SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
16 ta' Settembru 2004 (*)
"Politika agrikola komuni – Regolamenti (KEE) Nru 1765/92 u (KE) Nru 1251/1999 - Sistema ta' appoġġ għall-produtturi ta' wċuħ ta' raba' li jinħarat – Ħlasijiet kumpensatorji fir-rigward ta' artijiet iddedikati għat-tkabbir ta' wċuħ ta' raba' li jinħarat jew ta' artijiet imwarrba – Esklużjoni fir-rigward ta' l-artijiet iddedikati għat-tkabbir ta' l-'uċuħ tar-raba' permanenti' – Kunċett"
Fil-kawża C-366/02,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,
imressqa mill-Verwaltungsgericht Halle (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tat-30 ta' Settembru 2002, li waslet fl-14 ta' Ottubru 2002, fil-proċedura:
Gerd Gschoßmann
vs
Amt für Landwirtschaft und Flurneuordnung Süd,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, li qed jaqdi l-kariga ta' President tat-Tielet Awla, R. Schintgen (Relatur) u N. Colneric, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Léger,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għas-Sur Gschoßmann, minn R. Zimmermann, Rechtsanwalt,
– għall-Amt für Landwirtschaft und Flurneuordnung Süd, minn E. Stübner, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Niejahr, bħala aġent,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta' Mejju 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1765/92, tat-30 ta' Ġunju 1992, li jistabbilixxi sistema ta' appoġġ għall-produtturi ta' ċerti wċuħ ta' raba' li jinħarat (ĠU L 181, p.12), u ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1251/1999, tas-17 ta' Mejju 1999, li jwaqqaf sistema ta' appoġġ għal produtturi ta' ċerti prodotti [uċuħ] tar-raba' li jinħarat (ĠU L 160, p.1).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta' proċedura bejn is-Sur Gschoßmann, bidwi, u l-Amt für Landwirtschaft und Flurneuordnung Süd (Uffiċċju ta' l-Agrikoltura u tar-Riorganizzazzjoni ta' l-Artijiet, aktar 'il quddiem l-"Uffiċċju") dwar talba għall-ħlas lura ta' ħlasijiet kumpensatorji.
Il-kuntest ġuridiku
3 Mit-tieni premessa tar-Regolament Nru 1765/92 jirriżulta li s-sistema ta' appoġġ għall-produtturi ta' wċuħ ta' raba' li jinħarat stabbilita fl-imsemmi regolament hija intiża sabiex tiggarantixxi bilanċ aħjar fis-suq billi tqarreb il-prezzijiet Komunitarji lejn il-prezzijiet fis-suq dinji u billi tikkumpensa t-telf fid-dħul li jirriżulta minn dan it-tqarrib permezz ta' ħlas kumpensatorju lill-produtturi.
4 Għalhekk, ir-Regolament Nru 1765/92 jipprovdi għall-għoti ta' ħlasijiet kumpensatorji fir-rigward ta' artijiet iddedikati għat-tkabbir ta' wċuħ ta' raba' li jinħarat jew ta' artijiet imwarrba. Madankollu, l-Artikolu 9 ta' dan ir-regolament jeskludi ċerti artijiet milli jibbenefikaw mill-imsemmija ħlasijiet:
"It-talbiet dwar il-ħlas kumpensatorju u t-twarrib ma jistgħux jiġu ppreżentati fir-rigward ta' artijiet li sal-31 ta' Diċembru 1991 kienu ddedikati għall-mergħa permanenti, għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti, għall-foresti jew għal skopijiet mhux agrikoli." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
5 L-istess regolament kien ġie implementat, b'mod partikolari, permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2780/92, ta' l-24 ta' Settembru 1992, dwar il-kundizzjonijiet ta' l-għoti ta' ħlasijiet kumpensatorji taħt is-sistema ta' appoġġ għall-produtturi ta' ċerti wċuħ ta' raba' li jinħarat (ĠU L 281, p. 5).
6 Il-punt II ta' l-Anness I tar-Regolament Nru 2780/92, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1959/94, tas-27 ta' Lulju 1994 (ĠU L 198, p. 93), jiddefinixxi l-uċuħ tar-raba' permanenti kif ġej:
"Uċuħ tar-raba' li ma jitkabbrux bin-newba, minbarra l-mergħat permanenti, li jokkupaw l-art matul perijodu ta' ħames snin u aktar u li jagħtu ħsad ripetut, bl-eċċezzjoni ta' l-uċuħ ta' raba' li jinħarat ta' ħsad multiannwali msemmija fl-Anness II." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
7 Ir-Regolament Nru 2780/92 kien ġie sostitwit mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 658/96, tad-9 ta' April 1996 (ĠU L 91, p.46). Madankollu, id-definizzjoni ta' "uċuħ tar-raba' permanenti", li tinstab fil-punt 2 ta' l-Anness I ta' dan ir-regolament ta' l-aħħar, baqgħat sostanzjalment identika, jiġifieri:
"Uċuħ li ma jinħadmux [bin-newba] minbarra l-art tal-mergħa permanenti li jokkupaw l-art għal ħames snin jew aktar u li jipproduċu ħsad ripetut, bl-eċċezzjoni ta' ħsad multiannwali."
8 Ir-Regolament Nru 1765/92 ġie sostitwit mir-Regolament Nru 1251/1999, li l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 7 tiegħu jipprovdi kif ġej:
"Applikazzjonijiet għal ħlasijiet ma jistgħux isiru fir-rigward ta' art li fil-31 Diċembru 1991 kienet taħt mergħa permanenti, prodotti [uċuħ] tar-raba' jew siġar permanenti jew kienet tintuża għal skopijiet mhux agrikoli."
9 Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1251/1999 jinstabu fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2316/1999, tat-22 ta' Ottubru 1999, li ssostitwixxa r-Regolament Nru 658/86. Id-definizzjoni tal-kunċett ta' "uċuħ tar-raba' permanenti", li tinstab fil-punt 2 ta' l-Anness I tar-Regolament Nru 2316/1999 tikkorrispondi għal dik fil-punt 2 ta' l-Anness I tar-Regolament Nru 658/96, jiġifieri:
"Uċuħ mhux bin-newba li mhumiex mergħa permanenti li jokkupaw l-art għal ħames snin jew iktar u li jipproduċu ħsad ripetut, għajr l-uċuħ li jikbru iżjed minn darba fis-sena."
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
10 Is-Sur Gschoßmann irċieva ħlasijiet kumpensatorji mingħand l-Uffiċċju fir-rigward ta' artijiet li qabel kien juża bħala pjantaġġuni tal-frott fejn kien ikabbar siġar tat-tuffieħ.
11 Skond id-digriet tar-rinviju, dawn l-artijiet jistgħu jinqasmu fi tliet kategoriji:
– fuq l-artijiet ta' l-ewwel kategorija kienu għadhom imħawwlin siġar tat-tuffieħ fl-31 ta' Diċembru 1991 u ma kinux għadhom jiġu mraxxa biil-pestiċidi. It-tuffieħ ma nġabarx matul is-sena 1991. Id-deċiżjoni li l-artijiet in kwistjoni jitnaddfu kienet diġà ttieħdet u twettqet sussegwentament;
– fuq l-artijiet tat-tieni kategorija huma artijiet, sad-data ta' referenza, is-siġar kienu diġà twaqqgħu iżda ma kinux għadhom tneħħew b'tali mod li l-artijiet ma setgħux jintużaw. Kien biss aktar tard li dawn is-siġar tneħħew;
– fuq l-artijiet tat-tielet kategorija s-siġar kienu diġà twaqqgħu u tneħħew iżda l-artijiet ma kinux għadhom ġew allokati għal użu ġdid.
12 Permezz ta' deċiżjoni tal-15 ta' Ġunju 2001, l-Uffiċċju talab il-ħlas lura ta' parti mill-ħlasijiet kumpensatorji minħabba li l-artijiet in kwistjoni kienu jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1765/92 u fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1251/1999, fis-sens li fil-31 ta' Diċembru huma "kienu ddedikati […] għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti […] jew għal skopijiet mhux agrikoli".
13 Minħabba li kellha dubji dwar il-portata tad-dispożizzjonijiet Komunitarji in kwistjoni, il-Verwaltungsgericht Halle ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"1) L-użu ta' artijiet għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti fis-sens ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament […] Nru 1765/92 […] jew ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament […] Nru 1251/1999 […] jeżiġi li l-uċuħ tar-raba' eżistenti fuq dawn l-artijiet, jiġifieri f'dan il-każ is-siġar tat-tuffieħ, ikunu kkultivati?
2) L-artijiet ikunu għadhom użati għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti meta l-proprjetarju jew il-kerrej ma jużawx aktar pestiċidi matul l-istaġun tat-tkabbir u sussegwentament ma jiġbrux il-ħsad?
3) Fil-każ ta' risposta negattiva għat-tieni domanda, l-użu ta' artijiet għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti jintemm meta l-proprjetarju jew il-kerrej jieħu d-deċiżjoni li, fil-futur qarib, jaqta' s-siġar tat-tuffieħ mingħajr madankollu ma jimplementa din id-deċiżjoni qabel id-data ta' referenza? Ir-risposta mogħtija tkun differenti jekk impriża oħra tkun imqabbda taqta' s-siġar qabel id-data ta' referenza?
4) Fil-każ ta' risposta negattiva għat-tielet domanda wkoll, l-użu ta' artijiet għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti jintemm meta l-proprjetarju jew il-kerrej ikun waqqa' s-siġar tat-tuffieħ mingħajr ma jkollu l-intenzjoni li jħawwel siġar ġodda, fi kliem ieħor, f'każ bħal dan, id-data sa meta kellhom jinqatgħu s-siġar, jiġifieri l-31 ta' Diċembru 1991, hija d-data li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet tas-sistema ta' appoġġ?
5) Fil-każ ta' risposta negattiva għar-raba' domanda wkoll, l-użu ta' l-artijiet għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti jintemm meta s-siġar maqtugħa jitneħħew minn fuq l-artijiet qabel id-data ta' referenza sabiex l-artijiet jiġu użati bħala raba' li jinħarat?
6) Kieku l-eżistenza ta' waħda miċ-ċirkustanzi msemmija aktar 'il fuq kellha ttemm l-użu ta' l-artijiet għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti, id-domanda li tqum hija jekk, fis-sens ta' wieħed miż-żewġ regolamenti msemmija aktar 'il fuq, meta l-użu tagħhom għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti jintemm, l-artijiet għandhomx jiġu kkwalifikati fid-data ta' referenza bħala artijiet iddedikati għal użu mhux agrikolu u, fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, jekk waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi tistax ittemm din il-klassifikazzjoni?
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domandi
14 Permezz ta' l-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1765/92 u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1251/1999 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li sabiex l-artijiet iddedikati għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti jiġu esklużi milli jibbenefikaw mill-ħlasijiet kumpensatorju huwa meħtieġ li l-artijiet in kwistjoni jkunu ġew ikkultivati u, b'mod partikolari, li jkunu ġew użati pestiċidi matul it-tkabbir tal-prodotti u li l-ħsad ikun inġabar.
15 Kif osservaw il-Kummissjoni u l-Avukat Ġenerali fil-punt 16 et seq tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1765/92 u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1251/1999 jikkonċernaw biss il-fatt li l-artijiet ikunu ddedikati għall-mergħa permanenti, għal uċuħ tar-raba' permanenti, għall-foresti jew għal skopijiet mhux agrikoli, mingħajr ma jeżiġu li l-artijiet ikunu kkultivati fil-veru sens tal-kelma.
16 Fil-fatt, il-mergħat permanenti u l-foresti jistgħu jintużaw bħala tali mingħajr ma l-artijiet ikunu kkultivati. F'dawn iċ-ċirkustanzi, fin-nuqqas ta' indikazzjoni kuntrarju fid-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti, ma jkunx koerenti li tkun meħtieġa l-kultivazzjoni ta' l-artijiet meta dawn ikunu użati għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti iżda mhux meta jkunu ddedikati għall-mergħat permanenti jew għall-foresti.
17 Barra minn hekk, huwa diffiċli li r-rekwiżit ta' kultivazzjoni ta' l-artijiet jiġi rrikonċiljat mal-preokkupazzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju, espressa fis-sbatax-il premessa tar-Regolament Nru 1765/92 u fis-sitta u għoxrin premessa tar-Regolament Nru 1251/1999, li jeskludi mill-benefiċċju tal-ħlasijiet kumpensatorji l-artijiet li ma kinux ikkultivati eżattament qabel id-dħul fis-seħħ tas-sistema ta' appoġġ in kwistjoni. Fil-fatt, ir-rekwiżit ta' kultivazzjoni ta' l-artijiet, sabiex dawn jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-ħlasijiet kumpensatorji, kien ikollu l-konsegwenza li jsiru eliġibbli l-artijiet li ma kinux miżrugħa qabel il-31 ta' Diċembru iżda li kienu kkonvertiti għal raba' li jista' jintuża bil-għan waħdieni li jibbenefikaw mill-imsemmija ħlasijiet.
18 Minħabba li, sabiex jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-ħlasijiet kumpensatorji, huwa biżżejjed li l-artijiet in kwistjoni jkunu użati għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti, mingħajr ma madankollu jkunu kkultivati, mhuwiex meħtieġ, a fortiori, għal dan il-għan, li jkunu ġew użati pestiċidi jew li l-ħsad ikun inġabar.
19 Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi għandha tkun tkun li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1765/92 u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1251/1999 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-esklużjoni ta' l-artijiet iddedikati għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti milli jibbenefikaw mill-ħlasijiet kumpensatorji ma titlobx li dawn l-artijiet ikunu ġew ikkultivati u lanqas li, b'mod partikolari, ikunu ġew użati pestiċidi jew li jkun inġabar il-ħsad.
Fuq it-tielet, ir-raba' u l-ħames domandi
20 Permezz tat-tielet, ir-raba' u l-ħames domandi, li huma marbutin mill-qrib ma' xulxin, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1765/92 u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1251/1999 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-użu ta' l-artijiet għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti jintemmx, fir-rigward tat-tkabbir ta' tuffieħ, fil-mument meta l-produttur jieħu d-deċiżjoni li jaqta' s-siġar tat-tuffieħ jew li jafda din l-operazzjoni f'idejn kuntrattur, fil-mument meta, fil-fatt, jinqatgħu s-siġar tat-tuffieħ jew inkella fil-mument meta jitneħħew is-siġar maqtugħa.
21 Minħabba li mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li, sabiex jiġu esklużi mill-benefiċċju ta' ħlasijiet kumpensatorji, huwa biżżejjed li l-artijiet ikunu użati għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti, mingħajr ma jkunu ġew ikkultivati, din il-kundizzjoni, manifestament, ma tkunx sodisfatta meta, fir-rigward ta' pjantaġġuni tal-frott, is-siġar tal-frott ikunu ġew imwaqqa' minkejja li ma jkunux ġew imneħħija.
22 Mill-banda l-oħra, is-sempliċi deċiżjoni li jinqatgħu s-siġar, mingħajr ma din madankollu tkun imwettqa, ma ttemmx l-użu ta' l-artijiet għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti.
23 Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet, ir-raba' u l-ħames domandi għandha tkun li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1765/92 u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1251/1999 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-użu ta' l-artijiet għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti jintemm, fir-rigward tat-tkabbir ta' tuffieħ, meta s-siġar tal-frott jinqatgħu anki jekk dawn ma jkunux tneħħew. Madankollu, is-sempliċi deċiżjoni li jinqatgħu s-siġar, mingħajr ma din tiġi mwettqa, ma ttemx l-użu ta' l-artijiet għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti.
Fuq is-sitt domanda
24 Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1765/92 u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1251/1999 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta l-artijiet ma jkunux għadhom jiġu użati għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti, huma għandhom jitqiesu bħala ddedikati għal skopijiet mhux agrikoli.
25 Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-użu agrikolu ta' artijiet jippressupponi li dawn jintużaw għat-tkabbir ta' ħaxix jew ta' annimali.
26 Għaldaqstant, artijiet li ma baqgħux jintużaw għat-tkabbir ta' prodotti tar-raba' permanenti jistgħu biss jitqiesu bħala ddedikati għal skopijiet mhux agrikoli meta jiġi stabbilit li mhumiex użati għat-tkabbir ta' ħaxix ieħor jew ta' annimali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta f'dan il-każ.
27 Għaldaqstant, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1765/92 u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1251/1999 għandhom jiġu interpretati fis-sens li artijiet li ma jkunux għadhom jintużaw għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti għandhom jitqiesu bħala użati għal skopijiet mhux agrikoli jekk jiġi stabbilit li mhumiex destinati għat-tkabbir ta' ħaxix ieħor jew ta' annimali.
Fuq l-ispejjeż
28 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) L-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1765/92, tat-30 ta' Ġunju 1992, li jistabbilixxi sistema ta' appoġġ għall-produtturi ta' ċerti wċuħ ta' raba' li jinħarat, u l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1251/1999, tas-17 ta' Mejju 1999, li jwaqqaf sistema ta' appoġġ għal produtturi ta' ċerti prodotti [uċuħ] tar-raba' li jinħarat, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-esklużjoni ta' l-artijiet iddedikati għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti milli jibbenefikaw mill-ħlasijiet kumpensatorji ma titlobx li dawn l-artijiet ikunu ġew ikkultivati u lanqas li, b'mod partikolari, ikunu ġew użati pestiċidi jew li jkun inġabar il-ħsad.
2) L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1765/92 u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1251/1999 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-użu ta' l-artijiet għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti jintemm, fir-rigward tat-tkabbir ta' tuffieħ, meta s-siġar tal-frott jinqatgħu anki jekk dawn ma jkunux tneħħew. Madankollu, is-sempliċi deċiżjoni li jinqatgħu s-siġar, mingħajr ma din tiġi mwettqa, ma ttemx l-użu ta' l-artijiet għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti.
3) L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1765/92 u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1251/1999 għandhom jiġu interpretati fis-sens li artijiet li ma jkunux għadhom jintużaw għat-tkabbir ta' wċuħ tar-raba' permanenti għandhom jitqiesu bħala użati għal skopijiet mhux agrikoli jekk jiġi stabbilit li mhumiex destinati għat-tkabbir ta' ħaxix ieħor jew ta' annimali.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy