SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
12 ta' Ottubru 2004 (*)
"Zokkor – Skema ta' prezzijiet – Żoni ta' żbilanċ – Klassifikazzjoni ta' l-Italja – Sena tas-suq 1998/1999 – Regolamenti (KEE) Nru 1785/81 u (KE) Nru 1361/98 – Validità tar-Regolament Nru 1361/98"
Fil-kawża C-87/00
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,
imressqa mill-Giudice della pace ta' Genova (L-Italja), b'deċiżjoni tat-28 ta' Frar 2000, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta' Marzu 2000, fil-proċedura
Roberto Nicoli
vs
Eridania SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C. Gulmann, R. Schintgen, F. Macken u N. Colneric (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Poiares Maduro,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li kkunsidrat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta' Marzu 2004,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
·għal M. Nicoli, minn G. Conte u B. Della Barile, Avukati,
·għal Eridania SpA, minn I. Vigliotti u C. Cacciapuoti, Avukati,
·għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. De Bellis u A. Cingolo, Avukati ta' l-Istat,
·għall-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, minn F. P. Ruggeri Laderchi, bħala aġent,
·għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew, minn C. Cattabriga u L. Visaggio, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta' Mejju 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1785/81 tal-Kunsill, tat-30 ta' Ġunju 1981, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 177. p. 4), hekk kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1101/95 tal-Kunsill, ta' l-24 ta' April 1995 (ĠU L 110, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1785/81), u fuq il-validità tar-Regolament (KE) Nru 1361/98 tal-Kunsill, tas-26 ta' Ġunju 1998, li jistabbilixxi, għas-sena tas-suq 1998/1999, il-prezzijiet derivati ta' l-intervent għaz-zokkor abjad, il-prezz ta' l-intervent għaz-zokkor mhux maħdum, il-prezzijiet minimi tal-pitrava A u tal-pitrava B, kif ukoll l-ammont tal-ħlas għall-kumpens ta' l-ispejjeż ta' magazzinaġġ (ĠU L 185, p. 3).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn is-Sur Nicoli, produttur tal-pitravi fl-Italja, għall-kumpannija Eridania SpA (iktar 'il quddiem "Eridania"), impriża li timmanifattura z-zokkor, li lilha s-Sur Nicoli pprovda pitravi zokkrija, fir-rigward tal-fondatezza tal-kwalifika ta' l-Italja bħala żona bla żbilanċ għas-sena tas-suq 1998/1999 u, konsegwentement, tan-nuqqas ta' prezz idderivat ta' l-intervent għaz-zokkor abjad għaż-żoni ta' dan l-Istat Membru kif ukoll ta' prezzijiet minimi miżjuda li għandhom jitħallsu lill-produtturi ta' pitravi.
Il-kuntest ġuridiku
L-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor
3 Fil-kuntest ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (iktar 'il quddiem l-"OKS taz-zokkor"), ir-Regolament Nru 1785/81 stabbilixxa, fit-Titolu I tiegħu, skema ta' prezzijiet u, fit-Titolu III tiegħu, skema ta' kwoti.
4 Fir-rigward ta' l-iskema ta' kwoti, għal kull Stat Membru hija allokata, b'mod partikolari, kwantità bażika ta' produzzjoni nazzjonali. Din ta' l-aħħar hija maqsuma, f'kull wieħed mill-Istati Membri, in funzjoni ta' kriterji stabbiliti mir-Regolament Nru 1785/81, bejn l-impriżi li jipproduċu taħt forma ta' kwoti ta' produzzjoni A u B. Dawn iż-żewġ kwoti jibbenefikaw minn garanzija ta' bejgħ permezz ta' prezz ta' l-intervent għaz-zokkor abjad, kemm fis-suq komunitarju kemm fl-Istati terzi, u minn remunerazzjoni adegwata, li tinsab madankollu fuq livell ugwali, minħabba li l-kwota B hija suġġetta għal kontribuzzjonijiet iktar għolja. Meta l-produzzjoni żejda, imsejħa "zokkor C", ma jiġux imqiegħda 'l quddiem, mill-impriżi li jipproduċu, fil-limitu tal-kwantitajiet stabbiliti, għas-sena tas-suq ta' wara u skond il-produzzjoni ta' din is-sena, hija għandha tiġi esportata lejn l-Istati terzi bla ebda intervent min-naħa tal-Komunità.
5 Fir-rigward ta' l-iskema tal-prezzijiet, hija tipprovdi li dawn ta' l-aħħar jiġu stabbiliti kull sena għas-sena tas-suq li tibda l-1 ta' Lulju segwenti. F'dan ir-rigward, l-Artikolu 3(4) u (5) tar-Regolament Nru 1785/81 jipprovdi:
"4. Il-prezz ta' l-intervent għaz-zokkor abjad huwa stabbilit qabel l-1 ta' Awwissu għas-sena tas-suq li tibda fl-1 ta' Lulju tas-sena segwenti, skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 43(2) tat-Trattat.
Skond l-istess proċedura, il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-kwalità standard li għaliha l-prezz huwa validu.
5. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq il-proposta tal-Kummissjoni, għandu jistabbilixxi l-prezz ta' l-intervent għaz-zokkor mhux maħdum u l-prezzijiet derivati ta' l-intervent kull sena fl-istess żmien tal-prezz ta' l-intervent għaz-zokkor abjad.
Skond l-istess proċedura, il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-kwalità standard li għaliha l-prezz ta' l-intervent għaz-zokkor mhux maħdum huwa validu." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
6 Għall-prezzijiet ta' l-intervent għaz-zokkor abjad, jeżistu żewġ kategoriji: il-prezz proprju ta' l-intervent japplika għaz-zokkor prodott fiż-żoni ta' bla żbilanċ u l-prezz derivat ta' l-intervent għaz-zokkor prodott fiz-zoni ta' żbilanċ. Il-prezz stabbilit għal dawn ta' l-aħħar huwa superjuri għal dak stabbilit għaż-żoni bla żbilanċ. Dan id-differenzazzjoni stabbilita fil-qasam tal-prezzijiet hija magħrufa b'l-isem ta' "reġjonlizzazzjoni".
7 Parallelament mal-prezz taz-zokkor, jiġi stabbilit prezz minimu kull sena li bih il-fabbriki taz-zokkor għandhom jixtru l-pitravi mingħand il-produtturi, skond l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1785/81, fl-istess żmien tal-prezz ta' l-intervent għaz-zokkor abjad. Bħal fil-każ taz-zokkor, hemm żewġ kategoriji, A u B, ta' pitravi, li jikkorrispondu għaz-zokkor A u zokkor B li tagħhom huma jikkostitwixxu l-materja prima.
8 Biex jinżamm il-parallelliżmu ma' l-iskema applikabbli għaz-zokkor, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 1785/81 jipprovdi li, "[g]ħaż-żoni li għalihom prezz derivat ta' l-intervent għaz-zokkor abjad huwa stabbilit, il-prezzijiet minimi tal-pitrava A u tal-pitrava B għandhom jiġu miżjuda b'ammont ugwali għad-differenza bejn il-prezz idderivat ta' l-intervent għaż-żona in kwistjoni u l-prezz ta' l-intervent, billi dan l-ammont jiġi aġġustat bil-koeffiċjenti 1.30".
9 Konsegwentement, is-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 1785/81 tipprovdi, għaż-żoni ta' żbilanċ u fil-limiti tal-kwota allokata, prezz iktar għoli għax-xiri tal-materja prima neċessarja għall-produzzjoni taz-zokkor u, fl-istess ħin, il-garanzija ta' remunerazzjoni iktar għolja għaz-zokkor prodott f'dawn iż-żoni.
10 Ir-Regolament Nru 1785/81 ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 2038/1999 tal-Kunsill, tat-13 ta' Settembru 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 252, p. 1), li, min-naħa tiegħu, ġie mħassar bir-Regolament (KE) Nru 1260/2001 tal-Kunsill, tad-19 ta' Ġunju 2001, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 178, p. 1).
11 L-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 779/96 tal-Kummissjoni, tad-29 ta' April 1996, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1785/81 tal-Kunsill fir-rigward tal-komunikazzjonijiet fis-settur taz-zokkor (ĠU L 106, p. 9), jipprovdi:
"Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni:
1) qabel l-1 ta’ Settembru ta’ kull sena fir-rigward tas-sena tas-suq ta’ qabel u qabel l-1 ta’ Jannar ta’ kull sena fir-rigward tas-sena ta’ produzzjoni ta’ qabel, billi jintuża l-mudell tal-formola muri fl-Anness II, bit-tagħrif li għandu x’jaqsam mal-bilanċ tal-provvisti ta’ zokkor, isoglukosju u xiropp ta’ l-insulina għall-perijodu ta’ żmien in kwistjoni."
12 Ir-Regolament Nru 779/96 jikkontjeni, fl-Anness II tiegħu, formola li għandha tiġi użata bħala mudell għall-komunikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14(1) ta' l-imsemmi Regolament. Fil-kolonna tax-xellug ta' din il-formola huwa indikat kif ġej:
1. STOKK TAL-BIDU fl-1 ………………….Total
[…]
2. PRODUZZJONI
[…]
3. IMPORTAZZJONIJIET MINN STATI TERZI
a) mhux ipproċessati
[…]
b) prodotti pproċessati
4. IMPORTAZZJONIJIET MINN STATI MEMBRI OĦRA
a) mhux ipproċessati
b) prodotti pproċessati
5. ZOKKOR TOTALI DISPONIBBLI
6. ESPORTAZZJONIJIET LEJN STATI MEMBRI OĦRA
a) mhux ipproċessati
b) prodotti pproċessati
7. ESPORTAZZJONIJIET LEJN STATI TERZI
a) mhux ipproċessati
b) prodotti pproċessati
[…]
8. KONSUM TOTALI
[5 – (6 + 7 + 9)]
9. STOKK TA' L-GĦELUQ fit-30 …………………Total
[…]
Ir-Regolamenti (KE)Nri 1360/98 u 1361/98
13 Ir-Regolament (KE) Nru 1360/98 tas-26 ta' Ġunju 1998, li jistabbilixxi, għas-sena tas-suq 1998/1999, ċerti prezzijiet fis-settur taz-zokkor u l-kwalità standard tal-pitravi (ĠU L 185, p. 1), b'mod partikolari stabbilixxa, għas-sena prinċipali in kwistjoni, il-prezz ta' l-intervent taz-zokkor abjad.
14 Ir-Regolament Nru 1361/98, adottat fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1785/81, jippreċiża, fir-rigward ta' l-iffissar tal-prezzijiet idderivati ta' l-intervent, fit-tieni u t-tielet premessi tiegħu:
"billi l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1785/81 jipprovdi li l-prezzijiet ta' l-intervent taz-zokkor abjad għandhom jiġu stabbiliti għal kull waħda miż-żoni ta' żbilanċ; li, għal dan l-iffissar, huwa approprjat li jiġu kkunsidrati l-varjazzjonijiet reġjonali fil-prezz taz-zokkor, li, jistgħu jiġu ssupponuti, fil-każ ta' ħsad normali u moviment liberu taz-zokkor, fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet naturali ta' formazzjoni tal-prezzijiet tas-suq;
billi huwa previst li sitwazzjoni ta' żona ta' żbilanċ isseħħ fl-Irlanda, fir-Renju Unit, fi Spanja, fil-Portugall u fil-Finlandja". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
15 Billi l-ebda prezz idderivat ta' l-intervent għaz-zokkor ma kien ġie stabbilit mir-Regolament Nru 1361/98 għat-territorju Taljan, il-prezz ta' l-intervent taz-zokkor abjad stabbilit mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1360/98 ġie applikat fl-Italja għas-sena 1998/1999. B'dan il-mod, l-Italja ġiet ittrattata bħala żona ta' produzzjoni żejda.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
16 Is-Sinjur Nicoli, produttur ta' pitravi, biegħ lil Eridania, b'kuntratt konkluż fit-2 ta' Diċembru 1997, il-produzzjoni tal-pitravi tiegħu tas-sena 1998/1999, b'piż totali ta' 53.23 tunnellati. Eridania ħallset is-somma ta' 6651350 ITL (3435.14 EUR), li ma tinkludix l-ammont li jikkorrispondi għar-"reġjunaliżmu" tal-prezz, jiġifieri 421263.88 ITL (217.56 EUR).
17 Billi jqis lilu nnifsu kreditur ukoll ta' din l-aħħar somma, is-Sinjur Nicoli beda proċedura kontra Eridania quddiem il-Giudice della pace ta' Genova, sabiex jikseb il-ħlas tal-bilanċ tal-prezz li jikkunsidra li huwa dovut lilu.
18 Il-qorti tar-rinviju tirrileva b'mod partikolaru li l-kriterji ta' definizzjoni taż-żoni ta' produzzjoni żejda u ż-żoni ta' żbilanċ jiddependu mill-prevalenza, jew tal-produzzjoni fuq il-konsum (żoni żejda), jew tal-konsum fuq il-produzzjoni (żoni ta' żbilanċ).
19 Fir-rigward tal-konsum, l-imsemmija qorti ssaqsi lilha nnifisha b'mod iktar partikolari jekk, għall-finijiet tad-definizzjoni ta' żona stabbilita bħala żona ta' żbilanċ, għandux, loġikament, jiġi kkunsidrat bħala kkunsmat fl-Italja z-zokkor li huwa miżjud fl-Italja f'ikel li jittiekel fi Stati Membri oħra, jew jekk, bil-kontra, għandux jiġi kkunsidrat li dan iz-zokkor huwa kkonsmat fl-Istati fejn l-imsemmi ikel jittiekel.
20 Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Giudice della pace ta' Genova ddeċieda li jissospendi l-proċedura u li jirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja t-tliet domandi preliminari.
21 B'deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' April 2000, il-Qorti tal-Ġustizzja ssospendiet il-proċedura sakemm tiġi magħluqa l-kawża li tat lok għas-sentenza ta' l-14 ta' Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kunsill (C-340/98, Ġabra p. I-2663), li kellha preċiżament bħala suġġett il-validità tar-Regolamenti Nri 1360/98 u 1361/98. Din is-sentenza ġiet ikkomunikata lill-Giudice della pace ta' Genova, li kkunsidra, b'digriet tat-30 ta' Lulju 2002, irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta' Awwissu ta' wara, li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrispondiet biss għal-ewwel tat-tliet domandi li kien għamel fid-deċiżjoni tiegħu ta' rinviju.
22 Skond il-Giudice della pace ta' Genova, għadha bla risposta t-tieni domanda, li tikkonċerna, minn naħa, liema interpretazzjoni għandha tingħata lill-kunċett ta' "konsum f'żona partikolari" u, min-naħa l-oħra, jekk dan il-kunċett jinkludix jew le z-zokkor inkorporat fi prodott ipproċessat li huwa kkunsmat sussegwentement fi Stat ieħor. Skond il-qorti tar-rinviju, ma ngħatat l-ebda risposta lanqas għat-tielet domanda magħmula minnha, li hija marbuta mat-tieni waħda, fis-sens li hija tirriżulta mhux biss minn nuqqas ta' motivazzjoni mir-Regolament Nru 1361/98, iżda wkoll mill-fatt li dan ta' l-aħħar ma jistabbilixxix prezz ta' l-intervent għaż-żoni kollha ta' l-Italja.
23 Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Giudice della pace ta' Genova, li jsegwi l-aħħar żewġ domandi pprovduti fid-deċiżjoni tar-rinviju tat-28 ta' Frar 2000, għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
"1) Ir-Regolament Nru 1785/81 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwalifika ta' żona bħala żona ta' żbilanċ għandha tiġi bbażata fuq metodu ta' kalkolu li jittratta bħala kkunsmat f'dik iż-żona z-zokkor li huwa inkorporat hemm fi prodott ipproċessat, anki jekk dan ta' l-aħħar jittiekel f'pajjiż ieħor, jew li l-kwalifika ta' żona bħala żona ta' żbilanċ għandha tiġi bbażata fuq metodu ta' kalkolu li ma jikkunsidrax bħala kkunsmat f'dik iż-żona z-zokkor li huwa inkorporat hemm fi prodott ipproċessat iżda mittiekel f'pajjiż ieħor?
2) Ir-Regolament […] Nru 1361/98 […] huwa validu sa fejn jonqos milli jistabbilixxi prezz ta' l-intervent għaż-żoni kollha ta' l-Italja fir-rigward ta' l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 5(3), u l-Artikolu 6(2) tar-Regolament […] Nru 1785/81 u ma jagħti l-ebda motivazzjoni f'dan ir-rigward?"
24 B'deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Settembru 2002, il-proċedura tkompliet.
Fuq id-domandi preliminari
25 Iż-żewġ domandi li l-Giudice della pace ta' Genova ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li għandhom jiġu eżaminati konġuntement huma essenzjalment intiżi sabiex isaqsu jekk ir-Regolament Nru 1361/98 huwiex invalidu sa fejn, minħabba metodu żbaljat tal-kalkolu tal-konsum stmat taz-zokkor, it-territorju Taljan ma jidhirx, għas-sena tas-suq 1998/1999, fost iż-żoni ta' żbilanċ tal-Komunità li huma elenkati fl-ewwel Artikolu ta' l-imsemmi Regolament. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk dan ir-Regolament huwiex invalidu minħabba li ma għandu l-ebda motivazzjoni li tiġġustifika n-nuqqas li jistabbilixxi prezz idderivat ta' l-intervent għaż-żoni kollha ta' l-imsemmi territorju.
Fuq il-portata tas-sentenza L-Italja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq
26 Għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jallegaw il-Kunsill u l-Kummissjoni, is-sentenza L-Italja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, ma pprovdiet l-ebda risposta għad-domanda dwar il-validità tar-Regolament Nru 1361/98 fir-rigward tal-metodu ta' kalkolu tal-konsum stmat taz-zokkor mil-leġiżlatur komunitarju.
27 Fir-rigward tal-kwistjoni ta' l-interpretazzjoni tal-kunċett tal-konsum, jidher ċar mill-punti 71 sa 78 tas-sentenza L-Italja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx ħlief bidla waħda allegata tal-metodu użat mill-Kummissjoni u l-Kunsill sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni futura fl-Italja.
28 Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, b'mod partikolari fil-punt 73 ta' l-imsemmija sentenza, li l-metodu użat ikkonsista fit-tqabbil tal-produzzjoni disponibbli, ikkostitwit minn kwantitajiet previdibbli ta' zokkor A u zokkor B, eventwalment miżjuda, biz-zokkor C eċċedenti, mal-konsum previdibbli.
29 Madankollu, is-sentenza L-Italja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, ma eżaminat la l-metodu ta' kalkolu tal-konsum stmat u lanqas, għaldaqstant, il-kwistjoni tal-validità tar-Regolament Nru 1361/98, billi l-Italja ma tidhirx fih, bħala żona ta' żbilanċ għas-sena tas-suq 1998/1999, minħabba l-implementazzjoni ta' metodu ta' kalkolu kkunsidrat żbaljat.
30 Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-punti 56 sa 63 tas-sentenza L-Italja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat it-talba bbażata fuq in-nuqqas jew l-insuffiċjenza tal-motivi li fuqhom kien ibbażat ir-Regolament Nru 1361/98 fid-dawl ta' l-Artikolu 190 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 253 KE), li din il-motivazzjoni kienet ikkunsidrata bħala konformi ma' l-eżiġenzi ta' l-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, fil-punt 63 ta' l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni kollha in kwistjoni u ta' l-evoluzzjoni tas-suq ikkonċernat, il-motivazzjoni fl-imsemmi regolament fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta' l-Italja fost iż-żoni bla żbilanċ għas-sena 1998/1999, minkejja li qasir, huwa suffiċjenti biex jissodisfa l-eżiġenzi ta' motivazzjoni li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
31 Għaldaqstant, il-validità tar-Regolament Nru 1361/98 m'għandhiex tiġi kkontestata minħabba ksur allegat ta' l-eżiġenzi għal motivazzjoni għad-deċiżjoni li ma jiġix stabbilit prezz ta' l-intervent għaż-żoni kollha ta' l-Italja.
Fuq il-metodu ta' kalkolu tal-konsum stmat
32 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-konsum stmat għas-sena li jmiss huwa wieħed minn żewġ elementi li l-istituzzjonijiet għandhom jibbażaw ruħhom fuqu sabiex jevalwaw jekk f'żona partikolari għandhiex tkun prevista sitwazzjoni ta' żbilanċ jew ta' produzzjoni żejda. Fil-fatt, hemm żbilanċ fis-sens tar-Regolament Nru 1785/81 meta t-total tal-produzzjoni disponibbli huwa inferjuri għall-konsum (ara s-sentenzi tas-6 ta' Lulju 2000, Eridania, C 289/97, Ġabra p. I-5409, punt 46, u L-Italja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 76).
33 Il-kunċett ta' "konsum" ma kienx ġie stabbilit mil-leġiżlazzjoni dwar l-iskema ta' l-OKS taz-zokkor. Minkejja li r-Regolament Nru 779/96, applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, jipprevedi, fil-punt 8 ta' l-Anness II tiegħu, metodu ta' kalkolu tal-konsum totali, dan l-anness mhuwiex intiż li jistabbilixxi definizzjoni tal-kunċett ta' konsum li għandha tiġi użata għall-iffissar tan-natura ta' żbilanċ jew produzzjoni żejda ta' zona. Hija għandha pjuttost bħala skop li tistabbilixxi mudell komuni għall-komunikazzjonijiet tad-data li huma użati għal diversi mekkaniżmi ta' l-imsemmija OKS.
34 Issa, huwa kostanti li l-Kunsill u l-Kummissjoni jibbażaw ruħhom fuq id-definizzjoni tal-"konsum totali", mogħtija fl-imsemmi punt 8 sabiex jistabbilixxu n-natura ta' żbilanċ jew ta' produzzjoni żejda ta' żona. B'hekk, huma jevalwaw l-konsum totali billi jnaqqsu, mill-kwantitajiet totali disponibbli, is-somma tal-kwantitajiet li jikkorrispondu għall-esportazzjonijiet lejn Stati Membri oħra, l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi, u l-istokkijiet ta' l-għeluq. Minn dan jirriżulta li z-zokkor importat minn pajjiżi terzi jew minn Stati Membri oħra u inkorporat fil-prodotti pproċessati jittieħed in kunsiderazzjoni, iżda li z-zokkor sussegwentement inkorporat fi prodotti pproċessati li huma esportat lejn Stati oħra mhux ikkunsidrat bħala kkunsmat fl-Istat Membru in kwistjoni.
35 Is-Sinjur Nicoli jikkunsidra dan il-kalkolu tal-konsum żbaljat ħafna għaliex ma jieħux in kundsiderazzjoni dawn l-aħħar kwantitajiet.
36 Fir-rigward tal-portata tal-kontroll ġurisdizzjonali eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-metodu adottat mill-istituzzjonijiet sabiex jistabbilixxu l-konsum stmat taz-zokkor għas-sena in kwistjoni, għandu jiġi mfakkar li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jeffettwaw xi projezzjonijiet, fuq il-bażi ta' l-informazzjoni nnotifikata mill-Istati Membri, li huma rrelatati kemm mas-sena kurrenti, fir-rigward ta' l-evoluzzjoni tal-konsum, u kemm mal-perspettivi tas-sena li għadha ġejja, fir-rigward ta' l-evoluzzjoni tal-produzzjoni disponibbli (ara s-sentenza Eridania, iċċitata iktar 'il fuq, punt 47).
37 B'l-implikazzjoni tan-neċessità li tiġi evalwata sitwazzjoni ekonomika kumplessa, l-istituzzjonijiet komunitarji jgawdu minn diskrezzjoni wiesgħa. L-imħallef komunitarju, fl-istħarriġ tal-kontroll tal-legalità ta' l-eżerċizzju ta' din id-diskrezzjoni, m'għandux jissostitwixxi l-kunsiderazzjonijiet tiegħu fuq dan is-suġġett b'dawk ta' l-awtorità kompetenti iżda għandu sempliċement jeżamina jekk dawn ta' l-aħħar humiex ivvizzjati bi żball manifest jew b'abbuż ta' poter jew jekk l-istituzzjoni kkonċernata ma qabżitx b'mod manifest il-limiti tas-setgħa tagħha ta' evalwazzjoni (ara s-sentenzi tas-27 ta' Novembru 1997, Somalfruit u Camar, C-369/95, Ġabra p. I‑6619, punt 50, u ta' l-14 ta' Diċembru 2000, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-99/99, Ġabra p. I-11535, punt 26).
38 Għaldaqstant, fir-rigward tar-Regolament Nru 1361/98, għandu jiġi eżaminat, fid-dawl ta' din il-ġurisprudenza, jekk, fit-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-evalwazzjoni tal-konsum stmat ta' zokkor għas-sena 1998/1999 tal-kwantitajiet ikkunsmati unikament f'żona partikolari, għall-esklużjoni taz-zokkor inkorporat fil-prodotti pproċessati fiż-żona kkonċernata u li huma sussegwentement esportati, il-Kummissjoni ma kinitx ikkommettiet żball manifest ta' evalwazzjoni.
39 Hekk kif il-Kummissjoni kienet innotat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-iffissar ta' prezz idderivat ta' l-intervent iktar għoli għaż-żoni ta' żbilanċ għandu l-iskop, minn naħa, li jippermetti l-provvista ta' dawn ta' l-aħħar permezz taz-zokkor taż-żoni bla żbilanċ, billi jieħu in kunsiderazzjoni, f'ċerta miżura l-ispejjeż ta' trasport, b'mod partikolari, u, min-naħa l-oħra, li jiġi evitat tnaqqis tal-produzzjoni ta' pitravi li jagħtu lok għal żbilanċ iktar għoli fis-snin suċċessivi.
40 Anki jekk il-metodu ta' kalkolu tal-konsum issuġġerit mis-Sinjur Nicoli huwa iktar adatt sabiex jilħaq l-objettivi msemmija fil-punt preċedenti, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta' evalwazzjoni meta adottat metodu ta' kalkolu tal-konsum stmat ta' zokkor li abbażi tiegħu ma jiġux ikkunsidrati bħala kkunsmati fl-Istat Membru kkonċernat iz-zokkor inkorporat fil-prodotti pproċessati u li huwa esportat lejn Stati oħra. Fil-fatt, skond il-metodu adottat, iz-zokkor li jinsab fi prodotti pproċessati li kien importat minn Stati oħra huwa wkoll ikkunsidrat fil-kalkolu ta' l-imsemmi konsum.
Fuq il-validità tar-Regolament Nru 1361/98
41 Jirriżulta minn dak li ntqal li l-eżami tad-domandi rriferiti ma rrivela l-ebda element ta' natura li jeffettwa l-validità tar-Regolament Nru 1361/98.
Fuq l-ispejjeż
42 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla ) taqta' u tiddeċiedi li:
L-eżami tad-domandi rrinvijati ma rrilevaw ebda element ta' natura li jeffettwa l-validità tar-Regolament (KE) Nru 1361/98 tal-Kunsill, tas-26 ta' Ġunju 1998, li jistabbilixxi, għas-sena tas-suq 1998/1999, il-prezzijiet idderivati ta' l-intervent taz-zokkor abjad, il-prezz ta' l-intervent taz-zokkor mhux maħdum, il-prezzijiet minimi tal-pitravu A u tal-pitravu B, kif ukoll l-ammont ta' kumpens għal spejjeż ta' magazzinaġġ.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy