DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla) 8 ta' Lulju 2004 (*)
"Taxxa ta' l-ispejjeż"
Fil-kawża C-286/95 P-DEP
Imperial Chemical Industries plc (ICI), irrappreżentata minn S. Berwick, Solicitor,
rikorrent,
vs
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall, bħala Aġent,
konvenut,
li għandha bħala għan talba għat-taxxa ta' l-ispejjeż li jistgħu jinġabru in segwitu tas-sentenza tal-Qorti tas-6 ta' April 2000 fil-kawża C-286/95 P il-Kummissjoni vs ICI [2000] Ġabra I-2341,
IL-QORTI (l-Ewwel Awla),
magħmula minn: P. Jann (Relatur), President ta' l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, N. Colneric, E. Juhász u E. Levits, Mħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: R. Grass,
wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti fit-30 ta' Awwissu 1995, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej resqet appell ai sensi ta' l-Artikolu 49 ta' l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza tad-29 ta' Ġunju 1995 fil-kawża T-37/91 ICI vs il-Kummissjoni [1995] Ġabra II-1901, permezz ta' liema sentenza l-Qorti tal-Prim'Istanza annullat deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttieħdet kontra Imperial Chemical Industries ("ICI") konnessa ma' proċedura skond l-Artikolu 86 tat-Trattat KEE (li kien sar l-Artikolu 86 tat-Trattat KE, u li issa huwa l-Artikolu 82 KE). Inoltre, permezz ta' sentenza oħra li ngħatat fl-istess jum fil-kawża T-36/91 ICI vs il-Kummissjoni [1995] ECR II-1847, il-Qorti tal-Prim' Istanza annullat ukoll deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttieħdet kontra ICI, konnessa ma' proċedura skond l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (li kien sar l-Artikolu 85 tat-Trattat KE, u li issa huwa l-Artikolu 81 KE). L-ebda appell ma tressaq kontra t-tali sentenza.
2 Permezz tas-sentenza tas-6 ta' April 2000 fil-kawża C-286/95 P il-Kummissjoni vs ICI [2000] Ġabra I-2341, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kawża T-37/91 u ordnat lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż ta' l-appell.
3 Peress illi ma ntlaħaqx ftehim bejn ICI u l-Kummissjoni dwar l-ispejjeż li għandhom jinġabru, ICI, permezz ta' talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta' Ottubru 2003, talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż skond l-Artikolu 74 tar-Regoli tal-Proċedura.
L-Argumenti tal-partijiet
4 ICI titlob li l-ispejjeż li għandhom jinġabru, konnessi mal-proċedura quddiem il-Qorti, ikunu stabbiliti għas-somma ta' GBP 76 910 (madwar EUR 115 000). Din is-somma tinqasam kif qed jiġi indikat hawn taħt:
– L-onorarju ta' l-avukat u l-ispejjeż legali għall-abbozzar tas-sottomissjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti
– avukat prinċipali GBP 22 901
– avukat assistent GBP 12 459
– L-onorarju ta' l-avukat u l-ispejjeż legali għall-preparazzjoni u l-parteċipazzjoni fis-seduta quddiem il-Qorti fis-7 ta' Ottubru 1999
– avukat prinċipali GBP 25 226
– avukat assistent GBP 10 058
– Spejjeż ta' l-ivvjaġġar u ta' l-alloġġjar fi Brussell ta' l-avukat prinċipali u taż-żewġ avukati interni ta' ICI li attendew għall-laqgħat li saru bejn l-avukati fl-14 ta' Novembru 1995, fit-13 ta' Marzu 1996 u fit-28 ta' Settembru 1999
GBP 2010
– Spejjeż ta' l-ivvjaġġar u ta' l-alloġġjar fil-Lussemburgu ta' l-avukat prinċipali, ta' l-avukat assistent u taż-żewġ avukati interni ta' ICI li attendew is-seduta quddiem il-Qorti (1873 GBP), u l-kiri ta' kamra tal-konferenzi (1488.99 GBP), li jammontaw għal total ta'
GBP 3361.99
– Spejjeż dovuti lil ditta ta' avukati fil-Lussemburgu għal indirizz fejn jistgħu jiġu notifikati
GBP 894
li jammontaw għal total ta' GBP 76 909.99
5 Biex tiġġustifika dawn il-figuri, ICI ippreżentat żewġ fatturi maħruġa mill-avukat prinċipali, waħda tas-17 ta' Ġunju 1996 għas-somma ta' GBP 23 625, u l-oħra tat-13 ta' Jannar 2000 għas-somma ta' GBP 26 023, kif ukoll tliet fatturi maħruġa mill-avukat assistent, l-ewwel waħda tat-13 ta' Diċembru 1995 għas-somma ta' GBP 9 781.25, it-tieni waħda tat-13 ta' Ġunju 1996 għas-somma ta' GBP 3 071.25 u t-tielet waħda tal-10 ta' Novembru 1999 għas-somma ta' GBP 10 375.
6 ICI issostni li l-kawża in kwistjoni kienet kumplessa u teknika ħafna u li d-dokumenti involuti kienu voluminużi. Ċertu kwistjonijiet legali li ġew sollevati kienu ġodda u diffiċli ħafna, speċjalment minħabba n-nuqqas ta' preċedent fis-settur ta' l-iskonti. Kwistjonijiet dwar pożizzjoni dominanti, dwar l-abbuż u dwar il-kummerċ bejn l-Istati kienu jirrikjedu riċerka u argumentazzjoni estensiva.
7 Rigward l-użu ta' żewġ avukati, ICI issostni li l-avukat prinċipali, li kien irrapreżentaha quddiem il-Qorti tal-Prim' Istanza, ma setax jirrapreżentaha fil-proċeduri ta' l-appell. Għaldaqstant hija kellha tiddeċiedi li tqabbad "junior counsel" li kien jassisti lil dan l-avukat u li kien jaf il-fatti tal-kawża fid-dettal. Fid-dawl ta' l-importanza u tal-komplessita tal-kawża, din id-deċiżjoni naqqset l-ammont ta' xogħol ta' l-avukat prinċipali, li rrapreżentaha fl-appell.
8 Inoltre, l-aspett finanzjarju tal-kawża kellu importanza fundamentali għal ICI. Il-multa ta' 10 milljun ECU imposta fuq il-kumpannija għal abbuż mill-pożizzjoni dominanti tagħha kienet dak iż-żmien waħda mill-akbar multi qatt imposti mill-Kummissjoni.
9 Rigward l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u ta' l-alloġġjar relatati mas-seduta quddiem il-Qorti, ICI issostni li l-preżenza ta' żewġ avukati u ta' żewġ avukati interni ta' ICI kienet neċessarja sabiex ikun hemm riżultat tajjeb fil-preżentazzjoni tal-argumenti. Partikolarment, il-parteċipazzjoni taż-żewġ avukati interni ta' ICI, ippermettiet li l-onorarju ta' l-avukati esterni jkun inqas.
10 Il-Kummissjoni ssostni li t-talba ta' ICI sabiex is-somma ta' l-ispejjeż li għandhom jinġabru tkun stabbilita għal GBP 76 910 hija eċċessiva. Hija wkoll eċċessiva, it-talba għas-somma ta' GBP 203 340, li ġiet ippreżentata kontestwalment minn din il-kumpannija quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza rigward proċeduri quddiem dik il-Qorti.
11 Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti sabiex f'din il-kawża tistabbilixxi l-ispejjeż li għandhom jinġabru għas-somma ta' GBP 25 000.
12 Skond il-Kummissjoni, il-maġġoranza ta' l-argumenti mressqa minn ICI fil-kawża preżenti fil-fatt jirreferu għal żewġ proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li jirrigwardaw żewġ deċiżjonijiet distinti, waħda rigward prattika miftiehma u l-oħra rigward abbuż minn pożizzjoni dominanti. L-appell jirrigwarda biss it-tieni deċiżjoni li ġiet annullata mill-Qorti tal-Prim'Istanza, li ttieħdet unikament għal raġuni ta' proċedura, jiġifieri, minħabba li t-tali deċiżjoni ma kinitx ġiet awtentifikata skond ir-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni, u mhux għal raġunijiet rigward il-mertu tal-kawża. Għaldaqstant dawk l-argumenti huma irrelevanti.
13 Għalkemm il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, dwar prattika miftiehma kienet magħrufa għal komplessita tagħha, ma nistgħux ngħidu l-istess la għall-kawża li tirrigwarda l-abbuż minn pożizzjoni dominanti u lanqas għall-appell mit-tali sentenza, li tirrigwarda biss in-nuqqas ta' awtentifikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni. Minn paragun tat-tul tas-sentenzi rispettivi, 83 paġna fil-Ġabra għaż-żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza u 18-il paġna għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, joħroġ ċar l-importanza rispettiva tal-kawżi.
14 Barra minn dan, il-kwistjoni ta' l-awtentifikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni mhix ġdida. Din kienet ġiet diskussa waqt li l-kawżi magħrufa bħala "PVC I" kienu qed jiġu kkunsidrati, u li ġew deċiżi permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 1992 fil-kawżi magħquda BASF et vs il-Kummissjoni, T-79/89, T-84/89, T-85/89, T-86/89, T-89/89, T-91/89, T-92/89, T-94/89, T-96/89, T-98/89, T-102/89 u T-104/89, ECR II-315, u permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Ġunju 1994, il-Kummissjoni vs BASF et, C-137/92 ECR I-2555. F'dan il-każ, żewġ talbiet biss ġew sollevati mill-Kummissjoni waqt l-appell, wieħed rigward l-effetti tan-nuqqas ta' awtentifikazzjoni u l-ieħor rigward il-mod ta' kif il-Qorti tal-Prim'Istanza applikat l-Artikolu 48 (2) tar-Regoli tal-Proċedura meta awtorizzat lil ICI tinvoka t-talba dwar in-nuqqas ta' awtentifikazzjoni barra mit-terminu.
15 Inoltre, il-Qorti tal-Ġustizzja stess ma kkunsidratx il-kawża jew l-argumenti sollevati bħala ta' xi diffikulta partikolari, tant li hija kkonkludiet li waħda miż-żewġ talbiet sollevati mill-Kummissjoni sabiex issostni l-appell tagħha kienet manifestament infondata (il-Kummissjoni vs ICI, C-268/95, iċċitata, paragrafu 66). Għaldaqstant, il-Qorti kkunsidrat li ICI ma kelliex diffikultajiet sabiex tiddefendi ruħha quddiemha.
Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti
16 A tenur ta' l-Artikolu 73(b) tar-Regoli tal-Proċedura, huma kkunsidrati spejjeż li jistgħu jinġabru "l-ispejjeż indispensabbli li jkunu saru mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedura, partikolarment l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar u ta’ l-alloġġ u r-remunerazzjoni ta’ aġent, konsulent, jew avukat".
17 Peress illi d-Dritt Komunitarju m'għandux dispożizzjonijiet li jindikaw it-tariffi, il-Qorti għandha tieħu in kunsiderazzjoni il-fatti kollha tal-kawża, billi tieħu in kunsiderazzjoni l-iskop u n-natura tal-proċeduri, l-importanza tagħhom mill-punto di vista tad-Dritt Komunitarju, kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont ta' xogħol li l-proċeduri setgħu jikkaġunaw lill-aġenti jew lill-konsulenti involuti u l-interess finanzjarju li l-partijiet kellhom fil-kawża (ara, inter alia, id-Digriet tat-30 ta' Novembru 1994 fil-kawża C-294/90 DEP British Aerospace vs il-Kummissjoni [1994] Ġabra I-5423, paragrafu 13, u d-Digriet tas-17 ta' Frar2004, fil-kawża C-321/99 P-DEP DAI vs ARAP et, mhux ippubblikata fil-Ġabra, paragrafu 16).
18 L-ammont ta' spejjeż li jistgħu jinġabru għandu jiġi determinat fid-dawl ta' dawn il-kriterji.
19 In kwantu għal interess finanzjarju li l-partijiet kellhom fil-proċeduri, ma hemmx dubju li l-kawża kellha importanza finanzjarja konsiderevoli għal ICI, meta jiġi kkunsidrat l-ammont ta' l-ammenda li ġiet imposta fuqha mill-Kummissjoni rigward allegazzjoni ta' abbuż minn pożizzjoni dominanti.
20 In kwantu għall-iskop u n-natura tal-proċeduri, għandu jiġi osservat li l-kawża tinvolvi proċedura ta' appell li, fin-natura tagħha stess, hija limitata għal kwistjonijiet fuq punt ta' liġi u mhux kontestazzjoni ta' fatti.
21 F'dan il-każ, it-talbiet ta' l-appell għal liema ICI kienet tenuta li tirrispondi kienu jirrigwardaw żewġ punti ta' liġi.
22 L-ewwel wieħed kien jirrigwarda l-awtentifikazzjoni ta' l-atti skond l-Artikolu 12 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni. Fis-sentenza il-Kummissjoni vs ICI, il-Qorti ddikjarat, fuq bażi tas-sentenza mogħtija f' il-Kummissjoni vs BASF et, li l-awtentifikazzjoni tikkostitwixxi formalita sostanzjali fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE, u ksur ta' dan jista' jwassal għal rikors għal annullament. Inoltre, l-awtentifikazzjoni għandha sseħħ qabel l-att in kwistjoni jiġi notifikat lill-partijiet konċernati. It-tieni kwistjoni ta' l-appell kienet dwar jekk nuqqas ta' awtentifikazzjoni jistax jiġi mqajjem mill-Imħallef Komunitarju stess, kwistjoni li għaliha, l-Qorti rrispondiet fl-affermattiv.
23 Dawn iż-żewġ kwistjonijiet partikolari għandhom ċertament importanza mill-punto di vista tad-Dritt Komunitarju. Madankollu l-ewwel waħda kienet diġà ġiet essenzjalment deċiża fis-sentenza il-Kummissjoni vs BASF et, u t-tieni waħda ma kinetx partikolarment komplikata. Id-diffikultajiet tal-kawża ma kinux eċċezzjonali.
24 In kwantu l-ammont ta' xogħol li l-proċeduri setgħu jikkaġunaw lill-konsulenti ta' ICI, effettivament dawn ta' l-aħħar ippreparaw żewġ sottomissjonijiet bil-miktub rigward il-kwistjonijiet indikati aktar 'il fuq, bħala risposta għal dawk ippreżentati mill-Kummissjoni. Inoltre s-seduta tas-7 ta' Ottubru 1999 damet madwar sagħtejn. L-ammont ta' xogħol li kellhom il-konsulenti kien jikkorrispondi għal dak ta' kawża ta' ċertu importanza, imma mhux ta' xi importanza eċċezzjonali.
25 F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-onorarju ta' l-avukat u l-ispejjeż legali ppreżentati minn ICI u li jammontaw għas-somma ta' GBP 70 644 (GBP 22 901 u GBP 25 226 għall-avukat prinċipali u GBP 12 459 u GBP 10 058 għall-avukat assistent) ma kinux oġġettivament neċessarji għad-difiża ta' l-interessi ta' dik il-kumpannija fl-appell.
26 F'dak li jikkonċerna b'mod partikolari, l-ispejjeż tat-tieni avukat, irridu niftakru li l-proċeduri ta' l-appell kienu limitati għal żewġ punti legali speċifiċi, li ma kinux konnessi mal-verifika tal-fatti li l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tagħmel. Inoltre, dawn il-verifiki kellhom aktar importanza għall-proċeduri rigward il-ksur tar-regoli dwar prattika miftiehma, milli għal dawk dwar abbuż minn pożizzjoni dominanti, li kien l-unika punt appellat. L-assunzjoni ta' l-onorarju tat-tieni avukat, abbażi li, dan ta' l-aħħar kien jaf partikolarment sewwa l-proċedura fil-Prim'Istanza u l-fatti tal-kawża, ma kienx għaldaqstant neċessarju. Għaldaqstant, ma jkunx ġustifikat li dawn l-ispejjeż tbatihom il-Kummissjoni.
27 In vista ta' dawn l-elementi kollha u b'kunsiderazzjoni tal-kriterji indikati fil-paragrafu 17 ta' dan id-Digriet, l-onorarju u l-ispejjeż legali ta' l-avukat li għandhom jinġabru għandhom jiġu ffissati għas-somma ta' GBP 25 000.
28 In kwantu għas-somma ta' GBP 2 010, rappreżentanti l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u ta' l-alloġġjar taż-żewġ avukati u taż-żewġ avukati interni ta' ICI għall-organizzazzjoni ta' tliet laqgħat li saru ġo Brussell, ICI ma tatx spjegazzjoni lill-Qorti la dwar in-natura ta' dawn il-laqgħat, la dwar in-neċessita' li jsiru dawn il-laqgħat għal fini ta' l-appell u lanqas dwar in-neċessita' li dawn il-laqgħat isiru ġo Brussell. Għaldaqstant dak l-ammont ma jistax jiġi kkunsidrat.
29 In kwantu għall-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar u ta' l-alloġġjar relatati mas-seduta quddiem il-Qorti li ICI ħallset għaż-żewġ avukati u għaż-żewġ avukati interni, dawn għandhom jiġu milqugħa limitatament għal avukat wieħed, peress li l-preżenza tat-tieni avukat ma kinetx neċessarja minħabba l-istess raġunijiet indikati fil-paragrafu 26 ta' dan id-Digriet, u għal wieħed biss mill-avukati interni, jiġifieri għas-somma ta' GBP 936.50. Ma' dan l-ammont, għandhom jiġu miżjuda ukoll l-ispejjeż dovuti għall-indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, jiġifieri GBP 894. Il-kiri ta' kamra tal-konferenzi għas-somma ta' GBP 1488.99 ma tistax tiġi kkunsidrata minħabba li din ma kinitx spiża neċessarja.
30 In vista ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ikun ġust li l-ispejjeż li għandhom jinġabru fil-kawża C-286/95 P, għandhom jiġu ffissati għas-somma ta' GBP 26 830.50.
Għal dawn ir-raġunijiet,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla Estiża)
tordna li:
It-total ta' l-ispejjeż tal-kawża C-286/95 P li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tirrifondi lill-Imperial Chemical Industries plc (ICI) huwa ffissat għal GBP 26830.50.
Il-Lussemburgu, fit-8 ta' Lulju 2004.
R. Grass
P. Jann
Registratur
President
* Lingwa tal-kawża:l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy