SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
7 ta' Ottubru 2004 (*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttivi 75/442/KEE u 91/689/KEE – Kunċett ta' kwantità ta' skart – Eżenzjoni mill-obbligu ta' ksib ta' permess"
Fil-kawża C-103/02,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-20 ta' Marzu 2002,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn R. Wainwright u R. Amorosi, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I.M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, A. Rosas u S. von Bahr (Relatur), R. Silva de Lapuerta u K. Lenaerts, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M . Poiares Maduro,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta' Mejju 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, bl-adozzjoni tad-Digriet, tal-5 ta' Frar 1998, dwar l-identifikazzjoni ta' l-iskart mhux perikoluż suġġett għall-proċeduri semplifikati ta' rkupru fis-sens ta' l-Artikoli 31 u 33 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22 tal-5 ta' Frar 1997, li,
– bi ksur ta' l-Artikolu 10 u tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta' Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠU L 194, p. 39), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE tat-18 ta' Marzu 1991 (ĠU L 78, p.32, iktar 'il quddiem id-"Direttiva 75/442"), jippermetti lill-istabbilimenti u impriżi li jirkupraw l-iskart mhux perikoluż li jkunu eżentati mill-obbligu ta' ksib ta' permess, mingħajr ma din l-eżenzjoni tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet: 1) relattivi għall-iffissar minn qabel tal-kwantità massima ta' skart u 2) previsti mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442, li jikkonċernaw il-kwantitajiet ta' skart ittrattat mill-istabbilimenti li huma eżentati mill-ħtieġa tal-permess,
– bi ksur ta' l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 75/442, ma jiddefinixxix b'mod preċiż it-tipi ta' skart koperti mill-eżenzjoni mill-ħtieġa ta' permess u, konsegwentement, jippermetti f'ċerti każi, bi ksur ukoll ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 fuq skart perikoluż (ĠU L 377, p. 20), lill-istabbilimenti jew impriżi li jirkupraw ċerti tipi ta' skart perikoluż li jiġu eżentati minn dan l-obbligu abbażi ta' kriterji anqas stretti previsti għall-iskart mhux perikoluż, minħabba n-nuqqas ta' ċarezza u ta' preċiżjoni tad-Digriet in kwistjoni,
– bi ksur ta' l-Artikoli 9 u 11, moqrija fid-dawl ta' l-Artikolu 1(e) u (f) tad-Direttiva 75/442, u ta' l-Annessi II A u II B tagħha, emendati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350/KE ta' l-24 ta' Mejju 1996 (ĠU L 135, p. 32), jiddefinixxi ċerti attivitajiet ta' rimi bħala attivitajiet ta' "irkupru ambjentali", u b'hekk jippermetti lill-istabbilimenti u impriżi li jagħmlu xogħlijiet ta' rimi li mhumiex xogħlijiet ta' rimi ta' l-iskart tagħhom stess fil-postijiet ta' produzzjoni, li jkunu jistgħu jiġu eżentati mill-obbligu ta' ksib ta' permess bl-istess mod bħal li kieku kienu jagħmlu xogħlijiet ta' rkupru,
ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 1, 9, 10 u 11 tad-Direttiva 75/442 u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/689.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
Id-Direttiva 75/442
2 Id-Direttiva 75/442 għandha l-għan li tiżgura r-rimi u l-irkupru ta' l-iskart kif ukoll li tinkoraġixxi l-adozzjoni ta' miżuri intiżi sabiex jirrestrinġu l-produzzjoni ta' l-iskart, b'mod partikolari bil-promozzjoni ta' teknoloġiji nodfa u ta' prodotti li jistgħu jiġu rriċiklati u użati mill-ġdid.
3 L-Artikolu 1 ta' l-imsemmija Direttiva jiddefinixxi, inter alia, x'għandhom ifissru "skart", "rimi" u "irkupru".
4 Skond l-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva:
"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw illi l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr l-użu ta’ proċessi jew ta’ metodi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent, u b’mod partikolari:
– mingħajr riskju għall-ilma, l-arja, il-ħamrija u l-pjanti u l-annimali,
– mingħajr ma jikkawżaw irritazzjoni permezz tal-ħsejjes u bl-irwejjaħ,
– mingħajr ma jaffettwaw ħażin il-kampanja u l-postijiet ta’ interess speċjali.
L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprojbixxu l-abbandun, it-tfigħ u r-rimi mhux ikkontrollat ta’ l-iskart."
5 L-Artikoli 9 sa 11 tad-Direttiva 75/442 jistabilixxu l-każijiet fejn ikun meħtieġ permess mill-awtoritajiet kompetenti għax-xogħlijiet ta' rimi u għal dawk ta' rkupru ta' l-iskart. Dawn ix-xogħlijiet jinsabu rispettivament fl-Annessi II A u II B ta' din id-Direttiva, kif emendati bid-Deċiżjoni 96/350.
6 L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 75/442 jipprovdi li, għall-għanijiet ta' l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 4 ta' l-imsemmija Direttiva, kull stabbiliment jew impriża li jwettqu x-xogħlijiet ta' rimi previsti fl-Anness II A ta' din l-istess Direttiva għandhom jiksbu permess mingħand l-awtorità kompetenti.
"Dan il-permess għandu jkopri:
- it-tipi u l-kwantitajiet ta’ l-iskart,
- il-ħtiġiet tekniċi,
- il-prekawzjonijiet tas-sigurtà li jridu jittieħdu,
- il-post tar-rimi,
- il-metodu tat-trattament."
7 Skond l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 75/442:
"Il-permessi jistgħu jingħataw għal perjodu speċifikat ta’ żmien, jistgħu jiġġeddu, jistgħu ikunu soġġetti għal kundizzjonijiet u obbligi, jew, [b'mod partikolari], jekk il-metodu maħsub għar-rimi ma jkunx aċċettabbli mil-lat tal-ħarsien ta’ l-ambjent, jistgħu jiġu rrifjutati."
8 L-Artikolu 10 ta' din id-Direttiva, relattiv għax-xogħlijiet ta' rkupru previsti fl-Anness II B tagħha, jipprovdi:
"Għall-għan[i]jiet ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 4, kull stabbiliment jew impriża li jwettqu x-xogħlijiet imsemmija fl-Anness II B iridu jiksbu permess."
9 L-Artikolu 11 ta' l-imsemmija Direttiva jipprovdi għall-possibbiltà ta' eżenzjoni mill-ħtieġa ta' permess li tapplika għall-iskart kollu minbarra l-iskart perikoluż li huwa s-suġġett ta' dispożizzjonijiet partikolari:
"1. […] jistgħu jiġu eżentati mill-ħtieġa tal-permess impost bl-Artikolu 9 jew bl-Artikolu 10:
a) l-istabbilimenti jew l-impriżi li jwettqu huma stess ir-rimi ta’ l-iskart minn fuq il-post tal-produzzjoni;
u
b) l-istabbilimenti jew l-impriżi li jwettqu l-irkupru ta’ l-iskart.
Din l-eżenzjoni tista’ tapplika biss:
– jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu adottaw ir-regoli ġenerali għal kull tip ta’ attività li tippreskrivi t-tipi u l-kwantitajiet ta’ l-iskart u l-kundizzjonijiet li fuqhom l-attività in kwistjoni tista’ tiġi eżentata mill-ħtiġiet ta’ permess,
u
– jekk it-tipi [jew i]l-kwantitajiet ta’ l-iskart u l-metodi tar-rimi jew ta’ l-irkupru huma tali li l-kundizzjonijiet imposti bl-Artikolu 4 jiġu mħarsa.
2. L-istabbilimenti jew l-impriżi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rreġistrati ma’ l-awtoritajiet kompetenti.
3. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bir-regoli ġenerali adottati skond il-paragrafu 1."
Id-Direttiva 91/689
10 Id-Direttiva 91/689 fuq skart perikoluż tipprovdi fl-Artikolu 3(1) u (2) tagħha:
"1. Id-deroga msemmija fl-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 75/442/KEE għall-ħtieġa ta' permess għal stabbilimneti jew impriżi li jiddisponu huma stess mill-iskart tagħhom m'għandhiex tapplika għal skart perikoluż kopert minn din id-Direttiva.
2. B'mod konformi ma’ l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 75/442/KEE, Stat Membru jista’ [jidderoga] fuq l-Artikolu 10 ta' dik id-Direttiva għal stabbilimenti jew impriżi li [jirkupraw] l-iskart kopert minn din id-Direttiva:
– jekk l-Istat Membru jadotta regoli ġenerali li jelenkaw it-tipi u l-kwalità ta' l-iskart [ikkonċernat] u jwaqqfu kundizzjonijiet speċifiċi (valuri ta' limiti tal-kontenut ta' sustanzi perikolużi fl-iskart, valuri limiti ta' emissjonijiet, tip ta' attività) u ħtiġiet oħra neċessarji biex jitwettqu forom differenti ta' [irkupru], u
– jekk it-tipi jew kwantitajiet ta' skart u metodi ta' [irkupru] huma tali li l-kundizzjonijiet [previsti] fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442/KEE ikunu mħarsa."
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
11 Id-Digriet tal-Ministero dell'Ambiente, tal-5 ta' Frar 1998, dwar l-identifikazzjoni ta' l-iskart mhux perikoluż suġġett għall-proċeduri semplifikati ta' rkupru fis-sens ta' l-Artikoli 31 u 33 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22 tal-5 ta' Frar 1997 (suppliment ordinarju Nru 72 għall-GURI Nru 88 tas-16 ta' April 1998, iktar 'il quddiem "id-Digriet") jittrasponi d-Direttivi 91/156 u 91/689 fl-ordinament ġuridiku nazzjonali.
12 L-Artikolu 5(1) ta' l-imsemmi Digriet, intitolat "Irkupru ambjentali" jipprovdi:
"L-attivitajiet ta' rkupru ambjentali definiti fl-Anness 1 jikkonsistu fir-riabilitazzjoni ta' żoni degradati, għal finijiet produttivi jew soċjali, permezz ta' miżuri ta' rimodellament morfoloġiku."
13 L-Artikolu 7 ta' l-istess Digriet, intitolat "Kwantitajiet", jipprovdi dan li ġej:
"1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti speċifikament fl-Annessi, il-kwantitajiet massimi annwali ta' skart li jistgħu jintużaw fil-kuntest ta' l-attivitajiet ta' rkupru regolati minn dan id-Digriet jiġu determinati mill-kapaċità annwali ta' trattament ta' l-installazzjoni li fiha tiġi mwettqa l-attività, wara t-tnaqqis tal-materja prima eventwalment użata, filwaqt li jiġi żgurat li l-attività ma toħloq ebda periklu għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.
[…]
2. F'dak li jirrigwarda l-attivitajiet ta' rkupru ta' enerġija previsti fl-Anness 2, il-kwantità massima ta' skart hija definita skond il-valur kalorifiku ta' l-iskart, is-saħħa termika nominali ta' l-installazzjoni li fiha tiġi mwettqa l-operazzjoni ta' rkupru ta' enerġija u t-tul ta' żmien ta' funzjonament stmat għal kull installazzjoni ta' rkupru.
3. Il-kwantitajiet ta' skart li kull sena huma destinati għall-irkupru għandhom jiġu indikati fl-avviż tal-bidu ta' attività, fejn jiġi speċifikat li l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu sejrin jiġu osservati."
Il-proċedura prekontenzjuża
14 Permezz ta' ittra ta' intimazzjoni tat-28 ta' Frar 2000, il-Kummissjoni għarrfet lill-awtoritajiet Taljani li, bl-adozzjoni tad-Digriet, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha mill-Artikoli 1, 9, 10 u 11 tad-Direttiva 75/442 u mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/689.
15 Il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani, skond l-Artikolu 226 KE, sabiex jibgħatulha l-eventwali osservazzjonijiet tagħhom f'terminu ta' xahrejn minn meta jirċevu l-ittra ta' intimazzjoani.
16 Dawn l-awtoritajiet irrispondew permezz ta' żewġ ittri, datati t-3 u s-26 ta' Mejju 2000 rispettivament.
17 Peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li r-risposti mogħtija mill-awtoritajiet Taljani fuq ċerti punti ma kinux sodisfaċenti, hija bagħtet opinjoni motivata lill-Gvern Taljan fil-11 ta' April 2001, fejn stednitu jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu f'terminu ta' xahrejn min-notifika tagħha.
18 L-awtoritajiet Taljani rrispondew permezz ta' ittra tas-17 ta' Awissu 2001.
19 Peress li ma kinitx sodisfatta b'din ir-risposta, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
Fuq l-ewwel ilment, relattiv għall-kwantitajiet massimi ta' skart li jistgħu jiġu eżentati mill-obbligu ta' ksib ta' permess
L-argumenti tal-partijiet
20 Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 7 tad-Digriet jikser id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11 tad-Direttiva 75/442 safejn dan ma jistabbilixxix kwantità massima ta' skart destinat għall-irkupru li jista' jiġi eżentat mill-obbligu ta' ksib ta' permess iżda li, għall-kuntrarju, jipprovdi għal kwantità relattiva skond il-kapaċità annwali ta' trattament ta' kull installazzjoni kkonċernata.
21 L-interpretazzjoni tar-Repubblika Taljana tippreġudika l-għan tal-ħarsien ta' saħħet il-bniedem u ta' l-ambjent previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442, peress li tippermetti lill-impriżi ta' rkupru li jkunu eżentati mill-obbligu ta' ksib ta' permess minkejja li dawn jittrattaw kwantitajiet konsiderevoli ta' skart. Tali interpretazzjoni ċċaħħad lill-proċedura ordinarja għall-ksib ta' permess minn kull applikazzjoni prattika.
22 Il-Gvern Taljan isostni, min-naħa tiegħu, li l-Istati Membri mhumiex obbligati li jistabbilixxu kwantitajiet massimi assoluti. Il-kliem ta' l-Artikolu 11 tad-Direttiva 75/442 ma jinkludi ebda dispożizzjoni espressa f'dan is-sens.
23 Dan il-Gvern isostni, bil-kontra ta' dan, li, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 11(1), fuq imsemmi, sabiex l-eżenzjoni tkun applikabbli, huwa biżżejjed li tiġi sodisfatta waħda miż-żewġ kundizzjonijiet li jidhru rispettivament f'kull wieħed miż-żewġ inċiżi ta' l-imsemmi paragrafu. Skond it-tieni kundizzjoni, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu t-tipi jew il-kwantitajiet ta' skart ikkonċernat sabiex jiggarantixxu r-rispett tal-ħtiġiet ta' ħarsien ta' saħħet il-bniedem u ta' l-ambjent previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442. Il-kelma "jew" fil-frażi "it-tipi [jew i]l-kwantitajiet ta' l-iskart" issostni din l-analiżi.
24 Meta din il-kundizzjoni tkun sodisfatta, u għalhekk il-ħtiġiet previsti fl-artikolu 4 ta' l-imsemmija Direttiva jkunu rrispettati, ma jkunx meħtieġ li tiġi sodisfatta wkoll l-ewwel kundizzjoni prevista fl-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 11 ta' l-istess Direttiva. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jikkostitwixxu żewġ ipoteżijiet distinti u għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati bħala alternattivi, għad-diskrezzjoni ta' l-Istati Membri, u mhux kumulattivi.
25 Il-Gvern Taljan jenfasizza li d-dispożizzjonijiet tad-Digriet kollha kemm huma u, b'mod partikolari, dawk dwar id-determinazzjoni tal-kwantitajiet massimi relattivi, għandhom bħala għan li jilħqu livell għoli ta' ħarsien ta' l-ambjent u jilħqu dan il-għan aħjar milli kieku kellhom jistabbilixxu kwantità massima assoluta. Skond dan il-Gvern, l-impossibbiltà għall-installazzjonijiet ta' kapaċità kbira li jirkupraw iktar skart mil-limitu assolut u l-obbligu li jarmuh, imorru saħansitra kontra l-prinċipji ġenerali tad-Direttiva 75/442.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
26 Sabiex jiġi determinat jekk ir-Repubblika Taljana applikatx id-Direttiva 75/442 b'mod korrett, għandu jiġi vverifikat jekk din ta' l-aħħar timponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu kwantitajiet massimi assoluti ta' skart destinat għall-irkupru li jista' jkun is-suġġett ta' eżenzjoni mill-ħtieġa ta' permess jew jekk l-Istati Membri jistgħux jipprovdu għal kwantitajiet relattivi skond il-kapaċità ta' trattament ta' kull installazzjoni. Għal dan il-għan, għandu jiġi eżaminat il-kliem stess tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 75/442.
27 L-ewwel nett, mill-kliem użat f'din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-eżenzjoni mill-obbligu ta' ksib ta' permess tapplika sakemm ikunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet. Peress li kull waħda mill-kundizzjonijiet hija preċeduta minn daxx u peress li ż-żewġ kundizzjonijiet huma marbutin permezz tal-konġunzjoni "u", mhemm l-ebda dubju, bil-kontra ta' dak li jsostni l-Gvern Taljan, li ż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi u mhux alternattivi
28 It-tieni nett, għandha tiġi definita l-portata ta' l-obbligu li tiġi stabbilita kwantità, li jidher fl-ewwel kundizzjoni, peress li dan huwa impost fuq l-Istati Membri bl-istess mod bħat-tieni kundizzjoni.
29 Din l-ewwel kundizzjoni tipprovdi espressament li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jadottaw, għal kull tip ta' attività, regoli li jistabbilixxu "t-tipi u l-kwantitajiet ta’ l-iskart u l-kundizzjonijiet" li fuqhom l-attività in kwistjoni tista’ tiġi eżentata mill-ħtieġa ta’ permess.
30 Għalkemm ma jintużawx espressament il-kliem "kwantitajiet massimi assoluti", mill-kliem stess użat fid-dispożizzjoni jirriżulta li l-kunċett ta' 'kwantità' jirreferi għal limitu ogħla applikabbli għal kull tip ta' skart, li lil hinn minnu x-xogħlijiet ta' irkupru ma jibbenefikawx mis-sistema ta' eżenzjoni iżda għandhom jiġu suġġetti għall-ksib ta' permess.
31 Barra minn dan, l-istruttura tad-Direttiva 75/442, kollha kemm hi, tiffavorixxi din l-interpretazzjoni. Fil-fatt din id-Direttiva tistabilixxi proċedura ordinarja li tinvolvi l-obbligu ta' ksib tal-permess imsemmi fl-Artikoli 9 u 10 tagħha. Bil-fatt li jipprovdi eżenzjoni mill-obbligu taħt ċertu kundizzjonijiet, l-Artikolu 11 tagħha jistabbilixxi proċedura semplifikata. Din ta' l-aħħar, li hija ta' natura derogatorja, għandha tkun kemm jista' jkun sempliċi sabiex tiġi applikata u vverifikata, u dan ma jkunx il-każ jekk il-kwantitajiet ta' skart ikunu jistgħu ivarjaw skond kull installazzjoni.
32 L-argument tal-Gvern Taljan, li jgħid li d-dispożizzjonijiet tad-Digriet jilħqu l-għan ta' ħarsien ta' l-ambjent aħjar minn dawk previsti mid-Direttiva 75/442, mhuwiex relevanti.
33 Kif kienet diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu li tiġi assigurata l-effettività sħiħa ta' direttiva, konformement ma' l-għan tagħha, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jiġu eżentati milli jadottaw miżuri ta' traspożizzjoni meta dawn iqisu li d-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom ikunu aħjar mid-dispożizzjonijiet Komunitarji in kwistjoni u li r-regoli nazzjonali huma, għalhekk, aħjar sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta' l-għan li d-direttiva tfittex li tilħaq. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta' regoli nazzjonali tista' biss tagħmel superfluwa t-traspożizzjoni permezz ta' miżuri leġiżlattivi jew regolamentari speċifiċi jekk, b'mod partikolari, dawn ir-regoli jiggarantixxu effettivament l-applikazzjoni sħiħa tad-direttiva mill-awtoritajiet nazzjonali (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta' April 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-194/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39). Għalhekk, f'dan il-każ, l-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw mir-regoli li timponi d-Direttiva 75/442 billi jissostitwixxu l-kwantitajiet massimi għal kull tip ta' skart li jista' jiġi rkuprat mingħajr il-ħtieġa ta' permess, bi kwantitajiet relattivi skond il-kapaċità ta' kull installazzjoni ta' rkupru.
34 Barra minn hekk, ikun żbaljat li wieħed isostni, kif jagħmel il-Gvern Taljan, li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tmur kontra l-għan tad-Direttiva safejn din ikollha bħala konsegwenza li l-installazzjonijiet il-kbar ikunu jistgħu jirkupraw biss kwantità żgħira ta' skart li tikkorrispondi mal-kwantitajiet massimi u li huma jkollhom jarmu l-kumplament. Fil-fatt, xejn ma jwaqqaf lil dawn l-impriżi milli jirkupraw kwantitajiet ta' skart ikbar minn dawn il-kwantitajiet massimi sakemm jagħmlu dan taħt is-sistema tal-permessi.
35 Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, billi fid-Digriet ma stabbilietx kwantitajiet massimi ta' skart, għal kull tip ta' skart, li jista' jiġi rkuprat taħt is-sistema ta' eżenzjoni mill-ħtieġa ta' permess, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha mill-Artikoli 10 u 11(1) tad-Direttiva 75/442.
Fuq it-tieni lment, relattiv għal definizzjoni impreċiża tat-tipi ta' skart koperti mill-eżenzjoni mill-ħtieġa ta' awtorizazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
36 Il-Kummissjoni tressaq żewġ ilmenti: l-ewwel nett, ċerti titoli tar-regoli tekniċi li jinsabu fl-Annessi 1 u 2 tad-Digriet jiddefinixxu t-tipi ta' skart b'mod vag ħafna; it-tieni nett, il-kodiċi tal-Katalgu ta' Skart Ewropew, iktar 'il quddiem "il-kodiċi KSE", ma jiġux iċċitati sikwit, jew meta jiġu ċċitati, ma jikkorrispondux mad-definizzjoni mogħtija fit-titoli tar-regoli tekniċi. Minn dan jirriżulta li ċertu skart perikoluż jista' jkun inkluż fil-kategorija ta' l-iskart mhux perikoluż, u dan jippermetti li l-istabbilimenti u l-impriżi li jittrattawh jiġu eżentati mill-obbligu ta' ksib ta' permess billi jużaw il-kriterji anqas stretti previsti għall-iskart mhux perikoluż.
37 Il-Kummissjoni tispjega l-ilment tagħha billi ssemmi tliet każijiet.
38 L-ewwel nett, il-Kummissjoni tindika, bħala eżempju, li r-regola teknika 5.9 li tinsab fl-Anness 1 tad-Digriet, dwar "biċċiet ta' kejbil tal-fibra ottika miksija tat-tip dielettriku, semidielettriku u metalliku", ma ssemmi ebda kodiċi KSE.
39 It-tieni nett, ir-regola teknika 7.8, li tinsab fl-Anness 1 tad-Digriet, u li tirreferi għal "skart ta' materjal refrattorju, skart ta' materjal refrattorju li ġej minn fran għal proċessi ta' temperatura għolja", hija akkumpanjata minn serje ta' kodiċi KSE li ma tippermettix li jiġi stabbilit jekk il-materjal ta' kisi użat, li ġej minn proċessi metallurġiċi ta' l-aluminju, jaqgħux jew le taħt din ir-regola u toħloq konfużjoni bejn l-iskart mhux perikoluż u l-iskart perikoluż.
40 Fl-aħħar nett, ir-regola teknika 3.10, li tidher fl-Anness 1 tad-Digriet, dwar "batteriji ta' l-ossidu tal-fidda użati" għandha l-kodiċi KSE żbaljat 160605, li jikkorrispondi għall-kategorija "batteriji oħrajn u akkumulaturi", inkluża fil-kategorija ta' skart mhux perikoluż, minflok m'għandha, minħabba l-kontenut ta' merkurju, il-kodiċi KSE 160603 li jirreferi għall-"ċelloli niexfa tal-merkurju" li għalhekk taqa' taħt il-kategorija ta' l-iskart perikoluż. Il-Kummissjoni tosserva, f'dan ir-rigward, li t-titolu tal-kodiċi 160603 ġie emendat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE tat-3 ta' Mejju 2000 (ĠU L 226, p. 3) li daħħlet ir-referenza "batteriji li fihom il-merkurju".
41 Il-Gvern Taljan isostni li t-tliet każijiet eżaminati mill-Kummissjoni huma każijiet iżolati u li minn dawn il-każijiet il-Kummissjoni inġustament u b'mod ġenerali ppreżumiet li hemm nuqqas ta' definizjoni jew definizjoni żbaljata tat-tipi ta' skart koperti mill-eżenzjoni mill-ħtieġa ta' permess.
42 F'dak li jirrigwarda r-regola teknika 3.10 dwar il-batteriji ta' l-ossidu tal-fidda użati, il-Gvern Taljan isostni li d-deskrizzjoni tar-regola u l-kodiċi KSE li ġie mogħti lilha għandhom jinqraw flimkien ma' l-eżami tal-provenjenza u tal-karatteristiċi kimiċi u fiżiċi ta' l-iskart innifsu. F'dan il-każ partikolari, l-għoti lill-iskart in kwistjoni tal-kodiċi KSE assenjat lill-iskart mhux perikoluż jikkorrispondi perfettament mal-karatteristiċi kimiċi u fiżiċi indikati fid-Digriet, jiġifieri, "kisi ta' l-azzar li fih ossidi u/jew imluħ tal-fidda li jaqbżu l-1%, żingu
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
43 Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tallega b'mod ġenerali li r-Repubblika Taljana ma ddefinietx b'eżattezza t-tipi ta' skart mhux perikoluż destinati li jiġu rkuprati taħt is-sistema tal-proċedura semplifikata. Ir-regoli tekniċi relattivi għal dawn it-tipi ta' skart jissemmew b'mod vag ħafna u l-kodiċi KSE tħallew barra jew ġew iċċitati ħażin. Il-Kummissjoni ssostni l-ilment tagħha billi tirreferi għal tliet regoli tekniċi.
44 F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummisjoni tiċċita biss tliet każijiet speċifiċi u ma tressaq ebda prova li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika l-fondatezza ta' l-ilment safejn dan jirrigwarda r-regoli tekniċi kollha li jinsabu fid-Digriet. L-eżami ta' l-ilment għandu għalhekk ikun illimitat għat-tliet każijiet iċċitati.
45 F'dak li jirrigwarda r-regola teknika 5.9, għandu jiġi osservat li l-Gvern Taljan l-ewwel nett indika lill-Kummissjoni, b'risposta għall-ittra ta' intimazzjoni u għall-opinjoni motivata tagħha, li kien beħsiebu jdaħħal kodiċi KSE u t-tieni nett, fir-risposta tad-difiża tiegħu, indika li l-kodiċi KSE kienu ġew adottati skond id-Deċiżjoni 2000/532/KE.
46 Anke jekk il-Gvern Taljan isostni li l-kodiċi KSE li huwa adotta huma intiżi sabiex jirriflettu l-kodiċi previsti fid-Deċiżjoni 2000/532, li magħhom l-Istati Membri kellhom jikkonformaw ruħhom sa mhux iktar tard mill-1 ta' Jannar 2002, jiġifieri f'data li tiġi wara l-fatti li għalihom jirreferi l-ilment, għandu jiġi kkonstatat li dan il-Gvern ma ċaħadx li kellu jadotta kodiċi KSE għall-iskart in kwistjoni qabel din id-data, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 75/442.
47 Għandu jiġi kkonstatat li, peress li meta skada t-terminu preskritt fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika Taljana kienet għadha ma allokatx kodiċi KSE lir-regola 5.9, in-nuqqas li l-Kummissjoni tallega fir-rigward ta' din ir-regola huwa ppruvat.
48 Dwar l-ilment tal-Kummissjoni fuq ir-regola teknika 7.8, ikun biżżejjed li jiġi rilevat li l-Gvern Taljan indika fir-risposta tad-difiża tiegħu li l-kodiċi KSE applikati kellhom jiġu emendati mill-iktar fis possibbli. Minn dan isegwi li l-Gvern Taljan ma kkontestax in-nuqqas ta' konformità tal-kodiċi applikati mal-ħtiġiet tad-Direttiva 75/442 u għandu jiġi kkonstatat in-nuqqas allegat mill-Kummissjoni fir-rigward ta' din ir-regola.
49 It-tielet każ iċċitat jirrigwarda r-regola teknika 3.10. F'dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li l-Gvern Taljan ma rrispondiex għad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-batteriji in kwistjoni kien fihom il-merkurju. Huwa sempliċement sostna li d-deskrizzjoni tal-karatteristiċi tekniċi tal-prodott li tinsab fid-Digriet ma ssemmix il-merkurju, u skondu, dan jiġġustifika l-applikazzjoni tal-kodiċi KSE li jikkorrispondi għal skart mhux perikoluż.
50 Għandu jiġi kkonstatat li, safejn il-batteriji in kwistjoni kien fihom il-merkurju, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li dan kien skart perikoluż u li l-iktar kodiċi KSE xieraq kien il-kodiċi 160603 applikabbli għaċ-ċelloli niexfa tal-merkurju u mhux il-kodiċi 160605 li jikkorrispondi għal batteriji oħrajn u akkumulaturi li jaqgħu fil-kategorija ta' skart mhux perikoluż. Madankollu, kienet il-Kummissjoni li kellha ġġib il-prova li l-batteriji in kwistjoni kien fihom il-merkurju, ħaġa li ma tirriżultax mid-dokumenti mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fin-nuqqas ta' tali provi, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment tal-Kummissjoni li jirrigwarda r-regola 3.10.
51 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ddefinietx b'mod preċiż it-tipi ta' skart relattivi għar-regoli tekniċi 5.9 u 7.8 ta' l-Anness 1 tad-Digriet, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha mill-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 75/442 u mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/689.
Fuq it-tielet ilment, relattiv għad-definizzjoni ta' ċerti attivitajiet ta' rimi bħala attivitajiet ta' rkupru
L-argumenti tal-partijiet
52 Il-Kummissjoni tallega li r-Repubblika Taljana ppreżentat xogħlijiet ta' rimi bħala xogħlijiet ta' rkupru u b'hekk kisret l-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva 75/442, dwar is-sistema ta' ksib ta' permess, moqrija fid-dawl ta' l-Artikolu 1(e) u (f) ta' l-istess Direttiva u ta' l-Annessi II A u II B tagħha li jiddefinixxu dawn ix-xogħlijiet.
53 Ix-xogħlijiet in kwistjoni huma msemmijin fl-Artikolu 5 tad-Digriet. Huma intiżi għar-riabilitazzjoni ta' żoni degradati għal finijiet produttivi jew soċjali, permezz ta' miżuri ta' rimodellament morfoloġiku u jinkludu l-irdim ta' miżbliet.
54 Il-Kummissjoni tikkunsidra li x-xogħlijiet assoċjati mar-riabilitazzjoni taż-żoni degradati għal finijiet produttivi jew soċjali, permezz ta' miżuri ta' rimodellament morfoloġiku, ġew ikklassifikati ħażin fil-kategorija R 10 ta' l-Anness II B tad-Direttiva 75/442. Din il-kategorija tkopri t-tifrix fuq l-art li jirriżulta ta' benefiċċju għall-biedja jew f'titjib ekoloġiku u, skond il-Kummissjoni, tirreferi pjuttost għall-użu ta' ħama fil-biedja.
55 F'dak li jikkonċerna x-xogħlijiet ta' rdim ta' miżbliet, li jikkonsistu sempliċement fit-tqegħid ta' skart fuq skart li diġà jkun hemm, il-Kummissjoni ssostni li dawn ma jikkostitwixxux attivitajiet ta' riċiklaġġ jew ta' rkupru fil-veru sens tal-kelma, li jistgħu jaqgħu taħt il-punt R 5 ta' l-Anness II B tad-Direttiva 75/442, kif ikklassifikathom b'mod ħażin ir-Repubblika Taljana. Skond il-Kummissjoni, l-irdim ta' miżbliet jaqa' fl-ambitu tal-punt D 1 ta' l-Anness II A ta' l-istess Direttiva, relattiv għal xogħlijiet ta' rimi u li jkopri t-"tfigħ fuq l-art jew taħtha (p.e. radam ('landfill'), eċċ.)"
56 Il-Gvern Taljan isostni, min-naħa l-oħra, li l-klassifikazzjoni fil-kategorija R 10 "tifrix fuq l-art li jirriżulta ta' benefiċċju għall-biedja jew f'titjib ekoloġiku" ta' xogħlijiet ta' "irkupru ambjentali" hija korretta. Dawn ta' l-aħħar huma intiżi għar-riabilitazzjoni ta' l-ambjent u għalhekk jaqgħu effettivament taħt din il-kategorija. Ir-riabilitazzjoni ta' l-ambjent m'għandhiex tiġi konfuża ma' xogħol ta' rimi.
57 Dwar l-"irdim ta' miżbliet", il-Gvern Taljan jenfasiżża li, bħall-"irkupru ambjentali", dan ix-xogħol mhuwiex xogħol ta' rimi iżda attività ta' riabilitazzjoni vera u proprja.
58 Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tqis, fid-dawl tal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq id-differenza bejn "irkupru" u "rimi", li ċerti mizuri ta' rimodellament morfoloġiku previsti fl-Artikolu 5 tad-Digriet jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt il-kategorija R 10.
59 Min naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li l-użu ta' skart u ta' ħama tat-tħaffir, li jista' jkun fihom sa 50 kg kull tunnellata ta' idrokarburi u 300 kg kull tunnellata ta' diżil jew żejt kemmxejn tossiku li jikkorrispondu għar-regoli tekniċi 7.14 u 7.15 ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala rkupru ambjentali.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
60 Għandu jiġi rilevat, kif jirriżulta mir-replika tal-Kummissjoni, li din qed iżżomm ferm l-ilment tagħha biss f'dak li jirrigwarda l-użu ta' skart u ta' ħama tat-tħaffir li jikkorrispondu għar-regoli tekniċi 7.14 u 7.15 tad-Digriet. Skondha, l-użu ta' dan l-iskart ma jikkostitwixxix xogħlijiet ta' rkupru iżda xogħlijiet ta' rimi.
61 Il-Kummissjoni ma tindikax ir-raġuni preċiża li għaliha hija qed iżżomm ferm l-ilment tagħha fir-rigward ta' dan l-iskart u tillimita ruħha li tindika li dan fih kwantitajiet għoljin ta' idrokarburi jew ta' diżil u żejt kemmxejn tossiku. B'dan il-mod, il-Kummissjoni donnha tikkunsidra li l-iskart in kwistjoni fih sustanzi perikolużi li jipprekluduh milli jintuża għal finijiet ta' rkupru.
62 Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet li l-fatt li skart ikun, jew ma jkunx, perikoluż, mhuwiex bħala tali kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni ta' jekk xogħol ta' trattament ta' skart għandux jiġi kkwalifikat bħala "irkupru" fis-sens ta' l-Artikolu 1(f) tad-Direttiva 75/442. Il-karatteristika essenzjali ta' xogħol ta' rkupru ta' skart tinsab fil-fatt li l-għan prinċipali tiegħu jkun li l-iskart ikun jista' jintuża b'mod utli, billi jieħu post l-użu ta' materjali oħra li kien ikollhom jintużaw għal dan il-għan, u dan jippermetti li r-riżorsi naturali jiġu ppreżervati (sentenza tas-27 ta' Frar 2002, ASA, C-6/00, Ġabra p. I-1961, punti 68 u 69).
63 Minn dan isegwi li s-sempliċi fatt li l-iskart in kwistjoni fih idrokarburi, diżil jew żejt kemmxejn tossiku fi kwantitajiet għoljin ma jipprekludix li dan jista' jintuża għal finijiet ta' rkupru.
64 Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni ammettiet li ċerti xogħlijiet ta' riabilitazzjoni ta' l-ambjent u ta' rdim ta' miżbliet jistgħu jiġu kkunsidrati bħala xogħlijiet ta' rkupru b'mod partikolari għall-finijiet tar-regola teknika 4.4. L-attivitajiet previsti mir-regoli tekniċi 7.14 u 7.15 huma deskritti b'mod identiku jew kważi identiku għal xogħlijiet bħal dawn.
65 Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ppruvatx li r-Repubblika Taljana kienet ikklassifikat ħażin xogħlijiet ta' rimi bħala xogħlijiet ta' rkupru ta' skart u t-tielet ilment tagħha għandu jiġi miċhud kollu kemm hu.
Fuq l-ispejjeż
66 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skond l-Artikolu 69(3) ta' dawn l-istess Regoli, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. F'dan il-każ, peress li kull parti tilfet parzjalment, għandu jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi fid-Digriet tal-5 ta' Frar 1998, dwar l-identifikazzjoni ta' l-iskart mhux perikoluż suġġett għall-proċeduri semplifikati ta' rkupru fis-sens ta' l-Artikoli 31 u 33 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 22 tal-5 ta' Frar 1997, ma stabbilietx kwantitajiet massimi ta' skart, għal kull tip ta' skart, li jista' jiġi rkuprat taħt is-sistema ta' eżenzjoni mill-ħtieġa ta' permess, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha mill-Artikoli 10 u 11(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta' Lulju 1975 dwar l-iskart, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE tat-18 ta' Marzu 1991.
2) Billi ma ddefinietx b'mod preċiż it-tipi ta' l-iskart relattivi għar-regoli tekniċi 5.9 u 7.8 ta' l-Anness 1 ta' l-imsemmi Digriet, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha mill-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 75/442, kif emendata, u mill-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 fuq skart perikoluż.
3) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
4) Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy