SENTENZA TAL-QORTI (l-Ewwel Awla)
10 ta' Marzu 2005 (*)
"Politika soċjali – Ħaddiema rġiel u nisa – Artikolu 119 tat-Trattat KE (l-Artikoli 117 sa 120 tat-Trattat KE ssostitwiti mill-Artikoli 136KE sa 143KE) – Direttiva 75/117/KEE– Pagi ndaqs – Direttiva 76/207/KEE – Trattament indaqs – Postijiet temporanji ta' xogħol ħin parziali (part time) – Esklużjoni ta' integrazzjoni mal-persunal permanenti – Kalkolu ta' l-anzjanità – Oneru tal-prova"
Fil-kawża C-196/02
li għandha bħala għan talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Eirinodikeio Athinon (il-Greċja), permezz ta' deċiżjoni tat-13 ta' Mejju 2002 , li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis- 27 ta' Mejju 2002, fil-proċedura
Vasiliki Nikoloudi
vs
Organismos Tilepikoinonion Ellados AE,
IL-QORTI (l-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, A. Rosas (Relatur), A. La Pergola, S. von Bahr u K. Schiemann, Imħallfin
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: R. Grass,
wara rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
·għal Vasiliki Nikoloudi, minn N. Zelios, dikigoros,
·għall-Organismos Tilepikoinonion Ellados AE, minn Vallis u A. Margariti, dikigori,
·għall-Gvern Grieg, minn M. S. A. Spyropoulos u E.-M. Mamouna, bħala aġenti,
·għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Patakia u N. Yerrell, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fid-29 ta' April 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 119 tat-Trattat KE (l-Artikoli 117 sa 120 tat-Trattat KE ġew issostitwiti bl-Artikoli 136 KE sa 143 KE), kif ukoll id-Direttivi tal-Kunsill 75/117/KEE ta' l-10 ta' Frar 1979, li jikkonċernaw l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet ta' l-Istati membri relatati ma' l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' pagi ndaqs bejn ħaddiema rġiel u nisa (ĠU L 45, p. 19) u 76/207/KEE tal-Kunsill, tad-9 ta' Frar 1976, dwar il-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ u promozzjoni professjonali u l-kundizzjonijiet ta' xogħol (GU L 39, p. 40).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn V. Nikoloudi u min kien iħaddimha, Organismos Tilepikoinonion Ellados AE (l-entità nazzjonali tat-telekomunikazzjoni, aktar il-quddiem l-"OTE"), kumpannija rreġistrata taħt il-liġi Griega, li magħha hija kienet taħdem ħin parzjali bħala "tekniku ta' superfiċji", fir-rigward ta' l-esklużjoni tagħha mill-possibbiltà, prevista mill-ftehim kollettivi fuq dan is-suġġett, li tiġi integrata mal-persunal permanenti ta' din il-kumpannija.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 119 tat-Trattat jistabbilixxi l-prinċipju ta' ugwaljanza ta' pagi bejn irġiel u nisa għall-istess xogħol jew xogħol ta' l-istess valur.
4 Skond l-ewwel inċiż ta' l-ewwel Artikolu tad-Direttiva 75/117, dan il-prinċipju jimplika "it-tneħħija ta' kull diskriminazzjoni fuq bażi ta' sess għar-rigward ta' l-aspetti kollha u kundizzjonijiet ta' ħlas."
5 Id-Direttiva 76/207 tirrigwarda l-eliminazzjoni, li tikkonċerna l-kundizzjonijiet ta' xogħol u l-aċċess għall-impjiegi jew għall-postijiet ta' xogħol, ta' kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.
6 Id-Direttiva 97/80/KE tal-Kunsill, tal-15 ta' Diċembru 1997, dwar il-piż tal-prova f'każijiet ta' diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess (ĠU 1998 L 14, p.6) kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri l-aktar tard fl-1 ta' Jannar 2001. Din hija applikabbli għal sitwazzjonijiet li jaqgħu, b'mod partikolari, taħt l-Artikolu 119 tat-Trattat u taħt id-Direttivi 75/117 u 76/207.
7 Skond l-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri "għandhom jieħdu dawk il-miżuri li huma neċessarji, skond is-sistemi nazzjonali ġudizzjarji tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba li l-prinċipju tat-trattament ugwali ma ġiex applikat lilhom jistabbilixu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti, fatti li minnhom jista' jiġi preżunt li hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun il-konvenut li jipprova li ma kien hemm ebda ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali."
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
8 L-istatut ġenerali tal-persunal ta' l-OTE jgħid fl-Artikolu 2(1) tiegħu li l-persunal huwa kompost minn ħaddiema permanenti u ħaddiema temporanji. Mill-inkartament jirriżulta li l-persunal b'kuntratt permanenti ta' l-OTE huma biss persuni impjegati għall-ħin kollu.
9 Il-persunal temporarju huwa kompost minn ħaddiema impjegati b'kuntratt għal żmien determinat, jew, skond l-Artikolu 24a(2) ta' dan l-Istatut, u eċċezzjonalment, b'kuntratt għal żmien indeterminat flimkien ma', min-naħa, il-funzjoni ta' tekniku ta' superfiċji li jaħdem għal ġin parzjali (inċiż a) u, min-naħa l-oħra, l-impjieg ta' persuni dipendenti ta' impjegat li jkun miet, minħabba problemi ekonomiċi familjari li jirriżultaw mill-mewt tiegħu (inċiż c).
10 L-Artikolu 3(v)(d) ta' l-Istatut Ġenerali ta' l-OTE jirriżerva għan-nisa l-funzjoni ta' tekniku ta' superfiċji.
11 L-Artikolu 5(9) ta' l-Istatut Ġenerali ta' l-OTE, fil-verżjoni applikabbli sa l-1 ta' Jannar 1996, kien jeskludi kompletament il-perijodi ta' xogħol b'ħin parzjali mill-kalkolu ta' l-anzjanità ta' servizz, filwaqt li emenda, li ddaħlet f'din id-data, tgħid li perijodi ta' xogħol b'ħin parzjali għandhom jiġu inklużi pro rata f'dan il-kalkolu. Fir-rigward tat-tekniċi ta' superfiċji li jagħmlu parti mill-persunal temporanju, din l-emenda tippreċiża li t-tliet siegħat ta' servizz kuljum mwettqa minn dawk li jaħdmu ħin parzjali huma kkalkulati bħala ekwivalenti ta' nofs il-ħin ta' impjieg b'ħin sħiħ.
12 Il-ftehim kollettivi tat-2 ta' Novembru 1987 u ta' l-10 ta' Mejju 1991 (iktar 'il quddiem il-"ftehim kollettivi"), konklużi bejn l-OTE u l-Omospondia Ergazomenon OTE (il-federazzjoni ta' l-impjegati ta' l-OTE), jirregolaw l-integrazzjoni, taħt ċerti kundizzjonijiet, tal-persunal temporanju ta' l-OTE mal-persunal b'kuntratt permanenti. Mill-inkartament jirriżulta li dan il-ftehim huwa bbażat fuq l-Artikolu 66(1) ta' l-Istatut Ġenerali ta' l-OTE, li jirreferi għall-impjieg "definittiv" tal-persunal temporanju li jaħdem ħin sħiħ b'kuntratt għal żmien indeterminat.
13 Jidher ukoll mid-deċiżjoni ta' rinviju li l-ewwel minn dawk il-ftehim kien jipprevedi talba għal kuntratt permanenti li min-naħa tal-persunal temporanju jkun għamel mill-inqas sentejn servizz kontinwu f'impjieg b'ħin sħiħ. Issa, it-tieni ftehim kollettiv, li ma kien jitlob ebda perijodu ta' serviżż effettwat qabel, ġie madankollu interpretat u applikat mill-OTE bħala li jikkonċerna biss il-persunal li jaħdem il-ħin kollu .
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14 Fl-1 ta' Settembru 1978, V. Nokoloudi ġiet ingaġġata mill-OTE bħala impjegata temporanja b' kuntratt ta' xogħol għal żmien indeterminat. Hija kienet impjegata bħala tekniku ta' superfiċji u ħadmet ħin parzjali sas-27 ta' Novembru 1996. Fit-28 ta' Novembru 1996 il-kuntratt tagħha ġie mibdul f'kuntratt b'ħin sħiħ. Hija rtirat meta laħqet il-limitu ta' l-età, fis-17 ta' Awwissu 1998.
15 Mill-inkartament jirriżulta li ebda wieħed mill-ftehim kollettivi ma kien applikabbli għal V. Nikoloudi, sakemm hija rtirat, minħabba li hija kienet taħdem ħin parzjali.
16 Peress li ġiet eskluża l-possibbiltà li toħroġ minn dawn il-ftehim kollettivi, biex tagħmel parti mill-persunal permanenti, V. Nokoloudi resqet azzjoni quddiem il-qorti nazzjonali, li biha sostniet li din l-esklużjoni kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ipprojbita mil-liġi Komunitarja.
17 Hija qieset ukoll li l-Artikolu 5(9) ta' l-Istatut Ġenerali ta' l-OTE, kemm fil-verżjoni oriġinali kif ukoll fil-verżjoni emendata ta' l-1 ta' Jannar 1996, imur kontra l-liġi Komunitarja u, għaldaqstant, mhuwiex applikabbli.
18 Fl-aħħar nett, V. Nikoloudi tqis li, minn kalkolu tat-tul ta' żmien ta' l-impjieg b'ħin parzjali fil-kalkolu ta' l-anzjanità tagħha fis-servizz, hija għandha tibbenefika minn differenza fis-salarju favuriha ta' EUR 5,843.43 għaż-żmien mit-28 ta' Novembru 1996 sas-17 ta' Awwissu 1998.
19 Permezz tar-rikors tagħha, V. Nikoloudi talbet li l-OTE tiġi kkundannata tħallasha dan l-ammont, bl-interessi.
20 L-OTE sostniet li V. Nikoloudi ma kellhiex kuntratt permanenti minħabba li, skond dak li kellu jiġi applikat, mingħajr diskriminazzjoni u indipendentement mill-ispeċjalizzazzjoni tal-persunal jew tas-sess tagħhom, impjieg b'ħin sħiħ jikkostitwixxi kundizzjoni preliminari tal-persunal temporanju għal kuntratt permanenti. Minbarra dan, skond l-Artikolu 5(9) ta' l-Istatut Ġenerali ta' l-OTE, l-impjeg b'ħin parzjali ma jistax jiġi kkunsidrat fil-kalkolu ta' l-anzjanità ta' V. Nikoloudi ħlief mill-1 ta' Jannar 1996.
21 F'dawk iċ-ċirkustanzi, peress li l-Eirinodikeio Athinon qies li l-kontenzjuż qajjem il-bżonn ta' interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji, iddeċieda li jissospendi l-proċedura u ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizja d-domandi preliminari li ġejjin:
"1) Għandha tiġi kkunsidrata kompatibbli, ma' l-eżiġenzi li jirriżultaw minn (l-Artikolu 119 tat-Trattat) u mid-Direttivi 75/117 u 76/207, l-eżistenza u l-applikazzjoni ta' dispożizzjoni regolamentari bħal, f'dan il-każ, id-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 24(a)(2)(a) ta' l-Istatut Ġenerali tal-persunal ta' (l-OTE), li jgħid li n-nisa (biss) għandhom jiġu impjegati bħala tekniċi ta' superfiċji b'kuntratt ta' xogħol għal żmien indeterminat għal impjieg b'ħin parzjali jew intermittenti?
Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u in kunsiderazzjoni tal-fatt li l-impjieg b'ħin parzjali huwa marbut ma' paga mnaqqsa, jista' wieħed jinterpreta d-dispożizzjoni in kwistjoni fis-sens li din tikkostitwixxi awtomatikament diskriminazzjoni diretta minħabba s-sess, minħabba li din torbot direttament l-impjieg b'ħin parzjali mas-sess tal-ħaddiema (nisa) u li tiżvantaġġja b'hekk unikament in-nisa?
2) Il-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv konkluż fit-2 ta' Novembru 1987 bejn l-OTE u l-Omospondia Ergazomenon OTE (il-federazzjoni ta' l-impjegati ta' l-OTE) kienu eskludew, bħal f'dan il-każ, it-tekniċi ta' superfiċji temporanji impjegati b'ħin parzjali minn kuntratt għal żmien indeterminat, il-possibbiltà li jiġu integrati mal-persunal b'kuntratt permanenti (u dan independement mit-tul tal-kuntratt ta' xogħol b'ħin parzjali) minħabba li dan il-ftehim kien jeżiġi mill-inqas sentejn servizz b'ħin sħiħ, imur kontra l- (Artikolu 119 tat-Trattat) u d-Direttivi msemmija qabel jew regola oħra tad-dritt Komunitarju bħala diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, jekk wieħed jissuponi li din id-dispożizzjoni (minkejja n-natura apparentement newtrali tagħha – hija fil-fatt ma tagħmilx riferiment għas-sess ta' l-impjegati) eskludiet biss u esklużivament in-nisa li huma tekniċi ta' superfiċji, minħabba li ma kienx hemm irġiel impjegati b'ħin parzjali b'kuntratt għal żmien indeterminat, la fil-fergħa "servizzi ġenerali" (li taħtha jaqgħu it-tekniċi ta' superfiċji) u lanqas f'xi fergħa ohra tal-persunal ta' l-OTE?
3) Meta ġie applikat il-ftehim kollettiv konkluż fl-10 ta' Mejju 1991 bejn l-OTE u l-Omospondia Ergazomenon OTE, l-OTE, sabiex tintegra (tqegħid f'perijodu ta' prova) in-nies b'kuntratt temporanju, eżiġiet kuntratt ta' xogħol għal żmien indeterminat f'impjieg b'ħin sħiħ.
Għandu wieħed jqis li l-esklużjoni tat-tekniċi ta' superfiċji impjegati b'ħin parzjali (independement mit-tul tal-kuntratt tagħhom) bħal fil-każ preżenti, jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, inammissibbli, ibbażata fuq is-sess, li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja ([Artikolu 119 tat-Trattat] kif ukoll id-Direttivi 75/117 u 76/207) minħabba l-fatt li l-ftehim kollettiv kien jeskludi biss it-tekniċi ta' superfiċji nisa, minħabba li ebda raġel ma kien impjegat b'ħin parzjali għal żmien indeterminat fi kwalunkwe fergħa tal-persunal ta' l-OTE?
4) Skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5(9) ta' l-Istatut Ġenerali tal-persunal ta' l-OTE fil-verżjoni li kienet applikabbli sa l-1 ta' Jannar 1996, l-impjieg b'ħin parzjali ma kienx jiġi kkunsidrat b'mod assolut fil-kalkolu ta' l-anzjanità biex jistabbilixxu l-aħjar kundizzjonijiet tas-salarji. Mill-1 ta' Jannar 1996, din id-dispożizzjoni ġiet emendata permezz ta' ftehim kollettiv li kien jgħid li l-impjieg b'ħin parzjali huwa kkalkulat bħala ekwivalenti għal nofs il-perijodu ta' impjieg b'ħin sħiħ.
Jekk wieħed jissuponi li l-impjieg b'ħin parzjali kien jikkonċerna esklużivament jew essenzjalment in-nisa, peress li d-dispożizzjonijiet jipprevedu l-esklużjoni totali ta' l-impjieg b'ħin parzjali (sa l-1 ta' Jannar 1996) jew li "tiġi kkunsidrata pro rata" in konnessjoni ma' impjieg b'ħin sħiħ (li jibda jgħodd mill-1 ta' Jannar 1996), jistgħu, fid-dawl ukoll tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġu interpretati li jdaħħlu diskriminazzjoni indiretta, ibbażata fuq is-sess, ipprojbita (skond ir-regoli tad-dritt Komunitarju) u, konsegwentement, li wieħed għandu jinkludi fl-anzjanità tagħhom iż-żmien kollu ta' l-impjieg b'ħin parzjali ?
5) Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b'mod affermattiv għad-domandi 1 sa 4, fi-sens li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni li jinsabu fir-regolament u l-ftehim kollettivi effettivament imorru kontra l-ordinament ġuridiku Komunitarju, li jattribwixxi l-piż tal-prova meta impjegat jinvoka li l-prinċipju ta' l-ugwaljanza tat-trattament inkiser għad-dannu tiegħu?"
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti
Osservazzjonijiet preliminari
22 Preliminarjament, għandhom isiru żewġ preċiżazzjonijiet fir-rigward tad-domandi mressqa mill-qorti ta' rinviju. L-ewwel nett, wieħed għandu jinnota li, fil-kawża prinċipali, din hija kwistjoni ta' possibbiltà ta' kuntratt permanenti, li jingħata bis-saħħa ta' ftehim kollettiv, favur il-persunal temporanju ta' l-OTE, li kien ikkonkluda kuntratt għal żmien indeterminat. Fil-kuntest tal-għoti tal-kuntratt permanenti, huwa evidenti li n-natura ta' kuntratt għal żmien determinat huwa fondamentalment differenti minn dak ta' kuntratt għal żmien indeterminat jew ukoll ta' kuntratt permanenti. B'konsegwenza ta' dan, il-ħaddiema li kienu kkonkludew kuntratt għal żmien determinat ma jinsabux f'sitwazzjoni komparabbli, fir-rigard tal-għoti tal-kuntratt permanenti, ma dawk il-ħaddiema li kienu jokkupaw postijiet tax-xogħol bis-saħħa ta' kuntratt għal żmien indeterminat. Għaldaqstant, l-eżami tad-domandi preliminari ser tirrigwarda biss dawn ta' l-aħħar.
23 It-tieni nett, minkejja regolament nazzjonali li donnu jipprevedi biss it-tekniċi ta' superfiċji bħala aġenti temporanji b'ħin parzjali, l-OTE tgħid li, ripetutament, kienet ingaġġat irġiel b'kuntratt għal żmien indeterminat għal xogħol b'ħin parzjali.
24 Għaldaqstant, wieħed irrid jifhem it-tieni u t-tielet domandi, li kkunsidraw id-diskriminazzjoni indiretta, fis-sens li jsemmu l-ipoteżi li fihom l-affermazzjoni ta' l-OTE jirriżultaw eżatti u, għaldaqstant, dawk l-irġiel ukoll ġew esklużi mill-possibbiltà ta' kuntratt permanenti mogħti mill-ftehim kollettivi. Bil-kontra, l-ewwel domanda, li kienet tikkunsidra d-diskriminazzjoni diretta, toqgħod fuq il-premessa li huma biss it-tekniċi ta' superfiċji li ġew esklużi minn din il-possibbiltà ta' kuntratt permanenti. Minħabba li dawn iż-żewġ ipoteżi kienu esklużivi għal xulxin, hija kompetenza tal-qorti tar-rinviju li jivverifika f'liema minn dawn iż-żewġ kuntesti tinsab il-kawża prinċipali.
Dwar l-ewwel domanda
25 Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, fis-sustanza, jekk id-dritt Komunitarju jmurx kontra dispożizzjoni bħal dik ta' l-Artikolu 24a(2)(a) ta' l-Istatut Ġenerali ta' l-OTE, li tirriżerva biss għat-tekniċi ta' superfiċji, u għaldaqstant, għan-nisa, l-impjieg għal żmien indeterminat relatat ma' xogħol b'ħin parzjali, u b'mod partikolari, jekk din id-dispożizzjoni tikkostitwxxix, minnha nfisha, diskriminazzjoni diretta, ibbażata fuq is-sess, minħabba li hija marbuta ma' impjieg b'ħin parzjali għal persuni tas-sess femminili, b'mod li tiżvantaġġja finanzjarjament lil dawn ta' l-aħħar.
26 Wieħed għandu jistaqsi mill-ewwel dwar l-eżistenza ta' l-istess xogħol, jew ta' xogħol ta' l-istess valur bil-għan li jiġu identifikati sitwazzjonijiet komparabbli ma' dik ta' V. Nokoloudi u wkoll, li jkunu jista' jiġi applikat il-prinċipju ta' ugwaljanza tat-trattament f'dan il-każ.
27 Issa, kuntrarjament għal dak li sostnew il-Kummissjoni u l-Gvern Grieg, il-fatt li ma jeżistix fi ħdan l-OTE raġel li jwettaq l-istess xogħol bħal dak imwettaq minn V. Nikoloudi m'huwiex ta' ostaklu għall-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju.
28 Għal dak li jirrigwarda l-ugwalanza tal-pagi, u fir-rigward ta' l-istess kliem ta' l-Artikolu 119 tat-Trattat, kif ukoll tal-ġurisprudenza, wieħed irrid jinnota li x-xogħol li jista' jintuża biex iservi ta' komparazzjoni m'għandux neċessarjament ikun l-istess bħal dak mwettaq mill-persuna li tinvoka l-prinċipju ta' ugwaljanza għaliha (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta' Marzu 2000, JämO, C-236/98, Ġabra p. I-2189, punt 49, u tas-17 ta' Settembru 2002, Lawrence et, C-320/00, Ġabra p. I-7325, punt 4). Il-fatt li komparazzjoni ġiet stabbilita fil-kuntest tad-Direttiva 76/207 ma jbiddel xejn minn din il-konklużjoni.
29 Hija tal-qorti nazzjonali, l-unika kompetenti sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl ta' l-elementi tal-fatti relatati mat-tip ta' xogħol mwettaq u l-kundizzjonijiet li fihom jitwettaq, xogħol ta' l-istess valur bħal dak mwettaq minn V. Nikoloudi jeżistix fi ħdan l-OTE u dan mingħajr ma neċessarjament jiġi kkunsidrat il-ħin li fih ix-xogħol jitwettaq (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta' Mejju 1995, Royal Copenhagen, C-400/93, Ġabra p I-1275, punt 43, u JämO, iċċitat iktar 'il fuq, il-punti 20 u 49).
30 Jekk dan huwa l-każ u għaldaqstant jekk sitwazzjonijiet komparabbli ma' dik ta' V. Nikoloudi jeżistu, wieħed għandu jistaqsi lilu nnifsu dwar l-allegata differenza fit-trattament bil-għan li jiġi vverifikat jekk din hijiex direttament ibbażata fuq is-sess.
31 F'dan il-każ, dan jirrigwarda persunal temporanju impjegat għal żmien indeterminat. Mill-inkartament jirriżulta li kuntratt bħal dan mhux awtorizzat, skond l-Artikolu 24a(2) ta' l-Istatut Ġenerali ta' l-OTE, ħlief għaż-żewġ każi msemmija fil-punt 9 ta' din is-sentenza, jiġifieri, minn naħa, il-funzjoni ta' tekniku ta' superfiċji li jaħdem ħin parzjali, u min-naħa l-oħra, l-impjieg ta' persuni dipendenti ta' impjegat li miet. Għaldaqstant, id-differenza fit-trattatment fil-każ prinċipali jsib l-oriġini tiegħu fil-fatt li x-xogħol ta' tekniku ta' superfiċji huwa b'kuntratt, skond id-dispożizzjoni ta' l-inċiż (a) ta' dan l-Artikolu, huwa kompost b'ħin parzjali, filwaqt li l-kuntratti konklużi skond id-dispożizzjoni ta' l-inċiż (c) ta' l-istess Artikolu, li huma, minn naħa l-oħra, newtrali fir-rigward tas-sess tal-ħaddiem, m'għandhomx din il-preċiżazzjoni.
32 Issa, jirriżulta mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li skond l-Artikolu 3(v)(d) ta' l-Istatut Ġenerali ta' l-OTE, li hija dispożizzjoni li għandha s-saħħa ta' liġi, in-nisa biss jistgħu jiġu impjegati, skond l-Artikolu 24(a)(2)(a) ta' dan l-Istatut, bħala tekniċi ta' superfiċji b'ħin parzjali u li, għaldaqstant, huma biss setgħu kkonkludew kuntratt għal żmien indeterminat għal xogħol b'ħin parzjali.
33 F'dan il-każ, l-OTE qalet li l-post ta' tekniku ta' superfiċji b'ħin parzjali huwa ġġustifikat minħabba li l-wiċċ ta' l-art li kellha titnaddaf kienet żgħira, u għalhekk kienet irriżervata għan-nisa bil-għan li tiffavorixxihom u biex tirrispondi għal bżonnijiet speċifiċi tagħhom.
34 Jekk huwa veru li l-kategoriji ta' ħaddiema komposti minn persuna ta' sess wieħed huma awtorizzati, b'mod partikolari mill-Artikolu 2(2) u (4) tad-Direttiva 76/207 u li, għaldaqstant, il-kreazzjoni ta' kategorija ta' ħaddiema esklużivament nisa ma tikkostitwixxix, minna nfisha, diskriminazzjoni diretta għad-detriment tan-nisa, wieħed għandu madankollu jinnota li l-introduzzjoni sussegwenti ta' trattament mhux favorevoli fir-rigward ta' din il-kategorija, li hija relativa għall-ugwaljanza tat-trattament jew tal-pagi, tista' twassal li tikkostitwixxi tali diskriminazzjoni.
35 Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-ugwaljanza tat-trattament fil-kawża prinċipali, kien ingħata kuntratt permanenti lil kull ħaddiem li kellu kuntratt għal żmien indeterminat, bl-eċċezzjoni ta' dawk il-ħaddiema b'ħin parzjali, jiġifieri t-tekniċi ta' superfiċji.
36 Minn dan isegwi li l-kriterju ta' impjieg b'ħin sħiħ, bħala kundizzjoni preliminari għal kuntratt permanenti, filwaqt li apparentement jidher li huwa newtru fir-rigward tas-sess tal-ħaddiem, iwassal biex jeskludi kategorija ta' ħaddiema li ma jistax ikun komposta minn, bis-saħħa ta' l-Artikoli 3(v)(d) u l-Artikolu 24(a)(2) ta' l-Istatut Ġenerali ta' l-OTE, moqrija flimkien, nisa biss. Meta tali kriterju jirrendi inkomparabbli, fir-rigward tal-għotj ta' kuntratti permanenti, żewġ sitwazzjonijiet li, għall-bqija, huma komparabbli, dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess.
37 Fir-rigward ta' l-ugwaljanza tal-pagi, wieħed irrid jinnota, l-ewwel nett, li xejn fl-inkartament ma jħalli jifhem li teżisti differenza fir-rata tal-pagi tal-ħaddiema b'ħin parzjali b'relazzjoni mal-ħaddiema li jaħdmu ħin sħiħ.
38 Fi kwalunkwe każ, wieħed irrid ifakkar, bħalma l-Avukat Ġenerali nnutat fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-fatt li x-xogħol b'ħin parzjali huwa mħallas fuq bażi ta' kull siegħa li hija inferjuri għal renumerzzjoni ta' xogħol b'ħin sħiħ, ma jippermettix li tiġi kkonfermata sistematikament l-eżistenza ta' diskriminazzjoni sakemm id-differenza ta' renumerazzjoni bejn ix-xogħol b'ħin parzjali u x-xogħol b'ħin sħiħ hija spjegata b'fatturi oġġettivament iġġustifikati u nieqsa minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta' Marzu 1981, Jenkins, 96/80, Ġabra p. 911, punti 10 u 11). Il-Qorti tal-Ġustizzja m'għandhiex, f'dan il-każ, l-elementi neċessarji għal eżami bħal din.
39 It-tieni nett, u b'risposta għal preċiżazzjoni dwar id-domanda mill-qorti nazzjonali, jidher li xejn ma jżomm in-nisa milli jaħdmu ħin sħiħ. Fil-fatt, dan kien il-każ ta' V. Nikoloudi mit-28 ta' Novembru 1998 sa l-irtirar tagħha. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li n-nisa kienu għażlu li jibbenefikaw mill-għażla li jaħdmu ħin parzjali fejn huma kienu mħallsa inqas mill-kollegi tagħhom li kienu jaħdmu ħin sħiħ, minħabba li huma kienu jaħdmu inqas minn dawk ta' l-aħħar, ma jikkostitwixxix, minnu nnifsu, diskriminazzjoni diretta, ukoll fil-każ fejn in-nisa biss kienu jaħdmu ħin parzjali.
40 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' qabel, wieħed għandu jirrispondi għall-ewwel domanda li d-dritt Komunitarju, b'mod partikolari l-Artikolu 119 tat-Trattat u d-Direttiva 76/207 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-eżistenza u l-applikazzjoni ta' dispożizzjoni bħal ma hija l-Artikolu 24(a)(2)(a) ta' l-Istatut Ġenerali ta' l-OTE, li tirriżerva biss għat-tekniċi ta' superfiċji u, għaldaqstant, għan-nisa biss, l-impjieg b'kuntratt għal żmien indeterminat għal xogħol b'ħin parzjali ma jikkostitwixxix, minnu nnifsu, diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess għad-detriment tan-nisa. Mandankollu, l-esklużjoni, sussegwentement, ta' possibbiltà ta' kuntratt permanenti b'riferiment apparentement newtrali fir-rigward tas-sess tal-ħaddiem, għal kategorija ta' ħaddiema li, skond regolament nazzjonali li għandu s-saħħa ta' liġi, huwa kompost esklużivament minn nisa, jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess skond id-Direttiva 76/207. Biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, il-fattur li jikkaratterizza l-kategorija li jinsab fiha l-ħaddiem eskluż irid ikun ta' natura li tpoġġi l-ħaddiem f'sitwazzjoni li hija oġġettivament differenti, fir-rigward tal-kuntratt permanenti, minn din is-sitwazzjoni li fiha huma setgħu jibbenefikaw.
Dwar it-tieni u t-tielet domanda
41 Permezz tat-tieni u t-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju titlob, fis-sustanza, jekk l-esklużjoni, li saret minħabba l-ftehim kollettivi, tal-possibbiltà ta' integrazzjoni tal-persunal temporanju li jaħdmu ħin parzjali mal-persunal b'kuntratt permanenti tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess.
42 Billi ressqet dawn id-domandi, il-qorti ta' rinviju titlaq mill-premessa li din l-esklużjoni tolqot unikament il-persunal femminili, li ebda ħaddiem raġel ma kien, skond hija, impjegat b'ħin parzjali għal żmien indeterminat mill-OTE. Jekk dan huwa l-każ, u fid-dawl tar-risposta mogħtija fl-ewwel domanda, m'hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domandi.
43 Madankollu, jirriżulta mill-inkartament li l-OTE qalet li hija, ripetutament, impjegat irġiel b'kuntratti bħal dawn għal xogħol b'ħin parzjali. Minbarra dan, il-qorti nazzjonali, permezz tal-formulazzjoni tar-raba' domanda tiegħu, indika li x-xogħol b'ħin parzjali jista' jikkonċerna biss essenzjalament, u mhux esklużivament, in-nisa. Għaldaqstant, ir-risposta għal dawk iż-żewġ domandi tkun utli sa fejn il-grupp ta' ħaddiema li kienu ġew esklużi mill-possibilità ta' kuntratt permanenti jistgħu jkunu komposti minn irġiel kif ukoll nisa.
44 Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, miżura nazzjonali tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta meta, filwaqt li tidher miktuba b'mod newtrali, hija fil-fatt tiżvantaġġja perċentwali ħafna aktar għolja ta' nisa milli rġiel (ara s-sentenzi tat-2 ta' Ottubru 1997, Gerster, C-1/95; Ġabra p. I-5253, punt 30, Kording, C-100/95, Ġabra p. I-5289, punt 16, u tat-12 ta' Ottubru 2004, Wippel, C-313/02, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 43).
45 F'dan il-każ, jirriżulta ċar mill-inkartament li l-ftehim kollettivi jiżvantaġġjaw, fil-qasam tal-kategorija ta' ħaddiema temporanji li kkonkludew kuntratt għal żmien indeterminat, il-ħaddiema b'ħin parzjali meta mqabbla ma' ħaddiema b'ħin sħiħ, għaliex huma dawn ta' l-aħħar biss li jistgħu jibbenefikaw mill-possibbiltà ta' kuntratt permanenti offrut minn dawn il-ftehim.
46 Issa, hija kompetenza tal-qorti nazzjonali li tivverifika jekk l-OTE effettivament ipproċedietx għall-ingaġġ ta' rġiel b'kuntratt bħal dak għal xogħol b'ħin parzjali u, jkk ikun il-każ, li tikkonstata jekk, fil-kategorija li tiżvantaġġa l-ħaddiema impjegati b'ħin parzjali għal żmien indeterminat, perċentwali ħafna aktar għolja ta' nisa milli rġiel ikunu ġew esklużi minn din il-possibbiltà ta' kuntratt permanenti fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettivi.
47 F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet bħal dawk in kwistjoni jwasslu fil-fatt għal diskriminazzjoni tal-ħaddiema nisa meta mqabbla ma' ħaddiema rġiel u, bħala prinċipju, għandhom jiġu kkunsidrati li jmorru kontra l-Artikolu 3 tad-Direttiva 76/207 għal dak li jikkonċerna l-aċċess għall-postitjiet b'kuntratt permanenti ta' xogħol skond l-Artikolu 3. Ma jistax ikun mod ieħor ħlief fil-każ fejn id-differenza ta' trattament bejn iż-żewġ kategoriji ta' ħaddiema jkun iġġustifikat b'fatturi li huma nieqsa minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta' Lulju 1989, Rinner – Kühn, 171/88, Ġabra p. 2743, punt 12, u tal-11 ta' Settembru 2003, Steinicke, C-77/02, Ġabra p I-9027, punt 57).
48 Hija l-qorti nazzjonali, l-unika kompetenti biex tevalwa l-fatti u biex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk din il-ġustifikazzjoni teżistix. Wieħed għandu f'dan ir-rigward jivverifka, fid-dawl ta' l-elementi kollha rilevanti, u in kunsiderazzjoni tal-possibbiltà li jintlaħqu, permezz ta' mezzi oħra, l-obbjettivi msemmija mid-dispożizzjonijiet in kwistjoni, jekk dawk l-obbjettivi jidhru li huma neqsin minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u jekk dawk id-dispożizzjonijiet, in kwantu mezzi intiżi biex jilħqu ċerti obbjettivi, xorta waħda jikkontribwixxu għat-twettiq tagħhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il quddiem Rinner-Kühn, punt 15, u Steinicke, punt 58).
49 Madankollu, anke jekk hija l-qorti nazzjonali, fil-kuntest ta' rinviju għal deċiżjoni preliminari, li għandha tikkonstata jekk tali raġunijiet oġġettivi jeżistux fil-każ partikolari quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja, li tkun ġiet mitluba tagħti lill-qorti nazzjonali risposti utli, hija kompetenti li tagħti indikazzjonijiet, meħuda mill-inkartament tal-kawża prinċipali kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u, jekk ikun il-każ, orali, li jiġu sottomessi lilha, tali li jippermettu lil-qorti nazjonali tkun tista' tagħti deċiżjoni (ara s-sentenzi tat-30 ta' Marzu 1993, Thomas et, C-328/91, Ġabra I-1247, punt 13, u Steinicke, iċċitata iktar 'il fuq, punt 59).
50 F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-ħaddiema b'ħin parzjali biss, kollha kemm huma, kienu esklużi mill-possibbiltà ta' kuntratt permanenti, ebda ġustifikazzjoni għal dak li jikkonċerna din l-għażla ma tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
51 Fil-fatt, għal dak li jikkonċerna l-osservazzjonijiet imressqa mill-OTE, għandu jiġi nnotat li l-ġustifikazzjoni li tgħid li l-element ta' impjieg b'ħin parzjali jikkostitwixxi raġuni suffiċjenti, li m'għandux x'jaqsam mas-sess, biex jispjega d-differenza fit-trattament in kwistjoni, ma jistax tiġi milqugħa. Dan japplika wkoll għal dak li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni li tgħid li din l-istess differenza ta' trattament tkun ibbażata fuq raġunijiet oġġettivi ta' interess ġenerali pubbliku u soċjali għal dak li l-intrapriża nazzjonali ta' utilità pubblika m'għandhiex tiflaħ spejjeż eċċessivi.
52 Ank jekk wieħed għandu wkoll jissupponi li dan l-aħħar argument ta' l-OTE jkun intiż biex jintlaħaq skop leġittimu li jirriżulta mill-politika ta' żvilupp ekonomiku u tal-ħolqien ta' impjiegi, huwa jikkostitwixxi madankollu sempliċi affermazzjoni ta' ordni ġenerali li m'hijiex suffiċjenti biex turi li l-obbjettiv tal-miżuri in kwistjoni huma nieqsa minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta' Frar 1999, Seymour-Smith u Perez, C-167/97, Ġabra p. I-623, punt 76).
53 Minbarra dan, jekk il-kunsiderazzjonijiet ta' stima finanzjarja jistgħu jkunu l-bażi ta' għażla ta' politika soċjali ta' Stat Membru li jinfluenzaw in-natura jew il-firxa tal-miżuri ta' protezzjoni soċjali li jixtieq jaddotta, madankollu, dan ma jikkostitwixxix fih innifsu obbjettiv li joħroġ minn din il-politika, u għaldaqstant ma jistax jiġġustifika diskriminazzjoni għad-detriment ta' wieħed mis-sessi (ara s-sentenzi ta' l-24 ta' Frar 1994, Roks et, C-343/92, Ġabra p. I-571, punt 35 u Steinicke, iċċitat iktar 'il fuq, punt 66).
54 Għaldaqstant, jekk l-Imħallef nazzjonali jqis li ġustifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni prinċipali hija vvizzjata, jibqa' li tinqata' l-kwistjoni dwar jekk għal V. Nikoloudi kellux jiġi applikat l-ewwel ftehim kollettiv, li kien jirrikjedi anzjanità ta' sentejn xogħol b'ħin sħiħ, jew it-tieni ftehim kollettiv.
55 Għal dak li jikkonċerna l-anzjanità li hija l-oġġett ta' evalwazzjoni speċifika fil-kuntest tar-risposta tar-raba' domanda (ara, b'mod partikolari, il-punti 61 sa 65 ta' din is-sentenza), huwa suffiċjenti li jiġi mfakkar hawnhekk li, jekk huwa veru, kif tirreferi għalih l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-anzjanità tmur flimkien ma' l-esperjenza u li ġeneralment tgħin lil ħaddiem biex iwettaq ix-xogħol tiegħu aħjar, l-oġġettività ta' dan il-kriterju jiddependi miċ-ċirkustanzi kollha ta' kull każ (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta' Frar 1991, Nimz, C-184/89, Ġabra p. I-297, punt 14, Gerster, iċċitat iktar 'il fuq, punt 39 u Kording, iċċitat iktar 'il fuq, punt 23).
56 Minn dan isegwi li l-qorti nazzjonali għandha ssaqsi lilha nnifisha dwar l-obbjettiv intiż mill-ewwel ftehim kollettiv minħabba li hija tat il-possibbiltà ta' kuntratt permanenti bil-kundizzjoni ta' sentejn xogħol b'ħin sħiħ. Fil-fatt, wieħed irid jivverifika fir-rigward ta' dan l-obbjettiv, jekk din il-kundizzjoni kellhiex tiġi applikata b'mod ugwali għal ħaddiema b'ħin parzjali, jew jekk iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jiġġustifikawx li din il-kundizzjoni tiġi applikata proporzjonalment mal-ħin tax-xogħol. B'hekk, fil-każ ta' impjieg b'ħin parzjali, bħal dak ta' V. Nikoloudi, din il-kundizzjoni ta' anzjanità kellha tkun għal erba' snin. Jidher li fiż-żewġ ipoteżi, V. Nikoloudi kienet tissodisfa din il-kundizzjoni. Fi kwalunkwe każ, it-tieni ftehim kollettivi kien jipprovdi għal kuntratt permanenti mingħajr kundizzjoni ta' tul ta' servizz u għaldaqstant, kellu jiġi applikat b'mod ugwali għal ħaddiema b'ħin parzjali.
57 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, għandha tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domandi li, fl-ipoteżi li fiha l-premessa li tgħid li huma biss it-tekniċi ta' superfiċji li jaħdmu ħin parzjali li ġew esklużi mill-possibbiltà ta' kuntratt permanenti hija żbaljata, u jekk perċentwali ħafna aktar għolja ta' nisa milli rġiel ġew milquta mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettivi, l-esklużjoni, li toħroġ minnhom, ta' l-integrazzjoni mal-persunal b'kuntratt permanenti tal-persunal li jaħdem b'kuntratt temporanju b'ħin parzjali, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta. Din is-sitwazzjoni tmur kontra l-Artikolu 3 tad-Direttiva 76/207 sa fejn id-differenza ta' trattament bejn dawn il-ħaddiema u dawk li jaħdmu ħin parzjali tiġġustifika ruħha minħabba fatturi li huma neqsin minn kwalunke diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Hija kompetenza tal-qorti nazzjonali li tivverifika jekk dan huwiex il-każ.
Dwar ir-raba' domanda
58 Bir-raba' domanda, il-qorti nazzjonali titlob, fis-sustanza, jekk l-esklużjoni totali jew proporzjonali ta' l-impjieg b'ħin parzjali fil-kalkolu ta' l-anzjanità tal-persunal, jikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, minħabba li tolqot esklużivament jew essenzjalment il-persunal femminili. Għandu wieħed, b'konsegwenza ta' dan, jieħu in kunsiderazzjoni t-tul ta' l-impjieg b'ħin parzjali kollu f'dan il-kalkolu?
59 Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li din id-domanda toħroġ mill-qasam ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva 76/207 u, aktar preċiżament, ta' l-Artikolu 5. Fil-fatt, jirriżulta minn dak kollu li ntqal qabel li d-disputa prinċipali hija relatata mal-kundizzjonijiet li fihom perijodi ta' xogħol jridu jiġu milħuqa biex il-ħaddiem ikun jista' jingħata ċertu tul ta' servizz. Il-ħaddiem ikun jista' konsegwentement, jinvoka, b'mod partikolari, il-possibbiltà ta' kuntratt permanenti offrut mill-ftehim kollettivi, kif ukoll, kif irrileva l-Imħallef nazzjonali, kundizzjonijiet aħjar ta' salarji.
60 Għal dak li jirrigwarda l-esklużjoni totali ta' l-impjieg b'ħin parzjali matul il-kalkolu ta' l-anzjanità, esklużjoni li toħroġ mill-Artikolu 5(9) ta' l-Istatut Ġenerali ta' l-OTE fil-versjoni qabel dik ta' l-1 ta' Jannar 1996, wieħed għandu jfakkar ukoll li kif imsemmi fil-punti 44 u 47 ta' din is-sentenza, hemm diskriminazzjoni indiretta fil-każ li, għalkemm mitkuba b'mod newtrali, miżura nazzjonali fil-fatt tiżvantaġġja perċentwali ħafna aktar għoli ta' nisa milli rġiel. F'dan ir-rigward, l-istess kliem ta' din id-domanda jgħidu li "l-impjieg b'ħin parzjali (jikkonċerna) esklużivament jew essenzjalment in-nisa." Għaldaqstant, l-esklużjoni, fil-kalkolu ta' l-anzjanità taż-żmien ta' impjieg b'ħin parzjali kollu jidher li jmur kontra d-Direttiva 76/207, sakemm l-OTE tista' tistabbilixxi li d-dispożizzjoni in kwistjoni tispjega ruħha b'fatturi oġġettivament iġġustifikati u neqsin minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.
61 Fir-rigward ta' l-imputazzjoni proporzjonali prevista mill-emenda magħmula fl-1 ta' Jannar ta' dan l-Artikolu, ta' l-impjieg parti time matul il-kalkolu ta' l-anzjanità, wieħed irrid jirreferi wkoll għal punt 55 ta' din is-sentenza (u l-ġurisprudenza ċċitata) li, jekk huwa veru li l-anzjanità tmur flimkien ma' l-esperjenza u li hija ġeneralment tgħin lil ħaddiem iwettaq ix-xogħol tiegħu aħjar, l-oġġettività ta' dan il-kriterju jiddependi miċ-ċirkustanza kollha ta' kull każ u, b'mod partikolari, tar-relazzjoni bejn it-tip ta' funzjoni eżerċitata u l-esperjenza li l-eżerċizzju ta' din il-funzjoni ġġib wara ċertu numru ta' siegħat ta' xogħol effettwati.
62 Fil-kawża prinċipali, il-kunsiderazzjoni ta' l-anzjanità hija bbażata, skond l-OTE, fuq il-bżonn ta' l-amministrazzjoni li tevalwa l-esperjenza professjonali tal-ħaddiema. Wieħed irrid jinnota li dan l-obbjettiv ma jeskludix ukoll l-evalwazzjoni ta' ħaddiema li jkunu wettqu x-xogħol tagħhom b'ħin parzjali. L-unika kwistjoni, dik identifikata fil-punt 56 ta' din is-sentenza, hija jekk għadniex nifirxu, proporzjonalment mar-riduzzjoni tal-ħin ta' xogħol, il-perijodu li matul tiegħu ssir l-evalwazzjoni.
63 Issa, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-rilevanza ta' dan l-approċċ jiddependi mill-obbjettiv imsemmi fil-kalkolu tat-tul ta' servizz. Dan l-obbjettiv jista' jkun il-kumpens tal-fedeltà għall-intrapriża jew ir-rikonoxximent ta' l-esperjenza miksuba.
64 Madankollu, hekk kif diġà ġie mfakkar, il-qorti nazzjonali biss hija kompetenti li tevalwa l-fatti, u hija kompetenza tagħha li tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, jekk u f'liema miżuri d-dispożizzjoni in kwistjoni hija ġġustifikata minħabba raġunijiet obbjettivi u neqsin minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.
65 Jekk din il-qorti tiddeċiedi li l-kalkolu proporzjonali tas-siegħat ta' xogħol ta' tekniku ta' superfiċji, maħdumin b'ħin parzjali, hija ġġustifikata għal dawn ir-raġunijiet, l-unika cirkustanza li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tolqot perċentwali ħafna aktar għoli ta' ħaddiema nisa milli ħaddiema rġiel ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ksur ta' l-Artikolu 5 tad-Direttiva 76/207 (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi, iċċitati iktar 'il fuq, Rinner-Kühn, punt 14, kif ukoll Seymour-Smith u Perez, punt 69).
66 Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għar-raba' domanda fis-sens li, għalkemm tolqot perċentwali ħafna aktar għoli ta' ħaddiema nisa milli ħaddiema rġiel, l-esklużjoni totali ta' l-impjieg b'ħin parzjali mill-kalkolu ta' l-anzjanità tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess li tmur kontra d-Direttiva 76/207, sakemm din l-esklużjoni ma tispjegax ruħha minħabba fatturi oġġettivament iġġustifikati u neqsin minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Hija kompetenza tal-qorti nazzjonali li tivverifika jekk dan huwa l-każ. Imputazzjoni proporzjonali ta' l-impjieg b'ħin parzjali, f'dan il-kalkolu, ukoll imur kontra din id-Direttiva, sakemm min iħaddem ma jistabbilixxix li din hija ġġustifikata minħabba fatturi li l-oġġettività tagħhom tiddependi b'mod partikolari mill-obbjettiv intiż għal kalkolu ta' l-anzjanità u, fil-każ fejn hemm rikonoxximent ta' l-esperjenza miksuba, tar-relazzjoni bejn it-tip ta' funzjoni eżerċitata u l-esperjenza li l-eżerċizzju ta' din il-funzjoni ġġib wara ċertu numru ta' siegħat ta' xogħol effettwati.
Dwar il-ħames domanda
67 Permezz tal-ħames domanda, il-qorti nazzjonali titlob, fis-sustanza, dwar l-piż tal-prova meta impjegat jgħid li l-prinċipju ta' l-ugwaljanza ta' trattament ġie miksur għad-dannu tiegħu.
68 Id-Direttiva 97/80, li hija applikabbli għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 119 tat-Trattat kif ukoll id-Direttivi 75/117 u 76/207, tgħid fl-Artikolu 4 li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-mużuri li huma neċessarji biex jassiguraw li, meta persuni li jħossuhom li ġew trattati ħażin minħabba li l-prinċipju tat-trattament ugwali ma ġiex applikat għalihom, u jistabilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li jippermettu li jiġi preżunt li kienet teżisti diskriminazzjoni diretta jew indiretta, il-konvenut għandu jagħti prova li ma kien hemm ebda ksur ta' dan il-prinċipju.
69 Din id-Direttiva kkodifikat u espressament wessgħet il-prinċipju ta' ugwaljanza tat-trattament fis-sens tad-Direttiva 76/207, ġurisprudenza preċedenti li tgħid li għalkemm l-oneru tal-prova jaqa', bħala prinċipju, fuq il-ħaddiem, dan jista' jinqaleb meta jirriżulta li dan huwa neċessarju biex ma tneħħix lill-ħaddiema li jidhru li huma vittmi ta' diskriminazzjoni ċara minn kull mezz effikaċi biex jiġi rrispettat il-prinċipju ta' ugwaljanza tar-renumerazzjoni. B'hekk, meta miżura li tiddistingwi l-impjegati skond iż-żmien ta' xogħol fil-fatt tolqot b'mod mhux favorevoli perċentwali ħafna aktar għoli ta' persuni ta' wieħed jew ieħor tas-sessi, hija responabbbiltà ta' min iħaddem li juri li jeżistu raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw id-differenza ta' trattament innutat (ara s-sentenzi tas-27 ta' Ottubru 1993, Enderby, C-127/92, Ġabra p. I-5535, punti 13, 14 u 18 kif ukoll tas-26 ta' Ġunju 2001, Brunnhofer, C-381/99, Ġabra p. I-4961, punti 52, 53 u 60).
70 Hija kompetenza tal-qorti nazzjonali li tivverifika jekk ir-regolamentazzjoni Griega hijiex konformi mad-Direttiva 97/80. Jekk minn dan l-eżami joħrog dubju dwar il-konformità ta' dan ir-regolament ma' din id-Direttiva, wieħed għandu jiftakar, l-ewwel nett, li skond ġurisprudenza kostanti, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta' Direttiva jidhru bħala, min-naħa tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonatament u suffiċjentement preċiżi, l-individwi huma ġġustifikati li jinvokawhom quddiem qorti nazzjonali kontra l-Istat, inklużi organizzazzjonijiet jew entitajiet, indipendement mill-forma ġuridika tagħhom, li jaqgħu taħt awtorità jew taħt il-kontroll ta' din ta' l-aħħar jew li għandhom poteri enormi meta mqabbla ma dawk li jirriżultaw mir-regolamenti applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta' Lulju 1990, Foster et, C-188/89, Ġabra, p. I-3313, punti 16, 18 u 20, kif ukoll ta' l-20 ta' Marzu 2003, Kutz – Bauer, C-187/00, Ġabra p. I-2741, punt 69).
71 Madankollu, Direttiva ma tistax, minnha nfisha, toħloq obbligi fuq individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata kontra tiegħu (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-14 ta' Lulju 1994, Faccini Dori, C-91/92, Ġabra p. I-3325, punt 20, u tal-5 ta' Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, li għadhom mhux ippubblikati fil-Ġabra, punt 108).
72 Għaldaqstant, hija kompetenza ta' l-Imħallef nazzjonali li jistaqsi dwar in-natura ġuridika ta' l-OTE u ċ-ċirkustanzi ta' l-organizzazzjoni interna ta' din ta' l-aħħar bil-għan li jassigura li d-Direttiva 97/80 ma tiġix invokata kontra individwu.
73 It-tieni nett, għandu jiġi mfakkar li, f'kull każ u skond ġurisprudenza kostanti, f'sitwazzjoni relatata mal-qasam ta' applikazzjoni ta' Direttiva, il-qorti nazzjonali għandha, filwaqt li tapplika l-liġi nazzjonali, tinterpreta din ta' l-aħħar sakemm huwa possibbli fid-dawl tal-kliem u l-iskop tad-Direttiva sabiex tasal għar-riżultat li jirriżulta minnha (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta' Novembru 1990, Marleasing, C-106/89, Ġabra p. I-4135, punt 8, Faccini Dori, iċċitata iktar 'il fuq, punt 26, u Pfeiffer et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 113).
74 F'dan ir-rigward, irid jiġi rrilevat li, fir-rigward tas-sbatax u tat-tmintax-il premessi tad-Direttiva 97/80, ir-riżultat imsemmi minnhom huwa b'mod partikolari dak li jipprovdi l-aktar mod effikaċi għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza ta' trattament sa fejn, jekk diskriminazzjoni tidher li teżisti, huwa oneru fuq min iħaddem li jagħti jipprova li m'hemmx ksur ta' dan il-prinċipju.
75 B'hekk ir-risposta tal-ħames domanda għandha tkun li, fejn impjegat jghid li l-prinċipju ta' ugwaljanza ta' trattament ġie miskur għad-dannu tiegħu u jistabbilixxi fatti li jwasslu biex jiġi preżunt li teżisti diskriminazzjoni diretta jew indiretta, id-dritt Komunitarju, b'mod partikolari d-Direttiva 97/80, għandha tiġi interpretata li l-konvenut irrid jipprova li ma kienx hemm ksur ta' dan il-prinċipju.
Dwar l-ispejjeż
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mressqa quddiem il-qorti nazzjonali, hija gġandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għall-preżntata ta' l-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-partijiet, ma jistgħux jitħalsu lura.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) Id-dritt Komunitarju, b'mod partikolari l-Artikolu 119 tat-Trattat KE (l-Artikoli 117 sa 120 tat-Trattat KE ġew issostitwiti mill-Artikoli 136 KE sa 143 KE) u d-Direttiva 76/207/KEE tal-Kunsill, tad-9 ta' Frar 1976, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' l-ugwaljanza ta' trattament bejn l-irġiel u n-nisa għal dak li jikkonċerna l-aċċess għall-impjieg, għall-formazzjoni u l-promozzjoni professjonali, u l-kundizzjonijet ta' xogħol, iridu jiġu interpretati li l-eżistenza u l-applikazzjoni ta' dispożizzjoni bħal ma hija l-Artikolu 24a (2)(a) ta' l-Istatut Ġenerali ta' l-Organismos Tilepikoinonion Ellados, li jirriżerva biss għal tekniċi ta' superfiċji u, għaldaqstant, għan-nisa biss, l-impjieg permezz ta' kuntratt għal żmien indeterminat għal xogħol b'ħin parzjali, ma jikkostitwixxix, minnu nnifsu, diskriminazzjoni diretta, ibbażata fuq is-sess, għad-dannu tan-nisa. Madankollu, l-esklużjoni, ta' possibbiltà ta' kuntratt permanenti b'riferiment apparentement newtrali fir-rigward tas-sess tal-ħaddiem, għal kategorija ta' ħaddiema li, skond regolament nazzjonali li għandu s-saħħa ta' liġi, huwa kompost esklużivament minn nisa jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess skond id-Direttiva 76/207. Biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, l-element li jikkaratterizza l-kategorija li fiha jappartjeni l-ħaddiem eskluż, irid ikun tali li tpoġġi dan il-ħaddiem f'sitwazzjoni li hija oġġettivament differenti, fir-rigward ta' kuntratt permanenti, mis-sitwazzjoni ta' dawk li jistgħu jibbenefikaw minn kuntratt permanenti.
2) Fl-ipoteżi fejn il-premessa li huma biss it-tekniċi ta' superfiċji li jaħdmu ħin parzjali ġew esklużi mill-possibbiltà ta' kuntratt permanenti nstabet li hija żbaljata u, minħabba li perċentwali ħafna aktar għolja ta' nisa milli rġiel ġew milquta mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettivi tas-27 ta' Novembru 1987 u l-10 ta' Mejju 1991, l-esklużjoni, li topera fuqhom, ta' l-integrazzjoni mal-persunal b'kuntratt permanenti ta' persunal temporanju li jaħdmu ħin parzjali, jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta. Sitwazzjoni bħal din tmur kontra l-Artikolu 3 tad-Direttiva 76/207 sa fejn id-differenza ta' trattament bejn dawk il-ħaddiema u dawk li jaħdmu ħin sħiħ tiġġustifika ruħha minħabba fatturi li huma neqsin minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Hija kompetenza tal-qorti nazzjonali li tivverifka jekk dan huwiex il-każ.
3) Filwaqt li jolqot perċentwali ħafna aktar għoli ta ħaddiema nisa milli ħaddiema rġiel, l-esklużjoni totali ta' l-impjieg b'ħin parzjali fil-kalkolu ta' l-anzjanità jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess kontra d-Direttiva 76/207, sakemm din l-esklużjoni ma tiġix spjegata minn fatturi oġġettivament iġġustifikati u neqsin minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Hija kompetenza tal-qorti nazzjonali li tivverifka jekk dan huwiex l-każ. Imputazzjoni proporzjonali ta' l-impjieg b'ħin parzjali, fil-kalkolu tiegħu wkoll imur kontra din id-Direttiva, sakemm min iħaddem jistabilixxi li din hija ġġustifikata minn fatturi fejn l-oġġettività tiddependi b'mod partikolari mill-obbjettiv intiż biex jikkalkula l-anzjanità u, fil-każ fejn hemm rikonoxximent ta' l-esperjenza miksuba, tar-relazzjoni bejn it-tip ta' funzjoni eżerċitata u l-esperjenża li l-eżerċizzju ta' din il-funzjoni jġib wara ċertu numru ta' siegħat ta' xogħol effettwati.
4) Meta impjegat isostni li l-prinċipju ta' l-ugwaljanza tat-trattament ġie miksur għad-dannu tiegħu u li dan ġie stabbilit mill-fatti li jippermettu li wieħed jippreżupponi l-esistenza ta' diskriminazzjoni diretta jew indiretta, id-dritt Komunitarju, b'mod partikolari d-Direttiva 97/80/KE tal-Kunsill, tal-15 ta' Diċembru 1997, dwar l-oneru tal-prova fil-każ ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, għandha tiġi interpretata li huwa l-konvenut li għandu juri li ma kienx hemm ksur ta' dan il-prinċipju.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.
Full & Egal Universal Law Academy