Kawża T-66/01
Imperial Chemical Industries Ltd
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Kompetizzjoni — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Suq tas-soda fir-Renju Unit — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 82 KE — Preskrizzjoni tas-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi jew sanzjonijiet — Terminu raġonevoli — Forom proċedurali sostanzjali — Awtorità ta’ res judicata — Eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti — Abbuż minn pożizzjoni dominati — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Multa — Gravità u tul tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti”
Sommarju tas-sentenza
1. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Preskrizzjoni fil-qasam ta’ proċedimenti – Sospensjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 2988/74, Artikolu 3)
2. Dritt Komunitarju — Prinċipji — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Kamp ta’ applikazzjoni — Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Proċedura ġudizzjarja — Distinzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli
(Regolament tal-Kunsill Nru 17)
3. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Obbligi tal-Kummissjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli
(Regolament tal-Kunsill Nru 17)
4. Proċedura — Tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali — Terminu raġonevoli — Kriterji ta’ evalwazzjoni
5. Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Kamp ta’ applikazzjoni — Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Portata tal-prinċipju wara l-annullament tal-ewwel deċiżjoni tal-Kummissjoni
(Artikoli 81 KE, 82 KE u 233 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17)
6. Kummissjoni — Prinċipju ta’ kolleġjalità — Portata — Deċiżjoni dwar kompetizzjoni
7. Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Portata — Awtorità assoluta ta’ res judicata
8. Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti
(Artikoli 82 KE, 230 KE u 233 KE)
9. Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Karatterizzazzjoni permezz taż-żamma ta’ sehem estremament importanti tas-suq
(Artikolu 82 KE)
10. Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Tnaqqis li għandu l-effett ta’ dekadenza fuq is-suq — Tnaqqis għal fedeltà
(Artikolu 82 KE)
11. Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Tnaqqis għal kwantità — Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet — Natura abbużiva tas-sistema ta’ tnaqqis
(Artikolu 82 KE)
12. Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Kuntratti għal provvista esklużiva – Tnaqqis għal fedeltà
(Artikolu 82 KE)
13. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni
(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 2988/74)
14. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni — Deċiżjoni li tikkonstata ksur u li timponi multa — Annullament għal difett proċedurali
(Regolament tal-Kunsill Nru 17)
15. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ksur ta’ gravità partikolari
(Artikolu 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))
16. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti — Reċidiva — Kunċett ta’ ksur tal-istess tip — Ksur tal-Artikolu 81 KE, minn naħa, u tal-Artikolu 82 KE, min-naħa l-oħra — Esklużjoni
(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))
17. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Obbligu li mill-ammont tal-multa jitnaqqsu l-ispejjeż sostnuti sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni ta’ deċiżjoni annullata sussegwentement — Assenza
(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))
18. Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Twettiq b’mod intenzjonali — Kunċett
(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15)
19. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur
(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))
20. Kompetizzjoni — Multi — Impożizzjoni — Neċessità li l-impriża tkun ibbenefikat mill-ksur — Assenza — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Ineżistenza ta’ benefiċċju — Esklużjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))
21. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti — Ħabi tal-akkordju — Nuqqas ta’ natura sigrieta li ma jikkostitwixxix ċirkustanza attenwanti
(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))
1. Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74, li jikkonċerna l-perijodi ta’ limitazzjoni [preskrizzjoni] fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-preskrizzjoni fil-proċedimenti għandha tiġi sospiża sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun suġġett għal “proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej”. Dan ir-riferiment għandu jinftiehem, wara l-ħolqien tal-Qorti Ġenerali, bħala intiż fl-ewwel lok għal proċeduri quddiemha, sa fejn ir-rikorsi jimponu sanzjoni jew multi fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha.
Il-preskrizzjoni hija wkoll sospiża għat-tul tal-proċeduri ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Peress li l-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 għandhom kamp ta’ applikazzjoni differenti, in-nuqqas ta’ effett sospensiv ta’ appell ma huwiex tali li jneħħi għal kollox l-effett tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, li jikkonċerna sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni għandha tistenna d-deċiżjoni tal-qorti Komunitarja. Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 jipproteġi lill-Kummissjoni mill-effett tal-preskrizzjoni f’sitwazzjonijiet li fihom hija għandha tistenna d-deċiżjoni tal-qorti Komunitarja, fil-kuntest ta’ proċeduri li fir-rigward tagħhom hija ma tikkontrollax l-iżvolġiment, qabel ma tkun taf jekk l-att ikkontestat huwiex ivvizzjat b’illegalità jew le.
L-argument li, wara annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, din tal-aħħar ma tistax tieħu vantaġġ min-nuqqas tagħha nnifisha billi timponi multa wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, kull annullament ta’ att adottat mill-Kummissjoni huwa neċessarjament attribwibbli lilha, fis-sens li jirrifletti żball min-naħa tagħha. Għaldaqstant, li tiġi eskluża s-sospensjoni tal-preskrizzjoni tal-proċedimenti meta r-rikors iwassal sabiex jirrikonoxxi żball attribwibbli lill-Kummissjoni jneħħi minn kwalunkwe sens l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74. Huwa l-fatt stess li rikors huwa pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali jew il-Qorti tal-Ġustizzja li jiġġustifika s-sospensjoni, u mhux il-konklużjonijiet milħuqa minn dawk il-qrati fis-sentenza tagħhom.
Fl-aħħar nett, jekk il-Kummissjoni kellha tadotta deċiżjoni ġdida wara l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali mingħajr ma tistenna s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżisti riskju li żewġ deċiżjonijiet li jkollhom l-istess suġġett jeżistu flimkien fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Jidher li jmur kontra r-rekwiżiti ta’ ekonomija tal-ġudizzju amministrattiv li fuq il-Kummissjoni tiġi imposta, bl-uniku għan li jiġi evitat li ma jkunx hemm preskrizzjoni, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida qabel ma tkun taf jekk id-deċiżjoni inizjali hijiex ivvizzjata b’illegalità jew le.
Peress li l-preskrizzjoni prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 ġiet sospiża għat-tul kollu tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li kisret il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli talli stenniet id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma adottat deċiżjoni ġdida, peress li dan il-fatt kien ġustifikat mill-osservanza tal-proċeduri ġudizzjarji u tas-sentenzi futuri.
(ara l-punti 73, 74, 77, 82, 85, 86, 88, 89, 132)
2. Fil-kuntest tal-eżami ta’ lment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, għandu jkun hemm distinzjoni bejn proċeduri amministrattivi dwar kompetizzjoni skont ir-Regolament Nru 17 u l-proċeduri ġudizzjarji fil-każ ta’ rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-perijodu li matulu l-qorti Komunitarja teżamina l-legalità tad-deċiżjoni u, fil-każ ta’ appell, il-validità tas-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat it-tul tal-proċeduri quddiem il-Kummissjoni.
(ara l-punt 102)
3. Il-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni fi tmiem proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-kompetizzjoni jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni biss meta din twassal ukoll għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata. Fil-fatt, meta ma jkunx għadu ġie stabbilit li dewmien eċċessiv affettwa l-kapaċità tal-impriżi kkonċernati li jiddefendu ruħhom b’mod effettiv, in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ma jaffettwax il-validità tal-proċeduri amministrattivi.
(ara l-punt 109)
4. Il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jgħid li kull persuna għandha dritt għal smigħ xieraq, li huwa ispirat mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b’mod partikolari d-dritt għal smigħ f’terminu raġonevoli, huwa applikabbli fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi fuq impriża multi għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.
In-natura raġonevoli tat-terminu hija evalwata skont iċ-ċirkustanzi relatati ma’ kull kawża, u b’mod partikolari, skont l-importanza tal-kawża għall-parti kkonċernata, skont il-kumplessità tal-kawża kif ukoll skont l-aġir tar-rikorrent u dak tal-awtoritajiet kompetenti.
F’dan ir-rigward, il-lista ta’ dawn il-kriterji ma hijiex eżawrjenti u l-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli taż-żmien ma teżiġix eżami sistematiku taċ-ċirkustanzi tal-kawża fid-dawl ta’ kull wieħed minnhom meta t-tul tal-proċedura jidher iġġustifikat fir-rigward ta’ wieħed biss. B’hekk, il-kumplessità ta’ kawża tista’ tiġi stabbilita sabiex tiġġustifika terminu li prima facie huwa twil wisq.
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni li t-tul tal-proċeduri kellu effett fuq is-soluzzjoni tal-kawża, skadenza eventwali tat-terminu raġonevoli mill-qorti, anki jekk tiġi kkunsidrata stabbilita, ma għandha ebda effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Din tista’ tiġġustifika l-ħlas ta’ kumpens jekk l-impriża tagħmel it-talba għalih.
(ara l-punti 114, 116, 117)
5. L-annullament ta’ att Komunitarju ma’ jaffettwax neċessarjament l-atti preparatorji, peress li l-proċedura intiża għas-sostituzzjoni tal-att annullat tista’, bħala prinċipju, titkompla fil-punt preċiż meta seħħet l-illegalità.
Peress li difett proċedurali seħħ fl-istadju finali tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tissanzjona impriża għall-ksur tar-regoli Komunitarji ta’ kompetizzjoni, l-annullament ta’ din id-deċiżjoni ma jaffettwax il-validità tal-miżuri preparatorji, li saru qabel l-istadju meta dan id-difett kien ġie kkonstatat. Meta tadotta deċiżjoni ġdida, b’kontenut sostanzjalment identiku u bbażat fuq l-istess oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni għaldaqstant ma hijiex obbligata li tagħmel passi proċedurali ġodda.
B’mod partikolari, ma tistax tiġi kkritikata li ma għamiltx, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida, smigħ mill-ġdid tal-impriża kkonċernata, li ma tatx lir-rikorrenti l-opportunità li tippreżenta mill-ġdid l-argumenti tagħha, jew li ma bagħtitilhiex dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida.
Fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ dritt li jistgħu jitqajmu fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 233 KE, bħal dawk relatati mad-dekorriment taż-żmien, mal-possibbiltà ta’ tkomplija tal-proċedimenti, mal-aċċess għall-fajl li huwa inerenti għat-tkomplija tal-proċeduri, mal-intervent tal-uffiċjal tas-seduta u mal-Kumitat Konsultattiv kif ukoll ma’ implikazzjonijiet eventwali tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 17, dawn ma jirrikjedux smigħ mill-ġdid, sakemm dawn ma jbiddlux il-kontenut tal-oġġezzjonijiet, peress li huma biss suġġetti, jekk ikun il-każ, għal stħarriġ ġudizzjarju ulterjuri.
Barra minn hekk, peress li seduta ġdida ma kinitx neċessarja, intervent ġdid tal-uffiċjal tas-seduta ma kienx iktar meħtieġ. Fil-fatt, mill-kontenut stess tal-missjoni fdata lill-uffiċjal tas-seduta jirriżulta li l-intervent tiegħu kien neċessarjament marbut mas-smigħ tal-impriżi, fil-perspettiva ta’ deċiżjoni eventwali.
Barra minn hekk, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda tibdil sostanzjali meta mqabbla mad-deċiżjoni annullata, il-Kummissjoni, li ma hijiex obbligata li tisma’ mill-ġdid lill-impriża kkonċernata, lanqas ma hija obbligata li tikkonsulta mill-ġdid il-Kumitat Konsultattiv fuq il-Prattiki Ristrettivi u l-Monopolji.
Għall-istess raġunijiet, il-fajl ippreżentat lill-Kulleġġ tal-Kummissarji ma għandux jinkludi, b’mod partikolari, rapport ġdid mill-uffiċjal tas-seduta u rapport ġdid tal-konsultazzjoni tal-kumitat konsultattiv.
(ara l-punti 125, 126, 134, 135, 151, 153, 154, 161, 162, 168, 174)
6. Il-prinċipju ta’ kolleġjalità huwa bbażat fuq l-ugwaljanza tal-membri tal-Kummissjoni fil-parteċipazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u jimplika b’mod partikolari li d-deċiżjonijiet jiġu deliberati flimkien u l-membri kollha tal-kulleġġ għandhom ikunu kollettivament responsabbli, mill-aspett politiku, għad-deċiżjonijiet kollha meħuda. L-osservanza ta’ dan il-prinċipju, u speċjalment in-neċessità li d-deċiżjonijiet ikunu ddeliberati flimkien, jinteressa b’mod partikolari s-suġġetti ta’ dritt ikkonċernati mill-effetti legali li huma jipproduċu, fis-sens li huma għandhom jiġu żgurati li dawn id-deċiżjonijiet kienu effettivament ittieħdu mill-kulleġġ u jikkorrispondu eżattament għar-rieda tiegħu. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-atti, ikkwalifikati espressament bħala deċiżjonijiet, li l-Kummissjoni għandha tadotta kontra impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi sabiex jiġu osservati r-regoli tal-kompetizzjoni u li għandhom bħala għan il-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dawn ir-regoli, li jingħataw ordnijiet fir-rigward ta’ dawn l-impriżi u li jiġu imposti sanzjonijiet pekunjarji fil-konfront tagħhom.
Is-sempliċi fatt li stqarrija għall-istampa li ma ħarġitx mill-Kummissjoni u li ma għandha ebda natura uffiċjali turi dikjarazzjoni magħmula minn kelliem tal-Kummissjoni li tispeċifika d-data li fiha ser tingħata deċiżjoni dwar kompetizzjoni u l-kontenut tagħha, ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ kolleġjalità. Peress li l-Kulleġġ tal-Kummissarji ma kien marbut bl-ebda mod b’din id-dikjarazzjoni, huwa seta’ jiddeċiedi, wara deliberazzjoni konġunta, li ma jadottax tali deċiżjoni.
(ara l-punti 175-178)
7. Sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tal-liġi u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa essenzjali li ma jkunx possibbli li jitqajmu dubji fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ntużaw ir-rimedji kollha disponibbli għal appell jew wara li jkunu skadew it-termini previsti għal appell.
Peress li l-awtorità ta’ res judicata ta’ sentenza tista’ tostakola l-ammissibbiltà ta’ rikors jekk ir-rikors li kien ta lok għas-sentenza kkonċernata kien jinvolvi l-istess partijiet, ittratta l-istess oġġett u kellu l-istess bażi legali, dawn il-kundizzjonijiet għandhom neċessarjament natura kumulattiva L-awtorità ta’ res judicata hija konnessa biss mal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi permezz tad-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni.
(ara l-punti 196-198)
8. L-istituzzjoni li l-att tagħha ġie annullat hija obbligata biss fil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament. Il‑proċedura intiża li tissostitwixxi l-att annullat għandha bħala regola ġenerali titkompla mill-punt preċiż li fih saret l-illegalità.
Meta deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissanzjona impriża minħabba abbuż ta’ pożizzjoni dominanti hija annullata minħabba li l-awtentikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni saret wara n-notifika tagħha, li kien jikkostitwixxi ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 230 KE, il-Kummissjoni tista’ tkompli l-analiżi tagħha fl-istadju tal-awtentikazzjoni, mingħajr il-bżonn li teżamina jekk il-konklużjonijiet dwar is-suq rilevanti li hija kienet siltet matul l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni għadhomx validi fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni. Il-kunsiderazzjoni li tgħid li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tirriżulta minn analiżi tal-istruttura tas-suq u tal-kompetizzjoni li tipprevali fil-mument tal‑adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ kull deċiżjoni ma timplikax li l-Kummissjoni għandha fil-każijiet kollha tagħmel analiżi ġdida tas-suq rilevanti fil-mument tal‑adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni ma hijiex b’mod partikolari obbligata twettaq analiżi bħal din peress li ma hijiex meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza li tannulla d-deċiżjoni.
(ara l-punti 243-245)
9. Il-pożizzjoni dominanti msemmija mill-Artikolu 82 KE tikkonċerna sitwazzjoni ta’ saħħa ekonomika miżmuma minn impriża li tagħtiha s-setgħa li tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq inkwistjoni billi tagħtiha l-possibbiltà li taġixxi b’mod indipendenti b’mod kunsiderevoli fir-rigward tal-kompetituri tagħha, tal-klijenti tagħha u, finalment, tal-konsumaturi. Tali pożizzjoni, b’differenza ta’ sitwazzjoni ta’ monopolju jew ta’ kważi monopolju, ma teskludix l-eżistenza ta’ ċerta kompetizzjoni, iżda tippermetti lill-impriża li tgawdi minnha f’pożizzjoni li tiddeċiedi, jew għall-inqas li tinfluwenza b’mod kunsiderevoli l-kundizzjonijiet li taħthom il-kompetizzjoni ser tiżviluppa u, fi kwalunkwe każ, li ġġib ruħha ħafna drabi mingħajr ma jkollha teħodha inkunsiderazzjoni u mingħajr għaldaqstant ma tiġi ppreġudikata minn din l-attitudni.
L-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tirriżulta b’mod ġenerali mill-għaqda ta’ diversi elementi li, meħuda waħedhom, ma humiex neċessarjament determinanti. L-eżami tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fis‑suq rilevanti għandu jsir billi l-ewwel nett tiġi eżaminata l-istruttura tagħha u sussegwentement is-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq ikkonċernat.
Ishma mis-suq kbar ħafna jikkostitwixxu minnhom infushom, u ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, il-pussess ta’ sehem mis-suq kbir ħafna jqiegħed lill-impriża li żżommu matul perijodu partikolari, permezz tal-volum ta’ produzzjoni u tal-offerta li hija tirrappreżenta - mingħajr ma l-possessuri ta’ ishma kunsiderevolment inqas ikunu f’pożizzjoni li jissodisfaw malajr it-talba li huma jixtiequ jieħdu mill-impriża li għandha s-sehem kunsiderevolment ikbar -, f’sitwazzjoni ta’ saħħa li minnha tirriżulta sħubija obbligatorja u li, anki minħabba dan il-fatt, tiżguralha, tal-inqas matul perijodi relattivament twal, l-indipendenza ta’ aġir karatteristiku tal-pożizzjoni dominanti.
Bl-istess mod, sehem mis-suq minn 70 % sa 80 % jikkostitwixxi, minnu nnifsu, indikazzjoni ċara tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Bl-istess mod, sehem mis-suq ta’ 50 % jikkostitwixxi minnu nnifsu, u ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti.
(ara l-punti 254-257)
10. Sistema ta’ tnaqqis li għandha bħala effett l-esklużjoni mis-suq titqies li tmur kontra l-Artikolu 82 KE jekk tiġi applikata minn impriża f’pożizzjoni dominanti. Dan huwa l-każ ta’ tnaqqis għal fedeltà li jingħata bħala korrispettiv ta’ impenn tal-klijent li jikseb il-bżonnijiet tiegħu esklużivament jew kważi esklużivament mingħand impriża f’pożizzjoni dominanti. Tali tnaqqis iwassal, fil-fatt, sabiex jostakola, permezz tal-għoti ta’ vantaġġi finanzjarji, il-fornitura tal-klijenti mingħand produtturi kompetituri. Billi jwaqqaf l-aċċess għas-suq lil kompetituri, l-aġir ta’ tali impriża jista’ jkollu riperkussjonijiet fuq il-flussi tal-kummerċ u fuq il-kompetizzjoni fis-suq komuni.
(ara l-punti 296, 297, 337)
11. Is-sistemi ta’ tnaqqis kwantitattivi, marbuta esklużivament mal-volum tax-xiri mingħand impriża f’pożizzjoni dominanti, ġeneralment jitqiesu li ma għandhomx effett ta’ esklużjoni pprojbit mill-Artikolu 82 KE. Jekk iż-żieda tal-kwantità pprovduta tissarraf f’inqas spejjeż għall-fornitur, dan fil-fatt għandu d-dritt li jagħti benefiċċju lill-klijent tiegħu b’dan it-tnaqqis permezz ta’ tariffa iktar favorevoli. It-tnaqqis tal-kwantità għalhekk suppost għandu jirrifletti żieda ta’ effiċjenza u ekonomiji fil-kobor imwettqa mill-impriża f’pożizzjoni dominanti.
Minn dan isegwi li sistema ta’ tnaqqis li r-rata ta’ tnaqqis tiżdied skont il-volum mixtri ma tiksirx l-Artikolu 82 KE, ħlief jekk il-kriterji u l-kundizzjonijiet ta’ għoti tat-tnaqqis juru li s-sistema ma tistrieħx fuq korrispettiv ekonomikament ġustifikat, iżda twassal, permezz ta’ tnaqqis għal fedeltà u ta’ objettiv, sabiex tostakola l-fornitura tal-klijenti mingħand produtturi kompetituri.
Sabiex tiġi ddeterminata l-eventwali natura abbużiva ta’ sistema ta’ tnaqqis kwantitattiv, għandhom għalhekk jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha, u b’mod partikolari l-kriterji u l-kundizzjonijiet ta’ għoti tat-tnaqqis, u li jiġi eżaminat jekk it-tnaqqis iwassalx, permezz ta’ vantaġġ li ma jistrieħ fuq ebda prestazzjoni ekonomika li tiġġustifikah, li jitneħħa lix-xerrej, jew li jkun hemm restrizzjoni fir-rigward tiegħu, il-possibbiltà ta’ għażla f’dak li jikkonċerna s-sorsi ta’ provvista tiegħu, li jiġi miċħud l-aċċess tas-suq lill-kompetituri, u li jiġu applikati lis-sħab kummerċjali kundizzjonijiet mhux ugwali għal prestazzjonijiet ekwivalenti jew li tiġi msaħħa l-pożizzjoni dominanti permezz ta’ kompetizzjoni distorta.
(ara l-punti 298-300)
12. Għal impriża li ssib ruħha f’pożizzjoni dominanti f’suq, il-fatt li torbot xerrejja - anki jekk fuq it-talba tagħhom - permezz ta’ obbligu jew ta’ wegħda li jiksbu l-bżonnijiet kollha tagħhom jew parti kunsiderevoli mill-bżonnijiet tagħhom esklużivament mingħand l-imsemmija impriża jikkostiwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE, kemm jekk l-obbligu inkwistjoni huwa stipulat mingħajr kwalifika oħra, kemm jekk dan ikollu l-korrispettiv tiegħu fl-għoti ta’ tnaqqis. L-istess iseħħ meta din l-impriża, mingħajr ma torbot lix-xerrejja permezz ta’ obbligu formali, tapplika, jew skont ftehim magħmul ma’ dawn ix-xerrejja, jew inkella unilateralment, sistema ta’ tnaqqis għal fedeltà, jiġifieri tnaqqis marbut mal-kundizzjoni li l-klijent jikseb esklużivament il-bżonnijiet kollha tiegħu jew parti kbira minnhom mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, l-impenji ta’ kisba esklużiva ta’ bżonnijiet ta’ din in-natura, bi jew mingħajr il-korrispettiv ta’ tnaqqis jew l-għoti ta’ tnaqqis għal fedeltà sabiex ix-xerrej jiġi inċentivat jikseb esklużivament mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti, huma inkompatibbli mal-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni peress li dawn ma jibbażawx fuq prestazzjoni ekonomika li tiġġustifika din l-impożizzjoni jew dan il-vantaġġ, iżda li għandha tendenza li ċċaħħad lix-xerrej, jew li tirrestrinġi fir-rigward tiegħu, il-possibbiltà ta’ għażla f’dak li jikkonċerna s-sorsi ta’ kisba tiegħu ta’ bżonnijiet u li tostakola l-aċċess tas-suq lill-produtturi.
(ara l-punt 315)
13. Fid‑determinazzjoni tal-ammont tal-multi għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il‑Kummissjoni ma għandhiex tieħu biss inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur u ċ‑ċirkustanzi partikolari tal-każ, iżda wkoll il-kuntest li fih twettaq dan il-ksur u għandha tħares sabiex l-azzjoni tagħha tkun ta’ natura dissważiva, speċjalment għat-tipi ta’ ksur partikolarment dannużi għat-twettiq tal-għanijiet tal-Komunità. Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni fl‑osservanza tar-Regolament Nru 2988/74, li jikkonċerna l-perijodi ta’ limitazzjoni [preskrizzjoni] fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet fil-qasam tad-dritt ta’ kompetizzjoni, kif ukoll tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, ma tistax tiġi kkritikata talli damet sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata. F’tali ċirkustanzi, ma hemmx lok li tiġi annullata multa, imposta permezz ta’ deċiżjoni adottata wara l-annullament tal-ewwel deċiżjoni, minħabba ż-żmien li ddekorra bejn l-adozzjoni taż-żewġ deċiżjonijiet.
(ara l-punti 354, 355)
14. Ġaladarba deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar kompetizzjoni tiġi annullata minħabba difett proċedurali, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tadotta deċiżjoni ġdida, mingħajr ma tinbeda proċedura amministrattiva ġdida. Peress li l-kontenut tad-deċiżjoni ġdida huwa kważi identiku għal dak tad-deċiżjoni preċedenti u li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet huma bbażati fuq l-istess motivi, id-deċiżjoni l-ġdida hija suġġetta, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa, għar-regoli fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni preċedenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni tkompli l-proċedura fl-istadju fejn l-iżball ta’ proċedura twettaq u, mingħajr ma tagħmel evalwazzjoni ġdida tal-każ fid-dawl ta’ regoli li ma kinux jeżistu fi żmien l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni.
(ara l-punti 366-368)
15. Sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur tar-regoli Komunitarji imputabbli lil impriża, sabiex jiġi stabbilit ammont ta’ multa li jkun proporzjonali miegħu, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni t-tul partikolarment twil ta’ ċertu ksur, tan-numru u tad-diversità tal-ksur, li kkonċerna l-prodotti kollha jew kważi kollha tal-impriża inkwistjoni u fejn ċerti elementi tiegħu affettwaw l-Istati Membri kollha, tal-gravità partikolari ta’ ksur li jaqa’ taħt strateġija deliberata u koerenti intiża, permezz ta’ prattiki eliminatorji diversi fir-rigward tal-kompetituri u premezz ta’ politika ta’ fedeltà tal-klijenti, li żżomm artifiċjalment jew li ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tal-impriża fis-swieq fejn il-kompetizzjoni kienet diġà limitata, tal-effetti ta’ abbuż partikolarment dannuż mill-perspettiva tal-kompetizzjoni u tal-vantaġġ meħud mill-impriża mill-ksur tagħha.
Il-Kummissjoni tista’, ġustament, tikkwalifika bħala partikolarment gravi l-prattiki ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li, meta tagħti tnaqqis fuq it-tunnellaġġ marġinali lill-klijenti tagħha u meta tikkonkludi ftehim ta’ fedeltà magħhom, tagħlaq għal żmien twil il-possibbiltajiet ta’ bejgħ lill-kompetituri tagħha kollha u tagħmel ħsara fit-tul fl-istruttura tas-suq, għad-detriment tal-konsumaturi.
(ara l-punti 370, 372, 374)
16. L-analiżi tal-gravità ta’ ksur tar-regoli Komunitarji ta’ kompetizzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni reċidiva eventwali. Il-kunċett ta’ reċidività, hekk kif inhu mifhum f’ċertu numru ta’ sistemi legali nazzjonali, jimplika li persuna tkun wettqet ksur mill-ġdid wara li kienet ġiet sanzjonata għal ksur simili. Il-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA għandhom l-istess sens meta jirreferu għal “ksur tal-istess tip”. Il-Kummissjoni ma tistax għalhekk tikkunsidra ċirkustanza aggravanti għal reċidiva kontra impriża li tuża b’mod abbużiv l-pożizzjoni dominanti li hija għandha fis-suq fis-sens tal-Artikolu 82 KE minħabba prattiki ta’ kollużjoni minn qabel marbuta mal-Artikolu 81, li barra minn hekk huma differenti ħafna minn dak li wassal għall-ksur tal-Artikolu 82 KE.
(ara l-punti 377-381)
17. Fil-qasam tal-kompetizzjoni, meta impriża tagħmel spejjeż sabiex jiġu kkostitwiti garanziji għall-ħlas ta’ multa imposta fid-deċiżjoni li hija sussegwentement annullata mill-qorti Komunitarja u sabiex jiġi stabbilit li din id-deċiżjoni kienet illegali, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tieħu dawn l-ispejjeż inkunsiderazzjoni meta tistabbilixxi l-multa fid-deċiżjoni adottata wara s-sentenza ta’ annullament, peress li l-impriża tista’ titlob ir-rimbors tagħhom b’rikors għad-danni.
(ara l-punt 383)
18. Sabiex ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat jista’ jiġi kkunsidrat bħala li twettaq b’mod intenzjonali, ma huwiex neċessarju li l-impriża tkun taf li qed tikser projbizzjoni stabbilita minn dawn ir-regoli; huwa suffiċjenti li hija ma setgħetx tinjora li l-aġir illegali kellu l-għan jew l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq komuni.
(ara l-punt 412)
19. L-elementi li jaqgħu taħt l-għan ta’ aġir jistgħu jkunu iktar importanti għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa minn dawk relatati mal-effetti tiegħu.
(ara l-punt 435)
20. Għalkemm l-ammont tal-multa imposta għal ksur tar-regoli Komunitarji għandu jkun proporzjonali mat-tul tal-ksur u mal-elementi oħra li jistgħu jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, fosthom il-profitt li l-impriża kkonċernata setgħet tieħu mill-prattiki tagħha, il-fatt li impriża ma għamlet ebda qliegħ mill-ksur ma jistax jipprekludi l-impożizzjoni ta’ multa, inkella din tal-aħħar titlef mill-effett dissważiv tagħha. B’hekk il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, sabiex tiffissa l-ammont tal-multi, li tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ qligħ mill-ksur inkwistjoni. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ vantaġġ finanzjarju marbut mal-ksur ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti.
(ara l-punt 443)
21. Il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra n-natura sigrieta bħala ċirkustanza aggravanti fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur skont l-Artikoli 81 KE jew 82 KE. Madankollu ma jistax jiġi dedott li n-nuqqas ta’ natura sigrieta jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.
(ara l-punti 446, 447)
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)
25 ta’ Ġunju 2010 (*)
“Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq tas-soda fir-Renju Unit – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 82 KE – Preskrizzjoni tas-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi jew sanzjonijiet – Terminu raġonevoli – Forom proċedurali sostanzjali – Awtorità ta’ res judicata – Eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti – Abbuż minn pożizzjoni dominati – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Multa – Gravità u tul tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti”
Fil-Kawża T‑66/01,
Imperial Chemical Industries Ltd, li kienet Imperial Chemical Industries plc, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata inizjalment minn D. Vaughan, D. Anderson, QC, S. Lee, barrister, S. Turner, S. Berwick u R. Coles, solicitors, sussegwentement minn Vaughan, Lee, Berwick u S. Ford, barrister,
rikorrenti,
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u P. Oliver, bħala aġenti, assistiti minn J. Flynn, QC, u C. West, barrister,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/7/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2000, dwar proċediment skont l-Artikolu 82 [KE] (Każ COMP/33.133 – D : Kaorbonat tas-soda – ICI) (ĠU 2003, L 10, p. 33), u, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),
komposta minn A. W. H. Meij, President, V. Vadapalas (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,
Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 Ir-rikorrenti, Imperial Chemical Industries Ltd, li kienet Imperial Chemical Industries plc, hija kumpannija taħt id-dritt tar-Renju Unit attiva fil-qasam tal-kimika. Hija kienet tipproduċi fil-mument tal-fatti b’mod partikolari l‑karbonat tas-sodju.
2 Il-karbonat tas-sodju jew huwa preżenti fin-natura fil-forma ta’ mineral tat-trona (soda naturali), jew jinkiseb permezz ta’ proċess kimiku (soda sintetika). Is-soda naturali tinkiseb permezz tat-tifrik, tal-purifikazzjoni u tal-kalċinazzjoni tal-mineral tat-trona. Is-soda sintetika tiġi mir-reazzjoni tal-melħ ordinarju u tal-kalċju permezz tal-proċess kimiku “ammonja-soda ”, żviluppat mill-aħwa Solvay fl-1863.
3 F’April 1989 il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej wettqet investigazzjonijiet għand diversi produtturi tal-karbonat tas-sodju tal-Komunità, skont l‑Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-Ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tal-fatti.
4 Fid-19 ta’ Ġunju 1989, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lir-rikorrenti skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, li r-rikorrenti rrispondiet fl-14 ta’ Settembru 1989.
5 Fid-19 ta’ Frar 1990, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċeduri ex officio kontra r-rikorrenti, kontra Solvay u kontra Chemische Fabrik Kalk (iktar ’il quddiem “CFK”), skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17.
6 Fit-13 Marzu 1990, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet lir-rikorrenti, lil Solvay u lil CFK. Kull waħda minn dawn il-kumpanniji rċeviet biss il-parti jew il-partijiet tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar il-ksur li kien jikkonċernaha, li magħhom kienu mehmuża l-provi kontrihom.
7 Il-Kummissjoni stabbilixxiet fajl wieħed għall-ksur kollu kopert mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.
8 F’dak li jikkonċerna din il-kawża, il-Kummissjoni kkonkludiet taħt it-Titolu V tat-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li r-rikorrenti kienet abbużat mill‑pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tal-karbonat tas-sodju fir-Renju Unit.
9 Fil-31 ta’ Mejju 1990, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha b’risposta għall-oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni. Hija nstemgħet mill-Kummissjoni fis-26 u s-27 ta’ Ġunju 1990.
10 Fid-19 ta’ Diċembru 1990, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 91/300/KEE, dwar proċedura skont l-Artikolu [82 KE] (IV/33.133 – D : Karbonat tas-sodju – ICI) (ĠU 1991, L 152, p. 40). F’din id-deċiżjoni, innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tal-1 Marzu 1991, hija kkonstatat li “[r-rikorrenti kienet] kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [82 KE] sa minn madwar l-1983 sa llum permezz ta’ mġiba li teskludi jew tillimita ħafna l-kompetizzjoni u li tikkonsisti [...] f’li tagħti tnaqqis sostanzjali u inċentivi finanzjarji oħra relatati ma’ tunnellaġġ marġinali sabiex tiżgura li l-klijent jikseb id-domanda kollha tiegħu jew parti kunsiderevoli tagħha mingħand[ha, li] jiżgura l-ftehim tal-klijenti li jixtru mingħand[ha] sabiex ikopru d-domanda kollha tagħhom jew kważi d-domanda kollha tagħhom mill-kompetituri għal kwantità speċifika [u,] f’mill-inqas każ wieħed, li jissuġġetta l-għoti ta’ tnaqqis u benefiċċji finanzjarji oħra għall-ftehim tal-klijent li jixtri minngħand[ha] għad-domanda kollha tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
11 Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 91/300, “multa ta’ ECU [għaxar] miljun [ġiet] imposta fuq [ir-rikorrenti] minħabba l-ksur [ikkonstatat]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
12 Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat ukoll id-Deċiżjoni 91/297/KEE, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/33.133 – A : Karbonat tas‑sodju – Solvay, ICI) (ĠU 1991 L 152, p. 1), li fiha kkonstatat li “Solvay u [r-rikorrenti] [kienu] kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [81 KE] peress li ħadu sehem, mill-1 ta’ Jannar 1973 [u] sa mill-inqas il-bidu ta’ dawn il-proċeduri, fi prattika miftiehma li biha huma llimitaw il-bejgħ tagħhom tas-soda fil-Komunità għas-swieq interni rispettivi tagħhom, jiġifieri l-Ewropa tal-Punent kontinentali għal Solvay u r-Renju Unit u l-Irlanda għar-[rikorrenti]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Solvay u r-rikorrenti kienu kkundananti multa ta’ ECU 7 miljun rispettivament.
13 Fl-istess jum, il-Kummissjoni, barra minn hekk adottat id-Deċiżjoni 91/298/KEE, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/33.133 – B: Karbonat tas-sodju – Solvay, CFK) (ĠU 1991, L 152, p. 16), li fiha hija kkonstatat li “Solvay u CFK [kienu] kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [81 KE], billi pparteċipaw sa minn madwar l-1987 sa llum, għal ftehim ta’ qsim tas-suq li permezz tiegħu Solvay iggarantiet lil CFK tunnellaġġ annwali minimu ta’ bejgħ ta’ soda fil-Ġermanja, ikkalkolat b’riferiment għall-bejgħ li sar minn CFK fl-1986, u kkumpensat kull defiċit lil CFK billi xtrat mingħandha t-tunnellaġġi sabiex il-bejgħ tagħha jammonta għall-minimu ggarantit”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Solvay u CFK ġew ikkundannati għal multa ta’ ECU 3 miljun u ta’ ECU 1 miljun rispettivament.
14 Fl-istess jum, il-Kummissjoni, barra minn hekk, adottat id-Deċiżjoni 91/299/KEE dwar proċedura skont l-Artikolu [82 KE] (IV/33.133 – C: Karbonat tas-sodju – Solvay) (ĠU 1991, L 152, p. 21), li fiha hija kkonstatat li “Solvay [kienet] kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [82 KE], sa minn madwar l-1983, sa llum, permezz ta’ aġir intiż li jeskludi jew jillimita l-kompetizzjoni b’mod kunsiderevoli u li jikkonsisti f’li [...] jiġu konklużi ftehim ma’ klijenti li jobbligawhom li jiksbu tagħhom mingħand Solvay għad-domanda ta’ soda tagħhom kollha jew parti kbira ħafna minnha għal perijodu indefinit jew eċċessivament twil [, li] jagħti tnaqqis sostanzjali u inċentivi finanzjarji oħra skont it-tunnellaġġ marġinali li jeċċedi t-tunnellaġġ kuntrattwali bażiku tal-klijent sabiex jiġi żgurat li jiksbu mingħand Solvay għad-domanda kollha tagħhom jew l-ikbar parti tagħhom [u, li] tissuġġetta l-għoti tat-tnaqqis għall-kunsens tal-klijent li jikseb [minn għandha] il-bżonnijiet kollha tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Solvay ġiet ikkundannata multa ta’ ECU 20 miljun.
15 Fit-2 ta’ Mejju 1991, Solvay talbet l-annullament tad-Deċiżjonijiet 91/297, 91/298 u 91/299. Fl-14 ta’ Mejju 1991, ir-rikorrenti ippreżentat rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament tad-Deċiżjonijiet 91/297 u 91/300.
16 Permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1995, ICI vs Il‑Kummissjoni (T‑37/91, Ġabra p. II-1901, iktar ’il quddiem is-“sentenza ICI II”), il-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) ddeċidiet li l-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward ta’ aċċess għall-fajl għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu qabel ma tannulla d-Deċiżjoni 91/300 peress li l-awtentikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni saret wara n-notifika tagħha, li jikkostitwixxi ksur ta’ forma proċedurali essenzjali fis-sens tal-Artikolu 230 KE.
17 Fl-istess jum, il-Qorti Ġenerali annullat ukoll id-Deċiżjoni 91/297 (sentenzi Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑30/91, Ġabra p. II-1775, iktar ’il quddiem “is-sentenza Solvay I”, u ICI vs Il-Kummissjoni, T‑36/91, Ġabra p. II‑1847, iktar ’il quddiem “is-sentenza ICI I”), sa fejn tikkonċerna l-partijiet rikorrenti f’dawn iż-żewġ kawżi, għal ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni 91/298 (sentenza Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑31/91, Ġabra p. II‑1821, iktar ’il quddiem “is-sentenza Solvay II”), sa fejn din tirrigwarda Solvay kif ukoll id-Deċiżjoni 91/299 (sentenza Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑32/91, Ġabra p. II‑1825, iktar ’il quddiem “is-sentenza Solvay III”), minħabba l-awtentikazzjoni irregolari tad-deċiżjonijiet ikkontestati.
18 Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Awwissu 1995, il-Kummissjoni ppreżentat appelli mis-sentenzi ICI II, punt 16 iktar ’il fuq, Solvay II u Solvay III, punt 17 iktar ’il fuq.
19 Permezz ta’ sentenzi tas-6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs ICI (C‑286/95 P, Ġabra p. I‑2341), u Il‑Kummissjoni vs Solvay (C‑287/95 P u C‑288/95 P, Ġabra p. I‑2391), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appelli kontra s-sentenzi ICI II, punt 16 iktar ’il fuq, Solvay II u Solvay III, punt 17 iktar ’il fuq.
20 It-Tlieta 12 ta’ Diċembru 2000, aġenzija tal-istampa ppubblikat stqarrija għall-istampa miktuba kif ġej:
“Il-Kummissjoni Ewropea ser timponi multa fuq il-kumpanniji tal-industrija tal-kimika li huma Solvay SA u Imperial Chemical Industries plc [...] nhar l-Erbgħa minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, iddikjarat kelliema għall-istampa llum it-Tlieta.
Il-multi għall-allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq tal-karbonat tas-sodju kienu ġew imposti oriġinarjament għaxar snin ilu, iżda dawn kienu ġew annullati mill-ogħla qorti Ewropea minħabba raġunijiet ta’ proċedura.
Il-kelliema għall-istampa ddikjarat li l-Kummissjoni ser tadotta mill-ġdid l-istess deċiżjoni nhar l-Erbgħa, iżda f’forma korretta.
Is-sustanza tad-deċiżjoni ma ġiet qatt ikkontestata mill-kumpanniji. Aħna ser nadottaw mill-ġdid l-istess deċiżjoni, qalet din.”
21 Fit-13 ta’ Diċembru 2000, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/7/KE, dwar proċedura skont l-Artikolu 82 [KE] (COMP/33.133 – B: Karbonat tas-sodju – ICI) (ĠU 2003, L 10, p. 33, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
22 Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat ukoll id-Deċiżjonijiet 2003/5/KE, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (COMP/33.133 – C: Karbonat tas-sodju – Solvay, CFK) (ĠU 2003, L 10, p. 1), u 2003/6/KE dwar proċedura skont l-Artikolu 82 [KE] (COMP/33.133 – D: Karbonat tas-sodju – Solvay) (ĠU 2003, L 10, p. 10).
23 Id-deċiżjoni kkontestata għandha d-dispożittiv li ġej:
“Artikolu 1
[Ir-rikorrenti] kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [82 KE] minn madwar l-1983 u sa tmiem l-1989 mill-inqas permezz ta’ aġir intiż li jeskludi jew li jirrestrinġi ħafna l-kompetizzjoni u li jikkonsisti f’li:
a) tagħti tnaqqis sostanzjali u inċentivi oħra fuq it-tunnellaġġ marġinali [...] b’mod li l-klijent jikseb il-bżonnijiet tiegħu kollha jew il-parti l-kbira ta’ din id-domanda [mingħand ir-rikorrenti];
b) jikseb il-kunsens tal-klijenti li jiksbu [mir-rikorrenti] sabiex ikopru d-domanda kollha tagħhom jew il-biċċa l-kbira tagħha jew li jirrestrinġu x-xiri tagħhom mingħand kompetituri għal ammont speċifiku;
ċ) f’mill-inqas każ wieħed, li jissuġġetta l-għoti ta’ tnaqqis u ta’ benefiċċji finanzjarji oħra għall-kunsens tal-klijent li jiksbu [mingħand ir-rikorrenti] għad-domanda kollha tiegħu.
Artikolu 2
Multa ta’ EUR [għaxar] miljun hija imposta fuq [ir-rikorrenti] għall-ksur speċifikat fl-Artikolu [1].
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
24 Id-deċiżjoni kkontestata hija miktuba prattikament fl-istess termini bħad-Deċiżjoni 91/300. Il-Kummissjoni għamlet biss xi bidliet ta’ kitba u żiedet parti ġdida intitolata “Proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja”.
25 F’din il-parti l-ġdida tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, filwaqt li rreferiet għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, iktar ’il quddiem is-“sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali”) ikkunsidrat li hija kellha “id-dritt li tistabbilixxi [mill‑]ġdid deċiżjoni li kienet ġiet annullata minħabba difetti proċedurali puri, mingħajr ma nbdiet proċedura amministrattiva ġdida” u li hija ma kinitx “obbligata li torganizza seduta ġdida jekk it-test tad-deċiżjoni l-ġdida ma [kienx fih] oġġezzjonijiet oħra jekk mhux dawk ifformulati fl-ewwel deċiżjoni” (premessa 164) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
26 Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll fid-deċiżjoni kkontestata li t-terminu ta’ preskrizzjoni kellu jiġi estiż mill-perijodu li matulu r-rikors kontra d-Deċiżjoni 91/300 kien is-suġġett ta’ proċedura pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2988/74, tas-26 ta’ Novembru 1974, li jikkonċerna l-perijodi ta’ limitazzjoni [preskrizzjoni] fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 61) (premessi 169 u 170). Għalhekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat li hija kellha sal-aħħar tas-sena 2003 sabiex tagħti deċiżjoni ġdida (premessa 172). Minbarra dan, hija indikat li ma kienx hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża jekk id-deċiżjoni ġdida tingħata f’terminu raġonevoli (premessa 164).
27 Fir-rigward tal-hekk imsejjaħ ksur, il-Kummissjoni ppreċiżat fid-deċiżjoni kkontestata li “s-suq tal-prodott u s-suq ġeografiku li fuqhom [għandha] tiġi evalwata s-setgħa ekonomika tar-rikorrenti [kien] is-suq tas-soda tar-Renju Unit” (premessa 125).
28 Sabiex jiġi evalwat kemm ir-rikorrenti għandha setgħa fis-suq għall-finijiet ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni osservat li s-sehem li għandha r-rikorrenti mis-suq rilevanti kienet tradizzjonalment ogħla minn 90 % matul il-perijodu kkunsidrat, li fih innifsu kien indikazzjoni qawwija ta’ livell sinjifikattiv ta’ setgħa fis-suq (premessa 127). Sussegwentement, hija eżaminat il-fatturi ekonomiċi rilevanti u kkonkludiet fid-deċiżjoni kkontestata, li, fil-mumenti essenzjali kollha, ir-rikorrenti kellha pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE (premessi 128 sa 136).
29 Fir-rigward tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti, il-Kummissjoni indikat fid-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrenti kienet stabbilixxiet “prattika li tikkonsisti f’li torbot” lill-klijenti tagħha permezz ta’ ċertu numru ta’ mekkaniżmi li kollha kellhom l-istess għan ta’ esklużjoni (premessa 138). F’dan ir-rigward, hija spjegat, fil-premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iskonti fuq it-tunnellaġġ marġinali kienu intiżi sabiex jeskludu l-kompetizzjoni effettiva bil-mezzi li ġejjin:
– tinċentiva lill-konsumaturi sabiex jixtru mingħand ir-rikorrenti t-tunnellaġġ marġinali li jista’ jinkiseb mingħand fornitur ieħor;
– timminimizza jew tinnewtralizza l-impatt kompetittiv tal-General Chemical filwaqt li żżomm il-preżenza tagħha fis-suq, f’termini ta’ prezzijiet, ta’ kwantitajiet u ta’ klijenti, fil-limiti li jiggarantixxu ż-żamma tal-monopolju effettiv tar-rikorrenti;
– telimina lil Brenntag mis-suq jew għall-inqas timminimizza l-effetti kompetittiv tagħha;
– tnaqqas għall-mimimu r-riskju li l-klijenti jduru lejn sorsi oħra ta’ forniment;
– iżżomm jew ittejjeb il-monopolju virtwali tar-rikorrenti fuq is-suq tas-soda fir-Renju Unit.
30 Barra minn hekk, fil-punt 147 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spejgat li “l-ftehim bejn [ir-rikorrenti] mal-klijenti l-kbar tagħha jfisser li huma kienu marbuta magħha għal kważi l-bżonnijiet kollha tagħhom (u f’każ wieħed mill-inqas għall‑bżonnijiet kollha), filwaqt li l-effett kompetittiv ta’ fornituri oħra kien tnaqqas għall-minimu”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
31 Il-Kummissjoni indikat ukoll fid-deċiżjoni kkontestata li inċentivi finanzjarji oħra jikkonsolidaw il-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti b’mod inkompatibbli mal-kunċett ta’ kompetizzjoni li hemm fl-Artikolu 82 KE (premessa 149).
32 Fir-rigward l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, il-Kummissjoni indikat fid-deċiżjoni kkontestata li, għalkemm il-miżuri meħuda mir-rikorrenti sabiex tiżgura l-pożizzjoni dominanti tagħha u l-monopolju effettiv tagħha fir-Renju Unit kienu fl-ewwel lok intiżi għall-kompetizzjoni diretta minn barra l-Komunità (l-Istati Uniti u l-Polonja) iktar milli l-produtturi l-oħra tal-Komunità, t-tnaqqis fuq it-tunnellaġġ marġinali u l-mekkaniżmi oħra ta’ esklużjoni għandhom madankollu jiġu eżaminati fil-kuntest globali tal-fenomenu ta’ iżolament strett tas-swieq nazzjonali fil-Komunità. F’dan ir-rigward, hija ppreċiżat li r-rikorrenti xtaqet ħafna li General Chemical tibqa’ fis-suq inkwistjoni bħala sors ieħor ta’ provvista u li, jekk din il-kumpannija kellha tħalli s-suq kompletament, il-konsumaturi setgħu jkunu inċentivati sabiex ifittxu sorsi oħra ta’ provvista, jista’ jkun bi prezz irħas, fl-Ewropa tal-Punent kontinentali. Barra minn hekk, hija osservat ukoll li ż-żamma u t-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti fir-Renju Unit kienu affettwaw l-istruttura kollha tal-kompetizzjoni fis-suq komuni u kienu jiggarantixxu ż-żamma tal-istatus quo, ibbażata fuq l-iżolament tas-suq (premessi 151 sa 154).
33 Il-Kummissjoni spjegat fid-deċiżjoni kkontestata li l-ksur kien partikolarment gravi peress li dan “kien jagħmel parti minn politika deliberata intiża li tikkonsolida l-kontroll eżerċitat mir-rikorrenti f[is-suq tas-soda fir-Renju Unit] b’mod totalment kontra l-għanijiet fundamentali tat-Trattat” u “intiża speċifikament sabiex tillimita jew li taffettwa l-attività ta’ kompetituri speċifiċi” (premessa 156). [traduzzjoni mhux uffiċjali]
34 Barra minn hekk il-Kummissjoni indikat ukoll fid-deċiżjoni kkontestata li l-ksur kien beda minn madwar l-1983 u kompla sa mill-inqas tmiem is-sena 1989. Hija finalment spjegat li kienet ikkunsidrat il-fatt li r-rikorrenti kienet abbandunat is-sistema ta’ tnaqqis fuq it-tunnellaġġ marġinali mill-1 ta’ Jannar 1990 (premessi 160 u 161).
35 Permezz ta’ ittri tat-18 ta’ Jannar, tas-26 ta’ Jannar u tat-8 Frar 2001, ir-rikorrenti ppreżentat talba lill-Kummissjoni għal aċċess għall-fajl. Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Frar 2001, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba.
Proċedura
36 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Marzu 2001, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.
37 Fir-rikors, ir-rikorrenti talbet b’mod partikolari lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi d-dokumenti li jinsabu fil-fajl tagħha fil-każ COMP/33.133.
38 Fl-4 ta’ Mejju 2001, il-kawża ġiet assenjata lir-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali u nħatar Imħallef Relatur.
39 Wara awtorizzazzjoni mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom rispettivament fit-18 u fit-23 ta’ Diċembru 2002 fuq il-konsegwenzi li kellhom jittieħdu f’din il-kawża tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, iktar ’il quddiem is-“sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja”). Fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti informat lill-Qorti Ġenerali li hija kienet qed tirtira l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal‑prinċipju ne bis in idem.
40 Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet mill-1 ta’ Ottubru 2003, l-Imħallef Relatur ġie assenjat l-Ewwel Awla, u għaldaqstant il-kawża preżenti ġiet assenjata lilha fit-8 ta’ Ottubru 2003.
41 Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet mit-13 ta’ Settembru 2004, l-Imħallef Relatur ġie assenjat ir-Raba’ Awla fil-kompożizzjoni ġdida tagħha, u għaldaqstant din il-kawża ġiet konsegwentement assenjata lilha fid-19 ta’ Ottubru 2004.
42 Fil-11 ta’ Jannar 2005, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta fir-reġistru lista enumerattiva ddettaljata tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl amministrattiv. Din il-lista kellha tinkludi indikazzjoni konċiża li permezz tagħha jiġu identifikati l-awtur, in-natura u l-kontenut ta’ kull dokument. Il-Qorti Ġenerali talbet ukoll lill-Kummissjoni tindikalha liema minn fost dawn id-dokumenti kellhom ikunu aċċessibbli lir-rikorrenti, waqt li jiġi speċifikat, jekk ikun il-każ, ir-raġunijiet li, skont hi, jipprekludu l-iżvelar tagħhom.
43 Permezz ta’ ittri tat-28 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni ppreżentat fir-reġistru l-lista enumerattiva mitluba mill-Qorti Ġenerali u indikat li d-dokumenti li għalihom ir-rikorrenti setgħet ikollha aċċess matul il-proċeduri amministrattivi kienu d-dokumenti li fuqhom hija bbażat ruħha għall-oġġezzjonijiet tagħha, li kienu għaldaqstant mehmuża mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Hija indikat ukoll li hija “b’dispjaċir kellha tinforma lill-Qorti Ġenerali li [jidher għalhekk], b’konsegwenza, mingħajr ebda dubju, ta’ diversi ċaqliq tal-uffiċċji matul dawn l-aħħar għaxar snin li, minkejja riċerka estensiva [kien] impossibbli għaliha li ssib ċerti dokumenti” u li hija kkunsidrat li kellha d-dmir li tinforma minnufih lill-Qorti Ġenerali u lir-rikorrenti li “għalkemm il-lista mehmuża mal-[...] osservazzjonijiet telenka d-dokumenti tal-fajl li hija [kellha] fil-pussess tagħha, id-dokumenti neqsin ma kinux [jinstabu] hemm.” Skont il-Kummissjoni, il-proċedura segwita fl-1990 tosserva l-ġurisprudenza applikabbli dak iż-żmien għad-dritt ta’ aċċess għall-fajl. Hija żiedet li ma kien hemm ebda indikazzjoni f’dan l-istadju li, fil-fajl, kien hemm dokumenti li setgħu kellhom influwenza reali fuq l-eżitu tad-Deċiżjoni 91/300, anki meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tal-ġurisprudenza mill-1990.
44 Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ April 2005, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti sabiex tindika d-dokumenti li jinsabu fil-lista enumerattiva li ma ġietx ikkomunikata lilha matul il-proċedura amministrattiva u li, fil-fehma tagħha, setgħu jinkludu provi li setgħu jkunu utli għad-difiża tagħha.
45 Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Mejju 2005, ir-rikorrenti enfasizzat li wħud minn dawn id-dokumenti neqsin setgħu jkunu utli għad-difiża tagħha. Hija indikat ukoll, fost id-dokumenti elenkati fil-lista, dawk li dehrulha rilevanti għad-difiża tagha u li hija xtaqet tikkonsulta. Fil-fehma tagħha, dawn id-dokumenti setgħu jippermettulha tiżviluppa l-argumenti tagħha fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti, dwar l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti, dwar l-abbuż ta’ din il-pożizzjoni dominanti u dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.
46 Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ġunju 2005, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali d-dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv li jinsabu fil-“fajls sussidjarji” 2 sa 38, 50 sa 59 u 60 sa 65, ħlief għad-dokumenti interni. Il-Kummissjoni ġiet mistiedna wkoll sabiex tippreżenta verżjonijiet mhux kunfidenzjali jew taqsiriet mhux kunfidenzjali minflok u sabiex jissostitwixxu d-dokumenti li jinkludu sigrieti kummerċjali, informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, b’riżerva tal-osservanza tal-kunfidenzjalità jew informazzjoni kunfidenzjali oħra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġiet mistiedna tipproduċi l-verżjoni kompleta, inklużi l-elementi kunfidenzjali, tad-dokumenti msemmija iktar ’il fuq għall-finijiet tal‑verifika tan-natura kunfidenzjali tagħhom.
47 Fil-21 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali, fid-dawl tat-tul tad-dokumenti, sabiex tippreżenta oriġinal wieħed akkumpanjat minn CD-ROM. Din it-talba ġiet aċċettata fl-4 ta’ Lulju 2005.
48 Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni ppreżentat fir-reġistru d-dokumenti mitluba mill-Qorti Ġenerali. Wara dan ir-reġistratur bagħat lir-rikorrenti s-CD-ROMs ippreżentati mill-Kummissjoni.
49 Fit-13 ta’ Ottubru 2005, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-utilità għad-difiża tagħha tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv. Il-Kummissjoni rrispondiet għall-osservazzjonijiet tar‑rikorrenti fis-26 ta’ Ottubru 2007.
50 Wara l-waqfien mill-funzjonijiet tal-Imħallef Relatur inizjalment maħtur, il-President tal-Qorti Ġenerali, b’deċiżjoni tat-22 ta’ Ġunju 2006, appunta Imħallef Relatur ġdid.
51 Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet mill-25 ta’ Settembru 2007, l-Imħallef Relatur ġie assenjat is-Sitt Awla, u għaldaqstant il-kawża preżenti ġiet assenjata lilha fit-8 ta’ Novembru 2007.
52 Fit-13 ta’ Frar 2008, minħabba l-impediment tal-Imħallef Tchipev, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar lill-Imħallef Dittrich sabiex jikkompleta l-Awla, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
53 Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet domandi bil-miktub lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni. Ir-rikorrenti u l-Kummmissjoni rrispondewhom fit-terminu mogħti.
54 It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-26 u tas-27 ta’ Ġunju 2008.
55 Waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali awtorizzat lir-rikorrenti sabiex tippreżenta l-ossevazzjonijiet tagħha dwar ir-risposti bil-miktub tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Ġunju 2008. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fid-9 ta’ Lulju 2008 u l-Kummissjoni rrispondiet għal dan fit-3 ta’ Settembru 2008.
It-talbiet tal-partijiet
56 Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiddikjara r-rikors ammissibbli;
– tiddikjara li minħabba d-dekorriment tat-terminu il-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, li hija ma kinitx kompetenti li timponi multa fuqha;
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tneħħi jew tnaqqas il-multa imposta fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;
– tordna lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi d-dokumenti interni kollha tagħha dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u b’mod partikolari l-minuti tal-laqgħa tal-Kulleġġ tal-Kummissarji u d-dokumenti kollha annessi, kif ukoll id-dokumenti kollha mressqa quddiem il-Kulleġġ tal-Kummissarji f’din l-okkażjoni;
– tordna lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta d-dokumenti li jinsabu fil-fajl tagħha fil-Każ COMP/33.133;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, fosthom l-ispejjeż, inklużi l-interessi, ta’ kull garanzija pprovduta mir-rikorrenti marbuta mal-multa imposta fid-deċiżjoni kkontestata.
57 Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors bħala infondat;
– tiċħad it-talba għal aċċess tal-fajl imressqa mir-rikorrenti;
– tiddikjara inammissibbli t-talba għal ordni li speċifikament tikkundannaha għall-ħlas tal-ispejjeż tar-rikorrenti, inklużi l-ispejjeż u l-interessi li rriżultaw minħabba l-kostituzzjoni ta’ kwalunkwe garanzija pprovduta għall-multa jew, fi kwalunkwe każ, tiċħadha bħala infondata;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
58 It-talbiet tar-rikorrenti huma intiżi, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, għall-annullament jew it-tnaqqis tal-multa imposta fuqha mill-imsemmija deċiżjoni.
1. Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata
59 Ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, sitt motivi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn huma bbażati, l-ewwel nett, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, it-tieni nett, fuq il-ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali, it-tielet nett, fuq evalwazzjoni żbaljata tas-suq inkwistjoni, ir-raba’ nett, fuq in-nuqqas ta’ pożizzjoni dominati, il-ħames nett, fuq in-nuqqas ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u, is-sitt nett, fuq in-nuqqas ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata
60 L-ewwel motiv huwa magħmul minn żewġ partijiet ibbażati rispettivament fuq applikazzjoni żbaljata tar-regoli tal-preskrizzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli.
Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata tar-regoli tal-prekrizzjoni
– L-argumenti tal-partijiet
61 Ir-rikorrenti tosserva li, għalkemm il-perijodu ta’ preskrizzjoni, previst fir‑Regolament Nru 2988/74 japplika biss għall-parti rilevanti tad-deċiżjoni kkonċernata li timponi l-multa, din hija parti sinjifikattiva ħafna tal-imsemmija deċiżjoni.
62 Skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 ma għandux bħala effett li jestendi t-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward ta’ proċeduri ġudizzjarji li għandhom bħala għan deċiżjoni finali tal-Kummissjoni. Fil-fatt, il-preskrizzjoni hija sospiża biss fil-każ ta’ rikorsi kontra deċiżjonijiet adottati matul il-proċedura amministrattiva, jiġifieri l-miżuri istruttorji, inkluża l-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew l-adozzjoni ta’ miżuri taħt is-setgħat ġenerali ta’ investigazzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 17. L-interpretazzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata tmur kontra t-test tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74. Il-Kummissjoni interpretat ħażin l-espressjoni “fil-proċedimenti” li tinsab fl-Artikoli 1 sa 3 tar-Regolament Nru 2988/74 u kienet injorat il-fatt li d-deċiżjoni finali tagħha kellha tittieħed qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tippreġudika l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2988/74 u hija prova ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-istruttura tal-imsemmi regolament sa fejn l-implikazzjonijiet tal-preskrizzjoni li jirriżultaw minn deċiżjoni huma ttrattati fl-Artikoli 4 sa 6 u mhux fl-Artikoli 1 sa 3. Fl-aħħar nett, tali interpretazzjoni tmur kontra l-prinċipju li jgħid li, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, il-Kummissjoni għandha ttemm il-proċedimenti tagħha f’terminu definit u tadotta d-deċiżjoni finali tagħha f’terminu strett ta’ għaxar snin mit-tmiem tal-ksur, ħlief fil-każ li l-Kummissjoni kienet ostakolata milli ttemm l-investigazzjonijiet u l-proċeduri tagħha minħabba rikorsi ġudizzjarji ppreżentati kontra deċiżjonijiet preliminari. Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ġietx ostakolata milli ttemm il-proċedimenti tagħha.
63 Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-approċċ ikkunsidrat fis-sentenza PVC II mill-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq, huwa inkompatibbli mad-dikjarazzjoni li tinsab fil-punt 1098 tal-imsemmija sentenza li l-għan tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 huwa li jippermetti s-sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni meta l-Kummissjoni tkun ostakolata milli tintervjeni minħabba raġuni oġġettiva indipendenti minnha. Fil-fatt, rikors kontra deċiżjoni finali li timponi multa ma jostakolax lill-Kummissjoni milli taġixxi, peress li l-imsemmija deċiżjoni finali hija infurzabbli b’mod sħiħ sal-mument li din id-deċiżjoni hija annullata jew iddikjarata li ma teżistix mill-Qorti Ġenerali.
64 Fi kwalunkwe każ, l-argument li l-Kummissjoni ma kinitx ostakolata milli taġixxi ma jistax, f’dan il-każ, ikun applikabbli għall-appell ippreżentat kontra s-sentenza ICI II, punt 16 iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet perfettament ħielsa li tadotta mill-ġdid id-Deċiżjoni 91/300 immedjatament wara li ngħatat is-sentenza ICI II, punt 18 iktar ’il fuq. It-terminu addizzjonali li jirriżulta mill-appell għaldaqstant huwa kompletament “attribwibbli” lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, dan l-appell huwa mingħajr skop fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et (C‑137/92 P, Ġabra p. I‑2555), u fid-dawl tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tadotta mill-ġdid id-Deċiżjoni 91/300. B’hekk il-Kummissjoni ma tibbenefikax mill-“iżball proċedurali tagħha stess” u mid-dewmien ta’ ħames snin li hija stess ħolqot.
65 Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni hija kontra l-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jgħid li appell ma għandu ebda effett sospensiv. Skont ir-rikorrenti, anki jekk it-tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali kellu jittieħed inkunsiderazzjoni, it-terminu ta’ preskrizzjoni kien ġie sospiż biss għal perijodu ta’ madwar erba’ snin, xahar u ħmistax-il ġurnata. Il-Kummissjoni jmissha, għalhekk, adottat mill-ġdid id-Deċiżjoni 91/300 qabel ix-xahar ta’ April 1999.
66 Barra minn hekk, mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 jirriżulta li, fil-każ ta’ appell, ma hijiex id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkostitwixxi l-oġġett tal-proċedura, iżda s-sentenza tal-Qorti Ġenerali.
67 Barra minn hekk, fis-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq, ma kinitx ġiet speċifikament ittrattatata l-kwistjoni dwar jekk l-appell għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tas-sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni, sa fejn, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi biss jekk it-tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali jissospendix it-terminu ta’ preskrizzjoni. Għaldaqstant, l-osservazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-effett tal-appell fuq is-sospensjoni tal-preskrizzjoni jikkostitwixxu biss obiter dictum.
68 Ir-rikorrenti żżid li deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni bi ksur tar-regoli interni tagħha ma jistax ikollha l-effett li jiġi estiż it-terminu ta’ preskrizzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma awtentikatx b’mod korrett id-Deċiżjoni 91/300. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni ma jistax ikollha l-effett li tiġi estiża l-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni sabiex timponi multi lil hinn mill-perijodu ta’ preskrizzjoni normali stabbilit mir-Regolament Nru 2988/74. Fil-fatt, tali riżultat imur kontra l-prinċipju li jgħid li parti ma tistax tieħu vantaġġ min-nuqqas tagħha u kontra l-prinċipju tal-ġustizzja naturali. Issa, id-dewmien kien għal kollox dovut għall-azzjoni tal-Kummissjoni u din ma tistax, fi kwalunkwe każ, tipprova tieħu vantaġġ mill-Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 2988/74.
69 Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament Nru 2988/74 adottata fis-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq, tippermetti lill-Kummissjoni tadotta serje ta’ deċiżjonijiet sussegwenti mifruxa sa nofs is-seklu 21.Għaldaqstant tali interpretazzjoni hija illegali peress li tikser id-dritt għal ġudizzju f’termini raġonevoli.
70 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
71 Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 2988/74 stabbilixxa leġiżlazzjoni kompleta li tirregola fid-dettall it-termini li fihom il-Kummissjoni għandha d-dritt, mingħajr ma tippreġudika r-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali, li timponi multi fuq l-impriżi suġġetti għal proċeduri ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il‑Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 324, u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II‑881, punt 223).
72 B’hekk, skont l-Artikoli 1(1)b) u (2) tar-Regolament Nru 2988/74 kif ukoll l-Artikolu 2(3) tal-istess regolament, il-preskrizzjoni tal-proċedimenti skadiet ġaladarba l-Kummissjoni ma imponietx multa jew sanzjoni fil-ħames snin wara l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni mingħajr ma, fil-frattemp, kien seħħ att ta’ interruzzjoni, jew, l-iktar, fl-għaxar snin wara l-istess bidu tad-dekorrenza jekk jitwettqu atti interuttivi. Madankollu, skont l-Artikolu 2(3) tar-regolament inkwistjoni, it-terminu ta’ preskrizzjoni hekk iddefinit huwa estiż mill-perjiodu li matulu l-preskrizzjoni hija sospiża skont l-Artikolu 3 tal-istess regolament (sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 39 iktar ’il fuq, punt 140).
73 Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/1974, il-preskrizzjoni fil-proċedimenti għandha tiġi sospiża sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.
74 Ir-riferiment fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 għal “proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej” għandu jinftiehem, wara l-ħolqien tal-Qorti Ġenerali, bħala intiża fl-ewwel lok għal proċeduri quddiemha, sa fejn ir-rikorsi jimponu sanzjoni jew multi fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha.
75 F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax li, b’riżerva għall-kwistjoni tas-sospensjoni tal-preskrizzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74, il-perijodu ta’ ħames snin tal-preskrizzjoni kien skada matul is-sena 1995.
76 Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat biss jekk, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74, il-Kummissjoni kellhiex dritt li tadotta d-deċiżjoni kkontestata fit-13 ta’ Diċembru 2000.
77 F’dan ir-rigward, mill-punt 157 tas-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 39 iktar ’il fuq jirriżulta li, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74, il-preskrizzjoni hija sospiża sakemm id-deċiżjoni inkwistjoni tkun suġġetta għal proċeduri pendenti “quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja”. B’hekk, f’dan il-każ, il-preskrizzjoni ġiet ukoll sospiża matul it-tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll matul it-tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-perijodu minn meta ngħatat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, sakemm tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
78 Issa, wara r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, fl-14 ta’ Mejju 1991, u s-sentenza mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 1995, u mbagħad l-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat mill-Kummissjoni, fit-30 ta’ Awwissu 1995 u s-sentenza mogħtija fis-6 ta’ April 2000, il-preskrizzjoni ġiet sospiża għal perijodu minimu ta’ tmien snin, tmien xhur u tnejn u għoxrin jum, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 171 tad-deċiżjoni kkontestata.
79 Għaldaqstant, wara din is-sospensjoni tal-preskrizzjoni, ebda perijodu ta’ iktar minn ħames snin ma ddekorra, f’dan il-każ, sa minn tmiem il-ksur inkwistjoni jew wara interruzzjoni kwalunkwe tal-preskrizzjoni sal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fit-13 ta’ Diċembru 2000.
80 Għaldaqqstant, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fl-osservanza tar-regoli ta’ preskrizzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 2988/74.
81 Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jikkontesta din il-kunsiderazzjoni.
82 L-ewwel nett, mill-kliem tal-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament Nru 2988/74 bl-ebda mod ma jirriżulta li d-“deċiżjoni tal-Kummissjoni”, imsemmija fl-Artikolu 3, li hija suġġetta għal proċeduri pendenti quddiem il-qorti twassal għas-sospensjoni tal-preskrizzjoni tal-proċedimenti, ma tistax ma tkunx wieħed mill-atti elenkati fl-Artikolu 2 bħala li jinterrompu l-preskrizzjoni, li l-lista tagħhom hija eżawrjenti (sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 39 iktar ’il fuq, punt 141). Fil-fatt, l-Artikolu 3 jipproteġi l-Kummissjoni mill-effett tal-preskrizzjoni f’sitwazzjonijiet li fihom hija għandha tistenna d-deċiżjoni tal-qorti, fil-kuntest tal-proċeduri li fir-rigward tagħhom hija ma tikkontrollax l-iżvolġiment, qabel ma tkun taf jekk l-att ikkontestat huwiex ivvizzjat b’illegalità jew le. Għalhekk l-Artikolu 3 jikkonċerna ipoteżijiet li fihom in-nuqqas ta’ azzjoni tal-istituzzjoni ma tkunx il-konsegwenza ta’ nuqqas ta’ diliġenza. Issa, dawn l-ipoteżijiet huma realizzati kemm fil-każ ta’ rikors kontra l-atti ta’ interruzzjoni elenkati fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2988/74 li jistgħu jkunu kkontestati, kif ukoll fil-każ ta’ rikors kontra deċiżjoni li timponi multa jew sanzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kemm il-formulazzjoni kif ukoll l-għan tal-Artikolu 3 jkopri kemm ir-rikorsi ppreżentati kontra l-atti msemmija fl-Artikolu 2 li jistgħu jiġu kkontestati u r-rikorsi li saru kontra d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni. B’hekk, rikors kontra d-deċiżjoni finali li timponi sanzjonijiet jissospendi l-preskrizzjoni tal-proċedimenti sakemm il-qorti tiddeċiedi definittivament fuq l-imsemmi rikors (sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 39 iktar ’il fuq, punti 144 sa 147).
83 It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni li timponi multi ma tipprekludix lill-Kummissjoni milli tadotta deċiżjoni ta’ dan it-tip. Madankollu, din l-interpretazzjoni timplika, li kieku kellha tiġi aċċettata, li l-istituzzjoni tirtira d-deċiżjoni kkontestata sabiex tissostitwiha b’deċiżjoni oħra li tieħu inkunsiderazzjoni l-kontenut tal-kontestazzjoni. Din twassal sabiex il-Kummissjoni ma jkollhiex id-dritt stess li titlob li l-qorti Komunitarja tikkonstata, jekk ikun il-każ, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 39 iktar ’il fuq, punt 149).
84 It-tielet nett, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq l-argument li d-deċiżjoni li timponi multi hija kompletament eżekuttiva sakemm din tiġi annullata b’mod ġudizzjarju. Bħala regola, atti li jeżegwixxu deċiżjoni li tippenalizza ksur ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala atti intiżi għall-investigazzjoni jew għat-teħid ta’ proċeduri kontra l-ksur. Tali atti, li l-legalità tagħhom hija barra minn hekk suġġetta għal dik tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ rikors, għaldaqstant ma jistgħu jipproduċu ebda effett li jinterrompi l-preskrizzjoni tal-proċedimenti fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata ġudizzjarjament. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 39 iktar ’il fuq, punt 150).
85 Ir-raba’ nett, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 għandhom kamp ta’ applikazzjoni differenti. In-nuqqas ta’ effett sospensiv ta’ appell ma huwiex tali li jneħħi għal kollox l-effett tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74, li jikkonċerna sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni għandha tistenna d-deċiżjoni tal-qorti Komunitarja. It-teżi tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodu li matulu appell kien għadu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ma tistax tintlaqa’, peress li din ikollha r-riżultat li ċċaħħad is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq appell mil-loġika u mil-effetti tagħha.
86 Il-ħames nett, ir-rikorrenti ma tistax tallega, li, wara l-annullament tad-Deċiżjoni 91/300 minħabba nuqqas ta’ awtentikazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tieħu vantaġġ min-nuqqas tagħha nnifisha billi timponi multa wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin stabbilit mir-Regolament Nru 2988/74. Fil-fatt, kull annullament ta’ att adottat mill-Kummissjoni huwa neċessarjament attribwibbli lilha, fis-sens li jirrifletti żball min-naħa tagħha. Għaldaqstant, li tiġi eskluża s-sospensjoni tal-preskrizzjoni tal-proċedimenti meta r-rikors iwassal sabiex jirrikonoxxi żball attribwibbli lill-Kummissjoni jneħħi minn kwalunkwe sens l-Artikolu 3 tar-regolament. Huwa l-fatt stess li rikors huwa pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali jew il-Qorti tal-Ġustizzja li jiġġustifika s-sospensjoni, u mhux il-konklużjonijiet milħuqa minn dawk il-qrati fis-sentenza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 39 iktar ’il fuq, punt 153).
87 Is-sitt nett, ir-rikors għal annullament huwa intiż sabiex il-Qorti Ġenerali teżamina jekk l-att ikkontestat huwiex ivvizzjat b’illegalità jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II, punt 39 iktar ’il fuq, punt 144).
88 Is-seba’ nett, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 proposta mir-rikorrenti twassal għal diffikultajiet prattiċi serji. Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni ġdida wara l-annullament ta’ deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali mingħajr ma tistenna s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm riskju li żewġ deċiżjonijiet li għandhom l-istess suġġett jeżistu flimkien fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali.
89 It-tmien nett, jidher kuntrarju għar-rekwiżiti tal-ekonomija tal-ġudizzju amministrattiv li tiġi imposta fuq il-Kummissjoni, sempliċement sabiex jiġi evitat li l-preskrizzjoni tiġi akkwiżita, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida qabel ma jkun magħruf jekk id-deċiżjoni hijiex ivvizzjata b’illegalità jew le.
90 Minn dan kollu jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.
Fuq it-tieni parti, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli
– L-argumenti tal-partijiet
91 Ir-rikorrenti ssostni li, irrispettivament mill-kwistjonijiet ta’ preskrizzjoni, id-dekorriment tat-terminu wara l-allegat ksur jaffettwa l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata u mhux biss il-parti relatata mal-multi.
92 B’riferiment għall-punt 121 tas-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 25 iktar ’il fuq, u għall-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, ir-rikorrenti tikkunsidra li huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni adottatx id-deċiżjoni kkontestata f’terminu raġonevoli fi tmiem il-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-kompetizzjoni.
93 Skont ir-rikorrenti, jista’ jiġi preżunt li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli meta iktar minn ħdax-il sena u nofs għaddew f’kawża bejn il-bidu tal-investigazzjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
94 Ir-rikorrenti tosserva li, għalkemm il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u dawk quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja damu 105 xhur b’kollox, il-Kummissjoni ħadet 35 xahar sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha, inklużi d-9 xhur bejn is-sentenza Il‑Kummissjoni vs ICI, punt 19 iktar ’il fuq, u d-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, huwa leġittimu li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-proċeduri ġudizzjarji, b’mod partikolari fejn dawn il-proċeduri jirrigwardaw deċiżjoni differenti u jippreċedu d-deċiżjoni kkontestata.
95 Skont ir-rikorrenti, it-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa partikolarment inaċċettabbli. Wara s-sentenzi ICI II, punt 16 iktar ’il fuq, u Il‑Kummissjoni vs BASF et, punt 64 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet taf li d-Deċiżjoni 91/300 kienet ivvizzjata minn difett ta’ awtentikazzjoni. Jekk il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tadotta mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha, hija jmissha għamlet hekk f’dan l-istadju, minflok ma ppreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li kellu l-effett li jtawwal l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni b’ħames snin u nofs.
96 Ir-rikorrenti, waqt li rreferiet għas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Garyfallou AEBE vs Il‑Greċja tas-27 Settembru 1997 (Ġabra ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet, 1997‑V, p. 1821), tikkunsidra li huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-proċeduri kollha sabiex jiġi mistħarreġ jekk il-kawża ġietx deċiża f’terminu raġonevoli.
97 Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li d-dekorriment tat-terminu wara l-allegat ksur jipprekludiha milli teżerċita b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha. Qabel kollox, hija ssostni li biegħet id-diviżjoni tagħha “Karbonat tas-sodju” lil xerrej indipendenti, fis-6 ta’ Ottubru 1991, u ma kinitx għadha attiva fis-suq tal-karbonat tas-sodju fir-Renju Unit. Sussegwentement, hija ssostni li l-membri tal-persunal tagħha responsabbli mill-fajl f’dak iż-żmien kienu telqu mill-kumpannija u ma kinux iktar disponibbli sabiex jagħtuhom l-għajnuna neċessarja. Barra minn hekk, il-fatt li għadda t-terminu wara l-allegat ksur aggrava t-telf finanzjarju tagħha, peress li pereżempju żdiedu l-ispejjeż għall-garanzija tal-ispejjeż u/jew l-effetti tal-interessi moratorji. Fi kwalunkwe każ, is-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq, hija kuntrarja għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tgħid li l-protezzjoni tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), ma tiddependix fuq il-prova li t-terminu ikkawża dannu effettiv għall-interessi ta’ rikorrent. Il-ksur ta’ obbligu fundamentali tal-KEDB jista’ jagħti lok biss għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u mhux sempliċiment għall-ħlas tad-danni.
98 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
99 Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli għandu japplika, fil-qasam tal-kompetizzjoni, għall-proċeduri amministrattivi li saru skont ir-Regolament Nru 17 u li jistgħu jwasslu għas-sanzjonijiet stabbiliti minnha, u għall-proċeduri ġudizzjarji (sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 39 iktar ’il fuq, punt 179).
100 Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li t-tul tal-proċeduri amministrattivi, meħuda kollha f’daqqa, jiġifieri bejn il-bidu tal-investigazzjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontestata, jeċċedi terminu raġonevoli.
101 Dan l-argument għandu jiġi miċħud.
102 Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżami ta’ lment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, għandu jkun hemm distinzjoni bejn proċeduri amministrattivi u proċeduri ġudizzjarji. B’hekk, il-perijodu li matulu l-qorti teżamina l-legalità tad-Deċiżjoni 91/300 kif ukoll il-validità tas-sentenza ICI II, punt 16 iktar ’il fuq, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat it-tul tal-proċeduri quddiem il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq, punt 123).
103 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkritika t-tul tal-proċeduri amministrattivi bejn l‑għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs ICI, punt 19 iktar ’il fuq, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
104 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li dan il-perjodu beda fis-6 ta’ April 2000, id-data tal-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs ICI, punt 19 iktar ’il fuq, u ntemm fit-13 ta’ Diċembru 2000 bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Dan l-istadju tal-proċeduri amministrattivi għalhekk dam tmien xhur u sebat ijiem.
105 Matul dan il-perijodu, il-Kummissjoni għamlet biss bidliet ta’ sustanza tad-Deċiżjoni 91/300 b’mod partikolari bl-introduzzjoni ta’ silta ġdida dwar “il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja”, dwar l-evalwazzjoni tal-osservanza tat-termini ta’ preskrizzjoni. Barra minn hekk, l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma kienet ippreċeduta minn ebda att ta’ istruzzjoni addizzjonali, peress li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-riżultati tal-investigazzjoni mwettqa għaxar snin qabel. Madankollu, għandu jiġi rrikonoxxut li, anki f’dawn iċ-ċirkustanzi, ċertu stħarriġ u konsultazzjonijiet fi ħdan l-amministrazzjoni jistgħu jkunu essenzjali sabiex jintlaħaq tali riżultat.
106 Minn din il-perspettiva, ma hemmx iktar lok li jiġi kkunsidrat li t-terminu ta’ tmien xhur u sebat ijiem li ddekorra minn meta ngħatat is-sentenza Il‑Kummissjoni vs ICI, punt 19 iktar ’il fuq, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi kkunsidrat bħala li ma kienx raġonevoli.
107 Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkritika, essenzjalment, it-tul tal-proċeduri amministrattivi li wasslu għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/300 (ara l-punt 94 iktar ’il fuq).
108 Madankollu, jekk jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-proċeduri amministrattivi sa mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll it-tul tal-proċeduri quddiemha (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnische vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punt 51), għandu jiġi osservat li dan it-tul ta’ terminu ma huwiex twil wisq, fid-dawl tal-istħarriġ imwettaq sa mix-xahar ta’ April 1989, tat-talbiet għal informazzjoni magħmula sussegwentement u tal-bidu tal-proċeduri ex officio tad-19 ta’ Frar 1990. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tul tal-proċeduri amministrattivi li wasslu għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/300 ma jistax jiġi kkunsidrat li ma kienx raġonevoli.
109 Għandu jingħad ukoll li, fi kwalunkwe każ, il-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-kompetizzjoni biss meta din twassal ukoll għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata. Fil-fatt, meta ma jkunx għadu ġie stabbilit li t-tul eċċessiv taż-żmien affettwa l-kapaċità tal-impriżi kkonċernati li jiddefendu ruħhom b’mod effettiv, in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ma jaffettwax il-validità tal-proċeduri amministrattivi (ara, f’dan is-sens, PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq, punt 122).
110 F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tallega li kien diffiċli għaliha li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha ladarba hija kienet biegħet id-diviżjoni tagħha “Karbonat tas-sodju” lil bejjiegħ indipendenti, fis-6 ta’ Ottubru 1991, ma baqgħetx iktar attiva fis-suq tal-karbonat tas-sodju fir-Renju Unit u ma setgħetx tikkuntattja lill-membri tal-persunal responsabbli għall-fajl f’dak it-terminu, peress li dawn kienu telqu mill-kumpanija, sabiex tikseb l-għajnuna neċessarja.
111 Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma għamlitx att istruttorju bejn l-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs ICI, punt 19 iktar ’il fuq, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
112 Għaldaqstant, fir-rigward tal-ewwel perijodu li wassal għad-Deċiżjoni 91/300, u peress li ma ntwera ebda inkonvenjent mill-aspett tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża, ebda prova ġdida ma ttieħdet inkunsiderazzjoni mill‑Kummissjoni li teħtieġ l-eżerċizzju ta’ dritt tad-difiża.
113 F’dawn iċ-ċirkustanzi d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma nkisrux.
114 Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-proċeduri ġudizzjarji, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ġenerali ta’ dritt Komunitarju li jgħid li kull persuna għandha dritt għal smigħ xieraq, li huwa ispirat mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, u b’mod partikolari d-dritt għal smigħ f’terminu raġonevoli, huwa applikabbli fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi fuq impriża multi għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. In-natura raġjonevoli tat-terminu hija evalwata skont iċ-ċirkustanzi relatati ma’ kull kawża, u b’mod partikolari, skont l‑importanza tal-kawża għall-parti kkonċernata, skont il-kumplessità tal-kawża kif ukoll skont l-aġir tar-rikorrent u dak tal-awtoritajiet kompetenti. Il-lista ta’ dawn il-kriterji ma hijiex eżawrjenti u l-evalwazzjoni tan-natura raġjonevoli ta’ terminuma tirrikjedix eżami sistematiku taċ-ċirkustanzi tal‑kawża fid-dawl ta’ kull waħda minnhom peress li t-tul tal-proċeduri jidher iġġustifikat fir-rigward ta’ waħda biss. B’hekk, il‑kumplessità tal-kawża tista’ tiġi stabbilita sabiex tiġġustifika terminu li prima facie huwa twil wisq (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punti 115 sa 117, u l-ġurisprudenza ċċitata).
115 Barra minn hekk, fis-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni (C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417), il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonstatat li l-Qorti Ġenerali kienet kisret ir-rekwiżiti marbuta mal-osservanza ta’ terminu raġonevoli, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju u sabiex tiżgura rimedju immedjat u effettiv kontra tali irregolarità proċedurali, iddikjarat li l-aggravju ibbażat fuq it-tul eċċessiv tal-proċeduri huwa fondat għall-finijiet tal-annullament tas-sentenza appellata sa fejn din tistabilixxi l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fis-somma ta’ ECU 3 miljun. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni li t-tul tal-proċeduri kellu effett fuq is-soluzzjoni tal-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-aggravju ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata fl-intier tagħha, iżda li ammont ta’ ECU 50 000 kien jikkostitwixxi sodisfazzjon ekwu, minħabba t-tul eċċessiv tal-proċeduri, u għalhekk naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq l-impriża kkonċernata.
116 Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni li t-tul tal-proċeduri kellu effett fuq is-soluzzjoni tal-kawża, skadenza eventwali tat-terminu raġonevoli mill-qorti f’dan il-każ, anki jekk tiġi kkunsidrata stabbilita, ma għandha ebda effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata (din is-soluzzjoni ġiet adottata fil-punt 140 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 2009, Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑57/01, Ġabra p. II‑4621).
117 Għandu jingħad ukoll li, fir-rikors, ir-rikorrenti ma għamlitx talba għad-danni.
118 Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali
119 It-tieni motiv huwa, essenzjalment, maqsum f’ħames partijiet, ibbażati, l-ewwel nett, fuq in-natura illegali tal-istadji preparatorji tad-Deċiżjoni 91/300, it-tieni nett, fuq it-terminu eċċessiv bejn il-proċedura amministrattiva u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, it-tielet nett, fuq l-obbligu li jsiru passi proċedurali ulterjuri, ir-raba’ nett, fuq ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl u, l-ħames nett, fuq ksur tal-Artikolu 253 KE.
Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-natura illegali tal-istadji preparatorji tad-Deċiżjoni 91/300
– L-argumenti tal-partijiet
120 Ir-rikorrenti ssostni li l-passi proċedurali meħuda mill-Kummissjoni qabel ma tiġi adottata deċiżjoni huma biss stadji preparatorji u ma jistgħux, fihom infushom, ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Huwa dedott min‑natura inċidentali tal-istadji proċedurali li saru qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni li, kuntrarjament għal dak li jistabbilixxi l-punt 189 tas-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq, l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni għandha wkoll twassal għall-annullament ta’ dawn l-istadji proċedurali preċedenti. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tistax għaldaqstant tinvoka l-imsemmija stadji proċedurali li saru qabel id-Deċiżjoni 91/300 bħala li jikkostitwixxu l-passi proċedurali neċessarji għall-adozzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata.
121 Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni fetħet proċedura amministrattiva waħda biss għall-ksur allegat tal-Artikoli 81 KE u 82 KE. Iż-żewġ każijiet kienu separati biss fl-istadju tal-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 91/297 u 91/300. Ir-rikorrenti tosserva wkoll li, fis-sentenza ICI I, punt 17 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-drittijiet tad-difiża kienu nkisru fl-istadju tal-proċeduri amministrattivi. Issa, din id-deċiżjoni kellha konsegwenzi fuq id-Deċiżjoni 91/300, peress li l-Kummissjoni segwiet eżattament l-istess proċedura amministrattiva. B’hekk, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi, fil-kawża li wasslet għas-sentenza ICI II, punt 16 iktar ’il fuq, għall-annullament tad-Deċiżjoni 91/300 minħabba ksur tad‑drittijiet tad-difiża.
122 Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti żżid li, fis-sentenza ICI II, punt 16 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kienet kritika ħafna fir-rigward tal-analiżi tas-suq inkwsitjoni li saret mill-Kummissjoni, li kienet tikkonsisti f’li jiġu separati l-provi dwar l-allegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 81 KE, minn naħa waħda, u mal-Artikolu 82 KE min-naħa l-oħra, u li jsiru proċeduri separati.
123 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
124 Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li d-Deċiżjoni 91/300 ġiet annullata minħabba difett formali, jiġifieri n-nuqqas ta’ awtentifikazzjoni, li tikkonċerna biss il-metodi tal-adozzjoni finali ta’ din id-deċiżjoni mill-Kummissjoni.
125 Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att Komunitarju ma’ jaffettwax neċessarjament l-atti preparatorji, peress li l-proċedura intiża għas-sostituzzjoni tal-att annullat tista’ bħala prinċipju titkompla fil-punt preċiż meta seħħet l-illegalità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1998, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑415/96, Ġabra p. I‑6993, punti 31 u 32, u s-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 39 iktar ’il fuq, punt 73).
126 F’dan il-każ, peress li d-difett proċedurali kkonstatat seħħ fl-istadju finali tal‑adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/300, l-annullament ma affettwax il-validità tal-miżuri preparatorji ta’ din id-deċiżjoni, li saru qabel l-istadju meta dan id-difett kien ġie kkonstatat (ara f’dan is-sens, is-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 39 iktar ’il fuq, punt 75).
127 Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li, fis-sentenza ICI I, punt 17 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni 91/297 minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża, għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenza ICI II, punt 16 iktar ’il fuq, li hija l-oriġini ta’ din il-kawża, il-Qorti Ġenerali eżaminat ukoll b’mod dettaljat il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u hija ċaħditu fl-intier tiegħu (ara l-punt 73). Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement ċaħdet l-appell li sar kontra din l-aħħar sentenza.
128 Barra minn hekk, anki jekk il-fajl amministrattiv huwa l-istess għall-każijiet COMP/33.133, id-Deċiżjonijiet 91/297 u 91/300 jikkonċernaw ksur ta’ natura differenti, fuq żewġ swieq differenti. Issa, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi eżaminat fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, peress li jiddependi essenzjalment fuq l-oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-ksur attribwit lill-impriża kkonċernata (sentenzi ICI II, punt 17, iktar ’il fuq, punt 70, u s-sentenza ICI II, punt 25 iktar ’il fuq, punt 50; ara wkoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 127).
129 Għaldaqstant l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.
Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq iż-żmien eċċessiv bejn il-proċeduri amministrattivi u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata
– L-argumenti tal-partijiet
130 Ir-rikorrenti ssostni li għaddew għaxar snin bejn l-istadji proċedurali li jippreċedu l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 91/297 u 91/300, minn naħa, u d-deċiżjoni kkontestata, min-naħa l-oħra, li jikkostitwixxi ċaħda tal-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża. Fil-fehma tagħha, l-impriżi għandhom ikollhom l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom u li jiddefendu l-interessi tagħhom b’mod effettiv. Għaldaqstant, huwa biss possibbli li jiġu adottati deċiżjonijiet, b’mod partikolari meta dawn jimponu multi, f’terminu raġonevoli wara li l-impriżi kellhom l-opportunità li jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom. Dan ma seħħx f’dan il-każ.
131 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
132 Fl-ewwel lok, kif indikat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, il-preskrizzjoni prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/74 ġiet sospiża għat-tul kollu tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja wara l-preżentatata tal-appell kontra s-sentenza ICI II, punt 16 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli stenniet id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Kummissjoni ma adottatx id-deċiżjoni kkontestata waqt il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja huwa ġġustifikat mill-osservanza tal-proċeduri ġudizzjarji u tas-sentenzi futuri.
133 Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-eżami tal-tieni parti tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fit-13 ta’ Diċembru 2000.
134 Fit-tielet lok, mill-eżami tat-tielet parti tat-tieni motiv, li ser isir iktar ’il quddiem (punti 151, 153 u 168), jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata, f’dan il-każ, li twettaq passi proċedurali ġodda wara l-annullament tad-Deċiżjoni 91/300, li seħħ minħabba difett ta’ forma li jikkonċerna esklużivament il-metodi tal-adozzjoni finali tal-imsemmija deċiżjoni.
135 Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma tatx lir-rikorrenti l-opportunità li tippreżenta mill-ġdid l-argumenti tagħha wara l-annullament tad-Deċiżjoni 91/300.
136 Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.
Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-obbligu li jsiru passi proċedurali ġodda
– L-argumenti tal-partiijiet
137 Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni jmissha ħadet passi proċedurali ġodda qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
138 L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni jmissha bagħtitilha dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida. Fil-fehma tagħha, l‑allegazzjonijiet li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet innotifikata fl-1990 saru fil-kuntest ta’ “l‑akkuża li tgħid li l-‘iżolament tas-swieq’ bejn ir-Renju Unit u l-Ewropa tal-Punent kontinentali kif ukoll il-prinċipju tas-‘suq domestiku’ [kienu] l-konsegwenza ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma bejn Solvay u [r‑rikorrenti].” Issa, ir-rikorrenti tosserva li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar dan l-akkordju ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali u hija ma hijiex iktar suġġetta għal proċedimenti f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tikkunsidra li kienet intitolata li tirċievi, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet li ma tirriproduċix l-allegazzjoni ta’ prattiki miftiehma. Din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jmissha wkoll spjegat l‑oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni fid-dawl tal-iżvilupp tad-dritt bejn l-1990 u l-2000, b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq rilevanti.
139 It-tieni nett, ir-rikorrenti tiddikjara li l-Kummissjoni jmissha semgħatha mill-ġdid u tagħtha l-opportunità li tiżviluppa l-argumenti tagħha. Hija tikkunsidra li, fis-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 25 iktar ’il fuq, hija ma setgħetx tinvoka l-fatt li ma saret ebda oġġezzjoni ġdida. Fil-fatt, l‑impriżi għandhom ikollhom l-opportunità sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet dwar l-oġġezzjonijiet kollha mqajma kontrihom, b’mod partikolari fid-dawl ta’ kwistjonijiet ġodda li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha.
140 Skont ir-rikorrenti, id-dritt għal smigħ jikkonċerna mhux biss il‑punti ta’ fatt, iżda wkoll il-punti ta’ liġi, kif il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet fis-sentenzi ICI I, punt 17 iktar ’il fuq, u PVC II, punt 25 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, fis‑sentenzi tagħha tat-3 ta’ Ottubru 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑261/89, Ġabra p. 4437), u tal-4 ta’ Frar 1992, British Aerospace u Rover vs Il‑Kummissjoni (C‑294/90, Ġabra p. 1‑493), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li d-dritt għal smigħ japplika qabel l-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni li hija sostanzjalment identika għall-ewwel waħda. Issa, f’dan il-każ, diversi elementi, jiġifieri l-fatt li hija telqet mis-suq rilevanti fl-1991, l-annullament tad-Deċiżjoni 91/297, kif ukoll il-konklużjonijiet tad-deċiżjonijiet antidumping fis-snin 90, kellhom influwenza fuq il-mod ta’ kif għandhom jiġu kkunsidrati l-oġġezzjonijiet.
141 Barra minn hekk, id-dritt għal smigħ mill-ġdid jirriżulta mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi każ lill-Qorti Ġenerali, l-Artikolu 119(1) tar-Regoli tal-Proċedura jagħti lill-partijiet id-dritt li jippreżentaw noti ta’ osservazzjonijiet bil-miktub minkejja l-fatt li l-proċedura bil-miktub normalment hija kkunsidrata magħluqa. Bl-istess mod, l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB jipprovdi li deċiżjoni ġdida, adottata wara deċiżjoni finali preċedenti, tista’ tiġi adottata biss meta l-kawża tinfetaħ mill-ġdid skont il-liġi u l-proċeduri kriminali tal-Istat ikkonċernat.
142 Ir-rikorrenti tiddeduċi minn dan li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-drittijiet tad-difiża tagħha kienu protetti b’mod adegwat mid‑dritt għal smigħ mogħti lira matul il-proċedura amministrattiva.
143 It-tielet nett, ir-rikorrenti tfakkar ir-rwol essenzjali tal-uffiċjal tas-seduta li għandu jiżgura li, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni, il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw għal kollox id-drittijiet tad-difiża tagħhom kif ukoll li l-punti essenzjali ta’ liġi jew ta’ fatt li huma jqajmu jiġu kkomunikati lid-Direttur Ġenerali tal-Kompetizzjoni, lill-membri tal-Kummissjoni u lill-Kumitat Konsultattiv. Hija ssostni wkoll li, peress li d-drittijiet tad-difiża tagħha jimplikaw id-dritt għal smigħ mill-ġdid qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija jmissha wkoll gawdiet mid-dritt għall-involviment tal-uffiċjal tas-seduta, liema dritt ma ngħatax lilha.
144 Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li, meta jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt tagħha għal smigħ mill-ġdid qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni jmissha wkoll ikkonsultat mill-ġdid lill-Kumitat Konsultattiv. Fis-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq, din l-istess qorti ddeċidiet b’mod żbaljat li l-konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv kien neċessarju biss f’sitwazzjonijiet fejn impriżi kellhom jinstemgħu. Barra minn hekk, mir-Regolament Nru 17 jirriżulta li konsultazzjoni separata hija rikjesta għal kull deċiżjoni separata, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk l-impriżi nstemgħux ukoll u l-grad ta’ xebh tad-deċiżjonijiet. Għaldaqstant, anki jekk id-deċiżjoni kkontestata kellha biss tibdiliet fil-formulazzjoni fir-rigward tad-Deċiżjoni 91/300, il-Kummissjoni jmissha kkonsultat mill-ġdid lill-Kumitat Konsultattiv qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-kompożizzjoni tal-Kumitat Konsultattiv mingħajr dubju kienet inbidlet sostanzjalment u l-opinjoni tiegħu fl-2000 ma kienx neċessarjament jikkoinċidi ma’ dik espressa fl-1990.
145 Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni li, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kulleġġ tal-Kummissarji jmissu kellu l-opportunità li jeżamina l-fatti, iċ-ċirkustanzi u l-kwistjonijiet legali rilevanti f’dak il-mument. Madankollu, huwa ma kellux din il-possibbiltà peress li l-Kummissjoni ma semgħetx mill-ġdid lill-impriżi kkonċernati, u lanqas ma kkonsultat mill-ġdid lill-Kumitat Konsultattiv. Ir-rikorrenti tiddeduċi minn dan li, li kieku l-Kulleġġ tal-Kummissarji kellu għarfien dwar il-fatti kollha, huwa seta’ ma jasalx għall-istess deċiżjoni.
146 Is-sitt nett, ir-rikorrenti tosserva li l-kelliema għall-Kummissjoni, li d-dikjarazzjonijiet tagħha jinsabu fl-istqarrija għall-istampa tal-aġenzija Reuters tat‑12 ta’ Diċembru 2000, indikat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fil-laqgħa tal-Kulleġġ tal-Kummissarji fit-13 ta’ Diċembru 2000. Minn dawn id-dikjarazzjonijiet jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata kienet diġà ġiet adottata qabel l-imsemmija laqgħa, bi ksur tar-regoli interni tal-Kummissjoni u tal-prinċipju ta’ kolleġjalità.
147 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tordna l-produzzjoni tal-fajl ippreżentat lill-Kulleġġ tal-Kummissarji u tal-minuti tal-laqgħa flimkien mad-dokumenti kollha annessi.
148 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
149 L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tallega, essenzjalment, li hija kellha tirċievi dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida fl-2000, peress li l-allegazzjonijiet fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li kienet ġiet innotifikata lilha fl-1990 kienu bbażati fuq l-eżistenza ta’ iżolament tas-swieq, li kien ir-riżultat ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma bejn Solvay u bejnha, liema ftehim ġie ppenalizzat permezz tad-Deċiżjoni 91/297, li ġiet sussegwentement annullata bis-sentenza ICI I, punt 17 iktar ’il fuq.
150 Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 126 iktar ’il fuq, l-annullament tad‑Deċiżjoni 91/300 ma jaffettwax il-validità tal-atti ta’ proċedura preċedenti u, b’mod partikolari, tad-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet.
151 Il-Kummissjoni ma kinitx għaldaqstant, sempliċement minħabba dan l-annullament, marbuta li tibgħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida lir-rikorrenti.
152 Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tad-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet li kienet ġiet innotifikata lir-rikorrenti fl-1990, il-Kummissjoni kienet għamlet diversi punti ta’ kritika u l-oġġezzjonijiet ibbażati, minn naħa, fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE u, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 82 KE, kienu awtonomi u bbażati fuq provi differenti. Konsegwentement, il-fatt li l-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni 91/297 minħabba ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma jistax jikkontesta l-kritika li tgħid li r‑rikorrenti abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq rilevanti.
153 It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kellha tismagħha mill-ġdid, għandu jiġi mfakkar li, meta l-Kummissjoni, wara l-annullament ta’ deċiżjoni li tissanzjona lill-impriżi li kisru l-Artikolu 82 KE, minħabba difett proċedurali li jikkonċerna biss il-metodi tal‑adozzjoni finali tagħha mill‑Kulleġġ tal-Kummissarji, adottat deċiżjoni ġdida, b’kontenut sostanzjalment identiku u bbażata fuq l-istess oġġezzjonijiet, hija ma għandhiex l-obbligu li tisma’ mill-ġdid lill-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II, punt 25 iktar ’il fuq, punti 246 sa 253, ikkonfermata mis-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 39 iktar ’il fuq, punti 83 sa 111 ).
154 Fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ dritt li jistgħu jitqajmu fil-kuntest tal‑applikazzjoni tal-Artikolu 233 KE, bħal dawk relatati mad-dekorriment tat-terminu, mal-possibbiltà ta’ tkomplija tal-proċedimenti, mal-aċċess għall-fajl li huwa inerenti għat-tkomplija tal-proċeduri, mal-intervent tal-uffiċjal tas-seduta u mal-Kumitat Konsultattiv kif ukoll ma’ implikazzjonijiet eventwali tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 17, dawn ma jirrikjedux smigħ mill‑ġdid, sakemm dawn ma jbiddlux il-kontenut tal-oġġezzjonijiet, peress li huma biss suġġetti, jekk ikun il-każ, għal stħarriġ ġudizzjarju ulterjuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 39 iktar ’il fuq, punt 93).
155 F’dan il-każ, il-Kummissjoni rriproduċiet kważi l-kontenut kollu tad-Deċiżjoni 91/300. Hija kkompletat biss id-deċiżjoni kkontestata b’silta li tikkonċerna l-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.
156 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata u d-Deċiżjoni 91/300 għandhom kontenut sostanzjalment identiku u huma bbażati fuq l-istess motivi.
157 Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 153 u 154 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata f'dan il-każ li tisma’ mill-ġdid lir‑rikorrenti qabel ma tadotta d-deċiżjoni kkontestata.
158 It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li hija kellha tibbenefika mill‑involviment tal-uffiċjal tas-seduta qabel ma tadotta d-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni ħolqot il-post ta’ uffiċjal tas‑seduta, b’effett mill‑1 ta’ Settembru 1982, skont komunikazzjoni intitolata “Informazzjoni dwar il-proċeduri skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattati KEE u KEFA (l-Artikoli [81 KE] u [82 KE]; l-Artikoli 65 [KEFA], u 66 [KEFA])” (ĠU 1982, C 251, p. 2).
159 Fil-komunikazzjoni msemmija fil-punt 158 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ddefiniet il-funzjoni tal-uffiċjal tas-seduta kif ġej: [...]
“L-uffiċjal tas-seduta għandu l-missjoni li jiżgura l-iżvolġiment xieraq tas-smigħ u b’hekk jikkontribwixxi għall-oġġettività kemm tas-smigħ kif ukoll ta’ kull deċiżjoni ulterjuri meħuda. B’mod partikolari għandu jħares sabiex il-punti ta’ fatt rilevanti kollha, kemm jekk ikunu favorevoli u kemm jekk ma jkunux favorevoli għall-partijiet ikkonċernati, jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni fil‑preparazzjoni tal-abbozzi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il‑kompetizzjoni.
Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, huwa jħares li jiġi rispettati d-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni n-neċessità ta’ applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni, skont ir-regolamenti fis-seħħ u l-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
160 Il-funzjonijiet tal-uffiċjal tas-seduta ġew speċifikati f’deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 1990, li Artikolu 2 tiegħu ġie fformulat f’termini simili għal dawk tad-definizzjoni inizjali, u sussegwentement fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/810/KEFA, KE, tat-12 ta’ Diċembru 1994, dwar it-termini ta’ referenza tal-uffiċjali tas-seduta fil-kuntest tal-proċeduri ta’ kompetizzjoni quddiem il-Kummissjoni (ĠU L 330, p. 67). Din id-deċiżjoni, li kienet fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, issostitwiet u annullat iż-żewġ deċiżjonijiet preċedenti. L-Artikolu 2 tagħha ġie abbozzat f’termini simili għal dawk tad-definizzjoni oriġinali.
161 Konsegwentement, mill-kontenut stess tal-missjoni fdata lill-uffiċjal tas‑seduta li intervjena fil-proċeduri qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-intervent inkwistjoni kien neċessarjament marbut mas-smigħ tal-impriżi, fil-perspettiva ta’ deċiżjoni eventwali.
162 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, peress li seduta ġdida ma kinitx neċessarja f’dan il-każ wara l-annullament tad-Deċiżjoni 91/300, intervent ġdid tal-uffiċjal tas-seduta fiċ-ċirkustanzi previsti bid-deċiżjoni tal‑24 ta’ Novembru 1990, li sadattant kienet daħlet fis-seħħ, ma kienx iktar meħtieġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 39 iktar ’il fuq, punt 127).
163 Ir-raba’ nett, fir-rigward l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kumitat Konsultattiv għandu jiġi kkonsultat qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 17 fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-mument tal-fatti, jipprovdi kif ġej:
“3. Kumitat Konsultattiv fuq il-Prattiki Restrittivi u l-Monopolji għandu jiġi konsultat qabel ma tittieħed kull deċiżjoni wara l-proċedura taħt il-paragrafu 1, u kull deċiżjoni fir-rigward tat-tiġdid, l-emendar jew ir-revoka ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu [81(3)] [KE].
[…]
5. Il-konsultazzjoni għandha sseħħ waqt laqgħa konġunta msejħa mill-Kummissjoni; din il-laqgħa għandha ssir mhux qabel erbatax il-ġurnata wara l-ħruġ tan-notifika li sejħet għaliha. In-notifika għandha, fir-rigward ta’ kull każ li għandu jiġi eżaminat, tkun akkumpanjata minn sommarju tal-każ flimkien ma indikazzjoni tad-dokumenti l-aktar importanti, u abbozz preliminari tad-deċiżjoni.”
164 Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 99/63/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1963, dwar is-smigħ ipprovdut fl-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament Nru 17 (ĠU 1963, 127, p. 2268), jipprovdi:
“Qabel ma tikkonsulta l-Kumitat Konsultattiv Dwar Prattiki Ristrettivi u l-Monopolji, il-Kummissjoni għandha torganizza smigħ skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 17.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
165 Skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 99/63 jirriżulta li s-smigħ tal-impriżi kkonċernati u l-konsultazzjoni tal-kumitat huma neċessarji fl-istess sitwazzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, 46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859, punt 54, u PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 39 iktar ’il fuq, punt 115).
166 Ir-Regolament Nru 99/63 ġie ssostitwit mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2842/98, tat-22 ta’ Diċembru 1998, dwar is-smigħ tal-partijiet f’ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 204), fis-seħħ fil‑mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fejn l-Artikolu 2(1) tagħha huwa fformulat f’termini simili għal dawk tal-Artikolu 1 tar‑Regolament Nru 99/63.
167 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiki Ristrettivi u l-Monopolji ġie kkonsultat qabel id-Deċiżjoni 91/300. Ir-rikorrenti ma tikkontestax la l‑eżistenza u lanqas ir-regolarità ta’ din il-konsultazzjoni.
168 Għaldaqstant, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda tibdil sostanzjali meta mqabbla mad-Deċiżjoni 91/300, il-Kummissjoni, li ma kinitx obbligata li tisma’ mill-ġdid lir-rikorrenti qabel ma tadotta d-deċiżjoni kkontestata, lanqas ma kienet obbligata li tikkonsulta mill-ġdid il-Kumitat Konsultattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 39 iktar ’il fuq, punt 118).
169 Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament Nru 17, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tal-fatti:
“Il-Kumitat Konsultattiv għandu jkun kompost minn uffiċjali kompetenti fil‑materja tal-Prattiċi restrittivi u l-Monopolji. Kull Stat Membru għandu jappunta uffiċjal sabiex jirrapreżentah li, jekk ikun prevenut milli jattendi, jista’ jiġi mibdul minn uffiċjal ieħor.”
170 Skont il-ġurisprudenza, it-tibdil fil-kompożizzjoni ta’ istituzzjoni ma jaffettwax il-kontinwità tal-istituzzjoni nnifisha, fejn l-atti definittivi jew preparatorji, fil-prinċipju, iżommu l-effetti kollha tagħhom (sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra I‑4023, punt 36).
171 Barra minn hekk, ma jeżisti ebda prinċipju ġenerali tad-dritt li jirrikjedi kontinwità fil-kompożizzjoni tal-korp amministrattiv li quddiemu titressaq proċedura li tista’ twassal għal multa (sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 25 iktar ’il fuq, punti 322 u 323).
172 Il-ħames nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, il-Kulleġġ tal-Kummissarji jmissu kellu l-opportunità li jirrevedi l-fatti, iċ-ċirkustanzi u l-kwistjonijiet legali rilevanti kollha għal dak il-mument, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta, wara l-annullament tad-Deċiżjoni 91/300, ma sarx smigħ ġdid tal-impriżi kkonċernati qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
173 Barra minn hekk, kif ġie osservat fil-punti 162 u 167 iktar ’il fuq, intervent ġdid mill-uffiċjal tas-seduta u konsultazzjoni mill-ġdid tal-kumitat konsultattiv ma kinux meħtieġa f’dan il-każ.
174 F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fajl ippreżentat lill-Kulleġġ tal-Kummissarji ma għandux jinkludi, b’mod partikolari, rapport ġdid mill-uffiċjal tas-seduta u rapport ġdid tal-konsultazzjoni tal-kumitat konsultattiv. Konsegwentement, il-premessa tar-raġunament tar-rikorrenti dwar il-kompożizzjoni ta’ dan il-fajl hija żbaljata, b’tali mod li l-imsemmi raġunament huwa infondat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 39 iktar ’il fuq, punti 130 sa 133).
175 Is-sitt nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata qabel il-laqgħa tal-Kulleġġ tal-Kummissarji, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ kolleġjalità huwa bbażat fuq l-ugwaljanza tal-membri tal-Kummissjoni fil-parteċipazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u jimplika b’mod partikolari li d-deċiżjonijiet jiġu deliberati flimkien u l-membri kollha tal-Kulleġġ għandhom ikunu kollettivament responsabbli, mill-aspett politiku, għad‑deċiżjonijiet kollha meħuda (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑191/95, Ġabra p. I‑ 5449, punt 39, u tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑1/00, Ġabra I‑9989, punt 79).
176 L-osservanza tal-prinċipju ta’ kolleġjalità, u speċjalment in-neċessità li deċiżjonijiet jiġu deliberati flimkien, neċessarjament taffettwa s-suġġetti ta’ dritt ikkonċernati mill-effetti legali li jipproduċu, fis-sens li għandhom jiġu assigurati li dawn id-deċiżjonijiet effettivament jittieħdu mill-Kulleġġ u jikkorrispondu eżatt mar-rieda ta’ dan tal-aħħar. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ atti, ikkwalifikati espressament bħala deċiżjonijiet, li l-Kummissjoni għandha tadotta kontra impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi sabiex jiġu osservati r-regoli tal-kompetizzjoni u li għandhom bħala għan il-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dawn ir-regoli, li jingħataw ordnijiet fir-rigward ta’ dawn l-impriżi u li jiġu imposti sanzjonijiet pekunjarji fil-konfront tagħhom (Il‑Kummissjoni vs BASF, punt 64 iktar ’il fuq, punti 64 u 65).
177 F’dan il-każ, ir-rikorrenti tinvoka l-fatt li, skont stqarrija għall‑istampa tal‑aġenzija Reuters tat-12 ta’ Diċembru 2000, il-kelliema għall-Kummissjoni ħabbret li din tal-aħħar kienet ser tadotta l-istess deċiżjoni mill‑ġdid fit-13 ta’ Diċembru 2000.
178 Madankollu, li kieku kellu jitqies li l-kelliema għall-Kummissjoni għamlet il-kummenti li għalihom tirreferi r-rikorrenti, is-sempliċi fatt li l-istqarrija għall-istampa ta’ kumpannija privata ssemmi dikjarazzjoni li ma għandha ebda natura uffiċjali ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ kolleġjalità. Fil-fatt, il-Kulleġġ tal-Kummissarji ma kien marbut bl-ebda mod b’din id-dikjarazzjoni u, fil-laqgħa tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2000, seta’ għaldaqstant jiddeċiedi wkoll, wara deliberazzjoni konġunta, li ma jadottax id-deċiżjoni kkontestata.
179 Konsegwentement, ma hemmx lok li l-Kummissjoni tiġi ordnata tipproduċi d-dokumenti interni tagħha relatati mal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari l-minuti tal-laqgħa tal-Kulleġġ tal-Kummissarji u d-dokumenti annessi kollha, kif ukoll id-dokumenti ppreżentati lill-Kulleġġ tal-Kummissarji f’din l-okkażjoni.
180 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.
Fuq ir-raba’ parti, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl
– L-argumenti tal-partijiet
181 Ir-rikorrenti ssostni li, wara li rċeviet id-deċiżjoni kkontestata, hija talbet aċċess għall-fajl fil-bidu tal-2001, u l-Kummissjoni rrifjutat dan l-aċċess. Dan l-aċċess kien ġie rrifjutat lilha wkoll fl-1990.
182 Ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni kellha tagħtiha aċċess għall-fajl minkejja l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kienet diġà adottata, għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ċaħditilha opportunità ġdida li titolb l-aċċess għall-fajl meta adottat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma tiftaħ mill-ġdid il-proċeduri amministrattivi u lanqas indikatilha l-intenzjoni tagħha. It-tieni nett, il-Kummissjoni, li kienet irrifjutat li tagħti aċċess għall‑fajl fl-1990, setgħet tikkoreġi dan l-iżball fil-mument tal-adozzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata. It-tielet nett, l-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-regoli interni tal-proċedura li tipproċessa t-talbiet għall-aċċess għall-fajl f’każi skond l-Artikoli [81 KE] u [82 KE], l-Artikoli 65 [KE] u 66[KE] u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 136, iktar ’il quddiem “il-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl”), stabbilixxa regoli iktar favorevoli għall-impriżi fir-rigward tal-aċċess għall-fajl. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tikkunsidra li, bħal kull destinatarju ieħor ta’ deċiżjoni adottata fl-2000, hija kellha tibbenefika minn dawn ir-regoli l-ġodda.
183 Ir-rikorrenti tammetti li l-argumenti tagħha dwar l-aċċess għall-fajl ġew miċħuda fis-sentenza ICI II, punt 16 iktar ’il fuq. Madankollu, hija ssostni li dan ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħmel evalwazzjoni li tkun favorevoli għaliha f’din il-kawża.
184 Skont ir-rikorrenti, il-fajl ċertament jinkludi l-korrispondenza u dokumenti mingħand il-klijenti tagħha fir-Renju Unit, b’mod partikolari mill-manifatturi tal-ħġieġ, mill-kompetituri tagħha fir-Renju Unit kif ukoll mill-importaturi Amerikani. Ir-risposti bil-miktub u d-dokumenti mingħand il-produtturi tal‑ħġieġ u l-klijenti tar-Renju Unit setgħu jgħinuha fid-difiża tagħha għall‑allegazzjonijiet ta’ pożizzjoni dominanti u ta’ użu ħażin ta’ din il-pożizzjoni. Bl-istess mod, informazzjoni mingħand il-kompetituri tagħha setgħet tagħtiha dawl fuq elementi tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, id-dokumenti mingħand il-produtturi tal-Ewropa tal-Punent kontinentali setgħu jgħinuha fl-analiżi tas-suq rilevanti u b’mod partikolari fil-kwistjoni tal-effett sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni jew fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fis-sentenza ICI II, punt 16 iktar ’il fuq, meta ddeċidiet li d-drittijiet tad-difiża tagħha ma nkisrux.
185 Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li hija għandha d-dritt li tqajjem mill‑ġdid il-kwistjoni ta’ aċċess għall-fajl. Min-naħa, meta l-Qorti Ġenerali eżaminat il‑kwistjoni tal-aċċess għall-fajl fis-sentenza ICI II, punt 16 iktar ’il fuq, hija għamlet dan abbażi tal-lista enumerattiva prodotta mill-Kummissjoni. Issa, din il-lista ma identifikatx kompletament id‑dokumenti li jinsabu fil-fajl. Min‑naħa l-oħra, wara l-annullament tad‑Deċiżjoni 91/300, hija ma kellha ebda raġuni li tiddedika l-ħin u l-flus sabiex tippreżenta appell inċidentali dwar il-kwistjoni tal-aċċess għall-fajl, b’mod partikolari peress li hija kkunsidrat dak iż-żmien li s-sentenza ICI II punt 16 iktar ’il fuq, probabbilment kienet ser tiġi kkonfermata fl-appell. Ir‑rikorrenti tikkunsidra li, “jekk il-Kummissjoni kienet rebħet, [hija] setgħet tippreżenta appell fuq [din il-kwistjoni], wara li tkun instemgħet mill-ġdid fuq il-mertu mill-[Qorti Ġenerali]”.
186 Fir-replika, ir-rikorrenti żżid li l-kwistjoni tal-aċċess għall-fajl ma taqax taħt l-awtorità ta’ res judicata. Fil-fehma tagħha, din il-kwistjoni ma kinitx effettivament jew neċessarjament deċiża fis-sentenza ICI II, punt 16 iktar ’il fuq. Hija ssostni li, anki jekk hija kellha l-possibbiltà li tippreżenta appell inċidentali fuq din il-kwistjoni, hija ma tistax tiġi kkritikata talli ma għamlitx dan, peress li dan l-appell inċidentali ma kienx meħtieġ fid-dawl tas‑sentenza Il‑Kummissjoni vs BASF et, punt 64 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, b’referenza għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacob fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, Ġabra p. I-833), ir‑rikorrenti ssostni li ma kienx manifestament ovvju jew evidenti li appell inċidentali kien neċessarju jew li dan kien ikun ta’ xi utilità kwalunkwe. F’dan ir-rigward, hija tispeċifika li, jekk l-argument tal‑Kummissjoni dwar il-kwistjoni tal-awtorità ta’ res judicata għandu jiġu aċċettat, dan jinċentiva l-preżentazzjoni ta’ diversi appelli inċidentali u jżid bla bżonn l-ammont ta’ xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja.
187 Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-aċċess għall-fajl fis-sentenza ICI II, punt 16 iktar ’il fuq, hija żbaljata. Skont ir-rikorrenti, huwa suffiċjenti li jiġi stabbilit li d-dokumenti mhux żvelati setgħu kellhom importanza li ma jmisshiex ġiet injorata, kif il-Qorti Ġenerali ddikjarat fis-sentenza ICI II, punt 17 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, li kieku l-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi llum dwar il-kwistjoni tal-aċċess għall-fajl li hija kienet qajmet fil-kawża li wasslet għas-sentenza ICI II punt 16 iktar ’il fuq, ma huwiex għal kollox evidenti li hija ser tasal għall-istess konklużjoni bħal dik li waslet għaliha f’din is-sentenza fid-dawl tal-iżvilupp tad-dritt. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka b’mod partikolari l-komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl.
188 Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, wara l-miżura istruttorja ordnata mill-Qorti Ġenerali li tagħtiha aċċess għall-fajl, hija setgħet tikkonstata difetti sinjifikattivi fil-ġestjoni tad-dokumenti mill-Kummissjoni, li kellhom diversi konsegwenzi.
189 Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li huwa impossibbli li l-Kummissjoni setgħet tadotta d-deċiżjoni tagħha wara eżami sħiħ u ġust tal-provi kollha għad-dispożizzjoni tagħha.
190 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni tilfet mill-inqas ħames fajls sussidjarji. Issa, fil-fehma tagħha, fajl sussidjarju u nofs kellu jinkludi l-korrispondenza li għaddiet skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 bejnha u bejn il-Kummissjoni u tliet fajls sussidjarji u nofs kellhom jinkludu l-korrispondenza bejn il-klijenti tagħha u l-kompetituri tagħha fir-Renju Unit u l-Kummissjoni. It-telf ta’ dawn il-fajls kellu bħala konsegwenza li jiżvantaġġja b’mod serju ħafna d-difiża tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. Ir-rikorrenti ssostni li, li kieku hija kellha aċċess għal informazzjoni indipendenti mill-klijenti tagħha fir-Renju Unit, hija kien ikollha provi addizzjonali sabiex issaħħaħ l-argument tagħha, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni probabbilment kienet tasal għal konklużjoni differenti b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti, tal-użu abbużiv mill-pożizzjoni dominanti, tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u tal-multa.
191 Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tindika li xi dokumenti eżistenti li hija kkonsultat għenuha wkoll issaħħaħ it-teżi tagħha u tikkontesta ħafna konklużjonijiet li l-Kummissjoni waslet għalihom fid-deċiżjoni kkontestata.
192 Il-Kummissjoni rrispondiet li “id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jaqa’ taħt l-awtorità ta’ res judicata bi preġudizzju tar-[rikorrenti].” Fil-fehma tagħha, kull talba għal aċċess għall-fajl wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni huwa mingħajr skop.
193 Fir-rigward tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti li saru wara l-miżura istruttorja ordnata mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni osservat li din il-miżura ppermettiet li jiġi kkonfermat li d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti li saru matul il-proċedura amministrattiva u fl-atti proċedurali tagħha dwar il-ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża, bl-ebda mod ma kienu fondati. Wara li saret taf b’fajl li kellu madwar 25 000 dokument, ir-rikorrenti sabet biss 60 dokument li jissostanzjaw l-argumenti tagħha. Madankollu, skont il-Kummissjoni, ebda wieħed minnhom ma kien tal-iċken għajnuna.
194 Fir-rigward tat-telf tal-fajls sussidjarji, ikkonstatat wara li saret il-miżura istruttorja ordnata mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tqis li din ma għandha ebda effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u li ma għandhiex tiġi evalwata żżejjed l-importanza tal-fatt li 5 mill-71 fajl sussidjarju ntilfu. Fil-fehma tagħha, ir-rikorrenti ma ressqet ebda raġuni li tippermetti li wieħed jaħseb li dawn il-fajls sussidjarji kellhom jinkludu provi favuriha, li ma ġewx ippreżentati lilha, iżda li kienu jgħinuha tikkonfuta l-allegazzjonijiet ifformulati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Il‑Kummissjoni żżid li, għalkemm il-fajls sussidjarji mitlufa jinkludu korrispondenza mal-klijenti u mal-kompetituri tar-rikorrenti, kif issostni din tal-aħħar, dan il-fatt ma kienx ikun utli lir-rikorrenti, peress li, f’dan il-każ, jista’ jirrigwarda biss provi ta’ ebda interess u għaldaqstant ma ntużawx, jew kienu, fl-aħjar ipoteżi, simili għal dawk li hija rat u li fuqhom hija ma setgħet tislet ebda argument.
195 Fir-rigward tad-diskrepanza fl-enumerazzjoni u l-ġestjoni ħażina tad-dokumenti ċċitati mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni li l-kriterju biex tiddetermina jekk id-drittijiet tad-difiża ġewx rispettati huwa jekk parti ratx id-dokument u, fil-każ kuntrarju, jekk id-dokument kienx jippermettilha tqajjem argument li hija ma setgħetx tinvoka f’dak iż-żmien. Dan jiddependi esklużivament fuq il-konsultazzjoni tad-dokument u mhux fuq il-fajl li fih il-Kummissjoni poġġiet id-dokument, u lanqas fuq il-mod kif enumerat il-fajls tagħha.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
196 Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-importanza li għandu l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata kemm fis-sistema legali Komunitarja kif ukoll fis-sistemi legali nazzjonali. Fil-fatt, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tal-liġi u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa essenzjali li ma jkunx possibli li jitqajmu dubji fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ntużaw ir-rimedji kollha disponibbli għal appell jew wara li jkun skada t-termini previsti għal appell (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, Ġabra p. I‑10239, punt 38, u tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapferer, C‑234/04, Ġabra p. I‑2585, punt 20).
197 Skont ġurisprudenza stabbilita, l-awtorita ta’ res judicata ta’ sentenza tista’ tostakola l-ammissibbiltà ta’ rikors jekk ir-rikors li kien ta lok għas-sentenza kkonċernata kien jinvolvi l-istess partijiet, ittratta l-istess oġġett u kellu l-istess bażi legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il‑Kummissjoni, 172/83 u 226/83, Ġabra p. 2831, punt 9, u tat-22 ta’ Settembru 1988, Franza vs Il‑Parlament, 358/85 u 51/86, Ġabra p. 4821, punt 12; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Marzu 1990, Maindiaux et vs KES, T‑28/89, Ġabra p. II‑59, punt 23), fid-dawl tal-fatt li ġie speċifikat li dawn il-kundizzjonijiet għandhom neċessarjament natura kumulattiva (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ġunju 1996, NMB France et vs Il‑Kummissjoni, T‑162/94, Ġabra p. II‑427, punt 37).
198 L-awtorità ta’ res judicata hija konnessa biss mal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi permezz tad-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Frar 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑281/89, Ġabra p. I‑347, punt 14, u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Novembru 1996, Lenz vs Il‑Kummissjoni, C‑277/95 P, Ġabra p. I‑6109, punt 50).
199 Fis-sentenza ICI II, punt 16 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, li jirriżulta mir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti aċċess għall-fajl lir-rikorrenti.
200 Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-motiv kienx fondat, fis-sentenza ICI II, punt 25 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali għamlet eżami fil-qosor tal-oġġezzjonijiet fuq il-mertu li saru mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid‑Deċiżjoni 91/300.
201 L-ewwel parti tal-motiv, fil-kawża li tat lok għas-sentenza ICI II, punt 16 iktar ’il fuq, ġiet ibbażata fuq in-nuqqas ta’ żvelar, fil-konfront tar-rikorrenti, ta’ dokumenti li eventwalment jiskaġunawha. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li jgħid li r-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti l-aċċess għad-dokumenti tal-produtturi seta’ jaffettwa d-difiża tagħha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-konstatazzjonijiet li saru fid-Deċiżjoni 91/300 dwar il-pożizzjoni dominanti, dwar l-abbuż minn pożizzjoni dominanti u dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri ma setgħux jiġu kkontestati permezz tad-dokumenti mhux ikkomunikati. Fit-tieni lok, fir-rigward taċ-ċaħda ta’ aċċess għall-fajls tar-rikorrenti nnifisha, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li setgħet tibbaża ruħha fuq dokumenti mill-qasam tagħha stess. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni ġustament irrifjutat li tagħti lir-rikorrenti aċċess għal dawn il-fajls u li tipprovdilha lista ta’ dokumenti li jinsabu fihom.
202 It-tieni parti tal-motiv, fil-kawża li tat lok għas-sentenza ICI II, punt 16 iktar ’il fuq, ġiet ibbażata fuq in-nuqqas ta’ żvelar, lir-rikorrenti, ta’ ċerti dokumenti li jinkriminawha. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fir-rigward tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar skont speċjali li kumpannija kienet offriet lir-Renju Unit, il-metodu użat mill-Kummissjoni diffiċli seta’ jiġi kkonċiljat mad-drittijiet tad-difiża, iżda d-difett ikkonstatat f’dan il-każ ma kienx affettwa l-eżerċizzju mir-rikorrenti tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Barra minn hekk, l-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti kienu jirriżultaw mill-eżami fuq il-mertu tal-kawża u ma kinux rilevanti għall-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża.
203 Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet fl-intier tiegħu l-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża.
204 Il-Qorti Ġenerali sussegwentement eżaminat il-motiv tal-awtentikazzjoni irregolari tad-Deċiżjoni 91/300 u kkonkludiet għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.
205 Minħabba ċ-ċaħda tal-appell bis-sentenza Il‑Kummissjoni vs ICI, punt 19 iktar ’il fuq, is-sentenza ICI II, punt 16 iktar ’il fuq, hija deċiżjoni ġudizzjarja li saret finali.
206 Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 197 iktar ’il fuq, sabiex tiddetermina jekk il-kwistjoni tal-aċċess għall-fajl taqax taħt l-awtorità ta’ res judicata, għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikors li ta lok għas-sentenza ICI II, punt 16 iktar ’il fuq, u l-appell ippreżentat f’dan il-każ bejn l-istess partijiet, għandhomx l-istess oġġett u humiex ibbażati fuq l-istess bażi legali.
207 Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-identità tal-partijiet inkwistjoni fil-kuntest taż-żewġ rikorsi, għandu jiġi kkonstatat li f’dan il-każ dan ġie sodisfatt. Fil-fatt, bħar-rikors li ta lok għas-sentenza ICI II, punt 16 iktar ’il fuq, ir-rikors ippreżentat f’din il-kawża huwa bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet dwar l-identità tal-oġġett u tal-bażi legali, għandu jiġi osservat qabel kollox, li, formalment, il-Kummissjoni adottat żewġ deċiżjonijiet, jiġifieri d-Deċiżjoni 91/300 u d-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, mill‑ispjegazzjonijiet li saru iktar ’il fuq (ara b’mod partikolari l-punti 24, 111, 112 u 156 iktar ’il fuq) jirriżulta li, min-naħa, il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata huwa identiku għal dak tad-Deċiżjoni 91/300 bl-eċċezzjoni ta’ parti ġdida intitolata, “Proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja” u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-istess motivi bħal dawk tad‑Deċiżjoni 91/300. Fil-fatt il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tadotta d‑deċiżjoni kkontestata fl-istess termini bħal dawl tad-Deċiżjoni 91/300 mingħajr ma tkun obbligata li tadotta passi proċedurali ġodda wara l-annullament tad‑Deċiżjoni 91/300, sa fejn id-difett formali jirrigwarda biss il-metodi tal-adozzjoni finali tal-imsemmija deċiżjoni u sa fejn l-annullament ma jaffettwax il-validità tal-miżuri preparatorji ta’ din id-deċiżjoni.
208 Peress li l-Kummissjoni ma għamlitx att istruttorju bejn l-għoti tas‑sentenza Il‑Kummissjoni vs ICI, punt 19 iktar ’il fuq, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata huwa identiku għal dak tad-Deċiżjoni 91/300, bl-eċċezzjoni tas-silta korrispondenti għall-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, u li r-rikorrenti talbet l-aċċess mill-ġdid għall-fajl, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża għandha l-istess oġġett u hija bbażata fuq l-istess bażi legali.
209 Peress li l-kundizzjonijiet ta’ identità tal-partijiet, ta’ oġġett u ta’ bażi legali huma kumulattivament sodisfatti f’dan il-każ, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 197 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-punt ta’ liġi dwar l-aċċess għall-fajl fil-Każ COMP/33.133 - D: Karbonat tas-sodju − ICI ġie effettivament deċiż mill-qorti u li, għaldaqstant jaqa’ taħt l-awtorità ta’ res judicata.
210 Din l-awtorità ta’ res judicata tostakola ċ-ċirkustanza fejn dan il-punt ta’ liġi jerġa’ jitqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali u jiġi eżaminat minnha.
211 Minn dan jirriżulta li r-raba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.
212 Madankollu, għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi osservat li, jekk wieħed jassumi li l-punt ta’ dritt dwar l-aċċess għall-fajl ma jaqax taħt l-awtorità ta’ res judicata, l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti, fit-13 ta’ Ottubru 2005, wara l-konsultazzjoni tal-fajl fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċeduri ma humiex tali li jikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fis-sentenza ICI II, punt 16 iktar ’il fuq.
213 Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li ċerti dokumenti kienu jippermettulha li ssaħħaħ l-argumenti tagħha u tikkontesta l-konklużjonijiet diversi li l-Kummissjoni waslet għalihom fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma wrietx li n-nuqqas ta’ żvelar ta’ dawn id-dokumenti u ta’ din l-informazzjoni setgħetx tinfluwenza, b’detriment għaliha, l-iżvolġiment tal-proċeduri amministrattivi u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni kif rikjest mill-ġurisprudenza fir-rigward tal-provi li jiskaġunawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punt 146, u l-ġurisprudenza ċċitata).
214 Fil-fatt, ir-rikorrenti ma pprovatx li, jekk hija setgħet tibbaża ruħha fuq dokumenti li jinsabu fil-fajl waqt il-proċeduri amministrattivi, hija setgħet tinvoka provi li ma humiex konsistenti mad-deduzzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni u għaldaqstant setgħet tinfluwenza, bi kwalunkwe mod, l-evalwazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar fid‑deċiżjoni eventwali, għall-inqas f’dak li jirrigwarda l-gravità u t-tul tal-aġir attribwit lilha, u għaldaqstant, l-ammont tal-multa.
215 Fir-rigward tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti, ir-rikorrenti tallega li, li kieku hija kellha aċċess matul il-proċeduri amministrattivi għal ċerti dokumenti li hija saret taf bihom wara l-konsultazzjoni tal-fajl fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċeduri, dan kien jippermettilha li tikkonfuta l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li hija kellha pożizzjoni dominanti fis-suq rilevanti. Ir-rikorrenti tikkunsidra li hija setgħet tinvoka b’mod partikolari dokumenti li ġejjin minn Solvay, minn produtturi Ġermaniżi u mill-klijenti tagħha fir-Renju Unit sabiex turi l-importanza ta’ prodotti alternattivi bħas‑soda kawstika, il-frak tal-ħġieġ jew id-dolomija u turi l-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-importazzjonijiet ġejjin mill-Istati Uniti.
216 F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni bbażat ruħha essenzjalment fuq is-sehem mis-suq ta’ 90 % tradizzjonalment miżmum mir-rikorrenti sabiex jiġi stabbilit li din tal-aħħar kienet tokkupa pożizzjoni dominanti fis-suq rilevanti. Issa, ebda indizju ma jippermetti li jiġi preżunt li r-rikorrenti setgħet tiskopri fil-“fajls sussidjarji” neqsin dokumenti li jwaqqgħu l-konstatazzjoni li hija kellha pożizzjoni dominanti fis-suq tal-karbonat tas-sodju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ICI II, punt 16 iktar ’il fuq, punt 61). Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, ishma mis‑suq estremament importanti jikkostitwixxu minnhom infushom, u ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann‑La Roche vs Il‑Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 41, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il‑Kummissjoni, T‑65/98, Ġabra p. II‑4653, punt 154). Issa, ir-rikorrenti ma tinvoka ebda fatt li jista’ jikkostitwixxi tali ċirkustanzi eċċezzjonali. Fl-aħħar nett, anki jekk jitqies li tali fatti kienu jeżistu u jissemmew fid-dokumenti li jinsabu fil-“fajls sussidjarji” neqsin, ir-rikorrenti ma setgħetx tinjorahom fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’tali mod li ma ġewx ippreġudikati d-drittijiet tad-difiża tagħha f’dan ir-rigward.
217 Sussegwentement, fir-rigward tal-argument dwar il-prodotti alternattivi, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni qatt ma kkontestat li s-soda kawstika u l-frak tal-ħġieġ huma sa ċertu punt sostitwibbli għall-karbonat tas-sodju kif jirriżulta mill-premessi 129 sa 134 tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, hija kkunsidrat li din is-sostitwibbiltà limitata ma teskludix il-pożizzjoni dominati tar-rikorrenti fis-suq rilevanti. Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti fiż-żmien tal-fatti kienet l-uniku produttur tal-karbonat tas-sodju fir-Renju Unit, hija kienet fl-aħjar pożizzjoni li tkun taf bis-sitwazzjoni fis-suq rilevanti u biex tipprovdi għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni l-provi meħtieġa dwar il-kwistjoni tas-sostitwibbiltà tal-karbonat tas-sodju mas-soda kawstika jew mal-frak tal-ħġieġ. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din tal-aħħar bl-ebda mod ma kellha bżonn dokumenti ta’ produtturi kontinentali li jikkonċernaw swieq oħra u lanqas ma kellha bżonn dokumenti ġejjin mill-klijenti tagħha fir-Renju Unit sabiex tipprova turi li hija ma kinitx dominanti fis-suq rilevanti minħabba s-sostitwibbiltà parzjali tal-karbonat tas-sodju mis-soda kawstika u mill-frak tal-ħġieġ. Fir-rigward tas-sostitwibbiltà parzjali tal-karbonat tas-sodju mad-dolomija, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tibbaża ruħha fuq dokument li ġej minn kompetitur li jirrigwarda żjara li saret fil-fabbrika tagħha stess. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma setgħetx tinjora l-eżistenza ta’ tali dokument jew, għall-inqas l-informazzjoni li seta’ kien hemm fih. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma pprovatx li provi dwar is-sostitwibbiltà mid-dolomija setgħu influwenzaw l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq rilevanti.
218 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li d-dokumenti li ġejjin mill-klijenti tagħha fir-Renju Unit jew mill-produtturi kontinentali juru l-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-produtturi Amerikani fuq is-suq rilevanti, għandu jiġi osservat li l-impatt li għandhom il-kompetituri Amerikani huwa analizzat fid-dettall mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-importazzjonijiet u li tispjega li l-kompetizzjoni Amerikana kienet imrażżna permezz ta’ miżuri antidumping (punti 51‑54 u 128). Fi kwalunkwe każ, minħabba l-fatt li fi żmien il-fatt r-rikorrenti kienet l-uniku produttur tas-sodju fir-Renju Unit, hija neċessarjament kellha informazzjoni dwar is-suq rilevanti u l-effett ta’ importazzjonijiet li ġejjin mill-Istati Uniti fuq dan is-suq sabiex tiddefendi ruħha matul il-proċedura amministrattiva.
219 Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, fl-osservazzjonijiet tagħha tat-13 ta’ Ottubru 2005, ir-rikorrenti ma tressaq ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit li nuqqas ta’ żvelar matul il-proċeduri amministrattivi tad-dokumenti kkonsultati u tad-dokumenti li allegatament jinsabu fil-“fajls sussudjarji” neqsin setgħu jinfluwenzaw, b’detriment għaliha, l-iżvolġiment tal-imsemmija proċeduri u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq rilevanti.
220 Fir-rigward tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti, ir-rikorrenti ssostni li, kieku hija kellha aċċess matul il-proċeduri amministrattivi għal ċerti dokumenti li hija saret taf bihom wara l-konsultazzjoni tal-fajl fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċeduri kif ukoll għall-informazzjoni indipendenti minn klijenti u minn kompetituri fir-Renju Unit li allegatament jinsabu fil-“fajls sussidjarji” neqsin, dan il-fatt kien jippermettilha li turi li t-tnaqqis tagħha ma kienx minnu nnifsu intiż sabiex jeskludi kompetituri u kienu essenzjalment mod leġittimu ta’ kompetizzjoni. Fil-fehma tagħha, diversi dokumenti juru l-fatt li l-għoti ta’ tnaqqis kien prattika komuni fost il-produtturi kontinentali, u dan kien element importanti sabiex jintwera li dan it-tnaqqis kien perfettament konsistenti mal-prattiki aċċettati fl-industrija. Barra minn hekk, hija ssostni li d-dokumenti, li ġejjin b’mod partikolari minn Akzo, li jirreferu għall-politika ta’ sors doppju ta’ proviżjoni jew mit-tieni fornitur, kienu jkunu utli għall-analiżi tal-kwistjoni dwar jekk t-tnaqqis kellu l-effett li jeskludi kompetituri kif tallega l-Kummissjoni.
221 F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi osservat li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li t-tnaqqis fuq l-ogħla livell jikkostitwixxi prassi tas-soltu ma huwiex tali li juri li tali tnaqqis, meta dan jingħataw minn impriża li għandha pożizzjoni dominanti, kien konformi mal-Artikolu 82 KE. Għaldaqstant, il-konsultazzjoni ta’ dokumenti li juru l-eżistenza ta’ tali prattika ma kienet ta’ ebda użu lir-rikorrenti.
222 Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li n-natura ta’ fedeltà tas-sistema ta’ tnaqqis implementata mir-rikorrenti tirriżulta minn provi dokumentarji diretti. Fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata li titratta dwar il-“fatti”, il-Kummissjoni ċċitat, fil-premessi 61 sa 82 tad-deċiżjoni kkontestata, diversi dokumenti relatati mat-tnaqqis fuq l-ogħla livell li minnhom jirriżulta li dan ma jirriflettix żieda fl‑effiċjenza u ekonomija fil-kobor u li, kuntrarjament għal tnaqqis ta’ kwantità marbut biss mal-volum ta’ xiri, dan it-tnaqqis huwa intiż li jeskludi l-kompetituri mis-suq. Issa, fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, biss fuq provi dokumentarji diretti sabiex tistabbilixxi l-ksur differenti, ir-rikorrenti għandha tagħmel mill-aħjar sabiex tindika sa fejn provi oħra setgħu kkontestaw in-natura ta’ fedeltà tas-sistema ta’ tnaqqis implementata jew, mill-inqas, liema dawl differenti seta’ ngħata lill-provi dokumentarji diretti li ma ġewx ikkontestati.
223 Fl-aħħar nett, fir-rigward l-argument dwar il-politika tat-tieni fornitur, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kienet taf b’dan il-fatt u hija qatt ma kkontestatu, kif jirriżulta mill-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, għalkemm ir-rikorrenti kienet taf bid-dokumenti li juru din il-politika, il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti ma kinux minħabba f’hekk ferm differenti.
224 Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li fl-osservazzjonijiet tagħha tat-13 ta’ Ottubru 2005, ir-rikorrenti ma tressaq ebda prova li turi li n-nuqqas ta’ żvelar matul il-proċedura amministrattiva tad-dokumenti kkonsultati u tad-dokumenti li allegatament jinstabu fil-“fajls sussidjarji” neqsin setgħu jinfluwenzaw, b’detriment tagħha, l-iżvolġiment tal-imsemmija proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-abbuż mir-rikorrenti tal-pożizzjoni dominanti tagħha.
225 Fir-rigward tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, ir-rikorrenti ssostni li, jekk hija kellha aċċess matul il-proċedura amministrattiva għal ċerti dokumenti li hija saret taf bihom wara l-konsultazzjoni tal-fajl fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kif ukoll tal-informazzjoni mingħand il-klijenti fir‑Renju Unit li allegatament tinsab fil-“fajls sussisdjarji” neqsin, dan kien jippermettilha li tikkonfuta l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-effett fuq il‑kummerċ bejn Stati Membri. Hija tikkunsidra li diversi dokumenti kienu jsaħħu t‑teżi tagħha li l-iżolament tas-swieq nazzjonali ma kienx dovut għall-aġir allegat tagħha intiż li jeskludi l-kompetituri, iżda għal fatturi oħra bħall-ispejjeż kbar tat‑trasport, iċ-ċaqliq fir-rati tal-kambju u d-deċiżjonijiet unilaterali tal-produtturi li ma jfornux ċerti swieq sabiex jevitaw ir-riskju ta’ bejgħ b’ritaljazzjoni.
226 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri hija bbażata partikolarment fuq dokumenti mir-rikorrenti stess u, b’mod partikolari, fuq dokument ta’ strateġija tal-istess rikorrenti tat-28 ta’ Ġunju 1985, iċċitata fil-premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata, minn fejn jirriżulta li din tal-aħħar kienet intiża sabiex tostakola jew telimina l-importazzjonijiet kollha ta’ soda densa fir-Renju Unit bl-eċċezzjoni ta’ General Chemical (premessi 66 sa 70 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha biss, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq provi dokumentarji diretti sabiex tistabbilixxi l-ksur, ir-rikorrenti għandha tagħmel mill‑aħjar sabiex tindika sa fejn provi oħra setgħu jmorru kontra l-influwenza fuq il-kummerċ bejn Stati Membri jew, għall-inqas, liema dawl differenti seta’ jingħata lill-provi dokumentarji li ma ġewx ikkontestati.
227 Barra minn hekk, fir-rigward l-iżolament tas-swieq nazzjonali, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti setgħet tiżviluppa l-argumenti dwar l-ispejjeż kbar tat-trasport, iċ-ċaqliq fir-rati tal-kambju u l-bejgħ b’ritaljazzjoni matul il-proċeduri amministrattivi, fid‑dawl tal-esperjenza tagħha fis-suq, mingħajr il-ħtieġa li jkollha tibbaża ruħha fuq dokumenti ta’ produtturi oħra.
228 Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, fl-osservazzjonijiet tagħha tat-13 ta’ Ottubru 2005, ir-rikorrenti ma ressqet ebda element li juri li n-nuqqas ta’ żvelar matul il-proċedura amministrattiva tad-dokumenti kkonsultati u tad-dokumenti li allegatament jinsabu fil-“fajls sussidjarji” neqsin, seta’ jinfluwenza, għad-detriment tagħha, l-iżvolġiment tal-proċeduri u l-kontenut tad-deċiżjoni fir-rigward tal-effett tal-aġir tar-rikorrenti fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.
229 Fir-rigward tal-ammont tal-multa, ir-rikorrenti tiddikjara li, anki jekk l-elementi mressqa fl-osservazzjonijiet tagħha ma setgħux jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 82 KE, dawn l-elementi kollha setgħu jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-multa. Hija ssostni li kieku hija kellha aċċess matul il-proċeduri amministrattivi għal ċerti dokumenti li hija saret taf bihom wara l-konsultazzjoni tal-fajl fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni kif ukoll ta’ informazzjoni mingħand klijenti fir-Renju Unit li tinsab fil-fajl sussidjarji neqsin, dan il-fatt kien jippermettilha li tinvoka elementi “tali li juru li, fil-prattika, ebda kompetitur ma ġie imċaħħad b’mod sinjifikattiv minn opportunitajiet ta’ bejgħ u li ma kienx hemm effetti negattivi fuq il-kummerċ bejn l-Istati”.
230 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li r-rikorrenti tirreferi għall‑argumenti li hija ressqet dwar l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata rigward l-abbuż mir-rikorrenti tal-pożizzjoni dominanti tagħha u rigward l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri li għalihom ġie indikat fil-punti 218-226 iktar ’il fuq li l-aċċess għall-fajl ma kienx jippermettilha li tinvoka elementi li setgħu jikkontestaw l-imsemmija evalwazzjonijiet.
231 Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, fl-osservazzjonijiet tagħha tat-13 ta’ Ottubru 2005, ir-rikorrenti ma ressqet ebda prova li turi li nuqqas ta’ żvelar matul il-proċedura amministrattiva tad-dokumenti li allegatament jinsabu fil-fajls sussidjarji neqsin, setgħu influwenzaw, b’detriment għaliha, l-iżvolġiment tal-imsemmija proċeduri u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-ammont tal-multa.
Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 253 KE
– L-argumenti tal-partijiet
232 Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tadotta deċiżjoni ġdida wara l-annullament tad-Deċiżjoni 91/300. Il-proċedura segwita kienet inabitwali ħafna sa fejn il-Kummissjoni ma bagħtitilhiex dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida, u lanqas ma organizzat smigħ ġdid u konsultazzjoni ġdida mal-kumitat konsultattiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar kif għandha tiżvolġi l-proċedura jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 253 KE.
233 Il-Kummissjoni kisret ukoll ir-regoli interni tagħha (ĠU 2000, L 308, p. 26) kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi naqset li tiġġustifika d-deċiżjoni kkontestata u “billi ma adottatx mill-ġdid deċiżjonijiet oħra li kienu ġew annullati għal raġunijiet [simili għal dawk tal]-każ fl-1990”. F’dan ir-rigward, il‑Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba għall-Persunal tal-Kummissjoni fir-relazzjoni tagħha mal-pubbliku, li hu anness mar-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni, jipprovdi li kull differenza fit-trattament ta’ każijiet simili għandha tiġi espressament iġġustifikata min-natura speċifika tal-każ partikolari u li kull eċċezzjoni għal dan il-prinċipju għandha tiġi debitament iġġustifikata. Barra minn hekk, in‑nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni fuq kwistjonijiet importanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni ġuridika u tal-multa juri li l-Kummissjoni kisret l‑Artikolu 253 KE.
234 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
235 Għandu jiġi kkonstatat li l-ilment invokat mir-rikorrenti huwa fattwalment inkorrett. Fil-fatt, fil-premessi 162 sa 172 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni mmotivat l-għażla tagħha li tadotta deċiżjoni ġdida wara l-annullament tad-Deċiżjoni 91/300.
236 Il-fatt li l-Kummissjoni ma bagħtitx dikjarazzjoni ġdida tal-oġġezzjonijiet lir‑rikorrenti, ma semgħatx mill-ġdid lir-rikorrenti u lanqas ma kkonsultat mill‑ġdid lill-Kumitat Konsultattiv ma jistax jikkostitwixxi nuqqas ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, dawn l-argumenti invokati mir-rikorrenti huma intiżi, essenzjalment, sempliċement sabiex jikkontestaw il-fondatezza tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni dwar dawn il-kwistjonijiet differenti u għaldaqstant għandhom jiġu miċħuda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II tal-Qorti Ġenerali, punt 25 iktar ’il fuq, punt 389).
237 Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, billi l-Kummissjoni ddeċidiet li tikkonstata f’deċiżjoni ġdida, wara l-annullament tad‑Deċiżjoni 91/300, il-ksur ikkonstatat minnha, hija ma ddevjatx minn prattika deċiżjonali stabbilita. Hija sempliċiment ikkonfermat l-għażla inizjali tagħha li tippenalizza dan il-ksur, li ma jmurx kontra l-Artikolu 233 KE, peress li din id-dispożizzjoni timponilha biss li tieħu l-miżuri għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs ICI, punt 19 iktar ’il fuq, jiġifieri li tirranġa biss l-illegalità kkonstatata minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 39 iktar ’il fuq, punt 451). Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tirreferi għal ebda kawża oħra, li kienet simili għal din il-kawża u li ġiet trattata b’mod differenti mill-Kummissjoni.
238 Għaldaqstant, il-ħames parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda, u, konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tas-suq rilevanti
L-argumenti tal-partijiet
239 B’referenza għad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Marzu 2000, Coca Cola vs Il‑Kummissjoni (T‑125/97 u T‑127/97, Ġabra p. II‑1733), ir-rikorrenti tindika li, fil-kuntest tar-rikors għal annullament tad-Deċiżjoni 91/300, hija ma kkontestatx il‑konklużjoni tal-Kummissjoni li s-“suq ġeografiku” rilevanti kien dak tar-Renju Unit, u lanqas li s-“suq tal-prodott” rilevanti kien dak tal-karbonat tas-sodju; dens u ħafif. Madankollu, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx sempliċiment tirriproduċi fid-deċiżjoni kkontestata konklużjonijiet dwar il-prodotti u dwar is‑swieq ġeografiċi rilevanti abbażi ta’ analiżi magħmula għaxar snin qabel. Il‑Kummissjoni kellha teżamina jekk dawn il-konklużjonijiet kinux għadhom validi fid-dawl tal-iżvilupp tad-dritt u tal-prassi matul il-perijodu li għadda bejn iż‑żewġ deċiżjonijiet. Id-deċiżjoni kkontestata hija għaldaqstant ivvizzjata minn żball ta’ fatt u minn nuqqas ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, ma hemm xejn fid‑deċiżjoni kkontestata li jindika li fl-2000 il-Kummissjoni wettqet waħda mill-investigazzjonijiet imsemmija fl-Att tagħha dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-finijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155).
240 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
241 L-ewwel nett, ir-rikorrenti ma tikkontestax li, fil-kuntest tal-adozzjoni tad‑Deċiżjoni 91/300, il-Kummissjoni analizzat l-istruttura tas-suq u tal‑kompetizzjoni. Bl-istess mod, hija ma ssostnix li, fil-kuntest tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet wettqet żball meta ddefiniet is-suq ġeografiku rilevanti u s-suq tal-prodotti.
242 Ir-rikorrenti tindika biss li l-Kummissjoni jmissha eżaminat jekk il-konklużjonijiet tagħha kinux għadhom validi fid-dawl tal-iżvilupp tad-dritt u tal-prassi matul il‑perijodu li għadda bejn l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/300 u dik tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tirreferi għas-sentenza Coca Cola vs Il‑Kummissjoni, punt 239 iktar ’il fuq, fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-konstatazzjoni mill-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tirriżulta mill-analiżi tal-istruttura tas-suq rilevanti u mill-kompetizzjoni li kienet tipprevali fil-mument tal-adozzjoni minn din tal-aħħar ta’ kull deċiżjoni (punt 81).
243 Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-istituzzjoni li l-att tagħha ġie annullat hija obbligata biss fil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament, sabiex b’hekk il-proċeduri intiżi li jissostitwixxu tali att jistgħu jitkomplew mill-punt preċiż li fih seħħet l-illegalità (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Novembru 2007, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑417/06 P, Ġabra p. ‑171, punt 52 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan il-każ, id-Deċiżjoni 91/300 ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali minħabba li l-awtentikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni saret wara n-notifika tagħha, li kien jikkostitwixxi ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali fis‑sens tal-Artikolu 230 KE.
244 Għaldaqstant il-Kummissjoni setgħet tkompli l-analiżi tagħha fl-istadju tal‑awtentikazzjoni mingħajr il-bżonn li teżamina jekk il-konklużjonijiet dwar is-suq rilevanti li hija kienet siltet matul l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/300 kinux għadhom validi fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fil‑mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
245 L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-punt 81 tas-sentenza Coca Cola vs Il‑Kummissjoni, punt 239 iktar ’il fuq, ma jistax jikkontesta din il-konklużjoni. Fil-fatt, il-kunsiderazzjoni li tgħid li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tirriżulta minn analiżi tal-istruttura tas-suq u tal-kompetizzjoni li tipprevali fil-mument tal‑adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ kull deċiżjoni ma timplikax li l-Kummissjoni għandha fil-każijiet kollha tagħmel analiżi ġdida tas-suq rilevanti fil-mument tal‑adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li l‑Kummissjoni ma kinitx obbligata twettaq analiżi bħal din peress li ma kinitx meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ICI II, punt 16 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq żball ta’ fatt u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, li ġew ippreżentati fil-punt 239 iktar ’il fuq, huma bbażati fuq premessa żbaljata u għandhom jiġu miċħuda.
246 Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.
Fiq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti
L-argumenti tal-partijiet
247 Skont ir-rikorrenti, huwa paċifiku li impriża li għandha iktar minn 90 % tas‑suq ta’ prodott hija normalment ikkunsidrata bħala dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE. Madankollu, sehem għoli mis-suq ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni dominanti. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkunsidratx korrettament ċerti fatturi li pprekludewha milli taġixxi b’mod indipendenti b’mod apprezzabbli mal-kompetituri tagħha, mal-klijenti tagħha u, fl-aħħar nett, mal-konsumaturi, fis-sens tas-sentenza Hoffmann‑La Roche vs Il‑Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq. B’hekk, għal ħafna snin, il-klijenti tagħha kienu f’pożizzjoni li jiddeterminaw il-kwantità tal-karbonat tas-sodju li huma jixtru mingħandha u mingħand l-importaturi kif ukoll l-ammont tal-prodotti alternattivi. Fil-fatt, il-klijenti tagħha kienu stabbilew relazzjonijiet ma’ fornituri fl-Ewropa tal-Lvant u fl-Istati Uniti sabiex ikollhom sorsi alternattivi u sabiex jiżguraw li hija tibqa’ kompetittiva fir-rigward tal-prezzijiet u tal-kwalità, minkejja s-sehem kbir tagħha mis-suq. F’dan ir-rigward, il-klijenti tagħha, inklużi l-manifatturi tal-ħġieġ, kellhom saħħa ta’ xiri kunsiderevoli, li kellu l-konsegwenza li ma kinitx tinsab f’pożizzjoni dominanti. Ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni applikat il-prinċipju ta’ saħħa ta’ xiri fid-Deċiżjoni 1999/641/KE, tal-25 ta’ Novembru 1998, li tiddikjara li konċentrazzjoni hija kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ IV/M.1225 - Enso vs Stora) (ĠU 1999, L 254, p. 9). F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma rrikonoxxietx li s-saħħa kompensatorja ta’ xerrejja tikkostitwixxi limitazzjoni għas-saħħa tagħha fis-suq. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-disponibbiltà tal-prodotti alternattivi u l-fatt li dawn huma l-kawża tat-tnaqqis fil-volum tal-bejgħ tagħha mill-1979.
248 Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li mill-inqas produttur wieħed tal-ħġieġ fl-Ewropa tal-Punent kontinentali ssostitwixxa l‑karbonat tas-sodju bis-soda kawstika. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni naqset milli tevalwa kemm l-importanza tal-frak tal-ħġieġ bħala fattur li jillimita s-saħħa tagħha fis-suq, kif ukoll dik ta’ sostituti oħra bħad-dolomija, li din tal-aħħar lanqas biss ma ssemmi fid-deċiżjoni kkontestata.
249 Ir-rikorrenti taċċetta li l-klijenti tagħha jipperċepixxu General Chemical u Brenntag bħala fornituri sekondarji. Madankollu, hija tikkontesta l-argument li din il‑perċezzjoni tista’ tkun fattur indikattiv tas-saħħa tagħha fis-suq. Fil-fehma tagħha, huwa suiffiċjenti li klijent ewlieni jittrasforma fornitur sekondarju f’fornitur prinċipali jew li ħafna klijenti jżidu x-xiri tagħhom minn fornitur sekondarju sabiex kull marġni ta’ profitt tagħha jisparixxi.
250 Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-rikorrenti żammet prezz ogħla minn dak eżistenti fi Stati Membri oħra hija żbaljata u ma hijiex issostanzjata mill-iċken prova. Il-fatt li l-prezzijiet tagħhom għandhom tendenza li jkunu ftit ogħla jirrifletti b’mod partikolari l-effett fuq l-ispejjeż tagħha tat-tnaqqis sinjifikattiv fid-domanda għall-karbonat tas-sodju, li ma seħħitx bl-istess mod fi swieq oħra. Dan jirrifletti wkoll l-influwenza ta’ fatturi bħar-rati tal-kambju u l‑ispejjeż tal-fjuwil.
251 Ir-rikorrenti taċċetta li, sabiex tinżamm il-vijabbiltà ta’ dawn iż-żewġ impjanti ta’ produzzjoni tal-karbonat tas-sodju, l-istrateġija tagħha kienet li żżomm volum suffiċjenti ta’ bejgħ, li jimplika li tipprova żżid il-bejgħ u li tirrispondi għall-offerti ta’ fornituri alternattivi. Madankollu, hija tikkontesta l-argument li pprovat timminimizza l-preżenza jew l-effettività ta’ General Chemical jew ta’ Brenntag bħala kompetituri.
252 Fl-aħħar nett, il-varji regolamenti u deċiżjonijiet antidumping adottati mill-Kummissjoni matul il-perijodu inkwistjoni jikkonkludu l-eżistenza ta’ dumping u ta’ dannu sostanzjali, pereżempju fir-Regolament (KEE) Nru 2253/84, tal-31 ta’ Lulju, 1984, li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l‑importazzjoni ta’ ċertu tip ta’ karbonat tas-sodju li joriġina fl-Istati Uniti tal‑Amerika u li jaċċetta impenji ta’ importazzjonijiet oħra tal-istess prodott (ĠU L 206, p. 15). Sitwazzjoni bħal din tkun inkompatibbli mal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Skont ir-rikorrenti meta l-Kummissjoni imponiet miżuri antidumping hija kienet mingħajr dubju tal-fehma li dawn ma kinux tali li jnaqqsu b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni jew li joħolqu monopolju u li dawn kienu fl-interess Komunitarju.
253 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
254 Skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-pożizzjoni dominanti msemmija mill-Artikolu 82 KE tikkonċerna sitwazzjoni ta’ saħħa ekonomika miżmuma minn impriża li tagħtiha s-setgħa li tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis‑suq inkwistjoni billi tagħtiha l-possibbiltà li taġixxi indipendentement, b’mod sostanzjali, mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u, finalment, mill‑konsumaturi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il‑Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punt 65, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 229). Tali pożizzjoni, b’differenza ta’ sitwazzjoni ta’ monopolju jew ta’ kważi monopolju, ma teskludix l-eżistenza ta’ ċerta kompetizzjoni, iżda tippermetti lill-impriża li tgawdi minnha f’pożizzjoni li tiddeċiedi, jew għall-inqas tinfluwenza b’mod kunsiderevoli l-kundizzjonijiet li taħthom il-kompetizzjoni ser tiżviluppa u, fi kwalunkwe każ, li ġġib ruħha ħafna drabi mingħajr ma jkollha teħodha inkunsiderazzjoni u mingħajr għaldaqstant ma tiġi ppreġudikata minn din l-attitudni (sentenza Hoffmann‑La Roche vs Il‑Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq, punt 39).
255 L-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tirriżulta b’mod ġenerali mill-preżenza ta’ diversi fatturi li, meħuda waħedhom, ma jkunux neċessarjament determinanti (sentenza United Brands u United Brands Continentaal vs Il‑Kummissjoni, punt 254 iktar ’il fuq, punt 66). L-eżami tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fis‑suq rilevanti għandu jsir billi l-ewwel nett tiġi eżaminata l-istruttura tagħha u sussegwentement is-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza United Brands u United Brands Continentaal vs Il‑Kummissjoni, punt 254 iktar ’il fuq, punt 67).
256 Ishma mis-suq kbar ħafna jikkostitwixxu minnhom infushom, u ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, il-pussess ta’ sehem mis-suq kbir ħafna jqiegħed lill-impriża li żżommu matul perijodu partikolari, permezz tal-volum ta’ produzzjoni u tal-offerta li hija tirrappreżenta - mingħajr ma l-possessuri ta’ ishma kunsiderevolment inqas ikunu f’pożizzjoni li jissodisfaw malajr it-talba li huma jixtiequ jieħdu mill-impriża li għandha s-sehem kunsiderevolment ikbar -, f’sitwazzjoni ta’ saħħa li minnha tirriżulta sħubija obbligatorja u li, anki minħabba dan il-fatt, tiżguralha, tal-inqas matul perijodi relattivament twal, l-indipendenza ta’ aġir karatteristiku tal-pożizzjoni dominanti (sentenza Hoffman‑La Roche vs Il‑Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq, punt 41, u s-sentenza Van den Bergh Foods vs Il‑Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq, punt 154). B’hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, sehem mis-suq ta’ 50 % jikkostitwixxi fih innifsu, u ħlief għal ċirkustanzi eċċezzjonali, il-prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il‑Kummissjoni, C‑62/86, Ġabra p. I‑3359, punt 60).
257 Bl-istess mod, sehem mis-suq minn 70 % sa 80 % jikkostitwixxi, minnu nnifsu, indikazzjoni ċara tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1991, Hilti vs Il‑Kummissjoni, T‑30/89, Ġabra p. II‑1439, punt 92, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II-3275, punt 907).
258 F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kellha sehem mis-suq “storikament iktar minn 90 %”, u dan “matul dan il-perjodu kunsiderevoli kollu”. Fir-rikors, ir-rikorrenti ma tikkontestax li kellha dan is-sehem kbir ħafna mis-suq.
259 Miż-żamma ta’ dawn l-ishma jirriżulta li, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali speċifiċi għal dan il-każ, ir-rikorrenti kellha pożizzjoni dominanti fis-suq rilevanti.
260 Fil-premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka elementi differenti li jikkompletaw l-analiżi tagħha tal-ishma tas-suq tar-rikorrenti u huma konsistenti mal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tagħha.
261 Bħala definizzjoni, dawn l-elementi ma jistgħux jintrabtu ma’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jippermettu li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma hijiex f’pożizzjoni dominanti.
262 Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka sitt argumenti li għandhom jiġu analizzati sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, kienx hemm tali ċirkustanzi eċċezzjonali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
263 L-ewwel nett, ir-rikorrenti tallega pressjoni kompetittiva kbira minn produtturi oħra ta’ karbonat tas-sodju.
264 F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi mfakkar li l-eżistenza ta’ ċertu livell ta’ kompetizzjoni ma hijiex inkompatibbli mal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fis‑suq rilevanti.
265 Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tipprovdi ebda fatt u ebda prova sabiex tikkontesta n-“nuqqas ta’ kull kompetizzjoni minn Solvay u mill‑produtturi l-oħra fl-Ewropa tal-Punent” ikkonstatata mill-Kummissjoni. Għall‑kuntrarju, ir-rikorrenti tirrikonoxxi li ma kien hemm l-ebda bejgħ sinjifikattiv ta’ karbonat tas-sodju fir-Renju Unit minn dawn il-produtturi kontinentali. Hija taċċetta wkoll “l-improbabbiltà li ‘produttur ġdid tas-sodju sintetiku’ jitfaċċa fis-suq u joħloq faċilitajiet ta’ produzzjoni fil-Komunità” (premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata).
266 Barra minn hekk, fil-punt 128 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li “l-klijenti [jikkunsidraw] lil General Chemical u Brenntag bħala fornituri sekondarji biss” u dan huwa aċċettat mir-rikorrenti. Din tal-aħħar tqis madankollu li jkun suffiċjenti li klijent kbir jittrasforma fornitur sekondarju f’fornitur prinċipali jew li diversi klijenti jżidu x-xiri tagħhom mingħand fornitur sekondarju sabiex il-marġni ta’ profitt tagħha jisparixxi. Madankollu, tali dikjarazzjoni tidher purament ipotetika, peress li r-rikorrenti ma ressqet ebda prova insostenn tal-allegazzjoni tagħha. Fi kwalunkwe każ, anki jekk din id‑dikjarazzjoni hija fondata, l-argument tar-rikorrenti ma huwiex applikabbli peress li s-sempliċi fatt li l-klijenti jużaw tali theddida ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali li teskludi l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq rilevanti.
267 Bl-istess mod, għalkemm ir-rikorrenti tikkontesta s-“suċċess tal-[istrateġija tagħha] intiża li tnaqqas għal minimu l-preżenza jew l-effettività ta’ General Chemical u ta’ Brenntag bħala kompetituri u li żżomm is-sehem tagħha mis-suq predominanti fir-Renju Unit”, hija ma tressaqx l-iċken prova konkreta insostenn tal-argumenti tagħha.
268 Fir-rigward tad-dokumenti mingħand sorsi kontinentali u li jikkonċernaw kompetituri Amerikani, li r-rikorrenti saret taf bihom wara l-konsultazzjoni tal-fajl fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċeduri, dawn ma jistgħux ibiddlu l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti fis-suq rilevanti. Fil-fatt, ir-rikorrenti tinvoka l-importazzjonijiet Amerikani matul il-proċedura amministrattiva u l-Kummissjoni ħadet dan l-argument inkunsiderazzjoni qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata.
269 Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-eżistenza ta’ pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-produtturi l-oħra ta’ karbonat tas-sodju, li ma huwiex issostanzjat, ma jikkostitwixxix ċirkustanza eċċezzjonali li teskludi l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti fis-suq rilevanti.
270 It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka l-possibbiltà ta’ sostituzzjoni tal-karbonat tas-sodju mas-soda kawstika, il-frak tal-ħġieġ u d-dolomija, u dan fil-fehma tagħha jikkostitwixxi pressjoni kompetittiva fir-relazzjoni tagħha mal-klijenti.
271 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 129 sa 133 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet analiżi dettaljata tas-sostituzzjoni mis-soda kawstika u kkonstatat li, fil-prattika, din il-possibbiltà kienet limitata ħafna. Fir‑rikors, ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda prova li tikkontesta din l-analiżi.
272 Fir-rigward tal-frak tal-ħġieġ, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 134 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-bżonnijiet tas-sodju ta’ klijent għall-produzzjoni ta’ ħġieġ imħaffer jistgħu jitnaqqsu bi 15 % jew inqas bl-użu ta’ frak tal-ħġieġ. Din il-perċentwali ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti. Il-Kummissjoni aċċettat ukoll li kien possibbli li l-użu ta’ frak tal-ħġieġ inaqqas id-dipendenza tal-klijenti fuq fornituri tas-soda b’mod ġenerali mingħajr madankollu ma titnaqqas il-kapaċità ta’ produttur kbir tas-sodju li jeskludi l-produtturi żgħar. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li tiddikjara r-rikorrenti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-possibbiltà ta’ sostituzzjoni tal-karbonat tas-sodju mill‑frak tal-ħġieġ. L-argument tar-rikorrenti huwa b’hekk fattwalment żbaljat.
273 Fir-rigward tad-dolomija, ir-rikorrenti tillimita ruħha li ssemmi l-eżistenza tagħha, ma tressaq ebda argument u ma tressaq ebda prova li biha jista’ jiġi evalwat l-użu tagħha bħala sostitut għall-karbonat tas-sodju.
274 Fil-fatt, id-dokumenti ċċitati mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati wara l-konsultazzjoni tal-fajl fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jistgħu jistabbilixxu biss li l-soda kawstika u l-frak tal-ħġieġ huma parzjalment sostitwibbli mal-karbonat tas-sodju u dan tal-aħħar jista’ jiġu ssostitwit mid-dolomija. Madankollu, xejn f’dawn id-dokumenti ma jista’ jikkontesta l‑konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-fatt li s-sostitwibbiltà parzjali tal‑karbonat tas-sodju minn prodotti oħra ma jeskludix l-pożizzjoni dominanti tar‑rikorrenti fis-suq rilevanti. Barra minn hekk, kif ġie osservat mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tiddikjarax li d-dolomija tintuża mill-manifatturi tal-ħġieġ, ix-xerrejja ewlenin tal-karbonat tas-sodju. Għaldaqstant, ma hemm xejn li jindika li l-użu tad-dolomija jista’ jkollu influwenza fuq id-dominanza tar-rikorrenti fis-suq rilevanti.
275 Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-possibiltajiet ta’ sostituzzjoni ma jikkostitwixxux restrizzjoni sinjifikattiva fuq is-setgħa tagħha fis-suq.
276 It-tielet nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-klijenti.
277 Fir-rikors, ir-rikorrenti indikat li l-erba’ l-ikbar klijenti tagħha jirrappreżentaw madwar 50 % tal-bejgħ tagħha. Madankollu, hija ma tat ebda dettalji dwar il-kontribuzzjoni rispettiva ta’ kull wieħed minn dawn il-klijenti. Barra minn hekk, hija sempliċement tiddikjara li l-klijenti tagħha, b’mod partikolari l-manifatturi tal-ħġieġ, kellhom “saħħa ta’ xiri kunsiderevoli”, mingħajr ma tissostanzja din id-dikjarazzjoni. Għaldaqstant, anki jekk il-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni l-kriterju tas-saħħa ta’ xiri kompensatorja tal-klijenti, ir-rikorrenti ma pprovatx li l-klijenti tagħha kienu f’pożizzjoni li jibbilanċjaw is-setgħa tagħha fis-suq.
278 Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li żammet livell ta’ prezz ogħla minn dak li jeżisti fl-Istati Membri l-oħra. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti madankollu tammetti li l-prezzijiet tagħha “għandhom tendenza li jkunu ftit ogħla minn dawk [eżistenti] fl-Istati Membri l-oħra”. Ċertament, hija tinvoka t-tnaqqis fid-domanda tal-karbonat, li ma seħħx bl-istess mod fi swieq oħra, ir-rati tal-kambju u l-ispejjeż tal-fjuwil. Madankollu, ir-rikorrenti ma tissostanzja bl-ebda mod l-argumenti tagħha permezz ta’ provi konkreti sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tivverifika l-fondatezza tal-allegazzjonijiet tagħha.
279 Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni li, sabiex tinżamm il-vijabbiltà taż-żewġ faċilitajiet ta’ produzzjoni tagħha ta’ karbonat tas-sodju, l-istrateġija tagħha kienet li żżomm volum suffiċjenti ta’ bejgħ, u dan kien jimplika li tipprova żżid il-bejgħ u tirrispondi għall-offerti mill-fornituri alternattivi. Madankollu, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li dan l-argument ma huwiex tali li jikkontesta l-eżistenza tal-pożizzjoni dominanti tar-rikorrent fis-suq rilevanti.
280 Is-sitt nett, ir-rikorrenti tirreferi għall-miżuri antidumping adottati mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat fid-dettall il-miżuri antidumping meħuda fil‑konfront ta’ produtturi Amerikani (premessi 51‑54) u kkonkludiet minn dan, fir-rigward tas-setgħa tas-suq tar-rikorrenti, li din tal-aħħar tibbenefika mill-protezzjoni kontra produtturi Amerikani u tal-Ewropa tal-Lvant offerta mill-miżuri antidumping, u mir-restrizzjonijiet tal-prezzijiet imposti fuq General Chemical mill-impenji antidumping (premessa 128).
281 B’risposta għal dawn il-konstatazzjonijiet, ir-rikorrenti ssostni, qabel kollox, li l-eżistenza pprovata ta’ dumping sal-1984 hija inkonsistenti mal-konklużjoni li hija kienet tgawdi minn pożizzjoni dominanti f’dak iż-żmien. Madankollu, ir-rikorrenti ma tispjegax kif l-eżistenza ta’ dumping mill-produtturi Amerikani kien jippermetti li jiġi konkluż li hija ma kinitx f’pożizzjoni dominanti. Fi kwalunkwe każ, ir-Regolament Nru 2253/84, li ġie adottat f’kuntest legali totalment differenti minn dak tal-Artikolu 82 KE, ma jindikax li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni dominanti fir-Renju Unit.
282 Ir-rikorrenti ssostni, sussegwentement, li l-adozzjoni tal-miżuri antidumping kienet timplika, skont il-Kummissjoni, li dawn il-miżuri ma kinux ser jaffettwaw is-sitwazzjoni kompetittiva fi ħdan il-Komunità. Madankollu, ir-rikorrenti ma tissostanzjax din id-dikjarazzjoni, li tidher purament ipotetika, peress li r-Regolament Nru 2253/84 ma jirreferi bl-ebda mod għas-sitwazzjoni kompetittiva fi ħdan il-Komunità.
283 Bħala konklużjoni, l-argumenti mqajma mir-rikorrenti ma jippermettux li tiġi aċċettata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw li tiġi kkontestata l-konstatazzjoni li hija kienet f’pożizzjoni dominanti fis-suq rilevanti.
284 Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ abbuż minn pożizzjoni dominati
285 Il-ħames motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq tliet partijiet relatati, l-ewwel nett, mat-tnaqqis fuq it-tunnellaġġ marġinali, it-tieni nett, fuq il-klawżoli ta’ proviżjoni esklużiva u mar-restrizzjonijiet tax-xiri mingħand kompetituri, u, it-tielet nett, ma’ inċentivi finanzjarji oħra.
Fuq l-ewwel parti, relatata mat-tnaqqis fuq tunnellaġġ marġinali
– L-argumenti tal-partijiet
286 Ir-rikorrenti tikkontesta l-kunsiderazzjoni li tgħid li l-prattiki tagħha fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet matul il-perijodu inkwistjoni jikkostitwixxu abbuż. Il-prattiki tagħha kienu, fi kwalunkwe każ, azzjonijiet kompetittivi normali fid-dawl ta’ fatturi ekonomiċi u kummerċjali. L-arranġamenti dwar il-prezz konklużi mir-rikorrenti fl-ebda mument ma żnaturaw l-istruttura kompetittiva tas-suq inkwistjoni jew ħolqu danni lill-konsumaturi.
287 Ir-rikorrenti ssostni li ma huwiex abbużiv li fornitur dominanti jinnegozja prezz imnaqqas jekk il-klijent tiegħu huwa lest li jordna kwantitajiet addizzjonali. L‑għan jew l-effett ta’ tnaqqis fuq it-tunnellaġġ marġinali ma kienx dak li jiġu esklużi kompetituri mis-suq. Huma ġew introdotti b’risposta għal talbiet mill‑klijenti intiżi li jiksbu prezz iktar baxx għal kull kwantità addizzjonali ordnata. Skont ir-rikorrenti, l-għan ta’ tnaqqis innegozjati individwalment kien li jkun hemm użu suffiċjenti tal-impjanti ta’ produzzjoni tagħha u ċerta profittabbiltà sabiex jiġi evitat iktar għeluq ta’ fabbriki. Tali tnaqqis jinkoraġġixxu lill-klijenti sabiex jixtru kwantitajiet ta’ karbonat tas-sodju li dawn tal-aħħar iqisu li ma jistgħux jixtru. F’dan ir-rigward, kien partikolarment importanti li l-karbonat tas-sodju jsir attraenti meta mqabbel ma’ prodotti alternattivi bħas-soda kawstika , il-frak tal-ħġieġ u d-dolomija.
288 Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-prezzijiet netti tagħha fl-ebda mument ma kienu barra mir-realtà ekonomika u li t-tnaqqis kien trasparenti għal kollox, fis-sens li l-klijent kien informat bit-tunnellaġġ li jagħti dritt għat-tnaqqis u bil-kalkolu preċiż tiegħu, bil-miktub, kuntrarjament għas-sitwazzjoni eżaminata fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche‑Banden (322/81, Ġabra p. 3461). Il-klijent ma ġarrabx pressjoni sabiex jixtri iktar minn għandha, u ma ġiex skoraġġut milli jixtru volum addizzjonali minn terzi, minħabba l-biża’ ta’ telf ta’ tnaqqis fuq il-volum ċentrali. Barra minn hekk, it-tnaqqis fuq it-tunnellaġġ marġinali kien jirrigwarda biss proporzjon żgħir tal-bejgħ totali tagħha tal-karbonat tas-sodju, jiġifieri 8 %.
289 Bl-eċċezzjoni ta’ każ wieħed, t-tnaqqis ma kienx marbut mal-fatt li x-xerrej jixtri l-bżonnijiet kollha tiegħu jew perċentwali speċifika ta’ dawn il-bżonnijiet mingħandha. Tali tnaqqis bħal dawn kienu ġew offruti fuq tunnellaġġ addizzjonali wara t-tunnellaġġ ċentrali stmat li l-klijent kien ippropona li jixtri mingħandha jew mingħand wieħed jew iktar minn fornituri sekondarji, fi proporzjonijiet predeterminati. Il-klijenti kienu ħielsa li jakkwistaw fi kwalunkwe ħin l-ammonti li xtaqu mingħand fornituri oħra. Għaldaqstant is-sitwazzjoni hija differenti minn dik li tat lok għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 88/518/KEE, tat-18 ta’ Lulju 1988, dwar proċedura skont l-Artikolu [82 KE] (IV/30.178 - Napier Brown - British Sugar) (ĠU L 284, p. 41).
290 Ir-rikorrenti tosserva wkoll li f’din il-kawża, it-tnaqqis fuq it-tunnellaġġ marġinali li hija tat ma kienx intiż sabiex issir diskriminazzjoni bejn il-klijenti tagħha u ma kinux jaffettwaw il-pożizzjoni kompetittiva bejniethom. Fil-fatt, fid-dawl tal-varjetà ta’ klijenti u ta’ prodotti alternattivi, kien ikun neċessarju għaliha li tinnegozja ma’ kull klijent fuq bażi individwali. Fi kwalunkwe każ, it-tnaqqis fuq tunnellaġġ marġinali li hija tat għandu biss effett insinjifikattiv fir-rigward tad‑differenzja fl-ispejjeż tal-klijenti tagħha.
291 Barra minn hekk, l-arranġamenti dwar it-tnaqqis ma ġewx konklużi għal perijodu indeterminat, kuntrarjament għal dawk eżaminati fil-kawża li tat lok għas-sentenza Hoffmann‑La Roche vs Il‑Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dawn l-arranġamenti ġew deċiżi waqt negozjati annwali separati. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, l-ammont jew l-eżistenza tat-tnaqqis ma kinux jiddependu fuq il-fatt li l-klijent kien laħaq ċerta mira jew kien akkwista tunnellaġġ addizzjonali matul sena preċedenti.
292 Ir-rikorrenti żżid li t-tnaqqis ingħata għal xiri addizzjonali tal-karbonat tas-sodju, u mhux b’referenza għal xiri ta’ firxa ta’ prodotti mill-klijent. Għaldaqstant, hija tqis li ma aġixxietx abbużivament billi offriet lill-klijenti tagħha prezz imnaqqas għal volumi addizzjonali.
293 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
294 Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ abbuż huwa kunċett oġġettiv li jirrigwarda l-aġir ta’ impriża li tkun f’pożizzjoni dominanti li jkun tali li jinfluwenza l-istruttura ta’ suq fejn, preċiżament insegwitu għall-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-livell ta’ kompetizzjoni jkun diġà ddgħajjef u li jkollu l-effett li jostakola, permezz ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali fuq prodotti jew servizzi abbażi tal-prestazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi, iż-żamma tal-livell ta’ kompetizzjoni li jkun għad fadal fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (sentenza Hoffmann‑La Roche vs Il‑Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 91, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑210/01, Ġabra p. II‑5575, punt 549).
295 Għalkemm il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fiha nfisha ma timplika ebda kritika fir-rigward tal-impriża kkonċernata, din għandha, irrispettivament mill-fatturi li joħolqu tali pożizzjoni, responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax kompetizzjoni effettiva u mingħajr distorsjonijiet fis-suq komuni (sentenza Nederlandsche Banden‑Industrie‑Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 288 iktar ’il fuq, punt 57, u Microsoft vs Il‑Kummissjoni, punt 254 iktar ’il fuq, punt 229). Bl-istess mod, għalkemm l‑eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ma ċċaħħadx impriża mqiegħda f’din il‑pożizzjoni mid-dritt li tħares l-interessi kummerċjali tagħha stess, meta dawn ikunu mhedda, u għalkemm din l-impriża għandha l-fakultà, f’miżura raġonevoli, li twettaq l-atti li hija tqis xierqa sabiex tipproteġi l-interessi tagħha, tali aġir ma jistax madankollu jiġi ammess meta dan ikollu bħala għan li jsaħħaħ din il-pożizzjoni dominanti u jabbuża minnha (sentenza United Brands u United Brands Continental vs Il‑Kummissjoni, punt 254 iktar ’il fuq, punt 189, u s-sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il‑Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 55).
296 Fir-rigward b’mod iktar partikolari l-għoti ta’ tnaqqis minn impriża f’pożizzjoni dominanti, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li tnaqqis għal fedeltà, li jingħata bħala korrispettiv ta’ impenn tal-klijent li jikseb il-bżonnijiet tiegħu esklużivament jew kważi esklużivament mingħand impriża f’pożizzjoni dominanti, imur kontra l-Artikolu 82 KE. Tali tnaqqis iwassal, fil-fatt, sabiex jostakola, permezz tal-għoti ta’ vantaġġi finanzjarji, il-fornitura tal-klijenti mingħand produtturi kompetituri (sentenza Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 295 iktar ’il fuq, punt 56; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 518).
297 Sistema ta’ tnaqqis li għandha bħala effett l-esklużjoni mis-suq titqies li tmur kontra l-Artikolu 82 KE jekk tiġi applikata minn impriża f’pożizzjoni dominanti. Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tnaqqis marbut mat-twettiq ta’ għan ta’ xiri jikser l-Artikolu 82 KE (sentenza Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 295 iktar ’il fuq, punt 57).
298 Is-sistemi ta’ tnaqqis kwantitattivi, marbuta esklużivament mal-volum tax-xiri mingħand impriża f’pożizzjoni dominanti, ġeneralment jitqiesu li ma għandhomx effett ta’ esklużjoni pprojbit mill-Artikolu 82 KE. Jekk iż-żieda tal-kwantità pprovduta tissarraf f’inqas spejjeż għall-fornitur, dan fil-fatt għandu d-dritt li jagħti qligħ lill-klijent tiegħu b’dan it-tnaqqis permezz ta’ tariffa iktar favorevoli. It-tnaqqis tal-kwantità għalhekk suppost għandu jirrifletti żieda ta’ effiċjenza u ekonomiji fil-kobor imwettqa mill-impriża f’pożizzjoni dominanti (sentenza Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 295 iktar ’il fuq, punt 58).
299 Minn dan isegwi li sistema ta’ tnaqqis li r-rata ta’ tnaqqis tiżdied skont il-volum mixtri ma tiksirx l-Artikolu 82 KE, ħlief jekk il-kriterji u l-kundizzjonijiet ta’ għoti tat-tnaqqis juru li s-sistema ma tistrieħx fuq korrispettiv ekonomikament ġustifikat, iżda twassal, permezz ta’ tnaqqis għal fedeltà u ta’ objettiv, sabiex tostakola l-fornitura tal-klijenti mingħand produtturi kompetituri (sentenzi Hoffmann‑La Roche vs Il‑Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq, punt 90, u s-sentenza Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 295 iktar ’il fuq, punt 59).
300 Sabiex tiġi ddeterminata l-eventwali natura abbużiva ta’ sistema ta’ tnaqqis kwantitattivi, għandhom għalhekk jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha, u b’mod partikolari l-kriterji u l-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ tnaqqis, u li jiġi eżaminat jekk it-tnaqqis iwassalx, permezz ta’ vantaġġ li ma jistrieħ fuq ebda prestazzjoni ekonomika li tiġġustifikah, li jitneħħa lix-xerrej, jew li jkun hemm restrizzjoni għalih, il-possibbiltà ta’ għażla f’dak li jikkonċerna s-sorsi ta’ fornitura tiegħu, li jiġi miċħud l-aċċess għas-suq lill-kompetituri, u li jiġu applikati fil-konfront ta’ sħab kummerċjali kundizzjonijiet mhux ugwali għal servizzi ekwivalenti jew li tiġi msaħħa l-pożizzjoni dominanti permezz ta’ kompetizzjoni distorta (sentenza Hoffmann‑La Roche vs Il‑Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq, punt 90, u s-sentenza Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 295 iktar ’il fuq, punt 60).
301 F’dan il-każ, fil-premessi 139 sa 141 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbiliet kif ġej:
“(139) Jekk wieħed jikkunsidra n-natura tas-sistema stess u t-termini tad-dokumenti interni ta[r-rikorrenti], huwa evidenti li t-tnaqqis tat-tunnellaġġ marġinali kien intiż sabiex tiġi eskluża l-kompetizzjoni effettiva permezz tal-mezzi li ġejjin:
– tinċentiva lill-konsumaturi sabiex jixtru mingħand [ir-rikorrenti] it-tunnellaġġ marġinali li jista’ jinkiseb mingħand fornitur ieħor,
– timminimizza jew tinnewtralizza l-impatt kompetittiv tal-General Chimical filwaqt li żżomm il-preżenza tagħha fis-suq, f’termini ta’ prezzijiet, ta’ kwantitajiet u ta’ klijenti, fil-limiti li jiggarantixxu ż-żamma tal-monopolju effettiv [tar-rikorrenti],
– telimina lil Brenntag mis-suq jew għall-inqas tnaqqas għall-minimu l-effett kompetittiv tagħha;
– tnaqqas għall-mimimu r-riskju li l-klijenti jduru lejn sorsi oħra ta’ forniment (produtturi oħra, negozjanti jew produtturi oħra tal-Komunità),
– iżżomm jew ittejjeb il-monopolju virtwali [tar-rikorrenti] fis-suq [rilevanti].
(140) Il-varjazzjonijiet sostanzjali tat-tunnellaġġi ‘limitu’ li minnhom kien applikabbli t-tnaqqis għal kull klijent juru li s-sistema ta’ tnaqqis fuq tunnellaġġ marġinali u l-vantaġġi fil-prezz li hija tagħti jiddependu mhux mid-differenzi fl-ispejjeż għar-[rikorrenti] skont il-kwantitajiet ipprovduti, iżda mix-xiri, mill-klijent, tat-tunnellaġġ marġinali tagħha mingħand ir-[rikorrenti].
(141) Ma huwiex meħtieġ, sabiex prattiki bħal dawn jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 82 [KE], li l-klijent ikun legalment obbligat jew espressament ikun impenja ruħu li jikseb il-bżonnijiet tiegħu esklużivament mingħand l-impriża dominanti. Huwa suffiċjenti li l-għan jew l-effett tal-inċentivi offruti jkun li jorbot lill-klijenti mal‑produttur dominanti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
302 Barra minn hekk, fil-premessi 61 sa 82 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi wkoll għal diversi dokumenti, relatati mat-tnaqqis fuq it-tunnellaġġ marġinali, li skonthom ir-rikorrenti riedet teskludi l-kompetituri mis-suq.
303 Għandu jiġi osservat ukoll li r-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza u l-kontenut tad-dokumenti invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Issa, minn dawn id-dokumenti jirriżulta li t-tnaqqis mogħti mir-rikorrenti ma jirriflettux żieda fl-effiċjenza u ekonomiji fil-kobor. Kuntrarjament għal tnaqqis marbuta biss mal-volum ta’ xiri, dawn t-tnaqqis kienu intiżi sabiex jipprekludi lill-klijenti milli jiksbu l-bżonnijiet tagħhom minn produtturi rivali.
304 Barra minn hekk, ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jintwera li t-tnaqqis fuq tunnellaġġ marġinali ma kienx kuntrarju għall-Artikolu 82 KE ma huwa tali li jikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.
305 L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li t-tnaqqis tagħha fuq it-tunnellaġġ marġinali ġie introdott fuq talba tal-klijenti tagħha. Madankollu, tali argument huwa irrilevanti. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-fatt li impriża li tinsab f’pożizzjoni dominanti fis-suq torbot – anki jekk fuq talba tagħhom – numru ta’ xerrejja b’obbligu jew wegħda li jiksbu l-bżonnijiet kollha tagħhom jew parti kunsiderevoli minnhom esklużivament mingħand l-imsemmija impriża jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti skont l-Artikolu 82 KE, kemm jekk l-obbligu inkwistjoni jiġi stipulat mingħajr kwalifika oħra, u kif ukoll jekk dan l-obbligu isir bil-korrispettiv tal-għoti ta’ tnaqqis (sentenza Hoffmann‑Laroche vs Il‑Kummissjoni, punt 214 iktar ’il fuq, point 89).
306 It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-għan tagħha kien li jinżamm użu suffiċjenti tal-impjanti tagħha sabiex jiġi evitat l-għeluq ta’ fabbriki. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li x-xewqa li jinżammu jew li jiżdiedu l-kapaċitajiet tal‑produzzjoni tagħha ma tikkostitwixxix ġustifikazzjoni oġġettiva li tippermetti lil impriża li tiddispensa mill-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE.
307 It-tielet nett, ir-rikorrenti tallega li s-sistema tagħha kienet trasparenti, kuntrarjament għas-sitwazzjoni eżaminata fil-kawża li tat lok għas-sentenza Nederlandsche Banden‑Industrie‑Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 288 iktar ’il fuq. Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma tikkritikax lir-rikorrenti dwar in-natura mhux trasparenti tat-tnaqqis tagħha fuq it-tunnellaġġ marġinali. Fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza, sistema ta’ tnaqqis ta’ lealtà hija kuntrarja għall-Artikolu 82 KE, kemm jekk trasparenti u kemm jekk le (sentenza Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 295 iktar ’il fuq, punt 111).
308 Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tallega li t-tnaqqis tagħha fuq it-tunnellaġġ marġinali jkopri biss 8 % tal-bejgħ totali tagħha ta’ karbonat tas-sodju. Issa, f’dan is-sens, għandu jiġi mfakkar li fir-rigward tal‑effett li tirreferi għalih il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 295 hawn fuq, dan ma jikkonċernax neċessarjament l-effett konkret tal-aġir abbużiv li dwaru sar l-ilment. Għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 82 KE, huwa biżżejjed li jintwera li l-aġir abbużiv tal-impriża f’pożizzjoni dominanti għandu tendenza li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jew, fi kliem ieħor, li l-aġir kapaċi jkollu tali effett (sentenza Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 295 iktar ’il fuq, punt 239). Għandu jingħad ukoll li, fi kwalunkwe każ, 8 % tal-bejgħ totali ta’ karbonat tas-sodju tar‑rikorrenti ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kwantità negliġibbli ta’ dan il-bejgħ.
309 Il-ħames nett, ir-rikorrenti tallega li t-tnaqqis tagħha fuq it-tunnellaġġ marġinali ma kienx diskriminatorji. Tali argument għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni ma tikkritikax lir-rikorrenti li t-tnaqqis fuq it-tunnellaġġ marġinali tagħha huwa diskriminatorju, u min-naħa l-oħra, minkejja li l-imsemmija tnaqqis ma humiex diskriminatorji, xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza u l-kontenut tad-dokumenti invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li minnhom jirriżulta li dan it-tnaqqis ma kienx ibbażat fuq korrispettiv ekonomikament iġġustifikat u kien intiż sabiex jostakolaw lill-klijenti milli jiksbu l-bżonnijiet tagħhom mingħand produtturi rivali. Issa, peress li tali tnaqqis għandu effett ta’ esklużjoni, dan huma kuntrarji għall-Artikolu 82 KE jekk jiġu applikat minn impriża f’pożizzjoni dominanti (ara l‑punt 297 iktar ’il fuq).
310 Is-sitt nett, ir-rikorrenti ssostni li l-arranġamenti tagħha dwar t-tnaqqis ma sarux għal perjodu indefinit. Madankollu, anki jekk jitqies li dawn l-arranġamenti kienu saru għal żmien qasir, dan ma jippermettix li jiġi stabbilit li dawn l-arranġamenti ma kellhomx l-effett li jeskludu l-kompetizzjoni.
311 Bħala konklużjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta kkonkludiet li s-sistema ta’ tnaqqis applikata mir-rikorrenti kellha l-għan li teskludi l-kompetizzjoni effettiva.
312 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.
Fuq it-tieni parti, dwar il-klawżoli ta’ kisba esklużiva ta’ bżonnijiet u r-restrizzjonijiet ta’ xiri mingħand kompetituri
– L-argumenti tal-partijiet
313 Ir-rikorrenti tikkontesta l-argument li l-arranġamenti tagħha dwar il-prezzijiet huma ekwivalenti għal klawżola ta’ esklużività. Hija tallega li l-Kummissjoni ma kinitx ’il bogħod milli tiddikjara li l-fatt li fornitur dominanti jipprova jikseb l-ordnijiet kollha ta’ klijent jew parti sostanzjali minnhom jew li jikseb il-bżonnijiet kollha tiegħu jew parti minnhom jikkostitwixxi abbuż. Issa, tali dikjarazzjoni tfisser li, minħabba s-sehem mis-suq tagħha, hija ma kellhiex id-dritt li tikkompeti fis-suq sabiex tikseb ordnijiet. Madankollu, ma hemm ebda ġurisprudenza f’dan is-sens u din id-dikjarazzjoni hija inkompatibbli mal-“filosofija tar-regoli tal‑kompetizzjoni”.
314 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
315 Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għal impriża li ssib ruħha f’pożizzjoni dominanti f’suq, il-fatt li torbot xerrejja - anki jekk fuq it-talba tagħhom - permezz ta’ obbligu jew ta’ wegħda li jiksbu l-bżonnijiet kollha tagħhom jew parti kunsiderevoli mill-bżonnijiet tagħhom esklużivament mingħand l-imsemmija impriża jikkostiwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE, kemm jekk l-obbligu inkwistjoni huwa stipulat mingħajr kwalifika oħra, kemm jekk dan ikollu l-korrispettiv tiegħu fl-għoti ta’ tnaqqis. L-istess iseħħ meta din l-impriża, mingħajr ma torbot lix-xerrejja permezz ta’ obbligu formali, tapplika, jew skont ftehim magħmul ma’ dawn ix-xerrejja, jew inkella unilateralment, sistema ta’ tnaqqis għal fedeltà, jiġifieri tnaqqis marbut mal-kundizzjoni li l-klijent – indipendentement mill-ammont, kbir jew żgħir, tax-xiri tiegħu – jikseb esklużivament il-bżonnijiet kollha tiegħu jew parti kbira minnhom mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti (sentenza Hoffman‑Laroche vs Il‑Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq, punt 89). Fil-fatt, l-impenji ta’ kisba esklużiva ta’ bżonnijiet ta’ din in-natura, bi jew mingħajr il-korrispettiv ta’ tnaqqis jew l-għoti ta’ tnaqqis għal fedeltà sabiex ix-xerrej jiġi inċentivat jikseb esklużivament mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti, huma inkompatibbli mal-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni peress li dawn ma jibbażawx fuq prestazzjoni ekonomika li tiġġustifika din l-impożizzjoni jew dan il-vantaġġ, iżda li għandha tendenza li ċċaħħad lix-xerrej, jew li tirrestrinġi fir-rigward tiegħu, il-possibbiltà ta’ għażla f’dak li jikkonċerna s-sorsi ta’ kisba tiegħu ta’ bżonnijiet u li tostakola l-aċċess tas-suq lill-produtturi l-oħra (sentenza Hoffman‑Laroche vs Il‑Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq, punt 90).
316 F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’mod partikolari osservat dan li ġej, fir-rigward tal-klawżoli ta’ kisba esklużiva:
(144) L-effetti antikompetittivi tal-klawżoli relatati mal-kwantitajiet fil-ftehim ta’ ksib ta[r-rikorrenti] għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-politika ddikjarata ta[r‑rikorrenti] fir-rigward ta’ General Chemical u ta’ Brenntag. Kif juru d-dokumenti meħuda [mingħand ir-rikorrenti], din il-kumpannija ħadet il-ħsieb li ma teskludix lill-kompetituri kollha. Kien fl-interess tagħha li tiżgura li General Chemical għall-inqas tibqa’ fis-suq [rilevanti] bħala ‘preżenza’ − strettament ikkontrollata kemm mill-aspett ta’ prezzijiet kif ukoll fuq dak tal-kwantità – li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-biċċa l-kbira tal-klijenti l-kbar tat-tieni fornitur, filwaqt li ma tirrappreżenta fil-fatt l-ebda theddida kompetittiva reali għall-pożizzjoni ta’ kważi-monopolju ta[r-rikorrenti].
(145) Billi ħadet il-ħsieb li tipprova tiddetermina l-bżonnijiet totali ta’ kull klijent kbir, [ir-rikorrenti] setgħet tfassal is-sistema tagħha ta’ tnaqqis tal-parti superjuri b’tali mod li teskludi jew li tnaqqas għall-mimimu l-preżenza ta’ kompetituri. F’ħafna każijiet, hija kisbet mingħand il-klijent l-assigurazzjoni li ser inaqqas ix-xiri tiegħu mill-kompetizzjoni jew li ser jillimitah għal tunnellaġġ speċifiku. Fil-każ ta’ Beatson Clarke, kien espressament stipulat li l-klijent jikseb il-bżonnijiet kollha tiegħu [mingħand ir-rikorrent].
(146) Tali ftehim jirrestrinġi b’mod sostanzjali l-libertà kuntrattwali tal-klijent, jostakola d-dħul ta’ kompetituri fis-suq u huwa ekwivalenti għal klawżola ta’ esklużività.
(147) Il-ftehim konkluż mir-[rikorrenti] ma’ dawn il-klijenti kbar ifisser li kienu marbuta magħha għal kważi l-bżonnijiet kollha tagħhom (u mill-inqas f’każ wieħed għall-bżonnijiet kollha), filwaqt li l-effett antikompetittiv ta’ fornituri oħra ġie mminimizzat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
317 Fil-premessi 83 sa 114 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni invokat ukoll diversi dokumenti li jikkonċernaw il-kumpanniji Pilkington, Rockware, CWS, Redfearn u Beatson Clarke.
318 Issa, għandu jiġi kkunsidrat li dawn id-dokumenti juru li r-rikorrenti xtaqet tirrestrinġi x-xiri tal-klijenti tagħha mingħand il-kompetituri.
319 Fil-fatt, fir-rigward ta’ Beatson Clark, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq provi diretti li bihom ġie stabbilit li din il-kumpannija kienet ikkonkludiet ftehim mar-rikorrenti sabiex teskludi l-kompetizzjoni effettiva, li skont dan il-ftehim hija kellha l-obbligu li ta’ kull sena tikseb il-bżonnijiet kollha tagħha mingħandha.
320 Fir-rikors, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza ta’ dan il-ftehim. Hija taċċetta wkoll li, “kif hija kienet esprimiet fl-ittri tagħha, tali dispożizzjoni tista’ eventwalment tiġi deskritta bħala tnaqqis għal fedeltà”. Skont hi, il-ftehim ma’ Beatson Clarke kien intiż li jsostni l-esportazzjonijiet li ma jagħmlux profitt. Madankollu, tali argument ma huwiex tali li jmur kontra l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li kien hemm impenn ta’ kisba esklużiva ta’ bżonnijiet.
321 Bl-istess mod, fir-rigward ta’ Redfearn, il-Kummissjoni b’mod partikolari kkonstatat li “l-ftehim għall-1987 jipprovdi li Redfearn tixtri mingħand [ir-rikorrenti] għall-inqas 45 000 tunnellata tal-konsum totali tagħha ta’ 47 500 tunnellata (madwar 95 % tal-bżonnijiet tagħha) u li “[ir-rikorrenti] żżid inċentiv sabiex tixtrilha kull tunnellaġġ marġinali fil-forma ta’ tnaqqis ta’ [GBP] 10 [(lira sterlina]”. Issa, ir‑rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza ta’ dan l-impenn ta’ Redfearn sabiex tikseb parti konsiderevoli tal-bżonnijiet tagħha esklużivament mingħandha.
322 Għaldaqstant, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati d-dokumenti kollha li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li r-rikorrenti kienet ikkonkludiet ftehim intiż sabiex tikseb il-bżonnijiet tagħha kuntrarju għall-Artikolu 82 KE.
323 Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.
Fuq it-tielet parti, dwar inċentivi finanzjarji oħra
– L-argumenti tal-partijiet
324 Ir-rikorrenti ssostni li l-inċentivi finanzjarji l-oħra kienu ġew ġeneralment offruti fuq talba tal-klijent sabiex dan ikun jista’ jespandi n-negozju tiegħu permezz ta’ esportazzjonijiet, li mod ieħor ma kinux joħolqu profitt jew li jżomm jew ukoll li jagħmel tajjeb għal oġġetti importati rħas. Tali arranġamenti ma kellhomx bħala għan u lanqas bħala effett li jorbtu lill-klijenti.
325 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
326 Fil-premessi 148 sa 150 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat kif ġej:
“(148) Fir-relazzjonijiet tagħha ma’ Beatson Clarke, [ir-rikorrenti] speċifikat ukoll li l-“miżuri ta’ għajnuna”, li jiżdiedu mat-tnaqqis fuq il-parti superjuri, kienu suġġetti għall-ftehim tagħha li tikseb 100 % mill-bżonnijiet tagħha mingħand[ha], kundizzjoni li ġiet ikkonfermata bil-miktub. Dan l-“inċentiv” speċjali kellu bħala għan u bħala effett li jsaħħaħ il-pożizzjoni tar-[rikorrenti] fil-konfront tal-klijent u li jeskludi l-kompetizzjoni.
(149) Il-miżuri kollha ddefiniti fil-premessi 139 sa 147 kienu intiżi sabiex jeliminaw jew jillimitaw l-opportunità, għal prodotturi jew fornituri oħra tas-soda, li jikkompetu mar-[rikorrenti]. Dawn għandhom jiġu kkunsidrati fid-dawl tal‑istrateġija kjarament murija mir-[rikorrenti] li żżomm kważi-monopolju (iżda mhux 100 %) fis-suq [rilevanti]. Konsegwentement huma kkonsolidaw il‑pożizzjoni dominanti tar-[rikorrenti] b’mod inkonsistenti mal-kunċett ta’ kompetizzjoni inerenti fl-Artikolu 82 [KE].
(150) It-tnaqqis ma jirriflettix differenzi eventwali fl-ispejjeż ibbażati fuq il‑volum ipprovdut. Huma kienu ddettati mill-intenzjoni li jiġu koperti l-bżonnijiet tal-klijent kollha jew l-ikbar perċentwali tagħhom. Is-sistema ta’ tnaqqis fuq il-parti superjuri wkoll kienet tippreżenta varjazzjonijiet kunsiderevoli minn klijent għal ieħor fir-rigward tat-tunnellaġġ li abbażi tiegħu ġiet applikata. Barra minn hekk kien hemm differenzi fir-rigward tal-ammont għal kull tunnellata tat-tnaqqis innifsu, peress li dan ivarja minn GBP 6 kull tunnellata għal GBP 30 jew iktar.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
327 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza ta’ inċentivi finanzjarji offruti lill-klijenti tagħha.
328 Kif ġie indikat fil-punt 305 iktar ’il fuq, il-fatt li l-inċentivi finanzjarji ġew offruti lill-klijenti fuq talba tagħhom, li dawn il-miżuri huma intiżi sabiex jgħinuhom għall-esportazzjoni, sabiex jinżamm is-sehem mis-suq li kellhom jew ukoll sabiex ilaħħqu ma’ oġġetti importati rħas u li tali miżuri jkunu trasparenti ma humiex elementi rilevanti għall-evalwazzjoni tal‑legalità tagħhom skont l-Artikolu 82 KE. Fir-rigward tal-argument li l-arranġamenti ma għandhomx l-għan jew l-effett li jorbtu lill-klijenti, dan ma jistax jintlaqa’ peress li b’mod partikolari mill-premessi imsemmija iktar ’il fuq tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li r-rikorrenti kienet speċifikat, għall-inqas għal klijent wieħed, li l-miżuri ta’ għajnuna, li jiżdiedu mat-tnaqqis fuq il-parti superjuri, kienu suġġetti għall-impenn tagħha li jakkwistaw 100 % mingħandha. Bl-istess mod bħad-dividendi fuq it-tunnellaġġ marġinali, l-imsemmija arranġamenti għandhom tendenza għalhekk, għal xi wħud minnhom għall-inqas, li jostakolaw lill-klijenti milli jiksbu provvisti mingħand produtturi kompetituri.
329 Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri
L-argumenti tal-partijiet
330 Ir-rikorrenti tosserva li d-diffikultajiet li kellha l-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri jirriżultaw minn analiżi fil-qosor u kontradittorja ta’ din il-kwistjoni. Hija ssostni li din l-analiżi diġà ġiet ikkritikata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 63 tas-sentenza ICI II, punt 16 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset milli tirriproduċi element importanti li jinsab fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jiġifieri l-fatt li l-politika ta’ ffissar tal-prezzijiet tar-rikorrenti kelllha effett fuq il-kummerċ intra‑Komunitarju.
331 Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tispjegax il-fenomenu ta’ “iżolament strett tas‑swieq nazzjonali fil-Komunità”, msemmija fil-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata, u ma għamlitx rabta bejn l-imsemmi iżolament u l-abbuż allegat. Fil-fatt, wara li kkunsidrat, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/300 li l-iżolament tas-swieq kien minħabba l-prattiki miftiehma bejn ir-rikorrenti u Solvay, il-Kummissjoni ma kinitx irriproduċiet l-allegazzjoni tagħha ta’ “iżolament strett” fid‑deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni ma tikkonfutax l-ispjegazzjoni tal-iżolament tas-swieq li hija ressqet u li hija bbażata fuq analiżi ekonomika ddettaljata u mhux ikkontestata. Fil-fehma tagħha, l-ispjegazzjoni mogħtija hija kkonfermata mill-konlużjonijiet stess tal-Kummissjoni fil-proċeduri antidumping.
332 Barra minn hekk, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li r-rikorrenti kienet xtaqet li General Chemical tibqa’ fis-suq inkwistjoni hija “illoġika” u “mhux sostanzjata” minn provi. Fil-fatt. il-Kummissjoni ma ppreżentat ebda analiżi ekonomika insostenn ta’ din l-allegazzjoni. Barra minn hekk, din hija kontradetta mill-konklużjonijiet stess tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 91/301/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1990, dwar proċedura skont l-Artikolu [81(1) KE ] (IV/33.016 - ANSAC) (ĠU 1991, L 152, p. 54, iktar ’il quddiem id‑“Deċiżjoni ANSAC”). Il-Kummissjoni lanqas ma tipprova tissostanzja d-dikjarazzjoni tagħha li tgħid li, fin-nuqqas ta’ General Chemical, il‑konsumaturi setgħu jiġu inċentivati jfittxu sorsi alternattivi sabiex jiksbu l-bżonnijiet tagħhom, li jistgħu jkunu irħas fl-Ewropa tal-Punent kontinentali. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 823/95 tal-10 ta’ April 1995, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ karbonat tad‑disodju li joriġina fl-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU 1995 L 83, p. 8), li jipprovdi li għal mill-inqas tliet snin u nofs wara l-waqfien ta’ prattiki allegatament abbużivi, ma kien hemm prattikament ebda bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn ir-Renju Unit u l-Ewropa kontinentali.
333 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
334 Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-effetti fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, li jidhru fl-Artikolu 81 KE u 82 KE, għandhom jibbażaw ruħhom fuq l-għan ta’ din il-kundizzjoni, li huwa li jiġi ddeterminat, f’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju fil-konfront ta’ dak tal-Istati Membri. Għaldaqstant jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju kull akkordju jew prattika li jistgħu jkunu kuntrarji għal-libertà tal-kummerċ bejn Stati Membri b’mod li jista’ jkun ta’ dannu għat-twettiq tal-għanijiet ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari billi jiġu iżolati s-swieq nazzjonali jew billi tiġi modifikata l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq komuni (sentenzi tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Mejju 1979, Hugin Kassaregister u Hugin Cash Registers vs Il‑Kummissjoni, 22/78, Ġabra p. 1869, punt 17, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 89).
335 Sabiex ikollhom inċidenza fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, deċiżjoni, akkordju jew prattika għandhom, abbażi ta’ numru ta’ punti ta’ fatt jew ta’ liġi, jippermettu li wieħed jipprevedi bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti li huma jistgħu jeżerċitaw influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn Stati Membri, u dan b’mod li jagħtu x’jifhmu li jistgħu jostakolaw it-twaqqif ta’ suq wieħed bejn Stati Membri. Minbarra dan, din l-influwenza ma għandhiex tkun insinjifikanti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 1998, Javico, C‑306/96, Ġabra p. I‑1983, punt 16; tal-21 ta’ Jannar 1999, Bagnasco et, C‑215/96 u C‑216/96, Ġabra p. I‑135, punt 47, u Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 334 iktar ’il fuq, punt 90). F’dan ir-rigward, kif ġie osservat fil-punt 308 iktar ’il fuq, 8 % tal-bejgħ totali tar-rikorrenti tal-karbonat tas-sodju ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ammont negliġibbli tal-imsemmi bejgħ.
336 F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, li l-prattiki li dwarhom ir-rikorrenti ġiet ikkritikata setgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri.
337 Fil-fatt, minn naħa, it-tnaqqis fuq it-tunnellaġġ marġinali għandhom l-effett ta’ esklużjoni sa fejn tnaqqis għal fedeltà, li jingħata bħala korrispettiv ta’ impenn tal-klijent li jikseb il-bżonnijiet tiegħu esklużivament jew kważi esklużivament mingħand impriża f’pożizzjoni dominanti, iwassal sabiex tiġi ostakolata,l-kisba tal-bżonnijiet tal-klijenti mingħand produtturi kompetituri permezz tal-għoti ta’ vantaġġi finanzjarji (sentenza Michelin vs Il‑Kummisjoni, punt 295 iktar ’il fuq, punt 56; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Suiker Unie et vs Il‑Kumissjoni, punt 296 iktar ’il fuq, punt 518). Issa, billi waqqaf l-aċċess għas-suq lil kompetituri, l-aġir tar-rikorrenti jista’ jkollu riperkussjonijiet fuq il-flussi tal-kummerċ u fuq il-kompetizzjoni fis-suq komuni (ara, f’dan is-sens, Nederlandsche Banden‑Industrie‑Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 288 iktar ’il fuq, punt 103).
338 Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tirreferi għal dokument ta’ strateġija tar‑rikorrenti, tat-28 ta’ Ġunju 1985, li jgħid li r-rikorrenti tipprova tostakola jew telimina l-importazzjonijiet kollha ta’ soda densa fir-Renju Unit, bl-eċċezzjoni ta’ dawk ta’ General Chemical [li kienet Allied] (premessi 66 sa 70 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, skont din in-nota tar-rikorrenti, iċċitata fil-punt 70 tad-deċiżjoni kkontestata:
“L-istrateġija tibqa’ li jkun hemm prezzijiet li jsiru kompetittivi fil-każijiet kollha sabiex jinħoloq tunnellaġġ bażiku [tar-rikorrenti], kif ukoll sabiex ikunu offerti kundizzjonijiet għall-parti superjuri sa GBP 15 għal kull tunnellata sabiex jinkiseb tunnellaġġ addizzjonali mingħand Allied. L-għan huwa li tinżamm il-pożizzjoni ta’ Allied għal mill-inqas 30 kilotunnellata fis-sena. L-intenzjoni tagħna hija li ma Allied ma tiġix imġiegħla tirtira mis-suq, peress li dan iġiegħel lill-industrija tal-ħġieġ sabiex tfittex sorsi alternattivi għall kisba tal-bżonnijiet tagħha, kemm fl-Ewropa tal-Punent kontinentali, kif ukoll fl-Ewropa tal-Lvant.”
339 Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza u lanqas il-kontenut ta’ din in-nota ta’ strateġija. Għaldaqstant, ir-rikorrenti stess taċċetta li l-prattiki tagħha għandhom, għall-inqas potenzjalment, iwasslu għal flussi ta’ kummerċ differenti minn dawk li kienu jirriżultaw minn suq miftuħ għall-kompetizzjoni. Fuq dan il-punt, għandu jiġi speċifikat li l-kriterju msemmi fil-punt 335 iktar ’il fuq, li bih l-influwenza fuq il-flussi tal-kummerċ bejn Stati Membri ma għandhiex tkun insinjifikanti, huwa wkoll sodisfatt f’dan il-każ.
340 Ebda argument tar-rikorrenti ma huwa tali li jikkontesta l-konklużjoni li l-prattiki li bihom ġiet ikkritikata r-rikorrenti jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri.
341 L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, fis-sentenza ICI II, punt 16 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkritikat l-analiżi tal-Kummissjoni dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. Madankollu, mill-punt 63 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li l-ambigwità osservata mill-Qorti Ġenerali tirrigwarda biss il-fatt li l-Kummissjoni kkonstatat li l-miżuri meħuda mir-rikorrenti jaffettwaw il-kummerċ interstatali, minflok ma kkonstatat li hemm probabbiltà li jaffettwaw dan il-kummerċ. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma kkontestatx il-fatt li f’din il-kawża kien hemm probabbiltà li l-miżuri implementati mir-rikorrenti jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri.
342 It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma rriproduċietx fid-deċiżjoni kkontestata element importanti li jinsab fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jiġifieri li l-politika tagħha ta’ ffissar tal-prezzijiet kellha effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. Madankollu, għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali ma jirrigwardax parti mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li ma kinitx imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti Ġenerali għandha tikkunsidra biss jekk id-deċiżjoni kkontestata, fil-parti tagħha dwar l-effett fuq il-kummerċ, tosservax l-Artikolu 82 KE, kif interpretat mill-ġurisprudenza.
343 It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma spjegatx il-fenomenu ta “iżolament strett tas-swieq nazzjonali fil-Komunità” u r-rabta bejn dan l-iżolament u l-allegat abbuż. Fil-fehma tagħha, id-Deċiżjoni 91/300 kienet ibbażata fuq il-konstatazzjoni mill-Kummissjoni ta’ iżolament tas-swieq li jirriżulta minn prattiki miftiehma li jeżistu bejn ir-rikorrenti u Solvay, li kienu s-suġġett tad-Deċiżjoni 91/297, li sussegwentement kienet annullata mill-Qorti Ġenerali. Madankollu, irrispettivament minn jekk il-Kummissjoni kinitx obbligata li tindika fid-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet għall-iżolament tas-swieq, għandu jiġi mfakkar li, minn naħa, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li dan l-iżolament kien jeżisti u, min-naħa l-oħra, il-provi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata jiġġustifikaw li jiġi kkunsidrat li kien hemm probabbiltà li t-tnaqqis fuq it-tunnellaġġ marġinali applikat mir-rikorrenti, minħabba l‑effett tiegħu ta’ esklużjoni, jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.
344 Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li r-rikorrenti xtaqet li General Chemical tibqa’ fis-suq inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għad-Deċiżjoni ANSAC, adottata fl-istess jum bħad-Deċiżjoni 91/300. Madankollu, ir-rikorrenti ma turix li d-Deċiżjoni ANSAC kienet tikkontradixxi d‑Deċiżjoni 91/300. Fil-fatt, is-silta tad-Deċiżjoni ANSAC iċċitata mir-rikorrenti fir-rikors hija parti mill-konklużjonijiet tal-ANSAC u ma hijiex parti mill‑evalwazzjoni tal-Kummissjoni, peress li din tal-aħħar lanqas ma aċċettat dawn il-konklużjonijiet.
345 Il-ħames nett, ir-rikorrenti tinvoka r-Regolament Nru 823/95, li l-premessa 45 tiegħu tistabbilixxi kif ġej:
“Bejn l-1990 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, il-kummerċ intra-Komunitarju tas-soda prodott fil-Komunità żdied biss bi ftit. Il-pożizzjoni relattiva tad-diversi operaturi fis-swieq nazzjonali ma nbidlitx. B’mod iktar partikolari, prattikament ma kien hemm ebda bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn ir-Renju Unit u l-Ewropa kontinentali.”[traduzzjoni mhux uffiċjali]
346 Madankollu, il-fatt li l-kummerċ bejn ir-Renju Unit u l-Ewropa kontinentali ma nbidilix wara d-data aċċettata tal-waqfien tal-ksur ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li li l-prattiki li bihom ġiet ikkritikata r-rikorrenti ma setgħux jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri.
347 Mill-kunsiderazzjonijet magħmula preċedentement jirriżulta li s-sitt motiv għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda.
2. Fuq it-talbiet għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa
348 Qabel kollox, ir-rikorrenti tenfasizza li l-konklużjonijiet tagħha għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa ma għandhomx jiġi interpretati bħala xi ammissjoni tal‑ksur tal-Artikolu 82 KE u huma invokati b’mod sussidjarju.
349 Ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, erba’ motivi sabiex issostni t-talbiet tagħha għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa. Dawn huma bbażati, l-ewwel nett, fuq id-dekorriment tat-terminu, it-tieni nett, fuq evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur, it-tielet nett, fuq l-evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur u r-raba’ nett, fuq l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq id-dekorriment tat-terminu
L-argumenti tal-partijiet
350 Ir-rikorrenti ssostni li anki jekk il-Kummissjoni kellha kompetenza sabiex timponilha multa, il-Qorti Ġenerali f’dan il-każ għandha, fl-eżerċizzju tal-kompetenza sħiħa tagħha, tneħħi l-multa.
351 Qabel kollox ir-rikorrenti tinvoka t-terminu li ddekorra bejn l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/300 u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
352 Sussegwentement ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni ma kinitx “artikolat” korrettement il-motivi dwar il-multa u ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-tibdil fiċ‑ċirkustanzi rilevanti li ġraw wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/300. Fil-fehma tagħha, ma huwiex ċar li l-Kulleġġ tal-Kummissarji kien jaf b’dawn il-bidliet fil-laqgħa li fiha allegatament ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.
353 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
354 Mill-eżami tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni motivi invokati insostenn tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha jirriżulta li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fl‑osservanza tar-Regolament Nru 2988/74 kif ukoll tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli damet sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fid‑determinazzjoni tal-ammont tal-multi għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il‑Kummissjoni ma għandhiex tieħu biss inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur u ċ‑ċirkustanzi partikolari tal-każ, iżda wkoll il-kuntest li fih twettaq dan il-ksur u għandha tħares sabiex l-azzjoni tagħha tkun ta’ natura dissważiva, speċjalment għat-tipi ta’ ksur partikolarment dannużi għat-twettiq tal-għanijiet tal-Komunità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 106, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kumissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 272).
355 Konsegwentement, ma hemmx lok li tiġi annullata l-multa imposta fuq ir‑rikorrenti minħabba ż-żmien li ddekorra bejn l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 1/300 u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
356 Għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur
357 Ir-rikorrenti ssostni li l-ammont tal-multa imposta mid-Deċiżjoni 91/300 kien manifestament eċċessiv. Barra minn hekk, ebda sistema ta’ ffissar tal-prezzijiet simili għal dik tar-rikorrenti ma kienet preċedentement suġġetta għal “deċiżjoni rilevanti” tal-Kumissjoni jew ta’ qrati Komunitarji. Il-Kummissjoni għaldaqstant għamlet żball ta’ prinċipju meta kkunsidrat, fl-1990, li l-ksur allegat kien ta’ “gravità partikolari”. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, fl-1990, il-Kummissjoni jmissha wkoll ħadet inkunsiderazzjoni l-multa imposta minħabba l-allegat ksur tal-Artikolu 81 KE. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni ttrattat il-ksur kollu bħala għal kollox distint filwaqt li kien hemm sovrapożizzjoni tal-effetti fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ fi ħdan il-Komunità, li wassal għal duplikazzjoni u għal multi eċċessivi.
358 Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma għamlet ebda referenza għal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida dwar il-metodi għall-kalkolu tal-multi”). Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, jinsabu konstatazzjonijiet inkonsistenti mal-Linji gwida dwar il-metodi għall-kalkolu tal-multi, b’mod partikolari fir-rigward tal-fatt li huwa biss il-ksur ripetut tal‑istess tip li għandu jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza aggravanti.
359 Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li matul il-perjodu wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/300, hija ma kienet suġġetta għal ebda kundanna taħt l-Artikoli 81 KE u 82 KE.
360 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tiddikjara li hija nefqet GBP 171 729.93 sabiex tipprovdi garanziji fir-rigward tal-multa imposta fid-Deċiżjoni 91/300 u GBP 120 200 fil-każ tal-multa imposta fid-Deċiżjoni 91/297, żewġ deċiżjonijiet li ġew annullati mill-Qorti Ġenerali. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-ammonti meta ffissat l-ammont tal-multa f’dan il-każ. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li ġarrbet spejjeż interni irrekuperabbli wara azzjonijiet li hija ħadet biex tistabbilixxi li d-Deċiżjoni 91/300 kienet illegali u minħabba l-appell superfluwu u mingħajr skop ippreżentat mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, il-multa kellha titnaqqas skont is-sentenza Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, minħabba t-terminu eċċessiv li ddekorra bejn il-bidu tal-investigazzjoni f’April 1989 u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
361 Il-Kummissjoni tirribatti billi tgħid li r-referenza għad-Deċiżjoni 91/297 hija “irrilevanti” sa fejn din id-deċiżjoni ġiet annullata u sa fejn hija ma adottatx deċiżjoni ġdida f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, anki jekk il-multa imposta fid-Deċiżjoni 91/300 kienet ekwivalenti għal perċentwal speċifiku tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti għall-karbonat tas-sodju matul sena partikolari, dan il-fatt ma huwiex rilevanti peress li l-multa ġiet imposta sabiex jiġi penalizzat ksur li kien ġie kommess tul diversi snin. Il-Kummissjoni tfakkar li d-dħul mill-bejgħ imsemmi mir-Regolament Nru 17 huwa d-dħul mill-bejgħ dinji għall-prodotti kollha u li ECU 10 000 000 kien jirrapreżenta perċentwali żgħira ħafna tad-dħul mill-bejgħ totali tar-rikorrenti.
362 Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li hija ma kinitx segwiet il-Linji gwida dwar il-metodi għall-kalkolu tal-multi, il-Kummissjoni osservat li r‑rikorrenti ma tallegax li hija jmissha applikat dawn il-linji gwida. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tispeċifika li, jekk il-livelli indikattivi tal-multi msemmija fil-Linji gwida dwar il-metodi għall-kalkolu tal-multi kienu ġew applikati, dawn kienu jwasslu għal multa ikbar għal ksur gravi daqs dak kommess mir-rikorrenti. Fi kwalunkwe każ, ma hemm ebda inkonsistenza bejn id-deċiżjoni kkontestata u Linji gwida dwar il-metodi għall-kalkolu tal-multi. Fil‑fatt, huwa ċar li l-lista li tinsab fit-taqsima 2 tal-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi hija “mogħtija biss bħala eżempju.”
363 Il-fatt li r-rikorrenti ma ġiet ikkritikata b’ebda ksur kontra sa mill-1990 ma jistax ikun rilevanti għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa għal ksur imwettaq qabel dik id-data. Bl-istess mod, l-ispejjeż ta’ kostituzzjoni ta’ garanziji li saru wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/300 ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa fid-deċiżjoni kkontestata.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
364 L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkritika l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha fid-Deċiżjoni 91/300. Madankollu, peress li din id-deċiżjoni ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali u din il-kawża tirrigwarda biss talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta fid-deċiżjoni kkontestata, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-argumenti tar‑rikorrenti dwar il-multa imposta fid-Deċiżjoni 91/300 imsemmija b’mod partikolari fil-punt 357 iktar ’il fuq.
365 It-tieni nett, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali fl-iffissar tal-ammont ta’ kull multa, mingħajr ma hija obbligata li tapplika formula matematika preċiża, hija madankollu l-Qorti Ġenerali li għandha, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17, ġurisdizzjoni sħiħa fis-sens tal-Artikolu 229 KE sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tiffissa multa u tista’, konsegwentement, tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 165, u tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV et vs Il‑Kummissjoni, T‑217/03 u T‑245/03, Ġabra p. II‑4987, punt 358).
366 Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Linji gwida dwar il-metodi għall-kalkolu tal-multi, għandu jiġi mfakkar li, peress li d-Deċiżjoni 91/298 kienet ġiet annullata minħabba difett proċedurali, il-Kummissjoni kellha d-dritt li tadotta deċiżjoni ġdida, mingħajr ma tinbeda proċedura amministrattiva ġdida.
367 Peress li l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata huwa kważi identiku għal dak tad-Deċiżjoni 91/300 u li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet huma bbażati fuq l-istess motivi, id-deċiżjoni kkontestata hija suġġetta, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa, għar-regoli fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/300.
368 Fil-fatt, il-Kummissjoni kompliet il-proċedura fl-istadju fejn l-iżball ta’ proċedura kien twettaq u, mingħajr ma għamlet evalwazzjoni ġdida tal-każ fid-dawl ta’ regoli li ma kinux jeżistu fiż-żmien tal-ewwel adozzjoni. Issa, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida teskludi l-ipoteżi tal-applikazzjoni tal-Linji gwida dwar il-metodi għall-kalkolu tal-multi wara l-ewwel adozzjoni.
369 Konsegwentement, il-Linji gwida dwar il-metodi għall-kalkolu tal-multi ma japplikawx f’dan il-każ.
370 It-tielet nett, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur li għalih ġiet ikkritikata r-rikorrenti kien ta’ “gravità partikolari” (premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata).
371 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-ammont tal-multi għandu jiġi kkalkolat skont iċ-ċirkustanzi tal-ksur u tal-gravità tal-ksur, u l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa għandha ssir billi tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari n-natura tar-restrizzjonijiet magħmula fuq il-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Frar 1994, CB u Europay vs Il‑Kummissjoni, T‑39/92 u T‑40/92, Ġabra p. II‑49, punt 143, u l-ġurisprudenza ċċitata).
372 B’hekk, sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni imputabbli lil impriża, sabiex jiġi stabbilit ammont ta’ multa li jkun proporzjonali miegħu, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni t-tul partikolarment twil ta’ ċertu ksur, tan-numru u tad-diversità tal-ksur, li kkonċerna l-prodotti kollha jew kważi kollha tal-impriża inkwistjoni u fejn ċerti elementi tiegħu affettwaw l-Istati Membri kollha, tal-gravità partikolari ta’ ksur li jaqa’ taħt strateġija deliberata u koerenti intiża, permezz ta’ prattiki eliminatorji diversi fir-rigward tal-kompetituri u premezz ta’ politika ta’ fedeltà tal-klijenti, li żżomm artifiċjalment jew li ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tal-impriża fis-swieq fejn il-kompetizzjoni kienet diġà limitata, tal-effetti ta’ abbuż partikolarment dannuż mill-perspettiva tal-kompetizzjoni u tal-vantaġġ meħud mill-impriża mill-ksur tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentrenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il‑Kummissjoni, T‑83/91, Ġabra p. II‑755, punti 240 u 241).
373 F’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li l-prattiki li bihom ġiet ikkritikata r-rikorrenti kienu jiġġustifikaw il-kwalifika mogħtija mill-Kummissjoni.
374 Fil-fatt ir-rikorrenti, meta tagħti tnaqqis fuq it-tunnellaġġ marġinali lill-klijenti tagħha u meta tikkkonkludi ftehim ta’ fedeltà magħhom, ikkawżat preġudizzju gravi lill-kompetizzjoni. Kif qalet ġustament il-Kummissjoni:
“[Il-ksur imwettaq mir-rikorrenti] kien jagħmel parti minn politika intiża li ssaħħaħ il-kontroll eżerċitat mi[nnha] fis-suq [rilevanti] b’mod totalment kuntrarju għall-għanijiet fundamentali tat-Trattat. Barra minn hekk, dan kien intiż speċifikament sabiex jillimita jew jaffettwa l-attività ta’ kompetituri speċifiċi. Billi tagħlaq għal żmien twil il-possibbiltajiet ta’ bejgħ lill-kompetituri tagħha, [ir-rikorrenti] għamlet ħsara fit-tul fl-istruttura tas-suq [rilevanti], għad-detriment tal-konsumaturi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
375 Fuq livell għal kollox indikattiv, għandu jiġi osservat li l-Linji gwida dwar il‑metodi għall-kalkolu tal-multi, għalkemm ma humiex applikabbli f’dan il‑każ, jistabbilixxu li l-itnaqqis għal fedeltà mogħti minn impriża f’pożizzjoni dominanti sabiex jiġu esklużi l-kompetituri tagħha mis-suq jikkostitwixxi ksur “gravi”, li għalih l-ammonti inizjali għall-kalkolu tal-multa possibbli jvarjaw minn EUR 1 000 000 għal EUR 20 000 000.
376 Ir-raba’ nett, fir-rigward tar-reċidiva, għandu jiġi osservat li, bħala tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kkonfermat li l-oġġezzjoni li tinsab fil-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontesta, li tgħid li diġà diversi drabi ġew imposti multi sostanzjali fuq ir-rikorrenti minħabba kollużjoni fl-industrija tal-kimika (perossidi, polipropelin, PVC) kienet tikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti.
377 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-analiżi tal-gravità tal-ksur imwettaq għandha tieħu inkunsiderazzjoni reċidiva eventwali (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 128 iktar ’il fuq, punt 91, u s‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 348).
378 Il-kunċett ta’ reċidiva, hekk kif inhu mifhum f’ċertu numru ta’ sistemi legali nazzjonali, jimplika li persuna tkun wettqet ksur ġdid wara li kienet ġiet ippenalizzata għal ksur simili (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra p. II‑347, punt 617).
379 Il-linji gwida dwar il-metodi għall-kalkolu tal-multi, anki jekk ma japplikawx għal din il-kawża, għandhom l-istess sens meta jirreferu għal “ksur tal-istess tip”.
380 Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-ksur li għalih diġà diversi drabi ġew imposti multi sostanzjali fil-konfront tar-rikorrenti minħabba l-kollużjoni fl-industrija kimika huwa marbut kollu mal-Artikolu 81 KE. Fil-fatt, kif ippreċiżat il-Kummissjoni, qed isir riferiment għad-Deċiżjoni 69/243/KEE, tal-24 ta’ Lulju 1969, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/26.267 – Oġġetti li jagħtu l-kulur) (ĠU L 195, p. 11) tagħha, għad-Deċiżjoni 86/398/KEE, tat-23 ta’ April 1986, dwar proċedura skont l‑Artikolu [81 KE] (IV/31.149149 – Polipropelin) (ĠU L 230, p. 1) tagħha, kif ukoll għad-Deċiżjoni 89/190/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/31.865 − PVC) (ĠU 1989, L 74, p. 1) tagħha. Barra minn hekk, il-prattiki li kienu s-suġġett tad-deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huma differenti ħafna minn dawk inkwistjoni f’dan il-każ.
381 Għalhekk, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li kienet teżisti ċirkustanza aggravanti kontra r-rikorrenti u, hemm lok sabiex id-deċiżjoni kkontestata tiġi emendata billi jitnaqqas b’5 % l-ammont tal-multa li ġie impost fuqha.
382 Il-ħames nett, l-argument tar-rikorrenti li hija ma kienet suġġetta għal ebda kundanna għal ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/300 ma jistax jiġi milqugħ peress li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda biss fatti li ġraw qabel l-1990.
383 Is-sitt nett, l-argumenti tar-rikorrenti li l-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni, minn naħa, l-ispejjeż li saru sabiex jiġu kkostitwiti garanziji fir-rigward tal-multa imposta fid-Deċiżjoni 91/300 u l-multa imposta fid‑Deċiżjoni 91/297 meta din stabbiliet l-ammont tal-multa f’dan il-każ u, min‑naħa l-oħra, l-ispejjeż interni li ma jistgħux jiġu rkuprati wara azzjonijiet meħuda sabiex jiġi stabbilit li d-Deċiżjoni 91/300 kienet illegali u minħabba l-appell superfluwu u mingħajr skop ippreżentat mill-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-gravità tal-ksur u ċ‑ċirkustanzi partikolari tal-każ, iżda wkoll il-kuntest li fih twettaq dan il-ksur u tieħu ħsieb l-effett dissważiv tiegħu, speċjalment għat-tipi ta’ ksur partikolarment dannużi għat-twettiq tal-għanijiet tal-Komunità (sentenzi Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 354 iktar ’il fuq, punt 106, u Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 354 iktar ’il fuq, punt 272). Issa, f’dan il-każ, anki jekk l-ispejjeż kienu saru mir-rikorrenti sabiex jiġu kkostitwiti garanziji għall-ħlas tal-multi imposti fid-deċiżjonijiet li kienu sussegwentement ġew annullati u sabiex jiġi stabbilit li waħda minn dawn id-deċiżjonijiet kienet illegali, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma ħaditx dawn l-ispejjeż inkunsiderazzjoni meta r-rikorrenti setgħet titlob ir-rimbors tagħhom b’rikors għad-danni.
384 Is-seba’ nett, waqt l-eżami tal-ewwel motiv invokat mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza bbażata fuq is-sentenza Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, li hija bbażata fuq il-konstatazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, ma tistax tiġi invokata f’dan il-każ.
385 Bħala konklużjoni, peress li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat li hemm ċirkustanza aggravanti fil-konfront tar-rikorrenti, għandha tiġi emendata d-deċiżjoni kkontestata billi jitnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha b’5 %, jiġifieri b’ammont ta’ EUR 500 000.
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur
– L-argumenti tal-partijiet
386 Fir-rigward tat-tmiem tal-ksur, ir-rikorrenti ssostni li l-konklużjonijiet tal‑Kummissjoni huma kontradittorji u ma humiex issostanzjati minn provi.
387 Fil-fatt, fil-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata huwa indikat li l-ksur kompla sa “bejn wieħed u ieħor it-tmiem ta[sena] 1990”. Min-naħa l-oħra, fil‑premessi 160 u 161 tad-deċiżjoni kkontestata huwa ppreċiżat li l-ksur kompla “għall-inqas sa tmiem [is-sena] 1989” u li r-rikorrenti abbandunat it-tnaqqis fuq il-parti superjuri mill-“1 ta’ Jannar 1990”. Bl-istess mod, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għal “tmiem [is-sena] 1989 mill-inqas” bħala l-mument li fih il-ksur intemm. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma tressaq ebda prova tal-eżistenza ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur wara l-1989.
388 Fir-rigward tal-bidu tal-ksur, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma għandha ebda prova li l-ksur beda fl-1983 jew li tistabbilixxi l-identità tal-klijenti li għalihom kienu intiżi t-tnaqqis fuq il-parti superjuri. B’hekk, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat l-1984 bħala d-data tal-bidu tal-ksur. Fi kwalunkwe każ, l-ebda wieħed mid-dokumenti invokati mill-Kummissjoni ma kellu data preċedenti għall-1 ta’ Jannar 1985.
389 Skont ir-rikorrenti, peress li jidher li l-ammont tal-multa ġie ffissat abbażi ta’ tmien snin, jiġifieri s-snin 1983 sa l-1990, għalkemm il-Kummissjoni tressaq provi biss għal tul ta’ ħames snin, jiġifieri s-snin 1985 sa l-1989, għandu jitnaqqas dan l-ammont b’bejn 35 % u 40 %, irrispettivament minn kunsiderazzjonijiet oħra li saru.
390 Fir-rigward tat-tmiem tal-ksur, il-Kummissjoni tosserva li l-inkonsistenza msemmija mir-rikorrenti hija limitata għall-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha ġie indikat li t-tnaqqis offerti mir-rikorrenti fuq il-parti superjuri kien waqaf fi tmiem is-sena 1990, filwaqt li minn dispożizzjonijiet oħra tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-ksur kien intemm fi tmiem is-sena 1989. Fil-fehma tagħha, il-Kulleġġ tal-Kummissarji adotta d-deċiżjoni kkontestata kollha u ma jistax ikun hemm konfużjoni dwarha.
391 Fir-rigward tad-data tal-bidu tal-ksur, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li hija ma tafx eżattament f’liema data l-ftehim dwar t-tnaqqis fuq il-parti superjuri ġie konkluż fl-1983 jew fl-1984, iżda, fil-fehma tagħha, ma jistax jiġi kkontestat il-fatt li dawn il-prattiki damu iktar minn ħames snin, li dawn bdew qabel l-1985 u li dawn ġew abbandunati biss fl-aħħar tal-1989. Għaldaqstant, il-multa li ġiet imposta fuq ir-rikorrenti ma kinitx eċċessiva għal ksur ta’ tali tul.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
392 Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, għalkemm dan il-motiv huwa formalment intiż għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa, għandu wkoll jinftiehem bħala talba għal annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din id-deċiżjoni tindika fl-Artikolu 1 tagħha li r-rikorrenti kienet kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 82 KE fl-1983.
393 Skont id-deċiżjoni kkontestata, f’dak li jirrigwarda t-tul tal-ksur:
“(2) Bejn l-1983 u [t-] tmiem [tas-sena] 1990, bejn wieħed u ieħor, [ir-rikorrenti] abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tas-soda fir-Renju Unit meta applikat għall-klijenti ewlenin tagħha sistema ta’ tnaqqis ta’ fedeltà u tnaqqis relatati mat-tunnellaġġ marġinali (‘top-slice rebates’, jew ‘tnaqqis fuq il-parti superjuri’), kundizzjonijiet kuntrattwali intiżi li jiżguraw esklużività effettiva ta’ ksib ta’ bżonnijiet, kif ukoll miżuri oħra li kellhom l-iskop u l-effett li jorbtu l-imsemmija klijenti għall-bżonnijiet tagħhom kollha u li jeskludu l-kompetituri.
[…]
(160) Il-ksur beda f’madwar l-1983, ftit żmien wara n-negozjati mal-Kummissjoni u l-għeluq tal-fajl minnha, u kompla sa mill-inqas sa[t-] tmiem [tas-sena] 1989.
(161) Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li [r-rikorrenti] abbandunat is-sistema ta’ rifużjonijiet fuq il-parti superjuri mill-1 ta’Jannar 1990.”
394 L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sussegwentement tispeċifika:
“[...] [ir-rikorrenti] kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [82 KE] sa mill-1983, bejn wieħed u ieħor u [sal-]aħħar [tas-sena] 1989 mill-inqas permezz ta’ aġir intiż sabiex jeskludi jew jillimita l-kompetizzjoni b’mod kunsiderevoli.”
395 Konsegwentement, fir-rigward tad-data li fiha l-ksur intemm, hemm kontradizzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata, fejn waħda ssemmi t-“tmiem [tas-sena] 1990, bejn wieħed u ieħor” u l-oħrajn li jindikaw tmiem is-sena 1989.
396 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, kif jindika l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-ksur ma waqafx qabel it-“tmiem [tas-sena] 1989 mill-inqas,” li huwa msemmi wkoll fil-premessa 160 dwar it-tul tal-ksur, ir-referenza għal “tmiem [is-sena] 1990, bejn wieħed u ieħor”, li tinsab fil-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkostitwixxi biss sommarju tal-ksur kommess mir-rikorrenti, tidher, konsegwentement, li hija żball tal-pinna.
397 Fir-rigward tad-data li fiha beda l-ksur, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda provi dwar is-snin 1983 u 1984, minkejja li l-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti kkonkludiet il-ftehim dwar t-tnaqqis fuq il-parti superjuri qabel l‑1985, għalkemm hija tirrikonoxxi li tinjora d-data eżatta li fiha l-imsemmi ftehim ġie konkluż fl-1983 jew fl-1984.
398 Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tirreferi għal ċerti dokumenti li hemm fil-fajl li, fil-fehma tagħha, jindikaw li l-prattiki li bihom ġiet ikkritikata r-rikorrenti kienu ġew implementatati fl-1983 u fl-1984.
399 F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti, fir-risposta tagħha stess għad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tirreferi għall-1984 u li, fil-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, ġie indikat li, skont ir-rikorrenti, sa mill‑1984, il-biċċa l-kbira tat-tnaqqis kienet is-suġġett ta’ negozjati individwali.
400 Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li d-dokumenti invokati mill-Kummissjoni b’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-ksur li r-rikorrenti ġiet ikkritikata bih diġà kien seħħ fl-1983. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li hija ma tafx eżattament f’liema data ġie konkluż il‑ftehim dwar it-tnaqqis fuq il-parti superjuri (ara l-punt 391 iktar ’il fuq).
401 Għalhekk, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tindika li r‑rikorrenti kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 82 KE fl-1983.
402 Konsegwentement, għandu jiġi mnaqqas, f’dan ir-rigward, l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti bi 15 %, jiġifieri EUR 1 500 000.
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti
403 Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni jmissha kkunsidrat disa’ ċirkustanzi attenwanti meta evalwat il-gravità tal-ksur.
– Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-kooperazzjoni tar-rikorrenti mal-Kummissjoni
404 Ir-rikorrenti ssostni li hija kienet kooperattiva meta assistiet bis-sħiħ lill-Kummissjoni fl-istadji kollha tal-investigazzjoni u meta ppreżentat ruħha fis-smigħ bix-xhieda li l-iktar ikkontribwew għall-għarfien tal-fatti. Hija osservat, fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Marzu 1992, ICI vs Il‑Kummissjoni (T‑13/89, Ġabra p. II‑1021), li l-Qorti Ġenerali għal din ir-raġuni tat tnaqqis addizzjonali ta’ ECU 1 000 000 mill-ammont tal-multa.
405 Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, intitolat “Talbiet għall-informazzjoni”:
“4. It-titolari ta’ l-impriżi jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta’ persuni legali, kumpaniji jew ditti, jew assoċjazzjonijiet li m’għandhomx personalita legali, il-persuni awtorizzati li jirrappreżentawhom skond il-liġi jew skond il-kostituzzjoni tagħhom għandhom ifornu l-informazzjoni mitluba.”
5. Meta impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi ma tfornix l-informazzjoni mitluba fil-limitu tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni, jew tforni informazzjoni skorretta, il-Kummissjoni għandha permess ta’ deċiżjoni titlob li l-informazzjoni tiġi fornuta. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa, tistabilixxi limitu tat-terminu xieraq li fih din għandha tiġi fornuta u tindika l-penalitajiet pprovduti fl-Artikolu 15(1)(b) u l-Artikolu 16(1)(ċ) u d-dritt li tieħu d-deċiżjoni għar-reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.”
406 Hija ġurisprudenza stabbilita li kooperazzjoni matul l-investigazzjoni li ma tmurx lil hinn mill-obbligi li għandhom l-impriżi skont l-Artikolu 11(4) u (5) tar-Regolament Nru 17 ma tiġġustifikax tnaqqis tal-multa (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑12/89, Ġabra p. II‑907, punti 341 u 342, u tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il‑Kummissjoni, T‑241/01, Ġabra p. II‑2917, punt 218). Min-naħa l-oħra, tali tnaqqis huwa ġġustifikat meta l-impriża tkun ipprovdiet informazzjoni li tmur kunsiderevolment lil hinn minn dik li l-produzzjoni tagħha tista’ tkun meħtieġa mill-Kummissjoni skont l-Artikou 11 tar-Regolament Nru 17 (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Daesang u Sewon Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑230/00, Ġabra p. II‑2733, punt 137).
407 Fis-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1992, ICI vs Il-Kummissjoni, punt 404 iktar ’il fuq (punt 393), il-Qorti Ġenerali kienet osservat in‑natura dettaljata ħafna tar-risposta tar-rikorrenti għat-talba għal informazzjoni, li ma tikkonċernax biss l-azzjonijiet tagħha, iżda wkoll dawk tal-impriżi kkonċernati kollha, risposta li mingħajrha kien ikun ħafna iktar diffiċli għall-Kummissjoni li tikkonstata u li twaqqaf il-ksur li huwa s-suġġett tad-Deċiżjoni 91/300.
408 Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti sempliċement tiddikjara, mingħajr ma tressaq ebda prova, li hija assistiet bis-sħiħ lill-Kummissjoni fl-istadji kollha tal-investigazzjoni tagħha u li hija ppreżentat ruħha għas-smigħ flimkien max-xhieda li l-iktar ikkontribwew għall-għarfien tal-fatti.
409 Fi kwalunkwe każ, l-aġir tar-rikorrenti ma jistax jiġi kkwalifikat bħala kooperazzjoni fl-investigazzjoni li tmur lil hinn minn dak li jirriżulta mill-obbligi imposti fuq l-impriżi skont l-Artikolu 11(4) u (5) tar-Regolament Nru 17. Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti tat informazzjoni li tmur sew lil hinn minn dak li l-produzzjoni tagħha tista’ tiġi rikjesta mill-Kummissjoni skont l-istess artikolu.
410 Peress li l-aġir tar-rikorrenti ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti, l-ewwel parti tar-raba motiv għandha tiġi miċħuda.
– Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-natura mhux deliberata tal-arranġamenti dwar l-iffissar tal-prezzijiet
411 Skont ir-rikorrenti, l-arranġamenti dwar l-iffissar tal-prezzijiet fil-qasam tal-karbonat tas-sodju ma jikkostitwixxux politika min-naħa tal-partijiet ikkonċernati intiża għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għal nota interna tad-29 ta’ Novembru 1988, redatta mill-maniġer kummerċjali tad-diviżjoni “Karbonat tas-sodju”, li kienet ġiet trasmessa lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, li tgħid li “fid‑dawl tal-laqgħat bejn il-produtturi tal-karbonat tas-sodju mad-[Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni] xi snin ilu, ma [jidhirlux] li [kellhom] problema kbira dwar in-natura tal-kuntratti [tagħhom].” Fl-imsemmija nota, huwa indikat ukoll li ta’ spiss ikun hemm konfini dgħajfa ħafna bejn, pereżempju, il-fatt li ttejjeb il‑pożizzjoni fis-suq u l-fatt li tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha f’dan is-suq. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ssostni li l-aġir tagħha ma kienx ġie kkwalifikat bħala abbużiv f’sentenza peċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, jekk kien hemm ksur, dan għandu jiġi trattat bħala “ksur tekniku”.
412 Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat jista’ jiġi kkunsidrat bħala li twettaq b’mod intenzjonali, ma huwiex neċessarju li l-impriża tkun taf li qed tikser projbizzjoni stabbilita minn dawn ir-regoli; huwa suffiċjenti li hija ma setgħetx tinjora li l-aġir illegali kellu l-għan jew l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq komuni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ April 1993, BPB Industries u British Gypsum vs Il‑Kummissjoni, T‑65/89, Ġabra p. II‑389, punt 165, u tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il‑Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra p. II‑3033, punt 155).
413 Issa, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat diversi sentenzi li jikkundannaw il-prattiki intiżi sabiex jostakolaw l-aċċess ta’ kompetituri għall-klijenti billi jorbtu lil dawn tal-aħħar mal-fornitur dominanti. F’dan ir-rigward, is-sentenza Hoffmann‑Laroche vs Il‑Kummissjoni, punt 216 iktar ’il fuq, b’mod partikolari stabbiliet li, għal impriża li tinsab f’pożizzjoni dominanti f’suq, il-fatt li torbot – anki fuq talba tagħhom – lil xerrejja b’obbligu jew b’wegħda li jipprovdu l-bżonnijiet kollha tagħhom jew parti kunsiderevoli minnhom esklużivament mingħand l-imsemmija impriża jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE, kemm jekk l-obbligu inkwistjoni jkun stipulat mingħajr kwalifika oħra, kif ukoll jekk dan l-obbligu għandu l-korrispettiv tiegħu fl-għoti ta’ tnaqqis.
414 Barra minn hekk, mill-premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r‑rikorrenti kitbet “nota intitolata ‘Problemi u għanijiet għall-1989’: ‘Eżami tal-legalità tas-sistema tal-parti superjuri u s-soluzzjonijiet l-oħra’”.
415 Barra minn hekk, kif osservat il-Kummissjoni fil-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata:
“[Ir-rikorrenti] kienet taf tajjeb, wara negozjati estensivi li kellha mal‑Kummissjoni bejn l-1980 u 1982, liema kienu r-rekwiżiti tal-Artikolu 82 [KE]. L-introduzzjoni ta’ tnaqqisijiet fuq it-tunnellaġġ marġinali f’madwar l-1983 ftit kienet segwiet l-assigurazzjonijiet speċifiċi li hija kienet tat lill-Kummissjoni li hija ma toffrix inċentivi speċjali għall-klijenti sabiex dawn jiksbu [minn] għandha l-bżonnijiet kollha tagħhom jew parti kunsiderevoli tal-bżonnijiet tagħhom tal-karbonat tas-sodju.”
416 Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma setgħetx tinjora l-fatt li l-prattiki intiżi fid-deċiżjoni kkontestata kellhom l-għan jew l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq komuni.
417 In-nota interna tal-maniġer kummerċjali tad-diviżjoni “Karbonat tas-sodju” tar‑rikorrenti tad-29 ta’ Novembru 1988 ma hijiex tali li tikkontesta din il‑konklużjoni, peress li l-ġurisprudenza kienet diġà stabbiliet l-illegalità ta’ prattiki simili għal dawk li r-rikorrenti ġiet ikkritikata bihom mill-Kummissjoni.
418 Konsegwentement, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.
Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ miżuri preventivi
419 Ir-rikorrenti ssostni li ħadet miżuri estensivi sabiex tiżgura l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni. Dawn il-miżuri jinkludu programm ta’ taħriġ komprensiv u kontinwu implementat minn avukati interni u esterni. Vidjo-kasett, magħmul professjonalment, mibjugħ lil iktar minn 170 kumpannija oħra, kif ukoll ktejjeb spjegattiv kienu ġew użati. Skont ir-rikorrenti, dawn il-miżuri kienu effettivi, kif inhu kkonfermat min-nuqqas ta’ kwalunkwe lment dwar il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni matul il-perijodu ta’ għaxar snin li għaddew mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/300.
420 F’dan ir-rigward, għalkemm huwa ċertament importanti li impriża tkun ħadet miżuri sabiex tipprekludi li fil-futur jerġa’ jseħħ ksur ġdid tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-membri tal-persunal tagħha, dan il-fatt ma jbiddel xejn mir-realtà tal-ksur ikkonstatat. Is-sempliċi fatt li, f’ċerti każijiet, il-Kummissjoni, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, ħadet inkunsiderazzjoni l-implementazzjoni ta’ programm ta’ konformità bħala ċirkustanza attenwanti ma jfissirx li hija obbligata timxi bl-istess mod f’kull każ partikolari (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 266, u l-ġurisprudenza ċċitata).
421 Minn dan jirriżulta li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni fl-eżami tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti l-miżuri preventivi li r-rikorrenti tallega li kienet adottat.
422 Għaldaqstant, it-tielet parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.
– Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq l-abbandun tat-tnaqqis fuq il-parti superjuri
423 Ir-rikorrenti tallega li, ferm qabel ma ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-arranġamenti tagħha għal iffissar tal-prezz fir-rigward tal-karbonat tas-sodju kienu ġew innegozjati mill-ġdid b’mod volontarju, sabiex jiġu evitat it-tnaqqis fuq it-tunnellaġġ marġinali u adottat prezz uniku nnegozjat mingħajr l-iċken tnaqqis. Hija tinvoka l-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4). Fil-fehma tagħha, din il-komunikazzjoni tipprovdi li l-abbandun volontarju ta’ prattiki fi stadju bikri huwa fattur li jwassal għal tnaqqis sostanzjali fl-ammont tal-multa. Bl-istess mod, skont it-Taqsima 3 tal-Linji gwida dwar il-metodi għall-kalkolu tal-multi, dan ikun fattur li jiġġustifika tnaqqis ferm sostanzjali tal-multa.
424 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont il-punt 3 tal-Linji gwida dwar il-metodi għall-kalkolu tal-multi, t-“tmiem tal-ksur hekk kif tintervjeni l-Kummissjoni (b’mod partikolari meta jsiru l-kontrolli)”, jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.
425 Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 366 sa 369 iktar ’il fuq, il-Linji gwida dwar il-metodi għall-kalkolu tal-multi ma humiex applikabbli f’dan il-każ.
426 Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-Linji gwida għandhom japplikaw f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 tal-Linji gwida ma humiex sodisfatti f’din il-kawża. Fil-fatt, ma jistax jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma kkommettietx iktar ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni hekk kif inhu meħtieġ mill-Linji gwida sabiex il-waqfien mill-ksur jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti. F’dan ir-rigward, mill-punt 3 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet l-ewwel kontrolli f’April 1989 għalkemm ir-rikorrenti abbandunat is-sistema ta’ tnaqqis fuq it-tunnellaġġ marġinali mill-1 ta’ Jannar 1990 hekk kif jirriżulta mill-premessa 161 tad-deċiżjoni kkontestata.
427 Barra minn hekk għandu jiġi osservat li l-Artikolu 3 tal-Linji gwida ma jistax jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi fatt li l-parti responsabbli għall-ksur ittemm kull ksur hekk kif tibda tintervjenti l-Kummissjoni jikkostitwixxi b’mod ġenerali u mingħajr riżerva ċirkustanza attenwanti. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tal‑Artikolu 3 tal-Linji gwida tista’ ddgħajjef l-effett utli tad-dispożizzjonijiet li jippermettu ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva, minħabba li ddgħajjef kemm is-sanzjoni li tista’ tiġi imposta wara ksur tal-Artikolu 82 KE kif ukoll l-effett dissważiv ta’ tali sanzjoni. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li huma biss iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ikkonċernat, li fihom l-ipoteżi tal-waqfien mill-ksur hekk kif tintervjeni l-Kummissjoni tikkonkretizza ruħha, li jistgħu jiġġustifikaw it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din l-aħħar ċirkustanza bħala ċirkustanza attenwanti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, T‑59/02, Ġabra p. II‑3627, punti 335 u 338).
428 F’dan il-każ, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni tikkritika lir-rikorrenti talli abbużat mill-pożizzjoni dominanti li din tal-aħħar kellha fis-suq tas-soda fir-Renju Unit billi applikat lill-klijenti ewlenin tagħha sistema ta’ tnaqqis għal fedeltà u tnaqqisijiet marbuta mat-tunnellaġġ marġinali, kundizzjonijiet kuntrattwali intiżi li jiżguraw esklużività effettiva ta’ ksib ta’ bżonnijiet kif ukoll miżuri oħra li kellhom l-għan u l-effett li jorbtu l-imsemmija klijenti għall-bżonnijiet kollha tagħhom u li jeskludu l-kompetituri. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat b’mod partikolari li r-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza u lanqas il-kontenut tad-dokumenti invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li minnhom jirriżulta li t-tnaqqis fuq il-parti superjuri ma kienx ibbażat fuq korrispettiv ekonomikament ġustifikat u li huma intiżi sabiex jipprekludu lill-klijenti milli jiksbu provvisti minn produtturi kompetituri. Għandu wkoll jiġi osservat, kif ġie kkonstatat fil-punti 370, 373 u 374 iktar ’il fuq, li l-ksur li r-rikorrenti hija kkritikata bih huwa ta’ gravità partikolari.
429 Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, anki jekk il-Linji gwida kienu ġew applikati u li r-rikorrenti waqfet milli toffri tnaqqis fuq il-parti superjuri lill-klijenti tagħha malli intervjeniet il-Kummissjoni, tali waqfien ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti f’dan il-każ.
430 Konsegwentement ir-raba’ parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.
– Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq il-portata limitata tat-tnaqqis
431 Skont ir-rikorrenti, it-tunnellaġġi affettwati mit-tnaqqis fuq il-parti superjuri jirrapreżentaw biss 8 % tal-bejgħ totali tagħha ta’ karbonat tas-sodju.
432 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni numru kbir ta’ elementi li n-natura u l-importanza tagħhom ivarjaw skont it-tip ta’ ksur inkwistjoni u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat. Fost dawn l-elementi ta’ ksur jista’ jkun hemm il-volum u l-vaur tal-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur kif ukoll id-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża u, għaldaqstant, l-influwenza li din setgħet kellha fuq is-suq (sentenza Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 383 iktar ’il fuq, punt 120).
433 F’din il-kawża, il-Kummissjoni stqarret dan li ġej fir-rigward tal-gravità tal-ksur inkwistjoni:
(156) F’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li l-ksur tal-Artikolu 82 [KE] kien ta’ gravità partikolari. Huwa kien parti minn politika intiża li ssaħħaħ il-kontroll eżerċitat mir-[rikorrenti] fis-suq [rilevanti] b’mod għal kollox kontra l-għanijiet fundamentali tat-Trattat. Barra minn hekk, dawn kienu intiżi speċifikament sabiex jirrestrinġu jew jaffettwaw l-attività ta’ kompetituri speċifiċi.
(157) Billi għalqet għal żmien twil l-opportunitajiet ta’ bejgħ għall-kompetituri kollha tagħha, [ir-rikorrenti] għamlet ħsara permanenti lill-istruttura tas-suq rilevanti, b’detriment tal-konsumaturi.”
434 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni kif jixraq l-influwenza li l-ksur seta’ jeżerċita fuq is-suq, li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ma jistax jillimita ruħu għas-sempliċi ammont ta’ kwantitajiet ta’ karbonat tas-sodju affettwati mit-tnaqqis fuq it-tunnellaġġ marġinali.
435 Fi kwalunkwe każ, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-elementi li jaqgħu taħt l-għan ta’ aġir jistgħu jkunu iktar importanti għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa minn dawk relatati mal-effetti tiegħu (sentenzi Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, punt 378 iktar ’il fuq, punt 636, u Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 295 iktar ’il fuq, punt 259).
436 Għaldaqstant, il-ħames parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.
– Fuq is-sitt parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ kritika ta’ elementi oħra tal-kuntratti ta’ bejgħ
437 Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tagħmel ebda kritika fir-rigward tat-tul tal-kuntratti tagħha ta’ bejgħ ta’ karbonat tas-sodju, tal-preżenza ta’ klawżoli ta’ kompetizzjoni, tal-kuntratti li jikkonċernaw il-bżonnijiet kollha tal-klijenti, jew tat-tnaqqis fuq il-volum ċentrali jew ukoll kull tnaqqis ieħor fuq it-92 % li fadal mill-produzzjoni tagħha.
438 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li tali prattiki ma humiex koperti fid-deċiżjoni kkontestata.
439 Il-fatt li l-Kummissjoni ma għamlet ebda kritika dwar elementi oħra ta’ kuntratti ta’ bejgħ ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti fir-rigward tal-ksur li kien is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.
440 Konsegwentement is-sitt parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.
Fuq is-seba’ parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ profitt miksub mill-ksur
441 Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tressaq ebda prova li hija għamlet profitt minn kwalunkwe waħda mill-prattiki li bihom hija ġiet ikkritikata. Hija tiddikjara li l-bejgħ tagħha kien niżel fil-bidu tas-snin 1980 u li hija kellha tkun iktar effiċjenti fil-kapaċità tagħha ta’ produzzjoni billi tagħlaq l-impjant ta’ produzzjoni tagħha f’Wallerscote (ir-Renju Unit). Il-qagħda tjiebet sussegwentement, iżda l-profitti globali tagħha kienu moderati matul is-snin 1980.
442 Madankollu, ir-rikorrenti ma tressaq ebda element fattwali u provi insostenn tal-allegazzjoni tiegħu ta’ nuqqas ta’ profitt.
443 Barra minn hekk, li kieku kellu jitqies li r-rikorrenti ma għamlitx profitt mill-prattiki li ġiet ikkritikata bihom, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm l-ammont tal-multa imposta għandu jkun proporzjonali mat-tul tal-ksur u mal-elementi oħra li jistgħu jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, fosthom il-profitt li l-impriża kkonċernata setgħet tieħu mill-prattiki tagħha, il-fatt li impriża ma għamlet ebda qliegħ mill-ksur ma jistax jipprekludi l-impożizzjoni ta’ multa, inkella din tal-aħħar titlef mill-effett dissważiv tagħha. B’hekk il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, sabiex tiffissa l-ammont tal-multi, li tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ qligħ mill-ksur inkwistjoni. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ vantaġġ finanzjarju marbut mal-ksur ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2005, Heubac vs Il‑Kummissjoni, T‑64/02, Ġabra p. II‑5137, punti 184 sa 186, u l-ġurisprudenza ċċitata).
444 Konsegwentement, is-seba’ parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.
Fuq it-tmien parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ natura sigrieta tal-ksur
445 Ir-rikorrenti ssostni li, f’din il-kawża, ma hemm ebda karatteristika aggravanti ta’ segretezza fir-rigward tat-tnaqqis fuq il-parti superjuri. Mill-miżuri antidumping adottati mill-Kummissjoni jirriżulta li s-suq tal-karbonat tas-sodju kien trasparenti u sensittiv għall-prezzijiet u li l-konsumaturi kienu qed joperaw fuq bażi Komunitarja jew fuq bażi dinjija għall-kuntratti annwali tagħhom.
446 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra n-natura sigrieta bħala ċirkustanza aggravanti fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur (ara f’dan is-sens, għal akkordju, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 Mejju 1998, Mayr‑Melnhof vs Il‑Kummissjoni, T‑347/94, Ġabra p. II‑1751, punt 213).
447 Madankollu ma jistax jiġi dedott li n-nuqqas ta’ natura sigrieta jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.
448 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tmien parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.
– Fuq id-disa’ parti, ibbażata fuq in-natura tal-kompetituri
449 Skont ir-rikorrenti, it-tnaqqis fuq il-parti superjuri affettwaw biss il-kompetituri tagħha stabbiliti barra mill-Komunità, li matul is-snin 80 huma stess issuġġettaw rwieħhom għal politika ta’ ffissar ta’ prezzijiet inġusti.
450 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, anki jekk wieħed jassumi li t-tnaqqis fuq il-parti superjuri affettwaw biss lill-kompetituri tagħha stabbiliti barra mill-Komunità, ir-rikorrenti ma tispjegax fhiex il-fatt li dawn huma kumpaniji stabbiliti barra mill-Komunità għandu jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti f’dan il-każ.
451 Għaldaqstant, id-disa’ parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.
452 Bħala konklużjoni, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn din tindika li l-ksur seħħ bejn l-1983 bejn wieħed u ieħor u tmiem is-sena 1989 u mhux bejn l-1984 u tmiem is-sena 1989 u tiġi emendata sa fejn tikkunsidra b’mod żbaljat iċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva mwettqa mir-rikorrenti.
453 Konsegwentement, l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti huwa stabbilit għal EUR 8 000 000.
Fuq l-ispejjeż
454 Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.
455 F’dan il-każ, it-talbiet tar-rikorrenti ġew iddikjarati parzjalment fondati. Il-Qorti Ġenerali tqis li saret evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ billi ddeċidiet li r-rikorrenti għandha tbati 80 % tal-ispejjeż tagħha kif ukoll 80 % ta’ dawk sostnuti mill-Kummissjoni u li din tal-aħħar għandha tbati 20 % tal-ispejjeż tagħha u 10 % tal-ispejjeż tar‑rikorrenti.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/7/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2000, dwar proċedura skont l-Artikolu 82 [KE] (Każ COMP/33.133 – D: Karbonat tas-sodju - ICI), huwa annullat sa fejn jiddikjara li Imperial Chemical Industries Ltd kisret id‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 82 KE fl-1983.
2) L-ammont tal-multa imposta lil Imperial Chemical Industries fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2003/7 huwa stabbilit għal EUR 8 000 000.
3) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
4) Imperial Chemical Industries għandha tbati 80 % tal-ispejjeż tagħha u 80 % tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.
5) Il-Kummissjoni għandha tbati 20 % tal-ispejjeż tagħha u 20 % tal-ispejjeż ta’ Imperial Chemical Industries.
Meij
Vadapalas
Dittrich
Firem
Werrej
Il-fatti li wasslu għall-kawża
Proċedura
It-talbiet tal-partijiet
Id-dritt
1. Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata
Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata tar-regoli tal-prekrizzjoni
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq it-tieni parti, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali
Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-natura illegali tal-istadji preparatorji tad-Deċiżjoni 91/300
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq iż-żmien eċċessiv bejn il-proċeduri amministrattivi u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-obbligu li jsiru passi proċedurali ġodda
– L-argumenti tal-partiijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq ir-raba’ parti, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 253 KE
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tas-suq rilevanti
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fiq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ abbuż minn pożizzjoni dominati
Fuq l-ewwel parti, relatata mat-tnaqqis fuq tunnellaġġ marġinali
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq it-tieni parti, dwar il-klawżoli ta’ kisba esklużiva ta’ bżonnijiet u r-restrizzjonijiet ta’ xiri mingħand kompetituri
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq it-tielet parti, dwar inċentivi finanzjarji oħra
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Is-sitt motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
2. Fuq it-talbiet għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq id-dekorriment tat-terminu
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-gravitŕ tal-ksur
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur
– L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti
– Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-kooperazzjoni tar-rikorrenti mal-Kummissjoni
– Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-natura mhux deliberata tal-arranġamenti dwar l-iffissar tal-prezzijiet
Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ miżuri preventivi
– Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq l-abbandun tat-tnaqqis fuq il-parti superjuri
– Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq il-portata limitata tat-tnaqqis
– Fuq is-sitt parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ kritika ta’ elementi oħra tal-kuntratti ta’ bejgħ
Fuq is-seba’ parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ profitt miksub mill-ksur
Fuq it-tmien parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ natura sigrieta tal-ksur
– Fuq id-disa’ parti, ibbażata fuq in-natura tal-kompetituri
Fuq l-ispejjeż
* Lingwa tal-kawża: l‑Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy