SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
15 ta' Lulju 2004 (*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 76/160/KEE – Kwalità ta' l-ilma għall-għawm – Nuqqas ta' rispett tal-valuri ta' limitu – Nuqqas ta' identifikazzjoni taż-żoni interni kollha ta' l-għawm fil-Portugall – Ġbir ta' numru insuffiċjenti ta' kampjuni"
Fil-kawża C-272/01,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. T. Figueira u G. Valero Jordana, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Fernandes, M. Telles Romão u M. João Lois, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha l-għan li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li,
– billi ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-kwalità ta' l-ilma għall-għawm tkun konformi mal-valuri stabbiliti skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/160/KEE, tat-8 ta' Diċembru 1975, dwar il-kwalità ta' l-ilma għall-għawm (ĠU 1976, L 31, p.1),
– billi ma rrispettatx il-frekwenza minima tat-teħid ta' kampjuni stabbilita fl-Anness ta' l-istess Direttiva u
– billi ma identifikatx iż-żoni interni kollha għall-għawm fil-Portugall,
ir-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1), meħud flimkien ma' l-Artikoli 1(2) u 3, kif ukoll ma' l-Anness ta' din id-Direttiva, u taħt l-Artikolu 6(1) u (2) ta' din id-Direttiva,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C. Gulmann, J.-P. Puissochet, J. N. Cunha Rodrigues u N. Colneric (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Léger,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-23 ta' Ottubru 2003,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta' Lulju 2001, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ressqet rikors taħt l-Artikolu 226 KE intiż biex jiġi kkonstatat li,
– billi ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-kwalità ta' l-ilma għall-għawm tkun konformi mal-valuri stabbiliti skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/160/KEE, tat-8 ta' Diċembru 1975, dwar il-kwalità ta' l-ilma għall-għawm (ĠU 1976, L 31, p.1, iktar 'il quddiem id-"Direttiva),
– billi ma rrispettatx il-frekwenza minima tat-teħid ta' kampjuni stabbilita fl-Anness ta' l-istess Direttiva u
– billi ma identifikatx iż-żoni interni kollha għall-għawm fil-Portugall,
ir-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1), meħud flimkien ma' l-Artikoli 1(2) u 3, kif ukoll ma' l-Anness ta' din id-Direttiva, u taħt l-Artikolu 6(1) u (2) ta' din id-Direttiva, u sabiex dan l-Istat Membru jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż.
2 Ir-Repubblika Portugiża titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Skond l-ewwel premessa tagħha, id-Direttiva hija intiża sabiex tħares l-ambjent u s-saħħa pubblika permezz tat-tnaqqis fit-tniġġiż ta' l-ilma għall-għawm u biex tħares dan l-ilma minn deterjorament akbar. Għal dan il-għan, numru ta' parametri fiżjokimiċi u mikrobijoloġiċi applikabbli għall-ilma għall-għawm huma stabbiliti fl-Anness ta' din id-Direttiva bħala valuri ta' gwida u valuri obbligatorji li skondhom l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-valuri ta' limitu fir-rigward ta' l-ilma għall-għawm.
4 Skond l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva, din "tikkonċerna l-kwalità ta' l-ilma għall-għawm, bl-eċċezzjoni ta' l-ilma maħsub għal skopijiet terapewtiċi u l-ilma [u]żat fil-pixxini".
5 L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva jipprovdi li:
"Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:
a) 'ilma għall-għawm' ifisser kull ilma ħelu[,] ġieri jew mhux, jew partijiet minnu u ilma baħar, li fihom:
– l-għawm huma awtorizzat b'mod espliċitu mill-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru,
jew
– l-għawm mhux ipprojbit u huma normalment prattikat minn numru kbir ta' għawwiema;
b) 'żona ta' l-għawm' tfisser kull post fejn jinsab l-ilma għall-għawm;
c) 'staġun ta' l-għawm' ifisser il-perijodu meta jiġi mistenni numru kbir ta' għawwiema, minħabba d-drawwiet lokali, u kull regola lokali li tista' teżisti dwar il-kundizzjonijiet ta' l-għawm u tat-temp."
6 Skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, għaż-żoni kollha ta' l-għawm jew għal kull waħda minnhom, il-valuri applikabbli għall-ilma għall-għawm fir-rigward tal-parametri indikati fl-Anness ta' din id-Direttiva. L-Artikolu 3(2) jipprovdi li l-valuri stabbiliti skond l-Artikolu 3(1) ma jistgħux ikunu inqas stretti minn dawk indikati fil-kolonna I ta' l-Anness.
7 Skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex il-kwalità ta' l-ilma għall-għawm tikkonforma mal-valuri ta' limitu stabbiliti taħt l-Artikolu 3 f'terminu ta' għaxar snin min-notifika ta' din id-Direttiva.
8 Minħabba li bassret li l-applikazzjoni tad-Direttiva kienet ħa toħloq numru ta' problemi, meta ssieħbet fil-Komunitajiet Ewropej, ir-Repubblika Portugiża talbet deroga fir-rigward tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Din id-deroga ngħatatilha sa l-1 ta' Jannar 1993 taħt l-Artikolu 395 u taħt il-Parti III, punt 3, ta' l-Anness XXXVI ta' l-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta' l-Adeżjoni tar-Renju ta' Spanja u tar-Repubblika Portugiża u l-aġġustamenti għat-Trattati (ĠU 1985, L 302. p. 23).
9 Skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 4 tagħha, l-ilma għall-għawm għandu jitqies bħala konformi mal-parametri relevanti jekk mill-kampjuni ta' dan l-ilma, meħuda skond il-frekwenza prevista fl-Anness u fl-istess punt tat-teħid tal-kampjuni, jirriżulta li dawn jikkonformaw mal-valuri parametriċi għall-kwalità ta' l-ilma in kwistjoni fil-każ ta' perċentwali ta' dawn il-kampjuni, stabbilita f'dan il-paragrafu.
10 Skond l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jieħdu l-kampjuni bil-frekwenza minima stabbilita fl-Anness ta' din id-Direttiva. Skond l-ewwel u t-tielet sentenzi ta' l-Artikolu 6(2), il-kampjuni għandhom jittieħdu fil-postijiet fejn id-densità medja ta' kuljum ta' l-għawwiema hija l-aktar għolja u t-teħid tal-kampjuni għandu jibda ġimagħtejn qabel il-bidu ta' l-istaġun ta' l-għawm.
11 L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva jipprovdi xi derogi, minn naħa, fil-każ ta' ċerti parametri, stabbiliti fl-Anness tad-Direttiva, minħabba, fost affarijiet oħra, f'ċirkustanzi meteoroloġiċi jew ġeografiċi eċċezzjonali u, min-naħa l-oħra, meta l-ilma għall-għawm jiġi arrikkit b'mod naturali b'ċerti sustanzi li jikkawżaw devjazzjoni mil-limiti stabbiliti fl-imsemmi Anness. Meta Stat Membru jagħmel użu minn deroga, huwa għandu, skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva, jinforma immedjatament lill-Kummissjoni dwar dan filwaqt li jippreċiża r-raġunijiet tiegħu u l-perijodi antiċipati.
12 L-Artikolu 13 tad-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jissottomettu b'mod regolari lill-Kummissjoni, l-ewwel darba erba' snin wara n-notifika tad-Direttiva, rapport komprensiv dwar l-ilma għall-għawm u dwar il-karatteristiċi l-iktar sinifikanti ta' dan l-ilma (iktar 'il quddiem ir-"rapport annwali"). Dan ir-rapport huwa ppreżentat kull sena mill-1 ta' Jannar 1993, id-data meta daħlet fis-seħħ l-emenda ta' l-imsemmi Artikolu 13 permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE, tat-23 ta' Diċembru 1991, biex tistandardizza u tirrazzjonalizza rapporti dwar l-implementazzjoni ta' ċerti direttivi fuq l-ambjent (ĠU L 377, p. 48).
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
13 Id-Direttiva ġiet trasposta fid-dritt Portugiż permezz tad-Digriet Liġi Nru. 74/90, tas-7 ta' Marzu 1990 (Diário da República I, Serje nru. 55 tas-7 ta' Marzu 1990). Dan id-Digriet Liġi ġie mħassar u sostitwit mid-Digriet Liġi Nru. 236/98, ta' l-1 ta' Awwissu 1998 (Diário da República I, Serje A, nru. 176, ta' l-1 ta' Awwissu 1998), li jistabbilixxi, b'mod partikolari, l-valuri applikabbli għall-ilma għall-għawm fir-rigward tal-parametri indikati fl-Anness tad-Direttiva.
14 Skond il-punt 24 ta' l-Artikolu 3 tad-Digriet Liġi Nru. 236/98, l-istaġun ta' l-għawm Portugiż ikopri, fil-kontinent, il-perijodu ta' bejn l-1 ta' Ġunju u t-30 ta' Settembru ta' kull sena, filwaqt li, fir-reġjun awtonomu ta' l-Azores, l-istaġun ta' l-għawm huwa bejn il-15 ta' Ġunju u l-15 ta' Settembru.
15 Il-kunċett ta' "numru kbir ta' għawwiema", użat fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva, huwa ddefinit fil-punt 12 ta' l-Artikolu 3 tad-Digriet Liġi Nru. 236/98 bħala "madwar 100 għawwiem fil-ġurnata matul l-istaġun ta' l-għawm".
Il-proċedura prekontenzjuża
16 Minħabba li qieset, minn naħa, li ċerti żoni ta' l-għawm Portugiżi ma kinux konformi mal-valuri obbligatorji tad-Direttiva u ma kinux jittieħdu kampjuni biżżejjed minn dawn iż-żoni, u min-naħa l-oħra, li r-Repubblika Portugiża ma kinitx identifikat iż-żoni interni kollha ta' l-għawm, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu.
17 Wara li intimat lir-Repubblika Portugiża sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni, fil-11 ta' Diċembru 1998, ħarġet opinjoni motivata fejn stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma' din l-opinjoni f'terminu ta' xahrejn min-notifika ta' l-istess opinjoni. Minħabba li ma kinitx sodisfatta bit-tweġibiet mogħtija mill-awtoritajiet Portugiżi, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
18 Il-Kummissjoni tqajjem tliet ilmenti kontra r-Repubblika Portugiża. Hija jidhrilha li r-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi tagħha fir-rigward tad-Direttiva minħabba li:
– ma rrispettatx in-normi ta' kwalità stabbiliti fid-Direttiva,
– ma identifikatx iż-żoni kollha ta' l-għawm, u
– ma rrispettatx il-frekwenza minima tat-teħid ta' kampjuni.
Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta' rispett tal-valuri ta' limitu obbligatorji stabbiliti fid-Direttiva
L-argumenti tal-partijiet
19 Il-Kummissjoni jidhrilha li r-Repubblika Portugiża ħalliet jeżistu numru sinifikanti ta' żoni ta' l-għawm li l-kwalità ta' l-ilma tagħhom ma tirrispettax il-valuri obbligatorji stabbiliti fid-Direttiva. Dan imur kontra l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva meħud flimkien ma' l-Artikolu 3 ta' l-istess Direttiva.
20 Il-Kummissjoni ssostni li, mit-tabella li tidher fil-punt 2 tar-rapport tal-Kummissjoni dwar l-istaġun ta' l-għawm 1998 jirriżulta li, matul dan l-istaġun, ir-rata ta' nuqqas ta' konformità kienet ta' 10.5% fir-rigward ta' l-ilma ta' mal-kosta u ta' 79.1% fir-rigward ta' l-ilma intern.
21 Ir-rata ta' konformità turi, matul l-istaġun 1998, tnaqqis nett meta mqabbla mas-sena 1997 meta r-rata ta' nuqqas ta' konformità kienet ta' 9.8% u 66.7% għall-ilma ta' mal-kosta u għall-ilma intern rispettivament.
22 Il-Kummissjoni tosserva li, mir-rapport dwar il-kwalità ta' l-ilma għall-għawm matul l-istaġun ta' l-għawm 1999, ippreparat mill-awtoritajiet Portugiżi, jirriżulta li, minkejja titjib, is-sitwazzjoni ma kinitx għadha sodisfaċenti minħabba li 6.1% ta' l-ilma baħar u 21.6% ta' l-ilma ħelu ma kinux konformi mal-valuri obbligatorji.
23 Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li l-ewwel ilment tagħha mhuwiex ibbażat fuq il-figuri li ngħatawlha għall-istaġun ta' l-għawm 2000.
24 Il-Gvern Portugiż isostni li kien hemm titjib sinifikanti u kostanti sa l-1999 fil-Portugall. Dan it-titjib jikkonċerna fl-istess ħin kemm il-karattru suffiċjenti tat-teħid ta' kampjuni kif ukoll il-valuri ta' limitu.
25 Sabiex taffaċċja d-diffikultajiet magħrufa fiż-żoni bi problemi li kienu għadhom jeżistu minkejja dan it-titjib sinifikanti, l-awtoritajiet Portugiżi inkoraġġixxew diversi miżuri korrettivi u preventivi li ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni bi tweġiba għall-opinjoni motivata. Fir-rigward tal-miżuri adottati, il-Gvern Portugiż isemmi, bħala eżempju, il-programm ta' sorveljanza sanitarja taż-żoni ta' l-għawm, li kien indikat fl-ittra tagħha tat-30 ta' April 1999, il-programmi differenti għat-titjib taż-żoni li ma kinux konformi matul kull staġun ta' l-għawm, li kienu annessi ma' kull rapport annwali dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva u li jinkludu x-xogħol ta' purifikazzjoni li kien qiegħed isir jew li kien ippjanat, kif ukoll il-programm ta' attivitajiet intiżi biex iħarsu u biex itejbu l-kwalità ta' l-ilma ta' l-għawm.
26 Il-Gvern Portugiż josserva li r-rata ta' konformità taż-żoni ta' l-għawm mal-kosta laħqet livelli qrib il-medja Ewropea ta' 90%. Fl-1999, il-livelli ta' konformità kienu viċin l-94%.
27 Fir-rigward taż-żoni ta' l-għawm interni, il-Gvern Portugiż jinnota li ma jaqbilx mal-figuri indikati fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-istaġun ta' l-għawm ta' l-1998. Fil-fatt, f'din is-sena, il-perċentwali ta' nuqqas ta' rispett kienet ta' 54% u mhux ta' 79%.
28 Il-Gvern Portugiż jidhirlu li ż-żoni interni ta' l-għawm jippreżentaw problemi li s-soluzzjoni tagħhom hija aktar kumplessa.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
29 Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-eżistenza ta' nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta' kif kienet is-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta' Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-147/00, Ġabra p. I-2387, punt 26).
30 F'dan il-każ, l-opinjoni motivata tat lir-Repubblika Portugiża terminu ta' xahrejn min-notifika tagħha sabiex tikkonforma ruħha magħha. Minħabba li din l-opinjoni motivata ġiet innotifikata fil-11 ta' Diċembru 1998, it-terminu skada fil-11 ta' Frar 1999. Għaldaqstant, l-eżistenza jew le ta' nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata f'din id-data.
31 Minkejja li l-parametri eżatti li l-ilma ta' l-għawm in kwistjoni kellu fil-11 ta' Frar 1999 mhumiex magħrufa, m'hemmx dubju li, meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, il-kwalità ta' dan l-ilma ma kinitx konformi mal-valuri obbligatorji stabbiliti fl-Anness tad-Direttiva. Fil-fatt, fid-dawl tar-rapporti dwar il-kwalità ta' l-ilma ta' l-għawm Portugiz matul l-istaġun ta' l-għawm preċedenti u dak sussegwenti, il-konklużjoni tista' tkun biss li l-kwalità ma kinitx konformi.
32 Għalhekk, mir-rapport dwar il-kwalità ta' l-ilma ta' l-għawm matul l-istaġun ta' l-għawm 1998, ippreparat mill-awtoritajiet Portugiżi stess, jirriżulta li, għall-istaġun ta' l-għawm 1998, l-ilma ta' l-għawm ma kienx jirrispetta kompletament il-valuri obbligatorji stabbiliti fl-Anness tad-Direttiva.
33 Mhux ikkontestat illi, minkejja li kien hemm titjib ċert li hu rikonoxxut mill-Kummissjoni, matul l-istaġun ta' l-għawm 1999, l-ilma ta' l-għawm Portugiż xorta ma kienx kompletament konformi mal-valuri obbligatorji stabbiliti fl-Anness tad-Direttiva.
34 Fir-rigward tal-miżuri u d-diffikultajiet invokati mill-Gvern Portugiż, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jobbliga lill-Istati Membri li jassiguraw li jiġu milħuqa ċerti riżultati biex il-kwalità ta' l-ilma għall-għawm tirrispetta l-valuri obbligatorji tad-Direttiva. Apparti d-derogi li tipprovdi hija stess, din id-Direttiva ma tippermettix lill-Istati Membri li jinvokaw ċirkustanzi partikolari sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta' rispett ta' dan l-obbligu (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta' Frar 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-92/96, Ġabra p. I-505, punt 28, u tal-25 ta' Mejju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-307/98, Ġabra, p. I-3933, punt 49).
35 Il-Gvern Portugiż ma jibbaża ruħu fuq l-ebda deroga prevista fid-Direttiva.
36 Għaldaqstant, l-ewwel ilment tal-Kummissjoni huwa fondat.
Fuq it-tieni ilment, ibbażat fuq l-identifikazzjoni inkompleta taż-żoni interni ta' l-għawm
L-argumenti tal-partijiet
37 Il-Kummissjoni takkuża lill-awtoritajiet Portugiżi li ma identifikawx iż-żoni interni kollha ta' l-għawm skond l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva. Hija tosserva differenza bejn in-numru ta' żoni interni ta' l-għawm identifikati, jiġifieri 26 fl-1998, u n-numru ta' bajjiet fuq ix-xtut tax-xmajjar indikati fi programm operazzjonali sottomess lis-servizzi tagħha mir-Repubblika Portugiża sabiex din tikseb finanzjament Komunitarju, jiġifieri 91.
38 Il-Gvern Portugiż isostni li l-programm ta' titjib ta' bajjiet fuq ix-xtut tax-xmajjar kien intiż biex iż-żoni interni jkollhom postijiet ġodda marbutin ma' attivitajiet rikreattivi u sportivi u, f'dan ir-rigward, ċertament żoni tajbin għall-għawm. Madankollu, skond il-Gvern Portugiż, fl-istess ħin, dan il-programm kien intiż sabiex itejjeb iż-żoni madwar ix-xmajjar mill-aspett ambjentali u mil-lat tal-pajsaġġ. Ħafna minn dawn iż-żoni mhumiex tajbin għall-għawm minħabba f'kundizzjonijiet naturali.
39 Il-Gvern Portugiż josserva li, fiż-żoni ta' ilma ħelu li huma s-suġġett ta' dan il-programm, fejn l-għawm mhux ipprojbit, in-numru ta' għawwiema mhuwiex wieħed konsiderevoli.
40 Il-Gvern Portugiż jenfasizza li n-numru ta' għawwiema fil-ġurnata stabbiliti fid-Digriet Liġi Nru. 236/98 ma jistax jitqies bħala kriterju li għandu jiġi applikat b'mod strett. Dan huwa pjuttost numru indikattiv li l-awtoritajiet Portugiżi għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni biex jipproċedu għal kontroll sanitarju aktar strett, u dan taħt il-kundizzjonijiet definiti f'dan id-Digriet Liġi u skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.
41 Fil-qosor, il-Gvern Portugiż jippreċiża li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li titrasponi d-Direttiva twassal għar-riżultati segwenti:
– meta l-ilma huwa kklassifkat fost l-ilma għall-għawm, l-awtoritajiet Portugiżi jawtorizzaw l-għawm b'mod espliċitu meta l-kwalità ta' l-ilma ma tippreżenta l-ebda riskju għas-saħħa pubblika; iż-żoni kkonċernati mbagħad ikunu s-suġġett tar-rapport annwali dwar il-kwalità ta' l-ilma għall-għawm mibgħut lill-Kummissjoni;
– meta l-ilma ma jkunx ikklassifikat fost l-ilma għall-għawm, iżda jkun użat b'mod regolari min-numru kbir ta' għawwiema, il-kwalità tiegħu hija kkontrollata fid-dawl tal-parametri u tal-frekwenza tat-teħid ta' kampjuni stabbiliti fid-Direttiva; dan l-ilma huwa kklassifikat fost l-ilma għall-għawm meta l-konformità tiegħu ma' dawk il-parametri hija kkonfermata abbażi tar-riżultati ta' mill-inqas kampanja analitika waħda matul l-istaġun ta' l-għawm preċedenti; jekk il-valuri kkonstatati ma jkunux konformi mal-parametri tad-Direttiva, l-għawm huwa pprojbit b'mod espress; dan l-ilma jidher biss fir-rapport annwali dwar il-kwalità ta' l-ilma għall-għawm jekk ikun ġie kklassifikat bħala tali.
42 Abbażi ta' analiżi taż-żoni li huma s-suġġett tal-programm ta' titjib tal-bajjiet fuq ix-xtut tax-xmajjar, il-Kummissjoni tosserva li ż-żoni interni ta' l-għawm huma ġeneralment iffrekwentati min-numru ta' kuljum ta' għawwiema li hu inqas mil-limitu stabbilit mill-awtoritajiet Portugiżi. Għaldaqstant, dawn l-awtoritajiet għadhom ma jinkludux in-numru kollu taż-żoni interni ta' l-għawm.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
43 L-obbligi ta' l-Istati Membri taħt l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva jkopru ż-żoni kollha ta' l-għawm.
44 Skond l-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva, żona ta' l-għawm hija l-post fejn jinstab l-ilma għall-għawm. Mill-Artikolu 1(2)(a) jirriżulta li l-kwalifika ta' ilma għall-għawm tassumi li, fl-ilma elenkat f'dan l-Artikolu, l-għawm jew ikun awtorizzat b'mod espliċitu mill-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru, inkella ma jkunx ipprojbit u jkun normalment ipprattikat min-numru kbir ta' għawwiema.
45 Essenzjalment, il-partijiet mhumiex jaqblu dwar il-kwalifika tal-bajjiet fuq ix-xtut tax-xmajjar li n-numru tagħhom jissupera dak taż-żoni indikati bħala żoni ta' l-għawm.
46 Permezz tar-raġunament tagħha, il-Kummissjoni qiegħda b'mod impliċitu toħloq dubju dwar il-kompatibbiltà tad-Digriet Liġi Nru. 236/98 mad-Direttiva safejn dan jinterpreta l-kunċett tan-numru kbir ta' għawwiema bħala li tikkorrispondi għal madwar 100 għawwiem fil-ġurnata matul l-istaġun ta' l-għawm.
47 Madankollu, matul il-proċedura prekontenzjuża, il-Kummissjoni m'akkużatx lir-Repubblika Portugiża li ma kinitx ittrasponiet korrettament fid-dritt intern l-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva safejn din id-dispożizzjoni tirreferi għal numru kbir ta' għawwiema. Issa, l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni kif ukoll ir-rikors għandhom ikunu bbażati fuq l-istess motivi u raġunijiet (ara s-sentenza ta' l-24 ta' Novembru 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-237/90, Ġabra p. I-5973, punt 20).
48 Għaldaqstant, f'din il-proċedura, il-Kummissjoni ma tistax issostni li l-bajjiet fuq ix-xtut tax-xmajjar iffrekwentati min-numru ta' għawwiema li huwa inqas mil-limitu stabbilit fid-Digriet Liġi Nru. 236/98 u fejn l-għawm la hu awtorizzat u lanqas ma hu projbit b'mod espliċitu ma ġewx identifikati bħala żoni ta' l-għawm fis-sens tad-Direttiva.
49 Ċertament, mid-dokumentazzjoni tal-Gvern Portugiż jirriżulta li l-bajjiet fuq ix-xtut tax-xmajjar mhumiex ikklassifikati fost l-ilma għall-għawm ħlief meta l-konformità tal-parametri ta' dan l-ilma hija kkonfermata abbażi tar-riżultati ta' mill-inqas kampanja analitika waħda matul l-istaġun ta' l-għawm preċedenti, kundizzjoni li mhijiex prevista mid-Direttiva.
50 Madankollu, il-Kummissjoni ma sostnietx li din il-prassi tolqot bajjiet fuq ix-xtut tax-xmajjar li huma ffrekwentati min-numru kbir ta' għawwiema, bħal ma huwa ppreċiżat mil-leġiżlazzjoni Portugiża.
51 Għaldaqstant, it-tieni lment tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta' rispett tal-frekwenza minima tat-teħid ta' kampjuni prevista fid-Direttiva
L-argumenti tal-partijiet
52 Abbażi ta' l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Portugiża li, minkejja li r-rata tat-teħid ta' kampjuni hija ta' 100% kemm fiż-żoni ta' l-għawm fl-ilma baħar kif ukoll fiż-żoni ta' l-għawm fl-ilma ħelu, din ir-rata tikkonċerna biss iż-żoni ta' l-għawm identifikati. Minħabba li ma rrispettatx il-frekwenza minima għat-teħid ta' kampjuni minħabba identifikazzjoni insuffiċjenti ta' l-ilma intern għall-għawm, ir-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi tagħha taħt dan l-Artikolu 6.
53 Il-Gvern Portugiż jakkuża lill-Kummissjoni li din ma sostniet, fl-ebda waqt matul il-proċedura prekontenzjuża, li ma kinitx irrispettat il-frekwenza tat-teħid ta' kampjuni abbażi tar-raġunament imsemmi iktar 'il fuq, jiġifieri fir-rigward ta' l-ilma għall-għawm li ma kienx identifikat. Ir-raġunijiet imsemmija fl-opinjoni motivata u dawk tar-rikors għandhom ikunu identiċi, taħt piena ta' inamissibbiltà. Il-Gvern Portugiż jakkuża lill-Kummissjoni li, f'dan il-każ, biddlet is-suġġett tal-kawża billi fir-rikors invokat argumenti li ma tqajmux matul il-proċedura prekontenzjuża. Hija kisret serjament id-drittijiet tad-difiża tiegħu, li huma prinċipju fundamentali tas-sistema ġuridika Komunitarja.
54 Il-Kummissjoni tfakkar il-punt 11(d) ta' l-opinjoni motivata tagħha li jgħid "għaldaqstant dan ifisser li l-ilma tal-bajjiet fuq ix-xtut tax-xmajjar huma suġġetti għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva safejn il-fatt li l-għawm ma jiġix inkoraġġut ma jfissirx li huwa pprojbit, u għalhekk dawn il-bajjiet għandhom jiġu kklassifikati bħala żoni ta' l-għawm taħt l-Artikolu 1(2)(a) u (b) tad-Direttiva. Dan ifisser ukoll li l-ilma kkonċernat mhuwiex konformi mal-parametri stabbiliti fid-Direttiva" [Traduzzjoni mhux uffiċjali].
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
55 Peress illi t-tielet ilment huwa bbażat fuq in-nuqqas ta' rispett tal-frekwenza minima tat-teħid ta' kampjuni minħabba identifikazzjoni insuffiċjenti ta' l-ilma intern għall-għawm u peress li din is-sentenza ċaħdet it-tieni ilment dwar din l-identifikazzjoni insuffiċjenti, għaldaqstant it-tielet ilment ma jistax jintlaqa'.
56 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, minħabba li ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-kwalità ta' ilma għall-għawm tikkonforma mal-valuri ta' limitu obbligatorji stabbiliti skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva, ir-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) ta' din id-Direttiva, meħud flimkien mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3 u ta' l-Anness tagħha.
57 Il-bqija tar-rikors għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
58 Skond l-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom. Peress li l-Kummissjoni u r-Repubblika Portugiża it-tnejn tilfu parzjalment, hemm lok li jkun deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
taqta’ u tiddeċiedi,
1) Minħabba li ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-kwalità ta' ilma għall-għawm tikkonforma mal-valuri ta' limitu obbligatorji stabbiliti skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/160/KEE, tat-8 ta' Diċembru 1975, dwar il-kwalità ta' l-ilma għall-għawm, ir-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) ta' din id-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3 u ta' l-Anness tagħha.
2) Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.
3) Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Timmermans
Gulmann
Puissochet
Cunha Rodrigues
Colneric
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-15 ta' Lulju 2004.
R. Grass
C. W. A. Timmermans
Reġistratur
President tat-Tieni Awla
* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Full & Egal Universal Law Academy