Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea
MT
Is-serje L
2026/1021
11.5.2026
DIRETTIVA (UE) 2026/1021 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tad-29 ta’ April 2026
dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/ĠAI u l-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(1), il-punt (d), u l-Artikolu 83(1) u (2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),
Billi:
(1)
Il-korruzzjoni għadha problema sinifikanti fil-livell tal-Unjoni, li thedded l-istabbiltà u s-sigurtà tas-soċjetajiet, inkluż billi tippermetti l-kriminalità organizzata u kriminalità serja oħra. Il-korruzzjoni ddgħajjef l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-valuri universali li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, b’mod partikolari l-istat tad-dritt, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Hija tipperikola l-iżvilupp, il-prosperità u s-sostenibbiltà u l-inklużività tal-ekonomiji tagħna. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija essenzjali għat-tisħiħ tal-kwalità tad-demokrazija u għat-twettiq sħiħ tal-istat tad-dritt. Sabiex tiġi evitata u miġġielda b’mod effettiv il-korruzzjoni, huwa meħtieġ approċċ komprensiv u multidixxiplinari. L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tindirizza l-korruzzjoni permezz tad-dritt kriminali, u b’hekk tippermetti kooperazzjoni transfruntiera aħjar bejn l-awtoritajiet kompetenti.
(2)
Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/ĠAI (4) tistabbilixxi rekwiżiti dwar il-kriminalizzazzjoni tal-korruzzjoni fir-rigward tas-settur privat. Il-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3(2)(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (5) (il-“Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea”) tindirizza ċerti atti ta’ korruzzjoni li jinvolvu uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri b’mod ġenerali. Madankollu, dawk l-istrumenti ma humiex komprensivi biżżejjed, u l-kriminalizzazzjoni attwali tal-korruzzjoni tvarja bejn l-Istati Membri, u dan ixekkel rispons koerenti u effettiv madwar l-Unjoni. Tfaċċaw ukoll lakuni fl-infurzar u ostakli fil-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri differenti. Din id-Direttiva għandha l-għan li temenda u tespandi d-dispożizzjonijiet ta’ dawk l-istrumenti. Peress li l-emendi li għandhom isiru huma ta’ għadd u natura sostanzjali, jenħtieġ li ż-żewġ strumenti, fl-interess taċ-ċarezza, jiġu sostitwiti fl-intier tagħhom fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva.
(3)
Jenħtieġ li l-qafas legali eżistenti jiġi aġġornat u msaħħaħ biex jiffaċilita ġlieda effettiva kontra l-korruzzjoni madwar l-Unjoni. Din id-Direttiva għandha l-għan li tikkriminalizza r-reati ta’ korruzzjoni meta jitwettqu intenzjonalment. L-intenzjoni u l-għarfien jistgħu jiġu dedotti minn ċirkostanzi oġġettivi u fattwali. Billi din id-Direttiva tipprevedi regoli minimi, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jadottaw jew iżommu regoli aktar stretti rigward reati ta’ korruzzjoni. Din id-Direttiva tibni fuq il-qafas legali eżistenti u jenħtieġ li ma tiġix interpretata bħala li għandha l-għan li ddgħajjef ir-regoli nazzjonali attwali kontra l-korruzzjoni.
(4)
Il-korruzzjoni hija fenomenu tranżnazzjonali li jaffettwa s-soċjetajiet u l-ekonomiji kollha. Jenħtieġ li l-miżuri adottati fil-livell nazzjonali jew tal-Unjoni jirrikonoxxu dik id-dimensjoni internazzjonali. Għalhekk jenħtieġ li l-azzjoni tal-Unjoni tqis il-ħidma tal-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (GRECO), tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC).
(5)
Manifestazzjonijiet differenti ta’ korruzzjoni jeħtieġu approċċ ikkoordinat u armonizzat fost l-Istati Membri biex jindirizzaw il-kawżi fundamentali u l-konsegwenzi tagħha b’mod effettiv. Sabiex il-korruzzjoni tiġi indirizzata b’mod effettiv, huma meħtieġa mekkaniżmi kemm preventivi kif ukoll repressivi. L-Istati Membri huma mħeġġa jieħdu firxa wiesgħa ta’ miżuri preventivi, leġiżlattivi u kooperattivi bħala parti mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Filwaqt li l-korruzzjoni hija qabelxejn reat kriminali u reati speċifiċi ta’ korruzzjoni u reati relatati mal-korruzzjoni huma definiti fil-liġi nazzjonali u dak internazzjonali, in-nuqqasijiet fl-integrità, il-kunflitti ta’ interess mhux żvelati jew il-ksur serju tar-regoli tal-integrità jistgħu jirriżultaw f’reati ta’ korruzzjoni jekk ma jiġux indirizzati. Il-prevenzjoni tal-korruzzjoni timmitiga l-ħtieġa ta’ repressjoni kriminali u għandha benefiċċji aktar wiesgħa fil-promozzjoni tal-fiduċja pubblika u fil-ġestjoni tal-imġiba tal-uffiċjali pubbliċi. Approċċi effettivi kontra l-korruzzjoni fl-Istati Membri kollha jenħtieġ li jibnu fuq miżuri biex jissaħħu t-trasparenza u l-integrità, inkluż permezz ta’ regolamentazzjoni f’oqsma bħall-kunflitt ta’ interess, il-lobbjar u r-revolving doors. Jenħtieġ li l-korpi pubbliċi jfittxu l-ogħla standards ta’ integrità, trasparenza u ħelsien minn influwenza indebita bħala parti importanti mill-indirizzar tal-korruzzjoni b’mod aktar wiesa’. Servizz pubbliku b’persunal ta’ livell għoli ta’ ħiliet u ta’ integrità huwa pilastru fundamentali għal Stati Membri effiċjenti, trasparenti u effettivi li jimmiraw li jeqirdu l-korruzzjoni b’mod effettiv. It-tisħiħ tat-trasparenza, l-effiċjenza u l-użu ta’ kriterji oġġettivi fir-reklutaġġ u l-promozzjoni ta’ uffiċjali pubbliċi jistgħu jgħinu biex jinkiseb ir-reklutaġġ ta’ persunal bħal dan. Peress li s-settur privat ukoll jaqdi rwol ewlieni fil-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-korruzzjoni, l-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ konformità robusti u effettivi f’kumpaniji privati. Sabiex jiġi żgurat approċċ komuni rigward l-effettività ta’ tali mekkaniżmi ta’ konformità, li jistgħu jinkludu mappa tar-riskju, kodiċi ta’ kondotta, evalwazzjoni minn parti terza, u kontroll u awditu intern, l-Istati Membri jistgħu jikkooperaw fl-iżvilupp ta’ linji gwida komuni.
(6)
Filwaqt li din id-Direttiva tirrispetta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tal-kostituzzjonijiet, il-prinċipji kostituzzjonali u l-liġijiet nazzjonali, huwa enfasizzat li l-protezzjoni mhux mistħoqqa mogħtija lil individwi – b’mod partikolari dawk li jokkupaw kariga pubblika – mill-obbligu ta’ rendikont għal reati ta’ korruzzjoni tista’ ddgħajjef il-fiduċja pubblika b’mod inkompatibbli mal-objettivi ta’ din id-Direttiva.
(7)
Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija istituzzjonali u amministrattiva tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom korpi jew unitajiet organizzazzjonali inkarigati mill-prevenzjoni u r-repressjoni tal-korruzzjoni. L-Istati Membri mhumiex obbligati, skont din id-Direttiva, joħolqu korpi jew unitajiet organizzazzjonali ġodda, bħall-qrati jew tribunali speċjalizzati, u jistgħu jiddeċiedu li jinkarigaw lill-istess korp jew unità organizzazzjonali b’funzjonijiet kemm preventivi kif ukoll repressivi kif ukoll b’kompiti relatati ma’ reati kriminali oħra, bħall-kriminalità organizzata. F’konformità mal-prinċipju tal-awtonomija tal-Istati Membri, tali korpi jew unitajiet mhux neċessarjament jeħtieġu li jkunu korpi ċentrali jew unitajiet organizzazzjonali. B’rispett sħiħ tal-awtonomija istituzzjonali u amministrattiva tal-Istati Membri, meta tali korpi kontra l-korruzzjoni jkollhom is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet dwar każijiet miġjuba għall-attenzjoni tagħhom jew identifikati minnhom, jew jagħtu kwalunkwe rakkomandazzjoni li jqisu meħtieġa, jenħtieġ li joperaw mingħajr interferenza żejda jew influwenza indebita ta’ oħrajn, u b’hekk ikunu mħarsa minn interventi jew pressjoni esterni żejda. Sabiex jiġi żgurat li tali korpi jew unitajiet organizzazzjonali joperaw b’mod effettiv, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-riżorsi u s-setgħat allokati lil tali korpi jew unitajiet organizzazzjonali jkunu proporzjonati mal-amministrazzjoni tajba tal-kompiti tagħhom u jippermettu għarfien speċjalizzat dwar il-prevenzjoni u r-repressjoni tal-korruzzjoni.
(8)
Sabiex iċ-ċittadini jkunu ssensibilizzati aktar dwar l-ambitu, il-karatteristiċi u l-effetti tal-korruzzjoni, jenħtieġ li jkun possibbli li jittieħdu diversi miżuri, inkluż f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti bħas-soċjetà ċivili, id-dinja akkademika u l-media. Tali miżuri jistgħu jinkludu, pereżempju, sorsi ddedikati ta’ informazzjoni, kompilazzjonijiet ta’ pubblikazzjonijiet u regolamentazzjoni rilevanti, u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u seminars miftuħa għall-pubbliku u b’lingwa aċċessibbli.
(9)
L-Unjoni hija parti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Korruzzjoni (UNCAC), li hija l-aktar strument legali internazzjonali komprensiv għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li jikkombina miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Din tirrikjedi li l-partijiet għall-Konvenzjoni jieħdu miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra biex jistabbilixxu reati kriminali rigward it-tixħim, il-miżapproprjazzjoni u l-ħasil tal-flus u jikkunsidraw li jieħdu miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra biex jikkriminalizzaw atti addizzjonali, bħall-abbuż tal-uffiċċju, l-eżerċitar ta’ influwenza u l-arrikkiment illeċitu. F’konformità mal-impenji li jinsabu fid-dikjarazzjoni politika adottata fis-sessjoni speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2021 kontra l-korruzzjoni bl-isem “Our common commitment to effectively addressing challenges and implementing measures to prevent and combat corruption and strengthen international cooperation” (L-impenn komuni tagħna li nindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi u nimplimentaw miżuri biex nipprevjenu u niġġieldu l-korruzzjoni u nsaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali), jenħtieġ li l-Unjoni, sa fejn ikun possibbli, tmur lil hinn mir-rekwiżiti minimi tal-UNCAC u tistabbilixxi miżuri addizzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Din id-Direttiva tibbaża fuq l-osservazzjonijiet u l-aħjar prattiki li joħorġu mill-Mekkaniżmu għar-Rieżami tal-Implimentazzjoni tal-UNCAC.
(10)
B’kont meħud tal-evoluzzjoni tat-theddid ta’ korruzzjoni, l-obbligi legali tal-Unjoni u l-Istati Membri skont id-dritt internazzjonali, u l-iżvilupp ta’ oqfsa legali nazzjonali, jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ reati ta’ korruzzjoni tiġi approssimata aktar fl-Istati Membri kollha sabiex tkopri l-imġiba korrotta b’mod aktar komprensiv.
(11)
Biex tiġi evitata l-impunità għar-reati ta’ korruzzjoni fis-settur pubbliku, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li jiġi definit sewwa. L-ewwel nett, jenħtieġ li l-kunċett ta’ uffiċjal pubbliku jkopri wkoll persuni li jaħdmu f’organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluż l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni u fil-qrati internazzjonali. It-tieni, billi ħafna entitajiet jew persuni jeżerċitaw funzjonijiet pubbliċi mingħajr ma jkollhom kariga formali, jenħtieġ li l-kunċett ta’ uffiċjal pubbliku jkopri l-uffiċjali rilevanti kollha, kemm jekk maħtura, eletti jew impjegati abbażi ta’ kuntratt, li jkollhom kariga amministrattiva jew ġudizzjarja formali, kif ukoll il-persuni kollha li jipprovdu servizz pubbliku, li jkunu ngħataw awtorità pubblika jew li jkunu soġġetti għall-kontroll jew għas-superviżjoni ta’ awtoritajiet pubbliċi fir-rigward tat-twettiq ta’ tali funzjoni ta’ servizz pubbliku, anki jekk ma jkollhomx kariga formali. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li d-definizzjoni ta’ uffiċjal pubbliku tkopri wkoll persuni li jaqdu funzjonijiet ta’ servizz pubbliku f’intrapriżi tal-Istat u f’dawk ikkontrollati mill-Istat, kif ukoll f’fondazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-assi u f’kumpaniji privati li jwettqu funzjonijiet ta’ servizz pubbliku u fil-persuni ġuridiċi stabbiliti jew miżmuma minnhom. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li kwalunkwe persuna li jkollha kariga leġiżlattiva fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali tiġi assimilata ma’ uffiċjal nazzjonali f’konformità mal-liġi nazzjonali.
(12)
Jenħtieġ li l-uffiċjali ta’ livell għoli jinftiehmu bħala persuni li jeżerċitaw funzjonijiet eżekuttivi, amministrattivi, leġiżlattivi jew ġudizzjarji ewlenin. Tali funzjonijiet jistgħu jinkludu l-parteċipazzjoni b’mod attiv fl-iżvilupp jew fl-eżekuzzjoni ta’ funzjonijiet governattivi, id-determinazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki, l-infurzar tal-liġijiet, il-proposta jew l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ digrieti amministrattivi jew normattivi, it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar in-nefqa tal-gvern u t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-ħatra ta’ individwi għal funzjonijiet eżekuttivi, amministrattivi, leġiżlattivi jew eżekuttivi ġudizzjarji ewlenin, kif ukoll id-deċiżjonijiet f’kawżi tal-qorti. L-uffiċjali ta’ livell għoli jistgħu jinkludu uffiċjali nazzjonali bħall-kapijiet tal-gvern ċentrali u reġjonali, il-membri tal-gvern ċentrali u reġjonali, il-viċi Ministri, is-segretarji tal-istat, il-konsulenti politiċi ewlenin, il-kapijiet u l-membri tal-uffiċċju jew tal-kabinett privat ta’ Ministru meta dawn ikunu ġew stabbiliti, kif ukoll il-membri tal-kmamar parlamentari, il-membri tal-qrati kostituzzjonali u dawk supremi, il-prosekutur ġenerali, u l-membri tal-istituzzjonijiet supremi tal-awditu, kif ukoll il-membri tal-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.
(13)
Huwa meħtieġ li jissaħħaħ il-qafas legali għall-ġlieda kontra t-tixħim u li jiġi żgurat li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-prosekuzzjoni jkunu mgħammra b’għodod effettivi u proporzjonati. Fil-kuntest tat-tixħim tal-uffiċjali pubbliċi, tista’ ssir distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ tixħim. It-tixħim attiv fis-settur pubbliku jseħħ meta persuna twiegħed, toffri jew tagħti vantaġġ indebitu ta’ kwalunkwe tip sabiex tinfluwenza uffiċjal pubbliku. It-tixħim passiv fis-settur pubbliku jseħħ meta l-uffiċjal pubbliku jitlob jew jirċievi tali vantaġġi indebiti, jew jaċċetta l-offerta jew il-wegħda tagħhom sabiex jaġixxi jew joqgħod lura milli jaġixxi b’ċertu mod. Il-vantaġġi jistgħu jkunu tanġibbli jew intanġibbli, u pekunarji jew mhux pekunarji. Vantaġġ ma jitqiesx indebitu meta, pereżempju, ikun permess mil-liġi jew minn regoli amministrattivi jew f’każijiet ta’ rigali żgħar jew rigali ta’ valur baxx ħafna. Jenħtieġ li din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll regoli minimi dwar it-tixħim u forom oħra ta’ korruzzjoni fis-settur privat fejn il-vittmi immedjati jinkludu kumpaniji affettwati inġustament u fejn il-kompetizzjoni ħielsa tista’ tonqos b’kull tixħim. Ir-reat ta’ tixħim fis-settur pubbliku huwa msejjes fuq ir-reati ta’ korruzzjoni passiva u attiva definiti fl-Artikoli 2 u 3 tal-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li ma jiġix interpretat jew applikat b’mod li jkun aktar klementi minn dawk id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni.
(14)
Imġiba minn diretturi jew ħaddiema ta’ entitajiet tas-settur privat li tikser id-dmirijiet professjonali matul attivitajiet ekonomiċi, finanzjarji jew kummerċjali tista’ tkun ta’ detriment għall-interessi ta’ kumpanija tas-settur privat, u tista’ wkoll tfixkel il-kompetizzjoni fir-rigward tax-xiri ta’ oġġetti jew servizzi kummerċjali għad-detriment kemm ta’ kompetituri potenzjali kif ukoll tal-pubbliku ġenerali. Il-kriminalizzazzjoni tat-tixħim fis-settur privat għandha l-għan li tiskoraġġixxi ż-żewġ tipi ta’ ħsara. Jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-interferenza minn partijiet terzi fil-kondotta ġusta tan-negozju billi jwiegħdu, joffru jew jagħtu kwalunkwe vantaġġ indebitu lid-diretturi jew lill-ħaddiema ta’ entitajiet tas-settur privat biex dawn jaġixxu jew joqogħdu lura milli jaġixxu, bi ksur ta’ dmirijiethom (tixħim attiv fis-settur privat). Jenħtieġ li r-reat ikopri wkoll lid-diretturi u lill-ħaddiema ta’ entitajiet tas-settur privat milli jitolbu jew jirċievu kwalunkwe vantaġġ indebitu, jew milli jaċċettaw l-offerta jew il-wegħda ta’ offerta, biex jaġixxu jew joqogħdu lura milli jaġixxu, bi ksur ta’ dmirijiethom (tixħim passiv fis-settur privat).
(15)
Sabiex jiġi żgurat li l-uffiċjali pubbliċi, intenzjonalment, ma jikkawżax ħsara lill-interessi finanzjarji tal-entità pubblika jew privata kkonċernata bl-użu ta’ fondi għal finijiet oħra għajr dawk li kienu maħsuba għalihom, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar ir-reat ta’ miżapproprjazzjoni minn uffiċjali pubbliċi ta’ proprjetà li l-ġestjoni tagħha tkun fdata lilhom. Sabiex il-miżapproprjazzjoni tikkostitwixxi reat kriminali, jenħtieġ li din twassal għal vantaġġ għall-uffiċjal pubbliku jew għal parti terza jew għal dannu għall-interessi finanzjarji tal-entità pubblika jew privata kkonċernata. Sabiex jittieħed approċċ komprensiv għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-Istati Membri huma mħeġġa wkoll jikkriminalizzaw il-miżapproprjazzjoni fis-settur privat. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jiddefinux ir-reat bħala li jirrikjedi kemm l-istabbiliment tad-dannu kif ukoll tal-vantaġġ.
(16)
L-influwenza eżerċitata fuq dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet pubbliċi bil-ħsieb li jinkiseb vantaġġ indebitu tista’ tfixkel serjament il-funzjonament tajjeb tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. Sabiex dan jiġi indirizzat b’mod adegwat, jenħtieġ li l-elementi kostitwenti tar-reat tal-eżerċitar ta’ influwenza jkopru żewġ sitwazzjonijiet differenti, meta r-reat jitwettaq intenzjonalment. L-ewwel nett, jenħtieġ li r-reat ikopri l-wegħda, l-offerta jew l-għoti ta’ kwalunkwe vantaġġ indebitu bil-għan li tiġi eżerċitata influwenza illeċita bil-ħsieb li jinkiseb vantaġġ indebitu minn uffiċjal pubbliku. It-tieni, jenħtieġ li r-reat ikopri wkoll it-talba jew l-irċevuta ta’ kwalunkwe vantaġġ indebitu, jew l-aċċettazzjoni ta’ offerta jew ta’ wegħda ta’ offerta, sabiex tiġi eżerċitata influwenza indebita bil-ħsieb li jinkiseb vantaġġ indebitu minn uffiċjal pubbliku. Tali mġiba jenħtieġ li tikkostitwixxi reat kriminali irrispettivament minn jekk l-influwenza kinitx allegata jew reali u minn jekk l-influwenza ġietx eżerċitata u minn jekk l-influwenza wasslitx għar-riżultat maħsub jew le. Jenħtieġ li r-reat ma jkoprix l-eżerċizzju leġittimu ta’ forom rikonoxxuti ta’ rappreżentanza tal-interessi jew legali li jistgħu jfittxu li jinfluwenzaw b’mod leġittimu t-teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi iżda ma jinvolvux skambju indebitu ta’ vantaġġi. Tali forom ta’ rappreżentanza tal-interessi, bħad-difiża ta’ interessi, spiss jitwettqu f’ambjent regolat preċiżament biex in-nuqqas ta’ trasparenza ma jkunx jista’ jwassalhom biex isiru opportunitajiet għall-korruzzjoni. Regoli addizzjonali fis-seħħ li jiffunzjonaw tajjeb dwar id-divulgazzjoni ta’ kunflitti ta’ interess, dwar ir-“revolving doors” jew dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi, ukoll jistgħu jgħinu biex jiġu evitati l-ambigwitajiet u tiġi evitata l-influwenza indebita. Għall-finijiet tar-reat tal-eżerċitar ta’ influwenza, il-vantaġġ indebitu minħabba influwenza mhux xierqa jinkludi r-remunerazzjoni għal dawk il-forom ta’ rappreżentanza fejn tali attivitajiet jitwettqu b’mod li jissodisfa l-elementi l-oħra tar-reat, inkluż minħabba ksur rilevanti tar-regoli applikabbli.
(17)
L-eżerċizzju illegali ta’ funzjonijiet pubbliċi jġorr ir-riskju li jdgħajjef il-fiduċja pubblika, l-istat tad-dritt u l-ġustizzja ekonomika u jista’ jikkawża ħsara serja lill-interess pubbliku. Sabiex tiġi evitata tali ħsara, jenħtieġ li l-Istati Membri jidentifikaw ksur serju tal-liġi, kemm jekk ikunu azzjonijiet jew ommissjonijiet, jew it-tnejn li huma. Ksur serju bħal dan jista’ jinkludi pereżempju l-ksur ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji mfassla biex jiggarantixxu l-aċċess liberu u kuntratti b’kundizzjonijiet ugwali għall-kandidati, jew l-applikazzjoni ħażina tal-liġi minn imħallfin jew arbitri kif jaqblilhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni tar-reat tal-eżerċizzju illegali ta’ funzjonijiet pubbliċi għal ċerti kategoriji ta’ uffiċjali pubbliċi. Waqt l-identifikazzjoni tal-ksur serju rilevanti tal-liġi, l-Istati Membri jistgħu jqisu kwistjonijiet li jinkludu jekk imġiba twettqitx sabiex jinkiseb vantaġġ indebitu għall-uffiċjal inkwistjoni jew għal parti terza jew jekk twettqitx sabiex tikkawża dannu għad-drittijiet jew għall-interessi leġittimi ta’ persuna.
(18)
It-tfixkil tal-ġustizzja huwa reat kriminali mwettaq b’appoġġ għall-korruzzjoni, fost reati oħra. Dan huwa rikonoxxut fid-dritt kriminali tal-Istati Membri. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi kriminalizzat it-tfixkil tal-ġustizzja, li jinvolvi l-eżerċizzju ta’ forza fiżika, theddid jew intimidazzjoni, jew it-tħajjir ta’ xhieda jew evidenza falza. Jenħtieġ li azzjonijiet li l-għan tagħhom ikun li jinterferixxu fl-għoti ta’ xhieda jew fil-produzzjoni tal-evidenza, jew fl-eżerċizzju tal-kompiti uffiċjali minn uffiċjali ġudizzjarji jew tal-infurzar tal-liġi, ikunu wkoll fl-ambitu ta’ dan ir-reat. F’konformità mal-UNCAC, din id-Direttiva tapplika biss għat-tfixkil tal-ġustizzja fi proċedimenti marbuta ma’ reat ta’ korruzzjoni. Meta jittrasponu din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux obbligati jistabbilixxu reat speċifiku ta’ tfixkil tal-ġustizzja relatat ma’ reati ta’ korruzzjoni, kif stabbilit fil-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva, jekk fil-liġi nazzjonali tagħhom ikun hemm dispożizzjoni ġenerali li tikkriminalizza t-tfixkil tal-ġustizzja, applikabbli għar-reati kollha, inkluż il-korruzzjoni. L-Istati Membri jibqgħu liberi li jikkriminalizzaw tali mġiba permezz ta’ diversi reati kriminali fil-livell nazzjonali.
(19)
Il-korruzzjoni hija xprunata mit-tfittxija ta’ vantaġġi ekonomiċi u oħrajn mhux mistħoqqa. Sabiex jitnaqqas l-inċentiv għall-individwi u għall-organizzazzjonijiet kriminali li jwettqu atti kriminali ġodda u biex l-individwi jiġu skoraġġuti milli jaċċettaw li jsiru sidien foloz ta’ proprjetà, jenħtieġ li r-reati ta’ arrikkiment permezz tal-korruzzjoni jiġu kriminalizzati. Dan, min-naħa tiegħu, jenħtieġ li jikkomplika l-ħabi ta’ proprjetà akkwistata b’mod illeċitu u jnaqqas it-tixrid tal-korruzzjoni kif ukoll il-ħsara li ssir lis-soċjetà. It-trasparenza tgħin lill-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw arrikkiment illeċitu possibbli. Pereżempju, f’ġuriżdizzjonijiet fejn l-uffiċjali pubbliċi huma meħtieġa jiddikjaraw l-assi tagħhom f’intervalli regolari, inkluż meta jibdew u jlestu dmirijiethom, l-awtoritajiet jistgħu jivvalutaw jekk l-assi ddikjarati jikkorrispondux mal-introjtu ddikjarat.
(20)
Jenħtieġ li l-Istati Membri jadottaw miżuri biex jiddefinixxu bħala reat kriminali punibbli l-ħabi intenzjonali jew it-travestiment tan-natura vera ta’ proprjetà, is-sors tagħha, il-post fejn tinsab, id-disponibbiltà tagħha, il-movimenti tagħha, id-drittijiet marbuta tagħha, jew is-sjieda tagħha, meta jkun magħruf li tali proprjetà tkun derivata mit-twettiq tar-reati tat-tixħim fis-settur pubbliku jew privat, il-miżapproprjazzjoni, l-eżerċitar ta’ influwenza, it-tfixkil tal-ġustizzja, jew l-inċitament, l-għajnuna u l-kompliċità, u l-attentat, kif jinsab f’din id-Direttiva.
(21)
Il-finanzjament politiku illegali jista’ jkun mezz li jwassal lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jieħdu deċiżjonijiet li jistgħu jkunu fl-interess tal-finanzjatur. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw li jieħdu azzjoni xierqa kontra tipi ta’ finanzjament politiku illegali f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, u r-regoli dwar l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, b’rispett sħiħ tal-libertajiet fundamentali tas-suq intern u d-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-Unjoni. Filwaqt li mhuwiex regolat minn din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jikkriminalizzaw tali finanzjament politiku illegali fejn jirrappreżenta theddida għad-demokrazija tal-Istati Membri u tal-Unjoni.
(22)
Ir-reat kriminali ta’ arrikkiment mir-reati ta’ korruzzjoni jenħtieġ li jkopri l-imġiba ta’ uffiċjal pubbliku li jakkwista, jippossjedi jew juża proprjetà li l-uffiċjal pubbliku jaf li tkun derivata minn reati ta’ korruzzjoni mwettqa minn uffiċjal pubbliku ieħor. Ir-reati ta’ arrikkiment minn reati ta’ korruzzjoni u l-ħabi huma mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u b’mod partikolari l-Artikolu 3(5) u l-premessa 11 dwar l-“awtoriċiklaġġ” tagħha, fejn applikabbli. Jenħtieġ li waqt il-kunsiderazzjoni ta’ jekk proprjetà tkunx derivata minn kwalunkwe tip ta’ involviment kriminali f’reat ta’ korruzzjoni u jekk il-persuna kinitx taf bih, jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, bħall-fatt li l-valur tal-proprjetà jkun sproporzjonat għall-introjtu legali tal-persuna akkużata u li l-attività kriminali u l-akkwiżizzjoni tal-proprjetà jkunu seħħew fl-istess perjodu ta’ żmien. Jenħtieġ li ma jkunx meħtieġ li jiġi stabbilit l-għarfien tal-elementi fattwali kollha jew taċ-ċirkostanzi kollha relatati mal-involviment kriminali, inkluż l-identità tat-trasgressur. Barra minn hekk, ir-rikavat miksub minn reati ta’ korruzzjoni jistgħu jiġu kkonfiskati abbażi tad-Direttiva (UE) 2024/1260 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Dik id-Direttiva tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar tipi oħra ta’ konfiska inkluż, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-konfiska tar-rikavat, jew proprjetà oħra li l-valur tagħha jikkorrispondi għar-rikavat, li ġew ittrasferiti minn persuna suspettata jew akkużata lil partijiet terzi, jew li ġew akkwistati minn partijiet terzi mingħand persuna suspettata jew akkużata, meta l-partijiet terzi rilevanti kienu jafu jew messhom kienu jafu li l-għan tat-trasferiment jew tal-akkwist kien li tiġi evitata l-konfiska.
(23)
Sabiex jiskoraġġixxu l-korruzzjoni fl-Unjoni kollha, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu tipi u livelli minimi ta’ pieni kriminali u mhux kriminali għar-reati kriminali definiti f’din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-livelli massimi ta’ priġunerija u ta’ pieni oħra jkunu għolja biżżejjed biex jiskoraġġixxu lit-trasgressur possibbli u biex jirriflettu l-ħsara tal-korruzzjoni. Fl-istess ħin, jenħtieġ li dawk il-livelli jkunu proporzjonati għall-gravità ta’ kull reat ta’ korruzzjoni u jkunu konsistenti mal-livelli ta’ pieni kriminali stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-pieni jiġu infurzati sal-punt meħtieġ sabiex jiskoraġġixxu t-twettiq ta’ dawk ir-reati. Jekk il-liġi nazzjonali tistabbilixxi l-eventwalità ta’ sentenzi sospiżi jew kundizzjonali, ħelsien bikri, liberazzjoni taħt kundizzjoni jew maħfra tal-persuni misjuba ħatja ta’ kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija f’din id-Direttiva, jenħtieġ li l-awtoritajiet ikunu jistgħu jqisu l-gravità tar-reati kriminali kkonċernati fost fatturi oħra.
(24)
Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax l-applikazzjoni xierqa u effettiva ta’ miżuri dixxiplinarji jew pieni għajr dawk ta’ natura kriminali, bħall-pieni amministrattivi. Il-pieni li ma jistgħux jitqiesu daqs pieni kriminali, imposti fuq l-istess persuna għall-istess imġiba, jistgħu jitqiesu meta tingħata sentenza lil dik il-persuna għal reat kriminali definit minn din id-Direttiva. Il-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ proċess jew kastig darbtejn fi proċedimenti kriminali għall-istess reat kriminali (ne bis in idem) jenħtieġ li jiġi rrispettat b’mod sħiħ.
(25)
L-Istati Membri huma mħeġġa jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom jimponu, flimkien mal-priġunerija, jew bħala alternattiva għaliha, pieni jew miżuri li mhumiex neċessarjament ta’ natura kriminali, bħall-esklużjoni mill-proċeduri tal-offerti jew projbizzjonijiet temporanji fuq il-ħruġ għal kariga pubblika. Tali miżuri għandhom effett dissważiv ġenerali u jistgħu jnaqqsu r-reċidiviżmu tat-trasgressuri kkundannati. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw ukoll li jistabbilixxu proċeduri għas-sospensjoni jew għar-riassenjazzjoni temporanja ta’ uffiċjal pubbliku akkużat b’reat kriminali kif imsemmi f’din id-Direttiva, filwaqt li jqisu l-ħtieġa li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, u d-dritt għal rimedju effettiv.
(26)
Sabiex jissaħħaħ ir-rispons tal-ġustizzja kriminali għal reati li jikkonċernaw il-korruzzjoni u biex jiġi skoraġġut it-twettiq ta’ dawk ir-reati, ir-reġim ta’ pieni kontra persuni ġuridiċi u persuni fiżiċi jenħtieġ li jiġi ċċarat u jinġieb f’konformità ma’ strumenti oħra tad-dritt kriminali tal-Unjoni. Skont id-Direttivi 2009/81/KE (8), 2014/23/UE (9), 2014/24/UE (10) u 2014/25/UE (11) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kundanna, permezz ta’ sentenza finali, għal korruzzjoni hija raġuni għal esklużjoni mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ akkwist pubbliku jew proċedura ta’ għoti ta’ konċessjoni. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu wkoll li jinkludu, fost il-pieni kriminali jew mhux kriminali jew il-miżuri li jistgħu jiġu imposti fuq persuni ġuridiċi jew fiżiċi, l-esklużjoni ta’ tali persuni ġuridiċi mill-proċeduri ta’ akkwist jew ta’ konċessjoni, sabiex ikopru wkoll il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku u l-proċeduri ta’ għoti ta’ konċessjonijiet taħt il-livelli limitu tad-direttivi rilevanti.
(27)
Jenħtieġ li l-persuni ġuridiċi ma jkunux jistgħu jevitaw ir-responsabbiltà billi jużaw intermedjarji, inkluż persuni ġuridiċi relatati, biex joffru, iwiegħdu jew ixaħħmu lil uffiċjal pubbliku f’isimhom. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-multi lil persuni ġuridiċi jiġu kkalkulati b’kont meħud tal-fatturat dinji tagħhom jew abbażi ta’ ammonti massimi fissi. Ir-riżoluzzjonijiet mingħajr proċess qed jiġu applikati fil-kuntest ta’ reati ta’ korruzzjoni u spiss jitqiesu bħala mod prammatiku u effiċjenti biex jiġu solvuti każijiet li altrimenti jkunu jeħtieġu ammont sinifikanti ta’ żmien u riżorsi għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni qabel ma jitressqu quddiem qorti. Madankollu, ir-riżoluzzjonijiet mingħajr proċess jistgħu wkoll jippreżentaw xi sfidi, u l-Istati Membri huma mħeġġa jqisu tali sfidi.
(28)
Għalkemm ma hemm l-ebda obbligu li s-sentenzi jiħraxu, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-imħallef jew il-qorti jkunu jistgħu jieħdu inkonsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi aggravanti li jinsabu f’din id-Direttiva, kif implimentati fil-liġi nazzjonali, meta jaqtgħu s-sentenzi għat-trasgressuri. Tibqa’ fid-diskrezzjoni tal-imħallef jew tal-qorti li jiddeterminaw jekk iżidux mas-sentenza minħabba ċ-ċirkostanzi aggravanti speċifiċi, waqt li jqisu ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ individwali. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux obbligati jipprevedu ċ-ċirkostanza aggravanti jekk il-liġi nazzjonali tipprevedi li r-reati kriminali kif definit fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI (12) huma punibbli bħala reati kriminali separati u dan jista’ jwassal għal pieni aktar ħorox.
(29)
Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-imħallef jew il-qorti jkunu jistgħu jieħdu inkonsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi mitiganti li jinsabu f’din id-Direttiva, kif implimentati fil-liġi nazzjonali, meta jaqtgħu s-sentenzi għat-trasgressuri. Soġġett għad-diskrezzjoni ġudizzjarja, jenħtieġ li tali ċirkostanzi jkopru dawk il-każijiet li fihom t-trasgressuri jipprovdu informazzjoni jew jikkollaboraw b’mod ieħor mal-awtoritajiet. Bl-istess mod, meta persuni ġuridiċi jkunu implimentaw kontrolli interni ġenwini, effettivi u vvalutati kif xieraq, etika u programmi ta’ konformità, jenħtieġ li jkun possibbli li tali azzjonijiet jitqiesu bħala ċirkostanzi mitiganti meta jiġu ppenalizzati persuni ġuridiċi bħal dawn. Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll pieni eħfef meta, mal-iskoperta ta’ reat, persuna ġuridika tiżvela malajr l-informazzjoni u tieħu miżuri ta’ rimedju. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li jibqa’ fid-diskrezzjoni tal-imħallef jew tal-qorti li jiddeterminaw l-ammont reali tal-piena minħabba ċ-ċirkostanzi mitiganti speċifiċi, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi f’kull każ individwali, inkluż, fejn applikabbli, il-fatt li l-persuna ġuridika jkollha programmi ta’ konformità biss bħala faċċata, imsejħa wkoll “window dressing”.
(30)
Il-Membri tal-Parlament u uffiċjali pubbliċi oħra jista’ jkollhom immunità jew protezzjoni legali minn investigazzjoni jew prosekuzzjoni, li tgħin biex tissaħħaħ l-indipendenza tagħhom billi jiġu protetti minn ilmenti bla bażi, b’mod partikolari fir-rigward tal-opinjonijiet espressi jew il-voti mitfugħa matul it-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom. Madankollu, tali immunitajiet jistgħu jfixklu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effettiva ta’ reati ta’ korruzzjoni, inkluż billi jaffettwaw l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ persuni oħra li ma jgawdux minn immunità u li setgħu pparteċipaw fir-reat. Għalhekk jenħtieġ li jkun hemm bilanċ xieraq bejn, minn naħa waħda, kwalunkwe immunità jew privileġġ ġuriżdizzjonali mogħti lill-uffiċjali pubbliċi għall-atti mwettqa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, u min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li jiġu investigati, ipproċessati u ġġudikati b’mod effettiv ir-reati ta’ korruzzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-privileġġi u l-immunitajiet fir-rigward tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni mogħtija lill-uffiċjali nazzjonali għar-reati msemmija f’din id-Direttiva jistgħu jitneħħew. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux obbligati jibdlu l-kostituzzjonijiet nazzjonali jew il-prinċipji kostituzzjonali tagħhom meta jittrasponu din id-Direttiva. Fit-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali kif ukoll fl-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali li tittrasponi din id-Direttiva, dawk il-privileġġi u l-immunitajiet, inkluż ir-rispett għal-libertà tal-mandat tal-Membru, jitqiesu b’mod sħiħ. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax l-eżerċizzju leġittimu ta’ forom rikonoxxuti ta’ rappreżentanza tal-interessi li jistgħu jfittxu li jinfluwenzaw b’mod leġittimu t-teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi iżda ma jinvolvux skambju indebitu ta’ vantaġġi. Ir-rappreżentanza tal-interessi hija importanti għall-ħolqien ta’ politika li hija appoġġata mis-soċjetà ċivili u li tista’ tikkontribwixxi b’mod leġittimu għas-settur pubbliku.
(31)
Mingħajr preġudizzju għall-istabbiliment tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom, is-setgħat diskrezzjonali skont il-liġi nazzjonali biex ma ssirx prosekuzzjoni ta’ persuni għar-reati kriminali msemmija f’din id-Direttiva jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità ma’ regoli u kriterji ċari. Jenħtieġ li tali regoli jkollhom l-għan li jqisu l-ħtieġa, b’mod ġenerali, ta’ pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi għal reati ta’ korruzzjoni u jiżguraw l-effettività tal-proċess ġudizzjarju.
(32)
Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-regoli u għall-prinċipji ġenerali tal-liġi kriminali nazzjonali dwar l-applikazzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi skont iċ-ċirkostanzi konkreti ta’ kull każ individwali.
(33)
Minħabba, b’mod partikolari, il-mobbiltà ta’ ċerti trasgressuri u r-rikavat li jirriżulta mill-attivitajiet kriminali, kif ukoll l-investigazzjonijiet transfruntiera kumplessi meħtieġa biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri kollha jistabbilixxu l-ġuriżdizzjoni tagħhom sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jinvestigaw u jipproċedu kontra dak ir-reat effettivament, inkluż meta r-reat jitwettaq kompletament jew parzjalment fit-territorju tagħhom. Bħala parti minn dak l-obbligu, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-ġuriżdizzjoni tiġi stabbilita wkoll f’sitwazzjonijiet fejn reat jitwettaq permezz ta’ sistema ta’ informazzjoni użata fit-territorju tagħhom, kemm jekk dik it-teknoloġija tkun ibbażata fit-territorju tagħhom kif ukoll jekk le.
(34)
Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom biżżejjed żmien biex iwettqu investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet kumplessi, din id-Direttiva tipprevedi perjodu minimu ta’ preskrizzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-aġġudikazzjoni ta’ reati ta’ korruzzjoni għal perjodu ta’ żmien suffiċjenti wara t-twettiq ta’ tali reati, mingħajr ma taffettwa lil dawk l-Istati Membri li ma jistabbilux perjodi ta’ preskrizzjoni għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-infurzar.
(35)
Jista’ jkun diffiċli li r-reati ta’ korruzzjoni jiġu identifikati u investigati, peress li jseħħu l-aktar bil-moħbi. Għalhekk, proporzjon sinifikanti ta’ reati ta’ korruzzjoni jibqa’ ma jiġix identifikat, u l-partijiet kriminali jistgħu jibbenefikaw mir-rikavat tal-korruzzjoni tagħhom. Aktar ma jdum biex jiġi identifikat reat ta’ korruzzjoni, aktar ikun diffiċli biex tinkixef l-evidenza. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet kompetenti jkollhom għodod investigattivi xierqa biex jiġbru evidenza rilevanti ta’ reati ta’ korruzzjoni li spiss jaffettwaw aktar minn Stat Membru wieħed. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jallokaw taħriġ suffiċjenti, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), inkluż dwar l-użu ta’ għodod investigattivi biex jitwettqu b’suċċess il-proċedimenti u l-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni tar-rikavat mill-korruzzjoni fil-kuntest tal-irkupru u l-konfiska ta’ assi. Barra minn hekk, din id-Direttiva tiffaċilita l-ġbir ta’ informazzjoni u evidenza billi tistabbilixxi ċirkostanzi mitiganti għat-trasgressuri li jgħinu lill-awtoritajiet. Jenħtieġ li t-taħriġ tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji jikkonċerna l-investigazzjoni kriminali u l-proċedimenti kriminali ta’ reati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.
(36)
Persuni li jirrappurtaw informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti dwar każijiet ta’ korruzzjoni tal-passat, każijiet ta’ korruzzjoni li għaddejjin bħalissa jew każijiet ta’ korruzzjoni ppjanati, li jkunu kisbu tali informazzjoni fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom relatati max-xogħol, jirriskjaw li jsofru ritaljazzjoni f’dak il-kuntest. Tali rapporti ta’ informaturi jistgħu jsaħħu l-infurzar billi jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jipprevjenu, jidentifikaw u jipprosekwixxu l-korruzzjoni b’mod effettiv. Minħabba l-interess pubbliku li l-istituzzjonijiet pubbliċi u privati jiġu protetti minn tali atti, u li tissaħħaħ it-trasparenza, il-governanza tajba u r-responsabbiltà, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ arranġamenti effettivi biex l-informaturi jużaw kanali kunfidenzjali, ikunu jistgħu jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u jkunu protetti mir-ritaljazzjoni. Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) tapplika għar-rapporti ta’ ksur li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u kif speċifikat aktar fil-miżuri rilevanti tal-Unjoni u għalhekk tapplika għar-rappurtar tar-reati kriminali kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). Fir-rigward tar-reati kriminali msemmija f’din id-Direttiva, jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2019/1937 tkun applikabbli għar-rappurtar ta’ tali reati u għall-protezzjoni tal-persuni li jirrappurtaw tali reati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti. Lil hinn mill-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva (UE) 2019/1937, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiżguraw li l-persuni li jipprovdu evidenza jew li b’xi mod ieħor jikkooperaw ma’ investigazzjonijiet kriminali jkollhom aċċess għall-protezzjoni meħtieġa, f’konformità mal-liġi nazzjonali.
(37)
Peress li l-pubbliku ġenerali huwa affettwat b’mod negattiv minn reati ta’ korruzzjoni u ġeneralment ma jistax jirrappreżenta lilu nnifsu bħala vittma fi proċedimenti kriminali, għall-finijiet ta’ infurzar effettiv, jenħtieġ li l-membri tal-pubbliku kkonċernati jkollhom il-possibbiltà li jaġixxu f’isem l-interess ġenerali f’każijiet ta’ korruzzjoni, f’konformità mal-liġi nazzjonali u soġġetti għar-regoli proċedurali rilevanti. Din id-Direttiva ma tirrikjedix li l-Istati Membri jintroduċu drittijiet proċedurali ġodda għall-membri tal-pubbliku kkonċernati. Madankollu, meta tali drittijiet proċedurali għal membri tal-pubbliku kkonċernati jeżistu fi Stat Membru f’sitwazzjonijiet ekwivalenti li jikkonċernaw reati kriminali għajr dawk previsti skont din id-Direttiva, bħad-dritt li jipparteċipaw fi proċedimenti bħala parti ċivili, tali drittijiet proċedurali jenħtieġ li jingħataw ukoll lill-membri tal-pubbliku kkonċernati fil-proċedimenti li jikkonċernaw ir-reati ta’ korruzzjoni definiti f’din id-Direttiva. Id-drittijiet tal-membri tal-pubbliku kkonċernati huma mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-vittmi kif stipulati fid-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). Il-kunċetti ta’ “membri tal-pubbliku kkonċernati” u “vittmi” jenħtieġ li jibqgħu distinti u l-Istati Membri jenħtieġ li ma jkunux meħtieġa japplikaw id-drittijiet tal-vittmi għall-membri tal-pubbliku kkonċernati. Din id-Direttiva ma tirrikjedix li l-Istati Membri jagħtu lill-membri tal-pubbliku kkonċernati d-drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali li huma jagħtu lil kategoriji ta’ persuni għajr membri tal-pubbliku kkonċernati.
(38)
Din id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw u jippubblikaw strateġija nazzjonali dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-ġlieda kontriha. L-Istati Membri huma mħeġġa jiżviluppaw l-istrateġija nazzjonali f’konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, il-korpi kontra l-korruzzjoni jew l-unitajiet organizzazzjonali, l-esperti indipendenti, ir-riċerkaturi u partijiet ikkonċernati oħra. Jenħtieġ li l-istrateġija nazzjonali tqis il-ħtiġijiet, l-ispeċifiċitajiet u l-isfidi tal-Istati Membri.
(39)
L-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili huma kruċjali għall-funzjonament tajjeb tad-demokrazija, u għandhom rwol ewlieni fir-rispett tal-valuri komuni li fuqhom hija msejsa l-Unjoni. Huma jaġixxu bħala gwardjani essenzjali, billi jiġbdu l-attenzjoni għat-theddid għall-istat tad-dritt, jikkontribwixxu biex dawk fis-setgħa jinżammu responsabbli, u jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili f’attivitajiet kontra l-korruzzjoni, fejn xieraq.
(40)
Il-pluraliżmu tal-media u l-libertà tal-media huma faċilitaturi ewlenin għall-istat tad-dritt, ir-responsabbiltà demokratika, l-ugwaljanza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-media indipendenti u pluralistika, b’mod partikolari l-ġurnaliżmu investigattiv, għandha rwol importanti fl-iskrutinju tal-affarijiet pubbliċi, l-identifikazzjoni ta’ korruzzjoni possibbli u ksur tal-integrità, is-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni tal-integrità. L-Istati Membri għandhom obbligu li jiggarantixxu ambjent favorevoli għall-ġurnalisti, jipproteġu s-sikurezza tagħhom u jippromwovu b’mod proattiv il-libertà tal-media u l-pluraliżmu tal-media. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Settembru 2021 dwar il-protezzjoni, is-sikurezza u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġurnalisti u ta’ professjonisti oħra tal-media fl-Unjoni Ewropea, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinvolvu ruħhom fil-parteċipazzjoni pubblika minn proċedimenti tal-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi (“Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika”) tas-27 ta’ April 2022 kif ukoll id-Direttiva (UE) 2024/1069 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) jinkludu salvagwardji u standards importanti biex jiġi żgurat li l-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u oħrajn ikunu jistgħu jwettqu r-rwol tagħhom mingħajr xkiel.
(41)
Biex jiġu indirizzati b’mod effettiv ir-reati kriminali definiti f’din id-Direttiva, jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jiġbru data statistika eżatta, konsistenti u komparabbli dwar dawk ir-reati. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ sistema xierqa għar-reġistrazzjoni, il-produzzjoni u t-trażmissjoni ta’ data statistika eżistenti dwar ir-reati definiti f’din id-Direttiva. Huwa importanti li dik id-data statistika tintuża mill-Istati Membri biex janalizzaw l-iskala u x-xejriet tar-reati relatati mal-korruzzjoni, kif ukoll biex jipprovdu informazzjoni liċ-ċittadini. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippubblikaw data statistika rilevanti dwar proċedimenti relatati ma’ reati ta’ korruzzjoni, estratta minn data li diġà teżisti f’livell ċentralizzat jew deċentralizzat fl-Istat Membru kollu. Dik id-data tista’ tiġi analizzata u użata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-monitoraġġ, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe wieħed mill-istrumenti fis-Sett ta’ Għodod tal-Istat tad-Dritt, bħar-rapport annwali dwar l-Istat tad-Dritt.
(42)
Biex il-korruzzjoni tiġi miġġielda b’mod effettiv, huwa kruċjali l-iskambju effiċjenti ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati ta’ korruzzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi bl-użu tal-Applikazzjoni ta’ Network għall-Iskambju Sikur ta’ Informazzjoni (SIENA) tal-Europol b’mod effettiv u f’waqtu f’konformità mal-liġi nazzjonali u dak tal-Unjoni. Din id-Direttiva, li għandha l-għan li tistabbilixxi definizzjonijiet komuni tar-reati ta’ korruzzjoni, jenħtieġ li sservi bħala punt ta’ riferiment għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont ir-Regolamenti (UE) Nru 603/2013 (17), (UE) 2018/1240 (18) u (UE) 2018/1862 (19) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi (UE) 2016/681 (20), (UE) 2019/1153 (21) u (UE) 2023/977 (22) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI (23).
(43)
Il-korruzzjoni hija ta’ tħassib trażversali, u l-vulnerabbiltajiet, kif ukoll l-aktar mod xieraq biex dawn jiġu indirizzati, ivarjaw minn settur għal ieħor. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri, f’intervalli xierqa, jwettqu valutazzjoni biex jidentifikaw is-setturi jew l-okkupazzjonijiet l-aktar f’riskju ta’ korruzzjoni u jiżviluppaw miżuri biex jindirizzaw ir-riskji ewlenin fis-setturi jew l-okkupazzjonijiet identifikati, inkluż billi jorganizzaw regolarment, kif xieraq, attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni adattati għall-ispeċifiċitajiet tas-setturi jew l-okkupazzjonijiet identifikati. L-Istati Membri li għandhom fis-seħħ strateġiji nazzjonali wiesgħa kontra l-korruzzjoni jistgħu jagħżlu wkoll li jindirizzaw il-valutazzjonijiet tar-riskju tagħhom f’dawk l-istrateġiji, sakemm ir-riskji jiġu vvalutati u l-miżuri jiġu rieżaminati regolarment. Pereżempju, kif iddikjarat fir-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-23 ta’ Jannar 2019 intitolat “Skemi ta’ Ċittadinanza u ta’ Residenza b’Investiment fl-Unjoni Ewropea”. L-iskemi tar-residenza b’investiment huma fost is-setturi li jġorru riskji għoljin għall-korruzzjoni u għalhekk jenħtieġ li jiġu inklużi fil-valutazzjonijiet tas-setturi l-aktar f’riskju ta’ korruzzjoni u fis-sessjonijiet ta’ taħriġ li għandhom isiru mill-Istati Membri kif previst f’din id-Direttiva.
(44)
Biex jiġi pprovdut livell ekwivalenti ta’ protezzjoni bejn l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u dawk nazzjonali, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2017/1371 jiġu allinjati ma’ dawk ta’ din id-Direttiva. Għal dak il-għan, ir-regoli applikabbli għar-reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fir-rigward tal-pieni kriminali jew mhux kriminali, iċ-ċirkostanzi aggravanti u mitiganti u l-perjodi ta’ preskrizzjoni jenħtieġ li jkunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti minn din id-Direttiva.
(45)
Jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva tiżgura livell ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni li jkun ekwivalenti għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji nazzjonali.
(46)
Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-istabbiliment ta’ regoli minimi komuni dwar id-definizzjonijiet ta’ reati kriminali fil-qasam tal-korruzzjoni fl-Istati Membri kollha u d-disponibbiltà ta’ pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi għal dawk ir-reati, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Direttiva, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.
(47)
L-effett dissważiv intenzjonat tal-applikazzjoni tal-pieni tad-dritt kriminali jeħtieġ kawtela partikolari fir-rigward tad-drittijiet fundamentali. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari d-dritt għal-libertà u s-sigurtà, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà li wieħed jagħżel impjieg u d-dritt għax-xogħol, il-libertà li wieħed ikollu negozju, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża, il-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità tar-reati kriminali u tal-pieni, kif ukoll il-prinċipju ta’ ne bis in idem.
(48)
F’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24), il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta opinjoni fil-21 ta’ Ġunju 2023.
(49)
F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Irlanda nnotifikat, permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Lulju 2023, ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.
(50)
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Id-Deċiżjoni Kwadru 2003/568/ĠAI għandha tkompli torbot u tkun applikabbli għad-Danimarka,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u pieni kriminali u mhux kriminali fil-qasam tal-korruzzjoni, kif ukoll miżuri biex tiġi evitata u miġġielda aħjar il-korruzzjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)
“proprjetà” tfisser fondi jew assi ta’ kwalunkwe tip, fosthom il-kriptoassi, kemm jekk korporali jew inkorporali, mobbli jew immobbli, tanġibbli jew intanġibbli, u dokumenti jew strumenti legali fi kwalunkwe forma, inkluża dik elettronika jew diġitali, li jixhdu t-titolu għal tali fondi jew assi jew interess fihom;
(2)
“uffiċjal pubbliku” tfisser:
(a)
uffiċjal tal-Unjoni, jew uffiċjal nazzjonali ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz;
(b)
kwalunkwe persuna oħra assenjata u li teżerċita funzjoni ta’ servizz pubbliku f’konformità mal-liġi nazzjonali, inkluż dawk inkarigati minn awtorità pubblika jew taħt l-awtorità tagħha fl-Istati Membri jew f’pajjiżi terzi;
(c)
persuna assenjata u li teżerċita funzjoni ta’ servizz pubbliku għal organizzazzjoni internazzjonali jew għal qorti internazzjonali;
(3)
“uffiċjal tal-Unjoni” tfisser persuna li hija:
(a)
uffiċjal jew impjegat ieħor taħt kuntratt mill-Unjoni fit-tifsira tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħrajn tal-Unjoni Ewropea stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (25) (ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jew
(b)
issekondata lill-Unjoni minn Stat Membru jew minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat, u li twettaq funzjonijiet ekwivalenti għal dawk imwettqa minn uffiċjali jew aġenti oħrajn tal-Unjoni.
Il-membri ta’ istituzzjoni, ta’ korp, ta’ uffiċċju jew ta’ aġenzija tal-Unjoni u l-persunal ta’ tali korpi għandhom jiġu assimilati mal-uffiċjali tal-Unjoni, sa fejn ir-Regolamenti tal-Persunal ma japplikawx għalihom;
(4)
“uffiċjal nazzjonali” tfisser kwalunkwe persuna li jkollha kariga eżekuttiva, amministrattiva jew ġudizzjarja fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, kemm jekk maħtura jew eletta, jew impjegat fuq kuntratt, kemm jekk permanenti jew temporanju, kemm jekk bi ħlas jew bla ħlas, irrispettivament mill-anzjanità ta’ dik il-persuna.
Kwalunkwe persuna li jkollha kariga leġiżlattiva fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali għandha tiġi assimilata għal uffiċjal nazzjonali, f’konformità mal-liġi nazzjonali;
(5)
“arbitru” tfisser kwalunkwe persuna li tintalab tieħu deċiżjoni legalment vinkolanti f’tilwim imressaq mill-partijiet għall-ftehim ta’ arbitraġġ fejn l-istatus tal-arbitri jkun stipulat fil-liġi nazzjonali;
(6)
“ġurat” tfisser kwalunkwe persuna li taġixxi bħala membru ta’ korp responsabbli biex jiddeċiedi dwar il-ħtija ta’ persuna akkużata fil-qafas ta’ proċess, f’konformità mal-liġi nazzjonali;
(7)
“ksur tad-dmir” tfisser, bħala minimu, kwalunkwe mġiba li tikkostitwixxi ksur ta’ dmir statutorju jew ksur ta’ regolamenti jew struzzjonijiet professjonali li japplikaw fin-negozju ta’ persuna li fi kwalunkwe kapaċità tmexxi jew taħdem għal entità fis-settur privat;
(8)
“persuna ġuridika” tfisser kwalunkwe entità li jkollha personalità ġuridika skont il-liġi nazzjonali applikabbli, minbarra Stati jew korpi pubbliċi fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat u organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi;
(9)
“uffiċjali ta’ livell għoli” tfisser uffiċjal pubbliku li huwa fdat b’ funzjonijiet eżekuttivi, amministrattivi, leġiżlattivi jew ġudizzjarji ewlenin f’konformità mal-liġi nazzjonali; dawn jistgħu jinkludu: kapijiet ta’ gvern ċentrali u reġjonali, membri ta’ gvern ċentrali u reġjonali, viċi Ministri, segretarji tal-istat, konsulenti politiċi ewlenin, kapijiet u membri ta’ uffiċċju privat jew ta’ kabinett ta’ Ministru meta dan ikun ġie stabbilit, membri tal-kmamar parlamentari, membri tal-qrati kostituzzjonali u supremi, prosekutur ġenerali u membri ta’ istituzzjonijiet supremi tal-awditjar kif ukoll membri tal-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew.
Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jikkonċernaw uffiċjali ta’ livell għoli għandhom jinftiehmu mingħajr preġudizzju għall-immunitajiet u l-privileġġi stabbiliti skont kostituzzjonijiet jew liġijiet nazzjonali.
KAPITOLU II
REATI TA’ KORRUZZJONI
Artikolu 3
Tixħim fis-settur pubbliku
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn tkun intenzjonata, l-imġiba segwenti tikkostitwixxi reat kriminali:
(a)
il-wegħda, l-offerta jew l-għoti, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, ta’ vantaġġ indebitu ta’ kwalunkwe tip lil uffiċjal pubbliku għal dak l-uffiċjal jew għal parti terza, sabiex dak l-uffiċjal jaġixxi jew joqgħod lura milli jaġixxi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ dak l-uffiċjal (tixħim attiv fis-settur pubbliku);
(b)
it-talba jew l-irċevuta minn uffiċjal pubbliku, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, ta’ vantaġġ indebitu ta’ kwalunkwe tip jew l-aċċettazzjoni tal-offerta jew il-wegħda ta’ tali vantaġġ għal dak l-uffiċjal jew għal parti terza, sabiex dak l-uffiċjal pubbliku jaġixxi jew joqgħod lura milli jaġixxi f’konformità mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ dak l-uffiċjal (tixħim passiv fis-settur pubbliku).
Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-arbitri u l-ġurati għandhom jitqiesu bħala uffiċjali pubbliċi.
Artikolu 4
Tixħim fis-settur privat
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, meta tkun intenzjonata u matul attivitajiet ekonomiċi, finanzjarji, jew ta’ negozju jew kummerċjali, l-imġiba li ġejja tikkostitwixxi reat kriminali:
(a)
il-wegħda, l-offerta jew l-għoti, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, ta’ vantaġġ indebitu ta’ kwalunkwe tip lil persuna li fi kwalunkwe kapaċità tmexxi jew taħdem f’entità tas-settur privat, għal dik il-persuna jew għal parti terza, sabiex dik il-persuna taġixxi jew toqgħod lura milli taġixxi, bi ksur tad-dmirijiet ta’ dik il-persuna (tixħim attiv fis-settur privat);
(b)
it-talba jew l-irċevuta minn persuna li fi kwalunkwe kapaċità tmexxi jew taħdem f’entità tas-settur privat, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, ta’ vantaġġ indebitu ta’ kwalunkwe tip jew l-aċċettazzjoni tal-offerta jew it-twegħid ta’ tali vantaġġ għal dik il-persuna jew għal parti terza, sabiex dik il-persuna taġixxi jew toqgħod lura milli taġixxi, bi ksur tad-dmirijiet ta’ dik il-persuna (tixħim passiv fis-settur privat).
Artikolu 5
Miżapproprjazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn ikunu intenzjonati, l-impenn, l-iżborż, l-approprjazzjoni jew l-użu minn uffiċjal pubbliku ta’ proprjetà li l-ġestjoni tagħha tkun direttament jew indirettament fdata lil dak l-uffiċjal pubbliku b’mod kuntrarju għall-għan li għalih kienet maħsuba, jikkostitwixxu reat kriminali, jew meta mwettqa għall-vantaġġ ta’ dak l-uffiċjal jew għall-vantaġġ ta’ persuna jew entità oħra, jew inkella meta jkunu ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-entità pubblika jew privata kkonċernata.
2. L-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn ikunu intenzjonati, l-impenn, l-iżborż, l-approprjazzjoni jew l-użu, matul attivitajiet ekonomiċi, finanzjarji jew ta’ negozju jew kummerċjali minn persuna li fi kwalunkwe kapaċità tmexxi jew taħdem, f’entità tas-settur privat, ta’ kwalunkwe proprjetà li l-ġestjoni tagħha tkun direttament jew indirettament fdata lil dik il-persuna b’mod li jmur kontra l-għan li għalih kienet maħsuba, jikkostitwixxu reat kriminali, jew meta mwettqa għall-vantaġġ ta’ dik il-persuna jew għall-vantaġġ ta’ persuna jew entità oħra, jew inkella meta jkunu ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-entità pubblika jew privata kkonċernata.
Artikolu 6
Eżerċitar ta’ influwenza
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn tkun intenzjonata, l-imġiba segwenti tikkostitwixxi reat kriminali:
(a)
il-wegħda, l-offerta jew l-għoti, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, ta’ vantaġġ indebitu ta’ kwalunkwe tip lil kwalunkwe persuna biex teżerċita influwenza mhux xierqa fuq azzjoni jew ommissjoni minn uffiċjal pubbliku fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ dak l-uffiċjal bil-ħsieb li jinkiseb vantaġġ indebitu minn uffiċjal pubbliku;
(b)
it-talba jew l-irċevuta, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, ta’ vantaġġ indebitu ta’ kwalunkwe tip, jew l-aċċettazzjoni ta’ offerta jew il-wegħda ta’ tali vantaġġ, minn kwalunkwe persuna biex teżerċita influwenza mhux xierqa fuq azzjoni jew ommissjoni minn uffiċjal pubbliku fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ dak l-uffiċjal bil-ħsieb li jinkiseb vantaġġ indebitu minn uffiċjal pubbliku.
Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-arbitri u l-ġurati għandhom jitqiesu bħala uffiċjali pubbliċi.
2. Sabiex l-imġiba msemmija fil-paragrafu 1 tkun tikkostitwixxi reat kriminali, għandu jkun irrilevanti jekk l-influwenza tiġix eżerċitata jew le jew jekk l-influwenza allegata twassalx għar-riżultati maħsuba jew le.
Artikolu 7
Eżerċizzju illegali ta’ funzjonijiet pubbliċi
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn ikun intenzjonat, tal-inqas ċertu ksur serju tal-liġi fit-twettiq jew in-nuqqas ta’ twettiq ta’ att minn uffiċjal pubbliku fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ dak l-uffiċjal jikkostitwixxu reati kriminali. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għal ċerti kategoriji ta’ uffiċjali pubbliċi.
Artikolu 8
Tfixkil tal-ġustizzja
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn tkun intenzjonata, l-imġiba segwenti tikkostitwixxi reat kriminali wieħed jew diversi:
(a)
l-użu, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, ta’ forza fiżika, theddid jew intimidazzjoni jew it-twegħid, l-offerta jew l-għoti ta’ vantaġġ biex tiġi indotta xhieda falza jew għall-interferenza fl-għoti tax-xhieda jew fil-produzzjoni tal-evidenza fi proċediment b’rabta mat-twettiq ta’ kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 6, 9 u 11;
(b)
l-użu, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, ta’ forza fiżika, theddid jew intimidazzjoni biex issir interferenza fl-eżerċizzju tad-dmirijiet uffiċjali minn persuna li jkollha kariga ġudizzjarja jew membru tal-infurzar tal-liġi b’rabta mat-twettiq ta’ kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 6, 9 u 11.
Artikolu 9
Arrikkiment minn reati ta’ korruzzjoni
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-akkwiżizzjoni, il-pussess jew l-użu intenzjonat ta’ proprjetà minn uffiċjal pubbliku li fil-mument meta tiġi riċevuta jkun jaf li tali proprjetà kienet derivata mit-twettiq minn uffiċjal pubbliku ieħor ta’ kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 6, 8 u 11, jikkostitwixxu reat kriminali.
Artikolu 10
Ħabi
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ħabi intenzjonat jew it-travestiment tan-natura vera, is-sors, il-post, id-dispożizzjoni, il-moviment, id-drittijiet fir-rigward ta’, jew is-sjieda ta’ proprjetà, bl-għarfien li tali proprjetà ġejja mit-twettiq ta’ kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 6, 8 u 11 jikkostitwixxu reat kriminali.
Artikolu 11
Inċitament, għajnuna u assistenza, u tentattiv
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-inċitament tat-twettiq ta’ reat kriminali msemmi fl-Artikoli 3 sa 6 u 8 sa 10 jikkostitwixxi reat kriminali.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-għajnuna u l-assistenza fit-twettiq ta’ reat kriminali msemmi fl-Artikoli 3 sa 6 u 8 sa 10 jikkostitwixxi reat kriminali.
3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li tentattiv biex jitwettaq reat kriminali msemmi fl-Artikoli 9 u 10 jkun punibbli bħala reat kriminali, u għandhom jikkunsidraw li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li tentattiv biex jitwettaq mill-inqas wieħed mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 jkun punibbli bħala reat kriminali.
Artikolu 12
Pieni u miżuri għal persuni fiżiċi
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 sa 11 ikunu punibbli b’pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li:
(a)
ir-reat kriminali msemmi fl-Artikolu 3, fejn l-att li għandu jitwettaq jew li jinżamm lura milli jitwettaq mill-uffiċjal ikun bi ksur tad-dmirijiet ta’ dak l-uffiċjal, ikun punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas ħames snin;
(b)
ir-reati kriminali msemmija fl-Artikolu 5(1) u l-Artikoli 9 u 10 jkunu punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-anqas erba’ snin;
(c)
ir-reati kriminali msemmija fl-Artikolu 3, fejn l-att li għandu jitwettaq jew li jinżamm lura milli jitwettaq mill-uffiċjal ma jiksirx id-dmirijiet ta’ dak l-uffiċjal, u l-Artikoli 4 u 6 jkunu punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin.
3. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-imġiba deskritta fl-Artikolu 5 ma tikkostitwix reat kriminali fejn il-vantaġġ jew id-dannu involut ikun inqas minn EUR 10 000. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-limitu ta’ EUR 10 000 jew aktar jista’ jintlaħaq permezz ta’ serje ta’ każijiet ta’ mġiba koperti mill-Artikolu 5 li tkun marbuta u tal-istess tip, fejn dik l-imġiba tkun twettqet mill-istess trasgressur.
4. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni fiżiċi li jkunu wettqu r-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 u 8 sa 11 jistgħu jkunu soġġetti għal pieni kriminali jew mhux kriminali jew miżuri addizzjonali li jkunu proporzjonati għall-gravità tal-imġiba. Tali pieni jew miżuri jistgħu jinkludu dan li ġej:
(a)
multi;
(b)
it-tneħħija, is-sospensjoni u r-riassenjazzjoni minn kariga pubblika;
(c)
l-iskwalifika minn:
(i)
l-okkupazzjoni ta’ kariga pubblika,
(ii)
l-eżerċizzju ta’ funzjoni ta’ servizz pubbliku,
(iii)
l-okkupazzjoni ta’ kariga f’persuna ġuridika li tkun kompletament jew parzjalment ta’ dak l-Istat Membru,
(iv)
il-prattika ta’ attivitajiet tan-negozju li rriżultaw jew ippermettew ir-reat rilevanti;
(d)
projbizzjonijiet temporanji fuq kandidatura għal kariga pubblika;
(e)
l-irtirar ta’ permessi u awtorizzazzjonijiet għat-twettiq ta’ attivitajiet li rriżultaw fi jew ippermettew ir-reat rilevanti;
(f)
l-esklużjonijiet mill-aċċess għall-finanzjament pubbliku, inkluż proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti, għotjiet, konċessjonijiet u liċenzji;
(g)
meta jkun fl-interess pubbliku, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja kollha jew ta’ parti minnha marbuta mar-reat kriminali mwettaq u l-pieni jew il-miżuri imposti, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali.
Artikolu 13
Responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 u 8 sa 11 meta tali reati jkunu twettqu għall-benefiċċju ta’ dawk il-persuni ġuridiċi minn kwalunkwe persuna li jkollha pożizzjoni ta’ tmexxija fil-persuna ġuridika kkonċernata, li taġixxi individwalment jew bħala parti minn organu ta’ dik il-persuna ġuridika, abbażi ta’ waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:
(a)
setgħa ta’ rappreżentanza tal-persuna ġuridika;
(b)
awtorità li tieħu deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika; jew
(c)
awtorità li teżerċita kontroll fil-persuna ġuridika.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli fejn in-nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll minn persuna msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkun għamel possibbli t-twettiq ta’ reat kriminali msemmi fl-Artikoli 3 sa 6 u 8 sa 11 għall-benefiċċju ta’ dik il-persuna ġuridika minn persuna taħt l-awtorità tagħha.
3. Ir-responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex tipprekludi proċedimenti kriminali kontra persuni fiżiċi li jkunu wettqu, inċitawjew huma aċċessorji għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 u 8 sa 11.
Artikolu 14
Pieni u miżuri għal persuni ġuridiċi
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika miżmuma responsabbli skont l-Artikolu 13(1) jew (2) tkun punibbli b’pieni jew miżuri kriminali jew mhux kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-pieni jew il-miżuri għal persuni ġuridiċi miżmuma responsabbli skont l-Artikolu 13(1) jew (2) għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 u 8 sa 11 għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali, li l-ammont tagħhom għandu jkun proporzjonat għall-gravità tal-imġiba u għaċ-ċirkostanzi individwali, finanzjarji u ċirkostanzi oħra tal-persuna ġuridika kkonċernata, u jistgħu jinkludu pieni jew miżuri kriminali jew mhux kriminali oħra li jkunu proporzjonati għall-gravità tal-imġiba, bħal:
(a)
l-esklużjoni mid-dritt għall-benefiċċji pubbliċi jew l-għajnuna pubblika;
(b)
l-esklużjonijiet mill-aċċess għall-finanzjament pubbliku, inkluż proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti, għotjiet, konċessjonijiet u liċenzji;
(c)
skwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta’ attivitajiet ta’ negozju;
(d)
l-irtirar ta’ permessi u awtorizzazzjonijiet għat-twettiq ta’ attivitajiet li rriżultaw jew ippermettew ir-reat rilevanti;
(e)
possibbiltà għall-awtoritajiet pubbliċi li jannullaw jew iħassru kuntratt, li fil-kuntest tiegħu jkun twettaq ir-reat;
(f)
it-tqegħid taħt is-sorveljanza ġudizzjarja;
(g)
l-istralċ ġudizzjarju;
(h)
l-għeluq ta’ stabbilimenti użati għat-twettiq tar-reat; u
(i)
meta jkun fl-interess pubbliku, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja kollha jew ta’ parti minnha marbuta mar-reat kriminali mwettaq u l-pieni jew il-miżuri imposti, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali.
3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, tal-inqas persuna ġuridika li tinżamm responsabbli skont l-Artikolu 13(1) għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 sa 6, u 9 tkun punibbli b’multi kriminali jew mhux kriminali, li l-ammont tagħhom għandu jkun proporzjonat għall-gravità tal-imġiba u għaċ-ċirkostanzi individwali, finanzjarji u oħrajn tal-persuna ġuridika kkonċernata. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-livell massimu ta’ tali multi ma jkunx inqas minn:
(a)
għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 sa 5:
(i)
5 % tal-fatturat globali totali tal-persuna ġuridika, jew fis-sena kontabilistika ta’ qabel dik li fiha twettaq ir-reat, jew fis-sena kontabilistika ta’ qabel dik tad-deċiżjoni li tiġi imposta l-multa; jew alternattivament
(ii)
ammont li jikkorrispondi għal EUR 40 000 000;
(b)
għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 6, 8 u 9:
(i)
3 % tal-fatturat globali totali tal-persuna ġuridika, jew fis-sena kontabilistika ta’ qabel dik li fiha twettaq ir-reat, jew fis-sena kontabilistika ta’ qabel dik tad-deċiżjoni li tiġi imposta l-multa; jew alternattivament
(ii)
ammont li jikkorrispondi għal EUR 24 000 000.
L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli għall-każijiet fejn ma jkunx possibbli li l-ammont tal-multa jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-fatturat dinji totali tal-persuna ġuridika fis-sena finanzjarja ta’ qabel dik li fiha jkun twettaq ir-reat, jew fis-sena finanzjarja ta’ qabel dik tad-deċiżjoni li tiġi imposta l-multa.
Artikolu 15
Ċirkostanzi aggravanti
1. Sa fejn ma tkunx diġà tifforma parti mill-elementi kostitwenti tar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 u 9, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fir-rigward tar-reati kriminali rilevanti msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 u 9 sa 11, iċ-ċirkostanza li r-reati jkunu twettqu fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali skont it-tifsira tad-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI titqies bħala ċirkostanza aggravanti.
2. Sa fejn iċ-ċirkostanzi li ġejjin ma jkunux diġà jiffurmaw parti mill-elementi kostitwenti tar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 u 9, l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fir-rigward tar-reati rilevanti msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 u 9 sa 11, waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi li ġejjin jistgħu, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jitqiesu bħala ċirkostanzi aggravanti:
(a)
it-trasgressur ikun uffiċjal ta’ livell għoli;
(b)
it-trasgressur ikun preċedentement instab ħati b’sentenza finali ta’ reati tal-istess natura bħal dawk imsemmija fl-Artikoli 3 sa 6 u 9 sa 11;
(c)
it-trasgressur kiseb benefiċċju sostanzjali jew ir-reat ikkawża ħsara sostanzjali, sa fejn dan il-benefiċċju jew dannu jkun jista’ jiġi ddeterminat;
(d)
it-trasgressur jeżerċita funzjonijiet ta’ investigazzjoni, prosekuzzjoni jew aġġudikazzjoni;
(e)
it-trasgressur ikun ħa vantaġġ mis-sitwazzjoni vulnerabbli ta’ persuna involuta fit-twettiq tar-reat;
(f)
it-trasgressur ikun entità marbuta b’obbligu skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26), jew impjegat ta’ entità marbuta b’obbligu, jew ikollu s-setgħa, kemm jekk individwalment jew bħala parti minn organu tal-entità marbuta b’obbligu, li jirrappreżenta lil dik l-entità, jew l-awtorità li jieħu deċiżjonijiet f’isem dik l-entità jew li jeżerċita kontroll fl-entità marbuta b’obbligu, u jkun wettaq ir-reat fl-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali tiegħu jew tagħha.
Artikolu 16
Ċirkostanzi mitiganti
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fir-rigward tar-reati rilevanti msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 u 8 sa 11, waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi li ġejjin jistgħu, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jitqiesu bħala ċirkostanza mitiganti:
(a)
it-trasgressur jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti b’informazzjoni li kieku ma kinux ikunu jistgħu jiksbu b’mod ieħor, u b’hekk jgħinhom jidentifikaw jew iressqu quddiem il-ġustizzja t-trasgressuri l-oħra;
(b)
it-trasgressur jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti b’informazzjoni li kieku ma kinux ikunu jistgħu jiksbu b’mod ieħor, u b’hekk jgħinhom isibu l-evidenza;
(c)
fejn persuna ġuridika tinżamm responsabbli għal kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 6 u 8 sa 11 u, sakemm ma jkunx jikkostitwixxi raġuni għall-esklużjoni tar-responsabbiltà, tkun implimentat kontrolli interni effettivi, sensibilizzazzjoni dwar l-etika, u programmi ta’ konformità biex tipprevjeni l-korruzzjoni qabel jew wara t-twettiq tar-reat;
(d)
fejn persuna ġuridika tinżamm responsabbli għal reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 6 u 8 sa 11 u, ladarba r-reat ikun ġie skopert, ikun żvela malajr u volontarjament ir-reat lill-awtoritajiet kompetenti u jkun ħa miżuri ta’ rimedju.
Iċ-ċirkostanzi mitiganti msemmija fil-punti (c) u (d) huma applikabbli biss għall-persuni ġuridiċi.
Artikolu 17
Privileġġi u immunitajiet fir-rigward tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati ta’ korruzzjoni
Sakemm dan ma jmurx kontra l-kostituzzjonijiet, il-prinċipji kostituzzjonali u l-liġijiet tagħhom, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-privileġġi fir-rigward ta’ u l-immunità mill-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni mogħtija lill-uffiċjali nazzjonali għar-reati kriminali msemmija f’din id-Direttiva jkunu jistgħu jitneħħew.
Аrtikolu 18
Ġuriżdizzjoni
1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jistabbilixxi l-ġuriżdizzjoni tiegħu fuq ir-reati kriminali msemmija f’din id-Direttiva meta:
(a)
ir-reat twettaq kompletament jew parzjalment fit-territorju tiegħu;
(b)
it-trasgressur ikun ċittadin tiegħu.
2. Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni meta jiddeċiedi li jestendi l-ġuriżdizzjoni tiegħu għal wieħed jew aktar mir-reati kriminali msemmija f’din id-Direttiva li jkunu twettqu lil hinn mit-territorju tiegħu, meta:
(a)
it-trasgressur ikun resident abitwali fit-territorju tiegħu;
(b)
ir-reat ikun twettaq kontra wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew mir-residenti abitwali tiegħu;
(c)
ir-reat ikun twettaq għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika stabbilita fit-territorju tiegħu;
(d)
ir-reat ikun twettaq għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika fir-rigward ta’ kwalunkwe negozju li jsir kompletament jew parzjalment fit-territorju tiegħu.
3. Meta reat kriminali msemmi f’din id-Direttiva jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, dawk l-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jiddeterminaw liema Stat Membru għandu jmexxi l-proċedimenti kriminali. Fejn ikun xieraq, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-Eurojust f’konformità mal-Artikolu 12(2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI (27).
4. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-eżerċizzju tal-ġuriżdizzjoni tagħhom ma jkunx soġġett għall-kundizzjoni li l-prosekuzzjoni tkun tista’ tinbeda biss wara denunzja mill-Istat tal-post fejn ikun twettaq ir-reat kriminali jew wara rapport magħmul fl-Istat fejn ikun twettaq ir-reat kriminali.
Artikolu 19
Perjodi ta’ preskrizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevedu perjodu ta’ preskrizzjoni li jippermetti l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni, il-proċess u l-aġġudikazzjoni tar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 u 8 sa 11 għal perjodu ta’ żmien suffiċjenti wara t-twettiq ta’ dawk ir-reati kriminali, sabiex dawk ir-reati kriminali jiġu indirizzati b’mod effettiv. It-tali perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jkun kif ġej:
(a)
mill-inqas tmien snin miż-żmien meta jkun twettaq reat kriminali punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas erba’ snin;
(b)
mill-inqas ħames snin miż-żmien meta jkun twettaq reat kriminali punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevedu perjodu ta’ preskrizzjoni li jippermetti l-infurzar ta’ pieni imposti wara kundanna finali għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 u 8 sa 11 għal biżżejjed żmien wara dik il-kundanna. Dak il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jkun kif ġej:
(a)
mill-inqas għaxar snin mid-data tal-kundanna finali fil-każijiet li ġejjin:
(i)
piena ta’ priġunerija ta’ aktar minn sena, jew alternattivament
(ii)
piena ta’ priġunerija għal reat kriminali punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas erba’ snin;
(b)
mill-inqas ħames snin mid-data tal-kundanna finali fil-każijiet li ġejjin:
(i)
piena ta’ priġunerija ta’ mhux aktar minn sena, jew alternattivament
(ii)
piena ta’ priġunerija għal reat kriminali punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin.
3. B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu ta’ preskrizzjoni iqsar, diment li t-tali perjodu ta’ preskrizzjoni jkun jista’ jiġi interrott jew sospiż fil-każ ta’ atti speċifiċi. Dan il-perjodu ma għandux ikun iqsar minn:
(a)
ħames snin għal reati kriminali punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas erba’ snin;
(b)
tliet snin għal reati kriminali punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin;
4. B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu ta’ preskrizzjoni iqsar, diment li t-tali perjodu ta’ preskrizzjoni jkun jista’ jiġi interrott jew sospiż fil-każ ta’ atti speċifiċi. Dan il-perjodu ma għandux ikun iqsar minn:
(a)
ħames snin mid-data tal-kundanna finali fil-każijiet li ġejjin:
(i)
piena ta’ priġunerija ta’ aktar minn sena, jew alternattivament
(ii)
piena ta’ priġunerija għal reat kriminali punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas erba’ snin;
(b)
tliet snin mid-data tal-kundanna finali fil-każijiet li ġejjin:
(i)
piena ta’ priġunerija ta’ mhux aktar minn sena, jew alternattivament
(ii)
piena ta’ priġunerija għal reat kriminali punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas tliet snin.
KAPITOLU III
PREVENZJONI, RAPPURTAR U INVESTIGAZZJONI
Artikolu 20
Prevenzjoni tal-korruzzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni xierqa, bħal kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni, biex iqajmu sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku u fis-settur privat dwar l-impatt u l-ħsara tal-korruzzjoni bl-objettiv li jitnaqqas it-twettiq ġenerali ta’ reati ta’ korruzzjoni kif ukoll ir-riskju ta’ korruzzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw livell għoli ta’ integrità, trasparenza u responsabbiltà fl-amministrazzjoni pubblika u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi bil-għan li tiġi evitata l-korruzzjoni. L-Istati Membri għandhom jippromwovu kultura ta’ servizz pubbliku bbażata fuq dawk il-prinċipji, filwaqt li jiżguraw li l-uffiċjali u l-amministrazzjonijiet nazzjonali jkomplu jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom li jżommu standards professjonali adegwati, u l-għarfien tagħhom ta’ sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess u tar-riskji ta’ korruzzjoni.
3. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ għodod ta’ prevenzjoni. Dawk l-għodod jistgħu jinkludu, pereżempju, aċċess xieraq għal informazzjoni ta’ interess pubbliku, regoli għad-divulgazzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess fis-settur pubbliku, miżuri biex tiġi żgurata t-trasparenza fil-finanzjament tal-kandidaturi għall-uffiċjali pubbliċi eletti u l-partiti politiċi, regoli għad-dikjarazzjonijiet tal-assi u l-verifika ta’ tali dikjarazzjonijiet, dikjarazzjonijiet ta’ interess minn uffiċjali nazzjonali maħtura mil-liġi nazzjonali u regolamentazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ revolving doors li jinvolvu tali uffiċjali, regoli dwar in-nuqqas ta’ rappurtar ta’ assi jew interessi sostanzjali, u regoli li jirregolaw l-interazzjoni bejn is-settur privat u dak pubbliku.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li miżuri biex jipprevjenu l-korruzzjoni kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, ikunu disponibbli u mfassla apposta għar-riskji speċifiċi ta’ qasam ta’ attività. It-tali miżuri għandhom tal-anqas jinkludu attivitajiet biex tissaħħaħ l-integrità u biex jiġu evitati l-opportunitajiet għall-korruzzjoni fost:
(a)
l-uffiċjali ta’ livell għoli;
(b)
l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji, inkluż miżuri relatati mal-ħatra u l-imġiba tagħhom.
5. L-Istati Membri għandhom, f’intervalli xierqa, iwettqu valutazzjoni biex jidentifikaw is-setturi jew l-okkupazzjonijiet l-aktar f’riskju ta’ korruzzjoni u jiżviluppaw miżuri biex jindirizzaw ir-riskji ewlenin fis-setturi jew l-okkupazzjonijiet identifikati.
6. Wara l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, l-Istati Membri għandhom, kif xieraq, jorganizzaw regolarment attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni adattati għall-ispeċifiċitajiet tas-setturi jew l-okkupazzjonijiet identifikati, inkluż dwar l-etika.
7. Fejn ikun xieraq, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jippromwovu l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, tad-dinja akkademika, tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi u tal-organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità f’attivitajiet kontra l-korruzzjoni.
Artikolu 21
Strateġiji nazzjonali
Mingħajr preġudizzju għall-politiki eżistenti, kull Stat Membru għandu jadotta u jippubblika strateġija nazzjonali dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li tistabbilixxi objettivi, prijoritajiet u miżuri korrispondenti u l-mezzi biex jintlaħqu dawk l-objettivi. L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li tali strateġija nazzjonali tiġi żviluppata f’konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, il-korpi jew l-unitajiet rilevanti msemmija fl-Artikolu 22, l-esperti indipendenti, ir-riċerkaturi u partijiet ikkonċernati oħra, u għandhom iqisu l-ħtiġijiet, l-ispeċifiċitajiet u l-isfidi tal-Istati Membri.
Artikolu 22
Korpi jew unitajiet organizzazzjonali kontra l-korruzzjoni
1. Sabiex javvanzaw il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fuq bażi komuni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li korp wieħed jew aktar jew unitajiet organizzazzjonali inkarigati bil-prevenzjoni tal-korruzzjoni jkunu fis-seħħ u jkollhom l-għarfien espert meħtieġ biex jiġġieldu l-korruzzjoni. Il-kompiti ta’ tali korpi jew unitajiet organizzazzjonali jistgħu jinkludu, kif xieraq:
(a)
il-valutazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-uffiċjali nazzjonali, kif maħtura skont il-liġi nazzjonali;
(b)
il-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli ta’ trasparenza applikabbli għall-uffiċjali nazzjonali u għall-entitajiet pubbliċi;
(c)
il-monitoraġġ tal-konformità mad-dispożizzjonijiet statutorji u r-regoli relatati mal-kunflitti ta’ interess fis-settur pubbliku;
(d)
l-identifikazzjoni ta’ setturi jew impjiegi l-aktar f’riskju ta’ korruzzjoni;
(e)
il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, il-korpi jew l-unitajiet organizzazzjonali inkarigati mir-repressjoni tal-korruzzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ korp wieħed jew diversi korpi jew unitajiet organizzazzjonali inkarigati bir-repressjoni u l-investigazzjoni tal-korruzzjoni.
3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-korpi jew l-unitajiet organizzazzjonali kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2:
(a)
joperaw mingħajr interferenza bla bżonn;
(b)
ikunu magħrufa mill-pubbliku;
(c)
fejn rilevanti, jieħu deċiżjonijiet jew jagħmlu rakkomandazzjonijiet f’konformità ma’ proċeduri trasparenti stabbiliti bil-liġi, b’regolamenti jew b’dispożizzjonijiet amministrattivi;
(d)
jirrappurtaw dwar l-attivitajiet ewlenin tagħhom u r-riżultati tagħhom.
Artikolu 23
Riżorsi
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi jew l-unitajiet organizzazzjonali inkarigati bil-prevenzjoni u r-repressjoni tal-korruzzjoni jkollhom għadd adegwat ta’ persunal kwalifikat u r-riżorsi finanzjarji, tekniċi u teknoloġiċi meħtieġa għat-twettiq effettiv tal-funzjonijiet tagħhom relatati mal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 24
Taħriġ
1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jipprovdi taħriġ aġġornat għall-uffiċjali nazzjonali tiegħu biex ikunu jistgħu jidentifikaw forom differenti ta’ korruzzjoni u riskji ta’ korruzzjoni li jistgħu jseħħu fl-eżerċizzju ta’ dmirijiethom u biex jirreaġixxu b’mod f’waqtu u xieraq għal kwalunkwe attività suspettuża.
2. Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja u d-differenzi fl-organizzazzjoni tal-ġudikatura madwar l-Unjoni, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jipprovdi taħriġ speċjalizzat u aġġornat għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji inkarigati minn investigazzjonijiet kriminali u proċedimenti kriminali ta’ reati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 25
Protezzjoni tal-persuni li jirrappurtaw reati jew li jassistu fl-investigazzjoni tagħhom
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-Direttiva (UE) 2019/1937 tkun applikabbli għar-rappurtar tar-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 11 ta’ din id-Direttiva u għall-protezzjoni tal-persuni li jirrappurtaw tali reati, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fiha.
2. Minbarra l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe persuna li tirrapporta r-reati msemmija f’din id-Direttiva, li tipprovdi evidenza jew li b’xi mod ieħor tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti, jkollha aċċess għal miżuri ta’ protezzjoni, appoġġ u assistenza fil-kuntest ta’ proċedimenti kriminali, f’konformità mal-liġi nazzjonali.
Artikolu 26
Għodod ta’ investigazzjoni
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li għodod investigattivi effettivi u proporzjonati, ikunu disponibbli għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati kriminali msemmija f’din id-Direttiva. Meta jkun xieraq, dawk l-għodod għandhom jinkludu għodod investigattivi speċjali, bħal dawk użati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata jew f’każijiet oħra ta’ reati kriminali serji.
Artikolu 27
Iffriżar u konfiska
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu t-traċċar, l-identifikazzjoni, l-iffriżar u l-konfiska tal-mezzi strumentali u tar-rikavat mir-reati kriminali msemmija fil-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva.
L-Istati Membri marbuta bid-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28) għandhom jieħdu l-miżuri msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu f’konformità ma’ dik id-Direttiva.
Artikolu 28
Skambju ta’ informazzjoni
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-Applikazzjoni ta’ Network għall-Iskambju Sikur ta’ Informazzjoni (SIENA) tal-Europol tintuża għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi f’konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva (UE) 2023/977.
Artikolu 29
Drittijiet tal-vittmi
Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2012/29/UE, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex japplikaw id-drittijiet rilevanti skont il-liġi applikabbli għall-vittmi ta’ reati skont din id-Direttiva, inkluż persuni ġuridiċi, fejn applikabbli, f’konformità mal-liġi nazzjonali.
Artikolu 30
Drittijiet għall-pubbliku kkonċernat li jipparteċipa fi proċedimenti
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni affettwati jew li x’aktarx jiġu affettwati mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 sa 9 ta’ din id-Direttiva u l-persuni li jkollhom interess suffiċjenti jew li jsostnu d-dgħajfien ta’ dritt, kif ukoll l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li huma involuti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li jissodisfaw ir-rekwiżiti skont il-liġi nazzjonali, ikollhom drittijiet proċedurali xierqa fil-proċedimenti li jikkonċernaw dawk ir-reati, meta tali drittijiet proċedurali għall-pubbliku kkonċernat ikunu jeżistu fl-Istat Membru fi proċedimenti li jikkonċernaw reati kriminali oħra, pereżempju bħala parti ċivili.
Artikolu 31
Sospensjoni jew riassenjazzjoni ta’ uffiċjal pubbliku
L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jistabbilixxu proċeduri kriminali, amministrattivi jew dixxiplinari li taħthom uffiċjal pubbliku akkużat b’reat kriminali msemmi f’din id-Direttiva jista’, fejn xieraq, jiġi sospiż jew assenjat mill-ġdid temporanjament mill-awtorità kompetenti, bir-rispett dovut għall-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza.
KAPITOLU IV
KOORDINAZZJONI U KOOPERAZZJONI
Artikolu 32
Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni
Meta jkun hemm suspett li r-reati kriminali msemmija f’din id-Direttiva jkunu ta’ natura transfruntiera, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkunsidraw li jirreferu l-informazzjoni relatata ma’ dawk ir-reati lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji jew lill-aġenziji tal-Unjoni kompetenti u xierqa.
Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-kooperazzjoni transfruntiera u l-assistenza legali reċiproka f’materji kriminali, l-Istati Membri, il-Europol, l-Eurojust, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Kummissjoni għandhom, fil-kompetenzi rispettivi tagħhom, jikkooperaw ma’ xulxin fil-ġlieda kontra r-reati kriminali msemmija f’din id-Direttiva. Għal dak il-għan, il-Eurojust għandha, meta jkun xieraq, tipprovdi l-assistenza teknika u operazzjonali meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti biex tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-investigazzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni u l-OLAF jistgħu, fejn xieraq, jipprovdu assistenza.
Artikolu 33
Appoġġ mill-Kummissjoni lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom
1. Il-Kummissjoni għandha tħejji ħarsa ġenerali lejn ir-riskji settorjali tal-korruzzjoni fl-Unjoni u tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri u l-esperti madwar l-Unjoni.
2. Il-kompiti tal-Kummissjoni, permezz tan-network tal-UE kontra l-korruzzjoni, għandhom jinkludu:
(a)
l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost il-prattikanti, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, l-esperti, ir-riċerkaturi u partijiet ikkonċernati oħra tal-Istati Membri;
(b)
fuq talba, l-appoġġ lill-partijiet ikkonċernati kollha, u b’mod partikolari lill-Istati Membri, fl-attivitajiet tagħhom, billi jiġu żviluppati l-aħjar prattiki, materjali ta’ gwida mhux vinkolanti u metodoloġiji.
3. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar ir-riżorsi finanzjarji fil-livell tal-Unjoni disponibbli għall-Istati Membri għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluż programmi tal-Unjoni kontra l-korruzzjoni ma’ pajjiżi terzi.
Artikolu 34
Ġbir ta’ data u statistika
1. L-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ sistema għar-reġistrazzjoni, il-produzzjoni u l-għoti ta’ data statistika anonimizzata dwar ir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 sa 11 ta’ din id-Direttiva.
2. Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1 għandha, bħala minimu, tinkludi d-data eżistenti li ġejja, meta tkun disponibbli f’livell ċentrali:
(a)
l-għadd ta’ reati kriminali rreġistrati u deċiżi mill-Istati Membri;
(b)
l-għadd ta’ kawżi miċħuda fil-qorti, inkluż l-għadd ta’ kawżi miċħuda għal raġuni ta’ skadenza tal-perjodu ta’ preskrizzjoni għar-reat kriminali kkonċernat;
(c)
l-għadd ta’ riżoluzzjonijiet mingħajr proċess għal każijiet tar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 sa 11, meta tali mekkaniżmi jeżistu fi Stat Membru fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti rilevanti;
(d)
l-għadd ta’ persuni fiżiċi bi speċifikazzjoni, meta disponibbli, tal-għadd ta’ uffiċjali pubbliċi u uffiċjali ta’ livell għoli li ġew:
(i)
imħarrka,
(ii)
ikkundannati,
(iii)
immultati;
(e)
l-għadd ta’ persuni ġuridiċi li ġew:
(i)
imħarrka,
(ii)
ikkundannati,
(iii)
immultati;
(f)
it-tipi u l-livelli ta’ pieni imposti għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 sa 11;
(g)
l-għadd ta’ maħfriet relatati ma’ kundanni fir-rigward tal-Artikoli 3, 4, 5 u 6.
3. L-Istati Membri għandhom, fuq bażi annwali u fejn possibbli sal-1 ta’ Ġunju, iżda mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru, jippubblikaw, f’format li jinqara mill-magni, faċilment aċċessibbli u komparabbli, id-data statistika msemmija fil-paragrafu 2 għas-sena preċedenti u jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 35
Sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2003/568/JHA u tal-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea
1. Id-Deċiżjoni Kwadru 2003/568/JHA hija sostitwita fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri fir-rigward tad-data għat-traspożizzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni Kwadru fil-liġi nazzjonali.
Fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, ir-referenzi għad-Deċiżjoni Kwadru 2003/568/JHA għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva. B’mod partikolari, ir-referenzi għall-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru 2003/568/JHA għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva.
2. Il-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea hija sostitwita fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva.
Fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva, ir-referenzi għal dik il-Konvenzjoni għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva. B’mod partikolari, ir-referenzi għall-Artikolu 3 ta’ dik il-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 36
Emendi għad-Direttiva (UE) 2017/1371
Id-Direttiva (UE) 2017/1371 hija emendata kif ġej:
(1)
fl-Artikolu 2(1), jiddaħħal il-punt li ġej:
“(c)
‘uffiċjal ta’ livell għoli’ tfisser uffiċjal ta’ livell għoli kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (9), tad-Direttiva (UE) 2026/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).
(*1) Id-Direttiva (UE) 2026/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2026 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/ĠAI u l-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2026/1021, 11.5.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2026/1021/oj).”;"
(2)
l-Artikolu 4(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li tixħim passiv u attiv fis-settur pubbliku, meta mwettqa intenzjonalment, ikunu jikkostitwixxu reati kriminali.
(a)
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘tixħim passiv fis-settur pubbliku’ tfisser l-azzjoni ta’ uffiċjal pubbliku li, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, jitlob jew jirċievi vantaġġi ta’ kwalunkwe tip, għalih jew għal parti terza, jew jaċċetta wegħda ta’ vantaġġ bħal dan, biex jaġixxi jew biex joqgħod lura milli jaġixxi skont dmirijietu jew fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu b’mod li jagħmel ħsara jew li x’aktarx jagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
(b)
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘tixħim attiv fis-settur pubbliku’ tfisser l-azzjoni ta’ persuna li twiegħed, toffri jew tagħti, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, vantaġġ ta’ kwalunkwe tip lil uffiċjal pubbliku għalih innifsu jew għal parti terza biex jaġixxi jew biex joqgħod lura milli jaġixxi skont dmirijietu jew fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu b’mod li jagħmel ħsara jew li x’aktarx jagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni.”
;(3)
l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:
(a)
il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati kriminali msemmijin fl-Artikoli 3 u fl-Artikolu 4(1) u (3) jkunu punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas erba’ snin meta dawk ir-reati kriminali jinvolvu dannu jew vantaġġ konsiderevoli.
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn l-att li għandu jitwettaq jew li jinżamm lura milli jitwettaq mill-uffiċjal ma jkunx bi ksur tad-dmirijiet ta’ dak l-uffiċjal, ir-reati kriminali msemmija fl-Artikolu 4(2) ikunu punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas erba’ snin meta dawk ir-reati kriminali jinvolvu dannu jew vantaġġ konsiderevoli.
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn l-att li għandu jitwettaq jew li jinżamm lura milli jitwettaq mill-uffiċjal ikun bi ksur tad-dmirijiet ta’ dak l-uffiċjal, ir-reati kriminali msemmija fl-Artikolu 4(2) ikunu punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas ħames snin meta dawk ir-reati kriminali jinvolvu dannu jew vantaġġ konsiderevoli.
Id-dannu jew il-vantaġġ li jirriżulta mir-reati kriminali msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 3(2) u fl-Artikolu 4 għandhom ikunu preżunti li jkunu konsiderevoli fejn id-dannu jew il-vantaġġ jinvolvi aktar minn EUR 100 000.
Id-dannu jew il-vantaġġ li jirriżulta mir-reati kriminali msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 3(2) u soġġett għall-Artikolu 2(2) għandu dejjem jiġi preżunt bħala konsiderevoli.
L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprevedu terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas erba’ snin f’ċirkostanzi serji oħra definiti fil-liġi nazzjonali tagħhom.”
;(b)
il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“4. Meta reat kriminali msemmi fil-punti (a), (b) jew (c) tal-Artikolu 3(2) jew fl-Artikolu 4(1) u (3) jinvolvi dannu ta’ anqas minn EUR 10 000 jew vantaġġ ta’ anqas minn EUR 10 000, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu pieni oħra minflok pieni kriminali.”
;(c)
jiżdied il-paragrafu li ġej:
“6. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni fiżiċi li jkunu wettqu r-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5 ta’ din id-Direttiva jistgħu jkunu soġġetti għal pieni kriminali u mhux kriminali addizzjonali jew miżuri li jistgħu jinkludu dawk imsemmija fl-Artikolu 12(4) tad-Direttiva (UE) 2026/1021”
;(4)
l-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 8
Ċirkostanzi aggravanti u mitiganti
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li meta jitwettaq reat kriminali msemmi fl-Artikoli 3, 4 jew 5 ta’ din id-Direttiva f’organizzazzjoni kriminali kif definit fid-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI, dan għandu jitqies bħala ċirkostanza aggravanti.
L-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li ċirkostanza waħda jew aktar msemmija fl-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva (UE) 2026/1021 jistgħu, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali, jitqiesu bħala ċirkostanzi aggravanti u mitiganti, fir-rigward tar-reati kriminali msemmija f’din id-Direttiva.”
;(5)
l-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 9
Pieni għall-persuni ġuridiċi
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika miżmuma responsabbli skont l-Artikolu 6 tkun punibbli b’pieni jew miżuri kriminali jew mhux kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-pieni jew il-miżuri għal persuni ġuridiċi miżmuma responsabbli skont l-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali, li l-ammont tagħhom għandu jkun proporzjonat għall-gravità tal-imġiba u għaċ-ċirkostanzi individwali, finanzjarji u ċirkostanzi oħra tal-persuna ġuridika kkonċernata, u jistgħu jinkludu pieni jew miżuri kriminali jew mhux kriminali oħra li jkunu proporzjonati għall-gravità tal-imġiba, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva (UE) 2026/1021.
Sa fejn il-persuni ġuridiċi jinżammu responsabbli skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-Direttiva, għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 4(2) u (3) ta’ din id-Direttiva, huwa applikabbli l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva (UE) 2026/1021.”
;(6)
l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:
(a)
il-paragrafi 2, 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni, il-proċess u l-aġġudikazzjoni tar-reati kriminali msemmija fl-Artikolu 3, fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 5 li huma punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas erba’ snin, għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin minn meta jkun twettaq ir-reat kriminali.
3. B’deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu ta’ preskrizzjoni li huwa iqsar minn ħames snin, iżda mhux iqsar minn tliet snin, dment li tali perjodu ta’ preskrizzjoni jista’ jiġi interrott jew sospiż f’każ ta’ atti speċifikati.
4. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni, il-proċess u l-aġġudikazzjoni tar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 4(2) u (3) li huma punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas erba’ snin, għal perjodu ta’ mill-inqas tmien snin minn meta jkun twettaq ir-reat kriminali.”
;(b)
jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:
“5. B’deroga mill-paragrafu 4, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu ta’ preskrizzjoni li jkun iqsar minn tmien snin, iżda mhux iqsar minn ħames snin, dment li tali perjodu ta’ preskrizzjoni jista’ jiġi interrott jew sospiż f’każ ta’ atti speċifikati.
6. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevedu perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ mill-inqas ħames snin mid-data tal-kundanna finali għal reat kriminali msemmi fl-Artikoli 3, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5 li jippermetti l-infurzar tal-pieni li ġejjin imposti wara dik il-kundanna:
(a)
piena ta’ priġunerija ta’ mhux aktar minn sena; jew alternattivament
(b)
piena ta’ priġunerija għal reat kriminali punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas erba’ snin.
7. B’deroga mill-paragrafu 6, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu ta’ preskrizzjoni li jkun iqsar minn ħames snin, iżda mhux iqsar minn tliet snin, dment li tali perjodu ta’ preskrizzjoni jista’ jiġi interrott jew sospiż f’każ ta’ atti speċifikati.
8. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprovdu għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ mill-inqas għaxar snin mid-data tal-kundanna finali għal reat kriminali msemmi fl-Artikoli 4(2) u (3) li jippermetti l-infurzar tal-pieni li ġejjin imposti wara dik il-kundanna:
(a)
piena ta’ priġunerija ta’ aktar minn sena, jew alternattivament
(b)
piena ta’ priġunerija għal reat kriminali li huwa punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas erba’ snin.
9. B’deroga mill-paragrafu 8, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu ta’ preskrizzjoni li huwa iqsar minn għaxar snin, iżda mhux iqsar minn ħames snin, dment li l-perjodu jista’ jiġi interrott jew sospiż f’każ ta’ atti speċifikati.”.
Artikolu 37
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-1 ta’ Ġunju 2028.
Madankollu, għall-obbligi skont l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 21, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-1 ta’ Ġunju 2029.
2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 38
Evalwazzjoni u rappurtar
1. Sal-1 ta’ Ġunju 2030, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta sa liema punt l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.
2. Sal-1 ta’ Ġunju 2032, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta l-valur miżjud ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluż valutazzjoni tal-Artikolu 7 u l-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Membri. Dak ir-rapport għandu jkopri wkoll l-impatt ta’ din id-Direttiva fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Abbażi ta’ din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ, tiddeċiedi dwar azzjonijiet xierqa ta’ segwitu.
Artikolu 39
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 40
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Strażburgu, id-29 ta’ April 2026.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
M. RAOUNA
(1) ĠU C, C/2024/886, 6.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/886/oj.
(2) ĠU C, C/2024/1048, 9.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1048/oj.
(3) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2026 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2026.
(4) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (ĠU L 192, 31.7.2003, p. 54, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2003/568/oj).
(5) Il-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3 (2) (c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 195, 25.6.1997, p. 2).
(6) Id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 284, 12.11.2018, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/1673/oj).
(7) Id-Direttiva (UE) 2024/1260 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi (ĠU L, 2024/1260, 2.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1260/oj).
(8) Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/81/oj).
(9) Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/23/oj).
(10) Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/24/oj).
(11) Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/25/oj).
(12) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2008/841/oj).
(13) Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrappurtaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/1937/oj).
(14) Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/1371/oj).
(15) Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2012/29/oj).
(16) Id-Direttiva (UE) 2024/1069 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jinvolvu ruħhom f’parteċipazzjoni pubblika minn talbiet manifestament infondati jew proċedimenti tal-qorti abbużivi (“Kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika”) (ĠU L, 2024/1069, 16.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1069/oj).
(17) Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/603/oj).
(18) Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1240/oj).
(19) Ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1862/oj).
(20) Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/681/oj).
(21) Id-Direttiva (UE) 2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 122, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/1153/oj).
(22) Id-Direttiva (UE) 2023/977 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u li tħassar id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI (ĠU L 134, 22.5.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/977/oj).
(23) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 129, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/633/oj).
(24) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(25) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Uffiċjali Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri speċjali temporanji applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1968/259(1)/oj).
(26) Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/849/oj).
(27) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċiżżju ta’ ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 328, 15.12.2009, p. 42, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2009/948/oj).
(28) Id-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/42/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2026/1021/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)
Top