SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
11 ta’ Marzu 2003(*)
“Nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju għas-servizz militari obbligatorju – Trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa – Artikolu 2 tad-Direttiva 76/207/KEE – Limitazzjoni għall-irġiel biss tas-servizz militari obbligatorju fil-Ġermanja – Inapplikabbiltà tad-Direttiva”
Fil-kawża C-186/01,
li għandha bħala suġġett talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, mill-Verwaltungsgericht Stuttgart (il-Ġermanja) u intiża sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiem dik il-qorti bejn
Alexander Dory
u
Bundesrepublik Deutschland,
deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta’ Frar 1976 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40), u, b’mod iktar ġenerali, dwar il-kompatibbilità mad-dritt Komunitarju tal-limitazzjoni għall-irġiel biss tas-servizz militari obbligatorju fil-Ġermanja,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,
komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, J.-P. Puissochet (Relatur), M. Wathelet, R. Schintgen u C. W. A. Timmermans, Presidenti ta’ Awla, C. Gulmann, D. A. O. Edward, P. Jann, V. Skouris, F. Macken, N. Colneric, S. von Bahr u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix Hackl,
Reġistratur: H. A. Rühl, Amministratur Prinċipali,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:
– għall-Bundesrepublik Deutschland u l-Gvern Ġermaniż, minn W-D. Plessing u B. Muttelsee Schön, bħala aġenti,
– għall-Gvern Franċiż, minn R. Abraham, C. Bergeot Nunes u C. Chevallier, bħala aġenti,
– għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Sack u N. Yerrell, bħala aġenti,
wara li rat ir-rapport għas-seduta,
wara li semgħet it-trattazzjoni ta’ A. Dory, irrappreżentat minn W. Dory u C. Lenz, Rechtsanwälte, tal-Gvern Ġermaniż, irrappreżentat minn W-D. Plessing, assistit minn C. Tomuschat, Sachverständiger, tal-Gvern Finlandiż, irrappreżentat minn T. Pynnä, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn J. Sack, fis-seduta tas-16 ta’ April 2002,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Novembru 2002,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 B’digriet ta’ l-4 ta’ April 2001, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ April 2001, il-Verwaltungsgericht Stuttgart għamel, skond l-Artikolu 234 KE, domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta’ Frar 1976 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40), u, b’mod iktar ġenerali, dwar il-kompatibbilità mad-dritt Komunitarju tal-limitazzjoni għall-irġiel biss tas-servizz militari obbligatorju fil-Ġermanja.
2 Din id-domanda tqajmet fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Dory u l-Bundesrepublik Deutschland dwar deċiżjoni tal-Kreiswehrersatzamt Schwäbisch Gmünd (iktar ’il quddiem il-“KSG”), li tirrifjuta li teżentah milli jissejjaħ sabiex iservi fl-armata u mis-servizz militari obbligatorju.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt Komunitarju
3 Skond l-Artikolu 2 KE:
“Il-Komunità għandu jkollha bħala l-kompitu tagħha, dana billi tistabilixxi suq komuni u unjoni ekonomika u monetarja u bl-implimentazzjoni ta’ politika komuni jew ta’ l-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 3 u 4, dak li tippromwovi fil-Komunità kollha l-iżvilupp armonjuż, bilanċjat u sostenibbli ta’ l-attivitajiet ekonomiċi, livell għoli ta’ mpjieg u ta’ ħarsien soċjali, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, it-tkabbir sostenibbli li ma jkunx inflazzjonarju, grad għoli ta’ kompettitività u konverġenza fl-operazzjoni ekonomika, livell għoli ta’ protezzjoni u titjieb fil-kwalità ta’ l-ambjent, it-titjieb tal-livell ta’ l-għixien u tal-kwalità tal-ħajja u l-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri.”
4 L-Artikolu 3(2) KE jipprovdi li, fil-kuntest ta’ l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) KE li jitwettqu għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 KE, “il-Komunità għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tinkoraġixxi ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa.”
5 Skond l-Artikolu 13 KE:
“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet l-oħra ta’ dan it-Trattat u fil-limiti tal-poteri mogħtija minnu lill-Komunità, il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, jista’ jieħu l-azzjoni xierqa biex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-disabilità, l-età jew it-tendenzi sesswali.”
6 Skond l-Artikolu 141(1) KE:
“Kull Stat Membru għandu jassigura li l-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali, għandu jkun applikat.”
7 L-Artikolu 141(3) KE jipprovdi:
“Il-Kunsill li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251, u wara li jikkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandu jadotta miżuri li jassiguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa f’materji ta’ mpiegi u xogħol, inklużi l-prinċipji ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali.”
8 L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 76/207 jipprovdi:
“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li jdaħħal fis-seħħ fl-Istati Membri l-prinċipju tat-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjieg, inkluża l-promozzjoni, u taħriġ professjonali u għal dak li għandu x’jaqsam ma’ kondizzjonijiet tax-xogħol u, skond il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, sigurtà soċjali. [...]”
9 L-Artikolu 2(1) sa (3) ta’ l-istess direttiva jaqra kif ġej:
“1. Għall-iskopijiet tad-disposizzjonijiet li ġejjin, il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba sess [bbażata fuq is-sess] kemm direttament kif ukoll indirettament, speċjalment billi ssir riferenza għall-istat maritali jew tal-familja.
2. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jeskludu mill-qasam ta’ l-applikazzjoni tagħha dawk l-attivitajiet ta’ xogħol u, fejn hu xieraq, it-taħriġ li jwassal għalihom, li għalihom, minħabba l-istess natura tagħhom jew il-kuntest li jsiru fihom, is-sess tal-ħaddiem jikkostitwixxi fattur determinanti.
3. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal xi disposizzjonijiet rigward il-ħarsien tan-nisa, speċjalment dwar t-tqala u l-maternità.”
10 Skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 76/207:
“L-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba s-sess [bbażata fuq is-sess] fil-kondizzjonijiet, inklużi l-kriterji tal-għażla, għall-aċċess għall-impjiegi kollha jew postijiet, ikun x’ikun is-settur jew il-qasam tal-attività, u għall-livelli kollha tal-ġerarkija tax-xogħol.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
11 Skond l-Artikolu 12a tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fil-verżjoni ppublikata fil-BGBl. 2000 I S., p. 1755, iktar ’il quddiem il-“Grundgesetz”):
“1. L-irġiel li jkunu għalqu t-tmintax-il sena jistgħu jiġu obbligati jservu fil-forzi armati, fil-pulizija federali tal-protezzjoni tal-fruntieri jew f’organizazzjoni ta’ protezzjoni ċivili.
[...]
4. Jekk, waqt stat ta’ difiża, il-ħtiġijiet tas-servizzi ċivili fl-istabbilimenti ċivili tas-saħħa u fl-isptarijiet militari fissi ma jkunux jistgħu jiġu sodisfatti fuq bażi volontarja, in-nisa ta’ bejn it-tmintax u l-ħamsa u ħamsin sena jistgħu jiġu assenjati għal dawn is-servizzi b’liġi jew bis-saħħa ta’ liġi. Huma f’ebda każ ma jistgħu jiġu obbligati jwettqu servizz li jinvolvi l-użu ta’ armi.”
12 Il-Wehrpflichtgesetz (Liġi Federali dwar is-servizz militari), fil-verżjoni tagħha tal-15 ta’ Diċembru 1995, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 1996 (BGBl. 1995 I, p. 1756, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-servizz militari”), tipprovdi fl-Artikolu 1(1), intitolat “Liġi dwar is-servizz militari obbligatorju: Obbligu ġenerali li jitwettaq is-servizz militari”:
“L-irġiel kollha li għalqu t-tmintax-il sena u li huma Ġermaniżi fis-sens tal-Grundgesetz huma obbligati li jwettqu s-servizz militari [...]”.
13 Skond l-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar is-servizz militari, “[l-]obbligu li jitwettaq is-servizz militari huwa sodisfatt permezz tas-servizz obbligatorju jew, fil-każ previst fl-Artikolu 1 tal-Kriegsdienstverweigerungsgesetz tat-28 ta’ Frar 1983 (BGBl. I, p. 203), permezz tas-servizz ċivili [...]”.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
14 A. Dory twieled fil-15 ta’ Ġunju 1982. Wara li, f’Settembru 1999, huwa rċieva kwestjonarju bi preparazzjoni għall-eżami mediku intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx f’kundizzjoni fiżika tajba għas-servizz militari, huwa talab lill-KSG li jiġi eżentat milli jissejjaħ sabiex iservi fl-armata u mis-servizz militari. In sostenn ta’ din it-talba, huwa ssottometta li l-Liġi dwar is-servizz militari kienet tmur kontra d-dritt Komunitarju u ċċita s-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2000, Kreil (C-285/98, Ġabra p. I-69), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nisa ma jistgħux jiġu esklużi mill-aċċess għall-impjiegi kollha ma’ l-armata Ġermaniża.
15 Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2000, il-KSG ċaħad din it-talba billi ddikjara li s-sentenza Kreil, iċċitata iktar ’il fuq, kienet tirrigwarda biss l-aċċess volontarju tan-nisa għall-karrieri fil-forzi armati u mhux il-kwistjoni tas-servizz militari obbligatorju u li l-obbligu li jitwettaq dan is-servizz baqa’ fil-kompetenza esklużiva ta’ l-Istati Membri.
16 Il-Wehrbereichsverwaltung ċaħdet l-appell li ressaq A. Dory minn din id-deċiżjoni. Huwa għalhekk ressaq proċeduri quddiem il-Verwaltungsgericht Stuttgart, li fihom sostna li l-fatt li n-nisa għandhom dritt ta’ aċċess għall-impjiegi militari, skond is-sentenza Kreil, iċċitata iktar ’il fuq, iżda huma eżenti mill-obbligu li jwettqu servizz militari meta dan l-obbligu huwa impost fuq l-irġiel, imur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza u jikkostitwixxi diskriminazzjoni illegali kontra l-irġiel.
17 Il-konvenuta fil-kawża prinċipali sostniet li ebda dispożizzjoni tat-Trattat KE ma tippermetti li s-servizz militari obbligatorju jiġi kkunsidrat bħala attività li taqa’ taħt id-dritt Komunitarju. L-organizzazzjoni ta’ dan is-servizz taqa’ fil-kompetenza ta’ kull Stat Membru. La l-Artikoli 3(2) KE u 13 KE, li bħala tali ma jipprovdux bażi ta’ kompetenza għall-Komunità iżda sempliċement jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ kompetenzi mogħtija minn dispożizzjonijiet oħra, u lanqas l-Artikolu 141 KE u d-Direttiva 76/207, li jirrigwardaw biss l-attivitajiet ta’ xogħol, ma jistgħu jiġu applikati fil-kawża prinċipali.
18 Il-Verwaltungsgericht Stuttgart esprima dubji dwar dawn l-argumenti ta’ l-aħħar. Minn naħa, filwaqt li rrefera għas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Schnorbus (C-79/99, Ġabra p. I-10997), huwa enfasizza li t-twettiq tas-servizz militari jittardja l-aċċess ta’ l-irġiel għax-xogħol u għat-taħriġ għax-xogħol u għaldaqstant jista’ jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 76/207. Min-naħa l-oħra, huwa kkunsidra li din id-differenza fit-trattament tista’ madankollu tkun iġġustifikata bħala vantaġġ speċifiku għan-nisa, li jikkumpensa parzjalment il-perijodi ta’ interruzzjoni tax-xogħol marbuta mal-maternità u mat-trobbija tat-tfal.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Stuttgart ikkunsidra li kien neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi l-portata tad-dritt Komunitarju f’dan ir-rigward. Għalhekk iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/207/KEE [...], il-fatt li fil-Ġermanja s-servizz militari huwa obbligatorju għall-irġiel biss imur kontra d-dritt Komunitarju?”
19 Fis-26 ta’ Settembru 2001, A. Dory irċieva ordni sabiex iservi fl-armata li kienet tobbligah jibda s-servizz militari tiegħu bejn l-1 u l-5 ta’ Novembru 2001.
20 B’ittri tat-28 ta’ Settembru 2001, A. Dory ppreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju u talba għal miżuri provviżorji quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jikseb is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ din l-ordni sabiex iservi fl-armata. B’digriet tad-19 ta’ Ottubru 2001, il-qorti tar-rinviju laqgħet din it-talba. B’digriet ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001, Dory (C-186/01 R, Ġabra p. I-7823), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat it-talba għal miżuri provviżorji inammissibbli.
Fuq id-domanda preliminari
Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
21 A. Dory isostni li s-servizz militari obbligatorju għandu l-effett li jipprojbixxi t-twettiq ta’ xogħol matul il-perijodu li fih jitwettaq dan is-servizz u li jittardja l-aċċess għall-ħajja tax-xogħol. Dan is-servizz għalhekk jaqa’ taħt id-Direttiva 76/207 u jikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita minnha. F’kull każ, huwa jmur kontra l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa stabbilit fl-Artikolu 3(2) KE.
22 Minn naħa, il-Gvern Ġermaniż jenfasizza li s-servizz militari obbligatorju għandu importanza fundamentali fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Huwa intiż sabiex jiżgura kuntatt mill-qrib bejn il-forzi armati u l-popolazzjoni u sabiex b’hekk jiggarantixxi t-trasparenza demokratika tal-militar, u huwa mezz ta’ integrazzjoni interna, b’mod partikolari, bejn il-ġenerazzjonjiet żgħażagħ tal-Länder l-antiki u l-ġodda. Mingħajr il-forzi ta’ riżerva pprovduti minn dawk imsejħa għas-servizz militari, ma jkunx hemm in-nies meħtieġa sabiex jiddefendu l-pajjiż fi żmien ta’ kunflitt.
23 Min-naħa l-oħra, il-Gvern Ġermaniż isostni li s-servizz militari jaqa’ fil-qasam ta’ l-organizzazzjoni tal-forzi armati, li huwa qasam essenzjali ta’ l-awtorità pubblika li baqgħet fil-kompetenza ta’ l-Istati Membri. Huwa jikkunsidra li din l-analiżi kienet aċċettata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tas-26 ta’ Ottubru 1999, Sirdar (C-273/97, Ġabra p. I-7403, punt 15), u Kreil, iċċitata iktar ’il fuq (punt 15).
24 F’kull każ, huwa jsostni li l-limitazzjoni tas-servizz militari obbligatorju għall-irġiel, anki jekk jitqies li dan is-servizz jista’ jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u tad-Direttiva 76/207, ma tmurx kontra d-dritt Komunitarju. L-ewwel nett, l-Artikolu 3(2) KE, li jipprovdi li l-Komunità għandha bħala għan il-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, japplika biss għall-miżuri speċifiċi meħuda għal dan il-għan mill-Komunità fuq bażijiet legali oħra. It-tieni nett, l-Artikolu 13 KE m’għandux effett dirett u jagħti s-setgħa lill-Kunsill sabiex jieħu miżuri biex jiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess biss fl-oqsma ta’ kompetenza li jagħtih it-Trattat. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 141 KE u d-Direttiva 76/207 jirregolaw biss ir-relazzjonijiet ta’ impjieg li jirriżultaw minn kuntratt bejn min iħaddem u impjegat, b’mod li mhumiex applikabbli għall-obbligu ġenerali ta’ servizz li jikkostitwixxi s-servizz militari għal dawk imsejħa sabiex iwettquh.
25 Il-Gvern Franċiż jikkunsidra li t-twettiq tas-servizz militari obbligatorju ma jistax jiġi ekwiparat mat-twettiq ta’ impjieg u, konsegwentement, la jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet soċjali tat-Trattat u lanqas taħt id-Direttiva 76/207. L-organizzazzjoni ta’ tali servizz tikkostitwixxi miżura relattiva għad-difiża nazzjonali li taqa’ fil-kompetenza esklużiva ta’ l-Istati Membri.
26 Il-Gvern Finlandiż isostni li huma l-Istati Membri li għandhom jagħmlu l-għażliet fundamentali tal-politika tad-difiża, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kreil, iċċitata iktar ’il fuq, u li d-dritt Komunitarju mhuwiex applikabbli għall-kawża prinċipali. Huwa jsostni li, f’kull każ, l-obbligu li jitwettaq servizz militari ma jikkonċernax il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-professjoni militari u għalhekk ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 76/207. Barra minn hekk, il-fatt li dan l-obbligu huwa limitat għall-irġiel ma jikkompromettix il-progress tal-karrieri tan-nisa fil-forzi armati, billi huma dejjem għandhom il-possibbiltà li jwettqu servizz militari volontarjament u li għalhekk jitqiegħdu f’sitwazzjoni identika għal dik ta’ l-irġiel imsejħa għas-servizz militari.
27 Il-Kummissjoni tikkunsidra li s-servizz militari obbligatorju huwa obbligu ta’ servizz li jaqa’ taħt id-dritt pubbliku li huwa ta’ natura unilaterali u li ma jqegħedx lil dawk imsejħa sabiex iwettquh f’relazzjoni ta’ impjieg ma’ min iħaddem. Għalhekk, dan is-servizz ma jifformax parti mis-suq tax-xogħol u għaldaqstant jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. Huwa ma jirrestrinġix il-portata ta’ dan id-dritt lil hinn minn dak li huwa inerenti fin-natura tiegħu. Għaldaqstant, mhuwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-limitazzjoni għall-irġiel ta’ l-obbligu li jitwettaq tali servizz tistax tkun iġġustifikata abbażi tad-Direttiva 76/207. Il-kawża prinċipali hija għalhekk differenti ħafna mill-kawżi li diġà ġew deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni ssostni li, konsegwentement, l-Istati Membri jistgħu jibbażaw ruħhom f’dan il-kuntest fuq id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 6(3) UE u 5 KE, sabiex is-sovranità tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam mad-difiża tiġi rrispettata fil-forma li tirriżulta mit-tradizzjoni nazzjonali tagħhom.
Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
28 Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-limitazzjoni tas-servizz militari obbligatorju għall-irġiel hijiex kompatibbli jew le mal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa, kif stabbilit fid-dritt Komunitarju, jeħtieġ li l-ewwel nett jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet li fihom dan id-dritt japplika għall-attivitajiet relattivi għall-organizazzjoni tal-forzi armati.
29 Il-miżuri li jieħdu l-Istati Membri f’dan il-qasam mhumiex esklużi mill-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju fit-totalità tagħhom minħabba s-sempliċi fatt li huma jittieħdu fl-interess tas-sigurtà pubblika jew tad-difiża nazzjonali.
30 Fil-fatt, kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, it-Trattat jipprovdi għal derogi applikabbli f’każ ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jipperikolaw is-sigurtà pubblika biss fl-Artikoli 30 KE, 39 KE, 46 KE, 58 KE, 64 KE, 296 KE u 297 KE, li jirrigwardaw sitwazzjonijiet eċċezzjonali definiti sew. Minn dan ma jistax jiġi dedott li teżisti riżerva ġenerali, inerenti fit-Trattat, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju kull miżura meħuda għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika. Ir-rikonoxximent ta’ l-eżistenza ta’ riżerva bħal din, barra mill-kundizzjonijiet speċifiċi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, jista’ jippreġudika n-natura vinkolanti u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 26; Sirdar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16; u Kreil, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).
31 Il-kunċett ta’ sigurtà pubblika, fis-sens ta’ l-artikoli tat-Trattat imsemmija fil-punt preċedenti, ikopri kemm is-sigurtà interna ta’ Stat Membru, bħal fil-kawża prinċipali relattiva għas-sentenza Johnston, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll is-sigurtà esterna tiegħu, bħal fil-kawża prinċipali relattiva għas-sentenza Sirdar, iċċitata iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Ottubru 1991, Richardt u “Les Accessoires Scientifiques”, C-367/89, Ġabra p. I-4621, punt 22; tas-17 ta’ Ottubru 1995, Leifer et, C-83/94, Ġabra p. I-3231, punt 26; Sirdar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17, u Kreil, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).
32 Barra minn hekk, uħud mid-derogi previsti fit-Trattat jikkonċernaw biss ir-regoli li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-persuni, tal-merkanzija, tal-kapital u tas-servizzi, u mhux id-dispożizzjonijiet soċjali tat-Trattat li minnhom jifforma parti l-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa. Skond ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju huwa ta’ applikazzjoni ġenerali u d-Direttiva 76/207 tapplika għar-relazzjonijiet ta’ impjieg fis-settur pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Mejju 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 248/83, Ġabra p. 1459, punt 16; tat-2 ta’ Ottubru 1997, Gerster, C-1/95, Ġabra p. I-5253, punt 18; Sirdar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18, u Kreil, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).
33 Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 76/207 kienet applikabbli għall-aċċess għall-impjiegi fil-forzi armati u li kienet hi li kellha tivverifika jekk il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali rikonoxxuta lilhom, kellhomx, fir-realtà, l-għan li jiggarantixxu s-sigurtà pubblika u jekk kinux adegwati u neċessarji sabiex jintlaħaq dan il-għan (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Sirdar, punt 28, u Kreil, punt 25).
34 Huwa minnu li d-deċiżjonijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-organizzazzjoni tal-forzi armati tagħhom ma jistgħux ikunu totalment esklużi mill-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari meta tkun in kwistjoni l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa f’dak li għandu x’jaqsam mar-relazzjonijiet ta’ impjieg, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ l-aċċess għall-karriera militari. Madankollu, minn dan ma jirriżultax li d-dritt Komunitarju jirregola l-għażliet ta’ l-Istati Membri dwar l-organizzazzjoni militari li l-għan tagħhom huwa d-difiża tat-territorju tagħhom jew ta’ l-interessi essenzjali tagħhom.
35 Fil-fatt, huma l-Istati Membri, li jridu jadottaw miżuri xierqa sabiex jiżguraw is-sigurtà interna u esterna tagħhom, li għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-organizzazzjoni tal-forzi armati tagħhom, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Sirdar (punt 15) u Kreil (punt 15).
36 Il-Gvern Ġermaniż sostna li s-servizz militari obbligatorju għandu importanza kbira fil-Ġermanja, kemm mill-aspett politiku kif ukoll mill-aspett ta’ l-organizzazzjoni tal-forzi armati. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta, huwa ddikjara li l-istituzzjoni ta’ tali servizz tikkontribwixxi għat-trasparenza demokratika tal-militar, għall-koeżjoni nazzjonali, għar-rabta bejn il-forzi armati u l-popolazzjoni kif ukoll għall-mobilizzazzjoni tan-nies meħtieġa għall-armati tiegħu f’każ ta’ kunflitt.
37 Tali għażla, li hija stabbilita fil-Grundgesetz, tikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ obbligu li jinqdew l-interessi tas-sigurtà territorjali, anki jekk, f’bosta każijiet, dan ikun għad-detriment ta’ l-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol. Għaldaqstant, tali għażla tipprevali fuq l-għanijiet tal-politiki li l-għan tagħhom huwa l-inseriment taż-żgħażagħ fid-dinja tax-xogħol.
38 Id-deċiżjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tiżgura d-difiża tagħha parzjalment permezz ta’ servizz militari obbligatorju hija l-espressjoni ta’ tali għażla ta’ organizzazzjoni militari li għaliha, konsegwentement, id-dritt Komunitarju mhuwiex applikabbli.
39 Huwa minnu li l-limitazzjoni tas-servizz militari obbligatorju għall-irġiel normalment timplika li jiġi ttardjat il-progress tal-karriera professjonali tal-persuni kkonċernati, anki jekk is-servizz militari jippermetti lil uħud minn dawk li jissejħu sabiex iwettquh li jiksbu taħriġ addizzjonali jew li sussegwentement ikollhom aċċess għal karriera militari.
40 Madankollu, il-fatt li l-karriera professjonali ta’ dawk li jissejħu għas-servizz militari tiġi ttardjata huwa konsegwenza inevitabbli ta’ l-għażla magħmula mill-Istat Membru fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni militari u ma jfissirx li din il-għażla tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ riperkussjonijiet sfavorevoli fuq l-aċċess għall-impjieg ma jistax ikollha l-effett, mingħajr ma tidħol fuq il-kompetenzi ta’ l-Istati Membri, li ġġiegħel lill-Istat Membru kkonċernat jestendi l-obbligu tas-servizz militari għan-nisa u għalhekk jimponi fuqhom l-istess żvantaġġi fir-rigward tal-aċċess għall-impjieg, jew li jneħħi s-servizz militari obbligatorju.
41 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix li s-servizz militari obbligatorju jkun iriżervat għall-irġiel.
Fuq l-ispejjeż
42 L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Ġermaniż, mill-Gvern Franċiż u mill-Gvern Finlandiż, kif ukoll mill-Kumissjoni, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,
b’risposta għad-domanda magħmula lilha mill-Verwaltungsgericht Stuttgart, b’digriet ta’ l-4 ta’ April 2001, taqta’ u tiddeċiedi li:
Id-dritt Komunitarju ma jipprekludix li s-servizz militari obbligatorju jkun irriżervat għall-irġiel.
Rodríguez Iglesias
Puissochet
Wathelet
Schintgen
Timmermans
Gulmann
Edward
Jann
Skouris
Macken
Colneric
von Bahr
Cunha Rodrigues
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Marzu 2003.
Reġistratur
President
R. Grass
G. C. Rodríguez Iglesias
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy