SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
13 ta' Lulju 2004 (*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 59 tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 49 KE) – Xandir bit-televiżjoni – Reklamar – Miżura nazzjonali li tipprojbixxi r-reklamar fuq it-televiżjoni ta' xarbiet alkoħoliċi kkummerċjalizzati f'dan l-Istat, safejn huwa kkonċernat ir-reklamar indirett fuq it-televiżjoni li jirriżulta meta fuq it-televiżjoni jidhru tabelli viżibbli waqt it-trażmissjoni mill-ġdid ta' ċerti avvenimenti sportivi – Liġi 'Evin'"
Fil-kawża C-262/02,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H. van Lier, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
sostnuta mir-
Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentat minn K. Manji, bħala aġent, assistit minn K. Beal, barrister,
parti intervenjenti,
vs
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u R. Loosli-Surrans, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett rikors imressaq biex jiġi kkonstatat li, peress li għamlet ix-xandir bit-televiżjoni fi Franza minn stazzjonijiet tat-televiżjoni Franċiżi ta' avvenimenti sportivi li jinżammu fuq it-territorju ta' Stati Membri oħra suġġett għat-tneħħija minn qabel ta' reklami ta' xarbiet alkoħoliċi, ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 59 tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 49 KE),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann (Relatur), A. Rosas, C. Gulmann, J.-P. Puissochet u J. N. Cunha Rodrigues, Presidenti ta' Awla, R. Schintgen, S. von Bahr u R. Silva de Lapuerta, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. A. Tizzano,
Reġistratur: M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,
wara li rat ir-rapport għas-seduta,
wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet fis-seduta tal-25 ta' Novembru 2003, li matulha l-Kummissjoni kienet irrappreżentata minn H. van Lier u W. Wils, bħala aġenti, ir-Repubblika Franċiża minn G. de Bergues u R. Loosli-Surrans u r-Renju Unit minn K. Manji, assistit minn P. Harris, barrister,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-11 ta' Marzu 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta' Lulju 2002, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ressqet rikors taħt l-Artikolu 226 KE intiż biex jiġi kkonstatat li, peress li għamlet ix-xandir bit-televiżjoni fi Franza minn stazzjonijiet tat-televiżjoni Franċiżi ta' avvenimenti sportivi li jinżammu fuq it-territorju ta' Stati Membri oħra suġġett għat-tneħħija minn qabel ta' reklami ta' xarbiet alkoħoliċi, ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 59 tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 49 KE).
Il-kuntest ġuridiku
Ir-regoli sostantivi
2 Il-Liġi Nru. 91-32, ta' l-10 ta' Jannar 1991, dwar il-ġlieda kontra t-tipjip u l-alkoħoliżmu, magħrufa bħala "Liġi Evin" (JORF tat-12 ta' Jannar 1991, p. 615, iktar 'il quddiem il-"Liġi 'Evin'"), emendat b'mod partikolari l-Artikoli L.17 sa L.21 tal-Kodiċi dwar L-Istabbilimenti tax-Xorb li jillimitaw ir-reklamar ta' ċertu xarbiet alkoħoliċi, jiġifieri x-xarbiet b'livell ta' alkoħol ta' aktar minn 1.2°.
3 Skond dawn id-dispożizzjonijiet, ir-reklamar dirett jew indirett fuq it-televiżjoni ta' xarbiet alkoħoliċi huwa pprojbit, projbizzjoni li barra minn hekk tinstab ukoll fl-Artikolu 8 tad-Digriet Nru. 92-280, tas-27 ta' Marzu 1992, adottat sabiex jimplementa l-Artikolu 27 tal-Liġi tat-30 ta' Settembru 1986, dwar il-libertà ta' komunikazzjoni, u li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali dwar is-sistema applikabbli għar-reklamar u għall-isponsorizzazzjoni (JORF tat-28 ta' Marzu 1992, p. 4313).
4 Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni Franċiża tawtorizza forom oħra ta' reklamar. Għalhekk, per eżempju, huwa permess li xarbiet alkoħoliċi jiġu rreklamati fl-istampa, fuq ir-radju (minbarra f'ċerti sigħat) jew fil-forma ta' kartelluni jew sinjali, inklużi fuq it-tabelli pubbliċitarji mqiegħda f'postijiet fejn jinżammu avvenimenti sportivi, eċċ.
5 Ksur tal-Liġi Evin huwa kkwalifikat bħala "délit" (reat) mid-dritt kriminali Franċiż.
Ir-regoli ta' proċedura
6 Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 42 tal-Liġi Nru. 86-1067, tat-30 ta' Settembru 1986, dwar il-libertà ta' komunikazzjoni, magħrufa bħala "Liġi Léotard" (JORF ta' l-1 ta' Ottubru 1986, p. 11755), huwa l-Conseil supérieur de l'audiovisuel (Kunsill Superjuri dwar l-Awdjoviżiv) (iktar 'il quddiem il-"KSA") li huwa responsabbli mill-implimentazzjoni tal-Liġi Evin. F'dan il-kuntest, il-KSA jista' jintima lid-distributuri ta' servizzi ta' televiżjoni biex jirrispettaw l-obbligi tagħhom u, jekk dawn ma jikkonformawx ruħhom mar-rekwiżiti mitluba minnhom, huwa jista' jimponi penali amministrattivi kontrihom. Barra minn hekk, il-KSA jista' jressaq kull ksur imwettaq minn dawn id-distributuri quddiem il-procureur de la République.
Il-miżuri ta' implimentazzjoni
7 Fl-1995, l-awtoritajiet Franċiżi, jiġifieri l-KSA kif ukoll il-Ministru taż-Żgħażagħ u l-Isports u l-istazzjonijiet tat-televiżjoni Franċiżi ppreparaw Kodiċi ta' Mġiba Tajba, li ġie ppubblikat fil-Bulletin officiel du ministère de la Jeunesse et des Sports, li jinterpreta r-regoli tal-Liġi Evin fir-rigward ta' l-applikazzjoni tagħhom għax-xandir bit-televiżjoni ta' avvenimenti sportivi li jinżammu f'pajjiżi oħra (jiġifieri trażmissjonijiet diretti u trażmissjonijiet mill-ġdid), li matulhom jidhru reklami ta' xarbiet alkoħoliċi, per eżempju fuq tabelli pubbliċitarji jew fuq il-flokkijiet ta' l-atleti, u li għaldaqstant jistgħu jammontaw għal reklamar indirett fuq it-televiżjoni ta' xarbiet alkoħoliċi fis-sens ta' din il-Liġi.
8 Mingħajr ma huwa legalment vinkolanti, dan il-Kodiċi ta' Mġiba Tajba jindika li, fir-rigward ta' avvenimenti binazzjonali li jinżammu barra mill-pajjiż li, f'dan il-Kodiċi, jissejħu "avvenimenti oħra", ix-xandàra Franċiżi kif ukoll kull parti oħra suġġetta għal-liġi Franċiża (iktar 'il quddiem, flimkien, ix-"xandàra Franċiżi"), li m'għandhomx kontroll fuq il-kundizzjonijiet ta' l-iffilmjar, għandhom jużaw il-mezzi kollha disponibbli biex ma jħallux li trade marks kummerċjali ta' xarbiet alkoħoliċi jidhru fuq l-istazzjon tagħhom. Għaldaqstant, ix-xandàr Franċiż għandu, meta jakkwista d-drittijiet ta' trażmissjoni mill-ġdid, jinforma lill-imsieħba barranin tiegħu dwar ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Franċiża u dwar ir-regoli previsti f'dan il-Kodiċi. Bl-istess mod, dan ix-xandàr għandu jsaqsi lill-proprjetarju tad-drittijiet ta' trażmissjoni mill-ġdid, skond il-possibbiltajiet materjali tiegħu u qabel it-trażmissjoni ta' l-avveniment sportiv, dwar ir-reklami li jkunu ħa jidhru fil-post fejn ħa jinżamm l-avveniment. Fl-aħħar nett, dan ix-xandàr għandu juża l-mezzi tekniċi disponibbli sabiex jevita li jidhru fuq it-televiżjoni t-tabelli pubbliċitarji għal xarbiet alkoħoliċi.
9 Mill-banda l-oħra, fir-rigward ta' avvenimenti multinazzjonali li jinżammu barra mill-pajjiż, ix-xandàra Franċiżi m'għandhomx jitqiesu li huma kompjaċenti fir-rigward ta' reklamar li jidher fuq it-televiżjoni meta jxandru immaġni li m'għandhomx kontroll fuq il-kundizzjonijiet ta' l-iffilmjar tagħhom.
10 Il-Kodiċi ta' Mġiba Tajba, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kien jiddefinixxi l-avvenimenti multinazzjonali bħala dawk li "peress li l-immaġni tagħhom jiġu trażmessi mill-ġdid f'numru kbir ta' pajjiżi, ma jistgħux jitqiesu bħala maħsubin prinċipalment għall-pubbliku Franċiż". L-avvenimenti binazzjonali, min-naħa tagħhom, kienu definiti bħala "l-avvenimenti li jinżammu f'pajjiż barrani minbarra dawk imsemmija fil-każ preċedenti, meta t-trażmissjoni mill-ġdid hija maħsuba speċifikament għall-pubbliku Franċiż".
11 Minbarra l-preparazzjoni tal-Kodiċi ta' Mġiba Tajba, il-KSA kellu kuntatti max-xandàra Franċiżi sabiex dawn jibdew jeżiġu li t-tabelli pubbliċitarji dwar xarbiet alkoħoliċi ma jintwerewx jew anki jirrifjutaw kompletament li jitrażmettu mill-ġdid l-avveniment in kwistjoni. Minn ta' l-inqas f'każ wieħed, dan il-kumitat irrefera l-każ lill-procureur de la République sabiex dan iressaq proċedimenti legali kontra xandàr Franċiż. Madankollu, minn mindu ġie adottat l-imsemmi kodiċi, il-KSA wettaq biss intervent wieħed kontra xandàr bħal dan li seħħ f'Ottubru 1996.
Il-proċedura prekontenzjuża
12 Wara li intimat lir-Repubblika Franċiża sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni indirizzatilha, fil-21 ta' Novembru 1996, opinjoni motivata fejn osservat li l-projbizzjoni tar-reklamar fuq it-televiżjoni ta' xarbiet alkoħoliċi kkummerċjalizzati fi Franza, safejn huwa kkonċernat ir-reklamar indirett fuq it-televiżjoni li jirriżulta meta fuq it-televiżjoni jidhru tabelli viżibbli waqt it-trażmissjoni mill-ġdid ta' avvenimenti sportivi binazzjonali li jinżammu fit-territorju ta' Stati Membri oħra, kienet tidhrilha inkompatibbli mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Barra minn hekk, l-imsemmi Stat Membru kien mistieden jieħu l-miżuri meħtieġa biex jikkonforma ruħu ma' din l-opinjoni motivata f'terminu ta' xahrejn min-notifika ta' din l-opinjoni.
13 Sussegwentement, tkomplew il-kuntatti bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi u dawn ta' l-aħħar introduċew diversi bidliet fil-Kodiċi ta' Mġiba Tajba.
14 Madankollu, minħabba li kkonstatat li kien fadal problemi prattiċi fl-applikazzjoni tal-Liġi Evin u li l-emendi proposti mill-awtoritajiet Franċiżi ma kinux ta' natura li jsolvuhom, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu.
15 Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Diċembru 2002, ġie ammess l-intervent tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 37 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u skond l-Artikolu 93(1) tar-Regoli tal-Proċedura.
Fuq ir-rikors
16 In sostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka raġuni waħda, ibbażata fuq l-inkompatibbiltà ma' l-Artikolu 59 tat-Trattat tal-leġiżlazzjoni Franċiża li tipprojbixxi r-reklamar fuq it-televiżjoni ta' xarbiet alkoħoliċi kkummerċjalizzati fi Franza, safejn huwa kkonċernat ir-reklamar indirett fuq it-televiżjoni li jirriżulta meta fuq it-televiżjoni jidhru tabelli viżibbli waqt it-trażmissjoni mill-ġdid ta' avvenimenti sportivi binazzjonali li jinżammu fit-territorju ta' Stati Membri oħra (iktar 'il quddiem is-"sistema ta' reklamar fuq it-televiżjoni in kwistjoni").
L-argumenti tal-partijiet
17 Il-Kummissjoni u l-Gvern tar-Renju Unit isostnu li l-Artikolu 59 tat-Trattat jipprekludi s-sistema Franċiża ta' reklamar fuq it-televiżjoni.
18 Fil-fatt, din is-sistema tinvolvi restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta' reklamar u servizzi ta' trażmissjoni ta' programmi tat-televiżjoni.
19 Barra minn hekk, għalkemm tista', fil-prinċipju, tiġi ġġustifikata minħabba raġunijiet li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, kif inhu permess mill-Artikolu 56(1) tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 46(1) KE), meħud flimkien ma' l-Artikolu 66 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 55 KE), sistema bħal din mhijiex, madankollu, proporzjonata.
20 Mill-banda l-oħra, il-Gvern Franċiż isostni li s-sistema Franċiża ta' reklamar fuq it-televiżjoni mhijiex kuntrarja għall-Artikolu 59 tat-Trattat.
21 Fil-fatt, anki jekk din is-sistema tinvolvi restrizzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 59 tat-Trattat, din hija, f'kull każ, ġustifikata minħabba raġunijiet ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika u minħabba l-ħtieġa li jiġi evitat li l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tkunx irrispettata. Barra minn hekk, il-Gvern Franċiż isostni li sistema bħal din hija proporzjonata ma' l-għanijiet tagħha.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
22 L-Artikolu 59 tat-Trattat jeżiġi t-tneħħija ta' kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, anki jekk din ir-restrizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni kemm għal prestatarji ta' servizzi nazzjonali kif ukoll għal dawk minn Stati Membri oħra, meta din ir-restrizzjoni tkun ta' natura tali li tipprojbixxi jew li tfixkel b'xi mod ieħor l-attivitajiet ta' prestatarju stabbilit fi Stat Membru ieħor fejn jipprovdi servizzi analogi b'mod legali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta' Lulju 1991, Säger, C-76/90, Ġabra p. I-4221, punt 12, u tat-3 ta' Ottubru 2000, Corsten, C-58/98, Ġabra p. I-7919, punt 33). Barra minn hekk, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tapplika kemm għall-prestatarju kif ukoll għad-destinatarju ta' servizzi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta' Jannar 1984, Luisi u Carbone, 286/82 u 26/83, Ġabra p. 377, punt 16).
23 Madankollu, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista', fin-nuqqas ta' miżuri Komunitarji ta' armonizzazzjoni, tiġi limitata minn leġiżlazzjonijiet nazzjonali ġġustifikati minħabba r-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 56(1) tat-Trattat KE, meħud flimkien ma' l-Artikolu 66 tat-Trattat KE jew minħabba raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta' Novembru 2003, Gambelli et, C-243/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 60).
24 F'dan il-kuntest, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu sa liema livell jixtiequ jassiguraw il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-mod kif għandu jinkiseb dan il-livell. Madankollu, huma jistgħu jagħmlu dan biss fil-limiti stabbiliti fit-Trattat u, b'mod partikolari, b'rispett għall-prinċipju ta' proporzjonalità (ara s-sentenza tal-25 ta' Lulju 1991, Aragonesa de Publicidad Exterior u Publivía, C-1/90 u C-176/90, Ġabra p. I-4151, punt 16), li jeżiġi li l-miżuri adottati jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu li l-għan tagħhom jintlaħaq u ma jmorrux oltre dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan il-għan (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Säger, iċċitata iktar 'il fuq, punt 15; tat-23 ta' Novembru 1999, Arblade et, C-369/96 u C-376/96, Ġabra p. I-8453, punt 35; Corsten, iċċitata iktar 'il fuq, punt 39, u tat-22 ta' Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C-390/99, Ġabra p. I-607, punt 33).
25 F'din il-kawża, peress li ma kinux jeżistu miżuri Komunitarji ta' armonizzazzjoni f'dan il-qasam, sabiex jiġi evalwat jekk ir-raġuni invokata mill-Kummissjoni hijiex fondata, għandhom għaldaqstant jiġu eżaminati tliet punti wara xulxin, jiġifieri, l-eżistenza ta' restrizzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 59 tat-Trattat, il-possibbiltà ta' ġustifikazzjoni għas-sistema Franċiża ta' reklamar fuq it-televiżjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward ta' l-Artikolu 56(1) tat-Trattat, meħud flimkien ma' l-Artikolu 66 tiegħu, u n-natura proporzjonata ta' din is-sistema.
26 Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema Franċiża ta' reklamar fuq it-televiżjoni tammonta għal restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens ta' l-Artikolu 59 tat-Trattat. Fil-fatt, l-imsemmija sistema tammonta, minn naħa, għal restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta' reklamar minħabba li l-proprjetarji tat-tabelli pubbliċitarji jkollhom jirrifjutaw, b'mod preventiv, kull reklamar ta' xarbiet alkoħoliċi meta l-avveniment sportiv jista' jiġi mxandar mill-ġdid fi Franza. Min-naħa l-oħra, l-istess sistema twaqqaf milli jiġu pprovduti servizzi ta' trażmissjoni ta' programmi tat-televiżjoni. Fil-fatt, ix-xandàra Franċiżi jkollhom jirrifjutaw kull trażmissjoni mill-ġdid ta' avvenimenti sportivi li matulhom jidhru tabelli pubbliċitarji b'reklami ta' xarbiet alkoħoliċi kkummerċjalizzati fi Franza. Barra minn hekk, l-organizzaturi ta' avvenimenti sportivi li jinżammu barra minn Franza ma jistgħux ibiegħu d-drittijiet għat-trażmissjoni mill-ġdid lix-xandàra Franċiżi minħabba li t-trażmissjoni ta' programmi tat-televiżjoni dedikati għal avvenimenti bħal dawn tista' tinkludi reklamar indirett fuq it-televiżjoni ta' dawn ix-xarbiet alkoħoliċi.
27 F'dan ir-rigward, l-argumenti invokati mill-Gvern Franċiż kontra il-klassifikazzjoni ta' din is-sistema bħala "restrizzjoni" fis-sens ta' l-Artikolu 59 tat-Trattat m'għandhomx jintlaqgħu.
28 Għalkemm huwa veru li jeżistu possibbiltajiet tekniċi li permezz tagħhom jistgħu jitgħattew l-immaġni sabiex jinħbew b'mod speċifiku t-tabelli li jkollhom ir-reklamar tax-xarbiet alkoħoliċi, l-użu tagħhom madankollu jimplika spejjeż għoljin addizzjonali għax-xandàra Franċiżi, hekk kif ammetta, barra minn dan, il-Gvern Franċiż matul is-seduta.
29 Fir-rigward ta' l-argument li s-sistema Franċiża ta' reklamar fuq it-televiżjoni in kwistjoni tikkonċerna, b'mod mhux diskriminatorju, mhux biss ix-xarbiet alkoħoliċi prodotti fi Franza iżda wkoll dawk ta' kull oriġini ieħor meta dawn jiġu kkummerċjalizzati fit-territorju Franċiż, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, huwa biss l-oriġini tas-servizz in kwistjoni li jista' jkun rilevanti għal dan il-każ.
30 Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema Franċiża ta' reklamar fuq it-televiżjoni għandha għan li jagħmel parti mill-protezzjoni tas-saħħa pubblika fis-sens ta' l-Artikolu 56(1) tat-Trattat, kif spjega l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu. Fil-fatt, miżuri li jillimitaw il-possibbiltajiet ta' reklamar ta' xarbiet alkoħoliċi u b'dan il-mod jippruvaw jiġġieldu l-abbuż ta' l-alkoħol huma miżuri li jindirizzaw tħassib dwar is-saħħa pubblika (ara s-sentenzi ta' l-10 ta' Lulju 1980, Il-Kummissjoni vs Franza, 152/78, Ġabra p. 2299, punt 17; Aragonesa de Publicidad Exterior u Publivía, iċċitata iktar 'il fuq, punt 15, u tat-8 ta' Marzu 2001, Gourmet International Products, C-405/98, Ġabra p. I-1795, punt 27).
31 Fit-tielet lok, għandu jiġi wkoll kkonstatat li s-sistema Franċiża ta' reklamar fuq it-televiżjoni hija adatta sabiex tiżgura li jintlaħaq l-għan tagħha ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika. Barra minn hekk, din is-sistema ma tmurx oltre dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq għan bħal dan. Din is-sistema fil-fatt tillimita s-sitwazzjonijiet fejn it-tabelli pubbliċitarji għax-xarbiet alkoħoliċi jistgħu jidhru fuq it-televiżjoni u, għaldaqstant, tista' twassal għal restrizzjoni tat-trażmissjoni ta' messaġġi bħal dawn, u b'hekk tnaqqas l-okkażjonijiet fejn it-telespettaturi jkunu jistgħu jkunu inkoraġġuti biex jikkunsmaw xarbiet alkoħoliċi.
32 F'dan ir-rigward, l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni u mir-Renju Unit sabiex tiġi stabbilita n-natura sproporzjonata ta' din is-sistema m'għandhomx jintlaqgħu.
33 Fil-fatt, fir-rigward ta' l-argument li s-sistema Franċiża ta' reklamar fuq it-televiżjoni mhijiex koerenti, minħabba li tapplika biss għal xarbiet alkoħoliċi li għandhom livell ta' alkoħol ta' aktar minn 1.2°, minħabba li tikkonċerna biss ir-reklamar fuq it-televiżjoni u minħabba li ma tapplikax għar-reklamar favur it-tabakk, huwa biżżejjed li jingħad li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu sa liema livell jixtiequ jassiguraw il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-mod kif dan il-livell għandu jintlaħaq (ara sentenza Aragonesa de Publicidad Exterior u Publivía, iċċitata iktar 'il fuq, punt 16).
34 Fir-rigward ta' l-argument li din is-sistema fil-prattika twassal għall-konsegwenza li avvenimenti sħaħ ma jkunux jistgħu jiġu mxandra mentri jeżistu miżuri inqas restrittivi li jippermettu li tiġi assigurata l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, għandu jiġi kkonstatat li, għar-raġunijiet imsemmija mill-Avukat Ġenerali fil-punti 103 u 104 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl, minn naħa, ta' l-apparat tekniku disponibbli llum il-ġurnata u, min-naħa l-oħra, il-prezz għoli ta' dan l-apparat, fir-realtà bħalissa ma jeżistux miżuri inqas restrittivi li jippermettu li jiġi eskluż jew moħbi r-reklamar indirett fuq it-televiżjoni tax-xarbiet alkoħoliċi li jirriżulta meta jidhru tabelli viżibbli waqt it-trażmissjoni mill-ġdid ta' avvenimenti sportivi. Fil-fatt, peress li dan ir-reklamar jidher fuq it-televiżjoni biss b'mod sporadiku u għal ftit sekondi biss, la hu possibbli li jiġi kkontrollat il-kontenut tiegħu u lanqas li jiddaħħlu twissijiet dwar il-periklu ta' konsum eċċessiv ta' l-alkoħol fl-istess ħin li jidher ir-reklam fuq it-televiżjoni.
35 Fir-rigward ta' l-argument li s-sistema Franċiża ta' reklamar fuq it-televiżjoni twassal biex jiġi awtorizzat ir-reklamar fuq it-televiżjoni ta' xarbiet alkoħoliċi f'sitwazzjonijiet fejn l-udjenza Franċiża hija, f'figuri assoluti, għolja ħafna (avvenimenti multinazzjonali), iżda biex dan ir-reklamar jiġi pprojbit meta l-udjenza Franċiża hija inqas għolja (avvenimenti binazzjonali), għandu jiġi kkonstatat li, billi tillimita l-projbizzjoni għar-reklamar indirett li jixxandar waqt it-trażmissjoni mill-ġdid ta' avvenimenti sportivi li huma indirizzati speċifikament lill-udjenza Franċiża u li matulhom ir-reklamar jista' jolqot għalhekk speċifikament lil din l-udjenza biss, din is-sistema tista' biss tagħmel din il-miżura anqas ta' preġudizzju għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, għaldaqstant, hija aktar proporzjonata għall-għan li trid tilħaq.
36 L-istess jista' jingħad fir-rigward ta' l-argument li s-sistema Franċiża ta' reklamar fuq it-televiżjoni in kwistjoni hija fil-prattika applikata biss għar-reklamar ta' xarbiet alkoħoliċi kkummerċjalizzati fi Franza. Fil-fatt, billi tillimita l-projbizzjoni in kwistjoni għar-reklamar ta' prodotti kkummerċjalizzati fi Franza u, b'hekk tillimita l-kamp ta' applikazzjoni ta' din il-projbizzjoni, l-ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi huwa ristrett u, għaldaqstant, huwa aktar proporzjonat għall-għan li jrid jilħaq.
37 Fir-rigward ta' l-argument li r-reklamar ta' xarbiet alkoħoliċi huwa aċċettat f'ċerti Stati Membri, għandu jiġi kkonstatat li, kif spjega b'mod espliċitu l-Avukat Ġenerali fil-punt 106 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li Stat Membru jimponi regoli inqas stretti minn dawk imposti minn Stat Membru ieħor ma jfissirx li r-regoli ta' dan l-aħħar Stat mhumiex proporzjonati (sentenza ta' l-10 ta' Mejju 1995, Alpine Investments, C-384/93, Ġabra, p. I-1141, punt 51).
38 Fir-rigward ta' l-argument li jsostni li l-applikazzjoni tas-sistema Franċiża ta' reklamar tista' twassal għal kontroll doppju minħabba l-kontrolli li jkunu diġà saru fil-kuntest tal-proċeduri fis-seħħ fi Stat Membru ieħor, għandu jiġi mfakkar li, kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk l-Istat Membru li fih jinżamm l-avveniment sportiv jipprojbixxi x-xandir ta' immaġni li juri tabelli bir-reklamar ta' prodotti alkoħoliċi, dan l-avveniment jista' jiġi mxandar mill-ġdid fi Franza mingħajr ma jkunu meħtieġa kontrolli. Jekk, min-naħa l-oħra, ma teżistix projbizzjoni bħal din fl-Istat Membru fejn jinżamm l-avveniment sportiv, iseħħ biss il-kontroll magħmul mill-awtoritajiet Franċiżi.
39 Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-argument li wħud mid-dispożizzjonijiet ta' din is-sistema huma ambigwi, għandu jiġi kkonstatat li, għall-motivi msemmija mill-Avukat Ġenerali fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjonijiet in kwistjoni huma ċari u preċiżi biżżejjed. Fil-fatt, is-sistema ta' reklamar fuq it-televiżjoni kkonċernata tillimita b'eżattezza suffiċjenti, għax-xandàra kkonċernati, il-każijiet fejn it-trażmissjoni mill-ġdid ta' avvenimenti sportivi hija pprojbita.
40 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, l-unika raġuni invokata mill-Kummissjoni in sostenn tar-rikors tagħha m'għandhiex tintlaqa' u, għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
41 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Repubblika Franċiża. Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 69(4), ir-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż.
3) Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.
Skouris
Jann
Rosas
Gulmann
Puissochet
Cunha Rodrigues
Schintgen
von Bahr
Silva de Lapuerta
Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-13 ta' Lulju 2004.
R. Grass
V. Skouris
Reġistratur
President
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy