SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
14 ta' Settembru 2004 (*)
"Politika ekonomika u monetarja – Regolament (KE) Nru 1103/97 – Introduzzjoni ta' l-Euro – Konverżjoni bejn l-unitajiet ta' munita nazzjonali u l-unità ta' l-Euro – Arrotondament ta' l-ammonti monetarji li għandhom jitħallsu jew li jrid isir kont tagħhom wara l-applikazzjoni tal-konverżjoni – Kuntratt konkluż fis-settur tat-telekomunikazzjoni – Kunċett ta' 'ammonti monetarji li għandhom jitħallsu jew li jrid isir kont tagħhom' – Sistema ta' tariffi għal kull minuta tal-komunikazzjonijiet telefoniċi"
Fil-kawża C-19/03,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,
imressqa mil-Landgericht München I (il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjoni tas-17 ta' Diċembru 2002, li ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta' Jannar 2003, fil-kawża:
Verbraucher-Zentrale Hamburg eV
vs
O2 (Germany) GmbH & Co. OHG
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C.W.A. Timmermans, A. Rosas, C. Gulmann, J.-P. Puissochet (Relatur) u J.N. Cunha Rodrigues, Presidenti ta' Awla, R. Schintgen, F. Macken, N. Colneric u S. von Bahr, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: M. Mugica Azarmendi, Amministratur Prinċipali
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta' Jannar 2004,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
- għal O2 (Germany) GmbH & Co. OHG, minn P. Neuweld, Rechtsanwalt,
- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn U. Wölker u P. Aalto, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta' Marzu 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1103/97 tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1997 dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni ta' l-Euro (ĠU L 162, p.1).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta' kawża bejn Verbraucher-Zentrale Hamburg eV (aktar 'il quddiem "Verbraucher-Zentrale") u O2 (Germany) GmbH & Co. OHG (aktar 'il quddiem "O2") u li tikkonċerna l-kundizzjonijiet li fihom O2 kkonvertiet f'Euro u arrotondat il-prezz għal kull minuta ta' telekomunikazzjonijiet telefoniċi, li, sa dak iż-żmien kien għadu espress f'marki Ġermaniżi fil-kuntratti tagħha.
Il-kuntest ġuridiku Komunitarju
3 Skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1103/97,
"[i]d-dħul ta’ l-Euro ma għandux ikollu l-effett li jibdel xi terminu ta’ strument legali jew li jwaqqa’ jew jiskuża xi operat li joħroġ minn xi strument legali, lanqas li jagħti lil xi parti d-dritt li jibdel jew itemm unilateralment dan l-istrument. Din id-disposizzjoni hija bla ħsara għal kull ħaġa li fuqha jista’ jkunu ftiehmu l-partijiet."
4 L-Artikolu 4 ta' l-istess Regolament jipprovdi li:
"1. Ir-rati tal-kambju għandhom jiġu adottati bħala Euro wieħed espress f’termini tal-munita nazzjonali ta’ l-Istati Membri parteċipanti. Għandhom jiġu [adottati] b’sitt ċifri sinifikanti
2. Ir-rati tal-kambju ma għandhomx ikunu arrotondati jew ikunu tronkati waqt li jkun qiegħed isir it-tibdil.
3. Ir-rati tal-kambju għandhom jintużaw fuq kull naħa l-unità ta’ l-Euro u l-unitajiet tal-munita nazzjonali Rati inversi li joħorġu mir-rati tal-kambju ma għandhomx jintużaw.
4. Ammonti monetarji li għandhom ikunu maqluba minn unità ta’ munita nazzjonali għal oħra għandhom l-ewwel jiġu maqluba f’ammont monetarju espress fl-unità ta’ l-Euro, liema ammont jista’ jkun arrotondat sa tliet ċifri deċimali u mbagħad jiġi konvertit fl-unità tal-munita nazzjonali l-oħra. L-ebda metodu alternattiv ma jista’ jintuża jekk ma jwassalx għall-istess riżultati."
5 L-Artikolu 5 ta' l-istess Regolament jipprovdi li:
"Ammonti monetarji li għandhom jitħallsu jew li jrid isir kont tagħhom meta jseħħ l-arrotondament wara konverżjoni fl-unità ta’ l-Euro kif jirriżulta mill-Artikolu 4 għandhom ikunu arrotondati ’il fuq jew ’l isfel sa l-eqreb ċenteżmu. Ammonti monetarji li jkunu jridu jitħallsu jew spjegati li jiġu konvertiti fl-unità ta’ munita nazzjonali għandhom jiġu arrotondati ’il fuq jew ’l isfel sa l-eqreb sub-unità jew fl-assenza ta’ sub-unità sa l-eqreb unità, jew bi qbil mal-liġijiet jew mal-prattiċi nazzjonali sa multilpu jew frazzjon tas-sub-unità ta’ l-unità tal-munita nazzjonali. Jekk l-applikazzjoni tar-rata tal-kambju tagħti riżultat li jkun eżattament nofs triq, is-somma għandha tkun arrotondata [lejn l-ogħla ċifra] ."
6 L-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 974/98 tal-Kunsill tat-3 ta' Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni ta' l-Euro (ĠU L 139, p.1), jipprovdi:
"Fejn fi strumenti legali li jkunu jeżistu fit-tmiem tal-perjodu transitorju issir riferenza għall-unitajiet tal-munita nazzjonali, dawn ir-riferenzi għandhom jitqiesu bħala riferenzi għall-unità ta’ l-Euro skond ir-rati ta’ konverżjoni rispettivi. Għandhom japplikaw ir-regoli ta’ l-[arrotondament] preskritti fir-Regolament (KE) Nru1103/97."
7 Skond l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 974/98, l-Artikolu 14, li għadu kemm ġie ċċitat, japplika, b'mod partikolari, "sa mit-tmiem tal-perjodu transitorju", liema perijodu huwa definit fl-Artikolu 1 ta' l-istess Regolament bħala "il-perjodu ta’ żmien li jibda fl-1 Jannar 1999 u jagħlaq fil-31 Diċembru 2001".
8 Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2866/98 tal-Kunsill tal-31 ta' Diċembru 1998 dwar ir-rati tal-kambju bejn l-Euro u l-muniti ta' l-Istati Membri li ħa jadottaw il-Euro (ĠU L 359, p.1), ir-rata tal-kambju ffissata b'mod irrevokabbli bejn l-Euro u l-mark Ġermaniż hija ta' Euro għal kull 1.95583 mark.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9 O2, li sa April 2002 kienet imsejħa VIAG INTERKOM GmbH & Co., hija stabbilita fi Munich (il-Ġermanja). Hija topera netwerk tat-telefon ċellulari. Il-kuntratti tagħha għall-użu ta' telefon ċellulari jistipulaw li t-tariffi tagħha huma bbażati fuq prezz għal kull minuta, li jvarja skond it-tariffa magħżula mill-klijent u li l-fattura tinħadem abbażi ta' perijodi ta' għaxar sekondi l-wieħed li matulhom jintuża t-telefon ċellulari.
10 Qabel ma kien introdott l-Euro, il-prezz għal kull minuta taħt it-tariffi differenti ta' l-02 kien indikat f'marki Ġermaniżi (DEM) permezz ta' żewġ numri deċimali, per eżempju 0.05 DEM fil-każ ta' waħda mit-tariffi (it-tariffa "Genion Home" applikata għat-telefonati magħmula wara d-disgħa ta' filgħaxija lejn linji tat-telefon fissi). Taħt din it-tariffa, perijodu ta' għaxar sekondi kien jiswa 0.00833 DEM waqt li telefonata ta' 10 minuti kienet tiswa 0.5 DEM.
11 Matul is-sajf 2001, O2 ikkonvertiet il-prezzijiet indikati f'DEM fil-kuntratti tagħha għal Euros. Billi applikat ir-rata tal-kambju ta' 1.95583 DEM għal kull Euro, kif stabbilita fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2866/98, il-prezz għal kull minuta taħt it-tariffa msemmija fil-punt 10 aktar 'il fuq, li kien jiġi ta' 0.02556 EUR - jekk wieħed iżomm biss l-ewwel ħames numri deċimali-, ġie arrotondat għall-eqreb ċenteżmu 'il fuq ta' l-Euro, jiġifieri għal 0.03 EUR.
12 Il-Verbraucher-Zentrale (l-istituzzjoni inkarigata biex tieħu azzjoni kontra ksur tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur) ikkalkolat li l-applikazzjoni tar-rata tal-kambju u l-arrotondament kienu wasslu għal żieda fil-prezz tat-telefonati taħt din it-tariffa biex b'hekk telefonata ta' għaxar minuti saret tiswa 0.3 EUR, jiġifieri 0.59 DEM minflok 0.5 DEM kif kienet qabel u b'hekk hija qieset li l-O2 kiser il-prinċipji tal-kontinwità tal-kuntratti u ta' l-ogħla livell ta' eżattezza fil-konverżjoni kif stabbiliti fir-Regolamenti Nri 1103/97 u 2866/98.
13 Permezz ta' rikors ta' l-20 ta' Frar 2002, ippreżentat quddiem il-Landgericht, il-Verbraucher-Zentrale sostniet li l-prezz għal kull minuta li jinsab fil-kuntratti ta' l-O2 ma kienx ammont monetarju li għandu jitħallas jew li jrid isir kont tiegħu fis-sens ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97. Skond il-Verbraucher-Zentrale, dan il-prezz jammonta biss għal ammont intermedjarju u għalhekk m'għandux ikun is-suġġett ta' operazzjoni ta' arrotondament. Il-konverżjoni u l-arrotondament ta' dan il-prezz kellhom konsegwenzi negattivi fuq il-konsumaturi minkejja li r-Regolament Nru 1103/97 kien maħsub speċifikament biex jipproteġi lil dawn ta' l-aħħar.
14 Mill-banda l-oħra, O2sostniet li l-prezz għal kull minuta kien jikkostitwixxi fl-istess ħin l-element determinanti fit-tqabbil bejn il-prezzijiet offruti mill-operaturi ta' netwerks ċellulari u, bħal kull prezz ieħor, ammont monetarju li għandu jitħallas mill-konsumaturi fis-sens ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97, kif ukoll ammont monetarju li jrid isir kont tiegħu, fis-sens ta' l-istess Artikolu. Prezz għal kull minuta magħmul minn aktar numri deċimali jmur kontra l-prinċipji ta' kjarezza u ta' verità tal-prezzijiet, kif stabbiliti fir-regolament nazzjonali fuq l-indikazzjoni tal-prezzijiet. Barra minn hekk, O2 indikat li l-prezzijiet għal kull minuta ta' telefonati li jaqgħu taħt tariffi oħra minbarra dik mogħtija bħala eżempju mill-Verbraucher-Zentrale, kienu raħsu minħabba l-operazzjonijiet ta' konverżjoni u arrotondament, b'tali mod li l-klijenti ta' O2, meta wieħed iqis kollox, ma marrux minn taħt minħabba l-kundizzjonijiet li fihom saret il-konverżjoni għall-Euro minn din il-kumpannija.
15 Skond il-Landgericht, il-protezzjoni tal-konsumaturi kienet għan tar-Regolament Nru 1103/97. Huwa rrileva li O2 ma kinitx marbuta mir-regolament nazzjonali fuq l-indikazzjoni tal-prezzijiet li tikkonverti f'Euro u tagħmel arrotondament tal-prezzijiet għal kull minuta tagħha u li indikazzjoni f'marki setgħat tissodisfa l-eżiġenzi ta' dan ir-regolament nazzjonali. Huwa enfasizza li jista' biss jingħad li hemm ksur ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97 jekk il-prezzijiet għal kull minuta li jinsabu fil-kuntratti ma jammontawx għal ammonti monetarji li għandhom jitħallsu jew li jrid isir kont tagħhom fis-sens ta' din id-dispożizzjoni u li, minn dan ir-Regolament, jirriżulta li l-ammonti monetarji li mhumiex ammonti li għandhom jitħallsu jew li jrid isir kont tagħhom ma jistgħux jiġu arrotondati.
16 Qabel kollox, il-Landgericht, filwaqt li bbaża ruħu fuq is-sinjifikat testwali ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97, ikkunsidra li l-prezz għal kull minuta kien biss bażi ta' kalkolu u għalhekk ma kien la l-ammont imħallas mill-klijent u lanqas dak ikkalkolat minn O2. Huwa kkunsidra li, permezz ta' din l-operazzjoni ta' konverżjoni u arrotondament, O2 kienet kisret l-impenn kuntrattwali tagħha li tforni servizzi telefoniċi bi prezz determinat għal kull minuta mentri l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1103/97 jipprovdi li l-introduzzjoni ta' l-Euro u l-konverżjonijiet relatati li ħa jkunu meħtieġa ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta' rispett ta' obbligi legali. Madankollu, huwa rrileva li, għall-konsumaturi, il-prezz għal kull minuta effettivament jirrappreżenta l-kriterju determinanti fit-tqabbil u għalhekk, fil-kuntest tal-bidla għall-Euro, ma kienx opportun li dan il-prezzi jibqa' jkun indikat fil-munita nazzjonali jew b'ammont illimitat ta' numri deċimali.
17 Minħabba li b'dan il-mod kien jidher li kien hemm kunflitt bejn l-interpretazzjoni testwali u l-interpretazzjoni teleoloġika tar-Regolament Nru 1103/97, il-Langericht München iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"1) L-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97 għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest ta' relazzjonijiet kuntrattwali fid-dritt privat, l-ammont finali fuq fattura jew ammont individwali indikat fil-fattura jkunu l-uniċi ammonti monetarji li jistgħu jew li għandhom ikunu arrotondati jew li l-prezz ta' unità/tariffa (f'dan il-każ, il-prezz għal kull minuta) li huwa wkoll stabbilit permezz ta' kuntratt, huwa ammont monetarju li għandu jitħallas jew li jrid isir kont tiegħu fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija? Huwa determinanti għad-deċiżjoni fuq il-kwistjoni li jkun magħruf jekk tariffa hijiex ammont monetarju li għandu jitħallas jew li għandu li jrid isir kont tiegħu fis-sens ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97 li din it-tariffa hija bbażata fuq multiplu determinat (f'dan il-każ, b'sitt numri) ta' l-unità meħuda bħala l-bażi (f'dan il-każ, perijodu ta' għaxar sekondi) għall-kalkolu ta' l-ammont finali tal-fattura jew li t-tariffa tirrappreżenta, mill-perspettiva tal-konsumatur, il-kriterju determinanti?
2) Ir-Regolament Nru 1103/97 (b'mod partikolari l-Artikolu 5) għandu jiġi interpretat li jinkludi leġiżlazzjoni eżawrjenti li, abbażi tagħha, ammonti monetarji minbarra dawk li għandhom jitħallsu jew li jrid isir kont tagħhom (kieku kellhom jeżistu ammonti monetarji bħal dawn) ma jistgħux ikunu arrotondati bil-mod deskritt fl-Artikolu 5 b'tali mod li għandhom jibqgħu jiġu indikati fil-munita nazzjonali preċedenti jew li r-riżultat tal-konverżjoni għandu jiġi indikat bi preċiżjoni?"
Fuq l-ewwel domanda
18 Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk tariffa, bħal ma huwa l-prezz għal kull minuta li abbażi tiegħu O2 toħroġ il-fatturi tat-telefon ċellulari lill-klijenti tagħha, tikkostitwix ammont monetarju li għandu jitħallas jew li jrid isir kont tiegħu, fis-sens ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97 jew jekk hux biss l-ammont finali li effettivament jidher fuq il-fattura tal-konsumatur li jista' jikkostitwixxi ammont monetarju f'dan is-sens.
Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja
19 O2 ssostni li hija applikat b'mod korrett ir-regola ta' arrotondament stabbilita fl-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97 u li, meta wieħed iqis kollox, il-klijenti tagħha ma marrux minn taħt minħabba l-għażla tagħha għaliex il-konverżjoni għall-Euro rriżultat, skond id-diversi prezzijiet għal kull minuta offerti minn O2, kemm f'żidiet kif ukoll fi tnaqqis fit-tariffi tagħha.
20 Skond O2, il-kawża prinċipali tirrigwarda biss il-possibbiltà li l-prezzijiet għal kull minuta jkunu kkonvertiti f'Euros u arrotondati u ma tirrigwardax il-metodi użati għall-arrotondament ta' dawn il-prezzijiet wara l-konverżjoni. Għaldaqstant, hija rilevanti biss l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1103/97 dwar il-possibbiltajiet ta' konverżjoni u arrotondament għaliex l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5 ta' l-istess Regolament tiffissa biss il-metodi ta' arrotondament ta' l-ammonti monetarji.
21 O2 ssostni li hija kkonformat ruħha mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1103/97. Hija la arrotondat u lanqas tronkat ir-rati tal-kambju meta hija għamlet il-konverżjoni u hija applikat ir-rata tal-kambju ffissata għall-konverżjoni tal-marki Ġermaniżi f'Euros. L-Artikolu 4(4) ta' l-istess Regolament ma japplikax f'din is-sitwazzjoni minħabba li ma saritx konverżjoni ta' ammont monetarju minn munita nazzjonali għal oħra.
22 La dawn l-Artikoli u lanqas xi dispożizzjoni oħra tad-dritt Komunitarju ma jillimitaw l-applikazzjoni tar-regola ta' arrotondament li tinstab fl-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97 għall-ammont totali li effettivament jidher fil-fattura li tinħareġ lill-konsumatur. B'mod partikolari, l-Artikolu 4 ta' l-istess Regolament ma jinkludi l-ebda regola li tipprojbixxi l-konverżjoni u l-arrotondament ta' ammont bħal ma hu prezz għal kull minuta li jammonta għall-ammont determinat miftiehem mal-konsumatur bħala unità li fuqha tinħadem il-fattura tat-telefonati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ammettiet li ż-żewġ metodi ta' konverżjoni, jiġifieri, l-ewwel metodu li jikkonsisti fil-konverżjoni ta' kull ammont intermedjarju u t-tieni metodu li jikkonsisti fil-konverżjoni ta' l-ammont finali biss, huma t-tnejn kompatibbli mar-regoli ta' arrotondament definiti fir-Regolamenti dwar l-Euro.
23 Fl-aħħar nett, O2 issostni li l-prezz għal kull minuta huwa l-ammont monetarju li għandu jitħallas miftiehem mal-konsumatur u għalhekk effettivament jikkorrispondi ma' "ammont monetarju li għandu jitħallas" fis-sens ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97 li għalih tapplika r-regola ta' arrotondament. F'kull każ, dan il-prezz, li hu l-bażi li fuqu tinħadem il-fattura tat-telefonati, għandu jitqies bħala "ammont monetarju li jrid isir kont tiegħu" fis-sens ta' l-istess dispożizzjoni. Biex tkun eżaminata d-domanda preliminari, mhux importanti li jkun magħruf jekk tariffa bħal ma hu l-prezz għal kull minuta, hijiex ibbażata fuq multiplu determinat ta' l-unità meħuda bħala l-bażi tal-kalkolu ta' l-ammont finali tal-fattura jew jekk it-tariffa tammontax, mill-perspettiva tal-konsumatur, għal punt ta' referenza deċiżiv.
24 Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-Regolament Nru 1103/97 ma jagħtix definizzjoni ta' l-ammonti monetarji "li għandhom jitħallsu jew li jrid isir kont tagħhom". Mill-ħdax-il premessa, li tipprovdi li d-dħul ta' l-Euro "jeħtieġ" l-arrotondament ta' l-ammonti monetarji, jirriżulta li r-regoli ta' arrotondament għandhom japplikaw biss għal dawk l-elementi li huma indispensabbli għall-konverżjoni għall-Euro.
25 Minħabba li l-iżgħar subunità ta' l-Euro hija ċ-ċenteżmu, l-ammonti kollha li, minħabba raġunijiet prattiċi, ma għandhomx ikunu iżgħar din l-iżgħar subunità għandhom jitqiesu bħala ammonti li għandhom jitħallsu jew li jrid isir kont tagħhom u, għaldaqstant, għandhom ikunu arrotondati għall-eqreb ċenteżmu. Dan japplika, per eżempju, għal djun ta' flus jew ammonti msemmija fid-dikjarazzjonijiet ta' kontijiet jew fil-bilanċi.
26 Min-naħa l-oħra, ammont, bħal ma huwa l-prezz għal kull minuta in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li jservi biss biex ikunu kkalkolati ammonti bħal dawn u li, fir-rigward tiegħu, livell aktar ogħli ta' eżattezza ma kien iwassal għal ebda problema prattika, ikollu jitqies bħala ammont intermedjarju, li m'għandux jiġi arrotondat skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97. Il-fatt li, għall-konsumaturi, il-prezz għal kull minuta jikkostitwixxi l-kriterju determinanti fit-tqabbil mhuwiex rilevanti għal din l-analiżi. Barra minn hekk, ċerti operaturi kompetituri ta' O2 arrotondaw il-prezz għal kull minuta tagħhom, fil-konverżjoni f'Euro sar-raba' deċimali u mhux sa l-eqreb ċenteżmu.
27 Għaldaqstant, l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tirregolax ammonti bħal ma huma l-prezzijiet għal kull minuta indikati fil-kuntratti ta' O2.
Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
28 Ir-Regolament Nru 1103/97 ma jagħti ebda definizzjoni tal-kunċett ta' "ammonti monetarji li għandhom jitħallsu jew li jrid isir kont tagħhom" li jinsab fl-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5 tiegħu.
29 Għalkemm it-test ta' din id-dispożizzjoni jimplika b'mod ċar li dan il-kunċett jinkludi kemm ammonti li jwasslu għal ħlas mill-konsumatur, jiġifieri d-djun kollha fi flus, u kemm ammonti indikati f'kotba ta' kontijiet jew f'bilanċi ta' kontijiet, huwa ma jippermettix li wieħed jiddetermina, immedjatament, jekk dan il-kunċett ikoprix ukoll ammonti monetarji, bħal ma huma l-prezzijiet ta' minuta applikati minn O2, li jintużaw bħala bażi għall-kalkolu tal-prezz li għandu jitħallas mill-konsumatur.
30 Minħabba li t-test tar-Regolament Nru 1103/97 ma jagħti indikazzjoni oħra, għandha ssir referenza għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament.
31 Mill-motivi u d-dispożizzjonijiet kollha ta' dan ir-Regolament jirriżulta dan ir-Regolament huwa intiż sabiex jassigura li l-konverżjoni għall-munita unika sseħħ mingħajr ma tolqot l-impenji li kienu diġà assunti miċ-ċittadini u mill-impriżi. F'dan il-kuntest, ir-raba' premessa tgħid li "[...] iċ-ċertezza fi stadju bikri tagħti lok li t-tħejjijiet miċ-ċittadini u l-azjendi jipproċedu f’kundizzjonijiet tajba". Skond is-seba' premessa, huwa rikonoxxut "[...] bħala prinċipju tal-liġi li l-kontinwità tal-kuntratti u ta’ l-istrumenti legali l-oħrajn ma tiġix affettwata bid-dħul ta’ munita ġdida". L-istess premessa tispeċifika li l-għan tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1103/97 dwar il-kontinwità tal-kuntratti huwa "li jipprovdu ċertezza legali u trasparenza lill-aġenti ekonomiċi, partikolarment lill-konsumaturi […]". L-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1103/97 tipprovdi li "[i]d-dħul ta’ l-Euro ma għandux ikollu l-effett li jibdel xi terminu ta’ strument legali jew li jwaqqa’ jew jiskuża xi operat li joħroġ minn xi strument legali, lanqas li jagħti lil xi parti d-dritt li jibdel jew itemm unilateralment dan l-istrument".
32 L-istabbiliment ta' regoli dwar l-operazzjonijiet ta' konverżjoni jagħmlu parti minn dan l-għan li l-konverżjoni għall-Euro tkun newtrali. Fil-fatt, il-kisba ta' l-ogħla livell ta' newtralità possibbli ta' dawn l-operazzjonijiet tippresupponi, kif tindika t-tnax-il premessa ta' l-istess Regolament, li jkun assigurat "livell għoli ta' eżattezza fl-operati tal-kambju". L- Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1103/97 b'hekk tipprovdi li r-rati tal-kambju "għandhom jiġu [adottati] b'sitt ċifri sinifikanti". L-istess Artikolu jippreċiża, fit-tieni paragrafu tiegħu, li "[i]r-rati tal-kambju ma għandhomx ikunu arrotondati jew ikunu tronkati waqt li jkun qiegħed isir it-tibdil" u, fit-tielet paragrafu tiegħu, li "[r]ati inversi li joħorġu mir-rati tal-kambju ma għandhomx jintużaw", liema projbizzjoni, skond l-għaxar premessa tar-Regolament Nru 1103/97, hija maħsuba biex tevita "nuqqasijiet sinifikanti fl-eżattezza, l-iktar jekk ikunu involuti somom kbar".
33 Minħabba l-istess għan, jiġifieri li l-konverżjoni għall-Euro tkun newtrali, ir-Regolament Nru 1103/97 jipprovdi, fil-ħdax-il premessa tiegħu, li r-regoli dwar l-arrotondament ta' l-ammonti monetarji "ma jaffettwawx il-prattika ta' l-arrotondament, konvenzjonijiet jew disposizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu livell ogħla ta' eżattezza għal kalkoli intermedjarji".
34 Minn dan l-eżami ta' l-għanijiet tar-Regolament Nru 1103/97 u, b'mod partikolari, mir-referenza magħmula mill-ħdax-il premessa tiegħu għal regoli nazzjonali dwar arrotondament ta' ammonti monetarji, jirriżulta li dan ir-Regolament jistabbilixxi biss regoli minimi dwar l-arrotondament ta' ċerti ammonti u jħalli f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali biex iżommu jew jadottaw regoli sabiex ikun jista' jintlaħaq aħjar l-għan li l-konverżjoni għal munita waħda tkun newtrali. It-test innifsu ta' din il-ħdax-il premessa jindika li l-metodi ta' arrotondament ta' ammonti monetarji li jinsabu fir-Regolament Nru 1103/97 mhumiex maħsuba biex jirregolaw b'mod eżawrjenti l-kalkoli intermedjarji li jaffetwaw dawn l-ammonti.
35 Jekk tkun interpretata fis-sens li tkopri kull tip ta' ammont monetarju, inklużi dawk li la jwasslu għal ħlas u lanqas għal notament f'kotba ta' kontijiet, l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97 timponi r-rispett ta' regola ta' arrotondament li mhux dejjem tikkorrispondi għal-livell ta' eżattezza mitlub mill-għan li l-introduzzjoni ta' l-Euro tkun newtrali u li, għaldaqstant, tista' tippreġudika r-regoli aktar eżatti li jeżistu fuq livell nazzjonali.
36 Għaldaqstant, l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97 ma għandhiex tingħata interpretazzjoni wiesgħa. Kif osservat ġustament il-Kummissjoni, din is-sentenza tista' tkopri biss l-ammonti monetarji msemmija fil-punt 29 ta' din is-sentenza li, fir-rigward tagħhom, raġunijiet prattiċi, kemm jekk inhuma kummerċjali, finanzjarji jew marbutin maż-żamma tal-kotba, mhux biss jiġġustifikaw iżda wkoll jimponu arrotondament sal-eqreb ċenteżmu.
37 Fil-fatt, meta wieħed iqis li l-iżgħar subunità monetarja ta' l-Euro hija ċ-ċenteżmu, il-prezz effettivament imħallas mill-konsumatur, meta dan iħallas fi flus kontanti, jista' jkun indikat biss sal-eqreb ċenteżmu. Bl-istess mod, minħabba li l-fatturi jkunu arrotondati għall-eqreb ċenteżmu, il-kotba ta' kontijiet u l-bilanċi ta' kontijiet marbutin ma' dawn il-fatturi jistgħu jkunu biss ippreżentati bil-livell identiku ta' eżattezza.
38 Huwa veru li l-iżvilupp ta' metodi ta' ħlas elettroniċi, bħal ma huma l-kards u t-trasferimenti bankarji, seta' ppermetta livell ta' eżattezza aktar ogħli minn din is-subunità. Madankollu, raġunijiet prattiċi ovvji kienu jipprekludu li rekwiżiti bħal dawn, li, f'kull każ, ma setgħux jiġu rrispettati fil-każ ta' ħlasijiet magħmula bi flus kontanti, ikunu impost fuq iċ-ċittadini u fuq l-impriżi.
39 Konxju li l-arrotondament ta' ammonti monetarji għall-eqreb ċenteżmu kien ħa jwassal, inevitabbilment, għal ineżattezzi, il-leġiżlatur Komunitarju b'hekk pprovda biss li l-arrotondament għandu jsir fir-rigward ta' ammonti monetarji li jwasslu għal ħlas jew notament f'kotba ta' kontijiet, u ppreċiża, fl-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97, li "[j]ekk l-applikazzjoni tar-rata tal-kambju tagħti riżultat li jkun eżattament nofs triq, is-somma għandha tkun arrotondata [lejn l-ogħla ċifra]".
40 F'dak li jirrigwarda tariffa, bħal ma hu l-prezz għal kull minuta in kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ebda raġuni prattika ma timponi li l-ammont tagħha għandu jkun arrotondat għal żewġ numri deċimali f'kull każ. Fil-fatt, kif tixhed il-prassi ta' numru ta' operaturi ekonomiċi, huwa possibbli li t-tariffa għal prodotti u servizzi bbażata fuq unità tiġi ppreżentata b'livell aktar ogħli ta' eżattezza. Fuq kollox, ammont bħal dan mhuwiex effettivament imniżżel fil-fattura li tintbagħat lill-konsumatur u li l-konsumatur iħallas u lanqas ma jitniżżel, bħala tali, f'xi kotba ta' kontijiet jew f'xi bilanċ ta' kontijiet. F'dawn iċ-ċirkustanzi, din it-tariffa ma tammontax għal ammont monetarju li għandu jitħallas jew li jrid isir kont tiegħu fis-sens ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97. Għaldaqstant, hija ma għandhiex tkun arrotondata, fil-każijiet kollha, għall-eqreb ċenteżmu.
41 Il-fatt li din it-tariffa hija l-element determinanti tal-prezzijiet ta' prodotti jew ta' servizzi offerti lill-konsumatur huwa irrilevanti għal dik il-konklużjoni. Fil-fatt, l-indikazzjoni ta' tariffa b'livell ta' eżattezza limitat għal żewġ deċimali mhuwiex neċessarjament l-aħjar mod kif wieħed jassigura li l-konsumatur jirċievi informazzjoni kompleta.
42 Lanqas il-fatt li din it-tariffa hija bbażata fuq multiplu determinat (b'sitt numri) ta' l-unità meħuda bħala bażi (perijodu ta' għaxar sekondi) għall-kalkolu ta' l-ammont finali tal-fattura ma huwa rilevanti għar-risposta għad-domanda preliminari. Minħabba li t-tariffa mhijiex l-ammont effettivament imħallas mill-konsumatur, hija mhijiex ammont monetarju li għandu jitħallas jew li jrid isir kont tiegħu fis-sens tar-Regolament Nru 1103/97, irrispettivament mill-istruttura tagħha jew mill-metodu kif tiġi kkalkolata.
43 Għaldaqstant, it-tweġiba għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li tariffa, bħal ma hu l-prezz għal kull minuta in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tammontax għal ammont monetarju li għandu jitħallas jew li jrid isir kont tiegħu fis-sens ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97 u għaldaqstant ma għandhiex tkun arrotondata, fil-każijiet kollha, għall-eqreb ċenteżmu. Il-fatt li din it-tariffa hija bbażata fuq multiplu determinat ta' l-unità meħuda bħala bażi għall-kalkolu ta' l-ammont finali tal-fattura jew li tirrappreżenta, għall-konsumatur, kriterju determinanti rigward il-prezzi tal-prodotti jew is-servizzi, mhuwiex rilevanti għal din l-evalwazzjoni.
Fuq it-tieni domanda
44 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 1103/97, b'mod partikolari l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5 tiegħu, għandux ikun interpretat fis-sens li jipprekludi l-arrotondament għall-eqreb ċenteżmu ta' ammonti oħra minbarra dawk li għandhom jitħallsu jew li jrid isir kont tagħhom.
Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja
45 O2 ssostni li l-ammonti monetarji kollha jikkostitwixxu ammonti li għandhom jitħallsu jew li jrid isir kont tagħhom u li huma jistgħu jkunu s-suġġett ta' operazzjonijiet ta' konverżjoni u anki, għaldaqstant, ta' arrotondament skond il-metodi definiti fl-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97. Jekk xi ammonti monetarji ma kienu la ammonti li għandhom jitħallsu u lanqas ammonti li jrid isir kont tagħhom, huma ma jaqgħu barra mill-iskop tar-regoli ta' arrotondament stabbiliti fir-Regolament u jkollhom jibqgħu jkunu espressi fil-munita nazzjonali preċedenti jew permezz ta' indikazzjoni eżatta tar-riżultat tal-konverżjoni, fatt li ma jkunx kompatibbli ma' l-għan ta' konverżjoni rapida għall-Euro.
46 Alternattivament, O2 targumenta li, jekk il-prezz għal kull minuta ma jitqiesx bħala ammont li għandu jitħallas jew li jrid isir kont tiegħu fis-sens ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97, din id-dispożizzjoni għandha tkun interpretata fis-sens li ma tipprekludix li ammonti oħra, bħal ma hu l-prezz għal kull minuta in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ikunu jistgħu jiġu arrotondati għall-eqreb ċenteżmu.
47 Il-Kummissjoni tqis li wieħed ma jistax jasal għal projbizzjoni formali ta' l-arrotondament ta' ammonti monetarji oħra min-nuqqas li jissemmew ammonti oħra fl-imsemmija dispożizzjoni peress li projbizzjoni bħal din kienet tirrikjedi referenza espliċita, minkejja li dan ir-Regolament huwa bbażat fuq il-prinċipju li l-konverżjoni għandha ssir bl-ogħla livell ta' eżattezza possibbli. Għaldaqstant l-Artikolu 5 jirregola biss l-arrotondament ta' l-ammonti msemmija fih billi jistabbilixxi livell minimu ta' eżattezza u billi ma jipprekludix li d-dritt nazzjonali jimmira, fir-rigward ta' ammonti oħra, għal livell ta' eżattezza aktar ogħli, b'mod partikolari minn kalkoli intermedjarji.
Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
48 Kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97 tistabbilixxi regola ta' arrotondament li tapplika biss għall-ammonti monetarji li hija ssemmi. Id-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan ir-Regolament ma jipprovdu l-ebda regola ta' arrotondament għal ammonti monetarji oħra, bħal ma huma t-tariffi abbażi ta' unità li japplikaw għal prodotti jew servizzi jew l-ammonti intermedjarji li jippermettu li jkunu kkalkolati l-ammonti monetarji li għandhom jitħallsu jew li jrid isir kont tagħhom. Minħabba, b'mod partikolari, id-differenzi li jeżistu fil-valur ta' l-unitajiet monetarji preċedenti ta' l-Istati Membri, ir-Regolament Nru 1103/97 ma setax fil-fatt jistabbilixxi, b'mod uniformi għall-Istati Membri kollha li adottaw l-Euro, liema livell ta' eżattezza jkun meħtieġ għall-operazzjonijiet ta' arrotondament li jolqtu dawn it-tariffi jew ammonti intermedjarji.
49 Madankollu, il-fatt li r-Regolament Nru 1103/97 nnifsu ma jistabbilixxix il-livell ta' eżattezza ta' l-operazzjonijiet ta' arrotondament li jikkonċernaw ammonti monetarji oħra, la jfisser li dawn l-operazzjonijiet ma jaqgħux taħt il-prinċipju ġenerali tal-kontinwità tal-kuntratti kif espress fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament u lanqas li dawn l-operazzjonijiet jistgħu jinjoraw l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li l-konverżjoni għall-Euro tkun newtrali.
50 Minn naħa, ir-regola ta' arrotondament għall-eqreb ċenteżmu stabbilita fl-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97 u r-regola supplementari, stabbilita fl-aħħar sentenza ta' l-istess Artikolu, li ċerti ammonti monetarji għandhom ikunu arrotondati lejn l-ogħla ċenteżmu, huma biss imposti fuq operaturi ekonomiċi minħabba ħtiġijiet prattiċi.
51 L-effett ta' dawn iż-żewġ regoli meħudin flimkien iwassal għal ineżattezza relattiva fir-riżultat tal-konverżjoni f'Euro tal-valur tal-prodotti u tas-servizzi, ineżattezza li tista' twassal sabiex timmodifika prezzijiet stabbiliti permezz ta' kuntratt b'mod mhux negliġibbli u, b'hekk, twassal għal ksur tar-rekwiżiti ta' kontinwità tal-kuntratti u tal-konverżjonii newtrali għall-Euro. Dan ifisser li fir-rigward ta' ammonti monetarji li mhumiex imsemmija fl-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1103/97, arrotondament limitat għal żewġ deċimali, anki jekk wieħed jassumi li prassi ta' arrotondament bħal din mhijiex projbita minn dispożizzjonijiet nazzjonali, ma jistax jissodisfa dejjem il-ħtieġa ta' eżattezza imposta minn dawn ir-rekwiżiti.
52 Min-naħa l-oħra, mill-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 1103/97, li tgħid li r-regoli ta' arrotondament stabbiliti f'dan ir-Regolament "ma jaffettwawx il-prattika ta' l-arrotondament, konvenzjonijiet jew disposizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu livell ogħla ta' eżattezza għal kalkoli intermedjarji", jirriżulta li l-awturi tar-Regolament ma awtorizzawx lill-awtoritajiet nazzjonali li jidderogaw mir-rekwiżiti ta' kontinwità u ta' newtralità meta jistabbilixxu l-metodi ta' arrotondament applikabbli għat-tariffi jew għall-ammonti intermedjarji.
53 Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, għalkemm ir-Regolament Nru 1103/97 ma jipprekludix b'mod ġenerali li ammonti monetarji li mhumiex imsemmija fl-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5 tiegħu jkunu arrotondati għall-eqreb ċenteżmu, dan il-metodu ta' arrotondament xorta ma jistax jolqot l-impenji kuntrattwali assunti minn aġenti ekonomiċi, inklużi l-konsumaturi u ma jistax ikollu impatt veru fuq il-prezzijiet li għandhom effettivament jitħallsu.
54 Għalhekk, meta l-prezz li għandu jitħallas jirriżulta mill-kunsiderazzjoni ta' numru kbir ta' kalkoli intermedjarji, l-arrotondament għall-eqreb ċenteżmu tat-tariffa ta' unità ta' dawn il-prodotti u servizzi jew ta' kull wieħed mill-ammonti intermedjarji li jidhru fil-fattura, jista' jkollu impatt veru fuq il-prezz effettivament imħallas mill-konsumaturi. Jekk bidla bħal din fil-prezz ma kinitx ġiet miftiehma qabel mill-partijiet fil-kuntratt ikkonċernat, din tmur kontra l-prinċipju ta' kontinwità tal-kuntratti u l-għan tar-Regolament Nru 1103/97 li l-konverżjoni għall-Euro tkun newtrali.
55 Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fil-kawża li għandha quddiemha, jekk l-applikazzjoni tar-regola ta' arrotondament għall-eqreb ċenteżmu kellhiex impatt veru fuq l-ammont li l-konsumaturi għandhom iħallsu u jekk l-applikazzjoni ta' din ir-regola kellhiex impatt negattiv fuq l-impenji kuntrattwali assunti mill-partijiet.
56 Il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tivverifika jekk id-deċiżjoni ta' O2 li tarrotonda t-tariffi għal kull minuta kollha tagħha għall-eqreb ċenteżmu kellhiex impatt veru fuq il-prezzijiet u jekk din tammontax għal ksur ta' l-impenji kuntrattwali li hija kellha fir-rigward tal-klijenti tagħha.
57 Għaldaqstant, it-tweġiba għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li r-Regolament Nru 1103/97 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-arrotondament għall-eqreb ċenteżmu ta' ammonti li ma jkunux ammonti li għandhom jitħallsu jew li jrid isir kont tagħhom, sakemm din il-prassi ta' arrotondament tirrispetta l-prinċipju ta' kontinwità tal-kuntratti garantit mill-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament u l-għan ta' l-istess Regolament li l-konverżjoni għall-Euro tkun newtrali, jiġifieri li din il-prassi ta' arrotondament jkollhiex effett fuq l-impenji kuntrattwali assunti mill-aġenti ekonomiċi, inklużi l-konsumaturi, u li hija ma jkollhiex impatt veru fuq il-prezz li għandu effettivament jitħallas.
Fuq l-ispejjeż
58 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, minbarra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta' u tiddeċiedi li:
1) Tariffa, bħal ma hu l-prezz għal kull minuta in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tammontax għal ammont monetarju li għandu jitħallas jew li jrid isir kont tiegħu fis-sens ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1103/97 tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1997 dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni ta' l-Euro, u għaldaqstant ma għandhiex tkun arrotondata, fil-każijiet kollha, għall-eqreb ċenteżmu. Il-fatt li din it-tariffa hija bbażata fuq multiplu determinat ta' l-unità meħuda bħala bażi għall-kalkolu ta' l-ammont finali tal-fattura jew li tirrappreżenta, għall-konsumatur, kriterju determinanti rigward il-prezz tal-prodotti jew is-servizzi, mhuwiex rilevanti għal din l-evalwazzjoni.
2) Ir-Regolament Nru 1103/97 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-arrotondament għall-eqreb ċenteżmu ta' ammonti li ma jkunux ammonti li għandhom jitħallsu jew li jrid isir kont tagħhom, sakemm din il-prassi ta' arrotondament tirrispetta l-prinċipju ta' kontinwità tal-kuntratti garantit mill-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament u l-għan ta' l-istess Regolament li l-konverżjoni għall-Euro tkun newtrali, jiġifieri li din il-prassi ta' arrotondament ma jkollhiex effett fuq l-impenji kuntrattwali assunti mill-aġenti ekonomiċi, inklużi l-konsumaturi, u li hija ma jkollhiex impatt veru fuq il-prezz li għandu effettivament jitħallas.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Full & Egal Universal Law Academy