SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
18 ta' Novembru 2004 (*)
"Moviment liberu tat-tobba – Direttivi 86/457/KEE u 93/16/KEE –Rikonoxximent ta' diplomi, ċertifikati u provi oħra ta' kwalifiki formali – Obbligu ta' l-Istati Membri li jissuġġettaw l-eżerċizzju ta' l-attivitajiet ta' tabib, bħala tabib ġenerali, taħt l-iskema tagħhom tas-sigurtà soċjali, għall-pussess ta' diploma speċifika – Drittijiet kweżiti – Ekwivalenza ta' l-awtorizzazzjoni miksuba qabel l-1 ta' Jannar 1995 mad-diploma ta' taħriġ speċifiku – Determinazzjoni tal-lista tat-tobba ġenerali sabiex jiġu mimlija l-postijiet disponibbli f'reġjun skond il-kwalifiki li jkollhom"
Fil-kawżi magħquda C-10/02 u C-11/02,
li għandhom bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Puglia (L-Italja), permezz ta' deċiżjonijiet ta' l-10 ta' Ottubru 2001, li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta' Jannar 2002, fil-proċeduri
Anna Fascicolo et,
Enzo De Benedictis et,
vs
Regione Puglia,
Maria Paciolla,
Assessorato alla Sanità e Servizi Sociali della Regione Puglia,
Coordinatore del Settore Sanità,
Azienda Unità Sanitaria Locale BR/1,
Felicia Galietti et,
Azienda Unità Sanitaria Locale BA/4,
Madia Evangelina Magrì,
Azienda Unità Sanitaria Locale BA/1,
Azienda Unità Sanitaria Locale BA/3 (C-10/02),
u
Grazia Berardi et,
Lucia Vaira et,
vs
Azienda Unità Sanitaria Locale BA/4,
Angelo Michele Cea,
Scipione De Mola,
Francesco d'Argento,
Azienda Unità Sanitaria Locale FG/2,
Antonella Battista et,
Nicola Brunetti et,
Azienda Unità Sanitaria Locale BA/3,
Azienda Unità Sanitaria Locale FG/3,
Erasmo Fiorentino (C-11/02),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts, S. von Bahr u K. Schiemann (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta' Marzu 2004,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal A. Fascicolo et, minn G. Monacis, avvocato,
– għal E. De Benedictis et, minn A. Loiodice, I. Lagrotta u N. Grasso, avvocati,
– għal G. Berardi et, minn M. Langiulli, avvocato,
– għal L. Vaira et, minn L. d'Ambrosio u L. Ferrara, avvocati,
– għar-Regione Puglia, minn A. Sisto, avvocato,
– għall-Azienda Unità Sanitaria Locale BA/1, minn D. Caruso, avvocato,
– għall-Azienda Unità Sanitaria Locale BA/3, minn G. D'Innella, V. A. Pappalepore u M. de Stasio, avvocati,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Aresu u M. Patakia, bħala aġenti,
wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta ta' l-1 ta' April 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Iż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/16/KEE, tal-5 ta' April 1993, biex tiffaċilita l-moviment liberu tat-tobba u r-rikonoxximent tad-diplomi, ċertifikati u provi oħra ta' kwalifiki formali tagħhom (ĠU L 165, p. 1), kif emendata l-aħħar darba mid-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/46/KE, tal-21 ta' Mejju 1999 (ĠU L 139, p. 25, aktar 'il quddiem id-"Direttiva 93/16"), dispożizzjoni li ssostitwiet l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/457/KEE, tal-15 ta' Settembru 1986, dwar taħriġ speċifiku fil-prattika medika ġenerali (ĠU L 267, p. 26).
2 Dawn iż-żewġ talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta' żewġ serji ta' kawżi bejn, l-ewwel nett, G. Berardi et u L. Vaira et kontra l-Azienda Unità Sanitaria Locale BA/4 et (C-11/02) u, it-tieni nett, A. Fascicolo et u E. De Benedictis et kontra r-Regione Puglia et (C-10/02), fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet amministrattitiv differenti ta' dan ir-reġjun, għas-sena 1998 u għas-sena 1999, rispettivament, għal dak li jikkonċerna l-għoti, fil-kuntest tas-sistema nazzjonali tas-saħħa, ta' postijiet ta' tobba ġenerali f'żoni fejn hemm nuqqas ta' dawn it-tobba.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Id-Direttiva 93/16 tikkodifika d-direttivi differenti li jikkonċernaw il-kwalifiki tat-tobba, b'mod partikolari d-Direttiva 86/457.
4 Skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/16, kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi d-diplomi, iċ-ċertifikati u provi oħra ta' kwalifiki formali mogħtija liċ-ċittadini ta' l-Istati Membri minn Stati Membri oħra, skond l-Artikolu 23 ta' din l-istess direttiva u elenkati fl-Artikolu 3 ta' l-imsemmija direttiva billi, għal dak li jikkonċerna l-aċċess għall-attivitajiet ta' tabib u l-eżerċizzju ta' dawn l-attivitajiet, jagħtihom l-istess effett fit-territorju tiegħu bħalma jagħti lid-diplomi, ċertifikati u provi oħra ta' kwalifiki formali maħruġa minnu.
5 L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 93/16 jiddikjara, bħala regola ġenerali, li kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi bħala prova tajba biżżejjed, għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri li d-diplomi, iċ-ċertifikati u l-provi l-oħra ta' kwalifiki formali l-oħra tagħhom li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti minimi ta' taħriġ kollha previsti fl-Artikolu 23 ta' din l-istess direttiva, id-diplomi, iċ-ċertifikati u l-provi l-oħra ta' kwalifiki formali l-oħra maħruġa minn dawn l-Istati Membri meta jirrikonoxxu taħriġ li beda qabel id-dati msemmija fl-imsemmi Artikolu 9(1), li jkunu akkumpanjati minn ċertifikat li jiddikjara li dawn iċ-ċittadini jkunu effettivament u legalment iddedikaw lilhom infushom għall-attivitajiet in kwistjoni għal ta' l-inqas tliet snin konsekuttivi matul il-ħames snin preċedenti għall-ħruġ taċ-ċertifikat.
6 L-Artikolu 30 tad-Direttiva 93/16 jipprovdi li kull Stat Membru li ma joffri fit-territorju tiegħu t-taħriġ komplut li jiddetermina l-aċċess għall-attivitajiet tat-tobba u l-eżerċizzju tagħhom skond l-Artikolu 23 ta' din l-istess direttiva, għandu jistabbilixxi taħriġ speċifiku fil-mediċina ġenerali li ta' l-inqas jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 31 u 32 ta' l-imsemmija direttiva, b'tali mod li l-ewwel diplomi, ċertifikati u provi oħra ta' kwalifiki formali li jiċċertifikaw tali taħriġ ikunu maħruġa sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 1990.
7 L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 93/16, dispożizzjoni li tissostitwixxi l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 86/457, billi tirrepeti l-kliem tiegħu, jipprovdi li:
"Mill-1 ta’ Jannar 1995, u suġġett għad-drittijiet [kweżiti] li hi tkun irrikonoxxiet, kull Stat Membru għandu jagħmel l-eżerċizzju ta’ tabib ġenerali taħt l-iskema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali tiegħu b'kundizzjoni fuq il-pussess ta’ diploma, ta’ ċertifikat jew ta’ prova oħra ta’ kwalifiki formali kif imsemmi fl-Artikolu 30."
8 Fir-rigward ta' l-Artikolu 36(2) li ssostitwixxa l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 86/457, li essenzjalment jirrepeti l-kliem tiegħu, jipprovdi li:
"Kull Stat Membru għandu jispeċifika d-drittijiet [kweżiti] li hu jirrikonoxxi. Madankollu, għandu jirrikonoxxi d-dritt li wieħed jagħmel ix-xogħol ta’ tabib ġenerali ta' l-iskema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali mingħajr id-diploma, iċ-ċertifikat jew l-prova l-oħra ta’ kwalifika formali li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 30 bħala miksuba minn dawk it-tobba kollha li fil-31 ta’ Diċembru 1994 kellhom dan id-dritt skond l-Artikoli 1 sa 20 u li huma stabbiliti fit-territorju tiegħu f’dik id-data bis-saħħa tal-artikolu 2 jew 9(1)".
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
9 Id-Direttiva 86/457 ġiet trasposta fis-sistema legali Taljana permezz tad-digriet leġiżlattiv nru 256, tat-8 ta' Awwissu 1991 (GURI nru 191, tas-16 ta' Awwissu 1991, aktar 'il quddiem id-"digriet leġiżlattiv nru 256/91"). L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2 ta' din id-direttiva jistabbilixxi, bħala regola ġenerali, li, mill-1 ta' Jannar 1995, il-pussess taċ-ċertifikat ta' taħriġ speċifiku fil-mediċina ġenerali huwa l-kwalifika neċessarja għall-finijiet ta' l-eżerċizzju ta' l-attività korrispondenti fil-kuntest tas-sistema nazzjonali tas-saħħa.
10 Madankollu, skond l-Artikolu 6 tad-digriet leġiżlattiv nru 256/91, id-dritt li tiġi eżerċitata l-mediċina ġenerali huwa rikonoxxut ukoll fir-rigward tat-tobba li kellhom, fil-kuntest tas-sistema nazzjonali tas-saħħa, id-dritt li jeżerċitaw, fil-31 ta' Diċembru 1994, l-attività professjonali bħala tobba ġenerali, jiġifieri kellhom awtorizzazzjoni meqjusa bħala ekwivalenti għall-imsemmi ċertifikat (aktar 'il quddiem il-"kwalifika ekwivalenti").
11 Fit-territorju Taljan, l-eżerċiżżju tal-professjoni ta' tabib bħala tabib ġenerali rikonoxxut uffiċjalment mis-sistema nazzjonali tas-saħħa, huwa rregolat, bis-saħħa ta' l-Artikolu 8(1) tad-digriet leġiżlattiv nru 502, tat-30 ta' Diċembru 1992 (GURI nru 305, tat-30 ta' Diċembru 1992), kif emendat mid-digriet leġiżlattiv nru 517, tas-7 ta' Diċembru 1993 (GURI nru 293, tal-15 ta' Diċembru 1993), minn ftehim kollettivi nazzjonali li għandhom jiġu rriveduti kull tliet snin.
12 Il-ftehim kollettiv nazzjonali fis-seħħ fid-data li fiha seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali (aktar 'il quddiem il-"ftehim kollettiv") sar eżekuttiv permezz tad-digriet tal-President tar-Repubblika nru 484, tat-22 ta' Lulju 1996 (GURI nru 220 tad-19 ta' Settembru 1996, p. 1). Skond dan il-ftehim:
– il-proċedura intiża sabiex jimtlew il-postijiet vakanti għandha tibda bil-pubblikazzjoni, f'kull reġjun, tal-lista reġjonali unika li fiha jitniżżlu t-tobba, ikklassifikati skond sistema ta' punti kkalkulati skond l-Artikolu 3 ta' l-istess ftehim (Artikolu 2 ta' dan il-ftehim);
– sabiex jiġu stabbiliti l-listi u jiġu kklassifikati t-tobba, għandhom jingħataw tnax-il punt għaċ-ċertifikat ta' taħriġ fil-mediċina ġenerali bħala kwalifika akkademika. Barra minn hekk, bħala kwalifika ta' servizz, il-persuna kkonċernata tingħata 0.20 punt għal kull xahar ta' attività bħala tabib fis-servizz tas-saħħa inkarigat minn kuri bażiċi. Jistgħu jiġu akkwistati punti supplementari minħabba ċerti attivitajiet partikolari eżerċitati bħala tabib ġenerali (Artikolu 3(1) tal-ftehim kollettiv).
13 Għal dak li jikkonċerna l-għoti tal-postijiet fiż-żoni li fihom hemm nuqqas ta' tobba biex jipprovdu servizzi tas-saħħa bażiċi u nuqqas ta' servizzi medikali permanenti, il-ftehim kollettiv jipprovdi wkoll li:
– l-Aziende Sanitarie Locali (awtoritajiet lokali pubbliċi tas-saħħa) għandhom jirriżervaw perċentwali varjabbli ta' 20 sa 40% ta' l-imsemmija postijiet għat-tobba li għandhom ċertifikat ta' taħriġ bħala tabib ġenerali msemmi fl-Artikolu 2 tad-digriet leġiżlattiv nru 256/91 u perċentwali varjabbli li tikkorrispondi għal 80 sa 60% favur it-tobba li għandhom kwalifika ekwivalenti (Artikolu 3(6) tal-ftehim kollettiv). Fil-każ li dan il-ftehim ma jiġix imġedded fil-ħin, huwa previst li, għas-sena ta' wara, kwota ekwivalenti għal 50% tal-postijiet li għandhom jimtlew tiġi allokata għal kull waħda miż-żewġ kategoriji ta' tobba (dispożizzjoni finali nru 5 ta' l-imsemmi ftehim);
– il-lista tal-postijiet li għandhom jimtlew, għal kull stabbiliment, hija ddeterminata billi jiġu miżjuda mal-punti miksuba mill-kandidat fuq il-lista reġjonali msemmija fl-Artikolu 2 tad-digriet leġiżlattiv nru 256/91 in-numru ta' punti mogħtija għall-fatt li l-kandidat ikollu r-residenza tiegħu fir-reġjun kif ukoll in-numru ta' punti mogħtija minħabba li l-kandidat ikollu r-residenza tiegħu fiż-żona fejn ikun hemm nuqqas ta' tobba (Artikolu 20(6) tal-ftehim kollettiv).
14 Permezz tar-riżoluzzjoni nru 1245 tal-kunsill reġjonali, tad-29 ta' April 1998 (BURP nru 46, tal-15 ta' Mejju 1998), ir-Regione Puglia ddeċieda li, għas-sena 1998, 40% tal-postijiet intiżi sabiex jassiguraw li jkun hemm tobba fiż-żoni fejn kien hemm nuqqas tagħhom u tal-postijiet li ma kinux mimlija kellhom jingħataw lit-tobba li jkollhom iċ-ċertifikat ta' taħriġ fil-mediċina ġenerali u 60% tal-postijiet kellhom jiġu allokati lit-tobba li kellhom kwalifiki ekwivalenti. Għas-sena 1999, il-perċentwali tal-postijiet irriżervati għat-tobba taż-żewġ kategoriji ġew mibdula b'tali mod illi, għal kull waħda minnhom, il-perċentwali tal-postijiet allokati kienet ta' 50%.
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
15 Il-kawżi prinċipali li jirriżultaw mill-fatt li, għal dak li jikkonċerna l-postijiet li jistgħu jiġu mimlja fiż-żoni fejn hemm nuqqas ta' tobba, ċerti tobba li, filwaqt li kellhom iċ-ċertifikat ta' taħriġ speċifiku fil-mediċina ġenerali msemmi fl-Artikolu 2 tad-digriet leġiżlattiv nru 256/91, fil-31 ta' Diċembru 1994, kellhom ukoll id-dritt li jipprattikaw il-mediċina taħt l-iskema tas-sigurtà soċjali nazzjonali, ippruvaw japplikaw kemm għall-postijiet li kienu rriżervati għat-tobba li kellhom l-imsemmi ċertifikat kif ukoll għal dawk riservati għal tobba li kellhom kwalifika ekwivalenti. Barra minn hekk, dawn it-tobba ppruvaw jiksbu t-tnax-il punt mogħti lil dawk li kellhom l-imsemmi ċertifikat, anke meta kienu qed jikkompetu għall-kwota tal-postijiet irriżervati għal dawk li kellhom il-kwalifika msemmija aktar 'il fuq.
16 Ir-Regione Puglia l-ewwel iddeċieda li, għalkemm it-tobba li kellhom kemm iċ-ċertifikat ta' taħriġ speċifiku fil-mediċina ġenerali u d-dritt, fil-31 ta' Diċembru 1994, li jeżerċitaw il-professjoni medika taħt l-iskema tas-sigurtà soċjali nazzjonali setgħu jipparteċipaw fiż-żewġ kwoti, dawn madankollu ma kellhomx id-dritt, jekk jiddeċiedu li jikkompetu għall-kwota tal-postijiet irriżervati għat-tobba bi kwalifika ekwivalenti, li jsostnu li kellhom jieħdu t-tnax-il punt li jikkorrispondu għall-fatt li wieħed ikollu l-imsemmi ċertifikat. Għalhekk huwa jordna lil dawn l-awtoritajiet lokali pubbliċi tas-saħħa sabiex, għal dak li jikkonċerna l-proċeduri li jirrigwardaw is-sena 1998, huma jnaqqsu t-tnax-il punt li qabel kienu ġew mogħtija lil dawn it-tobba.
17 Billi aġixxew skond l-istruzzjonijiet tar-Regione Puglia, l-imsemmija awtoritajiet għaldaqstant irrifjutaw, fil-kuntest tal-kwoti rriżervati għat-tobba bi kwalifika ekwivalenti, li jagħtu lill-kandidati biż-żewġ kwalifiki msemmija aktar 'il fuq jagħtuhom it-tnax-il punt mogħtija lil dawk li kellhom iċ-ċertifikat ta' taħriġ.
18 Kien sabiex jikkontestaw xi deċiżjonijiet ta' uħud minn dawn l-awtoritajiet, fosthom l-Azienda Unità Sanitaria Locale BA/4, li G. Berardi et u L. Vaira et ippreżentaw rikorsi quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Puglia filwaqt li sostnew li l-imsemmija deċiżjonijiet kienu illegali peress li kienu ġew adottati bi ksur u wara applikazzjoni żbaljata ta' l-Artikoli 2, 3 u 20 tal-ftehim kollettiv.
19 Il-qorti tar-rinviju, peress li kienet imsejħa sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità tal-pożizzjoni adottata mir-Regione Puglia, fil-bidu kkonkludiet li t-tobba li għandhom żewġ kwalifiki kellhom dritt li jikkompetu għall-postijiet kollha rriżervati, iżda li huma ma setgħux jiġu mogħtija t-tnax-il punt mogħtija lil dawk b'ċertifikat ta' taħriġ meta kienu qed jikkompetu għall-postijiet irriżervati għal dawk bi kwalifiki ekwivalenti.
20 Sadanittant, il-Consiglio di Stato (L-Italja) iddeċieda, permezz ta' deċiżjoni nru 1407, tal-15 ta' Marzu 2000 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni tal-Consiglio di Stato"), fuq appell imressaq kontra deċiżjoni ta' tribunal reġjonali amministrattiv ieħor, li t-tobba li għandhom jiġu nnominati sabiex jimlew il-postijiet fiż-żoni fejn hemm nuqqas ta' tobba għandhom jintgħażlu minn lista reġjonali unika, anke jekk ikun previst li, sabiex jingħataw dawn il-postijiet, żewġ kwoti distinti għandhom jiġu rriżervati favur it-tobba b'ċertifikat ta' taħriġ fil-mediċina ġenerali u t-tobba bi kwalifika ekwivalenti, rispettivament, u, barra minn hekk, li t-tobba ta' l-ewwel kategorija li, fil-31 ta' Diċembru 1994 kellhom ukoll id-dritt li jipprattikaw il-mediċina ġenerali taħt is-sistema tas-saħħa nazzjonali, jistgħu jikkompetu għaż-żewġ kwoti ta' postijiet, bir-riżultat li, skond il-Consiglio di Stato, hemm lok li, f'dan il-każ, dawn jingħataw it-tnax-il punt kollha previsti fl-Artikolu 3(1) tal-ftehim kollettiv, peress li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ ma tagħmilx distinzjoni bejn il-kwalifiki f'dan ir-rigward.
21 Fid-dawl ta' din id-deċiżjoni, ir-Regione Puglia ddeċieda li jibdel il-pożizzjoni preċedenti tiegħu u li ma jibqax jirrifjuta li jieħu in kunsiderazzjoni t-tnax-il punt mogħtija lil dawk li kellhom iċ-ċertifikat ta' taħriġ fil-mediċina ġenerali għall-proċeduri fir-rigward tas-sena 1999. L-awtoritajiet pubbliċi tas-saħħa ta' l-imsemmi reġjun għalhekk adottaw dan il-metodu ġdid kif jallokaw il-postijiet għal tobba f'żoni fejn hemm nuqqas tagħhom. Madankollu, il-proċedura għas-sena 1998 baqgħet ma ġietx mibdula.
22 Kien sabiex jikkontestaw din il-pożizzjoni ġdida adottata mir-Regione Puglia u l-miżuri meħuda konsegwentement mill-awtoritajiet lokali pubbliċi tas-saħħa li A. Fascicolo et u E. De Benedictis et, tobba bil-kwalifika ekwivalenti biss, ukoll ressqu rikors quddiem il-qorti tar-rinviju. Huma jsostnu, essenzjalment, li l-parteċipazzjoni tat-tobba awtorizzati li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom qabel l-1 ta' Jannar 1995 u li għandhom ċertifikat ta' taħriġ speċifiku għal mediċina ġenerali fiż-żewġ kwoti ta' postijiet irriżervati , li, barra minn hekk, jingħataw in-numru ta' punti previst għall-kisba ta' l-imsemmi ċertifikat, twassal sabiex tirrendi prattikament impossibbli l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' ekwivalenza stabbilit mid-Direttivi 86/457 u 93/16.
23 Fir-rigward taż-żewġ serji ta' kawżi ppreżentati quddiemha, il-qorti tar-rinviju taqbel mat-teżi tal-Consiglio di Stato li t-tobba li għandhom ċertifikat ta' taħriġ fil-mediċina ġenerali jistgħu japplikaw għall-postijiet kollha rriżervati li għandhom jimtlew fiż-żoni li għandhom nuqqas ta' tobba. Madankollu, hija ma tistax taċċetta l-pożizzjoni tal-Consiglio di Stato għal dak li jikkonċerna l-għoti tat-tnax-il punt lill-imsemmija tobba, meta dawn jikkompetu fil-kwota tal-postijiet irriżervati għat-tobba li għandhom kwalifika ekwivalenti. Dwar dan l-aħħar punt, hija tikkunsidra li d-deċiżjoni tal-Consiglio di Stato tidher li tinjora l-fatt li, fid-Direttivi 86/457 u 93/16, il-leġiżlatur Komunitarju qies denju li jiġi protett id-dritt kweżit li tiġi eżerċitata l-attività ta' tabib ġenerali minn tabib mingħajr diploma, ċertifikat jew prova oħra ta' kwalifika fil-mediċina ġenerali, li kellu dan id-dritt fil-31 ta' Diċembru 1994, u b'dan eskluda l-possibbiltà li ssir distinzjoni ġerarkika bejn iż-żewġ kategoriji ta' tobba.
24 F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per la Puglia ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja t-tliet domandi preliminari segwenti, li huma fformulati bl-istess mod fiż-żewġ deċiżjonijiet tar-rinviju:
"(1) L-awtorizzazzjoni miksuba sal-31 ta' Diċembru 1994 għandha, skond l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 86/457/KEE u l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 93/16/KEE, tiġi kkunsidrata, għall-finijiet ta' l-eżerċizzju ta' l-attività ta' tabib ġenerali, bħala ekwivalenti għall-kisba taċ-ċertifikat ta' taħriġ speċifiku fil-mediċina ġenerali?
(2) Il-kisba taċ-ċertifikat ta' taħriġ fil-mediċina ġenerali tippermetti lill-Istati Membri li, mill-1 ta' Jannar 1995, fuq il-bażi ta' l-imsemmija dispożizzjonijiet Komunitarji, jagħtu lit-tobba li, sal-31 ta' Diċembru 1994, kellhom ukoll l-awtorizzazzjoni li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom, kundizzjonijiet aktar favorevoli fir-rigward ta' l-aċċess tagħhom għal numru akbar ta' postijiet irriżervati minn dawk li jkollhom aċċess għalihom persuni li jkollhom waħda jew l-oħra mill-kwalifiki?
(3) F'każ ta' risposta pożittiva għad-domanda preċedenti u fid-dawl tar-regoli dwar id-drittijiet kweżiti, il-kundizzjoni deskritta aktar 'il fuq tippermetti lill-Istati Membri li jagħtu lit-tobba in kwistjoni trattament jerġa' aktar speċjali permezz ta' l-għoti kull darba ta' numru ta' punti addizzjonali minħabba l-kisba taċ-ċertifikat ta' taħriġ fil-mediċina ġenerali?"
25 Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Frar 2002, il-kawżi C-10/02 u C-11/02 ġew maqgħuda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali kif ukoll tas-sentenza.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
26 Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk l-awtorizzazzjoni miksuba qabel l-1 ta' Jannar 1995 sabiex persuna teżerċita l-attività ta' tabib ġenerali taħt is-sistema nazzjonali tas-saħħa għandhiex, bis-saħħa ta' l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 93/16, tiġi kkunsidrata, għall-finijiet ta' l-eżerċizzju ta' tali attività, bħala ekwivalenti għall-kisba taċ-ċertifikat ta' taħriġ speċifiku fil-mediċina ġenerali.
27 Mhuwiex ikkonstestat li l-pussess ta' waħda jew l-oħra miż-żewġ kwalifiki msemmija fil-punt preċedenti huwa kundizzjoni minima għall-eżerċizzju ta' l-attività ta' tabib ġenerali. Madankollu, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda hija essenzjalment intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sistema nazzjonali applikabbli f'dan il-każ sabiex jiġu mimlija postijiet ta' tobba taħt is-sistema nazzjonali tas-saħħa hijiex kompatibbli ma' l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 93/16, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li, taħt din is-sistema, il-kandidati li għandhom ċertifikat ta' taħriġ speċifiku fil-mediċina ġenerali u dawk li għandhom biss kwalifika ekwivalenti, m'għandhomx neċessarjament, għal dak li jikkonċerna l-allokazzjoni tal-postijiet in kwistjoni, l-istess possibbiltajiet li jirnexxu.
28 Huwa tajjeb li mill-bidu nett jiġi kkonstatat li l-Artikoli 30 sa 41 tad-Direttiva 93/16 huma intiżi sabiex jarmonizzaw il-kundizzjonijiet minimi ta' ħruġ ta' diplomi, ċertifikati u provi oħra ta' kwalifiki formali li jiċċertifikaw it-taħriġ speċifiku fil-mediċina ġenerali, sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tat-tobba (l-għoxrin sat-tlieta u għoxrin premessa ta' din id-direttiva). Konformement ma' dan l-għan, l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 36(1) ta' din id-direttiva jeħtieġ, suġġett għad-drittijiet kweżiti, li l-eżerċizzju ta' l-attivitajiet ta' tabib bħala tabib ġenerali taħt l-iskema nazzjonali tas-sigurtà soċjali jkun suġġett għall-pussess ta' tali diploma, ċertifikat jew kwalifika oħra li tiċċertifika l-imsemmi taħriġ speċifiku.
29 Huwa f'dan il-kuntest li l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 93/16 jippreċiża li "[k]ull Stat Membru għandu jispeċifika d-drittijiet [kweżiti] li hu jirrikonoxxi. Madankollu, għandu jirrikonoxxi d-dritt li wieħed jagħmel ix-xogħol ta’ tabib ġenerali ta' l-iskema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali … bħala miksuba minn dawk it-tobba kollha li fil-31 ta’ Diċembru 1994 kellhom dan id-dritt skond l-Artikoli 1 sa 20 u li huma stabbiliti fit-territorju tiegħu f’dik id-data bis-saħħa tal-artikolu 2 jew 9(1)."
30 Din id-dispożizzjoni tirrikonoxxi li kull Stat Membru għandu s-setgħa diskrezzjonali sabiex jiddetermina d-drittijiet kweżiti, setgħa li tkun suġġetta għal kundizzjoni waħda biss, jiġifieri li kull Stat Membru jirrikonoxxi d-dritt kweżit tat-tobba li, għalkemm ma kellhomx diploma ta' tabib ġenerali, ibbenefikaw, qabel l-1 ta' Jannar 1995, mir-rikonoxximent, f'dan l-Istat Membru, ta' l-effetti tad-diplomi, ċertifikati jew provi oħra ta' kwalifiki formali maħruġa favur tagħhom fi Stat Membru u li hemmhekk kisbu, qabel din id-data wkoll, id-dritt li jeżerċitaw l-attivitajiet ta' tabib bħala tabib ġenerali taħt is-sistema nazzjonali tas-sigurtà soċjali (ara s-sentenza tas-16 ta' Ottubru 1997, Garofalo et, C-69/96 sa C-79/96, Ġabra p I‑5603, punti 29 u 30).
31 Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett li, kif jirriżulta mill-kliem tiegħu, l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 93/16 ma jeħtieġx li l-Istati Membri jagħtu l-istess valur lid-drittijiet kweżiti u lill-kisba taċ-ċertifikat ta' taħriġ speċifiku fil-mediċina ġenerali. Il-kundizzjoni minima stabbilita f'din id-dispożizzjoni, li tikkonċerna l-kategorija tat-tobba li għandhom jiġu rikonoxxuti bħala li għandhom drittijiet kweżiti, ma tippruvax tippreċiża l-iskop tal-protezzjoni li għandha tingħata lil dawn id-drittijiet mill-Istat Membru kkonċernat.
32 It-tieni nett, din il-kundizzjoni hija intiża sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom tobba li bbenefikaw mil-libertà ta' stabbiliment assigurata mid-direttivi Komunitarji u li, qabel l-1 ta' Jannar 1995, akkwistaw dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom ta' tabib ġenerali taħt l-iskema tas-sigurtà soċjali ta' l-Istat Membru ospitanti jiġu pprivati minn dan id-dritt peress li ma jkollhomx id-diplomi, iċ-ċertifikati u l-provi oħra ta' kwalifiki formali l-ġodda previsti mid-Direttiva 93/16 (ara s-sentenza Garofalo et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 31).
33 Għalhekk, huwa biżżejjed li jiġi osservat, anke jekk l-imsemmija kundizzjoni tista', meta jkun hemm aspett transkonfini bħal dan, teżiġi li tingħata protezzjoni aktar estiża lid-drittijiet kweżiti, f'dan il-każ, kif ġie kkonfermat fis-seduta, il-kawżi mressqa quddiem il-qorti nazzjonali jikkonċernaw biss sitwazzjonijiet ta' natura purament interna.
34 F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi fatt li, minħabba l-karatteristiċi tas-sistema nazzjonali applikabbli sabiex jimtlew il-postijiet ta' tobba fiż-żoni fejn hemm nuqqas tagħhom, dawk li jkollhom ċertifikat ta' taħriġ speċifiku fil-mediċina ġenerali, minn naħa, u dawk li jkollhom biss kwalifika ekwivalenti, min-naħa l-oħra, ma kellhomx, għal dak li jikkonċerna l-allokazzjoni ta' l-imsemmija postijiet, l-istess possibbiltajiet ta' suċċess ma jiksirx l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 93/16.
35 Fid-dawl ta' dak li ngħad preċedentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 93/16 ma jimponix obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jikkunsidraw, għal dak li jikkonċerna l-aċċess għall-postijiet ta' tobba ġenerali, l-awtorizzazzjoni miksuba qabel l-1 ta' Jannar 1995 sabiex tiġi eżerċitata l-attività ta' tabib ġenerali taħt is-sistema nazzjonali tas-saħħa bħala ekwivalenti għall-kisba taċ-ċertifikat ta' taħriġ speċifiku fil-mediċina ġenerali.
Fuq it-tieni u t-tielet domandi
36 Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 93/16 jipprekludix lill-Istati Membri milli jipprovdu lit-tobba li għandhom kemm iċ-ċertifikat ta' taħriġ fil-mediċina ġenerali u l-awtorizzazzjoni, fil-31 ta' Diċembru 1994, sabiex jeżerċitaw l-attivitajiet ta' tabib ġenerali taħt is-sistema nazzjonali tas-saħħa:
– riżerva ta' postijiet akbar minn dik rikonoxxuta għat-tobba li jkollhom l-imsemmi ċertifikat jew għat-tobba awtorizzati li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom, rispettivament, billi jitħallew jikkompetu f'dawn iż-żewġ kategoriji ta' postijiet irriżervati fl-istess waqt;
– trattament li jerġa' huwa aktar favorevoli billi jagħtuhom, meta jikkompetu għall-kwota ta' postijiet irriżervati għat-tobba awtorizzati li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom sal-31 ta' Diċembru 1994, in-numru ta' punti addizzjonali mogħtija minħabba l-kisba taċ-ċertifikat imsemmi aktar 'il fuq.
37 Skond G. Berardi et u L. Vaira et, l-obbligu msemmi fl-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 93/16, jiġifieri li jiġi rikonoxxut id-dritt li jeżerċitaw l-attività ta' tobba ġenerali fil-każ tat-tobba li joriġinaw minn Stati Membri oħra, li huma stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti u li kienu awtorizzati jeżerċitaw il-professjoni tagħhom qabel l-1 ta' Jannar 1995 bħala tobba ġenerali, mhuwiex affettwat mis-sistema tal-postijiet irriżervati.
38 Barra minn hekk, l-imsemmija rikorrenti jsostnu li huwa leġittimu li l-kandidati li huma "kkwalifikati doppjament" jiġu offerti kwoti akbar ta' postijiet. L-isforzi kollha ddedikati għall-kisba ta' l-imsemmi ċertifikat jiġġustifikaw il-fatt li dan iċ-ċertifikat jingħata valur akbar minn dak rikonoxxut għall-perijodu ekwivalenti ta' prattika medika. Barra minn hekk, kieku t-tnax-il punt addizzjonali ma kinux jingħataw għal tali kisba, dawk li għandhom dan iċ-ċertifikat ikunu żvantaġġati meta mqabbla ma' dawk li, minflok ħadu t-taħriġ meħtieġ ta' sentejn, ipprattikaw il-mediċina u, b'dan il-mod, ġabru l-punti ta' l-esperjenza addizzjonali.
39 B'dan l-istess mod, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tikkunsidra li, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni s-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-Istati Membri sabiex jiddeterminaw d-drittijiet kweżiti, la r-regoli dettaljati għall-parteċipazzjoni tat-tobba li għandhom biss l-awtorizzazzjoni sabiex jeżerċitaw il-professjoni tagħhom miksuba qabel l-1 ta' Jannar 1995 fil-kompetizzjonijiet pubbliċi għall-aċċess ta' l-iskema tas-sigurtà soċjali ta' Stat Membru, la l-kwoti li jistgħu jiġu rriżervati għalihom u lanqas l-punti li jiġu mogħtija fil-proċeduri ta' selezzjoni ma jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 93/16.
40 Min-naħa l-oħra, E. De Benedictis et isostnu li, mill-1 ta' Jannar 1995, l-Istati Membri ma jistgħux jagħtu lit-tobba li jkollhom iċ-ċertifikat ta' taħriġ fil-mediċina ġenerali u li, sal-31 ta' Diċembru 1994, kisbu wkoll l-awtorizzazzjoni sabiex jeżerċitaw il-professjoni tagħhom bħala tobba ġenerali, kundizzjonijiet favorevoli fir-rigward ta' l-aċċess għal numru akbar ta' postijiet irriżervati minn dawk li jkollhom aċċess għalihom persuni li jkollhom waħda jew l-oħra mill-kwalifiki, rispettivament.
41 Kif ġie kkonstatat fil-punt 30 ta' din is-sentenza, is-setgħa mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 93/16 li jiddeterminaw id-drittijiet kweżiti hija suġġetta biss għal kundizzjoni waħda, li tirrigwarda biss it-tobba li, peress li jkunu għamlu użu mid-dritt tagħhom tal-moviment liberu, ikunu akkwistaw id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom ta' tabib ġenerali fil-kuntest ta' l-iskema tas-sigurtà soċjali ta' l-Istat Membru ospitanti. Skond l-għan tal-leġiżlatur Komunitarju (ara l-punt 28 ta' din is-sentenza), din il-kundizzjoni għalhekk ma tistax tikkonċerna s-sitwazzjonijiet li ma jippreżentawx elementi ta' transkonfini.
42 Konsegwentement, f'sitwazzjonijiet purament interni bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Istat Membru ospitanti jibqa' liberu li jiddetermina l-iskop tad-drittijiet kweżiti.
43 F'dan ir-rigward, huwa minnu li – safejn il-ġustifikazzjoni nazzjonali għall-istabbiliment, f'dan il-każ, taż-żewġ kwoti separati ta' postijiet, waħda għal dawk li b'ċertifikat ta' taħriġ fil-mediċina ġenerali, l-oħra għal dawk bi kwalifika ekwivalenti, hija bbażata fuq xewqa li jiġu protetti d-drittijiet kweżiti ta' din l-aħħar kategorija ta' tobba – jekk kategorija ta' tobba jitħallew japplikaw għaż-żewġ kwoti ta' postijiet fl-istess waqt il-konsegwenza tkun li l-protezzjoni mogħtija lil dawk li jkollhom biss kwalifika ekwivalenti tiġi mnaqqsa. Madankollu, leġiżlazzjoni bħal din ma tistax, fiha nfisha, tikser l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 93/16, dispożizzjoni li, fis-sitwazzjonijiet purament interni, tħalli lill-Istati Membri l-libertà li jiddeterminaw id-drittijiet kweżiti.
44 Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-fatt li, meta jikkompetu għall-postijiet irriżervati għal dawk li, fil-31 ta' Diċembru 1994, kienu awtorizzati jeżerċitaw l-attività ta' tabib ġenerali fil-kuntest tas-sistema nazzjonali ta' sigurtà soċjali, it-tobba jiġu mogħtija l-punti addizzjonali mogħtija minħabba l-kisba taċ-ċertifikat ta' taħriġ fil-mediċina ġenerali lanqas jikser l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 93/16.
45 Fid-dawl ta' dak li ngħad preċedentement, ir-risposta għat-tieni u t-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 93/16 ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jipprovdu għat-tobba li għandhom iċ-ċertifikat ta' taħriġ fil-mediċina ġenerali u l-awtorizzazzjoni, fil-31 ta' Diċembru 1994, sabiex jeżerċitaw l-attivitajiet ta' tabib ġenerali taħt is-sistema nazzjonali tas-saħħa:
– riżerva ta' postijiet akbari minn dik rikonoxxuta għat-tobba li jkollhom l-imsemmi ċertifikat jew għat-tobba awtorizzati li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom, rispettivament, billi jitħallew jikkompetu f'dawn iż-żewġ kategoriji ta' postijiet irriżervati fl-istess waqt;
– trattament li jerġa' huwa aktar favorevoli billi jagħtuhom, meta jikkompetu għall-kwota ta' postijiet irriżervati għat-tobba awtorizzati li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom sal-31 ta' Diċembru 1994, in-numru ta' punti addizzjonali mogħtija minħabba l-kisba taċ-ċertifikat imsemmi aktar 'il fuq.
Fuq l-ispejjeż
46 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) L-Artikolu 36(2) tad-Direttiva tal-Kunsill, tal-5 ta' April 1993, biex tiffaċilita l-moviment liberu tat-tobba u r-rikonoxximent tad-diplomi, ċertifikati u provi oħra ta' kwalifiki formali tagħhom, ma jimponix obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jikkunsidraw, għal dak li jikkonċerna l-aċċess għall-postijiet ta' tobba ġenerali, l-awtorizzazzjoni miksuba qabel l-1 ta' Jannar 1995 sabiex tiġi eżerċitata l-attività ta' tabib ġenerali taħt is-sistema nazzjonali tas-saħħa bħala ekwivalenti għall-kisba taċ-ċertifikat ta' taħriġ speċifiku fil-mediċina ġenerali.
2) L-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 93/16/KEE ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jipprovdu għat-tobba li għandhom iċ-ċertifikat ta' taħriġ fil-mediċina ġenerali u l-awtorizzazzjoni, fil-31 ta' Diċembru 1994, sabiex jeżerċitaw l-attivitajiet ta' tabib ġenerali taħt is-sistema nazzjonali tas-saħħa:
– riżerva ta' postijiet akbar minn dik rikonoxxuta għat-tobba li jkollhom l-imsemmi ċertifikat jew għat-tobba awtorizzati li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom, rispettivament, billi jitħallew jikkompetu f'dawn iz-żewġ kategoriji ta' postijiet irriżervati fl-istess waqt;
– trattament li jerġa' huwa aktar favorevoli billi jagħtuhom, meta jikkompetu għall-kwota ta' postijiet irriżervati għat-tobba awtorizzati li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom sal-31 ta' Diċembru 1994, in-numru ta' punti addizzjonali mogħtija minħabba l-kisba taċ-ċertifikat imsemmi aktar 'il fuq.
Firem.
** Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy