SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
24 ta' Ġunju 2004 (*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Ipproċessar ta' data personali u protezzjoni tal-privatezza fis-settur tat-telekomunikazzjoni – Artikoli 6 u 9 tad-Direttiva 97/66/KE – Bżonn ta' identifikazzjoni preċiża ta' l-ilmenti fl-opinjoni motivata"
Fil-kawża C-350/02,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Shotter u W. Wils, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Renju ta' l-Olanda, irrappreżentat minn S. Terstal, bħala aġent,
konvenut
li għandha l-għan li jiġi kkonstatat li, peress li ma adottax il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex l-Arikoli 6 u 9 tad-Direttiva 97/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta' Diċembru 1997, dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tat-telekomunikazzjoni (ĠU 1998, L 24, p. 1) jiġu trasposti fid-dritt nazzjonali, jew, ta' l-inqas, peress li ma kkomunikax dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Renju ta' l-Olanda naqas mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattat KE,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, A. La Pergola, S. von Bahr, R. Silva de Lapuerta u K. Lenaerts (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,
wara li rat ir-rapport għas-seduta,
wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet fis-seduta tat-13 ta' Novembru 2003, li matulha l-Kummissjoni kienet irrappreżentata minn W. Wils, assistit minn P. Gérard, espert, u r-Renju ta' l-Olanda, minn C. Wissels, bħala aġent, assistita minn R. J. I. Dielemans, espert,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tad-29 ta' Jannar 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta' rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta' Ottubru 2002, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ressqet kawża, bis-saħħa ta' l-Artikolu 226 KE, sabiex jiġi ddikjarat li, peress li ma adottax il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex l-Artikoli 6 u 9 tad-Direttiva 97/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta' Diċembru 1997, dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tat-telekomunikazzjoni (ĠU 1998, L 24, p. 1) (1) jiġu trasposti fid-dritt nazzjonali, jew, ta' l-inqas, peress li ma kkomunikalhiex dawn id-dispożizzjonijiet, ir-Renju ta' l-Olanda naqas mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattat KE.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dispożizzjonijiet Komunitarji
2 Skond l-Arikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 97/66, li kienet fis-seħħ meta ġraw il-fatti, kienet tirrigwarda "l-armonizzazzjoni tad-disposizzjonijiet ta’ l-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ ħarsien ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza, fir-rigward ta' l-ipproċessar tad-data personali fis-settur tat-telekomunikazzjoni u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ telekomunikazzjoni fil-Komunità".
3 L-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/66 kien jipprovdi li:
"1. Id-data dwar it-traffiku li tikkonċerna l-abbonati u l-utenti, ipproċessata sabiex jiġu stabbiliti komunikazzjonijiet u miżmuma mill-fornitur ta' netwerk pubbliku ta' telekomunikazzjoni u/jew ta' servizz ta' telekomunikazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku, għandha titħassar jew issir anonima meta l-komunikazzjoni tiġi mitmuma, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2, 3 u 4.
2. Id-data msemmija fl-anness tista' tiġi pproċessata sabiex isiru l-irċevuti tal-kontijiet ta' l-abbonati u għall-ħlas ta' l-interkonnessjoni. Tali pproċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perijodu li fih il-kont jista' jiġi legalment ikkontestat jew li fih jistgħu jinbdew proċeduri legali għall-ħlas.
3. Il-fornitur ta' servizz ta' telekomunikazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku jista' jipproċessa d-data msemmija fil-paragrafu 2 għall-iskopijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi tiegħu ta' telekomunikazzjoni jekk l-abbonat ikun ta l-kunsens tiegħu.
4. L-ipproċessar ta' data dwar it-traffiku u l-ħruġ tal-kontijiet għandhom ikunu ristretti għall-persuni li jaġixxu taħt l-awtorità tal-fornituri ta' netwerks pubbliċi ta' telekomunikazzjoni u/jew ta' servizzi ta' telekomunikazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku li huma inkarigati mill-ħruġ tal-kontijiet jew il-ġestjoni tat-traffiku, li jirrispondu għat-talbiet tal-klijenti, li jiskopru l-każijiet ta' frodi u li jikkummerċjalizzaw is-servizzi ta' telekomunikazzjoni tal-fornitur; dan l-ipproċessar għandu jkun ristrett għal dak li huwa meħtieg għall-iskop ta' dawn l-attivitajiet.
5. Il-paragrafi 1, 2, 3 u 4 japplikaw bla ħsara għall-possibbiltà li l-awtoritajiet kompetenti jiġu informati b'data dwar il-ħruġ ta' kontijiet jew it-traffiku skond il-leġiżlazzjoni fis-seħħ bil-għan li jiġu riżolti kwistjonijiet, partikolarment dwar interkonnessjoni jew irċevuti ta' kontijiet."
4 L-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/66 kien ifformulat bil-mod segwenti:
"L-Istati Membri għandhom jiżguraw li hemm proċeduri trasparenti li jirregolaw il-mod li bih fornitur ta' netwerk pubbliku ta' telekomunikazzjoni u/jew ta' servizz ta' telekomunikazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku jista' jevita l-eliminazzjoni tal-preżentazzjoni ta' identifikazzjoni tal-linja li minnha ssir it-telefonata:
(a) fuq bażi temporanja, meta l-abbonat jitlob l-identifikazzjoni ta' telefonati malizzjużi jew ta' inkonvenjent; f'dan il-każ, skond il-liġi nazzjonali, id-data li tippermetti l-identifikazzjoni ta' l-abbonat li jkun qed iċempel għandha tiġi miżmuma u kkomunikata mill-fornitur ta' netwerk pubbliku ta' telekomunikazzjoni u/jew ta' servizz ta' telekomunikazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku;
(b) fuq bażi per-line għall-organizzazzjonijiet li jittrattaw telefonati ta' emerġenza u rikonoxxuti bħala tali minn Stat Membru, inklużi s-servizzi tal-pulizija, is-servizzi ta' l-ambulanzi u tat-tifi tan-nar, bil-għan li jirrispondu għal dawn it-telefonati."
5 L-anness tad-Direttiva 97/66 kien jipprovdi:
"Għall-finijiet ta' l-Arikolu 6(2) id-data segwenti tista' tiġi pproċessata billi jiġi indikat:
– in-numru jew l-identifikazzjoni tal-post ta' l-abbonat,
– l-indirizz ta' l-abbonat u t-tip ta' post,
– in-numru totali ta' unitajiet li għandhom jinħarġu l-irċevuti tagħhom għall-perijodu bażi tal-kontijiet,
– in-numru ta' l-abbonat li ssirlu t-telefonata,
– it-tip ta' telefonati, il-ħin meta jinbdew u t-tul tat-telefonati li jsiru u/jew il-kwantita ta' data trażmessa,
– id-data tat-telefonata jew tas-servizz,
– informazzjoni oħra relatata mal-ħlasijiet, bħal dik li tikkonċerna l-ħlas bil-quddiem, il-ħlas bin-nifs, il-waqfa tas-servizz u n-noti ta' tfakkir."
6 L-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 97/66 kien jipprovdi li l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-direttiva sa mhux aktar tard mill-24 ta' Ottubru 1998. L-Artikolu 15(4) kien jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-direttiva.
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali
7 Il-Wet houdende regels inzake de telecommunicatie (liġi li tirregola l-qasam tat-telekomunikazzjoni, aktar 'il quddiem it-"Telecommunicatiewet"), promulgata fid-19 ta' Ottubru 1998 (Staatsblad 1998, p. 610), fiha Titolu 11 li jittrasponi d-Direttiva 97/66.
8 L-Artikolu 11.5 tat-Telecommunicatiewet, li jikkonċerna t-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/66, huwa fformulat bil-mod segwenti:
"1. Sabiex id-data personali u dik dwar il-ħajja privata tiġi protetta, il-fornitur ta' netwerk pubbliku ta' telekomunikazzjoni u l-fornitur ta' servizz pubbliku ta' telekomunikazzjoni għandhom jiżguraw li, meta tintemm il-komunikazzjoni, id-data pproċessata relatata mat-traffiku li jikkonċerna l-abbonati u l-utenti, li għandha tiġi stabbilita b'miżura amministrattiva ġenerali, tiġi mħassra jew issir anonima.
2. B'eċċezzjoni għall-paragrafu 1, id-data relatata mat-traffiku tista' tiġi pproċessata biss jekk u safejn dan huwa neċessarju:
a. sabiex jiġi kkalkulat il-kont ta' abbonat jew ta' dik il-persuna li hija marbuta bil-liġi li tħallas dak il-kont lill-fornitur, jew għall-finijiet ta' ħlasijiet għal interkonnessjoni jew għal aċċess speċjali;
b. sabiex il-fornitur ikun jista' jagħmel studji dwar is-suq jew jikkummerċjalizza s-servizzi tiegħu ta' telekomunikazzjoni, sakemm l-abbonat ikun ta l-kunsens tiegħu;
c. sabiex jiġu eżaminati u deċiżi l-kwistjonijiet skond l-Artikolu 12.1, jew sabiex jiġu definiti r-regoli skond l-Artikolu 6.3;
d. għall-ġestjoni tat-traffiku;
e. sabiex tiġi pprovduta informazzjoni lill-klijenti sakemm din l-informazzjoni hija dwar data relatata mat-traffiku li jikkonċerna lil dawn il-klijenti stess;
f. sabiex jiġu skoperti l-każijiet ta' frodi;
jew ukoll
g. jekk din hija awtorizzata bil-liġi jew bis-saħħa tal-liġi.
3. Id-dispożizzjonijiet li jimplimentaw dan l-artikolu għandhom jiġu adottati permezz ta' miżura amministrattiva ġenerali. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jirrigwardaw biss id-data li tista' tiġi pproċessata flimkien mad-data relatata mat-traffiku, l-għan li għalih isir l-ipproċessar flimkien, it-tul taż-żmien awtorizzat ta' l-ipproċessar, kif ukoll il-persuni inkarigati mill-ipproċessar tad-data kkonċernata."
Il-proċedura prekontenzjuża
9 Permezz ta' ittra tas-7 ta' Jannar, ir-Renju ta' l-Olanda nnotifika lill-Kummissjoni bit-test tat-Telecommunicatiewet billi indika li dan kellu jiġi kkunsidrat bħala li fih it-traspożizzjoni tad-Direttiva 97/66 fil-liġi nazzjonali.
10 Skond l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni, filwaqt li kkunsidrat li t-Telecommunicatiewet ma kinitx timplementa l-Artikoli 6, 9, 11 u 12 tad-Direttiva 97/66 korrettament, intimat formalment lir-Renju ta' l-Olanda, b'ittra tas-6 ta' Novembru 2000, sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.
11 Permezz ta' ittra tat-8 ta' Jannar 2001, il-Gvern Olandiż irrisponda għal din l-ittra ta' intimazzjoni billi, fost l-oħrajn, invoka l-fatt li kienu qegħdin jiġu ppreparati miżuri leġiżlattivi sabiex b'hekk jissodisfa l-obbligi kollha tiegħu taħt id-Direttiva 97/66.
12 Fit-18 ta' Lulju 2001, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Renju ta' l-Olanda li fiha hija sostniet li, wara eżami tad-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni u tal-miżuri leġiżlattivi li kienu qed jiġu ppreparati, hija kienet tqis li dan l-Istat Membru kien naqas mill-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikoli 6 u 9 tad-Direttiva 97/66. Ir-Renju ta' l-Olanda kien mitlub jikkonforma ruħu ma' l-imsemmija opinjoni motivata fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.
13 Ir-Renju ta' l-Olanda rrisponda għall-opinjoni motivata permezz ta' ittra tad-29 ta' Ottubru 2001. Peress li l-Kummissjoni ma kinitx sodisfatta minn din ir-risposta, hija ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
Għal dak li jikkonċerna l-ammissibbiltà
14 In sostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ressqet erba' ilmenti kontra l-leġiżlazzjoni ta' traspożizzjoni Olandiża. Tlieta minnhom kienu fir-rigward ta' l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/66 u r-raba' wieħed kien fir-rigward ta' l-Artikolu 9 tagħha.
15 Wieħed mill-ilmenti fir-rigward ta' l-Artikolu 6 kien ibbażat fuq it-traspożizzjoni inkorretta mill-Artikolu 11.5(2) tat-Telecommunicatiewet ta' l-Artikolu 6(2) sa (5) ta' din id-direttiva. Il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjoni tad-dritt Olandiż mhijiex konformi mad-Direttiva 97/66 peress li tipprovdi għal aktar derogi mill-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 6(1) ta' l-imsemmija direttiva minn dawk awtorizzati minnha.
16 Ir-Renju ta' l-Olanda jargumenta li dan l-ilment mhuwiex imsemmi fl-opinjoni motivata u konsegwentement huwa inammissibbli.
17 Matul is-seduta l-Kummissjoni sostniet li l-opinjoni motivata kellha tiġi moqrija fid-dawl ta' l-ittra ta' intimazzjoni li kienet espressament issemmi l-ilment in kwistjoni.
18 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, f'rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, il-proċedura prekontenzjuża għandha l-għan li tagħti lill-Istat ikkonċernat il-possibbiltà, minn naħa, li jikkonforma ma' l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju u, min-naħa l-oħra, li jagħmel użu mid-dritt tiegħu għal difiża kontra l-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta' Frar 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 293/85, Ġabra p. 305, punt 13; ta' l-20 ta' Marzu 1997, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-96/95, Ġabra p. I-1653, punt 22, u tal-15 ta' Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-439/99, Ġabra p. I-305, punt 10).
19 L-iżvolġiment xieraq ta' din il-proċedura jikkostitwixxi garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-Istat Membru in kwistjoni, iżda wkoll sabiex jiġi assigurat li s-suġġett ta' kwalunkwe proċedura kontenzjuża jkun jirrigwarda kwistjoni definita b'mod ċar (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta' Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-1/00, Ġabra p. I-9989, punt 53, u ta' l-20 ta' Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-287/00, Ġabra p.I-5811, punt 17).
20 Minn dan isegwi li s-suġġett ta' rikors imressaq b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 226 KE huwa ddefinit mill-proċedura prekontenzjuża prevista f'din id-dispożizzjoni. L-opinjoni motivata tal-Kummissjoni u r-rikors għandhom ikunu bbażati fuq l-istess motivi u argumenti, b'mod illi l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżamina ilment li ma kienx inkluż fl-opinjoni motivata (sentenza tal-11 ta' Mejju 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 76/86, Ġabra p. 1021, punt 8), li għandu jkun fiha deskrizzjoni koerenti u dettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni għall-konklużjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas minn wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattat (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq tal-15 ta' Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 12, u ta' l-20 ta' Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 19).
21 Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, anke jekk l-ittra ta' intimazzjoni, li tinkludi sommarju konċiż inizjali ta' l-allegat nuqqas, tista' tkun utli sabiex l-opinjoni motivata tinftiehem, il-Kummissjoni xorta għandha tidentifika bi preċiżjoni l-ilmenti li hija tkun ippreżentat b'mod iktar ġenerali fl-ittra ta' intimazzjoni u li hi tkun ressqet kontra l-Istat Membru kkonċernat, wara li tkun ħadet konjizzjoni ta' l-osservazzjonijiet eventwalment ippreżentati minnu fuq il-bażi ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 226 KE. Din il-kundizzjoni hija indispensabbli sabiex is-suġġett tal-kwistjoni jkun definit b'mod ċar qabel ma eventwalment tinfetaħ il-proċedura prekontenzjuża prevista fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 226 KE u sabiex jiġi assigurat li l-Istat Membru jkun jaf eżatt bl-ilmenti mressqa kontrih mill-Kummissjoni u b'hekk ikun jista' jġib fit-tmiem l-allegati nuqqasijiet jew iressaq argumenti għad-difiża tiegħu qabel ma titressaq kawża mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
22 F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fl-ittra ta' intimazzjoni tas-6 ta' Novembru 2000, il-Kummissjoni indikat tliet ilmenti speċifiċi li jikkonċernaw it-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/66 fid-dritt Olandiż. L-ewwel ilment huwa dwar it-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 97/66 mill-Artikolu 11.5 tat-Telecommunicatiewet. It-tieni ilment huwa dwar in-nuqqas ta' konformità ta' l-Artikolu 11.5(2) tat-Telecommunicatiewet ma' l-Artikolu 6(2) sa (5) tad-Direttiva 97/66 u fih huwa allegat li d-dispożizzjoni Olandiża tipprovdi għal aktar derogi minn dawk ipprovduti f'dawn il-paragrafi ta' l-Artikolu 6. It-tielet ilment huwa bbażat fuq in-nuqqas ta' komunikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni msemmija fl-Artikolu 11.5(3) tat-Telecommunicatiewet.
23 Fir-risposta tiegħu tat-8 ta' Jannar 2001 għall-ittra ta' intimazzjoni, il-Gvern Olandiż irrikonoxxa li l-ilmenti dwar it-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 97/66 u n-nuqqas ta' komunikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni msemmija fl-Artikolu 11.5(3) tat-Telecommunicatiewet, kienu fondati filwaqt li enfasizza li l-miżuri leġiżlattivi sabiex dawn in-nuqqasijiet jiġu rrimedjati kienu fi stadju ta' preparazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi gvern ċaħad li l-Artikolu 11.5(2) tat-Telecommunicatiewet fih aktar derogi minn dawk awtorizzati mill-Artikolu 6(2) sa (5) ta' l-imsemmija direttiva.
24 Għandu jiġi kkonstatat li, fl-opinjoni motivata tagħha tat-18 ta' Lulju 2001, l-Kummissjoni ma inkludietx l-ilment ibbażat fuq it-traspożizzjoni inkorretta ta' l-Artikolu 6(2) sa (5) tad-Direttiva 97/66 mill-Artikolu 11.5(2) tat-Telecommunicatiewet. Barra minn hekk, l-imsemmija opinjoni motivata ma tinkludi ebda evalwazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet magħmula fir-rigward ta' dan l-ilment mill-awtorijiet Olandiżi fir-risposta tagħhom għall-ittra ta' intimazzjoni.
25 Fl-opinjoni motivata tagħha, il-Kummissjoni tibbaża ruħha esklużivament fuq in-natura mhux kompluta tat-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/66, minħabba l-fatt li hija ma ġietx informata bil-miżuri leġiżlattivi msemmija fir-risposta tal-Gvern Olandiż għall-ittra ta' intimazzjoni. Għall-kuntrarju ta' l-ittra ta' intimazzjoni, l-imsemmija opinjoni motivata ma tinkludi ebda indikazzjoni li tħalli li jinftiehem li l-Artikolu 11.5(2) tat-Telecommunicatiewet mhuwiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6(2) sa (5) ta' l-imsemmija direttiva. Għalkemm din l-opinjoni motivata tirreferi għall-Artikolu 6(1) tad-direttiva u d-dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni msemmija fl-Artikolu 11.5(3) tat-Telecommunicatiewet, min-naħa l-oħra, hija ma tagħmel referenza la għall-Artikolu 6(2) sa (5) u lanqas għall-Artikolu 11.5(2).
26 Konsegwentement, fl-opinjoni motivata tagħha, il-Kummissjoni kjarament tat x'tifhem li, b'differenza miż-żewġ ilmenti l-oħra li jikkonċernaw l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/66 imsemmija fl-ittra ta' intimazzjoni, l-ilment ibbażat fuq it-traspożizzjoni inkorretta tal-paragrafi 2 sa 5 ta' din id-dispożizzjoni mill-Artikolu 11.5(2) tat-Telecommunicatiewet kien ġie abbandunat, bl-istess mod bħall-ilmenti dwar it-traspożizzjoni ta' l-Artikoli 11 u 12 ta' l-imsemmija direttiva. B'hekk fir-risposta tagħhom tad-29 ta' Ottubru 2001 għall-imsemmija opinjoni motivata, kull ma għamlu l-awtoritajiet Olandiżi kien li jiddeskrivu l-progress tal-promulgazzjoni tal-leġiżlazzjoni imsemmija fl-ittra tagħhom tat-8 ta' Jannar 2001, mingħajr ma esprimew l-opinjoni tagħhom dwar l-ilment in kwistjoni.
27 Ir-referenza ġenerali, mill-opinjoni motivata, għall-ittra ta' intimazzjoni fir-rigward ta' l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/66 ma tistax, f'dan il-kuntest, tiġi kkunsidrata bħala indikazzjoni suffiċjenti li permezz tagħha r-Renju ta' l-Olanda seta' jifhem li l-Kummissjoni kienet ressqet kontrih l-ilment dwar it-traspożizzjoni inkorretta ta' l-Artikolu 6(2) u (5) ta' din id-direttiva.
28 F'dawn il-kundizzjonijiet, l-allegazzjoni, fir-rikors tal-Kummissjoni, ta' l-ilment ibbażat fuq it-traspożizzjoni inkorretta ta' l-Artikolu 6(2) sa (5) tad-Direttiva 97/66 mill-Artikolu 11.5(2) tat-Telecommunicatiewet għandha tiġi kkunsidrata bħala irregolari peress li, minn naħa, hija tikkostitwixxi estensjoni tas-suġġett tal-kawża meta mqabbel ma' dak ippreċiżat fl-opinjoni motivata u li, min-naħa l-oħra, ir-Renju ta' l-Olanda, minħabba li dan l-ilment ma kienx imsemmi f'din l-opinjoni, kien imċaħħad mill-possibbiltà li jtemm in-nuqqas li bih ġie akkużat, jew li jispjega ruħu dwar dan il-punt, qabel ma' l-Kummissjoni ressqet il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
29 Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli safejn jikkonċerna l-ilment ibbażat fuq it-traspożizzjoni inkorretta ta' l-Artikolu 6(2) sa (5) tad-Direttiva 97/66 mill-Artikolu 11.5(2) tat-Telecommunicatiewet.
Għal dak li jikkonċerna l-mertu
30 It-tliet ilmenti l-oħra magħmula fir-rikors huma bbażati, fir-rigward ta' l-ewwel tnejn, fuq it-traspożizzjoni mhux kompluta ta' l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/66 u, fir-rigward tat-tielet wieħed, fuq it-traspożizzjoni mhux kompluta ta' l-Artikolu 9 ta' din id-direttiva.
31 Qabel ma jiġu eżaminati dawn l-ilmenti, għandu preliminarjament jiġi mfakkar li, kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament, il-kwistjoni dwar jekk fil-verità kienx hemm nuqqas għandha tiġi kkunsidrata skond is-sitwazzjoni eżistenti fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta' Mejju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-384/97, Ġabra p. I-3823, punt 35, u ta' l-10 ta' Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-152/98, Ġabra p. I-3463, punt 21).
32 Konsegwentement, l-elementi li jibbaża fuqhom ir-Renju ta' l-Olanda fis-sottomissjonijiet tiegħu bil-miktub, li jirrigwardaw, minn naħa, it-tħassir tad-Direttiva 97/66 permezz ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta' Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, p. 37), b'effett mill-31 ta' Ottubru 2003 u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta' abbozz ta' liġi intiż sabiex titrasponi din l-aħħar direttiva fid-dritt Olandiż, ma jistgħux jinfluwenzaw l-evalwazzjoni li għandha ssir fir-rigward ta' l-obbligi li tar-Renju ta' l-Olanda ma' l-iskadenza tat-terminu ta' xahrejn stabbilit fl-opinjoni motivata.
Fuq l-ilmenti dwar it-traspożizzjoni mhux kompluta ta' l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/66
33 L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 11.5(1) tat-Telecommunicatiewet tidderoga mill-prinċipju ġenerali stabbilit fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 97/66. Hija tenfasizza li, sabiex l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali tkun konformi ma' din id-direttiva, il-miżura amministrattiva ġenerali li għandha tiġi stabbilita għandha tinkludi lista eżawrjenti ta' informazzjoni. Peress li ebda miżura b'lista bħal din ma ġiet kkomunikata lill-Kummissjoni, din ta' l-aħħar ikkunsidrat li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/66 ma ġiex kompletament traspost.
34 Peress li l-Gvern Olandiż jirrikonoxxi li ma ġewx adottati d-dispożizzjonijiet kollha neċessarji għat-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 97/66, l-ilment invokat mill-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat.
35 It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li għalkemm l-Artikolu 11.5(3) tat-Telecommunicatiewet jirreferi għal dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni, hija ma ġiet informata bl-ebda waħda minnhom. Konsegwentement, hija tikkunsidra li l-Artikolu 6 tad-Direttiva ma ġiex kompletament traspost.
36 L-awtoritajiet Olandiżi jargumentaw li peress li dawn id-dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni ma kinux ġew adottati, ma setgħux jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni.
37 Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Olandiż ma jikkontestax li, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-kliem ta' l-Artikolu 11.5 tat-Telecommunicatiewet, li kien fis-seħħ dak iż-żmien, l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu kienet neċessarja sabiex ikun jista' jiġi deċiż li kien hemm traspożizzjoni kompluta ta' l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/66.
38 Peress li, minn naħa, il-Gvern Olandiż ammetta li meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, id-dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni in kwistjoni ma kinux ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni u li, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta' adozzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet f'din id-data ma jistax jiġi raġonevolment invokat sabiex jiġġustifika dan in-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, għandu jiġi konkluż li l-ilment imressaq mill-Kummissjoni huwa fondat.
39 Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-Kummissjoni tista' legalment tikkunsidra li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/66 ma ġiex kompletament traspost fid-dritt Olandiż, minħabba li, minn naħa, l-Artikolu 11.5(1) tat-Telecommunicatiewet jirreferi għal lista ta' informazzjoni li għandha tiġi stabbilita permezz ta' miżura amministrattiva ġenerali li ma ġietx informata biha u li, min-naħa l-oħra, ma kkomunikawlhiex id-dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni msemmija fl-Artikolu 11.5(3).
Fuq l-ilment ibbażat fuq it-traspożizzjoni mhux kompluta ta' l-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/66
40 Il-Kummissjoni tallega li l-Artikolu 9(a) tad-Direttiva 97/66 ma ġiex traspost fid-dritt Olandiż, b'mod illi għandu jiġi konkluż li t-traspożizzjoni ta' dan l-artikolu ma kinitx kompluta.
41 Peress li ma kienx hemm miżuri ta' traspożizzjoni ta' l-Artikolu 9(a) tad-Direttiva 97/66 fis-sistema legali Olandiża, kif, barra minn hekk, ġie rrikonoxxut mill-Gvern Olandiż, l-ilment tal-Kummissjoni, ibbażat fuq it-traspożizzjoni inkompluta ta' l-imsemmi Artikolu 9, għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat.
42 Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, billi ttraspona l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/66/KE b'mod mhux komplut, peress li, minn naħa, l-Artikolu 11.5(1) tal-Telecommunicatiewet jirreferi għal miżura amministrattiva ġenerali li ma ġietx ikkomunikata lill-Kummissjoni u peress li, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni msemmija fl-Artikolu 11.5(3) tat-Telecommunicatiewet ma ġewx ikkomunikati lill-Kummissjoni, u billi ttraspona l-Artikolu 9 ta' l-imsemmija direttiva b'mod mhux komplut, ir-Renju ta' l-Olanda naqas mill-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.
Fuq l-ispejjeż
43 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-Artikolu 69(3) ta' l-istess regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom. Peress li r-Renju ta' l-Olanda tilef tlieta mill-erba' ilmenti imressqa mill-Kummissjoni, hemm lok li jiġi kkundannat ibati tliet kwarti mill-ispejjeż tal-Kummissjoni, kif mitlub minn din ta' l-aħħar. Peress li r-Renju ta' l-Olanda m'għamilx talbiet dwar l-ispejjeż, il-partijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom fir-rigward tal-kumplament.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
taqta’ u tiddeċiedi
1) Billi ttraspona l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/66/KE tal-Parlament u tal-Kunsill, tal-15 ta' Diċembru 1997, dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tat-telekomunikazzjoni b'mod mhux komplut, peress li, minn naħa, l-Artikolu 11.5(1) tal-Telecommunicatiewet jirreferi għal miżura amministrattiva ġenerali li ma ġietx ikkomunikata lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u peress li, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni msemmija fl-Artikolu 11.5(3) tat-Telecommunicatiewet ma ġewx ikkomunikati lill-Kummissjoni, u billi ttraspona l-Artikolu 9 ta' l-imsemmija direttiva b'mod mhux komplut, ir-Renju ta' l-Olanda naqas mill-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.
2) Ir-rikors huwa miċħud fir-rigward tal-kumplament.
3) Ir-Renju ta' l-Olanda għandu jbati, apparti l-ispejjeż tiegħu stess, tliet kwarti mill-ispejjeż tal-Kummissjoni.
4) Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess fir-rigward tal-kumplament.
Jann
La Pergola
von Bahr
Silva de Lapuerta
Lenaerts
Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-24 ta' Ġunju 2004.
R. Grass
P. Jann
Reġistratur
President ta' l-Ewwel Awla
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
1 – It-traduzzjoni tad-Direttiva 97/66 mhijiex uffiċjali iżda hija bbażata fuq it-traduzzjoni uffiċjali tad-Direttiva 2002/58 li ħassritha u issostitwietha.
Full & Egal Universal Law Academy