SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
16 ta' Settembru 2004 (*)
"Moviment liberu ta' persuni – Kumpens għal ex-priġunieri tal-gwerra – Kundizzjoni li jkollhom nazzjonalità ta' l-Istat Membru kkonċernat meta tiġi ppreżentata t-talba għal kumpens"
Fil-kawża C-386/02,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,
imressqa mill-Arbeits-und Sozialgericht Wien (L-Awstrija) permezz ta' deċiżjoni tat-22 ta' Ottubru 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta' Ottubru 2002, fil-proċedura
Josef Baldinger
vs
Pensionsversicherungsanstalt der Arbeiter,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J.-P. Puissochet, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), R. Schintgen u N. Colneric, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta' Novembru 2003,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl u G. Hesse, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Martin u H.-P. Kreppel, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-11 ta' Diċembru 2003,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 39(2) KE.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' rikors imressaq minn Josef Baldinger, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, kontra r-rifjut tal-Pensionsversicherungsanstalt der Arbeiter, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, li tagħtih benefiċċju ta' kull xahar li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka tipprovdi favur ex-priġunieri tal-gwerra.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt Komunitarju
3 Skond l-Artikolu 4(4) tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, kif emendat u aġġornat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta' Diċembru 1996 (ĠU 1997, L 28, p.1, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1408/71), ma japplikax "għall-iskemi tal-benefiċċji għall-vittmi tal-gwerra jew tal-konsegwenzi tagħha".
4 L-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta' Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p.2), jipprovdi li:
"1. Ħaddiem ċittadin ta' xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, ikun trattat b'mod differenti minn ħaddiema ċittadini ta' dak l-Istat Membru minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta' kwalunkwe k[u]ndizzjoni ta' l-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta' rimunerazzjoni, tkeċċija u jekk hu jisfa' mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.
2. Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta' taxxa bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru."
Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka
5 Skond l-Artikolu 1 tal-Kriegsgefangenenentschädigungsgesetz (Liġi dwar il-kumpens tal-priġunieri tal-gwerra, fil-verżjoni ppubblikata fil-BGB1. I, Nru 40/2002, aktar 'il quddiem il-"KGEG"):
"Ċittadin Awstrijak li:
1. matul l-Ewwel jew it-Tieni Gwerra Dinjija, ittieħed priġunier tal-gwerra, jew
2. matul it-Tieni Gwerra Dinjija jew matul l-okkupazzjoni ta' l-Awstrija mill-Forzi Alleati kien arrestat u miżmum taħt arrest minn forza barranija minħabba raġunijiet politiċi jew militari, jew
3. kien jinstab barra mit-territorju Awstrijak minħabba raġunijiet ta' persekuzzjoni politika jew theddid ta' persekuzzjoni politika fis-sens ta' l-Opferfürsorgegesetz, BGB1 Nru 183/1947, u kien arrestat minn forza barranija minħabba r-raġunijiet imsemmija fil-punt 2 u kien miżmum taħt arrest wara l-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija,
għandu dritt għal benefiċċju skond il-kriterji ta' din il-Liġi Federali."
6 L-Artikolu 4 tal-KGEG jipprovdi li:
"(1) Il-persuni li jibbenefikaw minn din il-Liġi Federali għandhom, tnax-il darba fis-sena, jirċievu benefiċċju finanzjarju ta' kull xahar li jammonta għal:
EUR 14.53, meta l-priġunerija fis-sens ta' l-Artikolu 1 kienet damet ta' l-anqas tliet xhur,
EUR 21.8, meta l-priġunerija fis-sens ta' l-Artikolu 1 kienet damet ta' l-anqas sentejn,
EUR 29.07, meta l-priġunerija fis-sens ta' l-Artikolu 1 kienet damet ta' l-anqas erba' snin,
EUR 36.34, meta l-priġunerija fis-sens ta' l-Artikolu 1 kienet damet ta' l-anqas sitt snin.
(2) Il-benefiċċju msemmi fil-paragrafu 1 m'għandux jitqies bħala dħul għall-finijiet tad-determinazzjoni ta' ħlasijiet ta' kumpens (Ausgleichszulagen) taħt is-sigurtà soċjali statutorja. […]"
7 L-Artikolu 11(1) tal-KGEG jipprovdi li:
"Il-kwistjonijiet imqajma minn din il-Liġi Federali jaqgħu taħt il-kompetenza ta':
1. fir-rigward tal-persuni li jirċievu pensjoni jew renta […],
– l-uffiċċju ta' sigurtà soċjali li huwa kompetenti sabiex jagħti l-pensjoni jew ir-renta, bl-eċċezzjoni ta' l-Uffiċċju Ġenerali ta' Assigurazzjoni kontra Inċidenti (Allgemeine Unfallversicherungsanstalt);
2. fir-rigward tal-persuni li jirċievu pensjoni ta' uffiċjali federali (Ruhegenuss) jew pensjoni ta' superstiti (Versorgungsgenuss), benefiċċju transizzjonali (Übergangsbeitrag), benfiċċju ta' għajnuna (Versorgungsgeld), benefiċċju ta' manteniment (Unterhaltsbeitrag) jew benefiċċju mogħti fil-każ ta' liċenzjar onorevoli (Emeritierungsbezug) […],
– l-Uffiċċju Federali tal-Pensjonijiet (Bundespensionsamt);
[...]
7. fir-rigward tal-persuni li jirċievu renta, benefiċċji addizzjonali jew kumpens taħt il-Kriegsopferversorgungsgesetz […], taħt il-Heeresversorgungsgesetz […], u fir-rigward tal-persuni li jirċievu benefiċċju ta' għajnuna (Hilfeleistung) taħt il-Verbrechensopfergesetz […],
– l-Uffiċċju Federali ta' l-Affarijiet Soċjali u tal-persuni b'diżabbiltà (Bundesamt für Soziales und Behindertenwesen);
8. fil-każijiet l-oħra kollha, l-Uffiċċju Federali ta' l-Affarijiet Soċjali u persuni b'diżabbiltà."
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li Josef Baldinger twieled fl-Awstrija fid-19 ta' April 1927 u li huwa kien akkwista n-nazzjonalità ta' dan l-Istat. Minn Jannar 1945 sa Mejju 1945 huwa ħa sehem fit-Tieni Gwerra Dinjija bħala suldat mad-Deutsche Wehrmacht (Forzi Armati Ġermaniżi). Mit-8 ta' Mejju 1945 sas-27 ta' Diċembru 1947, huwa nżamm bħala priġunier tal-gwerra fl-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi.
9 Sussegwentament, Josef Baldinger ħadem fl-Awstrija u mbagħad, fl-1954, huwa telaq minn dan il-pajjiż sabiex ifittex xogħol fl-Iżvezja fejn eżerċita attività professjonali sal-1964 qabel ma beda jaħdem mill-ġdid fl-Awstrija mill-1964 sal-1965. F'April 1965 huwa emigra lejn l-Iżvezja, bl-intenzjoni li jibqa' hemm u hemm eżerċita attività professjonali u, fl-1967, huwa ħa n-nazzjonalità Żvediża filwaqt li rrinunzja n-nazzjonalità Awstrijaka.
10 Mill-1 ta' Mejju 1986, Josef Baldinger irċieva pensjoni ta' l-invalidità u ta' l-età mingħand il-konvenuta fil-kawża prinċipali. It-talba mressqa minn Josef Baldinger quddiem il-konvenuta sabiex jikseb il-benefiċċju previst fil-KGEG ġiet miċħuda permezz ta' deċiżjoni ta' l-1 ta' Marzu, liema deċiżjoni kienet is-suġġet ta' rikors għal annullament quddiem il-qorti tar-rinviju.
11 Din il-qorti tosserva li l-benefiċċju kontenzjuż, introdott fil-leġiżlazzjoni Awstrijaka fl-2000, mhuwiex marbut mal-kwalità tal-benefiċċjarju bħala ħaddiem u lanqas ma' l-akkwist, bħala tali, ta' drittijiet kweżiti, b'mod partikolari ta' drittijiet għal pensjoni. Ir-Regolament Nru 1408/71 ma japplikax għal skemi ta' benefiċċji stabbiliti favur vittmi tal-gwerra u tal-konsegwenzi tagħha. Fi skemi bħal dawn, il-benefiċċju jingħata bħala kumpens lil vittma abbażi ta' l-interessi partikolari ta' l-Istat li jagħtih.
12 Josef Baldinger jissodisfa l-kundizzjonijiet materjali meħtieġa sabiex jingħata l-benefiċċju in kwistjoni. Madankollu, huwa ġie miċħud dan il-benefiċċju minħabba li, wara li kien priġunier tal-gwerra, huwa aċċetta impjieg fi Stat Membru ieħor ta' l-Unjoni Ewropea u minħabba li, finalment, huwa kiseb in-nazzjonalià ta' dan l-Istat. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din il-konsegwenza ġuridika li, fl-effetti tagħha, tista' titqies bħala diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità u l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema, hijiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju, partikolarment minħabba li hija bbażata fuq liġi li kienet adottata ħafna wara li r-Repubblika ta' l-Awstrija u r-Renju ta' l-Iżvezja saru Membri ta' l-Unjoni Ewropea.
13 F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-Arbeits- und Sozialgericht Wien iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"L-Artikolu 48(2) tat-Trattat KE [li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 39(2) KE], dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dritt għal kumpens finanzjarju, introdott leġiżlattivament għall-ewwel darba fl-2000, favur persuni li:
1. matul l-Ewwel jew it-Tieni Gwerra Dinjija, ittieħdu priġunieri tal-gwerra, jew
2. matul it-Tieni Gwerra Dinjija jew matul l-okkupazzjoni ta' l-Awstrija mill-Forzi Alleati kienu arrestati u miżmuma taħt arrest minn forza barranija minħabba raġunijiet politiċi jew militari, jew
3. kien jinstabu barra mit-territorju Awstrijak minħabba raġunijiet ta' persekuzzjoni politika jew theddid ta' persekuzzjoni politika u kienu arrestati minn forza barranija minħabba raġunijiet politiċi jew militari u kienu miżmuma taħt arrest wara l-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija,
ikun marbut mal-pussess tan-nazzjonalità Awstrijaka meta tiġi ppreżentata t-talba?"
Fuq id-domanda preliminari
14 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u li hija għandha, fil-prinċipju, tieħu in kunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-diviżjoni ta' kompetenzi bejn il-qrati Komunitarji u dawk nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv, kif deskritt mid-deċiżjoni tar-rinviju, li fih tkun tqajmet id-domanda preliminari (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta' April 2004, Pusa, C-224/02, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37).
15 Skond il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 1 tal-KGEG, safejn jindirizza ruħu liċ-"ċittadin Awstrijak", għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta' ex-priġunieri tal-gwerra li jirċievu benefiċċju, previst f'dan l-Artikolu, huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-imsemmi ċittadin ikollu n-nazzjonalità Awstrijaka meta ssir it-talba għall-għoti ta' l-imsemmi benefiċċju. Il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk kundizzjoni bħal din hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema.
16 L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1408/71, li jiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni materjali ta' dan ir-regolament, jippreċiża, fil-paragrafu 4 tiegħu, li dan ir-regolament ma japplikax "għall-iskemi tal-benefiċċji għall-vittmi tal-gwerra jew tal-konsegwenzi tagħha".
17 Benefiċċju bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, minbarra li mhuwiex marbut mal-kwalità ta' ħaddiem, jingħata lill-ex-priġunieri tal-gwerra, li jipprovdu prova ta' priġunerija għal perijodu twil, bħala xhieda tal-gratitudni nazzjonali għat-tbatija li kienu għaddew minnha u għalhekk jingħata bħala korrispettiv għas-servizzi li taw lill-pajjiżhom.
18 Fid-dawl ta' dan l-iskop u ta' dawn il-kundizzjonijiet biex jingħata l-benefiċċju, benefiċċju bħal dan jaqa' taħt l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1408/71, b'tali mod li huwa eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni materjali ta' dan ir-regolament (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta' Lulju 1978, Gillard u Caisse régionale d'assurance maladie du Nord-Est, 9/78, Ġabra p. 1661, punti 13 sa 15, kif ukoll tal-31 ta' Mejju 1979, Even u ONPTS, 207/78, Ġabra p. 2019, punti 12 sa 14).
19 Barra minn hekk, għall-istess raġunijiet, benefiċċju bħal dan lanqas ma jagħmel parti mill-vantaġġi mogħtija lill-ħaddiem nazzjonali minħabba, prinċipalment, il-kwalità tiegħu ta' ħaddiem jew ta' resident fit-territorju nazzjonali u, għaldaqstant, ma jissodisfax il-karatteristiċi essenzjali tal-"vantaġġi soċjali" imsemmija fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 (sentenza Even u ONPTS, iċċitata aktar 'il fuq, punti 20 sa 24).
20 L-istess konklużjoni għandha ssir fir-rigward ta' l-Artikolu 39(2) KE, li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tax-xogħol, tar-rimunerazzjoni u kundizzjonijiet oħra tax-xogħol, li ma jistgħux ikopru benefiċċji kumpensatorji marbutin mas-servizzi mogħtija miċ-ċittadini fi żmien ta' gwerra lil pajjiżhom stess bil-għan essenzjali li jagħtu lil dawn iċ-ċittadini vantaġġ minħabba t-tbatija li jkunu għaddew minnha għal dan il-pajjiż.
21 F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 39(2) KE, l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li leġiżlazzjoni nazzjonali, f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, iċċaħħad persuna mid-dritt li tirċievi benefiċċju mogħti lil ex-priġunieri tal-gwerra minħabba li din il-persuna ma jkollhiex in-nazzjonalità ta' l-Istat Membru kkonċernat fil-mument ta' l-introduzzjoni tat-talba iżda jkollha dik ta' Stat Membru ieħor.
Fuq l-ispejjeż
22 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
L-Artikolu 39(2) KE, l-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, kif emendat u aġġornat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta' Diċembru 1996, u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1612/68, tal-15 ta' Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li leġiżlazzjoni nazzjonali, f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, iċċaħħad persuna mid-dritt li tirċievi benefiċċju mogħti lil ex-priġunieri tal-gwerra minħabba li din il-persuna ma jkollhiex in-nazzjonalità ta' l-Istat Membru kkonċernat fil-mument ta' l-introduzzjoni tat-talba iżda jkollha dik ta' Stat Membru ieħor.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy