SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
21 ta' Ottubru 2004 (*)
"Trasport marittimu – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kabotaġġ marittimu"
Fil-kawża C-288/02,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE, ippreżentata fid-9 ta' Awwissu 2002,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn K. Simonsson u minn M. Patakia, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn E.-M. Mamouna, bhala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C.W.A. Timmermans (Relatur), President ta' l-Awla, C. Gulmann u R. Schintgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A . Tizzano,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta' Marzu 2004,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta' Mejju 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:
– billi tat espressament id-dritt ta' ġarr ta' passiġġieri bejn il-portijiet Griegi ta' l-art ewlenija lill-vapuri Griegi tal-passiġġieri biss u d-dritt li jsiru kruċieri bil-vapuri tal-passiġġieri ta' iktar minn 650gt bejn il-gżejjer Griegi lill-vapuri Griegi tal-passiġġieri biss;
– billi teħtieġ mill-vapuri Komunitarji rreġistrati f'tieni reġistru jew f'reġistru internazzjonali ċertifikat maħruġ minn awtorità ta' l-Istat tal-bandiera li jiċċertifika li l-imsemmi vapur huwa awtorizzat jipprovdi servizzi ta' kabotaġġ;
– billi kkunsidrat il-Peloponnese bħala gżira;
– billi applikat billi applikat fir-rigward tat-tankers, il-bastimenti li jġorru l-merkanzija, il-vapuri tal-passiġġieri, il-vapuri tat-turisti kif ukoll il-vapuri Komunitarji tal-kruċieri, li jwettqu t-trasport marittimu ta' kabotaġġ, ir-regoli nazzjonali tagħha bħala pajjiż ospitanti dwar l-ekwipaġġ u billi obbligat lill-proprjetarji tal-vapuri jippreżentaw aplikazzjoni lid-Dipartiment tas-Superviżjoni tal-Vapuri Merkantili (DEEP), għat-tkejjil tat-tunnellaġġ totali tal-vapur, sabiex l-awtoritajiet Griegi jikkalkulaw il-kompożizzjoni ta' l-ekwipaġġ,
ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 1, 3 u 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92, tas-7 ta' Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU L 364, p. 7, iktar 'il quddiem ir-"Regolament").
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 L-Artikolu 1(1) tar-Regolament jiddisponi:
"Sa mill-1 ta’ Jannar 1993, il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi ta’ trasport marittimu ġewwa Stat Membru (kabotaġġ marittimu) għandha tapplika għal proprjetarji ta’ vapuri tal-Komunità li jkollhom il-vapuri tagħhom irreġistrati fi, u jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru, sakemm dawn il-vapuri jkunu konformi mal-kundizzjonijiet kollha sabiex jagħmlu kabotaġġ f’dak l-Istat Membru, inklużi vapuri rreġistrati f’Euros, ladarba dak ir-Reġistru jkun approvat mill-Kunsill."
3 L-Artikolu 2 tar-Regolament jipprovdi:
"Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
1) 'servizzi ta’ trasport marittimu ġewwa Stat Membru (kabotaġġ marittimu)' tfisser servizzi normalment ipprovduti għal remunerazzjoni u għandhom b’mod partikolari jinkludu:
a) kabotaġġ fl-art ewlenija: il-ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti bil-baħar bejn portijiet li jinsabu fuq l-art ewlenija jew it-territorju prinċipali ta’ l-istess Stat Membru mingħajr waqfien fi gżejjer;
[…]
c) kabotaġġ tal-gżejjer: il-ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti bil-baħar bejn:
– portijiet li jinsabu fuq l-art ewlenija u fuq waħda jew aktar mill-gżejjer ta’ l-istess Stat Membru,
– portijiet li jinsabu fuq il-gżejjer ta’ l-istess Stat Membru;
Ceuta u Melilla għandhom ikunu ttrattati bl-istess mod bħala portijiet ta’ gżejjer.
[…]"
4 Skond l-Artikolu 3 tar-Regolament:
"1. Għal vapuri li jagħmlu kabotaġġ fl-art ewlenija u għal vapuri tal-kruċieri, il-kwistjonijiet kollha li jirreferu għal l-ekwipaġġ għandhom ikunu r-responsabbiltà ta’ l-Istat li fih il-vapur ikun irreġistrat (stat tal-bandiera), minbarra għal vapuri li jkunu iżgħar minn 650 gt, fejn il-kundizzjonijiet ta’ l-Istat li jospita jistgħu jiġu applikati.
2. Għal vapuri li jagħmlu kabotaġġ tal-gżejjer, il-kwistjonijiet kollha dwar l-ekwipaġġ huma r-responsabbiltà ta’ l-Istat li fih il-vapur ikun qed jagħmel servizz ta’ trasport marittimu (Stat ospitanti).
[…]"
5 L-Artikolu 6 tar-Regolament jipprovdi:
"1. Bħala mezz ta’ deroga, is-servizzi ta’ trasport marittimu li ġejjin magħmula ġewwa l-Mediterran u madwar il-kosta ta’ Spanja, il-Portugall u Franza għandhom temporanjament ikunu eżentati mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament:
– servizzi ta’ vapuri tal-kruċieri, sa l-1 ta’ Jannar 1995,
– trasport ta’ oġġetti strateġiċi (żejt, prodotti taż-żejt u ilma tax-xorb) sa l-1 ta’ Jannar 1997,
– servizzi minn vapuri iżgħar minn 650 gt, sa l-1 ta’ Jannar 1998,
– servizzi regolari ta’ passiġġieri u servizzi tal-laneċ, sa l-1 ta’ Jannar 1999.
2. Bħala deroga, kabotaġġ tal-gżejjer fil-Mediterran u kabotaġġ għar-rigward ta’ l-arċipelagi Kanarji, Ażores u Madejra, Ceuta u Melilla, il-gżejjer Franċiżi madwar il-kosta tal-Atlantiku u d-dipartimenti mbiegħda Franċiżi għandhom ikunu temporanjament eżentati mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament sa l-1 ta’ Jannar 1999.
3. Għal raġunijiet ta’ koeżjoni soċjo-ekonomika, id-deroga mogħtija fil-paragrafu 2 għandha tkun estiża għall-Greċja sa’ l-1 ta’ Jannar 2004 għal servizz regolari ta’ passiġġieri u servizzi ta’ laneċ ipprovduti minn vapuri ta’ anqas minn 650 gt.
6 Skond l-Artikolu 9 tar-Regolament:
"Qabel jadottaw liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, Stati Membri għandhom jikkonsultaw mal-Kummissjoni. Dawn għandhom jinfurmaw lil din ta’ l-aħħar bil-miżuri li jkunu ġew adottati."
7 L-Artikolu 10 tar-Regolament jipprovdi:
"Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Kunsill, qabel l-1 ta’ Jannar 1995, u wara dan kull sentejn, rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u, jekk ikun xieraq, għandha wkoll tagħti xi proposti meħtieġa."
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
8 Il-Ypourgeio Emporikis Naftilias (Ministeru tal-Flotta Merkantili) ippubblika, f'Awwissu u f'Diċembru 1998, tliet ċirkularijiet indirizzati lill-awtoritajiet tal-portijiet interni.
9 Iċ-ċirkulari Nru 1151.65/1/98 ta' l-4 ta' Awwissu 1998, intitolata "Attivitajiet tal-vapuri li jġorru l-merkanzija u tankijiet li jtajru l-bandiera Komunitarja u li jagħmlu kabotaġġ marittimu", tindika li r-Regolament jagħmel parti integrali mil-leġiżlazzjoni Griega u jipprevali fuq kull dispożizzjoni kuntrarja. Barra minn hekk, l-Artikolu 2.1.1. ta' l-imsemmija ċirkulari jinkludi l-portijiet tal-Peloponnese fost dawk tal-gżejjer.
10 L-Artikolu 2.1.2 jipprovdi li, sabiex jagħmel kabotaġġ fl-ilmijiet Griegi, operatur li juża vapuri rreġistrati f'tieni reġistru jew f'reġistru internazzjonali, għandu jipprovdi l-prova li l-vapur in kwistjoni jista' jwettaq attivitajiet ta' trasport fl-Istat tal-bandiera ta' l-oriġini.
11 Iċ-ċirkulari Nru 1151.65/2/98 tat-18 ta' Diċembru 1998, intitolata "Attivitajiet tal-vapuri tal-passiġġieri, tat-turisti u tal-kruċieri li jtajru l-bandiera Komunitarja u li joperaw turs turistiċi fl-ilmijiet Griegi (kruċieri)", tirriproduċi d-dispożizzjonijiet taċ-ċirkulari preċedenti għal dak li jikkonċerna l-Pelonnese. Il-punt 2.4.1. tagħha jipprovdi:
"Ġeneralment, il-leġiżlazzjoni Griega (bħala l-leġiżlazzjoni ta' l-Istat ospitanti) għandha tapplika għall-kompożizzjoni ta' l-ekwipaġġ tal-vapuri Komunitarji tal-passiġġieri, tat-turisti u tal-kruċieri li huma awtorizzati jagħmlu kruċieri bejn il-portijiet ta' l-art ewlenija u l-gżejjer jew bejn il-portijiet ta' gżejjer tal-pajjiż tagħna, filwaqt li l-leġiżlazzjoni ta' l-Istat tal-bandiera għandha tapplika għall-kruċieri bejn il-portijiet ta' l-art ewlenija".
12 Iċ-ċirkulari Nru 2311.10/10/98 tal-21 ta' Diċembru 1998, intitolata "Ekwipaġġ tal-vapuri li jġorru l-merkanzija, tankijiet u vapuri tal-kruċieri li jtajru l-bandiera Komunitarja u li jagħmlu kabotaġġ marittimu" tipprovdi għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-flotta Griega fil-qasam ta' l-ekwipaġġ.
Il-proċedura ta' qabel il-kawża
13 Wara l-ewwel skambju ta' korrispondenza dwar l-implementazzjoni tar-Regolament mir-Repubblika Ellenika wara l-1 ta' Jannar 1999 u peress li kkunsidrat li din naqset milli twettaq l-obbligi kollha li jirriżultaw mill-imsemmi Regolament, il-Kummissjoni bagħtitilha ittra ta' intimazzjoni fit-3 ta' Mejju 2000. Ir-Repubblika Ellenika irrispondiet din l-ittra permezz ta' ittra tat-28 ta' Lulju 2000.
14 Peress li kkunsidrat li r-risposta u l-informazzjoni mogħtija waqt laqgħa tax-xogħol li seħħet fis-16 ta' Frar 2001, ma kinux sodisfaċenti, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata fit-18 ta' Lulju 2001 lir-Repubblika Ellenika. Din ta' l-aħħar irrispondiet l-ittra permezz ta' ittra tat-12 ta' Ottubru 2001.
15 Peress li kkunsidrat li l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma' l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament ma kinux ittieħdu mill-awtoritajiet Elleniki, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
Fuq il-mertu
16 Fid-dawl ta' ċerti kjarifiki pprovduti mill-Gvern Grieg, il-Kummissjoni rtirat, fir-replika tagħha u fis-seduta, it-tieni parti tar-raba' lment u l-ewwel ilment rispettivament.
17 Fid-dawl ta' dan l-irtirar, ser jiġu eżaminati biss it-tieni u t-tielet ilment kif ukoll l-ewwel parti tar-raba' lment tal-Kummissjoni.
Fuq it-tieni lment
L-argumenti tal-partijiet
18 Il-Kummissjoni tikkunsidra li, billi jeħtieġu, mill-vapuri Komunitarji rreġistrati fit-tieni reġistru jew f'reġistru internazzjonali ċertifikat maħruġ minn awtorità ta' l-Istat tal-bandiera li jiċċertifika li l-imsemmi vapur huwa awtorizzat jipprovdi servizzi ta' kabotaġġ, l-awtoritajiet Griegi qed joħolqu ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
19 Skond il-Kummissjoni, anki jekk jiġi aċċettat li dan l-ostaklu huwa ġġustifikat minħabba raġuni imperattiva ta' interess pubbliku, huwa jikkostitwixxi miżura sproporzjonata li tmur lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju sabiex jinkiseb l-għan li jrid jintlaħaq.
20 Fil-fatt, l-istess riżultat jista' jinkiseb permezz ta' mezzi inqas restrittivi, bħall-obbligu li tiġi ppreżentata kopja tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru li tawtorizza l-vapuri rreġistrati f'reġistri internazzjonali jwettqu trasporti interni jew komunikazzjoni ta' informazzjonali annwali lill-awtoritajiet nazzjonali, mill-awtoritajiet korrispondenti ta' l-Istati Membri l-oħra, fuq l-iżvilupp tas-sistema leġiżlattiva fis-settur marittimu. F'każ ta' dubju, l-awtoritajiet Griegi jistgħu wkoll jikkonsultaw lill-Kummissjoni f'dan ir-rigward.
21 Barra minn hekk, ir-rapporti ppubblikati kull sentejn mill-Kummissjoni u miġjuba għall-attenzjoni ta' l-Istati Membri, skond l-Artikolu 10 tar-Regolament, huma strument utli sabiex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet legali għat-twettiq tas-servizzi ta' kabotaġġ fl-Istat tal-bandiera humiex sodisfatti.
22 Barra minn hekk, l-effetttività tagħhom hija msaħħa permezz ta' l-impenn tal-Kummissjoni li tinforma b'mod regolari lill-Istati Membri fuq l-emendi leġiżlattivi nazzjonali li jikkonċernaw it-tieni reġistri, inklużi dawk li jkunu saru bejn iż-żewġ rapporti, sakemm dawn l-emendi jkunu ġew innotifikati lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 9 tar-Regolament.
23 Il-Gvern Grieg jispjega li f'xi Stati Membri jeżistu reġistri msejħa, inter alia, it-tieni reġistri jew reġistri internazzjonali, li fihom hemm reġistrati vapuri li mhumiex neċessarjament aċċettati għall-kabotaġġ ġewwa dawn l-istess Stati Membri. Għaldaqstant, għall-iskopijiet ta' applikazzjoni korretta ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament, l-Istat ospitanti għandu jassigura ruħu li vapur li jixtieq ikun aċċettat għall-kabotaġġ jissodisfa l-kundizzjonaijiet rikjesti sabiex jagħmel kabotaġġ fl-Istat tal-bandiera.
24 Għal dak li jikkonċerna dawn il-vapuri, huwa jikkontesta l-eżistenza ta' miżuri inqas restrittivi tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, mill-obbligu li jiġi ppreżentat ċertifikat maħruġ mill-Istat tal-bandiera, li jiċċertifika li l-kundizzjonijiet rikjesti sabiex isir kabotaġġ f'dan l-Istat huma sodisfatti.
25 Rigwrad l-Artikolu 9 tar-Regolament, il-Gvern Grieg josserva li din id-dispożizzjoni tirreferi għall-fatt li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni u mhux bil-kontra. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma tipprovdix, fir-realtà, għal informazzjoni kontinwa mogħtija mill-Kummissjoni lill-Istati membri.
26 Rigward ir-rapport li għandu jitħejja skond l-Artikolu 10 tar-Regolament, il-Gvern Grieg josserva li dan jiġi ppubblikat iktar minn sena wara l-iskadenza tal-perijodu ta' sentejn kopert minnu. Minn dan jirriżulta li emendi leġiżlattivi li jsiru f'ċertu mument fi Stat Membru u li jagħmlu l-kabotaġġ fi ħdan dan l-Istat possibbli, jiġu kkomunikati lill-Istati Membri l-oħra, permezz ta' tali rapport, b'dewmien konsiderevoli.
27 Għaldaqstant, is-sistema tiegħu ta' ċertifikazzjoni hija iktar konformi mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi peress li tippremetti li tingħata informazzjoni immedjata dwar emenda leġiżlattiva li tkun saret fi Stat Membru ieħor.
28 Barra minn hekk, is-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni u li tikkonsisti fil-preżentazzjoni ta' kopja tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru li tawtorizza l-vapuri rreġistrati fir-reġistri internazzjonali jagħmlu l-kabotaġġ f'dan l-Istat Membru mhijiex proporzjonata għall-għan li jrid jintlaħaq. Għall-kuntrarju, din is-soluzzjoni hija iktar komplessa peress li l-leġiżlazzjoni għandha tiġi tradotta kollha minn awtorità uffiċjali u ppreżentata lill-awtoritajiet tal-portijiet ta' l-Istat ospitanti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
29 Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 1 tar-Regolament jistabbilixxi kjarament il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta' kabotaġġ marittimu fil-Komunità (sentenza ta' l-20 ta' Frar 2001, Analir et C-205/99, Ġabra. p. I‑1271, punt 20).
30 Miżura nazzjonali, li teħtieġ mill-vapuri Komunitarji rreġistrati f'tieni reġistru jew f'reġistru internazzjonali, ċertifikat maħruġ minn awtorità ta' l-Istat tal-bandiera li jiċċertifika li l-imsemmi vapur huwa awtorizzat jipprovdi servizzi ta' kabotaġġ, hija ta' tali natura li tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-għoti ta' dawn is-servizzi u għaldaqstant, tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tagħhom (ara f'dan is-sens, is-sentenza Analir et, iċċitata ikar 'il fuq, punt 22).
31 Rigward l-ammissibbilità ta' din ir-restrizzjoni, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-kliem ta' l-Artikolu 1(1) tar-Regolament ma jagħti, minnu nnifsu, ebda indikazzjoni li tippermetti li tingħata risposta għall-kwistjoni jekk ċertifikat jistax ikun meħtieġ sabiex jiġi vverifikat jekk, kif tipprovdi din id-dispożizzjoni, vapur huwiex konformi mal-kundizzjonijiet kollha sabiex ikun jista' jagħmel kabotaġġ fl-Istat tal-bandiera (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Analir et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24).
32 Fit-tieni lok, huwa importanti li jiġi mfakkar li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bħala prinċipju fundamentali tat-Trattat KE, tista' tkun limitata biss mill-leġiżlazzjonijiet iġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta' interess pubbliku u japplikaw għal kull persuna jew impriża li teżerċita attività fit-territorju ta' l-Istat Membru ospitanti. Barra minn hekk, sabiex tkun iġġustifikata, il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni għandha tkun kapaċi tiggarantixxi l-kisba ta' l-għan li hija trid tilħaq u m'għandiex tmur lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju sabiex dan jinkiseb (sentenza Analir et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata)
33 It-tieni lment tal-Kummissjoni jidħol f'dan il-kuntest dwar in-natura proporzjonata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Ellenika li hija teħtieġ, mill-vapuri Komunitarji, ċertifikat maħruġ minn awtorità ta' l-Istat tal-bandiera filwaqt li hemm miżuri inqas restrittivi għall-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi sabiex jinkiseb l-għan, li huwa li jiġi vverifikat jekk dan il-vapur huwiex konformi mal-kundizzjonijiet kollha sabiex ikun jista' jagħmel kabotaġġ f'dan l-Istat.
34 Mandankollu, kif jispjega l-Avukat Ġenerali fil-punti 27 sa 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-soluzzjonijiet alternattivi proposti mill-Kummissjoni jew ma jippermettux li jinkiseb kompletament l-għan li jrid jintlaħaq, jew, fil-prattika, jirriżultaw iktar kumplessi u jirristrinġu iktar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi mis-sistema ta' ċertifikazzjoni li teżisti bħalissa.
35 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni, li għandha l-oneru tal-provi fil-kuntest ta' proċedimenti għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu (ara b'mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta' Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C-159/94, Ġabra p. I-5815, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata), ma rnexxilhiex turi li r-Repubblika Ellenika, billi tirrikjedi l-imsemmi ċertifikat, naqset mill-obbligi tagħha li jirriżultaw mir-Regolament.
36 Minn dan jirriżulta li t-tieni lment għandu jiġi respint.
Fuq it-tielet ilment
L-argumenti tal-partijiet
37 Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-awtoritajiet Griegi żbaljatament isostnu, meta jibbażaw ruħhom fuq l-etimoloġija biss ta' l-isem, li l-Peloponnese hija gżira, u b'hekk qed jestendu artifiċjalment l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament għas-servizzi ta' kabotaġġ marittimu bejn il-portijiet tal-Peloponnese u bejn il-portijiet ta' l-art ewlenija u dawk tal-Peloponnese.
38 Rigward dan, hija tfakkar li qabel, il-Peloponnese kienet magħquda ma' l-art ewlenija tal-Greċja, li minnha kienet ġiet separata b'kanal magħmul mill-bniedem. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni bejn il-Peloponnese u l-art ewlenija tal-Greċja hija assigurata permezz ta' linja tal-ferrovija u triq nazzjonali li tgħaddi fuq il-Kanal ta' Corinth.
39 Il-Gvern Grieg jenfasizza li, sabiex portijiet jitqiesu bħala portijiet ta' gżejjer, ir-Regolament juża kriterji oħra barra mill-fatt li dawn ikunu effettivament mdawra bil-baħar. Rigward dan, huwa jirreferi għal Ceuta u Melilla li huma kkunsidrati bħala portijiet ta' gżejjer mill-Artikolu 2(1)(c) tar-Regolament, għalkemm huma kjarament portijiet ta' l-art ewlenija peress li jinsabu fuq il-kosta tal-Kontinent Afrikan.
40 Barra minn hekk, filwaqt li jirrefera għas-sentenza tad-19 ta' Ottubru, Italja u Sardinja Lines vs Il-Kummissjoni (C-15/98 u C-105/99, Ġabra p. I‑8855), il-Gvern Grieg isostni li, sabiex jiġi stabbilit jekk reġjun ġeografiku jikkostitwix gżira jew le, il-kriterju deċiżiv jinsab fl-analiżi ta' l-istatistika tal-kummerċ li jsir permezz tal-baħar.
41 Fl-aħħar nett, fid-dawl ta' l-ispirtu ta' tolleranza u ta' komprensjoni fir-rigward ta' ċerti ekonomiji tal-Komunità li għandhom karatteristiċi partikolari, ikkonfermati kemm mill-preambolu tar-Regolament kif ukoll mill-Artikolu 6(3) li jipprovdi deroga għall-Greċja għal raġunijiet ta’ koeżjoni soċjo-ekonomika, hemm lok li din id-deroga tiġi applikata wkoll għall-Peloponnese.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
42 Peress li r-Regolament ma fihx definizzjoni tal-kunċett ta' "gżira", għandu jintuża s-sinjifikat komuni ta' dan il-kunċett, skond liema gżira hija definita, fil-kuntest marittimu, bħala żona ta' terraferma elevata b'mod permanenti mill-ilmijiet ta' baħar.
43 Kif josserva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Peloponnese hija, mingħajr dubju, mill-lat geografriku, peniżola. Hija ġiet separata mill-bqija tal-Greċja biss permezz ta' kanal artifiċjali li huwa xi għexieren ta' metri wiesa'. F'dawn iċ-ċirkustanzi, hija ma tistax tikkwalifika bħala gżira fis-sens tar-Regolament.
44 Il-fatt li l-Artikolu 2 tar-Regolament jikkwalifika l-portijiet ta' Ceuta u ta' Melilla bħala portijiet ta' gżejjer ma jikkontradixxix tali interpretazzjoni.
45 Fil-fatt, dawn iż-żewġ portijiet jikkostitwixxu portijiet ta' gżejjer biss minħabba li ġew kklassifikati bħala portijiet ta' gżejjer mill-Artikolu 2 tar-Regolament. Huma mhumiex portijiet ta' gżejjer per natura. Għaldaqstant, tqabbil bejn, minn naħa waħda, Ceuta u Melilla u, min-naħa l-oħra, il-portijiet tal-Peloponnese, li mhumiex ikkategorizzati bħala portijiet ta' gżira mill-Artikolu 2 tar-Regolament, jinvalida, iktar milli jikkonferma, l-argument tal-Gvern Grieg li l-Peloponnese tikkostitwixxi gżira.
46 Barra minn hekk, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm meta mqabbla mal-kontinent Afrikan, il-portijiet ta' dawn l-ibliet huma portijiet ta' l-art ewlenija, jibqa' l-fatt li meta mqabbla mal-kontinent Ewropew u b'mod partikolari mal-peniżula ta' l-Iberja, dawn il-portijiet jistgħu jiġu mqabbla mal-portijiet ta' gżejjer minħabba n-nuqqas ta' konnessjonijiet terrestri ma' Spanja.
47 Rigward is-sentenza Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, li jirreferi għaliha l-Gvern Grieg, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, f'din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx pożizzjoni fuq il-kunċett ta' "gżira".
48 Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni estensiva ta' l-Artikolu 6(3) li ppropona l-Gvern Grieg tmur kontra l-fatt li din id-dispożizzjoni, bħala eċċezzjoni għar-regoli ġenerali previsti fir-Regolament fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istat Membru, għandha tiġi interpretata b'mod restrittiv.
49 Minn dak li ntqal qabel, jirriżulta li t-tielet ilment tal-Kummissjoni huwa fondat.
Fuq l-ewwel parti tar-raba' lment
L-argumenti tal-partijiet
50 Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-ewwel parti tar-raba' lment tirrigawda biss il-fatt li, skond il-punt 2.4.1. taċ-ċirkulari Nru 1151.65/2/98, il-leġiżlazzjoni Griega dwar l-ekwipaġġ tal-vapuri tapplika għall-vapuri Komunitarji tal-kruċieri ikbar minn 650 gt li jagħmlu kabotaġġ tal-gżejjer.
51 Hija ssostni li l-imsemmija dispożizzjoni taċ-ċirkulari tmur kontra l-Artikolu 3(1) tar-Regolament li jipprovdi li l-kwistjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu ma' l-ekwipaġġ jaqgħu taħt ir-responsabbilità ta' l-Istat tal-bandiera, bl-eċċezzjoni tal-vapuri iżgħar minn 650 gt li jistgħu japplikaw il-kundizzjonijiet ta' l-Istat ospitanti. Skond il-Kummissjoni, mill-kliem ta' din id-dispożizzjoni, jirriżulta li hija tapplika għall-vapuri tal-kruċieri kollha, kemm jekk jagħmlu kabotaġġ fl-art ewlenija jew kabotaġġ tal-gżejjer.
52 Il-Gvern Grieg jikkunsidra li, skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament, il-kwistjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu ma' l-ekwipaġġ, għall-kategoriji kollha tal-vapuri li jagħmlu kabotaġġ bejn il-portijiet ta' gżejjer, inklużi l-vapuri tal-kruċieri, jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' l-Istat ospitanti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
53 Kif jirriżulta mill-kliem ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament, dan l-Artikolu japplika għall-vapuri li jagħmlu kabotaġġ fl-art ewlenija u għall-vapuri tal-kruċieri. L-Artikolu 3(2) japplika għall-vapuri li jagħmlu kabotaġġ tal-gżejjer.
54 Min-nuqqas ta' definizzjoni tat-termini "vapuri tal-kruċieri" fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament, jirriżulta li din d-dispożizzjoni tapplika għall-vapuri tal-kruċieri kollha, indipendentament min-natura tal-kabotaġġ li huma jwettqu.
55 Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li, kif josserva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, kieku l-vapuri tal-kruċieri li jagħmlu kabotaġġ tal-gżejjer kellhom ikunu meqjusa bħala koperti mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament, ir-referenza għall-vapuri tal-kruċieri fil-paragrafu 1 ma kinitx tagħmel sens peress li t-termini "vapuri li jagħmlu kabotaġġ fl-art ewlenija" diġà jkopru l-vapuri tal-kruċieri li jagħmlu dan il-kabotaġġ.
56 Għaldaqstant, fir-rigward tal-vapuri tal-kruċieri ta' iktar minn 650 gt li jagħmlu kabotaġġ tal-gżejjer, il-kwistjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu ma' l-ekwipaġġ, jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' l-Istat tal-bandiera. Peress li l-punt 2.4.1. taċ-ċirkulari Nru 1151.65/2/98 jipprovdi l-kuntrarju, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament.
57 Min dan jirriżulta, li l-ewwel parti tar-raba' lment huwa fondat.
Fuq l-ispejjeż
58 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 69(3), il-Qorti tista' tiddeċiedi li jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tista' tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Peress li kemm il-Kummissjoni u r-Repubblika Ellenika tilfu l-kawża parzjalment, hemm lok li jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeciedi
1) Billi kkunsidrat il-Peloponnese bħala gżira u billi applikat ir-regoli nazzjonali tagħha bħala Stat ospitanti dwar l-ekwipaġġ għall-vapuri Komunitarji tal-kruċieri ta' iktar minn 650 gt li jagħmlu kabotaġġ tal-gżejjer, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 1, 3 u 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92, tas-7 ta' Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu).
2) Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.
3) Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.
Full & Egal Universal Law Academy