SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja)
22 ta' Ġunju 2004 (*)
"Kontroll komunitarju ta' l-operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni bejn impriżi – Artikolu 21(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 – Protezzjoni mill-Istati Membri ta' interessi leġittimi – Kompetenza tal-Kummissjoni"
Fil-kawża C-42/01,
Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. I. Fernandes u L. Duarte, bħala aġenti, assistiti minn M. Marques Mendes, advogado, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P. Oliver u M. França, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(2000) 3543 finali-PT tat-22 ta' Novembru 2000 dwar proċedura taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (każ Nru COMP/M.2054 – Secil/Holderbank/Cimpor),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, C. Gulmann, J.-P. Puissochet u J. N. Cunha Rodrigues, Presidenti ta' Awla, A. La Pergola, R. Schintgen, N. Colneric u S. von Bahr (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Tizzano,
Reġistratur: M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,
wara li rat ir-rapport għas-seduta,
wara li semgħet is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet fis-seduta tad-9 ta' Settembru 2003,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat- 22 ta' Jannar 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta' Frar 2001, ir-Repubblika Portugiża ressqet, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(2000) 3543 finali-PT tat-22 ta' Novembru 2000 dwar proċedura taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (każ Nru COMP/M.2054 – Secil/Holderbank/Cimpor, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 L-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta' Diċembru dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 395, p.1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97 tat-30 ta' Ġunju 1997 (ĠU L 180, p.1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet"), jipprovdi li:
"Konċentrazzjoni b'dimensjoni Komunitarja kif imsemmija f'dan ir-Regolament għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn ġimgħa wara l-konklużjoni tal-ftehim, jew wara l-avviż ta' offerta pubblika, jew l-akkwist ta' interess ta' kontroll. Dik il-ġimgħa tibda meta jseħħ l-ewwel wieħed minn dawk l-avvenimenti."
3 Skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tipproċedi b'eżami tan-notifika malli tirċeviha.
4 Mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni għandha terminu ta' xahar biex tiddeċiedi jekk tibdiex jew le l-proċedura formali ta' eżami tal-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni. Skond il-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu, deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni li ġiet innotifikata inkompatibbli mas-suq komuni għandha tingħata f'terminu ta' mhux aktar minn erba' xhur, terminu li jibda' jiddekorri minn meta tinbeda l-proċedura formali.
5 L-Artikolu 21 tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet jipprovdi:
"1 Bla ħsara għal reviżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni għandu jkollha l-kompetenza esklussiva li tieħu [d-]deċiżjonijiet previsti f'dan ir-Regolament.
2. L-ebda Stat Membru m'għandu japplika l-liġi nazzjonali tiegħu dwar il-kompetizzjoni għal [...] konċentrazzjoni li għandha dimensjoni Komunitarja.
[…]
3. Minkejja l-paragrafi 1 u 2, Stati Membri jistgħu jieħdu miżuri xierqa biex iħarsu interessi leġittimi għajr dawk ikkunsidrati b’dan ir-Regolament u kompatibbli mal-prinċipji ġenerali u dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja.
Sigurtà pubblika, pluralità fil-mezzi tax-xandir u regoli prudenti għandhom jitqiesu bħala interessi leġittimi fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu.
Kull interess pubbliku ieħor għandu jiġi komunikat lill-Kummissjoni mill-Istat Membru konċernat u għandu jiġi [ri]konoxxut mill-Kummissjoni wara stima tal-kompatibbiltà tiegħu mal-prinċipji ġenerali u dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja qabel jittieħdu l-miżuri msemmijin hawn fuq. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru konċernat bid-deċiżjoni tagħha fi żmien xahar minn dik il-komunikazzjoni."
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
6 Is-sistema legali dwar il-privatizzazzjonijiet fis-sistema ġuridika Portugiża tinkludi, għall-finijiet ta' din il-proċedura, il-Liġi Nru 11/90 tal-5 ta' April 1990, liġi kwadru dwar il-privatizzazzjonijiet (Diário da República I, serje A, Nru 80, tal-5 ta' April 1990, p. 1664), u d-Digriet–Liġi Nru 380/93, tal-15 ta' Novembru 1993 (Diário da República I, serje A, Nru 267, tal-15 ta' Novembru 1993, p. 6362), li ġie adottat taħt l-imsemmija liġi kwadru. Id-Digriet Liġi Nru 380/93 jistabbilixxi u jirregola proċedura speċjali li biha l-Istat ikun jista' jsegwi l-iżvilupp ta' l-istrutturi ta' l-azzjonisti ta' l-impriżi li jkunu qegħdin jiġu privatizzati. Skond l-Artikolu 1 ta' dan id-Digriet Leġiżlattiv, l-akkwist, flimkien ma' jeddijiet tal-vot, ta' aktar minn 10% tal-kapital azzjonarju ta' impriżi li jkunu għadhom ma ġewx kompletament ipprivatizzati, jeħtieġ awtorizzazzjoni mill-Ministru tal-Finanzi.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
7 Fil-15 ta' Ġunju 2000, Secilpar SL, kumpannija Spanjola (iktar 'il quddiem "Secilpar"), ikkontrollata 100% minn Secil-Companhia Geral de Cal e Cimento, SA, kumpannija Portugiża (iktar 'il quddiem "Secil"), ippubblikat l-avviż preliminari ta' tnedija ta' offerta pubblika ta' xiri fir-rigward ta' Cimpor-Cimentos de Portugal SGPS, SA, kumpannija Portugiża (iktar 'il quddiem "Cimpor"). Cimpor kienet preċedentment kumpannija pubblika, li ġiet ipprivatizzata fil-bidu tas-sena 1994, li fiha, meta ġie ppubblikat l-avviż preliminari, l-Istat Portugiż kellu, wara li biegħ progressivament l-ishma tiegħu, 12.7% ta' l-ishma, fosthom 10% bi drittijiet speċjali. L-avviż preliminari indika li Holderbank Financière Glaris, SA, kumpannija Żvizzera (iktar 'il quddiem "Holderbank"), kienet qed taġixxi bi ftehim ma' Secilpar u Secil.
8 Skond l-imsemmi avviż preliminari, il-kundizzjonijiet applikabbli għall-offerta pubblika ta' xiri kienu, b'mod partikolari:
– l-aċċettazzjoni ta' l-offerta minn azzjonisti li kellhom mill-anqas 67% ta' l-ishma kollha f'Cimpor,
– il-waqfien tad-drittijiet speċjali li l-Istat Portugiż kien igawdi bħala azzjonist ta' Cimpor,
– it-tneħħija tal-limitazzjonijiet fl-eżerċizzju tal-jedd ta' vot previsti fid-dokumenti statutorji ta' Cimpor.
9 Fis-16 ta' Ġunju 2000, skond id-Digriet Liġi Nru 380/93, Secilpar u Holderbank talbu lill-Ministru tal-Finanzi Portugiż l-awtorizzazzjoni biex jakkwistaw, permezz ta' offerta pubblika ta' xiri, sehem sa 100% tal-kapital azzjonarju b'jedd għal vot ta' Cimpor fit-termini preċiżati u taħt il-kundizzjonijiet indikati, b'mod partikolari, fl-avviż preliminari.
10 It-talba ppreċiżat li skond l-offerta pubblika ta' xiri kienet tipprevedi, fl-ewwel fażi tagħha, l-akkwist ta' sa 100% ta' l-ishma ta' Cimpor permezz ta' Secilpar, li ġiet stabbilita speċifikament għal dan il-għan. Fit-tieni fażi, Secil u Holderbank kienu ser jaqsmu l-assi ta' Cimpor bejniethom, u bħala riżultat finali, Secil kienet ser takkwista l-attivitajiet ta' Cimpor fi Spanja u fl-Eġittu kif ukoll parti mill-attivitajiet tagħha fil-Brażil waqt li Holderbank kienet ser takkwista l-attivitajiet ta' Cimpor fil-Portugall, fil-Marokk, fit-Tuneżija u fil-Możambik kif ukoll il-parti l-oħra ta' l-attivitajiet tagħha fil-Brażil.
11 Fl-4 ta' Lulju 2000, il-Kummissjoni rċeviet notifika, skond l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, dwar il-pjan ta' konċentrazzjoni li permezz tiegħu Holderbank u Secil kellhom jawwkistaw il-kontroll bejniethom ta' Cimpor, fis-sens ta' l-Artikolu 3(1)(b) ta' dan ir-Regolament, permezz ta' l-offerta pubblika ta' xiri mħabbra fil-15 ta' Ġunju 2000 [ara l-avviż ta' notifika preliminari ta' konċentrazzjoni, (ĠU C 198, p.5, iktar 'il quddiem in-"notifika ta' l-4 ta' Lulju 2000")].
12 Permezz ta' digriet tal-5 ta' Lulju, il-Ministru tal-Finanzi ċaħad it-talba tas-16 ta' Ġunju 2000 u indika li l-Istat Portugiż ma kellux l-intenzjoni li jirrinunzja għad-drittijiet speċjali tiegħu li kien igawdi bħala azzjonist ta' Cimpor u li kien kontra t-tneħħija tal-limitazzjonijiet fl-eżerċizzju tal-jedd ta' vot previsti fid-dokumenti statutorji ta' Cimpor.
13 Permezz ta' ittra tas-7 ta' Lulju 2000, bi tweġiba għal ittra tal-jum ta' qabel, Secil informat lill-Comissão do Mercado de Valores Mobiliários (kummissjoni tas-suq tat-titoli trasferibbli, iktar 'il quddiem is-"CMVM") bl-intenzjonijiet tagħha fir-rigward ta' l-offerta pubblika ta' xiri. Fl-istess jum, Secilpar u Holderbank ressqu talba ġdida lill-Ministru tal-Finanzji sabiex jakkwistaw, skond id-Digriet Liġi Nru 380/93, aktar minn 10% ta' l-ishma f'Cimpor, prinċipalment fuq is-suq. F'din it-talba huma rrinunzjaw, b'mod partikolari, milli jissuġġettaw l-offerta pubblika ta' xiri għall-kundizzjoni li jitwaqqfu d-drittijiet speċjali ta' l-Istat Portugiż bħala azzjonist ta' Cimpor.
14 Fl-20 ta' Lulju, il-Kummissjoni, peress li kkunsidrat li n-notifika ta' l-4 ta' Lulju 2000 ma kinitx kompluta, tat lill-partijiet terminu sat-28 ta' Awwissu 2000 sabiex jikkompletawha. Fuq talba tal-partijiet, dan it-terminu ġie pprorogat sal-15 ta' Settembru 2000. Minħabba li dawn, madankollu, ma tawhiex l-informazzjoni mitluba, il-Kummissjoni ssospendiet l-analiżi tal-konċentrazzjoni.
15 Permezz ta' digriet tal-11 ta' Awwissu 2000, il-Ministru tal-Finanzi, minn naħa, indika li l-laqgħa ġenerali ta' Cimpor kienet ċaħdet il-proposta li jitneħħew il-limitazzjonijiet fl-eżerċizzju tal-jedd ta' vot b'tali mod li l-offerta pubblika ta' xiri kienet tidher li saret mingħajr effett. Min-naħa l-oħra, huwa reġa' ċaħad it-talba ta' Secilpar u ta' Holderbank filwaqt li spjega li l-għanijiet tal-partijiet kienu, b'mod ġenerali, kuntrarji għall-għanijiet tar-riprivatizzazzjoni. Id-digriet tal-11 ta' Awwissu 2000 josserva li r-raġunijiet għaċ-ċaħda jinsabu: i) fil-fatt li l-akkwist kien jinvolvi l-irtirar ta' Cimptor mis-suq kapitali Portugiż; ii) fl-inkompatibbiltà tal-pjan industrijali ta' l-applikanti ma' l-istrateġiji tal-Gvern Portugiż fir-rigward tar-ristrutturizzazzjoni tas-settur; iii) fil-fatt li l-akkwist kien iwaqqaf iċ-ċessjoni tas-sehem ta' l-Istat Portugiż f'Cimpor taħt kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji tajbin, kif ukoll iv) fil-fatt li l-akkwist kien jinvolvi ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali fil-kuntest ta' l-aħħar fażi tal-proċess ta' privatizzazzjoni ta' Cimpor.
16 Fil-11 ta' Awwissu 2000 ukoll, Secilpar informat lis-CMVM dwar ċerti bidliet fl-avviż preliminari ta' offerta pubblika ta' xiri ta' ishma f'Cimpor intiżi bħala tweġiba għal xi preokkupazzjonijiet espressi mill-awtoritajiet Portugiżi.
17 Permezz ta' ittra ta' l-istess jum, is-CMVM, filwaqt li ħadet in kunsiderazzjoni d-digriet tal-11 ta' Awwissu 2000 u li kkunsidrat li l-bidliet fl-avviż preliminari kienu saru irrelevanti, informat lill-Secilpar bid-deċiżjoni tagħha li tordna l-irtirar ta' l-offerta pubblika ta' xiri mħabbra qabel minn din il-kumpannija.
18 Permezz ta' ittra tas-16 ta' Awwissu 2000, il-kap ta' l-uffiċċju tal-Ministru tal-Finanzi bagħat, b'mod privat, kopja tad-digriet tal-11 ta' Awwissu 2000 lill-kap ta' l-uffiċċju tal-Kummissarju responsabbli għall-politika tal-kompetizzjoni.
19 Permezz ta' ittra tal-21 ta' Settembru 2000, dan ta' l-aħħar informa lill-Ministru tal-Finanzi dwar in-notifika ta' l-4 ta' Lulju 2000 u indika li l-ewwel reazzjoni tal-Kummissjoni kienet li r-Repubblika Portugiża kienet naqset mill-obbligu, taħt ir-regoli Komunitarji dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet, li tinforma minn qabel lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tagħha li tirrifjuta konċentrazzjoni kif ukoll dwar l-interessi li hija qiegħda tipproteġi b'din il-miżura.
20 Din l-ittra kienet tippreċiża wkoll li kien jidher li r-Repubblika Portugiża kienet naqset mill-obbligi imposti fuqha mill-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet billi ddeċidiet li topponi l-proposta ta' akkwist ta' Cimpor magħmula minn Secil u Holderbank, mingħajr ma informat lill-Kummissjoni dwar ir-raġunijiet tagħha u mingħajr ma ħallietha tevalwa l-kompatibbiltà tar-raġunijiet ta' interess pubbliku mal-leġiżlazzjoni Komunitarja qabel l-adozzjoni tal-miżuri in kwistjoni. Fil-każ fejn il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li r-raġunijiet invokati mir-Repubblika Portugiża ma jikkorrispondu ma' l-ebda waħda mit-tliet kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni tkun tista' tieħu l-miżuri imposti minn din id-dispożizzjoni. Ir-Repubblika Portugiża ġiet mitluba biex, mhux aktar tard mill-5 ta' Ottubru, tibgħat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din il-kwistjoni.
21 Fl-aħħar nett, din l-ittra tal-21 ta' Settembru 2000 kienet tindika li, jekk ikollha tikkonkludi li d-digrieti tal-Ministru tal-Finanzji mhumiex ġustifikati mill-protezzjoni ta' interessi leġittimi oħra fis-sens ta' l-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni tieħu l-miżuri xierqa. Ir-Repubblika Portugiża kienet mistiedna biex, ukoll mhux aktar tard mill-5 ta' Ottubru 2000, tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan il-punt.
22 Permezz ta' ittra tat-3 ta' Ottubru 2000, il-Ministru tal-Finanzi wieġeb li ma kienx applika l-leġiżlazzjoni Portugiża dwar il-kompetizzjoni iżda d-Digriet Liġi Nru 380/93 fir-rigward ta' l-offerta pubblika ta' xiri magħmula minn Secilpar u Holderbank,. Huwa indika wkoll li l-aħħar fażi tar-riprivatizzazzjoni kellha ssir fi żmien qasir bl-effett li jispiċċaw id-drittijiet speċjali ta' l-Istat Portugiż bħala azzjonist ta' Cimpor u li l-akkwist ta' ishma f'Cimpor ma jibqax jaqa' aktar fl-ambitu tad-Digriet Liġi Nru 380/93.
23 Fit-22 ta' Novembru 2000, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.
24 Fil-11 ta' Jannar 2001 ġiet irtirata n-notifika ta' l-4 ta' Lulju 2000.
25 Permezz ta' sentenza ta' l-4 ta' Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-367/98, Ġabra p. I-4731), il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħat rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu mressaq mill-Kumissjoni fl-14 ta' Ottubru 1998, safejn kien jirrigwarda ksur ta' l-Artikolu 73B tat-Trattat KE (li wara sar l-Artikolu 56 KE). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, billi adottat u żammet fis-seħħ, b'mod partikolari, l-Liġi Nru 11/90 u d-Digriet Liġi Nru 380/93, ir-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi tagħha taħt l-imsemmi Artikolu.
Id-deċiżjoni kkontestata
26 Mill-punti 1 u 2 tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din tikkonċerna l-kompatibbiltà tad-digrieti tal-5 ta' Lulju u tal-11 ta' Awwissu 2000 ma' l-Artikolu 21 tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet.
27 Fil-punt 11 tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li l-operazzjoni nnotifikata tikkonsisti fl-akkwist ta' Cimpor minn Secil u Holderbank bil-għan li jaqsmu mill-ewwel bejniethom l-assi akkwistati. Għaldaqstant, dan l-akkwist kien jikkonċerna żewġ konċentrazzjonijiet li, permezz tagħhom, kull impriża kellha takkwista parti minn Cimpor.
28 Taħt it-titolu "Kompatibbiltà tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet Portugiżi ma' l-Artikolu 21 tar-Regolament [dwar il-konċentrazzjonijiet]", il-Kummissjoni tosserva, fil-punt 49 tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, li l-awtoritajiet Portugiżi ma informawha bl-ebda interess pubbliku li huma qiesu neċessarju li jipproteġu permezz tad-digrieti tal-5 ta' Lulju u tal-11 ta' Awwissu 2000.
29 Fil-punt 50 tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva li "[l]-iżvilupp ta' strutturi ta' żamma ta' ishma f'impriżi li qegħdin jiġu privatizzati sabiex tissaħħaħ il-kapaċità imprenditorjali u l-effiċjenza ta' l-apparat produttiv nazzjonali b'mod kompatibbli mal-linji gwida tal-politika ekonomika tal-Portugall kien imsemmi fid-digrieti [tal-5 ta' Lulju u tal-11 ta' Awwissu 2000] bħala l-għan magħruf tad-Digriet Liġi Nru 380/93". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
30 Fil-punt 55 tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li dan il-għan ma jagħmilx parti mill-interessi (sigurtà pubblika, pluralità fil-mezzi tax-xandir u regoli dwar il-prudenza) meqjusa bħala intrinsikament leġittimi fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet.
31 Fil-punti 56 u 57 tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li, billi ma informathiex dwar l-interess ikkonċernat, ir-Repubblika Portugiża kienet naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet. Madankollu, hija tikkonstata li r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati d-digrieti tal-5 ta' Lulju u tal-11 ta' Awwissu 2000 joħorġu b'mod ċar mit-test tad-digrieti nfushom.
32 F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva, fil-punt 58 tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, "li l-argumenti li fuqhom huma bbażati ż-żewġ digrieti li jopponu l-konċentrazzjoni huma msemmija fit-test tat-tieni digriet li skondu huwa neċessarju li jiġi mħares l-iżvilupp ta' l-istrutturi ta' żamma ta' l-ishma f'kumpanniji li qegħdin jiġu privatizzati sabiex tissaħħaħ il-kapaċità imprenditorjali u l-effiċjenza ta' l-apparat produttiv nazzjonali b'mod kompatibbli mal-linji gwida tal-politika ekonomika tal-Portugall. Iż-żewġ digrieti jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà ta' stabbiliment u għal-libertà ta' moviment tal-kapital stabbiliti fit-Trattat u ma jistgħux jitqiesu bħala ġustifikati minn raġunijiet ta' ordni pubblika rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; f'kull każ, ir-Repubblika Portugiża ma ressqitx raġunijiet ta' din in-natura. Barra minn hekk, il-prinċipju ġenerali ta' trattament ugwali li kien il-bażi ta' l-ewwel deċiżjoni adottata mir-Repubblika Portugiża ma jżid l-ebda element rilevanti ma' l-argumenti msemmija iktar 'il quddiem". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
33 Il-Kummissjoni tikkonkludi, fil-punt 59 tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, li "irrispettivament mill-fatt li r-Repubblika Portugiża ma informatx lill-Kummissjoni fiż-żmien stabbilit dwar ir-raġunijiet tad-deċiżjonijiet tagħha skond l-Artikolu 21(3) tar-Regolament [dwar il-konċentrazzjonijiet], il-Kummissjoni jkollha tirrifjuta li tagħraf il-leġittimità ta' dawn id-deċiżjonijiet". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
34 Fil-punt 60 tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, li jinsab fil-parti intitolata "Konklużjoni", il-Kummissjoni tindika li, billi adottat id-deċiżjonijiet li jirrifjutaw li jawtorizzaw l-akkwist ta' aktar minn 10% ta' l-ishma f'Cimpor, ir-Repubblika Portugiża, fil-fatt, ipprojbixxiet l-akkwist tal-kontroll ta' Cimpor mill-partijiet li għamlu notifika.
35 Fil-punt 61 tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva li, minħabba li d-digriet tal-5 ta' Lulju 2000, kif ifformulat mill-ġdid fil-11 ta' Awissu 2000, li jirrifjuta li jawtorizza l-akkwist ta' aktar minn 10% ta' l-ishma f'Cimpor, ma jidhirx li huwa bbażat fuq is-sigurtà pubblika, il-pluralità fil-mezzi tax-xandir u r-regoli dwar il-prudenza, "l-awtoritajiet Portugiżi ma setgħux jintervjenu u jipprojbixxu konċentrazzjoni b'dimensjoni Komunitarja mingħajr ma jinformaw lill-Kummissjoni b'kull interess pubbliku ieħor li huma xtaqu jipproteġu, fis-sens ta' l-Artikolu 21(3) tar-Regolament [dwar il-konċentrazzjonijiet], qabel ma adottaw il-miżuri li huma s-suġġett ta' din id-deċiżjoni". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
36 Il-Kummissjoni tosserva, fil-punt 62 tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, li "[l]-Artikolu 21(3) [tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet] jiċċaħħad mill-effettività kollha tiegħu jekk, minħabba n-nuqqas ta' komunikazzjoni, il-Kummissjoni ma tkunx tista' teżamina l-kwistjoni dwar jekk miżura adottata minn Stat Membru hijiex ġustifikata minn wieħed mill-interessi espressament meqjusa bħala leġittimi taħt l-Artikolu 21(3). L-Istati Membri jkunu jistgħu jevitaw faċilment l-eżami tal-Kummissjoni billi ma jinformawhiex dwar miżuri bħal dawn. L-istruttura ta' l-Artikolu 21 tistrieħ fuq il-bilanċ bejn, fuq naħa waħda, l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jinformaw lill-Kummissjoni minn qabel dwar l-interess li huma jqisu bħala leġittimu u, min-naħa l-oħra, l-obbligu impost fuq il-Kummissjoni li tagħti, f'terminu ta' xahar, deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta' l-interess allegat mad-dritt Komunitarju". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
37 Skond il-punt 63 tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li minn dan isegwi li "l-Artikolu 21 għandu jiġi interpretat fis-sens li, irrispettivament mill-fatt li l-Kummissjoni kinitx jew le informata dwar miżura, hija għandha d-dritt li tadotta deċiżjoni li biha tistabbilixxi jekk din il-miżura hijiex kontra l-prinċipju tal-kompetenza esklużiva stabbilit fir-Regolament [dwar il-konċentrazzjonijiet]". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
38 Il-Kummissjoni tikkonkludi, fil-punt 64 tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, li "l-miżuri adottati mill-awtoritajiet Portugiżi fir-rigward ta' l-operazzjoni nnotifikata u, b'mod partikolari, [id-digrieti tal-5 ta' Lulju u tal-11 ta' Awwissu 2000] ma jistgħux jitqiesu bħala miżuri intiżi biex jipproteġu l-interessi leġittimi kompatibbli mal-prinċipji ġenerali u mad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju. Għaldaqstant, dawn il-miżuri kienu kontra d-dritt Komunitarju, b'mod partikolari, kontra l-Artikolu 21 tar-Regolament [dwar il-konċentrazzjonijiet]". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
39 Il-punt 65 tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata jippreċiża li, "[g]ħaldaqstant, ir-Repubblika Portugiża hija obbligata tadotta l-miżuri neċessarji biex tirrispetta l-leġiżlazzjoni Komunitarja, billi tirtira d-digrieti in kwistjoni". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
40 L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li:
"L-interessi li fuqhom huwa bbażat d-digriet tal-Ministru Portugiż tal-Finanzi tal-[5 ta'] Lulju 2000, kif ifformulata mill-ġdid fil-11 ta' Awwissu 2000, li ma ġewx innotifikati lill-Kummissjoni bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 21(3) tar-Regolament [dwar il-konċentrazzjonijiet], huma inkompatibbli mad-dritt Komunitarju". [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Fuq ir-rikors
41 Ir-Repubblika Portugiża tqajjem, preliminarjament, domanda dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata għadhiex fis-seħħ. Hija mbagħad tqajjem sitt raġunijiet in sostenn tar-rikors tagħha, ibbażati rispettivament fuq:
– il-ksur ta' l-Artikolu 253 KE minħabba n-nuqqas ta' indikazzjoni preċiża u suffiċjenti tal-bażi ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata;
– il-ksur ta' l-Artikolu 253 KE minħabba n-nuqqas ta' motivazzjoni ta' l-allegata inkompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali mad-dritt Komunitarju;
– il-ksur ta' l-Artikolu 7(1) KE u ta' l-Artikolu 21(1) u tat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, f'dak li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata fin-nuqqas ta' komunikazzjoni mir-Repubblika Portugiża ta' l-interessi protetti mill-miżuri nazzjonali;
– il-ksur ta' l-Artikoli 220 KE u 21(1) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, f'dak li, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata fin-nuqqas ta' l-imsemmija komunikazzjoni, il-Kummissjoni wettqet stħarriġ ġudizzjarju riservat għall-Qorti tal-Ġustizzja;
– il-ksur tat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 5 KE u tal-prinċipju tal-proporzjonalità, minn naħa, fis-sens li l-Kummissjoni ma llimitatx l-eżami tagħha għall-konċentrazzjoni waħda li kellha dimensjoni Komunitarja, jiġifieri bejn Holderbank u Cimpor, u min-naħa l-oħra, fis-sens li hija adottat miżura definittiva u irriversibbli minkejja n-nuqqas ta' azzjoni tal-partijiet li għamlu n-notifika;
– użu ħażin tal-proċedura, fis-sens li, minkejja n-nuqqas tal-komunikazzjoni, msemmija iktar 'il fuq, mir-Repubblika Portugiża, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata minflok ma ressqet rikors dwar nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu taħt l-Artikolu 226 KE.
Fuq id-domanda preliminari dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata għadhiex fis-seħħ
42 Ir-Repubblika Portugiża ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet wara, u fil-kuntest, tal-proċedura li nbdiet permezz tan-notifika ta' l-4 ta' Lulju 2000. Issa, l-irtirar ta' din in-notifika fil-11 ta' Jannar 2001, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ġab fi tmiemha l-proċedura b'tali mod li l-bażi ġuridika li fuqha l-Kummissjoni setgħet tippretendi li tibbaża l-kompetenza tagħha biex taġixxi taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet sparixxiet. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata m'għadhiex fis-seħħ.
43 F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, għar-raġunijiet imqajma mill-Avukat Ġenerali fil-punti 32 u 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-irtirar tan-notifika wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma jwassal sabiex id-deċiżjoni ma tibqax fis-seħħ. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għadha teżisti u għadha s-suġġett tar-rikors imressaq mir-Repubblika Portugiża.
Fuq it-tielet, ir-raba' u s-sitt raġunijiet
44 Permezz tat-tielet, tar-raba' u tas-sitt raġunijiet tiegħu, li jaqbel li jiġu eżaminati f'daqqa u, fl-ewwel lok, il-Gvern Portugiż fis-sustanza jsostni li, fin-nuqqas tal-komunikazzjoni mir-Repubblika Portugiża ta' l-interessi protetti mid-digrieti tal-5 ta' Lulju u tal-11 ta' Awwissu 2000, il-Kumissjoni ma kellhiex kompetenza sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata.
45 Qabel kollox, waqt li jammetti li l-interessi li fuqhom huma bbażati d-digrieti tal-5 ta' Lulju u tal-11 ta' Awwissu 2000 ma jikkorrispondu ma' l-ebda mill-kategoriji ta' interessi leġittimi espressament previsti fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, il-Gvern Portugiż josserva li t-tielet paragrafu ta' dan l-Artikolu jawtorizza l-protezzjoni nazzjonali ta' interessi pubbliċi oħra filwaqt li jobbliga lill-Istat Membru li jinforma lill-Kummissjoni.
46 Huwa biss fil-każ fejn l-Istat Membru jinforma lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tiegħu li jinvoka interessi pubbliċi oħra bħal dawn li l-Kummissjoni tkun tista' tinforma lill-Istat Membru kkonċernat dwar id-deċiżjoni tagħha. Sakemm l-Istat Membru ma jkunx għamel komunikazzjoni bħal din, il-Kummissjoni ma jkollhiex kompetenza sabiex tieħu deċiżjoni dwar l-interessi msemmija fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet.
47 Barra minn hekk, il-Gvern Portugiż isostni wkoll li, fin-nuqqas ta' komunikazzjoni, il-Kummissjoni tirriskja li tagħti deċiżjoni dwar interess pubbliku li ma jikkorispondix ma' dak li fil-fatt kellu f'moħħu l-awtur tad-deċiżjoni nazzjonali.
48 Il-Gvern Portugiż imbagħad isostni li, minħabba li, fin-nuqqas ta' komunikazzjoni min-naħa ta' l-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni ma tistax tadotta deċiżjoni taħt it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, il-funzjoni ta' l-istħarriġ u tal-ħarsien tal-legalità hija tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-qrati nazzjonali fil-kuntest ta' rimedji proċedurali interni. Għaldaqstant, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet ivvjolat il-kompetenza ta' dawn il-qrati bi ksur ta' l-Artikolu 21(1) ta' l-imsemmi Regolament u ta' l-Artikolu 220 KE.
49 Fl-aħħar nett, il-Gvern Portugiż isostni li, bla ħsara għall-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tieħu deċiżjoni taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, kif interpretat minn dan il-Gvern, kull sitwazzjoni ta' ksur potenzjali mill-Istati Membri ta' l-obbligu ta' komunikazzjoni jew tal-limiti materjali tal-konformità ta' l-interessi pubbliċi għandhom, skond il-każ, ikunu s-suġġett ta' rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu taħt l-Artikolu 226 KE. Għaldaqstant, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret direttament dan l-Artikolu u wettqet użu ħażin ta' proċedura.
50 Minn banda, għandu jiġi mfakkar li r-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet jistrieħ fuq il-prinċipju ta' separazzjoni preċiża ta' kompetenzi bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta' kontroll u dawk Komunitarji. Id-disa' u għoxrin premessa tal-preambolu tar-Regolament tipprovdi li "[l-] konċentrazzjonijiet mhux koperti b'dan ir-Regolament jaqgħu, fil-prinċipju, fil-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri". Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni biss hija kompetenti biex tieħu d-deċiżjonijiet kollha dwar l-operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni b'dimensjoni Komunitarja (sentenza tal-25 ta' Settembru 2003, Schlüsselverlag J. S. Moser et vs Il-Kummissjoni, C-170/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32).
51 Mill-banda l-oħra, ir-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet jinkludi wkoll dispożizzjonijiet bl-għan li jillimitaw, għal raġunijiet ta' ċertezza legali u fl-interess ta' l-impriżi kkonċernati, id-dewmien tal-proċeduri ta' verifika ta' konċentrazzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-Kummissjoni. Huwa minħabba f'hekk li, skond l-Artikolu 4 ta' l-imsemmi Regolament, in-notifika lill-Kummissjoni dwar konċentrazzjoni b'dimensjoni Komunitarja għandha ssir f'terminu ta' ġimgħa. L-Artikoli 6 u 10(1) ta' dan ir-Regolament jipprovdu li l-Kummissjoni għandha tipproċedi immedjatament bl-eżami tagħha u li, bħala regola ġenerali, hija għandha terminu ta' xahar biex tiddeċiedi jekk tibdiex jew le l-proċedura formali ta' eżami tal-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni. Skond l-Artikolu 10(3) ta' l-istess Regolament, il-Kummissjoni għandha, bħala prinċipju, tiddeċiedi dwar il-kwistjoni f'terminu ta' erba' xhur li jibda jiddekorri mid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura. Fil-paragrafu 6 tiegħu, l-istess Artikolu jipprovdi li, [m]eta l-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni […] fiż-żminijiet stabbiliti […], il-konċentrazzjoni għandha tiġi meqjusa kompatibbli mas-suq komuni" (sentenza Schlüsselverlag J. S. Moser et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33).
52 Bl-istess mod, skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, kull interess pubbliku, għajr it-tliet interessi elenkati fit-tieni paragrafu ta' l-istess Artikolu 21(3), għandu jiġu kkomunikat lill-Kummissjoni mill-Istat Membru u l-Kummissjoni għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha f'terminu ta' xahar mill-imsemmija komunikazzjoni.
53 Dan jagħti lok għall-konklużjoni li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jiddefinixxi separazzjoni ċara bejn l-interventi ta' l-awtoritajiet nazzjonali u dawk ta' l-awtoritajiet Komunitarji u li xtaq jassigura kontroll tal-konċentrazzjonijiet f'termini kompatibbli kemm mal-ħtiġijiet ta' amministrazzjoni tajba kif ukoll mal-ħtiġijiet tad-dinja kummerċjali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Schlüsselverlag J. S. Moser et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34).
54 Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, kif sostnuta mill-Gvern Portugiż, li, fin-nuqqas ta' komunikazzjoni ta' l-interessi protetti permezz tad-digrieti tal-5 ta' Lulju u tal-11 ta' Awwissu 2000, il-Kummissjoni ma tistax tippronunzja ruħha permezz ta' deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta' dawn l-interessi mad-dritt Komunitarju, ma tistax tintlaqa'.
55 Fil-fatt, kif osserva ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk, minħabba n-nuqqas ta' komunikazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tkun limitata biss sabiex tkun tista' tressaq rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu fis-sens ta' l-Artikolu 226 KE, ikun impossibbli li tinkiseb deċiżjoni Komunitarja fit-termini qosra previsti mir-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet bil-konsegwenza li jkun hemm żieda fir-riskju li deċiżjoni bħal din tingħata biss wara li l-miżuri nazzjonali jkunu diġà ppreġudikaw b'mod definittiv l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni b'dimensjoni Komunitarja.
56 Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Gvern Portugiż iċċaħħad it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet mill-effettività tiegħu billi toffri lill-Istati Membri l-possibbiltà li jaħarbu faċilment mill-kontrolli previsti minn din id-dispożizzjoni.
57 Minn dan jirriżulta li, biex il-kontroll ta' l-interessi pubbliċi, għajr dawk previsti fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, li ġie fdat f'idejn il-Kummissjoni permezz tat-tielet paragrafu ta' dan l-Artikolu, ikun effettiv, għandha tiġi rikonoxxuta s-setgħa ta' din l-istituzzjoni li tippronunzja ruħha permezz ta' deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta' dawn l-interessi mal-prinċipji ġenerali u mad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju, kemm jekk dawn l-interessi ġew ikkomunikati lilha u kemm jekk le.
58 Għalkemm huwa veru li n-nuqqas ta' komunikazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat tista' twassal sabiex l-inkarigu tal-Kummissjoni jsir aktar inċert u kumpless, fis-sens li din jista' jkollha diffikultajiet sabiex tistabbilixxi l-interessi protetti mill-miżuri nazzjonali, mhuwiex anqas veru li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni għandha dejjem il-possibbiltà li titlob informazzjoni mingħand l-Istat Membru kkonċernat. Jekk, minkejja din it-talba, dan ma jipprovdix l-informazzjoni mitluba, il-Kummissjoni tista' tieħu deċiżjoni abbażi tal-materjal li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha (ara, bħala analoġija, f'dak li jirrigwarda l-għajnuniet mill-Istat, is-sentenza ta' l-14 ta' Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni (Boussac St Frères), C-301/87, Ġabra p. I-307, punt 22).
59 Barra minn hekk, f'sitwazzjoni bħal dik f'din il-kawża, fejn l-Istat Membru ma kkomunikax l-interessi protetti mill-miżuri nazzjonali kkonċernati, huwa inevitabli li l-Kummissjoni teżamina qabel xejn jekk dawn il-miżuri humiex ġustifikati minħabba wieħed mill-interessi previsti fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet. Fil-fatt, jekk, meta tagħmel dan, issib li l-Istat Membru adotta l-miżuri in kwistjoni biex jassigura l-protezzjoni ta' wieħed mill-interessi leġittimi elenkati fl-imsemmi paragrafu, hija ma jkollhiex għalfejn tkompli bl-eżami tagħha u biex tivverifika jekk dawn il-miżuri humiex ġustifikati fir-rigward tal-interessi pubbliċi kollha l-oħra previsti fit-tielet paragrafu.
60 Għaldaqstant, billi, kif jirriżulta mill-punt 57 ta' din is-sentenza, il-Kummissjoni hija kompetenti taħt it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet sabiex tadotta deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà mal-prinċipji ġenerali u d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju ta' l-interessi pubbliċi protetti minn Stat Membru, għajr dawk elenkati fit-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu, anki fin-nuqqas tal-komunikazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat ta' dawn l-interessi, għandu jiġi konkluż li, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma vvjolatx il-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-qrati nazzjonali u għaldaqstant ma kisritx la l-Artikolu 21(1) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet u lanqas l-Artikolu 22 KE. Lanqas ma kisret l-Artikolu 226 KE jew wettqet użu ħażin ta' proċedura.
61 Minn dan jirriżulta li t-tielet, ir-raba' u s-sitt raġunijiet għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.
Fuq l-ewwel raġuni
62 Permezz ta' l-ewwel raġuni tiegħu, il-Gvern Portugiż isostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu li tagħti motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE billi ma indikatx b'mod preċiż biżżejjed il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata.
63 Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, mit-test tad-deċiżjoni kkontestata, b'mod partikolari mill-punti 60 sa 64 tar-raġunijiet tagħha, jirriżulta b'mod ċar li d-deċiżjoni hija bbażata fuq it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet.
64 Għaldaqstant, l-ewwel raġuni invokata mill-Gvern Portugiż għandha wkoll tiġi miċħuda bħala infondata.
Fuq it-tieni raġuni
65 Permezz tat-tieni raġuni tiegħu, il-Gvern Portugiż jakkuża lill-Kummissjoni li ma tatx motivazzjoni biżżejjed dwar l-allegata inkompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali mad-dritt Komunitarju. B'mod partikolari, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda evalwazzjoni konkreta speċifika ta' l-interessi li fuqhom huma bbażati l-miżuri adottati mill-awtoritajiet Portugiżi, li hija bbażata fuq raġunijiet ta' fatt u ta' dritt debitament spjegati fid-dawl tal-kuntest Komunitarju rilevanti.
66 Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura ta' l-att in kwistjoni u għandha turi b'mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament ta' l-istituzzjoni, awtriċi ta' l-att, b'tali mod li tippermetti lill-persuni interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta' motivazzjoni għandu jiġi evalwat skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, b'mod partikolari, skond il-kontenut ta' l-att, in-natura tar-raġunijiet invokati u l-interess li jista' jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jingħataw spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi rilevanti kollha ta' fatt u ta' dritt peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta' att tissodisfax r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 253 għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-kliem tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u anki tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta' Marzu 1985, Pays-Bas u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il-Kummissjoni, 296/82 u 312/82, Ġabra p. 809, punt 19; tat-2 ta' April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink's France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u tat-30 ta' Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-301/96, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 87).
67 Huwa veru li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi sunt tar-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset l-interessi li fuqhom huma bbażati d-digrieti tal-5 ta' Lulju u tal-11 ta' Awwissu 2000 inkompatibbli mal-prinċipji ġenerali u mad-dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju.
68 Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 66 u 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, wara li identifikat l-interessi protetti mill-miżuri nazzjonali u wara li kkonstatat li dawn mhumiex fost dawk meqjusa bħala intrinsikament leġittimi fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni pprovdiet, fil-punt 58 tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, motivazzjoni li, għalkemm konċiża, tippermetti li wieħed jifhem il-konstatazzjonijiet li fuqhom hija bbażat ir-raġunament tagħha.
69 Barra minn hekk, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata f'kuntest magħruf tajjeb mill-Gvern Portugiż, jiġifieri fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar 'il fuq, u l-Gvern Portugiż ma pprovdiex l-iċken indikazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta' l-interessi pubbliċi protetti mill-miżuri kkonċernati, lanqas bi tweġiba għall-ittra tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2000.
70 Fir-rigward ta' dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata setgħat tiġi mmotivata b'mod sommarju (ara, f'dan ir-rigward, s-sentenzi tas-26 ta' Novembru 1975, Groupement des fabricants de papiers peints de Belgique et vs Il-Kummissjoni, 73/74, Ġabra p. 1491, punt 31, u tad-19 ta' Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-156/98, Ġabra p. I-6857, punt 105) u li għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata kienet immotivata b'mod suffiċjenti (ara s-sentenza tat-30 ta' Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 92 u 93).
71 Minn dan jirriżulta li t-tielet raġuni invokata mill-Gvern Portugiża mhijiex fondata.
Fuq il-ħames raġuni
72 Permezz tal-ħames raġuni tiegħu, li hija bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-Gvern Portugiż isostni, fl-ewwel parti tagħha, li l-Kummissjoni marret lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tassigura li d-dritt Komunitarju jiġi rispettat billi ddikjarat fid-deċiżjoni kkontestata li r-Repubblika Portugiża kellha tirtira kompletament id-digrieti tal-5 ta' Lulju u tal-11 ta' Awwissu 2000 u billi stqarret b'mod ġenerali fid-dispożittiv ta' din id-deċiżjoni li l-interessi li fuqhom huma bbażati dawn id-digrieti mhumiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju minkejja l-fatt li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-operazzjoni nnotifikata kienet tagħti lok għal żewġ konċentrazzjonijiet, jiġifieri Secil/Cimpor u Holderbank/Cimpor, u li t-tieni waħda biss kien ħa jkollha dimensjoni Komunitarja.
73 Fit-tieni parti ta' din ir-raġuni, il-Gvern Portugiż isostni li, billi, minħabba n-nuqqas ta' l-informazzjoni mitluba mingħand il-partijiet li għamlu n-notifika, il-proċedura ta' evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni nnotifikata kienet sospiża fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata u billi, din għalhekk ġiet adottata matul perijodu kkaratterizzat minn inċertezza dwar jekk kinitx ħa titkompla jew le il-proċedura, il-Kummissjoni kien imissha wriet prudenenza billi tat inġunzjonijiet li ma kinux definittivi. L-obbligu li jiġu rtirati d-digrieti tal-5 ta' Lulju u tal-11 ta' Awwissu 2000 la kien adatt biex jintlaħqu l-għanijiet ikkonċernati u lanqas ma kien kompatibbli ma' dawn l-għanijiet u għalhekk jammonta għal ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.
74 Fir-rigward ta' l-ewwel parti ta' din ir-raġuni, għandu jiġi kkonstatat li, kif osservat il-Kummissjoni, iż-żewġ operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni kienu marbutin ma' xulxin b'mod inseparabbli, billi l-offerta pubblika ta' xiri tal-kapital azzjonarju ta' Cimpor, permezz ta' Secilpar, kienet saret bil-għan li jinqasmu l-assi ta' Cimpor bejn Secil u Holderbank. Għaldaqstant ma kienx possibbli li l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata jkunu llimitati għall-konċentrazzjoni Holderbank/Cimpor. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament osservat, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-Repubblika Portugiża kienet obbligata li tirtira kompletament id-digrieti tal-5 ta' Lulju u tal-11 ta' Awwissu 2000 u li dikjarat, b'mod ġenerali, li l-interessi li fuqhom kienu bbażati dawn id-digrieti kienu inkompatibbli mad-dritt Komunitarju.
75 Fir-rigward tat-tieni parti, huwa biżżejjed li jingħad li, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni setgħat tikkonkludi li n-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-partijiet li għamlu n-notifika kien ikkawżat, ta' l-inqas parzjalment, mill-adozzjoni tad-digrieti tal-5 ta' Lulju u tal-11 ta' Awwissu 2000 u li, għaldaqstant, kien partikolarment importanti u urġenti li hija tintervjeni b'mod definittiv.
76 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li lanqas il-ħames raġuni tar-rikors m'hija fondata.
77 Għaldaqstant, minħabba l-ebda waħda mir-raġunijiet tar-rikors ma hija fondata, hemm lok li dan jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
78 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja)
taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata tbati l-ispejjeż.
Skouris
Jann
Timmermans
Rosas
Gulmann
Puissochet
Cunha Rodrigues
La Pergola
Schintgen
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-22 ta' Ġunju 2004.
R. Grass
V. Skouris
Reġistratur
President
* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.
Full & Egal Universal Law Academy