SENTENZA TAL-QORTI tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla)
27 ta' Jannar 2005 (*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 75/439/KEE – Rimi ta' żejt użat – Priorità għall-ipproċessar permezz ta' riġenerazzjoni"
Fil-kawża C-15/03,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fl-14 ta' Jannar 2003,
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Grunwald u M. Konstantinidis, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
ir-Repubblika ta' l-Awstrija, irrappreżentata minn E. Riedl u M. Hauer kif ukoll E. Wolfslehner, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta
sostnuta minn:
ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn T. Pynnä, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
u mir-
Renju Unit tal-Gran Brittannja u l-Irlanda ta' fuq, irrappreżentata minn K. Manji, bħala aġent, assistit minn M. Demetriou, Barrister, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
partijiet intervenjenti
IL-QORTI TAL ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), C. Gulmann, G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A.Tizzano,
Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta' Settembre 2004
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta' Ottubru 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji fid-dritt u fil-fatt sabiex tagħti priorità lill-ipproċessar taż-żejt użat permezz tar-riġenerazzjoni meta l-kostrinġimenti ta' natura teknika, ekonomika jew organizzattiva jippermettu li dan isir, ir-Repubblika ta' l-Awstria naqset milli twettaq l-obbligi li għandha skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 1975 dwar ir-rimi ta' żejt użat (75/439/KEE) (ĠU L 194, p. 23), kif emendata mid-Direttiva 87/101/KEE tal-Kunsill, tat-22 ta' Diċembru 1986 (iktar 'il quddiem id-"Direttiva").
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni komunitarja
2 Id-Direttiva għandha bħala għan il-protezzjoni ta' l-ambjent mill-effetti ħżiena kkawżati mir-rimi u l-ipproċessar taż-żejt użat. L-Artikolu 3 tagħha jipprovdi li:
"1. Sa fejn kostrinġimenti tekniċi, ekonomiċi jew ta' organizzazzjoni jippermettu, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jagħtu prijorità lill-ipproċessar taż-żejt użat billi jerġgħu [jiġġenerawh].
2. Fejn żejt użat ma [jerġax jiġi riġenerat], skond ir-restrizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 aktar il fuq, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw li kull ħruq ta' żejt użat jsir taħt kondizzjonijiet ambjentali li huma aċċettabbli, skond id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, sakemm dak il-ħruq ikun teknikament, ekonomikament u organizzazzjonalment fattibbli.
3. Fejn żejt użat la [jista' jerġa' jiġi rriġenerat] u lanqas [maħruq], skond ir-restrizzjonijiet imsemmja f'paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw id-distruzzjoni bla periklu [tiegħu] jew il-ħażna kkontrollata [tiegħu] jew it-tipping."
3 Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva "terġa' tiġġenera" tfisser kif ġej:
"kull proċess li bih iż-żjut bażiċi jistgħu jiġu prodotti billi ż-żejt użat [jiġi raffinat], b' mod partikolari billi jitneħħa dak li jkun qiegħed [jikkontaminah], prodotti ta' ossidazzjoni u addittivi kkontenuti f'[dan iż-żejt]".
4 Skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva 87/101/KEE, l-Istati Membri kellhom, mill-1 ta' Jannar 1990, jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jissodisfaw l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 Il-Gvern Awstrijak innotifika lill-Kummissjoni l-istrumenti ġuridiċi segwenti li jikkonċernaw l-immaniġjar taż-żejt użat:
– ir-regolament dwar l-implimentazzjoni tal-liġi fuq iż-żejt użat (BGBl. 1987/383);
– il-liġi Federali tas-6 ta' Ġunju 1990 fuq l-immanniġjar ta' l-iskart (Abfallwirtschaftsgesetz, BGBl. 1990/325 iktar 'il quddiem "AWG");
– din il-liġi ġiet riformata, sabiex tistabbilixxi b'mod partikolari approċċ prioritarju, għar-riġenerazzjoni taż-żejt użat, permezz ta' liġi federali ġdida fuq l-immaniġjar ta' l-iskart, li daħlet fis-seħħ fit-2 ta' Novembru 2002 (BGBl. 2002/102, iktar 'il quddiem l-"AWG 2002").
6 It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1(2), ta' l-AWG jgħid kif ġej:
"L-iskart għandu jiġi wżat biex jiġu rkuprati sustanzi jew is-sħana meta dan huwa ta' vantaġġ fil-pjan ekoloġiku u huwa teknikament possibbli, meta l-ispejjeż żejda mhumiex sproporzjonati meta mqabbla ma' metodi oħra ta' pproċessar ta' l-iskart u meta jeżisti, jew wieħed jista' joħloq suq għas-sustanzi jew l-enerġija hekk miksuba (riċiklaġġ ta' l-iskart)."
7 It-tieni punt ta' l-Artikolu 2(5), ta' l-AWG jiddefinixxi t-terminu "riċiklaġġ" kif ġej:
"L-ipproċessar, għal finijiet ekoloġiċi, ta' l-iskart biex jintużaw il-proprjetajiet tal-prodott oriġinali, bl-iskop prinċipali li jiġi sostitwit l-iskart jew is-sustanzi li jinkisbu direttament minnu b'materja prima jew bi prodotti li jinkisbu mill-materja prima, b'eċċezzjoni ta' skart jew sustanzi miksuba mill-imsemmi skart li għandu jgħaddi minn riċiklaġġ termiku".
8 Fir-rigward taż-żejt użat l-ewwel punt ta' l-Artikolu 16 (3) 1 ta' l-AWG 2002 jgħid li:
"Iż-żejt użat huwa soġġett għal proċess ta' riċiklaġġ […] meta jkun teknikament posibbli li jiġi prodott żejt bażiku miż-żejt użat taħt kundizzjonijiet vijabbli (ekonomikament) għas-sid ta' l-iskart fid-dawl tal-kwantitajiet prodotti, il-mezzi ta' trasport u l-spejjeż ġenerati. Jekk iż-żejt użat jiġi soġġett għal proċess ta' riċiklaġġ, il-prodotti li għandhom bħala bażi żjut minerali, hekk miksuba ma jistgħux ikun fihom aktar minn 5 ppm ta' PCB/PCT [bifenili poliklorinati/terfenili poliklorinati] u mhux aktar minn 0.03% d’halogeni meta pparagunat mal-massa."
9 L-Artikolu 22 (1) ta' l-AWG jipprovdi li:
"Ir-riċiklaġġ taż-żejt użat hu awtorizzat biss meta jkun jikkonċerna riċiklaġġ ta' sustanzi (purifikazzjoni, trasformazzjoni) jew rkupru ta' enerġia".
Il-fatti tal-kawża u l-proċedura prekontenzjuza
10 Fis-17 ta' April 2001 il-Kummissjoni, indirizzat ittra ta' intimazzjoni lir-Repubblika ta' l-Awstrija, minħabba li l-awtoritajiet nazzjonali kienu naqsu milli jieħdu l-miżuri neċessarji biex jagħtu l-priorità lill-ipproċessar taż-żejt użat permezz tar-riġenerazzjoni meta l-kostrinġimenti ta' natura teknika ekonomika u organizzativa jippermettu li dan jsir.
11 Fit-tweġiba tagħha datata 22 ta' Ġunju 2001, ir-Repubblika ta' l-Awstrija infurmat lill-Kummissjoni li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 22(1) u 1(1), ta' l-AWG, meħuda fliemkien jssodissfaw waħda mill-għanjiet tad-Direttiva billi ikkonċeda priorità lir-riġenerazzjoni ta' l-iskart. F'din it-tweġiba ġie wkoll ippreċiżat li dan l-Istat Membru ma kellu ebda impjant ta' riġenerazzjoni ta' żejt użat minħabba li, billi l-produzzjoni annimali kienet ta' 45,000 tunnellata, b'kollox hija ma kinitx biżżejjed biex tagħmel dan l-impjant ekonomikament vijabbli peress li l-livell biex tkun ekonomikament vijabbli hu bejn 60,000 u 80,000 tunnellata fis-sena.
12 Il-Kummissjoni madankollu xorta kkunsidrat li d-dritt Awstrijak ma kienx jissodissfa l-eżiġenzi tad-dritt komunitarju. Permezz ta' l-ittra tal-21 ta' Diċembru 2001, indirizzata lir-Repubblika ta' l-Awstrija hija innotifikat opijoni motivata li fiha hi sostniet li l-awtoritajiet nazzjonali ma kienux ħadu l-miżuri nazzjonali neċessarji, fil-fatt u fid-dritt, biex jagħtu priorità lill-ipproċessar taż-żejt użat permezz tar-riġenerazzjoni, meta l-kostrinġimenti ta' natura teknika, ekonomika u organizzativa jippermettu li dan jsir, filwaqt li stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ma' din l-opinjoni fi żmien xahrejn minn meta ġie nnotifikat.
13 Ir-Repubblika ta' l-Awstrija wieġbet għal din l-opinjoni motivata, billi bagħtet permezz ta' l-ittri tat-18 u 22 ta' Marzu 2002 xi osservazzjonijiet fejn qalet li l-priorità mogħtija lir-riġenerazzjoni kienet ġiet stabbilita b'mod ċar fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet ta' l-AWG, fil-verzjoni emendata tagħha.
14 Il-Kummissjoni madankollu kkunsidrat li r-Reppubblika ta' l-Awstrija ma kinietx konformi ma' l-eżiġenzi ta' l-imsemmija opinjoni motivata. Hija għaldaqstant iddeċiediet li tippreżenta dan ir-rikors.
15 B'digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Ġunju 2003, ir-Repubblika tal-Finlndja kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' fuq, ġew ammessi li jintervjenu sabiex isostnu t-talbiet tar-Repubblika ta' l-Awstrija.
Fuq ir-rikors
Argumenti tal-partijiet
16 Il-Kummissjoni tfakkar li l-priorità li għandha tingħata mill-Istati Membri lill-proċedura tar riġenerazzjoni hija stabbilita mill-istess Direttiva minħabba li l-metodi l-oħra kollhata' rimi rimi jirriżultaw li huma ta' ħsara akbar lill-ambjent minn din il-proċedura.
17 L-Kummissjoni kkunsidrat li, la l- punt 2 ta' l-Artikolu 1(2) u lanqas l-Artikolu 22(1) ta' l-AWG ma jagħti l-priorità lir-riġenerazzjoni taż-żejt użat iżda li dawn id-dispożizzjonijiet jpoġġu fuq l-istess livell ir-riġenerazzjoni u l-irkupru ta' l-enerġija, jiġifieri li kombustjoni taż-żejt użat, jissopprimu b'dan il-mod l-ordni ta' priorità stabbilit bejn dawn iż-żewġ proċeduri.
18 Barra min hekk, skond il-Kummissjoni, lanqas il-punt 1 ta' l-Artikolu 16 (3), ta' l-AWG 2002 ma jagħti l-priorità lir-riġenerazzjoni taż-żejt użat. Għall-kuntrarju, din id-disposizzjoni tissoġġetta r-riġenerazzjoni għal żewġ kundizzjonijiet restrittivi, li mhumiex previsti bħala tali fid-Direttiva, jiġifieri min naħa waħda l-kriterju ta' l-aċċettabilità u min-naħa l-oħra l-istabbiliment ta' ċerti valuri ta' limitu (5 ppm ta' PCB/PCT u 0,03 % ta' aloġeni). Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet restrittivi ma jitgħux jagħtu l-priorità lir-riġenerazzjoni u lanqas li jippromwovuha.
19 Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-imsemmija kundizzjonijiet għandhom effett fuq ir-responsabbilità li jkun rispettat il-prinċipju ta' priorità fuq is-sid ta' l-iskart minflok li responsabbilità bħal din titpoġġa fuq l-awtoritajiet pubbliċi, kif mitlub mid-Direttiva.
20 Fir-rigward ta' l-argument li fl-Awstrija r-riġenerazzjoni mhijiex vijabbli minħabba l-kwantità żgħira ta' żejt użat li huwa ġġenerat fit-territorju ta' din ta' l-aħħar, il-Kummissjoni tenfasizza li d-Direttiva tapplika mhux biss għal dawk l-Istati Membri li jipproduċu ammonti kbar ta' żejt użat imma wkoll għall-Istati Membri l-oħra kollha. Barra minn hekk ma ġie invokat l-ebda argument konkret li juri li r-raġuni għaliex ir-riġenerazzjoni mhijiex vijabbli fl-Awstrija.
21 Il-Kummissjoni tikkonstata li l-mument li minnu r-riġenerazzjoni taż-żejt użat tista' tkun finanzjarjament vijabbli jiddependi fuq diversi fatturi ekonomiċi u li l-kapaċità ta' l-impjanti ta' riġenerazzjoni hija biss wieħed minn dawn il-fatturi. Barra min hekk, id-dikjarazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Awstrijaċi ma jippermettux li tintlaħaq il-konklużjoni li huma għamlu sforz biex joħolqu serje ta' kundizzjonijiet tajba sabiex impjant għar-riġenerazzjoni taż-żejt użat tkun vijabbli jew sabiex jagħmlu użu mill-kapaċità fir-rigward tar-riġenerazzjoni taż-żejt użat ta' Stati Membri oħra.
22 Il-Gvern Awstrijak hu ta' l-opinjoni li l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva ġie traspost, mid-dispożizzjonijiet differenti ta' l-AWG. B'mod partikolari, l-emendi ta' din il-liġi li daħlu fis-seħħ fl-2002, għamlu l-priorità minnha tibbenefika r-riġenerazzjoni taż-żejt użat aktar ċara. Fil-fatt, konformement mal-punt 1 ta' l-Artikolu 16 (3) ta' l-imsemmija liġi, dawn huma għaldaqstant soġġett għal "riċiklaġġ" jiġifieri għal riġenerazzjoni safejn proċedura bħal din hija teknikament possibbli u ekonomikament aċċettabbli.
23 L-imsemmi Gvern isostni li, skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, ir-riġenerazzjoni għandha biss isseħħ meta ma tkunx prekluża mill-kostrinġimenti ta' natura teknika, ekonomika jew organizzativa. Skond ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-kostrinġimenti għandhom interpretati b'mod mhux restrittiv u għandhom jkunu mifhuma bħala l-espressjoni tal-prinċipju ta' proporzjonalità.
24 Skond il-Gvern Awstrijak, la mid-Direttiva u lanqas mill-imsemmija ġurisprudenza, ma jirriżulta li l-imsemmija kostrinġimenti m'għandhomx ikunu marbuta mas-sitwazzjoni ta' min iżomm l-iskart. F'kull każ id-Direttiva, ma fiha ebda indikazzjoni li huma l-Istati Membri stess li għandhom jiġbru u jirriġeneraw iż-żejt użat, jew li huma biss l-Istati Membri li huma kkonċernati minn dawn il-limiti. F'din il-perspettiva, il-kunċett ta' "kostrinġimenti" skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttivaġie aċċertat, sabiex fid-dawl ta' l-effettività tiegħu fil-verzjoni emendata ta' l-AWG.
25 Fir-rigward ta' l-iffissar ta' ċerti valuri ta' limitu għaż-żejt ta' bażi prodott permezz tar-riġenerazzjoni, il-Gvern Awstrijak jinnota li hija l-istess Direttiva li tistabbilixxi tistipula dawn il-valuri għaż-żejt riġenerat. Barra minn hekk il-kundizzjonijiet mitluba biex jerġa jiġi użat iż-żejt bażiku li huwa rriġenerat, ħolqu l-bżonn li jiġu stabbiliti dawn il-limiti.
26 L-imsemmi Gvern isostni li, minħabba li l-kwantitajiet konċernati l-bini ta' impjant speċifiku għar-riġenerazzjoni taż-żejt użat li huwa rkuprat mingħand-terzi, mhuwiex vijabbli. Fil-fatt, il-vijabbilità tar-riġenerazzjoni ta' dan iż-żejt jiddependi fuq numru ta' fatturi ekonomiċi u l-obbligu li tingħata priorità lir-riġenerazzjoni taż-żejt użat ma jistax jestendi safejn l-Istat Membru jkun imġiegħel huwa stess jibni impjant li mhuwiex vijabbli biex jippermetti riġenerazzjoni fit-territorju nazzjonali jew li jobbliga lil min jżomm l-iskart li jipproċedi għar-riġenerazzjoni.
27 Il-Gvern Awstrijak jinnota li l-emendi ta' l-AWG kienu intiżi biex jiżguraw riforma tal-liġi f'dan il-qasam, liġi li l-iskop ta' applikazjonitagħha llum jkopri wkoll ir-riġenerazzjoni taż-żejt użat mill-intrapriżi u mhux aktar ir-riġenerazzjoni minn terzi biss. Il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti l-priorità lir-riġenerazzjoni taż-żejt użat huwa b'mod partikolari, ipprovat mill-fatt li dan iż-żjet jiġi esportat sabiex jiġi riġenerat kif ukoll minn numri ta' miżuri finanzjarji.
28 Fl-intervent tiegħu biex jsostni l-argumenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija il-Gvern Finlandiż josserva, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kontenzjużi jagħtu l-priorità lir-riġenerzzjoni. Barra min hekk, din il-priorità peress li hemm kundizzjoni ta' vijabbilità mil-lat tekniku ekonomiku jew organizzativ m'għandiex natura assoluta.
29 L-imsemmi Gvern isostni li l-Istati Membri m'għandhomx l-obbligu li joħolqu impjanti ta' riġenerazzjoni, peress li l-vijabbilità ta' dan il-proċess tiddependi fuq numru ta' fatturi, bħall-kwantià ta' żejt użat li jiġi prodott, id-distanzi ta' trasport, l-ispejjeż ta' produzzjoni kif ukoll il-prezz tas-suq. Fil-fatt, l-eżistenza ta' kundizzjonijet ekonomiċi li jippermettu r-riġenerazzjoni għandhom jiġu eżaminati każ b'każ, waqt li jittqiesu, globalment iċ-ċirkostanzi rilevanti fl-Istat Membru kkonċernat.
30 Il-Gvern tar-Renju Unit, li qiegħed jintervjeni wkoll biex isostni r-Repubblika ta' l-Awstrija, iqis li l-Artikolu 16(3) ta' l-AWG, jimplimenta b'mod korrett l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva. B'mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tpoġġi fuq min iżomm iż-żejt użat l-obbligu li jipproċessah permezz tar-riġenerazzjoni.
31 L-imsemmi Gvern josserva li l-AWG tapplika konkretament il-priċipju ta' proporzjonalità billi tobbliga lil min iżomm iż-żejt użat li jipproċessah permezz tar-riġenerazzjoni, sakemm dan mhuwiex teknikament impossibbli jew sakemm mhuwiex ekonomikament raġionevoli. Fil-fatt jkun leġittimu għall, Istati Membri li jeżigwixxu l-obbligi tagħhom li jirrizultaw minn direttiva bill, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jiġġustifikaw drittijiet u obbligi ta' l-individwi u l-intrapriżi.
32 Il-Gvern tar-Renju Unit jirrikonoxxi li l-Artikolu 3 (1) tad-Direttiva jeżiġi li l-Istati Membri jieħdu miżuri fil-livell makro ekonomiku sabiex jiżguraw il-priorità lir-riġenerazzjoni u jeliminaw l-ostakli kollha għaliha safejn dan huwa proporzjonat ma' l-iskop li jrid jintlaħaq. Il-priorità ta' dan l-obbligu madanakollu tvarja skond iċ-ċirkostanzi li hemm f'kull Stat Membru u l-forma konkreta ta' obbligu bħal dan tiddependi fuq in-natura tal-kostrinġimenti li jeżistu f'dan l-Istat.
33 Fl-aħħar nett l-istess Gvern jsostni li l-kwantità żgħira ta' żejt użat prodotta fl-Awstrija u l-fatt li ma jeżistix impjant ta' riġenerazzjoni f'dan l-Istat Membru huma elementi rilevanti li dan ta' l-aħħar għandu jqis sabiex jevalwa l-kostrinġimenti ekonomiċi li qed tilaqa' magħhom ir-riġenerazzjoni u l-portata ta' l-obbligu li hija għandha taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva.
Kunsidrazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
34 Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-riforma ta' l-AWG li jirrizulta mit-tieni liġi fuq l-immaniġġar ta' l-iskart, b'mod partikolari l-emendi lill-Artikolu 16 (3) tal-liġi msemmija, daħlet biss fis-seħħ fit-2 ta' Novembru 2002, jiġifieri wara li skada t-terminu ta' xahrejn stabbilit fl-opinjoni motivata biex jippermetti lir-Repubblika ta' l-Awstrija tikkonforma ma' l-obbligi tagħha.
35 Skond ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta' nuqqas għandu jiġi evalwat fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Istat Membru hekk kif kienet meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (ara, b'mod partikolari, sentenzi ta' l-4 ta' Lulju 2002 il-Kummissjoni vs il-Greċja, Ġabra p. I-6129, punt 7, u ta' l-10 ta' April 2003, il-Kummissjoni vs Franza, C‑114/02, Ġabra p. I‑3783, punt 9).
36 F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-argument tar-Repubblika ta' l-Awstrija, li l-priorità mogħtija lir-riġenerazzjoni taż-żejt użat kienet ġiet iċċarata fil-kuntest tar-riforma ta' l-AWG, ma jistax jiġi kkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja.
37 Fir-rigward tas-sitwazzjoni ġuridika li kienet teżisti qabel ir-riformi fl-AWG, li daħlet fis-seħħ fl-2002, hemm lok li jiġi kkonstata li, kif ġustament osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu applikabbli f'dan il-qasam qed jiġu applikati ma kienux jikkonstitwixxu kuntest ġuridiku adattat sabiex jiżgura l-priorità għar-riġenerazzjoni. Id-dispożizzjonijiet imsemmija kienu fil-fatt jawtorizzaw, l-eliminazzjoni taż-żejt użat jew permezz tar-riċiklaġġ jew inkella permezz ta' l-irkupru ta' l-enerġija, u b'dan il-mod kienu jikkunsidraw ir-riġenerazzjoni u l-kombusttjoni bl-istess mod, kuntrarjament għall-ordini ta' priorità stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva.
38 Fir-rigward ta' l-argumenti invokat mir-Repubblika ta' l-Awstrija li l-bini ta' impjanti ta' riġenerazzjoni fit-territorju ta' dan l-Istat Membru mhuwiex vijabbli u li, f'dawn iċ-ċirkostanzi u minħabba l-prinċipju ta' proporzjonalità, l-obbligi ta' l-Istati Membri kkonċernati għandhom jkunu adattati skond iċ-ċirkostanzi konkreti li jeżistu f'dawn l-Istati, għandu jiġi mfakkar, kif iddeċiediet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 35 u 43 tas-sentenza tagħha tad-9 ta' Settembru 1999 il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, Ġabra p.‑I‑5051), li wieħed mill-għanjiet prinċipali tad-Direttiva kien li tagħti priorità lit-trattament permezz ta' riġenerazzjoni taż-żejt użat. Għaldaqstant, li wieħed iqis is-sitwazzjoni teknika, ekonomika u organizzativa li teżisti fi Stat Membru hija neċessarjament toħloq kostrinġiment li jostakolaw l-adozzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, ikun jammonta għaċ-ċaħda ta' kull effett utili, ta' din id-dispożizzjoni minħabba li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri jkun limitat għaż-żamma ta' l-istatus quo, b'mod li ma jkunx hemm obbligu veru li jittieħdu l-miżuri neċessarji favur proċessar prioritarju taż-żejt użat permezz tar-riġenerazzjoni.
39 Barra minn dan, fir-rigward ta' din il-priorità, hemm lok li jiġi osservat li kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 38 u 39 tas-sentenza l-Kummissjoni vs il-Ġermanja, ċitata iktar 'il fuq, ir-referenza għall-"kostrinġimenti tekniċi ekonimiċi jew ta' organizzazjoni" imsemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tagħmel parti minn dispożizzjoni li tesprimi b'mod globali l-obbligu impost fuq l-Istati Membri u li, b'din l-indikazzjoni, il-leġislatur komunitarju ma kellux l-intenzjoni li jipprovdi għal eċċezzjonijiet limitati għal regola ta' applikazzjoni ġenerali, imma li jiddefinixxi l-kamp ta' l-applikazzjoni u l-kontenut ta' obbligu posittiv li jikkonsisti f'li jiżgura l-priorità għall-ipproċessar taż-żejt użat permezz tar-riġenerazzjoni.
40 Minn dan kollu li jippreċedi jirrizulta li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat.
41 Konsegwentement għandu jiġi kkonstatat li, billi naqset milli tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tagħti priorità lill-ipproċessar taż-żejt użat permezz tar-riġenerazzjoni, meta kostrinġimenti ta' natura ekonomika teknika u organizzattiva jippermettu li dan jsir , ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi li għandha skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva.
Dwar l-ispejjeż
42 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Reppubblika ta' l-Awstrija tkun ikkundannata tbati l-ispejjez u peress li din tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż. Skond l-Artikolu 69(4), ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju Unit għandhom jbatu l-ispejjeż tagħhom.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla ) taqta' u tiddeċiedi li:
1) Billi naqset milli tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tagħti priorità lill-ipproċessar taż-żejt użat permezz tar-riġenerazzjoni meta l-kostrinġimenti ta' natura teknika, ekonomika jew organizzazzattiva jippermettu li dan jsir, ir-Reppubblika ta' l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi li għandha skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 1975 dwar ir-rimi ta' żejt użat 75/439/KEE kif emendata mid-Direttiva 87/101/KEE tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 1986.
2) Ir-Repubblika ta' l-Awstrija hija kkundannata tbati l-ispejjeż.
3) Ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' fuq għandhom jbatu l-ispejjeż tagħhom.
Firem.
** Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy