Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea
MT
Is-serje L
2026/799
1.4.2026
DIRETTIVA (UE) 2026/799 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-30 ta’ Marzu 2026
li tarmonizza ċerti aspetti tal-liġi dwar l-insolvenza
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1)
L-objettiv ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, u li tneħħi l-ostakli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali, bħall-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment, li jirriżultaw minn differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali fil-qasam tal-insolvenza.
(2)
Il-proċedimenti ta’ insolvenza jiżguraw l-istralċ jew ir-ristrutturar ordnat ta’ kumpaniji jew imprendituri li jinsabu f’diffikultà finanzjarja u ekonomika. Fil-kuntest tal-investimenti finanzjarji, dawk il-proċedimenti, inkluż is-salvagwardji rilevanti għall-valutazzjoni preċiża tal-valur tal-assi ta’ dawk il-kumpaniji u tal-imprendituri, huma kruċjali, peress li jiddeterminaw il-valur finali ta’ rkupru ta’ tali investimenti. Id-differenzi kbar bejn il-liġijiet sostantivi dwar l-insolvenza, rikonoxxuti mir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ikkontribwew biex jiżdiedu l-inċertezza legali u l-imprevedibbiltà dwar l-eżitu tal-proċedimenti ta’ insolvenza. Id-diverġenzi kbar fil-valur ta’ rkupru u fiż-żmien meħtieġ biex jitlestew il-proċedimenti ta’ insolvenza madwar l-Unjoni għandhom riperkussjonijiet negattivi fuq il-prevedibbiltà tal-kostijiet għall-kredituri u għall-investituri f’sitwazzjonijiet transfruntieri fis-suq intern. Din id-diverġenza fost ir-regoli tal-Istati Membri tnaqqas l-attraenza tal-investimenti transfruntieri, u b’hekk toħloq l-ostakli u tħalli impatt fuq il-moviment transfruntier tal-kapital fl-Unjoni u lejn pajjiżi terzi kif ukoll minnhom. Konsegwentement, l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-liġi dwar l-insolvenza tista’ tirrikjedi li jsiru bidliet fil-liġijiet ta’ xi Stati Membri.
(3)
L-integrazzjoni tas-suq intern fil-qasam tal-liġi dwar l-insolvenza permezz ta’ din id-Direttiva hija kruċjali għat-titjib tal-effiċjenza tal-funzjonament tas-swieq kapitali fl-Unjoni, inkluż l-iffaċilitar ta’ aċċess akbar għall-finanzjament. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi f’oqsma mmirati li jikkonċernaw proċedimenti ta’ insolvenza, li jkollhom impatt sinifikanti fuq l-effiċjenza u t-tul ta’ tali proċedimenti, speċjalment fil-każ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza transfruntieri.
(4)
Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-drittijiet individwali u kollettivi tal-ħaddiema skont id-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, b’mod partikolari, id-Direttivi tal-Kunsill 98/59/KE (4) u 2001/23/KE (5), u d-Direttivi 2002/14/KE (6), 2008/94/KE (7) u 2009/38/KE (8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-liġijiet nazzjonali li jittrasponuhom. B’mod partikolari, din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jikkonċernaw l-għoti ta’ informazzjoni lill-ħaddiema u l-konsultazzjoni tagħhom u d-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ tat-trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti ta’ impriża jew negozju skont dawk id-Direttivi u l-liġijiet nazzjonali li jittrasponuhom, inkluż meta dawk il-liġijiet nazzjonali jkun fihom regoli li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema jew għar-rappreżentanti tagħhom minn dawk stabbiliti f’dawk id-Direttivi.
(5)
Sabiex jiġi protett il-valur tal-patrimonji tal-insolvenza għall-kredituri, jenħtieġ li l-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza jinkludu regoli effettivi dwar azzjonijiet għan-nullità, l-annullabbiltà jew in-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ atti legali, inkluż tranżazzjonijiet legali, li huma ta’ detriment għall-korp ġenerali tal-kredituri u li ġew ipperfezzjonati qabel il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza (“azzjonijiet revokatorji”). Sabiex jiġi ddeterminat jekk att legali huwiex ta’ detriment għall-korp ġenerali tal-kredituri, jeħtieġ li jitqieskif il-kunċetti ta’ patrimonju tal-insolvenza u kreditur li jipparteċipa fi proċedimenti ta’ insolvenza huma definiti. Dak huwa partikolarment rilevanti meta ċerti drittijiet ma jifformawx parti mill-patrimonju ta’ insolvenza skont id-dritt nazzjonali iżda jappartjenu għall-isfera personali tad-debitur, bħad-dritt tad-dħul fi żwieġ jew it-tmiem ta’ żwieġ jew l-adozzjoni ta’ wild. Jenħtieġ li l-aċċettazzjoni jew iċ-ċaħda ta’ wirt ma tkunx soġġetta għar-regoli dwar l-azzjonijiet revokatorji stipulati f’din id-Direttiva.
(6)
Minħabba li l-azzjonijiet revokatorji għandhom l-għan li jreġġgħu lura l-effetti detrimentali ta’ att legali fuq patrimonju tal-insolvenza, huwa xieraq li l-effetti detrimentali ta’ att legali jitqiesu li ġew ikkawżati fil-mument li l-att legali jiġi pperfezzjonat u mhux fil-mument li l-att legali jiġi eżegwit. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, att legali jitqies li ġie pperfezzjonat meta jipproduċi effetti legali f’konformità mad-dritt nazzjonali. Madankollu, meta, skont id-dritt nazzjonali, l-effetti legali ta’ att legali jkunu kundizzjonali fuq li jiddaħħal f’reġistru pubbliku, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu li l-att legali jitqies li ġie pperfezzjonat hekk kif jiġu sodisfatti r-rekwiżiti l-oħra kollha għall-effettività tiegħu, minħabba li l-żmien li hemm bżonn biex att legali jiddaħħal f’reġistru pubbliku ma jkunx fil-kontroll tad-debitur u tal-partijiet l-oħra għall-att legali.
(7)
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-kunċett ta’ “atti legali” skont ir-regoli dwar l-azzjonijiet revokatorji jiġu interpretati b’mod wiesa’ sabiex ikopru kwalunkwe mġiba intenzjonata b’effetti legali li tkun ta’ detriment għall-korp ġenerali tal-kredituri, irrispettivament minn jekk l-effetti legali jew id-detriment ikunux maħsuba, inkluż fejn il-persuna li twettaq l-att legali ma jkollha l-ebda skop frodulenti, minkejja d-dispożizzjonijiet f’oqsma oħra tal-liġi. Madankollu, jenħtieġ li atti li jitwettqu minn persuna li ma taġixxix konxjament jew li b’xi mod ieħor taġixxi mingħajr ma teżerċita r-rieda libera tagħha ma jkunux ikkunsidrati bħala atti legali skont din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu li l-kunċett ta’ “att legali” jinkludi wkoll ommissjonijiet, peress li ma hemm l-ebda differenza sinifikanti jekk il-kredituri jsofrux detriment bħala konsegwenza ta’ azzjoni jew tan-nuqqas ta’ azzjoni tal-parti kkonċernata. Barra minn hekk, jenħtieġ li r-regoli dwar l-azzjonijiet revokatorji jkopru mhux biss l-atti legali mwettqa mid-debitur, iżda wkoll l-atti legali mwettqa mill-kontroparti tad-debitur jew minn parti terza.
(8)
Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar azzjonijiet revokatorji. Għalhekk, bl-eċċezzjoni unika tal-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-azzjonijiet revokatorji stipulat f’din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet dwar azzjonijiet revokatorji li jkunu aktar favorevoli għall-korp ġenerali tal-kredituri minn dawk skont din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu wkoll preżunzjonijiet jew rekwiżiti li jtaffu l-oneru tal-provi favur il-parti li tiddikjara li l-att legali huwa null, annullabbli jew mhux infurzabbli.
(9)
Sabiex jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi tal-kontroparti ta’ debitur, jenħtieġ li kwalunkwe interferenza, bħala riżultat ta’ azzjoni revokatorja, mal-validità jew l-eżegwibbiltà ta’ att legali tkun proporzjonata għaċ-ċirkostanzi li taħthom ikun ġie pperfezzjonat dak l-att legali. Tali ċirkostanzi jistgħu jinkludu l-intenzjoni tad-debitur, l-għarfien tal-kontroparti jew iż-żmien li għadda bejn l-ipperfezzjonar tal-att legali u l-bidu tal-proċedimenti ta’ insolvenza. Għalhekk, huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn varjetà ta’ raġunijiet speċifiċi għal azzjonijiet revokatorji li huma bbażati fuq xejriet ta’ fatti komuni u tipiċi u li jikkomplementaw il-prerekwiżiti ġenerali għall-azzjonijiet revokatorji. Jenħtieġ li kwalunkwe interferenza bħal din tirrispetta wkoll id-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”).
(10)
Jenħtieġ li l-azzjonijiet revokatorji jkopru atti legali pperfezzjonati f’ċertu perjodu minimu qabel id-data tas-sottomissjoni ta’ talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza jew, fi Stati Membri fejn il-proċedimenti ta’ insolvenza jistgħu jinbdew permezz ta’ riżoluzzjoni tal-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tad-debitur, qabel id-data ta’ tali riżoluzzjoni. Jenħtieġ li l-kapaċità li titressaq azzjoni revokatorja ma tkunx dipendenti miż-żmien li qorti tieħu biex teżamina talba biex jinfetħu proċedimenti ta’ insolvenza jew biex tiġi adottata riżoluzzjoni, skont id-dritt nazzjonali.
(11)
Għall-finijiet ta’ azzjonijiet revokatorji, jenħtieġ li ssir distinzjoni bejn atti legali fejn il-pretensjoni tal-kontroparti kienet dovuta u infurzabbli u ġiet sodisfatta jew garantita bħala dovuta (“kopertura kongruwenti”) u atti legali fejn il-prestazzjoni ma kinitx tikkorrispondi kompletament għall-pretensjoni tal-kreditur (“kopertura inkongruwenti”). Eżempji ta’ kopertura inkongruwenti jinkludu: pagamenti prematuri; l-issodisfar ta’ dejn b’mezzi ta’ ħlas mhux tas-soltu; il-kollateralizzazzjoni sussegwenti ta’ pretensjoni preċedentement mhux garantita, li ma kinitx miftiehma fil-ftehim ta’ dejn oriġinali; l-għoti ta’ dritt ta’ terminazzjoni straordinarju jew emendi oħra mhux previsti fil-kuntratt sottostanti; ir-rinunzja ta’ difiżi legali; u oġġezzjonijiet jew ir-rikonoxximent ta’ djun kontestabbli. Fil-każ ta’ kopertura kongruwenti, ir-raġuni revokatorja tal-preferenzi jenħtieġ li tkun tista’ tiġi invokata biss jekk il-kreditur tal-att legali null, annullabbli jew mhux infurzabbli kien jaf fil-mument tat-tranżazzjoni li d-debitur kien insolventi. Fil-każ ta’ kopertura kemm kongruwenti kif ukoll inkongruwenti, jenħtieġ li t-termini “ssodisfar” u “kollateralizzazzjoni” tal-pretensjoni tal-kontroparti jiġu interpretati b’mod wiesa’, biex jinkludu atti bħal dawk li joħolqu dritt ta’ tpaċija jew li jagħtu lill-kredituri status privileġġat.
(12)
Jenħtieġ li r-regoli dwar azzjonijiet revokatorji introdotti b’din id-Direttiva ma japplikawx għal ċerti atti legali li jikkostitwixxu kopertura kongruwenti, jiġifieri atti legali li jitwettqu direttament bi skambju għal korrispettiv ġust għall-benefiċċju tal-assi tad-debitur. Dawk l-atti legali għandhom l-għan li jappoġġaw l-operat ordinarju ta’ kuljum tan-negozju tad-debitur. Sabiex ma jiġux soġġetti għar-regoli dwar l-azzjonijiet revokatorji jenħtieġ li tali atti legali jkollhom bażi kuntrattwali u jirrikjedu l-iskambju dirett tal-obbligi reċiproċi tal-partijiet. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-eżekuzzjoni u l-eżekuzzjoni korrispettiva li jirriżultaw minn dawk l-atti legali jkunu ekwivalenti fil-valur u jenħtieġ li l-eżekuzzjoni korrispettiva tkun ta’ benefiċċju għad-debitur u mhux għal parti terza.Atti legali li għalihom m’għandhomx japplikaw ir-regoli dwar azzjonijiet revokatorji jinkludu: l-ħlas fil-pront ta’ komoditajiet, pagi, jew tariffi għas-servizzi; ħlas fi flus kontanti jew bil-kard ta’ oġġetti meħtieġa għall-operat ta’ kuljum tad-debitur; il-konsenja ta’ oġġetti, prodotti, jew servizzi għal ħlas; il-ħolqien ta’ dritt ta’ titolu kontra l-iżborż tas-self jew matul il-kontinwazzjoni ta’ self, meta dan ikun meħtieġ, fil-kuntest ta’ regoli nazzjonali, biex tinżamm ekwivalenza fil-valur bejn l-eżekuzzjoni u l-eżekuzzjoni korrispettiva; u l-ħlas fil-pront ta’ tariffi pubbliċi bi skambju għal korrispettiv bħal ammissjoni għal raġunijiet pubbliċi jew istituzzjonijiet. Madankollu, jenħtieġ li r-regoli dwar azzjonijiet revokatorji japplikaw għall-għoti ta’ kreditu. Jenħtieġ li jkun possibbli li jitqies li l-ħlas tal-pagi lill-ħaddiem tad-debitur, f’konformità mad-dritt nazzjonali, huwa eżekuzzjoni diretta fejn dawn jitħallsu fi żmien tliet xhur mill-prestazzjoni tas-servizzi minn dak il- ħaddiem.
(13)
Jenħtieġ li l-ħlas minn debitur ta’ dejn pendenti lil parti terza f’relazzjoni ta’ tliet partijiet, bħal meta kumpanija sussidjarja tħallas id-dejn tal-kumpanija omm tagħha lil parti terza, ma jitqiesx awtomatikament bħala att legali tad-debitur bi skambju għal ebda korrispettiv jew għal korrispettiv manifestament inadegwat. F’każijiet bħal dawn, il-ħlas mid-debitur jista’ jkun reċiproku għall-eżekuzzjoni mill-parti terza tal-obbligu tagħha lejn il-kumpanija omm, li seta’ ta lid-debitur vantaġġ dirett jew indirett, u l-parti terza seta’ ma kellhiex il-possibbiltà li tiċħad il-ħlas mid-debitur.
(14)
Jenħtieġ li ma jkunx possibbli li jiġi invokat il-fatt li l-arrikkiment li jirriżulta mill-att legali null, annullabbli jew mhux infurzabbli ma għadux disponibbli fil-proprjetà tal-parti li bbenefikat minn dak l-att legali (“skadenza tal-arrikkiment”) meta dik il-parti kienet konxja taċ-ċirkostanzi li fuqhom hija bbażata l-azzjoni revokatorja. Madankollu, peress li din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar azzjonijiet revokatorji, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jippermettux lill-parti li bbenefikat mill-att legali tinvoka l-iskadenza tad-difiża ta’ arrikkiment anki meta dik il-parti ma kinitx konxja taċ-ċirkostanzi li fuqhom hija bbażata l-azzjoni revokatorja.
(15)
Jenħtieġ li finanzjament ġdid jew finanzjament interim ipprovdut f’konformità mad-dritt nazzjonali bħala parti minn tentattiv ta’ ristrutturar, inkluż matul proċedura preventiva ta’ insolvenza skont it-Titolu II tad-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), jiġi protett fi proċedimenti ta’ insolvenza sussegwenti.
(16)
Bħala strument ta’ armonizzazzjoni minima, din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali dwar il-validità ta’ atti legali soġġetti għal azzjonijiet revokatorji. Għalhekk, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu jekkl-att legali detrimentali għandux jitqies ipso jure null, jew isir ineffettiv jew mhux infurzabbli, jew jekk tali atti legali jistgħux jiġu annullati biss b’deċiżjoni tal-qorti. Barra minn hekk, din id-Direttiva ma tistipulax il-kundizzjonijiet li taħthom debitur għandu jitqies li ma jistax iħallas id-djun tiegħu meta jsiru dovuti. Għalhekk, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-determinazzjoni ta’ jekk debitur ma jkunx jista’ jħallas id-djun tiegħu hekk kif isiru dovuti, inkluż dwar jekk tali determinazzjoni teħtieġx li d-debitur ġeneralment ma jkunx jista’ jħallas id-djun tiegħu hekk kif isiru dovuti, għandha ssir f’konformità mad-dritt nazzjonali.
(17)
Il-konsegwenza ewlenija ta’ att legali li jkun null, annullabbli jew mhux infurzabbli bħala riżultat ta’ azzjoni revokatorja hija obbligu għall-parti li tibbenefika minn dak l-att legali li tirritorna l-benefiċċju miksub lill-patrimonju tal-insolvenza. Jenħtieġ li l-kunċett ta’ “benefiċċju” f’dan il-kuntest jinkludi l-emolumenti, fejn rilevanti, u l-imgħax, f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli. Il-benefiċċju jista’ jitqies li ġie rritornat jew meta l-benefiċċju nnifsu miksub jiġi rritornat jew meta jitħallas il-valur monetarju ekwivalenti ta’ dak il-benefiċċju, f’konformità mad-dritt nazzjonali. Jenħtieġ li jkun possibbli li jitressqu azzjonijiet revokatorji kontra suċċessuri individwali tad-debitur jekk, fiż-żmien tal-akkwiżizzjoni tal-assi soġġetti għall-azzjoni revokatorja, huma kienu konxji taċ-ċirkostanzi li fuqhom kienu bbażati l-azzjonijiet revokatorji.
(18)
Il-partijiet li jkunu relatati mill-qrib mad-debitur, bħal qraba, fejn id-debitur ikun persuna fiżika, jew, fejn id-debitur ikun entità ġuridika, dawk li jissodisfaw rwoli deċiżivi fir-rigward tad-debitur, normalment ikunu f’vantaġġ fir-rigward tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur. Sabiex jiġi evitat l-abbuż ta’ tali pożizzjonijiet, jenħtieġ li jiġu stabbiliti salvagwardji addizzjonali. Konsegwentement, fil-kuntest ta’ azzjonijiet revokatorji, meta l-parti l-oħra involuta f’att legali null, annullabbli jew mhux infurzabbli tkun parti relatata mill-qrib mad-debitur, jenħtieġ li jiġu introdotti preżunzjonijiet legali dwar l-għarfien ta’ dik il-parti taċ-ċirkostanzi li fuqhom kienu bbażati l-azzjonijiet revokatorji. Jenħtieġ li dawk il-preżunzjonijiet ikunu konfutabbli u jenħtieġ li jkollhom l-għan li jaqilbu l-oneru tal-prova għall-benefiċċju tal-patrimonju tal-insolvenza. Meta l-parti li tkun ibbenefikat minn att legali null, annullabbli jew mhux infurzabbli tkun minn dak iż-żmien ittrasferiet il-benefiċċju miksub lil parti terza, jenħtieġ li l-mument sabiex jiġi ddeterminat jekk dawk il-partijiet humiex relatati mill-qrib ikun il-mument tat-trasferiment.
(19)
It-titjib tal-mezzi disponibbli għall-prattikanti fl-insolvenza biex jidentifikaw u jittraċċaw l-assi li jappartjenu għal patrimonju tal-insolvenza, kif ukoll l-assi soġġetti għal azzjonijiet revokatorji, huwa essenzjali biex jiġi massimizzat il-valur tal-patrimonju tal-insolvenza. Meta jwettqu dmirijiethom, il-prattikanti fl-insolvenza jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni miżmuma fir-reġistri pubbliċi tad-data, li wħud minnhom ġew stabbiliti skont id-dritt tal-Unjoni u huma interkonnessi fil-livell Ewropew, bħas-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali (BRIS) imsemmija fid-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) jew is-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri ta’ Insolvenza (IRI) stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2015/848. Madankollu, l-aċċess għall-informazzjoni miżmuma fil-bażijiet ta’ data pubbliċi biss ta’ spiss ma jkunx biżżejjed sabiex jiġu identifikati u traċċati assi li huma, jew li suppost ikunu, parti mill-patrimonju tal-insolvenza. B’mod partikolari, il-prattikanti fl-insolvenza jiffaċċaw diffikultajiet prattiċi meta jippruvaw jaċċessaw ir-reġistri tal-assi li jinsabu fi Stati Membri għajr l-Istat Membru li fih ikunu nħatru.
(20)
Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-prattikanti fl-insolvenza, meta jwettqu dmirijiethom fi proċedimenti ta’ insolvenza, ikollhom, direttament jew indirettament, aċċess għall-informazzjoni miżmuma f’bażijiet ta’ data li ma jkunux aċċessibbli għall-pubbliku.
(21)
L-aċċess immedjat u dirett għar-reġistri tal-kontijiet bankarji spiss ikun indispensabbli biex jiġi massimizzat il-valur tal-patrimonji tal-insolvenza. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jipprevedu aċċess immedjat u dirett mill-qrati jew mill-awtoritajiet amministrattivi maħtura tal-Istati Membri għall-informazzjoni miżmuma fir-reġistri tal-kontijiet bankarji. Għall-fini tal-identifikazzjoni u tal-intraċċar ta’ assi li jappartjenu għal patrimonji ta’ insolvenza, kif ukoll assi soġġetti għal azzjonijiet revokatorji, jista’ jkun meħtieġ aċċess mhux biss għall-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji tad-debitur iżda wkoll għall-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji ta’ partijiet terzi, fejn ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex jitqies li jkunu bbenefikaw minn atti legali nulli, annullabbli jew mhux infurzabbli. Meta Stat Membru jipprovdi aċċess għal informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji permezz ta’ sistema elettronika ċentrali ta’ rkupru ta’ data, jenħtieġ li dak l-Istat Membru jiżgura li l-awtorità li topera s-sistema ta’ rkupru tirrapporta r-riżultati tat-tiftix immedjatament u b’mod mhux iffiltrat lill-qrati jew lill-awtoritajiet amministrattivi maħtura.
(22)
Sabiex jiġi rrispettat id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għall-ħajja privata, jenħtieġ li l-aċċess dirett u immedjat għar-reġistri tal-kontijiet bankarji jingħata lill-qrati jew lill-awtoritajiet amministrattivi li jinħatru mill-Istati Membri għal dak il-għan. Għalhekk, jenħtieġ li l-prattikanti fl-insolvenza jitħallew jaċċessaw l-informazzjoni miżmuma f’dawk ir-reġistri tal-kontijiet bankarji b’mod indirett, billi jitolbu lill-qrati jew lill-awtoritajiet amministrattivi maħtura fl-Istat Membru fejn ikunu nħatru biex jaċċessaw ir-reġistri u jwettqu t-tfittxijiet. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaħtru l-istess qrati jew awtoritajiet amministrattivi għall-fini tal-aċċess għar-reġistri tal-kontijiet bankarji kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll transfruntier permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tal-kontijiet bankarji msemmija fid-Direttiva (UE) 2024/1640 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11)(BARIS). Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu wkoll jipprevedu li l-kundizzjonijiet għall-aċċess għal informazzjoni dwar kontijiet bankarji u t-tfittxijiet tagħha għandhom jiġu vverifikati minn qrati jew awtoritajiet oħra għajr il-qrati jew l-awtoritajiet maħtura skont din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-aċċess għall-informazzjoni jingħata biss fuq bażi ta’ każ b’każ, meta rilevanti għal proċedimenti speċifiċi ta’ insolvenza għall-fini tal-identifikazzjoni u t-traċċar tal-assi li jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza, kif ukoll assi soġġetti għal azzjonijiet revokatorji. Madankollu, peress li din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu regoli li jipprevedu aċċess dirett u tfittxijiet minn prattikanti fl-insolvenza fir-reġistri nazzjonali tal-kontijiet bankarji tagħhom u fis-sistemi elettroniċi għall-irkupru tad-data. F’każijiet fejn il-prattikanti fl-insolvenza jkollhom aċċess dirett u jistgħu jwettqu tfittxijiet diretti, l-Istati Membri mhumiex meħtieġa jaħtru qrati jew awtoritajiet għall-fini ta’ aċċess għar-reġistri nazzjonali tal-kontijiet bankarji jew għas-sistemi elettroniċi għall-irkupru tad-data tagħhom u t-tiftix fihom, iżda jibqgħu taħt l-obbligu li jaħtru qrati jew awtoritajiet għall-aċċess u t-tfittxijiet permezz tal-BARIS.
(23)
Id-Direttiva (UE) 2024/1640 tipprevedi li l-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati, bħar-reġistri ċentrali jew is-sistemi elettroniċi ċentrali għall-irkupru tad-data, ikunu interkonnessi permezz tal-BARIS, li għandha tiġi żviluppata u mħaddma mill-Kummissjoni. Meta titqies l-importanza dejjem akbar tal-każijiet ta’ insolvenza b’implikazzjonijiet transfruntieri u l-importanza ta’ informazzjoni finanzjarja rilevanti għall-fini tal-massimizzazzjoni tal-valur tal-patrimonju tal-insolvenza fi proċedimenti ta’ insolvenza, jenħtieġ li l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi maħtura jkunu jistgħu jaċċessaw u jfittxu r-reġistri tal-kontijiet bankarji ta’ Stati Membri oħra direttament permezz tal-BARIS.
(24)
L-aċċess mill-qrati jew mill-awtoritajiet amministrattivi maħtura skont din id-Direttiva għall-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji bejn il-fruntieri permezz tal-BARIS huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri derivata mir-rispett tagħhom tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mill-Karta, kif ukoll id-drittijiet u l-prinċipji fundamentali previsti fid-dritt internazzjonali u fil-ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha huma parti, inkluż il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u fil-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri, fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom. Jenħtieġ li s-setgħa li tiġi aċċessata u mfittxijaa informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji permezz tal-BARIS skont din id-Direttiva tiġi eżerċitata f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali, kif ukoll mas-salvagwardji proċedurali nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali.
(25)
Jenħtieġ li kwalunkwe data personali miksuba minn qrati jew awtoritajiet amministrattivi maħtura jew prattikanti fl-insolvenza skont din id-Direttiva tiġi pproċessata biss fejn ikun meħtieġ u proporzjonat għall-fini tal-identifikazzjoni u t-traċċar ta’ assi li jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza fi proċedimenti ta’ insolvenza li jkunu għaddejjin, f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.
(26)
Id-Direttiva (UE) 2024/1640 tiżgura li persuni b’interess leġittimu jingħataw aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, f’konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. Għall-fini tat-traċċar tal-assi fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ insolvenza li jkunu għaddejjin, jenħtieġ li l-prattikanti fl-insolvenza jingħataw aċċess fil-ħin għal kategoriji speċifiċi ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja miżmuma fir-reġistri ċentrali interkonnessi tas-sjieda benefiċjarja, bħal dik dwar l-isem, ix-xahar u s-sena tat-twelid u l-pajjiż ta’ residenza u n-nazzjonalità tas-sid benefiċjarju, kif ukoll in-natura u l-firxa tal-interess benefiċjarju miżmum.
(27)
Sabiex jiġi żgurat li l-assi jkunu jistgħu jiġu traċċati b’mod effiċjenti fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ insolvenza transfruntieri, jenħtieġ li l-prattikanti fl-insolvenza jingħataw aċċess rapidu għar-reġistri u l-bażijiet ta’ data nazzjonali, anki meta dawk ir-reġistri jkunu jinsabu fi Stat Membru għajr dak li fih ikun inħatar il-prattikant fl-insolvenza kkonċernat. Jenħtieġ li l-aċċess jingħata mingħajr l-involviment ta’ kwalunkwe qorti jew awtorità intermedjarja, li jippermetti lill-prattikanti fl-insolvenza jikkomunikaw direttament mal-entitajiet li joperaw jew li jżommu r-reġistri jew il-bażijiet ta’ data nazzjonali kkonċernati. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu permessi jipprevedu tfittxija diretta mill-prattikanti fl-insolvenza fis-settijiet tad-data li jinsabu f’tali reġistri jew bażijiet ta’ data. Jenħtieġ li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess li japplikaw għall-prattikanti fl-insolvenza maħtura fi Stat Membru ieħor ma jkunux aktar ikkumplikati minn dawk li japplikaw għall-prattikanti fl-insolvenza domestiċi. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri ma japplikawx kundizzjonijiet differenti għall-aċċess unikament abbażi tal-fatt li l-applikant huwa prattikant fl-insolvenza maħtur fi Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li l-aspetti proċedurali li jikkonċernaw ir-riċeviment u l-għoti ta’ talbiet ippreżentati minn prattikanti fl-insolvenza, bħal-lingwa tal-proċedura jew il-verifika tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess, ikunu rregolati mil-liġi tal-Istat Membru li fih jinżammu r-reġistri u l-bażijiet ta’ data.
(28)
Sabiex tiġi stabbilita sistema effettiva u konsistenti għall-infurzar tad-dejn kontra l-assi tad-debituri, huwa essenzjali li d-debituri ma jitħallewx jaħbu l-assi tagħhom, inkluż permezz tal-akkwist ta’ strumenti finanzjarji, bħal titoli. Id-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali tas-saldu, kif ukoll it-tipi u l-karatteristiċi differenti tal-istrumenti finanzjarji, jistgħu jwasslu għal diffikultajiet biex jiġu aċċessati ir-rekords u biex jiġi identifikat is-sid benefiċjarju aħħari ta’ strument finanzjarju. Għalhekk, irrispettivament mit-tip ta’ reġistru, bażi ta’ data jew sors ieħor ta’ informazzjoni użat minn Stat Membru, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ qafas biex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni u t-traċċar tas-sidien ta’ strumenti finanzjarji billi jagħmlu dawk ir-reġistri u l-bażijiet ta’ data nazzjonali aċċessibbli fuq talba.
(29)
Fil-kuntest ta’ likwidazzjoni fi proċedimenti ta’ insolvenza, jenħtieġ li l-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza jippermettu r-realizzazzjoni tal-assi ta’ negozju permezz tal-bejgħ tan-negozju, jew ta’ parti minnu, bħala negozju avvjat. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “bejgħ bħala negozju avvjat” huwa mifhum bħala t-trasferiment ta’ negozju, kollu kemm hu jew parti minnu, lil akkwirent b’tali mod li dak in-negozju, jew parti sinifikanti biżżejjed minnu, jista’ jkompli jopera bħala unità ekonomikament produttiva. Mhuwiex mifhum li jinkludi l-bejgħ, biċċa biċċa, tal-assi tan-negozju (“likwidazzjoni tal-partijiet separati”).
(30)
Huwa ġeneralment preżunt li jista’ jiġi rkuprat valur ogħla f’likwidazzjoni billi jinbiegħ negozju, jew parti minnu, bħala negozju avvjat aktar milli permezz ta’ likwidazzjoni tal-partijiet separati. Sabiex jiġi promoss il-bejgħ ta’ negozju bħala negozju avvjat, jenħtieġ li l-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza jipprevedu proċedimenti li skonthom debitur f’diffikultà finanzjarja, bl-għajnuna, jew taħt is-superviżjoni, ta’ sorveljatur, jista’ jfittex akkwirenti interessati u jħejji l-bejgħ pre-pack tan-negozju bħala negozju avvjat (“proċedimenti pre-pack”) qabel il-ftuħ formali tal-proċedimenti ta’ insolvenza. L-assi tan-negozju li huma soġġetti għall-proċedimenti pre-pack imbagħad ikunu jistgħu jiġu realizzati malajr ftit wara l-ftuħ formali tal-proċedimenti ta’ insolvenza. Jenħtieġ li din id-Direttiva tistabbilixxi standards għall-proċedimenti pre-pack, filwaqt li tippermetti lill-Istati Membri jadattaw dawk l-istandards għal-liġi nazzjonali eżistenti tagħhom dwar l-insolvenza. Sabiex jiġi żgurat li l-proċess tal-bejgħ ikun ġust, jenħtieġ li s-sorveljatur ikun indipendenti mid-debitur u minn kwalunkwe parti relatata mill-qrib mad-debitur. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu rekwiżiti addizzjonali rigward l-indipendenza tal-osservatur mit-titolari tal-ekwità jew mill-kredituri. Jenħtieġ li l-proċedimenti pre-pack jikkonsistu f’żewġ fażijiet, jiġifieri fażi tal-preparazzjoni u fażi tal-likwidazzjoni.
(31)
Jenħtieġ li l-għan tal-fażi tal-preparazzjoni jkun li jinstab xerrej xieraq għan-negozju tad-debitur, jew parti minnu, u jenħtieġ li tkun kunfidenzjali, tal-anqas fir-rigward tas-sejba ta’ xerrej xieraq. Jenħtieġ li l-għan tal-fażi ta’ likwidazzjoni jkun li tapprova u teżegwixxi l-bejgħ tan-negozju tad-debitur, jew parti minnu, u li tqassam ir-rikavati lill-kredituri, f’konformità mad-dritt nazzjonali. Jenħtieġ li l-fażi tal-likwidazzjoni tibda b’deċiżjoni ta’ korp ġudizzjarju, jew kwalunkwe korp kompetenti ieħor, li formalment tiftaħ proċedimenti ta’ insolvenza skont il-liġi nazzjonali, u li ta’ sikwit tikkonkludi bl-istralċ tad-debitur. Jenħtieġ li d-debitur ma jiġix prekluż milli jkompli l-operazzjonijiet tan-negozju tiegħu bil-parti li jifdal tan-negozju tiegħu wara l-konklużjoni tal-fażi ta’ likwidazzjoni. Jenħtieġ li l-fażi ta’ likwidazzjoni titwettaq permezz ta’ proċedimenti ta’ insolvenza għajr proċeduri ta’ ristrutturar preventiv. Fl-Istati Membri fejn japplika r-Regolament (UE) 2015/848, jenħtieġ li l-fażi ta’ likwidazzjoni titwettaq permezz ta’ proċedimenti ta’ insolvenza li huma inklużi fl-Anness A ta’ dak ir-Regolament għajr proċedimenti ta’ ristrutturar preventiv.
(32)
Jenħtieġ li l-proċedimenti pre-pack ikunu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-ħaddiema skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, inkluż l-involviment tar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Jenħtieġ li l-proċedimenti pre-pack ikunu rregolati minn dispożizzjonijiet statutorji jew regolatorji u jenħtieġ li jinftiehmu li huma proċedimenti li fihom it-trasferiment tan-negozju kollu jew parti minnu jitħejja bl-assistenza ta’ sorveljatur taħt is-superviżjoni tal-qorti jew tal-awtorità kompetenti, qabel ma jinbdew proċedimenti formali ta’ insolvenza bil-ħsieb tal-likwidazzjoni tal-assi tad-debitur. Filwaqt li l-objettiv primarju tal-proċedimenti pre-pack huwa li jippermetti li l-assi tad-debitur jiġu likwidati permezz tal-bejgħ tan-negozju, jew parti minnu, bħala negozju avvjat fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ insolvenza sabiex jiġu sodisfatti kemm jista’ jkun il-pretensjonijiet tal-kredituri kollha, dan jista’ jservi wkoll biex jiġi ppreservat l-impjieg.
(33)
Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2001/23/KE. Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri s-sentenza tat-28 ta’ April 2022 fil-kawża C-237/20, Federatie Nederlandse Vakbeweging (12), il-fażi ta’ likwidazzjoni hija koperta mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23/KE fejn il-proċedimenti pre-pack għandhom l-objettiv primarju li jiġu sodisfatti kemm jista’ jkun il-pretensjonijiet tal-kredituri filwaqt li jiġi ppreservat kemm jista’ jkun l-impjieg.
(34)
Jenħtieġ li l-introduzzjoni ta’ proċedimenti pre-pack skont din id-Direttiva bl-ebda mod ma twassal għal restrizzjonijiet fuq is-setgħat tal-prattikanti fl-insolvenza jew fuq il-possibbiltà li n-negozju jinbiegħ bħala negozju avvjat fi proċedimenti ta’ insolvenza skont il-liġi nazzjonali.
(35)
Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva rigward il-proċedimenti pre-pack ma jissostitwux ir-regoli sostantivi nazzjonali, b’mod partikolari dawk dwar il-klassifikazzjoni tal-pretensjonijiet tal-kredituri, id-distribuzzjoni tar-rikavati, in-natura, l-ambitu u l-forma tal-parteċipazzjoni tal-kredituri, jew ir-remunerazzjoni tal-prattikant fl-insolvenza. Fil-każ li qorti jew awtorità kompetenti ma tawtorizzax il-bejgħ ta’ negozju, jew parti minnu, kif propost mis-sorveljatur, jenħtieġ li l-proċedimenti ta’ insolvenza jipproċedu skont il-liġi nazzjonali applikabbli dwar l-insolvenza. Il-bidu tal-fażi ta’ likwidazzjoni huwa soġġett għal rekwiżiti skont il-liġi nazzjonali għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, bħall-eżistenza ta’ raġuni għall-ftuħ ta’ tali proċedimenti.
(36)
Jenħtieġ li l-proċedimenti pre-pack previsti skont din id-Direttiva jiġu applikati għad-debituri li huma persuni ġuridiċi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu permessi jestendu l-applikazzjoni tal-proċedimenti pre-pack għal persuni fiżiċi li huma intraprendituri.
(37)
Jenħtieġ li d-debituri jkunu jistgħu jibbenefikaw minn waqfa temporanja ta’ azzjonijiet ta’ infurzar individwali. Jenħtieġ li s-sospensjoni tkun disponibbli jew fil-fażi tal-preparazzjoni jew fil-kuntest ta’ tip ieħor ta’ proċedimenti ta’ insolvenza li fihom id-debitur jibqa’ totalment, jew tal-anqas parzjalment, fil-kontroll tal-assi tiegħu u l-operat ta’ kuljum tan-negozju tiegħu u li fihom il-bejgħ tan-negozju tad-debitur, jew parti minnu, bħala negozju avvjat jista’ jitkompla u jiġi konkluż. Meta s-sospensjoni ssir disponibbli fil-fażi tal-preparazzjoni, jenħtieġ li tkun disponibbli skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva (UE) 2019/1023 u l-liġijiet nazzjonali li jittrasponu dik id-Direttiva.
(38)
Jenħtieġ li l-proċedimenti pre-pack jiżguraw li l-aħjar offerta li tasal waqt il-fażi tal-preparazzjoni tiġi ppreżentata lill-qorti jew lill-awtorità kompetenti għall-awtorizzazzjoni jew lill-kredituri għall-approvazzjoni. Jenħtieġ li s-sorveljatur jivvaluta u jiddikjara jekk il-likwidazzjoni tal-partijiet separati tirkuprax aktar valur għall-kredituri mill-prezz tas-suq miksub permezz tal-bejgħ tan-negozju, jew parti minnu, bħala negozju avvjat. Il-valur ta’ negozju avvjat jista’ jkun raġonevolment mistenni li jkun ogħla mill-valur ta’ likwidazzjoni tal-partijiet separati tiegħu għaliex hu bbażat fuq il-preżunzjoni li n-negozju ser ikompli bl-operat tiegħu bi tfixkil minimu, ser iżomm il-fiduċja tal-kredituri finanzjarji, l-azzjonisti u l-klijenti, u ser ikompli jiġġenera dħul. Ma għandu jitqiegħed l-ebda piż bla bżonn fuq is-sorveljatur jew fuq il-proċess tal-bejgħ u, b’mod partikolari, jenħtieġ li ma tkunx meħtieġa valwazzjoni sħiħa fil-fażi preparatorja tal-proċess, għajr jekk ix-xerrej prospettiv ikun parti relatata mill-qrib mad-debitur. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jitolbu lis-sorveljatur biex iqis elementi oħra għajr il-prezz, inkluż l-interess pubbliku jew il-vijabbiltà tan-negozju. Madankollu, jenħtieġ li japplika rekwiżit li jiġi impost skrutinju akbar meta l-offerta li titqies bħala l-aħjar offerta ssir minn parti li tkun relatata mill-qrib mad-debitur. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jitolbu lis-sorveljatur biex jiġġustifika l-konklużjoni tiegħu li l-offerta identifikata bħala l-aħjar offerta ma tpoġġix lill-kredituri f’sitwazzjoni agħar minn dik li kienu jkunu fiha bħala riżultat ta’ mekkaniżmu alternattiv biex tiġi indirizzata l-insolvenza tad-debitur. Jenħtieġ li s-sorveljatur jiddokumenta t-tħejjija tal-proċess tal-bejgħ, sabiex jipprovdi bażi xierqa għall-awtorizzazzjoni jew l-approvazzjoni tal-aħjar offerta.
(39)
Jenħtieġ li l-fażi tal-preparazzjoni tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu durata massima li tista’ tkun iqsar mit-tul tas-sospensjoni ta’ azzjonijiet ta’ infurzar individwali previsti fid-Direttiva (UE) 2019/1023. Meta, matul il-fażi tal-preparazzjoni, isir evidenti li l-objettivi tal-proċedimenti pre-pack ma jistgħux jintlaħqu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu li l-proċedimenti pre-pack jistgħu jintemmu. Sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jseħħu meta d-debitur jonqos milli jikkoopera mas-sorveljatur jew milli jaġixxi bid-diliġenza dovuta matul il-fażi tal-preparazzjoni. Sitwazzjoni oħra bħal din hija meta ma jkun hemm l-ebda prospett raġonevoli li n-negozju jinbiegħ bħala negozju avvjat, pereżempju meta l-kotba u r-rekords tad-debitur ma jkunux kompluti jew tant ikollhom nuqqasijiet li jkun impossibbli li tiġi aċċertata s-sitwazzjoni kummerċjali u finanzjarja tiegħu. Barra minn hekk, f’każijiet meta l-liġi tistipula li l-proċess tal-bejgħ imwettaq matul il-fażi tal-preparazzjoni jkun kompetittiv, trasparenti, ġust, u jissodisfa l-istandard tas-suq, l-atti tad-debitur li ma jkunux konformi ma’ dawk ir-rekwiżiti jistgħu jitqiesu bħala nuqqas tat-twettiq tad-diliġenza dovuta. Madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jipprevedu li, anke jekk id-debitur jonqos milli jikkoopera mas-sorveljatur jew milli jaġixxi bid-diliġenza dovuta, meta l-kontinwazzjoni tal-fażi tal-preparazzjoni tkun fl-interess ġenerali tal-kredituri, ikun possibbli li l-qorti jew l-awtorità kompetenti tillimita d-drittijiet tad-debitur li jamministra n-negozju tiegħu f’konformità mal-liġi applikabbli dwar l-insolvenza, bil-ħsieb li jiġu konklużi l-proċedimenti pre-pack.
(40)
Sabiex jiġi żgurat li negozju jinbiegħ bl-aħjar prezz permezz tal-proċedimenti pre-pack, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-proċess ta’ bejgħ fil-fażi tal-preparazzjoni jitwettaq skont standards għoljin ta’ kompetittività, trasparenza u ġustizzja. Alternattivament, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu li, wara l-ftuħ tal-fażi tal-likwidazzjoni jew il-preżentazzjoni tal-aħjar offerent rakkomandat, isir irkant pubbliku biex tintgħażel l-aħjar offerta jew l-offerta rakkomandata mis-superviżur tiġi approvata mill-kredituri. Huwa f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk l-approvazzjoni tal-kredituri tingħatax mil-laqgħa ġenerali tal-kredituri jew mill-kumitat tal-kredituri.
(41)
L-Istati Membri mhumiex preklużi milli jipprevedu li qorti jew awtorità kompetenti li stabbiliet li l-proċess ta’ bejgħ mhuwiex kompetittiv, trasparenti u ġust u ma jissodisfax l-istandards tas-suq tkun tista’ tiddeċiedi li tipproċedi b’irkant pubbliku matul il-fażi tal-likwidazzjoni jew bil-likwidazzjoni tal-partijiet separati fi proċedimenti ta’ insolvenza li jinfetħu fi ħdan il-proċedimenti pre-pack.
(42)
Huwa meħtieġ li l-kredituri kollha li jkollhom pretensjonijiet kontra d-debitur insolventi jkollhom id-dritt li jipparteċipaw fil-fażi tal-likwidazzjoni tal-proċedimenti pre-pack. Jenħtieġ li jkun possibbli li tali pretensjonijiet jiġu rreġistrati, eżaminati u sodisfatti kif xieraq f’konformità mal-qafas ta’ insolvenza applikabbli.
(43)
F’sistemi ta’ insolvenza li huma bbażati fuq il-prinċipju tal-awtonomija tal-kredituri, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu li huwa f’idejn il-laqgħa ġenerali tal-kredituri jew il-kumitat tal-kredituri li jawtorizzaw il-bejgħ tan-negozju tad-debitur, jew parti minnu, skont il-liġi nazzjonali.
(44)
Meta Stat Membru jagħżel li jirrikjedi standards għoljin fil-fażi tal-preparazzjoni, jenħtieġ li s-superviżur, jew, meta u sa fejn jiddeċiedu hekk l-Istati Membri, id-debitur fil-pussess, ikun responsabbli li jiżgura li l-proċess ta’ bejgħ ikun kompetittiv, trasparenti u ġust u jissodisfa l-istandards tas-suq. Sabiex jiġu sodisfatti l-istandards tas-suq, jenħtieġ li l-proċess tal-bejgħ ikun kompatibbli mar-regoli u l-prattika standard dwar il-fużjonijiet u l-akkwiżizzjonijiet fl-Istat Membru kkonċernat, jenħtieġ li l-partijiet potenzjalment interessati jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-proċess tal-bejgħ, jenħtieġ li l-istess informazzjoni tiġi ddivulgata lix-xerrejja potenzjali, li tippermettilhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta, u jenħtieġ li l-offerti mill-partijiet interessati jinkisbu permezz ta’ proċess strutturat.
(45)
Meta rkant pubbliku jsir qabel jew wara l-bidu tal-fażi tal-likwidazzjoni, jenħtieġ li l-offerta magħżula mis-superviżur matul il-fażi tal-preparazzjoni tintuża bħala offerta inizjali (“offerta stalking horse”) għall-finijiet tal-irkant. Jenħtieġ li matul il-fażi tal-preparazzjoni, id-debitur ikun jista’ joffri inċentivi lill-offerent “stalking horse” billi jaqbel, b’mod partikolari, mar-rimborż tal-ispejjeż jew tal-miżati ta’ ksur jekk tintgħażel offerta aħjar permezz tal-irkant pubbliku. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li tali inċentivi jkunu proporzjonati u ma jiskoraġġux lil offerenti potenzjalment interessati oħra milli jipparteċipaw fl-irkant.
(46)
Jenħtieġ li s-superviżur jiddokumenta u jirrapporta bil-miktub dwar kull pass tal-proċess ta’ bejgħ. Jenħtieġ li dawk id-dokumenti u r-rapporti jkunu disponibbli f’format diġitali f’waqthom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li s-sorveljatur ikun soġġett għall-istess rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità bħal prattikant fl-insolvenza.
(47)
Sabiex jiġi prevenut d-deprezzament tal-valur ta’ negozju sempliċiment minħabba li jkun soġġett għal proċedimenti ta’ insolvenza, huwa importanti li jiġi żgurat li l-kontropartijiet operazzjonali, bħall-fornituri jew il-klijenti tad-debitur ikkonċernat, huma meħuda mill-akkwirent u ma jiġux affettwati mill-proċedimenti pre-pack. Għalhekk, jenħtieġ li l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza ma jirriżultax fit-terminazzjoni bikrija ta’ kuntratti li skonthom il-partijiet ikun għad iridu jeżegwixxu ċerti obbligi u li huma meħtieġa għall-kontinwazzjoni tan-negozju. Tali terminazzjoni tipperikola bla bżonn il-valur tan-negozju, jew ta’ parti minnu, li għandu jinbiegħ permezz tal-proċedimenti pre-pack. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi żgurat li ssir ċessjoni ta’ tali kuntratti lill-akkwirent tan-negozju tad-debitur, jew ta’ parti minnu, anke mingħajr ma l-kontroparti tad-debitur fil-kuntratt tagħti l-kunsens tagħha għaċ-ċessjoni għaċ-ċessjoni. Madankollu, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom it-trasferiment ta’ ċerti obbligi taħt tali kuntratti ma jistax ikun raġonevolment mistenni, bħal meta l-akkwirent ikun kompetitur tal-kontroparti għall-kuntratt. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu li l-kunsens tal-kontroparti jew tal-kontropartijiet tad-debitur ikun meħtieġ għaċ-ċessjoni tal-obbligi kuntrattwali, skont it-tip ta’ kuntratt, in-natura tal-partijiet, jew l-interessi tan-negozju kkonċernat. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikjedu l-kunsens tad-detentur tal-liċenzja biex jiġu tterminati kuntratti relatati ma’ liċenzji ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u industrijali, li d-debitur ikun il-konċedent tal-liċenzja tagħhom, peress li l-protezzjoni ta’ dawk id-drittijiet fil-każ tal-insolvenza tal-konċedent tal-liċenzja tinkoraġġixxi l-investiment fl-iżvilupp ta’ tali drittijiet.
(48)
Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar iċ-ċessjoni awtomatika ta’ kuntratti lill-akkwirent huma mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kontroparti li tittermina l-kuntratt f’konformità mat-termini tiegħu, jew id-dritt tal-kontroparti li tieħu miżuri skont il-liġi kuntrattwali applikabbli li għandhom l-għan li ijżguraw l-eżekuzzjoni konformi tal-obbligu tad-debitur f’każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni difettuża, bħad-dritt tal-kontroparti li titlob interessi ta’ depożitu jew ta’ garanzija jew id-dritt ta’ żamma tal-eżekuzzjoni qabel jew wara ċ-ċessjoni.
(49)
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jintroduċu wkoll salvagwardja addizzjonali għall-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-kontroparti, billi jagħtu lill-kontroparti d-dritt li tittermina l-kuntratt b’avviż ta’ mhux inqas minn tliet xhur meta l-kontroparti tkun ippreġudikata b’mod inġust minn obbligu li tkompli teżegwixxi l-kuntratt sal-eqreb data li fiha altrimenti tkun tista’ tittermina l-kuntratt skont il-liġi nazzjonali. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-oneru tal-provi li jikkonċernaw preġudizzju inġust skont il-liġi nazzjonali.
(50)
Sabiex tiżdied l-attraenza tal-ftehimiet tal-assi għal xerrejja potenzjali u, b’hekk, jinkisbu prezzijiet ogħla fil-bejgħ ta’ negozju avvjat, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li x-xerrejja jakkwistaw negozji liberi u franki minn djun u obbligazzjonijiet. Għalhekk, jenħtieġ li l-pretensjonijiet tal-kredituri jiġu sodisfatti mir-rikavat tal-bejgħ u ma għandhomx isiru direttament kontra x-xerrej ta’ negozju. Madankollu, l-obbligi li jirriżultaw minn kuntratti eżekutorji jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg, pereżempju obbligi marbuta mal-intitolament ta’ pensjoni okkupazzjonali, li jiġu ttrasferiti lill-akkwirent jibqgħu mal-akkwirent. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jintroduċu jew iżommu regoli li jipprevedu li l-imġiba tad-debitur titqies fil-valutazzjoni tar-responsabbiltà tal-akkwirent għad-danni, jekk dik l-imġiba tista’ tiġi imputata lill-akkwirent skont il-liġi applikabbli dwar l-insolvenza. Tali regoli jistgħu japplikaw għal danni koperti mid-dritt ambjentali jew danni marbuta mas-sjieda jew il-kontroll ta’ ċerti assi.
(51)
Jenħtieġ li r-rilaxx ta’ interessi ta’ garanzija f’assi li jappartjenu għan-negozju tad-debitur jew aggravarji oħra marbuta magħhom ikunu rregolati mid-dritt nazzjonali. Meta l-liġi fi Stat Membru tirrikjedi l-kunsens espliċitu tad-detentur ta’ interess ta’ garanzija għar-rilaxx ta’ dak l-interess, jenħtieġ li dak l-Istat Membru jkun jista’ jipprevedi deroga minn dak ir-rekwiżit, ħlief jekk id-detentur joġġezzjona għal dak ir-rilaxx.
(52)
Jenħtieġ li l-aħjar offerta ma tiġix skwalifikata fil-fażi tal-preparazzjoni biss għaliex tiġi ppreżentata minn parti relatata mill-qrib mad-debitur. Jenħtieġ għalhekk li l-partijiet relatati mill-qrib mad-debitur jitħallew jippreżentaw offerta u, meta l-offerta tagħhom tirnexxi, jakkwistaw in-negozju liberu u frank minn djun u obbligazzjonijiet. Madankollu, jenħtieġ li l-eliġibbiltà ta’ partijiet relatati mill-qrib għall-offerti tkun soġġetta għal skrutinju msaħħaħ tal-proċess tal-offerti. L-għoti ta’ opportunitajiet indaqs għal offerenti oħra, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni u l-iżgurar ta’ simetrija tal-informazzjoni, jiffaċilita proċedimenti pre-pack rapidi u effiċjenti u jippermetti lil offerenti oħra jħejju l-offerti tagħhom.
(53)
Meta l-offerta ppreżentata minn parti relatata mill-qrib mad-debitur titqies bħala l-aqwa offerta, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jintroduċu salvagwardji addizzjonali għall-awtorizzazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-bejgħ tan-negozju tad-debitur jew ta’ parti minnu. Tali salvagwardji jistgħu jinkludu l-obbligu għall-akkwirent li jiżgura l-kontinwità tal-operat għal perjodu minimu ta’ żmien, jew iż-żamma ta’ kuntratti ta’ impjieg.
(54)
Il-possibbiltà li jiġu eżegwiti d-drittijiet ta’ prelazzjoni matul il-proċess tal-bejgħ tfixkel il-kompetizzjoni fil-proċedimenti pre-pack. L-offerenti potenzjali jistgħu jastjenu milli jagħmlu offerti jekk id-detenturi tad-drittijiet jistgħu, fid-diskrezzjoni tagħhom, jirrifjutaw dawk l-offerti, irrispettivament mill-ħin u r-riżorsi investiti jew mill-valur tal-offerti kkonċernati. Sabiex jiġi żgurat li l-offerti rebbieħa jirriflettu l-aħjar prezz fis-suq, jenħtieġ li d-drittijiet ta’ prelazzjoni ma jiġux konċessi lill-offerenti, u jenħtieġ li tali drittijiet lanqas ma jiġu eżegwiti matul il-fażi tal-likwidazzjoni. Jenħtieġ li minflok ma d-detenturi ta’ drittijiet ta’ prelazzjoni li ngħataw qabel il-bidu tal-proċedimenti pre-pack jinvokaw id-drittijiet ta’ prelazzjoni tagħhom, jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-proċess tal-offerti. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jeżegwixxu d-drittijiet statutorji ta’ prelazzjoni li mhumiex affettwati mill-insolvenza tad-debitur.
(55)
Jenħtieġ li l-Istati Membri jippermettu lill-kredituri garantiti jipparteċipaw fil-proċess tal-offerti fil-proċedimenti pre-pack billi joffru l-ammont tal-pretensjonijiet garantiti tagħhom bħala korrispettiv għax-xiri tal-assi li fuqhom ikollhom garanzija (offerti ta’ kreditu). Madankollu, jenħtieġ li l-offerti ta’ kreditu ma jintużawx b’tali mod li jipprovdi lill-kredituri garantiti vantaġġ indebitu fil-proċess tal-offerti, bħal meta l-ammont tal-pretensjoni garantita tagħhom kontra assi ta’ debitur ikun ogħla mill-valur tas-suq tan-negozju tad-debitur. Bħala tali, jenħtieġ li kreditur garantit ma jkunx jista’ joffri l-ammont sħiħ tal-pretensjoni tagħhom kontra n-negozju tad-debitur, meta n-negozju jkun jiswa inqas minn dak l-ammont, billi dan jista’ jiskoraġġixxi lil kompetituri potenzjali milli jipparteċipaw fil-proċess tal-offerti. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Direttiva tirrestrinġi l-ammont li kreditur jista’ joffri f’każijiet fejn ikun hemm pretensjonijiet sottogarantiti jew sottokollateralizzati. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li kreditur garantit jitħalla biss joffri ammont li għandu jiġi paċut mal-prezz tax-xiri, mingħajr ma jaqbeż il-valur tas-suq tan-negozju. Ir-restrizzjoni fuq il-kapaċità ta’ kreditur li joffri l-valur sħiħ ta’ pretensjoni garantita ma timplikax li dik il-pretensjoni titlef l-interess ta’ garanzija tagħha fir-rigward tal-parti tal-pretensjoni li ma tistax tintuża fil-proċess tal-offerti.
(56)
Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (13), u ma tipprevjenix lill-Istati Membri milli jinfurzaw is-sistemi nazzjonali ta’ kontroll tal-fużjoniiet. Fl-għażla tal-aħjar offerta, jenħtieġ li s-sorveljatur jitħalla jqis ir-riskji regolatorji maħluqa mill-offerti li jeħtieġu l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u jenħtieġ li jkun jista’ jikkonsulta lil dawk l-awtoritajiet f’konformità mar-regoli applikabbli. Jenħtieġ li d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mill-awtorità tal-kompetizzjoni ma tmurx kontra r-regoli nazzjonali dwar il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali. Jenħtieġ li tibqa’ r-responsabbiltà tal-offerenti li jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġu vvalutati dawk ir-riskji u li jikkomunikaw fil-ħin mal-awtoritajiet kompetenti tal-kompetizzjoni sabiex jittaffew dawk ir-riskji. Sabiex tiżdied il-probabbiltà li l-proċedimenti pre-pack jirnexxu, f’każ li offerta toħloq tali riskji, jenħtieġ li s-sorveljatur jew id-debitur ikun meħtieġ iwettaq ir-rwol tiegħu b’mod li jiffaċilita l-preżentazzjoni ta’ offerti alternattivi.
(57)
Id-diretturi jissorveljaw il-ġestjoni tal-affarijiet ta’ kumpanija u għandhom l-aħjar ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha. Għalhekk, id-diretturi jkunu fost l-ewwel li jindunaw jekk kumpanija tkunx insolventi. Meta d-diretturi jagħmlu rikors tard għall-proċedimenti ta’ insolvenza, dan jista’ jwassal għal valuri ta’ rkupru aktar baxxi għall-kredituri. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jintroduċu dmir għad-diretturi biex jagħmlu talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza f’perjodu speċifikat. Fil-kuntest ta’ dak id-dmir, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu permessi jiddefinixxu l-insolvenza b’ mod differenti mill-avveniment li bih jiskatta l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza. Meta Stat Membru jkollu aktar minn limitu ta’ insolvenza wieħed, huwa dak l-Istat Membru li għandu jiddetermina liema minn dawk il-limiti li bih jiskatta d-dmir li tiġi ppreżentata talba għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jispeċifikaw ukoll il-persuni li għalihom japplikaw id-dmirijiet tad-diretturi, b’kont meħud tal-firxa ta’ responsabbiltajiet li ċerti persuni jew korpi jista’ jkollhom fir-rigward ta’ deċiżjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-kumpaniji.
(58)
Jenħtieġ li talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza tiġi ppreżentata f’limitu ta’ żmien speċifikat. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li dak il-limitu ta’ żmien ma jkunx itwal minn tliet xhur mill-mument li d-diretturi jsiru konxji, jew jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jkunu saru konxji, li l-kumpanija hija insolventi. Jekk il-kumpanija terġa’ tikseb is-solvenza tagħha qabel l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien, iżda terġa’ ssir insolventi wara dan, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu li limitu ta’ żmien ġdid jibda minn dak il-mument.
(59)
Meta kumpanija ssir insolventi, il-protezzjoni tal-korp ġenerali tal-kredituri tista’ tinkiseb b’modi differenti. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu li d-dmir tad-diretturi li jippreżentaw talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza jista’ jiġi sodisfatt billi l-pubbliku jiġi infurmat dwar l-insolvenza tal-kumpanija permezz ta’ notifika f’reġistru pubbliku sabiex jiġi żgurat li l-kredituri jkunu jistgħu japplikaw għal proċedimenti ta’ insolvenza. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu wkoll jissospendu d-dmir tad-diretturi li jippreżentaw talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, jekk id-diretturi jieħdu miżuri bil-ħsieb li jipproteġu l-interessi tal-korp ġenerali tal-kredituri u dawk il-miżuri jiżguraw livell ta’ protezzjoni lill-korp ġenerali tal-kredituri li jkun ekwivalenti għal dak żgurat mill-preżentazzjoni ta’ talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza. Tali miżuri jistgħu jinkludu, pereżempju, miżuri meħuda mis-sidien tal-kumpanija biex tiġi restawrata s-solvenza tal-kumpanija.
(60)
Sabiex jiġi żgurat li d-diretturi ma jaġixxux kontra l-interessi tal-kredituri billi jittardjaw il-preżentazzjoni ta’ talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, minkejja sinjali ta’ insolvenza, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jagħmlu lid-diretturi responsabbli b’mod ċivili għan-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ tali talba. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li d-diretturi jikkumpensaw lill-kredituri għal kwalunkwe dannu li jirriżulta mid-deterjorament fil-valur ta’ rkupru tal-kumpanija meta mqabbel mas-sitwazzjoni li kienet teżisti li kieku t-talba ġiet ippreżentata fil-ħin. Sa fejn din id-Direttiva ma tipprevedix regoli speċifiċi, jenħtieġ li l-aspetti l-oħra kollha tar-responsabbiltà ċivili, bħall-kalkolu tad-danni jew l-oneru tal-provi, jiġu rregolati kmil-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu wkoll jadottaw jew iżommu regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili tad-diretturi relatata ma’ rikors għal proċedimenti ta’ insolvenza li jkunu aktar stretti minn dawk stabbiliti b’din id-Direttiva.
(61)
Meta l-Istati Membri jippermettu lid-diretturi jieħdu miżuri biex jipproteġu l-interessi tal-korp ġenerali tal-kredituri, minbarra li jwettqu d-dmir tagħhom li jippreżentaw talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, jenħtieġ li jistabbilixxu wkoll dispożizzjonijiet li jiżguraw li d-diretturi jkunu responsabbli għal kwalunkwe dannu kkawżat lill-kredituri li jirriżulta mid-deterjorament fil-valur ta’ rkupru tal-kumpanija meta mqabbel mas-sitwazzjoni li kienet teżisti li kieku ġiet ippreżentata talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-kredituri jitqiegħdu fil-pożizzjoni li kienu jkunu fiha li kieku t-talba għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza ġiet ippreżentata mid-diretturi sal-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Istati Membri. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jipprevedu r-rilaxx tad-diretturi minn tali responsabbiltà meta u sal-punt li dawk id-diretturi jkunu jistgħu juru, abbażi ta’ ċirkostanzi oġġettivi u informazzjoni li kienet aċċertabbli fil-mument meta ttieħdu l-miżuri kkonċernati, li kien raġonevolment mistenni li tali miżuri kienu jiksbu eżitu ekwivalenti jew aħjar għall-kredituri mill-eżitu li jirriżulta mill-preżentazzjoni ta’ talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, jenħtieġ li tapplika l-liġi nazzjonali dwar l-issodisfar tal-oneru tal-provi.
(62)
Sabiex jiġi promoss qafas ta’ insolvenza effiċjenti u inklużiv li jappoġġa l-intraprenditorija u t-tiġdid ekonomiku, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew jintroduċu proċedimenti ta’ stralċ simplifikati għall-mikrointrapriżi.
(63)
Meta imprenditur ikollu sjieda sħiħa jew parzjali ta’ kumpanija u jkun personalment responsabbli għad-dejn kollu tal-kumpanija, jenħtieġ li l-fatt li l-kumpanija ma jkollhiex biżżejjed assi biex tkopri l-kost tal-proċedimenti ta’ insolvenza ma jipprevjenix lill-imprenditur milli jikseb ħelsien mid-dejn f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/1023 u b’hekk jibbenefika mit-tieni opportunità. Filwaqt li l-Istati Membri mhumiex meħtieġa jintroduċu proċedura ġdida għall-ħelsien mid-dejn, jenħtieġ li jiżguraw aċċess għal proċeduri għall-ħelsien mid-dejn għal imprendituri li huma persuni fiżiċi, u mhux għal kumpaniji. Din id-Direttiva tikkonċerna imprendituri insolventi li huma responsabbli għad-djun kollha ta’ kumpanija u jenħtieġ li ma tikkonċernax persuni li huma biss parzjalment responsabbli għad-dejn ta’ kumpanija bħal garanti għas-self bankarju tal-kumpanija u tipi oħra ta’ garanziji lil xi kreditur tal-kumpanija. Din id-Direttiva tikkonċerna biss iċ-ċaħda ta’ ħelsien mid-dejn għar-raġuni li ma jista’ jinfetaħ l-ebda proċediment ta’ insolvenza kontra l-kumpanija minħabba li l-kumpanija ma jkollhiex biżżejjed assi biex tkopri l-kostijiet ta’ tali proċedimenti ta’ insolvenza. Din id-Direttiva ma tirregolax raġunijiet oħra għaċ-ċaħda ta’ ħelsien mid-dejn, bħal dawk previsti fid-Direttiva (UE) 2019/1023. Meta persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-ħelsien mid-dejn, id-data tad-deċiżjoni li tirrifjuta jew li ma tiftaħx proċedimenti ta’ insolvenza kontra l-kumpanija tista’ tiġi applikata minflok id-data msemmija fl-Artikolu 21(1)(b) tad-Direttiva (UE) 2019/1023.
(64)
Huwa importanti li jiġi żgurat li l-kredituri jkunu involuti b’mod xieraq fil-proċedimenti ta’ insolvenza sabiex l-interessi tagħhom ikunu jistgħu jitqiesu b’mod adegwat. Il-kumitati tal-kredituri jippermettu involviment aħjar tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza, b’mod partikolari meta l-kredituri altrimenti jiġu prevenuti milli jagħmlu dan individwalment minħabba riżorsi limitati, is-sinifikat ekonomiku tal-pretensjonijiet tagħhom, jew in-nuqqas ta’ prossimità ġeografika. Il-kumitati tal-kredituri jistgħu jgħinu lill-kredituri transfruntieri biex jeżerċitaw aħjar id-drittijiet tagħhom u jiżguraw li jiġu ttrattati b’mod ġust. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippermettu li jiġi stabbilit kumitat tal-kredituri ladarba jinfetħu l-proċedimenti ta’ insolvenza. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu wkoll li jiġi stabbilit kumitat tal-kredituri qabel ma jinfetħu l-proċedimenti ta’ insolvenza. M’hemm xejn li jipprevjeni lill-Istati Membri milli jestendu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ kumitati tal-kredituri għal proċedimenti ta’ ristrutturar preventiv. Jenħtieġ li kumitat tal-kredituri jiġi stabbilit kull meta l-laqgħa ġenerali tal-kredituri tiddeċiedi jew titlob dan jew, fejn il-liġi nazzjonali ma tipprevedix laqgħa ġenerali tal-kredituri, jekk il-kredituri jitolbu dan f’konformità mal-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jiddeċiedu li l-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti jew il-prattikanti fl-insolvenza jistgħu jistabbilixxu kumitat tal-kredituri fuq inizjattiva tagħhom stess jew fuq talba ta’ kreditur wieħed jew aktar, tal-prattikant fl-insolvenza jew tad-debitur.
(65)
Il-piż tal-istabbiliment u tal-operat ta’ kumitat tal-kredituri għandu jkun proporzjonat mal-benefiċċji tiegħu. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu li ma jiġi stabbilit ebda kumitat tal-kredituri meta l-piż tal-istabbiliment u l-operat tiegħu jkun ogħla mir-rilevanza ekonomika tad-deċiżjonijiet li jista’ jieħu. Dan jista’ jkun il-każ fejn ikun hemm ftit wisq kredituri, fejn maġġoranza kbira tal-kredituri jkollhom sehem żgħir fil-pretensjoni kontra d-debitur, meta dewmien possibbli kkawżat mill-istabbiliment ta’ kumitat tal-kredituri jwassal għad-deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur, jew meta l-valur mistenni li jiġi rkuprat mill-patrimonju tal-insolvenza fil-proċedimenti ta’ insolvenza jkun inqas mill-kost tal-istabbiliment u tal-operat tal-kumitat tal-kredituri. Tali sitwazzjonijiet iseħħu, b’mod partikolari, fi proċedimenti ta’ insolvenza li jikkonċernaw debituri li huma imprendituri jew intrapriżi żgħar, u fi proċeduri ta’ kwittanza. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu l-istabbiliment ta’ kumitat tal-kredituri biss għal impriżi kbar skont it-tifsira tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). Fil-każ ta’ intrapriżi iżgħar, huwa possibbli li l-liġi nazzjonali diġà tipprevedi, b’modi oħra, li l-interessi tal-kredituri jkun protetti b’mod adegwat permezz ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.
(66)
Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar l-istabbiliment tal-kumitat tal-kredituri japplikaw għad-debituri li huma persuni ġuridiċi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu permessi jestendu l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet għal persuni fiżiċi li huma imprendituri.
(67)
Jenħtieġ li l-Istati Membri jiċċaraw il-funzjonijiet tal-kumitati tal-kredituri u r-rekwiżiti, id-dmirijiet u l-proċeduri għall-ħatra tal-membri tagħhom. Sabiex jiġi evitat dewmien bla bżonn meta jiġi stabbilit il-kumitat tal-kredituri, jenħtieġ li l-kumitat jinħatar malajr biex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-proċedimenti ta’ insolvenza. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-kredituri jkunu rappreżentati b’mod ġust fil-kumitati tal-kredituri u li l-kredituri transfruntieri li jkunu residenti fi Stat Membru għajr dak li fih infetħu l-proċedimenti ta’ insolvenza ma jkunux preklużi milli jipparteċipaw fil-kumitati tal-kredituri. Meta l-ħaddiema jkunu fost il-kredituri, jenħtieġ li dawk il-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom ikunu eliġibbli għall-ħatra fil-kumitati tal-kredituri, sakemm ma jkunx hemm mekkaniżmu ieħor, tal-anqas ekwivalenti, li permezz tiegħu jistgħu jiġu rrappreżentati l-interessi tal-ħaddiema fi proċedimenti ta’ insolvenza. Dan jista’ jkun il-każ meta l-interessi tal-ħaddiema fi proċedimenti kollettivi jitqiesu permezz ta’ konsultazzjonijiet obbligatorji mar-rappreżentanti tagħhom dwar id-direzzjoni tal-proċedimenti jew qabel deċiżjonijiet ewlenin, bħal dwar il-bejgħ tal-assi jew it-trasferiment tan-negozju. Il-ħaddiema li l-pretensjonijiet tal-pagi tagħhom jitħallsu bis-sħiħ minn istituzzjoni ta’ garanzija mhumiex kredituri.
(68)
Ir-rappreżentanza ġusta tal-kredituri f’kumitati tal-kredituri hija partikolarment importanti fir-rigward tal-kredituri mhux garantiti, inkluż kredituri bi pretensjonijiet żgħar. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu li persuni jew entitajiet li mhumiex kredituri, bħar-rappreżentanti tal-ħaddiema, korpi pubbliċi jew istituzzjonijiet ta’ garanzija, ikunu eliġibbli wkoll għall-ħatra f’kumitati tal-kredituri.
(69)
Jenħtieġ li l-kumitati tal-kredituri jkunu involuti fil-proċedimenti ta’ insolvenza u jiżguraw li dawn jitwettqu b’mod li jipproteġi l-interessi tal-kredituri, inkluż billi jsegwu u jiġi infurmati regolarment dwar l-attivitajiet tal-prattikant fl-insolvenza, mingħajr ma jirrikjedu li l-prattikant fl-insolvenza jkun subordinat għall-kumitat. Ir-rwol tal-kumitati tal-kredituri fil-monitoraġġ tal-ġustizzja u l-integrità tal-proċedimenti ta’ insolvenza jista’ jitwettaq b’mod effettiv biss meta huma u l-membri tagħhom jaġixxu b’mod indipendenti mill-prattikanti fl-insolvenza u marbutin li jagħtu rendikont biss lill-kredituri. Jenħtieġ li l-membri tal-kumitati tal-kredituri jaġixxu in bona fide meta jwettqu l-funzjonijiet tal-kumitat. Jenħtieġ li kredituri, membri tal-kumitat tal-kredituri u kwalunkwe professjonist impjegat mill-kumitati tal-kredituri jżommu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kunfidenzjali miksuba b’rabta mal-attivitajiet tal-kumitat tal-kredituri.
(70)
Filwaqt li jenħtieġ li kumitat tal-kredituri jkun kbir biżżejjed biex jiżgura diversità fil-fehmiet u fl-interessi tal-kredituri, jenħtieġ ukoll li jkun relattivament limitat f’daqsu sabiex ikun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu b’mod effettiv u f’waqtu. Jenħtieġ li l-Istati Membri jispeċifikaw meta u kif il-kompożizzjoni tal-kumitat jeħtieġ li tinbidel, bħal fil-każ li r-rappreżentanti ma jkunux għadhom jistgħu jaġixxu, inkluż fl-aħjar interessi tal-kredituri, jew ikunu jixtiequ jirtiraw. Jenħtieġ li l-Istati Membri jispeċifikaw ukoll il-kundizzjonijiet għat-tneħħija tal-membri li jkunu wettqu ksur serju fir-rigward tad-dmir tagħhom li jaġixxu fl-interessi tal-korp ġenerali tal-kredituri. Tali ksur jista’ jinkludi sitwazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess.
(71)
Jenħtieġ li l-metodi ta’ ħidma tal-kumitati tal-kredituri jkunu trasparenti u effettivi. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu rekwiżiti dwar il-metodi ta’ ħidma tal-kumitati tal-kredituri, li jispeċifikaw il-proċedura għall-votazzjoni, inkluż l-eliġibbiltà għall-vot u l-kworum meħtieġ, iż-żamma tar-rekords tad-deċiżjonijiet meħuda, u kif jiġu żgurati l-imparzjalità u l-kunfidenzjalità tal-ħidma tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-metodi ta’ ħidma jistgħu jiġu speċifikati aktar mill-kumitati tal-kredituri permezz ta’ protokolli.
(72)
Jenħtieġ li l-kredituri jkunu jistgħu jipparteċipaw u jivvutaw b’mod elettroniku jew jiddelegaw id-drittijiet tal-vot tagħhom, lil persuna terza debitament awtorizzata. Il-possibbiltà ta’ delega tkun partikolarment ta’ benefiċċju għall-kredituri residenti fi Stati Membri għajr l-Istat Membru fejn infetħu l-proċedimenti ta’ insolvenza.
(73)
Jenħtieġ li l-kumitati tal-kredituri jingħataw biżżejjed drittijiet biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mod effiċjenti u effettiv. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-kumitati tal-kredituri jaġixxu b’mod trasparenti u jkunu jistgħu jinteraġixxu mal-prattikanti fl-insolvenza, mal-qrati, mad-debitur fil-pussess, u mal-kredituri li huma jirrappreżentaw, kif meħtieġ, biex il-kumitati tal-kredituri jkunu jistgħu jfasslu u jikkomunikaw il-fehmiet tagħhom dwar kwistjonijiet ta’ interess dirett u ta’ rilevanza għall-kredituri, u li dawk il-fehmiet jitqiesu kif xieraq fil-proċedimenti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu d-dritt tal-kumitati tal-kredituri li jitolbu informazzjoni mill-prattikanti fl-insolvenza u, meta applikabbli, mid-debituri fil-pussess. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu li l-kumitati tal-kredituri jkollhom id-dritt li jinstemgħu dwar deċiżjonijiet ewlenin. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jippermettu lil-laqgħa ġenerali tal-kredituri tiddelega deċiżjonijiet lill-kumitati tal-kredituri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu wkoll id-dritt tal-kumitati tal-kredituri li jaħtru segretarju u li jitolbu parir estern dwar kwistjonijiet li fihom il-kredituri li jirrappreżentaw ikollhom interess.
(74)
Peress li l-operat tal-kumitati tal-kredituri jġarrab spejjeż, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli ċari dwar min ser iħallas dawk l-ispejjeż. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu wkoll salvagwardji biex jipprevjenu li l-kostijiet tal-kumitati tal-kredituri jnaqqsu l-valur ta’ rkupru tal-patrimonji tal-insolvenza b’mod sproporzjonat.
(75)
Sabiex il-kredituri jiġu mħeġġa jsiru membri f’kumitati tal-kredituri, jenħtieġ li l-Istati Membri jillimitaw ir-responsabbiltà ċivili tagħhom meta jwettqu funzjonijiet f’konformità ma’ din id-Direttiva. Madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli li jitneħħew membri tal-kumitati tal-kredituri li jkunu kisru dmirijiethom intenzjonalment jew b’mod negliġenti serju u jinżammu responsabbli għal dak il-ksur. F’dawk il-każijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu li dawk il-membri jinżammu responsabbli individwalment għad-detriment ikkawżat mill-imġiba ħażina tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu ma japplikawx tali limitazzjoni tar-responsabbiltà ċivili meta l-ispejjeż għal assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà personali tal-membri ta’ kumitat tal-kredituri jitħallsu mill-patrimonju tal-insolvenza. Meta l-Istati Membri jafdaw lill-kumitati tal-kredituri b’setgħat akbar minn dawk previsti minn din id-Direttiva, li jippermettulhom, pereżempju, jieħdu deċiżjonijiet dwar l-assi tad-debitur jew li jaċċettaw tranżazzjonijiet, jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprevedu li l-membri tal-kumitati tal-kredituri jinżammu responsabbli bl-istess mod bħall-prattikanti fl-insolvenza.
(76)
Sabiex tiġi żgurata trasparenza mtejba tal-karatteristiċi ewlenin tal-proċedimenti nazzjonali tal-insolvenza u, speċjalment, biex il-kredituri transfruntieri jiġu megħjuna jivvalutaw x’jiġri mill-investimenti tagħhom jekk dawk l-investimenti jispiċċaw involuti fi proċedimenti ta’ insolvenza, jenħtieġ li l-investituri u l-investituri potenzjali jingħataw aċċess faċli għal dik l-informazzjoni f’format predefinit, komparabbli u faċli għall-utent. Jenħtieġ li l-Istati Membri jħejju skeda ta’ informazzjoni ewlenija standardizzata u jagħmluha disponibbli għall-pubbliku. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel l-iskedi ta’ informazzjoni ewlenija disponibbli għall-pubbliku f’format multilingwi. Skeda ta’ informazzjoni ewlenija tkun għodda importanti għall-investituri potenzjali biex jagħmlu valutazzjoni rapida tar-regoli ta’ Stat Membru partikolari dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza. Jenħtieġ li jkun fiha biżżejjed spjegazzjonijiet biex il-qarrej ikun jista’ jifhem l-informazzjoni li jkun fiha mingħajr ma jkollu għalfejn jirreferi għal sorsi oħra ta’ informazzjoni. Jenħtieġ li l-iskedi ta’ informazzjoni ewlenija jinkludu informazzjoni prattika dwar il-kundizzjonijiet li bihom jiskatta l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza kif ukoll dwar il-passi li għandhom jittieħdu biex jintalab il-bidu ta’ proċedimenti ta’ insolvenza jew biex tiġi ppreżentata pretensjoni. Peress li l-Istati Membri diġà huma meħtieġa jipprovdu informazzjoni dwar ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar il-proċeduri ta’ insolvenza skont ir-Regolament (UE) 2015/848, huwa importanti li jiġi żgurat li l-informazzjoni pprovduta skont din id-Direttiva tkun konsistenti mal-informazzjoni pprovduta skont dak ir-Regolament. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa minn din id-Direttiva permezz tan-Network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE (15).
(77)
Fil-każ ta’ sitwazzjonijiet eċċezzjonali ta’ emerġenza li jirriżultaw minn diżastri naturali jew avvenimenti katastrofiċi oħra li jfixklu serjament l-attivitajiet ekonomiċi fil-livell ta’ Stat Membru jew tar-reġjuni tiegħu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaġixxu malajr sabiex jimminimizzaw l-impatt negattiv ta’ dawk is-sitwazzjonijiet fuq l-ekonomija. Tali sitwazzjonijiet irriżultaw fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID u jistgħu jinqalgħu fil-kuntest ta’ kriżi sistemika kif definita fid-Direttiva 2014/59/UE jew f’sitwazzjonijiet fejn l-għajnuna mill-Istat tkun kompatibbli mas-suq intern biex tissewwa l-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew okkorrenzi eċċezzjonali skont l-Artikolu 107(2), il-punt (b), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, li jimplikaw ir-riskju ta’ insolvenzi mifruxa, inkluż għal kumpaniji li jkunu vijabbli f’ċirkostanzi ordinarji, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jidderogaw temporanjament minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li d-derogi jkunu limitati fl-ambitu u fiż-żmien għal dak li huwa essenzjali biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni eċċezzjonali, pereżempju billi jkunu ristretti ġeografikament għar-reġjun fl-Istati Membri li huwa affettwat minn diżastru naturali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri li jidderogaw minn din id-Direttiva, l-ambitu territorjali tagħhom, it-tul ta’ żmien tagħhom u ġustifikazzjoni tal-ħtieġa li jiġu implimentati. Jenħtieġ li l-obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw dawk il-miżuri ma jaffettwax id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni tagħhom. Jenħtieġ li n-notifika, li tiffaċilita l-monitoraġġ mill-Kummissjoni tal-konformità tad-derogi mar-rekwiżiti rilevanti, tinġieb għall-attenzjoni ta’ Stati Membri oħra mingħajr dewmien bla bżonn. Jenħtieġ li d-durata massima tad-deroga tkun ta’ sena, u jenħtieġ li jkun possibbli li tiġi estiża b’perjodi ta’ sitt xhur soġġett għal mekkaniżmu ta’ kontroll addizzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw it-talba għal estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza tad-deroga sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ topponiha jekk ikun hemm bżonn.
(78)
Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).
(79)
Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni ta’ għarfien prattiku u ta’ informazzjoni kummerċjali mhux divulgati, magħruf ukoll bħala sigrieti kummerċjali, mill-ksib, l-użu u d-divulgazzjoni illegali tagħhom skont id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).
(80)
Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li d-differenzi bejn l-oqfsa ta’ insolvenza nazzjonali jkomplu joħolqu ostakli għall-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment, iżda jistgħu pjuttost jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.
(81)
Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, il-libertà professjonali u d-dritt għax-xogħol, il-libertà ta’ intrapriża, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni kif ukoll id-dritt għal proċess ġust.
(82)
Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) japplika għall-ipproċessar tad-data personali għall-fini ta’ din id-Direttiva. Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.
(83)
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fis-6 ta’ Frar 2023 (20),
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
TITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni dwar:
(a)
azzjonijiet revokatorji;
(b)
traċċar ta’ assi li jappartjenu għall-patrimonji tal-insolvenza;
(c)
il-proċedimenti pre-pack;
(d)
id-dmir tad-diretturi li jippreżentaw talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza;
(e)
il-kumitati tal-kredituri;
(f)
skedi ta’ informazzjoni ewlenija.
2. It-Titoli II, III u VI ta’ din id-Direttiva japplikaw għal proċedimenti kollettivi, kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2015/848, li huma bbażati fuq liġijiet relatati mal-insolvenza, bl-eċċezzjoni ta’ proċeduri ta’ ristrutturar preventiv.
It-Titolu II ma japplikax għall-proċedimenti interim.
3. Din id-Direttiva ma tapplikax meta d-debituri huma:
(a)
impriżi tal-assigurazzjoni jew impriżi tar-riassigurazzjoni kif definiti fl-Artikolu 13, il-punti (1) u (4) tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21);
(b)
istituzzjonijiet ta’ kreditu kif definiti fl-Artikolu 4(1), il-punt (1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22);
(c)
impriżi ta’ investiment jew impriżi ta’ investiment kollettiv kif definiti fl-Artikolu 4(1), il-punti (2) u (7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;
(d)
kontropartijiet ċentrali kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23);
(e)
depożitorji ċentrali tat-titoli kif definiti fl-Artikolu 2(1), il-punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24);
(f)
istituzzjonijiet u entitajiet finanzjarji oħrajn elenkati fl-Artikolu 1(1), ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25);
(g)
korpi pubbliċi skont il-liġi nazzjonali;
(h)
persuni fiżiċi li mhumiex imprendituri.
4. L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva debituri li huma entitajiet finanzjarji għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 3 li jipprovdu servizzi finanzjarji li huma soġġetti għal arranġamenti speċjali li taħthom l-awtoritajiet superviżorji jew ta’ riżoluzzjoni nazzjonali jkollhom setgħat wiesgħa ta’ intervent komparabbli ma’ dawk fir-rigward tal-entitajiet finanzjarji msemmija fil-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw dawk l-arranġamenti speċjali lill-Kummissjoni.
5. It-Titoli IV u VI japplikaw għal debituri li huma persuni ġuridiċi.
6. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw it-Titolu VI ta’ din id-Direttiva biss għal debituri li huma impriżi kbar fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2013/34/UE.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)
“prattikant fl-insolvenza” tfisser persuna jew korp li għandhom waħda jew aktar mill-funzjonijiet elenkati fl-Artikolu 2, il-punt (5), tar-Regolament (UE) 2015/848 u fl-Artikolu 2(1), il-punt (12), tad-Direttiva (UE) 2019/1023;
(b)
“qorti” tfisser korp ġudizzjarju ta’ Stat Membru;
(c)
“reġistri tal-kontijiet bankarji tfisser” mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati, bħal reġistri ċentrali jew sistemi elettroniċi ċentrali għall-irkupru tad-data, stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva (UE) 2024/1640;
(d)
“reġistri ċentrali tas-sjieda benefiċjarja” tfisser reġistri ċentrali nazzjonali li jkollhom informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u s-sistemi ta’ interkonnessjoni ta’ dawk ir-reġistri msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2024/1640;
(e)
“informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji” tfisser l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva (UE) 2024/1640;
(f)
“att legali” tfisser, għall-finijiet tat-Titolu II, kwalunkwe mġiba intenzjonali tal-bniedem li tipproduċi effetti legali;
(g)
“kuntratt eżekutorju” tfisser kuntratt bejn debitur u kontroparti waħda jew aktar, li skontu l-partijiet għad għandhom obbligi li jwettqu fiż-żmien tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza fil-fażi tal-likwidazzjoni skont it-Titolu IV, bl-eċċezzjoni ta’ arranġamenti ta’ netting, inkluż arranġamenti ta’ close-out netting, fis-swieq finanzjarji, fis-swieq tal-enerġija u fis-swieq tal-komoditajiet, fejn tali arranġamenti jkunu infurzabbli skont il-liġi nazzjonali dwar l-insolvenza, u ta’ kuntratti finanzjarji;
(h)
“test tal-aħjar interess tal-kredituri” tfisser it-test li jiġi sodisfatt jekk l-ebda kreditur ma jkun agħar taħt likwidazzjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti pre-pack milli tali kreditur kien ikun li kieku tiġi applikata l-klassifikazzjoni normali tal-prijoritajiet tal-likwidazzjoni f’każ ta’ likwidazzjoni tal-partijiet separati jew, meta Stati Membri jipprevedu hekk, fil-każ tal-aħjar xenarju alternattiv;
(i)
“finanzjament interim” tfisser kwalunkwe assistenza finanzjarja ġdida, ipprovduta minn kreditur eżistenti jew ġdid, li tinkludi, bħala minimu, assistenza finanzjarja waqt il-proċedimenti pre-pack, u li hija raġonevoli u meħtieġa immedjatament għan-negozju tad-debitur, jew parti minnu, biex ikompli jopera, jew sabiex jippreserva jew itejjeb il-valur ta’ dak in-negozju;
(j)
“kumitat tal-kredituri” tfisser korp rappreżentattiv tal-kredituri stabbilit skont it-Titolu VI;
(k)
“proċedimenti pre-pack” tfisser proċedimenti, inkluż fażi tal-preparazzjoni u fażi tal-likwidazzjoni, li jippermettu l-bejgħ tan-negozju tad-debitur, kompletament jew parzjalment, bħala negozju avvjat lill-aħjar offerent matul proċedimenti ta’ insolvenza;
(l)
“fażi tal-preparazzjoni” tfisser il-fażi tal-proċedimenti pre-pack li għandha l-għan li jinstab xerrej xieraq għan-negozju tad-debitur jew għal parti minnu;
(m)
“fażi tal-likwidazzjoni” tfisser il-fażi tal-proċedimenti pre-pack li għandha l-għan li tapprova u teżegwixxi l-bejgħ tan-negozju tad-debitur jew ta’ parti minnu u li tqassam ir-rikavati fost il-kredituri;
2. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-kunċetti ta’ “insolvenza” u “diretturi” għandhom jinftiehmu kif definiti mil-liġi nazzjonali.
Artikolu 3
Parti relatata mill-qrib mad-debitur
1. Għall-finijiet tat-Titolu II, partijiet relatati mill-qrib mad-debitur għandhom jinkludu:
(a)
meta d-debitur ikun persuna fiżika:
(i)
il-konjuġi jew is-sieħeb/sieħba tad-debitur;
(ii)
l-axxendenti, id-dixxendenti u l-aħwa tad-debitur jew dawk tal-konjuġi jew tas-sieħeb/sieħba tad-debitur, u l-konjuġi jew is-sħab ta’ dawk il-persuni;
(iii)
persuni li jgħixu fl-unità domestika tad-debitur;
(iv)
persuni b’aċċess għal informazzjoni mhux pubblika dwar l-affarijiet tad-debitur li għandhom il-possibbiltà li jikkontrollaw l-operazzjonijiet tad-debitur, inkluż meta jaħdmu għad-debitur b’kuntratt ta’ impjieg jew ikunu f’relazzjoni ta’ impjieg mad-debitur;
(v)
entitajiet ġuridiċi li fihom id-debitur jew waħda mill-persuni msemmija fil-punti (i) sa (iv) tkun membru tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji; jew
(vi)
entitajiet ġuridiċi li fihom id-debitur jew waħda mill-persuni msemmija fil-punti (i) sa (iv) iwettqu dmirijiet li jipprovdu aċċess għal informazzjoni mhux pubblika dwar l-affarijiet tad-debitur;
(b)
meta d-debitur ikun entità ġuridika:
(i)
kwalunkwe membru tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji tad-debitur;
(ii)
it-titolari ta’ ekwità b’interess kontrollanti fid-debitur;
(iii)
persuni li jwettqu funzjonijiet simili għal dawk imwettqa minn persuni skont il-punt (i);
(iv)
persuni li huma relatati mill-qrib f’konformità mal-punt (a), mal-persuni elenkati fil-punti (i), (ii) u (iii) ta’ dan il-punt.
2. Għall-finijiet tat-Titolu IV, il-partijiet relatati mill-qrib mad-debitur għandhom jinkludu l-persuni elenkati fil-paragrafu 1 u kwalunkwe persuna oħra, inkluż persuni ġuridiċi, b’aċċess preferenzjali għal informazzjoni mhux pubblika dwar l-affarijiet tad-debitur.
3. Jekk parti tkunx relatata mill-qrib mad-debitur għandu jiġi ddeterminat b’referenza għal:
(a)
għall-finijiet tat-Titolu II, il-jum li fih l-att legali soġġett għal azzjoni revokatorja jkun ġie pperfezzjonat jew perjodu ta’ tliet xhur qabel l-ipperfezzjonar tal-att legali;
(b)
għall-finijiet tat-Titolu IV, il-jum li fih il-fażi tal-likwidazzjoni tal-proċedimenti pre-pack tibda jew perjodu li jkun tal-anqas sitt xhur qabel il-bidu tal-fażi tal-likwidazzjoni.
Il-paragrafu 1 u l-paragrafu 3, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-persuni relatati mill-qrib ma’ partijiet li bbenefikaw minn att legali null, annullabbli jew mhux infurzabbli kif imsemmi fl-Artikolu 12(2), it-tieni subparagrafu.
Artikolu 4
Il-liġi nazzjonali u l-armonizzazzjoni minima
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(3), l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu liġijiet li jipprevedu livell ta’ protezzjoni għall-korp ġenerali tal-kredituri li jkun ogħla minn dak previst taħt it-Titoli II u V.
2. L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu liġijiet relatati mal-istabbiliment, il-funzjonament, il-kompiti u l-membri tal-kumitati tal-kredituri li jipprevedu parteċipazzjoni akbar tal-kredituri fi proċedimenti ta’ insolvenza minn dik prevista fit-Titolu VI.
3. L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu liġijiet li jiffaċilitaw l-aċċess mill-prattikanti fl-insolvenza għal informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji miżmuma fir-reġistri tal-kontijiet bankarji tagħhom, informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u reġistri u bażijiet tad-data nazzjonali li jkun akbar minn dak mogħti mir-regoli previsti fit-Titolu III.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li imprendituri insolventi jew persuni fiżiċi oħra li bħala detenturi ta’ ekwità jkunu personalment responsabbli għad-djun ta’ kumpanija b’responsabbiltà illimitata jkollhom aċċess għal ħelsien sħiħ mid-dejn f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/1023 anke f’każijiet fejn ma jkun jista’ jinfetaħ l-ebda proċediment ta’ insolvenza f’konformità mal-liġi nazzjonali fir-rigward tad-debitur għar-raġuni li d-debitur ma jkollu l-ebda assi jew l-assi tiegħu ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-kost tal-proċedimenti jew il-kostijiet relatati mal-involviment tal-prattikant fl-insolvenza.
5. L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu liġijiet li jistabbilixxu proċeduri ta’ stralċ simplifikati għall-mikrointrapriżi.
Artikolu 5
Protezzjoni tal-ħaddiema
Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar id-drittijiet tal-ħaddiema fir-rigward tal-kwistjonijiet regolati minn din id-Direttiva, inkluż il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar l-involviment tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u miżuri xierqa biex ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jiġu infurmati u kkonsultati, b’mod partikolari:
(a)
id-drittijiet iggarantiti mid-Direttivi 98/59/KE, 2001/23/KE u 2008/94/KE;
(b)
id-dritt għal informazzjoni u konsultazzjoni f’konformità mad-Direttivi 2002/14/KE u 2009/38/KE.
TITOLU II
AZZJONIJIET REVOKATORJI
KAPITOLU 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 6
Prerekwiżiti ġenerali għall-azzjonijiet revokatorji
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-atti legali li jkunu ġew ipperfezzjonati qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza għad-detriment tal-korp ġenerali tal-kredituri jkunu nulli, annullabbli jew mhux infurzabbli skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu 2.
L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li att legali, li l-effetti tiegħu huma kundizzjonali fuq ir-reġistrazzjoni tiegħu f’reġistru pubbliku, jitqies li ġie pperfezzjonat hekk kif ir-rekwiżiti l-oħra kollha għall-effettività tiegħu jkunu ġew sodisfatti.
KAPITOLU 2
Kundizzjonijiet speċifiċi
Artikolu 7
Preferenzi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-atti legali detrimentali li jibbenefikaw lil kreditur jew grupp ta’ kredituri b’sodisfazzjon jew b’kollateralizzazzjoni jkunu nulli, annullabbli jew mhux infurzabbli fejn ikunu ġew ipperfezzjonati:
(a)
fi żmien tliet xhur qabel il-preżentazzjoni tat-talba li wasslet għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza, jew, fin-nuqqas ta’ tali talba, fit-tliet xhur qabel id-data tar-riżoluzzjoni biex jinbdew proċedimenti ta’ insolvenza, dment li d-debitur ma kienx kapaċi jħallas id-djun tiegħu hekk kif isiru dovuti f’konformità mal-liġi nazzjonali; jew
(b)
wara l-preżentazzjoni tat-talba jew id-data tar-riżoluzzjoni msemmija fil-punt (a) u qabel il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.
2. Jekk pretensjoni dovuta ta’ kreditur tkun ġiet sodisfatta jew iggarantita bħala dovuta, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li atti legali detrimentali jkunu nulli, annullabbli jew mhux infurzabbli mill-inqas jekk:
(a)
il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ikunu ġew sodisfatti; u
(b)
dak il-kreditur kien jaf li d-debitur ġeneralment ma kienx kapaċi jħallas id-djun tiegħu hekk kif isiru dovuti f’konformità mal-liġi nazzjonali, li talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza kienet ġiet ippreżentata jew li, fin-nuqqas ta’ talba, kienet saret riżoluzzjoni biex jinbdew proċedimenti ta’ insolvenza.
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tali għarfien għandu jiġi preżunt jekk il-kreditur kien parti relatata mill-qrib mad-debitur. Dik il-preżunzjoni għandha tkun konfutabbli.
3. Il-paragrafi 1 u 2 ma japplikawx għall-atti legali li ġejjin:
(a)
atti legali eżegwiti direttament fi skambju għal korrispettiv ġust għall-benefiċċju tal-assi tad-debitur;
(b)
ħlasijiet fuq kambjali jew ċekkijiet, meta l-liġi li tirregola l-kambjali jew iċ-ċekkijiet tipprojbixxi l-pretensjonijiet tar-riċevitur li jirriżultaw mill-kambjala jew miċ-ċekk kontra debituri oħra ta’ kambjali jew ċekkijiet bħall-ġiranti, it-traent, jew it-trattarju jekk ir-riċevitur jirrifjuta l-pagament tad-debitur;
(c)
atti legali li mhumiex soġġetti għal azzjonijiet revokatorji f’konformità mad-Direttiva 98/26/KE u mad-Direttiva 2002/47/KE;
(d)
meta rilevanti, f’konformità mal-liġi nazzjonali, atti legali li l-iskop tagħhom huwa li jissodisfaw jew jikkollateralizzaw il-pretensjonijiet mill-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali;
(e)
id-dħul f’arranġamenti ta’ netting, inkluż arranġamenti ta’ close-out netting, fis-swieq finanzjarji, fis-swieq tal-enerġija jew fi swieq oħra tal-komoditajiet, kif ukoll atti legali li jappoġġaw l-operat ta’ tali arranġamenti.
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (b), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ammont imħallas fuq il-kambjala jew iċ-ċekk jiġi rritornat mill-aħħar ġirant jew, jekk dan tal-aħħar ikun approva l-kambjala f’isem parti terza, minn tali parti, jekk l-aħħar ġirant jew il-parti terza kienu jafu li d-debitur ma kienx kapaċi jħallas id-djun tiegħu kif kienu dovuti f’konformità mal-liġi nazzjonali jew li kienet ġiet ippreżentata talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza fil-mument li approva l-kambjala jew li ra li tiġi approvata f’ismu. Tali għarfien għandu jkun preżunt jekk l-aħħar ġirant jew il-parti terza kienet parti relatata mill-qrib mad-debitur. Dik il-preżunzjoni għandha tkun konfutabbli.
Artikolu 8
Atti legali bi skambju għal ebda kunsiderazzjoni jew kunsiderazzjoni manifestament inadegwata
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-atti legali tad-debitur jitwettqu bi skambju għal ebda kunsiderazzjoni jew kunsiderazzjoni manifestament inadegwata, dawk l-atti legali jkunu nulli, annullabbli jew mhux infurzabbli meta jkunu ġew ipperfezzjonati:
(a)
fi żmien it-12-il xahar qabel is-sottomissjoni tat-talba li wasslet għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza jew, fin-nuqqas ta’ tali talba, fi żmien it-12-il xahar qabel id-data tar-riżoluzzjoni biex jinbdew proċedimenti ta’ insolvenza; jew
(b)
wara l-preżentazzjoni tat-talba jew id-data tar-riżoluzzjoni msemmija fil-punt (a) u qabel il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.
2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal rigali u donazzjonijiet ta’ valur simboliku.
Artikolu 9
Atti legali li huma intenzjonalment ta’ detriment għall-kredituri
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-atti legali li bihom id-debitur ikun ikkawża intenzjonalment detriment għall-korp ġenerali tal-kredituri jkunu nulli, annullabbli jew mhux infurzabbli meta jiġu sodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)
dawk l-atti ġew ipperfezzjonati jew fi żmien sentejn qabel il-preżentazzjoni tat-talba li wasslet għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza jew, fin-nuqqas ta’ tali talba, fi żmien is-sentejn qabel id-data tar-riżoluzzjoni biex jinbdew proċedimenti ta’ insolvenza, jew wara d-data tal-preżentazzjoni ta’ tali talba jew id-data ta’ tali riżoluzzjoni u qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza;
(b)
il-parti l-oħra għall-att legali kienet taf bl-intenzjoni tad-debitur li jikkawża detriment għall-korp ġenerali tal-kredituri.
Għall-finijiet tal-ewwel paragrafu, il-punt (b), tali għarfien għandu jiġi preżunt jekk il-parti l-oħra għall-att legali kienet parti relatata mill-qrib mad-debitur. Dik il-preżunzjoni għandha tkun konfutabbli.
KAPITOLU 3
Konsegwenzi ta’ azzjonijiet revokatorji
Artikolu 10
Konsegwenzi ġenerali
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pretensjonijiet, id-drittijiet jew l-obbligi li jirriżultaw minn atti legali li jkunu nulli jew mhux infurzabbli jew ikunu ġew annullati skont il-Kapitolu 2 ma jistgħux jiġu invokati biex jinkiseb sodisfazzjon mill-patrimonju tal-insolvenza kkonċernat.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-parti li bbenefikat mill-att legali null, annullat jew mhux infurzabbli tkun obbligata tirritorna l-benefiċċji attwali nnifishom jew tħallas l-ekwivalenti tagħhom fi flus.
Il-fatt li l-arrikkiment li jirriżulta mill-att legali null, annullabbli jew mhux infurzabbli ma jkunx għadu disponibbli fil-proprjetà tal-parti li bbenefikat minn dak l-att legali jista’ jiġi invokat biss jekk dik il-parti ma kinitx taf biċ-ċirkostanzi li fuqhom hija bbażata l-azzjoni revokatorja.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-pretensjonijiet kollha li jirriżultaw mill-att legali null, annullabbli jew mhux infurzabbli kontra l-parti l-oħra ma jkunx itwal minn tliet snin mid-data tal-bidu tal-proċedimenti ta’ insolvenza. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-perjodu ta’ preskrizzjoni jiġi kkalkulat mid-data li fiha l-prattikant fl-insolvenza jkun sar jaf bil-fatti li wasslu għall-pretensjoni kontra l-parti l-oħra.
Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali li jirregola s-sospensjoni jew l-interruzzjoni tal-perjodu ta’ preskrizzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li pretensjoni għar-ritorn tal-benefiċċji attwali nnifishom jew għall-ħlas tal-ekwivalenti monetarju tagħhom skont il-paragrafu 2 tista’ tiġi ċeduta lil kreditur jew lil parti terza.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-parti li tkun obbligata tirritorna l-benefiċċji attwali nnifishom jew tħallas l-ekwivalenti monetarju tagħhom skont il-paragrafu 2 ma tkunx tista’ tpaċi dak l-obbligu kontra kwalunkwe pretensjoni li inkella kien ikollha tinvoka fil-proċedimenti ta’ insolvenza.
6. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għal azzjonijiet miġjuba taħt id-dritt ċivili u dak kummerċjali għall-kumpens għad-danni mġarrba mill-kredituri bħala riżultat ta’ att legali li jkun null, annullabbli jew mhux infurzabbli.
Artikolu 11
Konsegwenzi għall-parti li bbenefikat minn att legali null, annullabbli jew mhux infurzabbli
1. Meta u sal-punt li l-parti li tkun ibbenefikat mill-att legali null, annullabbli jew mhux infurzabbli tirritorna l-benefiċċji attwali nnifishom jew tħallas l-ekwivalenti monetarju tagħhom f’konformità mal-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe pretensjoni ta’ dik il-parti li kienet sodisfatta permezz ta’ dak l-att legali terġa’ titqajjem f’konformità mal-liġi nazzjonali.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe korrispettiv tal-kuntratt li tkun twettqet mill-parti li bbenefikat mill-att legali null, annullabbli jew mhux infurzabbli wara l-eżekuzzjoni tad-debitur skont dak l-att legali, jew fi skambju fl-istess waqt, tiġi rimborżata mill-patrimonju tal-insolvenza sal-punt li l-benefiċċji li ngħataw bħala l-eżekuzzjoni korrispettiva jibqgħu disponibbli fil-patrimonju f’forma li tista’ tiġi distinta mill-bqija tal-patrimonju tal-insolvenza jew sal-punt li l-patrimonju tal-insolvenza għadu arrikkit mill-valur tal-eżekuzzjoni korrispettiva.
Fil-każijiet li ma humiex koperti mill-ewwel subparagrafu, il-parti li bbenefikat mill-att legali null, annullabbli jew mhux infurzabbli tista’ tippreżenta pretensjoni għall-kumpens tal-eżekuzzjoni korrispettiva.
Artikolu 12
Responsabbiltà ta’ partijiet terzi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Artikoli 10 u 11 jkunu applikabbli għal kwalunkwe werriet jew suċċessur universali ieħor tal-parti li bbenefikat mill-att legali null, annullabbli jew mhux infurzabbli.
Il-portata tar-responsabbiltà tal-werrieta għandu jkun irregolat mil-liġi nazzjonali.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Artikolu 10 jkun applikabbli għal kwalunkwe suċċessur individwali tal-parti l-oħra għall-att legali li huwa null, annullabbli jew mhux infurzabbli jekk is-suċċessur kien jaf iċ-ċirkostanzi li fuqhom hija bbażata l-azzjoni revokatorja.
L-għarfien imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi preżunt jekk is-suċċessur individwali jkun parti relatata mill-qrib mal-parti li bbenefikat mill-att legali null, annullabbli jew mhux infurzabbli. Dik il-preżunzjoni għandha tkun konfutabbli.
Artikolu 13
Relazzjoni ma’ strumenti oħra
Dan it-Titolu huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 98/26/KE, 2002/47/KE u (UE) 2019/1023.
Meta, matul proċedimenti ta’ ristrutturar preventiv skont id-Direttiva (UE) 2019/1023, id-debitur ma jkunx jista’ jħallas id-djun tiegħu hekk kif isiru dovuti u l-benefiċċju ta’ sospensjoni jinżamm fis-seħħ f’konformità mal-Artikolu 7(3) ta’ dik id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, fir-rigward tal-atti legali mwettqa matul is-sospensjoni, l-għarfien ta’ parti li d-debitur ġeneralment ma kienx kapaċi jħallas id-djun tiegħu hekk kif isiru dovuti f’konformità mal-liġi nazzjonali ma jwassalx għal azzjonijiet revokatorji skont l-Artikolu 7(2) ta’ din id-Direttiva.
TITOLU III
TRAĊĊAR TA’ ASSI LI JAPPARTJENU GĦALL-PATRIMONJU TAL-INSOLVENZA
KAPITOLU 1
Aċċess mill-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi maħtura għal informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji
Artikolu 14
Qrati u awtoritajiet amministrattivi maħtura
1. Kull Stat Membru għandu jaħtar il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi li huma awtorizzati jaċċessaw u jfittxu fir-reġistri nazzjonali tal-kontijiet bankarji tiegħu u l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi li huma awtorizzati jaċċessaw u jfittxu informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji tiegħu fuq bażi transfruntiera f’konformità mal-Artikolu 15(2) (“qrati jew awtoritajiet amministrattivi maħtura”).
2. Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi maħtura tiegħu sat-22 ta’ April 2029, u għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla fihom mingħajr dewmien bla bżonn. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawn in-notifiki f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.
Artikolu 15
Aċċess għal u t-tiftix ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji mill-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi maħtura
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi maħtura jkollhom is-setgħa li jaċċessaw u jfittxu, direttament u immedjatament, informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)
il-prattikant fl-insolvenza maħtur fi proċedimenti ta’ insolvenza li jkunu għaddejjin, inkluż proċedimenti interim, jitlob informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji; u
(b)
l-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji tkun meħtieġa għall-finijiet tal-identifikazzjoni u t-traċċar tal-assi li jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza fil-proċedimenti kif imsemmi fil-punt (a), kif ukoll l-assi soġġetti għal azzjonijiet revokatorji.
2. Meta jiffaċilitaw l-aċċess transfruntier, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi maħtura jkollhom is-setgħa li jaċċessaw u jfittxu, direttament u immedjatament, informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji fi Stati Membri oħra disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tal-kontijiet bankarji msemmija fl-Artikolu 16(6) tad-Direttiva (UE) 2024/1640 (BARIS) meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)
il-prattikant fl-insolvenza maħtur fi proċedimenti ta’ insolvenza li jkunu għaddejjin, inkluż proċedimenti interim, jitlob informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji fi Stati Membri oħra; u
(b)
l-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji tkun meħtieġa għall-finijiet tal-identifikazzjoni u t-traċċar tal-assi li jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur fil-proċedimenti kif imsemmi fil-punt (a), kif ukoll l-assi soġġetti għal azzjonijiet revokatorji.
3. Informazzjoni lil hinn minn dik imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu li l-Istati Membri jqisu essenzjali u li jinkludu fir-reġistri tal-kontijiet bankarji skont l-Artikolu 16(5) tad-Direttiva (UE) 2024/1640 ma għandhiex tkun aċċessibbli u ma għandux ikun jista’ jsir tiftix fiha mill-qrati jew mill-awtoritajiet amministrattivi maħtura.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi maħtura jew qrati jew awtoritajiet kompetenti oħra jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ikunux ġew sodisfatti. Meta dawk il-kundizzjonijiet ikunu ġew sodisfatti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi maħtura jittrażmettu l-informazzjoni rilevanti dwar il-kontijiet bankarji miksuba permezz tal-aċċess u t-tfittxija tal-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji skont il-paragrafi 1 u 2 lill-prattikant fl-insolvenza li jkun talabha.
5. L-aċċess u t-tfittxijiet skont il-paragrafi 1 u 2 huma mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji proċedurali nazzjonali u r-regoli tal-Unjoni u dawk nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji miksuba skont il-paragrafi 1 u 2 tiġi pproċessata biss għall-finijiet li għalihom tkun inkisbet, inkluż meta tiġi pproċessata minn prattikanti fl-insolvenza.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-prattikanti fl-insolvenza jipproċessaw informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji miksuba skont il-paragrafi 1 u 2, dawn ikollhom fis-seħħ proċeduri interni rilevanti għall-ġestjoni xierqa ta’ informazzjoni kunfidenzjali.
7. Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, l-aċċess għal informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji, u t-tiftix tagħha,għandhom jitqiesu bħala diretti u immedjati, fost l-oħrajn, meta l-awtoritajiet nazzjonali li joperaw ir-reġistri tal-kontijiet bankarji jibgħatu b’mod rapidu l-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji permezz ta’ mekkaniżmu awtomatizzat lill-qrati jew lill-awtoritajiet amministrattivi maħtura, dment li l-ebda istituzzjoni intermedjarja ma tkun tista’ tinterferixxi fir-rigward tad-data mitluba jew l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta.
Artikolu 16
Kundizzjonijiet għall-aċċess għal, u t-tiftix ta’, informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji mill-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi maħtura
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji tiġi aċċessata u mfittxija f’konformità mal-Artikolu 15 biss fuq bażi ta’ każ b’każ mill-persunal ta’ kull qorti jew awtorità amministrattiva maħtura li tkun ġiet maħtura u awtorizzata speċifikament biex twettaq dawk il-kompiti.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a)
il-persunal imsemmi fil-paragrafu 1 iżomm standards professjonali għoljin ta’ kunfidenzjalità u ta’ protezzjoni tad-data, u jkun ta’ integrità kbira u b’ħiliet xierqa;
(b)
ikun hemm fis-seħħ miżuri tekniċi u organizzattivi biex tiġi żgurata s-sigurtà tad-data skont standards teknoloġiċi għoljin għall-finijiet tal-eżerċizzju mill-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi maħtura tas-setgħa li jaċċessaw u jfittxu informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji, f’konformità mal-Artikolu 15.
Artikolu 17
Monitoraġġ tal-aċċess għal, u t-tiftix ta’, informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji mill-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi maħtura
1. L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet li joperaw ir-reġistri tal-kontijiet bankarji jiżguraw li jinżammu reġistrazzjonijiet ta’ kull darba li qorti jew awtorità amministrattiva maħtura taċċessa u tfittex informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji. Ir-reġistrazzjonijiet għandhom jinkludu, b’mod partikolari, dawn li ġejjin:
(a)
in-numru ta’ referenza tal-każ;
(b)
id-data u l-ħin tad-domanda jew tat-tfittxija;
(c)
it-tip ta’ data użata biex issir id-domanda jew it-tfittxija;
(d)
l-identifikatur uniku tar-riżultati;
(e)
l-isem tal-qorti jew tal-awtorità amministrattiva maħtura li taċċessa r-reġistru jew tfittex fih;
(f)
l-identifikatur uniku tal-utent tal-membru tal-persunal tal-qorti jew tal-awtorità amministrattiva maħtura li ordna t-tfittxija u, fejn applikabbli, tal-imħallef jew tal-uffiċjal li ordna d-domanda jew it-tfittxija u, fejn disponibbli, tal-prattikant fl-insolvenza rikjedenti.
2. L-awtoritajiet li joperaw ir-reġistri tal-kontijiet bankarji għandhom jivverifikaw ir-reġistrazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 b’mod regolari.
3. Ir-reġistrazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintużaw biss għall-monitoraġġ tal-konformità ta’ din id-Direttiva u mal-liġi applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Dawk ir-reġistrazzjonijiet għandhom ikunu protetti permezz ta’ miżuri xierqa kontra aċċess mhux awtorizzat u għandhom jitħassru ħames snin wara li jinħolqu, sakemm ma jkunux meħtieġa għal proċeduri ta’ monitoraġġ li diġà għaddejjin.
KAPITOLU 2
Aċċess mill-prattikanti fl-insolvenza għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja
Artikolu 18
Aċċess mill-prattikant fl-insolvenza għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għall-finijiet tal-identifikazzjoni u t-traċċar tal-assi rilevanti għall-proċedimenti ta’ insolvenza li għalihom jinħatru, il-prattikanti fl-insolvenza jkollhom aċċess f’waqtu għall-informazzjoni li ġejja dwar is-sidien benefiċjarji ta’ entitajiet ġuridiċi u ta’ arranġamenti ġuridiċi miżmuma f’reġistri ċentrali tas-sjieda benefiċjarja interkonnessi, u li tali aċċess jiġi pprovdut mingħajr ma jsir allert lill-entità, lill-arranġament jew lis-sid benefiċjarju kkonċernat:
(a)
isem is-sid benefiċjarju;
(b)
ix-xahar u s-sena tat-twelid tas-sid benefiċjarju;
(c)
il-pajjiż ta’ residenza u n-nazzjonalità jew in-nazzjonalitajiet tas-sid benefiċjarju;
(d)
għas-sidien benefiċjarji ta’ entitajiet ġuridiċi, in-natura u l-firxa tal-interess benefiċjarju miżmum;
(e)
għas-sidien benefiċjarji ta’ trusts espress jew arranġamenti ġuridiċi simili, in-natura tas-sjieda benefiċjarja tagħhom.
KAPITOLU 3
Aċċess mill-prattikanti fl-insolvenza għal reġistri u bażijiet ta’ data nazzjonali
Artikolu 19
Aċċess mill-prattikanti fl-insolvenza għal reġistri u bażijiet ta’ data nazzjonali
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prattikanti fl-insolvenza, irrispettivament mill-Istat Membru li fih ikunu nħatru, ikollhom aċċess dirett u rapidu għall-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tal-identifikazzjoni u t-traċċar tal-assi li jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza, kif ukoll tal-assi soġġetti għal azzjonijiet revokatorji, li jinżammu f’reġistri u bażijiet ta’ data nazzjonali eżistenti kif elenkati fl-Anness, f’konformità mal-kundizzjonijiet previsti mil-liġi nazzjonali.
2. Fir-rigward tal-aċċess għar-reġistri u l-bażijiet ta’ data nazzjonali elenkati fl-Anness, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-prattikanti fl-insolvenza maħtura fi Stati Membri oħra ma jkunux soġġetti għal kundizzjonijiet ta’ aċċess sostantivi li jkunu de jure jew de facto inqas favorevoli minn dawk applikabbli lill-prattikanti fl-insolvenza maħtura f’dak l-Istat Membru.
3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-reġistri u l-bażijiet ta’ data nazzjonali eżistenti kif elenkati fl-Anness sat-22 ta’ April 2029, u għandhom jinnotifikawha bi kwalunkwe bidla fihom.
Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawk il-listi f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.
KAPITOLU 4
Aċċess għall-qrati mill-prattikanti fl-insolvenza ta’ Stat Membru ieħor
Artikolu 20
Aċċess għall-qrati mill-prattikanti fl-insolvenza ta’ Stat Membru ieħor
Fir-rigward tad-dritt li jinbdew proċedimenti jew li wieħed jidher quddiem il-qrati jew l-awtoritajiet biex jintalbu assi f’isem patrimonju tal-insolvenza, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-prattikanti fl-insolvenza maħtura fi Stat Membru ieħor ma jkunux soġġetti għal kundizzjonijiet li huma inqas favorevoli minn dawk applikabbli għall-prattikanti fl-insolvenza maħtura f’dak l-Istat Membru.
TITOLU IV
PROĊEDIMENTI PRE-PACK
KAPITOLU 1
Dispożizzjonijiet Ġenerali
Artikolu 21
Proċedimenti pre-pack
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedimenti pre-pack ikunu disponibbli mill-inqas għad-debituri li x’aktarx isiru insolventi f’konformità mal-liġi nazzjonali.
L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-fażi tal-preparazzjoni ma tkunx tista’ tibda meta d-debitur ma jkunx jista’ jħallas id-djun tiegħu hekk kif isiru dovuti f’konformità mal-liġi nazzjonali.
2. Il-proċedimenti pre-pack jistgħu, skont il-liġi nazzjonali, ikunu proċedimenti separati jew parti mill-proċedimenti ta’ insolvenza eżistenti.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-debituri li jidħlu fi proċedimenti pre-pack jibqgħu totalment, jew mill-inqas parzjalment, fil-kontroll tal-assi u l-operat ta’ kuljum tan-negozju tagħhom matul il-fażi tal-preparazzjoni.
4. Il-liġi nazzjonali japplika għal kwistjonijiet mhux regolati minn dan it-Titolu, inkluż il-klassifikazzjoni tal-pretensjonijiet, id-distribuzzjoni tar-rikavati, l-obbligi u r-responsabbiltà tad-debitur u tad-diretturi tad-debitur, ir-remunerazzjoni tal-prattikant fl-insolvenza u n-natura, l-ambitu u l-forma tal-parteċipazzjoni tal-kredituri, ħlief, fejn applikabbli, fir-rigward tal-approvazzjoni tal-bejgħ.
Artikolu 22
Relazzjoni ma’ atti legali oħra tal-Unjoni
1. Il-fażi tal-likwidazzjoni għandha titwettaq permezz ta’ proċedimenti ta’ insolvenza għajr il-proċeduri ta’ ristrutturar preventiv.
Fl-Istati Membri fejn japplika r-Regolament (UE) 2015/848, il-fażi tal-likwidazzjoni għandha titwettaq permezz ta’ proċedimenti ta’ insolvenza kif stipulat fl-Anness A tar-Regolament (UE) 2015/848 għajr il-proċedimenti ta’ ristrutturar preventiv.
2. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2001/23/KE u r-regoli nazzjonali li jimplimentawha.
Għall-finijiet tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23/KE, meta ssir fi proċedimenti li jistgħu jispiċċaw fil-likwidazzjoni tad-debitur, il-fażi tal-likwidazzjoni għandha titqies bħala proċedimenti ta’ falliment jew kwalunkwe proċedimenti ta’ insolvenza analogi mibdija bil-fini tal-likwidazzjoni tal-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti.
KAPITOLU 2
Fażi tal-preparazzjoni
Artikolu 23
Ħatra tas-sorveljatur
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fuq l-inizjattiva ta’ debitur, il-fażi tal-preparazzjoni tibda meta jinħatar sorveljatur. Il-proċedura għall-ħatra tas-sorveljatur għandha tiġi stabbilita mil-liġi nazzjonali.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sorveljatur ikun indipendenti mid-debitur u minn kwalunkwe parti relatata mill-qrib mad-debitur. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu rekwiżiti addizzjonali rigward l-indipendenza tas-sorveljatur mit-titolari tal-ekwità jew mill-kredituri.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu biss il-persuni li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà applikabbli għall-prattikanti fl-insolvenza fl-Istat Membru meta jseħħu l-proċedimenti pre-pack li jistgħu jinħatru bħala sorveljatur.
Artikolu 24
Prinċipji applikabbli għall-fażi tal-preparazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċess tal-bejgħ imwettaq matul il-fażi tal-preparazzjoni jkun kompetittiv, trasparenti u ġust u jissodisfa l-istandards tas-suq.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sorveljatur, jekk meħtieġ bl-assistenza tad-debitur:
(a)
jiġġustifika għaliex iqis li r-rekwiżiti skont il-paragrafu 1 huma sodisfatti;
(b)
jirrakkomanda l-aħjar offerent bħala l-akkwirent pre-pack tan-negozju tad-debitur, jew ta’ parti minnu, f’konformità mal-Artikolu 33;
(c)
jipprovdi dikjarazzjoni li, abbażi tal-valutazzjoni tiegħu, l-aħjar offerta ma tikkostitwixxix ksur tat-test tal-aħjar interess tal-kredituri.
Is-sorveljatur għandu jiddokumenta u jirrapporta bil-miktub kull pass tal-proċess ta’ bejgħ. Dawk id-dokumenti u r-rapporti għandhom ikunu disponibbli f’format diġitali u fil-ħin. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sorveljatur ikun soġġett għall-istess rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità bħal prattikant fl-insolvenza.
3. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li jsir irkant pubbliku f’konformità mal-Artikolu 29(3) sabiex tiġi żgurata r-realizzazzjoni ta’ prezz ġust tas-suq. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li tali rkant pubbliku jitwettaq, b’mod partikolari, f’sitwazzjonijiet fejn kreditur wieħed jew aktar juru li hemm dubju raġonevoli dwar jekk l-aħjar offerta rakkomandata mis-sorveljatur tirriflettix il-prezz ġust tas-suq. Fejn jitwettaq tali rkant pubbliku, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-obbligi stipulati fil-paragrafu 1 u l-paragrafu 2, il-punt (a), ma japplikawx għas-sorveljatur.
4. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, meta r-rakkomandazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b), tkun approvata mill-kredituri f’konformità mal-liġi nazzjonali, il-paragrafu 1 u l-paragrafu 2, il-punt (a), ma japplikawx.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a)
jekk ma tirriżulta l-ebda fażi tal-likwidazzjoni sussegwenti, is-sorveljatur jiġi remunerat mid-debitur;
(b)
jekk tirriżulta fażi tal-likwidazzjoni, ir-renumerazzjoni tas-sorveljatur tiġġarrab mill-patrimonju tal-insolvenza.
Artikolu 25
Sospensjoni ta’ azzjonijiet ta’ infurzar individwali
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, matul il-fażi tal-preparazzjoni, meta d-debitur ikun f’sitwazzjoni ta’ probabbiltà ta’ insolvenza jew ikun insolventi f’konformità mal-liġi nazzjonali, id-debitur ikun jista’ jibbenefika minn sospensjoni ta’ azzjonijiet ta’ infurzar individwali f’konformità mal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva (UE) 2019/1023, jew fil-fażi tal-preparazzjoni jew fil-kuntest ta’ tip ieħor ta’ proċedimenti ta’ insolvenza li fihom id-debitur jibqa’ totalment, jew tal-inqas parzjalment, fil-kontroll tal-assi tiegħu u tal-operat ta’ kuljum tan-negozju tiegħu u li fihom il-bejgħ tan-negozju tad-debitur, jew ta’ parti minnu, bħala negozju avvjat jista’ jitkompla u jiġi konkluż.
Artikolu 26
Sospensjoni tal-ftuħ tal-fażi tal-likwidazzjoni
L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li meta kreditur jippreżenta ruħu għal insolvenza matul il-fażi tal-preparazzjoni, il-ftuħ tal-fażi tal-likwidazzjoni jista’ jiġi sospiż fejn, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi tal-każ, ma jkunx fl-interess ġenerali tal-kredituri li tinfetaħ il-fażi tal-likwidazzjoni.
Artikolu 27
Terminazzjoni tal-fażi tal-preparazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-fażi tal-preparazzjoni tkun limitata fiż-żmien.
2. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-fażi tal-preparazzjoni tista’ tiġi tterminata fejn:
(a)
id-debitur jonqos milli jipprovdi l-assistenza meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 24(2);
(b)
id-debitur jonqos milli jaġixxi bid-diliġenza dovuta matul il-fażi tal-preparazzjoni; jew
(c)
il-fażi tal-preparazzjoni ma jkollhiex prospetti raġonevoli ta’ suċċess.
KAPITOLU 3
Fażi tal-likwidazzjoni
Artikolu 28
Fażi tal-likwidazzjoni
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fażi tal-likwidazzjoni tibda meta tittieħed deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza msemmija fl-Artikolu 22(1) f’konformità mal-liġi nazzjonali.
Artikolu 29
Prinċipji applikabbli għall-fażi tal-likwidazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta tinfetaħ il-fażi tal-likwidazzjoni, il-qorti jew l-awtorità kompetenti tawtorizza l-bejgħ tan-negozju tad-debitur jew ta’ parti minnu, mill-inqas f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:
(a)
l-akkwirent ikun propost mis-sorveljatur, dment li s-sorveljatur ikun ħareġ opinjoni li tikkonferma li l-proċess ta’ bejgħ li seħħ matul il-fażi tal-preparazzjoni kkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 24(1) u l-qorti jew l-awtorità kompetenti tkun sodisfatta li r-rekwiżiti tal-Artikolu 24 (1) u (2) ġew osservati;
(b)
l-akkwirent jintgħażel f’irkant pubbliku, fejn l-Istati Membri jipprevedu tali rkant f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu; jew
(c)
il-bejgħ lill-akkwirent ikun approvat mill-kredituri kif imsemmi fl-Artikolu 24(4).
2. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-bejgħ tan-negozju tad-debitur jew ta’ parti minnu skont il-paragrafu 1, il-punt (c), ikun approvat mill-kredituri mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-qorti jew tal-awtorità kompetenti fejn, skont il-liġi nazzjonali, il-bejgħ tan-negozju tad-debitur, jew ta’ parti minnu, jkun jeħtieġ il-kunsens tal-kredituri.
3. L-irkant pubbliku msemmi fl-Artikolu 24(3) ma għandux idum aktar minn tliet xhur.
L-offerta magħżula mis-sorveljatur għandha tintuża bħala l-offerta inizjali fl-irkant pubbliku.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-protezzjonijiet mogħtija lill-offerent inizjali fil-fażi tal-preparazzjoni jkunu adegwati u proporzjonati.
4. L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-qorti jew l-awtorità kompetenti tkun tista’ tiddeċiedi li titwettaq valwazzjoni tan-negozju tad-debitur bħala negozju avvjat għar-raġuni li l-aħjar offerta tista’ ma tissodisfax it-test tal-aħjar interess tal-kredituri.
Fejn, skont il-liġi nazzjonali, il-bejgħ tan-negozju tad-debitur, jew ta’ parti minnu, jeħtieġ il-kunsens tal-kredituri, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li d-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tkun tista’ tittieħed mill-kredituri mingħajr l-involviment tal-qorti jew tal-awtorità kompetenti.
Artikolu 30
Ċessjoni jew terminazzjoni ta’ kuntratti eżekutorji
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ssir ċessjoni lill-akkwirent tan-negozju tad-debitur, jew ta’ parti minnu, tal-kuntratti eżekutorji li huma meħtieġa għall-kontinwazzjoni ta’ dak in-negozju u li s-sospensjoni tagħhom twassal għal waqfien tan-negozju. Iċ-ċessjoni ma għandhiex teħtieġ il-kunsens tal-kontroparti jew il-kontropartijiet tad-debitur.
L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika fejn l-akkwirent tan-negozju tad-debitur, jew ta’ parti minnu, ikun kompetitur tal-kontroparti jew tal-kontropartijiet tad-debitur.
2. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-kunsens tal-kontroparti jew tal-kontropartijiet tad-debitur ikun meħtieġ skont it-tip ta’ kuntratt, in-natura tal-partijiet jew l-interessi tan-negozju.
3. Mingħajr preġudizzju għal drittijiet oħra ta’ terminazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-kontroparti jew il-kontropartijiet jistgħu jitterminaw kuntratti eżekutorji ċeduti skont il-paragrafu 1 soġġett għal perjodu ta’ notifika ta’ mhux inqas minn tliet xhur miċ-ċessjoni, minħabba li ċ-ċessjoni tal-kuntratt tkun tippreġudika b’mod inġust lill-kontroparti jew lill-kontropartijiet.
4. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li kuntratti eżekutorji relatati ma’ liċenzji ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u industrijali, li d-debitur ikun il-liċenzjatur tagħhom, ma jiġux itterminati mingħajr il-kunsens tad-detentur tal-liċenzja.
Artikolu 31
Djun u obbligazzjonijiet tan-negozju miksub permezz tal-proċedimenti pre-pack
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30 u l-Artikolu 38(1) u (2), kif ukoll għall-obbligi li jirriżultaw minn relazzjonijiet ta’ impjieg, affetwati mill-bejgħ ta’ negozju, jew ta’ parti minnu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-akkwirent jakkwista n-negozju tad-debitur, jew parti minnu, ħieles minn djun u obbligi, għajr jekk l-akkwirent jagħti kunsens espliċitu li jġarrab id-djun u l-obbligazzjonijiet tan-negozju jew ta’ parti minnu.
2. Il-paragrafu 1 huwa mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali li jipprevedu li l-imġiba tad-debitur titqies fil-valutazzjoni tar-responsabbiltà tal-akkwirent għad-danni, jekk dik l-imġiba tkun tista’ tiġi imputata lill-akkwirent skont il-liġi applikabbli.
Artikolu 32
Effett sospensiv tal-appelli
L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, fejn il-liġi nazzjonali jipprevedi appelli kontra deċiżjonijiet tal-qorti jew tal-awtoritajiet kompetenti dwar l-awtorizzazzjoni jew l-eżekuzzjoni tal-bejgħ tan-negozju tad-debitur, jew ta’ parti minnu, tali appelli ma jkollhomx effett sospensiv għajr jekk jittieħdu miżuri adegwati biex jiġi kopert kwalunkwe dannu li jista’ jiġi kkawżat minn sospensjoni mhux ġustifikata tal-eżekuzzjoni tal-bejgħ, bħar-rekwiżit li tiġi pprovduta sigurtà mill-appellant jew li l-appellant ikun responsabbli għal tali dannu.
KAPITOLU 4
Dispożizzjonijiet komuni
Artikolu 33
Kriterji għall-għażla tal-aħjar offerta
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kriterji għall-għażla tal-aħjar offerta fil-proċedimenti pre-pack. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-kriterji jkunu l-istess bħall-kriterji għall-għażla fost offerti li jikkompetu fi proċedimenti ta’ insolvenza.
L-Istati Membri jistgħu jinkludu l-preservazzjoni tal-impjieg fil-kriterji msemmija fl-ewwel paragrafu.
Artikolu 34
Responsabbiltà ċivili tas-sorveljaturi u l-prattikanti fl-insolvenza
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sorveljaturi u l-prattikanti fl-insolvenza jkunu responsabbli għad-danni kkawżati lill-kredituri minħabba n-nuqqas intenzjonat jew negliġenti tagħhom li jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont dan it-Titolu.
Arikolu 35
Partijiet relatati mill-qrib mad-debitur fil-proċess tal-bejgħ
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet relatati mill-qrib mad-debitur ikunu eliġibbli li jakkwistaw in-negozju tad-debitur jew parti minnu, dment li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)
il-partijiet relatati mill-qrib mad-debitur, fl-offerta tagħhom, jiddivulgaw lis-sorveljatur ir-relazzjoni tagħhom mad-debitur;
(b)
partijiet oħra għajr dawk imsemmija fil-punt (a) jirċievu informazzjoni adegwata dwar l-eżistenza ta’ partijiet relatati mill-qrib mad-debitur u r-relazzjoni tagħhom mad-debitur;
(c)
fil-każ previst fl-Artikolu 29(1), il-punt (a), titwettaq valwazzjoni tan-negozju bħala negozju avvjat għall-finijiet tad-dikjarazzjoni tas-sorveljatur imsemmija fl-Artikolu 24(2), il-punt (c);
(d)
il-partijiet li mhumiex relatati mill-qrib mad-debitur jingħataw biżżejjed żmien biex jippreżentaw offerta.
L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, meta jkun hemm prova li parti relatata mill-qrib mad-debitur tkun naqset milli tikkonforma mal-kundizzjonijiet stipulati fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a) il-qorti jew l-awtorità kompetenti tista’ tirrevoka l-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 31(1).
2. Meta l-offerta magħmula minn parti relatata mill-qrib mad-debitur titqies bħala l-aħjar offerta, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu salvagwardji addizzjonali għall-awtorizzazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-bejgħ tan-negozju tad-debitur jew ta’ parti minnu.
Artikolu 36
Finanzjament interim
1. Fejn ikun meħtieġ finanzjament interim, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a)
il-finanzjament interim ma jiġix iddikjarat null, annullabbli jew mhux infurzabbli; u
(b)
il-konċedenti tal-finanzjament interim ma jġarrbux responsabbiltà ċivili, amministrattiva jew kriminali għar-raġuni li tali finanzjament huwa ta’ detriment għall-korp ġenerali tal-kredituri, għajr jekk il-liġi nazzjonali jipprevedi raġunijiet oħra għal tali responsabbiltà.
2. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-konċedenti ta’ finanzjament ġdid jew interim ikunu intitolati għad-dritt li jirċievu ħlas bi prijorità fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza sussegwenti b’rabta ma’ kredituri oħrajn li inkella kien ikollhom pretensjonijiet superjuri jew ugwali.
3. Soġġett għall-klassifikazzjoni ta’ prijorità tal-pretensjonijiet li jirriżultaw matul il-proċedimenti ta’ insolvenza, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li:
(a)
il-konċedenti ta’ finanzjament interim jistgħu jingħataw interessi ta’ garanzija fuq ir-rikavat mill-bejgħ sabiex jiġi żgurat ir-rimborż; u
(b)
il-finanzjament interim ikun eliġibbli li jiġi paċut bil-prezz li għandu jiġi żborżat taħt l-offerta aġġudikata, meta jiġi pprovdut minn offerenti interessati.
4. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-paragrafu 1 japplika biss għal finanzjament interim li kien soġġett għal kontroll ex ante.
Artikolu 37
Drittijiet ta’ prelazzjoni u offerti ta’ kreditu
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 38(1), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jingħata l-ebda dritt ta’ prelazzjoni lill-offerenti. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li d-drittijiet ta’ prelazzjoni statutorji li ma jkunux affettwati mill-insolvenza tad-debitur jinżammu u jkunu infurzabbli.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-interessi ta’ garanzija jxekklu n-negozju li jkun is-soġġett tal-proċedimenti pre-pack, il-kredituri li jkunu l-benefiċjarji ta’ dawk l-interessi ta’ garanzija jistgħu jpaċu l-pretensjonijiet tagħhom bil-prezz tax-xiri biss sa ammont li ma jaqbiżx il-valur tas-suq tan-negozju.
Artikolu 38
Protezzjoni tal-interessi tal-kredituri
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-interessi ta’ garanzija jew aggravji oħra jiġu rilaxxati matul il-proċedimenti pre-pack f’konformità mal-istess rekwiżiti li japplikaw fil-proċedimenti ta’ insolvenza skont il-liġi nazzjonali.
2. L-Istati Membri li l-liġi tagħhom tagħmel ir-rilaxx ta’ interessi ta’ garanzija kundizzjonali fuq il-kunsens tad-detenturi ta’ pretensjonijiet garantiti fi proċedimenti ta’ insolvenza jistgħu jipprevedu li tali kunsens mhuwiex meħtieġ matul il-proċedimenti pre-pack.
Artikolu 39
Impatt tal-proċeduri tal-liġi tal-kompetizzjoni fuq iż-żmien jew l-eżitu b’suċċess tal-offerta
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ikun hemm riskju apprezzabbli ta’ dewmien li jirriżulta minn proċedura tal-liġi tal-kompetizzjoni jew ta’ deċiżjoni negattiva minn awtorità tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ offerta ppreżentata matul il-fażi tal-preparazzjoni, is-sorveljatur jew id-debitur jieħu l-passi xierqa biex jiġu ppreżentati offerti alternattivi.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sorveljatur ikun jista’ jirċievi informazzjoni dwar il-proċeduri applikabbli tal-liġi tal-kompetizzjoni u dwar l-eżitu ta’ dawk il-proċeduri li jistgħu jaffettwaw iż-żmien jew l-eżitu b’suċċess tal-offerta, dment li d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mill-awtorità tal-kompetizzjoni ma tkunx kontra r-regoli nazzjonali dwar il-protezzjoni ta’ sigrieti kummerċjali. F’dak ir-rigward, is-sorveljatur għandu jkun soġġett għal dmir ta’ kunfidenzjalità f’konformità mal-liġi nazzjonali.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li offerta tista’ ma jingħatax każ tagħha, fejn tkun tinvolvi riskju sinifikanti ta’ dewmien kif imsemmi fil-paragrafu 1, dment li japplikaw iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)
l-offerta mhijiex l-unika offerta; u
(b)
id-dewmien fil-konklużjoni tal-bejgħ lill-offerent ikkonċernat jirriżulta f’dannu għan-negozju tad-debitur jew għal parti minnu.
TITOLU V
DMIR TAD-DIRETTURI LI JITOLBU L-FTUĦ TA’ PROĊEDIMENTI TA’ INSOLVENZA U RESPONSABBILTÀ ĊIVILI
Artikolu 40
Dmirijiet tad-diretturi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-diretturi ta’ kumpanija li ssir insolventi f’konformità mal-liġi nazzjonali, ikollhom id-dmir li jippreżentaw talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, bl-eċċezzjoni ta’ proċedimenti ta’ ristrutturar preventiv.
Fl-Istati Membri fejn japplika r-Regolament (UE) 2015/848, id-dmir li tiġi ppreżentata talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza jirreferi għall-proċedimenti stipulati fl-Anness A ta’ dak ir-Regolament, bl-eċċezzjoni ta’ proċedimenti ta’ ristrutturar preventiv.
2. Talba kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi ppreżentata lill-qorti jew lill-awtorità kompetenti għall-proċedimenti ta’ insolvenza fi żmien tliet xhur minn meta d-diretturi jsiru jafu, jew ikunu mistennija b’mod raġonevoli li saru jafu, li l-kumpanija hija insolventi f’konformità mal-liġi nazzjonali.
Artikolu 41
Nuqqas ta’ applikazzjoni jew sospensjoni tad-dmir li tiġi ppreżentata talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza
1. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li d-dmir imsemmi fl-Artikolu 40(1) ma japplikax għal diretturi li huma persuni fiżiċi u li huma personalment responsabbli għad-dejn kollu tal-kumpanija.
2. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li d-dmir imsemmi fl-Artikolu 40(1) jista’ jitwettaq billi l-pubbliku jiġi infurmat dwar l-insolvenza tal-kumpanija permezz ta’ notifika f’reġistru pubbliku, qabel l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 40(2), sabiex jiġi żgurat li l-kredituri jkunu jistgħu jitolbu l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.
3. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li d-dmir imsemmi fl-Artikolu 40(1) jiġi sospiż jekk id-diretturi jieħdu miżuri li jkunu mfassla biex jevitaw dannu għall-kredituri tal-kumpanija insolventi u li jiżguraw livell ta’ protezzjoni għall-korp ġenerali tal-kredituri li jkun ekwivalenti għall-protezzjoni pprovduta mid-dmir imsemmi fl-Artikolu 40(1).
Artikolu 42
Responsabbiltà ċivili tad-diretturi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-diretturi ta’ kumpanija insolventi jkunu responsabbli, f’konformità mal-liġi nazzjonali, għal dannu kkawżat lill-kredituri b’riżultat tan-nuqqas tagħhom li jikkonformaw mad-dmir imsemmi fl-Artikolu 40.
2. Fejn l-Istati Membri jkunu eżerċitaw l-alternattiva prevista fl-Artikolu 41(3), huma għandhom jiżguraw li d-diretturi li jieħdu l-miżuri kif imsemmija f’dan l-Artikolu jkunu responsabbli, f’konformità mal-liġi nazzjonali, għad-danni kkawżati lill-kredituri li ma kinux isiru kieku l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza kien intalab f’konformità mal-Artikolu 40(1).
3. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li r-responsabbiltà msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu tiġi eskluża meta u dment li d-diretturi jkunu jistgħu juru, abbażi ta’ ċirkostanzi oġġettivi, li l-miżuri meħuda x’aktarx setgħu raġonevolment jiksbu eżitu ekwivalenti jew aħjar għall-kredituri minn dak previst mid-dmir imsemmi fl-Artikolu 40(1).
Artikolu 43
Relazzjoni ma’ strumenti oħra
Dan it-Titolu huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2019/1023.
TITOLU VI
KUMITATI TAL-KREDITURI
KAPITOLU 1
Stabbiliment u membri tal-kumitati tal-kredituri
Artikolu 44
Stabbiliment tal-kumitati tal-kredituri
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġi stabbilit kumitat tal-kredituri wara l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza jekk il-laqgħa ġenerali tal-kredituri tiddeċiedi jew titlob dan jew, fejn id-dritt nazzjonali ma jipprevedix laqgħa ġenerali tal-kredituri, jekk il-kredituri jitolbu dan f’konformità mad-dritt nazzjonali.
2. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-kumitat tal-kredituri jista’ jiġi stabbilit qabel il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza f’konformità mal-liġi nazzjonali.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jiġi stabbilit il-kumitat, il-kompożizzjoni ta’ kumitat tal-kredituri tiġi deċiża.
3. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li kumitat tal-kredituri ma jiġix stabbilit fejn, minħabba ċirkostanzi relatati man-natura u l-ambitu tan-negozju tad-debitur, jiddeterminaw li l-piżijiet tal-istabbiliment tiegħu jkunu akbar mill-benefiċċji. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk iċ-ċirkostanzi, li jistgħu jinkludu r-rilevanza ekonomika baxxa tal-patrimonju tal-insolvenza, l-għadd baxx ta’ kredituri, id-daqs żgħir tad-debitur jew l-effett negattiv fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur ikkawżat minn dewmien possibbli fl-istabbiliment ta’ kumitat tal-kredituri, ikunu stabbiliti b’mod ċar fil-liġi nazzjonali.
Artikolu 45
Ħatra u kompożizzjoni tal-kumitati tal-kredituri
1. Meta kumitat tal-kredituri jiġi stabbilit skont l-Artikolu 44, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-kumitat tal-kredituri jinħatru mingħajr dewmien bla bżonn jew fil-laqgħa ġenerali tal-kredituri jew b’deċiżjoni tal-qorti.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kompożizzjoni tal-kumitat tal-kredituri tirrifletti, kemm jista’ jkun, b’mod ġust l-interessi differenti tal-kredituri.
Meta l-ħaddiema jkunu fost il-kredituri, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom ikunu eliġibbli għall-ħatra fil-kumitat tal-kredituri, għajr jekk ikun hemm mill-inqas mekkaniżmu ekwivalenti ieħor biex jiġu rappreżentati l-interessi tal-ħaddiema fi proċedimenti ta’ insolvenza.
L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li persuni u entitajiet li mhumiex kredituri jkunu eliġibbli wkoll għall-ħatra fil-kumitat tal-kredituri.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kredituri transfruntieri jkunu eliġibbli għall-ħatra fil-kumitat tal-kredituri.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi appelli, kwalunkwe parti interessata definita f’konformità mal-liġi nazzjonali tista’ tikkontesta quddiem il-qorti l-ħatra ta’ membru wieħed jew aktar tal-kumitat tal-kredituri fuq il-bażi li l-ħatra ma saritx f’konformità mal-liġi applikabbli.
Artikolu 46
Tneħħija ta’ membri u sostituzzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jispeċifikaw ir-raġunijiet u l-proċeduri għat-tneħħija u s-sostituzzjoni ta’ membri tal-kumitat tal-kredituri. Dawk ir-regoli għandhom jipprevedu wkoll is-sitwazzjoni fejn membri tal-kumitat tal-kredituri jirriżenjaw jew ma jkunux jistgħu jwettqu dmirijiethom.
2. Ir-raġunijiet għat-tneħħija kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu mill-inqas ksur intenzjonali jew negliġenza serja tad-dmirijiet ta’ natura serja fir-rigward tal-interessi tal-korp ġenerali tal-kredituri, bħal sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess.
KAPITOLU 2
Metodi ta’ ħidma u funzjoni tal-kumitati tal-kredituri
Artikolu 47
Metodu ta’ ħidma tal-kumitati tal-kredituri
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jispeċifikaw l-aspetti li ġejjin tal-metodi ta’ ħidma tal-kumitati tal-kredituri:
(a)
il-proċedura tal-votazzjoni, inkluż l-eliġibbiltà għall-votazzjoni u l-kworum meħtieġ;
(b)
kunflitti ta’ interess;
(c)
il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni;
(d)
iż-żamma ta’ rekord tad-deċiżjonijiet meħuda.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumitati tal-kredituri jkunu jistgħu jispeċifikaw aktar il-metodi ta’ ħidma tagħhom permezz ta’ protokolli, dment li tali protokolli jikkonformaw mar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 1. Tali protokolli għandhom ikunu disponibbli tal-inqas għall-qorti u l-prattikant fl-insolvenza.
3. L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-membri tal-kumitati tal-kredituri jkunu permessi jipparteċipaw u jivvotaw fiżikament jew permezz ta’ mezzi elettroniċi. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-membri tal-kumitat tal-kredituri jingħataw il-possibbiltà li jivvotaw bil-miktub.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-kumitati tal-kredituri jistgħu jiġu rappreżentati minn persuna awtorizzata kif xieraq.
Artikolu 48
Funzjoni, drittijiet u dmirijiet tal-kumitati tal-kredituri
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumitati tal-kredituri jkollhom drittijiet li jissalvagwardjaw l-involviment tagħhom fil-proċedimenti ta’ insolvenza u jippermettulhom jeżaminaw l-attivitajiet tal-prattikanti fl-insolvenza jew, fejn id-debitur jibqa’ fil-pussess, tad-debitur, inkluż:
(a)
id-dritt li jisimgħu u jinstemgħu minn prattikanti fl-insolvenza dwar kwistjonijiet ta’ interess għall-korp ġenerali tal-kredituri, inkluż deċiżjonijiet ewlenin, bħall-bejgħ ta’ assi barra l-kors ordinarju tan-negozju;
(b)
id-dritt li jinstemgħu fi proċedimenti ta’ insolvenza;
(c)
id-dritt li jitolbu u jirċievu informazzjoni rilevanti u neċessarja mill-kredituri rappreżentati u mill-prattikanti fl-insolvenza jew, fejn id-debitur jibqa’ fil-pussess, mid-debitur.
L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-kumitati tal-kredituri jkollhom id-dritt jaħtru segretarju u jitolbu parir estern dwar kwistjonijiet li fihom il-kredituri li jirrappreżentaw għandhom interess.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-attivitajiet tagħhom il-kumitati tal-kredituri jirrappreżentaw biss l-interessi tal-korp ġenerali tal-kredituri u jaġixxu b’mod indipendenti mill-prattikanti fl-insolvenza.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-kumitati tal-kredituri jirrappreżentaw l-interessi tal-korp kollu tal-kredituri u jaġixxu in bona fide meta jwettqu l-funzjonijiet tal-kumitat.
3. L-Istati Membri jistgħu jafdaw lill-kumitati tal-kredituri bis-setgħa li japprovaw ċerti deċiżjonijiet jew atti legali. F’każ bħal dan, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw b’mod ċar il-kwistjonijiet li dwarhom tkun meħtieġa tali approvazzjoni, li jistgħu jinkludu d-deċiżjonijiet kollha li jkunu speċjalment importanti għall-proċedimenti.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri, il-membri tal-kumitati tal-kredituri u kwalunkwe professjonist li jassisti lill-kumitati tal-kredituri jżomm il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kunfidenzjali miksuba b’rabta mal-attivitajiet tal-kumitat.
Artikolu 49
Spejjeż u remunerazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw min għandu jħallas l-ispejjeż imġarrba mill-kumitati tal-kredituri jew il-membri individwali tagħhom fl-eżerċizzju tal-funzjoni msemmija fl-Artikolu 48.
2. Meta l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1 jiġġarrbu minn patrimonju tal-insolvenza, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumitat tal-kredituri jew il-membri individwali tiegħu jżommu rekord ta’ dawn l-ispejjeż u l-qorti jew l-awtorità kompetenti jew il-prattikant fl-insolvenza jkollhom l-awtorità li jillimitaw l-ispejjeż mhux ġustifikati jew sproporzjonati.
3. Meta l-Istati Membri jippermettu li l-membri ta’ kumitat ta’ kredituri jiġu remunerati u tali remunerazzjoni titħallas minn patrimonju tal-insolvenza, huma għandhom jiżguraw li r-remunerazzjoni tkun proporzjonata għall-funzjoni mwettqa.
Artikolu 50
Responsabbiltà
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-inqas tapplika waħda mir-regoli li ġejjin:
(a)
il-membri tal-kumitati tal-kredituri jkunu eżentati mir-responsabbiltà personali għall-azzjonijiet tagħhom fil-kapaċità tagħhom bħala membri tal-kumitat għajr jekk jinstab li kissru intenzjonalment jew b’mod negliġenti serju d-dmirijiet tagħhom rigward l-interessi tal-kredituri;
(b)
ir-responsabbiltà personali tal-membri tal-kumitati tal-kredituri għall-azzjonijiet tagħhom fil-kapaċità tagħhom bħala membri tal-kumitat hija koperta minn assigurazzjoni li tiġġarrab mill-patrimonju tal-insolvenza f’konformità mal-Artikolu 49(2).
2. Meta l-Istati Membri jafdaw lill-kumitati tal-kredituri bis-setgħa li japprovaw ċerti deċiżjonijiet jew tranżazzjonijiet, huma jistgħu jipprevedu li l-membri tal-kumitati tal-kredituri jkollhom l-istess responsabbiltà bħal tal-prattikant fl-insolvenza.
TITOLU VII
MIŻURI LI JSAĦĦU T-TRASPARENZA TAL-LIĠIJIET NAZZJONALI DWAR L-INSOLVENZA
Artikolu 51
Skeda ta’ informazzjoni ewlenija
1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 10, sat-22 ta’ Lulju 2029 kull Stat Membru għandu jfassal skeda ta’ informazzjoni ewlenija dwar l-elementi essenzjali tal-liġi nazzjonali dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza (l-“iskeda ta’ informazzjoni ewlenija”) u jippreżentaha lill-Kummissjoni permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.
2. L-iskedi ta’ informazzjoni ewlenija għandhom jitfasslu b’lingwa uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
3. Il-kontenut tal-iskedi ta’ informazzjoni ewlenija għandu jkun konċiż, preċiż, ċar u mhux tekniku u għandu jkun preżentat b’mod fattwali.
4. L-iskedi ta’ informazzjoni ewlenija għandhom jinkludu t-taqsimiet li ġejjin fl-ordni li ġejja:
(a)
il-kundizzjonijiet għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza;
(b)
ir-regoli li jirregolaw il-preżentazzjoni, il-verifika u l-ammissjoni tal-pretensjonijiet;
(c)
ir-regoli li jirregolaw il-klassifikazzjoni tal-pretensjonijiet tal-kredituri u d-distribuzzjoni tar-rikavati mir-realizzazzjoni tal-assi li jirriżultaw mill-proċedimenti ta’ insolvenza;
(d)
it-tul medju rrapportat tal-proċedimenti ta’ insolvenza, kif imsemmi fl-Artikolu 29(1), il-punt (b) tad-Direttiva (UE) 2019/1023.
5. It-taqsima msemmija fil-paragrafu 4, il-punt (a), għandha tinkludi:
(a)
il-lista ta’ persuni li jistgħu jitolbu l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza;
(b)
il-lista ta’ kundizzjonijiet li jwasslu għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza;
(c)
kif u fejn għandha tiġi ppreżentata talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza;
(d)
kif u meta d-debitur jiġi nnotifikat bid-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jinfetħu proċedimenti ta’ insolvenza.
6. It-taqsima msemmija fil-paragrafu 4, il-punt (b), għandha tinkludi:
(a)
il-lista ta’ persuni li jistgħu jippreżentaw pretensjoni;
(b)
il-lista tal-kundizzjonijiet għall-preżentazzjoni ta’ pretensjoni;
(c)
il-limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ pretensjoni;
(d)
kif tinkiseb il-formola għall-preżentazzjoni ta’ pretensjoni, jekk applikabbli;
(e)
kif u fejn għandha tiġi ppreżentata pretensjoni;
(f)
kif tiġi vverifikata u vvalidata l-pretensjoni.
7. L-Istati Membri għandhom jaġġornaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ kwalunkwe emenda rilevanti għal-liġi nazzjonali. L-iskedi ta’ informazzjoni ewlenija għandu jkun fiha d-dikjarazzjoni li ġejja: “Din l-iskeda ta’ informazzjoni ewlenija hija preċiża fi … [id-data tal-preżentazzjoni tal-informazzjoni lill-Kummissjoni jew id-data tal-aġġornament]”.
8. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-iskeda ta’ informazzjoni ewlenija tkun disponibbli għall-pubbliku bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż u bil-lingwa oriġinali, jekk tkun differenti, fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika taħt it-taqsima tal-“insolvenza/falliment” għal kull Stat Membru.
9. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li timmodifika l-format tal-iskeda ta’ informazzjoni ewlenija permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 53(2).
10. Fejn huwa applikabbli r-Regolament (UE) 2015/848, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-iskeda ta’ informazzjoni ewlenija msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu permezz tan-Network Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali stabbilit bid-Deċiżjoni 2001/470/KE b’mod konsistenti mal-Artikolu 86 ta’ dak ir-Regolament.
TITOLU VIII
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 52
Miżuri ta’ emerġenża
1. L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu t-Titoli II, V u VI fil-każ ta’ sitwazzjonijiet straordinarji li jfixklu serjament l-attivitajiet ekonomiċi fil-livell tal-Istati Membri jew tar-reġjuni tagħhom meta u sa fejn, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu dawk it-Titoli tkun tinvolvi riskju ta’ insolvenzi mifruxa, inkluż għall-kumpaniji li jkunu vijabbli f’ċirkostanzi ordinarji.
2. Id-deroga msemmija fil-paragrafu 1 u d-durata tagħha għandhom ikunu proporzjonati u limitati għal dak li huwa essenzjali għat-trażżin, il-mitigazzjoni, ir-riżoluzzjoni jew il-prevenzjoni tat-tfixkil serju msemmi f’dak il-paragrafu.
3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’deroga kif imsemmi fil-paragrafu 1 fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ tagħha.
Meta jinnotifikaw lill-Kummissjoni f’konformità mal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jelenkaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li dderogaw minnhom, in-natura u l-firxa taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li fuqhom hija bbażata d-deroga, id-durata tad-deroga, u r-raġunijiet li għalihom id-deroga titqies essenzjali biex jitrażżan, jiġi mitigat, jiġi riżolt jew jiġi prevenut tfixkil serju għall-attivitajiet ekonomiċi kif imsemmi fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri l-oħra b’dan mingħajr dewmien bla bżonn.
4. Deroga bħal dik imsemmija fil-paragrafu 1 jista’ jkollha durata massima ta’ sena.
Meta u sal-punt li s-sitwazzjoni straordinarja li tfixkel serjament l-attivitajiet ekonomiċi tippersisti, id-deroga tista’ tiġi estiża b’perjodi ta’ mhux aktar minn sitt xhur dment li l-Istat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan mhux aktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu tad-deroga preċedenti. Dik l-estensjoni għandha tidħol fis-seħħ dment li l-Kummissjoni ma toġġezzjonax, mhux aktar tard minn xahar qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu tad-deroga preċedenti, fuq il-bażi li l-estensjoni ma tikkonformax mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 1 u 2.
Artikolu 53
Il-Proċedura ta’ Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar ir-Ristrutturar u l-Insolvenza stabbilit bl-Artikolu 30 tad-Direttiva (UE) 2019/1023. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 54
Rieżami
Mhux aktar tard mit-22 ta’ Jannar 2034 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport li jivvaluta l-applikazzjoni u l-impatt ta’ din id-Direttiva. Abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, fejn ikun xieraq, proposta leġiżlattiva.
Artikolu 55
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat-22 ta’ Jannar 2029. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.
L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 15, 16 u 17 ta’ din id-Direttiva, sa fejn dawn ikunu relatati ma’ BARIS, sad-data msemmija fl-ewwel subparagrafu jew sal-10 ta’ Lulju 2029, skont liema data tkun l-aktar tard.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. It-Titolu II japplika biss għal atti legali pperfezzjonati mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.
3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 56
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 57
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2026.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
M. PANAYIOTOU
(1) ĠU C 184, 25.5.2023, p. 34.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2026 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2026.
(3) Ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/848/oj).
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/59/oj).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/23/oj).
(6) Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/14/oj).
(7) Id-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU L 283, 28.10.2008, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/94/oj).
(8) Id-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-impjegati (ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/38/oj).
(9) Id-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar l-insolvenza) (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/1023/oj).
(10) Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, p. 46, 30.6.2017, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/1132/oj).
(11) Id-Direttiva (UE) 2024/1640 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2024 dwar il-mekkaniżmi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937, u li temenda u tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849 (ĠU L, 2024/1640, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1640/oj).
(12) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 2022, Federatie Nederlandse Vakbeweging, C-237/20, ECLI:EU:C:2022:321.
(13) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/139/oj).
(14) Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/34/oj).
(15) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2021/470 tat-28 ta’ Mejju 2001 li tistabbilixxi Network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2001/470/oj).
(16) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).
(17) Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/943/oj).
(18) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
(19) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(20) ĠU C 89, 10.3.2023, p. 10.
(21) Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/138/oj).
(22) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/575/oj).
(23) Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/648/oj).
(24) Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/909/oj).
(25) Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE, u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/59/oj).
ANNESS
Reġistri u bażijiet ta’ data nazzjonali msemmija fl-Artikolu 19
1.
Reġistri katastali;
2.
Reġistri tal-artijiet;
3.
Reġistri tal-proprjetà mobbli inkluż reġistri ta’ vetturi, bastimenti u inġenji tal-ajru, fejn id-drittijiet tal-proprjetà huma rreġistrati f’tali reġistri;
4.
Reġistri tad-donazzjonijiet;
5.
Reġistri tal-ipoteki;
6.
Reġistri jew bażijiet ta’ data li fihom informazzjoni dwar is-sjieda tat-titoli, bħal depożitorji ċentrali tat-titoli, kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;
7.
Reġistri ta’ wegħdiet, inkluż kuntratti ta’ lokazzjoni, u ta’ ftehimiet tal-bejgħ u x-xiri b’ritenzjoni tat-titolu;
8.
Reġistri li fihom atti ta’ sekwestru ta’ proprjetà;
9.
Reġistri tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, inkluż reġistri tal-privattivi u tat-trademarks.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2026/799/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)
Top