KONKLUŻJONIJIET TA' L-AVUKAT ĠENERALI
JACOBS
Mogħtija fis-16 ta' Ottubru 2003 (1)
Kawża C-285/02
Edeltraud Elsner-Lakeberg
vs
Land Nordrhein-Westfalen
1. F'din ir-referenza mressqa mill-Verwaltungsgericht (Qorti Amministrativa) Minden (il-Ġermanja) il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddelibera fuq jekk il-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa huwiex qiegħed jinkiser mil-liġi Ġermaniża li tgħid li għalliema full time u part time jistgħu jiġu mġiegħla jaħdmu l-istess numru ta' sigħat żejda qabel ma' jkollhom dritt għall-ħlas supplementari.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti
2. L-artikolu 78a(1) tal-Kodici tas-servizzi pubbliċi għal-land Nordrhein Westfalen jgħid li l-impjegati pubbliċi, jekk ix-xogħol hekk jitlob, huma marbutin li jaħdmu ammont ta' sigħat żejda; jekk dan ix-xogħol supplementari jaqbes il-ħames sigħat fix-xahar l-impjegati pubbliċi għandhom il-jedd li jgawdu minn mistrieħ ta' tpattija li jkun jikkorrispondi għas-sighat kollha maħduma żejda. L-artikolu 78a(2) jgħid li fejn l-għoti ta' dan il-mistriegħ ta' tpattija ma huwiex kompatibli ma' l-interess tas-servizz, ċerti impjegati pubbliċi jistgħu jinagħtaw remunerazzjoni li tkun tikkorrispondi għas-sighat maħduma żejda.
3. L-artikolu 5(2)(1) tar-regolament dwar ir-remunerazzjoni għas-sigħat maħduma żejda mill-impjegati pubbliċi(2), jistabbilixxi li fil-każ fejn is-sigħat maħduma żejda jkunu maħduma fit-tagħlim, tliet sigħat ta' lezzjonijiet jissarrfu ħames sigħat.
Il-fatti, il-kawża prinċipali u t-talba preliminari
4. Ir-rikorrenti, li għandha l-istat ta' impjegat pubbliku, taħdem bħala għalliema part time fl-iskola sekondarja tal-Land konvenut. L-għalliema full time jagħmlu 24 siegħa u nofs lezzjonijiet fil-ġimgħa, filwaqt li s-sinjura Elsner-Lakeberg taħdem 15-il siegħa fil-ġimgħa.
5. F'Diċembru ta' l-1999, ir-rikorrenti kellha tagħmel sagħtejn u nofs lezzjonijiet supplementari. It-talba tagħha sabiex tingħata remunerazzjoni għal dawn is-sigħat ġiet miċħuda għaliex skond il-liġi applikabbli s-sigħat supplementari maħduma minn għalliem li huwa impjegat pubbliku huma remunerabbli biss jekk ix-xogħol supplementari jaqbeż it-3 sigħat fix-xahar Għaldaqstant hija ma' rċeviet ebda ħlas għas-sagħtejn u nofs maħduma żejda. Wara li mingħajr ebda suċċess ipersegwiet il-proċedura tat-talba amministrattiva, ir-rikorrenti ressqet rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Minden.
6. Din il-qorti stabbiliet li skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, ir-rikorrenti ma hija intitolata għal ebda remunerazzjoni għas-sigħat maħduma żejda. Madankollu, hija kkunsidrat ukoll jekk dik il-legislazzjoni hijiex kompatibli ma' l-artikolu 141 KE moqri flimkien mad-direttiva għall-pagi ndaqs(3) peress li toħloq l-effett li għalliema part time li huma impjegati pubbliċi u li ma jaħdmux aktar minn tliet sigħat żejda jirċevu remunerazzjoni inqas min dik mogħtija għall istess numru ta' sigħat maħduma minn għalliema full time li huma impjegati pubbliċi.
7. Hija għaldaqstant irreferiet is-segwenti domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja :
‘Huwa kompatibli ma' l-artikolu 141KE, moqri flimkien mad-Direttiva 75/117/KEE tal-Kunsill, tal-10 ta' Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa, li għalliema rġiel u nisa, part time kif ukoll full time, u li huma uffiċjali fil-Land North-Rhine Westphalia ma jiġu mogħtija ebda remunerazzjoni għas-sigħat supplementari jekk tali xogħol supplementari ma jaqbiżx tliet sigħat fix-xahar ċivili?
8. Kemm ir-rikorrenti hekk kif ukoll il-konvenut, il-Gvern Ġermaniz u l-Kummissjoni, ressqu osservazzjonijiet bil-miktub. Ebda seduta ma ġiet mitluba u għaldaqstant ma' nżammet l-ebda seduta. Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jissottomettu li d-domanda rreferuta għandha jkollha risposta negattiva; il-konvenut u l-Gvern Ġermaniż huma ta' opinjoni differenti.
Evalwazzjoni
9. L-artikolu 141 KE jistabbilixxi l-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa għall-istess xogħol. L-Artikolu 1 tad-direttiva għall-pagi ndaqs jgħid li dan il-principju jfisser, għall-istess xogħol jew għal xogħol li għalih huwa attribwit valur indaqs, it-tneħħija ta' kull diskriminazzjoni fuq bażi ta' sess għar-rigward ta' l-aspetti kollha u kundizzjonijiet ta' ħlas.
10. Skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta' pagi ndaqs ikopri mhux biss dik id-diskriminazzjoni sesswali li tkun diretta iżda wkoll dak it-trattament li ma jkunx ugwali (ekwu) għall-irġiel u għan-nisa u li jkun ġej mill-applikazzjoni ta' kriterji li ma jkunux ibbazati fuq sess, sakemm id-differenza fit-trattament ma tkunx iġġustifikata minn fatturi oġġettivi li ma jkunux relatati mas-sess.(4)
11. Fil-kawża preżenti huwa ċar li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni ma' tinvolvix diskriminazzjoni sesswali diretta. Jekk din, madankollu, tistabbilixxi trattament differenti bejn l-impjegati full time u dawk part time, u din id-differenza teffettwa kunsiderevolment aktar lin-nisa milli lill-irġiel, l-applikazzjoni ta' tali legislazzjoni tista tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta li ma' tkunx kompatibbli ma' l-Artikolu 141 KE u mad-direttiva għall-pagi indaqs sakemm id-differenza fit-trattament ma tkunx iġġustifikata minn fatturi oġġettivi li ma jkunux relatati mas-sess.
12. Ir-rikorrenti ssostni li qed jiġi applikat trattament differenti bejn l-għalliema full time u dawk part time minħabba l-fatt li tliet sigħat żejda fix-xahar jistgħu jkunu ta' piż akbar għall-għalliema part time milli għal dawk full time.
13. Il-Kummissjoni wkoll issostni li hemm trattament differenti. Hija ssostni li filwaqt li għalliema full time jkollom jaħdmu 12.24% aktar mill-ħin ta' xogħol normali tagħhom sabiex ikunu jistgħu jieħdu ħlas għal xogħol maħdum żejjed, ir-rikorrenti u għalliema part time oħra jkollom jaħdmu għal aktar minn 20% tal-ħin ta' xogħol normali tagħhom. Il-kummissjoni tikkalkula wkoll li b'mod ġenerali l-paga fis-siegħa ta' għalliem part time li jaħdem sigħat żejda hija aktar baxxa minn dik ta' għalliem full time li jkollu l-istess grad. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikonkludi li hemm nuqqas ta' ugwaljanza sostanzjali fit-trattament ta' l-għalliema full time u dawk part time.
14. Il-konvenut isostni li l-għalliema part time jiġu ttrattati eżattament bl-istess manjiera bħal dawk impjegati full time: għaż-żewg kategorijji d-dritt ta' remunerazzjoni għas-sigħat maħduma żejda jinħoloq biss meta jinħadmu aktar minn tliet sigħat supplementari, f'dan il-każ, is-sigħat supplementari jiġu rremunerati eżattament bl-istess manjiera.
15. Il-Gvern Ġermaniż jaqbel li ma' hemm ebda differenza fil-mod kif jiġu ttrattati l-għalliema full time u dawk part time: għal istess numru ta' sigħat maħduma, inklużi dawk maħduma żejda, ir-rikorrenti tirċevi l-istess ħlas bħal ma' jirċievi għalliem impjegat full time. Il-Gvern Ġermaniż jasal għal din il-konklużjoni fuq il-bażi ta' eżami separat ta' l-ekwità ta' ħlas għas-sigħat normali ta' xogħol u għas-sahra. Fl-opinjoni tiegħu, il-prinċipju ta' paga ndaqs huwa sodisfatt fejn il-ħaddiema full time u dawk part time jieħdu l-istess ħlas għas-sigħat ta' xogħol normali u fejn iż-żewġ kategorijji ta' ħaddiema jkunu intitolati għal ħlas supplementari biss jekk jinqabżu t-tliet sigħat ta' tagħlim supplementari.
16. Fl-opinjoni tiegħi, il-metodu ta' valutazzjoni li ġie użat mill-Kummissjoni u mill-Gvern Ġermaniz ma huwiex korrett. Joħroġ ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fejn jidħol ħlas ta' impjegati full time u dawk part time, id-differenza fit-trattament ma tistax tiġi ddeterminata mill-impatt proporzjonali ta' sigħat żejda mhux imħallsa jew bid-differenza fil-paga ġenerali meta jiġu maħduma sigħat żejda jew inkella billi teżamina b'mod iżolat il-livell ta' paga għal sigħat żejda min dak tal-ħinijiet normali tax-xogħol.
17. F'Helmig(5) il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li jkun hemm trattament mhux ekwu kull meta l-paga ġenerali ta' impjegati full time tkun aktar min dik ta' ħaddiema part time għall-istess numru ta' sigħat ta' xogħol fuq il-bażi ta' relazzjoni ta' impjieg.
18. F'dak il-każ, impjegati full time li kienu jaħdmu sigħat żejda fuq il-ħinijet normali ta' xogħol tagħhom, kienu jingħataw supplementi ta' sahra. Iżda impjegati part time li kienu jaħdmu sigħat żejda fuq il-ħinijet normali tax-xogħol part time tagħhom, iżda li ma kinux jaqbżu l-ħinijiet ta' xogħol full time, kienu jiġu mħallsa bir-rati normali u ma kienux jirċievu s-supplementi ta' sahra. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ġiet mitluba tiddeċiedi jekk dan l-arranġament kienx konformi mal-prinċipju ta' pagi ndaqs.
19. Il-Qorti nnutat li f'dawk iċ-cirkustanzi, l-impjegati part time, b'mod ġenerali, kienu qegħdin jieħdu l-istess paga bħall-impjegati full time għall-istess ammont ta' sigħat maħduma. Hija ġabet l-eżempju ta' impjegat part time li ġie mqabbad fuq kuntratt sabiex jaħdem għal 18-il siegħa: Jekk tali impjegat jaħdem 19-il siegħa, hu jew hi, jircievu l-istess ħlas ġenerali li jirċevi impjegat full time għal 19-il siegħa xogħol. Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ikkonkludiet li l-prinċipju ta' paga ndaqs ma kienx inkiser.(6)
20. Fil-kawża preżenti, però, l-effett ta' din il-leġiżlazzjoni nazzjonali hu li impjegat part time li jiġi mqabbad fuq kuntratt sabiex jaħdem 15-il siegħa, li jaħdem 2.5 siegħat iktar u allura b'kollox jaħdem 17.5-il sigħa, jitħallas biss ta' 15 il-siegħa xogħol u għaldaqstant ma jirċevix l-istess paga ġenerali li impjegat full time jircevi għal 17.5-il sigħa ta' xogħol. Għalhekk, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hemm trattament differenti bejn impjegati part time u dawk full time
21. Fl-aħħar nett, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, fl-ewwel lok, jekk it-trattament differenti stabbilit min din il-legislazzjoni jeffettwax kunsiderevolment aktar lin-nisa milli lill-irġiel, u fit-tieni lok, jekk jeżistux fatturi oġġettivi mhux relatati mas-sess li jistgħu jiġġustifikaw tali trattament iddifferenzjat. Jiena jkolli nżid li mill-osservazzjonijiet jidher li hu komuni li din il-legislazzjoni teffettwa kunsiderevolment aktar lin-nisa milli lill-irġiel filwaqt li ma jidhirx li jista jkun hemm xi ġustifikazzjoni għal dan it-trattament iddifferenzjat.
Konklużjoni
22. Jiena għaldaqstant nikkonkludi li d-domanda magħmula mill-Verwaltungsgericht Minden għandha tinagħtalha s-segwenti risposta:
Leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li kemm l-impjegati full time kif ukoll dawk part time ma jiġux imħallsa ta' sigħat maħduma żejda, fejn ir-riżultat ikun li l-paga ġenerali ta' impjegati full time tkun aktar minn dik ta' impjegat part time għall-istess numru ta' sigħat ta' xogħol, toħloq trattament differenti bejn l-impjegati full time u dawk part time. Jekk tali trattament iddifferenzjat jeffettwa kunsiderevolment aktar lin-nisa milli lill-irġiel, il-leġiżlazzjoni tikser artikolu 141 KE u d-direttiva 75/117/KEE tal-Kunsill, ta' l-10 ta' Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa sakemm ma jkunx hemm fatturi oġġettivi li ma jkunux relatati mas-sess li jistgħu jiġġustifikaw tali trattament iddifferenzjat.
1 - Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2- Verordnung über die Gewährung von Mehrarbeitsvergütung für Beamte tat-13 ta' Marzu 1992, BGBl. I, p. 528, fil-verżjoni tat-3 ta' Dicembru 1998, BGBl. I, p. 3494.
3- Direttiva 75/117/KEE tal-Kunsill, tal-10 ta' Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa (GU L 45, p.19)
4- Kawżi relatati C-399/92, C-409/92, C-425/92, C-34/93, C-50/93 u C-78/93 Helmig [1994] Ġabra I-5727, punt 20 tad-deċizjoni.
5- Iċċitat f'nota 5, punt 26 tas-sentenza. Ara wkoll il-Kawża C-457/93 Lewark[1996] Ġabra I-243, punti 25 u 26.
6- Punti 27, 28 and 31 tas-sentenza.
Full & Egal Universal Law Academy