SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
14 ta' April 2005 (*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Regolamenti (KEE) Nru 2913/92 u Nru 2454/93 – Tranżitu Komunitarju estern – Awtoritajiet doganali – Proċeduri intiżi għall-ġbir tad-dazji tad-dħul – Termini – Nuqqas ta' osservanza – Riżorsi proprji tal-Komunitajiet – Tqegħid għad-dispożizzjoni – Terminu – Nuqqas ta' osservanza – Interessi għal dewmien – Stat Membru kkonċernat – Nuqqas ta' ħlas"
Fil-kawża C-104/02,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-20 ta' Marzu 2002,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Wilms, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn W.‑D. Plessing u R. Stüwe, bħala aġenti, assistiti minn D. Sellner, Rechtsanwalt,
konvenuta,
sostnuta
mir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn A. Snoecx, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
parti intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Schintgen u J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: M.‑F. Contet, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta' Mejju 2004,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta' Lulju 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:
– billi qiegħdet ir-riżorsi proprji tagħha għad-dispożizzjoni tal-Komunità meta kien tard wisq, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1214/92, tal-21 ta' April 1992, dwar dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni kif ukoll miżuri ta' semplifikazzjoni tas-sistema tat-tranżitu Komunitarju (ĠU L 132, p. 1), jew taħt l-Artikolu 379 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta' Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, p. 1, aktar 'il quddiem ir-"regolament ta' applikazzjoni"), moqrija flimkien ma' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/89, tad-29 ta' Mejju 1989, dwar l-implementazzjoni tad-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom dwar is-sistema ta' riżorsi [proprji] tal-Komunitajiet (ĠU L 155, p. 1),
– skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89, fir-rigward tal-perijodu sal-31 ta' Mejju 2000 u skond l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1150/2000 (KE, EURATOM), tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi [proprji] tal-Komunitajiet (ĠU L 130, p. 1), fir-rigward tal-perijodu ta' wara l-31 ta' Mejju 2000, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija obbligata tħallas lill-baġit Komunitarju interessi dovuti fil-każ ta' dewmien fir-reġistrazzjoni fil-kotba tal-kontijiet.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt doganali Komunitarju
2 Regolamenti differenti, għalkemm fis-sustanza identiċi, kienu suċċessivament applikabbli matul il-perijodu bejn l-1 ta' Jannar 1993 u l-31 ta' Diċembru 1996, li dwaru jitratta dan ir-rikors.
3 Fir-rigward tas-sistema tat-tranżitu Komunitarju, matul is-sena 1993, kienu japplikaw ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2726/90, tas-17 ta' Settembru 1990, dwar it-tranżitu Komunitarju (ĠU L 262, p. 1) u r-Regolament Nru 1214/92, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3712/92, tal-21 ta' Diċembru 1992 (ĠU L 378, p. 15, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1214/92").
4 Għal dak li jikkonċerna s-sistema tad-dejn doganali, matul is-sena 1993, kienu japplikaw ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2144/87, tat-13 ta' Lulju 1987, dwar id-dejn doganali (ĠU L 201, p. 15), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4108/88, tal-21 ta' Diċembru 1988 (ĠU L 361, p. 2, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 2144/87"), u r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 597/89, tat-8 ta' Marzu 1987, li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 2144/87 (ĠU L 65, p. 11).
5 Fil-qasam tal-kontabbiltà u ta' l-irkupru tad-dejn doganali, matul is-sena 1993, kien japplika r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1854/89, ta' l-14 ta' Ġunju 1989, dwar ir-reġistrazzjoni u l-kundizzjonijiet ta' ħlas ta' l-ammonti ta' dazji fuq l-importazzjoni jew ta' dazji fuq l-esportazzjoni li jirriżultaw minn dejn doganali (ĠU L 186, p. 1).
6 Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, aktar 'il quddiem il-"Kodiċi"), ikkodifika l-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tad-dritt doganali Komunitarju. Il-Kodiċi kien is-suġġett ta' dispożizzjonijiet li jinsabu fir-regolament ta' applikazzjoni. Dawn it-testi ilhom applikabbli mill-1 ta' Jannar 1994.
7 Fid-dawl ta' l-identiċità fis-sustanza bejn is-sistemi differenti ta' dritt doganali applikabbli suċċessivament matul il-perijodu kopert minn dan ir-rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu, il-partijiet, fl-argumenti tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jirreferu prinċipalment għal dawk dispożizzjonijiet applikabbli mill-1 ta' Jannar 1994 biss, jiġifieri l-Kodiċi u r-regolament ta' applikazzjoni. Għal din ir-raġuni, it-tabella li ssegwi tagħmel lista sempliċi tad-dispożizzjonijiet applikabbli suċċessivament matul il-perijodi kontenzjużi. Mill-banda l-oħra, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi u tar-regolament ta' applikazzjoni huma riprodotti testwalment wara din it-tabella.
Sena kalendarja 1993
Snin kalendarji 1994 u 1995
Artikoli 1 u 3(2)(a) tar-Regolament Nru 2726/90
Artikolu 91(1)(a) u (2)(a) tal-Kodiċi
Artikolu 11(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 2726/90
Artikolu 96(1)(a) tal-Kodiċi
Artikolu 2(1)(ċ) tar-Regolament Nru 2144/87
Artikolu 203 tal-Kodiċi
Artikolu 2(1)(d) tar-Regolament Nru 2144/87
Artikolu 204 tal-Kodiċi
Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1854/89
Artikolu 217(1) tal-Kodiċi
Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 1854/89
Artikolu 218(3) tal-Kodiċi
Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1854/89
Artikolu 219 tal-Kodiċi
Artikoli 6(1) u 7 tar-Regolament Nru 1854/89
Artikolu 221(1) u (3) tal-Kodiċi
Artikolu 22(1) u (4) tar-Regolament Nru 2726/90
Artikolu 356(1) u (5) tar-regolament ta' applikazzjoni
Artikolu 34(3) tar-Regolament Nru 2726/90
Artikolu 378 tar-regolament ta' applikazzjoni
Artikolu 49 tar-Regolament Nru 1214/92
Artikolu 379 tar-regolament ta' applikazzjoni
Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1214/92
Artikolu 380 tar-regolament ta' applikazzjoni
Il-Kodiċi
8 Skond l-Artikolu 91(1)(a) u (2)(a) tal-Kodiċi:
"1. Il-proċess ta' tranżitu estern għandu jippermetti l-moviment minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Komunità ta':
a) merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik il-merkanzija tkun soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni u ħlasijiet oħra jew għal miżuri ta' politika kummerċjali;
[…]
2. Moviment kif issir referenza għalih fil-paragrafu 1għandu jsir:
[…] taħt il-proċedura ta' tranżitu estern tal-Komunità,
[…]"
9 Skond l-Artikolu 96(1)(a) u (b) tal-Kodiċi:
"Il-prinċipal għandu jkun id-detentur tal-proċedura taħt il-proċedura ta' tranżitu estern tal-Komunità. Għandu jkun responsabbli għal:
a) preżentazzjoni tal-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fit-terminu taż-żmien preskritt u bl-osservanza dovuta tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni;
b) l-osservanza tad-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-proċedura tat-tranżitu tal-Komunità."
10 Skond l-Artikolu 203 tal-Kodiċi:
"1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:
– tat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta' merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.
2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali.
3. Id-debituri għandhom ikunu:
– il-persuna li tkun neħħiet il-merkanziji minn taħt is-sorveljanza doganali,
– kull persuna li tkun ipparteċipat f'dik it-tneħħija u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li l-merkanziji kienu qed jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali, u
– kull persuna li akkwistat jew żammet il-merkanziji konċernati u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf fil-ħin li akkwistat jew irċeviet il-merkanziji li kienu tneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali, u
– fejn ikun xieraq, il-persuna li tkun meħtieġa li tissodisfa l-obbligazzjonijiet li jinqalgħu mill-ħażna temporanja tal-merkanziji jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha kienu tqiegħdu dawk il-merkanziji."
11 Skond l-Artikolu 204 tal-Kodiċi:
"1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:
a) tan-nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' wieħed mill-obbligi li jinqalgħu, fir-rigward ta' merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-ħażna temporanja tagħhom jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqiegħdu, jew
b) tan-nuqqas ta' konformità ma' kundizzjoni li tirregola t-tqegħid tal-merkanziji taħt dik il-proċedura jew l-għoti ta' rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta' dazju fuq l-importazzjoni bis-saħħa ta' l-użu finali tal-merkanziji,
f'każijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 203 ħlief meta jiġi stabbilit li dawk in-nuqqasijiet m'għandhom ebda effett sinifikanti fuq l-operazzjoni korretta tal-ħażna temporanja jew proċedura doganali konċernata.
2. Id-dejn doganali jiġi inkors jew fil-mument meta l-obbligazzjoni li n-nuqqas ta' l-eżekuzzjoni tagħha tagħti lok għad-dejn doganali ma tiġix issodisfata jew fil-mument meta l-merkanziji jitqiegħdu taħt il-proċedura doganali involuta fejn jiġi stabbilit sussegwentement li kundizzjoni li tirregola t-tqegħid tal-merkanziji taħt l-imsemmija proċedura jew l-għoti ta' rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta' dazju fuq l-importazzjoni bis-saħħa ta' l-użu finali tal-merkanziji ma ġietx fil-fatt issodisfata.
3. Id-debitur għandu jkun il-persuna li tkun meħtieġa, skond iċ-ċirkustanzi, jew li tesegwixxi l-obbligazzjonijiet li joħorġu, fir-rigward ta' merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-ħażna temporanja tagħhom jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqiegħdu, jew li tħares il-kundizzjonijiet li jirregolaw it-tqegħid tal-merkanziji taħt dik il-proċedura."
12 L-Artikolu 215 tal-Kodiċi jipprovdi li:
"1. Dejn doganali għandu jiġi inkors fil-post fejn jiġru l-avvenimenti li minnhom joħroġ.
2. Fejn ma jkunx possibbli jiġi stabbilit il-post li ssir referenza għalih fil-paragrafu 1, id-dejn doganali għandu jitqies li ġie inkors fil-post fejn l-awtoritajiet doganali jikkonkludu li l-merkanziji kienu f'sitwazzjoni li fiha ġie inkors dejn doganali.
3. Fejn proċedura doganali ma tkunx twettqet għal merkanziji, id-dejn doganali għandu jitqies li ġie inkors fil-post fejn il-merkanziji:
– ġew imqiegħda taħt dik il-proċedura, jew
– daħlu fil-Komunità taħt dik il-proċedura.
4. Fejn l-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet doganali tagħmilha possibbli għalihom li jistabbilixxu li d-dejn doganali kien diġà ġie inkors meta l-merkanziji kienu f'post ieħor f'data qabel, id-dejn doganali għandu jitqies li ġie inkors fil-post li jista' jiġi stabbilit bħala l-lok tal-merkanziji fiż-żmien l-aktar kmieni li jista' jiġi stabbilit dejn doganali."
13 L-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi jipprovdi li:
"Kull ammont ta' dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali, minn hawn 'l isfel imsejjaħ 'ammont ta' dazju', għandu jiġi kalkulat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f'kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet)."
14 Skond l-Artikolu 218(3) tal-Kodiċi:
"Fejn dejn doganali jiġi inkors taħt kundizzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1, l-ammont ta' dazju relevanti għandu jiddaħħal fil-kotba tal-kontijiet fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jkunu f'pożizzjoni li:
a) jikkalkulaw l-ammont ta' dazju konċernat, u
b) jistabbilixxu d-debitur."
15 Skond l-Artikolu 219 tal-Kodiċi:
"1. It-termini ta' żmien għad-daħla fil-kontijiet stipulati fl-Artikolu 218 jistgħu jiġu estiżi:
a) għal raġunijiet li jkollhom x'jaqsmu ma' l-organizzazzjoni amministrattiva ta' l-Istati Membri, u partikolarment fejn il-kotba tal-kontijiet ikunu ċentralizzati, jew
b) fejn ċirkustanzi speċjali jżommu lill-awtoritajiet doganali milli josservaw l-imsemmija termini ta' żmien.
It-terminu ta' żmien hekk estiż m'għandux jeċċedi 14-il jum.
2. It-termini ta' żmien stipulati fil-paragrafu 1 m'għandhomx japplikaw f'ċirkostanzi mhux imbassra jew f'każijiet ta' forza maġġuri."
16 Skond l-Artikolu 221(1) u (3) tal-Kodiċi:
"1. Malli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta' dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skond il-proċeduri li jkunu xierqa.
[…]
3. Komunikazzjoni lid-debitur m'għandhiex issir wara l-għeluq ta' perijodu ta' tliet snin mid-data li fiha d-dejn doganali jkun ġie inkors. Iżda, fejn ikun bħala riżultat ta' att li jista' jagħti lok għal proċeduri tal-qorti kriminali li l-awtoritajiet doganali ma setgħux jistabbilixxu l-ammont eżatt legalment dovut, komunikazzjoni bħal dik tista', sakemm id-dispożizzjonijiet fis-seħħ hekk jippermettu, issir wara l-għeluq ta' dak il-perijodu ta' tliet snin."
17 L-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi jipprovdi li:
"Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura sakemm jiġi stabbilit li meta kien tħallas l-ammont ta' dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur ta' l-Artikolu 220(2).
Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom [ikunu s-suġġett ta' remissjoni] sakemm jiġi stabbilit li meta kienu ddaħħlu fil-kontijiet l-ammont ta' dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur tal-Artikolu 220(2).
Ebda ħlas lura jew maħfra m'għandha tingħata meta l-fatti li wasslu għall-ħlas jew daħla fil-kontijiet ta' ammont li ma kienx legalment dovut kienu r-riżultat ta' azzjoni maħsuba mill-persuna involuta."
Ir-regolament ta' applikazzjoni
18 Skond l-Artikolu 356(1) u (5) tar-regolament ta' applikazzjoni:
"1. Il-merkanzija u d-dokument T1 għandhom jiġu ppreżentati fl-uffiċċju tad-destinazzjoni.
[…]
5. Meta l-merkanzija hija ppreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni wara l-iskadenza tat-terminu preskritt mill-uffiċċju tat-tluq u n-nuqqas ta' konformità ma' dan it-terminu hija dovuta għal ċirkustanzi li mhumiex spjegati għas-sodisfazzjon ta' l-uffiċċju tad-destinazzjoni u mhumiex attribbwibbli għat-trasportatur jew il-prinċipal, dan ta' l-aħħar għandu jitqies li ssodisfa t-terminu preskritt."
19 L-Artikolu 378 tar-regolament ta' applikazzjoni jipprovdi li:
"1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 215 tal-Kodiċi, meta l-kunsinna ma tkunx ġiet ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni u l-post ta' l-offiża jew l-irregolarità ma jkunx jista' jiġi stabbilit, dan il-ksur jew irregolarità għandhom jitqiesu bħallikieku saru:
– fl-Istat Membru li jappartjeni għalih l-uffiċċju tat-tluq,
jew
– fl-Istat Membru li jappartjeni għalih fil-punt tad-dħul fil-Komunità l-uffiċċju ta' tranżitu, li lilu tkun intbagħtet nota ta' avviż ta' tranżitu,
sakemm fil-perijodu stabbilit fl-Artikolu 379(2), il-prova ta' l-irregolarità ta' l-operazzjoni tat-tranżitu jew tal-post fejn il-ksur jew l-irregolarità jkunu attwalment saru tingħata għas-sodisfazzjon ta' l-awtoritajiet doganali.
2. Meta l-ebda prova bħal din ma tingħata u l-imsemmija ksur jew irregolarità jitqiesu li saru fl-Istat Membru tat-tluq jew fl-Istat Membru tad-dħul kif jidher fl-ewwel paragrafu, it-tieni inċiż, id-dazji u piżijiet oħra li jirrigwardaw il-merkanzija kkonċernata għandhom jinġabru minn dak l-Istat Membru skond id-dispożizzjonijiet Komunitarji jew nazzjonali.
3. Jekk l-Istat Membru fejn il-ksur jew l-irregolarità jkunu saru attwalment jiġi stabbilit qabel l-iskadenza ta' perijodu ta' tliet snin mid-data ta' reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni T1, dak l-Istat Membru għandu, skond id-dispożizzjonijiet Komunitarji jew nazzjonali, jirkupra d-dazji u piżijiet oħrajn (barra minn dawk imposti, skond it-tieni subparagrafu, bħala riżorsi proprji tal-Komunità) li jirrigwardaw il-merkanzija kkonċernata. F'dan il-każ, ladarba tkun ingħatat il-prova ta' dan l-irkupru, id-dazji u piżijiet oħrajn inizjalment miġbura (barra minn dawk imposti bħala riżorsi proprji tal-Komunità) għandhom jitħallsu lura.
4. Il-garanzija li tkopri l-operazzjoni ta' tranżitu Komunitarj[u] m'għandhiex tkun rilaxxata qabel it-tmiem tat-terminu ta' tliet snin imsemmi qabel jew sakemm id-dazji u l-piżijiet l-oħra applikabbli fl-Istat Membru fejn il-ksur jew l-irregolarità msemmija jkunu attwalment saru ikunu ġew imħallsa.
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkumbattu kull ksur jew irregolarità u jimponu penali effettivi."
20 Skond l-Artikolu 379 tar-regolament ta' applikazzjoni:
"1. Meta kunsinna ma tkunx ġiet ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni u l-post fejn il-ksur jew l-irregolarità ikunu saru ma jkunx jista' jiġi stabbilit, l-uffiċċju tat-tluq għandu jinnotifika lill-prinċipal b'dan il-fatt malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ qabel l-aħħar tal-11-il xahar ta' wara d-data ta' reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' tranżitu Komunitarj[u].
2. In-notifka msemmija fil-paragrafu 1 għandha tindika, partikolarment, it-terminu li fih il-prova ta' irregolarità ta' l-operazzjoni ta' tranżitu jew il-post fejn attwalment ikunu saru il-ksur jew l-irregolarità għandha tingħata lill-uffiċċju tat-tluq għas-sodisfazzjoni ta' l-awtoritajiet doganali. Dak it-terminu għandu jkun ta' tliet xhur mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1. Jekk il-prova msemmija ma tkunx ġiet prodotta sa tmiem it-terminu, l-Istat Membru kompetenti għandu jieħu l-passi biex jirkupra d-dazji u piżijiet oħra involuti. F'każijiet meta dak l-Istat Membru ma jkunx dak li fih l-uffiċċju ta' tluq jinstab, dan ta' l-aħħar għandu immedjatament jinforma lill-Istat Membru imsemmi."
21 Skond l-Artikolu 380 tar-regolament ta' applikazzjoni:
"Prova tar-regolarità ta' l-operazzjoni ta' tranżitu fis-sens ta' l-Artikolu 378(1) għandha tingħata għas-sodisfazzjon ta' l-awtoritajiet doganali, inter alia:
a) bil-produzzjoni ta' dokument iċċertifikat mill-awtoritajiet doganali li jistabbilixxi li l-merkanzija in kwistjoni kienet ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni jew, meta japplika l-Artikolu 406, lid-destinatarju awtorizzat. Dak id-dokument għandu jkun fih biżżejjed informazzjoni sabiex il-merkanzija tista' tkun identifikata;
jew
b) bil-produzzjoni ta' dokument doganali maħruġ f'pajjiż terz li juri r-rilaxx għall-użu domestiku jew b'kopja jew b'fotokopja tiegħu; din il-kopja jew fotokopja għandha tkun iċċertifikata bħala kopja vera mill-organizzazzjoni li ċċertifikat id-dokument oriġinali, mill-awtoritajiet ta' pajjiż terz ikkonċernat jew mill-awtoritajiet ta' wieħed mill-Istati Membri. Id-dokument għandu jkun fih biżżejjed informazzjoni biex il-merkanzija in kwistjoni tista' tiġi identifikata."
22 L-Artikolu 859 tar-regolament ta' applikazzjoni jipprovdi li:
"In-nuqqasijiet li ġejjin għandhom jitqiesu bħala bla konsegwenzi reali fuq il-ħażna temporanja jew proċedura doganali fis-sens ta' l-Artikolu 204(1) tal-Kodiċi, sakemm:
– ma jikkostitwux tentattiv li titneħħa merkanzija illegalment mis-sorveljanza doganali,
– ma jkunux jimplikaw negliġenza evidetni da parti tal-persuna interessata, u
– il-formalitajiet kollha meħtieġa ħalli tkun irregolarizzata s-sitwazzjoni tal-merkanzija jkunu saru sussegwentement:
1) li jeċċedu t-terminu li fih il-merkanzija tkun assenjata għal wieħed mit-trattamenti jew użi approvati mid-dwana previsti taħt il-proċedura għall-ħażna temporanja jew doganali in kwistjoni, meta tkun awtorizzata proroga mitluba fit-terminu;
2) fil-każ ta' merkanzija imqiegħda taħt proċedura ta' tranżitu, [l-iskadenza ta]t-terminu tal-preżentazzjoni ta' dik il-merkanzija fl-uffiċċju tad-destinazzjoni, fejn preżentazzjoni bħal din kellha isseħħ sussegwentement;
3) fil-każ ta' merkanzija imqiegħda f'ħażna temporanja jew taħt proċedura ta' magazzinaġġ doganali, il-maniġġ mingħajr awtorizzazzjoni antiċipata ta' l-awtoritajiet doganali, sakemm dak il-maniġġ kien ikun awtorizzat kieku saret applikazzjoni għalih;
4) fil-każ ta' merkanzija imqiegħda taħt proċedura ta' importazzjoni termporanja, l-użu tal-merkanzija b'kundizzjonijiet differenti minn dawk previsti fl-awtorizzazzjoni, sakemm dak l-użu kien ikun awtorizzat taħt il-proċedura kieku kienet saret applikazzjoni għalih;
5) fil-każ ta' merkanzija f'ħażna temporanja jew imqiegħda taħt proċedura doganali, moviment mhux awtorizzat tal-merkanzija, sakemm il-merkanzija tista' tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet doganali fuq it-talba tagħhom;
6) fil-każ ta' merkanzija f'ħażna temporanja jew imqiegħda taħt proċedura doganali, it-tneħħija tal-merkanzija mit-territorju doganali tal-Komunità jew id-dħul tagħha f'żona franka jew maħżen bla dazju mingħajr it-twettiq tal-formalitajiet meħtieġa;
7) fil-każ ta' merkanzija li tkun irċeviet trattament ta' tariffa favorevoli minħabba l-użu partikolari tagħha, iċ-ċessjoni tal-merkanzija mingħajr notifikazzjoni lill-awtoritajiet doganali, qabel ma tkun imqiegħda għall-użu previst sakemm:
a) iċ-ċessjoni tkun ġiet reġistrata fir-reġistru ta' l-iskorti taċ-ċedent; u
b) iċ-ċessjonarju jkun id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni tal-merkanzija in kwistjoni."
Is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet
23 Skond l-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/376/KEE, Euratom, ta' l-24 ta' Ġunju 1988, dwar is-sistema ta' riżorsi [proprji] tal-Komunitajiet (ĠU L 185, p. 24):
"Dħul minn dawn li ġejjin għandhom jikkostitwixxu riżorsi [proprji] imdaħħla fil-bilanċ tal-Komunitajiet:
a) it-taxxi, il-premji, l-ammonti addizzjonali jew kompensatorji, l-ammonti addizzjonali jew fatturi u dazji mwaqqfa jew li għandhom jiġu mwaqqfa minn istituzzjonijiet tal-Komunitajiet rigward il-Kummerċ ma' pajjiżi li mhumiex membri skond l-istruttura tal-politika [ta' l-a]grikoltura komuni, u wkoll kontribuzzjonijiet u dazji oħra li hemm provduti fl-istruttura ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fiz-zokkor;
b) it-tariffa doganali komuni u dazji oħrajn mwaqqfa jew li għandhom jiġu mwaqqfa mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet rigwrad il-kummerċ ma' pajjiżi li mhumiex membri u dazji fuq prodotti li jaqgħu taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar".
24 Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89:
"1. Għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-regolament, għandu jiġi kkonstatat li hemm dritt tal-Komunitajiet għar-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deciżjoni 88/376/KEE, Euroatom hekk kif l-ammont dovut jiġi kkomunikat mis-servizz kompetenti ta' l-Istat Membru lid-debitur. Din il-komunikazzjoni għandha ssir malli d-debitur ikun magħruf u malli l-ammont tad-dritt ikun jista' jiġi kkalkulat mill-awtoritajiet amministrativi kompetenti, b'konformità mad-dispożizzjonijiet Komunitarji kollha applikabbli f'dan il-qasam.
2. Il-paragrafu 1 għandu japplika meta l-kommunikazzjoni jkollha tiġi rrettifikata." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
25 L-Artikolu 11 ta' l-istess regolament jipprovdi li:
"Kull dewmien fir-reġistrazzjoni fil-kotba tal-kontijiet imsemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jagħti lok għall-pagament, mill-Istat Membru kkonċernat, ta' interess li r-rata tiegħu għandha tkun ugwali għar-rata ta' interess applikata fil-jum ta' skadenza fis-suq monetarju ta' l-Istat Membru kkonċernat għall-finanzjamenti għal terminu qasir, miżjuda b'żewġ punti. Din ir-rata għandha tkun miżjuda b'0.25 ta' punt perċentwali għal kull xahar ta' dewmien. Ir-rata kif miżjuda hija applikabbli għall-perijodu kollu tad-dewmien." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-proċedura prekontenzjuża
26 Permezz ta' ittra tat-12 ta' Jannar 1996, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Ġermaniżi r-rapport dwar verifika tar-riżorsi proprji tradizzjonali mwettqa mis-servizzi tagħha fil-Ġermanja bejn is-6 u s-17 ta' Marzu 1995. F'dan ir-rapport, il-Kummissjoni tikkonstata, fir-rigward tas-snin 1993 u 1994, ċertu dewmien fil-kuntest tas-sistema ta' tranżitu doganali li, skond din l-istituzzjoni, kien il-kawża ta' dewmien fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji kkonċernati. Skond il-Kummissjoni, dan id-dewmien kien jirriżulta min-nuqqas ta' osservanza tat-terminu ta' erbatax-il xahar preskritt fl-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 1214/92 u fl-Artikolu 379 tar-regolament ta' applikazzjoni, moqrija flimkien ma' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1552/89.
27 Filwaqt li kkonstatat li d-dewmien fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' riżorsi proprji jagħti lok għal interessi moratorji skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex, b'mod partikolari, jibdew immedjatament il-proċedura ta' rkupru fid-direttorati reġjonali tal-finanzji fir-rigward tad-dokumenti T1 kollha li kienu ilhom aktar minn erbatax-il xahar li nħarġu u li ma kinux rilaxxati, jivverifikaw jekk kienx hemm dewmien fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji u sabiex jinformawha dwar dan, kif ukoll sabiex jgħaddulha lista li tindika, fir-rigward tad-direttorati reġjonali kollha, id-dewmien fil-qasam ta' rkupru a posteriori li jikkonċerna l-proċeduri ta' tranżitu li ma kinux rilaxxati mill-1 ta' Jannar 1993.
28 Minn verifika oħra, imwettqa mill-Kummissjoni f'Novembru 1997 fir-rigward tas-snin 1995 u 1996, irriżultaw każijiet oħra fejn it-terminu ta' erbatax-il xahar, imsemmi fl-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 1214/92 u fl-Aritkolu 379 tar-regolament ta' applikazzjoni, ma kienx rispettat.
29 Ir-raġuni invokata mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta' osservanza ta' dan it-terminu, jiġifieri li huma kienu inizjalment jipprovaw jidentifikaw id-destinatarju tal-merkanzija jew il-kunsinnatur għall-finijiet tal-ħlas, ġiet miċħuda mill-Kummissjoni fid-dawl tat-terminoloġija ċara użata fl-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 1214/92 u fl-Artikolu 379 tar-regolament ta' applikazzjoni.
30 Il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jibdew il-proċedura ta' rkupru fir-rigward tad-dokumenti T1 kollha li kienu nħarġu matul l-erbatax-il xahar preċedenti u li kienu għadhom ma ġewx rilaxxati, sabiex jinformawha dwar dewmien fl-istabbiliment tal-ħlas dovut, sabiex minn dakinhar 'il quddiem jiggarantixxu li l-proċedura ta' rkupru fir-rigward tad-dokumenti ta' tranżitu li ma jkunux rilaxxati tinbeda f'terminu ta' erbatax-il xahar u sabiex iwieġbu għar-rapport ta' verifika preċedenti tagħha.
31 Fl-ittra tagħhom tat-28 ta' April 1998, l-awtoritajiet Ġermaniżi, filwaqt li ma kkontestawx in-nuqqas ta' osservanza tat-terminu ta' erbatax-il xahar, sostnew li huma ma kinux obbligati jiġbru d-dazji fuq l-importazzjoni sa mhux aktar tard minn erbatax-il xahar wara r-reġistrazzjoni tad-dokument T1. Skondhom, l-Artikolu 379 tar-regolament ta' applikazzjoni ma jistabbilixxix terminu perentorju iżda sempliċement terminu indikattiv. L-uffiċċju tat-tluq ikun baqagħlu żmien suffiċjenti, meta wieħed iqis it-terminu ta' tliet snin imsemmi fl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi, sabiex jipproċedi għall-irkupru mingħand id-debitur. Għaldaqstant, ma jista' jkun hemm l-ebda kwistjoni ta' interessi għal dewmien taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89.
32 Permezz ta' ittra ta' l-14 ta' Lulju 1998, il-Kummissjoni talbet mill-ġdid lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jgħaddulha, mhux aktar tard mill-1 ta' Settembru 1998, l-informazzjoni mitluba fir-rapport ta' verifika tagħha ta' l-1995 sabiex jiġu kkalkulati l-interessi moratorji skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89.
33 Fl-ittra tagħhom tat-18 ta' Settembru 1998, l-awtoritajiet Ġermaniżi tennew u kkonfermaw l-argumenti li kienu diġà qajmu fl-ittra tagħhom tat-28 ta' April 1998 dwar ir-rapport ta' verifika ta' l-1997. L-informazzjoni mitluba għal darba oħra mill-ispetturi tal-Kummissjoni fl-imsemmi rapport ma ngħatatilhomx.
34 Fil-15 ta' Novembru 1999, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-awtoritajiet Ġermaniżi fejn reġgħet sostniet il-pożizzjoni tagħha, kif deskritta aktar 'il fuq, filwaqt li stednithom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dan is-suġġett f'terminu ta' xahrejn.
35 Fir-risposta tiegħu ta' l-1 ta' Frar 2000, li ntbagħtet permezz ta' ittra ta' l-24 ta' Frar ta' wara, il-Gvern Ġermaniż ikkonferma l-pożizzjoni tiegħu li t-terminu ta' erbatax-il xahar huwa purament indikattiv b'tali mod li l-ġbir tad-dazji jista' xorta jsir wara t-tmiem ta' dan it-terminu jekk il-proċedura ta' stħarriġ tkun damet aktar minn ħdax-il xahar. Barra minn hekk, huwa jsostni li, f'diversi każijiet, il-proċedura ta' investigazzjoni tista' ma tintemmx f'terminu ta' ħdax-il xahar minħabba li l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri jista' jieħu aktar żmien. Barra minn hekk, skond l-Artikoli 217 u 221 tal-Kodiċi, dejjem jingħata terminu totali ta' tliet snin sabiex jinġabru d-dazji meta tkun nieqsa l-informazzjoni meħtieġa għall-kalkolu u għar-reġistrazzjoni fil-kotba tal-kontijiet tad-dazji.
36 Fl-opinjoni motivata tagħha tad-19 ta' Lulju 2000, il-Kummissjoni tenfasizza, b'mod partikolari, li l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja mhumiex kompatibbli mat-terminoloġija ċara ta' l-Artikolu 379 tar-regolament ta' applikazzjoni. Barra minn hekk, mis-sens u mill-iskop ta' din id-dispożizzjoni jirriżulta li proċedura mħaffa hija meħtieġa sabiex l-irregolaritajiet ikunu kkonstatati malajr.
37 F'komunikazzjoni ta' l-14 ta' Settembru 2000, mibgħuta permezz ta' ittra ta' l-istess jum, il-Gvern Ġermaniż informa lill-Kummissjoni li huwa kien ser jibqa' jżomm il-pożizzjoni tiegħu. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
38 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni qiegħda tfittex, fl-ewwel lok, li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli tirrispetta, rispettivament, l-Artikolu 379(2) tar-regolament ta' applikazzjoni, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994 u t-tielet sentenza ta' l-Artikolu 49(2) tar-Regolament Nru 1214/92, applikabbli matul is-sena 1993, moqrija flimkien ma' l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89, billi ma qegħditx għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji fiż-żmien preskritt f'każijiet ta' rilaxx tard ta' operazzjonijiet ta' tranżitu Komunitarju estern li kienu kkonstatati matul is-snin 1993 sa 1996.
39 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni qiegħda titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tobbliga lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja "tħallas lill-baġit Komunitarju l-interessi dovuti fil-każ ta' dewmien fir-reġistrazzjoni fil-kotba tal-kontijiet" b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89, fir-rigward tal-perijodu sal-31 ta' Mejju 2000, u b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000, fir-rigward tal-perijodu ta' wara l-31 ta' Mejju 2000.
Fuq l-ammissibbiltà
L-argumenti tal-partijiet
40 Il-Gvern Ġermaniż iqajjem dubju dwar l-ammissibbiltà tar-rikors meta kkunsidrat fl-intier tiegħu. Il-proċedura għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu hija intiża sabiex jitwaqqfu nuqqasijiet eżistenti. L-eżistenza ta' nuqqas għandha tkun evalwata biss fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-Istat Membru, fil-mument meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, kienx jinsab f'sitwazzjoni li tmur kontra d-dritt Komunitarju. Issa, il-Kummissjoni mhijiex qiegħda ssostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret id-dritt Komunitarju fid-data ta' l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri f'Settembru 2000. Hemm qbil li, żmien twil qabel din id-data, il-Gvern Ġermaniż kien, abbażi tar-rimarki ta' l-awdituri tal-Kummissjoni, talab lill-uffiċċji ta' dwana sabiex jirrispettaw b'mod dejjem aktar strett it-termini previsti fl-Artikolu 379 tar-regolament ta' applikazzjoni mingħajr madankollu ma rrinunzja għall-pożizzjoni tiegħu, li hija kuntrarja għall-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni, li dawn it-termini ma jammontawx għal termini obbligatorji.
41 Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni jidhrilha li r-rikors huwa ammissibbli. Fil-fatt, il-ksur għadu jeżisti minħabba li l-interessi dovuti minħabba d-dewmien fil-ħlas in kwistjoni ma tħallsux lill-baġit Komunitarju b'tali mod li, skondha, huwa involut, b'mod ċar, nuqqas li għadu fis-seħħ.
42 Il-Gvern Ġermaniż iqajjem ukoll dubju dwar l-ammissibbiltà tar-rikors safejn, permezz tat-tieni talba tagħha, il-Kummissjoni tixtieq tobbliga lill-konvenut iħallas lill-baġit Komunitarju l-interessi dovuti minħabba d-dewmien fir-reġistrazzjoni fil-kotba tal-kontijiet tal-krediti dovuti lilha. Mill-Artikolu 228(1) KE jirriżulta, li fi proċedura għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha biss għall-konstatazzjoni ta' nuqqas bħal dan u li huma l-organi nazzjonali li għandhom jiddeċiedu liema huma l-konsegwenzi li huma għandhom jaslu għalihom minn din il-konstatazzjoni, dejjem bil-ftehim impliċitu li n-nuqqas għandu jiġi rrettifikat mingħajr dewmien. Għaldaqstant, it-tieni talba għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli peress li, permezz ta' din it-talba, il-Kummissjoni m'hija qiegħda tagħmel xejn għajr li tressaq rikors għall-ħlas ta' l-interessi allegatament dovuti.
43 Il-Kummissjoni twieġeb li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89 jistabbilixxi obbligu preċiż u inkondizzjonali fir-rigward ta' ħlas ta' interessi moratorji. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlet riferiment għal obbligu bħal dan f'rikorsi oħra għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu (sentenza ta' l-20 ta' Marzu 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 303/84, Ġabra p. 1171, punt 19). Barra minn hekk, l-Artikolu 228 KE ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħmel dikjarazzjonijiet li jservu sabiex ikun imwaqqaf nuqqas ikkonstatat. Finalment, l-Istat Membru m'għandu l-ebda diskrezzjoni fir-rigward ta' kif għandu jiġi mwaqqaf in-nuqqas peress li l-ħlas ta' l-interessi moratorji in kwistjoni huwa l-uniku mezz sabiex sentenza li tikkonstata nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu tingħata effett.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
44 Fir-rigward ta' l-ewwel motiv ta' inammissibbiltà allegat, ibbażat fuq l-argument li meta skada t-terminu preskritt fl-opinjoni motivata, l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu qegħdin jirrispettaw it-termini previsti fl-Artikolu 379 tar-regolament ta' applikazzjoni, għandu jiġi osservat li, anki jekk jiġi preżunt li dan huwa l-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja qiegħda tirrifjuta li tħallas l-interessi moratorji mitluba mill-Kummissjoni fir-rigward tal-perijodu kopert minn dan ir-rikors, jiġifieri s-snin 1993 sa 1996, li matulu kienu ikkonstati nuqqasijiet ta' osservanza ta' dawn it-termini, nuqqasijiet li kienu rikonoxxutu minn dan l-Istat Membru.
45 Issa, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta' Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-96/89, Ġabra p. I-2461, punt 38), hemm relazzjoni inseparabbli bejn l-obbligu li jkunu kkonstatati r-riżorsi proprji Komunitarji, l-obbligu li dawn ir-riżorsi jkunu rreġistrati fil-kont tal-Kummissjoni fit-termini mogħtija u, fl-aħħarnett, l-obbligu li jitħallsu l-interessi moratorji.
46 Għaldaqstant, jekk l-ilment tal-Kummissjoni, ibbażat fuq id-dewmien fir-reġistrazzjoni ta' l-ammont tad-dejn doganali fil-kotba tal-kontijiet u fir-reġistrazzjoni tar-riżorsi proprji korrispondenti fil-kont tal-Kummissjoni jkun fondat, ma jistax jiġi eskluż li mhux il-konsegwenzi kollha tan-nuqqas kienu ġew irrettifikati meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, b'mod partikolari l-ħlas ta' interessi moratorji skond ir-Regolament Nru 1552/89. Għaldaqstant, jibqa' jeżisti interess li n-nuqqas allegat ikun, jekk ikun il-każ, ikkonstatat.
47 Għaldaqstant, l-ewwel motiv ta' inammissibbiltà għandu jiġi miċħud.
48 Fir-rigward tat-tieni motiv ta' inammissibbiltà, li huwa limitat għat-tieni talba, għandu jiġi mfakkar li, f'din il-parti tar-rikors, il-Kummissjoni qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja "tħallas lill-baġit Komunitarju l-interessi dovuti fil-każ ta' dewmien fir-reġistrazzjoni fil-kotba tal-kontijiet" b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89, fir-rigward tal-perijodu sal-31 ta' Mejju 2000, u b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000, fir-rigward tal-perijodu ta' wara l-31 ta' Mejju 2000.
49 Hemm qbil li r-rikors imressaq taħt l-Artikolu 226 KE għandu l-għan li jiġi kkonstatat in-nuqqas ta' Stat Membru li jissodisfa l-obbligi Komunitarji tiegħu. Skond il-kliem stess ta' l-Artikolu 228 KE, il-konstatazzjoni ta' nuqqas bħal dan tobbliga lill-Istat Membru in kwistjoni jieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Mill-banda l-oħra, din il-Qorti ma tistax tordna lill-Istat Membru sabiex jieħu miżuri partikolari.
50 Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fil-kuntest ta' rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu, tagħti deċiżjoni dwar ilmenti b'konnessjoni ma' talbiet intiżi, bħal f'din il-kawża, sabiex tobbliga lil Stat Membru jħallas interessi moratorji.
51 F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-talbiet ta' dan ir-rikors, safejn jikkonċernaw il-ħlas ta' interessi moratorji taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89, għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli u, għaldaqstant, l-ilment invokat in sostenn ta' din il-parti tat-talbiet, ibbażat fuq ksur ta' dan l-artikolu, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
52 F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżami ta' dan ir-rikors ser ikun limitat għall-evalwazzjoni ta' l-ilment ibbażat fuq id-dewmien li bih, matul is-snin 1993 sa 1996, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bi ksur ta' l-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 1214/92 jew ta' l-Artikolu 379 tar-regolament ta' applikazzjoni, moqrija flimkien ma' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1552/89, qiegħdet għad-dispożizzjoni riżorsi proprji.
Fuq il-mertu
L-argumenti tal-partijiet
53 Il-Kummissjoni ssostni li mill-kliem ta' l-Artikolu 379 tar-regolament ta' applikazzjoni u ta' l-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 1214/92, kif ukoll mill-għan tal-leġiżlatur Komunitarju, jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet jobbligaw lill-awtoritajiet doganali sabiex jassiguraw l-irkupru a posteriori tad-djun doganali fl-iqsar żmien u mhux aktar tard mit-tmiem tat-terminu ta' erbatax-il xahar, meta dawn l-awtoritajiet ikunu jafu d-debitur u l-ammont ta' dazji dovuti li għandu jkun ikkomunikat lilu (Artikolu 2(1) tar-Reoglament Nru 1552/89).
54 L-għan ta' l-Artikolu 379 tar-regolament ta' applikazzjoni huwa li jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet doganali sabiex jaġixxu bl-aktar mod rapidu possibbli sabiex ikunu evitati effetti negattivi fuq il-baġit Komunitarju. Ir-riskju li ma jkunx possibbli li jiġi kkonstatat id-dejn doganali jiżdied aktar ma jgħaddi żmien (debitur li ma jkunx jista' jinsab jew li jkun fi stat ta' falliment). Għalhekk, it-terminu ta' erbatax-il xahar, li japplika biss b'mod eċċezzjonali, huwa terminu massimu li n-nuqqas ta' osservanza tiegħu twassal għal dewmien fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' riżorsi proprji mill-Istat Membru kkonċernat.
55 In-nuqqas ta' osservanza tat-termini previsti fl-Artikolu 379 tar-regolament ta' applikazzjoni jippreġudika l-interessi tal-Komunità u, barra minn hekk, l-interessi ta' l-Istati Membri l-oħra li, fil-każ ta' dewmien fir-reġistrazzjoni ta' riżorsi proprji, ikollhom jagħmlu tajjeb għall-bżonnijiet li jistgħu jqumu fil-finanzjament tal-baġit Komunitarju.
56 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li la l-Artikolu 379 tar-regolament ta' applikazzjoni u lanqas l-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 1214/92 ma jorbtu lill-awtoritajiet b'xi terminu massimu jew b'xi terminu perentorju.
57 Anki l-kliem stess ta' l-Artikolu 379(1) tar-regolament ta' applikazzjoni jindika li m'huwa previst l-ebda terminu perentorju. Din id-dispożizzjoni lanqas ma tgħin l-interess tal-Komunità f'irkupru rapidu tad-dazji doganali, li huwa rregolat biss fl-Artikoli 217 et seq tal-Kodiċi. Ir-regoli ta' l-Artikoli 378 et seq tar-regolament ta' applikazzjoni, ibbażati fuq l-Artikolu 215 KE, jikkonċernaw kwistjoni li tippreċedi l-irkupru, jiġifieri l-konstatazzjoni tal-fatti li fuqhom ikun ibbażat l-irkupru, li jista' jkun ittardjat minn ċerti ċirkustanzi.
58 Il-Gvern Ġermaniż josserva li, jekk ikun hemm dewmien fl-investigazzjoni, l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi ma jkunux jistgħu jirrispettaw it-terminu ta' ħdax-il xahar, l-aktar spiss minħabba ċirkustanzi li mhux talli ma jkunux responsabbli għalihom huma iżda li jkunu r-responsabbiltà ta' l-amministrazzjonijiet doganali ta' Stati Membri oħra.
59 L-Artikolu 379(2) tar-regolament ta' applikazzjoni, l-istess bħall-Artikolu 379(1) ta' l-istess regolament, ma jorbotx lill-awtoritajiet doganali b'terminu massimu. Mill-kliem stess ta' din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju ma jeżiġix li l-awtoritajiet ikunu diġà rkupraw id-dazji u l-kontribuzzjonijiet meta jiskadi jew qabel ma jiskadi terminu ta' tliet xhur.
60 Jekk ikunu ppreżentati xi provi ftit taż-żmien qabel ma jiskadi l-imsemmi terminu ta' tliet xhur, l-awtoritajiet doganali huma obbligati jivverifikaw in-natura probatorja tagħhom. Barra minn hekk, il-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni tista' tippreżenta provi alternattivi fis-sens ta' l-Artikolu 380 tar-regolament ta' applikazzjoni. Ikun biss meta jispiċċaw l-istħarriġ tagħhom li l-awtoritajiet doganali jkunu f'pożizzjoni li jikkonstataw, jekk ikun il-każ, l-eżistenza ta' dejn doganali u li jiddeterminaw l-ammont tiegħu kif ukoll l-identità tad-debitur. Issa, xi drabi dawn il-verifiki jistgħu jieħdu ħafna żmien.
61 Barra minn hekk, m'hemm xejn li jippermetti li jiġi konkluż li l-Istati Membri huma obbligati li, fir-rigward tal-Komunità, jipproċedu għall-irkupru u għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji meta, fir-rigward tad-debituri ta' dejn doganali, huma xorta jistgħu jipproċedu għall-irkupru wara li jintemm it-terminu ta' erbatax-il xahar. Għall-awtoritajiet doganali, huwa biss it-terminu ta' tliet snin previst fl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi li huwa obbligatorju.
62 Il-Gvern Ġermaniż isostni wkoll li, anki kieku dawn iż-żewġ termini kellhom jitqiesu bħala obbligatorji, huma ma jistgħux jingħaddu flimkien peress li huma jkopru destinatarji differenti. Fil-fatt, l-Artikolu 379(1) tar-regolament ta' applikazzjoni huwa intiż sabiex jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri sabiex iwettqu l-proċedura ta' stħarriġ malajr kemm jista' jkun u għal kooperazzjoni rapida, filwaqt li l-Artikolu 379(2) jinkoraġġixxi lill-prinċipal sabiex jikkollabora b'mod attiv fil-kjarifika tas-sitwazzjoni, taħt piena li jkollu jħallas id-dazji fl-Istat Membru ta' l-uffiċċju tat-tluq. Issa, skond il-loġika, it-termini massimi indirizzati lill-istess destinatarji biss jistgħu jingħaddu flimkien.
63 Barra minn hekk, mat-termini previsti fl-Artikolu 379(1) u (2) tar-regolament ta' applikazzjoni għandu neċessarjament jiżdied it-terminu li fih l-awtoritajiet doganali għandhom iwettqu investigazzjonijiet u verifiki fir-rigward tal-provi msemmija fl-Artikolu 380 ta' l-istess regolament.
64 Fl-aħħarnett, id-dispożizzjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni tad-dejn doganali fil-kotba tal-kontijiet u n-notifika tiegħu huma s-suġġett ta' l-Artikoli 217 sa 221 tal-Kodiċi. Sakemm id-dettalji meħtieġa għall-kalkolu u għar-reġistrazzjoni tal-kontribuzzjonijiet fil-kotba tal-kontijiet ma jkunux disponibbli, il-leġiżlatur Komunitarju jagħti terminu ta' tliet snin sabiex ikunu rkuprati d-dazji.
65 Skond il-Gvern Belġjan, parti intervenjenti in sostenn tat-talbiet tal-gvern konvenut, l-iskadenza ta' l-erbatax-il xahar ma tammontax għal data ta' limitazzjoni u lanqas għal terminu perentorju iżda pjuttost għal terminu ta' natura indikattiva li jindika l-punt tat-tluq tal-proċedura ta' konstatazzjoni tad-dejn doganali mill-Istat Membru.
66 Skond dan l-istess gvern, il-konstatazzjoni tad-dejn doganali timplika li, skond l-Artikoli 220 et seq tal-Kodiċi, l-Istat Membru għandu żmien suffiċjenti. Meta jiskadu l-erbatax-il xahar, l-uffiċċju tat-tluq ma jkollux d-data kollha meħtieġa għall-kalkolu tad-dejn doganali in kwistjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
67 Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-Gvern Ġermaniż mhux jikkontesta l-konstatazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni dwar id-dejn doganali li rriżulta mill-irregolaritajiet imwettqa taħt il-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern, dejn li, matul il-perijodu kopert minn dan ir-rikors, jiġifieri s-snin 1993 sa 1996, ma kienx is-suġġett ta' proċedura ta' rkupru mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi fit-terminu ta' jumejn imsemmi fl-Artikolu 218 tal-Kodiċi wara l-iskadenza tat-terminu ta' tliet xhur imsemmi fit-tielet sentenza ta' l-Artikolu 379(2) tar-regolament ta' applikazzjoni u fid-dispożizzjonijiet korrispondenti li kienu japplikaw qabel. Madankollu, kuntrarjament għall-Kummissjoni, dan il-Gvern jikkunsidra li, billi beda l-proċedura ta' rkupru diversi xhur wara l-iskadenza ta' dan it-terminu ta' tliet xhur, huwa ma naqasx mill-obbligi tiegħu taħt id-dritt doganali tal-Komunità.
68 F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skond l-Artikolu 379(1) tar-regolament ta' applikazzjoni, meta kunsinna ma tkunx ġiet ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni u meta l-post fejn ikunu saru l-ksur jew l-irregolarità ma jkunx jista' jiġi stabbilit, l-uffiċċju tat-tluq għandu jinnotifka lill-prinċipal b'dan il-fatt malajr kemm jista' jkun l-aktar tard qabel ma jiskadi il-ħdax-il xahar ta' wara d-data tar-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' tranżitu Komunitarju.
69 Minkejja li fis-sentenza ta' l-14 ta' Novembru 2002, SPKR (C-112/01, Ġabra p. I-10655, punt 40), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nuqqas ta' osservanza tat-terminu ta' ħdax-il xahar ma jipprekludix fih innifsu l-irkupru tad-dejn doganali mingħand il-prinċipal, hija osservat ukoll, fil-punt 34 ta' l-istess sentenza, li dan it-terminu huwa indirizzat lill-awtoritajiet amministrativi u għandu bħala għan li jassigura applikazzjoni diliġenti u uniformi, minn dawn l-awtoritajiet, tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta' rkupru tad-dejn doganali fl-interess tat-tqegħid għad-dispożizzjoni rapidu tar-riżorsi proprji tal-Komunità. Għalhekk, l-osservanza tat-terminu ta' ħdax-il xahar, għalkemm m'għandha l-ebda effett fuq jekk id-dejn doganali huwiex dovut, hija, madankollu, ta' natura obbligatorja għall-Istati Membri fid-dawl ta' l-obbligi Komunitarji tagħhom dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet.
70 Barra minn hekk, skond l-Artikolu 379(2) tar-regolament ta' applikazzjoni, in-notifika msemmija fl-Artikolu 379(1) għandha tindika, b'mod partikolari, it-terminu li fih il-prova tar-regolarità ta' l-operazzjoni ta' tranżitu jew tal-post fejn effettivament sar il-ksur tista' tingħata lill-uffiċċju tat-tluq, għas-sodisfazzjon ta' l-awtoritajiet doganali. Dan it-terminu huwa ta' tliet xhur li jibdew jiddekorru jgħodd mid-data tan-notifika msemmija fl-Artikolu 379(1). Jekk il-prova msemmija ma tingħatax sa l-iskadenza ta' dan it-terminu, l-Istat Membru kompetenti "għandu jieħu l-passi biex jirkupra" d-dazji jew l-imposti l=oħra involuti.
71 Fil-punti 24 u 25 tas-sentenza ta' l-20 ta' Jannar 2005, Honeywell Aerospace (C-300/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mill-kliem stess ta' l-Artikolu 378(1) u ta' l-Artikolu 379(2) tar-regolament ta' applikazzjoni jirriżulta li n-notifika mill-uffiċċju tat-tluq lill-prinċipal tat-terminu li fih il-provi mitluba jistgħu jingħataw hija ta' natura obbligatorja u għandha ssir qabel l-irkupru tad-dejn doganali. Dan it-terminu huwa intiż sabiex jipproteġi l-interessi tal-prinċipal billi jagħtih tliet xhur sabiex iressaq, jekk ikun il-każ, il-prova tar-regolarità ta' l-operazzjoni ta' tranżitu jew tal-post fejn effettivament twettqu l-irregolarità jew il-ksur. Għaldaqstant, l-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju tat-tluq jista' jipproċedi għall-irkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni biss jekk, b'mod partikolari, ikun indika lill-prinċipal li huwa għandu terminu ta' tliet xhur sabiex iressaq il-provi mitluba u jekk dawn il-provi ma jkunux tressqu f'dan it-terminu.
72 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f'sitwazzjoni fejn, bħal f'dan ir-rikors, il-kunsinni in kwistjoni ma jkunux ġew ippreżentati fl-uffiċċju tad-destinazzjoni u fejn il-post tal-ksur jew ta' l-irregolarità ma jkunx jista' jiġi stabbilit, l-uffiċċju tat-tluq għandu, fl-interess tat-tqegħid għad-dispożizzjoni rapidu tar-riżorsi proprji tal-Komunità, jinnotifika lill-prinċipal b'dan mill-aktar fis possibbli u l-aktar tard qabel ma jiskadi l-ħdax-il xahar ta' wara d-data tar-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' tranżitu Komunitarju. Din in-notifika għandha tindika lill-persuna kkonċernata li hija tibbenefika minn terminu ta' tliet xhur li fih il-prova tar-regolarità ta' l-operazzjoni ta' tranżitu jew tal-post fejn effettivament sar il-ksur tista' tingħata lill-uffiċċju tat-tluq għas-sodisfazzjoni ta' l-awtoritajiet doganali. Jekk din il-prova ma tingħatax sat-tmiem ta' dan it-terminu, l-Istat Membru kompetenti "għandu jieħu l-passi biex jirkupra" d-dejn doganali.
73 Huwa f'dan il-kuntest li l-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi jipprovdi li kull ammont ta' dazji fuq l-importazzjoni jew ta' dazji fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali għandu jiġi "kalkulat" mill-awtoritajiet doganali malli "jkollhom id-dettalji neċessarji" u għandu "jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet."
74 Skond l-Artikolu 218(3) tal-Kodiċi, l-"ammont ta' dazju relevanti għandu jiddaħħal fil-kotba tal-kontijiet" f'terminu ta' jumejn li jibda jgħodd mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jkunu "f'pożizzjoni li jikkalkulaw l-ammont ta' dazju konċernat u li jistabbilixxu d-debitur" tad-dejn doganali. L-Artikolu 219 tal-Kodiċi jippermetti li dan it-terminu jiġi estiż sa mhux aktar minn erbatax-il jum jew għal raġunijiet li jkollhom x'jaqsmu ma' l-organizzazzjoni amministrattiva ta' l-Istati Membri, jew minħabba ċirkustanzi speċjali li jżommu lill-awtoritajiet doganali milli josservaw l-imsemmija termini. Skond l-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi, l-ammont tad-dazji għandu jiġi "kkomunikat lid-debitur" "malli jkun iddaħħal fil-kontijiet."
75 Fil-kuntest ta' dan ir-rikors, il-Kummissjoni qiegħda essenzjalment takkuża lill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi li ma ħadux passi, fil-jumejn ta' wara l-iskadenza tat-terminu ta' tliet xhur previst fl-Artikolu 379(2) tar-regolament ta' applikazzjoni, sabiex jirkupraw id-dejn doganali. Hija takkużahom, b'mod aktar preċiż, li la rreġistraw l-ammont tad-dazji korrispondenti fil-kotba tal-kontijiet, skond l-Artikolu 218(3) tal-Kodiċi u lanqas ma kkomunikaw l-ammont lid-debitur skond l-Artikolu 221(1) ta' l-istess Kodiċi, proċeduri li fuqhom tiddependi l-konstatazzjoni tar-riżorsi proprji fis-sens ta' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1552/89.
76 Skond il-Gvern Ġermaniż, l-Istati Membri m'għandhomx l-obbligu li jirkupraw id-dejn doganali immedjatament malli jiskadi t-terminu ta' tliet xhur li jiġu wara l-iskadenza tat-terminu ta' ħdax-il xahar imsemmi fl-Artikolu 379(1) tar-regolament ta' applikazzjoni.
77 Dan l-argument għandu jiġi miċħud.
78 Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, mill-kliem stess tat-tielet sentenza ta' l-Artikolu 379(2) tar-regolament ta' applikazzjoni jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati li jibdew il-proċedura ta' rkupru fis-sens ta' din id-dispożizzjoni malli jiskadi t-terminu ta' tliet xhur imsemmi f'din l-istess dispożizzjoni. Din l-intepretazzjoni hija meħtieġa wkoll sabiex tkun iggarantita applikazzjoni diliġenti u uniformi, mill-awtoritajiet kompetenti, tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta' rkupru tad-dejn doganali fl-interess tat-tqegħid għad-dispożizzjoni effettiv u rapidu tar-riżorsi proprji tal-Komunità.
79 Din l-interpretazzjoni lanqas ma hija inkompatibbli ma' l-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi, li jawtorizza l-komunikazzjoni ta' l-ammont tad-dazji li għandu jitħallas matul perijodu ta' tliet snin li għandu jingħadd minn malli jinħoloq id-dejn doganali. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija intiża b'mod partikolari sabiex tassigura ċ-ċertezza legali billi tippreskrivi terminu massimu għall-komunikazzjoni lid-debitur ta' l-ammont tad-dejn doganali. Għaldaqstant, hija ma toħloqx dubji dwar l-obbligi ta' l-awtoritajiet doganali li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi u tar-regolament ta' applikazzjoni fir-rigward tal-Komunità bil-għan li tkun assigurata applikazzjoni diliġenti u uniformi tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta' l-irkupru tad-dejn doganali, fl-interess tat-tqegħid għad-dispożizzjoni rapidu u effettiv tar-riżorsi proprji tal-Komunità.
80 Skond l-Artikoli 217(1), 218(3) u 219 tal-Kodiċi, ir-reġistrazzjoni fil-kotba tal-kontijiet ta' l-ammont korrispondenti għad-djun doganali bħal dawk involuti f'dan ir-rikors għandha ssir f'terminu ta' jumejn, li jista' jiġi estiż sa mhux aktar minn total ta' erbatax-il jum. Minbarra dan, il-komunikazzjoni lid-debitur ta' l-ammont li jikkorrispondi għal dawn id-djun għandha ssir, skond l-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi, malli dan l-ammont ikun irreġistrat fil-kotba tal-kontijiet. Dan it-terminu jibda jiddekorri mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jkollhom id-dettalji meħtieġa u, għaldaqstant, ikunu jistgħu jikkalkulaw l-ammont tad-dazji u jkunu jistgħu jiddeterminaw id-debitur. Issa, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, dan ikun preċiżament il-każ l-aktar tard meta jiskadi t-terminu ta' tliet xhur imsemmi fl-Artikolu 379(2) tar-regolament ta' applikazzjoni.
81 L-ewwel nett, fir-rigward tal-konstatazzjoni ta' l-eżistenza ta' dejn doganali, għandu jiġi osservat li, meta, bħal fil-każijiet koperti minn dan ir-rikors, il-kunsinni mqiegħda taħt il-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern ma jkunux ġew ippreżentati lill-uffiċċju tad-destinazzjoni fit-terminu preskritt mill-uffiċċju tat-tluq, id-dejn doganali huwa preżunt li nħoloq u l-prinċipal huwa preżunt li huwa d-debitur ta' dan id-dejn. F'każ bħal dan, u meta l-post tal-ksur jew ta' l-irregolarità ma jkunx jista' jiġi stabblilit, l-uffiċċju tat-tluq għandu, skond l-Artikolu 379(1) tar-regolament ta' applikazzjoni, jagħti notifika ta' dan lill-prinċipal qabel l-iskadenza ta' terminu ta' ħdax-il xahar mid-data tar-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' tranżitu Komunitarju.
82 Skond l-ewwel u t-tieni sentenzi ta' l-Artikolu 379(2), din in-notifika għandha tindika t-terminu ta' tliet xhur li l-persuna kkonċernata għandha sabiex tagħti prova tar-regolarità ta' l-operazzjoni ta' tranżitu. Kif ġie osservat fil-punt 71 ta' din is-sentenza, l-awtoritajiet doganali kompetenti jistgħu jipproċedu għall-irkupru tad-dejn biss jekk huma jkunu indikaw lill-prinċipal li huwa għandu terminu ta' tliet xhur sabiex iressaq il-prova tar-regolarità ta' l-operazzjoni ta' tranżitu u jekk dik il-prova ma tkunx tressqet f'dan it-terminu.
83 Issa, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tagħha, m'hemm xejn li jippermetti li jiġi konkluż li l-evalwazzjoni tal-provi ppreżentati sabiex tiġi stabbilita r-regolarità ta' l-operazzjoni, bħal dawk elenkati b'mod mhux eżawrjenti fl-Artikolu 380 tar-regolament ta' applikazzjoni, anke jekk ikun preżunt li dawn il-provi tressqu fl-aħħar jum tat-terminu ta' tliet xhur indikat aktar 'il fuq, tiġġustifika deroga mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 218 u 219 tal-Kodiċi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni fil-kotba fil-kontijiet ta' l-ammonti tad-dazji u għall-finijiet tal-komunikazzjoni tagħhom lid-debitur skond l-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi.
84 It-tieni nett, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-debitur tad-dejn doganali, għandu jiġi osservat li, skond l-Artikolu 379(1) u (2) tar-regolament ta' applikazzjoni, fit-tmiem ta' dan it-terminu ta' tliet xhur, il-prinċipal huwa kkunsidrat bħala d-debitur tad-dejn doganali, u dan indipendentament mill-fatt li tista' tkun stabbilita r-responsabbiltà ta' persuni oħra. B' konsegwenza ta' dan, sa mhux aktar tard mill-iskadenza ta' dan it-terminu ta' tliet xhur, l-awtoritajiet doganali jkunu, b'mod ċar, f'pożizzjoni li jidentifikaw il-prinċipal bħala d-debitur tad-dejn doganali.
85 Barra minn hekk, fir-rigward tad-determinazzjoni ta' l-ammont tad-dazji, għandu jiġi osservat li, kif spjegat l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 sa 62 tal-konklużjonijiet tagħha, anki jekk l-uffiċċju tat-tluq ma jistax ikun meħtieġ li jikkalkula b'mod sistematiku l-ammont tad-dazji li jikkorrispondi għad-dejn doganali fuq l-importazzjoni għal kull operazzjoni ta' tranżitu mwettqa malli tkun irreġistrata d-dikjarazzjoni tat-tranżitu, il-mument li minnu dan l-uffiċċju jkollu, fil-prinċipju, id-dettalji meħtieġa sabiex jikkalkula d-dazji in kwistjoni, xejn ma jipprojbixxi, fi kwalunkwe każ, li dan il-kalkolu jsir malli l-prinċipal ikun informat bit-terminu ta' tliet xhur li matulu huwa jista' jressaq il-prova tar-regolarità ta' l-operazzjoni, jiġifieri sa mhux aktar tard mill-iskadenza tat-terminu ta' ħdax-il xahar previst mill-Artikolu 379(1) tar-regolament ta' applikazzjoni.
86 Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-determinazzjoni ta' l-awtoritajiet doganali kompetenti sabiex jipproċedu għall-irkupru tad-dejn doganali, l-Artikolu 378(1) u (2) tar-regolament ta' applikazzjoni jistabbilixxi preżunzjoni ta' kompetenza favur l-Istat Membru ta' l-uffiċċju tat-tluq. Fit-terminu ta' tliet xhur previst fl-Artikolu 379(2) ta' l-istess regolament, il-prova li l-ksur sar fi Stat ieħor tista' tingħata mill-prinċipal. Kif ġustament osservat il-Kummissjoni, m'hemm xejn li jippermetti li jiġi konkluż li l-evalwazzjoni tad-dokumenti mressqa għal dan l-iskop, anki jekk jiġi preżunt li dawn ikunu pprovduti fl-aħħar jum tat-terminu ta' tliet xhur, ma tistax issir fit-terminu ta' jumejn wara t-tmiem tat-terminu ta' tliet xhur, estiż, f'każijiet partikulari debitament iġġustifikati, bi tnax-il jum addizzjonali għal terminu massimu ta' erbatax-il jum.
87 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-argumenti tal-Gvern Ġermaniż, li t-termini ta' ħdax-il xahar u ta' tliet xhur huma biss termini indikattivi u li l-proċedura ta' rkupru m'għandhiex bilfors tinbeda meta jiskadi t-terminu ta' tliet xhur, għandu jiġi miċħud minħabba li, meta jiskadi dan it-terminu, ikun materjalment impossibbli, għall-awtoritajiet doganali kompetenti, li jibdew immedjatament il-proċedura għall-irkupru tad-dejn doganali.
88 Fl-aħħarnett, il-komunikazzjoni ta' l-ammont tad-dejn lill-prinċipal immedjatament wara li jintemm it-terminu ta' tliet xhur ma tammontax għal piż sproporzjonat għalih. Fil-fatt, jekk sussegwentament jirriżulta li l-operazzjoni ta' tranżitu Komunitarju saret b'mod regolari u fit-termini stabbiliti jew li ntemmet tard mingħajr xi irregolarità oħra, il-prinċipal jista' jikseb il-ħlas lura ta' l-ammonti mħallsa, liema ħlas lura, bl-adozzjoni tal-Kodiċi, huwa espressament previst fl-Artikolu 236(1) tiegħu, sakemm ikun stabbilit li, skond l-Artikolu 204(1) tal-Kodiċi, moqri flimkien ma' l-Artikolu 859 tar-regolament ta' applikazzjoni, in-nuqqas baqa' mingħajr konsegwenza reali fuq il-funzjoni korretta tas-sistema doganali kkunsidrata.
89 Dewmien fil-komunikazzjoni, b'nuqqas ta' osservanza ta' l-Artikoli 221(1) u 218(3) tal-Kodiċi, ta' l-ammont tad-dazji korrispondenti, bħalma jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jimplika neċessarjament dewmien fil-konstatazzjoni tad-dritt tal-Komunitajiet fuq ir-riżorsi proprji fis-sens ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89. Fil-fatt, skond din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar, id-dritt in kwistjoni għandu jkun ikkonstatat "malli" l-ammont dovut ikun ikkomunikat mill-awtoritajiet kompetenti lid-debitur, komunikazzjoni li għandha ssir malli d-debitur ikun magħruf u malli l-ammont tad-dritt ikun jista' jiġi kkalkulat mill-awtoritajiet amministrativi kompetenti, b'konformità mad-dispożizzjonijiet Komunitarji applikabbli f'dan il-qasam, f'dan il-każ il-Kodiċi u r-regolament ta' applikazzjoni.
90 Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat fir-rigward kemm tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi u tar-regolament ta' applikazzjoni kif ukoll dawk tar-regolamenti, fis-sustanza identiċi, li kienu preċedentement applikabbli matul il-perijodu kopert minn dan ir-rikors.
91 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, billi qiegħdet ir-riżorsi proprji għad-dispożizzjoni tal-Komunità meta kien tard wisq, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 1214/92 u taħt l-Artikolu 379 tar-regolament ta' applikazzjoni, moqrija flimkien ma' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1552/89.
Fuq l-ispejjeż
92 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet fuq il-motivi essenzjali tagħha, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. Skond l-Artikolu 69(4) ta' l-istess Regoli, ir-Renju tal-Belġju għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla), taqta' u tiddeċiedi li:
1) Billi qiegħdet ir-riżorsi proprji għad-dispożizzjoni tal-Komunità meta kien tard wisq, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1214/92, tal-21 ta' April 1992, dwar dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni kif ukoll miżuri ta' semplifikazzjoni tas-sistema tat-tranżitu Komunitarju u taħt l-Artikolu 379 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta' Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, moqrija flimkien ma' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/89, tad-29 ta' Mejju 1989, dwar l-implementazzjoni tad-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom dwar is-sistema ta' riżorsi [proprji] tal-Komunitajiet.
2) Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.
3) Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata tbati l-ispejjeż.
4) Ir-Renju tal-Belġju għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy