SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
16 ta' Diċembru 2004 (*)
"Ambjent – Skart – Regolament (KEE) Nru 259/93 dwar il-konsenji ta’ skart – Skart destinat għal operazzjonijiet ta' rkupru - Oġġezzjonijiet – Kompetenza ta' l-awtorità tat-tluq – Irkupru li ma jirrispettax ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442/KEE jew tad-dispożizzjonijiet nazzjonali – Kompetenza ta' l-awtorità tat-tluq sabiex tqajjem oġġezzjonijiet bħal dawn"
Fil-kawża C-277/02,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberverwaltungsgericht Rheinland-Pfalz (Il-Germanja), permezz ta deċiżjoni tat-3 ta' Lulju 2002, li waslet fid-29 ta' Lulju 2002, fil-proċedura
EU-Wood-Trading GmbH
vs
Sonderabfall-Management-Gesellschaft Rheinland-Pfalz mbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts u K. Schiemann (Relatur), Imħallfin.
Avukat Ġenerali: P. Léger,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta' Mejju 2004,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal EU-Wood-Trading GmbH, minn T. Pschera u B. Enderle, Rechtsanwälte,
– għal Sonderabfall-Management-Gesellschaft Rheinland-Pfalz mbH, minn C. v. der Lühe, Rechtsanwalt,
– għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent,
– għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn U. Wölker u M. Konstantinidis, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta' Settembru 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-ewwel żewġ paragrafi ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93, ta' l-1 ta' Frar 1993, dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta' [konsenji] ta' skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU L 30, p. 1), kif emendat mid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 98/368/KE, tat-18 ta' Mejju 1998 (ĠU L 165, p. 20), u 1999/816/KE, ta' l-24 ta' Novembru 1999 (ĠU L 316, p. 45, aktar 'il quddiem ir-"Regolament").
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn EU-Wood-Trading GmbH, stabbilita f'Bürstad (Il-Ġermanja) (aktar 'il quddiem "EU-Wood-Trading") u Sonderabfall-Management-Gesellschaft Rheinland-Pfalz mbH dwar l-oġġezzjonijiet imqajma minn din ta' l-aħħar fir-rigward ta' konsenja ta' 3,500 tunnellata skart ta' injam li EU-Wood-Trading kellha l-intenzjoni li tibgħat lejn l-Italja.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-għan essenzjali tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta' Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU L 194, p. 39), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta' Marzu 1991 (ĠU L 78, p. 32), u mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350/KE, ta' l-24 ta' Mejju 1996 (ĠU L 135, p. 32, aktar 'il quddiem id-"Direttiva"), huwa li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent kontra l-effetti ta' ħsara kkawżati mill-ġbir, mit-trasport, mit-trattament, mill-ħażna u mill-ħatt ta' l-iskart. B'mod partikolari, ir-raba' premessa ta' din id-direttiva tindika li għandu jiġi inkoraġġit l-irkupru ta' l-iskart u l-użu tal-materjali rkuprati sabiex jiġu kkonservati r-riżorsi naturali.
4 Id-Direttiva tiddefinixxi, fl-Artikolu 1(e) tagħha, ir-"rimi" bħala "kull waħda mill-ħidmiet provduti fl-Anness II, A", u, fl-Artikolu 1(f) tagħha, l-"irkupru" bħala "kull waħda mill-ħidmiet provduti fl-Anness II, B".
5 Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva:
"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw illi l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr l-użu ta' proċessi jew ta' metodi li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-ambjent, u b'mod partikolari:
– mingħajr riskju għall-ilma, l-arja, il-ħamrija u l-pjanti u l-annimali,
– mingħajr ma jikkawżaw irritazzjoni permezz tal-ħsejjes u bl-irwejjaħ,
– mingħajr ma jaffettwaw ħażin il-kampanja u l-postijiet ta' interess speċjali."
6 Skond l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti maħtura mill-Istati Membri għandhom, sabiex jinkisbu l-għanijiet imsemmija, b'mod partikolari, fl-Artikolu 4, jistabbilixxu malajr kemm jista' jkun pjan jew diversi pjanijiet għall-immaniġġjar ta' l-iskart. Skond l-Artikolu 7(3), l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimpedixxu ċaqliq ta' l-iskart li ma jkunx konformi mal-pjanijiet tagħhom għall-immaniġġjar ta' l-iskart.
7 Ir-Regolament jorganizza, b'mod partikolari, is-superviżjoni u l-kontroll ta' konsenji ta' skart bejn l-Istati Membri.
8 Id-disa' premessa tiegħu tippreċiża li:
"[…] [il-konsenji] ta' skart għandhom ikunu suġġetti għal notifika minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti biex jiffaċilitaw li dawn ikunu infurmati kif xieraq partikolarment bit-tip, ċaqliq u rimi jew irkupru ta' skart, sabiex dawn l-awtoritajiet jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, inkluża l-possibbiltà li jitqajmu oġġezzjonijiet raġonevoli dwar il-[konsenji]".
9 Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament:
"Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament:
[…]
b) 'awtoritajiet kompetenti' jfissru awtoritajiet kompetenti innominati jew mill-Istat Membru skond l-Artikolu 36 jew minn Stati li mhumiex Membri;
ċ) 'awtorità kompetenti [tat-tluq]' tfisser l-awtorità kompetenti, innominata mill-Istati Membri skond l-Artikolu 36, għaż-żona li minnha [titlaq il-konsenja] […];
d) 'awtorità kompetenti tad-destinazzjoni' tfisser l-awtorità kompetenti, innominata mill-Istati Membri skond l-Artikolu 36, għaż-żona li fiha l-[konsenja] tkun imwassla […];
e) 'l-awtorità kompetenti tat-transitu' tfisser l-awtorità waħdanija innominata minn Stati Membri skond l-Artikolu 36 għall-Istat li minnu l-[konsenja] tkun in transitu;
[…]
g) 'notifikatur' tfisser persuna naturali jew korp ġuridiku li lilhom jew lil min id-dover tan-notifika jkun assenjat, jiġifieri l-persuna […] li tipproponi li tikkonsenja l-iskart jew li tkun ikkonsenjat l-iskart […];
i) 'rimi' huwa kif definit fl-Artikolu 1(e) tad-Direttiva 75/442/KEE;
[…]
k) 'irkupru' huwa kif definit fl-Artikolu 1(f) tad-Direttiva 75/442/KEE;
[…]"
10 It-Titolu II tar-Regolament, intitolat "[Konsenji] ta' skart bejn Stati Membri", jinkludi, b'mod partikolari, żewġ kapitoli distinti li jikkonċernaw, wieħed minnhom, il-proċedura applikabbli għall-konsenji ta' skart destinat għar-rimi (Kapitolu A, Artikoli 3 sa 5) u l-ieħor, il-proċedura applikabbli għall-konsenji ta' skart destinat għall-irkupru (Kapitolu B, Artikoli 6 sa 11).
11 Skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6(1) tar-Regolament, meta l-produttur jew id-detentur ta' l-iskart ikollu l-intenzjoni li jikkonsenja skart minn Stat Membru għal ieħor u/jew li jgħaddi skart bi transitu minn xi wieħed jew aktar Stati Membri, liema skart ikun destinat għall-irkupru u jkun elenkat fl-Anness III ta' l-imsemmi regolament (lista ambra ta' skart), huwa għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni b'dan u għandu jibgħat kopja tan-notifika lill-awtoritajiet kompetenti tat-tluq u tat-tranżitu kif ukoll lid-destinatarju.
12 Skond l-Artikolu 6(3) tar-Regolament, in-notifika għandha tkun effettwata permezz ta' nota tal-konsenja li għandha tinħareġ mill-awtorità kompetenti tat-tluq. L-Artikolu 6(5) jippreċiża d-dettalji li għandhom jingħataw min-notifikatur fuq in-nota tal-konsenja, fosthom id-dettalji dwar l-operazzjonijiet ta' rkupru msemmija fl-Anness II B tad-Direttiva.
13 Skond l-Artikolu 6(6) ta' l-istess regolament, in-notifikatur għandu jikkonkludi kuntratt mad-destinatarju għall-irkupru ta' l-iskart u kopja ta' dan il-kuntratt għandha tkun ipprovduta lill-awtorità kompetenti fuq talba ta' din ta' l-aħħar.
14 Skond l-Artikolu 6(8) tar-Regolament, awtorità kompetenti tat-tluq tista', skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, tiddeċiedi li tibgħat in-notifika hija stess, minflok in-notifikatur, lill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni u tibgħat kopja lid-destinatarju u lill-awtorità kompetenti tat-tranżitu.
15 L-Artikolu 7(2) tar-Regolament jistabbilixxi t-terminu kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-metodi li l-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni, tat-tluq u tat-tranżitu għandhom jirrispettaw sabiex iqajmu oġġezzjonijiet kontra l-pjan innotifikat ta' konsenja ta' skart destinat għall-irkupru. L-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi, b'mod partikolari, li l-oġġezzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq l-Artikolu 7(4).
16 L-Artikolu 7(4) tar-Regolament jipprovdi li:
"a) L-awtoritajiet kompetenti tat-tluq u tad-destinazzjoni jistgħu jqajmu oġġezzjonijiet raġjonevoli dwar il-[konsenja] ippjanat[a]:
– skond id-Direttiva 75/442/KEE, partikolarment l-Artikolu 7 tagħha, jew
– jekk din ma tkunx skond il-liġijiet nazzjonali u r-regolamenti li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien ta' l-ambjent, ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew ħarsien tas-saħħa, jew
– jekk in-notifikatur jew [id-destinatarju] [j]kunu nstabu qabel ħatja ta' traffikar illegali. F'dan il-każ, l-awtorità kompetenti tat-tluq tista' tiċħad il-[konsenji] kollha li jinvolvu l-persuna f'dak il-każ skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jew
– jekk il-[konsenja] [t]kun f'konflitt ma' l-obbligi li jirriżultaw minn konvenzjonijiet internazzjonali li jkunu konklużi minn Stat Membru jew Stati Membri kkonċernati, jew
– jekk ir-rapport ta' bejn l-iskart li jista' jiġi rkuprat ma' [dak] li ma jistax jiġi rkuprat, l-istima tal-valur tal-materjali li għandhom finalment ikunu rkuprati jew l-ispiża ta' l-irkupru jew l-ispiża tar-rimi tal-frazzjoni li ma tistax tkun irkuprata ma jiġġustifikawx l-irkupru minħabba konsiderazzjonijiet ekonomiċi u ambjentali.
b) L-awtoritajiet kompetenti tat-transitu jistgħu jqajmu oġġezzjonijiet raġjonevoli għall-[konsenja] ippjanat[a] ibbażati fuq it-tieni, t-tielet u r-raba' paragrafi ta' (a)."
17 L-Artikolu 26 tar-Regolament jipprovdi li:
"1. Kull konsenja ta' skart magħmula:
[...]
ċ) bil-kunsens akkwistat mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati permezz ta' fal[s]ifikazzjoni, mi[ż]rappreżentazzjoni jew frodi;
jew
[…]
e) li tirriżulta fir-rimi jew fl-irkupru b'kontravenzjoni tar-regoli tal-Komunità jew internazzjonali;
[...]
għandhom ikunu meqjusa bħala traffiku illegali."
18 Skond l-Artikolu 30(1) tar-Regolament:
"Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-iskart ikun konsenjat skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Miżuri bħal dawn jistgħu jinkludu l-ispezzjonar ta' l-istabbilimenti u ta' l-intrapriżi, skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 54/44/2KEE, u verifiki ta' kull tant fuq il-[konsenji]."
19 Skond l-Artikolu 34 tar-Regolament:
"1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 26 u ta' dispożizzjonijiet tal-Komunità u nazzjonali li jirrigwardaw ir-responsabbiltà ċivili u [i]rrispettivament mill-post tar-rimi jew l-irkupru ta' l-iskart, il-produttur ta' dak l-iskart għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiddisponi jew jirkupra jew jirranġa għar-rimi jew l-irkupru ta' l-iskart sabiex jipproteġi l-kwalità ta' l-ambjent [...].
2. Stati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jassiguraw li l-obbligazzjonijiet provduti fil-paragrafu 1 jkunu mwettqa."
20 Skond l-Artikolu 36 tar-Regolament:
"Stati Membri għandhom jinnominaw awtorità jew awtoritajiet kompetenti għall-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament. Awtorità kompetenti waħdanija tat-transitu għandha tiġi nominata minn kull Stat Membru."
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
21 L-Artikolu 5(3) tal-Gesetz zur Förderung der Kreislaufwirtschaft und Sicherung der umweltverträglichen Beseitigung von Abfällen (liġi intiża sabiex tippromwovi l-attivitajiet ta' riċiklaġġ u sabiex tassigura li r-rimi ta' l-iskart jirrispetta l-ambjent) tas-27 ta' Settembru 1994 (BGB1. 1994 I, p. 2705, aktar 'il quddiem il-"Liġi tas-27 ta' Settembru 1994"), jipprojbixxi kull tip ta' rkupru ta' skart li jwassal għal żieda fil-preżenza ta' sustanza li tagħmel ħsara fiċ-ċiklu tal-materjali.
22 Fir-rigward tal-Land ta' Rheinland-Pfalz, l-organizzazzjoni tar-rimi ta' l-iskart tossiku hija r-responsabbiltà ta' Sonderabfall-Management Gesellschaft Rheinland-Pfalz mbH.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
23 Fit-23 ta' Novembru 1999, EU-Wood-Trading innotifikat lil Sonderabfall Management Gesellschaft Rheinland Pfalz mbH, bħala l-awtorità kompetenti tat-tluq, bl-intenzjoni tagħha li tibgħat konsenja ta' 3,500 tunnelleta ta' skart ta' injam lill-impriża Frati Luigi de Pomponesco, stabbilita fl-Italja.
24 Skond din in-notifika, l-iskart in kwistjoni kien kompost b'mod partikolari minn injam ipproċessat jew miżbugħ li kien ġej minn twaqqigħ ta' bini, minn għamara jew minn fdalijiet tal-mastrudaxxi. L-iskart kien destinat sabiex jiġi rkuprat għall-produzzjoni ta' fallakki taċ-ċippbord.
25 Id-dokumenti mehmuża man-notifika kienu jinkludu deskrizzjoni ta' l-operazzjoni ta' rkupru, attestazzjonijiet li l-awtoritajiet tad-destinazzjoni Taljani ma kinux ħa jqajmu oġġezzjonijiet kontra l-importazzjoni ta' dan l-injam użat u r-rapport ta' laboratorju li fih analiżi ta' l-iskart kienet tiżvela kontenut ta' ċomb ta' 47mg għal kull kilogramm ta' materjal niexef.
26 Permezz ta' deċiżjoni tas-17 ta' Jannar 2000, l-awtorità kompetenti tat-tluq qajmet xi oġġezzjonijiet kontra din il-konsenja taħt l-ewwel u t-tieni inċiżi ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament. Dawn l-oġġezzjonijiet kienu bbażati fuq il-fatt li, fid-dawl tal-kontenut ta' ċomb fl-iskart in kwistjoni, li kien jaqbeż il-valur ta' riferiment stabbilit f'linja ta' gwida maħruġa mill-Ministeru ta' l-Ambjent tal-Land ta' Rheinland-Pfalz, l-irkupru ta' dan l-iskart ma jistax jitwettaq mingħajr perikolu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jagħmel ħsara lill-ambjent, kuntrarjament għar-rekwiżiti kemm tad-Direttiva u kemm tal-Liġi tas-27 ta' Settembru 1994.
27 EU-Wood-Trading ressqet ilment quddiem l-awtorità kompetenti tat-tluq kontra dawn l-oġġezzjonijiet u pproduċiet rapport ġdid ta' analiżi ta' l-iskart li kien jindika li, għal kull kilogramm ta' materjal niexef, l-injam kellu kontenut ta' ċomb ta' 23 mg u kontenut ta' arseniku ta' 3.4 mg. Dan l-ilment ġie miċħud fil-5 ta' Lulju 2000.
28 Ir-rikors imressaq kontra din id-deċiżjoni minn EU-Wood-Trading quddiem il-Verwaltungsgericht Mainz (Il-Ġermanja) ġie miċħud permezz ta' deċiżjoni tas-16 ta' Ottubru 2001. EU-Wood-Trading appellat minn din is-sentenza quddiem l-Oberverwaltungsgericht Rheinland-Pfalz. Hija essenzjalment sostniet li l-awtorità kompetenti tat-tluq ma setgħatx tifformola, kontra konsenja ta' skart destinat għall-irkupru, oġġezzjonijiet li ma jikkonċernawx it-trasport ta' dan l-iskart iżda l-irkupru tiegħu fi Stat Membru ieħor.
29 F'ċirkustanzi bħal dawn, l-Oberverwaltungsgericht Rheinland-Pfalz, peress li kkunsidrat li s-soluzzjoni tal-kwistjoni li kellha quddiemha kienet tiddependi minn interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"1) Tista' oġġezzjoni fir-rigward ta' konsenja ta' skart destinat għall-irkupru titressaq taħt l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 259/93 […] minħabba li l-irkupru previst jikser ir-rekwiżit li jirriżulta mill-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442 […], u li jeżiġi li l-iskart ikun irkuprat mingħajr ma tkun ipperikolata saħħet il-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent?
2) Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv, tista' oġġezzjoni bħal din titressaq mhux biss mill-awtorità tad-destinazzjoni iżda wkoll mill-awtorità tat-tluq?
3) Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv, tista' l-awtorità tat-tluq, meta tevalwa l-impatt fuq is-saħħa u l-ambjent ta' l-irkupru ppjanat fil-post ta' destinazzjoni, tibbaża ruħha fuq il-kriterji fis-seħħ fl-Istat tat-tluq anki meta dawn ikunu aktar stretti minn dawk applikabbli fl-Istat tad-destinazzjoni?
4) Tista' oġġezzjoni fir-rigward ta' konsenja ta' skart destinat għall-irkupru titressaq taħt it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 259/93, minħabba li l-irkupru previst jikser id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentorji nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni ta' l-ambjent, ta' l-ordni pubblika, tas-sigurtà pubblika jew tal-protezzjoni tas-saħħa?
5) Fl-affermattiv, tista' l-awtorità tat-tluq tressaq oġġezzjoni bħal din minħabba li l-irkupru jikser dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentorji nazzjonali applikabbli fil-post tat-tluq?"
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domandi
30 Permezz ta' l-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-oġġezzjonijiet fir-rigward ta' konsenja ta' skart li l-awtoritajiet kompetenti tat-tluq u tad-destinazzjoni jistgħu jqajmu taħt l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament, jistgħux ikunu bbażati fuq kunsiderazzjonijiet marbuta mhux biss ma' l-operazzjoni nfisha tat-trasport ta' l-iskart fit-territorju li jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta' kull awtorità kompetenti, iżda wkoll ma' l-operazzjoni ta' rkupru prevista għall-imsemmija konsenja.
31 Qabel kollox, għandu jiġi osservat li r-Regolament ma jagħtix definizzjoni tal-kunċett ta' konsenja. Issa, peress li dispożizzjonijiet oħra ta' dan ir-Regolament jagħmlu riferiment għall-kunċett ta' trasport ta' l-iskart, b'mod partikolari dawk ta' l-Artikolu 7(3) ta' l-imsemmi regolament, il-konsenja msemmija fl-Artikolu 7(4) ta' dan l-istess regolament ma tistax tkun neċessarjament limitata għall-operazzjoni ta' trasport ta' l-iskart.
32 Għaldaqstant, il-kunċett ta' konsenja għandu jitqiegħed fil-kuntest tiegħu u għandu jiġi interpretat skond is-sens u l-għan tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni sabiex ikun determinat jekk dawn id-dispożizzjonijiet jippermettux li jitqajmu oġġezzjonijiet fir-rigward ta' konsenja ta' skart ibbażati fuq l-irkupru previst fl-Istat tad-destinazzjoni.
33 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-kwistjoni ta' konsenji ta' skart hija rregolamentata b'mod armonizzat fil-livell Komunitarju mir-Regolament bil-għan li tkun iggarantita l-protezzjoni ta' l-ambjent (sentenza tat-13 ta' Diċembru 2001, DaimlerChrysler, C-324/99, Ġabra p. I-9897, punt 42).
34 Il-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti minn dan ir-Regolament ġew adottati bil-ħsieb li tkun iggarantita l-protezzjoni ta' l-ambjent u fid-dawl ta' għanijiet li jagħmlu parti mill-politika ta' l-ambjent, bħall-prinċipji ta' prossimità, priorità għall-irkupru u ta' awtosuffiċjenza fil-livell Komunitarju u fil-livell nazzjonali. B'mod partikolari, abbażi ta' dawn il-kundizzjonijiet u proċeduri l-Istati Membri jistgħu jadottaw, sabiex jimplementaw dawn il-prinċipji, miżuri ta' projbizzjoni ġenerali jew parzjali jew ta' oġġezzjoni sistematika u jistgħu jopponu għal konsenji ta' skart li ma jkunux konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Għalhekk, ir-Regolament jinsab fil-kuntest tal-politika ta' l-ambjent segwita mill-Komunità u ma jistax jitqies bħala intiż sabiex jimplementa l-moviment liberu ta' skart ġewwa l-Komunità (sentenza tat-28 ta' Ġunju 1994, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-187/93, Ġabra p. I-2857, punti 22 u 23).
35 Fis-sistema Komunitarja hekk stabbilita mir-Regolament, jidher li l-għanijiet li l-leġiżlatur Komunitarju assenja lil din is-sistema fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa u ta' l-ambjent jistgħu jkunu kompromessi jekk, fid-dawl ta' l-iskop tagħha, il-konsenja ta' skart bejn l-Istati Membri ma tkunx ikkunsidrata fl-intier tagħha, jiġifieri mill-punt tat-tluq ta' l-iskart fl-Istat tat-tluq sat-tmiem ta' l-ipproċessar tiegħu fl-Istat tad-destinazzjoni.
36 F'dan ir-rigward, mid-disa' premessa tar-Regolament, jirriżulta li dan ir-Regolament jistabbilixxi proċedura ta' notifika minn qabel tal-konsenji ta' skart lill-awtoritajiet kompetenti sabiex dawn ikunu debitament informati mhux biss bit-tip u ċ-ċaqliq ta' dan l-iskart iżda wkoll dwar ir-rimi jew l-irkupru tiegħu, b'tali mod li huma jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent, inkluża l-possibbiltà li jqajmu oġġezzjonijiet motivati.
37 Għal dan il-għan, in-notifikatur għandu, skond l-Artikolu 6(5) tar-Regolament, jipprovdi fin-nota tal-konsenja, mogħtija in sostenn tan-notifika, informazzjoni mhux biss dwar il-kompożizzjoni u l-volum ta' l-iskart li għandu jkun irkuprat u l-metodi tat-trasport tiegħu, iżda wkoll dwar il-kundizzjonijiet li fihom għandu jkun irkuprat l-imsemmi skart. Għalhekk, il-leġiżlatur Komunitarju ried li l-awtoritajiet kompetenti kollha jkunu informati dwar il-proċess sħiħ li jgħaddi minnu l-iskart sal-mument li fih dan l-iskart ma jibqax ta' perikolu għas-saħħa u għall-ambjent.
38 Barra minn hekk, ir-Regolament jinkludi dispożizzjonijiet, minbarra dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-implementazzjoni tagħhom timplika li l-awtoritajiet kompetenti għall-kontroll tal-konsenji ta' skart destinat għall-irkupru għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni elementi li jikkonċernaw l-operazzjoni ta' rkupru. Għalhekk, il-ħames inċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament jipprovdi bħala motiv ta' oġġezzjoni għal konsenja bħal din in-nuqqas ta' ġustifikazzjoni ta' l-irkupru mill-aspett ekonomiku u ambjentali. Bl-istess mod, id-dispożizzjonijiet, meħudin flimkien, ta' l-Artikolu 26(1)(e) u ta' l-Artikolu 26(5) tar-Regolament jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jieħdu kull azzjoni legali xierqa sabiex jipprojbixxu u jikkastigaw it-traffiku illegali kkostitwit minn konsenja ta' skart li ġġib magħha rimi jew ikupru bi ksur tar-regoli Komunitarji jew internazzjonali.
39 Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li r-Regolament, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, ma jeskludix li l-awtoritajiet kompetenti kollha responsabbli mill-kontroll tal-konsenji ta' skart ikunu jistgħu jieħdu in kunsiderazzjoni elementi marbuta mhux biss mat-trasport ta' dan l-iskart iżda wkoll mal-kundizzjonijiet li fihom dan l-iskart jiġi rkuprat.
40 Fir-rigward ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament, għandu jiġi osservat, qabel kollox, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dawn id-dispożizzjonijiet, li jipprovdu għall-possibbiltà għall-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni u tat-tluq li jqajmu oġġezzjonijiet motivati kontra l-konsenja ppjanata "skond id-Direttiva 75/442/KEE, partikolarment l-Artikolu 7 tagħha", għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lill-imsemmija awtoritajiet iqajmu oġġezzjonijiet bħal dawn abbażi tad-Direttiva u, b'mod partikolari, ta' l-Artikolu 7 tagħha.
41 L-użu ta' l-avverbju "partikolarment" qabel ma jissemma l-Artikolu 7 tad-Direttiva jimplika li r-riferiment għal dan l-artikolu huwa ta' natura purament indikattiva fis-sens li jistgħu jitqajmu wkoll oġġezzjonijiet abbażi ta' dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva. Għaldaqstant, il-fatt li l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimpedixxu ċ-"ċaqliq" ta' skart li ma jkunx konformi mal-pjanijiet tagħhom għall-immaniġġjar ta' l-iskart ma jistax ikollu l-konsegwenza li jillimita l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jibbażaw ruħhom sabiex iqajmu oġġezzjonijiet taħt l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament għat-trasport ta' dan l-iskart biss.
42 Finalment, peress li skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li l-iskart se jkun irkuprat jew mormi mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr ma jkunu użati proċessi jew metodi li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-ambjent, id-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lill-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni u tat-tluq sabiex iqajmu oġġezzjonijiet fir-rigward ta' konsenja ta' skart destinat għall-irkupru minħabba li l-irkupru previst ma jirrispettax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-imsemmi Artikolu 4 tad-Direttiva.
43 Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda għandha tkun li l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-oġġezzjonijiet għal konsenja ta' skart destinat għall-irkupru, li l-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni u tat-tluq jistgħu jqajmu, jistgħu jkunu bbażati fuq kunsiderazzjonijiet marbuta mhux biss ma' l-operazzjoni nfisha tat-trasport ta' l-iskart fit-territorju li jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta' kull awtorità kompetenti iżda wkoll ma' l-operazzjoni ta' rkupru prevista għall-imsemmija konsenja.
Fuq it-tielet domanda
44 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti tat-tluq, sabiex toġġezzjona għal konsenja ta' skart, tistax, meta tevalwa l-impatt fuq is-saħħa u l-ambjent ta' l-irkupru ppjanat fil-post ta' destinazzjoni, tibbaża ruħha fuq il-kriterji li għalihom huwa suġġett l-irkupru ta' l-iskart fl-Istat tat-tluq sabiex ikun evitat impatt bħal dan, anki meta dawn il-kriterji jkunu aktar stretti minn dawk fis-seħħ fl-Istat tad-destinazzjoni.
45 F'dan ir-rigward, kif ġie indikat fil-punt 33 ta' din is-sentenza, il-kwistjoni tal-konsenji ta' skart ġiet armonizzata mir-Regolament bil-għan li tkun iggarantita l-protezzjoni ta' l-ambjent. Mill-banda l-oħra, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kundizzjonijiet ta' l-irkupru ta' l-iskart ma kinux is-suġġett ta' miżuri ta' armonizzazzjoni. Għaldaqstant, skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li l-iskart ikun irkuprat mingħajr ma tkun ipperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jkunu użati proċessi jew metodi li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent u, b'mod partikolari, mingħajr ma jinħoloq riskju għall-ilma, l-arja jew il-ħamrija, u lanqas għall-fawna u l-flora, mingħajr ma jkunu kkawżati inkonvenjenzi permezz tal-ħsejjes jew ta' l-irwejjaħ u mingħajr ma jkunu milquta ħażin il-kampanja u l-postijiet ta' interess speċjali. Għalkemm din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax il-kontenut konkret tal-miżuri li għandhom jiġu adottati, xorta jibqa' l-fatt li din id-dispożizzjoni torbot lill-Istati Membri fir-rigward ta' l-għan li għandu jintlaħaq filwaqt li tħallilhom marġni ta' diskrezzjoni fir-rigward ta' l-evalwazzjoni tal-bżonn ta' miżuri bħal dawn (sentenza tad-9 ta' Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-365/97, Ġabra p. I-7773, punti 66 u 67).
46 Fl-eżerċizzju ta' din id-diskrezzjoni, l-Istati Membri, meta jistabbilixxu n-normi tagħhom dwar l-irkupru ta' l-iskart, jistgħu jaslu sabiex jadottaw miżuri nazzjonali b'rekwiżiti, fir-rigward ta' l-għanijiet ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent stabbiliti fid-Direttiva, li jkollhom livelli li jistgħu jvarjaw sostanzjalment minn Stat għall-ieħor. Huwa preċiżament f'ċirkustanzi bħal dawn li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jqumu u partikolarment id-domanda dwar jekk, meta n-normi stabbiliti mill-Istat Membru tat-tluq sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija aktar 'il fuq jkunu aktar stretti minn dawk applikabbli fl-Istat tad-destinazzjoni, l-awtorità kompetenti tat-tluq tistax, abbażi tar-Regolament, tqajjem oġġezzjoni għall-konsenja ppjanata abbażi ta' dan il-livell ogħla ta' protezzjoni stabbilit min-normi nazzjonali tagħha. Issa, peress li għandu jiġi aċċettat li l-awtoritajiet kompetenti tat-tluq jistgħu jqajmu oġġezzjonijiet għall-konsenja billi jieħdu in kunsiderazzjoni elementi marbuta mal-kundizzjonijiet li fihom jitwettaq l-irkupru ta' l-iskart fl-Istat tad-destinazzjoni, id-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament jimplikaw li l-imsemmija awtoritajiet, meta jevalwaw ir-riskji li jinvolvi dan l-irkupru għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, ikunu jistgħu jikkunsidraw il-kriterji rilevanti kollha f'dan ir-rigward, inklużi dawk li huma fis-seħħ fl-Istat tat-tluq anki jekk dawn ikunu aktar stretti minn dawk li jkunu fis-seħħ fl-Istat tad-destinazzjoni, u sakemm dawn il-kriterji jkunu intiżi sabiex ikunu evitati dawn ir-riskji. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti tat-tluq ma jistgħux ikunu marbuta mill-kriterji ta' l-Istat tagħhom jekk dawn il-kriterji ma jkunux aktar adatti minn dawk ta' l-Istat tad-destinazzjoni sabiex ikunu evitati dawn ir-riskji.
47 Interpretazzjoni bħal din tar-Regolament hija neċessarja peress li dan ir-regolament jinsab fil-kuntest tal-politika ta' l-ambjent segwita mill-Komunità li, skond l-Artikolu 2 KE, għandha bħala l-kompitu tagħha, b'mod partikolari, li tippromwovi livell għoli ta' protezzjoni u titjib fil-kwalità ta' l-ambjent. Għan bħal dan ikun fil-perikolu li jiġi kompromess kieku l-awtorità kompetenti tat-tluq kellha tkun imwaqqfa milli tinvoka l-kontenut tan-normi tagħha li jikkorrispondu għal livell għoli ta' protezzjoni ta' l-ambjent u milli toġġezzjona, bħala konsegwenza ta' dawn in-normi, għal konsenja ta' skart li l-kundizzjonijiet ta' rkupru tiegħu fl-Istat tad-destinazzjoni jistgħu jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem jew lill-ambjent.
48 Huwa veru li oġġezzjoni bħal din tista', bħal fil-kawża prinċipali, tkun f'kontradizzjoni mal-pożizzjoni adottata mill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni meta din, peress li tikkunsidra li l-operazzjoni ta' rkupru tissodisfa r-rekwiżiti tan-normi nazzjonali tagħha stess, ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni għall-konsenja ta' skart ippjanata. Madankollu, sitwazzjoni bħal din hija inerenti għas-sistema implementata mir-Regolament stess li, fl-istess ħin, jafda lill-awtoritajiet kompetenti bir-responsabbiltà li jassiguraw li l-konsenji jkunu mwettqa skond id-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmi regolament (sentenza tas-27 ta' Frar 2002, ASA, C-6/00, Ġabra p. I-1961, punt 44). Għaldaqstant, din id-differenza fl-evalwazzjoni tad-diversi awtoritajiet kompetenti ma tistax tiġi invokata effettivament bħala li tmur kontra l-prinċipju ta' lealtà stabbilit fl-Artikolu 10 KE sabiex tintalab interpretazzjoni oħra tar-Regolament.
49 Madankollu, peress li l-leġiżlatur Komunitarju pprovda li l-iskart destinat għall-irkupru għandu jkun jista' jiċċaqlaq b'mod liberu bejn l-Istati Membri sabiex ikun ipproċessat f'dawn l-Istati (sentenza tal-25 ta' Ġunju 1998, Dusseldorp et, C-203/96, Ġabra p. I-4075, punt 33), l-oġġezzjoni għal konsenja, min-naħa ta' l-awtorità kompetenti tat-tluq, abbażi tan-normi nazzjonali tagħha dwar l-irkupru, tista' ssir biss b'mod legali sakemm dawn in-normi, skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, ikunu adatti sabiex jilħqu l-għanijiet mixtieqa, jiġifieri li jkunu evitati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, u sakemm ma jmorrux oltre dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.
50 F'dan ir-rigward, ir-riskji m'għandhomx jitqiesu fid-dawl ta' kunsiderazzjonijiet ġenerali iżda abbażi ta' riċerki xjentifiċi rilevanti (ara f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-14 ta' Lulju 1994, Van der Veldt, C-17/93, Ġabra p. I-3537, punt 17).
51 Minnbarra dan, il-fatt li Stat Membru jimponi regoli anqas stretti minn dawk applikabbli fi Stat Membru ieħor ma jfissirx, fih innifsu, li regoli aktar stretti huma sproporzjonati u, għaldaqstant, inkompatibbli mad-dritt Komunitarju (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta' Lulju 2002, Gräbner, C-294/00, Ġabra p. I-6515, punt 46).
52 Fil-fatt, is-sempliċi fatt li Stat Membru għażel sistema ta' protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor m'għandux ikollu effett fuq l-evalwazzjoni tal-bżonn u tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati f'dan ir-rigward (sentenzi tal-21 ta' Ottubru 1999, Zenatti, C-67/98, Ġabra p. I-7289, punt 34, u Gräbner, iċċitata aktar 'il fuq, punt 47).
53 Hija l-qorti nazzjonali li jkollha quddiemha rikors kontra l-oġġezzjoni mqajma mill-awtorità kompetenti tat-tluq li għandha tistħarreġ jekk dawn in-normi nazzjonali kinux ġew invokati f'ċirkustanzi kuntrarji għall-prinċipju ta' proporzjonalità (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta' Ottubru 2000, Snellers, C-314/98, Ġabra p. I-8633, punt 59).
54 Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament għandu jkun interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti tat-tluq, sabiex toġġezzjoni għal konsenja ta' skart, tista', fl-evalwazzjoni ta' l-impatt fuq is-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent ta' l-irkupru ppjanat fil-post ta' destinazzjoni, u filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta' proporzjonalità, tibbaża ruħha fuq il-kriterji li għalihom, sabiex ikun evitat impatt bħal dan, huwa suġġett l-irkupru ta' l-iskart fl-Istat tat-tluq, u dan anki meta dawn il-kriterji jkunu aktar stretti minn dawk fis-seħħ fl-Istat tad-destinazzjoni.
Fuq ir-raba' u l-ħames domandi
55 Permezz tar-raba' u tal-ħames domandi tagħha, li jaqbel li jkunu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament, li jipprovdi li jistgħu jitqajmu oġġezzjonijiet motivati kontra konsenja ppjanata jekk din ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentarji nazzjonali fl-oqsma tal-protezzjoni ta' l-ambjent, ta' l-ordni pubblika, tas-sigurtà pubblika jew tal-protezzjoni tas-saħħa, jawtorizzax lill-awtorità kompetenti tat-tluq tqajjem oġġezzjoni bbażata fuq il-fatt li l-irkupru ppjanat ma jirrispettax id-dispożizzjonijiet nazzjonali.
56 Kif intqal fil-punt 39 ta' din is-sentenza, ir-Regolament, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, ma jeskludix li l-awtoritajiet kompetenti kollha responsabbli mill-kontroll tal-konsenji ta' skart ikunu jistgħu jieħdu in kunsiderazzjoni elementi marbuta mhux biss mat-trasport ta' dan l-iskart iżda wkoll mal-kundizzjonijiet li fihom dan l-iskart jiġi rkuprat. Madankollu, l-eżami tad-dispożizzjonijiet kollha ta' l-Artikolu 7(4) tar-Regolament ma jistax iwassal għal konklużjoni bħal din fir-rigward ta' l-applikazzjoni tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament mingħajr ma tiġi mheddha l-koerenza ta' dan l-artikolu.
57 Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 7(4)(b) tar-Regolament jawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti tat-transitu sabiex iqajmu oġġezzjonijiet motivati kontra l-konsenja ppjanata abbażi tat-tieni, tat-tielet u tar-raba' inċiżi ta' l-Artikolu 7(4)(a) iżda mhux taħt l-ewwel u l-ħames inċiżi ta' dan l-istess artikolu.
58 Għalhekk, ir-Regolament ma jawtorizzax lill-awtoritajiet kompetenti tat-transitu, kuntrarjament għall-awtoritajiet kompetenti tat-tluq u tad-destinazzjoni, sabiex jivverifikaw jekk l-iskart huwiex ħa jiġi pproċessat skond id-Direttiva jew jekk l-irkupru huwiex iġġustifikat mill-aspett ekonomiku u ambjentali.
59 F'dan il-kuntest, billi fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament ipprovda li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jqajmu oġġezzjonijiet kontra l-konsenja ppjanata jekk din ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentorji nazzjonali, il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni jħares, f'kull wieħed mill-istadji tal-konsenja, l-effettività tad-dispożizzjonijiet ta' kull Stat Membru kkonċernat fir-rigward ta' l-iskart li jkun jinsab fit-territorju ta' dak l-Istat. Għalhekk, dawk id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-konsenja jkopru biss l-operazzjonijiet li jikkonċernaw din il-konsenja u li jseħħu matul il-perijodu li fih hija tkun fit-territorju rispettiv ta' kull waħda mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati. Minn dan isegwi li l-awtoritajiet kompetenti tat-tluq ma jistgħux jibbażaw rwieħhom fuq l-imsemmija dispożizzjonijiet sabiex iqajmu oġġezzjoni dwar l-operazzjoni ta' rkupru fl-Istat tad-destinazzjoni.
60 F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għar-raba' u l-ħames domandi għandha tkun li t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità kompetenti tat-tluq ma tistax tibbaża ruħha fuq dawn id-dispożizzjonijiet sabiex tqajjem oġġezzjoni għal konsenja ta' skart ibbażata fuq il-fatt li l-irkupru ppjanat ma jirrispettax id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentarji nazzjonali fl-oqsma tal-protezzjoni ta' l-ambjent, ta' l-ordni pubblika, tas-sigurtà pubblika jew tal-protezzjoni tas-saħħa.
Fuq l-ispejjeż
61 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla), taqta' u tiddeċiedi li:
1) L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93, ta' l-1 ta' Frar 1993, dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta' [konsenji] ta' skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea, kif emendat mid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 98/368/KE, tat-18 ta' Mejju 1998, u 1999/816/KE, ta' l-24 ta' Novembru 1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-oġġezzjonijiet għal konsenja ta' skart destinat għall-irkupru, li l-awtoritajiet kompetenti tat-tluq u tad-destinazzjoni jistgħu jqajmu, jistgħu jkunu bbażati fuq kunsiderazzjonijiet marbuta mhux biss ma' l-operazzjoni nfisha tat-trasport ta' l-iskart fit-territorju li jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta' kull awtorità kompetenti iżda wkoll ma' l-operazzjoni ta' rkupru prevista għall-imsemmija konsenja.
2) L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament Nru 259/93, kif emendat mid-Deċiżjonijiet 98/368 u 1999/816, għandu jkun interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti tat-tluq, sabiex toġġezzjoni għal konsenja ta' skart, tista', fl-evalwazzjoni ta' l-impatt fuq is-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent ta' l-irkupru ppjanat fil-post ta' destinazzjoni, u filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta' proporzjonalità, tibbaża ruħha fuq il-kriterji li għalihom, sabiex ikun evitat impatt bħal dan, huwa suġġett l-irkupru ta' l-iskart fl-Istat tat-tluq, u dan anki meta dawn il-kriterji jkunu aktar stretti minn dawk fis-seħħ fl-Istat tad-destinazzjoni.
3) It-tieni inċiż ta' l-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament Nru 259/93, kif emendat mid-Deċiżjonijiet 98/368 u 1999/816, għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità kompetenti tat-tluq ma tistax tibbaża ruħha fuq dawn id-dispożizzjonijiet sabiex tqajjem oġġezzjoni għal konsenja ta' skart ibbażata fuq il-fatt li l-irkupru ppjanat ma jirrispettax id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentarji nazzjonali fl-oqsma tal-protezzjoni ta' l-ambjent, ta' l-ordni pubblika, tas-sigurtà pubblika jew tal-protezzjoni tas-saħħa.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy