KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
JACOBS
ippreżentati fil-15 ta’ Jannar 2004 (1)
Kawża C-292/02
Meiland Azewijn BV
vs
Hauptzollamt Duisburg
1. F’din il-kawża l-Finanzgericht (Qorti tal-Finanzi) Düsselforf, il-Ġermanja, bagħtet serje ta’ domandi lill-Qorti għal deċizjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar dazji tas-sisa fuq żjut minerali.
2. L-effett ta’ din il-leġiżlazzjoni huwa li l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu r-rata tad-dazju tas-sisa fuq żjut minerali użati għal ċerti għanijiet, jew jeħilsuhom minn tali dazju, imma għandhom japplikaw marka fiskali fuq iż-żjut minerali li jiġu trattati b’dan il-mod. Fejn negozju stabbilit fi Stat Membru li għażel li jnaqqas ir-rata ta’ dazju fuq żejt minerali użat għal għan partikolari jixtri f’dan l-Istat żejt minerali b’dazju baxx, u għalhekk immarkat, u jużah għal dan l-iskop fi Stat Membru ġar li ma jkunx għamel din l-għażla u li jipprojbixxi tali użu ta’ żejt minerali mmarkat, hemm il-potenzjal ovvju ta’ konflitt.
Leġiżlazzjoni tal-Komunità rilevanti
Leġiżlazzjoni dwar dazji tas-sisa fuq żjut minerali
3. Id-Direttiva tal-Kunsill 92/12 (2) tistipula li żjut minerali, alkoħol u xarbiet alkoħoliċi u tabakk immanifatturat, li għandhom jiġu ddefiniti f’direttivi aktar ‘l quddiem, huma suġġetti għal dazju tas-sisa. Id-dazju għandu jkun imponibbli fil-ħin li jsir il-rilaxx għal konsum. (3)
4. Madankollu, l-Artikolu 7 ta’ Direttiva 92/12 jistipula regola differenti għal prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa li, wara li jiġu rrilaxxjati għal konsum f’wieħed mill-Istati Membri, jiġu miżmumin għal skopijiet kummerċjali f’xi Stat Membru ieħor. F’ċirkustanzi bħal dawn id-dazju tas-sisa għandu jinġabar fl-Istat Membru fejn dawk il-prodotti ġew miżmumin; (4) b’mod iktar speċifiku, fejn tali prodotti jiġu użati f’dan l-Istat Membru għall-iskopijiet ta’ twettiq min negozjant ta’ attività ekonomika, id-dazju jsir imponibbli hemmhekk u jkun pagabbli min negozjant. (5) Meta prodotti bħal dawn jiġu ttrasportati bejn Stati Membri għandhom ikunu koperti b’dokument magħhom li jelenka ċerta informazzjoni preskritta. (6) In-negozjant għandu (a) qabel ma tintbgħat il-merkanzija, jagħmel dikjarazzjoni lill-awtoritajiet tat-taxxa ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni u jiggarantixxi l-pagament tad-dazju u (b) jħallas id-dazju. (7) Id-dazju tas-sisa mħallas fl-ewwel Stat Membru għandu mbgħad jiġi rrimborsat. (8)
5. Il-preambolu tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81 (9) jinkludi l-istqarrijiet li ġejjin:
‘[…] huwa importanti għat-tħaddim xieraq tas-suq intern li jiġu ddeterminati d-definizzjonijiet komuni tal-prodotti taż-żejt minerali li għandhom ikunu suġġetti għall-iskema ta’ monitoraġġ ġenerali tas-sisa;
[…]
[…] ikun xieraq li Stati Membri jitħallew japplikaw fuq bażi mhux obbligatorja ċerti eżenzjonijiet oħrajn jew rati mnaqqsin ġewwa t-territorju tagħhom fejn dan ma jagħtix lok għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni’. (10)
6. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/81 jirrikjedi li l-Istati Membri jimponu taxxa tas-sisa armonizzata fuq żjut minerali u li jiffissaw ir-rati tagħhom skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/82. (11) It-tifsira ta’ ‘żejt minerali’ tinkludi wkoll gass żejt.(12)
7. L-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/81 għandu x’jaqsam ma’ eżenzjonijiet ta’ żjut minerali minn dazju tas-sisa.
8. L-Artikolu 8(1)(a) jirrikjedi li Stati Membri jeżentaw żjut minerali użati għal skopijiet li mhux ta’ karburanti tal-karozzi jew bħala karburanti għat-tisħin.
9. L-Artikolu 8(2) jippermetti lill-Istati Membri japplikaw eżenzjonijiet totali jew parzjali jew tnaqqis fir-rata ta’ dazju rigward żjut minerali użati taħt kontroll fiskali għal ċerti skopijiet oħrajn. Dawn jinkludu, fi (f), żjut minerali użati ‘esklużivament f’xogħolijiet … agrikoli’.
10. L-Artikolu 8(3) jippermetti lill-Istati Membri li japplikaw rati mnaqqsin ta’ dazju, suġġett għal rata minima stipulata fid-Direttiva 92/82, għal gass żejt użat taħt kontroll fiskali għal skopijiet addizzjonali inkluż, f’(ċ), ‘għal vetturi intiżi għall-użu barra mit-toroq pubbliċi jew li ma ġewx mogħtija awtorizzazzjoni għall-użu primarjament fuq l-awtostrada pubblika’.
11. L-Artikolu 8(8) jistipula:
‘L-Istati Membri’ ikunu ħielsa li jagħtu effett lil eżenzjonijiet jew tnaqqis fir-rata ta’ [dazju] imsemmija f’dan l-artikolu billi jirrifondu d-dazju tas-sisa mħallas’.
12. L-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva 92/81 jmexxi r-regola ġenerali li, fejn prodotti suġġetti għal dazju tas-sisa ġew irrilaxxjati għal konsum f’wieħed mill-Istati Membri imma għal skopijiet kummerċjali jiġu miżmumin fi Stat Membru ieħor, id-dazju tas-sisa għandu jinġabar fl-Istat Membru fejn dawk il-prodotti ġew miżmumin. (13) Din tistipula:
‘Żjut minerali rrilaxxjati għal konsum fi Stat Membru, li jinżammu fit-tankijiet standard ta’ vetturi kummerċjali bil-mutur u intiżi biex jiġu użati bħala karburanti minn dawk l-istess vetturi kif ukoll ġewwa kontenituri speċjali u intiżi biex jiġu użati għat-tħaddim, fil-kors tat-trasport, tas-sistemi li jattrezzaw dawk l-istess kontenituri ma jkunux suġġetti għal dazju fuq is-sisa f’xi Stat Membru ieħor.’
13. L-Artikolu 8a(2) jistabbilixxi d-definizzjonijiet li ġejjin għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 8a(1):
‘“tankijiet standard” tfisser:
– it-tankijiet imwaħħla b'mod permanenti mill-manifattur fil-vetturi bil-mutur kollha [ta' l]-istess tip bħall-vettura in kwestjoni u li t-twaħħil permanenti tagħhom jippermetti karburant biex ikun użat direttament, kemm għall-fini ta' propulsjoni u, fejn xieraq, għat-tħaddim, waqt il-vjaġġ, ta' sistemi ta' refri[ġerazzjoni] u sistemi oħra.
Tankijiet tal-gass imwaħħla ma' vetturi bil-mutur speċifikament għall-użu dirett ta' gass bħala karburant u tankijiet imwaħħla mas-sistemi l-oħra li bihom il-vettura tista' tkun fornuta għandhom ukoll ikunu kunsidrati bħala tankijiet standard,
– Tankijiet permanentement iwaħħlin mill-produttur mal-kontenituri kollha ta’ l-istess tip bħal kontenitur in kwistjoni u l-installazzjoni permanenti li jippermetti li jintuża karburanti direttament għat-tħaddim, waqt it-trasport, tas-sistemi tar-refriġerazzjoni u ta’ sistemi oħrajn li bihom kontenituri speċjali jkunu mgħammra.
“Kontenitur speċjali” tfisser kull kontenitur mgħammar b’apparat speċjali ddisinjat għal sistemi ta’ refriġerazzjoni, sistemi ta’ ossiġenazzjoni, sistemi ta’ insulazzjoni termali u sistemi oħrajn.’
14. L-Artikolu 8a ġie miżjud bid-Direttiva 94/74,(14) li l-preambolu tiegħu jiddikjara:
“ … huwa meħtieġ li jiġi speċifikat li żjut minerali rrilaxxjati għal konsum fi Stat Membru, miżmumin fit-tankijiet tal-karburanti ta’ vetturi bil-mutur u intiżi biex jiġu użati bħala karburanti minn tali vetturi huma eżentati mid-dazju tas-sisa fi Stati Membri oħrajn sabiex ma jiġix imxekkel il-moviment ħieles ta’ individwi u ta’ prodotti u sabiex ma jkunx hemm tassazzjoni doppja.” (15)
Il-leġiżlazzjoni dwar l-immarkar ta’ żjut minerali
15. Taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/81, il-Kunsill kellu jaddotta regoli tal-Komunità dwar l-għoti tal-kulur u l-immarkar ta’ dawk iż-żjut minerali li huma eżentati mid-dazju jew li huma suġġetti għal rata mnaqqsa bħala karburanti jew bħala karburanti tal-vetturi.
16. L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 95/60(16) jirrikjedi li l-Istati Membri japplikaw marka fiskali mal-“gass żejt kollu … li ġie rrilaxxjat għal konsum … u li ġie eżentat minn, jew suġġett għal, dazju tas-sisa b’rata [mnaqqsa]’.
17. L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 jipprovdi:
‘L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiġi żgurat li l-użu mhux xieraq tal-prodotti mmarkati jiġi evitat u, b’mod partikolari, li ż-żjut minerali in kwistjoni ma jkunux jistgħux jiġu użati għall-kombustjoni fil-magna ta’ vettura bil-mutur li tinsaq fit-triq jew li jiġi miżmum fit-tank tal-karburanti tagħha għajr meta tali użu jiġi permess f’każijiet speċifikati ddeterminati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri.’
Leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti
18. Il-fatti li taw lok għall-proċeduri legali prinċipali jinvolvu konflitt bejn il-leġiżlazzjoni ta’ l-Olanda u tal-Ġermanja. L-Olanda ddeċidiet li timplementa l-għażla fl-Artikolu 8(2)(f) tad-Direttiva 92/81 permezz ta’ tnaqqis fir-rata tad-dazju tas-sisa fuq żjut minerali użati għal ċerti għanijiet, inkluż karburanti għal vetturi agrikoli; żejt bħal dan jiġi għalhekk immarkat. Fil-Ġermanja madankollu l-użu ta’ żejt minerali mmarkat bħala karburanti huwa pprojbit.
Legiżlazzjoni ta’ l-Olanda
19. L-Artikolu 27(3) tal-Wet op de accijns (il-Liġi dwar dazju tas-sisa) (17) jipprovdi għal rata mnaqqsa ta’ dazju rigward gass żejt immarkat biex jiġi użat għal xi għan ieħor minbarra s-sewqan ta’ vetturi bil-mutur fit-triq jew opra tal-baħar għal gost.
20. L-Artikolu 91 tal-Liġi dwar id-dazju tas-sisa jipprojbixxi ż-żamma ta’ gass żejt immarkat fit-tankijiet standard tal-karburanti ta’ vetturi bil-mutur jew opri tal-baħar għal gost, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet li għandhom jiġu stipulati f’miżura amministrattiva ġenerali. Skond din id-disożizzjoni, l-Artikolu 40 ta’ l-Uitvoeringsbesluit accijns (ir-regolament li jimplementa d-dazju tas-sisa (18)) jippermetti li gass żejt immarkat jinżamm fit-tankijiet tal-karburanti ta’ vetturi bil-mutur li huma ddisinjati għall-użu off-road kif ukoll użati esklużivament għall-skopijiet agrikoli.
Leġiżlazzjoni Ġermaniża
21. Taħt il-paragrafu 3(2)(1) tal-Mineralölsteuergesetz (il-Liġi dwar it-tassazzjoni ta’ żjut minerali), (19) gass żejt użat għat-tisħin huwa suġġett għal rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa. It-tieni sentenza tal-paragrafu 3(2) tirrikjedi li gass żejt bħal dan jiġi mmarkat biż-żieda ta’ kombinazzjoni ta’ addittivi kimiċi.
22. L-ewwel sentenza tal-paragrafu 19(2) tal-Liġi dwar it-tassazzjoni ta’ żjut minerali tistipula li fejn żejt minerali rrilaxxjat għal konsum fi Stat Membru jinġab fit-territorju fiskali nazzjonali, it-taxxa tas-sisa tkun dovuta jekk iż-żejt jinżamm jew jiġi użat għal skopijiet kummerċjali għall-ewwel darba f’dan it-territorju. Bis-saħħa tat-tielet sentenza, din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal karburanti f’tankijiet standard ta’, inter alia, vetturi agrikoli jew għall-forestrija.
23. Il-paragrafu 26(4) tal-Liġi dwar it-tassazzjoni ta’ żjut minerali tistipula li żejt minerali li jkun fih marki m’għandux jiġi mħallat ma’ żejt minerali ieħor jew miżmum, mibjugħ, ittrasportat jew użat bħala karburanti jekk mhux skond eċċezzjonijiet speċifikati, li ebda waħda minnhom m’hija rilevanti għal każ preżenti. Il-paragrafu 26(5) jistipula li żejt minerali li mhux intiż għal xi użu permess m’għandux jinġab ġo jew mibjugħ jew użat fit-territorju fiskali jew jiġi mħallat b’marki. Il-paragrafu 26(6) jistipula li kull persuna li żżomm, tbiegħ, tittrasporta jew tuża bħala karburanti żejt minerali li fih marki, tkun suġġetta għal dazju tas-sisa fuq il-kwantità ta’ żejt li tikkorrispondi għal kemm jesa’ t-tank tal-karburanti jew it-tankijiet standard tal-vettura.
24. Skond il-qorti tar-rinviju, l-eżenzjoni fit-tielet sentenza tal-paragrafu 19(2) ma tipprekludix ir-responsabbiltà għad-dazju fil-każijiet previsti fil-paragrafu 26(6).
Il-proċeduri legali ewlenin u d-domandi mibgħuta
25. VOF Bod Giesen amalgamat ma’ Meiland Azewijn BV f’Mejju 2002. Jien se nirreferi għall-entità amalgamata bħala Meiland.
26. Sa mill-1991 Meiland ilha topera agenzija ta’ servizz ta’ fornitura agrikola fl-Olanda lil klijenti fl-Olanda u l-Ġermanja. Il-vetturi tax-xogħol ta’ Meiland kienu jiġu mimlijin bil-karburanti kull lejla għax-xogħol tal-ġurnata li jkun imiss; peress li għoti tal-karburanti kien isir ġol-Olanda, it-tankijiet tal-vetturi ġew mimlijin b’diżil karburanti mmarkat. Fil-ħin tal-għoti tal-karburanti, ħafna drabi ma kienx ikun magħruf fejn il-vetturi jkunu se jiġu użati fil-jum ta’ wara peress li l-klijenti jistgħu jikkanċellaw b’avviż qasir minħabba t-temp jew għax ikun meħtieġ li jinbidel il-makkinarju li jkun tkisser; vetturi assenjati biex jaħdmu fil-Ġermanja f’ġurnata partikolari għal din ir-raġuni bdew il-ġurnata b’karburanti mmarkat ġot-tankijiet tagħhom. Ma kienx pratikabbli li jiġi mibdul id-diżil immarkat akkwistat fl-Olanda b’diżil karburanti mhux immarkat, l-uniku karburanti li seta’ jiġi użat legalment għal dan l-iskop fil-Ġermanja. In parti dan kien minħabba li ċerti vetturi kienu fl-użu fiż-żewġ Stati Membri fl-istess ġurnata u in parti minħabba li kien jinħela wisq żmien biex jitbattlu jew jitbiddlu tankijiet individwali. Minħabba d-daqs tan-negozju tagħha, kien ukoll impossibbli għal Meiland li żomm makkinarju għall-ħsad u tratturi disponibbli esklużivament għas-suq Ġermaniż.
27. Fid-29 ta’ Settembru 2000, uffiċjali mill-enti mobbli ta’ kontroll tal-konvenut ikkontrollaw żewġ tratturi u trattur tal-ħsad (combine harvester) li Meiland kienet qed tuża fil-Ġermanja biex taħsad il-qamħ. Il-magni kienu qed jaħdmu b’karburanti diżil immarkat (gass żejt).
28. Il-konvenut ħareġ stima li addebita lil Meiland b’dazju tas-sisa fuq żjut minerali vvalutati skond il-kapaċità tat-tankijiet u d-dazju fuq diżil karburanti intaxxat. Meiland oġġezzjonat għall-istima fuq il-bażi li kienet kontra d-dritt Komunitarju. Fid-deċiżjoni tagħha tat-18 ta’ Jannar 2001, il-konvenut caħad l-oġġezzjoni bħala infondata peress li, taħt il-Liġi dwar it-tassazzjoni ta’ żjut minerali, gass żejt immarkat seta’ b’mod ġenerali jiġi użat ġewwa z-zona fiskali Ġermaniża għal skopijiet biss ta’ tisħin u l-importazzjoni ta’ gass żejt immarkat minn Stati Membri oħrajn għal użu f’vetturi bil-mutur jew biex jitħaddem makkinarju agrikolu kienet ipprojbita.
29. Meiland ikkontestat din id-deċizjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, billi argumentat essenzjalment li l-istima ta’ dazju kienet tikser id-dritt Komunitarju peress li l-Artikolu 8(2)(f) tad-Direttiva 92/81 jipprovdi għal eżenzjoni obbligatorja minn dazji fuq żjut minerali użati esklużivament f’xogħolijiet agrikoli u li din il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tmur kontra l-Artikolu 49 KE għax tagħmilha impossibbli għal Meiland li teżerċita l-libertà li għandha biex tipprovdi servizzi bejn l-Olanda u il-Ġermanja.
30. Il-qorti tar-rinviju għal din ir-raġuni ssospendiet il-proċeduri u rreferiet id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:
‘1. L-Artikolu 8a(1) ta’ għandu jiġi interpretat li sempliċement jeżenta żejt minerali intiż biex jiġi użat bħala żejt tal-mutur minn dazju tas-sisa fl-Istat Membru fejn jinġab ġo tank standard ta’ vettura bil-mutur kummerċjali wara li jkun ġie rrilaxxjat għal konsum fi Stat Membru ieħor?
2. Jekk it-tweġiba għall-ewwel domanda għandha tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 8a(1) huwa direttament applikabbli fir-rigward ta’ min jagħmel it-talba fid-dawl tar-regola fil-paragrafu 19(2) tal-Mineralölsteuergesetz (il-Liġi tad-Dazju tas-Sisa fuq Żjut Minerali)?
3. Il-proċeduri amministrattivi ta’ kontroll għat-tnaqqis fid-dazju tas-sisa li huwa possibbli taħt l-Artikolu 8(2)(f) mingħajr l-applikazzjoni ta’ marka jew bl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/60/EC?
4. Jekk it-tielet domanda għandha tiġi mwieġba fis-sens li l-Istati Membri li jeżerċitaw il-poter taħt l-Artikolu 8(2)(f) huma obbligati, f’istanza paragunabbli mal-każ preżenti, li jikkonċedu tnaqqis fid-dazju anki fil-forma ta’ rimbors ta’ dazju tas-sisa, riduzzjoni fid-dazju tas-sisa għal xogħolijiet agrikoli tmur kontra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew it-tnaqqis ikun marbut ma’ proċedura ta’ mmarkar taħt l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/60/EC li ma tiġix applikata fil-kuntest ta’ Stati Membri oħrajn, li għal kuntrarju jimponu penali tad-dazji tas-sisa fil-każ ta’ mmarkar li għalih ma tkun saret l-ebda dispożizzjoni fis-sistemi legali tagħhom?
5. Jekk it-tweġiba għar-raba’ domanda għandha tkun fl-affermattiv, il-ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jkun ifisser li l-obbligu li jitħallas id-dazju ġie mneħħi, jew minn ikun għamel it-talba, sabiex jikseb l-eżenzjoni mid-dazju, ikun obbligat jitlob żejt minerali mhux immarkat u japplika għar-rimbors mid-dazju tas-sisa fl-Istat Membru fejn ikun kiseb gass żejt immarkat b’rata ta’ dazju mnaqqsa?’
31. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Meiland, mill-konvenut, mill-Gvern ta’ l-Olanda u mill-Kummissjoni; Meiland u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati fis-seduta. L-osservazzjonijiet ta’ Meiland sempliċiment jenfasizzaw l-impossibbiltà prattika li tbiddel il-prattiċi tagħha sabiex tevita li l-vetturi agrikoli tagħha joperaw fil-Ġermanja b’gass żejt immarkat akkwistat fl-Olanda.
L-ewwel domanda magħmula
32. Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti nazzjonali essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva 92/81 jirrikjedix li l-Istati Membri jeżentaw żjut minerali intiżi li jiġu użati bħala karburanti tal-mutur minn dazju tas-sisa fl-Istat Membru fejn jinġab ġo tank standard ta’ vettura bil-mutur kummerċjali wara li jkun ġie rrilaxxjat għal konsum f’xi Stat Membru ieħor.
33. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8a(1) jidhru ċari ħafna – żjut minerali fit-termini tad-dispożizzjoni ‘ma jkunux suġġetti għal dazju tas-sisa’ f’kull Stat Membru ħlief f’dak fejn ġew irrilaxxjati għall-konsum. Peress li d-diċitura tal-domanda tirrifletti mill-qrib dik tad-dispożizzjoni, it-tweġiba għandha tkun fl-affermattiv, kif issottomettew il-Gvern ta’ l-Olanda u l-Kummissjoni.
34. Madankollu huwa ċar mill-ordni tar-rinviju kif il-qorti tar-rinviju poġġiet l-ewwel domanda tagħha – anki jekk f’termini ġenerali ħafna – għax qed tiddubita jekk l-Artikolu 8a(1) japplikax fiċ-ċirkustanzi tal-proceduri legali ewlenin għal żewġ raġunijiet.
35. L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk kull eżenzjoni mandatorja li toħroġ mill-Artikolu 8a(1) għandhiex testendi għall-użu tal-karburanti, għat-tħaddim kummerċjali tal-makkinarju agrikolu wara li tinqasam il-fruntiera. Din il-qorti tinvoka l-għan tad-Direttiva 92/81 li, kif jidher mid-dsatax-il premessa tal-preambolu, (20) isostni l-fehma li l-Artikolu 8a(1) huwa intiż biss biex iħares il-moviment ħieles ta’ persuni u prodotti u biex jevita t-tassazzjoni doppja. Il-qorti tar-rinviju tqis li tkun għalhekk l-importazzjoni biss li tiġi eżentata mid-dazju tas-sisa u mhux l-użu kummerċjali li jestendi lil hinn mill-importazzjoni, f’dan il-każ it-tħaddim kummerċjali tal-makkinarju agrikolu.
36. Fil-fehma tiegħi din il-linja tinvolvi interpretazzjoni restrittiva ż-żejjed tar-rekwiżit fl-Artikolu 8a(1) li ż-żejt minerali jiġi ‘użat bħala karburanti minn [vetturi kummerċjali]’. Anki jekk vettura kummerċjali tiġi użata għal skopijiet kummerċjali, fil-każ preżenti għal xogħol agrikolu, iż-żejt minerali jiġi użat għall-propulsjoni u għalhekk bħala karburanti. Interpretazzjoni wiesa’ taqbel kemm mad-diċitura u kemm mal-iskop ta’ l-Artikolu 8a. Kif qed tissottometti l-Kummissjoni, jekk il-projbizzjoni ta’ impożizzjoni ta’ dazju tas-sisa fuq żejt minerali f’tankijiet standard ta’ vetturi kummerċjali applikata biss għal dik il-parti taż-żejt li se jiġi użat bħala karburanti fis-sens dejjaq li tipprovdi enerġija sempliċement għal moviment lineari tal-vettura mingħajr it-tħaddim tal-makkinarju agrikolu tagħha, ikun meħtieġ li wieħed jiddistingwi bejn żewġ tipi ta’ użu ta’ żjut minerali. L-ewwel nett ikun meħtieġ għalhekk li jiġu kkalkulati eżattament il-kwantitajiet użati; dak użat biss għat-tħaddim tal-makkinarju jkun imbgħad suġġett għad-dazju fl-Istat fejn kien użat, u r-rimbors tad-dazju mħallas fl-Istat fejn kien ġie rrilaxxjat għal konsum ikun suġġett għall-konformità mal-kundizzjonijiet preskritti fid-Direttiva 92/12. Madankollu tali konformità tkun oneruża b’mod sproporżjonat fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-każ preżenti, u interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 8a(1) li imponietha tkun evidentement ixxekkel il-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn Stat Membru għal ieħor.
37. Jista’ jingħad ukoll li l-iskop estensiv ta’ l-Artikolu 8a, li espliċitament ikopri żejt minerali intiż biex jiġi użat għat-tħaddim ta’ refriġerazzjoni u ta’ sistemi oħrajn, isostni l-interpretazzjoni wiesa’ li qed insostni.
38. It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk Stat Membru bħall-Ġermanja, li m’għażilx li jnaqqas id-dazju tas-sisa fuq żjut minerali użati f’xogħolijiet agrikoli skond l-għażla fl-Artikolu 8(2)(f) tad-Direttiva 92/81 u li skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/60 tipprojbixxi l-użu ta’ żejt minerali mmarkat bħala karburanti tal-mutur, huwa xorta waħda obbligat li jippermetti l-użu ta’ żejt minerali mmarkat bħala karburanti tal-mutur fejn ikun inxtara legalment bħala tali, suġġett għal dazju tas-sisa mnaqqas, fl-Istat Membru fejn ikun ġie rrilaxxjat għal konsum. Jekk tippermetti tali użu, il-Ġermanja tista’ titqies li qed tikser l-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/60, li jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li użu mhux xieraq ta’ żejt minerali mmarkat jiġi evitat u b’mod partikolari li ma jistax jiġi użat għal kombustjoni fil-magna ta’ vettura bil-mutur fit-triq jew miżmum fit-tank tal-karburanti tagħha.
39. Jien naċċetta li, kieku l-Ġermanja kellha tkun obbligata li tippermetti l-preżenza fit-tankijiet tal-karburanti ta’ vetturi agrikoli fil-Ġermanja ta’ żejt minerali mmarkat u rrilaxxjat għal konsum fl-Olanda, anki jekk l-użu għal vetturi agrikoli ta’ żejt minerali mmarkat u rrilaxxjat għal konsum fil-Ġermanja huwa pprojbit, dan jista’ jikkomplika s-sistema ta’ kontroll ta’ użu legali ta’ żjut minerali mmarkati li hija obbligata li twaqqaf bl-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/60. It-tensjoni bejn ir-regoli dwar l-immarkar stipulati b’dik id-direttiva u r-rekwiżit fl-Artikolu 8a tad-Direttiva 92/81, illi tali użu mhux suġġett għad-dazju tas-sisa fl-Istat Membru fejn ikun inġab hija l-konsegwenza ta’ gradi differenti ta’ armonizzazzjoni tar-regoli sostantivi u formali tas-sistema tal-Komunità tad-dazju tas-sisa. Kif qed tissottometti l-Kummissjoni, konflitt bħal dan għandu jiġi riżolt favur ir-regoli sostantivi. (21) L-Artikolu 8a jirrikjedi eżenzjoni mid-dazju fl-Istat tal-konsum f’ċirkustanzi speċifiċi. Din id-dispożizzjoni hija inekwivoka kif ukoll neċessarja sabiex jiġi żgurat il-moviment ħieles tal-persuni u tal-prodotti u l-libertà li jiġu ipprovduti servizzi u biex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja. L-għan tiegħu m’għandux għalhekk jiġi limitat bi proċeduri bl-iskop li jiġu mtejba l-kontrolli u l-prevenzjoni ta’ l-abbuż.
40. Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/60 jirreferi biss għall-kontroll ta’ ‘użu improprju’ ta’ żejt minerali mmarkat. B’mod aktar speċifiku, dan jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li dan iż-żejt ma jkunx jista jiġi użat għall-kombustjoni fil-magna ta’ vettura bil-mutur fit-triq jew miżmum fit-tank tal-karburanti tagħha ‘sakemm tali użu jkun permess f’każijiet speċifiċi ddeterminati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri’, Fil-fehma tiegħi huwa ċar li użu permess minn Stat Membru in konformità mad-dritt Komunitarju ma jistax ikun ‘improprju’ fit-tifsira ta’ Artikolu 3. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-għanijiet tad-Direttiva 95/60: skond il-preambolu tagħha, il-miżuri previsti huma ‘mhux biss meħtieġa imma wkoll indispensabbli sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-suq intern’. (22) Interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 3 li tipprekludi bħala improprju l-użu bħala karburanti ġo Stat Membru ta’ żejt minerali legalment mixtri għal dan l-użu fi Stat Membru ieħor ikun imur kontra dawk l-għanijiet.
41. Jien għalhekk nibqa’ tal-fehma li l-Artikolu 8a(1) jirrikjedi li l-Istati Membri jeżentaw mid-dazju tas-sisa żejt minerali intiż biex jiġi użat bħala karburanti tal-mutur fl-Istat Membru li fih ikun inġab ġo tank standard ta’ vettura kummerċjali bil-mutur f’ċirkustanzi fejn ikun inxtara legalment suġġett għal rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fi Stat Membru ieħor.
42. Din l-interpretazzjoni, madankollu, mhux bilfors tiddisponi mill-kwistjoni li tat lok l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju. L-Artikolu 8a huwa rilevanti biss jekk vetturi bħal dawk in kwistjoni (żewġ tratturi u trattur tal-ħsad) huma ‘vetturi bil-mutur kummerċjali’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-konvenut jissottometti li mhux dan il-każ. Filwaqt li jaċċetta li ma hemm l-ebda definizzjoni tat-terminu fid-Direttiva 92/81, il-konvenut jibbaża ruħu b’analoġija fuq id-definizzjonijiet ta’ dan it-terminu fl-leġiżlazzjonijiet Komunitarji oħra, b’mod partikolari fid-Direttiva tal-Kunsill 68/297 (23) u r-Regolament tal-Kunsill Nru 918/83. (24)
43. L-Artikolu 2 tad-Direttiva 68/297 jiddefinixxi ‘vettura kummerċjali bil-mutur’ bħala kull vettura bil-mutur fit-triq li mit-tip ta’ kostruzzjoni u tagħmir tagħha hija ddiżinjata għal, u kapaċi li, tittrasporta, kemm jekk bi ħlas u anki mingħajr ħlas: (a) aktar minn disa’ persuni, inkluż is-sewwieq; (b) merkanzija’. L-Artikolu 112(2)(a) tar-Regolament Nru 918/83 jiddefinixxi dan it-terminu bħala:
‘kull vettura bil-mutur tat-triq (inklużi tratturi bi jew mingħajr karrijiet) li mit-tip ta’ kostruzzjoni u tagħmir tagħha hija ddiżinjata għal u kapaċi tittrasporta, kemm bi ħlas u mhux:
– aktar minn disa’ persuni, inkluż is-sewwieq,
– merkanzija,
u kull vettura tat-triq għal xi skop speċjali li ma jkunx it-trasport bħala tali’.
Il-konvenut jikkonkludi li l-iskop ta’ l-Artikolu 8a tad-Direttiva 92/81 ikopri biss vetturi tat-triq li jittrasportaw persuni u merkanzija u għalhekk ma jestendix għal tratturi u tratturi tal-ħsad.
44. Jiena ma naċċettax dan l-argument. Bħal ma sottomettiet il-Kummissjoni fis-seduta, iż-żewġ definizzjonijiet ta’ ‘vetturi kummerċjali bil-mutur’ fil-leġiżlazzjoni invokata mill-konvenut f’kull eventwalità m’għandhomx l-istess tifsira eżatta peress li fir-Regolament Nru 918/83 hija ddikjarata li tinkludi kemm tratturi u ‘kull vettura tat-triq għal xi skop speċjali li ma jkunx it-trasport bħala tali’. Barra dan u aktar sinjifikattiv minn hekk l-għanijiet tal-legiżlazzjoni ċċitata mill-konvenut huma differenti minn dawk tad-Direttiva 92/81. Id-Direttiva 68/297 kienet ibbażata fuq l-Artikoli 75 u 99 tat-Trattat ta’ l-KE (issa l-Artikoli 71 u 93 KE). L-Artikolu 75 jagħti poter lil Kunsill biex jgħaddi leġiżlazzjoni bil-għan li jiġi implementat l-Artikolu 74 KE, li jirreferi għall-politika komuni tat-trasport. Id-direttiva nnifisha għandha x’taqsam mat-twaqqif ta’ regoli komuni għat-trasport internazzjonali għal, minn u ġewwa t-territorju ta’ Stat Membru. (25) Huwa ovvju minn dan il-kuntest illi d-direttiva tikkonċerna vetturi involuti fit-trasport internazzjonali ta’ passiġġieri u merkanzija; m’hu xejn sorprendenti li tratturi u tratturi tal-ħsad ma jaqgħux taħt l-ambitu tagħha. Ir-Regolament Nru 918/83, mill-banda l-oħra, huwa bbażat fuq l-Artikoli 28, 43 u 235 tat-Trattat KE (issa l-Artikoli 26, 37 u 308 KE). L-Artikolu 28 kien jikkonċerna dazji tad-dwana u l-Artikolu 43 il-politika agrikola komuni. Ir-regolament jikkonċerna tnaqqis minn dazji tad-dwana u imposti agrikoli u tapplika għal varjetà wiesa’ ta’ prodotti (minn ġhiżien tal-għarusa sa’ twiebet, prodotti għat-trobbija tan-naħal, demm uman u rigali lil monarki renjanti (26). L-Artikolu 113 qiegħed f’kapitolu bit-titlu wiesa’ ‘Karburanti u lubrifikanti preżenti f’vetturi bil-mutur ta’ l-art u kontenituri speċjali’ u jkopri karburanti miżmum f’tankijiet standard ta’ vetturi bil-mutur privati u kummerċjali u muturi. Għal darb’oħra mhijiex xi sorpriża li leġiżlazzjoni mfassla b’dal-mod wiesa’ għandha tinkludi karburanti ġot-tankijiet tat-tratturi.
45. Differenzi bħal dawn ipoġġu fid-dubju kull suppożizzjoni li t-terminu ‘vettura bil-mutur kummerċjali’ għandu tifsira stabbilita fid-dritt Komunitarju. Fil-fehma tiegħi l-iskop ta’ dan it-terminu fid-Direttiva 92/81 ma jistax jiġi ddeterminat b’riferiment għal leġiżlazzjoni oħra, imma għandu minflok jiġi mnissel awtonomament mill-iskema u mill-għan ta’ din id-direttiva.
46. L-għan tad-Direttiva 92/81 hu li jiġi żviluppat is-suq intern; (27) l-għan tad-Direttiva 94/74 meta ddaħħal l-Artikolu 8a fid-Direttiva 92/81 kien li jiġi promoss il-moviment ħieles ta’ individwi u ta’ prodotti. (28) Kif iddiskutejna hawn fuq (29), interpretazzjoni ta’ l-artikolu 8a li pprekludiet f’ċirkustanzi bħal dawk tal-każ preżenti l-użu f’xi wieħed mill-Istat Membri ta’ żejt minerali legalment akkwistat għal dan l-użu f’xi Stat Membru ieħor ikun ifisser li negozju bħal ta’ Meinland ikun suġġett li jħallas dazju tas-sisa fil-Ġermanja fuq żejt minerali akkwistat fl-Olanda u miżmum fit-tankijiet tal-vetturi tagħha. Minkejja li jkun hemm dritt konkomitanti għal rimbors tad-dazju mħallas fl-Olanda, dan id-dritt jinqala’ biss jekk Meinland tippreżenta f’kull okkażjoni dokument li jkun fih l-informazzjoni preskritta bl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 92/12. Riżultat bħal dan ċertament jiskoraġġixxi tali negozji milli jipprovdu servizzi f’xi Stat Membru ieħor.
47. Jien għalhekk nikkonkludi li t-tweġiba għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva 92/81 jipprojbixxi l-Istati Membri milli jissuġġettaw għal dazju tas-sisa żejt minerali, kemm jekk immarkat, kemm jekk mhux immarkat, miżmum fit-tank standard ta’ vettura bil-mutur kummerċjali li huwa intiż biex jiġi użat bħala karburanti minn din il-vettura u li ġà ġie rrilaxxjat għal konsum fi Stat Membru ieħor fejn kien ġie mixtri għall-użu li huwa legali f’dan l-Istat Membru. Huwa irrilevanti jekk iż-żejt minerali jiġix użat unikament biex titħaddem il-vettura jew biex ukoll jitwettqu operazzjonijiet kummerċjali mill-vettura fl-Istat Membru fejn tkun inġabet.
It-tieni domanda magħmula
48. Permezz tat-tieni domanda tagħha, li tqum biss jekk l-ewwel domanda tiġi mwieġba fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva 92/81 għandux effett dirett.
49. Dik il-qorti tiddikjara fl-ordni tar-rinviju li m’għandha ebda dubji fundamentali peress li l-kontenut ta’ l-Artklu 8a huwa inkundizzjonat kif ukoll bizzejjed preċiż li jippermettilu li jiġi invokat minn dak li jagħmel it-talba f’każ partikolari.
50. Il-Gvern ta’ l-Olanda u il-Kummissjoni jaqblu, meta jiċċitaw Becker (30) u Braathens Sverige. (31)
51. Jirriżulta ċar mill-ġurisprudenza li l-Artikolu 8a(1) jissodisfa l-kriterji rikjesti sabiex dispożizzjoni ta’ direttiva jkollha effett dirett. Il-Qorti ddeċidiet li kull fejn dispożizzjoni bħal din tidher li hija inkundizzjonata u preċiża biżżejjed, tista’, fin-nuqqas ta’ miżuri implementattivi addottati fil-perjodu preskritt, titiqies li tmur kontra kull dispożizzjoni nazzjonali li hija inkompatibbli ma’ direttiva jew safejn tiddefinixxi drittijiet li individwi jkunu kapaċi jinvokaw kontra l-Istat. (32) B’riferiment partikolari għad-Direttiva 92/81, il-Qorti ddikjarat li, għalkemm din id-direttiva tippermetti l-Istati Membri grad ta’ latitudni li jvarja fl-implementazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tagħha, individwi ma jistgħux għal din ir-raġuni jiġu mċaħħda mid-dritt li jinvokaw xi dispożizzjoni li minħabba s-suġġett partikolari, jistgħu jiġu sseparati mill-korp ġenerali ta’ dispożizzjonijiet u applikati bħala tali. (33) L-Artikolu 8a(1) jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu ċar u preċiż li ma jimponix dazju tas-sisa fuq żjut minerali rrilaxxjati għal konsum fi Stat Membru, miżmum f’tankijiet standard ta’ vetturi kummerċjali u intiżi li jiġu użati bħala karburanti minn dawn l-istess vetturi. Hi għalhekk tissodisfa r-rekwiżiti ta’ effett dirett.
It-tielet domanda magħmula
52. Bit-tielet domanda tagħha, li tqum biss jekk xi waħda mill-ewwel żewġ domandi jiġu mwieġba fin-negattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-proċeduri amministrattivi u ta’ kontroll għat-tnaqqis fid-dazju tas-sisa li hi possibbli taħt Artikolu 8(2)(f) tad-Direttiva 92/81 humiex irregolati bl-Artikolu 8(8) ta’ din id-direttiva mingħajr l-applikazzjoni tal-marka jew bl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/60.
53. Fid-dawl tar-risposti li qed nipproponi għall-ewwel u t-tieni domandi magħmula, it-tielet domanda ma tqumx. Madankollu, peress li kemm l-Olanda u l-Kummissjoni ssottomettew osservazzjonijiet, jien se nikkunsidra fil-qosor il-kwistjonijiet li ġew imqajma.
54. Jidher mill-ordni tar-rinviju li t-tielet mistosija ġiet imqanqla minħabba li l-qorti tar-rinviju qieset li huwa impossibbli li tiddeduċi mid-dritt komunitarju jekk Stat Membru li jixtieq japplika tnaqqis fir-rata tad-dazju konformi mal-għażla fl-Artikolu 8(2)(f) għandux jagħmel dan bir-rimbors tad-dazju żejjed skond l-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 92/81 jew jekk għandux jimmarka ż-żjut minerali in kwistjoni skond l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/60.
55. Kif qed jiġi nnutat kemm mill-Olanda u l-Kummissjoni, Stat Membru li juża l-għażla mogħtija fl-Artikolu 8(2)(f) tad-Direttiva 92/81 jista’ jagħmel dan b’wieħed minn żewġ modi: jista’ jipprovdi li żejt minerali li se jiġi użat għall-iskop permess għandu jiġi rrilaxxjat direttament għall-konsum b’rata mnaqqsa ta’ dazju, jew jista’, billi jirrikorri għall-għażla ulterjuri fl-Artikolu 8(8), jipprovdi li dan iż-żejt minerali jiġi rrilaxxjat għal konsum suġġett għad-dazju tas-sisa bir-rata normali u sussegwentement jirrimborsa d-dazju mħallas. Fejn Stat Membru jagħżel li jirrimborsa skond l-Artikolu 8(8), żejt minerali rrilaxxjat għal konsum suġġett għal dazju tas-sisa bir-rata normali evidentement ma jistax jiġi deskritt bħala żejt minerali li ‘ġie rrilaxxjat għal konsum … u li ġie eżentat minn, jew suġġett għal, dazju tas-sisa b’rata [mnaqqsa]’ fl-ispirtu tat-tifsira ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/60; għal din ir-raġuni mhijiex se taqa’ fl-iskop ta’ din id-dispożizzjoni u l-applikazzjoni tal-marka fiskali konsegwentement mhijiex ser tkun meħtieġa.
56. Il-problema li toħroġ mit-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju fil-fehma tiegħi tinqala’ biss jekk l-Istati Membri kienu meħtieġa jagħtu effett lill-eżenzjonijiet u tnaqqis fir-rata ta’ dazju tas-sisa billi jirrimborsaw id-dazju mħallas skond l-Artikolu 8(8). Madankollu huwa manifestament ċar mill-kliem użat hemmhekk (‘Stati Membri jkunu liberi li jagħtu effett għal eżenzjonijiet u tnaqqis … billi jirrimborsaw id-dazju tas-sisa mħallas’ (34)) li l-Artikolu 8(8) jagħti għażla. Fejn Stat Membru ma jmurx għal din l-għażla imma jagħżel minflok li jeżenta żjut minerali mid-dazju tas-sisa jew li jimponi dazju b’rata mnaqqsa meta jiġu rrilaxxjati għal konsum, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/60 għandu japplika u l-Istat Membru ikun obbligat japplika marka fiskali fuq iż-żejt minerali.
Ir-raba’ u l-ħames domandi
57. Ir-raba’ u l-ħames domandi tal-qorti tar-rinviju għandhom x’jaqsmu mal-kompattibilità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dispozizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Ir-raba’ domanda tqum biss jekk it-tielet domanda għandha tiġi mwieġba fis-sens li l-Istati Membri li jagħmlu użu mill-għażla mogħtija bl-Artikolu 8(2)(f) tad-Direttiva 92/81 li japplikaw eżenzjonijiet jew tnaqqis fir-rata ta’ dazju fuq żjut minerali użati, per eżempju, f’xogħolijiet agrikoli, jkunu obbligati japplikaw l-eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-forma ta’ rifużjoni ta’ dazju tas-sisa. Il-ħames domanda tqum biss jekk it-tweġiba għar-raba’ domanda hija fl-affermattiv.
58. Fid-dawl tat-tweġiba li pproponejt għat-tielet domanda, la r-raba’ u lanqas il-ħames domanda m’għandhom bżonn tweġiba.
Konklużjoni
59. Jien għalhekk tal-fehma li d-domandi magħmula mill-Finanzgericht Düsseldorf għandhom jiġu mwieġba kif ġej:
(1) L-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq żjut minerali jipprojbixxi l-Istati Membri milli jissuġġettaw żejt minerali għad-dazju tas-sisa, kemm jekk immarkat jew le, miżmum ġo tank standard ta’ vettura bil-mutur kummerċjali li hu intiż li jiġi użat bħala karburanti minn din il-vettura u li diġà ġie rrilaxxjat għal konsum fi Stat Membru ieħor minn fejn ġie mixtri għal użu li hu legali f’dan l-Istat Membru. Huwa irrilevanti jekk iż-żejt minerali huwiex użat biss għall-propulsjoni tal-vettura jew hux ukoll biex iwettaq tranżazzjonijiet kummerċjali bil-vettura fl-Istat Membru għal fejn tkun inġabet.
(2) L-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE jistgħu jiġu invokati minn individwi fi proċeduri legali quddiem qrati nazzjonali sabiex jikkontestaw regoli nazzjonali li huma inkompatibbli ma’ din il-projbizzjoni.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – Id-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għal prodotti suġġetti għal dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, il-moviment u l-monitoraġġ ta’ tali prodotti, ĠU 1992 L 76, p.1.
3 – Artikoli 3(1), 5(1) u 6(1).
4 – Artikolu 7(1).
5 – Artikolu 7(2) u (3).
6 – Artikolu 7(4). Il-forma u l-kontenut tad-dokument huma stipulati bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3649/92 tas-17 ta’ Diċembru 1992 dwar dokument semplifikat anness għal moviment intrakomunitarju ta’ prodotti suġġetti għal dazju tas-sisa li ġew irrilaxxjati għal konsum fl-Istat Membru minn fejn jintbgħatu, ĠU 1992 L 369, p. 17.
7 – Artikolu 7(5).
8 – Artikolu 7(6).
9 – Id-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi ta’ dazji tas-sisa fuq żjut minerali, ĠU 1992 L 316, p. 12, kif emendata bid-Direttivi tal-Kunsill 92/108/KEE tal-14 ta’ Diċembru 1992, ĠU 1992 L 390, p. 124, u 94/74/KE tat-22 ta’ Diċembru, 1994, ĠU 1994 L 365, p. 46 [traduzzjonijiet mhux uffiċjali].
10 – It-tielet u s-sitt premessi.
11 – Id-Direttiva tal-Kunsill 92/82/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tad-dazji tas-sisa fuq żjut minerali, ĠU 1992 L 316, p. 19.
12 – L-Artikolu 2, li jirreferi għan-Nomenklatura Kombinata, li l-verżjoni materjali tiegħu hija annessa mar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2551/93 tal-10 ta’ Awwissu 1993 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffi u ta’ l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni tad-Dwana, ĠU 1993 L 241, p. 1.
13 – Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/12; ara l-punt 4 hawn fuq.
14 – Iċċitata fin-nota 9.
15 – Id-dsatax-il premessa.
16 – Id-Direttiva tal-Kunsill 95/60/KE tas-27 ta’ Novembru 1995 dwar l-immarkar fiskali ta’ gass żjut u pitrolju, ĠU 1995 L 291, p. 46.
17 – Liġi tal-31 ta’ Ottubru 1991, Staatsblad 561.
18 – Regolament tal-20 ta’ Diċembru 1991, Staatsblad 754.
19 – Liġi tal-21 ta’ Diċembru 1992 (BGB1. I, p. 2185).
20 – Ara l-punt 14 iktar ‘il fuq.
21 – Ara l-Kawża C-482/98 L-Italja vs Il-Kummissjoni [2000] Ġabra I- 10861, punti 50 u 51 tas-sentenza.
22 – L-ewwel u t-tielet premessi.
23 – Id-Direttiva tal-Kunsill 68/297/KEE tad-19 ta’ Lulju 1968 dwar l-istandardizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-ħelsien mid-dazju ta’ karburanti miżmum fit-tankijiet tal-karburanti ta’ vetturi bil-mutur kummerċjali, ĠU Edizzjoni Speċali bl-Ingliż (1968) II, p. 313, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 85/347/KEE tat-8 ta’ Lulju 1985, ĠU 1985 L 183, p. 22.
24 – Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83 tat-28 ta’ Marzu 1983 li jwaqqaf sistema tal-Komunità dwar ħelsien mid-dazju tad-dwana, ĠU 1983 L 105, p. 1, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1315/88 tat-3 ta’ Mejju 1988, ĠU 1988 L 123, p. 2.
25 – Ara l-ewwel premessa fil-preambolu.
26 – Artikoli 11, 118, 39, 61 u 90.
27 – Ara t-tielet u s-sitt premessi fil-preambolu, imsemmija fil-punt 5 iktar ‘il fuq.
28 – Ara d-dsatax-il premessa fil-preambolu, imsemmija fil-punt 14 iktar ‘il fuq.
29 – Ara l-punt 36.
30 – Kawża 8/81 [1982] Ġabra 53, punt 25 tas-sentenza.
31 – Kawża C-346/97 [1999] Ġabra I-3419, punti 30 sa 32 tas-sentenza.
32 – Braathens Sverige, iċċitata fin-nota 31, punt 29 tas-sentenza.
33 – Ibid., punt 30.
34 – Bil-Franċiż: ‘Les Etas membres ont la faculté’; bil-Ġermaniż: ‘Es ist den Mitgliedstaaten freigestellt’.
Full & Egal Universal Law Academy