SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
16 ta' Settembru 2004 (*)
"Tariffa Doganali Komuni – Nomenklatura magħquda – Klassifikazzjoni tat-tariffi – Subintestatura 8704 10 – "Minitrac" għall-ġarr u r-rimi tar-ramel, ħamrija u ġebel b'sistema sofistikata ta' tbattil"
Fil-kawża C-396/02,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,
imressqa mill-Gerechtshof te Amsterdam (L-Olanda), permezz ta' deċiżjoni tas-6 ta' Novembru 2002, li waslet fil-11 ta' Novembru 2002, fil-kawża:
DFDS BV
vs
Inspecteur der Belastingdienst – Douanedistrict Rotterdam,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, li qed jaqdi l-funzjoni ta' President tat-Tielet Awla, R. Schintgen u K. Schiemann (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal DFDS BV, minn R. G. A. Tusveld u G. J. van Slooten, advocaten,
– għall-Gvern Olandiż, minn S. Terstal, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Schieferer u M. van Beek, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta' Jannar 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestatura 8704 10 tan-nomenklatura magħquda, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, p. 1), fil-verżjonijiet tiegħu kif jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 3115/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1994 (ĠU L 345, p. 1), u Nru 3009/95 tat-22 ta' Diċembru 1995 (ĠU L 319, p. 1, aktar 'il quddiem in-"NM").
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija DFDS BV (aktar 'il quddiem "DFDS"), stabbilita f'Amsterdam (L-Olanda), u l-Inspecteur der Belastingdienst – Douanedistrict Rotterdam fir-rigward tal-klassifikazzjoni tat-tariffi ta' ċerti vetturi msemmija "Minitracs" fis-subintestatura 8704 10 19 tan-NM, bħala vetturi li jferrgħu l-materjal ta' ġo fihom (dumpers) li huma intiżi li ma jintużawx fuq it-triq prinċipali.
Il-kuntest ġuridiku
3 In-NM, stabbilita permezz tar-Regolament Nru 2658/87, hija intiża sabiex tissodisfa fl-istess ħin l-eżiġenzi tat-Tariffa Doganali Komuni u ta' l-istatistiċi tal-kummerċ estern tal-Komunità. Hija bbażata fuq is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija (aktar 'il quddiem is-"SA"), imħejjija mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni bejn id-Dwani, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwani, u hija stabbilita mill-Konvenzjoni Internazzjonali konkluża fi Brussell fl-14 ta' Ġunju 1983 (aktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni SA"), li ġiet approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha ta' l-24 ta' Ġunju 1986, f'isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KE, tas-7 ta' April 1987 (ĠU L 198, p. 1).
4 L-intestatura 8704 tifforma parti mill-Kapitolu 87, tat-Taqsima XVII tat-Tieni Parti tan-NM. Dan il-kapitolu huwa dwar il-vetturi bil-mutur, trakters, roti u vetturi oħra ta' l-art, il-partijiet u l-aċċessorji tagħhom. Meta ġew inkorsi d-djun doganali, fl-1995 u l-1996, l-intestatura 8704, kif stabbilita permezz tar-Regolamenti Nri 3115/94 u 3009/95, li huma identiċi għal dak li jikkonċerna din l-intestatura, kienet suddiviża bil-mod segwenti:
"Kodiċi NM
8704
Deskrizzjoni
Vetturi bil-mutur għat-trasport ta' oġġetti:
8704 10
-
Vetturi li jferrgħu l-materjal ta' ġo fihom (dumpers) biex jintużaw 'l hinn mit-triq prinċipali (ġo l-imħarbat)
-
-
B’magna li titqabbad b’kompressjoni b’pistuni b’kombustjoni interna (diesel jew semi-diesel), jew b’magna li titqabbad bi xrara b’pistuni b’kombustjoni interna
8704 10 11
-
-
-
B’magna li titqabbad b’kompressjoni b’pistuni b’kombustjoni interna (diesel jew semi-diesel), b'ċilindrata akbar minn 500 cm³ jew b'magna li titqabbad bi xrara b’pistuni b’kombustjoni interna b'ċilindrata akbar minn 2 800 cm³
8704 10 19
-
-
-
Oħrajn
8704 10 90
-
-
Oħrajn
-
Oħrajn, b’magna li titqabbad b’kompressjoni b’pistuni b’kombustjoni interna (diesel jew semi-diesel):
8704 21
-
-
B'piż gross tal-vettura mhux aktar minn 5 tunnellati metriċi:
[…]
[…]
-
-
-
-
B'magna b'ċilindrata akbar minn 2 500 cm³:
8704 21 91
-
-
-
-
-
ġodda
[…]
[…]"
5 Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fil-paragrafi 1 u 3(a) ta' l-Ewwel Parti tat-Titolu IA tagħha, li huma identiċi fil-verżjoni applikabbli fl-1995 u fl-1996, jipprovdu, b'mod partikolari, li:
"Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin
1. It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.
[…]
3. Meta […] l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie taħt intestatura waħda jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:
(a) L-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. […]"
6 In-noti ta' spjegazzjoni tan-NM, tal-5 ta' Diċembru 1994 (ĠU C 342, p. 1), jipprovdu, fir-rigward tal-"vetturi li jferrgħu l-materjal ta' ġo fihom (dumpers) biex jintużaw 'l hinn mit-triq prinċipali (ġo l-imħarbat)", u b'mod partikolari s-subintestaturi 8704 10 10 sa 8704 10 90, l-informazzjoni segwenti:
"1. Dawn is-subtitli jkopru prinċipalment vetturi mgħammrin b’body [kaxxa] ġej bil-ponta fuq quddiem jew fuq wara jew b’body li jinfetaħ mill-qiegħ li kien speċjalment disinjat għat-trasport ta’ ramel, grevil, ħamrija, ġebel, eċċ., u li huma intiżi għal użu f’barrieri, mini, jew f’siti fejn qed jittella’ bini, fejn qed isiru xogħlijiet tat-toroq, ajruporti u portijiet. Eżempji li juru tipi varji ta’ dumpers huma mgħotijin fl-aħħar ta’ dawn in-noti.
2. Dawn is-subtitli jkopru ukoll vetturi żgħar simili tat-tip li jintużaw f’siti ta’ kostruzzjoni għal ġarr ta’ ħamrija, ġebel, siment frisk u konkrit, eċċ. Dawn ikollhom xási artikolat jew fiss u drive b’żewġ jew erba’ roti, fejn id-dumper hopping jinsab fuq assi waħda u s-sit tax-xufier fuq l-oħra. Is-sit tax-xufier is-soltu ma jkunx ġo kabina."
7 Bis-saħħa ta' l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni SA, il-kumitat imsemmi "kumitat tas-sistema armonizzata", kompost mir-rappreżentanti ta' kull parti kontraenti, ġie mwaqqaf fi ħdan il-Kunsill ta' Kooperazzjoni bejn id-Dwani. Skond l-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni SA, ix-xogħol ta' dan il-kumitat jikkonsisti, b'mod partikolari, f'li jipproponi emendi għall-imsemmija konvenzjoni u li jifformula noti ta' spjegazzjoni, opinjonijiet ta' klassifikazzjoni u opinjonijiet oħra dwar l-interpretazzjoni tas-SA.
8 In-nota ta' spjegazzjoni għas-SA dwar l-intestatura 8704 tipprovdi li:
"Din l-intestatura tkopri wkoll:
(1) Il-vetturi li jferrgħu l-materjal ta' ġo fihom (dumpers) li huma vetturi ta' kostruzzjoni b'saħħitha, li għandhom il-kaxxa li tinqaleb jew li jinfetaħ il-qiegħ tagħha, li huma intiżi għall-ġarr ta' materjali skavati jew materjali oħra. Dawn il-vetturi, b'xási fiss jew artikolat, ġeneralment mgħammra b'roti tajbin għall-off road, jistgħu jiġu misjuqa fuq art ratba. Dan il-grupp jinkludi kemm il-vetturi tqal kif ukoll il-vetturi li jferrgħu l-materjal ta' ġo fihom (dumpers) li jkunu żgħar; xi drabi, dawn ta' l-aħħar huma kkaratterizzati b'sit li jdur, sits doppji li jħarsu fuq naħat opposti jew b'żewġ steering wheels, li jippermettu li l-vetturi jiġu misjuqa filwaqt li x-xufier iħares lejn il-kaxxa sabiex ikun jista' jikkontrolla t-tbattil tal-vettura b'mod aħjar.
[…]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]
9 Għal dak li jikkonċerna s-subintestatura 8704 10, in-nota ta' spjegazzjoni għas-SA tinkludi s- segwenti:
"Il-vetturi li jferrgħu l-materjal ta' ġo fihom (dumpers) ta' din is-subintestatura jistgħu jiġu ġeneralment distinti minn vetturi oħra intiżi għat-trasport tal-merkanzija (b'mod partikolari t-trakkijiet li jferrgħu l-materjal ta' ġo fihom) minħabba l-karatteristiċi segwenti:
– il-vettura li tferra' il-materjal ta' ġo fiha hija magħmula minn pjanċa ta' azzar b'saħħtu ħafna; il-parti ta' quddiem tagħha testendi fuq il-kabina tas-sewwieq sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni tagħha u parti minn jew il-qiegħ kollu tagħha jinqaleb 'il fuq lejn in-naħa ta' wara;
[...]
Madankollu, għandu jiġi osservat li wħud mill-vetturi li jferrgħu l-materjal ta' ġo fihom (dumpers) huma magħmula speċjalment sabiex jiġu użati fil-barrieri ta' taħt l-art u l-mini, bħal, per eżempju, dawk li jkollhom il-qiegħ tal-kaxxa jinfetaħ. Dawn ikollhom uħud mill-karatteristiċi msemmija aktar 'il fuq, iżda ma jkollhomx kabina jew il-parti ta' quddiem tagħhom li testendi sabiex toffri protezzjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
10 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) 396/92, tat-18 ta' Frar 1992, li jirrigwarda l-klassifika ta' ċerti oġġetti fin-nomenklatura magħquda (ĠU L 44, p. 9), taħt il-punti 3 u 4 ta' l-Anness tiegħu, jikklassifika ċerti oġġetti li jaqgħu taħt l-intestatura 8704 bil-mod segwenti:
"Deskrizzjoni [ta' l-] oġġetti
Kodiċi tal-Klassifika tan-NM
Ir-Raġunijiet
[…]
3. Vettura (ta' 180 ċm tul, 87 ċm wisa' u 100 ċm għoli) b'magna tal-petrol four-stroke u ta' ċilindru wieħed (bil-kapaċità taċ-ċilindru 400 ċm3) tikkonsisti essenzjalment minn delu ta' tagħbija ta' 400 kg, u mgħ[a]mmra b'mezz manwali tal-ħatt bil-qlib u kontrolli u ktajjen tal-mixi tal-lastiku. Għandha piż mingħajr it-tagħbija ta' 250 kg, massimu tal-veloċità ta' 6.8 km/h u tiżviluppa potenza ta' 5.37 kw. Il-vettura għandha tliet ger[i]jiet 'il quddiem u wieħed bir-rivers. Hija maħsuba għalbiex tittrasporta u tarmi f'munzelli l-ħamrija, ir-ramel, eċċ. fil-biċċa l-kbira fuq il-postijiet fejn ikun qiegħed isir il-bini.
[…]
8704 10 19
[…]
Il-Klassifika hija stabbilita bid-dispożizzjonijiet tar-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda, kif ukoll bit-testi tal-kodiċijiet tan-NM 8704, 870410 u 87041019.
Għar-raġunijiet tad-disinn tagħha, b'mod partikolari l-preżenza kemm tad-delu u kemm tal-ktajjen tal-lastiku biex timxi, u l-post konsegwenti [ta' l-]użu din il-vettura ma tistax tiġi kkunsidrata li trid tiġi koperta bil-kodiċi tan-NM 8709.
4. Vettura ġdida (ta' 255 ċm tul, 108 ċm wisa, 128 ċm għoli) b'magna tal-petrol four-stroke ta' ċilindru wieħed (bil-kapaċità taċ-ċilindru ta' 400 ċm3), li essenzjalment tikkonsisti minn sodda-qiegħ ċatta rrinfurzata li tista' tiġi maqluba b'mezzi idrawliċi bix-xtiebi fit-tarf ta' wara u fuq kull waħda miż-żewġt iġnub, tgħabbi 800 kg, għandha post tas-sewwieq għall-beraħ bil-kontrolli u l-ktajjen tal-lastiku għall-mixi. Għandha veloċità massima ta' 8.7 km/h, erba' gerijiet 'il quddiem u tlieta fir-rivers. Hija maħsuba għalbiex tittrasporta u tarmi f'munzelli l-ħamrija, ir-ramel, eċċ. fil-biċċa l-kbira fuq il-postijiet fejn ikun qiegħed isir il-bini.
[…]"
8704 31 91
[…]
Il-Klassifika hija stabbilita bid-dispożizzjonijiet tar-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda, kif ukoll bit-testi tal-kodiċijiet tan-NM 8704, 870431 u 87043191.
Għar-r[a]ġuni tad-disinn tagħha, u b'mod partikolari l-preżenza kemm ta' sodda-qiegħ li tista' tinqaleb, u l-post konsegwenti ta' l-użu din il-vettura ma tistax tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 8709. Il-versalità u l-kostruzzjoni kkomplikata tas-sodda-qiegħ li tinqaleb jipprevjienu milli dan l-oġġett jiġi kkunsidrat bħala tal-ġarr għar-rimi kopert bil-kodiċi tan-NM 870410.
[…]
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11 DFDS, bħala aġent tad-dwana f'isem il-kumpannija Maveco Maschinen Handelsgesellschaft mbH, stabbilita f'Liechtenstein, fl-1995 u fl-1996 iddikjarat xi "Minitracs" tat-tip 709, 1005 u 1302 għat-tqegħid tagħhom fiċ-ċirkulazzjoni libera. Dawn il-Minitracs huma vetturi magħmula speċjalment sabiex jintużaw fuq toroq li mhumiex toroq prinċipali u huma intiżi għat-tagħbija u t-tbattil ta' materjali. DFDS iddikjarathom taħt is-subintestatura 8704 10 19 tan-NM, li tkopri vetturi li jferrgħu l-materjal ta' ġo fihom (dumpers) magħmula biex jintużaw 'l hinn mit-triq prinċipali.
12 Peress li qiesu li dawn il-vetturi kellhom jiġu ddikjarati taħt is-subintestatura 8704 21 91 tan-NM, li tkopri vetturi bil-mutur oħra użati għall-ġarr ta' merkanzija u li d-dazju tagħhom kien aktar għoli, l-awtoritajiet tad-dwana Olandiżi għamlu talba għal ħlas lil DFDS.
13 DFDS ressqet oġġezzjoni kontra din it-talba għal ħlas li ġiet miċħuda fir-rigward tal-vetturi tat-tip 1005 u 1302. Għalhekk, DFDS ressqet rikors quddiem it-Tariefcommissie, l,i wara l-1 ta' Jannar 2002, saret id-Douanekamer du Gerechtshof te Amsterdam.
14 Il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi l-prodotti in kwistjoni bil-mod segwenti:
"Il-Minitracs in kwistjoni huma vetturi magħmula prinċipalment għall-użu f'siti ta' bini għall-ġarr u t-tbattil ta' bċejjeċ tal-ġebel, ħamrija, żrar, ramel u materjali simili.
Il-Minitrac 1005 (b'tul ta' 257 ċm, b'wisa' ta' 112 ċm, u b'għoli ta' 138 ċm) huwa mgħammar b'magna diesel ta' 7 kw.
Il-Minitrac 1302 (b'tul ta' 264 ċm, b'wisa' ta' 124 ċm, u b'għoli ta' 138 ċm) għandu magna diesel ta' 9.5 kw.
Iż-żewġ vetturi għandhom gear box b'erba' gerijiet 'il quddiem u bi tliet gerijiet bir-rivers. Il-veloċità massima taż-żewġ vetturi hija ta' 7.3 km/h.
Il-vetturi huma mgħammra bi ktajjen, b'kabina (miftuħa) li fiha l-istrumenti tas-sewqan u tal-kontroll, kif ukoll b'kaxxa li tista' tiġi mbattla permezz ta' sistema idrawlika ta' tbattil. Il-kaxxa għandha ġnub li jistgħu jinfetħu u jingħalqu lura matul it-tbattil. B'dan il-mod it-tagħbija tista' tiġi mbattla minn tliet naħat mingħajr ma tiġi mibdula l-pożizzjoni tal-vettura. Il-mudell 1302 jista' eventwalment jiġu mgħammar ukoll, minflok b'kaxxa li titbattal minn tliet naħat, b'kaxxa li titbattal minn wara, li tista', bl-għajnuna ta' ċilindru idrawliku u ta' pistun idrawliku addizzjonali kif ukoll ta' mekkaniżmu li jdur, iddur kontinwament fuq 180 grad.
Il-Minitrac 1005 għandu piż mingħajr tagħbija ta' 830 kg u payload ta' 1 000 kg.
Il-Minitrac 1302 għandu piż mingħajr tagħbija ta' 1 060/1 200 kg u payload ta' 1 300/1 500 kg."
15 Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-klassifikazzjoni ta' l-oġġetti in kwistjoni taħt is-subintestatura 8704 10 tan-NM mhijiex, fil-prinċipju, eskluża. Madankollu, hija għandha dubji dwar jekk il-vetturi, li huma magħmula sabiex jintużaw 'l hinn mit-triq prinċipali u li huma intiżi għall-ġarr ta' materjali skavati jew ta' materjali oħra, jistgħux jiġu esklużi mis-subintestatura 8704 10 tan-NM minħabba l-karatteristiċi teknoloġiċi u l-proprjetajiet tal-kostruzzjoni tal-mekkaniżmu ta' tbattil, li jippermetti li l-materjali jistgħu jitbattlu mill-kaxxa b'modi differenti u b'aktar preċiżjoni milli bil-mudelli preċedenti ta' l-istess tip ta' vetturi, biss.
16 Hija tqis li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni r-Regolament Nru 396/92, li fih deskrizzjoni tas-subintestatura 8704 31 91 tan-NM. Id-differenza bejn is-subintestaturi 8704 21 u 8704 31 hija fir-rigward tal-magni. Il-vetturi bil-mutur tas-subintestatura 8704 21 għandhom magna li titqabbad bil-kumpressjoni, filwaqt li dik tal-vetturi bil-mutur tas-subintestatura 8704 31 titqabbad bi xrara.
17 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gerechtshof te Amsterdam iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
"It-trakkijiet magħmula sabiex jintużaw 'l hinn mit-triq prinċipali, u intiżi għall-ġarr u t-tbattil ta' materjali, li, għal dan il-għan, huma mgħammra, b'mod partikolari, b'funzjoni ta' tbattil kumpless, multipliku u preċiż, huma esklużi mill-kunċett ta' vetturi li jferrgħu l-materjal ta' ġo fihom (dumpers) kif stabbilit [fis-sub]intestatura 8704 10 tat-[Tariffa Doganali Komuni]?"
Fuq id-domanda preliminari
Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
18 DFDS tqis li l-vetturi tat-tip Minitracs in kwistjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala vetturi li jferrgħu l-materjal ta' ġo fihom (dumpers) taħt is-subintestatura 8704 10 tan-NM. Hija tfakkar li dawn il-Minitracs ġew ikklassifikati bħala vetturi li jferrgħu l-materjal ta' ġo fihom (dumpers) fl-Awstralja, fil-Kanada, fl-Istati Uniti, fil-Ġappun u fir-Repubblika Ċeka.
19 DFDS issostni li huwa żball li wieħed jaħseb li trakk bil-kaxxa għandu jkun ta' disinn jew forma partikolari u li t-tbattil mill-kaxxa għandu jsir bl-għajnuna ta' sistema sempliċi (mekkanika jew manwali). Il-kaxxa u l-mekkaniżmu ta' tbattil flimkien għandhom iwettqu waħda u għandhom jiġu kkunsidrati bħala entità teknika. B'riżultat ta' żviluppi teknoloġiċi, il-possibbiltajiet ta' tbattil u ta' tidwir ġew imtejba b'tali mod illi l-kostruzzjoni u l-mekkaniżmi saru aktar kumplessi. Madankollu, dawn huma biss dettalji tad-disinn. Finalment, ftit li xejn huwa rilevanti l-mod ta' kif isir it-tbattil; l-importanti huwa li t-tbattil ikun jista' jsir fi spazju limitat. Mill-aspett tal-funzjoni tagħhom, l-oġġetti għandhom jiġu kklassifikati bħala vetturi li jferrgħu l-materjal ta' ġo fihom (dumpers).
20 Bħala konklużjoni, DFDS tipproponi li r-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li funzjoni ta' tbattil kumpless, multipliku u preċiż ma teskludix li l-Minitracs jiġu kklassifikati bħala vetturi li jferrgħu l-materjal ta' ġo fihom (dumpers) fis-sens tas-subintestatura 8704 10 tan-NM.
21 Il-Gvern Olandiż jikkunsidra li l-klassifikazzjoni tat-tariffi li saret mill-amministrazzjoni tad-dwana mhijiex kuntrarja għan-NM.
22 Huwa jirrileva li skond in-noti ta' spjegazzjoni għas-SA, vettura li tferra' il-materjal ta' ġo fiha (dumper) tista' ġeneralment tiġi distinta minn vetturi oħra intiżi għall-ġarr ta' merkanzija minħabba ċertu numru ta' karatteristiċi speċifiċi, b'mod partikolari minħabba l-fatt li l-vettura li tferra' il-materjal ta' ġo fiha (dumper) hija vettura b'saħħitha iżda l-kostruzzjoni tagħha hija waħda relattivament sempliċi b'kaxxa magħmula minn pjanċa ta' azzar estremament b'saħħitha li l-qiegħ tagħha jinqaleb 'il fuq. Il-vetturi in kwistjoni ma jikkorrispondux għal din id-definizzjoni, minħabba l-fatt li għandhom kaxxa b'sodda-qiegħ li tinfetaħ minn tliet naħat u li mhijiex magħmula minn pjanċa ta' azzar b'saħħtu ħafna. Dan huwa kkonfermat min-noti ta' spjegazzjoni tan-NM li jitkellmu dwar vetturi "b'body [kaxxa] ġej bil-ponta fuq quddiem jew fuq wara jew b'body li jinfetaħ mill-qiegħ".
23 Il-Gvern Olandiż iżid jgħid li l-Bundesfinanzhof (Il-Ġermanja) iddeċidiet li l-mudelli Minitrac 1302 u 1005 in kwistjoni ma jikkorrispondux għad-definizzjoni ta' vetturi li jferrgħu l-materjal ta' ġo fihom (dumpers).
24 Il-Kummissjoni taqbel essenzjalment ma' l-argumenti mressqa mill-Gvern Olandiż. Il-vetturi li jferrgħu l-materjal ta' ġo fihom (dumpers) imsemmija fis-subintestatura 8704 10 tan-NM huma vetturi sempliċi li huma kkaratterizzati mill-fatt li ġeneralment il-kaxxi tagħhom ikollhom il-forma ta' barmil li jinqaleb 'l quddiem jew lura, li jistgħu jinqalbu b'mod manwali u li l-qiegħ tagħhom jogħla kompletament jew parzjalment lura. Dawn il-karatteristiċi jirriżultaw min-noti ta' spjegazzjoni tan-NM dwar is-subintestaturi 8704 10 10 sa 8704 10 90, min-noti ta' spjegazzjoni għas-SA li jikkonċernaw l-intestatura 8704 u s-subintestatura 8704 10 kif ukoll mir-Regolament Nru 396/92 li huwa konformi man-NM.
25 Skond il-Kummissjoni, peress li l-Minitracs in kwistjoni huma mgħammra b'kaxxa ċatta b'mekkaniżmu sofistikat, li tinqaleb b'mod idrawliku kemm fuq il-ġenb kif ukoll fuq wara jew b'kaxxa li tinqaleb lura li tista' ddur fuq 180 grad permezz ta' ċilindru idrawliku u ta' pistun idrawliku addizzjonali, kif ukoll b'mekkaniżmu li jdur, jidher li ma jaqgħux taħt is-subintestatura 8704 10 tan-NM.
26 Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari bil-mod segwenti:
"It-trakkijiet magħmula sabiex jintużaw 'l hinn mit-triq prinċipali u li huma intiżi għall-ġarr u t-tbattil ta' materjali, li, għal dan il-għan, huma mgħammra, b'mod partikolari, b'funzjoni ta' tbattil kumplessa, multiplika u preċiża, għandhom jiġu esklużi mill-kunċett ta' "vetturi li jferrgħu l-materjal ta' ġo fihom (dumpers)" koperti mis-subintestatura 8704 10 [tan-NM].
Hija l-qorti nazzjonali li talbet deċiżjoni preliminari li għandha tiddetermina l-klassifikazzjoni korretta skond l-informazzjoni kollha li jkollha."
Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
27 L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tat-tariffi tal-merkanziji għandu jiġi mfittex, b'mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif definiti mill-kliem ta' l-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (ara b'mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta' Frar 2002, Turbon International, C-276/00, Ġabra p. I-1389, punt 21, u tas-7 ta' Novembre 2002, Lohmann u Medi Bayreuth, C-260/00 sa C-263/00, Ġabra p. I-10045, punt 30).
28 In-noti ta' spjegazzjoni mħejjija, għal dak li jikkonċerna n-NM, mill-Kummissjoni, u għal dak li jikkonċerna s-SA, mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni bejn id-Dwani, jikkontribwixxu, b'mod importanti, għall-interpretazzjoni tal-portata ta' l-intestaturi differenti mingħajr madankollu ma għandhom setgħa vinkolanti (ara s-sentenza tat-28 ta' April 1999, Mövenpick Deutschland, C-405/97, Ġabra p. I-2397, punt 18).
29 Barra minn hekk, l-użu li għalih huwa intiż il-prodott jista' jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta' klassifikazzjoni safejn dan huwa inerenti għall-imsemmi prodott, u dan il-karattru inerenti għandu jkun jista' jiġi evalwat skond il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (ara s-sentenza ta' l-1 ta' Ġunju 1995, Thyssen Haniel Logistic, C-459/93, Ġabra p. I-1381, punt 13).
30 Għandu jiġi kkonstatat li l-uniku kriterju rrilevat mill-Gvern Olandiż u mill-Kummissjoni sabiex tiġi rrifjutata l-klassifikazzjoni tal-Minitracs in kwistjoni bħala vetturi li jferrgħu l-materjal ta' ġo fihom (dumpers) fis-sens tas-subintestatura 8704 10 huwa l-mekkaniżmu ta' tbattil partikolarment avvanzat tal-kaxxa u tal-forma tagħha adattata skond dan il-mekkaniżmu.
31 Il-kliem ta' din is-subintestatura jippresupponi li vettura għandha tissodisfa żewġ kundizzjonijiet sabiex tkun tista' tiġi kklassifikata f'din is-subintestatura, jiġifieri li tkun "vettura li tferra' il-materjal minn ġo fiha (dumper)" u li tkun magħmula sabiex tintuża 'l hinn mit-triq prinċipali. Filwaqt li t-tieni kundizzjoni ma toħloqx diffikultajiet f'dan il-każ, in-NM ma tagħti ebda preċiżjoni addizzjonali dwar id-definizzjoni ta' "vettura li tferra' il-materjal minn ġo fiha (dumper)".
32 Mid-deskrizzjonijiet ta' dawn il-vetturi li jinsabu fin-noti ta' spjegazzjoni tan-NM u tas-SA jirriżulta li karatteristika essenzjali tal-vetturi li jferrgħu l-materjal ta' ġo fihom (dumpers) hija li jkollhom kaxxa li tinqaleb jew qiegħ li jinfetaħ li tippermetti l-ġarr ta' materjali skavati jew ta' materjali differenti. Min-naħa l-oħra, m'hemm ebda indikazzjoni f'dawn in-noti dwar il-forma jew il-funzjonament tal-kaxex li jinqalbu li jistgħu jikkostitwixxu, huma biss, kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni ta' vettura bħala vettura li tferra' il-materjal ta' ġo fiha (dumper).
33 In-nota ta' spjegazzjoni għas-SA dwar l-intestatura 8704 tiddeskrivi l-vetturi li jferrgħu l-materjal ta' ġo fihom (dumpers) bħala "vetturi ta' kostruzzjoni b'saħħitha". Anke kieku l-kriterju ta' saħħa ta' vettura kien oġġettiv biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat bħala kriterju ta' klassifikazzjoni, madankollu, m'hemm xejn li jippermetti li minn kriterju bħal dan jiġi konkluż li mekkaniżmu avvanzat ta' tbattil ma jistax ikun b'saħħtu jew li s-saħħa tal-vettura għandha tiġi ġġudikata fid-dawl tas-saħħa tal-mekkaniżmu tagħha ta' tbattil.
34 Għal dak li jikkonċerna s-subintestatura 8704 10, in-noti ta' spjegazzjoni tan-NM u tas-SA jenfasizzaw espressament permezz ta' l-użu ta' l-avverbji "ġeneralment" u "prinċipalment" li l-kriterji huma msemmija biss b'mod indikattiv u ma jikkostitwixxux kundizzjonijiet obbligatorji li għandhom jiġu sodisfatti. Għalhekk, il-fatt li vettura ma jkollhiex kaxxa f'forma tradizzjonali jew li din il-kaxxa tkun tista' tinqaleb lejn il-ġnub u mhux biss 'il quddiem jew lura, ma jistax fih innifsu jeskludi l-klassifikazzjoni tal-vettura in kwistjoni bħala vettura li tferra' il-materjal ta' ġo fiha (dumper).
35 B'mod aktar ġenerali, fid-dawl ta' l-użu intiż tal-vetturi li jferrgħu l-materjal ta' ġo fihom (dumpers), jiġifieri l-ġarr u t-tbattil ta' materjali skavati u ta' materjali differenti, f'dan il-każ, m'hemm ebda fatt li jippermetti li jiġi konkluż li modifiki magħmula fil-kostruzzjoni ta' dawn il-vetturi sabiex jagħmluhom aħjar għall-għan tagħhom (b'mod partikolari billi l-materjal jiġi mbattal b'mod aktar preċiż fi spazju limitat) jista' jkollhom il-konsegwenza li jeskluduhom mill-klassifikazzjoni bħala vetturi li jferrgħu l-materjal ta' ġo fihom (dumper).
36 Għal dak li jikkonċerna l-punt 4 ta' l-Anness tar-Regolament Nru 396/92, li fih interpretazzjoni tas-subintestatura 8704 31 91 mill-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan ma jistax iservi bħala bażi ta' interpretazzjoni tas-subintestatura 8704 10 tan-NM li tmur kontra l-kliem ta' din is-subintestatura ta' l-aħħar kif interpretata fid-dawl tan-noti ta' spjegazzjoni tan-NM.
37 Għalhekk ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-fatt li vettura b'kaxxa hija mgħammra b'funzjoni ta' tbattil kumpless, multipliku u preċiż ma jeskludix li din tiġi kklassifikata bħala vettura li tferra' il-materjal ta' ġo fiha (dumper) fis-sens tas-subintestatura 8704 10 tan-NM.
Fuq l-ispejjeż
38 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla), taqta' u tiddeċiedi li:
Il-fatt li vettura b'kaxxa hija mgħammra b'funzjoni ta' tbattil kumpless, multipliku u preċiż ma jeskludix li din tiġi kklassifikata bħala vettura li tferra' il-materjal ta' ġo fiha (dumper) fis-sens tas-subintestatura 8704 10 tan-nomenklatura magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) 2658/87, tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana, fil-verżjonijiet tiegħu kif jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 3115/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1994, u Nru 3009/95 tat-22 ta' Diċembru 1995.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy