SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla)
10 ta’ Marzu 2005 (*)
“Direttiva 69/335/KEE – Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital – Taxxa fuq il-qliegħ gross ta’ l-intermedjarji fit-titoli”
Fil-kawża C-22/03
li għandha bħala għan talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Rechtbank te Rotterdam (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Jannar 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Jannar 2003, fil-proċedura
Optiver BV et
vs
Stichting Autoriteit Financiële Markten, li daħlet fid-drittijiet u l-obbligi ta’ l-iStichting Toezicht Effectenverkeer,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, R. Schintgen (Relatur), P. Kūris u G. Arestis, Imħallfin
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratriċi Prinċipali,
wara li rat il-proċeduri bil-miktub tas-seduta tat-30 ta’ Settembru 2004,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
- għal Optiver BV, Optrix BV u Optra BV, minn H. Speyart u M. Scheele, advocaten;
- għal All Options International BV, minn E. Kuijpers u G. J. G. Bolderman, advocaten;
- għal Robeco Obligatie DividendFunds NV et, minn H. Speyart u A. J. P. Tillema, advocaten;
- għal Stichting Autoriteit Financiële Markten, li daħlet fid-drittijiet u l-obbligi ta’ Stichting Toezicht Effectenverkeer, minn H. J. Sachse, F. Leeflang u T. van Wagensveld, advocaten;
- għall-Gvern Olandiż, minn S. Terstal u C. Wissels, bħala ta’ aġenti;
- għall-Gvern tar-Renju Unit, minn P. Ormond, bħala aġent, assistita minn J. Stratford, barrister;
- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn MM. R. Lyal u W. Wils, bħala aġenti;
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Novembru 2004;
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Id-domanda għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE tas- 17 ta’ Lulju 1969 li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU L 249, p. 25)
2 Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest tal-kontroversja bejn Optiver BV flimkien ma 38 kumpannija oħra (iktar ‘il quddiem “Optiver et”), li huma intermedjarji fit-titoli stabbiliti ġewwa l-Olanda, u l-iStichting Autoriteit Financiële Markten (iktar ‘il quddiem "AFM"), li daħlet fid-drittijiet u l-obbligi ta’ l-iStichting Toezicht Effectenverkeer, fil-mertu ta’ ġbir ta’ taxxa fuq il-qliegħ gross miġbura mill-attivitajiet eżerċitati minn dawn il-kumpanniji.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni komunitarja
3 Kif jirriżulta mill-ewwel premessa tagħha, id-Direttiva 69/335 hi intiża tippromwovi l-moviment ħieles tal-kapital, meqjus bħala wieħed mill-kundizzjonijiet essenzjali għall-ħolqien ta’ unjoni ekonomika b’karatteristiċi simili għal dawk ta’ suq intern.
4 Skond is-sitt premessa tad-Direttiva 69/335, il-ksib tat-tali għan jissupponi, fejn tidħol it-tassazzjoni fuq il-ġbir tal-kapitali, l-abolizzjoni tat-taxxi indiretti li huma fis-seħħ fl-Istati Membri u l-applikazzjoni, minn flokhom, ta’ taxxa miġbura darba fis-suq komuni bl-istess grad fl-Istati Membri kollha.
5 Skond l-Artikolu 4, paragrafu 1 tad-Direttiva 69/335:
“L-operazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għad-dazju [taxxa] kapitali:
(a) il-formazzjoni ta’ kumpannija kapitali;
(b) il-kambju f’kumpannija kapitali ta’ kumpannija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika li mhijiex kumpannija kapitali;
(ċ) żieda fil-kapital ta’ kumpannija kapitali bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip;
(d) żieda fl-assi ta’ kumpannija kapitali bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip, in konsiderazzjoni, mhux ta’ l-ishma fil-kapital jew l-assi tal-kumpannija, imma tad-drittijiet ta’ l-istess tip bħal dawk tal-membri, bħalma huma drittijiet tal-vot, sehem fil-profitti jew sehem f’dak li jibqa’ wara l-likwidazzjoni;
[...]”
6 L-Artikolu 4(1), e) sa h), tad-Direttiva 69/335, jipprevedi li t-trasferiment taċ-ċentru effettiv ta’ l-amministrazzjoni jew ta’ l-uffiċju rreġistrat ta’ kumpannija kapitali minn pajjiż terz għal Stat Membru jew minn Stat Membru għal Stat Membru ieħor hija wkoll suġġetta għal taxxa kapitali.
7 L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 69/335 jelenka l-operazzjonijiet differenti li jistgħu jkunu suġġetti għal taxxa kapitali.
8 Id-Direttiva 69/335 tipprevedi wkoll, skond l-aħħar premessa tagħha, l-abolizzjoni ta’ taxxi indiretti oħrajn li jkollhom l-istess karatteristiċi ta’ taxxa kapitali jew ta’ ħlas ta’ bolla fuq it-titoli li ż-żamma tagħhom tista’ ttellef l-iskop tal-miżuri previsti f’din id-Direttiva. Dawn it-taxxi, li l-ġbir tagħhom huwa pprojbit, huma elenkati b’mod partikolari fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 69/335, li jgħid:
“Barra d-dazju [taxxa] kapitali, l-Istati Membri m’għandhom jimponu ebda ntaxxar affattu, fir-rigward ta’ kumpanniji, ditti, assoċjazzjonijiet jew persuni ġuridiċi li jaħdmu għal profit:
(a) fir-rigward ta’ l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4;
(b) fir-rigward ta’ kontribuzjonijiet, self jew il-provvista ta’ servizzi, li jsiru bħala parti mill-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4;
(ċ) fir-rigward ta’ reġistrazzjoni jew kull formalità oħra meħtieġa qabel il-bidu ta’ negozju li għalih kumpanija, ditta, assoċjazzjoni, jew persuna ġuridika li taħdem għall-profitt tista’ tkun soġġetta għar-raġuni tal-forma ġuridika tagħha."
9 L-Artikolu 11 tad-Direttiva 69/335 jiddisponi:
“L-Istati Membri m’għandhom[x] ikunu soġġetti għal ebda forma ta’ tassazzjoni [fuq]:
(a) il-ħolqien, il-ħruġ, l-ammissjoni għall-kwotazzjoni fil-borża, li jagħmlu disponibbli fis-suq jew li jittrattaw fi stocks, ishma jew sigurtajiet oħrajn ta’ l-istess tip, jew taċ-ċertifikati li jirrapreżentaw dawn is-sigurtajiet, maħruġa minn min ikun;
(b) self, inklużi bonds tal-gvern, miġbura bil-ħruġ ta’ debentures jew titoli negozzjabbli oħrajn, maħruġa minn min ikun, jew xi formalitajiet li jirrelataw għalihom, jew il-ħolqien, il-ħruġ, l-ammissjoni għal kwotazzjoni fil-borża, li jsiru disponibbli fis-suq jew l-ittrattar f’dawn id-debentures jew titoli negozjabbli oħrajn.”
10 L-Artikolu12(1) tad-Direttiva 69/335 huwa fformulat kif ġej:
“Minkejja l-Artikoli 10 u 11, l-Istati Membri Mejju jistgħu jimponu:
(a) dazji [taxxi] fuq it-trasferiment ta’ titoli, kemm jekk imposti b’rata uniformi u kemm jekk le;
[...]
(e) dazji [taxxi] mħallsa permezz ta’ piżijiet jew drittijiet;
[...]”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
11 Il-Wettoezichteffectenverkeer 1995 (liġi tal-1995 dwar il-kontroll tal-kummerċ fit-titoli), tas-16 ta’ Novembru 1995 (Stbl.1995, 574, iktar ‘il quddiem il- “liġi ta’ l-1995”), tirregola l-monitoraġġ ta’ l-operazzjonijiet relatati mat-titoli. Skond l-Artikolu 1 tagħha, din il-liġi tapplika partikolarment għal intermedjarji tat-titoli u l-amministraturi tal-beni, liema żewġ kategoriji huma kklassifikati bħala “istituzzjonijiet ta’ titoli”.
12 L-Artikolu 7(1), tal-liġi ta’ l-1995 jgħid li huwa pprojbit għall-persuni li m’humiex awtorizzati jaġixxu bħala intermedjarji fit-titoli jew ta’ amministraturi tal-beni, li joffru jew li jagħtu s-servizzi tagħhom fl-Olanda jew mill-Olanda. Skond il-paragrafu 4 ta’ l-istess Artikolu, il-Ministru tal-Finanzi jagħti l-awtorizzazzjoni tiegħu jekk jiġu soddisfatti ċertu kundizzjonijiet ta’ natura kwalitattiva.
13 L-Artikolu 42 tal-liġi ta’ l-1995 jipprevedi li:
“Il-Ministru tagħna jew persuna ġuridika li lilha ġew fdati inkarigi u kompetenzi bis-saħħa ta’ l-Artikolu 40 jista jżomm akkont ta’ l-ispejjeż li ntefqu sabiex jiġu eżegwit dawn l-inkarigi, kif ukoll għall-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi, skond ir-regolamenti deċiżi mill-Ministru tagħna, għall-operturi fil-borża, għall-istituzzjonijiet li f’isimhim jinħarġu t-titoli kkwotati f’waħda mill-boroż awtorizzati taħt l-Artikolu 22, għall-intermedjarji fit-titoli, għal min jitlob l-awtorizzazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 7(1) […]”
14 L-awtorità li ġiet investita bil-kompetenzi skond l-Artikolu 40 tal-liġi ta’ l-1995 hija l-AFM. L-ammont ta’spejjeż li din tista tiddebita fuq l-istituzzjonijet li għandhom l-awtorizzazzjoni prevista mill-Artikolu 7(1) tal-liġi tal-1995 hi ddeterminata abbażi tal-pjan ta’ nfieq ta’ l-AFM.
15 L-ammonti dovuti mill-impiżi ta’ titoli huma komposti, min-naħa waħda, minn drittijiet ta’ ħlas għal servizzi speċifiċi effettivament mogħtija lil dawn l-istituzzjonijiet u, min-naħa l-oħra, minn taxxa kkalkulata skond fuq il-benefiċċi grossi magħmula mill-imsemmija impriżi matul is-sena finanzjarja preċedenti għas-sena li fiha kien mfassal il-pjan ta’ nfieq ta’ l-AFM (iktar ‘il quddiem it-“taxxa”).
16 L-Artikolu 5(1) tar-Regeling toezichtskosten Wer toezicht effectenverkeer 1995 (regolament dwar l-ispejjeż għall-kontroll mitluba mill-liġi ta’ l-1995 dwar il-kontroll ta’ kummerċ ta’ titoli), kif emendata fl-2000 (Stcrt. 2000, 137, p. 10, iktar ‘l quddiem ir-“regolament”) jgħid li:
“Ammont iffissat fuq il-bażi ta’ skali, kif imsemmi fil-paragrafu 3, tad-dħul magħmul matul is-sena li tippreċedi l-pjan ta’ nfieq mill-intermedjarji fit-titoli stabbiliti fl-Olanda u awtorizzati skond l-Artikolu 7(1) tal-liġi għandu jitħallas minn dawn l-intermedjarji ta’ tranżazzjoni ta’ titoli.”
17 L-Artikolu 5(3) tar-regolament jaqsam l-imsemmija skali f’għaxar faxex ta’ dħul differenti.
18 Jirriżulta mill-preamboli tar-regolament li bi “dħul” ifisser il-qliegħ gross li joħroġ mit-tmexxija ordinarja, safejn dawn huma attivitajiet previsti taħt l-Artikolu 7(1) tal-liġi ta’ l-1995. L-imsemmija dħul jistgħu jiġu partikolarment mill-kummissjoni jew mis-senserija għal servizzi relatati mat-titoli, min-negozju bin-nett, minn kummisjoni fuq it-tqegħid ta’ l-ordnijiet, mill-amministrazzjoni tal-beni, mit-tranżazzjonijiet “repo”, mir-riżultati marbuta ma tranżazzjonijiet dwar titoli, minn xiri mill-ġdid u ħruġ, mill-kustodja u l-amministrazzjoni ta’ l-operazzjonijiet ta’ kustodja, minn attivitajiet ta’ “clearing” u ta’ “settlement” kif ukoll minn dħul mir-regolazzjoni tas-suq.
19 L-Artikolu 3 tal-Vaststellingsregeling bedragen Regeling toezichtskosten Wet toezicht effectenverkeer 1995 voor 2000 (deċiżjoni ta’ implementazjoni li tistabbilixxi l-ammonti għall-2000 skond ir-regolament dwar l-ispejjeż ta’ kontroll mwaqqfa mill-liġi tal-1995 dwar il-kontroll tal-kummerċ ta’ titoli, Stcrt. 2000, 137, p. 9) tistabbilixxi l-ammonti msemmija mill-Artikolu 5(1) tar-regolament.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
20 Optiver et ġew awtorizzati jwettqu operazzjonijiet relatati mat-titoli bħal dawk imsemmija mill-Artikolu 7(1), tal-liġi tal-1995.
21 Permezz tad-deċiżjonijiet tal-15 ta’ Awissu 2000,l-AFM imponiet lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għas-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2000, taxxa fuq id-dħul provenjenti minn titoli.
22 Peress li kienet tal-fehma li t-taxxa jmur kontra d-Direttiva 69/335, Optiver et ressqu talbiet kontra dawn id-deċizjonijiet. Dawn it-talbiet ġew miċħuda u l-kontroversja tressqet quddiem ir-Rechtbank te Rotterdam, fejn esponew li din it-taxxa, li jolqot it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni, kif ukoll it-trattazzjoni tat-titoli, huwa inkompatibbli ma’ l-Artikolu 11 tad-Direttiva 69/335.
23 L-AFM issostni li dan it-taxxa ma jikkostitwix taxxa fuq it-trattazzjoni tat-titoli, iżda jirrigwarda d-dħul li miksub permezz ta’ l-operazzjonijiet mwettqa fuq dawn it-titoli. Sussidjarjament, hi esponiet li taxxa bħal din taqa’ taħt waħda mid-derogi previsti mill-Artikolu 12(1) (a) u (e), tad-Direttiva 69/335.
24 Peress li deherilha li s-soluzzjoni tal-kontroversja mressqa quddiemha teħtieġ l-interpretazzjoni tad-Direttiva 69/335, ir-Rechtbank te Rotterdam iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tqiegħed lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
“Id-Direttiva [69/335], b’mod partikolari l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 11 u 12 [ta’ l-istess Direttiva], tipprekludi l-ġbir ta’ taxxa (…) mill-intermedjarji fit-titoli fuq il-qliegħ gross miġbur mill-attivitajiet relatati ma dawn it-titoli?”
Fuq id-domanda preliminari
25 Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob sostanzjalment jekk id-Direttiva 69/335 għandiex tiġi interpretata fis-sens illi tipprekludi l-ġbir, mill-intermedjarji fit-titoli, ta’ taxxa, bħal dik fil-kawża prinċipali, fuq il-qliegħ gross miġbur mill-attivitajiet relatati ma dawn it-titoli.
26 Sabiex tkun tista tinstab soluzzjoni korretta għal din id-domanda, hu meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk it-taxxa taqgħax fl-ambitu tad-Direttiva 69/335.
27 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li toħroġ mid-Direttiva 69/335 li din ta’ l-aħħar hi intiża li tabolixxi t-taxxi indiretti, minbarra t-taxxi ta’ trasferiment, li għandhom l-istess karatteristiċi ta’ din ta’ l-aħħar, jiġifieri dawk li jolqtu l-operazzjonijiet imsemmija f’din id-Direttiva.
28 Peress illi din hija msemmija bħala taxxa bħal dik fil-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi rrilevat li, skond il-liġi Olandiża, l-intermedjarji fit-titoli u l-amministraturi tal-beni għandhom l-obbligu li jingħataw awtorizzazzjoni fl-Olanda sabiex ikunu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom ġewwa dan l-Istat Membru.
29 Skond id-disposizzjonijiet tal-liġi ta’ l-1995, l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ verifika fuq l-operazzjonijiet dwar it-titoli taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru tal-Finanzi hi mogħtija lill-AFM. Din ta’ l-aħħar hi awtorizzata biex tiġbor l-ispejjeż tat-tmexxija tagħha, b’mod partikolari, mill-intermedjarji fit-titoli, billi tiġbor partikolarment it-taxxa imposta fuq dawn ta’ l-aħħar, liema taxxa hija kkalkulata annwalment, skond skala stabbilita permezz ta’ deċiżjoni, fuq il-qliegħ gross magħmul minn dawn l-intermedjarji waqt is-sena finanzjarja li tippreċedi s-sena li fiha, l-pjan ta’ nfieq ta’ l-imsemmija Awtorità tkun ġiet imfassla.
30 Jirriżulta li tali taxxa, dovuta minħabba applikazzjoni ta’ regola maħruġa mill-Istat, hi mħallsa minn persuni privati lill-entità li qed teżerċita x-xogħol ta’ l-Istat bil-għan li tiffinanzja din ta’ l-aħħar.
31 Issa, kif il-Kummisjoni ġustament irrilevat, jekk huwa veru li, fid-dawl ta’ l-imsemmija karatteristiċi, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li din l-impożizzjoni mhijiex taxxa, dan ma jneħħix mill-fatt li din it-taxxa ma jikkostitwix impożizzjoni pprojbita mid-Direttiva 69/335 għaliex ma tidħolx fl-ambitu ta’ l-applikazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar.
32 Fil-fatt, min-naħa, ir-raġuni li jiġġenera t-taxxa jinstab mhux fit-twettieq ta’ operazzjoni speċifika bħal dik li tinstab fl-Artikoli 4, 10 u 11 tad-Direttiva 69/335, iżda fl-eżerċizzju ta’ numru kbir ta’ attivitajiet relatati mat-titoli in ġenerali.
33 Min-naħa l-oħra, peress illi l-bażi taxxabbli hi kkostitwita mill-qliegħ gross magħmul mill-intermedjarji fit-titoli waqt it-twettieq ta’ numru ta’ attivitajiet, l-imsemmija taxxa tixxebbaħ iżjed ma’ taxxa diretta fuq id-dħul u tidħol għalhekk fil-kategorija ta’ taxxi li ma jaqgħux taħt id-Direttiva 69/335 (ara, partikolarment, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 1996, Frederiksen, C-287/94,Ġabra p. I-4581, punt 21, u tat-18 ta’ Jannar 2001, P.P. Handelsgesellschaft, C-113/99, Ġabra p. I-471, punti 24 u 27).
34 F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed għandu jikkonstata li taxxa bħal dik fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 69/335 u għaldaqstant ma tikkostitwix taxxa pprojbita fis-sens ta’ din id-Direttiva.
35 Konsegwentement, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li d-direttiva 69/335 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix il-ġbir, mill-intermedjarji fit-titoli, ta’ taxxa, bħal dik fil-kawża prinċipali, fuq il-qliegħ gross miġbur mill-attivitajiet relatati ma dawn it-titoli.
Fuq l-ispejjeż
36 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
37 Għal dawn ir-raġunijiet,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla)
38 taqta’ u tiddeċiedi li:
Id-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE tas-17 ta’ Lulju 1969 li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir ta’ kapital, trid tiġi interpretata fis-sens li ma timpedixxix il-ġbir, mill-intermedjarji fit-titoli, ta’ taxxa bħal dik fil-kawża prinċipali, fuq il-qliegħ gross miġbur mill-attivitajiet relatati ma dawn it-titoli.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy