KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
JACOBS
ippreżentati fit-22 ta' Jannar 2004 (1)
Kawża C-173/02
Ir-Renju ta' Spanja
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
1. Fil-kawża preżenti, Spanja tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/411/KE,(2) li tiddikjara li għajnuna mogħtija mill-Istat Spanjol favur produtturi tal-ħalib fl-Asturias hija inkompatibbli mas-suq komuni.
2. L-għajnuna in kwistjoni ħadet il-forma ta’ tnaqqis fir-rata ta’ l-imgħax fuq self sabiex produtturi tal-ħalib ikunu jista’ jakkwistaw kwoti tal-ħalib addizzjonali. Il-Kummissjoni sabet li din hija inkompatibbli mas-suq komuni għar-raġuni li kienet tikser ir-regoli Komunitarji rilevanti li jirregolaw l-organizzazzjoni tas-suq komuni tal-ħalib u prodotti tal-ħalib. Fil-fehma tal-Kummissjoni, ma sarx provvedimemnt b’mod ċar fir-Regolament (KEE) Nru 3950/92, tat-28 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi imposti addizzjonali fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib. (3) Hija kienet ukoll tmur kontra l-objettivi wara din il-leġiżlazzjoni.
3. Il-każ għaldaqstant iqajjem id-domanda dwar jekk u f’liema ċirkustanzi Stat Membru jista’ jadotta miżuri għall-allokazzjoni mill-ġdid ta’ kwoti tal-ħalib barra minn dawk ipprovduti b’mod espliċitu mid-dritt Komunitarju.
Il-kuntest ġuridiku
4. Skond l-Artikolu 36 KE, ir-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat (l-Artikoli 87, 88 u 89 KE) japplikaw għall-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti agrikoli fil-miżura li tiġi stabbilita mill-Kunsill f’leġiżlazzjoni li tħaddem u timplementa l-politika agrikola komuni.
5. L-organizzazzjoni ta’ suq komuni tal-ħalib u prodotti tal-ħalib hija stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999, (4) u l-Artikolu 37 tagħha jrendi r-regoli dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat applikabbli għal tali prodotti ‘salv kif ipprovdut mod ieħor’ f’dak ir-Regolament.
6. L-iskema ta’ imposti addizzjonali fis-settur tal-ħalib u prodotti tal-ħalib hija fil-preżent irregolata bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92 (iktar 'il quddiem, ‘ir-Regolament’). (5) L-ewwel premessa tal-preambolu tagħti l-istorja ta’ l-iskema u tispjega li l-għan tagħha huwa ‘li tnaqqas l-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tal-ħalib u prodotti tal-ħalib u l-produzzjoni żejda strutturali li tirriżulta’.
7. Is-sittax il-premessa tipprovdi li ‘sabiex jitkompla l-istrutturar tal-produzzjoni tal-ħalib u t-titjib ta' l-ambjent, ċerti derogi għall-prinċipju tar-rabta bejn il-kwantitajiet ta’ referenza u l-kumpannija għandhom jiġu estiżi, u l-Istati Membri għandhom jiġu awtorizzati jkomplu jimplementaw programmi nazzjonali ta' ristrutturar u jorganizzaw ċerta mobbilità tal-kwantitajiet ta’ referenza fl-intern ta' kuntest ġeografiku partikolari, fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi’.
8. L-Artikolu 5 tar-Regolament jipprovdi:
‘Fil-kwantitajiet imsemmija fl-Artikolu 3, l-Istat Membru jista’ jalimenta r-riżerva nazzjonali wara tnaqqis lineari fil-kwantitajiet ta’ referenza individwali kollha sabiex jinħarġu kwantitajiet addizzjonali jew speċifiċi lil produtturi determinati skond il-kriterji oġġettivi stabiliti bi ftehim mal-Kummissjoni.’
9. L-Artikolu 8 jipprovdi, safejn huwa rilevanti:
‘Bl-iskop li jitlesta l-istrutturar tal-produzzjoni tal-ħalib fuq livell nazzjonali, reġjonali jew ta’ żona ta’ ġbir, jew għal titjib ambjentali, l-Istati Membri jistgħu jimplementaw waħda jew iktar mid-dispożizzjonijiet li ġejjin, skond regoli dettaljati li huma għandhom jistabbilixxu filwaqt li jieħdu in kunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tal-partijiet:
– jagħtu kumpens lil produtturi, li jimpenjaw ruħhom sabiex jabbandunaw definittivament parti jew il-produzzjoni kollha tal-ħalib tagħhom, li jitħallas f'rata waħda annwali jew iktar, u jalimentaw ir-riżerva nazzjonali bil-kwantitajiet ta' referenza hekk liberati,
– jiddeterminaw, fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, il-kundizzjonijiet li bihom il-produtturi jkunu jistgħu jakkwistaw, fil-bidu ta’ perijodu ta’ 12 il-xahar, taħt ħlas minn qabel, l-allokazzjoni mill-ġdid mill-awtorità kompetenti, jew mill-organizzazzjoni li tkun ħatret, tal-kwantitajiet ta’ referenza liberati definittivament fit-tmiem tat-12 il-xahar preċedenti minn produtturi oħra li jkunu rċevew kumpens, ta' rata annwali wieħed jew iktar, ugwali għall-ħlas imsemmi.
…'
10. Il-Kummissjoni ħarġet sett ta’ linji gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu (iktar ‘il quddiem, il-‘linji gwida’), li biħsiebha tapplika meta tevalwa tali għajnuna.
11. Fil-punt 3.2 tal-linji gwida, il-Kummissjoni tiddikjara l-opinjoni tagħha li:
‘Għalkemm l-Artikoli 87,88 u 89 [KE] huma kompletament applikabbli għas-setturi koperti mill-organizzazzjonijiet komuni tas-suq, madankollu l-applikazzjoni tagħhom tibqa’ suġġetta għad-dispożizzjonijiet stabbiliti bir-regolamenti kkonċernati … Fi kliem ieħor rikors minn Stat Membru għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 87, 88 u 89 ma jistax jipprevali fuq id-dispożizzjonijiet tar-regolament ta’ dak is-settur tas-suq. Għaldaqstant, fl-ebda ċirkustanza ma tista’ l-Kummissjoni tapprova għajnuna li mhijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw organizzazzjoni ta’ suq komuni jew li jfixklu t-tħaddim korrett ta’ l-organizzazzjoni komuni.’
12. Fil-punt 3.5 tal-linji gwida, l-Kummissjoni tiddikjara li:
‘Sabiex titqies kompatibbli mas-suq komuni, kull miżura ta’ għajnuna għandha tinkludi xi element ta’ inċentiv jew tirrikjedi xi forma ta’ korrispettiv minn naħa tal-benefiċjarju. Sakemm ma jeżistux eċċezzjonijiet ipprovduti b’mod espliċitu fil-leġiżlazzjoni Komunitarja jew f’dawn il-linji gwida, miżuri unilaterali ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat li huma sempliċiment maħsuba biex itejbu s-sitwazzjoni finanzjarja tal-produtturi iżda li bl-ebda mod ma jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-settur, u b’mod partikolari għajnuniet li jingħataw biss fuq il-bażi ta’ prezz, kwantità, unità ta’ produzzjoni jew unità tal-mezz ta’ produzzjoni huma kkunsidrati bħala għajnuniet operattivi li mhumiex kompatibbli mas-suq komuni. Barra minn hekk, tali għajnuniet, min-natura propja tagħhom, għandhom mnejn jinterferixxu mal-mekkaniżmi ta’ l-organizzazzjonijiet komuni tas-suq.’
13. Fil-punt 4.1.1.6 tal-linji gwida, il-Kummissjoni tiddikjara li ‘ebda għajnuna ma tista' tingħata għall-akkwist ta’ drittijiet ta’ produzzjoni jekk mhux skond id-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ l-organizzazzjoni ta’ suq komuni kkonċernati, u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat’.
Il-kuntest fattwali u l-miżura kkontestata
14. Fis-sena tal-ħalib 1998/99, l-awtoritajiet fir-reġjun ta’ Spanja ta’ l-Asturias implementaw għajnuna għall-akkwist ta’ kwoti tal-ħalib (iktar 'il quddiem, ‘l-għajnuna’ jew ‘l-għajnuna in kwistjoni’). Il-benefiċjarji ta' l-għajnuna kienu dawk il-produtturi tal-ħalib tal-baqar li kienu kklassifikati bħala produtturi prijoritarji għall-finijiet ta’ allokazzjoni ta’ kwantitajiet ta’ referenza mir-riżerva nazzjonali. L-għajnuna kienet tikkonsisti fi tnaqqis tar-rata ta’ l-imgħax fuq self għall-akkwist ta’ kwoti minn produtturi oħra.
15. Il-Kummissjoni saret taf bl-għajnuna biss wara li kien sar ilment waqt il-fażi ta’ l-implementazzjoni tagħha. Spanja ssospendiet l-għajnuna fil-31 ta’ Diċembru 1998 filwaqt li l-Kummissjoni kienet għaddejja b'investigazzjoni. Fit-12 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni (iktar 'il quddiem, il-‘miżura kkontestata’) (6) fejn sostniet li l-għajnuna kienet inkompatibbli mas-suq komuni.
16. Il-miżura kkontestata sabet li l-għajnuna kienet taqa’ taħt l-Artikolu 87 (1) KE, (7) li d-derogi previsti fl-Artikolu 87(2) kienu manifestament mhux applikabbli (8) u li l-għajnuna ma setgħetx tibbenefika minn deroga taħt l-Artikolu 87(3) għaliex kienet tmur kontra r-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u prodotti tal-ħalib. (9)
17. L-organizzazzjoni komuni tas-suq tikkostitwixxi sistema kompleta u eżawrjenti li tipprekludi lill-Istati Membri milli jieħdu miżuri li jiksruha jew jidderogaw minnha. (10) L-Artikoli 5 u 8 ta’ dan ir-Regolament jipprovdu lill-Istati Membri b’mezzi speċifiċi u suffiċjenti biex jippromwovu strutturar u żjieda fl-effiċjenza ta’ l-istrutturi tal-produzzjoni. (11) Ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tista’ tinftiehem li tawtorizza l-għajnuna.
18. Il-kwantitajiet ta’ referenza trasferiti in konnessjoni ma' l-għajnuna ma ġewx assenjati mir-riżerva nazzjonali, kif rikjest mill-Artikolu 5. Lanqas ma kienu ġew akkwistati bi tnaqqis lineari ta’ kwantitajiet ta’ referenza, jew mingħand produtturi li ma kinux ikkumerċjalizzaw ħalib jew prodotti tal-ħalib matul perijodu ta’ 12 il-xahar. (12)
19. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 8, il-kwantitajiet ta’ referenza ttrasferiti wara l-għajnuna ma kinux inkisbu mill-Istat bi skambju ma’ kumpens, taħt l-ewwel sottoparagrafu ta’ dan l-Artikolu, u lanqas ma ġew ittrasferiti lir-riċevituri tagħhom mill-awtorità kompetenti jew xi entità oħra indikata, kif rikjest mit-tieni sottoparagrafu. Barra minn hekk, l-ammont imħallas mir-riċevituri ma kienx ekwivalenti għall-ammont imħallas liċ-ċedenti. (13)
20. Għaldaqstant l-għajnuna kienet tmur kontra d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u prodotti tal-ħalib u, fid-dawl ta’ punt 4.1.1.6 tal-linji gwida, (14) fl-ebda ċirkustanza ma setgħu jiġu approvati mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 88(3). (15)
21. Fil-fehma tal-Kummissjoni, mhuwiex rilevanti jekk l-għajnuna kinitx konsistenti ma' l-objettivi tar-regoli tal-Komunità rilevanti. Ladarba l-Komunità tistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-suq f’settur partikolari, hija l-Komunità li hija responsabbli biex issib soluzzjonijiet għal problemi fir-rigward tal-politika agrikola komuni. Għalhekk l-Istati Membri m’għandhomx jadottaw miżuri unilaterali, anki jekk ikunu kompatibbli mal-politika komuni tal-Komunità. (16)
22. F'kull każ, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna setgħet tgħolli l-prezz tal-kwoti tal-ħalib, u b’dan il-mod tippreġudika t-tħaddim korrett ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq. Il-bejjiegħ tal-kwoti jista’ jżid il-prezz skond ir -riżorsi addizzjonali disponibbli għax-xerrej minħabba l-għajnuna.(17)
Proċedura u talbiet tal-partijiet
23. Spanja titlob l-annullament tal-miżura kkontestata. Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti biex tiċħad ir-rikors bħala mhux fondat. L-ebda waħda mill-partijiet ma talbet li tinżamm seduta u għalhekk ma saret l-ebda waħda.
24. Il-Gvern Spanjol iressaq tliet argumenti biex juri li l-Kummissjoni kkonkludiet żbaljatament fil-miżura kkontestata li l-għajnuna ma kinitx kompatibbli mas-suq komuni.
25. L-ewwel nett, ir-regoli tal-Komunità li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni taa-suq jipprevalu fuq dawk li jirrigwardjaw l-għajnuna mogħtija mill-Istat. Il-kompatibbiltà ta' l-għajnuna in kwistjoni mas-suq komuni għalhekk tiddependi fuq il-konsistenza tagħha mar-Regolament.
26. It-tieni nett, fl-evalwazzjoni tal-konsistenza ta' l-għajnuna mar-Regolament, mhux meħtieġ li jiġi muri li hija awtorizzata minnu b’mod espliċitu. Huwa biżżejjed li jintwera li hija taqbel ma' l-objettivi wara r-Regolament u li ma tikser l-ebda regola oħra jew prinċipju tad-dritt Komunitarju. Dan huwa fil-fatt il-każ.
27. It-tielet nett, kuntrarjament għall-pożizzjoni meħuda fil-miżura kkontestata l-għajnuna in kwistjoni ma ġġorr magħha ebda konsegwenza li tmur kontra l-objettivi tar-Regolament u li b’hekk thedded li tfixkel it-tħaddim korrett ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib.
28. Rigward l-ewwel argument imressaq minn Spanja, il-Kummissjoni taċċetta li l-proċedimenti legali preżenti jiddependu fuq jekk l-għajnuna hijiex permessa taħt ir-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib. Għaldaqstant m'hemmx bżonn li l-kwistjoni tiġi kkunsidrata f’iktar dettal, u nipproponi li niddedika l-bqija ta’ l-Opinjoni għal kunsiderazzjoni taż-żewġ argumenti tal-Gvern Spanjol li fadal.
Għandu r-Regolament jawtorizza b’mod espliċitu l-għajnuna in kwistjoni?
29. Spanja ssostni li skond il-ġurisprudenza tal-Qorti, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri unilaterali li mhumiex ipprovduti b’mod espliċitu fir-regoli Komunitarji li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni ta’ suq agrikolu sakemm dawn il-miżuri jkunu konformi ma' l-objettivi tal-Komunità u ma jiksrux b'xi mod ieħor regola jew prinċipju tad-dritt Komunitarju. Għaldaqstant il-Kummissjoni għamlet żball meta sabet li l-għajnuna in kwistjoni kienet inkompatibbli mar-Regolament sempliċiment għax ma kien hemm l-ebda dispożizzjoni espliċita li tipprovdi għaliha.
30. B'hekk, fil-każ McCarren, (18) il-Qorti sostniet li ‘ladarba l-Komunità tkun … illeġiżlat biex tiġi stabbilita l-organizzazzjoni ta’ suq komuni f’settur partikolari, l-Istati Membri jkunu obbligati jibqgħu lura milli jieħdu xi miżura li tista’ tippreġudikaha jew toħloq derogi għaliha. (19) Il-Qorti ma tasalx sal-punt li tissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom jibqgħu lura milli jieħdu kwalunkwe miżura unilaterali.
31. Fil-kawżi L-Italja vs Il-Kummissjoni, (20)Il-Kummissjoni vs Franza(21) u Zoni, (22) il-Qorti tidher li tistabbilixxi projbizzjoni usa'. F’kull waħda minn dawn il-kawżi hija tiddikjara, li ladarba l-Komunità waqqfet organizzazzjoni ta’ suq komuni f’xi settur partikolari, l-Istati Membri għandhom jibqgħu lura milli jieħdu kwalunkwe miżura unilaterali, anki jekk din il-miżura għandha mnejn issostni l-politika komuni tal-Komunità. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Komunità u mhux l-Istati Membri li għandhom ifittxu soluzzjonijiet għal problemi. (23)
32. Madanakollu, il-Gvern Spanjol jispjega l-eżitu ta’ dawn it-tliet kawżi f’sens aktar ristrett. Fil-kawża L-Italja vs Il-Kummissjoni, il-Qorti qieset li l-miżura nazzjonali kienet tikser id-dritt Komunitarju għax kienet fil-fatt tmur kontra l-għanijiet ta’ l-organizzazzjoni tas-suq komuni. Fiż-żewġ każijiet l-oħra, il-miżuri nazzjonali in kwistjoni kienu jostakolaw il-moviment liberu tal-merkanzija u kienu għalhekk inkonsistenti ma’ regola jew prinċipju ieħor tad-dritt Komunitarju.
33. Fir-risposta tiegħu, il-Gvern Spanjol jipprova jinvoka barra minn hekk, in sostenn ta' l-argument tiegħu s-sentenza tal-Qorti f’Mulligan et, li ngħatat wara li ġie ppreżentat ir-rikors ta’ Spanja. (24) F’din il-kawża, il-High Court (ta’ l-Irlanda) irrinvjat domandi rigward il-kompatibbilità mad-dritt Komunitarju ta’ l-hekk imsejħa sistema ta’ "clawback" li taħtha, meta kumpannija tal-produzzjoni tal-ħalib kienet tinbiegħ, 20 fil-mija tal-kwoti tal-ħalib marbuta magħha ma jiġux trasferiti magħha, iżda minflok jiġu miżjuda mar-riżerva nazzjonali Irlandiża. Il-punt ta’ rilevanza għall-proċeduri legali preżenti kien jikkonċerna l-kompatibbilità ta’ l-iskema mar-Regolament. Skond l-interpretazzjoni tas-sentenza mill-Gvern Spanjol, il-Qorti qieset li l-iskema ma kinitx awtorizzata b’mod espliċitu taħt ir-Regolament, iżda xorta kienet kompatibbli ma' l-għanijiet tiegħu u setgħet għalhekk tinżamm fis-seħħ.
34. Spanja ssostni li l-għajnuna in kwistjoni fil-kawża preżenti kienet tiffavorixxi b’mod ċar l-għanijiet wara l-Artikoli 5 u 8 tar-Regolament. Hija kienet intiża li ristruttura mill-ġdid il-produzzjoni tal-ħalib, għan li huwa espliċitament rikonoxxut fis-sittax-il premessa tal-preambolu għar-Regolament. Hija għamlet dan fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi. Lanqas ma kienet inkonsistenti ma’ xi regola jew prinċipju ieħor tad-dritt Komunitarju. Għalhekk ma kien hemm l-ebda bażi biex tiġi kkontestata.
35. Fil-fehma ta’ Spanja, ma jkunx jagħmel sens li tiġi pprojbita xi miżura bħall-għajnuna in kwistjoni. L-Istati Membri huma awtorizzati taħt ir-Regolament li jagħmlu għotjiet gratwiti ta’ kwoti lil produtturi. Jistgħu wkoll jipprovdu kwoti lil produtturi bi prezz mhux issussidjat taħt it-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 8. L-għajnuna in kwistjoni kienet tammonta għal mekkaniżmu intermedju bejn dawn iż-żewġ għażliet. Din kienet ġiet adottata mill-awtoritajiet reġjonali ta’ l-Asturias għax ma kellhomx mnejn jixtru kwoti għal distribuzzjoni b’xejn imma rrealizzaw li l-produtturi prijoritarji m'għandhomx il-mezzi li jiksbu kwoti mhux issussidjati. Is-soluzzjoni li waslu għaliha laħqet l-għan tal-Komunità ta' ristrutturar mingħajr ma l-fondi pubbliċi jiġu imposti piż li ma jifilħux għalih. Barra minn hekk, hija kienet iktar konformi ma’ punt 3.5 tal-linji gwida milli l-għażliet stabbiliti fir-Regolament, safejn hija kienet tinkludi kemm element ta’ inċentiv għall-produtturi kif ukoll kienet tirrikjedi li huma jipprovdu xi korrispettiv.
36. Jien m’iniex konvint bl-argumenti tal-Gvern Spanjol.
37. B'mod ġenerali, jidhirli li ladarba l-Komunità tistabbilixxi regoli fuq kwistjoni partikolari bħala parti mill-organizzazzjoni komuni ta’ suq agrikolu, l-Istati Membri ma jistgħux jissupplementaw dawk ir-regoli b’miżuri unilaterali sakemm ma jkunux awtorizzati biex jagħmlu dan. Il-projbizzjoni ta’ azzjoni unilaterali testendi wkoll għal miżuri intiżi biex jiffavorixxu l-għanijiet segwiti mil-legiżlazzjoni tal-Komunità.
38. Huwa minnu li, konsegwentement, Stat Membru f’ċerti ċirkustanzi se jiġi mġiegħel jadotta soluzzjoni partikolari preferuta mill-Komunità minkejja l-eżistenza ta’ xi metodu ieħor sabiex jinkisbu l-istess skopijiet li hija tqis iktar xierqa għas-sitwazzjoni.
39. Madanakollu, li kieku kien xort’oħra, Stat Membri jkunu jistgħu jissupplementaw l-organizzazzjoni tas-suq komuni f’settur partikolari b’numru ta’ inizjattivi unilaterali bbażati fuq l-evalwazzjoni proprja tagħhom ta’ l-objettivi tal-Komunità fil-prattika. Dawk l-objettivi jistgħu jiġu interpretati b'mod differenti. Barra minn hekk, diversi objettivi konfliġġenti ħafna drabi jkollhom jiġu bbilanċjati fil-kuntest tal-politika agrikola komuni. Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, ikun hemm b’hekk potenzjal konsiderevoli li miżuri nazzjonali jippreġudikaw l-effettività uniformi tad-dritt Komunitarju.
40. Fil-fehma tiegħi approċċ bħal dan huwa kompletament kompatibbli mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Mulligan et. Huwa ċar għalija li l-Qorti kkunsidrat li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament awtorizza espliċitament skema ta’ "clawback" bħal dik in kwistjoni f’din il-kawża. (25) Imbagħad hija kkonfermat li ‘tali interpretazzjoni’ ma kinitx tmur kontra l-objettiv speċifiku segwit mil-leġiżlazzjoni tal-Komunità. (26) Għalhekk il-Gvern ta’ Spanja jissuġġerixxi żbaljatament li l-Qorti kkonfermat miżura nazzjonali li r-regoli tal-Komunità ma jipprovdux għaliha b’mod espliċitu.
41. Naturalment huwa l-każ li l-Istati Membri ħafna drabi jingħataw marġni kunsiderevoli ta’ diskrezzjoni mid-dritt Komunitarju li jirregola l-organizzazzjoni komuni ta’ suq agrikolu. Dawn jistgħu jiġu mogħtija s-setgħa li jaġixxu f’termini wiesgħa ħafna. Dawn jistgħu jiġu awtorizzati jagħżlu bejn numru ta’ għażliet speċifiċi. Huma jistgħu wkoll jiġu mitluba jew jingħataw is-setgħa li jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ regola partikolari. Madankollu mingħajr tali awtorizzazzjoni, huma ma jistgħux jadottaw minn rajhom miżuri li jikkompletaw ir-regoli tal-Komunità.
42. Fir-risposta tiegħu, il-Gvern Spanjol, isemmi l-fatt li taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament, l-Istati Membri huma awtorizzati jimplementaw ‘waħda jew iktar mid-dispożizzjonijiet li ġejjin skond regoli dettaljati li huma għandhom jistabbilixxu filwaqt li jieħdu in kunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tal-partijiet’. Huwa jqis li l-Artikolu 8 b'hekk jagħti diskrezzjoni lill-Istati Membri li jissupplementaw l-għażliet identifikati b’dak l-Artikolu.
43. Jien ma naqbilx. Bil-kontra, l-Artikolu 8 isostni l-interpretazzjoni li jiena favuriha.
44. Ir-referenza għal ‘waħda jew iktar mid-dispożizzjonijiet li ġejjin’ tippermetti lill-Istati Membri li jadottaw, waħedhom jew f'kumbinazzjoni bejniethom, xi waħda jew kollha mill-miżuri elenkati. Hija ma tawtorizzahomx joħolqu tipi ġodda ta’ dispożizzjonijiet. Bl-istess mod, ir-‘regoli dettaljati’ li l-Istati Membri jistgħu jadottaw għandhom iservu biex jimplementaw xi waħda jew aktar mill-miżuri elenkati.
45. Għalhekk jiena nqis li t-tieni argument tal-Gvern Spanjol għandu jiġi miċħud, u li r-rikors ma jistax jintlaqa'. Għajnuna tat-tip in kwistjoni mhijiex awtorizzata mir-Regolament, u għalhekk mhijiex permessa taħt ir-regoli tal-Komunità li jirregolaw l-organizzazzjoni tas-suq komuni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib. Għal din ir-raġuni biss, il-Kummissjoni kellha raġun tiddikjara li l-għajnuna in kwistjoni mhijiex kompatibbli mas-suq komuni.
L-għajnuna in kwistjoni tippreġudika l-organizzazzjoni tas-suq komuni fil-ħalib u fil-prodotti tal-ħalib?
46. Il-Kummissjoni sabet ukoll, fil-miżura kkontestata, li l-għajnuna in kwistjoni kellha bħala effett li tippreġudika l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib. Din il-konklużjoni tikkostitwixxi bażi awtonoma għall-miżura kkontestata, li l-Gvern Spanjol għandu jindirizza, anki jekk jirnexxi fl-argument tiegħu preċedenti.
47. Il-miżura kkontestata speċifikament tiddentifika r-riskju li l-għajnuna tgħolli l-prezz tal-kwoti tal-ħalib. Kif issostni l-Kummissjoni, dan ikun jippreġudika għan ewlieni tar-Regolament, li huwa li jimpedixxi li jiġu użati kwoti ‘mhux biex jiġi prodott jew mibjugħ il-ħalib iżda biex jittieħdu benefiċċji purament finanzjarji billi jittieħed vantaġġ mill-valur tagħhom tas-suq’. (27)
48. Bħala risposta, il-Gvern Spanjol isostni li l-għajnuna in kwistjoni kienet ikkalkulata biex tagħmel possibbli x-xiri ta’ kwoti minn produtturi prijoritarji li inkella ma kienx ikollhom mezz li jakkwistawhom. Bil-kontra ta’ dak li huwa ssuġġerit fil-miżura kkontestata, l-għajnuna ma tippermettix lill-bejjiegħa jżidu l-prezz tagħhom bl-ammont tas-sussidju għax, li kieku dan kien minnu, il-produtturi prijoritarji ma jkunux aktar f’pożizzjoni li jħallsu.
49. Jiena mhux konvint b’dan l-argument.
50. Kif issostni l-Kummissjoni u kif inhu ddikjarat mill-miżura kkontestata, ma jidhirx probabbli li żjieda fis-setgħa ta’ akkwist tax-xerrejja u għalhekk fil-livell ġenerali tad-domanda għal kwoti tal-ħalib se tirriżulta f’xi xorta ta’ pressjoni ‘il fuq fil-prezz ta’ tali kwoti.
51. Fir-risposta tiegħu, il-Gvern Spanjol jagħmel żewġ sottomissjonijiet oħra biex juri li l-għajnuna in kwistjoni ma setgħetx iżżid il-prezz tal-kwoti tal-ħalib.
52. L-ewwel nett, Spanja tirreferi għal diversi dispożizzjonijiet tad-Digriet Irjali 1486/1998 ta' l-10 ta’ Lulju li jirrigwarda l-modernizzar u titjib fil-kompetittività fis-settur tal-ħalib. (28) Dawn id-dispożizzjonjiet jimponu kundizzjonijiet fuq it-trasferiment ta’ kwoti tal-ħalib fi Spanja, sabiex jimpedixxu li kwoti jsiru suġġetti ta’ kummerċ u li jiżdiedu fil-prezz. Meta tiġi kkunsidrata fil-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, Spanja ssostni li l-għajnuna in kwistjoni ma setgħetx ikollha l-konsegwenzi negattivi attribwiti lilha mill-miżura kkontestata.
53. It-tieni nett, Spanja ssostni li l-awtoritajiet reġjonali kienu jagħtu l-għajnuna fil-każ biss ta’ tranżazzjonijiet li ma kinux jeċċedu prezz massimu ta’ xiri, stabbilit fil-livell ta’ l-indennizz approvat mill-Istat Spanjol taħt it-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 8.
54. Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta' l-argumenti l-oħra tal-Gvern Spanjol, għar-raġuni li qed jiġu mressqa fi stadju tardiv wisq tal-proċedura. Il-Gvern Spanjol ma għamel l-ebda referenza għalihom matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni li ppreċediet l-miżura kkontesta. Huma jidhru issa għall-ewwel darba fir-risposta.
55. Fil-fehma tiegħi, l-argumenti tal-Gvern Spanjol rigward id-Digriet Irjali 1486/1998 u l-ispeċifikazzjoni ta’ prezz massimu bħala kundizzjoni tal-għajnuna in kwistjoni m'għandhomx jiġu milqugħa.
56. Mhuwiex ċert jekk Stat Membru jistax jiġi mħolli jikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward għajnuna mogħtija mill-Istat għar-raġuni li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra aspett ta’ l-għajnuna li l-Istat Membru nnifsu ma żvelax.
57. F'kull każ, l-Artikolu 42(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti jipprovdi li l-ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat waqt il-proċeduri legali sakemm ma jkunx ibbażat fuq elementi ta’ dritt jew ta’ fatt li jidhru fil-kors tal-proċedura. L-argument tal-Kummissjoni rigward l-effett tal-miżura kkontestata fuq il-prezz tal-kwoti jinsab fil-miżura kkontestata nnifisha u għalhekk kien magħruf minn Spanja qabel il-proċeduri legali preżenti. L-Artikolu 42(2) tar-Regoli ta’ Proċedura wkoll jagħmilha ċara li filwaqt li parti tista’ tressaq evidenza ulterjuri bħala risposta, hija għandha tagħti raġunijiet għad-dewmien tagħha. Il-Gvern Spanjol ma jipprovdix tali spjegazzjoni.
58. Barra minn hekk, it-tieni affermazzjoni tal-Gvern Spanjol, fil-fehma tiegħi, għandha tiġi eskluża fuq il-bażi li mhijiex dettaljata biżżejjed. Ma sar l-ebda tentattiv mill-Gvern Spanjol biex jispeċifika liema regoli ġenerali ta’ l-Istat huma intiżi sabiex jillimitaw l-għajnuna in kwistjoni għal tranżazzjonijiet li ma jeċċedux prezz massimu. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax twieġeb b'mod xieraq it-talba tal-Gvern Spanjol u l-Qorti ma tistax tasal għall-evalwazzjoni propja tagħha fuq dan il-punt.
59. Il-partijiet iressqu argumenti oħra fuq il-kwistjoni jekk l-għajnuna in kwistjoni tistax taffettwa l-prezz tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib. Madankollu, il-miżura kkontestata ma ssemmix b’mod espliċitu motiv ta' dan it-tip, li fil-fehma tiegħi ma jistax ikun rilevanti fl-evalwazzjoni tal-validità tal-miżura.
60. Għalhekk jiena nqis li l-Gvern Spanjol ma rnexxilux juri li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li l-għajnuna in kwistjoni ppreġudikat objettiv ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib. Għal din ir-raġuni, il-miżura kkontestata ma tistax titqies bħala invalida anki jekk, kuntrarjament għall-argumenti tiegħi iktar 'il fuq, (29) għajnuna tat-tip in kwistjoni ma kinitx illegali għar-raġuni li ma kinitx awtorizzata mir-Regolament.
Konklużjoni
61. Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, jien għalhekk ta’ l-opinjoni li l-Qorti għandha:
(1) tiċħad it-talba bħala mhux fondata;
(2) tordna lil Spanja tħallas l-ispejjeż.
1 – Lingwa originali: l-Ingliż.
2 – Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/411/KE, tat-12 ta’ Marzu 2002, dwar għajnuna mogħtija mill-Istat implementata minn Spanja favur produtturi tal-ħalib tal-baqar ikkunsidrati bħala produtturi prijoritarji, ĠU L 144, 2002, p. 49.
3 – ĠU L 405, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament"
4 – Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni ta’ suq komuni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, (ĠU L 160, p. 48.
5 – Ara nota 3.
6 – Ara nota 2.
7 – Punti 19 sa 25 tal-motivi.
8 – Punt 27 tal-motivi.
9 – Punti 29 sa 48 tal-motivi.
10 – Punti 38 tal-motivi, fejn tiġi ċċitata s-sentenza tas-26 ta' Ġunju 1979, McCarren(177/78, Ġabra p. 2161).
11 – Punt 37 tal-motivi.
12 – Punt 36 tal-motivi.
13 – Punt 37 tal-motivi.
14 – Iċċitat fil-punt 47 tal-motivi.
15 – Punti 40 sa’ 41 tal-motivi.
16 – Punt 45 tal-motivi, li jiċċita s-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-86/89, Ġabra p.3891).
17 – Punti 43 sa 46 tal-motivi.
18 – Iċċitat diġà fin-nota 10.
19 – Fil-punt 14.
20 – Iċċitat f’nota 16.
21 – Sentenza tat-23 ta' Frar 1998 (216/84, Ġabra p. 793).
22 – Sentenza ta' l-14 ta' Lulju 1988 (90/86, Ġabra p. 4285).
23 – Is-sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata diġà fin-nota 16, punt 19; Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata diġà fin-nota 21, punt 18, u Zoni, iċċitata diġà fin-nota 22, punt 26.
24 – Sentenza ta' l-20 ta' Ġunju 2002 (C-313/99, Ġabra I-5719).
25 – Ara punt 29 tas-sentenza. Din kienet ukoll il-konklużjoni ta’ l-Avukat Ġenerali Geelhoed, fil-unt 71 ta’ l-Opinjoni.
26 – Punt 30
27 – Sentenza Mulligan et, iċċitata diġà fin-nota 24, punt 30
28 – Real Decreto 1486/1998 de 10.07.1998 sobre modernización y mejora de la competitividad del sector lácteo (BOE Nru 165, tal-11 ta’ Lulju 1998, p. 2328).
29 – Punti 36 sa 45.
Full & Egal Universal Law Academy