SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
7 ta' Settembru 2004 (*)
"Assigurazzjoni – It-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja – Sistema ta' bonus-malus"
Fil-kawża C-346/02,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE,
imressaq fit-30 ta' Settembru 2002,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Tufvesson u J.-F. Pasquier, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn P. Gramegna, bħala aġent, assistit minn A. Schmitt, avocat,
konvenut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans (Relatur), C. Gulmann u J. N. Cunha Rodrigues, Presidenti ta' Awla, R. Schintgen, F. Macken u N. Colneric, S. von Bahr, R. Silva de Lapuerta u K. Lenaerts, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-10 ta' Frar 2004,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta' Marzu 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, bil-fatt li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu stabbilixxa u żamm fis-seħħ sistema ta' bonus-malus li għandha riperkussjonijiet awtomatiċi u obbligatorji fuq ir-rati tal-premiums, applikabbli għall-kuntratti kollha ta' l-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur konklużi fit-territorju Lussemburgiż minn persuni fiżiċi mingħajr distinzjoni bejn il-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni li jkunu stabbiliti fil-Lussemburgu u l-intrapriżi ta' l-assigurazzjoni li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom hemmhekk permezz ta' fergħat jew bil-provvista ta' servizzi, bi ksur tal-prinċipju tal-libertà li jiġu stabbiliti r-rati tal-premiums u tat-tneħħija tal-kontrolli minn qabel jew sistematiċi fuq ir-rati tal-premiums u l-kuntratti, stabbilit bl-Artikoli 6(3), 29 u 39 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE tat-18 ta' Ġunju 1992 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu ma' assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE (it-tielet Direttiva dwar "assigurazzjoni mhux tal-ħajja") (ĠU L 228, p. 1), huwa naqas li jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond l-imsemmija Direttiva.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 L-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/49, li jaqa' taħt it-titolu II, intitolat "Bidu tan-negozju ta' assigurazzjoni", jipprovdi li:
"L-Artikolu 8 tad-Direttiva 72/239/KEE għandu jinbidel b’dan li ġej:
'Artikolu 8
[…]
3. Xejn f’din id-Direttiva m’għandu jipprevieni Stati Membri milli jżommu fis-seħħ jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jeħtieġu approvazzjoni tal-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni u komunikazzjoni ta’ kull dokument ieħor neċessarju għal eżerċizzju normali ta’ sorveljanza.
L-Istati Membri m’għandhomx, madanakollu, jadottaw dispożizzjonijiet li jeħtieġu l-approvazzjoni minn qabel jew in-notifika sistematika ta’ kondizzjonijiet ta’ politika ġenerali u speċjali, skali ta’ premiums u formoli u dokumenti stampati oħrajn li intrapriża jkollha l-ħsieb li tuża fit-trattamenti tagħha ma’ titolari ta’ poloz.
Stati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu notifika jew approvazzjoni bil-quddiem ta’ żidiet proposti fir-rati ta’ premiums ħlief bħala parti minn sistemi ġenerali ta’ kontroll tal-prezzijiet.
[…]'".
3 Skond l-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/49, li jaqa' taħt it-titolu III ta' din id-Direttiva, intitolat "Armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet li jirregolaw in-negozju ta' assigurazzjoni":
"Stati Membri m’għandhomx jadottaw dispożizzjonijiet li jeħtieġu approvazzjoni minn qabel jew notifika sistematika ta’ kundizzjonijiet ta’ politika ġenerali u speċjali, skali ta’ premiums jew formoli u dokumenti stampati oħrajn li intrapriża ta’ l-assigurazzjoni jkollha l-ħsieb li tuża fit-trattamenti tagħha ma’ titolari tal-poloz.
Huma jkunu jistgħu jeħtieġu biss notifika mhux sistematika ta’ dawk il-kundizzjonijiet tal-polza u dokumenti oħrajn għall-iskop ta’ verifika tal-konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw kuntratti ta’ assigurazzjoni, u dik il-ħtieġa ma tistax tikkostitwixxi kundizzjoni bil-quddiem biex intrapriża ssegwi in-negozju tagħha.
Stati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu notifika jew approvazzjoni bil-quddiem taż-żidiet proposti fir-rati tal-premium ħlief bħala parti minn sistemi ġenerali ta’ kontroll tal-prezzijiet."
4 L-Artikolu 39(2) u (3) tad-Direttiva 92/49, li jaqa' taħt it-Titolu IV ta' din id-Direttiva, intitolat "Dispożizzjonijiet rigward id-dritt ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi", jipprovdi li:
"2. L-Istat Membru tal-fergħa jew tal-provvista ta’ servizzi m’għandux jadotta dispożizzjonijiet li jeħtieġu approvazzjoni minn qabel jew notifika sistematika ta’ kundizzjonijiet ta’ politika ġenerali u speċjali, skali ta’ premium, jew formoli u dokumenti stampati oħrajn li l-intrapriża jkollha l-ħsieb li tuża fit-trattamenti tagħha ma’ titolari tal-poloz.
Huwa jista’ biss jeħtieġ li intrapriża li tipproponi li ssegwi negozju ta’ assigurazzjoni fit-territorju tiegħu, skond id-dritt ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu provduti servizzi, tagħmel notifika mhux sistematika ta’ dawk il-kundizzjonijiet ta’ poloz u dokumenti oħrajn għall-iskop ta’ verifika ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw kuntratti ta’ assigurazzjoni, u dik il-ħtieġa ma tistax tikkostitwixxi kundizzjoni bil-quddiem biex intrapriża ssegwi in-negozju tagħha.
3. L-Istat Membru tal-fergħa jew tal-provvista ta’ servizzi ma jistax iżomm jew jintroduċi notifika jew approvazzjoni bil-quddiem taż-żidiet proposti fir-rati tal-premium ħlief bħala parti minn sistemi ġenerali ta’ kontroll tal-prezzijiet."
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 Ir-Regolament Gran Dukali ta' l-20 ta' Diċembru 1994 adottat sabiex timplementa l-Artikolu 17(2) u (3) tal-Liġi emendata tas-7 ta' April 1976 dwar l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili fil-qasam ta' vetturi bil-mutur u li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw il-kuntratti ta' assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili għall-vetturi bil-mutur (Mémorial A 1994, p. 2776, iktar 'il quddiem ''ir-Regolament") introduċa fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, b'mod partikolari, sistema għad-determinazzjoni ta' l-ammont tal-premiums ta' assigurazzjoni li bis-saħħa tiegħu t-titolari tal-polza jibbenefikaw minn tnaqqis fl-ammont tagħhom wara li jgħaddu diversi snin li fihom ma jkun hemm l-ebda inċident tas-sewqan, filwaqt li dan l-ammont jiżdied wara li jkun hemm inċident.
6 Skond l-Artikolu 3 tar-Regolament:
"Hija pprojbita kull klawżola f'kuntratt ta' assigurazzjoni li jkollha bħala suġġett jew bħala effett:
[…]
5. li tfixkel l-applikazzjoni għall-kuntratt ta' l-iskala bonus-malus kif tirriżulta mill-Artikoli 7 u 8 iktar 'l isfel".
7 L-Artikolu 7 tar-Regolament jipprovdi kriterji vinkolanti applikabbli għal kull kuntratt ta' assigurazzjoni ta' responsabbiltà ċivili konkluż minn persuna fiżika u relattiv għall-vetturi bil-mutur li jinżammu normalment fil-Lussemburgu.
8 Skond din is-sistema, titolari ġdid tal-polza ta' assigurazzjoni huwa kklassifikat fi grad 11 ta' l-iskala tal-bonus-malus (0% bonus). Jekk ma jkollu ebda inċident matul perijodu ta' osservazzjoni, huwa jinżel grad fl-iskala. L-iskala tal-bonus-malus tispiċċa fil-grad "-3", li huwa l-livell li fih it-titolari tal-polza ta' l-assigurazzjoni jħallas biss 45% ta' l-ammont tal-premium bażiku.
9 Min-naħa l-oħra, kull inċident matul il-perijodu ta' referenza jwassal biex jogħla 3 gradi. Il-livell massimu ta' l-iskala tal-bonus-malus hu dak tal-grad 22, li fih it-titolari ta' l-assigurazzjoni jħallas ammont ekwivalenti għal 250% tal-premium bażiku.
10 L-iskala tal-bonus-malus obbligatorju tapplika biss għall-kuntratti konklużi minn persuni fiżiċi. Barra minn hekk, is-sistema tal-bonus-malus taffettwa biss il-premium dwar l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili. Il-komponenti l-oħra tal-premium totali għall-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur, bħar-riskji relattivi għall-ksur tal-ħġieġ tal-karozza, għas-serq u għall-ħruq, kif ukoll għall-protezzjoni legali, mhumiex suġġetti għal din is-sistema.
Il-proċedura prekontenzjuża
11 Fil-25 ta' Lulju 2001, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu li fiha kkunsidrat li s-sistema għad-determinazzjoni ta' l-ammont tal-premiums ta' l-assigurazzjoni tikser ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/49, b'mod partikolari l-Artikoli 6(3), 29 u 39 tagħha.
12 Billi l-imsemmija ittra ta' intimazzjoni baqgħet mingħajr risposta, il-Kummissjoni, fl-20 ta' Diċembru 2001, bagħtet opinjoni motivata lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, fejn stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma' din l-opinjoni fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.
13 Il-Gvern Lussemburgiż irrisponda għall-imsemmija opinjoni motivata b'ittra tas-6 ta' Marzu 2002. Huwa sostna li, anke jekk jiġi aċċettat li l-libertà li jiġu stabbiliti r-rati huwa prinċipju stabbilit mid-Direttiva 92/49, id-determinazzjoni tar-rata tal-premiums bażiċi hija mħollija għall-apprezzament liberu ta' l-intrapriżi ta' l-assigurazzjoni. F'din ir-risposta, huwa enfasizza wkoll li s-sistema tal-bonus-malus kienet tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-konsumaturi u għall-prevenzjoni ta' l-inċidenti.
14 Billi kkunsidrat li l-awtoritajiet Lussemburgiżi ma kinux ħadu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma' l-obbligi tad-Direttiva 92/49, il-Kummissjoni iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.
Fuq il-mertu
L-argumenti tal-partijiet
15 Il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sistema Lussemburgiża tal-bonus-malus, minn naħa, tmur kontra l-prinċipju tal-libertà li jiġu stabbiliti r-rati tal-premiums li joħroġ mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/49, li jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jissuġġettaw għan-notifika, għall-approvazzjoni minn qabel jew għall-komunikazzjoni sistematika r-rati tal-premiums jew iż-żidiet tagħhom li intrapriża ta' l-assigurazzjoni tkun bi ħsiebha tapplika fit-territorju ta' dawn l-Istati u, min-naħa l-oħra, tmur kontra l-għan ta' din l-istess Direttiva, li hija intiża sabiex tassigura l-kummerċjalizzazzjoni libera tal-prodotti ta' l-assigurazzjoni fil-Komunità. Hija tikkunsidra li l-interpretazzjoni tagħha hija kkonfermata mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Mejju 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C-296/98, Ġabra p. I-3025), u tal-25 ta' Frar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-59/01, Ġabra p. I-1759).
16 Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-possibbiltà għall-Istati Membri li jistabbilixxu skala li tieħu in kunsiderazzjoni r-rekord ta' l-inċidenti tat-titolari ta' assigurazzjoni jew anki sistema uniformi tal-bonus-malus. Madankollu, sistemi bħal dawn imorru kontra d-Direttiva 92/49 meta jkollhom riperkussjonijiet awtomatiċi fuq ir-rati tal-premiums, kif inhu l-każ tas-sistema Lussemburgiża tal-bonus-malus.
17 Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li fil-Lussemburgu l-assiguraturi huma, bħala regola, liberi li jiddeterminaw l-ammont tal-premiums bażiċi. Madankollu, hija tikkunsidra li, sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju tal-libertà li jiġu stabbiliti r-rati tal-premiums, mhux biss il-premium bażiku, imma wkoll l-elementi kostituttivi kollha tal-premium ta' l-assigurazzjoni għandhom jiġu ddeterminati liberament mill-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni.
18 Fil-fatt, il-libertà li jiġu stabbiliti r-rati tal-premiums tista' tibqa' illużorja ħafna jekk il-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni jkunu jistgħu jaġġustaw il-premium fid-dawl ta' kriterju hekk fundamentali bħal dak tar-rekord ta' l-inċidenti tat-titolari tal-polza biss billi jsegwu dispożizzjonijiet predeterminati. Dan ikun aktar u aktar minnu meta jitqies li l-aġġustament impost ma jkollux effett marġinali fuq l-ammont tal-premium, iżda jista' jvarjah mill-premium bażiku għal aktar mid-doppju tiegħu.
19 Il-Gvern Lussemburgiż jirreferi għall-punt 29 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, u jsostni li r-Regolament huwa konformi mal-prinċipju tal-libertà li jiġu stabbiliti r-rati tal-premiums peress li la jimponi li r-rati tal-premiums użati mill-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni jiġu notifikati lil xi awtorità ta' sorveljanza jew ta' kontroll qabel jiġu applikati, u lanqas li din l-awtorità hija obbligata tapprova l-imsemmija rati tal-premiums qabel ma jiġu użati.
20 L-imsemmi Gvern isostni li s-sistema tal-bonus-malus tippermetti li l-premium ta' l-assigurazzjoni jiġi aġġustat abbażi tar-rekord tat-titolari tal-polza u tan-numru ta' inċidenti li huwa kien responsabbli għalihom. Din hija sistema ta' personalizzazzjoni tal-premiuma posteriori li tikkonċerna biss il-varjazzjoni tal-premium ta' l-assigurazzjoni. Min-naħa l-oħra, din is-sistema tħalli lill-assiguraturi fil-libertà assoluta li jiddeterminaw l-elementi kollha li jikkostitwixxu r-rata tal-premium ta' l-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur.
Il-kunsiderazzjonjiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
21 Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja f'punt 29 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, il-leġiżlatur Komunitarju ried jiggarantixxi l-prinċipju tal-libertà li jiġu stabbiliti r-rati tal-premiums fis-settur ta' l-assigurazzjoni mhux tal-ħajja, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-assigurazzjoni obbligatorja bħall-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili marbuta ma' l-użu tal-vetturi bil-mutur. Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess punt 29 tas-sentenza ċċitata iktar 'il fuq, dan il-prinċipju jimplika l-projbizzjoni ta' kull sistema ta' notifika minn qabel jew sistematika u ta' approvazzjoni tar-rati tal-premiums li intrapriża ta' l-assigurazzjoni tkun bi ħsiebha tuża fir-relazzjonijiet tagħha mat-titolari tal-polza ta' l-assigurazzjoni. L-unika deroga għal dan il-prinċipju li hija aċċettata mid-Direttiva 92/49 tikkonċerna n-notifika minn qabel u l-approvazzjoni taż-"żidiet fir-rati tal-premium" fil-kuntest ta' "sistemi ġenerali ta' kontroll tal-prezzijiet".
22 Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li sistema ta' friża tal-prezzijiet li taffetwa kemm il-fissazzjoni kif ukoll il-modifika tar-rati tal-premiums fil-kuntest tal-kuntratti fil-qasam ta' l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili marbuta ma' l-użu tal-vetturi bil-mutur fir-rigward ta' riskju sitwat fl-Italja, tmur kontra l-prinċipju tal-libertà li jiġu stabbiliti r-rati tal-premiums (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, punti 32 u 48).
23 Is-sistema Lussemburgiża tal-bonus-malus li dwarha jittratta dan ir-rikors hija, f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-impatt tagħha fuq ir-rati tal-premiums ta' l-intrapriżi ta' l-assigurazzjoni, ta' natura differenti mil-leġiżlazzjoni Taljana li dwarha kienet tittratta s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq. Huwa minnu li din is-sistema għandha riperkussjonijiet fuq il-modifika tal-premiums. Madankollu, hija ma twassalx għal fissazzjoni diretta tar-rati tal-premiums mill-Istat, billi l-intrapriżi ta' l-assigurazzjoni jibqgħu liberi li jiffissaw l-ammont tal-premiums bażiċi. F'dawn iċ-ċirkustanzi, is-sistema Lussemburgiża ta' bonus-malus ma tistax tiġi ekwiparata ma' sistema ta' approvazzjoni tar-rati tal-premiums li tmur kontra l-prinċipju tal-libertà li jiġu stabbiliti r-rati tal-premiums, kif definit mill-Qorti tal-Ġustizzja f'punt 29 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq.
24 Armonizzazzjoni kompleta fil-kuntest tar-rati tal-premiums fil-qasam ta' l-assigurazzjoni mhux tal-ħajja li teskludi l-miżuri nazzjonali kollha li jista' jkollhom riperkussjonijiet fuq ir-rati tal-premiums ma tistax tiġi preżunta fin-nuqqas ta' intenzjoni espressa b'mod ċar f'dan is-sens mil-leġiżlatur Komunitarju.
25 Minn dan jirriżulta li ma jistax jintlaqa' l-argument li fuqu huwa bbażat ir-rikors tal-Kummissjoni u li jikkonsisti fl-affermazzjoni li, minkejja l-fatt li l-premium bażiku jista' jiġi ffissat b'mod assolutament liberu, is-sistema Lussemburgiża tal-bonus-malus tmur kontra l-prinċipju tal-libertà li jiġu stabbiliti r-rati tal-premiums għas-sempliċi raġuni li għandha riperkussjonijiet fuq il-modifika ta' dan il-premium.
26 Barra minnhekk, il-Kummissjoni ma tippretendix li l-imsemmija sistema tammonta għall-impożizzjoni ta' obbligu ta' notifika minn qabel jew sistematika tar-rati tal-premiums li intrapriża ta' l-assigurazzjoni tkun bi ħsiebha tuża fir-relazzjonijiet tagħhom mat-titolari ta' l-assigurazzjoni jew sistema ta' approvazzjoni ta' rati tal-premiums bħal dawn.
27 Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma ppruvatx li, bil-fatt li stabbilixxa u żamm fis-seħħ is-sistema tiegħu tal-bonus-malus, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu aġixxa bi ksur tal-prinċipju tal-libertà li jiġu stabbiliti r-rati tal-premiums u tat-tneħħija tal-kontrolli minn qabel jew sistematiċi fuq ir-rati tal-premiums u l-kuntratti ta' l-assigurazzjoni stabbilit bl-Artikoli 6, 29 u 39 tad-Direttiva 92/49.
28 Billi l-Kummissjoni llimitat is-suġġett ta' l-opinjoni motivata u ta' dan ir-rikors biss għall-konstatazzjoni ta' ksur tal-prinċipju tal-libertà li jiġu stabbiliti r-rati tal-premiums u tat-tneħħija tal-kontrolli minn qabel jew sistematiċi fuq ir-rati tal-premiums u l-kuntratti ta' l-assigurazzjoni hekk kif dan il-prinċipju jirriżulta mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, hemm lok, għaldaqstant, li l-imsemmi rikors jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
29 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: il-Franciż.
Full & Egal Universal Law Academy