SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
11 ta' Novembru 2004 (*)
"Moviment liberu tal-merkanzija – Kummerċ intrakomunitarju ta' l-equidae –Proċedura ta' approvazzjoni jew ta' rikonoxximent ta' l-organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet li jżommu jew joħolqu kotba ġeneoloġiċi għall-equidae rreġistrati – Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 92/353/KEE"
Fil-kawża C-216/02,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,
imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (L-Awstrija), permezz ta' deċiżjoni tat-23 ta' Mejju 2002, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta' Ġunju 2002, fil-proċedura
Österreichischer Zuchtverband für Ponys, Kleinpferde und Spezialrassen
vs
Burgenländische Landesregierung,
fil-preżenza ta':
Österreichischer Shetlandponyzuchtverband,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, A. Rosas (Relatur) u R. Silva de Lapuerta, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-4 ta' Diċembru 2003,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Österreichischer Zuchtverband für Ponys, Kleinpferde und Spezialrassen, minn C. Böhm, M. Breitenecker u C. Kolbitsch, Rechtsanwältinnen, kif ukoll minn H. Vana, Rechtsanwalt, assistiti minn M. Maier, Obmann,
– għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Braun, bħala aġent,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta' Jannar 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/353/KEE, tal-11 ta' Ġunju 1992, li tippreskrivi l-kriterji għall-approvazzjoni jew l-għarfien ta’ organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet li jżommu jew jistabbilixxu kotba stud [ġeneoloġiċi] għal equidae reġistrati (ĠU L 192, p. 63).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn l-Österreichischer Zuchtverband für Ponys, Kleinpferde und Spezialrassen (aktar 'il quddiem iż-"Zuchtverband für Ponys") u l-Gvern tal-Burgenland fir-rigward tad-deċiżjoni meħuda minn dan ta' l-aħħar li jirrikonoxxi, fl-imsemmi Land Awstrijak, lill-Österreichischer Shetlandponyzuchtverband (aktar 'il quddiem l-"ÖSZV"), bħala organizzazzjoni ta' dawk li irabbu l-ponijiet tal-gżejjer ta' Shetland. L-ÖSZV hija intervenjenti fil-kawża prinċipali.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt Komunitarju
3 Id-Direttiva tal-Kunsill 90/427/KEE, tas-26 ta' Ġunju 1990, dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi li jirregolaw kummerċ intra-Komunitarju f’equidae (ĠU L 224, p. 55), tistabbilixxi l-kundizzjonijiet msemmija aktar 'il fuq applikabbli għall-kummerċ intrakomunitarju ta' equidae, kif ukoll ta' l-isperma, ta' l-ova u ta' l-embriji tagħhom. Mit-tieni u t-tielet premessi ta' din id-direttiva jirriżulta li din hija intiża sabiex tistabbilixxi regoli fuq livell Komunitarju dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta' l-equidae fil-kummerċ intrakomunitarju sabiex jiġi assigurat żvilupp razzjonali tal-produzzjoni, u b'hekk tiżdied il-produttività tas-settur tat-trobbija ta' l-equidae, li tikkostitwixxi sors ta' dħul għal parti mill-populazzjoni tal-biedja. Skond ir-raba' premessa ta' l-istess direttiva, riżultati sodisfaċenti f'dan il-qasam jiddependu fil-biċċa l-kbira tagħhom fuq l-użu ta' equidae rreġistrati fil-kotba ġeneoloġiċi miżmuma minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet approvati uffiċjalment. Il-ħames premessa ta' l-imsemmija direttiva tenfasizza li l-liberalizzazzjoni kompleta tal-kummerċ teħtieġ armonizzazzjoni addizzjonali tar-regoli ta' reġistrazzjoni f'dawn il-kotba.
4 L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 90/427 jipprovdi għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet mill-Kummissjoni li, b'mod partikolari, jistabbilixxu l-kriterji ta' approvazzjoni jew ta' rikonoxximent ta' l-organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet li jżommu jew joħolqu kotba ġeneoloġiċi. L-Artikolu 4(1) jiddefinixxi l-prinċipji li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni meta jiġu adottati dawn id-deċiżjonijiet, li għandhom jiġu adottati skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 10 ta' din l-istess direttiva.
5 Huwa f'dan il-kuntest li l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 92/353, li tiddetermina l-kriterji ta' approvazzjoni jew ta' rikonoxximent ta' l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet li jżommu jew joħolqu l-kotba ġeneoloġiċi għall-equidae rreġistrati. Skond l-ewwel artikolu ta' din id-deċiżjoni, sabiex jiġu approvati jew rikonoxxuti uffiċjalment, l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet ikkonċernati għandhom jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom lill-awtoritajiet ta' l-Istat Membru fejn ikollhom is-sede tagħhom.
6 L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 92/353 jipprovdi li:
"1. L-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru konċernat iridu jagħtu approvazzjoni jew għarfien uffiċjali lil kull organizzazzjoni jew assoċjazzjoni li żżomm jew tistabbilixxi ktieb [ġeneoloġiku], basta li tilħaq il-kondizzjonijiet preskritti fl-Anness.
2. Madankollu, fi Stat Membru fejn organizzazzjoni jew assoċjazzjoni waħda jew aktar li hija approvata jew magħrufa uffiċjalment diġà teżisti rigward razza mogħtija, l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru jistgħu jirrifjutaw li jgħarrfu organizzazzjoni jew assoċjazzjoni ġdida:
– jekk tpoġġi fil-periklu l-preservazzjoni tar-razza jew tipperikola l-operat jew il-programm ta’ titjib jew selezzjoni ta’ organizzazzjoni jew assoċjazzjoni eżistenti, jew
– jekk equidae ta’ dik ir-razza jistgħu jiġu entrati jew reġistrati f’[taqsima] speċifika ta’ ktieb [ġeneoloġiku] miżmum minn organizzazzjoni jew assoċjazzjoni li tgħodd partikolarment għal dik it-taqsmina il-prinċipji preskritti skond il-punt 3 (b) tal-Anness mill-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni li żżomm il-ktieb stud ta’ l-oriġini ta’ dik ir-razza.
3. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’kull approvazzjoni jew għarfien mogħtija, kif ukoll rifjuti kuntestati.
4. Fejn organizzazzjoni jew assoċjazzjoni fi Stat Membru hija rifjutata approvazzjoni jew għarfien uffiċjali, ir-raġunijiet ta’ dan ir-rifjut iridu jiġu komunikati bil-miktub lill-assoċjazzjoni jew l-organizzazzjoni."
7 Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 92/353 jipprovdi li meta assoċjazzjoni jew organizzazzjoni li żżomm ktieb ġeneoloġiku ma tibqax aktar tissodisfa konsistement il-kundizzjonijiet previsti fl-Anness ta' l-istess deċiżjoni, l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru kkonċernat għandhom jirtiraw l-approvazzjoni jew ir-rikonoxximent uffiċjali.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
8 Fl-Awstrija, it-traspożizzjoni tad-Direttiva 90/427, kif ukoll l-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq din id-direttiva, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Länder.
9 L-Artikolu 9 tat-tielet taqsima tal-Burgenländischen Tierzuchtgesetz (liġi dwar it-trobbija ta' l-annimali fil-Burgenland, aktar 'il quddiem it-"Tierzuchtgesetz"), tat-2 ta' Marzu 1995 (LGBl 1995/33, fil-verżjoni tal-LGBl 2001/32) jirregola r-rikonoxximent ta' l-organizzazzjonijiet ta' dawk li jrabbu l-annimali. Dan l-artikolu jipprovdi b'mod partikolari li:
"(1) Il-gvern tal-Land għandu jirrikonoxxi organizzazzjoni ta' dawk li jrabbu l-annimali meta:
1. il-programm tagħha ta' trobbija jista' jinkoraġġixxi t-trobbija fis-sens ta' l-Artikolu 1(2),
2. il-populazzjoni eżistenti hija kbira biżżejjed għall-finijiet ta' l-implementazzjoni tal-programm ta' trobbija,
3. il-persunal u l-apparat meħtieġa għal trobbija ta' livell għoli huma disponibbli,
4. huwa ggarantit, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-persunal, il-kundizzjonijiet teknikiċi u dawk organizzazzjonali, li
(a) l-organizzazzjoni ta' dawk li jrabbu l-annimali għandha s-sede tagħha fil-Burgenland;
(b) l-annimali ta' trobbija huma identifikati b'mod li jibqa' b'mod li l-identità tagħhom tkun tista' tiġi kkonstatata;
(c) il-ktieb jew ir-reġistru ġeneoloġiku huwa miżmum tajjeb u skond il-forma meħtieġa u l-irziezet jagħmlu r-reġistrazzjonijiet neċessarji;
(d) f'assoċjazzjoni, kull annimali li, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-axxendenza u l-kwalità tiegħu – inkluża l-apparenza tiegħu – jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' reġistrazzjoni, għandu jiġi rreġistrat jew imsemmi fuq talba għal dan l-għan u jista' jiġi rreġistrat fil-ktieb ġeneoloġiku; l-annimali miġjuba fil-Burgenland m'għandhomx jiġu suġġetti għal kundizzjonijiet aktar stretti minn dawk applikabbli għaldawk imwielda fil-Burgenland, u
5. kull persuna li trabbi l-annimali fl-isfera sostantiva u ġeografika ta' l-attività ta' assoċjazzjoni ta' dawk li jrabbu l-annimali, li taqa' taħt is-sistema legali tagħha, li tissodisfa l-kundizzjoni dwar l-eżerċizzju regolari ta' din l-attività, tista' tkun membru ta' l-imsemmija assoċjazzjoni.
(2) L-applikazzjoni għal rikonoxximent għandha tinkludi d-dokumenti segwenti:
[…]
3. il-programm ta' trobbija li juri l-għan u l-metodu ta' trobbija, id-daqs tagħha, kif ukoll it-tip, il-kwantità ta' performance tests u l-mod ta' kif jintużaw;
4. informazzjoni dwar n-numru ta' annimali previst ta' l-irziezet jew il-persuni li jipparteċipaw fil-programm ta' trobbija;
5. fil-każ ta' assoċjazzjoni ta' persuni li jrabbu l-annimali:
(a) dokument ġustifikattiv li jikkonċerna l-bażi legali u li jindika l-qasam sostantiv u ġeografiku ta' l-attività ta' l-assoċjazzjoni;
(b) ir-regoli tal-ktieb ġeneoloġiku li jindikaw l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti għar-reġistrazzjoni taħt id-diversi intestaturi tal-ktieb ġeneoloġiku;
[…]
(3) L-assoċjazzjonijiet ta' dawk li jrabbu l-annimali li l-qasam sostantiv u ġeografiku ta' l-attività tagħhom ikopri, totalment jew parzjalment, dak imsemmi fil-paragrafu 2(5)(a), għandhom id-dritt li jinstemgħu fil-kuntest tal-proċedura ta' rikonoxximent.
[…]
(5) Meta, għal razza partikolari, ikunu diġà jeżistu organizzazzjoni waħda jew aktar ta' dawk li jrabbu l-annimali li huma rikonoxxuti , il-Gvern tal-Land għandu jirrifjuta li jirrikonoxxi organizzazzjoni ġdida ta' dawk li jrabbu l-annimali jekk dan iqiegħed fil-perikolu l-konservazzjoni tar-razza jew il-programm żootekniku ta' organizzazzjoni eżistenti."
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10 Iż-Zuchtverband für Ponys ilha rikonoxxuta fil-Burgenland bħala organizzazzjoni ta' persuni li kienu jrabbu il-ponijiet tal-gżejjer ta' Shetland mill-14 ta' Awwissu 1997, skond id-dispożizzjonijiet tat-Tierzuchtgesetz.
11 Fl-1997, l-ÖSZV talbet ukoll lill-Gvern tal-Burgenland, awtorità kompetenti f'dan ir-rigward, li jirrikonoxxieha bħala organizzazzjoni ta' persuni li jrabbu l-ponijiet tal-gżejjer ta' Shetland.
12 Iż-Zuchtverband für Ponys ġiet mismugħa matul il-proċedura amministrattiva sussegwenti. Hija argumentat kontra r-rikonoxximent ta' l-ÖSZV peress li sostniet li dan ir-rikonoxximent kien ser iqiegħed il-konservazzjoni tar-razza, il-funzjonament tagħha stess bħala organnizzazzjoni eżistenti u l-programm tagħha ta' żvilupp u ta' selezzjoni fil-perikolu.
13 Permezz ta' deċiżjoni tat-30 ta' April 2001, l-ÖSZV ġiet rikonoxxuta fil-Burgenland, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 9 tat-Tierzuchtgesetz, skond programm żootekniku partikolari u għal terminu ta' għaxar snin.
14 Iż-Zuchtverband für Ponys ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof. Madankollu, skond il-Gvern tal-Burgenland, hija m'għandhiex interess ġuridiku fil-proċedura ta' rikonoxximent ta' l-ÖSZV u lanqas m'għandha dritt li tikkontesta din id-deċiżjoni fil-qrati.
15 Il-Verwaltungsgerichtshof tesponi li, sabiex jiġi deċiż jekk ir-rikors huwiex ammissibbli, l-ewwelnett għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhiex dritt, protett mil-liġi, li r-rikonoxximent ta' organizzazzjoni ġdid ta' persuni li jrabbu l-annimali jiġi rrifjutat, meta jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet.
16 Hija tippreċiża li, jekk tiġi applikata l-liġi nazzjonali biss, ir-rikors ikollu jiġi miċħud mingħajr ma jkun possibbli li tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk ir-rikonoxximent ta' l-ÖSZV bħala organizzazzjoni ta' persuni li jrabbu l-annimali jqiegħedx il-konservazzjoni tar-razza jew il-programm żootekniku tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-perikolu. Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita tal-Verwaltungsgerichtshof, mogħtija fir-rigward ta' testi oħra, dispożizzjoni li tagħti lil xi ħadd id-dritt biss li jinstema' fi proċedura amministrattiva tfisser li l-persuna in kwistjoni ma jkollhiex l-istatus ta' parti f'din il-proċedura amministrattiva. Fid-dritt Awstrijak dwar il-proċedura amministrattiva, l-istatus ta' parti huwa l-istrument proċedurali għall-implementazzjoni tal-pretensjonijiet legali. Jekk persuna tiġi mċaħħda mill-istatus ta' parti fil-proċedura, il-konsegwenza tkun li din il-persuna ma jkollhiex id-dritt li titlob lill-amministrazzjoni sabiex tagħti deċiżjoni partikolari u lanqas ikollha d-dritt li sussegwentement tikkontesta d-deċiżjoni meħuda mill-amministrazzjoni quddiem il-qrati.
17 Iż-Zuchtverband für Ponys issostni li d-dritt Komunitarju jagħtiha dritt protett mil-liġi li, minn naħa, jiġi vverifikat jekk ir-rikonoxximent ta' l-ÖSZV iqiegħedx il-konservazzjoni tar-razza jew il-programm żootekniku ta' organizzazzjoni eżistenti fil-perikolu u li, min-naħa l-oħra, fil-każ affermattiv, dan ir-rikonoxximent jiġi rrifjutat mill-awtorità amministrattiva. Hija tinvoka d-Direttiva 90/427 u d-Deċiżjoni 92/353 in sostenn tal-pożizzjoni tagħha.
18 Il-Verwaltungsgerichtshof ma teskludix li ż-Zuchtverband für Ponys tista' tibbaża l-pożizzjoni tagħha fuq id-Deċiżjoni 92/353. F'dan ir-rigward hija tirrileva li, mis-sentenza tas-6 ta' Ottubru 1970, Grad (9/70, Ġabra p. 825), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet ġurisprudenza li tirrikonoxxi l-possibbiltà li, quddiem l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali, l-individwi jinvokaw deċiżjoni indirizzata lill-Istati Membri, taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw fil-każ ta' direttiva.
19 Il-Verwaltungsgerichtshof tippreżenta diversi osservazzjonijiet għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 92/353 għandux kontenut li huwa suffiċjentement mingħajr kundizzjonijiet u preċiż sabiex ikun jista' jiġi invokat direttament minn individwu.
20 Fil-fehma tagħha, il-verb "jistgħu" li jidher f'din id-dispożizzjoni jista' jfisser li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jiddeċiedu b'mod liberu jekk ir-rikonoxximent ta' assoċjazzjoni ġdida għandux jiġi rrifjutat meta dan iqiegħed fil-perikolu l-konservazzjoni tar-razza jew jikkomprometti l-funzjonament jew il-programm ta' titjib jew selezzjoni ta' organizzazzjoni jew assoċjazzjoni eżistenti. F'dan il-każ, iż-Zuchtverband für Ponys ma jkollhiex id-dritt li tibbaża ruħha direttament fuq id-Deċiżjoni 92/353.
21 Madankollu, skond il-Verwaltungsgerichtshof, il-marġinu ta' libertà apparentement mħolli lill-Istati Membri permezz ta' l-użu tal-verb "jistgħu" jista' jiġi ridott fix-xejn minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju. Huwa jfakkar li fis-sentenza tas-16 ta' Settembru 1999, WWF et (C-435/97, Ġabra p. I-5613), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-marġinu ta' diskrezzjoni li l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta' Ġunju 1985, dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, p. 40), apparentement jirrikonoxxi li għandhom l-Istati Membri huwa limitat mill-Artikolu 2(1) ta' din id-direttiva.
22 Anke jekk kellu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 92/353 jagħti marġinu ta' diskrezzjoni lill-Istati Membri, madankollu xorta tqum il-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-prinċipji tad-dritt Komunitarju, Stat Membru jistax jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għar-rifjut tar-rikonoxximent ta' assoċjazzjonijiet ġodda mingħajr ma jagħti lill-assoċjazzjonijiet eżistenti dritt protett mil-liġi sabiex ir-rikonoxximent jiġi rrifjutat.
23 Għal dak li jikkonċerna l-każ li l-konservazzjoni tar-razza tiġi mqiegħda fil-perikolu, il-Verwaltungsgerichtshof tiddubita li organizzazzjoni eżistenti tkun tista' tibbaża ruħha fuq dritt protett mil-liġi sabiex ir-rikonoxximent jiġi rrifjutat. Fil-fatt, ma teżistix rabta diretta bejn dan il-motiv ta' rifjut tar-rikonoxximent u l-interessi ta' organizzazzjoni eżistenti.
24 Il-Verwaltungsgerichtshof tfakkar ukoll li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, direttiva ma tistax minnha nfisha timponi obbligi fuq individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata kontrih bħala tali (sentenza ta' l-14 ta' Lulju 1994, Faccini Dori, C-91/92, Rec. p. I-3325). F'dan ir-rigward, hija tosserva li l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 92/353 ma jillimitax lilu nnifsu għall-għoti ta' vantaġġ lill-assoċjazzjonijiet eżistenti, vantaġġ li dawn jistgħu eventwalment jinvokaw fir-rigward ta' Stat Membru. Jidher ukoll li din id-dispożizzjoni fiha obbligu għall-assoċjazzjoni ta' dawk li jrabbu l-annimali li tipprova tiġi rikonoxxuta, peress li jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 2(2), ir-rikonoxximent tagħha jiġi rrifjutat. Madankollu, il-Verwaltungsgerichtshof tqis li ma tistax tikkonkludi b'ċertezza jekk "obbligu" ta' dan it-tip jikkostitwixxix "obbligu fuq individwu" skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
25 Fl-opinjoni tagħha, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li direttiva tista' timponi indirettament obbligi fuq l-individwi. F'dan il-kuntest, hija tirreferi għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-431/92, Ġabra p. I-2189, magħrufa bħala s-"sentenza Groβkrotzenburg"), u tat-22 ta' Ġunju 1939, Fratelli Costanzo (103/88, Ġabra p. 1839).
26 Barra minn hekk, il-Verwaltungsgerichtshof teżamina l-kwistjoni safejn id-dritt Komunitarju jaffettwa il-qasam tad-dritt proċedurali nazzjonali u r-regoli nazzjonali dwar kompetenza. Jekk jittieħed in kunsiderazzjoni l-kliem ċar ta' l-Artikolu 9(3) tat-Tierzuchtgesetz, ma jkunx possibbli li d-dritt Awstrijak jiġi interpretat fis-sens li organizzazzjoni eżistenti ta' persuni li jrabbu l-annimali għandha dritt ta' appell kontra d-deċiżjoni meħuda mill-amministrazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta' rikonoxximent ta' organizzazzjoni ġdida ta' persuni li jrabbu l-annimali. Madankollu, skond id-dottrina Awstrijaka, li hija bbażata fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-7 ta' Lulju 1981, Rewe, 158/80, Ġabra p. 1805), fin-nuqqas ta' regola speċifika stabbilita mid-dritt Komunitarju, huma l-Istati Membri li għandhom jipprovdu l-mezzi ta' rikors li jippermettu lill-individwi jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju. Il-ħarsien ta' l-awtonomija ta' l-Istati Membri jimplika li d-dritt Komunitarju ma jkunx jista' jiġi applikat minflok dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-proċedura u l-kompetenza.
27 F'dan il-każ, il-leġiżlatur Awstrijak sawwar l-istatus proċedurali ta' l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet eżistenti ta' persuni li jrabbu l-annimali b'tali mod illi dawn ma jkunux jistgħu jressqu kawża quddiem il-Verwaltungsgerichtshof. F'dawn iċ-ċirkustanzi, anke jekk l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 92/353 jagħti dritt lill-assoċjazzjonijiet eżistenti li jiġu osservati l-kundizzjonijiet previsti f'din id-dispożizzjoni, id-dritt in kwistjoni mhuwiex ġuridikament protett fl-Awstrija.
28 Skond il-Verwaltungsgerichtshof, dan ir-riżultat mhuwiex sodisfaċenti u ma jistax jiġi dedott mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi ta' l-24 ta' Settembru 1998, Tögel, C-76/97, Ġabra p. I-5357, u ta' l-4 ta' Marzu 1999, HI, C-258/97, Ġabra p. I-1405). Talba bbażata fuq id-dritt Komunitarju għandha tkun tista' tiġi mressqa quddiem il-Verwaltungsgerichtshof, qorti nazzjonali li normalment hija kompetenti fir-rigward ta' talbiet ta' l-istess tip li jkunu bbażati fuq id-dritt nazzjonali.
29 Fid-dawl ta' dawn l-elementi, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
"1. L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni [...] 92/353 [...] jagħti d-dritt lil organizzazzjoni (assoċjazzjoni) eżistenti li l-awtorità kompetenti tirrifjuta r-rikonoxximent ta' organizzazzjoni ġdida (assoċjazzjoni ġdida) jekk ir-rikonoxximent ta' l-organizzazzjoni (assoċjazzjoni) ġdida jqiegħed il-konservazzjoni tar-razza fil-perikolu jew jikkomprometti l-funzjonament jew il-programm ta' titjib jew ta' selezzjoni ta' organizzazzjoni jew assoċjazzjoni eżistenti?
2. L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni [92/353] jipprekludi l-applikazzjoni ta' dispożizzjoni nazzjonali li
(a) tagħti biss lil organizzazzjoni jew assoċjazzjoni eżistenti dritt li tinstema' mill-awtorità kompetenti fil-kuntest tal-proċedura ta' rikonoxximent ta' organizzazzjoni ġdida (assoċjazzjoni), iżda mhux dritt li r-rikonoxximent ta' l-organizzazzjoni ġdida (assoċjazzjoni) jiġi rrifjutat minħabba li jqiegħed il-konservazzjoni tar-razza fil-perikolu jew jikkomprometti l-funzjonament jew il-programm ta' titjib jew ta' selezzjoni ta' organizzazzjoni jew assoċjazzjoni eżistenti, u
(b) ma tirrikonoxxix id-dritt ta' l-organizzazzjoni jew assoċjazzjoni eżistenti li tikkontesta, quddiem qorti (il-Verwaltungsgerichtshof), ir-rikonoxximent mogħti minkejja l-osservazzjonijiet negattivi tagħha?"
Fuq l-ewwel domanda
30 Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, kif ukoll permezz ta' l-ewwel parti tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 92/353 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta jkun hemm waħda jew aktar miċ-ċirkustanzi msemmija f'din id-dispożizzjoni, l-organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet diġà rikonoxxuti jew approvati uffiċjalment fir-rigward ta' razza ta' equidae jkollhom id-dritt li jeżiġu li l-awtoritajiet kompetenti jirrifjutaw ir-rikonoxximent jew l-approvazzjoni ta' assoċjazzjoni ġdida jew organizzazzjoni li żżomm jew toħloq kotba ġeneoloġiċi għall-istess razza.
31 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, bis-saħħa ta' l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 92/353, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat għandhom jagħtu l-approvazzjoni jew ir-rikonoxximent uffiċjali lil kull organizzazzjoni jew assoċjazzjoni li żżomm jew toħloq il-kotba ġeneoloġiċi, jekk din tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Anness ta' l-istess deċiżjoni.
32 Kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, l-istess bħal mill-premessi tad-Direttiva 90/427, ir-rikonoxximent uffiċjali ta' assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet ġodda li jżommu jew joħolqu kotba ġeneoloġiċi hija, bħala regola ġenerali, konformi ma' l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fir-rigward tal-kummerċ intrakomunitarju ta' equidae. Fil-fatt, it-twettiq ta' l-għanijiet ta' l-inkoraġġiment tat-trobbija ta' l-equidae rreġistrati u ta' l-iżvilupp tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom fil-kummerċ intrakomunitarju jippresupponi l-eżistenza, fid-diversi Stati Membri tal-Komunità, ta' numru suffiċjenti ta' organizzazzjonijiet f'pożizzjoni li jżommu l-kotba ġeneoloġiċi li fihom jista' jiġi rreġistrat numru li dejjem jikber ta' equidae.
33 Filwaqt li tiffavorixxi r-rikonoxximent jew l-approvazzjoni uffiċjali ta' l-assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet ġodda li jżommu jew joħolqu kotba ġeneoloġiċi, il-leġiżlazzjoni Komunitarja xorta teżiġi, kif jirriżulta mill-kliem ta' l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 92/353, li kull assoċjazzjoni jew organizzazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Anness ta' din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, mill-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 90/427 jirriżulta li r-rikonoxximent jew l-approvazzjoni ta' l-imsemmija organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet huwa suġġett għall-ħarsien tal-prinċipji stabbiliti mill-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni li żżomm il-ktieb ġeneoloġiku ta' l-oriġini tar-razza.
34 Fir-rigward ta' l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 92/353, għandu jiġi kkonstatat li, kif sostnew ġustament il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni, l-għan prinċipali ta' din id-dispożizzjoni huwa li tagħti lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri setgħa diskrezzjonali li tippermettilhom, f'waħda jew oħra miċ-ċirkustanzi msemmija fl-ewwel u t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 2(2), jirrifjutaw applikazzjoni għar-rikonoxximent ippreżentata minn assoċjazzjoni jew organizzazzjoni ġdida, anke jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Anness ta' din id-deċiżjoni huma sodisfatti. Fil-fatt, barra mill-imsemmija ċirkustanzi u skond l-Artikolu 2(1) ta' l-imsemmija deċiżjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrikonoxxu kull organizzazzjoni jew assoċjazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi anness.
35 Huwa f'dan il-kuntest li l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 92/353 jistabbilixxi espressament iċ-ċirkustanzi li fihom l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jirrifjutaw ir-rikonoxximent ta' organizzazzjoni jew assoċjazzjoni ġdida. Dawn huma sitwazzjonijiet li fihom, fl-Istat Membru kkonċernat, tkun diġà teżisti waħda jew aktar organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet rikonoxxuti uffiċjalment għal razza ta' l-equidae li tkun l-istess u lr-rikonoxximent ta' l-organizzazzjoni jew assoċjazzjoni l-ġdida jqiegħed il-konservazzjoni ta' din ir-razza fil-perikolu, jew inkella jikkomprometti l-funzjonament jew il-programm ta' titjib jew ta' selezzjoni ta' organizzazzjoni jew assoċjazzjoni eżistenti.
36 Kuntrarjament għat-teżi taż-Zuchtverband für Ponys, l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 92/353 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jagħti lil assoċjazzjoni eżistenti dritt suġġettiv li teżiġi li l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jirrifjutaw ir-rikonoxximent mitlub minn assoċjazzjoni jew organizzazzjoni ġdida meta jkun hemm waħda jew aktar miċ-ċirkustanzi msemmija f'din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, kieku tali interpretazzjoni kellha tiġi aċċettata, hija twassal sabiex titneħħa s-setgħa diskrezzjonali li l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 92/353 kellu l-intenzjoni li jirriżerva għall-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri.
37 Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 92/353 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jkun hemm waħda jew aktar miċ-ċirkustanzi msemmija f'din id-dispożizzjoni, l-organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet diġà rikonoxxuti jew approvati uffiċjalment fir-rigward ta' razza ta' equidae m'għandhomx id-dritt li jeżiġu li l-awtoritajiet kompetenti jirrifjutaw ir-rikonoxximent jew l-approvazzjoni ta' assoċjazzjoni jew organizzazzjoni ġdida li żżomm jew toħloq kotba ġeneoloġiċi għall-istess razza.
Fuq it-tieni domanda
38 Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dritt Komunitarju jipprekludix lil-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru milli ċċaħħad lill-assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet eżistenti, li ddikjaraw li huma kontra r-rikonoxximent ta' assoċjazzjoni jew organizzazzjoni ġdida, minn appell quddiem il-qrati kontra d-deċiżjoni ta' rikonoxximent meħuda mill- awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
39 Mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li, meta tiġi vverifikata jkun hemm waħda jew aktar miċ-ċirkustanzi msemmija fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 92/353, l-organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet diġà rikonoxxuti jew approvati uffiċjalment għal razza ta' l-equidae m'għandhomx id-dritt jeżiġu li l-awtoritajiet kompetenti jirrifjutaw ir-rikonoxximent jew l-approvazzjoni ta' assoċjazzjoni jew organizzazzjoni ġdida li żżomm jew toħloq kotba ġeneoloġiċi għall-istess razza.
40 F'dawn iċ-ċirkustanzi, u għar-raġunijiet esposti mill-Avukat Ġenrali fil-punti 38 sa 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix lil-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru milli ċċaħħad lill-assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet eżistenti, li ddikjaraw li huma kontra r-rikonoxximent ta' assoċjazzjoni jew organizzazzjoni ġdida, minn appell quddiem il-qrati kontra d-deċiżjoni ta' rikonoxximent meħuda mill- awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
Fuq l-ispejjeż
41 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla), taqta' u tiddeċiedi li:
1) L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/353/KEE, tal-11 ta' Ġunju 1992, li tippreskrivi l-kriterji għall-approvazzjoni jew l-għarfien ta’ organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet li jżommu jew jistabbilixxu kotba stud [ġeneoloġiċi] għal equidae reġistrati għandu jiġi interpretat fis-sens li meta jkun hemm waħda jew aktar miċ-ċirkustanzi msemmija f'din id-dispożizzjoni, l-organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet diġà rikonoxxuti jew approvati uffiċjalment fir-rigward ta' razza ta' equidae m'għandhomx id-dritt li jeżiġu li l-awtoritajiet kompetenti jirrifjutaw ir-rikonoxximent jew l-approvazzjoni ta' assoċjazzjoni jew organizzazzjoni ġdida li żżomm jew toħloq kotba ġeneoloġiċi għall-istess razza.
2) Id-dritt Komunitarju ma jipprekludix lil-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru milli ċċaħħad lill-assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet eżistenti, li ddikjaraw li huma kontra r-rikonoxximent ta' assoċjazzjoni jew organizzazzjoni ġdida, minn appell quddiem il-qorti kontra d-deċiżjoni ta' rikonoxximent meħuda mill- awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy