KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
JACOBS
ippreżentati fis-6 ta' Mejju 2004 (1)
Kawża C-113/02
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Renju ta' l-Olanda
1. F’dan ir-rikors li tressaq skond l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni ssostni li l-iskema ta’ l-Olanda li tirregola t-trasferiment ta’ skart hija f’żewġ aspetti inkompatibbli mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 ta’ l-1 ta’ Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ [trasferimenti] ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (2) (iktar 'il quddiem, ‘ir-Regolament’) u mad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (3) kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE tat-18 ta’ Marzu 1991 (4) u kif adattata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350/KE ta' l-24 ta’ Mejju 1996 (5) (iktar 'il quddiem, ‘id-Direttiva’).
2. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li l-kriterji applikati mill-Olanda sabiex tiddeċiedi meta għandha toġġezzjona għal trasferiment ta’ skart għall-irkupru huma inkompatibbli ma’ dawk stipulati fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament.
3. It-tieni nett, il-Kummissjoni tallega li l-kriterji applikati mill-Olanda sabiex tiddeċiedi jekk l-inċinerazzjoni ta’ skart tikkostitwix operazzjoni ta’ rimi jew ta’ irkupru huma inkompatibbli ma’ dawk stipulati fl-Artikolu 1(e) u (f) tad-Direttiva. Minn mindu l-partijiet issottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom fil-preżenti proċeduri, il-Qorti tal-Ġustizzja tat sentenza f’kawża oħra fejn ikkonfermat li l-kriterji in kwistjoni, ibbażati fuq il-valur kalorifiku u l-kompożizzjoni ta’ l-iskart, jiksru d-Direttiva. (6)
Kuntest ġuridiku
Dritt Komunitarju
4. Ir-Regolament għandu l-għan li jipprovdi sett ta’ proċeduri armonizzati li permezz tagħhom movimenti ta’ skart jistgħu jiġu limitati sabiex jiġi mħares l-ambjent. It-Titolu II tar-Regolament huwa intitolat ‘[Trasferimenti] ta’ skart bejn Stati Membri’. Il-Kapitoli A u B tat-Titolu II jistabbilixxu proċeduri li għandhom jiġu segwiti għat-trasferiment ta’ skart għar-rimi u skart għall-irkupru rispettivament. Ir-Regolament jadotta d-definizzjonijiet ta’ ‘rimi’ u ‘irkupru’ użati fid-Direttiva, (7) li jissemmew iktar 'il quddiem.
5. It-trasferimenti ta’ tipi aktar perikolużi ta’ skart għall-irkupru (8) huwa suġġett għall-proċedura li ġejja. Meta l-produttur jew id-detentur ta’ skart ikollu l-intenzjoni li jittrasferixxi tali skart minn Stat Membru għal ieħor, huwa għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni u jibgħat kopja tan-notifika lill-awtorità kompetenti tat-tluq u lil minn tkun se ssir il-konsenja. (9)
6. L-Istati Membri tat-tluq u tad-destinazzjoni għandhom id-dritt li joġġezzjonaw għal trasferiment. L-oġġezzjonijiet tagħhom għandhom ikunu bbażati fuq l-Artikoli 7(4). L-Artikolu 7(4)(a) jelenka ħames raġunijiet li abbażi tagħhom l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-Istati Membri jistgħu jressqu oġġezzjonijiet immotivati. Il-ħames inċiż ta’ l-Artikolu 7(4)(a) jistipula li dawn ‘jistgħu jqajmu oġġezzjonijiet raġonevoli dwar [it-trasferiment] ippjanat … jekk ir-rapport ta' bejn l-iskart li jista' jiġi rkuprat [u l-iskart] li ma jistax jiġi rkuprat, l-istima tal-valur tal-materjali li għandhom finalment ikunu rkuprati jew l-ispiża ta’ l-irkupru [u] l-ispiża għar-rimi tal-frazzjoni li ma tistax tkun irkuprata ma jiġġustifikawx l-irkupru minħabba kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u ambjentali’.
7. Skond l-Artikolu 1(e) tad-Direttiva, ‘rimi (ta' l-iskart)’ tfisser ‘kull waħda mill-ħidmiet provduti fl-Anness IIA’, filwaqt li skond l-Artikolu 1(f), ‘irkupru’ tfisser ‘kull waħda mill-ħidmiet provduti fl-Anness IIB’.
8. ‘L-inċinerazzjoni (ħruq) fuq l-art’ hija inkluża fl-Anness IIA fil-punt D10 u hija għalhekk identifikata bħala xogħol ta’ rimi. Għall-kuntrarju, ‘l-użu prinċipalment bħala karburant [jew] mezzi oħra li jiġġeneraw l-enerġija’ hija identifikata fl-Anness IIB fil-punt R1 bħala xogħol ta’ rkupru.
Dritt nazzjonali
9. F’Ġunju 1997, il-Gvern Olandiż introduċa l-Meerjarenplan gevaarlijke afvalstoffen II 1997-2007 (il-pjan pluriannwali għall-immaniġġjar ta’ skart perikoluż) (hawn iktar 'il quddiem, ‘il-MJP-GA II’). (10)
10. Il-kapitolu 8 ta’ l-ewwel parti tal-MJP-GA II jagħti gwida ta’ kif il-ħames inċiż ta’ l-Artikolu 7(4)(a) għandu jiġi applikat mill-awtorità kompetenti fl-Olanda.
11. Il-punt 3.a tal-kapitolu 8 jistipula li ‘meta inqas minn 20% (bħala perċentwali ta’ massa) tal-kwantità ta’ skart intiża għal trasferiment bejn il-fruntieri jiġi rkuprat fl-Istat tat-tluq – meta tiġi kkunsidrata l-kwantità kbira ta’ skart li wara trid tiġi mormija – ir-raġunijiet sabiex titqajjem oġġezzjoni msemmija fir-Regolament jiġu applikati separatament għal kull talba. F'kull każ, il-marġni speċifikat fin-nota fil-qiegħ tal-paġna fil-punt (b) ma japplikax …’
12. Il-punt 3.b tal-kapitolu 8 jistipula li ‘f’każijiet oħrajn, bħala regola jitqajmu oġġezzjonijiet għat-trasferiment jekk il-perċentwali ta’ skart li jista' jiġi rkuprat fl-Istat Membru tad-destinazzjoni tkun inferjuri għal dik fl-Istat Membru tat-tluq’.
13. In-nota fil-qiegħ tal-paġna fil-punt 3.b tal-kapitolu 8 kienet oriġinarjament tistipula:
‘Sabiex jiġu llimitati l-proċeduri ta' oġġezzjonijiet u appelli, jista' jiġi applikat marġni jekk ma jistax jiġi stabbilit b’mod inekwivoku li l-perċentwali ta’ skart effettivament irkuprat fl-Istat tad-destinazzjoni huwa inferjuri. Il-marġni ma jistax jaqbeż l-20% tal-valur relattiv. Lil hinn mill-20%, l-evalwazzjoni għandha dejjem twassal għat-tqajjim ta' oġġezzjoni. It-total huwa dejjem evalwat fid-dawl tat-trasferiment speċifiku previst.’
14. B’konsegwenza ta' l-ittra ta' intimazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni qabel il-preżenti proċeduri, l-Olanda emendat in-nota billi ħassret is-sentenza ta’ qabel ta’ l-aħħar tas-silta ċċitata.
15. Il-kapitolu 18 tat-tieni parti tal-MJP-GA II jittratta d-differenza bejn l-inċinerazzjoni bħala xogħol ta’ rkupru, fejn l-iskart jiġi prinċipalment użat bħala karburant, u l-inċinerazzjoni bħala metodu ta’ rimi. Huwa jispeċifika li l-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż ikun meqjus bħala xogħol ta’ rkupru biss jekk il-valur kalorifiku ta’ l-iskart ikun iktar minn 11 500 Kj/kg fil-każ ta’ skart b’kontenut ta' kloru inferjuri għal 1%, jew aktar minn 15 000 Kj/kg fil-każ ta’ skart b’kontenut ta' kloru superjuri għal 1%.
Ir-rikors għal ksur
16. Wara li rċeviet diversi lmenti li jallegaw li l-Olanda kienet qajmet oġġezzjonijiet mhux ġustifikati għall-esportazzjoni ta’ skart perikoluż, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Olanda b’ittra tat-28 ta’ April 1999, fejn esponiet tliet aspetti li dwarhom kienet tal-fehma li l-MJP GA-II setgħet kienet qed tikser id-dritt Komunitarju.
17. Bi tweġiba għal din l-ittra, il-Gvern Olandiż mmodifika n-nota fil-qiegħ tal-paġna f’punt 3.b tal-kapitolu 8 tal-MJP GA-II bil-mod kif deskritt iktar 'il fuq, (11) imma ma għamel l-ebda tibdil ieħor.
18. Il-Kummissjoni ma kinitx sodisfatta b’dik it-tweġiba, u bagħtet opinjoni mmotivata lil Gvern Olandiż fl-1 ta’ Awwissu 2000. L-Olanda wieġbet fit-8 ta’ Novembru 2000, fejn ċaħdet li wettqet xi ksur tad-dritt Komunitarju.
19. Fil-21 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni ressqet rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal dikjarazzjoni li l-Olanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 7(4) tar-Regolament, l-Artikolu 1(e) u (f) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, u l-Artikolu 82 KE moqri flimkien ma' l-Artikolu 86 KE.
20. Fil-kors tal-proċeduri, il-Kummissjoni rtirat it-tielet motiv tar-rikorsazzjoni tagħha, li kien jallega li sar ksur ta’ l-Artikoli 82 u 86 KE.
21. Fis-sottomissjonijiet tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ma tiżviluppa ebda argument in sostenn ta' l-allegazzjoni tagħha ta' ksur ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.
22. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi kkunsidrat biss jekk l-MJP-GA II tmurx kontra l-Artikolu 7(4) tar-Regolament jew tikkostitwixxix implementazzjoni mhux korretta ta’ l-Artikoli 1(e) u (f) tad-Direttiva. Qed nipproponi li fl-ewwel lok tiġi ttrattata din l-aħħar kwistjoni, li ġiet indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja reċentement.
Il-kompatibbiltà tal-MJP-GA II ma' l-Artikolu 1(e) u (f) tad-Direttiva
23. Il-Kummissjoni ssostni li d-distinzjoni li ssir fil-kapitolu 18 tat-tieni parti tal-MJP-GA II bejn ir-rimi u l-irkupru ta’ skart perikoluż bl-inċinerazzjoni mhijiex kompatibbli mad-Direttiva.
24. Minn mindu l-partijiet issottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom fil-preżenti kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fil-kawża Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni. (12)
25. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li filwaqt li l-Istati Membri jistgħu joġġezzjonaw fuq il-bażi li l-iskart in kwistjoni ġie klassifikat ħażin bħala skart għall-irkupru minflok għar-rimi, u jistgħu jistipulaw kriterji għad-distinzjoni bejn xogħlijiet ta’ rkupru u ta’ rimi, dawn il-kriterji għandhom jaqblu mad-distinzjoni stipulata fid-Direttiva. (13)
26. Id-Direttiva tiddistingwi speċifikament bejn ‘l-inċinerazzjoni (ħruq) fuq l-art’ (li hija kklassifikata mill-punt D10 bħala xogħol ta’ rimi) u ‘l-użu prinċipalment bħala karburant [jew] mezzi oħra li jiġġeneraw l-enerġija’ (li hija identifikata mill-punt R1 bħala xogħol ta’ rkupru). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-aħħar kategorija għandha tiġi interpretata bħala li tapplika biss ‘fejn il-parti l-kbira ta’ l-iskart tiġi kkunsmata matul l-operazzjoni u l-parti l-kbira ta’ l-enerġija ġġenerata b’dan il-mod tiġi rkuprata u użata’. (14)
27. Fid-dawl ta’ l-interpretazzjoni tal-punt R1 li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja, hija kkonkludiet li ma jkunx kompatibbli mad-Direttiva li Stat Membru juża l-valur kalorifiku ta’ l-iskart jew l-ammont ta’ sustanzi li jagħmlu l-ħsara li jkun hemm fl-iskart inċinerat bħala kriterju biex jiġi ddeterminat jekk l-inċinerazzjoni ta’ l-iskart tikkwalifikax bħala xogħol ta’ rimi jew ta’ rkupru. (15) Tali kriterji la għandhom x’jaqsmu mal-proporzjon ta’ skart ikkunsmat u lanqas mal-proporzjon ta’ enerġija rkuprata.
28. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat espliċitament li kriterju bbażat fuq il-valur kalorifiku ta’ l-iskart huwa inkompatibbli mad-Direttiva. Ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja jestendi wkoll għal kriterju bbażat fuq il-kontenut ta' kloru ta’ l-iskart qabel l-inċinerazzjoni. Dwar l-interpretazzjoni tal-punt R1 li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kompożizzjoni ta’ l-iskart tkun daqstant ieħor irrilevanti kemm jekk imkejla qabel jew wara l-inċinerazzjoni.
29. Konsegwentement, huwa ċar li l-kapitolu 18 tat-tieni parti tal-MJP-GA II jikser l-Artikolu 1(e) u (f) tad-Direttiva moqri flimkien mal-punt D9 ta’ l-Anness IIA u mal-punt R1 ta’ l-Anness IIB tad-Direttiva.
Il-kompatibbiltà tal-MJP-GA II ma' l-Artikolu 7(4) tar-Regolament
30. Il-motiv rimanenti tar-rikors tal-Kummissjoni jallega li l-kriterji speċifikati fil-kapitolu 8 ta’ l-ewwel parti tal-MJP-GA II biex jiġi deċiż meta għandha ssir oġġezzjoni għal trasferimenti ta’ skart għall-irkupru mhumiex kompatibbli mal-Artikolu 7(4) tar-Regolament.
31. Il-Kummissjoni ssostni li fejn il-leġiżlazzjoni Komunitarja tieħu l-forma ta’ regolament, ma tħalli ebda lok għal miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni sakemm tali miżuri ma jkunux previsti b’mod espliċitu. Dan mhuwiex il-każ bl-Artikolu 7(4) tar-Regolament.
32. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-kriterji speċifikati fil-kapitolu 8 ta' l-ewwel parti tal-MJP-GA II huma inkompatibbli ma' l-Artikolu 7(4) tar-Regolament. Huma jipprovdu għat-tqajjim ta' oġġezzjoni sistematika kontra trasferimenti ta’ skart għall-irkupru meta l-kwantità ta’ skart li jista' jiġi rkuprat fl-Istat tat-tluq teċċedi l-20% u hija ekwivalenti jew superjuri għall-kwantità ta’ skart li jista' jiġi rkuprat fl-Istat tad-destinazzjoni. Huma b’hekk jintroduċu element suġġettiv f'evalwazzjoni li, skond il-ħames inċiż ta’ l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament, għandha tkun ibbażata esklużivament fuq il-karatteristiċi oġġettivi ta’ kull trasferiment. B’dan il-mod, huma jipperpetwaw ir-rabta ta’ l-Olanda ma' prinċipju ta’ awtosuffiċjenza fil-kuntest ta’ skart għall-irkupru, b’mod li jmur kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Dusseldorp. (16)
33. Dwar jekk l-awtoritajiet nazzjonali humiex awtorizzati jaddottaw regoli nazzjonali ta’ implementazzjoni tat-tip in kwistjoni, il-Gvern Olandiż jinnota li l-Artikolu 30 tar-Regolament jagħti espressament lill-Istati Membri l-kompetenza li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-iskart jiġi ttrasferit skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament.
34. Il-Gvern Olandiż jiċħad li l-kriterji inklużi fil-kapitolu 8 ta’ l-ewwel parti tal-MJP-GA II jistabbilixxu politika ta’ oġġezzjoni sistematika. Dan il-kapitolu jistipula b’mod ċar li f’kull każ, it-trasferimenti għandhom jiġu kkunsidrati individwalment. Id-dikjarazzjoni fil-punt 3.b tal-kapitolu 8 li ‘bħala regola’ jitqajmu oġġezzjonijiet hija maħusba biex tindika biss li ġeneralment, mhux dejjem, jitqajmu oġġezzjonijiet.
35. F'kull każ, il-Gvern Olandiż jikkunsidra li l-kriterji huma konformi mal-ħames inċiż ta’ l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament. Dawn jippromwovu leġittimament il-miri ekonomiċi u ambjentali li fuqhom hija bbażata din id-dispożizzjoni billi jiffavorixxu operazzjonijiet li jiksbu grad iktar għoli ta’ rkupru. B’dan il-mod, dawn iservu l-għanijiet li jiġi inkoraġġit l-irkupru ta’ l-iskart li huwa speċifikat fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva, u li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali, kif stipulat fl-Artikolu 174(2) KE.
36. Fl-aħħar nett, il-Gvern Olandiż isostni li l-kriterji speċifikati fil-kapitolu 8 ta’ l-ewwel parti tal-MJP-GA II huma newtrali, u japplikaw kemm għall-importazzjoni kif ukoll għall-esportazzjoni ta’ skart għall-irkupru. Ma jistax jingħad għalhekk li dawn il-kriterji jikkostitwixxu każ ta’ protezzjoniżmu moħbi.
37. Fil-fehma tiegħi jista’ jiġi argumentat ta’ l-inqas li l-Istati Membri jistgħu jistipulaw kriterji li jispeċifikaw il-mod kif se jeżerċitaw l-element ta’ diskrezzjoni mogħti lilhom taħt l-Artikolu 7(4) tar-Regolament.
38. Huwa veru li bħala regola ġenerali l-Istati Membri mhumiex awtorizzati li jippromulgaw miżuri nazzjonali sabiex jagħtu effett lir-regolamenti Komunitarji.(17) Tali miżuri mhumiex meħtieġa fid-dawl tan-natura tar-regolamenti Komunitarji li jimplementaw lilhom infushom, u jġorru magħhom ir-riskji ovvji kemm ta’ żball fil-proċess ta’ traspożizzjoni kif ukoll ta’ konfużjoni dwar l-istatus ta' dritt Komunitarju tar-regoli in kwistjoni.
39. Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li miżuri ta’ implementazzjoni huma permessi f’ċerti ċirkustanzi, b’mod partikolari meta regolament jipprovdi dan espressament. (18)
40. Jista’ jiġi argumentat li l-ħames inċiz ta’ l-Artikolu 7(4)(a) jagħti element ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, u li l-ispeċifikazzjoni ta’ kriterji relattivi għall-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni tippromwovi ċ-ċertezza legali, tgħin il-koerenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, u tiffaċilita s-sorveljanza tal-politika nazzjonali mill-istituzzjonijiet Komunitarji. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet speċifikament li l-kriterji jista' jkollhom rwol fl-evalwazzjoni ta’ każijiet individwali taħt il-ħames inċiż ta’ l-Artikolu 7(4)(a). (19)
41. Anki jekk wieħed jassumi li tali kriterji nazzjonali huma permessi taħt il-ħames inċiż ta’ l-Artikolu 7(4)(a), madankollu, huwa ċar li għandhom jibqgħu fl-ambitu ta’ din id-dispożizzjoni. F’diversi okkażjonijiet il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-lista li tinsab fl-Artikolu 7(4)(a) hija minn natura tagħha eżawrjenti, u għalhekk ma tistax tiġi supplimentata mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri. (20)
42. Jien ma nikkunsidrax li l-kriterji speċifikati fil-kapitolu 8 ta’ l-ewwel parti tal-MJP-GA II huma kompatibbli mal-ħames inċiż ta’ l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament.
43. Din id-dispożizzjoni tiffoka esklużivament fuq jekk ix-xogħol ta' rkupru propost huwiex fih innifsu ġustifikabbli mill-aspett ekonomiku u mill-aspett ambjentali. Tliet fatturi huma speċifikati għat-twettiq ta’ tali evalwazzjoni: ir-rapport ta' bejn l-iskart li jista' jiġi rkuprat u l-iskart li ma jistax jiġi rkuprat; l-istima tal-valur tal-materjali li għandhom finalment ikunu rkuprati; u l-ispiża ta’ l-irkupru meħuda flimkien ma' l-ispiża għar-rimi tal-frazzjoni li ma tistax tkun irkuprata. Ma jissemma xejn dwar l-effettività komparattiva tax-xogħlijiet ta’ rkupru fl-Istat tad-destinazzjoni u l-Istat tat-tluq.
44. Fil-fehma tiegħi, il-kriterji nazzjonali in kwistjoni f’diversi aspetti ma jaqblux mat-test speċifikat fil-ħames inċiż ta’ l-Artikolu 7(4)(a).
45. Filwaqt li jista’ jkun leġittimu li, fl-evalwazzjoni tal-ġustifikazzjonijiet ekonomiċi u ambjentali għal trasferiment, isir paragun bejn l-effettività tax-xogħol ta’ rkupru wara t-trasferiment ma’ dik ta' xogħlijiet disponibbli f’inħawi oħrajn fil-Komunità, ma jidhirlix li hemm xi ġustifikazzjoni sabiex jiġu pparagunati biss il-faċilitajiet disponibbli fl-Istati tad-destinazzjoni u tat-tluq.
46. Kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, bil-fatt li jiffukaw fuq l-effettività komparattiva ta’ xogħlijiet ta’ rkupru fl-Istati tat-tluq u tad-destinazzjoni, il-kriterji speċifikati fil-kapitolu 8 ta’ l-ewwel parti tal-MJP-GA II jidhru li qed iżommu post għal kunsiderazzjonijiet ta’ prossimità u awtosuffiċjenza fil-politika Olandiża. Huwa aktar probabbli li titqajjem oġġezzjoni għal trasferiment meta l-iskart jista’ jiġi ttrattat b’mod aktar effettiv fl-Istat tat-tluq. Għalhekk huwa aktar probabbli li l-iskart ikun irkuprat fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu milli kieku jkun il-każ jekk ix-xogħol ta’ rkupru fl-Istat tad-destinazzjoni jiġi evalwat b’mod indipendenti u fuq il-merti tiegħu. Fis-sentenza Dusseldorp (21) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skond id-dritt Komunitarju, kunsiderazzjonijiet ta’ prossimità u ta’ awtosuffiċjenza mhumiex applikabbli fir-rigward ta’ trasferimenti ta’ skart għall-irkupru.
47. Fil-fehma tiegħi l-kriterji nazzjonali in kwistjoni huma wkoll difettużi billi jaddottaw kriterju ta’ l-effettività li huwa bbażat fuq wieħed biss mill-kriterji speċifikati fil-ħames inċiż ta’ l-Artikolu 7(4)(a), jiġifieri r-rapport ta’ bejn l-iskart li jista' jiġi rkuprat u l-iskart li ma jistax jiġi rkuprat. Kif tagħmilha ċara dik id-dispożizzjoni, huwa importanti wkoll li jiġu kkunsidrati l-valur ta’ dak li jiġi rkuprat u l-ispejjeż involuti fl-irkupru u fir-rimi tal-frazzjoni ta’ l-iskart li ma tistax tkun irkuprata.
48. Jien ma nikkunsidrax li tagħmel xi differenza għall-evalwazzjoni tiegħi jekk il-kriterji speċifikati fil-kapitolu 8 ta’ l-ewwel parti tal-MJP-GA II humiex maħsubin biex joperaw sistematikament jew sempliċement biex joħolqu preżunzjoni favur l-oġġezzjoni. Fiż-żewg każijiet, dawn il-kriterji jintroduċu fl-evalwazzjoni mwettqa mill-awtorità kompetenti fl-Olanda element li mhuwiex speċifikat fil-ħames inċiż ta’ l-Artikolu 7(4)(a). Huma jattribwixxu importanza speċjali li wieħed biss mill-kriterji ta’ l-effettività ambjentali u ekonomika speċifikati f’dik id-dispożizzjoni.
49. Lanqas jidhirli li huwa rilevanti l-fatt li l-kriterji joperaw b’mod newtrali fis-sens li huma applikabbli għal trasferimenti ta’ skart kemm għal ġewwa l-Olanda kif ukoll 'il barra minnha. Fiż-żewġ każijiet, huma jmorru lil hinn mir-raġunijiet għal oġġezzjoni stipulati b’mod eżawrjenti bl-Artikolu 7(4).
Konklużjoni
50. Għalhekk jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
(1) tiddikjara li r-Renju ta’ l-Olanda naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 ta’ l-1 ta’ Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ [trasferimenti] ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea u skond l-Artikolu 1(e) u (f) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE tat-18 ta’ Marzu 1991 u mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350/KE ta' l-24 ta’ Mejju 1996;
(2) tordna lir-Renju ta’ l-Olanda jbati l-ispejjeż.
1 – Lingwa originali: l-Ingliż.
2 – ĠU 1993 L 30, p.1.
3 – ĠU 1975 L 194, p. 39.
4 – ĠU 1991 L78, p. 32.
5 – ĠU 1996 L 135, p. 32.
6 – Sentenza tat-13 ta' Frar 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-228/00, Ġabra p. I-1439).
7 – L-Artikolu 2(i) u (k) tar-Regolament.
8 – Kif identifikati fl-Annessi III u IV tar-Regolament.
9 – L-Artikolu 6(1) tar-Regolament.
10 – Il-MJP-GA II ġie introdott b’antiċipazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C-203/96 Dusseldorp, Ġabra p. I-4075, mogħtija fil-25 ta’ Ġunju 1998, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet inter alia li l-prinċipji ta’ l-awtosuffiċjenza u tal-prossimità ma kinux applikabbli għal trasferimenti ta’ skart għall-irkupru. L-iskema li kienet titħaddem qabel fl-Olanda kienet tipprovdi li esportazzjoni ta’ skart setgħet issir jekk kienet teżisti teknika superjuri ta’ pproċessar barra l-pajjiż jew jekk fl-Olanda kien hemm kapaċità insuffiċjenti għall-ipproċessar ta’ xi tip ta’ skart partikolari.
11 – Fil-paragrafu 14.
12 – Kawża C-228/00, iċċitata fin-nota 6.
13 – Punti 34 sa 36 tas-sentenza.
14 – Punt 43 tas-sentenza.
15 – Punt 47 tas-sentenza.
16 – Iċċitata fin-nota 10 iktar 'il fuq.
17 – Ara, per eżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Frar 1973, Il-Kummissjoni vs L-Italja (39/72, Ġabra 101, punt 17).
18 – Ara, per eżempju, is-sentenza ta' l-10 ta' Ottubru 1973, Variola (34/73, Ġabra 981, punt 11).
19 – Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata fin-nota 6, punt 50.
20 – Ara, per eżempju, is-sentenza tas-27 ta' Frar 2002, ASA (C-6/00, Ġabra I-1961, punt 36).
21 – Iċċitata fin-nota 10 iktar 'il fuq.
Full & Egal Universal Law Academy