Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Partijiet
Fil-kawża C-6/03
li għandha bħala għan talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE magħmula mill-Verwaltungsgericht Koblenz (Qorti Amministrattiva, Koblenz, Il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni ta' l-4 ta' Diċembru 2002, li ġiet ippreżentata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta' Jannar 2003, fil-kawża
Deponiezweckverband Eiterköpfe
vs
Land Rheinland-Pfalz,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' Awla, N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), M. Ilei u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta' Settembru 2004,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:
għad-Deponiezweckverband Eiterköpfe, minn W. Klett, G. Moesta u A. Oexle, Rechtsanwälte,
għal-Land Rheinland-Pfalz, minn P. Delorme, bħala aġent, assistit minn D. Sellner, Rechtsanwalt,
għall-Gvern Ġermaniż, minn W.D. Plessing, Lumma u A. Tiemann, bħala aġenti,
għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,
għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl u M. Hauer, bħala aġenti,
għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn U. Wölker u M. Konstantinidis, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta' Novembru 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Motivi tas-sentenza
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE, tas-26 ta' April, dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma [ landfill ] (ĠU L 182, p. 1, minn hawn il quddiem imsejħa d-Direttiva), kif ukoll ta' l-Artikolu 176 KE u tal-prinċipju ta' proporzjonalità.
2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża mressqa mill-assoċjazzjoni Deponiezweckverband Eiterköpfe (minn hawn il quddiem Deponiezweckverband) kontra l-Land Rheinland-Pfalz (Land ta' Rhineland-Palatinate) fuq l-awtorizzazzjoni għall-użu ta' landfill .
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt komunitarju
3. Fil-kuntest tal-politika tal-Komunità fil-qasam ta' l-ambjent, l-Artikolu 176 KE jipprovdi li:
Il-miżuri protettivi adottati skond l-Artikolu 175, m'għandhomx jimpedixxu lil xi Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi aktar iebsa. Dawn il-miżuri għandhom ikunu kompatibbli ma' dan it-Trattat. Dawn għandhom jiġu mgħarrfa lill-Kummissjoni.
4. Id-Direttiva ġiet adottata abbażi ta' l-Artikolu 130 S (1) tat-Trattat KE (li wara emenda sar l-Artikolu 175 (1) KE).
5. L-Artikolu 1 (1) tad-Direttiva jipprovdi li:
Bl-għan li jintlaħqu l-ħtiġijiet tad-Direttiva 75/442/KEE, u partikolarment [ta'] l-Artikoli 3 u 4 tagħha, l-għan ta' din id-Direttiva huwa, permezz ta' ħtiġijiet tekniċi u operazzjonali iebsa fuq l-iskart u t-terraferma [ landfills ], biex jipprovdu miżuri, proċeduri u gwida biex [jimpedixxu jew inaqqsu] kemm jista' jkun possibbli [l-] effetti negattivi fuq l-ambjent, partikolarment it-tniġġis ta' l-ilma tal-wiċċ, l-ilma tal-qiegħ, ħamrija u arja, u fuq l-ambjent globali, inkluż l-effett serra, kif ukoll kull riskju li jirriżulta għas-saħħa tal-bniedem, minn rimi ta' skart f'terraferma [ landfills ], matul iċ-ċiklu sħiħ tat-terraferma [ landfills ].
6. L-Artikolu 2 (a) tad-Direttiva jiddefinixxi l-[i]skart bħala kull sustanza jew oġġett li huwa kopert mid-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta' Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU L 194, p. 39). Fl-Artikolu 1 (a) tagħha, din id-Direttiva tiddefinixxi l-[i]skart bħala kull sustanza jew oġġett li l-possessur jarmi jew jkun meħtieġ li jarmi skond il-liġijiet nazzjonali fis-seħħ.
7. L-[i]skart muniċipali huwa definit fl-Artikolu 2 (b) tad-Direttiva bħala skart minn djar, kif ukoll skart ieħor li, minħabba n-natura jew kompożizzjoni tiegħu, jkun simili għal skart minn djar.
8. Skond l-Artikolu 2 (m) tad-Direttiva, bi skart bijodegradabbli wieħed jifhem kull skart li huwa kapaċi jgħaddi minn dekompożizzjoni anaerobika jew aerobika, bħal skart ta' ikel, ħaxix, u karti u kartun.
9. L-Artikolu 3 (1) tad-Direttiva jistabbilixxi li:
L-Istati Membri għandhom japplikaw din id-Direttiva għal kull terraferma [ landfill ] kif imsemmi fl-Artikolu 2 (g).
10. Skond l-Artikolu 5 (1) u (2) tad-Direttiva:
1. L-Istati Membri jridu jibdew strateġija nazzjonali għall-implimentazzjoni tar-riduzzjoni ta' skart bijodegradabbli li jmur ġo terraferma [ landfill ], mhux aktar tard minn sentejn wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1) u jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'din l-istrateġija. L-istrateġija trid tinkludi miżuri biex jinkisbu l-iskopijiet stipulati fil-paragrafu 2 partikolarment bil-ħsieb ta' produzzjoni ta' riċiklar, kompostazzjoni, bijogas jew irkupru ta' materjali/enerġija. [...]
2. Din l-istrateġija trid tiżgura li:
a) mhux aktar tard minn ħames snin minn wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1), skart muniċipali bijodegradabbli li [jmur] f'terraferma [ landfill ] irid jiġi imnaqqas għal 75 % ta' ammont totali (bl-użin) ta' skart muniċipali bijodegradabbli prodott fl-1995 jew l-aktar tard qabel is-sena 1995 ta' fejn data Eurostat standardizzata tkun disponibbli;
b) mhux aktar tard minn tmien snin minn wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1), skart muniċipali bijodegradabbli li jmur f'terraferma [ landfill ] irid jiġi imnaqqas għal 50 % ta' ammont totali (bl-użin) ta' skart muniċipali bijodegradabbli prodott fl-1995 jew l-aktar tard qabel is-sena 1995 ta' fejn data Eurostat standardizzata tkun [disponibbli];
c) mhux aktar tard minn ħmistax il-sena minn wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1), skart muniċipali bijodegradabbli li jmur f'terraferma [ landfill ] irid jiġi imnaqqas għal 35 % ta' ammont totali (bl-użin) ta' skart muniċipali bijodegradabbli prodott fl-1995 jew l-aktar tard qabel is-sena 1995 ta' fejn data Eurostat standardizzata tkun disponibbli.
[...]
11. L-Artikolu 6 (a) tad-Direttiva jippreċiża li:
L-Istati Membri jridu jieħdu miżuri sabiex:
a) skart li ġie soġġett għat-trattament biss ikun mitfugħ fit-terraferma [ landfill ]. Din id-disposizzjoni tista' ma tapplikax għall-iskart inerti fejn trattament ma jkunx teknikament possibbli, l-anqas għal kull skart ieħor fejn ċerti trattamenti ma jikkontribwixxux għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, kif stipulat fl-Artikolu 1, bir-riduzzjoni tal-kwantità ta' l-iskart jew il-perikli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.
12. Id-data stabbilita fl-Artikolu 18 (1) tad-Direttiva, imsemmija fl-Artikolu 5 ta' din id-Direttiva, hija s-16 ta' Lulju 2001. Din hija d-data li, mhux aktar tard minnha, l-Istati Membri għandhom iwettqu t-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali tagħhom.
Id-dritt nazzjonali
13. Ir-Regolament dwar id-depożitu ekoloġiku ta' l-iskart muniċipali (Verordnung über die umweltverträgliche Ablagerung von Siedlungsabfällen), ta' l-20 ta' Frar 2001 (BGB1. 2001 I, p. 305, minn hawn il quddiem imsejjaħ ir-regolament ta' l-2001), ġie adottat bil-għan li tiġi trasposta d-Direttiva fid-dritt nazzjonali Ġermaniż.
14. L-iskart muniċipali huwa definit fl-Artikolu 2 (1) tar-regolament ta' l-2001 bħala skart minn djar kif ukoll skart ieħor li, minħabba n-natura jew kompożizzjoni tiegħu, huwa simili għal skart minn djar.
15. L-iskart li jista' jintrema' bħala skart muniċipali huwa definit fl-Artikolu 2 (2) tar-regolament ta' l-2001 bħala l-iskart li, minħabba n-natura jew il-kompożizzjoni tiegħu, jista' jintrema' ma' jew bħala skart muniċipali, b'mod partikolari l-ħama li joħroġ mill-impjanti tat-trattament ta' l-ilma urban residwu jew ta' l-ilma residwu li fih grad ta' tniġġis li apparentement huwa ftit elevat, ir-rifjuti umani, ir-residwi ta' impjanti tat-trattament ta' l-ilma, il-ħama li jirriżulta mit-trattament ta' l-ilma, l-iskart ta' siti tal-bini u l-iskart speċifikament marbut mal-produzzjoni [...]
16. L-Artikolu 3 (3) ta' l-imsemmi regolament jipprovdi li:
L-iskart muniċipali u l-iskart skond l-Artikolu 2 (2), b'eċċezzjoni ta' l-iskart trattat bi proċess mekkaniku u bijoloġiku jista' jiġi ddepożitat biss jekk jikkorrispondi mal-kriterji ta' riferiment ta' l-Anness 1 għal- landfills ta' katergorija I jew II.
17. L-Artikolu 4 (1) ta' l-istess regolament jistabbilixxi li:
L-iskart trattat bi proċess mekkaniku u bijoloġiku jista' jiġi ddepożitat biss jekk
[...]
l-iskart jikkorrispondi mal-kriterji ta' riferiment ta' l-Anness 2 [...]
18. L-Anness 1 tar-regolament ta' l-2001 jipprevedi li, meta ssir il-klassifikazzjoni ta' l-iskart fil- landfills , għandhom jiġu mħarsa l-valuri ta' riferiment segwenti:
>lt>0
19. L-Anness 2 ta' l-istess regolament jipprovdi li, meta ssir il-klassifikazzjoni ta' l-iskart qabel ma jiġi trattat bi proċess mekkaniku u bijoloġiku fil- landfills , għandhom jiġu mħarsa l-valuri ta' riferiment segwenti:
>lt>1
20. Ir-regolament ta' l-2001 daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2001. Bħala regola tranżitorja, l-Artikolu 6 ta' dan ir-regolament jipprovdi li, taħt ċerti kundizzjonijiet, it-tqegħid fil- landfill ta' skart li ma jikkonformax mal-kriterji tiegħu jista' jiġi awtorizzat sal-31 ta' Mejju 2005, u d-depożitu ta' l-iskart li jikkonforma, f' landfills qodma li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet tiegħu, jista' jiġi awtorizzat sal-15 ta' Lulju 2009.
Il-kawża prinċipali u l-mistoqsijiet għal deċiżjoni preliminari
21. Il-parti rikorrenti fil-kawża prinċipali, id-Deponiezweckverband, hija assoċjazzjoni bejn il-Landkreise (distretti amministrattivi) ta' Mayen-Koblenz u ta' Cochem-Zell u tal-lokalità ta' Koblenz li joperaw il- landfill ċentrali ta' Eiterköpfe. Hija ppruvat tikseb l-awtorizzazzjoni mingħand Land Rheinland-Pfalz, il-parti konvenuta fil-kawża prinċipali, sabiex timla' żewġ sezzjonijiet tal- landfill bi skart li jkun preċedentement trattat bi proċess mekkaniku biss, wara l-31 ta' Mejju 2005 u l-aktar tard sal-31 ta' Diċembru 2013. Il-Land Rheinland-Pfalz issostni li l-liġi nazzjonali applikabbli ma tippermettihiex tagħmel dan.
22. Il-Verwaltungsgericht Koblenz, li quddiemha tressqet din il-kawża, kellha xi dubbji fir-rigward tal-kompatibilità ta' din il-liġi nazzjonali ma' l-Artikolu 5 (1) u (2) tad-Direttiva u mal-prinċipju komunitarju ta' proporzjonalità. Hija ddeċidiet ukoll li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-mistoqsijiet segwenti għal deċiżjoni preliminari:
1) L-Artikolu 5 (1) tad-Direttiva u r-regoli komunitarji għal strateġija ta' tnaqqis ta' skart bijodegradabbli li jitqiegħed f' landfills għandhom jiġu interpretati fis-sens li fil-kuntest ta' l-Artikolu 176 KE u b'derogazzjoni mill-miżuri ċitati fl-Artikolu 5 (2) tad-Direttiva, jiġifieri t-tnaqqis tal-kwantità ta' l-iskart muniċipali bijodegradabbli li jintrema' f' landfill għal ċertu perċentaġġ ta' l-ammont totali bl-użin ta' skart muniċipali degradabbli sa sena tal-kalendarju speċifika, dawn il-miżuri jistgħu jkunu aktar iebsa permezz ta' miżura nazzjonali intiża sabiex jiġu trasposti r-regoli komunitarji u li tipprovdi li l-iskart muniċipali u l-iskart li jista' jintrema' bħala skart muniċipali, jista' jiġi ddepożitat biss jekk il-kriterju ta' riferiment parti organika tar-residwu niexef tas-sustanza oriġinali - telf b'kombustjoni jew karbonju organiku totali (KOT) - huwa sodisfatt?
2) a) F'każ ta' tweġiba fl-affermattiv, ir-regoli komunitarji stabbiliti fl-Artikolu 5 (2) tad-Direttiva għandhom jiġi interpretati fis-sens li l-kundizzjonijiet li hija twaqqaf, jiġifieri
- 75 % ta' l-ammont totali bl-użin mis-16 ta' Lulju 2006,
- 50 % ta' l-ammont totali bl-użin mis-16 ta' Lulju 2009, u
- 35 % ta' l-ammont totali bl-użin mis-16 ta' Lulju 2016,
huma sodisfatti, b'ħarsien tal-prinċipju komunitarju ta' proporzjonalità, permezz ta' liġi nazzjonali li tipprovdi li, għall-iskart muniċipali u l-iskart li jista' jintrema bħala skart muniċipali, mill-1 ta' Ġunju 2005 il-parti organika tar-residwu niexef tas-sustanza oriġinali għandha tkun inqas jew ekwivalenti għal 5% tal-massa meta definita bħala telf b'kombustjoni u inqas jew ekwivalenti għal 3% tal-massa meta definita bħala KOT u li, mill-1 ta' Marzu 2001, l-iskart trattat bi proċess mekkaniku u bijoloġiku jista' jiġi ddepożitat f' landfills qodma l-aktar tard sal-15 ta' Lulju 2009 u aktar tard minn din id-data f'każijiet partikolari jekk il-parti organika tar-residwu niexef tas-sustanza oriġinali tkun inqas jew ekwivalenti għal 18% tal-massa meta definita bħala KOT u l-bijodegradabilità tar-residwu niexef tas-sustanza oriġinali tkun inqas jew ekwivalenti għal 5 mg/g meta definita bħala attività respiratorja (AT 4 ) jew ekwivalenti jew inqas minn 20 l/kg meta definita bħala formazzjoni ta' gass fit-test ta' fermentazzjoni (GB 21 )?
b) Il-prinċipju komunitarju ta' proporzjonalità jippermetti diskrezzjoni wiesgħa jew limitata meta ssir l-evalwazzjoni ta' l-impatt tal-ġbir ta' skart mhux trattat flimkien ma' skart preċedentement trattat bi proċess termali jew mekkaniku jew bijoloġiku? Jista' wieħed jikkonkludi, mill-prinċipju ta' proporzjonalità, li l-perikli kkawżati mill-iskart li kien preċedentement trattat bi proċess mekkaniku biss jistgħu jiġu kkumpensati b'miżuri oħra ta' protezzjoni?
Dwar it-talba sabiex terġa' tinfetaħ il-proċedura orali
23. Permezz ta' att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta' Diċembru 2004, li wasal bil-posta fis-16 ta' Frar 2005, id-Deponiezweckverband talbet li terġa tinfetaħ il-proċedura orali sabiex jiġu meħuda in kunsiderazzjoni ċerti rapporti ta' esperti.
24. Skond il-paragrafu 62 tal-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, l-elementi neċessarji sabiex issir evalwazzjoni prudenti ma [ġewx] ipprovduti u, skond in-nota 35 ta' l-istess konklużjonijiet, [huwa] nieqes mill-fajl tar-rapporti tekniċi [...]. Madankollu, id-Deponiezweckverband issostni li l-fajl tal-proċedura nazzjonali fih ħames rapporti ta' esperti li fihom preċiżament l-informazzjoni meħtieġa mill-Avukat Ġenerali. Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali huwa neċessarju sabiex huwa jkun jista' jeħodhom in kunsiderazzjoni.
25. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista' ex officio jew fuq proposta ta' l-Avukat Ġenerali, jew fuq talba tal-partijiet, tordna li terġa' tinfetaħ il-proċedura orali, konformement ma' l-Artikolu 61 tar-Regoli ta' Proċedura, jekk tikkunsidra li mhijiex ċara biżżejjed jew li l-kawża għandha tinqata' fuq bażi ta' argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara s-sentenzi tad-19 ta' Frar 2002, Wouters e.a., Kawża C-309/99, Ġabra p. I-1577, paragrafu 42 u ta' l-14 ta' Diċembru 2004, Arnold André , Kawża C-434/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, paragrafu 27). Madankollu, f'din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tikkunsidra li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex twieġeb għall-mistoqsijiet magħmula. Konsegwentement, it-talba sabiex terġa tinfetah il-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.
Dwar il-mistoqsijiet għal deċiżjoni preliminari
26. Il-mistoqsijiet 1 u 2 a) għandhom jiġu kkunsidrati flimkien safejn dawn huma dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva fid-dawl ta' l-Artikolu 176 KE. Il-mistoqsijiet 2 a) u 2 b) ukoll għandhom jiġu kkunsidrati flimkien safejn dawn jikkonċernaw il-prinċipju komunitarju ta' proporzjonalità.
Rimarka Preliminari
27. Preliminarjament, għandu jingħad li fil-qasam ta' l-ambjent id-dritt komunitarju ma jistabbilixxix armonizzazzjoni kompluta. Għalkemm l-Artikolu 174 KE isemmi ċerti għanijiet komunitarji li għandhom jintlaħqu, l-Artikolu 176 KE jipprevedi għall-Istati Membri il-possibiltà li jadottaw miżuri ta' protezzjoni aktar iebsa (sentenza tat-22 ta' Ġunju 2000, Fornasar e.a., Kawża C-318/98, Ġabra p. I-4785, paragrafu 46). L-Artikolu 176 KE jissottometti tali miżuri unikament għall-kundizzjonijiet li huma jkunu kompatibbli mat-Trattat u li huma jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni.
28. Skond l-Artikolu 174 (2) KE, il-politika tal-Komunità fil-qasam ta' l-ambjent hija intiża li tikseb livell għoli ta' protezzjoni, filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni d-diversità tas-sitwazzjonijiet fir-reġjuni differenti tal-Komunità. Din hija bbażata fuq il-prinċipji ta' prekawzjoni u ta' azzjoni preventiva, fuq il-prinċipju li l-ħsara lill-ambjent għandha tissewwa f'ras il-għajn u fuq il-prinċipju li min iniġġeż għandu jħallas.
29. Id-Direttiva ġiet adottata fuq il-bażi ta' l-Artikolu 130 S (1) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 175 (1) KE) u għaldaqstant sabiex tilħaq l-għanijiet ta' l-Artikolu 174 KE.
30. Mid-disa' premessa u mill-Artikolu 1 (1) tad-Direttiva jirriżulta li din hija ntiża li ssegwi u tippreċiża l-għanijiet tad-Direttiva 75/442 billi tistabbilixxi miżuri intiżi sabiex kemm jista' jkun possibbli jimpedixxu jew inaqqsu l-effetti negattivi tar-rimi ta' skart f' landfill fuq l-ambjent.
31. Skond l-Artikolu 5 (1) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-istrateġiji nazzjonali sabiex inaqqsu l-kwantità ta' skart bijodegradabbli li jintrema' f' landfills . Taħt l-istess dispożizzjoni, dawn l-istrateġiji nazzjonali għandhom jinkludu miżuri intiżi sabiex jilħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 (2) tad-Direttiva. Din l-aħħar dispożizzjoni tgħid li l-imsemmija strateġiji nazzjonali għandhom jipprovdu li l-kwantità ta' l-iskart mormi f' landfill għandu jitnaqqas b'ċertu perċentaġġ qabel ċerti dati partikolari. Mill-formulazzjoni u l-għan ta' dawn id-dispożizzjonijiet, jirriżulta b'mod ċar li hija ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jadottaw miżuri aktar restrittivi.
32. Għaldaqstant jirriżulta li l-Artikolu 176 KE u d-Direttiva jipprovdu lill-Istati Membri bil-possibiltà li jadottaw miżuri ta' protezzjoni aktar iebsa mill-miżuri minimi stabbiliti fid-Direttiva [ara, f'dan is-sens, dwar id-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE, tat-12 ta' Diċembru 1991, fuq skart perikoluż (ĠU L 377, p. 20), sentenza Fornasar e.a. , hawn fuq imsemmija, paragrafu 46].
Dwar l-ewwel mistoqsija
33. Fl-ewwel mistoqsija, il-qorti tar-rinviju, fis-sustanza, tistaqsi jekk l-Artikolu 5 (1) u (2) tad-Direttiva, moqri fid-dawl ta' l-Artikolu 176 KE, jipprekludix miżuri nazzjonali milli jimponu kundizzjonijiet aktar restrittivi minn dawk tad-Direttiva dwar ir-rimi ta' skart f' landfill . Il-mistoqsija ssemmi erba' tipi ta' kundizzjonijiet previsti fil-liġi nazzjonali. Dawn għandhom jiġu eżaminati suċċessivament.
34. L-ewwel nett, l-Artikolu 5 (2) tad-Direttiva jipprovdi li, mhux aktar tard mill-2016, il-kwantità ta' skart muniċipali bijodegrabbli mormi f' landfill għandu jiġi mnaqqas progressivament għal 35% bl-użin tat-total ta' l-iskart prodott fl-1995. Meta mqabbel mad-Direttiva, ir-regolament ta' l-2001, b'mod partikolari l-Artikoli 3 (3) u 4(1) u l-Annessi 1 u 2 tiegħu, jistabbilixxi limiti aktar baxxi għall-kwantitajiet organiċi li jifdal fl-iskart li jistgħu jintremgħu f' landfill .
35. Sabiex jiddefinixxi l-limiti tal-valuri li huwa jimponi, dan ir-regolament juża, b'mod partikolari, il-kriterji ta' telf b'kombustjoni u ta' karbonju organiku totali (KOT), filwaqt li l-Artikolu 5 (2) tad-Direttiva juża l-kriterju ta' perċentaġġ bl-użin.
36. F'dan ir-rigward għandu jiġi rilevat li l-użu ta' metodu ta' kejl bħall-KOT jew it-telf b'kombustjoni m'għandux għan per se , bħal fil-każ ta' l-għanijiet ta' l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva, iżda huwa sempliċement mezz sabiex jintlaħqu tali għanijiet.
37. Peress illi l-Istati Membri għandhom l-għażla tal-mezzi li jistgħu jużaw sabiex jilħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 (2) tad-Direttiva, il-kriterji ta' kejl bħal dawk indikati fir-regolament ta' l-2001 huma konformi ma' dak li tipprovdi d-Direttiva.
38. Filwaqt li fir-rigward tal-limiti stabbiliti għall-kwantitajiet organiċi li jifdal fl-iskart li jistgħu jintremgħu f' landfill , huwa ċar li miżura nazzjonali bħal dik indikata fil-kawża prinċipali għandha l-istess għan bħad-Direttiva u, b'mod partikolari, it-tnaqqis tat-tniġġis ta' l-ilma u ta' l-arja meta jkun qed jitnaqqas ir-rimi ta' l-iskart bijodegradabbli f' landfills .
39. Sabiex jilħaq il-limiti stabbiti, ir-regolament ta' l-2001 jirrikjedi li l-iskart bijodegradabbli jiġi sottomess għal trattament qabel ma jintrema' f' landfill . Fil-każ ta' skart trattat bi proċess mekkaniku u bijoloġiku, dan it-trattament jinvolvi proċess bħal dak tat-tħin, ta' l-għażla ta' l-iskart, kompostazzjoni u tal-fermentazzjoni. Trattament termali huwa wżat għal skart ieħor, f'każ ta' ħruq.
40. Dawn il-forom kollha ta' trattament huma konformi mad-Direttiva. L-Artikolu 6 (a) ta' din id-Direttiva jimponi obbligu fuq l-Istati Membri li jieħdu miżuri sabiex l-iskart li huwa diġa trattat biss jintrema' f' landfill . It-trattament huwa definit fl-Artikolu 2 (h) tad-Direttiva bħala il-proċess fiżiku, termali, kimiku jew bijoloġiku, inkluża l-għażla, li tbiddel il-karatteristiċi ta' l-iskart sabiex jitnaqqas il-volum ta' natura perikoluża, jitħaffef il-maniġġar tiegħu jew jitkabbar l-irkuprar. Jirriżulta, b'mod partikolari li d-Direttiva tipprovdi għat-trattament termali ta' l-iskart b'mod illi tnaqqas in-natura perikoluża.
41. Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li l-limiti stabbiliti u l-kriterji li huma indikati f'miżura nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom l-istess għan ta' protezzjoni ta' l-ambjent bħad-Direttiva. Safejn tali liġi timponi kundizzjonijiet aktar restrittivi minn dawk ta' din id-Direttiva, hija tikkostitiwixxi miżura aktar iebsa skond l-Artikolu 176 KE.
42. It-tieni nett, l-Artikolu 5 (2) tad-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom inaqqsu l-kwantità ta' skart fi tliet stadji li jispiċċaw mhux aktar tard mill-2006, 2009 u 2016. Ir-regolament ta' l-2001 jimponi termini aktar qosra, jiġifieri l-aktar tard sal-31 ta' Mejju 2005.
43. L-użu ta' l-espressjoni mhux aktar tard fl-Artikolu 5 (2) u fl-Artikolu 18 tad-Direttiva jindika li l-Istati Membri jistgħu japplikaw termini aktar qosra, jekk huma jqisu li dan huwa neċessarju (ara, f'dan is-sens, dwar l-espressjoni mill-inqas, sentenza tat-22 ta' Ġunju 1993, Gallaher e.a. , Kawża C-11/92, Ġabra p. I-3545, paragrafu 20).
44. Jekk Stat Membru jagħżel, f'dan il-kuntest, li jistabbilixxi termini aktar qosra minn dawk tad-Direttiva, din hija miżura ta' protezzjoni aktar iebsa skond l-Artikolu 176 KE.
45. It-tielet nett, l-Artikolu 5 (1) u (2) tad-Direttiva jikkonċerna biss l-iskart bijodegradabbli. Min-naħa tiegħu, ir-regolament ta' l-2001 isemmi, mhux biss l-iskart bijodegradabbli, iżda ukoll l-iskart organiku li mhux bijodegradabbli.
46. Għalkemm l-Artikolu 5 tad-Direttiva jirrigwarda speċifikatament strateġija li l-għandha bħala għan it-tnaqqis ta' l-iskart bijodegradabbli mormi f' landfills , jidher li fit-totalità tagħha d-Direttiva tkopri l-iskart f'sens wiesgħa, kif definit fl-Artikolu 2 (a) tagħha.
47. Min-naħa, fl-Artikolu 1 (1) tagħha, id-Direttiva tistabbilixxi kundizzjonijiet tekniċi u operazzjonali restrittivi applikabbli għall-iskart u għal- landfills mingħajr restrizzjoni tat-tip ta' skart jew landfill . Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3 (1) ta' l-istess Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom japplikawha għal kull landfill , kunċett definit fl-Artikolu 2 (g) tagħha bħala sit ta' rifjut ta' skart [...] mingħajr ebda limitazzjoni f'dak li jikkonċerna t-tip ta' skart maħsub f'din id-dispożizzjoni.
48. Huwa f'dan il-kuntest li s-sitt paragrafu tal-punt 2 ta' l-Anness II tad-Direttiva jippreċiża li l-kriterji relattivi għall-ammissibilità ta' skart f' landfill jistgħu jinkludu limitazzjonijiet tal-kwantità ta' materja organika fl-iskart.
49. Minn dan jirriżulta li miżura nazzjonali, bħal dik imsemmija f'paragrafu 45 ta' din is-sentenza, li, bil-għan li tawtorizza r-rimi f' landfill , tkopri restrizzjonijiet, mhux biss għas-sustanzi bijodegradabbli, iżda għas-sustanzi kollha organiċi, għandha l-istess għan tad-Direttiva. Safejn tali miżura tkopri firxa ta' sustanzi akbar minn dik li hemm fl-Artikolu 5 tad-Direttiva, din tkun miżura ta' protezzjoni aktar iebsa skond l-Artikolu 176 KE.
50. Ir-raba' nett, l-Artikolu 5 (2) tad-Direttiva jirreferi għall-iskart muniċipali. Ir-regolament ta' l-2001 ma jirreferix biss għall-iskart muniċipali, iżda ukoll, skond l-Artikoli 2 (2) u 3 (3) tiegħu, għall-iskart li jista' jiġi mormi flimkien jew bħala skart muniċipali, b'mod partikolari, il-ħama li jirriżulta mit-trattament ta' l-ilma, l-iskart ta' siti tal-bini u l-iskart marbut mal-produzzjoni.
51. Jekk huwa minnu li l-Artikolu 5 (2) tad-Direttiva jirreferi biss għall-iskart muniċipali, l-istrateġija nazzjonali li għandha bħala għan it-tnaqqis ta' l-iskart bijodegradabbli mormi f' landfill , stabbilita f'paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, tinkorpora l-iskart kollu skond id-definizzjoni li hemm fl-Artikolu 2 (a) ta' din id-Direttiva. Bl-istess mod, l-obbligu impost fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 6 (a) tad-Direttiva li jieħdu miżuri sabiex l-iskart diġa trattat biss jiġi mormi f' landfill , japplika kemm għall-iskart muniċipali kif ukoll għall-iskart li mhuwiex muniċipali. Barra minn hekk, mill-Artikolu 1 (1) tad-Direttiva jirriżulta li fit-total tagħha din id-Direttiva tipprovdi għat-tnaqqis tar-rimi ta' l-iskart f' landfill , mingħajr distinzjoni bejn skart muniċipali u skart ieħor.
52. Għaldaqstant miżura nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi għat-tnaqqis tar-rimi ta' l-iskart f' landfill u li tapplika għal skart ieħor apparti skart muniċipali hija kompatibbli mad-Direttiva u tikkostitwixxi miżura ta' protezzjoni aktar iebsa skond l-Artikolu 176 KE.
53. Minn dak li ngħad preċedentement, għal kull wieħed mill-erba' każijiet eżaminati, il-miżura nazzjonali kkunsidrata hija konformi mad-Direttiva, moqrija fid-dawl ta' l-Artikolu 176 KE.
54. Barra minn hekk il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali miżuri, meħuda kollha flimkien, jistgħux ikunu kkunsidrati bħala kuntrarji għad-Direttiva.
55. Dwar din il-mistoqsija, għandu jingħad li, peress illi kull waħda mill-erba' miżuri nazzjonali kkunsidrati hija individwalment konformi mad-dritt komunitarju, kollettivament dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala kuntrarji għal dan l-istess dritt komunitarju. Dan huwa l-istess jekk il-limiti stabbiliti mill-miżura nazzjonali għall-ammissibilità ta' skart bijodegradabbli f' landfills ikunu tant imnaqqsa li jkunu jeħtieġu trattament bi proċess mekkaniku u bijoloġiku jew il-ħruq ta' tali skart qabel ma jiġi mormi f' landfill.
56. Konsegwentement it-tweġiba għall-ewwel mistoqsija għandha tkun li l-Artikolu 5 (1) u (2) tad-Direttiva ma jipprekludix miżuri nazzjonali milli:
- jistabbilixxu limiti għall-ammissibilità ta' skart bijodegradabbli f' landfill aktar baxxi minn dawk stabbiliti fid-Direttiva, anke jekk dawn il-limiti huma tant baxxi li jinvolvu trattament bi proċess mekkaniku u bijoloġiku jew il-ħruq ta' tali skart qabel ma jintrema' f' landfill ,
- jistabbilixxu termini aktar qosra mid-Direttiva sabiex inaqqsu l-kwantità ta' l-iskart mormi f' landfill ,
- japplikaw mhux biss għall-iskart bijodegradabbli, iżda ukoll għas-sustanzi organiċi li mhumiex bijodegradabbli, u
- japplikaw mhux biss għall-iskart muniċipali, iżda ukoll għall-iskart li jista' jintrema' bħala skart muniċipali.
Dwar it-tieni mistoqsija
57. Fit-tieni mistoqsija, il-qorti nazzjonali, fis-sustanza, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità tal-miżuri nazzjonali bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali mal-prinċipju komunitarju ta' proporzjonalità.
58. Sabiex tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija, għandu jingħad li, fil-kuntest tal-politika komunitarja dwar l-ambjent, safejn miżura nazzjonali għandha l-istess għanijiet bħal direttiva, il-fatt li wieħed imur lil hinn mill-kundizzjonijiet minimi stabbiliti f'din id-Direttiva huwa previst u awtorizzat mill-Artikolu 176 KE taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
59. L-Artikolu 176 KE jawtorizza lill-Istati Membri sabiex iżommu jew jadottaw miżuri ta' protezzjoni aktar iebsa taħt il-kundizzjoni li dawn ikunu kompatibbli mat-Trattat u li jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni.
60. Kif jirriżulta mit-tweġiba mogħtija għall-ewwel mistoqsija, miżuri nazzjonali, bħal dawk li dwarhom il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxu miżuri ta' protezzjoni aktar iebsa skond l-Artikolu 176 KE.
61. Mill-għan ta' l-Artikolu 176 KE jirriżulta li, meta jadottaw miżuri aktar restrittivi, l-Istati Membri jkunu dejjem qegħdin jeżerċitaw kompetenza rregolata mid-dritt komunitarju, peress illi, fi kwalunkwe każ, dawn għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattat. Madankollu, huwa f'idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw kemm għandha tkun wiesgħa l-protezzjoni li għandha tintlaħaq.
62. F'dan il-kuntest, safejn jirrigwarda l-assigurazzjoni ta' l-eżekuzzjoni tal-kundizzjonijiet minimi previsti fid-Direttiva, il-prinċipju komunitarju ta' proporzjonalità jirrikjedi li l-miżuri nazzjonali jkunu xierqa u neċessarji b'riferiment għall-għanijiet li għandhom jintlaħqu.
63. Għall-kuntrarju, u safejn ma jkunux involuti dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, dan il-prinċipju ma japplikax f'dak li għandu x'jaqsam mal-miżuri nazzjonali ta' protezzjoni aktar iebsa meħuda skond l-Artikolu 176 KE u li jmorru lil hinn mill-kundizzjonijiet minimi previsti fid-Direttiva.
64. Konsegwentement, it-tweġiba għat-tieni mistoqsija għandha tkun li l-prinċipju komunitarju ta' proporzjonalità ma japplikax f'dak li għandu x'jaqsam mal-miżuri nazzjonali ta' protezzjoni aktar iebsa meħuda skond l-Artikolu 176 KE u li jmorru lil hinn mill-kundizzjonijiet minimi previsti fid-Direttiva komunitarja fil-qasam ta' l-ambjent, safejn ma jkunux involuti dispożizzjonijiet oħra.
Dwar l-ispejjeż
65. Peress illi l-proċedura hija parti mill-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din ta' l-aħħar li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali. L-ispejjeż involuti sabiex jiġu ppreżentati xi sottomissjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, apparti dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jiġu mħallsa lura.
Parti operattiva
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tiddeċiedi li:
1) L-Artikolu 5 (1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KEE, tas-26 ta' April 1999, dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma [ landfill ] ma jipprekludix miżuri nazzjonali milli:
- jistabbilixxu limiti għall-ammissibilità ta' skart bijodegradabbli f' landfill aktar baxxi minn dawk stabbiliti fid-Direttiva, anke jekk dawn il-limiti huma tant baxxi li jinvolvu trattament bi proċess mekkaniku u bijoloġiku jew il-ħruq ta' tali skart qabel ma jintrema' f' landfill ,
- jistabbilixxu termini aktar qosra mid-Direttiva sabiex inaqqsu l-kwantità ta' l-iskart mormi f' landfill ,
- japplikaw mhux biss għall-iskart bijodegradabbli, iżda ukoll għas-sustanzi organiċi li mhumiex bijodegradabbli, u
- japplikaw mhux biss għall-iskart muniċipali, iżda ukoll għall-iskart li jista' jintrema' bħala skart muniċipali.
2) li l-prinċipju komunitarju ta' proporzjonalità ma japplikax f'dak li għandu x'jaqsam mal-miżuri nazzjonali ta' protezzjoni aktar iebsa meħuda skond l-Artikolu 176 KE u li jmorru lil hinn mill-kundizzjonijiet minimi previsti fid-Direttiva komunitarja fil-qasam ta' l-ambjent, safejn ma jkunux involuti dispożizzjonijiet oħra.
Full & Egal Universal Law Academy