SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
16 ta' Settembru 2004 (*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 85/337/KEE – Stima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent – Applikazzjoni inkorretta – Proġett għal linja tal-ferrovija Valenzja-Tarragona, sezzjoni Las Palmas-Oropesa"
Fil-kawża C-227/01,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE,
imressaq fis-7 ta' Ġunju 2001,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Valero Jordana, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn S. Ortiz Vaamonde, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C. Gulmann, J. N. Cunha Rodrigues, R. Schintgen (Relatur) u F. Macken, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro
Reġistratur: M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta' Frar 2004,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-24 ta' Marzu 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, peress li m'għamilx stima ta' l-effetti fuq l-ambjent tal-"proġett għal linja tal-ferrovija Valenzja-Tarragona, sezzjoni Las Palmas-Oropesa. Pjattaforma", li jifforma parti mill-proġett intitolat "Kuritur Mediterranju", ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 2, 3, 5(2) u 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta' Ġunju 1985, dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, p. 40).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 Skond l-ewwel u s-sitt premessi tagħha, l-għan tad-Direttiva 85/337 huwa l-prevenzjoni tat-tniġġis u ta' ħsara oħra ta' l-ambjent billi tissuġġetta ċerti proġetti pubbliċi u privati għal stima minn qabel ta' l-effetti tagħhom fuq l-ambjent.
3 Kif jirriżulta mill-ħames premessa tagħha, għal dan il-għan l-imsemmija direttiva tintroduċi prinċipji ġenerali ta' stima ta' l-effetti fuq l-ambjent sabiex jiġu kkompletati u kkoordinati l-proċeduri ta' awtorizzazzjoni tal-proġetti pubbliċi u privati li jista' jkollhom impatt sinjifikanti fuq l-ambjent.
4 Skond it-tmien u l-ħdax-il premessa tad-Direttiva 85/337, il-proġetti li jaqgħu taħt ċerti kategoriji għandhom effetti kunsiderevoli fuq l-ambjent u, fil-prinċipju, għandhom jiġu suġġetti għal stima sistematika sabiex jitqiesu l-preokkupazzjonijiet dwar il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, il-kontribuzzjoni għall-kwalità tal-ħajja permezz ta' ambjent aħjar, l-assigurazzjoni li tinżamm id-diversità ta' l-ispeċi u l-konservazzjoni tal-kapaċità riproduttiva ta' l-ekosistema bħala riżors bażiku tal-ħajja.
5 Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/337, li huma in kwistjoni f'din il-kawża, kif ifformulati qabel ma l-imsemmija direttiva ġiet emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta' Marzu 1997 (ĠU L 73, p. 5), huma s-segwenti:
6 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/337 huwa fformulat bil-mod segwenti:
"1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istima ta’ l-effetti ambjentali ta’ dawk il-proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent
2. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
"proġett" tfisser:
– l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ istallazjonijiet jew skemi oħra,
– interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali, […]"
7 Skond l-Artikolu 2 ta' din id-direttiva:
"1. [L-Is]tati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li, qabel ma jingħata kunsens, proġetti li aktarx ikollhom effetti sinifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward ta’ l-effetti tagħhom.
Dawn il-proġetti huma definiti fl-Artikolu 4.
[…]
3. [L-Is]tati Membri jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jeżentaw proġett speċifiku kollu kemm hu jew parti minnu mid-dispożizzjonijiet preskritti f’din id-Direttiva.
F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom:
(a) jikkonsidraw jekk forma oħra ta’ stima tkunx xierqa u jekk l-informazzjoni hekk miġbura għandhiex issir disponibbli għall-pubbliku;
(b) jagħmlu disponibbli lill-pubbliku konċernat l-informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ l-eżenzjoni u r-raġunijiet l-għaliex ingħatat;
(ċ) jinformaw lill-Kummissjoni, qabel ma jingħata kunsens, bir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eżenzjoni mogħtija, u jipprovduha bl-informazzjoni li jkunu għamlu disponibbli, fejn xieraq, liċ-ċittadini tagħhom stess.
Il-Kummissjoni għandha immedjatament tibgħat id-dokumenti li tkun irċeviet lill-Istati Membri l-oħra.
[…]"
8 L-Artikolu 3 ta' l-imsemmija direttiva jipprovdi li:
"L-istima ta’ l-impatt ambjentali għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u skond l-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti tal-proġett fuq dawn il-fatturi:
– bnedmin, fawna u flora,
– ħamrija, ilma, arja, klima u l-pajsaġġ,
– l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fl-ewwel u t-tieni indent,
– assi materjali u wirt kulturali."
9 L-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/337, li jagħmel riferiment għalih it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2(1) tagħha, jipprovdi li:
"1. Bla ħsara għal Artikolu 2(3), proġetti tal-klassijiet elenkati [fl]-Anness I għandhom ikunu soġġetti għal stima skond Arikoli 5 sa 10.
2. Proġetti tal-klassijiet elenkati [fl]-Anness II għandhom ikunu soġġetti għal stima, skond l-Artikoli 5 sa 10, fejn Stati Membri jikkunsidraw li l-karat[t]eristiċi tagħhom jirrikjedu hekk.
[…]"
10 Fost proġetti oħra, fil-punt 7 tiegħu l-Anness I ta' din id-direttiva jsemmi l-"[k]ostruzzjoni ta’ […] linji għal traffiku ferrovjarju ta’ distanza twila".
11 Il-punt 12 ta' l-Anness II ta' l-imsemmija direttiva jirreferi, b'mod partikolari, għall-"[m]odifikazzjonijiet lil proġetti ta' żvilupp inklużi [fl-Anness] I".
12 Skond l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 85/337:
"1. Fil-każ ta’ proġetti li, skond l-Artikolu 4, għandhom ikunu soġġetti għal stima ta’ l-impatt ambjentali skond l-Artikoli 5 sa 10, [l-Is]tati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-iżviluppatur iforni f’għamla xierqa l-informazzjoni speċifikata [fl]-Anness III sakemm:
(a) l-Istati Membri jikkunsidraw li l-informazzjoni hija relevanti għal stadju speċifikat tal-proċedura ta’ kunsens u għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ proġett partikulari jew tip ta’ proġett u għall-fatturi ambjentali li aktarx se jkunu milquta;
(b) l-Istati Membri jikkunsidraw li l-iżviluppatur jista’ b’mod raġonevoli jkun mitlub jiġbor din l-informazzjoni filwaqt li jżomm quddiem għajnejh inter alia għarfien u metodi kurrenti ta’ stima.
2. L-informazzjoni li l-iżviluppatur għandu jagħti skond il-paragrafu 1 għandha tinkludi għall-inqas:
– deskrizzjoni tal-proġett li tinkludi informazzjoni dwar il-post, disinn u kobor tal-proġett,
– deskrizzjoni tal-miżuri antiċipati biex jevitaw, inaqqsu u, jekk possibbli, jirrimedjaw l-effetti sinifikanti kuntrarji,
– id-data mitluba biex ikunu identifikati u stmati l-effetti prinċipali li l-proġett aktarx ikollu fuq l-ambjent,
– sommarju mhux tekniku ta’ l-informazzjoni msemmija fl-indenti 1 sa 3."
13 Skond l-Artikolu 6(2) ta' l-istess direttiva:
"[L-Is]tati Membri għandhom jiżguraw li:
– kull talba għal kunsens ta’ żvilupp u kull informazzjoni miġbura skond l-Artikolu 5 għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku,
– il-pubbliku konċernat jingħata l-opportunita biex jesprimi opinjoni qabel ma l-proġett jibda."
14 L-Artikolu 12 tad-Direttiva 85/337 jipprovdi li:
"1. [L-Is]tati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-Direttiva fi żmien tliet snin tan-notifika tagħha.
2. L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva."
15 L-imsemmija direttiva ġiet innotifikata lill-Istati Membri fit-3 ta' Lulju 1985.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
16 Fost il-proġetti li għandhom, b'mod obbligatorju, jiġu suġġetti għal stima ta' l-impatt ambjentali, il-leġiżlazzjoni Spanjola li tittrasponi l-punt 7 ta' l-Anness I tad-Direttiva 85/337 issemmi "linji tal-ferrovija għal distanza twila li jinkludu rotta ġdida".
Il-proċedura prekontenzjuża
17 Wara lment li rċeviet f'Mejju 1999 u wara skambju ta' ittri bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Spanjoli, din l-istituzzjoni, filwaqt li qieset li l-imsemmija awtoritajiet kienu applikaw id-Direttiva 85/337 b'mod inkorrett billi ma ssuġġettawx il-"proġett għal linja tal-ferrovija Valenzja-Tarragona, sezzjoni Las Palmas-Oropesa. Pjattaforma", li jifforma parti mill-proġett intitolat "Kuritur Mediterranju" għal studju preliminari ta' l-istima minn qabel ta' l-effetti tiegħu fuq l-ambjent, intimat lir-Renju ta' Spanja sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f'terminu ta' xahrejn.
18 Peress li ma kinitx sodisfatta bl-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Spanjol, fis-26 ta' Settembru 2000 il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Renju ta' Spanja fejn stednitu jadotta l-miżuri neċessarji, f'terminu ta' xahrejn min-notifika ta' din l-opinjoni, sabiex jikkonforma ruħu magħha.
19 Peress li l-Gvern Spanjol irrisponda għal din l-opinjoni motivata permezz ta' ittra tat-2 ta' Jannar 2001 li fiha huwa rrepeta l-argumenti preċedenti tiegħu, il-Kummissjoni ddeċidiet tressaq dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
20 Il-Kummissjoni tilmenta li r-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 2, 3, 5(2) u 6(2) tad-Direttiva 85/337 billi m'għamilx stima ta' l-effetti fuq l-ambjent tal-"proġett għal linja tal-ferrovija Valenzja-Tarragona, sezzjoni Las Palmas-Oropesa. Pjattaforma", li jifforma parti mill-proġett intitolat "Kuritur Mediterranju" li jgħaqqad ir-reġjun Spanjol ta' Levante mal-Katalonja u mal-fruntiera Franċiża.
Fuq l-ammissibbiltà
21 Fis-seduta, il-Gvern Spanjol ikkontesta l-ammissibbiltà tal-kawża minħabba li r-rikors kien ibbażat fuq ilment differenti minn dak invokat matul il-proċedura prekontenzjuża.
22 Fil-fatt, dan il-Gvern isostni li, matul il-proċedura prekontenzjuża, is-suġġett tal-kwistjoni kien manifestament limitat għas-sezzjoni tal-linja tal-ferrovija twila 13.2 km li tifred is-sit ta' Las Palmas mil-lokalità ta' Oropesa. F' dan l-istadju tal-proċedura, il-Kummissjoni kkritikat lill-Gvern Spanjol, b'mod partikolari, għall-fatt li ma rrispettax il-ħtiġijiet tad-Direttiva 85/337 għal dak li jikkonċerna parti mill-imsemmija sezzjoni, twila 7.64 km, fejn ir-rotta ġiet immexxija għal massimu ta' 800 m lejn il-punent sabiex iddur mal-lokalità ta' Benicasim. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, la fl-ittra ta' intimazzjoni u lanqas fl-opinjoni motivata, m'għamlet riferiment għall-irduppjar tal-binarji tal-linji tal-ferrovija fuq il-parti li jibqa' mis-sezzjoni twila 13.2 km u, b'mod partikolari, fl-ebda mument ma sostniet li l-irduppjar ta' binarju tal-ferrovija eżistenti jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-direttiva.
23 Madankollu, fir-rikors tagħha l-Kummissjoni tinsisti li jiġi kkonstatat li dan l-irduppjar tal-binarji ta' linja tal-ferrovija eżistenti huwa suġġett għall-ħtiġijiet ta' l-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, din l-istituzzjoni tirreferi għat-tul kollu tal-linja Valenzja-Tarragona, li huwa ta' 251 km.
24 F'dawn iċ-ċirkustanzi, is-suġġett tal-kawża ġie manifestament estiż.
25 L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, f'dan il-każ, ir-regolarità ta' l-opinjoni motivata u tal-proċedura ta' qabel din l-opinjoni mhijiex ikkontestata. Madankollu, il-Gvern Spanjol isostni li l-ilment ifformulat fir-rikors huwa differenti minn dak li kien jinsab fl-ittra ta' intimazzjoni u fl-opinjoni motivata.
26 F'dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-għan ta' rikors imressaq taħt l-Artikolu 226 KE huwa limitat mill-proċedura prekontenzjuża prevista f'din id-dispożizzjoni u li, konsegwentement, l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni u r-rikors għandhom ikunu bbażata fuq ilmenti identiċi (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta' Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-139/00, Ġabra p. I-6407, punt 18).
27 Madankollu, f'dan il-każ ma jistax jiġi sostnut li s-suġġett tal-kawża, kif definit matul il-proċedura prekontenzjuża, ġie estiż jew mibdul.
28 Fil-fatt, minn naħa, b'risposta għal domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni kkonfermat li s-suġġett ta' dan ir-rikors huwa limitat għas-sezzjoni twila 13.2 km bejn Las Palmas u Oropesa u li, kuntrarjament għal dak li jafferma l-Gvern Spanjol, bl-ebda mod ma jestendi għas-sezzjoni kollha twila 251 km tal-linja Valenzja-Tarrangona.
29 Min-naħa l-oħra, kemm l-ittra ta' intimazzjoni kif ukoll l-opinjoni motivata mibgħuta mill-Kummissjoni lir-Renju ta' Spanja jirreferu, l-istess bħar-rikors, għas-"sezzjoni Las Palmas-Oropesa", li l-Gvern konvenut ma jikkontestax li hija twila 13.2 km. Barra minn hekk, ir-risposta tad-difiża ppreżentata mill-Gvern Spanjol turi, mingħajr ambigwità, li dan ta' l-aħħar ma fehemx ħażin l-iskop tal-kawża peress li, f'dan id-dokument, huwa stess kkunsidra li l-proġett in kwistjoni jikkonċerna s-sezzjoni ta' 13.2 km li tifred il-lokalitajiet ta' Las Palmas u ta' Oropesa, fejn il-linja eżistenti ġiet irduppjata u adattata għal veloċità li tista' tilħaq 220 km fis-siegħa u li parti minnha, li hija twila 7.64 km, tikkostitwixxi rotta ġdida sabiex iddur mal-lokalità ta' Benicasim.
30 Konsegwentement, dan ir-rikors huwa ammissibbli.
Fuq il-mertu
L-argumenti tal-partijiet
31 In sostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li hemm qbil li l-"proġett għal linja ta' ferrovija Valence-Tarragone, sezzjoni Las Palmas-Oropesa. Pjattaforma", li jifforma parti mill-proġett intitolat "Kuritur Mediterranju" ma ġiex suġġett għall-proċedura ta' stima ta' l-effetti fuq l-ambjent prevista mid-Direttiva 85/337.
32 Skond il-Kummissjoni, f'dan il-każ stima bħal din hija obbligatorja peress li jirrigwarda wieħed mill-proġetti msemmija fil-punt 7 ta' l-Anness I ta' l-imsemmija direttiva, li jagħmel riferiment għalih l-Artikolu 4(1) ta' din ta' l-aħħar.
33 Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li, għal dak li jikkonċerna l-proġett in kwistjoni, id-Direttiva 85/337 ġiet applikata b'mod inkorrett u li, għaldaqstant, ir-Renju ta' Spanja kiser l-Artikoli 2, 3, 5(2) u 6(2) ta' l-imsemmija direttiva.
34 Mill-opinjoni tal-Kummissjoni, ebda waħda mir-raġunijiet invokati mill-Gvern Spanjol sabiex jiġġustifika l-mod tiegħu ta' kif ipproċeda f'dan il-każ ma tista' tiġi milqugħa.
35 B'hekk, l-argument imressaq mill-imsemmi Gvern huwa kuntrarju għad-Direttiva 85/337 u, b'mod aktar partikolari, għall-kliem stess tal-punt 7 ta' l-Anness I tagħha. Barra minn hekk, huwa inkompatibbli ma' l-ispirtu u l-għan ta' din id-direttiva.
36 Il-Gvern Spanjol jammetti li l-proġett in kwistjoni ma ġiex formalment suġġett għall-proċedura ta' stima ta' l-impatt ambjentali prevista mid-Direttiva 85/337, iżda huwa jikkunsidra li din il-proċedura ma kinitx neċessarja f'dan il-każ.
37 Fil-fatt, din id-direttiva ma kinitx applikabbli peress li x-xogħlijiet li kellhom isiru kienu jikkonsistu biss fit-titjib ta' linja tal-ferrovija li kienet diġà teżisti billi jiġi rduppjat il-binarju li inizjalment kien waħdu, mingħajr ma kien hemm kostruzzjoni ta' linja tal-ferrovija ġdida u mingħajr ma kienet meħtieġa rotta ġdida fuq distanza twila.
38 Din il-perspettiva hija kkorroborata mill-kliem tal-leġiżlazzjoni li tirrigwarda t-traspożizzjoni fid-dritt Spanjol tal-punt 7 ta' l-Anness I tad-Direttiva 85/337, leġiżlazzjoni nazzjonali li l-Kummissjoni, fl-ebda mument, ma kkontestat il-kompatibbiltà tagħha mal-ħtiġijiet ta' l-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kliem ta' dan il-punt 7, il-verżjoni Ingliża wkoll tagħmel użu mill-kelma "linji" ("lines") u mhux mill-kelma "binarji".
39 Barra minn hekk, il-proġett in kwistjoni mhuwiex intiż għat-traffiku għal distanza twila fis-sens ta' l-imsemmi punt 7 peress li huwa jorbot żewġ lokalitajiet imbiegħda 13.2 km biss.
40 Barra minn hekk, l-irduppjar tal-binarji m'għandux effetti fuq l-ambjent li jiżdiedu ma' dawk iġġenerati mill-konstruzzjoni tal-linja oriġinali u, f'kullkaż, il-Kummissjoni ma ressqitx prova ta' l-eżistenza ta' effetti bħal dawn.
41 Il-Gvern Spanjol iżid jgħid, sussidjarjament, li f'dan il-każ il-ħtiġijiet tad-direttiva ġew osservati fir-rigward tas-sustanza tagħhom, minħabba l-fatt li qabel ir-reviżjoni tal-pjan ġenerali ta' żvilupp ta' Benicasim, li saret fl-1992, kien sar studju ta' impatt suġġett għal investigazzjoni pubblika u kienet saret dikjarazzjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent. Peress li s-suġġett ta' l-imsemmija reviżjoni kien preċiżament ir-riżerva ta' żona għall-kostruzzjoni madwar il-lokalità ta' Benicasim, ma kienx meħtieġ li jsir studju ġdid dwar l-effett tax-xogħlijiet għal dan il-għan.
42 Fl-aħħar nett, f'dan il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti aġixxew in bona fede u wrew li kienu lesti li jikkooperaw billi kkonformaw rwieħhom mat-teżi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-parti tal-proġett fejn kien għadu possibbli li jagħmlu dan peress li, qabel ma tlesta x-xogħol, huma ssuġġettaw il-"modifika nru 3" ta' l-imsemmi proġett, li essenzjalment kienet tirrigwarda l-kostruzzjoni ta' vijadott twil 754.5 m, għal investigazzjoni pubblika.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
43 Sabiex jiġi evalwat il-mertu tar-rikors tal-Kummissjoni, fid-dawl ta' l-argument tal-Gvern konvenut, għandu l-ewwel nett jiġi ddeterminat jekk id-Direttiva 85/337 u, b'mod partikolari, l-obbligu li tistabbilixxi li ssir stima ta' l-effetti fuq l-ambjent, tapplikax għall-proġett in kwistjoni u, fil-każ affermattiv, it-tieni nett, jekk l-imsemmi proġett ġiex imwettaq r-regoli stabbiliti f'din id-direttiva.
44 Fir-rigward ta' l-ewwel punt, l-argument ppreżentat mill-Gvern Spanjol, li l-punt 7 ta' l-Anness I ta' din id-direttiva jkopri biss il-kostruzzjoni ta' linja ġdida fis-sens ta' passaġġ ġdid tal-ferrovija bejn żewġ lokalitajiet u, għaldaqstant, ma japplikax għall-irduppjar ta' binarji eżistenti, ma jistax jiġi milqugħ.
45 Fil-fatt mingħajr m'huwa neċessarju li, fil-kuntest ta' dan ir-rikors, tingħata deċiżjoni dwar jekk il-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-punt 7 ta' l-Anness I tad-Direttiva 85/337 jużawx kelma ekwivalenti għal kelma "binarji" ("vías" fil-verżjoni Spanjola), jew dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Spanjola ma' din id-direttiva, adottata sabiex timplementa l-imsemmija dispożizzjoni safejn din tuża l-kelma "linji" ("lineas"), mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-bżonn ta' interpretazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju jeżiġi li, fil-każ ta' diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta' dispożizzjoni, din ta' l-aħħar għandha tiġi interpretata skond l-iskema ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-24 ta' Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C-72/95, Ġabra p. I-5403, punt 28).
46 Għal dak li jikkonċerna d-Direttiva 85/337, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat deċiżjoni fis-sens li, mit-test ta' din id-direttiva, wieħed jista' jikkonkludi li l-kamp ta' applikazzjoni tagħha huwa estiż u l-għan tagħha huwa wiesa' ħafna (sentenza Kraaijeveld et, iċċitata aktar 'il fuq, punti 31 u 39).
47 Kif jirriżulta, b'mod partikolari, mill-Artikoli 1 u 2(2) u mill-ewwel, mill-ħames, mis-sitt, mit-tmien u mill-ħdax-il premessa ta' l-imsemmija direttiva, l-għan essenzjali tagħha huwa li, qabel l-għoti ta' awtorizzazzjoni, ikun obbligatorju li l-proġetti li jista' jkollhom effetti sinjifikanti fuq l-ambjent, b'mod partikolari, minħabba n-natura tagħhom, id-daqs tagħhom jew il-post fejn jinsabu, jiġu suġġetti għal evalwazzjoni fir-rigward ta' l-effetti tagħhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta' Settembru 2000, Linster, C-287/98, Ġabra p. 6917, punt 52).
48 Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma fihom infushom suffiċjenti sabiex il-punt 7 ta' l-Anness I tad-Direttiva 85/337 ikollu jiġi mifhum bħala li jkopri l-irduppjar ta' binarju eżistenti diġà.
49 Proġett ta' din in-natura jista', fil-fatt, ikollu impatt sinjifikanti fuq l-ambjent fis-sens ta' l-imsemmija direttiva peress li jista' jkollu effetti permanenti fuq, per eżempju, il-fawna u l-flora, il-kompożizzjoni tal-ħamrija jew anke l-pajsaġġ, u jista' jipproduċi ħsejjes sinjifikanti u għalhekk għandu jiġi inkluż fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-direttiva. L-għan tad-Direttiva 85/337 ikun serjament ippreġudikat jekk dan it-tip ta' proġett ta' kostruzzjoni ta' binarju ferrovjarju ġdid, anke jekk ikun parallel ma' binarju eżistenti, ikun jista' jiġi eskluż mill-obbligu li ssir stima ta' l-effetti fuq l-ambjent. Għaldaqstant, proġett bħal dan ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi sempliċi modifika fi proġett preċedenti fis-sens tal-punt 12 ta' l-Anness II ta' din id-direttiva.
50 Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija aktar u aktar ovvja meta, bħal f'dan il-każ, it-twettiq tal-proġett in kwistjoni jinvolvi binarju għal rotta ġdida, anke jekk dan jikkonċerna biss parti minn dan il-proġett. Proġett ta' kostruzzjoni bħal dan jista', fil-fatt, min-natura tiegħu stess, ikollu impatt sinjifikanti fuq l-ambjent fis-sens tad-Direttiva 85/337.
51 L-argument tal-Gvern Spanjol, li l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni tal-punt 7 ta' l-Anness I ta' l-imsemmija direttiva mhumiex sodisfatti peress li l-proġett in kwistjoni ma jikkonċernax it-traffiku għal distanza twila fis-sens ta' din id-dispożizzjoni, iżda, għall-kuntrarju, rotta ta' 13.2 km biss bejn lokalitajiet ġirien, huwa wkoll infondat.
52 Fil-fatt, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, il-proġett in kwistjoni jifforma parti minn linja tal-ferrovija twila 251 km bejn Valenzja u Tarragona, li tifforma parti mill-proġett intitolat "Kuritur Mediterranju", li jgħaqqad ir-reġjun Spanjol ta' Levante mal-Katalunja u mal-fruntiera Franċiża.
53 Jekk l-argument tal-Gvern Spajnol jiġi milqugħ, l-effettività tad-Direttiva 85/337 tista' tiġi serjament kompromessa peress li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu sempliċement jaqsmu proġett li jirrigwarda distanza twila f'partijiet żgħar suċċessivi sabiex jeskludu, kemm il-proġett kollu kemm hu, kif ukoll il-partijiet li jirriżultaw minn dan il-qsim, mill-portata ta' din id-direttiva.
54 Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-proġett li huwa s-suġġett tar-rikors tal-Kummissjoni, li jikkonċerna t-twettiq ta' binarju ferrovjarju addizzjonali twil 13.2 km, li minnu 7.64 km jkopru rotta ġdida li ddur mal-lokalità ta' Benicasim u li jifforma parti minn linja tal-ferrovija twila 251 km, jaqa' taħt waħda mill-klassijiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 85/337, li għalih stima sistematika hija, fil-prinċipju, obbligatorja skond l-Artikoli 4(1) u 5(1) ta' din id-direttiva.
55 Fir-rigward tal-punt dwar jekk l-imsemmi proġett ġiex imwettaq skond ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 85/337, huwa importanti li l-ewwel nett jiġi mfakkar li l-Gvern Spanjol jammetti li dan il-proġett, bħala tali, ma kienx ġie suġġett għall-ħtiġijiet ta' din id-direttiva fir-rigward ta' l-istima ta' l-effetti fuq l-ambjent. Barra minn hekk, dan il-Gvern ma jallegax li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(3) ta' l-imsemmija direttiva huma sodisfatti f'din il-kawża.
56 Sussegwentement, għal dak li jikkonċerna l-argument tal-Gvern Spanjol li qabel ir-reviżjoni tal-pjan ġenerali ta' żvilupp ta' Benicasim, li saret fl-1992, kien sar studju ta' impatt suġġett għal investigazzjoni pubblika u kienet saret dikjarazzjoni dwar l-effetti fuq l-ambjent, għandu jiġi rrilevat li, anke jekk l-imsemmi pjan kien jinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet minimi stabbiliti fid-Direttiva 85/337, dan ma jistax, f'kull każ, jiġi kkunsidrat bħala suffiċjenti peress li, kif issostni l-Kummissjoni mingħajr ġiet kontradetta serjament fuq dan il-punt mill-Gvern konvenut, huwa jikkonċerna biss it-territorju tal-komun ta' Benicasim u, b'mod aktar partikolari, id-dawra madwar din il-lokalità, filwaqt li l-partijiet jaqblu li l-proġett in kwistjoni huwa aktar wiesa'. Minn dan isegwi li, ta' l-inqas għall-parti tal-proġett illi tibqa', il-ħtiġijiet ta' din id-direttiva ma ġewx applikati b'mod korrett.
57 Barra minn hekk, lanqas l-affermazzjoni tal-Gvern Spanjoli li l-awtoritajiet kompetenti kkonformaw rwieħhom mal-ħtiġijiet ta' l-imsemmija direttiva għal dak li jikkonċerna l-"modifika nru 3" tal-proġett ma hija fondata. Minn naħa, skond il-Gvern konvenut, l-informazzjoni ddestinata għall-pubbliku ġiet ippubblikata biss wara li l-proġett beda jiġi implementat. Dan il-mod kif wieħed jipproċedi huwa manifestament kuntrarju għall-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 85/337, li jistabbilixxi li l-pubbliku kkonċernat għandu jkollu l-possibbiltà li jesprimi l-opinjoni tiegħu qabel ma jinbeda l-proġett. Il-fatt, invokat mill-Gvern Spanjol, li l-investigazzjoni pubblika saret qabel ma kien lest ix-xogħol huwa, għalhekk, għal kollox irrilevanti. Min-naħa l-oħra, din il-proċedura kienet tikkonċerna biss parti mis-sezzjoni in kwistjoni ta' tul ta' 13.2 km, jiġifieri l-"modifika nru 3" relatata, essenzjalment, mal-kostruzzjoni ta' vijadott twil madwar 750 m.
58 Minbarra dan, il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali aġixxew in bona fede huwa wkoll għal kollox irrilevanti. Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu huwa ta' natura oġġettiva u l-fatt li l-allegat nuqqas jirriżulta minn interpretazzjoni inkorretta tad-dispożizzjonijiet Komunitarji minn Stat Membru ma jistax iwaqqaf lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tiddikjara li hemm tali nuqqas (ara s-sentenza tas-17 ta' Novembru 1993, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-73/92, Ġabra p. I-5997, punt 19).
59 Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-allegazzjoni tal-Gvern Spanjol li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi motivazzjoni xierqa għall-allegat nuqqas peress li ma pprovdietx prova li l-irduppjar ta' binarju eżistenti għandu, fil-fatt, effetti fuq l-ambjent li huma akbar minn dawk iġġenerati mill-kostruzzjoni tal-linja oriġinali, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-kriterju rilevanti għall-applikazzjoni tad-Direttiva 85/337 huwa bbażat fuq l-effett sinjifikanti li proġett partikolari huwa "aktarx" li jkollu fuq l-ambjent (ara, f'dan ir-rigward, l-Artikolu 1(1) u l-ħames u s-sitt premessi ta' din id-direttiva). F'dawn iċ-ċirkustanzi, mhijiex il-Kummissjoni li għandha tiddetermina l-effetti negattivi konkreti li proġett effettivament għandu fuq l-ambjent. Min-naħa l-oħra, f'dan il-każ, il-Kummissjoni ppruvat suffiċjentement, skond il-livell ta' prova meħtieġ mil-liġi, li l-proġett in kwistjoni jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' waħda mid-dispożizzjonijiet ta' l-Anness I ta' l-imsemmija direttiva, b'tali mod li huwa obbligatorju li jiġi suġġett għal stima ta' l-effetti tiegħu fuq l-ambjent. Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkontestat li proġett ta' dan it-tip huwa ta' natura li joħloq miegħu ħsarat ġodda sinjifikanti, anke jekk biss minħabba l-adattament tal-linja tal-ferrovija għal ċirkulazzjoni li tista' tilħaq il-veloċità ta' 220 km fis-siegħa.
60 Meta wieħed iqis il-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikors tal-Kummissjoni huwa fondat.
61 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, peress li m'għamilx stima ta' l-effetti fuq l-ambjent tal-"proġett għal linja tal-ferrovija Valenzja-Tarragona, sezzjoni Las Palmas-Oropesa. Pjattaforma", li jifforma parti mill-proġett intitolat "Kuritur Mediterranju", ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu taħt l-Artikoli 2, 3, 5(2) u 6(2) tad-Direttiva 85/337/KEE.
Fuq l-ispejjeż
62 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta' Spanja tilef huwa għandu jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi l-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Peress li m'għamilx stima ta' l-effetti fuq l-ambjent tal-"proġett għal linja tal-ferrovija Valenzja-Tarragona, sezzjoni Las Palmas-Oropesa. Pjattaforma", li jifforma parti mill-proġett intitolat "Kuritur Mediterranju", ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu taħt l-Artikoli 2, 3, 5(2) u 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta' Ġunju 1985, dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent.
2) Ir-Renju ta' Spanja huwa ordnat ibati l-ispejjeż.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.
Full & Egal Universal Law Academy