SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
16 ta' Settembru 2004 (*)
"Assigurazzjoni – Artikoli 15 u 16 ta' l-Ewwel Direttiva 73/239/KEE – Artikoli 17 u 18 ta' l-Ewwel Direttiva 79/267/KEE – Proċedura ta' stralċ ta' impriża ta' assigurazzjoni minħabba l-irtirar ta' awtorizzazzjoni – Gradwazzjoni tal-privileġġi rispettivi tal-pretensjonijiet ta' pagi u tal-pretensjonijiet ta' assigurazzjoni"
Fil-kawża C-28/03,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,
imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja), permezz ta' digriet tat-23 ta' Ottubru 2002, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta' Jannar 2003, fil-proċedura
Epikouriko kefalaio
vs
Ypourgos Anaptyxis,
fil-preżenza ta':
Omospondia Asfalistikon Syllogon Ellados,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, A. Rosas, S. von Bahr, R. Silva de Lapuerta u K. Lenaerts (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta' Mejju 2004,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:
– għall-Epikouriko kefalaio, minn A. Gratsia-Plati, dikigoros,
– għall-Gvern Grieg, minn S. Spyropoulos, K. Georgiadis u M. Tassopoulou, bħala aġenti,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn P. Ormond, bħala aġent, assistita minn K. Smith, barrister,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Zavvos u M. Shotter, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta ta' l-10 ta' Ġunju 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 15 u 16 ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE, ta' l-24 ta' Lulju 1973, dwar il-koordinament ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju ta' l-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU L 228, p.3), kif emendata mit-Tieni Direttiva tal-Kunsill 88/357/KEE, tat-22 ta' Ġunju 1988, dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu ma' assigurazzjoni diretta ta' xort'oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 73/239 (ĠU L 172, p.1), u mid-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE, tat-18 ta' Ġunju 1992, dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu ma' assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u [li] temenda d-Direttiva 73/239 u 88/357 (it-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja) (ĠU L 228, p.1). Din it-talba tikkonċerna wkoll l-Artikoli 17 u 18 ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 79/267/KEE, tal-5 ta' Marzu 1979, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw l-aċċess għall-attività ta' l-assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja u l-eżerċizzju ta' din l-attività (ĠU L 63, p.1), kif emendata mit-Tieni Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE, tat-8 ta' Novembru 1990, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-assigurazzjoni diretta tal-ħajja, li tistabbilixxi dispo[ż]izzjonijiet biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu provduti servizzi u li temenda d-Direttiva 79/267, u mid-Direttiva tal-Kunsill 92/96/KEE, ta' l-10 ta' Novembru 1992, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw l-assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja u li temenda d-Direttiva 79/267 u 90/619 (it-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni fuq il-ħajja) (ĠU L 360, p.1).
2 Din it-talba tqajmet fil-kuntest ta' kawża bejn l-Epikouriko kefalaio (fond ta' għajnuna li jikkonċerna l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà marbuta ma' l-inċidenti fuq it-toroq) u l-Ministru għall-Iżvilupp Grieg, wara li dan ta' l-aħħar iddeċieda li jirrilaxxa parti mill-fond ta' garanzija ta' l-impriża ta' assigurazzjoni Griega Intercontinental AE (aktar 'il quddiem "Intercontinental) sabiex jitħallsu pretensjonijiet ta' pagi.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt Komunitarju
3 Id-Direttivi 73/239 u 79/267, kif emendati rispettivament mid-Direttiva 92/49 u mid-Direttiva 92/96, stabbilixxew il-prinċipji ta' l-awtorizzazzjoni waħdanija (Artikoli 6 u 7 ta' kull waħda minn dawn id-direttivi) u tal-kompetenza esklużiva ta' l-Istat Membru fejn tinstab is-sede ta' l-impriża ta' assigurazzjoni (Stat Membru ta' oriġini) fir-rigward tas-sorveljanza finanzjarja ta' din l-impriża (Artikolu 13 tad-Direttiva 73/239 u Artikolu 15 tad-Direttiva 79/267).
4 Skond l-Artikolu 15 tad-Direttiva 73/239 u l-Artikolu 17 tad-Direttiva 79/267, l-Istat Membru ta' oriġini għandu jobbliga lil kull impriża ta' assigurazzjoni tistabbilixxi riservi tekniċi suffiċjenti fir-rigward ta' l-attivitajiet kollha tagħha. L-assi li jirrappreżentaw dawn ir-riservi huma s-suġġett ta' dispożizzjonijiet intiżi sabiex jassiguraw id-diversifikazzjoni fl-investiment tagħhom.
5 Skond l-Artikolu 16 tad-Direttiva 73/239 u l-Artikolu 18 tad-Direttiva 79/267, l-Istat Membru ta' oriġini għandu jeżiġi li kull impriża ta' assigurazzjoni tistabbilixxi marġini ta' likwidità suffiċjenti fir-rigward ta' l-attivitajiet kollha tagħha u li jikkorrispondi għall-patrimonju ħieles ta' l-impriża ta' assigurazzjoni. Skond l-Artikolu 18 tad-Direttiva 73/239 u l-Artikolu 21 tad-Direttiva 79/267, l-Istati Membri ma jistgħu jistabbilixxu l-ebda regola li tirrigwarda l-għażla ta' l-assi li jeċċedu l-assi li jirrappreżentaw ir-riservi tekniċi.
6 L-Artikolu 22 tad-Direttiva 73/239 u l-Artikolu 26 tad-Direttiva 79/267 jispeċifikaw numru ta' sitwazzjonijiet li fihom l-awtorizzazzjoni tista' tiġi rtirata mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini u jipprovdu li, f'sitwazzjonijiet bħal dawn, din l-awtorità għandha tieħu kull miżura xierqa sabiex jiġu protetti l-interessi tal-persuni assigurati u għandha tillimita d-dispożizzjoni libera ta' l-assi ta' l-impriża.
7 Fid-19 ta' Marzu 2001 ġiet adottata d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/17/KE fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' impriżi ta' l-assigurazzjoni.
Id-dritt nazzjonali
8 Id-Direttivi msemmija fil-punt 1 ta' din is-sentenza ġew trasposti fid-dritt Grieg permezz tad-Digrieti Presidenzjali Nri 118/1985 (FEK A' 35) u 252/1996 (FEK A' 186), li emendaw id-Digriet-Liġi Nru 400/1970 dwar l-assigurazzjoni privata (FEK A' 10, aktar 'il quddiem id-"Digriet-Liġi").
9 L-Artikolu 3(1) tad-Digriet-Liġi jipprovdi li, sabiex teżerċita l-attivitajiet tagħha, impriża ta' assigurazzjoni li għandha s-sede tagħha fil-Greċja trid tkun kisbet awtorizzazzjoni maħruġa mill-Ministru tal-Kummerċ. Skond l-Artikolu 3(3) u (5) tad-Digriet-Liġi, l-irtirar totali jew parzjali, definittiv jew proviżorju, ta' l-awtorizzazzjoni f'wieħed mill-każijiet previsti fl-imsemmi digriet-liġi, iseħħ permezz ta' deċiżjoni motivata tal-Ministru tal-Kummerċ. Skond l-Artikolu 3(7), l-irtirar definittiv ta' l-awtorizzazzjoni jinvolvi ex officio l-irtirar ta' l-awtorizzazzjoni ta' formazzjoni u x-xoljiment ta' l-impriża ta' assigurazzjoni.
10 Skond l-Artikolu 7 tad-Digriet-Liġi, l-impriżi ta' assigurazzjoni li għandhom is-sede tagħhom fil-Greċja huma marbutin li jistabbilixxu riservi tekniċi suffiċjenti fir-rigward ta' l-attivitajiet kollha tagħhom. Dawn ir-riservi tekniċi għandhom ikunu rrappreżentati permezz ta' assi ta' l-istess valur u espressi fl-istess munita.
11 Skond l-Artikolu 8 tad-Digriet-Liġi, l-impriżi ta' assigurazzjoni li għandhom is-sede tagħhom fil-Greċja huma marbutin li jistabbilixxu fond ta' garanzija, fil-Greċja jew f'wieħed mill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea, li jkun allokat ċerti assi sabiex ikunu ggarantiti l-interessi tal-persuni li għandhom dritt għal benefiċċju taħt kuntratt ta' assigurazzjoni. Skond din l-istess dispożizzjoni, il-fond ta' garanzija għandu jinkludi l-assi li jirrappreżentaw ir-riservi tekniċi msemmija fl-Artikolu 7 tad-Digriet-Liġi, kif ukoll l-assi li jirrappreżentaw kwart tal-minimu msemmi fl-Artikolu 20(2)(A)(e) tad-Digriet-Liġi.
12 L-Artikolu 9(1) tad-Digriet-Liġi jipprovdi li, jekk impriża ta' assigurazzjoni ma tikkonformax ruħha mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 7 u 8 fir-rigward ta' riservi tekniċi, il-Ministru tal-Kummerċ jista', permezz ta' deċiżjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Ellenika, jadotta diversi miżuri wara li jkun informa lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li fihom l-impriża topera permezz ta' fergħat jew taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. B'dan il-mod huwa jista' jalloka l-assi disponibbli kollha ta' l-impriża jew parti minnhom lill-fond ta' garanzija, jipprojbixxi d-dispożizzjoni libera tal-patrimonju tagħha kollu jew ta' parti minnu, jirtira proviżorjament jew definittivament l-awtorizzazzjoni fir-rigward ta' l-oqsma kollha li fihom topera l-impriża jew ta' wħud minnhom u jieħu kull miżura xierqa oħra sabiex jiġu mħarsa l-interessi tal-persuni assigurati kif ukoll dawk ta' kull persuna li għandha dritt taħt kuntratt ta' assigurazzjoni.
13 L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 10(1) tad-Digriet-Liġi, kif emendat bl-Artikolu 35(9) tal-Liġi Nru 2496/1997 (FEK A' 87), jipprovdi li:
"Il-benefiċċjarji ta' l-assigurazzjoni u l-aventi kawża tagħhhom b'titolu universali jew b'titolu partikolari għandu jkollhom privileġġ fuq il-fond ta' garanzija, li għandu preferenza fuq kull privileġġ ieħor, ġenerali jew partikolari, minbarra l-privileġġ imsemmi fl-Artikolu 12a(8) u l-privileġġ fir-rigward ta' pretensjonijiet ta' pagi minbarra dawk tal-persuni li jeżerċitaw id-dritt ta' amministrazzjoni u ta' ġestjoni ta' l-impriża ta' assigurazzjoni."
14 L-Artikolu 12a(8) tad-Digriet-Liġi jistabbilixxi privileġġ bi preferenza assoluta fuq l-assi kollha ta' l-impriża fir-rigward tar-rimunerazzjoni u l-ispejjeż ta' dak li jissorvelja l-istralċ jew il-falliment u ta' l-istralċjarju, kif ukoll fir-rigward tar-rimunerazzjoni u l-ispejjeż ta' l-amministratur responsabbli għal-likwidazzjoni tal-portafoll ta' assigurazzjoni.
15 Permezz tad-Digriet Presidenzjali Nru 27/1996 (FEK A' 19), il-kompetenza fir-rigward tal-kontroll ta' l-impriżi ta' assigurazzjoni ġiet trasferita lill-Ministru ta' l-Iżvilupp.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
16 L-Epikouriko kefalaio huwa korp mwaqqaf permezz tal-Liġi Nru 489/1976 (FEK A' 331) li tiegħu huma membri l-impriżi li jeżerċitaw attivitajiet ta' assigurazzjoni ta' responsabbiltà ċivili rigward vetturi bil-mutur fil-Greċja. L-inkarigi tiegħu jinkludu, b'mod partikolari, il-kumpens tal-vittmi (persuni offiżi jew l-aventi kawża tagħhom) ta' inċidenti tat-traffiku fil-każ ta' falliment jew ta' irtirar ta' l-awtorizzazzjoni ta' l-impriża li tkun qiegħda tassigura r-responsabbiltà ta' min ikkaġuna dan l-aċċident. Wara li jħallas il-kumpens, dan il-korp, bis-saħħa tal-liġi msemmija, jiġi ssurrogat fil-privileġġ stabbilit fl-Artikolu 10 tad-Digriet-Liġi favur il-persuna assigurata li tkun responsabbli għall-aċċident.
17 Fl-1995, l-awtorizzazzjoni ta' Intercontinental kienet irtirata mill-Ministru tal-Kummerċ li ddeċieda li l-beni mobbli u immobbli kollha ta' din l-impriża kellhom jiġu allokati għall-fond ta' garanzija tagħha.
18 Permezz tad-deċiżjoni Nru K3-9086 ta' l-4 ta' Novembru 1998 (Ġurnal Uffiċjali għal kumpanniji b’responsabbiltà limitata pubbliċi u privati ta' l-10 ta' Novembru 1998, p. 8649, aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kontenzjuża"), il-Ministru ta' l-Iżvilupp irrilaxxa beni, b'valur ta' GRD 28,967,185, mill-fond ta' garanzija ta' Intercontinental sabiex ikunu koperti, b'mod preferenzjali, l-pretensjonijiet ta' pagi skond id-dispożizzjoni msemmija fil-punt 13 aktar 'il fuq.
19 Fis-16 ta' Diċembru 1998, l-Epikouriko kefalaio, li assigura l-ħlas tal-kumpensi ta' assigurazzjoni dovuti minn Intercontinental, ressaq rikors quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni kontenzjuża minħabba li din kienet naqqset mill-patrimonju li jista' jkopri l-pretensjonij li huwa kellu fir-rigward ta' Intercontinental permezz ta' surroga.
20 Is-Symvoulio tis Epikrateias jenfasizza li l-protezzjoni tal-persuni assigurati hija għan fundamentali tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Huwa josserva li l-obbligu impost fuq l-impriżi ta' assigurazzjoni li jistabbilixxu riservi tekniċi kif ukoll l-Artikolu 9(1) tad-Digriet-Liġi huma intiżi sabiex jintlaħaq dan il-għan. Huwa jidhirlu li l-Artikolu 35(9) tal-Liġi Nru 2496/1997 jikser id-dispożizzjonijiet Komunitarji msemmija fil-punti 4 sa 6 ta' din is-sentenza safejn jipprovdi li, fil-każ ta' falliment, stralċ jew sitwazzjoni analoga ta' insolvenza, li l-privileġġ li jgawdu l-impjegati ta' l-impriża ta' assigurazzjoni fuq il-fond ta' garanzija fir-rigward tal-pretensjonijiet marbutin mar-relazzjoni ta' l-impjieg għandu preferenza fuq il-privileġġ li l-persuni assigurati u l-aventi kawża tagħhom igawdu fuq l-istess fond ta' garanzija. Għaldaqstant, skondu, id-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata.
21 Madankollu, minħabba li deherlu li l-interpretazzjoni tiegħu tħalli lok għal dubju raġonevoli, is-Symvoulio tis Epikrateias iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 15 u 16 […] tad-Direttiva 73/239 […], u fid-dawl ta' l-Artikoli 17 u 18 […] tad-Direttiva 79/267 […], il-leġiżlatur nazzjonali jista' jadotta dispożizzjonijiet li jipprovdu li, fil-każ ta' falliment, stralċ jew sitwazzjoni analoga ta' insolvenza ta' impriża ta' assigurazzjoni, l-assi inklużi fir-riservi tekniċi ta' l-impriża jiġu użati sabiex jitħallsu l-pretensjonijiet li jirriżultaw minn impjieg ma' din l-impriża bi preferenza fuq il-pretensjonijiet ta' persuni assigurati u l-aventi kawża tagħhom b'titolu universali jew partikolari?"
Fuq id-domanda preliminari
22 Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet Komunitarji li jobbligaw lill-impriżi ta' assigurazzjoni jistabbilixxu riservi tekniċi u marġini ta' likwidità suffiċjenti fir-rigward ta' l-attivitajiet tagħhom kollha jipprekludux dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom l-effett li, fil-każ ta' falliment, stralċ jew sitwazzjoni analoga ta' insolvenza ta' l-impriża ta' assigurazzjoni, l-assi li jirrappreżentaw ir-riservi tekniċi jintużaw għall-ħlas ta' pretensjonijiet ta' paga bi preferenza fuq il-pretensjonijiet ta' assigurazzjoni.
23 Din id-domanda tikkonċerna leġiżlazzjoni li toħloq privileġġ favur pretensjonijiet ta' assigurazzjoni fil-każ ta' stralċ ta' l-impriża ta' assigurazzjoni. Il-bażi ta' dan il-privileġġ tikkorrispondi għall-fond ta' garanzija ta' din l-impriża u tkopri, minbarra l-assi li jirrappreżentaw ir-riservi tekniċi, assi oħra ta' l-imsemmija impriża. Bħal ma ġara fil-kawża prinċipali, permezz ta' deċiżjoni ministerjali, din il-bażi tista' tiġi estiża sabiex ikopri l-assi disponibbli kollha ta' l-impriża. Il-privileġġ għandu preferenza fuq kull privileġġ ieħor, ġenerali jew partikulari, minbarra l-privileġġ fir-rigward ta' l-ispejjeż ta' stralċ u l-privileġġ fir-rigward tal-pretensjonijiet ta' pagi minbarra dawk tal-persuni li jeżerċitaw id-dritt ta' amministrazzjoni u ta' ġestjoni ta' l-impriża ta' assigurazzjoni.
24 Kif jenfassizaw il-Gvern Grieg u l-Gvern tar-Renju Unit u anki l-Kummissjoni, la d-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar l-obbligu ta' l-impriżi ta' assigurazzjoni li jistabbilixxu riservi tekniċi u marġini ta' likwidità suffiċjenti fir-rigward ta' l-attivitajiet ta' assigurazzjoni tagħhom kollha u lanqas xi dispożizzjoni oħra tad-Direttivi 73/239 u 79/267 ma jinkludu regoli ta' koordinazzjoni dwar l-istralċ ta' impriża ta' assigurazzjoni (ara, f'dan is-sens, it-tieni premessa tad-Direttiva 2001/17).
25 Ċertament, il-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-garanziji finanzjarji mitluba mill-impriżi ta' assigurazzjoni milħuqa, b'mod partikolari, permezz tad-dispożizzjonijiet Komunitarji msemmija fil-punti 4 u 5 ta' din is-sentenza, hija intiża sabiex tassigura protezzjoni xierqa tal-persuni assigurati u ta' benefiċċjarji terzi f'kull Stat Membru tal-Komunità (ara t-tieni premessa tad-Direttiva 73/239 u l-ewwel premessa tad-Direttiva 79/269). B'mod partikolari, l-obbligu impost fuq l-impriżi ta' assigurazzjoni li jistabbilixxu riservi tekniċi suffiċjenti huwa intiż sabiex jiggarantixxi li dawn l-impriżi jkollhom il-mezzi finanzjarji sabiex jagħmlu tajjeb għall-impenji kuntrattwali tagħhom fir-rigward tal-persuni assigurati (ara s-sentenza ta' l-4 ta' Diċembru 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 205/84, Ġabra p. 3755, punt 38; ara wkoll id-disa' premessa tad-Direttiva 73/239 u s-seba' premessa tad-Direttiva 79/267, kif ukoll it-tnax-il premessa tad-Direttiva 92/49 u t-tlettax-il premessa tad-Direttiva 92/96).
26 Madankollu, id-dispożizzjonijiet Komunitarji in kwistjoni ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju kienet li, fil-każ ta' stralċ ta' l-impriża ta' assigurazzjoni, l-assi li jirrappreżentaw ir-riservi tekniċi għandhom, fiċ-ċirkustanzi kollha, jkunu allokati bi preferenza assoluta għall-ħlas tal-pretensjonijiet ta' assigurazzjoni.
27 Interpretazzjoni bħal din ma ssib l-ebda sostenn fid-Direttivi 73/239 u 79/267. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kontradetta mill-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2001/17 li, sabiex "[j]iżgura bilanċ xieraq bejn il-protezzjoni tal-kredituri ta' l-assigurazzjoni u kredituri privileġġati oħra protetti mil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru" (l-erbatax-il premessa), jippermetti lill-Istati Membri li jagħtu lil ċerti kategoriji ta' pretensjonijiet, b'mod partikolari lill-pretensjonijiet tal-membri tal-persunal impjegat ta' l-impriża ta' assigurazzjoni, privileġġ bi preferenza fuq dak fir-rigward tal-pretensjonijiet ta' assigurazzjoni, inkluż fuq l-assi li jirrappreżentaw ir-riservi tekniċi meta l-bażi ta' dan il-privileġġ fir-rigward ta' pretensjonijiet ta' assigurazzjoni ma jkunx limitat għall-assi li jirrappreżentaw dawn ir-riservi biss.
28 F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 73/239 u l-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 79/267 ma jipprekludux li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi li, fil-każ ta' falliment, stralċ jew sitwazzjoni analoga ta' insolvenza ta' l-impriża ta' assigurazzjoni, l-assi li jirrappreżentaw ir-riservi tekniċi jistgħu jiġu allokati għall-ħlas tal-pretensjonijiet ta' pagi bi preferenza fuq il-ħlas tal-pretensjonijiet ta' assigurazzjoni sakemm din il-leġiżlazzjoni tirrikonoxxi, fir-rigward tal-pretensjonijiet ta' l-aħħar, privileġġ li l-bażi tiegħu tkopri, f'kull każ, minbarra l-assi li jirrappreżentaw ir-riservi tekniċi, assi oħra ta' l-impriża u tista', bis-saħħa ta' deċiżjoni ministerjali, tiġi estiża sabiex ikopri l-assi kollha disponibbli ta' l-impriża.
Fuq l-ispejjeż
29 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla), taqta' u tiddeċiedi:
L-Artikoli 15 u 16 ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE, ta' l-24 ta' Lulju 1973, dwar il-koordinament ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju ta' l-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja, kif emendata mit-Tieni Direttiva tal-Kunsill 88/357/KEE, tat-22 ta' Ġunju 1988, dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu ma' assigurazzjoni diretta ta' xort'oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 73/239, u mid-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE, tat-18 ta' Ġunju 1992, dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu ma' assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u [li] temenda d-Direttiva 73/239 u 88/357 (it-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja) u l-Artikoli 17 u 18 ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 79/267/KEE, tal-5 ta' Marzu 1979, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw l-aċċess għall-attività ta' l-assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja u l-eżerċizzju ta' din l-attività, kif emendata mit-Tieni Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE, tat-8 ta' Novembru 1990, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-assigurazzjoni diretta tal-ħajja, li tistabbilixxi dispo[ż]izzjonijiet biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu provduti servizzi u li temenda d-Direttiva 79/267, u mid-Direttiva tal-Kunsill 92/96/KEE, ta' l-10 ta' Novembru 1992, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw l-assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja u li temenda d-Direttiva 79/267 u 90/619 (it-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni fuq il-ħajja), ma jipprekludux li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi li, fil-każ ta' falliment, stralċ jew sitwazzjoni analoga ta' insolvenza ta' l-impriża ta' assigurazzjoni, l-assi li jirrappreżentaw ir-riservi tekniċi jistgħu jiġu allokati għall-ħlas tal-pretensjonijiet ta' pagi bi preferenza fuq il-ħlas tal-pretensjonijiet ta' assigurazzjoni sakemm din il-leġiżlazzjoni tirrikonoxxi, fir-rigward tal-pretensjonijiet ta' l-aħħar, privileġġ li l-bażi tiegħu tkopri, f'kull każ, minbarra l-assi li jirrappreżentaw ir-riservi tekniċi, assi oħra ta' l-impriża u tista', bis-saħħa ta' deċiżjoni ministerjali, tiġi estiża sabiex ikopri l-assi kollha disponibbli ta' l-impriża.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.
Full & Egal Universal Law Academy