SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
15 ta' Lulju 2004 (*)
"Politika soċjali – Artikoli 4 u 11 tad-Direttiva 94/45/KE – Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet – Tagħrif lill-impjegati u konsultazzjoni magħhom fl-impriżi fuq skala Komunitarja – Obbligu tat-tmexxija ċentrali li tipprovdi ċertu tagħrif lir-rappreżentanti ta' l-impjegati"
Fil-kawża C-349/01,
li għandha bħala suġġett talba magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Arbeitsgericht Bielefeld (Il-Ġermanja), skond l-Artikolu 234 KE, għal deċiżjoni preliminari fil-kawża quddiem din il-qorti bejn
Betriebsrat der Firma ADS Anker GmbH
u
ADS Anker GmbH,
dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 4 u 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE, tat-22 ta' Settembru 1994, dwar l-istabbiliment ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' tagħrif u ta' konsultazzjoni għall-impjegati (ĠU L 254, p. 64),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn V. Skouris, li qiegħed jeżerċita l-funzjoni ta' President tas-Sitt Awla, C. Gulmann u J.-P. Puissochet, F. Macken (Relatur) u N. Colneric, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Tizzano,
Reġistratur: H. A. Rühl, Amministratur Prinċipali,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:
– għall-Betriebsrat der Firma ADS Anker GmbH, minn I. Seefried, Rechtsanwältin,
– għall-ADS Anker GmbH, minn U. Simdorn, Rechtsanwalt,
– għall-Gvern Ġermaniż minn W.-D. Plessing, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Sack u H. Kreppel, bħala aġenti,
wara li rat ir-rapport għas-seduta,
wara li semgħet it-trattazzjoni ta' Betriebsrat der Firma ADS Anker GmbH, ta' ADS Anker GmbH u tal-Kummissjoni fis-seduta tal-5 ta' Diċembru 2002,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-27 ta' Frar 2003,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta' digriet ta' l-24 ta' Lulju 2001, li wasal il-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta' Settembru ta' wara, bis-saħħa ta' l-Artikolu 234 KE, l-Arbeitsgericht Bielefeld għamlet żewġ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 4 u 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE, tat-22 ta' Settembru 1994, dwar l-istabbiliment ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' tagħrif u ta' konsultazzjoni għall-impjegati (ĠU L 254, p. 64, aktar 'il quddiem id-"direttiva").
2 Dawn id-domandi ġew imqajma fil-kuntest ta' kawża bejn il-Betriebsrat der Firma ADS Anker GmbH (kunsill tax-xogħlijiet tal-kumpannija ADS Anker GmbH, aktar 'il quddiem il-"kunsill tax-xogħlijiet") u l-kumpannija ADS Anker GmbH (aktar 'il quddiem "ADS Anker"), dwar iċ-ċaħda, minn din ta' l-aħħar, tat-talba tal-kunsill tax-xogħlijiet sabiex jingħatalu ċertu tagħrif għat-twaqqif ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Skond il-ħdax-il premessa tad-direttiva:
"[…] għandhom jiġu adottati disposizzjonijiet xierqa sabiex jiżguraw illi l-[impjegati] ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja [jew gruppi ta' impriżi fuq skala Komunitarja] jiġu mgħarrfa u kkonsultati kif jixraq meta jittieħdu deċiżjonijiet illi jaffettwawhom fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn ikunu impjegati"
4 Mit-tnax-il premessa tad-direttiva jirriżulta li, "[…] sabiex jiġi garantit illi l-impjegati ta' l-impriżi jew tal-gruppi ta' l-impriżi f'żewġ Stati Membri jew iktar jiġu mgħarrfa u kkonsultati kif xieraq, huwa meħtieġ illi jitwaqqaf Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew li jinħolqu proċeduri oħra adattati għat-tagħrif u l-konsultazzjoni transnazzjonali ta' l-impjegati".
5 It-tlettax-il premessa tad-direttiva hija fformulata bil-mod segwenti:
"[…] huwa għalhekk meħtieġ illi jkun hemm definizzjoni tal-kunċett ta' impriża tal-kontroll li jkollha x'taqsam biss ma' din id-Direttiva u li ma tippreġudikax id-definizjonijiet tal-kunċetti tal-grupp jew tal-kontroll li jistgħu jiġu adottati fi kwalunkwe test li jrid jiġi abbozzat fil-ġejjieni."
6 Skond l-erbatax-il premessa tad-direttiva:
"il-mekkaniżmi għat-tagħrif u l-konsultazzjoni ta' l-impjegati f’dawn l-impriżi jew il-gruppi għandhom jikkomprendu l-istabbilimenti kollha jew, skond kif ikun il-każ, l-impriżi tal-grupp li jinsabu fl-Istati Membri, mingħajr ma jingħata każ jekk l-impriża jew l-impriża tal-kontroll tal-grupp ikollhomx it-tmexxija ċentrali tagħhom ġewwa jew barra t-territorju ta’ l-Istati Membri."
7 L-Artikolu 1(1) u (2) tad-direttiva jipprovdi li:
"1. L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li ttejjeb id-dritt għat-tagħrif u [għall]-konsultazzjoni ta' l-impjegati fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja.
2. Għal dan l-iskop, għandu jiġi stabbilit Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura ta' tagħrif u konsultazzjoni għall-impjegati f’kull impriża fuq skala Komunitarja u f'kull grupp ta' impriżi fuq skala Komunitarja, jekk mitluba bil-manjiera stabbilita bl-Artikolu 5(1), bil-għan li jgħarrfu u jikkonsultaw ma' l-impjegati skond it-termini, fil-manjiera u bl-effetti mniżżla f'din id-Direttiva."
8 L-Artikolu 2(1)(a) sa (e) tad-direttiva jipprovdi li:
"Għall-għan ta' din id-Direttiva:
(a) 'impriża fuq skala Komunitarja’ tfisser kull impriża b'[ta' l-]inqas 1 000 impjegat ġewwa l-Istati Membri u b'[ta' l-]inqas 150 impjegat f’kull wieħed minn [ta' l-]inqas żewġ Stati Membri;
(b) ‘grupp ta’ impriżi' [j]fisser impriża tal-kontroll u l-impriżi kkontrollati minnha;
(ċ) ‘grupp [ta'] impriżi fuq skala Komunitarja' [j]fisser grupp ta’ impriżi bil-karatteristiċi li ġejjin;
– mill-inqas 1 000 impjegat ġewwa l-Istati Membri
– mill-inqas żewġ gruppi ta’ impriżi fi Stati Membri differenti
u
– mill-inqas impriża ta' grupp b’[ta' l-]inqas 150 impjegat fi Stat Membru u b'[ta' l-]inqas impriża oħra minn grupp b'[ta' l-]inqas 150 impjegat fi Stat Membru ieħor;
(d) 'rappreżentanti ta' l-impjegati' tfisser ir-rappreżentanti ta' l-impjegati provduti bil-liġijiet u/jew il-prattika nazzjonali;
(e) 'tmexxija ċentrali' tfisser it-tmexxija ċentrali ta’ l-impriża fuq skala Komunitarja jew, fil-każ tal-gruppi ta' impriżi fuq skala Komunitarja, ta’ l-impriża tal-kontroll".
9 L-Artikolu 3(1) u (2) tad-direttiva huwa fformulat bil-mod segwenti:
"1. Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, 'impriża tal-kontroll' tfisser impriża li tista' teżerċita influwenza dominanti fuq impriża oħra ('l-impriża kkontrollata') bis-saħħa, per eżempju, tal-propjetà tagħha, il-parteċipazzjoni finanzjarja jew ir-regoli li jirregolawha.
2. L-abilità li teżerċita influwenza dominanti għandha tkun preżunta, mingħajr preġudizzju għal prova kuntrarja, meta, f'relazzjoni ma' impriża oħra direttament jew indirettament:
(a) ikollha l-maġġoranza tal-kapital sottoskritt ta’ din l-impriża
jew
(b) tikkontrolla l-maġġoranza tal-voti marbuta mal-kapital [azzjonarju] maħruġ […] ta' din l-impriża
jew
(ċ) tista' taħtar iktar min-nofs il-membri tal-korpi amministrattivi, ta' tmexxija jew tas-sorveljanza ta' din l-impriża."
10 L-Artikolu 3(6) tad-direttiva jipprovdi li "[i]l-liġi li tapplika sabiex tistabbilixxi jekk impriża tkunx 'impriża tal-kontroll' għandha tkun il-liġi ta' l-Istat Membru li jirregola din l-impriża".
11 L-Artikolu 4(1), (2) u (3) tad-direttiva jipprovdi li:
"1. [It-]tmexxija ċentrali għand[ha] [t]kun responsabbli mill-ħolqien tal-kundizzjonijiet u tal-mezzi meħtieġa għall-istabbiliment ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew ta' proċedura ta' tagħrif u konsultazzjoni, kif provdut fl-Artikolu 1(2), f'impriża fuq skala Komunitarja u fi grupp ta' impriżi fuq skala Komunitarja.
2. Fejn it-tmexxija ċentrali ma tkunx tinsab fi Stat Membru, l-aġent rappreżentant tat-tmexxija ċentrali fi Stat Membru, li jrid jiġi nnominat jekk meħtieġ, għandu jassumi r-responsabbilità li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1.
Fin-nuqqas ta' dan ir-rappreżentant, [it]-tmexxija ta' l-istabbiliment jew ta' l-impriża tal-grupp li [timpjega] l-ikbar numru ta' impjegati f'kull wieħed mill-Istati Membri għandha [t]assumi r-responsabbilità li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1.
3. Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, ir-rappreżentant jew ir-rappreżentanti jew, fin-nuqqas ta' kull rappreżentant minn dawn, [it-tmexxija li ssir referenza għaliha] fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2, għandhom jiġu meqjusa bħala t-tmexxija ċentrali."
12 Skond l-Artikolu 5(1) u (2) tad-direttiva:
"1. Sabiex [j]inkiseb [l-għan] ta' l-Artikolu 1 (1), [it-tmexxija ċentrali] għand[ha] [t]iftaħ in-negozjati sabiex jiġi stabbilit Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura ta' tagħrif u konsultazzjoni fuq l-inizjattiva [tagħha] stess jew fuq it-talba bil-miktub ta' mill-inqas 100 impjegat jew tar-rappreżentanti tagħhom f'[ta'] mill-inqas żewġ impriżi jew stabbilimenti f'[ta'] mill-inqas żewġ Stati Membri differenti.
2. Għal dan l-għan, għandu jitwaqqaf korp speċjali tan-negozjati [...]"
13 Bis-saħħa ta' l-Artikolu 6(1) tad-direttiva, "[it-tmexxija ċentrali] u l-korpi speċjali tan-negozjati għandhom jinnegozjaw fi spirtu ta' kooperazzjoni bil-ħsieb li jilħqu ftehim dwar l-arranġamenti ddettaljati sabiex jimplimentaw tagħrif lil u l-konsultazzjoni ma' l-impjegati provduti fl-Artikolu 1 (1)".
14 L-Artikolu 11(1) sa (3) tad-direttiva jipprovdi li:
"1. Kull Stat Membru għandu jiżgura illi [t-]tmexxija ta' l-istabbilimenti ta' impriża fuq skala Komunitarja u l-korp[i] ta' tmexxija ta' l-impriżi li jagħmlu parti minn grupp ta' impriżi fuq skala Komunitarja li […] jinsabu ġewwa t-territorju tiegħu u r-rappreżentanti ta' l-impjegati tagħhom jew, skond kif ikun il-każ, l-impjegati jimxu skond l-obbligi stabbiliti b'din id-Direttiva, mingħajr ma jingħata każ jekk il-korp ċentrali ta' tmexxija jkunx jinsab fit-territorju tiegħu jew le.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi t-tagħrif dwar in-numru ta' l-impjegati [li jsir riferiment għalih] fl-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) jkun [mogħti] mill-impriżi fuq it-talba tal-partijiet interessati billi tiġi applikata din id-Direttiva.
3. L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-miżuri xierqa fil-każ [li] din id-Direttiva [ma tiġix imħarsa]; b'mod partikolari, għandhom jiżguraw illi jkunu disponibbli l-proċeduri amministrattivi jew ġudizzarji adegwati sabiex jgħinu li jiġu infurzati l-obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva."
15 L-Artikolu 14(1) tad-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw mad-direttiva sa mhux aktar tard mit-22 ta' Settembru 1996, jew għandhom jiżguraw li, sa mhux aktar tard minn din id-data, l-imsieħba soċjali jintroduċu d-dispożizzjonijiet neċessarji permezz ta' ftehim, peress li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex dejjem ikunu f'pożizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti minn din id-direttiva. Huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni immedjatament b'dan.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
16 Id-Direttiva ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż permezz tal-Gesetz über Europäische Betriebsräte (Liġi dwar il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet), tat-28 ta' Ottubru 1996 (BGBl. 1996 I, p. 1548, aktar 'il quddiem l-"EBRG").
17 Bis-saħħa ta' l-Artikolu 2(1) ta' l-EBRG, din il-liġi tapplika għall-impriżi li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-Komunità u li għandhom is-sede tagħhom fit-territorju Ġermaniż kif ukoll il-gruppi ta' impriżi stabbiliti fil-Komunità meta l-impriża li teżerċita il-kontroll tagħhom għandha s-sede tagħha fit-territorju Ġermaniż.
18 Skond l-Artikolu 2(2) ta' l-EBRG:
"Meta t-tmexxija ċentrali ma tkunx tinsab fi Stat Membru iżda jkun hemm tmexxija lokali delegata għall-impriżi jew għall-istabbilimenti li jinsabu fl-Istati Membri, din il-liġi tapplika mill-mument li fih din it-tmexxija lokali delegata tkun stabbilita fit-terrritorju Ġermaniż. Fin-nuqqas ta' tmexxija lokali delegata, din il-liġi tapplika fil-każ li t-tmexxija ċentrali taħtar stabbiliment jew impriża bħala r-rappreżentant tagħha fit-territorju Ġermaniż. Jekk ebda rappreżentant ma jiġi maħtur, din il-liġi tapplika meta jiġu stabbiliti fit-territorju Ġermaniż l-istabbiliment jew l-impriża li timpjega l-akbar numru ta' impjegati, meta mqabbla ma' l-istabbilimenti l-oħra ta' l-impriża jew l-impriżi l-oħra tal-grupp preżenti fl-Istati Membri. L-eżempji ċċitati huma meqjusa bħala ekwivalenti għat-tmexxija ċentrali."
19 L-Artikolu 3(2) ta' l-EBRG jiddefinixxi l-kunċett ta' "grupp ta' impriżi fuq skala Komunitarja" bl-istess mod ta' kif huwa definit fl-Artikolu 2(1)(ċ) tad-direttiva.
20 L-Artikolu 5 ta' l-EBRG, li ġie adottat sabiex jittrasponi l-Artikolu 11 tad-direttiva, jipprovdi li:
"1. It-tmexxija ċentrali għandha tibgħat tagħrif lir-rappreżentanti ta' l-impjegati, fuq talba tagħhom stess, dwar in-numru medju ta' impjegati u t-tqassim tagħhom fl-Istati Membri, fl-impriżi u fl-istabbilimenti, kif ukoll dwar l-istruttura tal-kumpannija jew tal-grupp ta' kumpanniji.
2. Kunsill tax-xogħlijiet jew kunsill ċentrali tax-xogħlijiet jista' jagħmel użu mid-dritt stabbilit fil-paragrafu 1 hawn fuq fir-rigward tat-tmexxija lokali ta' l-istabbiliment jew ta' l-impriża; din ta' l-aħħar għandha tiġbor l-informazzjoni u d-dokumenti neċessarji mingħand it-tmexxija ċentrali sabiex tkun tista' tipprovdi l-informazzjoni mitluba."
21 L-Artikolu 6 ta' l-EBRG jiddefinixxi l-kunċett ta' "impriża tal-kontroll" bl-istess mod kif huwa definit fl-Artikolu 3 tad-direttiva.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
22 Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li ADS Anker, impriża li għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja, tappartjeni għal grupp ta' impriżi fuq skala Komunitarja skond l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-direttiva (aktar 'il quddiem il-"grupp Anker").
23 Il-kumpannija Anker BV, stabbilita fl-Olanda, għandha l-ishma kollha f'ADS Anker u f'impriżi oħra li jappartjenu għall-grupp Anker, stabbiliti fl-Iżvezja, fin-Norveġja, fid-Danimarka, fil-Finlandja, fir-Renju Unit, fl-Olanda, fl-Awstrija, fi Franza, fil-Belġju u fl-Ungerija. Il-kumpannija parent ta' Anker BV, Anker Systems GmbH, hija stabbilita, barra mit-territorju ta' l-Istati Membri, fl-Iżvizzera.
24 Skond id-digriet tar-rinviju, l-impriża membru tal-grupp Anker li timpjega l-akbar numru ta' impjegati fi Stat Membru, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 4(2) tad-direttiva, hija l-impriża RIVA, stabbilita fir-Renju Unit. Din il-kumpannija timpjega madwar 1 000 persuna u ġiet akkwistata minn Anker BV fl-aħħar tas-sena 1999.
25 Skond il-qorti tar-rinviju, it-tmexxija ċentrali tal-grupp hija jew l-impriża RIVA, li tista' tkun ikkunsidrata bħala t-tmexxija ċentrali preżunta skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 4(3) tad-direttiva, jew Anker BV, li tikkostitwixxi t-tmexxija ċentrali ta' l-impriża tal-kontroll skond l-Artikolu 2(1)(e) u l-Artikolu 3(1) tad-direttiva.
26 Fil-grupp Anker ma ġiex stabbilit Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet u lanqas ma ġiet stabbilita proċedura għall-għoti ta' tagħrif lill-impjegati jew ta' konsultazzjoni magħhom.
27 Fuq il-bażi ta' l-Artikolu 5(2) ta' l-EBRG, il-kunsill tax-xogħlijiet ta' ADS Anker talab lil din ta' l-aħħar sabiex tagħtih it-tagħrif previst fil-paragrafu 1 ta' dan l-istess artikolu, kif ukoll l-ismijiet tal-korpi li jirrappreżentaw lill-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom li għandhom jipparteċipaw, f'isem l-impjegati ta' l-impriżi jew ta' dawk ta' l-impriżi kkontrollati minnhom, fit-twaqqif ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet.
28 ADS Anker irrispondiet li kien impossibbli għaliha li tilqa' din it-talba peress li kemm il-kumpannija parent diretta, Anker BV, kif ukoll il-kumpannija parent tal-grupp, Anker Systems GmbH, irrifjutaw li jagħtuha l-informazzjoni mitluba. Barra minn hekk, hija tqis li l-EBRG ma tipprovdix għal dritt għal tagħrif li jista' jintuża kontra impriżi oħra tal-grupp stabbiliti fi Stati Membri oħra.
29 Fid-dawl taċ-ċaħda tat-talba tiegħu għal tagħrif, il-kunsill tax-xogħlijiet ressaq kawża quddiem l-Arbeitsgericht Bielefeld.
30 Din il-qorti tikkonstata li l-prinċipal ma jistax sempliċement jgħid lill-kunsill tax-xogħlijiet sabiex jiġbor l-informazzjoni meħtieġa billi jagħmel riċerka hu stess fir-reġistri tal-kummerċ jew permezz ta' riżorsi oħra. It-tmexxija ċentrali stess hija responsabbli mill-ħolqien tal-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jitwaqqaf Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura sabiex jingħata tagħrif lill-impjegati u l-konsultazzjoni magħhom.
31 Il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għall-argument ta' ADS Anker li fih tgħid li ma kinitx f'pożizzjoni li tipprovdi l-informazzjoni mitluba peress li l-kumpannija Anker BV, bħall-kumpannija parent, Anker Systems GmbH, qiegħda tirrifjuta li tipprovdi t-tagħrif meħtieġ lill-impjegati.
32 L-Arbeitsgericht Bielefeld tikkonstata li, peress li l-EBRG hija liġi nazzjonali, il-kamp ta' applikazzjoni tagħha jista' jkopri biss it-territorju Ġermaniż u hija ma timponiex obbligu fuq l-impriżi membri tal-grupp li mhumiex stabbiliti fil-Ġermanja sabiex jipprovdu ċertu tagħrif lill-impriżi stabbiliti fit-territorju Ġermaniż.
33 Madankollu, skond il-qorti tar-rinviju, l-argument tal-prinċipal, li huwa ma kienx f'pożizzjoni li jipprovdi t-tagħrif mitlub mill-impjegati ma jistax jipprevali jekk, bis-saħħa tal-liġijiet adottati fi Stati Membri oħra sabiex jittrasponu d-direttiva, l-imsemmi prinċipal jista' jġiegħel lit-tmexxija ċentrali stabbilita fi Stat Membru ieħor tittrażmetti t-tagħrif neċessarju lill-impriżi membri tal-grupp stabbiliti fit-territorju Ġermaniż.
34 Madankollu, hija tosserva li d-direttiva ma fihiex dispożizzjoni espressa dwar tali dritt orizzontali għal impriża membru tal-grupp fil-konfront tat-tmexxija ċentrali stabbilita fi Stat Membru ieħor.
35 Peress li l-Arbeitsgericht Bielefeld ikkunsidrat li s-soluzzjoni tal-kawża quddiemha tiddependi fuq interpretazzjoni tad-direttiva, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:
"1) Id-Direttiva 94/45 […], u, b'mod partikolari, l-Artikoli 4 u 11 tagħha, tirrikjedi li impriża li għandha s-sede tagħha fir-Renju Unit […] u li hija kkunsidrata bħala t-tmexxija ċentrali skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 4(3) tad-direttiva jew impriża stabbilita fl-Olanda li tikkostitwixxi t-tmexxija ċentrali ta' l-impriża tal-kontroll skond l-Artikolu 2(1)(e) u l-Artikolu 3(1), tipprovdi lil impriża oħra stabbilita fil-[…] Ġermanja, u li tappartjeni għall-istess grupp ta' impriżi, tagħrif dwar il-kumpanniji u l-istabbilimenti tal-grupp, il-forma ġuridika tagħhom, l-istrutturi tar-rappreżentanza tagħhom u n-numru medju ta' impjegati kif ukoll it-tqassim tagħhom fid-diversi Stati Membri u impriżi?
2) Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta pożittiva għall-ewwel domanda: l-obbligu li jingħata tagħrif jestendi wkoll għall-ismijiet tal-korpi li jirrappreżentaw lill-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom li għandhom jipparteċipaw, f'isem l-impjegati ta' l-impriżi jew ta' dawk ta' l-impriżi kkontrollati minnhom, fit-twaqqif ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet?"
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
36 L-ewwel nett, fir-rigward tad-domanda dwar jekk, skond id-direttiva, hemmx obbligu fuq il-korp tat-tmexxija ċentrali, jew fuq il-preżunta tmexxija ċentrali, li jipprovdi ċertu tagħrif, lil impriża oħra li hija membru tal-grupp, fid-dawl tat-twaqqif ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, il-kunsill tax-xogħlijiet, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jfakkru li, bis-saħħa ta' l-Artikolu 4 tad-direttiva, it-tmexxija ċentrali hija responsabbli mill-ħolqien tal-kundizzjonijiet u l-mezzi neċessarji għat-twaqqif tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet fl-impriżi u l-gruppi ta' impriżi fuq skala Komunitarja. Fil-fehma tagħhom, sabiex id-direttiva tkun effettiva, huwa indispensabbli li t-tmexxija ċentrali ta' impriża jew ta' grupp ta' impriżi tkun obbligata tipprovdi lir-rappreżentanti ta' l-impjegati t-tagħrif li jgħinhom jiddeċiedu jekk għandux jiġi mwaqqaf Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet fl-impriża jew fil-grupp ta' impriżi in kwistjoni u, jekk ikun il-każ, jekk jistax jiġi mwaqqaf il-grupp speċjali ta' negozjati.
37 Skond il-kunsill tax-xogħlijiet, il-fatt li t-tmexxija ċentrali għandha wkoll tikkomunika l-imsemmi tagħrif, skond l-Artikolu 5(2) ta' l-EBRG, meta hija ma tinsabx fil-kamp ta' applikazzjoni territorjali ta' l-EBRG, iżda fi Stat Membru ieħor, jirriżulta mhux biss mid-direttiva iżda wkoll mill-għan li għandu jintlaħaq bit-twaqqif ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, jiġifieri l-għoti ta' tagħrif lill-impjegati u l-konsultazzjoni transnazzjonali magħhom. Jekk l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 5(2) ta' l-EBRG hija limitata għat-territorju Ġermaniż, il-kisba ta' tagħrif mir-rappreżentanti ta' l-impjegati fir-rigward tat-twaqqif ta' Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet tkun aktar diffiċli, u għalhekk l-għan tad-direttiva jkun jista' biss jintlaħaq b'diffikultà, u dan kollu jġib miegħu telf ta' ħin, u proċeduri u spejjeż inutli.
38 Fir-rigward ta' l-obbligi imposti fuq it-tmexxija ċentrali mill-Artikolu 4 tad-direttiva, il-Kummissjoni tikkunsidra li, irrispettivament mill-Istat Membru kkonċernat, huwa irrilevanti jekk l-impjegati tal-grupp jeżerċitawx id-dritt leġittimu tagħhom li jiksbu tagħrif kontra t-tmexxija ċentrali direttament jew permezz ta' impriża li tappartjeni għall-grupp, bħalma huwa l-każ fil-Ġermanja.
39 ADS Anker issostni li, anke jekk l-għan tad-direttiva huwa li tagħmel possibbli t-twaqqif ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, ir-riżultat tagħha ma jistax ikun li ġġiegħel lil kumpannija tressaq rikors kontra l-kumpannija li tikkontrollaha.
40 Jekk il-kunsill tax-xogħlijiet tal-kumpannija kkontrollata ma jirnexxilux jikseb it-tagħrif neċessarju għall-preżentazzjoni ta' talba skond l-Artikolu 5(1) tad-direttiva mingħand din il-kumpannija oħra minħabba li din m'għandhiex dan it-tagħrif, huwa jkollu jeżerċita d-dritt tiegħu għal tagħrif kontra l-kumpannija li tikkontrolla l-grupp, skond id-dispożizzjonijiet adottati għat-traspożizzjoni tad-direttiva fid-dritt nazzjonali.
41 It-tieni nett, fir-rigward tan-natura tat-tagħrif li t-tmexxija ċentrali jew il-preżunta tmexxija ċentrali għandha tipprovdi skond l-obbligu li jingħata tagħrif previst fid-direttiva, kemm il-kunsill tax-xogħlijiet kif ukoll il-Gvern Ġermaniż iqisu li d-direttiva għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni t-tifsira u l-għan tagħha.
42 Skond il-kunsill tax-xogħlijiet, id-dritt għal tagħrif ikopri l-informazzjoni li hija neċessarja sabiex jiġi evalwat jekk ikunx xieraq li jitwaqqaf Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet fl-impriża jew fil-grupp ta' impriżi. Ir-rappreżentanti ta' l-impjegati għandhom ukoll ikunu jistgħu jiksbu t-tagħrif neċessarju sabiex jippreżentaw talba skond l-Artikolu 5 tad-direttiva biex iwaqqfu Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet u jikkostitwixxu l-grupp speċjali ta' negozjati neċessarju għal dan il-għan. Il-fatt li t-talba għal twaqqif ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandha tiġi ppreżentata mill-impjegati jew mir-rappreżentanti tagħhom, f'ta' l-inqas żewġ Stat Membri differenti sabiex jiġi stabbilit kumitat speċjali għan-negozjati jimplika li jeħtieġ li jkun hemm għarfien dwar korpi oħra li jirrappreżentaw lill-impjegati u l-membri tagħhom.
43 Min-naħa l-oħra, ADS Anker issostni li l-ismijiet tal-korpi li jirrappreżentaw lill-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom mhumiex neċessarji sabiex jinbeda l-proċess ta' negozjati bil-għan li jitwaqqaf il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, skond l-Artikolu 5(1) tad-direttiva.
44 Filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenza tad-29 ta' Marzu 2001, Bofrost*, (C-62/99, Ġabra p. I-2579), il-Kummissjoni ssostni li meta, fl-opinjoni tal-qorti li għandha quddiemha talba għal tagħrif, l-ismijiet tal-korpi li jirrappreżentaw lill-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom li għandhom jipparteċipaw, f'isem l-impjegati ta' l-impriża jew l-impjegati ta' l-impriżi kkontrollati minnha, fit-twaqqif ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, jifformaw parti mit-tagħrif li huwa indispensabbli għall-ftuħ tan-negozjati għat-twaqqif ta' tali kunsill jew minn proċedura għall-għoti ta' tagħrif lill-impjegati jew għall-konsultazzjoni transnazzjonali magħhom, hija impriża minn fost dan il-grupp li għandha tipprovdi l-imsemmija data, li hija għandha jew li hija f'pożizzjoni li tikseb, lill-korpi interni ta' rappreżentanza ta' l-impjegati li jagħmlu t-talba.
Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
45 Skond il-ħdax-il premessa u l-Artikolu 1(2) tad-direttiva, l-għan tagħha huwa li tassigura li l-ħaddiema impjegati f'impriżi fuq skala Komunitarja jew fi gruppi ta' impriżi fuq skala Komunitarja jiġu mgħarrfa u kkonsultati tajjeb meta jittieħdu deċiżjonijiet, li jaffettwawhom, fi Stat Membru differenti minn dak li jaħdmu fih.
46 Kif jirriżulta mill-iskema ġenerali tagħha, id-direttiva tipprovdi li t-tagħrif u l-konsultazzjoni transnazzjonali ta' l-impjegati għandhom essenzjalment jiġu assigurati permezz ta' sistema ta' negozjati bejn it-tmexxija ċentrali u r-rappreżentanti ta' l-impjegati (sentenzi Bofrost*, iċċitata aktar 'il fuq, punt 29, u tat-13 ta' Jannar, Kühne & Nagel, C-440/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 40).
47 F'dan ir-rigward, huwa mwaqqaf Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew hija stabbilita proċedura għall-għoti ta' tagħrif lill-impjegati u ta' konsultazzjoni magħhom f'kull impriża fuq skala Komunitarja u f'kull grupp ta' impriżi fuq skala Komunitarja, meta ssir talba f'dan is-sens wara l-proċedura prevista fl-Artikolu 5(1) tad-direttiva.
48 Bis-saħħa ta' din l-aħħar dispożizzjoni tad-direttiva, fil-każ ta' grupp ta' impriżi fuq skala Komunitarja, it-tmexxija ċentrali, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba bil-miktub ta' mill-inqas mitt impjegat, jew tar-rappreżentanti tagħhom f'ta' l-inqas żewġ impriżi jew stabbilimenti li jinsabu f'ta' l-inqas żewġ Stati Membri differenti, għandha tibda n-negozjati sabiex jitwaqqaf Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet bħal dan.
49 Il-grupp speċjali ta' negozjati, li huwa korp li jirrappreżenta lill-impjegati, imwaqqaf skond l-Artikolu 5(2) tad-direttiva, u t-tmexxija ċentrali għandhom, skond l-Artikolu 6(1) ta' l-istess direttiva, jinnegozjaw fi spirtu ta' kollaborazzjoni sabiex jilħqu ftehim dwar id-dettalji neċessarji għat-twaqqif tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet.
50 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li, sabiex id-direttiva tkun tista' tkun effettiva, huwa indispensabbli li l-impjegati kkonċernati jkunu ggarantiti l-aċċess għal ċertu tagħrif li jgħinhom jiddeterminaw jekk għandhomx id-dritt li jeżiġu l-ftuħ tan-negozjati bejn it-tmexxija ċentrali u r-rappreżentanti ta' l-impjegati, peress li tali dritt għal tagħrif jikkostitwixxi kundizzjoni preliminari neċessarja għad-determinazzjoni ta' l-eżistenza ta' impriża jew ta' grupp ta' impriżi fuq skala Komunitarja, li hija stess hi kundizzjoni preliminari għat-twaqqif tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew għall-proċedura għall-għoti ta' tagħrif lill-impjegati u ta' konsultazzjoni transnazzjonali magħhom (sentenzi Bofrost, punti 32 u 33, u Kühne & Nagel, punt 46).
51 Għal dak li jikkonċerna t-twaqqif tali kunsill bħal dan, hija t-tmexxija ċentrali, skond l-Artikolu 4(1) tad-direttiva, li għandha toħloq il-kundizzjonijiet u l-mezzi neċessarji sabiex jiġi mwaqqaf tali kunsill. Din ir-responsabbiltà ġġib magħha l-obbligu li jiġi pprovdut it-tagħrif indispensabbli għall-ftuħ tan-negozjati għat-twaqqif ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħolijiet lir-rappreżentanti ta' l-impjegati (ara s-sentenza Kühne & Nagel, iċċitata aktar 'il fuq, punti 49 u 51).
52 It-tmexxija ċentrali hija dik ta' l-impriża tal-kontroll, jiġifieri l-impriża li tista' teżerċita influwenza dominanti fuq l-impriżi kollha kkontrollati tal-grupp, skond l-Artikolu 3(1) u (2) tad-direttiva. Hija din l-impriża li, bis-saħħa ta' din l-influwenza dominanti, għandha l-possibblità li titlob lill-impriżi l-oħra membri tal-grupp, u li tobbligahom jipprovdulha, it-tagħrif indispensabbli għall-ftuħ ta' l-imsemmija negozjati sabiex tkun tista' tikkomunika dan it-tagħrif lill-imsemmija rappreżentanti (ara, ukoll, f'dan is-sens, is-sentenza Kühne & Nagel, iċċitata aktar 'il fuq, punti 52 et 54).
53 Barra minn hekk, sabiex jiġi ggarantit l-għan tad-direttiva fir-rigward tad-dritt ta' l-impjegati li jkollhom aċċess għall-imsemmi tagħrif, din tipprovdi wkoll li, meta t-tmexxija ċentrali tinsab barra mit-territorju ta' l-Istati Membri, skond l-ewwel u t-tieni paragrafi ta' l-Artikolu 4(2), ir-responsabbiltà tagħha taħt l-Artikolu 4(1) tad-direttiva għandha tiġi assunta jew minn rappreżentant tat-tmexxija ċentrali fi Stat Membru jew inkella, fin-nuqqas ta' tali rappreżentant, mit-tmexxija ċentrali ta' l-istabbiliment jew l-impriża tal-grupp li timpjega l-akbar numru ta' ħaddiema fi Stat Membru, jiġifieri mill-preżunta tmexxija ċentrali.
54 Sabiex jassiguraw l-effettività tad-direttiva, l-impriżi l-oħra membri tal-grupp li jinsabu fl-Istati Membri għandhom l-obbligu li jgħinu lill-preżunta tmexxija ċentrali tissodisfa l-obbligu prinċipali stabbilit fl-Artikolu 4(1) tad-direttiva. Id-dritt ta' din it-tmexxija ċentrali li tirċievi tagħrif indispensabbli jġib miegħu obbligu, fuq it-tmexxija ta' l-impriżi l-oħra membri tal-grupp, li jipprovdulha l-imsemmija tagħrif li għandhom jew li jistgħu jiksbu (sentenza Kühne & Nagel, iċċitata aktar 'il fuq, punt 59).
55 F'dan il-każ, il-kwistjoni essenzjali hija li jiġi stabbilit jekk it-tmexxija ċentrali jew il-preżunta tmexxija ċentrali hijiex ukoll obbligata, skond id-direttiva, li tipprovdi t-tagħrif indispensabbli għall-ftuħ tan-negozjati għat-twaqqif ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet lil impriża kkontrollata tal-grupp, peress li t-talba għat-tagħrif in kwistjoni kienet ġiet ippreżentata mir-rappreżentanti ta' l-impjegati ta' l-imsemmija impriża kkontrollata, u jekk tali impriża għandhiex id-dritt, skond id-direttiva, li teżiġi li jingħatalha dan it-tagħrif.
56 Kemm mill-għan kif ukoll mill-iskema ġenerali tad-direttiva jirriżulta li l-obbligi tat-tmexxija ċentrali jew tal-preżunta tmexxija ċentrali skond l-Artikolu 4(1) tad-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jinkludu kemm l-obbligu ta' l-għoti tat-tagħrif indispensabbli għall-ftuħ tan-negozjati għat-twaqqif ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet direttament lir-rappreżentanti ta' l-impjegati kif ukoll dak ta' l-għoti ta' l-imsemmi tagħrif lir-rappreżentanti ta' l-impjegati mill-intermedjarju ta' l-impriża tagħhom, li hi membru tal-grupp, li kien mingħandha l-ewwel lok li r-rappreżentanti ta' l-impjegati kienu talbu t-tagħrif.
57 Kull interpretazzjoni oħra ta' l-obbligi imposti fuq it-tmexxija ċentrali jew fuq il-preżunta tmexxija ċentrali, skond l-Artikolu 4(1) tad-direttiva, tkun ta' natura tali li ddgħajjef l-effettività tad-direttiva li ssir referenza għaliha mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi, iċċitati aktar 'il fuq, Bofrost* u Kühne & Nagel.
58 Fil-fatt, id-direttiva timponi obbligi fuq l-impriżi kollha membri tal-grupp intiżi sabiex jiffaċilitaw it-twaqqif tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Bofrost*, iċċitata aktar 'il fuq, punti 31 u 35). Kif diġà ġie rrilevat mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tad-direttiva jimplika li l-obbligi li hija tistabbilixxi jkunu sodisfatti b'mod li jippermetti lill-impjegati kkonċernati jew lir-rappreżentanti tagħhom ikollhom aċċess għat-tagħrif neċessarju sabiex ikunu jistgħu jevalwaw jekk għandhomx jew le d-dritt li jeżiġu l-ftuħ tan-negozjati (sentenza Bofrost*, ċċitata aktar 'il fuq, punt 38).
59 Interpretazzjoni restrittiva ta' l-obbligu previst fl-Artikolu 4(1) tad-direttiva, fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika biss għal sitwazzjonijiet fejn ir-rappreżentanti ta' l-impjegati jippreżentaw talbiet għal tagħrif direttament lit-tmexxija ċentrali jew lill-preżunta tmexxija ċentrali, tillimita, mingħajr ġustifikazzjoni, l-applikazzjoni u l-portata ta' l-imsemmija dispożizzjoni, saħansitra tad-direttiva, u tista' anke jkollha l-effett li tiskoraġġixxi lill-impjegati milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom rikonoxxuti mid-direttiva.
60 Għaldaqstant, l-Artikolu 4(1) tad-direttiva jistabbilixxi kemm l-obbligu li jingħata ċertu tagħrif direttament lir-rappreżentanti ta' l-impjegati bil-għan li jitwaqqaf Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet kif ukoll l-obbligu li jingħataw dan it-tagħrif mingħand l-intermedjarju ta' l-impriża membru tal-grupp li rċeviet talba f'dan is-sens mir-rappreżentanti ta' l-impjegati.
61 Barra minn hekk, bis-saħħa ta' l-Artikolu 14(1) tad-direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu d-dispożizzjonijiet kollha neċessarji sabiex, f'kull mument, ikunu jistgħu jiggarantixxu r-riżultati imposti mid-direttiva. Skond l-Artikolu 11(3) tad-direttiva, huma għandhom jipprovdu għal miżuri xierqa fil-każ ta' nuqqas ta' osservanza tad-direttiva u, b'mod partikolari, huma għandhom jassiguraw li jeżistu proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji li jippermettu li l-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva jkunu jistgħu jiġu infurzati. L-għan tad-direttiva jimplika li l-Istati Membri huma obbligati li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiggarantixxu l-implementazzjoni kompluta ta' l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 11 ta' l-imsemmija direttiva (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Kühne & Nagel, iċċitata aktar 'il fuq, punt 61).
62 Fir-rigward tan-natura tat-tagħrif li t-tmexxija ċentrali jew il-preżunta tmexxija ċentrali għandhom jipprovdu skond dan l-obbligu li jingħata tagħrif, qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 11(2) tad-direttiva jsemmi espliċitament l-obbligu ta' l-Istati Membri li jassiguraw li, fuq talba tal-partijiet interessati fl-applikazzjoni tad-direttiva, it-tagħrif fuq in-numru ta' impjegati, imsemmi fl-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tad-direttiva, jingħata mill-impriżi.
63 Sussegwentement, jeżisti obbligu għall-korpi tat-tmexxija ta' l-impriżi l-oħra membri tal-grupp li jinsabu fl-Istati Membri, li jipprovdu lill-preżunta tmexxija ċentrali t-tagħrif indispensabbli għall-ftuħ tan-negozjati għat-twaqqif ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet li jkollhom jew li jkunu f'pożizzjoni li jiksbu (sentenza Kühne & Nagel, iċċitata aktar 'il fuq, punti 64 u 69).
64 Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-punt 58 ta' din is-sentenza, l-għan tad-direttiva jimplika li l-obbligi li tipprovdi għalihom għandhom ikunu sodisfatti b'mod li jippermetti lill-impjegati kkonċernati jew lir-rappreżentanti tagħhom ikollhom aċċess għat-tagħrif neċessarju sabiex ikunu jistgħu jevalwaw jekk għandhomx jew le d-dritt li jeżiġu l-ftuħ tan-negozjati u, jekk ikun il-każ, li jifformulaw it-talba tagħhom għal dan il-għan korrettament (sentenza Bofrost*, iċċitata aktar 'il fuq, punt 38).
65 Minn dan isegwi li t-tagħrif dwar il-kumpanniji u l-istabbilimenti tal-grupp, il-forma ġuridika tagħhom u l-istrutturi ta' rappreżentanza tagħhom, in-numru medju ta' impjegati kif ukoll it-tqassim tagħhom fid-diversi Stati Membri jista' jkun meħtieġ safejn dan it-tagħrif huwa indispensabbli għall-ftuħ tan-negozjati skond l-Artikolu 5(1) tad-direttiva għat-twaqqif ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Kühne & Nagel, ċċitata aktar 'il fuq, punt 70). L-istess japplika għal dak li jikkonċerna t-tagħrif dwar l-ismijiet tal-korpi li jirrappreżentaw lill-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom li għandhom jipparteċipaw, f'isem l-impjegati ta' l-impriżi jew l-impjegati ta' l-impriżi kkontrollati minnhom, fit-twaqqif ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet.
66 Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw, fuq il-bażi ta' l-elementi kollha li jiddisponu minnhom, jekk it-tagħrif mitlub huwiex indispensabbli għall-ftuħ tan-negozjati skond l-Artikolu 5(1) tad-direttiva.
67 Fid-dawl ta' dak li ngħad preċedentement, ir-risposti għad-domandi magħmula għandhom ikunu li l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 11 tad-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri għandhom jimponi, fuq l-impriża li hija stabbilita fit-territorju tagħhom, u li tikkostitwixxi t-tmexxija ċentrali ta' grupp ta' impriżi fuq skala Komunitarja skond l-Artikolu 2(1)(e) u l-Artikolu 3(1) tad-direttiva, jew il-preżunta tmexxija ċentrali, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 4(2) tagħha, l-obbligu li jipprovdu lil impriża oħra ta' l-istess grupp stabbilita fi Stat Membru ieħor it-tagħrif li jkunu talbuha r-rappreżentanti ta' l-impjegati tagħha, meta dan it-tagħrif ma jkunx fil-pussess ta' din l-impriża l-oħra u meta huwa indispensabbli għall-ftuħ tan-negozjati għat-twaqqif ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet.
Fuq l-ispejjeż
68 L-ispejjeż inkorsi mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
b'risposta għad-domandi magħmula lilha mill-Arbeitsgericht Bielefel, permezz ta' digriet ta' l-24 ta' Lulju 2001, taqta' u tiddeċiedi li:
1) L-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE, tat-22 ta' Settembru 1994, dwar l-istabbiliment ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' tagħrif u ta' konsultazzjoni għall-impjegati għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri għandhom jimponi, fuq l-impriża li hija stabbilita fit-territorju tagħhom, u li tikkostitwixxi t-tmexxija ċentrali ta' grupp ta' impriżi fuq skala Komunitarja skond l-Artikolu 2(1)(e) u l-Artikolu 3(1) tad-direttiva, jew il-preżunta tmexxija ċentrali, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 4(2) tagħha, l-obbligu li jipprovdu lil impriża oħra ta' l-istess grupp stabbilita fi Stat Membru ieħor it-tagħrif li jkunu talbuha r-rappreżentanti ta' l-impjegati tagħha, meta dan it-tagħrif ma jkunx fil-pussess ta' din l-impriża l-oħra u meta huwa indispensabbli għall-ftuħ tan-negozjati għat-twaqqif ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet.
Skouris
Gulmann
Puissochet
Macken
Colneric
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-15 ta' Lulju 2004.
R. Grass
V. Skouris
Reġistratur
President
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Full & Egal Universal Law Academy