizzaw, fejn possibbli, ħtieġa fis-sistemi tal-elettriku, tat-tisħin meta applikabbli u tal-gass naturali u tal-idroġenu inkluż informazzjoni dwar il-post u d-daqs ottimali tal-ħażniet tal-enerġija u tal-assi li jikkonvertu l-enerġija f’gass kif ukoll il-kolokazzjoni tal-produzzjoni u l-konsum tal-idroġenu. L-operatur tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu għandu jinkludi informazzjoni dwar il-post tal-utenti finali f’setturi li diffiċli jiġu dekarbonizzati bil-ħsieb li jiġi mmirat l-użu tal-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju f’dawk is-setturi.
4. L-awtorità regolatorja għandha tikkonsulta lill-utenti effettivi jew potenzjali kollha tas-sistema dwar il-pjan tal-iżvilupp tan-networks ta’ għaxar snin b’mod miftuħ u trasparenti. Il-persuni jew l-impriżi li jiddikjaraw li huma utenti potenzjali tas-sistema jistgħu jintalbu jissostanzjaw dawk id-dikjarazzjonijiet. L-awtorità regolatorja għandha tippubblika r-riżultat tal-proċess ta’ konsultazzjoni, inkluż il-ħtiġijiet possibbli għal investimenti, dekummissjonar tal-assi u soluzzjonijiet min-naħa tad-domanda li ma jeħtiġux investimenti ġodda fl-infrastruttura.
5. L-awtorità regolatorja għandha teżamina jekk il-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-networks jikkonformax mal-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, ikoprix il-ħtiġijiet ta’ investiment kollha identifikati matul il-proċess ta’ konsultazzjoni, u, fejn xieraq, jekk ikunx konsistenti mas-simulazzjoni l-aktar reċenti għall-Unjoni kollha ta’ xenarji ta’ tfixkil li saret min-Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass (ENTSO tal-Gass) skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2017/1938, mal-valutazzjonijiet tar-riskju reġjonali u nazzjonali skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2017/1938 u mal-pjanijiet ta’ għaxar snin mhux vinkolanti tal-iżvilupp tan-networks għall-Unjoni kollha (il-“pjanijiet tal-iżvilupp tan-networks għall-Unjoni kollha”) msemmija fl-Artikolu 30(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2019/943, u mal-Artikoli 32 u 60 tar-Regolament (UE) 2024/1789. Jekk ikun hemm xi dubju dwar il-konsistenza mal-pjanijiet tal-iżvilupp tan-networks għall-Unjoni kollha, l-awtorità regolatorja għandha tikkonsulta lill-ACER. L-awtorità regolatorja tista’ titlob lill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni biex jemenda l-pjan tiegħu tal-iżvilupp tan-networks ta’ għaxar snin.
L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jeżaminaw il-konsistenza tal-pjan tal-iżvilupp tan-networks ta’ għaxar snin mal-objettiv għan-newtralità klimatika stipulat fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119, mal-pjan nazzjonali għall-enerġija u l-klima u l-aġġornamenti tiegħu u mar-rapporti nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima sottomessi f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1999 u, fil-każ ta’ inkonsistenza, jistgħu jagħtu opinjoni sostanzjata lill-awtorità regolatorja li tispjega l-inkonsistenza, sabiex din tiġi meqjusa kif dovut.
6. L-awtorità regolatorja għandha timmonitorja u tevalwa l-implimentazzjoni tal-pjan tal-iżvilupp tan-networks ta’ għaxar snin.
7. Meta l-operatur indipendenti tas-sistema jew l-operatur indipendenti tat-trażmissjoni, jew l-operatur ta’ network integrat tat-trażmissjoni tal-idroġenu jew l-operatur indipendenti tan-networks tat-trażmissjoni tal-idroġenu, għajr minħabba raġunijiet imperattivi li mhumiex fil-kontroll tiegħu, ma jwettaqx investiment li, skont il-pjan tal-żvilupp tan-networks ta’ għaxar snin, kellu jitwettaq fit-tliet snin ta’ wara, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità regolatorja jkollha l-obbligu li tieħu mill-anqas waħda mill-miżuri li ġejjin biex tiżgura li l-investiment inkwistjoni jsir jekk dak l-investiment ikun għadu rilevanti skont l-aktar pjan reċenti tal-iżvilupp tan-networks ta’ għaxar snin:
(a)
teżiġi li l-operatur tas-sistemi tat-trażmissjoni jew l-operatur tan-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu jwettaq l-investiment inkwistjoni;
(b)
torganizza proċedura miftuħa ta’ sejħa għall-offerti għal kwalunkwe investitur interessat fl-investiment inkwistjoni;
(c)
tobbliga lill-operatur tas-sistemi tat-trażmissjoni jew lill-operatur tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu jaċċetta żieda fil-kapital biex jiffinanzja l-investiment meħtieġ u jippermetti lill-investituri indipendenti jipparteċipaw fil-kapital.
Meta l-awtorità regolatorja tkun għamlet użu mis-setgħat tagħha skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, hija tista’ tobbliga lill-operatur tas-sistemi tat-trażmissjoni jew lill-operatur tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu jaqblu ma’ element wieħed jew iżjed minn dawn li ġejjin:
(a)
il-finanzjament minn xi parti terza;
(b)
il-kostruzzjoni, l-adattament għal skop ġdid jew id-dekummissjonar minn kwalunkwe parti terza;
(c)
il-bini tal-assi l-ġodda kkonċernati stess;
(d)
l-operazzjoni tal-assi l-ġodda kkonċernati stess.
L-operatur tas-sistemi tat-trażmissjoni jew l-operatur tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu għandu jipprovdi lill-investituri l-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettqu l-investiment, għandu jikkollega l-assi l-ġodda mas-sistema tat-trażmissjoni jew in-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu u għandu b’mod ġenerali jagħmel l-almu tiegħu biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-proġett tal-investiment.
L-arranġamenti finanzjarji rilevanti għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja.
8. Meta l-awtorità regolatorja tkun eżerċitat is-setgħat tagħha skont il-paragrafu 7, it-tariffi tal-aċċess għan-networks rilevanti kif stabbiliti jew approvati mill-awtorità regolatorja għandhom ikopru l-kostijiet tal-investiment inkwistjoni.
Artikolu 56
Pjan ta’ żvilupp ta’ networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu
1. L-operaturi tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu għandhom, kull erba’ snin, jippreżentaw lill-awtorità regolatorja pjan li jippreżenta l-infrastruttura tan-networks tal-idroġenu li jkollhom l-għan li jiżviluppaw. Il-pjan għandu jiġi żviluppat f’kooperazzjoni mill-qrib mal-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni għall-gass naturali u l-elettriku, kif ukoll mal-operaturi tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali fejn applikabbli, filwaqt li tiġi żgurata l-integrazzjoni effettiva fis-sistema tal-enerġija u filwaqt li jitqiesu bis-sħiħ il-fehmiet tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-operaturi tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu f’konformità ma’ dan l-Artikolu u lill-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni f’konformità mal-Artikolu 57 li huma attivi fl-istess reġjun jiżviluppaw pjan konġunt.
L-Istati Membri li jippermettu pjan wieħed konġunt għandhom jiżguraw li l-pjan ikun trasparenti biżżejjed biex jidentifika b’mod ċar il-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur tal-gass naturali u l-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur tal-idroġenu indirizzati mill-pjan. Għandu jsir immudellar separat għal kull trasportatur tal-enerġija rispettiv u b’kapitoli separati li juru mapep tan-networks għall-gass naturali u mapep tan-networks għall-idroġenu.
L-Istati Membri li fihom jiġu żviluppati pjanijiet separati għall-gass naturali u għall-idroġenu għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni u l-operaturi tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu jikkooperaw mill-qrib meta jkun meħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet biex tiġi żgurata l-effiċjenza tas-sistema fit-trasportaturi tal-enerġija kollha, bħal pereżempju għall-adattament għal skop ġdid.
2. Il-pjan tal-iżvilupp tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu għandu, b’mod partikolari:
(a)
jinkludi informazzjoni dwar il-ħtiġijiet tal-kapaċità, kemm fil-volum kif ukoll fit-tul ta’ żmien, kif innegozjati bejn l-utenti tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu u l-operaturi tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu, dwar il-provvista tal-idroġenu, u dwar il-ħtiġijiet tal-kapaċità, kemm fil-volum kif ukoll fit-tul ta’ żmien, tal-utenti finali eżistenti u futuri potenzjali li diffiċli jiġu dekarbonizzati filwaqt li jitqies il-potenzjal tat-tnaqqis tal-gassijiet serra u l-effiċjenza enerġetika u l-kosteffiċjenza fir-rigward ta’ għażliet oħra u l-post ta’ dawk l-utenti finali bil-ħsieb li l-użu tal-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx tal-karbonju jiġi mmirat f’dawk is-setturi;
(b)
jqis il-pjanijiet għat-tisħin u t-tkessiħ stabbiliti skont l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva (UE) 2023/1791 u d-domanda tas-setturi li mhumiex koperti mill-pjanijiet għat-tisħin u t-tkessiħ, u jivvaluta kif jiġi rispettat il-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” f’konformità mal-Artikolu 27 ta’ dik id-Direttiva meta titqies l-espansjoni tan-network ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu f’setturi fejn hemm alternattivi aktar effiċjenti fl-enerġija disponibbli;
(c)
jinkludi informazzjoni dwar il-punt sa fejn il-pipelines tal-gass naturali adattati għal skop ġdid għandhom jintużaw għat-trasport tal-idroġenu, kif ukoll il-punt sa fejn dak l-adattament għal skop ġdid jkun meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-kapaċità stabbiliti f’konformità mal-punt (a);
(d)
ikun bbażat fuq proċess ta’ konsultazzjoni li hu miftuħ għall-partijiet ikkonċernati rilevanti sabiex tkun possibbli l-parteċipazzjoni bikrija u effettiva tagħhom fil-proċess tal-ippjanar, inkluż il-forniment u l-iskambju tal-informazzjoni rilevanti kollha;
(e)
jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-operatur tan-network ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu bl-eżitu tal-konsultazzjoni mal-parti kkonċernata u jiġi ppreżentat lill-awtorità regolatorja, flimkien mal-eżitu tal-konsultazzjoni mal-parti kkonċernata; dak is-sit web għandu jiġi aġġornat regolarment sabiex il-partijiet ikkonċernati rilevanti jiġu infurmati biżżejjed biex ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-konsultazzjoni b’mod effettiv;
(f)
ikun konformi mal-pjan nazzjonali integrat dwar l-enerġija u l-klima u mal-aġġornamenti tiegħu, u mar-rapporti nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima sottomessi skont ir-Regolament (UE) 2018/1999, u jappoġġa l-objettiv tan-newtralità klimatika stipulat fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119;
(g)
ikun konsistenti mal-pjan tal-iżvilupp tan-networks għall-idroġenu fl-Unjoni kollha msemmi fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2024/1789 u l-pjanijiet nazzjonali tal-iżvilupp tan-networks ta’ għaxar snin żviluppati f’konformità mal-Artikolu 55 ta’ din id-Direttiva.
3. L-operaturi tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu għandhom jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa għall-iżvilupp tal-pjan ma’ operaturi oħra tan-networks tal-idroġenu, inkluż operaturi tan-networks tal-idroġenu fi Stati Membri ġirien jekk ikun hemm konnessjoni diretta.
4. L-awtorità regolatorja għandha tivvaluta jekk il-pjan għall-iżvilupp tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu jikkonformax mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. L-awtorità regolatorja għandha teżamina l-pjan u tista’ titlob emendi għall-pjan skont ir-riżultati tal-valutazzjoni. F’dak l-eżami għandha tqis il-ħtieġa ġenerali li n-network tal-idroġenu jkun ekonomiku fl-enerġija kif ukoll il-qafas tax-xenarju konġunt żviluppat skont l-Artikolu 55(2), il-punt (f). Fir-rigward tal-pjanijiet ippreżentati fir-rigward tan-networks tal-idroġenu li jibbenefikaw minn deroga skont l-Artikolu 51 jew 52, l-awtorità regolatorja tista’ tastjeni milli teżamina l-pjan u milli tagħti rakkomandazzjonijiet għal emendi.
5. L-awtorità regolatorja għandha tqis l-eżami tal-pjan għall-iżvilupp tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu fl-approvazzjoni tagħha ta’ imposti dedikati skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1789.
6. Sal-31 ta’ Diċembru 2032, u mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità regolatorja li tissorvelja r-regoli dwar l-aċċess għan-network, l-Istati Membri jistgħu jħallu f’idejn awtorità kompetenti oħra l-kompitu li teżamina l-pjan għall-iżvilupp tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu u tagħti rakkomandazzjonijiet għal emendi fil-pjan mill-operatur tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima u l-aġġornamenti tagħhom.
7. B’deroga mill-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 55 għall-operaturi tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu mill-4 ta’ Awwissu 2024.
Artikolu 57
Pjanijiet ta’ dekummissjonar tan-network għall-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni jiżviluppaw pjanijiet għad-dekummissjonar tan-networks fejn ikun mistenni tnaqqis fid-domanda għall-gass naturali li jkun jeħtieġ id-dekummissjonar ta’ networks ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali jew ta’ partijiet minn tali networks. Tali pjanijiet għandhom jiġu żviluppati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-operaturi tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu, l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni għall-elettriku, u l-operaturi tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali, filwaqt li tiġi żgurata l-integrazzjoni effettiva fis-sistema tal-enerġija u jiġi rifless l-użu mnaqqas tal-gass naturali għat-tisħin u t-tkessiħ tal-bini fejn ikunu disponibbli alternattivi aktar effiċjenti fl-enerġija u kosteffiċjenti. L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu u lill-operaturi tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu f’konformità mal-Artikolu 56 li jkunu attivi fl-istess reġjun jiżviluppaw pjan konġunt jekk partijiet mill-infrastruttura tal-gass naturali jkunu ser jiġu adattati għal skop ġdid. L-Istati Membri li jippermettu pjan wieħed konġunt għandhom jiżguraw li l-pjan ikun trasparenti biżżejjed biex jidentifika b’mod ċar il-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur tal-gass naturali u l-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur tal-idroġenu indirizzati mill-pjan. Fejn applikabbli, għandu jsir immudellar separat għal kull trasportatur tal-enerġija rispettiv, b’kapitoli separati li juru mapep tan-networks għall-gass naturali u mapep tan-networks għall-idroġenu.
L-Istati Membri li fihom jiġu żviluppati pjanijiet separati għall-gass naturali u għall-idroġenu għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni u l-operaturi tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu jikkooperaw mill-qrib meta jkun meħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet biex tiġi żgurata l-effiċjenza tas-sistema fit-trasportaturi tal-enerġija kollha, bħal pereżempju għall-adattament għal skop ġdid.
2. Il-pjanijiet għad-dekummissjonar tan-networks ta’ distribuzzjoni għandhom tal-anqas jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin:
(a)
il-pjanijiet ikunu bbażati fuq il-pjanijiet tat-tisħin u t-tkessiħ żviluppati f’konformità mal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva (UE) 2023/1791 u jqisu kif xieraq id-domanda tas-setturi li mhumiex koperti mill-pjanijiet tat-tisħin u t-tkessiħ;
(b)
il-pjanijiet ikunu bbażati fuq suppożizzjonijiet raġonevoli dwar l-evoluzzjoni tal-produzzjoni, l-injezzjoni u l-provvista tal-gass naturali, inkluż il-bijometan, min- naħa, u l-konsum tal-gass naturali fis-setturi kollha fil-livell tad-distribuzzjoni, min-naħa l-oħra;
(c)
l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni jidentifikaw l-adattament meħtieġa tal-infrastruttura, filwaqt li s-soluzzjonijiet min-naħa tad-domanda li ma jeħtiġux investimenti ġodda fl-infrastruttura jingħataw prijorità, u l-pjanijiet jelenkaw l-infrastruttura li tkun trid tiġi dekummissjonata, anke bil-ħsieb li tinħoloq trasparenza fir-rigward tal-possibbiltà ta’ adattament għal skop ġdid ta’ tali infrastruttura għat-trasport tal-idroġenu;
(d)
l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni iwettqu proċess ta’ konsultazzjoni miftuħ għall-partijiet ikkonċernati rilevanti meta jiżviluppaw il-pjan sabiex tkun possibbli l-parteċipazzjoni bikrija u effettiva tagħhom fil-proċess tal-ippjanar, inkluż il-forniment u l-iskambju tal-informazzjoni rilevanti kollha; ir-riżultati tal-konsultazzjoni u tal-pjan għad-dekummissjonar tan-network jiġu ppreżentati lill-awtorità nazzjonali rilevanti;
(e)
il-pjanijiet u l-eżitu tal-konsultazzjoni mal-parti kkonċernata jiġu ppubblikati fuq is-siti web tal-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni u dawk is-siti web jiġu aġġornati regolarment biex jiġi żgurat li l-partijiet ikkonċernati rilevanti jkunu infurmati biżżejjed biex ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-konsultazzjoni b’mod effettiv;
(f)
il-pjanijiet jiġu aġġornati tal-inqas kull erba’ snin, fuq il-bażi tal-aħħar projezzjonijiet għad-domanda u l-provvista tal-gass naturali fir-reġjun rilevanti, u għandhom ikopru perjodu ta’ għaxar snin;
(g)
l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni li jkunu attivi fl-istess żona reġjonali jistgħu jagħżlu li jiżviluppaw pjan wieħed konġunt għad-dekummissjonar tan-network;
(h)
il-pjanijiet ikunu konsistenti mal-pjan tal-iżvilupp tan-networks għall-gass naturali fl-Unjoni kollha msemmi fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2024/1789 u l-pjanijiet nazzjonali tal-iżvilupp tan-networks ta’ għaxar snin żviluppati f’konformità mal-Artikolu 55 ta’ din id-Direttiva;
(i)
il-pjanijiet ikunu konsistenti mal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tal-Istat Membru, mar-rapport nazzjonali integrat ta’ progress dwar l-enerġija u l-klima u mal-istrateġija fit-tul ippreżentata skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 u jappoġġaw l-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119.
3. L-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għandhom jivvalutaw jekk il-pjanijiet għad-dekummissjonar tan-network ta’ distribuzzjoni jikkonformawx mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 2. Huma għandhom japprovaw jew jirrifjutaw il-pjan għad-dekummissjonar tan-network ta’ distribuzzjoni u jistgħu jitolbu emendi għal dak il-pjan.
4. L-iżvilupp tal-pjanijiet għad-dekummissjonar tan-network ta’ distribuzzjoni għandu jiffaċilita l-protezzjoni tal-klijenti finali skont l-Artikolu 13 kif ukoll iqis id-drittijiet tagħhom skont l-Artikolu 38(6).
5. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 għall-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni li jservu inqas minn 45 000 klijent konness sal-4 ta’ Awwissu 2024. Meta l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni jkunu eżentati milli jissottomettu pjan għad-dekummissjonar tan-network ta’ distribuzzjoni, dawn għandhom jinfurmaw lill-awtorità regolatorja bid-dekummissjonar tan-networks ta’ distribuzzjoni jew ta’ partijiet minnhom.
6. Meta partijiet min-network ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali jistgħu jkunu jeħtieġu dekummissjonar qabel iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom ipprojettat oriġinarjament, l-awtorità regolatorja għandha tistabbilixxi linji gwida għal approċċ strutturali għad-deprezzament ta’ dawn l-assi u l-iffissar tat-tariffi skont l-Artikolu 78(7). Meta jkunu qed jiżviluppaw tali linji gwida, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, b’mod partikolari l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni u l-korpi tal-konsumaturi.
Artikolu 58
Tariffi u kostijiet tal-konnessjoni għall-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-bijometan
1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu qafas regolatorju abilitanti għall-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-bijometan fir-rigward tat-tariffi u l-kostijiet tal-konnessjoni li jirriżultaw mill-konnessjoni tagħhom man-networks ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni. Tali qafas regolatorju għandu jiżgura li:
(a)
it-tariffi u l-kostijiet tal-konnessjoni jqisu l-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” applikabbli għall-iżvilupp tan-networks f’konformità mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva (UE) 2023/1791;
(b)
it-tariffi u l-kostijiet tal-konnessjoni jiġu ppubblikati bħala parti mill-proċeduri għall-konnessjoni ta’ faċilitajiet ġodda tal-produzzjoni għall-gass rinnovabbli u l-gass b’livell baxx tal-karbonju mas-sistema ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni stabbilita fl-Artikoli 41 u 45 ta’ din id-Direttiva u skont l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;
(c)
jitqiesu l-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni, il-ħtieġa għal oqfsa finanzjarji stabbli għall-investimenti eżistenti, l-avvanz fl-introduzzjoni tal-gass rinnovabbli u tal-gass b’livell baxx tal-karbonju fl-Istat Membru kkonċernat u l-eżistenza ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ alternattivi biex jiżdied l-użu tal-gass rinnovabbli jew tal-gass b’livell baxx tal-karbonju, fejn xieraq.
2. Meta jiffissaw jew japprovaw it-tariffi jew il-metodoloġiji li għandhom jintużaw mill-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u mill-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni, l-awtoritajiet regolatorji jistgħu jqisu l-ispejjeż imġarrba u l-investimenti magħmula minn dawk l-operaturi tas-sistema biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom u li ma jkunux ġew irkuprati direttament mill-kostijiet u t-tariffi tal-konnessjoni, sa fejn il-kostijiet jikkorrispondu għal dawk ta’ operatur regolat effiċjenti u strutturalment komparabbli.
Artikolu 59
Finanzjament għall-infrastruttura transfruntiera tal-idroġenu
1. Fejn l-Istati Membri japplikaw sistema ta’ aċċess regolat ta’ partijiet terzi għan-networks tat-trażmissjoni tal-idroġenu skont l-Artikolu 35(1) u fejn proġett ta’ interkonnettur tal-idroġenu ma jkunx proġett ta’ interess komuni kif imsemmi fil-Kapitolu II tar-Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (49), u l-punt 3 tal-Anness I tiegħu, operaturi kontigwi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu milquta għandhom iġarrbu l-kostijiet tal-proġett u jistgħu jinkluduhom fis-sistemi tariffarji rispettivi tagħhom, soġġett għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja. Jekk l-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu jidentifikaw differenza sostanzjali bejn il-benefiċċji u l-kostijiet, huma jistgħu jfasslu pjan ta’ proġett, li jinkludi talba għal allokazzjoni transfruntiera tal-kostijiet, u jippreżentawh b’mod konġunt lill-awtoritajiet regolatorji kkonċernati għal approvazzjoni konġunta.
2. Meta l-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu jippreżentaw pjan ta’ proġett kif stipulat fil-paragrafu 1, ma’ dak il-pjan tal-proġett u dik it-talba għal allokazzjoni transfruntiera tal-kostijiet għandhom jinhemżu analiżi tal-kostbenefiċċji speċifika għall-proġett li tqis il-benefiċċji lil hinn mill-fruntieri tal-Istati Membri kkonċernati, u pjan tan-negozju li jevalwa l-vijabbiltà finanzjarja tal-proġett u li jkun jinkludi soluzzjoni ta’ finanzjament u jispeċifika jekk l-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu involuti jaqblux fuq proposta sostanzjata għal allokazzjoni transfruntiera tal-kostijiet.
L-awtoritajiet regolatorji kkonċernati għandhom, wara konsultazzjoni mal-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu, jieħdu deċiżjoni konġunta dwar l-allokazzjoni tal-kostijiet tal-investiment li jrid iġarrab kull operatur tan-network ta’ trażmissjoni tal-idroġenu għall-proġett.
3. Mill-1 ta’ Jannar 2033, l-operaturi tan-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu ikkonċernati kollha għandhom jinnegozjaw sistema ta’ kumpens finanzjarju biex jiżguraw il-finanzjament għall-infrastruttura transfruntiera tal-idroġenu f’każ li ma tiġi imposta ebda tariffa għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu f’punti tal-interkonnessjoni bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 7(8) tar-Regolament (UE) 2024/1789. Meta jiżviluppaw dik is-sistema, l-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu għandhom iwettqu proċess estensiv ta’ konsultazzjoni li jinvolvi lill-parteċipanti rilevanti kollha fis-suq.
4. L-operaturi tan-network ta’ trażmissjoni tal-idroġenu kkonċernati għandhom jiftiehmu fuq is-sistema ta’ kumpens finanzjarju sal-31 ta’ Diċembru 2035 u jissottomettuha lill-awtoritajiet regolatorji kkonċernati għall-approvazzjoni konġunta tagħhom. Jekk ma jintlaħaq ebda ftehim sa dak il-perjodu, l-awtoritajiet regolatorji kkonċernati għandhom jiddeċiedu b’mod konġunt fi żmien sentejn. Meta l-awtoritajiet regolatorji kkonċernati ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim konġunt fi żmien sentejn, l-ACER għandha tieħu deċiżjoni, billi timxi mal-proċedura skont l-Artikolu 6(10) tar-Regolament (UE) 2019/942.
5. Is-sistema tal-kumpens finanzjarju għandha titħaddem f’konformità mal-Artikolu 78(1), il-punt (c).
6. Għat-tranżizzjoni lejn sistema ta’ kumpens finanzjarju, il-kuntratti eżistenti tal-kapaċità ma għandhomx jiġu affettwati mill-mekkaniżmu stabbilit tal-kumpens finanzjarju.
7. Aktar dettalji meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċess stabbilit f’dan l-Artikolu, inkluż il-proċessi u l-perjodi taż-żmien meħtieġa, il-proċess tar-rieżami u, jekk ikun meħtieġ, l-emendar tas-sistema ta’ kumpens finanzjarju biex ikun possibbli li jitqiesu l-evoluzzjoni tat-tariffi u l-iżvilupp tan-networks tal-idroġenu, għandhom jiġu stabbiliti f’kodiċi tan-network stabbilit skont l-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) 2024/1789.
KAPITOLU IX
SEPARAZZJONI TAL-OPERATURI TAS-SISTEMA TAT-TRAŻMISSJONI U TAL-OPERATURI TAN-NETWORK TAT-TRAŻMISSJONI TAL-IDROĠENU
Taqsima 1
Separazzjoni tas-sjieda
Artikolu 60
Separazzjoni tas-sistemi tat-trażmissjoni u tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a)
kull impriża li tkun is-sid ta’ sistema tat-trażmissjoni taġixxi bħala operatur tas-sistema tat-trażmissjoni;
(b)
l-istess persuna mhix intitolata li teżerċita kontroll direttament jew indirettament, la fuq:
(i)
impriża li twettaq xi waħda mill-funzjonijiet tal-produzzjoni jew tal-provvista, u li jeżerċitaw kontroll jew dritt direttament jew indirettament fuq operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew fuq sistema tat-trażmissjoni; u lanqas fuq
(ii)
operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew fuq sistema tat-trażmissjoni, u li jeżerċitaw kontroll jew dritt direttament jew indirettament fuq impriża li twettaq xi waħda mill-funzjonijiet tal-produzzjoni jew tal-provvista;
(c)
l-istess persuna mhix intitolata taħtar membri tal-bord superviżorju, tal-bord amministrattiv jew ta’ entitajiet li jirrappreżentaw legalment lill-impriża, ta’ operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, jew ta’ sistema tat-trażmissjoni, u li jeżerċitaw kontroll jew dritt direttament jew indirettament fuq impriża li twettaq xi waħda mill-funzjonijiet tal-produzzjoni jew tal-provvista;
(d)
l-istess persuna mhix intitolata li tkunu membru tal-bord superviżorju, tal-bord amministrattiv jew ta’ entitajiet li jirrappreżentaw legalment lill-impriża, kemm ta’ impriża li twettaq xi waħda mill-funzjonijiet tal-produzzjoni jew tal-provvista u anki ta’ operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew ta’ sistema tat-trażmissjoni.
2. Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punti (b) u (c), għandhom jinkludu, b’mod partikolari:
(a)
is-setgħa għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ votazzjoni;
(b)
is-setgħa li jinħatru l-membri tal-bord superviżorju, il-bord amministrattiv jew l-entitajiet li jirrappreżentaw legalment lill-impriża; jew
(c)
is-sjieda ta’ sehem maġġoritarju.
3. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (b), it-terminu “impriża li twettaq xi waħda mill-funzjonijiet tal-produzzjoni jew tal-provvista” għandu jinftiehem li jinkludi “impriża li twettaq xi waħda mill-funzjonijiet tal-ġenerazzjoni jew il-provvista” skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2019/944, u t-termini “operatur tas-sistema tat-trażmissjoni” u “sistema tat-trażmissjoni” għandhom jinftiehmu li jinkludu “operatur tas-sistema tat-trażmissjoni” u “sistema tat-trażmissjoni” skont it-tifsira ta’ dik id-Direttiva.
4. L-obbligu stipulat fil-paragrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu għandu jitqies issodisfat meta żewġ impriżi jew aktar li jkunu sidien ta’ sistemi tat-trażmissjoni joħolqu impriża konġunta li taġixxi ta’ operatur tas-sistema tat-trażmissjoni f’żewġ Stati Membri jew aktar għas-sistemi tat-trażmissjoni kkonċernati. L-ebda impriża oħra ma tista’ tkun parti mill-impriża konġunta, sakemm din ma tkunx ġiet approvata skont l-Artikolu 61 bħala operatur indipendenti tas-sistema jew bħala operatur indipendenti tat-trażmissjoni għall-finijiet tat-Taqsima 3.
5. Għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, meta l-persuna msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (b), (c) u (d), tkun l-Istat Membru jew entità pubblika oħra, żewġ entitajiet pubbliċi separati li jeżerċitaw kontroll, min-naħa, fuq operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew fuq sistema tat-trażmissjoni u, min-naħa l-oħra, fuq impriża li twettaq xi waħda mill-funzjonijiet tal-produzzjoni jew tal-provvista, għandhom jitqiesu l-istess persuna.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li la l-informazzjoni sensittiva kummerċjalment imsemmija fl-Artikolu 40 miżmuma minn operatur tas-sistema tat-trażmissjoni li kien parti minn impriża integrata vertikalment u lanqas il-persunal ta’ dan l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, ma jiġu trasferiti lejn l-impriżi li jwettqu xi waħda mill-funzjonijiet tal-produzzjoni u tal-provvista.
7. Fejn, fit-3 ta’ Settembru 2009, is-sistema ta’ trażmissjoni kienet il-proprjetà ta’ impriża integrata vertikalment, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 1. Fir-rigward tal-parti tas-sistema ta’ trażmissjoni li tgħaqqad Stat Membru ma’ pajjiż terz bejn il-fruntiera ta’ dak l-Istat Membru u l-ewwel punt ta’ konnessjoni man-network ta’ dak l-Istat Membru, fejn fit-23 ta’ Mejju 2019 is-sistema ta’ trażmissjoni kienet il-proprjetà ta’ impriża integrata vertikalment, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 1.
F’dak il-każ, l-Istati Membri kkonċernati għandhom:
(a)
jiddeżinjaw operatur indipendenti tas-sistema skont l-Artikolu 61; jew
(b)
jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 3.
8. Jekk, fit-3 ta’ Settembru 2009, is-sistema tat-trażmissjoni kienet il-proprjetà ta’ impriża integrata vertikalment u jkun hemm arranġamenti fis-seħħ li jiżguraw indipendenza aktar effettiva tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 3, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
Rigward il-parti tas-sistema tat-trażmissjoni li tikkollega Stat Membru ma’ pajjiż terz bejn il-fruntiera ta’ dak l-Istat Membru u l-ewwel punt tal-konnessjoni man-network ta’ dak l-Istat Membru jekk, fit-23 ta’ Mejju 2019, is-sistema tat-trażmissjoni kienet il-proprjetà ta’ impriża integrata vertikalment u jkun hemm arranġamenti fis-seħħ li jiżguraw indipendenza aktar effettiva tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 3, dak l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
9. Qabel ma impriża tiġi approvata u deżinjata bħala operatur tas-sistemi tat-trażmissjoni skont il-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu, din għandha tiġi ċċertifikata f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 71(4), (5) u (6) ta’ din id-Direttiva u fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2024/1789. Wara dak, il-Kummissjoni għandha tivverifika li l-arranġamenti fis-seħħ jiżguraw b’mod ċar indipendenza aktar effettiva tal-operatur tas-sistemi tat-trażmissjoni mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 3.
10. L-impriżi integrati vertikalment li jkunu sidien ta’ sistema tat-trażmissjoni ma għandhomx jiċċaħħdu milli jieħdu passi biex jikkonformaw mal-paragrafu 1.
11. L-impriżi li jwettqu xi waħda mill-funzjonijiet tal-produzzjoni jew tal-provvista ma għandhom fl-ebda każ ikunu jistgħu jieħdu jew jeżerċitaw kontroll jew dritt direttament jew indirettament fuq l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni separata fl-Istati Membri li japplikaw il-paragrafu 1.
Taqsima 2
Operaturi indipendenti tas-sistema
Artikolu 61
Operaturi indipendenti tas-sistema
1. Jekk, fit-3 ta’ Settembru 2009, is-sistema tat-trażmissjoni kienet il-proprjetà ta’ impriża integrata vertikalment, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax l-Artikolu 60(1) u li jaħtar operatur indipendenti tas-sistema wara proposta minn sid is-sistema tat-trażmissjoni.
Fir-rigward tal-parti tas-sistema tat-trażmissjoni li tgħaqqad Stat Membru ma’ pajjiż terz, bejn il-fruntiera ta’ dak l-Istat Membru u l-ewwel punt ta’ konnessjoni man-network ta’ dak l-Istat Membru, fejn fit-23 ta’ Mejju 2019 is-sistema ta’ trażmissjoni kienet proprjetà ta’ impriża integrata vertikalment, dak l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax l-Artikolu 60(1) u li jaħtar operatur tas-sistema indipendenti fuq proposta mill-proprjetarju tas-sistema tat-trażmissjoni.
Id-deżinjazzjoni ta’ operatur indipendenti tas-sistema għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni.
2. L-Istat Membru jista’ japprova u jiddeżinja biss operatur indipendenti tas-sistema, meta:
(a)
l-operatur kandidat ikun wera li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 60(1), il-punti (b), (c) u (d);
(b)
l-operatur kandidat ikun wera li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu r-riżorsi finanzjarji, tekniċi, fiżiċi u umani meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tiegħu skont l-Artikolu 39;
(c)
l-operatur kandidat ikun intrabat li jikkonforma ma’ pjan tal-iżvilupp tan-network ta’ għaxar snin, immonitorjat mill-awtorità regolatorja;
(d)
sid is-sistema tat-trażmissjoni jkun wera l-abbiltà tiegħu li jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont il-paragrafu 5, u għal dan il-għan għandu jipprovdi abbozz tal-arranġamenti kuntrattwali kollha mal-impriża kandidata u ma’ kull entità rilevanti oħra;
(e)
l-operatur kandidat wera l-abilità tiegħu li jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont ir-Regolament (UE) 2024/1789 inkluż il-kooperazzjoni l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni fil-livell Ewropew u reġjonali.
3. L-impriżi ċċertifikati mill-awtorità regolatorja bħala konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 72 u tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu approvati u deżinjati bħala operaturi indipendenti tas-sistemi mill-Istati Membri. Għandha tkun applikabbli l-proċedura taċ-ċertifikazzjoni fl-Artikolu 71 ta’ din id-Direttiva u l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2024/1789 jew dik fl-Artikolu 72 ta’ din id-Direttiva.
4. Kull operatur indipendenti tas-sistema għandu jkun responsabbli għall-għoti u l-ġestjoni tal-aċċess ta’ partijiet terzi, inkluż il-ġbir tal-imposti tal-aċċess u tal-konġestjoni, għall-operazzjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistema tat-trażmissjoni, u li jiżgura l-abbiltà fit-tul tas-sistema li tissodisfa domanda raġonevoli bi ppjanar tal-investiment. Fl-iżvilupp tas-sistema tat-trażmissjoni, l-operatur indipendenti tas-sistema għandu jkun responsabbli għall-ippjanar, inkluż il-proċedura tal-awtorizzazzjoni, il-kostruzzjoni, u l-kummissjonar tal-infrastruttura l-ġdida. Għal dak l-għan, l-operatur indipendenti tas-sistema għandu jaġixxi bħala operatur tas-sistema tat-trażmissjoni f’konformità ma’ dan il-Kapitolu. Sid is-sistema tat-trażmissjoni ma għandux ikun responsabbli għall-għoti u l-ġestjoni tal-aċċess ta’ partijiet terzi, u lanqas għall-ippjanar tal-investiment.
5. Meta jiġi deżinjat operatur indipendenti tas-sistema, sid is-sistema tat-trażmissjoni għandu:
(a)
jipprovdi l-kooperazzjoni u l-appoġġ rilevanti kollha lill-operatur indipendenti tas-sistema biex iwettaq il-kompiti tiegħu, inkluż b’mod partikolari l-informazzjoni rilevanti kollha;
(b)
jiffinanzja l-investimenti deċiżi mill-operatur indipendenti tas-sistema u approvati mill-awtorità regolatorja, jew jaqbel li jiġu ffinanzjati minn xi parti interessata, inkluż mill-operatur indipendenti tas-sistema; l-arranġamenti ta’ finanzjament rilevanti għandhom ikunu soġġetti għal approvazzjoni mill-awtorità regolatorja; qabel approvazzjoni bħal din, l-awtorità regolatorja għandha tikkonsulta lil sid is-sistema tat-trażmissjoni u lil partijiet interessati oħra;
(c)
jipprevedi l-kopertura tar-responsabbiltà relatata mal-assi tan-network, għajr ir-responsabbiltà marbuta mal-kompiti tal-operatur indipendenti tas-sistema;
(d)
jipprovdi garanziji biex jeħfief il-finanzjament ta’ kull espansjoni tan-network, għajr dawk l-investimenti li, skont il-punt (b), ikun qabel li jiġu ffinanzjati minn xi parti interessata, inkluż mill-operatur indipendenti tas-sistema.
6. B’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtorità regolatorja, l-awtorità nazzjonali rilevanti tal-kompetizzjoni għandha tingħata s-setgħat kollha rilevanti biex timmonitorja b’mod effettiv il-konformità ta’ sid is-sistema tat-trażmissjoni mal-obbligi tiegħu skont il-paragrafu 5.
Artikolu 62
Separazzjoni tas-sidien tas-sistemi tat-trażmissjoni, tas-sidien tan-networks tat-trażmissjoni tal-idroġenu, tal-operaturi tas-sistemi tal-ħżin tal-gass naturali u tal-operaturi tal-ħżin tal-idroġenu
1. Is-sidien tas-sistemi tat-trażmissjoni u tan-networks tat-trażmissjoni tal-idroġenu, meta jkun inħatar operatur indipendenti tas-sistema jew operatur indipendenti tan-networks tat-trażmissjoni tal-idroġenu, u l-operaturi ta’ sistemi tal-ħżin tal-gass naturali jew l-operaturi tal-ħżin tal-idroġenu li jiffurmaw parti minn impriżi integrati vertikalment, għandhom ikunu indipendenti, mill-anqas fejn jidħlu l-forma ġuridika, l-organizzazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom, minn attivitajiet oħra li ma jkunux relatati mat-trażmissjoni, mad-distribuzzjoni, mat-trasport u mal-ħżin tal-gass naturali u tal-idroġenu.
Dan l-Artikolu għandu japplika biss għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass naturali li huma meħtieġa teknikament jew ekonomikament għal aċċess effiċjenti għas-sistema għall-provvista tal-klijenti skont l-Artikolu 33.
2. Biex tkun żgurata l-indipendenza ta’ sid is-sistema tat-trażmissjoni jew tan-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu u tal-operatur tas-sistema tal-ħżin tal-gass naturali jew l-operatur tal-ħżin tal-idroġenu msemmija fil-paragrafu 1, għandhom japplikaw il-kriterji minimi li ġejjin:
(a)
il-persuni responsabbli għall-ġestjoni ta’ sid is-sistema tat-trażmissjoni jew in-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu u s-sistema tal-ħżin tal-gass naturali jew l-operatur ytal-ħżin tal-idroġenu ma għandhomx jieħdu sehem fl-istrutturi korporattivi tal-impriża integrata tal-gass naturali responsabbli, direttament jew indirettament, għall-operazzjoni ta’ kuljum tal-produzzjoni u tal-provvista tal-gass naturali u tal-idroġenu;
(b)
għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex ikun żgurat li l-interessi professjonali tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni ta’ sid is-sistema tat-trażmissjoni jew tan-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu u tal-operatur tas-sistema tal-ħżin tal-gass naturali jew l-operatur tal-ħżin tal-idroġenu jitqiesu b’mod li jiżgura li jkunu kapaċi jaġixxu b’mod indipendenti;
(c)
l-operatur tas-sistema tal-ħżin tal-gass naturali jew l-operatur tal-ħżin tal-idroġenu għandu jkollu drittijiet deċiżjonali effettivi, indipendentement mill-impriża integrata tal-gass naturali, rigward l-assi meħtieġa għall-operazzjoni, il-manutenzjoni jew l-iżvilupp tal-faċilitajiet tal-ħżin; dan ma għandux jipprekludi l-eżistenza ta’ mekkaniżmi xierqa tal-koordinazzjoni li jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet ta’ superviżjoni ekonomika u amministrattiva tal-kumpanija ewlenija fir-rigward tal-qligħ mill-assi, regolati indirettament f’konformità mal-Artikolu 78(7) f’kumpanija sussidjarja; dan għandu jippermetti b’mod partikolari li l-kumpanija ewlenija tapprova l-pjan finanzjarju annwali, xi strument ekwivalenti, tal-operatur tas-sistema tal-ħżin tal-gass naturali jew l-operatur tal-ħżin tal-idroġenu u li tistabbilixxi limiti globali għal-livelli tad-dejn tal-kumpanija sussidjarja tagħha; dan ma għandux jippermetti li l-kumpanija ewlenija tagħti struzzjonijiet dwar l-operazzjonijiet ta’ kuljum, lanqas b’rabta ma’ deċiżjonijiet individwali dwar il-kostruzzjoni jew l-aġġornament tal-faċilitajiet tal-ħżin, li ma jaqbżux it-termini tal-pjan finanzjarju approvat, jew xi strument ekwivalenti ieħor;
(d)
sid is-sistema tat-trażmissjoni jew tan-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu u l-operatur tas-sistema tal-ħżin tal-gass naturali jew l-operatur tal-ħżin tal-idroġenu għandhom jistabbilixxu programm tal-konformità, li għandu jistipula l-miżuri meħuda biex ikun żgurat li ma jkunx hemm imġiba diskriminatorja, u biex ikun żgurat monitoraġġ xieraq tal-osservanza tiegħu; dan għandu wkoll jistipula l-obbligi speċifiċi tal-impjegati biex jintlaħqu dawk l-objettivi; rapport annwali, li jistabbilixxi l-miżuri meħuda, għandu jiġi ppreżentat mill-persuna jew mill-korp responsabbli mill-monitoraġġ tal-programm tal-konformità lill-awtorità regolatorja u għandu jiġi ppubblikat.
3. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 90 biex tissupplimenta din id-Direttiva sabiex tistabbilixxi linji gwida biex tiżgura konformità sħiħa u effettiva ta’ sid is-sistema tat-trażmissjoni jew tan-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu u tal-operatur tas-sistema tal-ħżin tal-gass naturali jew l-operatur tal-ħżin tal-idroġenu mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
Taqsima 3
Operaturi indipendenti tat-trażmissjoni
Artikolu 63
Assi, tagħmir, persunal u identità
1. L-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni għandu jkollhom ir-riżorsi umani, tekniċi, fiżiċi u finanzjarji kollha meħtieġa biex jaqdu l-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva u jwettqu l-attività tat-trażmissjoni tal-gass naturali, b’mod partikolari:
(a)
assi li huma meħtieġa għall-attività tat-trażmissjoni tal-gass naturali, inkluż is-sistema tat-trażmissjoni, għandhom ikunu l-proprjetà tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni;
(b)
persunal meħtieġ għall-attività tat-trażmissjoni tal-gass naturali, inkluż il-prestazzjoni tal-kompiti korporattivi kollha, għandhom jiġu impjegati mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni;
(c)
it-tislif ta’ persunal u l-għoti ta’ servizzi lil u minn kwalunkwe parti oħra tal-impriża integrata vertikalment għandu jkun ipprojbit, iżda, operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jista’ jagħti servizzi lill-impriża integrata vertikalment, sakemm:
(i)
l-għoti ta’ dawn is-servizzi ma jiddiskriminax kontra l-utenti tas-sistemi, hu disponibbli għall-utenti kollha tas-sistemi bl-istess termini u kundizzjonijiet, u ma jirrestrinġix, ma joħloqx distorsjonijiet jew ma jipprevjenix il-kompetizzjoni tal-produzzjoni jew tal-provvista;
(ii)
it-termini u l-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ dawn is-servizzi jkunu approvati mill-awtorità regolatorja;
(d)
mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet tal-Korp Superviżorju skont l-Artikolu 66, riżorsi finanzjarji xierqa għall-proġetti futuri tal-investiment jew għas-sostituzzjoni tal-assi eżistenti għandhom ikunu disponibbli għall-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni fiż-żmien dovut mill-impriża integrata vertikalment wara talba xierqa mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni.
2. L-attività tat-trażmissjoni tal-gass naturali għandha mill-anqas tinkludi l-kompiti li ġejjin flimkien ma’ dawk elenkati fl-Artikolu 39:
(a)
ir-rappreżentanza tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni u kuntatti lil partijiet terzi u l-awtoritajiet regolatorji;
(b)
rappreżentanza tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni fl-“ENTSO għall-Gass”;
(c)
l-għoti u l-ġestjoni tal-aċċess ta’ partijiet terzi b’mod nondiskriminatorju bejn l-utenti tas-sistema jew il-klassijiet tal-utenti tas-sistema;
(d)
il-ġbir tal-imposti kollha relatati mas-sistema tat-trażmissjoni, inkluż l-imposti tal-aċċess, l-imposti tal-ibbilanċjar għas-servizzi anċillari bħat-trattament tal-gass naturali u x-xiri tas-servizzi (kostijiet tal-ibbilanċjar, enerġija għat-telf);
(e)
l-operazzjoni, il-manutenzjoni u l-żvilupp ta’ sistema sigura, effikaċi u ekonomika tat-trażmissjoni;
(f)
ippjanar fl-investiment li jiżgura l-abbiltà fit-tul tas-sistema li tissodisfa domanda raġonevoli u tiżgura s-sigurtà tal-provvista;
(g)
l-istabbiliment ta’ impriżi konġunti adegwati, inkluż ma’ operatur wieħed jew bosta tas-sistemi tat-trażmissjoni, skambji ta’ gass naturali, u parteċipanti rilevanti fis-suq oħra bl-objettiv li jiġi żviluppat il-ħolqien ta’ swieq reġjonali jew jeħfief il-proċess tal-liberalizzazzjoni;
(h)
is-servizzi korporattivi kollha, inkluż is-servizzi legali, tal-kontabbiltà u tal-IT.
3. L-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni għandhom ikunu organizzati b’forma legali kif imsemmi fl-Anness II tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (50).
4. L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni ma għandux joħloq konfużjoni fl-identità, fil-komunikazzjoni u fl-immarkar korporattiv u fl-istabbiliment tiegħu, rigward l-identità separata tal-impriża integrata vertikalment jew ta’ xi parti minnha.
5. L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni la għandu jikkondividi sistemi jew tagħmir tal-IT, stabbilimenti fiżiċi u sistemi tal-aċċess tas-sigurtà ma’ xi parti tal-impriża integrata vertikalment, u lanqas ma għandu juża l-istess konsulenti jew kuntratturi esterni għas-sistemi jew it-tagħmir tal-IT, jew għas-sistemi tal-aċċess tas-sigurtà.
6. Il-kontijiet tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni għandhom jiġu awditjati minn awditur li ma jkunx dak li jawditja lill-impriża integrata vertikalment jew lil xi parti minnha.
Artikolu 64
Indipendenza tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni
1. Mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet tal-membri tal-Korp Superviżorju skont l-Artikolu 66, l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandu jkollu:
(a)
drittijiet deċiżjonali effettivi, indipendenti mill-impriża integrata vertikalment, rigward l-assi meħtieġa għall-operazzjoni, il-manutenzjoni jew l-iżvilupp tas-sistema tat-trażmissjoni;
(b)
is-setgħa li jikseb il-fondi fis-suq kapitali b’mod partikolari b’self u b’żieda kapitali.
2. L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandu fi kwalunkwe ħin jaġixxi biex jiżgura li jkollu r-riżorsi meħtieġa biex iwettaq sew u b’mod effiċjenti l-attività tat-trażmissjoni u jiżviluppa u jmantni sistema effiċjenti, sigura u ekonomika tat-trażmissjoni.
3. Is-sussidjarji tal-impriża integrata vertikalment li twettaq funzjonijiet tal-produzzjoni jew tal-provvista ma għandu jkollhom l-ebda sehem dirett jew indirett fl-ishma tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni. L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni la għandu jkollu sehem dirett jew indirett fl-ishma ta’ xi sussidjarja tal-impriża integrata vertikalment li twettaq xi waħda mill-funzjonijiet tal-produzzjoni jew tal-provvista, u lanqas ma għandu jirċievi dividendi jew xi benefiċċju finanzjarju ieħor mingħand dik is-sussidjarja.
4. L-istruttura ġenerali tal-ġestjoni u l-istatuti korporattivi tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandhom jiżguraw l-indipendenza effettiva tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni f’konformità ma’ din it-Taqsima. L-impriża integrata vertikalment ma għandhiex tiddetermina, direttament jew indirettament, l-imġiba kompetittiva tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni b’rabta mal-attivitajiet ta’ kuljum tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni u l-ġestjoni tan-network, jew b’rabta mal-attivitajiet meħtieġa għat-tħejjija tal-pjan tal-żvilupp tan-networks ta’ għaxar snin żviluppat skont l-Artikolu 55.
5. Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom elenkati fl-Artikolu 39 u fl-Artikolu 63(2) ta’ din id-Direttiva, u konformement mal-Artikolu 6(1), il-punt (a), l-Artikolu 10(2), (3) u (4), l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 33(6) tar-Regolament (UE) 2024/1789, l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni ma għandhomx jiddiskriminaw kontra persuni jew entitajiet differenti u ma għandhomx jirrestrinġu, joħolqu distorsjonijiet jew jipprevjenu l-kompetizzjoni fil-produzzjoni jew il-provvista.
6. Kwalunkwe relazzjoni kummerċjali u finanzjarja bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, inkluż is-self mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni lill-impriża integrata vertikalment, għandha tikkonforma mal-kundizzjonijiet tas-suq. L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandu jżomm rekords dettaljati ta’ dawn ir-relazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji u jagħmilhom disponibbli lill-awtorità regolatorja meta jintalab.
7. L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandu jippreżenta għall-approvazzjoni tal-awtorità regolatorja kull ftehim kummerċjali u finanzjarju mal-impriża integrata vertikalment.
8. L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandu jinforma lill-awtorità regolatorja bir-riżorsi finanzjarji, imsemmija fl-Artikolu 63(1), il-punt (d), disponibbli għall-proġetti futuri tal-investiment jew għas-sostituzzjoni ta’ assi eżistenti.
9. L-impriża integrata vertikalment ma għandha twettaq l-ebda azzjoni li xxekkel jew tippreġudika lill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu f’din it-Taqsima u ma għandhiex teżiġi li l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jitlob il-permess tal-impriża integrata vertikalment biex jikkonforma ma’ dawn l-obbligi.
10. Impriża ċċertifikata mill-awtorità regolatorja bħala konformi mar-rekwiżiti ta’ din it-Taqsima għandha tiġi approvata u deżinjata bħala operatur tas-sistema tat-trażmissjoni mill-Istat Membru kkonċernat. Għandha tapplika l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni fl-Artikolu 71 ta’ din id-Direttiva u fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2024/1789 jew dik fl-Artikolu 72 ta’ din id-Direttiva.
11. L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandu jippubblika informazzjoni dettaljata dwar il-kwalità tal-gass naturali ttrasportat fin-networks tiegħu, abbażi tal-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/703 (51).
Artikolu 65
Indipendenza tal-persunal u tal-amministrazzjoni tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni
1. Id-deċiżjonijiet dwar il-ħatriet u it-tiġdid, il-kundizzjonijiet tax-xogħol inkluż ir-remunerazzjoni, u t-terminazzjoni tal-kariga tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni jew tal-membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandu jeħodhom il-Korp Superviżorju tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni maħtur skont l-Artikolu 66.
2. L-identità u l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-mandat, it-tul taż-żmien u t-terminazzjoni tal-kariga tal-persuni nominati mill-Korp Superviżorju għall-ħatra jew it-tiġdid bħala persuni responsabbli mill-ġestjoni eżekuttiva jew bħala membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, u r-raġunijiet għal kwalunkwe deċiżjoni proposta li tittermina kariga bħal din, għandhom jiġi notifikati lill-awtorità regolatorja. Dawn il-kundizzjonijiet u d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru vinkolanti biss jekk l-awtorità regolatorja ma tkunx oġġezzjonat għalihom fi żmien tliet ġimgħat wara n-notifika.
L-awtorità regolatorja tista’ toġġezzjona għad-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1:
(a)
jekk iqumu dubji dwar l-indipendenza professjonali ta’ persuna nominata responsabbli mill-ġestjoni jew ta’ membru tal-korpi amministrattivi; jew
(b)
fil-każ ta’ terminazzjoni prematura ta’ kariga, jekk jeżistu dubji rigward il-ġustifikazzjoni ta’ tali terminazzjoni prematura.
3. Ma għandha tiġi eżerċitata l-ebda pożizzjoni jew responsabbiltà professjonali u l-ebda relazzjoni ta’ interess jew kummerċjali, direttament jew indirettament, mal-impriża integrata vertikalment jew ma’ xi parti tagħha jew mal-azzjonisti fil-kontroll tagħha, għajr l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, għal perjodu ta’ tliet snin qabel il-ħatra tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni jew il-membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni li huma soġġetti għal dan il-paragrafu.
4. Il-persuni responsabbli mill-ġestjoni jew il-membri tal-korpi amministrattivi, u l-impjegati tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni ma għandux ikollhom xi pożizzjoni jew responsabbiltà professjonali, relazzjoni ta’ interess jew kummerċjali, direttament jew indirettament, ma’ xi parti oħra tal-impriża integrata vertikalment jew mal-azzjonisti fil-kontroll tagħha.
5. Il-persuni responsabbli mill-ġestjoni jew il-membri tal-korpi amministrattivi, u l-impjegati tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni ma għandux ikollhom xi interess fi jew jirċievu xi benefiċċju finanzjarju, direttament jew indirettament, mingħand xi parti tal-impriża integrata vertikalment, għajr l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni. Ir-remunerazzjoni tagħhom ma għandhiex tkun tiddependi fuq l-attivitajiet jew fuq ir-riżultati tal-impriża integrata vertikalment, għajr dawk tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni.
6. Id-drittijiet effettivi għal appell lill-awtorità regolatorja għandhom ikunu żgurati għal kwalunkwe ilment mill-persuni responsabbli mill-ġestjoni jew il-membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni kontra t-terminazzjonijiet prematuri tal-kariga tagħhom.
7. Wara t-terminazzjoni tal-kariga tagħhom fl-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, il-persuni responsabbli mill-ġestjoni tiegħu jew il-membri tal-korpi amministrattivi tiegħu ma għandux ikollhom xi pożizzjoni jew responsabbiltà professjonali, relazzjoni ta’ interess jew kummerċjali ma’ xi parti tal-impriża integrata vertikalment, għajr l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, jew mal-azzjonisti fil-kontroll tagħha, għal perjodu ta’ mhux anqas minn erba’ snin.
8. Il-paragrafu 3 għandu japplika għall-maġġoranza tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni jew il-membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni.
Il-persuni responsabbli għall-ġestjoni jew il-membri tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni li mhumiex soġġetti għall-paragrafu 3, ma għandhom ikunu eżerċitaw l-ebda attività tal-ġestjoni jew attività rilevanti oħra fl-impriża integrata vertikalment għal perjodu ta’ mill-anqas sitt xhur qabel il-ħatra tagħhom.
L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u l-paragrafi 4 sa 7 għandhom ikunu applikabbli għall-persuni kollha li jappartjenu għall-ġestjoni eżekuttiva u għal dawk li jirrappurtaw għalihom direttament dwar materji relatati mal-operazzjoni, mal-manutenzjoni jew mal-iżvilupp tan-network.
Artikolu 66
Korp Superviżorju
1. L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni għandu jkollu Korp Superviżorju inkarigat biex jieħu deċiżjonijiet li jaf iħallu impatt sinifikattiv fuq il-valur tal-assi tal-azzjonisti fl-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, b’mod partikolari deċiżjonijiet dwar l-approvazzjoni tal-pjanijiet finanzjarji annwali u fit-tul, il-livell tad-djun tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni u l-ammont tad-dividendi mqassma lill-azzjonisti. Id-deċiżjonijiet li jkunu fil-kompetenza tal-Korp Superviżorju għandhom jeskludu lil dawk relatati mal-attivitajiet ta’ kuljum tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni u mal-ġestjoni tan-network, u b’rabta mal-attivitajiet meħtieġa għat-tħejjija tal-pjan tal-iżvilupp tan-networks ta’ għaxar snin żviluppat skont l-Artikolu 55.
2. Il-Korp Superviżorju għandu jkun magħmul minn membri li jirrappreżentaw lill-impriża integrata vertikalment, minn membri li jirrappreżentaw lill-azzjonisti li huma parti terza u, meta previst mil-liġi nazzjonali rilevanti, minn membri li jirrappreżentaw lil partijiet interessati oħra bħall-impjegati tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni.
3. L-Artikolu 65(2), l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 65(3) sa (7) għandhom japplikaw mill-anqas għal nofs il-membri tal-Korp Superviżorju ħlief wieħed.
L-Artikolu 65(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), għandu japplika għall-membri kollha tal-Korp Superviżorju.
Artikolu 67
Programm ta’ konformità u uffiċjal tal-konformità
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni jistabbilixxu u jimplimentaw programm ta’ konformità li jistabbilixxi l-miżuri meħuda biex jiżguraw l-esklużjoni ta’ kull imġiba diskriminatorja, u jiżguraw monitoraġġ xieraq tal-konformità ma’ dan il-programm. Il-programm tal-konformità għandu jistipula l-obbligi speċifiċi tal-impjegati biex jintlaħqu dawk l-objettivi. Dan għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità regolatorja, il-konformità mal-programm għandha tiġi sorveljata mill-uffiċjal għall-konformità fuq bażi indipendenti.
2. L-uffiċjal tal-konformità għandu jaħtru l-Korp Superviżorju, soġġett għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja. L-awtorità regolatorja tista’ tirrifjuta l-approvazzjoni tal-uffiċjal tal-konformità biss f’każ ta’ nuqqas ta’ indipendenza jew kapaċità professjonali. L-uffiċjal tal-konformità jista’ jkun persuna fiżika jew ġuridika. L-Artikolu 65(2) sa (8) għandu japplika għall-uffiċjal tal-konformità.
3. L-uffiċjal tal-konformità għandu jkun inkarigat:
(a)
jissorvelja l-implimentazzjoni tal-programm tal-konformità;
(b)
jelabora rapport annwali li jinkludi l-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni tal-programm tal-konformità u jippreżentah lill-awtorità regolatorja;
(c)
jirrapporta lill-Korp Superviżorju u joħroġ rakkomandazzjonijiet dwar il-programm tal-konformità u l-implimentazzjoni tiegħu;
(d)
jinnotifika lill-awtorità regolatorja dwar kwalunkwe ksur sostanzjali rigward l-implimentazzjoni tal-programm tal-konformità;
(e)
jirrapporta lill-awtorità regolatorja dwar kwalunkwe relazzjoni kummerċjali u finanzjarja bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni.
4. L-uffiċjal tal-konformità għandu jippreżenta d-deċiżjonijiet proposti dwar il-pjan tal-investiment jew dwar investimenti individwali fin-network lill-awtorità regolatorja. Dan għandu jseħħ l-aktar tard meta d-diriġenti jew il-korp amministrattivi kompetenti tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jippreżentahom lill-Korp Superviżorju.
5. Meta l-impriża integrata vertikalment, fl-assemblea ġenerali jew bil-vot tal-membri tal-Korp Superviżorju li tkun ħatret, tkun evitat l-adozzjoni ta’ deċiżjoni bl-effett ta’ waqfien jew dewmien tal-investimenti, li skont il-pjan tal-iżvilupp tan-networks ta’ għaxar snin kellhom isiru tul it-tliet snin ta’ wara, l-uffiċjal tal-konformità għandu jirrapporta dan lill-awtorità regolatorja, li mbagħad għandha taġixxi f’konformità mal-Artikolu 55.
6. Il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-mandat jew il-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-uffiċjal tal-konformità, inkluż it-tul tal-mandat tiegħu, għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiżguraw l-indipendenza tal-uffiċjal tal-konformità, inkluż billi jingħata r-riżorsi kollha meħtieġa biex jaqdi d-doveri tiegħu. Tul il-mandat tiegħu, l-uffiċjal tal-konformità ma għandu jkollu l-ebda pożizzjoni, responsabbiltà jew interess professjonali, direttament jew indirettament, fi jew mal-impriża integrata vertikalment, kwalunkwe parti minnha jew l-azzjonisti li jikkontrollawha.
7. L-uffiċjal tal-konformità għandu jirrapporta regolarment, oralment jew bil-miktub, lill-awtorità regolatorja u għandu jkollu d-dritt li jirrapporta regolarment, oralment jew bil-miktub, lill-Korp Superviżorju tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni.
8. L-uffiċjal tal-konformità jista’ jattendi l-laqgħat kollha tad-diriġenti jew tal-korpi amministrattivi tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, u dawk tal-Korp Superviżorju u l-assemblea ġenerali. L-uffiċjal tal-konformità għandu jattendi l-laqgħat kollha li jindirizzaw il-materji li ġejjin:
(a)
il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għan-network stabbiliti mir-Regolament (UE) 2024/1789, partikolarment fir-rigward tat-tariffi, is-servizzi ta’ aċċess ta’ partijiet terzi, l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni, it-trasparenza, l-ibbilanċjar u s-swieq sekondarji;
(b)
proġetti mibdija li joperaw, imantnu u jiżviluppaw is-sistema tat-trażmissjoni, inkluż investimenti f’konnessjonijiet ġodda tat-trasport, fl-espansjoni tal-kapaċità u fl-ottimizzazzjoni tal-kapaċità eżistenti;
(c)
ix-xiri jew il-bejgħ tal-enerġija meħtieġa għall-operazzjoni tas-sistema tat-trażmissjoni.
9. L-uffiċjal tal-konformità għandu jimmonitorja l-konformità tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni mal-Artikolu 40.
10. L-uffiċjal tal-konformità għandu jkollu aċċess għad-data rilevanti kollha u għall-uffiċċji tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni u l-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettaq il-kompitu tal-uffiċjal tal-konformità.
11. Bl-approvazzjoni bil-quddiem tal-awtorità regolatorja, il-Korp Superviżorju jista’ jneħħi mill-kariga lill-uffiċjal tal-konformità. Għandu jneħħi lill-uffiċjali tal-konformità għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ indipendenza jew kapaċità professjonali, meta jintalab mill-awtorità regolatorja.
12. L-uffiċjal tal-konformità għandu jkollu aċċess għall-uffiċċji tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni mingħajr avviż minn qabel.
Taqsima 4
Separazzjoni tal-operaturi tan-networks tal-idroġenu
Artikolu 68
Separazzjoni tal-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mill-5 ta’ Awwissu 2026 l-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu jiġu separati f’konformità mar-regoli għall-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni tal-gass naturali stipulati fl-Artikolu 60.
2. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, tal-Artikoli 46 u 60 ta’ din id-Direttiva, u tal-Artikoli 35 u 43 tad-Direttiva (UE) 2019/944, “produzzjoni jew provvista” għandha tinkludi l-produzzjoni u l-provvista tal-idroġenu, u trażmissjoni għandha tinkludi t-trasport tal-idroġenu.
3. Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għan-networks tat-trażmissjoni tal-idroġenu li jappartjenu għal impriża integrata vertikalment. F’dak il-każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiddeżinja operatur indipendenti tan-network ta’ trażmissjoni tal-idroġenu, separat f’konformità mar-regoli dwar l-operaturi indipendenti tas-sistemi tal-gass naturali stipulati fl-Artikolu 61. L-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu u l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni tal-gass naturali, separati f’konformità mal-Artikolu 60(1), jistgħu jaġixxu bħala operatur indipendenti tan-networks tat-trażmissjoni tal-idroġenu, soġġett għar-rekwiżiti skont l-Artikolu 69.
4. Meta network tat-trażmissjoni tal-idroġenu jkun jappartjeni għal operatur wieħed jew aktar iċċertifikati tas-sistemi tat-trażmissjoni tal-gass naturali jew fejn, fl-4 ta’ Awwissu 2024, network tat-trażmissjoni tal-idroġenu jkun jappartjeni għal impriża integrata vertikalment attiva fil-produzzjoni jew fil-provvista tal-idroġenu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u jiddeżinjaw entità taħt il-kontroll uniku tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew il-kontroll konġunt ta’ żewġ operaturi jew aktar tas-sistemi tat-trażmissjoni, jew taħt il-kontroll uniku tal-impriża integrata vertikalment attiva fil-produzzjoni jew fil-provvista tal-idroġenu bħala operatur ta’ network integrat tat-trażmissjoni tal-idroġenu separat f’konformità mar-regoli dwar l-operaturi indipendenti tat-trażmissjoni tal-gass naturali stabbiliti fit-Taqsima 3 ta’ dan il-Kapitolu.
Minkejja l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, meta Stat Membru jkun ta deroga mir-rekwiżiti tal-Artikolu 69 skont il-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu u network tat-trażmissjoni tal-idroġenu jkun jappartjeni għal operatur wieħed jew aktar iċċertifikati tas-sistemi tat-trażmissjoni tal-gass naturali separati f’konformità mar-regoli dwar l-operaturi indipendenti tat-trażmissjoni tal-gass naturali stipulati fit-Taqsima 3 ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u li jiddeżinjaw dik l-entità jew entità taħt il-kontroll konġunt ta’ żewġ operaturi jew aktar tas-sistemi tat-trażmissjoni bħala operatur ta’ network integrat tat-trażmissjoni tal-idroġenu separat f’konformità mar-regoli dwar l-operaturi indipendenti tat-trażmissjoni tal-gass naturali stipulati fit-Taqsima 3 ta’ dan il-Kapitolu.
Meta impriża tinkludi operatur tas-sistemi tat-trażmissjoni separat f’konformità mal-Artikolu 60(1) u operatur ta’ network integrat tat-trażmissjoni tal-idroġenu, dik l-impriża tista’ tkun attiva fil-produzzjoni jew fil-provvista tal-idroġenu, iżda mhux fil-produzzjoni jew fil-provvista tal-gass naturali jew tal-elettriku. Meta tali impriża tkun involuta fil-produzzjoni jew fil-provvista tal-idroġenu, l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni tal-gass naturali għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima 3 ta’ dan il-Kapitolu, u l-impriża u l-partijiet kollha tagħha ma għandhomx jibbukkjaw jew jużaw id-drittijiet tal-kapaċità biex jinjettaw kwalunkwe idroġenu f’sistema ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni tal-gass naturali mħaddma mill-impriża.
5. Ir-regoli applikabbli għall-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni stipulati fl-Artikolu 72 għandhom japplikaw għall-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu.
Artikolu 69
Separazzjoni orizzontali tal-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu
1. Meta operatur tan-network ta’ trażmissjoni tal-idroġenu jkun parti minn impriża attiva fit-trażmissjoni jew fid-distribuzzjoni tal-gass naturali jew tal-elettriku, dan għandu jkun indipendenti mill-inqas mil-lat tal-forma ġuridika tiegħu.
2. L-Istati Membri jistgħu, abbażi ta’ analiżi pożittiva tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji li tkun disponibbli għall-pubbliku, jagħtu derogi mir-rekwiżiti tal-paragrafu 1 lill-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu, soġġett għal valutazzjoni pożittiva mill-awtorità regolatorja f’konformità mal-paragrafu 4.
3. Id-derogi mogħtija skont il-paragrafu 2 għandhom jiġu ppubblikati u nnotifikati lill-Kummissjoni, akkumpanjati mill-valutazzjoni kkonċernata msemmija fil-paragrafu 4, filwaqt li tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.
4. Fil-mument tal-għoti ta’ deroga skont il-paragrafu 2, u mill-inqas kull seba’ snin wara dan, jew fuq talba motivata mill-Kummissjoni, l-awtorità regolatorja tal-Istat Membru li jagħti d-deroga għandha tippubblika valutazzjoni tal-impatt tad-deroga fuq it-trasparenza, is-sussidji inkroċjati, it-tariffi tan-network u l-kummerċ transfruntier. Tali valutazzjoni għandha tinkludi mill-inqas il-kalendarju tat-trasferimenti mistennija tal-assi mis-settur tal-gass naturali għas-settur tal-idroġenu.
Jekk l-awtorità regolatorja tikkonkludi, abbażi ta’ valutazzjoni, li l-applikazzjoni kontinwa tad-deroga jkollha impatt negattiv fuq it-trasparenza, is-sussidji inkroċjati, it-tariffi tan-network u l-kummerċ transfruntier, jew meta jkun ġie konkluż it-trasferiment tal-assi mis-settur tal-gass naturali għas-settur tal-idroġenu, l-Istat Membru għandu jirtira d-deroga.
5. B’deroga mill-paragrafi 2, 3 u 4, l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja jistgħu jagħtu derogi mir-rekwiżiti tal-paragrafu 1 lill-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu. Kwalunkwe deroga bħal din għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u għandha tiskadi sal-31 ta’ Diċembru 2030. Wara d-data ta’ skadenza ta’ deroga mogħtija skont dan il-paragrafu, l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja jistgħu jagħtu derogi skont il-paragrafi 2, 3 u 4.
Artikolu 70
Separazzjoni tal-kontijiet għall-operaturi tan-network tal-idroġenu
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontijiet tal-operaturi tan-network tal-idroġenu jinżammu f’konformità mal-Artikolu 75.
Taqsima 5
Deżinjazzjoni u ċertifikazzjoni tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u tal-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu
Artikolu 71
Deżinjazzjoni u ċertifikazzjoni tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u tal-operaturi tan-networks tat-trażmissjoni tal-idroġenu
1. Qabel ma impriża tkun approvata u deżinjata bħala operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew operatur tan-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu, din għandha tiġi ċċertifikata f’konformità mal-paragrafi 4, 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu u mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2024/1789.
2. L-impriżi li ġew iċċertifikati mill-awtorità regolatorja li kkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 60 jew 68, f’konformità mal-proċedura taċ-ċertifikazzjoni, għandhom jiġu approvati u deżinjati bħala operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni jew operaturi tan-networks tat-trażmissjoni tal-idroġenu mill-Istati Membri. Id-deżinjazzjoni tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u tal-operaturi tan-networks tat-trażmissjoni tal-idroġenu għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni u ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
3. L-impriżi ċċertifikati għandhom jinnotifikaw lill-awtorità regolatorja dwar kwalunkwe tranżazzjoni ppjanata li jaf ikollha bżonn rivalutazzjoni tal-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tal-Artikolu 60 jew 68.
4. L-awtoritajiet regolatorji għandhom jimmonitorjaw il-konformità kontinwa tal-impriżi ċċertifikati mar-rekwiżiti tal-Artikolu 60 jew 68. Dawn għandhom jibdew proċedura taċ-ċertifikazzjoni biex jiżguraw dik il-konformità:
(a)
man-notifika mill-impriża ċċertifikata skont il-paragrafu 3;
(b)
b’inizjattiva tagħhom stess meta jkollhom tagħrif li bidla ppjanata fid-drittijiet jew fl-influwenza fuq impriżi ċċertifikati jew sidien tas-sistemi tat-trażmissjoni tista’ twassal għal ksur tal-Artikolu 60 jew 68 jew meta jkollhom raġuni biex jemmnu li seta’ seħħ ksur bħal dak; jew
(c)
wara talba motivata tal-Kummissjoni.
5. L-awtoritajiet regolatorji għandhom jadottaw deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew ta’ operatur tan-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu fi żmien 100 jum tax-xogħol mid-data tan-notifika mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew mill-operatur tan-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu jew mid-data tat-talba tal-Kummissjoni. Wara l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, iċ-ċertifikazzjoni għandha titqies mogħtija. Id-deċiżjoni espliċita jew taċita tal-awtorità regolatorja għandha ssir effettiva biss wara l-konklużjoni tal-proċedura stipulata fil-paragrafu 6.
6. Id-deċiżjoni espliċita jew taċita dwar iċ-ċertifikazzjoni għandha tiġi notifikata mingħajr dewmien lill-Kummissjoni mill-awtorità regolatorja, flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha rigward id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha taġixxi konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2024/1789.
7. L-awtoritajiet regolatorji u l-Kummissjoni jistgħu jitolbu mingħand l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni, l-operaturi tan-networks tat-trażmissjoni tal-idroġenu u l-impriżi li jwettqu kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet tal-produzzjoni jew tal-provvista, kwalunkwe informazzjoni rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom f’konformità ma’ dan l-Artikolu.
8. L-awtoritajiet regolatorji u l-Kummissjoni għandhom iħarsu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni sensittiva kummerċjalment.
Artikolu 72
Ċertifikazzjoni rigward il-pajjiżi terzi
1. Meta tintalab ċertifikazzjoni minn sid ta’ sistema tat-trażmissjoni, minn operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, minn operatur tan-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu jew minn sid in-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu li tkun ikkontrollata minn persuna minn pajjiż terz, l-awtorità regolatorja għandha tinnotifika lill-Kummissjoni.
L-awtorità regolatorja għandha tinnotifika wkoll lill-Kummissjoni minnufih dwar kwalunkwe ċirkostanza li twassal biex persuna minn pajjiż terz jieħdu kontroll ta’ sistema tat-trażmissjoni, ta’ operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, ta’ network tat-trażmissjoni tal-idroġenu jew ta’ operatur tan-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu.
2. L-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew l-operatur tan-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu għandhom jinnotifikaw lill-awtorità regolatorja dwar kwalunkwe ċirkostanza li twassal biex persuna minn pajjiż terz tieħu kontroll tas-sistema tat-trażmissjoni, tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, tan-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu jew tal-operatur tan-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu.
3. L-awtorità regolatorja għandha tadotta abbozz ta’ deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew ta’ operatur tan-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu fi żmien 100 jum tax-xogħol mid-data tan-notifika mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew mill-operatur tan-network tal-idroġenu. Għandha tirrifjuta ċ-ċertifikazzjoni jekk ikun għadu ma ntweriex:
(a)
li l-entità kkonċernata tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 60 jew 68; u
(b)
lill-awtorità regolatorja, jew lil awtorità kompetenti oħra deżinjati mill-Istat Membru, li l-għoti taċ-ċertifikazzjoni mhux ser ipoġġi f’riskju s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija jew l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istat Membru u tal-Unjoni; meta jqisu din il-kwistjoni, l-awtorità regolatorja jew xi awtorità kompetenti oħra deżinjata għal dan il-għan għandhom iqisu dawn li ġejjin:
(i)
id-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni rigward dak il-pajjiż terz li joħorġu mil-liġi internazzjonali, inkluż kwalunkwe ftehim konkluż ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar li għalih l-Unjoni tkun parti, u li jindirizza l-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija;
(ii)
id-drittijiet u l-obbligi tal-Istat Membru fir-rigward ta’ dak il-pajjiż terz li joħorġu mill-ftehimiet konklużi miegħu, sakemm dawn ikunu konformi mal-liġi tal-Unjoni;
(iii)
is-sjieda, il-provvista jew relazzjonijiet kummerċjali oħra li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv l-inċentivi u l-kapaċità ta’ sid is-sistema tat-trażmissjoni, l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, sid in-network ta’ trażmissjoni tal-idroġenu jew l-operatur tan-network ta’ trażmissjoni tal-idroġenu li jwasslu l-gass naturali jew l-idroġenu lill-Istat Membru jew lill-Unjoni;
(iv)
fatti speċifiċi oħra u ċirkostanzi tal-każ u l-pajjiż terz ikkonċernat.
4. L-awtorità regolatorja għandha tinnotifika l-abbozz ta’ deċiżjoni lill-Kummissjoni mingħajr dewmien, flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha dwar dik id-deċiżjoni.
5. L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtorità regolatorja u/jew l-awtorità kompetenti deżinjata msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu qabel ma l-awtorità regolatorja tadotta deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni, titlob l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar jekk:
(a)
l-entità kkonċernata tikkonformax mar-rekwiżiti tal-Artikolu 60 jew 68; u
(b)
l-għoti taċ-ċertifikazzjoni hux ser iqiegħed f’riskju s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni.
6. Il-Kummissjoni għandha teżamina t-talba msemmija fil-paragrafu 5 malli tirċeviha. Fi żmien 50 jum tax-xogħol mill-wasla tat-talba, din għandha tagħti l-opinjoni tagħha lill-awtorità regolatorja jew, jekk it-talba tkun saret mill-awtorità kompetenti deżinjata, lil dik l-awtorità.
Waqt it-tħejjija tal-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni tista’ titlob il-fehmiet tal-ACER, l-Istat Membru kkonċernat u l-partijiet interessati. Jekk il-Kummissjoni tagħmel din it-talba, il-perjodu ta’ 50 jum tax-xogħol għandu jiġu estiż b’50 jum tax-xogħol oħra.
Fin-nuqqas ta’ opinjoni mill-Kummissjoni fi żmien il-perjodu msemmi fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi, il-Kummissjoni għandha titqies li mhix toġġezzjona għad-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja.
7. Meta tkun qed tivvaluta jekk il-kontroll minn persuna minn pajjiż terz hux ser ipoġġi f’riskju s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija jew l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni jew ta’ kwalunkwe Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tqis:
(a)
il-fatti speċifiċi tal-każ u l-pajjiż terz kkonċernat, inkluż evidenza tal-influwenza tal-pajjiż terz jew tal-pajjiżi terzi kkonċernati fuq is-sitwazzjoni deskritta fil-paragrafu 3, il-punt (b)(iii); u
(b)
id-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni rigward dawk il-pajjiż terz li jirriżultaw mil-liġi internazzjonali, inkluż ftehim konkluż ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar li għalih l-Unjoni hija parti u li jindirizza l-materji tas-sigurtà tal-provvista.
8. L-awtorità regolatorja għandha tadotta d-deċiżjoni finali tagħha dwar iċ-ċertifikazzjoni, fi żmien 50 jum tax-xogħol mill-iskadenza tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 6. Fl-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tagħha, l-awtorità regolatorja għandha tqis bis-sħiħ l-opinjoni tal-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, Stat Membru għandu jkollu d-dritt li jirrifjuta ċertifikazzjoni meta l-għoti taċ-ċertifikazzjoni jkun ipoġġi fir-riskju s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Istat Membru jew is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija ta’ Stat Membru ieħor. Meta l-Istat Membru jkun iddeżinja awtorità regolatorja oħra skont il-paragrafu 3, il-punt (b), dan jista’ jeżiġi li l-awtorità regolatorja tadotta d-deċiżjoni finali tagħha f’konformità mal-valutazzjoni ta’ dik l-awtorità kompetenti. Id-deċiżjoni finali tal-awtorità regolatorja u l-opinjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu ppubblikati flimkien. Meta d-deċiżjoni finali ma tkunx taqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi u jippubblika, flimkien ma’ dik id-deċiżjoni, ir-raġunament ta’ dik id-deċiżjoni.
9. Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jaffettwa d-dritt tal-Istati Membri li jeżerċitaw, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, kontrolli legali nazzjonali biex iħarsu interessi leġittimi tas-sigurtà pubblika.
10. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 90 sabiex tissupplimenta din id-Direttiva billi tipprovdi linji gwida li jistipulaw id-dettalji tal-proċedura li trid tintuża għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 73
Deżinjazzjoni ta’ operaturi tal-ħżin tal-gass naturali, tal-ħżin tal-idroġenu, tal-faċilitajiet tal-LNG u tat-terminals tal-idroġenu
L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw, jew jeżiġu li l-impriżi li jkunu sidien ta’ faċilitajiet tal-ħżin tal-gass naturali, ta’ ħżin tal-idroġenu, ta’ faċilitajiet tal-LNG u ta’ terminals tal-idroġenu jiddeżinjaw, operatur wieħed, jew aktar, ta’ tali infrastruttura, għal perjodu taż-żmien li jrid jiġi determinat mill-Istati Membri filwaqt li jqisu l-effiċjenza u l-bilanċ ekonomiku.
Taqsima 6
Separazzjoni u trasparenza tal-kontijiet
Artikolu 74
Dritt ta’ aċċess għall-kontijiet
1. L-Istati Membri jew xi awtorità kompetenti deżinjata minnhom, inkluż l-awtoritajiet regolatorji u l-awtoritajiet għas-soluzzjoni tat-tilwim imsemmija fl-Artikolu 32(3), għandhom, sakemm meħtieġ biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom, ikollhom dritt ta’ aċċess għall-kontijiet tal-impriżi tal-gass naturali u tal-idroġenu kif stipulat fl-Artikolu 75.
2. L-Istati Membri u kwalunkwe awtorità kompetenti deżinjata, inkluż l-awtoritajiet regolatorji u l-awtoritajiet għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom iħarsu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni sensittiva kummerċjalment. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni meta dan ikun meħtieġ biex l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-funzjonijiet tagħhom.
Artikolu 75
Separazzjoni tal-kontijiet
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-kontijiet tal-impriżi tal-gass naturali u tal-idroġenu jinżammu f’konformità mal-paragrafi 2 sa 5.
2. L-impriżi tal-gass naturali u tal-idroġenu, irrispettivament mis-sistema tas-sjieda jew il-forma legali tagħhom, għandhom ifasslu, jissottomettu għall-awditjar u jippubblikaw il-kontijiet annwali tagħhom f’konformità mar-regoli tal-liġi nazzjonali dwar il-kontijiet annwali tal-kumpaniji b’responsabbiltà limitata adottata skont id-Direttiva 2013/34/UE.
L-impriżi li mhumiex obbligati legalment li jippubblikaw il-kontijiet annwali tagħhom għandhom iżommu kopja tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fl-uffiċċju ewlieni tagħhom.
3. L-impriżi għandhom iżommu, fil-kontijiet interni tagħhom, kontijiet separati għal kull waħda mill-attivitajiet tagħhom tat-trażmissjoni, tad-distribuzzjoni, tal-LNG, tat-terminals tal-idroġenu, tal-ħżin tal-gass naturali u l-idroġenu, u tat-trasport tal-idroġenu kif kienu jkunu meħtieġa jagħmlu kieku l-attivitajiet inkwistjoni kellhom iwettquhom impriżi separati, biex jiġu evitati d-diskriminazzjoni, is-sussidji inkroċjati u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni. L-assi tal-infrastruttura tal-impriżi għandhom jiġu allokati lill-kontijiet rilevanti u lill-bażijiet regolatorji tal-assi b’mod separat għall-assi tal-gass naturali, tal-elettriku jew tal-idroġenu u dik l-allokazzjoni għandha ssir trasparenti. L-impriżi għandhom iżommu wkoll kontijiet, li jistgħu jiġu konsolidati, għal attivitajiet oħra li mhumiex relatati mat-trażmissjoni, mad-distribuzzjoni, mal-LNG, mat-terminals tal-idroġenu, mal-ħżin tal-gass naturali jew l-idroġenu jew mal-attivitajiet tat-trasport tal-idroġenu. Id-dħul mis-sjieda tan-network tat-trażmissjoni, tad-distribuzzjoni jew tal-idroġenu għandu jiġi speċifikat fil-kontijiet. Meta xieraq, l-impriżi għandhom iżommu kontijiet konsolidati għal attivitajiet oħra mhux tal-gass naturali u mhux tal-idroġenu. Il-kontijiet interni għandhom jinkludu karta tal-bilanċ u rendikont tal-qligħ u t-telf għal kull attività. Is-separazzjoni tal-kontijiet għandha tiġi awditjata skont ir-regoli stabbiliti fil-paragrafu 2 u rrappurtata lill-awtorità regolatorja kkonċernata.
4. L-awditu msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jivverifika, b’mod partikolari, l-osservanza tal-obbligu li jiġu evitati d-diskriminazzjoni u s-sussidji inkroċjati msemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1789, ma għandu jkun hemm l-ebda sussidju inkroċjat bejn l-utenti tas-sistema tal-gass naturali u l-utenti tan-network tal-idroġenu.
5. Fil-kontijiet interni tagħhom, l-impriżi għandhom jispeċifikaw ir-regoli dwar l-allokazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet, dwar l-infiq u l-introjtu, u dwar id-deprezzament, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali tal-kontabbiltà applikabbli, li jsegwu fit-tfassil tal-kontijiet separati msemmija fil-paragrafu 3. Dawn ir-regoli interni jistgħu jiġu emendati biss f’każijiet eċċezzjonali. Dawn l-emendi għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità regolatorja u jiġu debitament sostanzjati.
6. Il-kontijiet annwali għandhom jindikaw fin-noti tagħhom kwalunkwe tranżazzjoni ta’ ċertu daqs mwettqa ma’ impriżi relatati.
KAPITOLU X
AWTORITAJIET REGOLATORJI
Artikolu 76
Deżinjazzjoni u indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji
1. Kull Stat Membru għandu jiddeżinja awtorità regolatorja unika fil-livell nazzjonali.
2. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-deżinjazzjoni ta’ awtoritajiet regolatorji oħra fil-livell reġjonali tal-Istati Membri, dment li jkun hemm rappreżentant għoli wieħed għall-finijiet ta’ rappreżentanza u kuntatt fil-livell tal-Unjoni fil-Bord tar-Regolaturi tal-ACER, f’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2019/942.
3. B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, Stat Membru jista’ jaħtar awtoritajiet regolatorji għal sistemi żgħar fuq reġjun ġeografikament separat li fis-sena 2008 jkollu konsum ta’ anqas minn 3 % tal-konsum totali tal-Istat Membru li minnu jagħmel parti. Din id-deroga għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-ħatra ta’ rappreżentant għoli wieħed għall-finijiet ta’ rappreżentanza u kuntatt fil-livell tal-Unjoni fil-Bord tar-Regolaturi tal-ACER f’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2019/942.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji u għandhom jiżguraw li dawn jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali u trasparenti. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fit-twettiq tal-kompiti regolatorji mogħtija lilha minn din id-Direttiva u mill-atti legali relatati, l-awtorità regolatorja:
(a)
tkun legalment distinta u funzjonalment indipendenti minn kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra;
(b)
tiżgura li l-persunal tagħha u l-persuni responsabbli għall-ġestjoni tagħha:
(i)
taġixxi b’mod indipendenti minn kull interess tas-suq;
(ii)
la titlob u lanqas tieħu struzzjonijiet diretti mingħand xi gvern jew entità pubblika jew privata oħra fit-twettiq tal-kompiti regolatorji. Dan ir-rekwiżit hu mingħajr preġudizzju għall-kooperazzjoni mill-qrib, meta xieraq, ma’ awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħra jew għal linji gwida ta’ politika ġenerali maħruġa mill-gvern u li ma jkunux relatati mad-dmirijiet u s-setgħat regolatorji skont l-Artikolu 78.
5. Biex iħarsu l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiżguraw li:
(a)
l-awtorità regolatorja tista’ tieħu deċiżjonijiet awtonomi, b’mod indipendenti minn kwalunkwe korp politiku;
(b)
l-awtorità regolatorja jkollha r-riżorsi umani u finanzjarji kollha meħtieġa biex twettaq il-kompiti u teżerċita s-setgħat tagħha b’mod effettiv u effiċjenti;
(c)
l-awtorità regolatorja jkollha allokazzjoni annwali separata tal-baġit u awtonomija fl-implementazzjoni ta’ dak il-baġit allokat;
(d)
il-membri tal-bord tal-awtorità regolatorja jew, fin-nuqqas ta’ bord, il-maniġment superjuri tal-awtorità regolatorja, jinħatru għal perjodu fiss ta’ bejn ħamsa u seba’ snin, li jista’ jiġġedded darba;
(e)
il-membri tal-bord tal-awtorità regolatorja jew, fin-nuqqas ta’ bord, il-maniġment superjuri tal-awtorità regolatorja, jinħatar abbażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti u ppubblikati, bi proċedura indipendenti u imparzjali li tiżgura li l-kandidati jkollhom il-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa għal kwalunkwe pożizzjoni rilevanti fl-awtorità regolatorja;
(f)
id-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitt ta’ interess ikunu fis-seħħ u li l-obbligi tal-kunfidenzjalità jestendu lil hinn minn tmiem il-mandat tal-membri tal-bord tal-awtorità regolatorja jew, fin-nuqqas ta’ bord, tad-diriġenti superjuri tal-awtorità regolatorja;
(g)
il-membri tal-bord tal-awtorità regolatorja jew, fin-nuqqas ta’ bord, il-maniġment superjuri tal-awtorità regolatorja, jistgħu jitneħħew biss abbażi ta’ kriterji trasparenti fis-seħħ.
Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu, il-punt (d), l-Istati Membri għandhom jiżguraw skema ta’ rotazzjoni xierqa għall-bord jew id-diriġenti superjuri. Il-membri tal-bord jew, fin-nuqqas ta’ bord, id-diriġenti superjuri jistgħu jitneħħew mill-kariga tagħhom tul il-mandat tagħhom biss jekk ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu jew jekk jinstabu ħatja ta’ imġiba ħażina skont il-liġi internazzjonali.
L-Istati Membri jistgħu jipprevedu kontroll ex-post tal-kontijiet annwali tal-awtoritajiet regolatorji minn awditur indipendenti.
6. Sal-5 ta’ Lulju 2026 u mbagħad kull erba’ snin, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-konformità tal-awtoritajiet nazzjonali mal-prinċipju ta’ indipendenza stipulat f’dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed dawn ir-rapporti għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.
Artikolu 77
Objettivi ġenerali tal-awtoritajiet regolatorji
Fit-twettiq tal-kompiti regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva, l-awtorità regolatorja għandha tieħu l-miżuri raġonevoli kollha biex jintlaħqu l-objettivi li ġejjin fil-qafas tad-doveri u s-setgħat tagħha kif stabbilit fl-Artikolu 78, f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħra, inkluż ma’ awtoritajiet tal-kompetizzjoni u awtoritajiet rilevanti minn Stati Membri ġirien u pajjiżi terzi ġirien, kif xieraq, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tagħhom, jiġifieri biex:
(a)
f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet regolatorji ta’ Stati Membri oħra, il-Kummissjoni u l-ACER, jiġu promossi swieq interni kompetittiv, flessibbli, siguri u ambjentalment sostenibbli tal-gass naturali, tal-gass rinnovabbli, il-gass b’livell baxx tal-karbonju u l-idroġenu fl-Unjoni, u jkunu żgurati kundizzjonijiet xierqa għat-tħaddim effettiv u affidabbli tan-networks tal-gass naturali u tal-idroġenu u jsir progress fl-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija, filwaqt li jitqiesu l-objettivi fit-tul, u b’hekk jikkontribwixxu għall-applikazzjoni konsistenti, effiċjenti u effettiva tal-liġi tal-Unjoni biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija;
(b)
jiġu żviluppati swieq reġjonali transfruntieri kompetittivi u li jiffunzjonaw tajjeb fl-Unjoni bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi msemmija fil-punt (a);
(c)
jitneħħew restrizzjonijiet fuq il-kummerċ tal-gass naturali u tal-idroġenu bejn l-Istati Membri, inkluż biex jitneħħew restrizzjonijiet minħabba differenzi fil-kwalità tal-gass naturali u tal-idroġenu jew fil-volum tal-idroġenu mħallat fis-sistema tal-gass naturali jew minħabba differenzi fil-kwalità tal-idroġenu fis-sistema tal-idroġenu, jiġu żviluppati kapaċitajiet xierqa tat-trażmissjoni jew tat-trasport transfruntieri biex tintlaħaq id-domanda u titjieb l-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali ħalli tkun żgurata l-interoperabbiltà tas-sistema interkonnessa tal-gass naturali tal-Unjoni jew tas-sistema tal-idroġenu tal-Unjoni, li jistgħu jiffaċilitaw il-flussi tal-gass naturali fl-Unjoni;
(d)
tingħata għajnuna biex, filwaqt li jitqies il-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel”, u bl-aktar mod kosteffettiv, jiġu żviluppati sistemi nondiskriminatorji siguri, affidabbli u effiċjenti li jkunu orjentati lejn il-konsumatur, u tiġi promossa l-adegwatezza tas-sistema u, f’konformità mal-objettivi ta’ politika ġenerali dwar l-enerġija u l-klima, l-effiċjenza enerġetika kif ukoll l-integrazzjoni tal-produzzjoni fuq skala kbira u żgħira tal-gass minn sorsi rinnovabbli u l-produzzjoni distribwita kemm fin-networks tat-trażmissjoni kif ukoll tad-distribuzzjoni u jiġi ffaċilitat it-tħaddim tagħhom b’rabta ma’ networks tal-enerġija oħra tal-elettriku u tas-sħana;
(e)
jiġu ffaċilitati l-konnessjoni u l-aċċess għan-network għal kapaċità tal-produzzjoni ġdida, b’mod partikolari biex jitneħħew l-ostakli li jistgħu jwaqqfu l-konnessjoni u l-aċċess lil parteċipanti ġodda fis-swieq tal-gass u tal-idroġenu minn sorsi rinnovabbli;
(f)
ikun żgurat li l-operaturi u l-utenti tas-sistemi jingħataw inċentivi xierqa fl-immedjat u fit-tul biex iżidu l-effiċjenzi, speċjalment l-effiċjenza enerġetika, fil-prestazzjoni tas-sistema u jrawmu l-integrazzjoni tas-suq;
(g)
ikun żgurat li l-klijenti jgawdu mill-funzjonament effiċjenti tas-suq nazzjonali tagħhom, tiġi promossa kompetizzjoni effettiva u tingħata l-għajnuna biex ikunu żgurati livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumaturi f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet rilevanti tal-protezzjoni tal-konsumaturi u f’konsultazzjoni mal-korpi tal-konsumaturi rilevanti;
(h)
tingħata għajnuna biex jinkisbu standards għoljin tas-servizz pubbliku għall-gass naturali, jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-klijenti vulnerabbli, u jingħata kontribut għall-kompatibbiltà tal-proċessi tal-iskambju tad-data meħtieġa għall-qlib tal-klijenti bejn il-fornituri.
Artikolu 78
Dmirijiet u setgħat tal-awtorità regolatorja
1. L-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom id-doveri li ġejjin:
(a)
jiffissaw jew japprovaw, skont kriterji trasparenti, tariffi għat-trażmissjoni jew d-distribuzzjoni, jew il-metodoloġiji tagħhom, jew it-tnejn;
(b)
japprovaw ix-xenarji konġunti għall-pjanijiet ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-networks f’konformità mal-Artikolu 55(2), il-punt (f), meta tali approvazzjoni tkun prevista mill-Istat Membru;
(c)
jiffissaw jew japprovaw, f’konformità ma’ kriterji trasparenti, tariffi għall-aċċess għan-network tal-idroġenu jew il-metodoloġiji tagħhom, jew it-tnejn li huma, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri skont l-Artikolu 35(4);
(d)
jiffissaw jew japprovaw, f’konformità ma’ kriterji trasparenti:
(i)
id-daqs u d-durata tal-imposta ddedikata u t-trasferiment finanzjarju jew il-metodoloġiji tagħhom, jew it-tnejn li huma;
(ii)
il-valur tal-assi trasferiti u d-destinazzjoni ta’ kwalunkwe profitt u telf li jistgħu jseħħu minħabba dan; u
(iii)
l-allokazzjoni tal-kontribuzzjonijiet għall-imposta dedikata;
(e)
jiżguraw il-konformità tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u tal-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni u, meta rilevanti, tas-sidien tas-sistemi, kif ukoll l-operaturi tan-networks tal-idroġenu, kwalunkwe impriża tal-gass naturali u tal-idroġenu u kwalunkwe parteċipant ieħor fis-suq mal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva u r-Regolament (UE) 2024/1789, il-kodiċijiet tan-network u l-linji gwida adottati skont l-Artikoli 70, 71 u 72 tar-Regolament (UE) 2024/1789, ir-Regolament (UE) 2017/1938 u skont liġi rilevanti oħra tal-Unjoni, inkluż rigward il-kwistjonijiet transfruntieri, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-ACER;
(f)
f’koordinazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet regolatorji l-oħra, jiżguraw il-konformità tal-ENTSO tal-Gass, l-Entità Ewropea għall-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni (l-entità tal-UE għad-DSO) stabbilita f’konformità mal-Artikoli 52 sa 57 tar-Regolament (UE) 2019/943 u n-Network Ewropew tal-Operaturi ta’ Network għall-Idroġenu (l-“ENNOH”) stabbilit f’konformità mal-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2024/1789 mal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva u r-Regolament (UE) 2024/1789, il-kodiċijiet tan-network u l-linji gwida adottati skont l-Artikoli 70 sa 74 tar-Regolament (UE) 2024/1789, u liġi rilevanti oħra tal-Unjoni, inkluż rigward il-kwistjonijiet transfruntieri, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-ACER, u jidentifikaw b’mod konġunt in-nuqqas ta’ konformità tal-ENTSO tal-Gass, tal-entità tal-UE għad-DSO u tal-ENNOH mal-obbligi rispettivi tagħhom; meta l-awtoritajiet regolatorji ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim fi żmien erba’ xhur mill-bidu tal-konsultazzjonijiet biex jidentifikaw b’mod konġunt in-nuqqas ta’ konformità, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-ACER għal deċiżjoni, skont l-Artikolu 6(10) tar-Regolament (UE) 2019/942;
(g)
jimmonitorjaw l-iżvilupp tal-kwalitajiet tal-gass u l-ġestjoni tal-kwalità tal-gass mill-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u, meta rilevanti, mill-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni, inkluż il-monitoraġġ tal-iżvilupp tal-kostijiet relatati mal-ġestjoni tal-kwalità tal-gass mill-operaturi tas-sistemi u l-iżviluppi relatati mat-taħlit tal-idroġenu fis-sistema tal-gass naturali u mas-separazzjoni tal-idroġenu minnha, mill-operaturi tas-sistema ta’ ħżin tal-gass naturali u mill-operaturi tal-faċilità tal-LNG u fejn Stat Membru jkun ta l-mandat lil awtorità kompetenti oħra biex tiġbor informazzjoni, dik l-awtorità kompetenti għandha taqsam l-informazzjoni mal-awtorità regolatorja;
(h)
jimmonitorjaw l-iżvilupp tal-kwalità tal-idroġenu u l-ġestjoni tal-kwalità tal-idroġenu mill-operaturi tan-networks tal-idroġenu, meta rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 50, inkluż il-monitoraġġ tal-iżvilupp tal-kostijiet relatati mal-ġestjoni tal-kwalità tal-idroġenu;
(i)
iqisu l-eżami u l-valutazzjoni tal-pjanijiet tal-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport tal-idroġenu ppreżentati mill-operaturi tan-networks tal-idroġenu skont l-Artikoli 55 u 56 ta’ din id-Direttiva meta japprovaw l-imposti dedikati skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1789;
(j)
jikkooperaw dwar kwistjonijiet transfruntiera mal-awtorità jew l-awtoritajiet regolatorji ta’ dawk l-Istati Membri u mal-ACER, b’mod partikolari permezz tal-parteċipazzjoni fix-xogħol tal-Bord tar-Regolaturi tal-ACER skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2019/942. Fir-rigward tal-infrastruttura lejn u minn pajjiż terz, l-awtorità regolatorja tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-ewwel punt tal-interkonnessjoni man-network tal-Istati Membri tista’ tikkoopera mal-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiż terz, inkluż dawk tal-Partijiet Kontraenti għall-Komunità tal-Enerġija, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji ta’ Stati Membri oħra kkonċernati, bil-għan li, rigward dik l-infrastruttura, issir applikazzjoni konsistenti ta’ din id-Direttiva fit-territorju tal-Istati Membri;
(k)
jikkonformaw ma’, u jimplimentaw, kwalunkwe deċiżjoni vinkolanti legalment rilevanti tal-ACER u tal-Kummissjoni;
(l)
jirrapportaw kull sena lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri, lill-ACER u lill-Kummissjoni dwar l-attività tagħhom u l-qadi ta’ dmirijiethom, billi jkopru l-passi kollha li ttieħdu u r-riżultati li nkisbu fir-rigward ta’ kull wieħed mill-kompiti elenkati f’dan l-Artikolu;
(m)
jiżguraw li ma jkunx hemm sussidji inkroċjati bejn it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni, it-trasport tal-idroġenu, il-ħżin tal-gass naturali u tal-idroġenu, it-terminals tal-idroġenu u tal-LNG, u l-attivitajiet tal-provvista tal-gass naturali u tal-idroġenu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) 2024/1789;
(n)
jimmonitorjaw il-pjanijiet tal-investiment tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u l-operaturi tan-networks tat-trażmissjoni tal-idroġenu, filwaqt li fir-rapport annwali tagħhom jipprovdu valutazzjoni tal-pjanijiet tal-investiment tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u tal-operaturi tan-networks tat-trażmissjoni tal-idroġenu rigward il-konsistenza tagħhom mal-pjanijiet tal-iżvilupp tan-networks għall-Unjoni kollha msemmija fl-Artikoli 32 u 60 tar-Regolament (UE) 2024/1789, u jinkludu, f’dawk il-valutazzjonijiet rakkomandazzjonijiet biex jiġu emendati dawn il-pjanijiet tal-investiment;
(o)
jimmonitorjaw il-konformità mar-regoli dwar is-sigurtà u l-affidabbiltà tan-network, u jirrieżaminaw il-prestazzjoni tagħhom fil-passat u jistabbilixxu jew japprovaw standards u rekwiżiti għall-kwalità tas-servizz u tal-provvista u jikkontribwixxu għal dan flimkien ma’ awtoritajiet kompetenti oħra;
(p)
jimmonitorjaw il-livell tat-trasparenza, inkluż il-prezzijiet bl-ingrossa, u jiżguraw il-konformità mal-obbligi tat-trasparenza min-naħa tal-impriżi tal-gass naturali u tal-idroġenu;
(q)
jissorveljaw il-livell u l-effettività tal-ftuħ tas-suq u tal-kompetizzjoni fil-livelli tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, inkluż dwar l-iskambji tal-gass naturali u tal-idroġenu, il-prezzijiet għall-klijenti domestiċi inkluż is-sistemi ta’ ħlas minn qabel, it-trasparenza tal-offerti, iż-żidiet qawwija fil-prezzijiet u l-impatt tagħhom fuq il-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa u tal-konsumaturi, ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet għall-unitajiet domestiċi u l-prezzijiet bl-ingrossa, ir-rati tal-bdil, ir-rati tal-iskonnessjoni, it-tariffi għas-servizzi ta’ manutenzjoni u l-eżekuzzjoni tagħhom, l-ilmenti tal-klijenti domestiċi, u kwalunkwe distorsjoni jew restrizzjoni tal-kompetizzjoni, inkluż billi jipprovdu kwalunkwe informazzjoni rilevanti, u jressqu kwalunkwe każ rilevanti għall-attenzjoni tal-awtoritajiet rilevanti tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-klijenti vulnerabbli u l-klijenti li huma affettwati mill-faqar enerġetiku;
(r)
jimmonitorjaw l-okkorrenza tal-prattiki kontrattwali restrittivi, inkluż il-klawżoli ta’ esklużjoni li jistgħu jwaqqfu lill-klijenti mhux domestiċi kbar milli jagħmlu kuntratt simultanju ma’ aktar minn fornitur wieħed jew li jillimitaw l-għażla tagħhom biex jagħmlu dan u, meta xieraq, jinfurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni dwar il-prattiki ta’ dan it-tip;
(s)
jirrispettaw il-libertà kuntrattwali fir-rigward ta’ kuntratti fit-tul dment li jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni, ikunu konsistenti mal-politiki tal-Unjoni u jikkontribwixxu għall-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni, dment li ma jiġi konkluż l-ebda kuntratt fit-tul għall-provvista ta’ gassijiet fossili b’emissjonijiet mhux imnaqqsa b’durata li taqbeż il-31 ta’ Diċembru 2049;
(t)
jimmonitorjaw il-ħin li ħadu l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-gass naturali jew l-operaturi tan-networks tal-idroġenu biex jagħmlu l-konnessjonijiet u t-tiswijiet, inkluż talbiet għal konnessjoni man-networks minn faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-bijometan;
(u)
il-monitoraġġ u r-reviżjoni tal-kondizzjonijiet tal-aċċess għall-ħżin tal-gass naturali, il-linepack u servizzi anċillari oħra kif previst fl-Artikolu 33 jew 37, minbarra, fil-każ li r-reġim tal-aċċess għall-ħżin tal-gass naturali jkun stabbilit skont l-Artikolu 33(3), ir-rieżami tat-tariffi;
(v)
jgħinu biex jiżguraw, flimkien ma’ awtoritajiet rilevanti oħra, li l-miżuri ta’ protezzjoni tal-konsumatur, inkluż dawk stabbiliti fl-Anness I, ikunu effettivi u infurzati, u, b’mod partikolari, jivvalutaw l-eżistenza ta’ ostakli għall-klijenti biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħall-bdil, it-terminazzjoni ta’ kuntratt, u l-aċċess għal mekkaniżmi ta’ soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti;
(w)
jippubblikaw rakkomandazzjonijiet, mill-anqas kull sena, dwar il-konformità tal-prezzijiet tal-provvista mal-Artikolu 7, u jgħadduhom lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, meta xieraq;
(x)
jiżguraw aċċess nondiskriminatorju għad-data dwar il-konsum tal-klijenti, l-għoti għal użu fakultattiv, ta’ format armonizzat li jinftiehem faċilment fil-livell nazzjonali għad-data dwar il-konsum u l-aċċess fil-pront lill-klijenti kollha għal din id-data skont l-Artikoli 23 u 24;
(y)
jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tar-regoli relatati mar-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni, tal-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni, l-operaturi tan-networks tal-idroġenu, il-fornituri u l-klijenti tagħhom u parteċipanti oħra tas-suq skont ir-Regolament (UE) 2024/1789;
(z)
jimmonitorjaw l-applikazzjoni korretta tal-kriterji li jiddeterminaw jekk faċilità tal-ħżin tal-gass naturali hix skont l-Artikolu 33(3) jew (4);
(aa)
jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja kif imsemmi fl-Artikolu 83;
(bb)
jikkontribwixxu għall-kompatibbiltà tal-proċessi għall-iskambju tad-data għall-aktar proċessi importanti tas-suq fil-livell reġjonali;
(cc)
li jimplimentaw il-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida adottati skont l-Artikoli 70 sa 74 tar-Regolament (UE) 2024/1789 permezz ta’ miżuri nazzjonali jew, fejn ikun meħtieġ, miżuri kkoordinati reġjonali jew fl-Unjoni kollha;
(dd)
jiżguraw proċess miftuħ, trasparenti, effiċjenti u inklużiv għall-istabbiliment tal-pjan nazzjonali ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 55, tal-pjan tal-iżvilupp tan-network ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 56 u, meta rilevanti, tal-pjan ta’ dekummissjonar tan-network f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 57;
(ee)
japprovaw u jemendaw il-pjanijiet tal-iżvilupp tan-network imsemmija fl-Artikolu 55 u, fejn rilevanti, fl-Artikolu 57;
(ff)
jeżaminaw u, fejn applikabbli, jirrikjedu emendi għall-pjan tal-iżvilupp tan-network ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu kif imsemmi fl-Artikolu 56(4), fejn tali kompitu jiġi pprovdut mill-Istat Membru skont il-paragrafu 6 ta’ dak l-Artikolu;
(gg)
jistabbilixxu linji gwida kif imsemmi fl-Artikolu 57(6) li jipprovdu kriterji u metodoloġiji għal approċċ strutturali għad-dekummissjonar ta’ partijiet tan-netwerk tad-distribuzzjoni tal-gass naturali filwaqt li jqisu l-kostijiet tad-dekummissjonar u l-każ speċifiku ta’ dawk l-assi li jistgħu jeħtieġu d-dekummissjonar qabel iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom oriġinarjament ipprojettat u li jipprovdu gwida fir-rigward tal-iffissar tat-tariffi f’każijiet bħal dawn;
(hh)
jimmonitorjaw id-disponibbiltà ta’ siti web ta’ tqabbil, inkluż għodod ta’ tqabbil li jissodisfaw il-kriterji fl-Artikolu 14;
(ii)
jimmonitorjaw it-tneħħija ta’ ostakli mhux ġustifikati għal, u ta’ restrizzjonijiet fuq, l-iżvilupp tal-konsum tal-gass naturali rinnovabbli awtoġenerat;
(jj)
iwettqu kwalunkwe kompitu ieħor mogħti lill-awtoritajiet regolatorji skont din id-Direttiva u r-Regolament (UE) 2024/1789.
2. Meta Stat Membru hekk jistipula, id-dmirijiet ta’ monitoraġġ stipulati fil-paragrafu 1 jistgħu jsiru minn awtoritajiet oħra li mhumiex l-awtorità regolatorja. F’dak il-każ, l-informazzjoni li tinkiseb minn dak il-monitoraġġ għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità regolatorja kemm jista’ jkun malajr.
Filwaqt li jħarsu l-indipendenza tagħhom, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi speċifiċi tagħhom stess u b’mod konsistenti mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar, l-awtorità regolatorja għandha, meta xieraq, tikkonsulta lill-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni tal-gass naturali u tan-networks tal-idroġenu u, meta xieraq, tikkoopera mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħra fit-twettiq tad-dmirijiet stipulati fil-paragrafu 1.
Kwalunkwe approvazzjoni mogħtija minn awtorità regolatorja jew mill-ACER skont din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe użu futur debitament ġustifikat tas-setgħat tagħhom mill-awtoritajiet regolatorji skont dan l-Artikolu jew għal kwalunkwe penali imposta minn awtoritajiet rilevanti oħra jew mill-Kummissjoni.
3. Minbarra d-doveri mogħtija lilha skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, meta jiġi deżinjat operatur indipendenti tas-sistema jew operatur indipendenti tan-network ta’ trażmissjoni tal-idroġenu skont l-Artikolu 61 jew 68, l-awtorità regolatorja għandha:
(a)
timmonitorja l-konformità ta’ sid is-sistema tat-trażmissjoni, tal-operatur indipendenti tas-sistema jew ta’ sid in-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu u tal-operatur indipendenti tan-network ta’ trażmissjoni tal-idroġenu mal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva, u timponi penali għan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi tagħhom, skont il-paragrafu 4, il-punt (d);
(b)
timmonitorja r-relazzjonijiet u l-komunikazzjonijiet bejn l-operatur indipendenti tas-sistema u sid is-sistema tat-trażmissjoni, jew bejn sid in-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu u l-operatur indipendenti tan-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu, biex tiżgura l-konformità tal-operatur indipendenti tas-sistema jew tal-operatur indipendenti tan-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu mal-obbligi tagħhom, u b’mod partikolari tapprova l-kuntratti u taġixxi bħala l-awtorità għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-operatur indipendenti tas-sistema u sid is-sistema tat-trażmissjoni, jew bejn sid in-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu u l-operatur indipendenti tan-network tat-trażmissjoni tal-idroġenu, rigward kwalunkwe ilment imressaq minn xi waħda mill-partijiet skont il-paragrafu 11;
(c)
mingħajr preġudizzju għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 61(2), il-punt (c), għall-ewwel pjan tal-iżvilupp tan-networks ta’ għaxar snin, tapprova l-ippjanar tal-investimenti u l-pjan pluriennali tal-iżvilupp tan-networks ippreżentati kull sena mill-operatur indipendenti tas-sistema jew mill-operatur indipendenti tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu;
(d)
tiżgura li t-tariffi tal-aċċess għan-network miġbura minn operatur indipendenti tas-sistema jew mill-operatur indipendenti tan-network tal-idroġenu jkunu jinkludu remunerazzjoni għas-sid(ien) tan-network li jipprevedu remunerazzjoni xierqa għall-assi tan-network u kwalunkwe investiment ġdid fihom, dment li dawn jintalbu b’mod ekonomiku u effiċjenti;
(e)
ikollha s-setgħat li twettaq spezzjonijiet, inkluż għal għarrieda, fl-istabbiliment ta’ sid is-sistema tat-trażmissjoni u l-operatur indipendenti tas-sistema, jew ta’ sid in-networks tat-trażmissjoni tal-idroġenu u l-operatur indipendenti tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji jingħataw is-setgħat biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafi 1, 3 u 6 b’mod effiċjenti u veloċi. Għal dan il-għan, l-awtorità regolatorja għandu jkollha mill-anqas is-setgħat li:
(a)
timponi deċiżjonijiet vinkolanti fuq l-impriżi tal-gass naturali u tal-idroġenu;
(b)
twettaq investigazzjonijiet dwar il-funzjonament tas-swieq tal-gass naturali u tal-idroġenu, u tiddeċiedi u timponi miżuri meħtieġa u proporzjonati għall-promozzjoni tal-kompetizzjoni effettiva u biex tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-swieq tal-gass naturali u tal-idroġenu u, meta xieraq, tikkoopera mal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u mar-regolaturi tas-suq finanzjarju jew mal-Kummissjoni fit-twettiq ta’ investigazzjoni relatata mal-liġi tal-kompetizzjoni;
(c)
titlob kwalunkwe informazzjoni mingħand l-impriżi tal-gass naturali u tal-idroġenu li tkun rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħha, inkluż il-ġustifikazzjoni għal kwalunkwe rifjut tal-aċċess ta’ partijiet terzi, u kwalunkwe informazzjoni dwar il-miżuri meħtieġa għat-tisħiħ tan-network;
(d)
timponi penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq l-impriżi tal-gass naturali u tal-idroġenu li ma jkunux konformi mal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva jew ma’ deċiżjonijiet vinkolanti legalment rilevanti tal-awtorità regolatorja jew tal-ACER, jew li tipproponi lil qorti kompetenti li timponi dawn il-penali, inkluż is-setgħa li timponi, jew li tipproponi l-impożizzjoni ta’ penali sa 10 % tal-fatturat annwali tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew tal-operatur tan-networks tal-idroġenu jew sa 10 % tal-fatturat annwali tal-impriża integrata vertikalment fuq l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew l-operatur tan-networks tal-idroġenu jew fuq l-impriża integrata vertikalment, skont il-każ, għal nuqqas ta’ konformità mal-obbligi rispettivi tagħhom skont din id-Direttiva;
(e)
drittijiet xierqa ta’ investigazzjonijiet u setgħat rilevanti ta’ struzzjonijiet għal soluzzjoni tat-tilwim skont il-paragrafi 11 u 12.
5. L-awtorità regolatorja li tinsab fl-Istat Membru fejn l-ENTSO tal-Gass, l-ENNOH jew l-entità DSO tal-UE jkollha s-sede tagħha, għandu jkollha l-awtorità li timponi penali effikaċi, proporzjonati u dissważivi fuq dawk l-entitajiet li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom fl-ambitu ta’ din id-Direttiva, ir-Regolament (UE) 2024/1789 jew kwalunkwe deċiżjoni rilevanti legalment vinkolanti tal-awtoritajiet regolatorji jew tal-ACER, jew li jipproponu li qorti kompetenti timponi dawn il-penali.
6. Minbarra d-doveri u s-setgħet mogħtija lilha skont il-paragrafi 1 u 4 ta’ dan l-Artikolu, meta jiġi deżinjat operatur indipendenti tat-trażmissjoni jew operatur ta’ network integrata tat-trażmissjoni tal-idroġenu f’konformità mat-Taqsima 3 tal-Kapitolu IX, l-awtorità regolatorja għandha tingħata mill-anqas id-doveri u s-setgħat li:
(a)
timponi penali skont il-paragrafu 4, il-punt (d), għal imġiba diskriminatorja favur l-impriża integrata vertikalment;
(b)
timmonitorja l-komunikazzjoni bejn l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew l-operatur ta’ network integrat tat-trażmissjoni tal-idroġenu u l-impriża integrata vertikalment biex tiżgura l-konformità tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew tal-operatur tan-network integrat tat-trażmissjoni tal-idroġenu mal-obbligi tiegħu;
(c)
taġixxi bħala awtorità għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew l-operatur tan-network integrat tat-trażmissjoni tal-idroġenu rigward l-ilmenti ppreżentati skont il-paragrafu 11;
(d)
timmonitorja r-relazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji, inkluż is-self bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew l-operatur tan-network integrat tat-trażmissjoni tal-idroġenu;
(e)
tapprova kull relazzjoni kummerċjali u finanzjarja bejn l-impriża integrata vertikalment u l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew l-operatur tan-network integrat tat-trażmissjoni tal-idroġenu, dment li dawn jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tas-suq;
(f)
teżiġi ġustifikazzjoni mingħand l-impriża integrata vertikalment meta tiġi notifikata mill-uffiċjal tal-konformità skont l-Artikolu 67(4), b’mod partikolari inkluż evidenza li ma kien hemm l-ebda imġiba diskriminatorja favur l-impriża integrata vertikalment;
(g)
twettaq ispezzjonijiet, inkluż għal għarrieda, fl-istabbilimenti tal-impriża integrata vertikalment u tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew tal-operatur tan-network integrat tat-trażmissjoni tal-idroġenu;
(h)
tassenja l-kompiti kollha jew dawk speċifiċi tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew tal-operatur tan-network integrat tat-trażmissjoni tal-idroġenu lil operatur indipendenti tas-sistema jew operatur indipendenti ta’ network integrat tat-trażmissjoni tal-idroġenu, maħtur f’konformità mal-Artikolu 68 fil-każ ta’ ksur persistenti mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew mill-operatur tan-network integrat tal-idroġenu tal-obbligi tiegħu skont din id-Direttiva, b’mod partikolari fil-każ ta’ imġiba diskriminatorja ripetuta favur l-impriża integrata vertikalment.
7. L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu responsabbli biex jiffissaw jew japprovaw, bil-quddiem biżżejjed qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, mill-inqas il-metodoloġiji użati għall-kalkolu jew jistabbilixxu t-termini u l-kundizzjonijiet għal:
(a)
il-konnessjoni u l-aċċess għan-networks nazzjonali tal-gass naturali, inkluż tariffi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni, u t-termini, il-kundizzjonijiet u t-tariffi tal-aċċess għall-faċilitajiet tal-LNG, fejn it-tariffi jew il-metodoloġiji jippermettu li l-investimenti meħtieġa li jsiru fin-networks u fil-faċilitajiet tal-LNG jkunu b’tali mod li jiżguraw il-vijabbiltà tan-networks u tal-faċilitajiet tal-LNG;
(b)
il-konnessjoni u l-aċċess għan-networks nazzjonali tal-idroġenu, inkluż it-tariffi tan-networks tal-idroġenu, meta applikabbli, u t-termini u l-kundizzjonijiet u t-tariffi tal-aċċess għall-ħżin tal-idroġenu u t-terminals tal-idroġenu;
(c)
is-servizzi tal-ibbilanċjar li għandhom jingħataw bl-iktar mod ekonomiku possibbli, biex jipprovdi inċentivi xierqa lill-utenti tan-networks biex jibbilanċjaw il-kontribut u t-teħid tagħhom b’mod ġust u nondiskriminatorju u abbażi ta’ kriterji oġġettivi;
(d)
l-approvazzjoni u l-monitoraġġ ta’ imposti ddedikati f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1789;
(e)
l-aċċess għal infrastrutturi transfruntieri, inkluż il-proċeduri għall-allokazzjoni tal-kapaċità u għall-ġestjoni tal-konġestjoni.
8. Il-metodoloġiji jew it-termini u l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 7 għandhom jiġu ppubblikati.
9. Meta jkunu qed jiffissaw jew japprovaw it-tariffi jew il-metodoloġiji u s-servizzi tal-ibbilanċjar imsemmija fil-paragrafu 7, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni u, mingħajr preġudizzju għal deċiżjoni tal-Istat Membru skont l-Artikolu 35(4), lill-operaturi tan-networks tal-idroġenu jingħataw inċentivi xierqa fl-immedjat u fit-tul biex iżidu l-effiċjenzi, irawmu l-integrazzjoni tas-suq u s-sigurtà tal-provvista u jappoġġaw l-attivitajiet tar-riċerka relatati.
10. L-awtoritajiet regolatorji għandhom jimmonitorjaw il-ġestjoni tal-konġestjoni tan-networks nazzjonali tat-trażmissjoni u n-networks tat-trażmissjoni tal-idroġenu, inkluż l-interkonnetturi u l-interkonnetturi tal-idroġenu, u l-implimentazzjoni tar-regoli tal-ġestjoni tal-konġestjoni. Għal dak il-għan, l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni, l-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu jew l-operaturi tas-suq għandhom jippreżentaw ir-regoli tagħhom tal-ġestjoni tal-konġestjoni, inkluż l-allokazzjoni tal-kapaċità, lill-awtoritajiet regolatorji. L-awtoritajiet regolatorji jistgħu jitolbu emendi għal dawk ir-regoli.
Artikolu 79
Deċiżjonijiet u lmenti
1. L-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom l-awtorità li jeżiġu li l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni tal-gass naturali, tal-ħżin tal-gass naturali, tal-LNG u l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni, l-operaturi tal-ħżin tal-idroġenu u tat-terminals tal-idroġenu u l-operaturi tan-networks tal-idroġenu, jekk meħtieġ, jimmodifikaw it-termini u l-kundizzjonijiet, inkluż it-tariffi u l-metodoloġiji msemmija f’dan l-Artikolu, biex jiżguraw li dawn ikunu proporzjonati u applikati b’mod nondiskriminatorju. F’każ li r-reġim ta’ aċċess għall-ħażna tal-gass naturali jiġi stabbilit skont l-Artikolu 33(3), dak il-kompitu għandu jeskludi l-modifika tat-tariffi. F’każ li r-reġim ta’ aċċess għan-networks tal-idroġenu, għall-faċilitajiet tal-idroġenu jew għall-ħżin tal-idroġenu jkun ibbażat fuq aċċess innegozjat ta’ partijiet terzi f’konformità mal-Artikolu 35(4), l-Artikolu 36(1) jew l-Artikolu 37(2), dak il-kompitu għandu jeskludi l-modifika tat-tariffi. Fil-każ ta’ dewmien fl-iffissar tat-tariffi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-gass naturali u, meta xieraq, tat-tariffi tan-networks tal-idroġenu, l-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom is-setgħa li jiffissaw jew japprovaw tariffi jew metodoloġiji proviżorji tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni u tariffi jew metodoloġiji tan-networks tal-idroġenu u jiddeċiedu dwar il-miżuri tal-kumpens xieraq jekk it-tariffi jew il-metodoloġiji finali jiddevjaw minn dawk it-tariffi jew il-metodoloġiji proviżorji.
2. Kwalunkwe parti li jkollha ilment kontra operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni ta’ gass naturali, ta’ ħażna ta’ gass naturali, ta’ LNG jew operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni jew ta’ netwerk tal-idroġenu, ta’ ħażna tal-idroġenu jew operatur ta’ terminal tal-idroġenu b’rabta mal-obbligi tal-operatur skont din id-Direttiva, tista’ tirreferi l-ilment lill-awtorità regolatorja li, filwaqt li taġixxi bħala awtorità għas-soluzzjoni tat-tilwim, għandha toħroġ deċiżjoni fi żmien xahrejn mill-wasla tal-ilment. Dak il-perjodu jista’ jiġi estiż b’xahrejn meta tintalab aktar informazzjoni mill-awtorità regolatorja. Dak il-perjodu jista’ jiġi estiż iżjed bl-approvazzjoni tal-ilmentatur. Id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja għandu jkollha effett vinkolanti, sakemm ma tiġix revokata b’xi appell.
3. Kwalunkwe parti li tkun affettwata u li jkollha d-dritt li tressaq ilment dwar deċiżjoni fuq il-metodoloġiji użati f’konformità ma’ dan l-Artikolu jew, meta l-awtorità regolatorja jkollha d-dover li tikkonsulta dwar it-tariffi jew il-metodoloġiji proposti tista’, fi żmien xahrejn, jew f’perjodu iqsar kif previst mill-Istati Membri, wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni jew tal-proposta għal deċiżjoni, tressaq ilment għal rieżami. Dak l-ilment ma għandux ikollu effett sospensiv.
4. L-Istati Membri għandhom joħolqu mekkaniżmi xieraq u effiċjenti għar-regolament, kontroll u trasparenza sabiex jiġi evitat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, b’mod partikolari bi żvantaġġ għall-konsumaturi, u kwalunkwe aġir predatorju. Dawk il-mekkaniżmi għandhom iqisu d-dispożizzjonijiet tat-TFUE, u b’mod partikolari l-Artikolu 102 tiegħu.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jieħdu l-miżuri xierqa, inkluż azzjoni amministrattiva jew proċedimenti kriminali f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, kontra l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi responsabbli, meta r-regoli tal-kunfidenzjalità imposti minn din id-Direttiva ma jkunux ġew rispettati.
6. L-ilmenti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżerċitar tad-drittijiet tal-appell skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali.
7. Id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu motivati u ġustifikati għalkollox biex jippermettu rieżami ġudizzjarju. Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku filwaqt li titħares il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni sensittiva kummerċjalment.
8. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-livell nazzjonali jkun hemm il-mekkaniżmi xierqa biex parti affettwata minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja jkollha d-dritt ta’ appell quddiem korp indipendenti mill-partijiet involuti u minn kwalunkwe gvern.
Artikolu 80
Kooperazzjoni reġjonali bejn l-awtoritajiet regolatorji dwar il-kwistjonijiet transfruntieri
1. L-awtoritajiet regolatorji għandhom jikkooperaw mill-qrib u jikkonsultaw lil xulxin, u b’mod partikolari fi ħdan l-ACER, u għandhom jipprovdu kwalunkwe informazzjoni meħtieġa lil xulxin u lill-ACER għat-twettiq tal-kompiti tagħhom skont din id-Direttiva. Fir-rigward tal-informazzjoni skambjata, l-awtorità riċeventi għandha tiżgura l-istess livell ta’ kunfidenzjalità bħal dak rikjest mill-awtorità oriġinatorja.
2. L-awtoritajiet regolatorji għandhom jikkooperaw mill-inqas fil-livell reġjonali biex:
(a)
irawmu l-ħolqien ta’ arranġamenti operattivi biex tkun tista’ ssir l-aqwa ġestjoni tan-network, jippromwovu skambji tal-gass naturali u tal-idroġenu konġunti u l-allokazzjoni ta’ kapaċità transfruntiera, u jkun jista’ jinkiseb livell xieraq ta’ kapaċità ta’ interkonnessjoni, inkluż b’interkonnessjonijiet ġodda, fir-reġjun u bejn ir-reġjuni ħalli jitħalla lok għall-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva u titjib fis-sigurtà tal-provvista mingħajr diskriminazzjoni bejn l-impriżi tal-provvista fi Stati Membri differenti;
(b)
jikkoordinaw l-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-network kollha għall-operaturi rilevanti tas-sistemi tat-trażmissjoni, l-operaturi tan-networks tal-idroġenu u parteċipanti oħra fis-suq;
(c)
jikkoordinaw l-iżvilupp tar-regoli li jirregolaw il-ġestjoni tal-konġestjoni;
(d)
jiżguraw il-konformità regolatorja tal-entitajiet legali li jissodisfaw il-kompiti tal-operaturi tat-trażmissjoni u tal-operaturi tan-networks fil-livell transfruntier jew reġjonali.
3. L-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom id-dritt li jidħlu f’arranġamenti kooperattivi ma’ xulxin biex irawmu l-kooperazzjoni regolatorja.
4. L-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jitwettqu, kif xieraq, b’konsultazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħra u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi speċifiċi tagħhom.
5. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 90 biex tissupplimenta lil din id-Direttiva billi tistabbilixxi linji gwida dwar il-firxa tad-doveri tal-awtoritajiet regolatorji li jikkooperaw ma’ xulxin u mal-ACER.
6. L-awtoritajiet regolatorji, jew meta xieraq awtoritajiet kompetenti oħra, jistgħu jikkonsultaw u jikkooperaw mal-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi terzi, inkluż il-Partijiet Kontraenti għall-Komunità tal-Enerġija, fir-rigward tal-operazzjoni tal-infrastruttura tal-gass naturali u tal-idroġenu lejn u minn pajjiżi terzi biex jiżguraw li, fir-rigward tal-infrastruttura kkonċernata, din id-Direttiva tiġi applikata b’mod konsistenti fit-territorju u fil-baħar territorjali ta’ Stat Membru.
Artikolu 81
Konformità mal-kodiċijiet tan-network u mal-linji gwida
1. Kwalunkwe awtorità regolatorja u l-Kummissjoni jistgħu jitolbu l-opinjoni tal-ACER dwar il-konformità ta’ deċiżjoni meħuda minn awtorità regolatorja mal-kodiċijiet tan-network u mal-linji gwida adottati skont din id-Direttiva jew ir-Regolament (UE) 2024/1789.
2. L-ACER għandha tagħti l-opinjoni tagħha lill-awtorità regolatorja li tkun talbitha jew lill-Kummissjoni, rispettivament, u lill-awtorità regolatorja li tkun ħadet id-deċiżjoni inkwistjoni fi żmien tliet xhur mid-data tal-wasla tat-talba.
3. Meta l-awtorità regolatorja li tkun ħadet id-deċiżjoni ma tikkonformax mal-opinjoni tal-ACER fi żmien erba’ xhur mid-data tal-wasla ta’ dik l-opinjoni, l-ACER għandha tinforma lill-Kummissjoni b’dan.
4. Kwalunkwe awtorità regolatorja tista’ tinforma lill-Kummissjoni meta jidhrilha li xi deċiżjoni rilevanti għall-kummerċ transfruntier meħuda minn awtorità regolatorja oħra ma tkunx konformi mal-kodiċijiet tan-network u mal-linji gwida adottati skont din id-Direttiva jew ir-Regolament (UE) 2024/1789 fi żmien xahrejn mid-data ta’ dik id-deċiżjoni.
5. Meta l-Kummissjoni, fi żmien xahrejn minn meta tkun ġiet infurmata mill-ACER f’konformità mal-paragrafu 3, jew minn awtorità regolatorja f’konformità mal-paragrafu 4, jew bl-inizjattiva tagħha stess fi żmien tliet xhur mid-data tad-deċiżjoni, issib li d-deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja toħloq dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mal-kodiċijiet tan-network u mal-linji gwida adottati skont din id-Direttiva jew ir-Regolament (UE) 2024/1789, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tistħarreġ il-każ f’aktar dettall. F’dak il-każ, din għandha tistieden lill-awtorità regolatorja u lill-partijiet għall-proċedimenti quddiem l-awtorità regolatorja biex jagħmlu l-osservazzjonijiet.
6. Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li teżamina l-każ f’konformità mal-paragrafu 5, din għandha toħroġ deċiżjoni finali fi żmien sa erba’ xhur mid-data ta’ dik id-deċiżjoni, li:
(a)
ma toġġezzjonax għad-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja; jew
(b)
teżiġi li l-awtorità regolatorja kkonċernata tirtira d-deċiżjoni tagħha jekk ikun jidhrilha li ma kienx hemm konformità mal-kodiċi tan-network u mal-linji gwida.
7. Meta l-Kummissjoni ma tiħux deċiżjoni li teżamina l-każ f’aktar dettall, jew ma tiħux deċiżjoni finali sal-iskadenzi stabbiliti fil-paragrafi 5 u 6, għandu jitqies li l-Kummissjoni mhix toġġezzjona għad-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja.
8. L-awtorità regolatorja għandha tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirtira d-deċiżjoni tagħha fi żmien xahrejn u għandha tinforma lill-Kummissjoni b’dan.
9. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 90 biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi linji gwida li jistipulaw id-dettalji tal-proċedura li trid tintuża għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 82
Żamma tar-rekords
1. L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-impriżi tal-provvista jżommu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, inkluż tal-awtorità regolatorja u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u tal-Kummissjoni, biex iwettqu l-kompiti tagħhom, għal mill-anqas ħames snin, id-data rilevanti relatata mat-tranżazzjonijiet kollha fil-kuntratti tal-provvista tal-gass naturali u tal-idroġenu u d-derivattivi tal-gass naturali u tal-idroġenu mal-klijenti bl-ingrossa u l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni, l-operaturi tal-ħażniet tal-gass naturali u tal-LNG, kif ukoll l-operaturi tan-networks, tal-ħażniet u tat-terminals tal-idroġenu.
2. Id-data għandha tinkludi dettalji dwar il-karatteristiċi tat-tranżazzjonijiet rilevanti, bħat-tul taż-żmien, ir-regoli dwar it-twassil u l-issetiljar, il-kwantità, id-dati u l-ħinijiet tal-eżekuzzjoni u l-prezzijiet tat-tranżazzjoni u l-mezzi għall-identifikazzjoni tal-klijent bl-ingrossa kkonċernat, u dettalji speċifiċi dwar il-kuntratti miftuħa kollha tal-provvista tal-gass naturali u tal-idroġenu u d-derivattivi tal-gass naturali u tal-idroġenu.
3. L-awtoritajiet regolatorji jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu disponibbli xi elementi ta’ din l-informazzjoni għall-parteċipanti fis-suq, dment li ma tiġix rilaxxata xi informazzjoni sensittiva kummerċjalment dwar parteċipanti individwali fis-suq jew dwar tranżazzjonijiet individwali. Dan il-paragrafu ma għandux japplika għall-informazzjoni dwar l-istrumenti finanzjarji li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE.
4. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex tissupplimenta din id-Direttiva f’konformità mal-Artikolu 90, billi tistabbilixxi linji gwida li jiddefinixxu l-metodi u l-arranġamenti għaż-żamma tar-rekords, kif ukoll il-forma u l-kontenut tad-data li għandha tinżamm.
5. Rigward it-tranżazzjonijiet tad-derivattivi tal-gass naturali u tal-idroġenu tal-impriżi tal-provvista mal-klijenti bl-ingrossa u mal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni tal-gass naturali, l-operaturi tal-ħażniet tal-gass naturali u tal-LNG kif ukoll l-operaturi tan-networks, tal-ħażniet u tat-terminals tal-idroġenu, dan l-Artikolu għandu japplika biss ladarba l-Kummissjoni tkun adottat il-linji gwida msemmija fil-paragrafu 4.
6. Dan l-Artikolu ma għandhomx joħolqu obbligi addizzjonali fir-rigward tal-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għall-entitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE.
7. Jekk l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jeħtieġu aċċess għad-data miżmuma mill-entitajiet li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE, l-awtoritajiet responsabbli skont dik id-Direttiva għandhom jipprovdulhom id-data meħtieġa.
KAPITOLU XI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 83
Miżuri ta’ salvagwardja
F’każ ta’ kriżi għal għarrieda fis-suq tal-enerġija jew meta jkunu mhedda s-sikurezza jew is-sigurtà fiżika ta’ xi persuni, tal-apparat, tal-istallazzjonijiet jew tal-integrità tas-sistema, Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri previsti fil-pjan ta’ emerġenza nazzjonali u, jekk applikabbli, jiddikjara wieħed mil-livelli ta’ kriżi ta’ emerġenza skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2017/1938.
Artikolu 84
Kundizzjonijiet ugwali tal-kompetizzjoni
1. Il-miżuri li l-Istati Membri jistgħu jieħdu taħt din id-Direttiva sabiex jiżguraw kondizzjonijiet ugwali tal-kompetizzjoni għandhom ikunu kompatibbli mat-TFUE, b’mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu, u liġijiet oħra tal-Unjoni.
2. Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu proporzjonati, nondiskriminatorji u trasparenti. Dawk il-miżuri jistgħu jiġu implimentati biss wara notifika lill-Kummissjoni u l-approvazzjoni tagħha.
3. Il-Kummissjoni għandha taġixxi fuq in-notifika msemmija fil-paragrafu 2 fi żmien xahrejn mid-data tal-wasla tan-notifika. Dak il-perjodu għandu jibda l-għada tal-wasla tal-informazzjoni sħiħa. Jekk il-Kummissjoni ma tkunx aġixxiet f’dak il-perjodu ta’ xahrejn, għandha titqies li mhix toġġezzjona għall-miżuri notifikati.
Artikolu 85
Ftehimiet tekniċi dwar l-operazzjoni ta’ pipelines tal-gass naturali u tal-idroġenu ma’ pajjiżi terzi
Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-libertà tal-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni, l-operaturi tan-network tal-idroġenu jew operaturi ekonomiċi oħra biex iżommu fis-seħħ jew jikkonkludu ftehimiet tekniċi dwar kwistjonijiet rigward l-operazzjoni tal-linji ta’ trażmissjoni bejn Stat Membru u pajjiż terz, sa fejn dawk il-ftehimiet ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni u deċiżjonijiet rilevanti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri konċernati. Għandha tingħata notifika dwar tali ftehimiet lill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri konċernati.
Artikolu 86
Derogi għas-sistema tal-gass naturali
1. L-Istati Membri li mhumiex konnessi direttament mas-sistema interkonnessa ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor jistgħu jidderogaw mill-Artikoli 3, 8, 34 jew 60 jew l-Artikolu 31(1). Kwalunkwe deroga bħal din għandha tiskadi malli jitlesta l-ewwel interkonnettur lejn l-Istat Membru. Kwalunkwe deroga bħal din għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni.
2. L-Istati Membri jistgħu japplikaw mal-Kummissjoni għal derogi mill-applikazzjoni tal-Artikolu 3, 8, 60 jew 31 għar-reġjuni ultraperiferiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 349 TFUE jew għal żoni iżolati ġeografikament oħra. Kwalunkwe deroga bħal din għandha tiskadi malli titlesta konnessjoni mir-reġjun jew miż-żona lejn Stat Membru b’sistema interkonnessa.
3. Il-Lussemburgu jista’ jidderoga mill-Artikolu 60. Kwalunkwe deroga bħal din għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni.
4. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar applikazzjonijiet għal derogi skont il-paragrafu 2 qabel ma tieħu deċiżjoni, filwaqt li tqis it-talbiet ġustifikati għall-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.
5. Id-derogi mogħtija mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 2 għandhom ikunu limitati fiż-żmien u soġġetti għal kundizzjonijiet li jkollhom l-għan li jżidu l-kompetizzjoni fis-suq intern u l-integrazzjoni tiegħu, u li jiżguraw li d-derogi ma jfixklux it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli jew l-applikazzjoni tal-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel”.
6. Id-derogi mogħtija skont id-Direttiva 2009/73/KE mingħajr data tal-iskadenza jew mingħajr perjodu definit ta’ applikazzjoni għandhom jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2025. L-Istati Membri li fl-4 ta’ Awwissu 2024 għadhom jibbenefikaw minn tali derogi jistgħu jiddeċiedu li japplikaw deroga ġdida skont il-paragrafu 1 jew 7 ta’ dan l-Artikolu, jew jistgħu japplikaw mal-Kummissjoni għal deroga ġdida skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
7. L-Istati Membri li jirċievu l-ewwel provvista kummerċjali tal-ewwel kuntratt tagħhom għall-fornimenta tal-gass naturali fuq terminu twil wara l-4 ta’ Awwissu 2024 jistgħu jidderogaw mill-Artikolu 3(1) sa (4), l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 8, l-Artikolu 31(1), l-Artikolu 32(1), l-Artikolu 34, l-Artikolu 39(1) sa (5), l-Artikolu 43, l-Artikolu 44(6) u l-Artikoli 46, 60, 61 u 75. Kwalunkwe deroga bħal din għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni. Id-deroga għandha tiskadi 10 snin wara li jirċievu l-ewwel provvista kummerċjali tal-ewwel kuntratt tagħhom għall-forniment tal-gass naturali fuq terminu twil.
8. In-notifiki tad-derogi mogħtija mill-Istati Membri skont il-paragrafi 1, 3 u 7, u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jagħtu d-derogi skont il-paragrafi 2, 5 u 6, għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 87
Networks tal-idroġenu f’reġjuni iżolati
1. L-Istati Membri jistgħu jagħtu derogi mill-applikazzjoni tal-Artikolu 46, 68 jew 71 għan-networks tal-idroġenu li jinsabu fir-reġjuni ultraperiferiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 349 TFUE u f’reġjuni iżolati bil-kodiċijiet NUTS 2 u NUTS 3 tal-Klassifikazzjoni Komuni ta’ Unitajiet Territorjali għall-Istatistika (NUTS) stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (52) li ġejjin:
(i)
Ċipru (NUTS 2 CY00)
(ii)
Kainuu (NUTS 3 FI1D8)
(iii)
Lapland (NUTS 3 FI1D7)
(iv)
Malta (NUTS 2 MT00)
(v)
Ostrobothnia tat-Tramuntana (NUTS 3 FI1D9)
(vi)
Norrland ta’ Fuq (NUTS 2 SE33)
2. Kwalunkwe deroga mogħtija skont il-paragrafu 1 għandha ssir pubblika u tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni.
3. Id-derogi mogħtija skont il-paragrafu 1 għandhom jiskadu 15-il sena mid-data li fiha jingħataw, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2044. Derogi bħal dawn ma għandhomx jiġġeddu. L-Istati Membri għandhom jirtiraw deroga mogħtija skont il-paragrafu 1 meta network tal-idroġenu li jibbenefika minn tali deroga jiġi estiż lil hinn mir-reġjun iżolat jew isir konness ma’ networks tal-idroġenu li jinsabu barra mir-reġjun.
4. Kull seba’ snin mid-data tal-għoti ta’ deroga skont il-paragrafu 1, jew fuq talba motivata mill-Kummissjoni, l-awtorità regolatorja tal-Istat Membru li jkun ta dik id-deroga għandha tippubblika valutazzjoni tal-impatt ta’ dik id-deroga fuq il-kompetizzjoni, l-iżvilupp tal-infrastruttura u l-funzjonament tas-suq. Jekk l-awtorità regolatorja tikkonkludi wara tali valutazzjoni li jekk id-deroga tibqa’ tapplika din iġġib magħha r-riskju li xxekkel il-kompetizzjoni jew taffettwa ħażin il-varar effiċjenti tal-infrastruttura tal-idroġenu jew l-iżvilupp tas-suq għall-idroġenu fl-Istat Membru jew fl-Unjoni, l-Istat Membru għandu jirtira d-deroga.
Artikolu 88
Derogi b’rabta mal-linji tat-trażmissjoni tal-gass naturali lejn u mill-pajjiżi terzi
1. Rigward il-linji tat-trażmissjoni tal-gass naturali bejn Stat Membru u pajjiż terz li tlestew qabel it-23 ta’ Mejju 2019, l-Istat Membru fejn jinsab l-ewwel punt tal-konnessjoni ta’ din il-linja tat-trażmissjoni ma’ network ta’ Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jidderoga mill-Artikoli 31, 60, 71 u 72 u mill-Artikolu 78(7) u (9) u l-Artikolu 79(1) għat-taqsimiet ta’ din il-linja tat-trażmissjoni tal-gass naturali li jinsabu fit-territorju u fil-baħar territorjali tiegħu, għal raġunijiet oġġettivi, bħall-possibbiltà ta’ rkupru tal-investiment imwettaq jew minħabba raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista, dment li d-deroga ma tkunx ta’ detriment għall-kompetizzjoni fis-suq intern tal-gass naturali jew għall-funzjonament effettiv tiegħu, jew għas-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni.
Id-deroga għandha tkun limitata fiż-żmien sa 20 sena abbażi ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, li tista’ tiġġedded jekk ikun ġustifikat u li tista’ tkun soġġetta għal kundizzjonijiet li jikkontribwixxu għall-kisba tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu.
Dawn id-derogi ma għandhomx japplikaw għal-linji tat-trażmissjoni bejn Stat Membru u pajjiż terz li jkollu l-obbligu jittrasponi din id-Direttiva u effettivament jimplimenta din id-Direttiva fis-sistema ġuridika tiegħu skont ftehim konkluż mal-Unjoni.
2. Meta l-linja tat-trażmissjoni kkonċernata tkun tinsab fit-territorju ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab l-ewwel punt tal-konnessjoni man-network tal-Istati Membri għandu jiddeċiedi jekk jagħtix deroga minn dik il-linja tat-trażmissjoni wara konsultazzjoni mal-Istati Membri kollha kkonċernati.
Meta tintalab mill-Istati Membri kkonċernati, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li taġixxi bħala osservatur fil-konsultazzjoni bejn l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab l-ewwel punt tal-konnessjoni u l-pajjiż terz dwar l-applikazzjoni konsistenti ta’ din id-Direttiva fit-territorju u fil-baħar territorjali tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-ewwel punt tal-interkonnessjoni, inkluż l-għoti ta’ derogi minn linji tat-trażmissjoni bħal dawn.
3. Id-deċiżjonijiet skont il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu adottati sal-24 ta’ Mejju 2020. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw kwalunkwe deċiżjoni bħal din lill-Kummissjoni u għandhom jippubblikawha.
4. Sal-5 ta’ Awwissu 2026, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-derogi mogħtija skont dan l-Artikolu. Ir-rapport għandu, b’mod partikolari, jivvaluta l-impatt ta’ tali derogi fuq il-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-gass naturali kif ukoll fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri.
Artikolu 89
Proċedura tal-awtonomizzazzjoni
1. Mingħajr preġudizzju għal obbligi oħra skont il-liġi tal-Unjoni, u għall-allokazzjoni ta’ kompetenza bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, il-ftehimiet eżistenti bejn Stat Membru u pajjiż terz dwar l-operazzjoni ta’ linja tat-trażmissjoni jew ta’ network tal-pipelines upstream jistgħu jitħallew fis-seħħ sad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim sussegwenti bejn l-Unjoni u l-istess pajjiż terz jew sa meta tapplika il-proċedura stipulata fil-paragrafi 2 sa 15.
2. Mingħajr preġudizzju għall-allokazzjoni tal-kompetenza bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, meta Stat Membru jkun biħsiebu jibda negozjati ma’ pajjiż terz sabiex jemenda, jestendi, jadatta, iġedded jew jikkonkludi ftehim dwar it-tħaddim ta’ linja tat-trażmissjoni ma’ pajjiż terz jew interkonnettur tal-idroġenu ma’ pajjiż terz rigward kwistjonijiet li jaqgħu, għalkollox jew parzjalment, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) 2024/1789, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tiegħu bil-miktub.
Dik in-notifika għandha tinkludi d-dokumentazzjoni rilevanti u indikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jridu jiġu indirizzati fin-negozjati jew rinegozjati, l-objettivi tan-negozjati u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, u għandha tintbagħat lill-Kummissjoni mill-anqas ħames xhur qabel il-bidu maħsub tan-negozjati.
3. Bħala segwitu għal notifika skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tawtorizza lill-Istat Membru kkonċernat jidħol f’negozjati formali ma’ pajjiż terz għall-parti li tista’ taffettwa r-regoli komuni tal-Unjoni, dment li ma jkunx jidhrilha li l-ftuħ ta’ dawk in-negozjati:
(a)
ikun f’kunflitt mal-liġi tal-Unjoni, li mhumiex l-inkompatibbiltajiet minħabba l-allokazzjoni tal-kompetenza bejn l-Unjoni u l-Istati Membri;
(b)
ikun ta’ detriment għall-funzjonament tas-swieq interni tal-gass naturali jew tal-idroġenu, għall-kompetizzjoni jew għas-sigurtà tal-provvista fi Stat Membru jew fl-Unjoni, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 194(1) TFUE;
(c)
idgħajjef l-objettivi tan-negozjati pendenti ta’ ftehimiet internazzjonali mill-Unjoni ma’ pajjiż terz;
(d)
ikun diskriminatorju.
4. Meta twettaq il-valutazzjoni skont il-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tqis jekk il-ftehim maħsub jikkonċernax linja tat-trażmissjoni jew pipeline upstream li jikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni ta’ provvisti u fornituri tal-gass naturali b’sorsi ġodda tal-gass naturali.
5. Fi żmien 90 jum mill-wasla tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tawtorizza jew tirrifjuta li tawtorizza lil Stat Membru jidħol f’negozjati biex jemenda, jestendi, jadatta, iġedded jew jikkonkludi ftehim ma’ pajjiż terz. Meta tkun meħtieġa informazzjoni addizzjonali biex tiġi adottata deċiżjoni, il-perjodu ta’ 90 jum għandu jibda jiddekorri mid-data tal-wasla ta’ dik l-informazzjoni addizzjonali.
6. Fil-każ li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tirrifjuta li tawtorizza lil Stat Membru jidħol f’negozjati biex jemenda, jestendi, jadatta, iġedded jew jikkonkludi ftehim ma’ pajjiż terz, hija għandha tinforma lill-Istat Membru konċernat kif xieraq u għandha tagħti r-raġunijiet għal dan.
7. Id-deċiżjonijiet li jawtorizzaw jew jirrifjutaw li jawtorizzaw lil Stat Membru jidħol f’negozjati biex jemenda, jestendi, jadatta, iġedded jew jikkonkludi ftehim ma’ pajjiż terz għandhom jiġu adottati, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2).
8. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi gwida u tista’ titlob l-inklużjoni ta’ klawżoli partikolari fil-ftehim propost, biex tiżgura l-kompatibbiltà mal-liġi tal-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2017/684 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (53).
9. Il-Kummissjoni għandha tinżamm infurmata dwar il-progress u r-riżultati ta’ dawk il-negozjati biex jiġi emendat, estiż, adattat, imġedded jew konkluż ftehim, matul l-istadji differenti ta’ dawk in-negozjati u tista’ titlob li tipparteċipa f’dawk in-negozjati bejn l-Istat Membru u l-pajjiż terz f’konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2017/684.
10. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-deċiżjonijiet adottati skont il-paragrafu 5.
11. Qabel ma jiffirma ftehim ma’ pajjiż terz, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-eżitu tan-negozjati u għandu jibgħat it-test tal-ftehim negozjat lill-Kummissjoni.
12. Malli ssir in-notifika skont il-paragrafu 11, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ftehim negozjat skont il-paragrafu 3. Meta l-Kummissjoni ssib li n-negozjati wasslu għal ftehim konformi mal-paragrafu 3, din għandha tawtorizza lill-Istat Membru biex jiffirma u jikkonkludi l-ftehim.
13. Fi żmien 90 jum mill-wasla tan-notifika msemmija fil-paragrafu 11, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tawtorizza jew li tirrifjuta li tawtorizza lil Stat Membru biex jiffirma u jikkonkludi l-ftehim ma’ pajjiż terz. Meta tkun meħtieġa informazzjoni addizzjonali biex tiġi adottata deċiżjoni, il-perjodu ta’ 90 jum għandu jibda jiddekorri mid-data tal-wasla ta’ dik l-informazzjoni addizzjonali.
14. Meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skont il-paragrafu 13 li tawtorizza lil Stat Membru biex jiffirma u jikkonkludi l-ftehim ma’ pajjiż terz, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar il-konklużjoni u d-dħul fis-seħħ tal-ftehim, u dwar kwalunkwe bidla sussegwenti fl-istatus ta’ dak il-ftehim.
15. Jekk il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tirrifjuta li tawtorizza lil Stat Membru jiffirma u jikkonkludi l-ftehim ma’ pajjiż terz skont il-paragrafu 13, din għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat kif xieraq u għandha tagħti r-raġunijiet għal dan.
Artikolu 90
Eżerċizzju ta’ delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 9, 62, 72, 80, 81 u 82 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal żmien indeterminat mill-4 ta’ Awwissu 2024.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 9, 62, 72, 80, 81 u 82 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kiftadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 9, 62, 72, 80, 81 jew 82 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 91
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 92
Rieżami u rappurtar
1. Sal-31 ta’ Diċembru 2030, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina din id-Direttiva u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma’ proposti leġiżlattivi xierqa, jekk ikun meħtieġ. Ir-rieżami għandu jistħarreġ b’mod partikolari l-applikazzjoni tal-Artikolu 9, u d-definizzjonijiet relatati fl-Artikolu 2, biex jiġi vvalutat jekk il-faċilitajiet li jibdew joperaw mill-1 ta’ Jannar 2031 jurux tnaqqis akbar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-użu tal-fjuwils b’livell baxx tal-karbonju u mill-użu tal-idroġenu b’livell baxx tal-karbonju biex ikunu jistgħu jirċievu ċertifikazzjoni skont dak l-Artikolu.
2. Sal-5 ta’ Awwissu 2035, il-Kummissjoni għandha tippubblika komunikazzjoni li tivvaluta l-implimentazzjoni tal-Artikolu 46 fir-rigward tal-operaturi tan-networks ta’ distribuzzjoni tal-idroġenu, u l-implimentazzjoni tal-Artikoli 68 u 69 fir-rigward tal-operaturi tan-networks ta’ trażmissjoni tal-idroġenu.
3. Sal-5 ta’ Awwissu 2034, l-ACER għandha, għall-fini tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, tippubblika rapport dwar l-impatt tal-Artikoli 46, 68 u 69 dwar il-funzjonament, il-kompetizzjoni, il-likwidità, l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-idroġenu u t-trasparenza tas-suq għall-idroġenu. Ir-rapport tal-ACER għandu jinkludi konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.
Artikolu 93
Emendi għad-Direttiva (UE) 2023/1791
Id-Direttiva (UE) 2023/1791 hija emendata kif ġej:
(1)
l-Artikoli 17 u 19 huma mħassra;
(2)
fl-Artikolu 39, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“L-Artikoli 13 sa 16, u l-Artikoli 18 u 20 u l-Annessi II, IX, XII, XIII u XIV għandhom japplikaw mit-12 ta’ Ottubru 2025 ”;
(3)
l-Anness VIII huwa mħassar.
Artikolu 94
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 2 sa 6, l-Artikoli 8 sa 31, l-Artikolu 33, l-Artikoli 35 sa 38, l-Artikolu 39(1), il-punt (a), l-Artikolu 39(3), (4), (7), (8) u (9), l-Artikolu 40(1), l-Artikoli 41, 42 u 43, l-Artikolu 44(1), (2), (7) u (8), l-Artikolu 45, l-Artikolu 46(2) u (3), l-Artikoli 50 sa 59, l-Artikolu 62, l-Artikolu 64(11), l-Artikoli 68 sa 75, l-Artikolu 76(5), l-Artikoli 77, 78 u 79, l-Artikolu 81(1) u (6), l-Artikoli 82 u 83, u l-Annessi I u II sal-5 ta’ Awwissu 2026. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew jinkludu referenza għaliha meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir dik ir-referenza u kif għandha titfassal dik id-dikjarazzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 95
Tħassir
Id-Direttiva 2009/73/KE, kif emendata bl-atti elenkati fl-Anness III, il-Parti A ta’ din id-Direttiva, hija mħassra b’effett mill-4 ta’ Awwissu 2024, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-limiti taż-żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u d-data ta’ applikazzjoni tad-Direttivi stipulati fl-Anness III, il-Parti B ta’ din id-Direttiva.
Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness IV.
Artikolu 96
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 93 għandu japplika mill-5 ta’ Awwissu 2026.
Artikolu 97
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ġunju 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
H. LAHBIB
(1) ĠU C 323, 26.8.2022, p. 101.
(2) ĠU C 498, 30.12.2022, p. 83.
(3) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ April 2024 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2024.
(4) Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).
(5) Id-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU L 176, 15.7.2003, p. 57).
(6) Ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54).
(7) Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).
(8) Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).
(9) ĠU C 371, 15.9.2021, p. 58.
(10) Ir-Regolament (UE) 2023/857 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u r-Regolament (UE) 2018/1999 (ĠU L 111, 26.4.2023, p. 1).
(11) Ir-Regolament (UE) 2023/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 sabiex tiġi prevista l-inklużjoni tal-attivitajiet tat-trasport marittimu fis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet u għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra addizzjonali u emissjonijiet minn tipi ta’ bastimenti addizzjonali (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 105).
(12) Ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 234, 22.9.2023, p. 48).
(13) Ir-Regolament (UE) 2023/2405 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi għal trasport bl-ajru sostenibbli (ReFuelEU Aviation) (ĠU L, 2023/2405, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2405/oj).
(14) Id-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ skambju ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Unjoni (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 134).
(15) Id-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-effiċjenza enerġetika u li temenda r-Regolament (UE) 2023/955 (ĠU L 231, 20.9.2023, p. 1).
(16) Id-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001, ir-Regolament (UE) 2018/1999 u d-Direttiva 98/70/KE fir-rigward tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 (ĠU L, 2023/2413, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2413/oj).
(17) Ir-Regolament (UE) 2024/1789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar is-swieq interni tal-gass rinnovabbli, il-gass naturali u idroġenu, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1227/2011, (UE) 2017/1938, (UE) 2019/942 u (UE) 2022/869 u d-Deċiżjoni (UE) 2017/684 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 (ĠU L, 2024/1789, 15.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1789/oj).
(18) Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1).
(19) Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).
(20) Ir-Regolament (UE) 2024/1787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/942 (ĠU L, 2024/1787, 15.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1787/oj).
(21) Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (GU L 280, 28.10.2017, p. 1).
(22) Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).
(23) Ir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 1).
(24) Ir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 22).
(25) Id-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75).
(26) Id-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210).
(27) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1563 tal-14 ta’ Ottubru 2020 dwar il-faqar enerġetiku (ĠU L 357, 27.10.2020, p. 35).
(28) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2407 tal-20 ta’ Ottubru 2023 dwar il-faqar enerġetiku (ĠU L, 2023/2407, 23.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2023/2407/oj).
(29) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).
(30) ĠU L 198, 20.7.2006, p. 18.
(31) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(32) Ir-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13).
(33) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(34) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju, C-543/17, ECLI:EU:C:2019:573.
(35) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(36) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(37) Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1).
(38) Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).
(39) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
(40) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(41) Ir-Regolament (UE) 2022/869. tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2009, (UE) 2019/942 u (UE) 2019/943 u d-Direttivi 2009/73/KE u (UE) 2019/944, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 45).
(42) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/996 tal-14 ta’ Ġunju 2022 dwar regoli biex jiġu vverifikati l-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-kriterji ta’ riskju baxx ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art (ĠU L 168, 27.6.2022, p. 1).
(43) Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).
(44) Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).
(45) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).
(46) Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).
(47) Id-Direttiva (UE) 2024/1275 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L, 2024/1275, 8.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1275/oj).
(48) Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63).
(49) Ir-Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2009, (UE) 2019/942 u (UE) 2019/943 u d-Direttivi 2009/73/KE u (UE) 2019/944, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 45).
(50) Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).
(51) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/703 tat-30 ta’ April 2015 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Network għar-Regoli dwar l-Interoperabbiltà u l-Iskambju tad-Data (ĠU L 113, 1.5.2015, p. 13).
(52) Ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1).
(53) Id-Deċiżjoni (UE) 2017/684 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi u strumenti mhux vinkolanti bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija, u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 994/2012/UE (ĠU L 99, 12.4.2017, p. 1).
ANNESS I
Rekwiżiti minimi għall-kontijiet u l-informazzjoni ta’ fatturazzjoni għall-gass naturali u għall-idroġenu
1. Informazzjoni minima li għandha tkun inkluża fuq il-kont u fl-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni għall-gass naturali u għall-idroġenu
1.1.
L-informazzjoni ewlenija li ġejja għandha tintwera b’mod prominenti lill-klijenti finali fil-kontijiet tagħhom, u għandha tkun separata b’mod distint minn partijiet oħra tal-kont:(a)
il-prezz li għandu jitħallas u diżaggregazzjoni tal-prezz fejn possibbli, flimkien ma’ dikjarazzjoni ċara li tgħid li s-sorsi kollha tal-enerġija jistgħu jibbenefikaw ukoll minn inċentivi li ma kinux iffinanzjati permezz tal-levies indikati fid-diżaggregazzjoni tal-prezz;
(b)
id-data sa meta huwa dovut il-ħlas.
1.2.
L-informazzjoni ewlenija li ġejja għandha tintwera b’mod prominenti lill-klijenti finali fil-kontijiet tagħhom u fl-informazzjoni ta’ fatturazzjoni, u għandha tkun separata b’mod distint minn partijiet oħra tal-kont u tal-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni:(a)
il-konsum tal-gass naturali u tal-idroġenu għall-perjodu ta’ fatturazzjoni;
(b)
l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-fornitur, flimkien ma’ numru telefoniku ta’ appoġġ għall-konsumaturi u indirizz tal-posta elettronika;
(c)
isem it-tariffa;
(d)
id-data tat-tmiem tal-kuntratt, jekk applikabbli;
(e)
informazzjoni dwar id-disponibbiltà u l-benefiċċju tal-bdil;
(f)
il-kodiċi tal-bdil tal-klijent finali jew il-kodiċi ta’ identifikazzjoni uniku għall-punt tal-provvista tal-klijent finali;
(g)
informazzjoni dwar id-drittijiet tal-klijenti finali fir-rigward ta’ soluzzjoni ta’ tilwim barra l-qorti, inkluż id-dettalji ta’ kuntatt tal-entità responsabbli skont l-Artikolu 25;
(h)
il-punt uniku ta’ kuntatt imsemmi fl-Artikolu 24;
(i)
għall-gass naturali biss, link jew referenza għal fejn jistgħu jinstabu l-għodod ta’ tqabbil imsemmija fl-Artikolu 14.
1.3.
Meta l-kontijiet ikunu bbażati fuq il-konsum reali jew fuq il-qari mill-bogħod mill-operatur, l-informazzjoni li ġejja għandha tkun magħmula disponibbli lill-klijenti finali fil-kontijiet jew mal-kontijiet ta’ saldu perjodiċi tagħhom, jew għandha tiġi indikata fihom:(a)
tqabbil, f’forma grafika, tal-konsum attwali tal-gass naturali u tal-idroġenu mill-klijent finali mal-konsum mill-klijent finali tul l-istess perjodu fis-sena preċedenti;
(b)
informazzjoni dwar kif jista’ jsir kuntatt ma’ korpi tal-konsumaturi, aġenziji tal-enerġija jew korpi oħra simili, inklużi indirizzi ta’ siti web, minn fejn wieħed jista’ jikseb informazzjoni dwar il-miżuri disponibbli għat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għal tagħmir li juża l-enerġija;
(c)
tqabbil ma’ klijent finali medju normalizzat jew ta’ punt ta’ riferiment fl-istess kategorija ta’ utenti.
2. Il-frekwenza tal-ħruġ tal-kontijiet u l-għoti ta’ informazzjoni ta’ fatturazzjoni:
(a)
il-ħruġ tal-kontijiet abbażi tal-konsum reali għandu jsir tal-anqas darba fis-sena;
(b)
meta l-klijent finali ma jkollux arloġġ li jippermetti l-qari mill-bogħod mill-operatur, jew meta l-klijent finali jkun għażel b’mod attiv li jwaqqaf il-qari mill-bogħod f’konformità mal-liġi nazzjonali, l-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni akkurata abbażi tal-konsum reali għandha tkun magħmula disponibbli għall-klijent finali tal-anqas kull sitt xhur, jew darba kull tliet xhur, fuq talba jew meta l-klijent finali jkun għażel li jirċievi l-kontijiet b’mod elettroniku;
(c)
meta l-klijent finali ma jkollux arloġġ li jippermetti l-qari mill-bogħod mill-operatur, jew meta l-klijent finali jkun għażel b’mod attiv li jwaqqaf il-qari mill-bogħod f’konformità mal-liġi nazzjonali, l-obbligi fil-punti (a) u (b) jistgħu jiġu ssodisfati permezz ta’ sistema ta’ qari tal-konsum li jsir b’mod regolari mill-klijent finali stess, fejn il-klijent finali jikkomunika l-qari mill-arloġġ lill-operatur; il-kontijiet jew l-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni jistgħu jkunu bbażati fuq l-istima tal-konsum jew fuq rata fissa biss meta l-klijent finali ma jkunx ipprovda qari tal-arloġġ għal perjodu partikolari ta’ fatturazzjoni. L-istima tal-konsum għandha tkun ibbażata fuq il-konsum tas-sena ta’ qabel mill-klijent finali jew fuq il-konsum ta’ klijent finali komparabbli;
(d)
meta l-klijent finali jkollu arloġġ li jippermetti l-qari mill-bogħod mill-operatur, għandha tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-fatturazzjoni akkurata abbażi tal-konsum reali tal-anqas kull xahar; tali informazzjoni tista’ wkoll tiġi magħmula disponibbli permezz tal-internet, u għandha tiġi aġġornata l-aktar ta’ sikwit possibbli skont kif jippermettu l-apparat u s-sistemi ta’ kejl użati.
3. Diżaggregazzjoni tal-prezz tal-klijent finali
Il-prezz tal-klijent finali huwa l-ammont totali tat-tliet komponenti li ġejjin: il-komponent tal-enerġija u tal-provvista, il-komponent tan-network (trażmissjoni, distribuzzjoni, trasport) u l-komponent li jinkludi t-taxxi, il-levies, it-tariffi u l-imposti.
Meta d-diżaggregazzjoni tal-prezz tal-klijent finali tiġi ppreżentata fil-kontijiet, f’dik id-diżaggregazzjoni, fl-Unjoni kollha, għandhom jintużaw id-definizzjonijiet komuni tat-tliet komponenti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/1952 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
4. Aċċess għal informazzjoni komplementari dwar il-konsum storiku
L-Istati Membri għandhom jeżiġu li, sa fejn tkun disponibbli l-informazzjoni komplementari dwar il-konsum storiku, tali informazzjoni titqiegħed, fuq talba tal-klijent finali, għad-dispożizzjoni tal-fornitur jew tal-fornitur tas-servizzi deżinjat mill-klijent finali.
Meta l-klijent finali jkollu arloġġ li jippermetti l-qari mill-bogħod mill-operatur, il-klijent finali għandu jkollu aċċess faċli għal informazzjoni komplementari dwar il-konsum storiku biex b’hekk ikun jista’ jwettaq awtokontrolli dettaljati.
L-informazzjoni komplementari dwar il-konsum storiku għandha tinkludi:
(a)
data kumulattiva għal mill-anqas it-tliet snin preċedenti jew għall-perjodu mill-bidu tal-kuntratt għall-forniment tal-gass, jekk dak il-perjodu jkun iqsar. Id-data għandha tikkorrispondi għall-perjodi li għalihom tkun ġiet prodotta informazzjoni frekwenti dwar il-fatturazzjoni; u
(b)
data dettaljata skont il-ħin tal-użu għal kull jum, ġimgħa, xahar u sena, li tkun magħmula disponibbli għall-klijent finali mingħajr dewmien żejjed permezz tal-internet jew permezz tal-interfaċċa tal-arloġġ, li tkopri l-perjodu ta’ mill-inqas 24 xahar preċedenti jew il-perjodu mill-bidu tal-kuntratt għall-forniment tal-gass, jekk dak il-perjodu jkun iqsar.
5. Divulgazzjoni tas-sorsi tal-enerġija
Fil-kontijiet, il-fornituri għandhom jispeċifikaw is-sehem ta’ gass rinnovabbli u, separatament, is-sehem ta’ gass b’livell baxx tal-karbonju mixtri mill-klijent finali f’konformità mal-kuntratt ta’ provvista tal-gass naturali u tal-idroġenu (divulgazzjoni fil-livell tal-prodott). Fil-każ ta’ taħlita, il-fornitur għandu jipprovdi l-istess informazzjoni separatament għal kategoriji differenti ta’ gass, inkluż il-gass rinnovabbli jew il-gass b’livell baxx tal-karbonju.
L-informazzjoni li ġejja għandha tkun magħmula disponibbli lill-klijenti finali fil-kontijiet jew mal-kontijiet tagħhom, jew fl-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni jew magħha, jew għandha tiġi indikata fihom:
(a)
is-sehem ta’ gass rinnovabbli u gass b’livell baxx tal-karbonju fit-taħlita tal-fornitur (fil-livell nazzjonali, jiġifieri fl-Istat Membru li fih ikun ġie konkluż il-kuntratt tal-provvista tal-gass, kif ukoll fil-livell tal-fornitur jekk il-fornitur ikun attiv f’diversi Stati Membri) matul is-sena preċedenti b’mod komprensibbli u li jista’ jitqabbel b’mod ċar;
(b)
informazzjoni dwar l-impatt ambjentali, għall-inqas f’termini ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju li jirriżultaw mill-gass naturali jew l-idroġenu fornut mill-fornitur matul is-sena preċedenti.
Fir-rigward tal-punt (a) tat-tieni paragrafu, fir-rigward ta’ gass naturali u idroġenu miksuba permezz ta’ skambju tal-gass jew li jkunu ġew importati minn impriża li tinsab barra l-Unjoni, jistgħu jintużaw ċifri aggregati pprovduti mill-iskambju jew mill-impriża inkwistjoni matul is-sena preċedenti.
Id-divulgazzjoni tas-sehem ta’ gass rinnovabbli mixtri mill-klijenti finali għandha ssir bl-użu ta’ garanziji tal-oriġini bbażati fuq id-Direttiva (UE) 2018/2001. Meta klijent jikkonsma gass naturali jew idroġenu minn network tal-idroġenu jew tal-gass naturali, inkluż karburanti gassużi rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-bijometan, kif muri fl-offerta kummerċjali mill-fornitur, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-garanziji tal-oriġini li jiġu kkanċellati jikkorrispondu mal-karatteristiċi rilevanti tan-network.
L-awtorità regolatorja jew awtorità kompetenti nazzjonali oħra għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-informazzjoni mogħtija mill-fornituri lill-klijenti finali skont dan il-punt tkun affidabbli u tiġi pprovduta f’livell nazzjonali b’mod li tista’ titqabbel b’mod ċar.
(1) Ir-Regolament (UE) 2016/1952 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-istatistika Ewropea tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku li jħassar id-Direttiva 2008/92/KE (ĠU L 311, 17.11.2016, p. 1).
ANNESS II
Sistemi ta’ kejl intelliġenti fil-gass naturali u l-idroġenu
1.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-użu ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti fit-territorji tagħhom iseħħ biss wara valutazzjoni ekonomika tal-kostijiet u l-benefiċċji kollha fit-tul għas-suq u għall-konsumatur individwali jew liema forma ta’ kejl intelliġenti tkun raġonevoli ekonomikament u kosteffettiva u liema perjodu ta’ żmien ikun fattibbli għad-distribuzzjoni tagħhom.
2.
Tali valutazzjoni ekonomika għandha tqis il-pjanijiet ta’ żvilupp tan-networks skont l-Artikolu 55, b’mod partikolari l-paragrafu 2, il-punt (c) tiegħu, dwar id-dekummissjonar tan-networks.
3.
Tali valutazzjoni għandha tqis il-metodoloġija tal-analiżi kost-benefiċċji u l-funzjonalitajiet minimi għas-sistemi ta’ kejl intelliġenti previsti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2012/148/UE (1) sa fejn dawn ikunu applikabbli għall-gass naturali u l-idroġenu, kif ukoll l-aqwa tekniki disponibbli biex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ ċibersigurtà u protezzjoni tad-data.Tali valutazzjoni għandha tikkunsidra wkoll b’mod xieraq is-sinerġiji potenzjali ma’ xi infrastruttura ta’ kejl intelliġenti tal-elettriku li diġà ġiet introdotta, jew alternattivi għal introduzzjonijiet selettivi ta’ każijiet li jistgħu jagħtu benefiċċji netti malajr biex il-kostijiet jinżammu taħt kontroll.
4.
Skont dik il-valutazzjoni, l-Istati Membri għandhom iħejju kalendarju b’mira ta’ sa għaxar snin għall-użu ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti. Meta l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti tiġi vvalutata b’mod pożittiv, mill-inqas 80 % tal-klijenti finali għandhom ikunu mgħammra b’arloġġi intelliġenti fi żmien seba’ snin mid-data tal-valutazzjoni pożittiva.
(1) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2012/148/UE tad-9 ta’ Marzu 2012 dwar it-tħejjijiet għall-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ metraġġ intelliġenti (ĠU L 73, 13.3.2012, p. 9).
ANNESS III
Parti A
Direttiva mħassra flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tagħha (imsemmija fl-Artikolu 95)
Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94)
Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1)
L-Artikolu 51 biss
Direttiva (UE) 2019/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 117, 3.5.2019, p. 1)
Ir-Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 45)
L-Artikolu 41(1), il-punt (v) biss
Parti B
Limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u data ta’ applikazzjoni (imsemmija fl-Artikolu 95)
Direttiva
Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni
Data ta’ applikazzjoni
Direttiva 2009/73/KE
3 ta’ Marzu 2011
3 ta’ Marzu 2011, ħlief fir-rigward tal-Artikolu 11;
3 ta’ Marzu 2013 fir-rigward tal-Artikolu 11
Direttiva (UE) 2019/692
24 ta’ Frar 2020
ANNESS IV
Tabella ta’ korrelazzjoni
Direttiva 2009/73/KE
Din id-Direttiva
—
Artikolu 1(1)
Artikolu 1(1)
Artikolu 1(2)
Artikolu 1(2)
—
—
Artikolu 1(3)
—
Artikolu 1(4)
—
Artikolu 1(5)
Artikolu 2, il-kliem introduttorju
Artikolu 2, il-kliem introduttorju
—
Artikolu 2, il-punti 1 sa 14
Artikolu 2, il-punt 1
Artikolu 2, il-punt 15
Artikolu 2, il-punt 2
Artikolu 2, il-punt 16
Artikolu 2, il-punt 3
Artikolu 2, il-punt 17
Artikolu 2, il-punt 4
Artikolu 2, il-punt 18
Artikolu 2, il-punt 5
Artikolu 2, il-punt 19
Artikolu 2, il-punt 6
Artikolu 2, il-punt 20
—
Artikolu 2, il-punti 21 sa 27
Artikolu 2, il-punt 7
Artikolu 2, il-punt 28
Artikolu 2, il-punt 8
Artikolu 2, il-punt 29
—
Artikolu 2, punt 30
Artikolu 2, il-punt 9
Artikolu 2, il-punt 31
Artikolu 2, il-punt 10
Artikolu 2, il-punt 32
Artikolu 2, il-punt 11
Artikolu 2, il-punt 33
Artikolu 2, il-punt 12
Artikolu 2, il-punt 34
Artikolu 2, il-punt 13
Artikolu 2, il-punt 35
Artikolu 2, il-punt 14
Artikolu 2, il-punt 36
Artikolu 2, il-punt 15
Artikolu 2, il-punt 37
Artikolu 2, il-punt 16
Artikolu 2, il-punt 38
Artikolu 2, il-punt 17
Artikolu 2, il-punt 39
—
Artikolu 2, il-punt 40
Artikolu 2, il-punt 18
Artikolu 2, il-punt 41
Artikolu 2, il-punt 19
Artikolu 2, il-punt 42
Artikolu 2, il-punt 20
Artikolu 2, il-punt 43
Artikolu 2, il-punt 21
Artikolu 2, il-punt 44
Artikolu 2, il-punt 22
Artikolu 2, il-punt 45
Artikolu 2, il-punt 23
Artikolu 2, il-punt 46
Artikolu 2, il-punt 24
Artikolu 2, il-punt 47
Artikolu 2, il-punt 25
Artikolu 2, il-punt 48
Artikolu 2, il-punt 26
Artikolu 2, il-punt 49
Artikolu 2, il-punt 27
Artikolu 2, il-punt 50
Artikolu 2, il-punt 29
Artikolu 2, il-punt 51
—
Artikolu 2, il-punt 52
Artikolu 2, il-punt 34
Artikolu 2, il-punt 53
Artikolu 2, il-punt 35
Artikolu 2, il-punt 54
Artikolu 2, il-punt 36
Artikolu 2, il-punt 55
—
Artikolu 2, il-punti 56 sa 77
Artikolu 37
Artikolu 3(1)
—
Artikolu 3(2) sa (7)
–Artikolu 3(2)
Artikolu 4
—
Artikolu 5
Artikolu 3(1) u (2)
Artikolu 6(1) u (2)
—
Artikolu 6(3) u (4)
Artikolu 5 (11)
Artikolu 6(5)
—
Artikolu 6(6)
Artikolu 7(1) u (2)
Artikolu 7(1) u (2)
Artikolu 7(3)
—
Artikolu 7(4)
Artikolu 7(3)
Artikolu 4 (1) u (2)
Artikolu 8 (1) u (2)
—
Artikolu 8 (3) sa (11)
Artikolu 4 (3) u (4)
Artikolu 8 (12) u (13)
—
Artikolu 8 (14) u (15)
—
Artikolu 9
Artikolu 8
Artikolu 10
Artikolu 3(3) u (12), u l-Anness I, il-paragrafu 1, il-punti (a), (b), (c), (d), (e), (f), (g), u (j)
Artikolu 11
—
Artikolu 12
—
Artikolu 13
—
Artikolu 14
—
Artikolu 15
–Anness I, il-paragrafu 1, il-punt (i)
Artikoli 16 u 19
–Anness I, il-paragrafu 2
Artikolu 17
—
Artikolu 18
—
Artikolu 20
—
Artikolu 21
–Anness I, il-paragrafu 1, il-punt (h)
Artikolu 22
—
Artikolu 23
–Artikolu 3(9)
Artikolu 24
–Artikolu 3(9) u l-Anness I, il-paragrafu 1, il-punt (f)
Artikolu 25
Artikolu 3(3)
Artikolu 26
—
Artikolu 27
—
Artikolu 28
—
Artikolu 29
—
Artikolu 30
Artikolu 32
Artikolu 31
Artikolu 34
Artikolu 32
Artikolu 33
Artikolu 33
Artikolu 38
Artikolu 34
—
Artikolu 35
—
Artikolu 36
—
Artikolu 37
Artikolu 35
Artikolu 38(1) u (2)
—
Artikolu 38(3) sa (6)
Artikolu 13(1) u (2)
Artikolu 39(1) u (2)
—
Artikolu 39(3) u (4)
Artikolu 13(3) u (4)
Artikolu 39(5) u (6)
—
Artikolu 39(7), (8) u (9)
Artikolu 13(5)
Artikolu 39(10)
Artikolu 16
Artikolu 40
—
Artikolu 41
Artikolu 23
Artikolu 42
Artikolu 24
Artikolu 43
Artikolu 25(1)
Artikolu 44(1)
—
Artikolu 44(2)
Artikolu 25(2) sa (5)
Artikolu 44(3) sa (6)
—
Artikolu 44(7) u (8)
—
Artikolu 45
Artikolu 26
Artikolu 46
Artikolu 27
Artikolu 47
Artikolu 28(1) sa (4)
Artikolu 48(1) sa (4)
—
Artikolu 48(5)
Artikolu 29
Artikolu 49(1)
—
Artikolu 49(2) u (3)
—
Artikolu 50
—
Artikolu 51
—
Artikolu 52
—
Artikolu 53
—
Artikolu 54
Artikolu 22(1)
Artikolu 55(1) l-ewwel subparagrafu
—
Artikolu 55(1) it-tieni sal-ħames subparagrafi
Artikolu 22(2)
Artikolu 55(2)
—
Artikolu 55(3)
Artikolu 22(4) sa (8)
Artikolu 55(4) sa (8)
—
Artikolu 56
—
Artikolu 57
—
Artikolu 58
—
Artikolu 59
Artikolu 9
Artikolu 60
Artikolu 14
Artikolu 61
Artikolu 15
Artikolu 62
Artikolu 17
Artikolu 63
Artikolu 18(1) sa (10)
Artikolu 64(1) sa (10)
—
Artikolu 64(11)
Artikolu 19
Artikolu 65
Artikolu 20
Artikolu 66
Artikolu 21
Artikolu 67
—
Artikolu 68
—
Artikolu 69
—
Artikolu 70
Artikolu 10
Artikolu 71
Artikolu 11
Artikolu 72
Artikolu 12
Artikolu 73
Artikolu 30
Artikolu 74
Artikolu 31
Artikolu 75
Artikolu 39
Artikolu 76(1) sa (5)
—
Artikolu 76(6)
Artikolu 40
Artikolu 77
Artikolu 41(1) sa (4)
Artikolu 78(1) sa (4)
—
Artikolu 78(5)
Artikolu 41(5) sa (9)
Artikolu 78(6) sa (10)
Artikolu 41(10) sa (17)
Artikolu 79(1) sa (8)
Artikolu 42
Artikolu 80
Artikolu 43
Artikolu 81
Artikolu 44
Artikolu 82
Artikolu 46(1)
Artikolu 83
Artikolu 46(2) u (3)
—
Artikolu 47
Artikolu 84
Artikolu 48a
Artikolu 85
—
Artikolu 86
—
Artikolu 87
Artikolu 49a
Artikolu 88(1), (2) u (3)
—
Artikolu 88(4)
Artikolu 49b
Artikolu 89
—
Artikolu 90
—
Artikolu 91
—
Artikolu 92
—
Artikolu 93
Artikolu 54
Artikolu 94
Artikolu 53
Artikolu 95
Artikolu 55
Artikolu 96
Artikolu 56
Artikolu 97
—
Anness I
—
Anness II
—
Anness III
Anness II
Anness IV
ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1788/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)
Top