SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
9 ta' Settembru 2004 (*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti mal-konsumaturi – Regoli ta' interpretazzjoni – Regoli dwar kunflitti fil-liġijiet"
Fil-kawża C-70/03,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE,
imressaq fis-17 ta' Frar 2003,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn I. Martínez del Peral u M. França, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn L. Fraguas Gadea, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann (Relatur), President ta' l-Awla, A. Rosas u R. Silva de Lapuerta, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tad-29 ta' April 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi ma ttrasponiex l-Artikoli 5 u 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta' April 1993, dwar il-klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, p. 29, aktar 'il quddiem id-"direttiva"), b'mod korrett fid-dritt intern tiegħu, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u ta' l-imsemmija direttiva.
2 Skond l-Artikolu 1(1) tagħha, id-direttiva għandha l-għan li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jirrigwardaw il-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u l-konsumatur.
3 Skond l-Artikolu 10(1) tad-direttiva, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 1994.
4 It-traspożizzjoni tad-direttiva fis-sistema legali Spanjola tirriżulta mil-Ley 7/1998 sobre condiciones generales de la contratación (liġi dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti tat-13 ta' April 1998, Boletín Oficial del Estado Nru 89, ta' l-14 ta' April 1998, p. 12304, aktar 'il quddiem il-"Liġi 7/1998"), li temenda l-Ley General 26/1984 para la defensa de los consumidores y usuarios (liġi ġenerali dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u ta' l-utenti, tad-19 ta' Lulju 1984, Boletín Oficial del Estado Nru 176, ta' l-24 ta' Lulju 1984, p. 21686, aktar 'il quddiem il-"Liġi 26/1984 emendata").
Il-proċedura prekontenzjuża
5 Wara li tat lir-Renju ta' Spanja l-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, fil-25 ta' Mejju 2000 il-Kummissjoni bagħtitlu opinjoni motivata li fiha allegat li kien naqas milli jittrasponi l-Artikoli 5 u 6(2) tad-direttiva b'mod korrett u stednitu sabiex jikkonforma ruħu ma' din l-opinjoni f'terminu ta' xahrejn li kien jibda jiddekorri min-notifika ta' l-istess opinjoni.
6 Permezz ta' ittra tas-27 ta' Settembru 2000, il-Gvern Spanjol indika r-raġunijiet li għalihom huwa kien iqis li t-traspożizzjoni ta' l-imsemmija dispożizzjonijiet kienet saret b'mod korrett.
7 Peress li kkunsidrat li r-risposta tar-Renju ta' Spanja għall-opinjoni motivata kienet waħda insodisfaċenti, il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors.
Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq it-traspożizzjoni inkorretta ta' l-Artikolu 5 tad-direttiva
Il-kuntest ġuridiku
Id-direttiva
8 L-Artikolu 5 tad-direttiva jipprovdi li:
"Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir[a] ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. Din ir-regola dwar l-interpretazzjoni m’għandhiex tgħodd fil-kuntest tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 7(2)."
9 L-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(2) tad-direttiva huma azzjonijiet magħrufa bħala azzjonijiet għal ċessjoni, jiġifieri proċeduri, "li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli."
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
10 L-Artikolu 10(2) tal-Liġi 26/1984 emendata jipprovdi li:
"F'każ ta' dubju dwar it-tifsira ta' klawżola, l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur għandha tipprevali."
11 L-Artikolu 6(2) tal-Liġi 7/1998 jiddikjara li:
"Id-dubji fl-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali li ma jkunux jistgħu jiġu mifhuma għandhom jiġu riżolti favur il-persuna li taċċetta li tkun marbuta minnhom."
Motivi u argumenti tal-partijiet
12 Il-Kummissjoni tikkritika lir-Renju ta' Spanja għall-fatt li l-leġiżlatur nazzjonali ma ppreċiżax li r-regola ta' l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur ma tapplikax fil-każ ta' azzjonijiet għal ċessjoni kollettivi msemmija fl-Artikolu 7(2) tad-direttiva. Din l-ommissjoni tista' tikkomprometti l-effettività ta' tali azzjonijiet peress li, billi jibbaża fuq ir-regola ta' l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur, il-bejjiegħ jew il-fornitur jista' jevita li klawżola li ma tinftiehemx jew li tista' tiġi interpretata bħala klawżola inġusta, tiġi pprojbita.
13 Il-Gvern Spanjol isostni li r-regola ta' interpretazzjoni in kwistjoni ma tikkonċernax l-azzjonijiet individwali u li, fir-rigward ta' l-azzjonijiet kollettivi, ir-regola hija dik ta' interpretazzjoni oġġettiva. Huwa jżid jgħid li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li toffri protezzjoni ta' livell għola minn dak previst fid-direttiva, tinkludi lista ta' klawżoli li, fil-każijiet kollha, huma inġusti. In-natura obbligatorja ta' din il-lista tipprekludi li tiġi invokata interpretazzjoni favorevoli għall-konsumatur sabiex tirrendi l-azzjonijiet għal ċessjoni ineffettivi.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
14 Kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 7 tal-konklużjonijiet tiegħu, jidher li dak li mhumiex qed jaqblu dwaru l-partijiet fir-rigward ta' l-ewwel ilment mhuwiex tant il-kontenut ta' l-obbligu li joħroġ mill-Artikolu 5 tad-direttiva daqskemm il-forma jew il-mezzi li bihom dan l-obbligu għandu jiġi traspost fid-dritt intern.
15 Skond ġurisprudenza stabbilita, filwaqt li huwa minnu li t-traspożizzjoni ta' direttiva mhux neċessarjament teħtieġ azzjoni leġiżlattiva minn kull Stat Membru, huwa madankollu indispensabbli li d-dritt nazzjonali in kwistjoni effettivament jiggarantixxi l-applikazzjoni sħiħa tad-direttiva, li s-sitwazzjoni ġuridika li tirriżulta minn dan id-dritt tkun preċiża u ċara biżżejjed u li l-benefiċjarji jkunu mgħarrfa bid-drittijiet kollha tagħhom u, jekk ikun il-każ, ikunu jistgħu jagħmlu użu minnhom quddiem il-qrati nazzjonali (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-10 ta' Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, Ġabra p. I-3541, punt 17, u tas-7 ta' Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, C-478/99, Ġabra p. I-4147, punt 18).
16 Id-distinzjoni li ssir fl-Artikolu 5 tad-direttiva, fir-rigward tar-regola ta' interpretazzjoni applikabbli, bejn l-azzjonijiet li jinvolvu konsumatur individwali u l-azzjonijiet għal ċessjoni, li jikkonċernaw persuni jew organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interess kollettiv tal-konsumaturi, tista' tiġi spjegata mill-għan differenti ta' dawn l-azzjonijiet. Fl-ewwel każ, il-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti huma msejħa sabiex jagħmlu evalwazzjoni in concreto dwar il-karattru inġust ta' klawżola li tinsab f'kuntratt li jkun diġà ġie konkluż, filwaqt li fit-tieni każ, huma għandhom jagħmlu evalwazzjoni in abstracto dwar il-karattru inġust ta' klawżola li tista' tiġi inkorporata f'kuntratti li jkunu għadhom ma ġewx konklużi. Fl-ewwel każ, konsumatur individwalment ikkonċernat jibbenefika immedjatament minn interpretazzjoni favorevoli. Min-naħa l-oħra, fit-tieni każ, sabiex jinkiseb, b'mod preventiv, ir-riżultat l-aktar favorevoli għall-konsumaturi kollha, m'hemmx lok, f'każ ta' dubju, li l-klawżola tiġi interpretata bħala li għandha effetti favorevoli fir-rigward tagħhom. B'hekk interpretazzjoni oġġettiva tippermetti l-użu ta' klawżola li ma tkunx tinftiehem jew li tkun ambigwa tiġi pprojbita, u dan jirriżulta fi protezzjoni tal-konsumaturi li tkun aktar wiesgħa.
17 Minn dan isegwi li l-preċiżjoni li tinsab fit-tielet sentenza ta' l-Artikolu 5 tad-direttiva tikkostitwixxi regola leġiżlattiva u vinkolanti, li tagħti drittijiet lill-konsumaturi u li tgħin fid-definizzjoni tar-riżultat li tipprova tilħaq din id-direttiva.
18 Il-Gvern Spanjol ma stabbilixxiex li dan ir-riżultat jista' jintlaħaq fis-sistema legali nazzjonali.
19 Fir-rigward ta' l-affermazzjoni ta' l-awtoritajiet Spanjoli li r-regola ta' l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumaturi tikkonċerna biss l-azzjonijiet individwali, għandu jiġi enfasizzat li r-Renju ta' Spanja ma identifika l-ebda dispożizzjoni tas-sistema legali tiegħu u l-ebda deċiżjoni tal-qrati nazzjonali in sostenn ta' din it-teżi.
20 Fil-fatt għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 10(2) tal-Liġi 26/1984 emendata u l-Artikolu 6(2) tal-Liġi 7/1998 jistabbilixxu regola ġenerali ta' interpretazzjoni favorevoli għall-konsumaturi mingħajr l-ebda tip ta' limitazzjoni u li l-Artikolu 12 tal-Liġi 7/1998, li jikkonċerna l-azzjonijiet kollettivi għal ċessjoni, ma fih ebda eċċezzjoni fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' din ir-regola ta' interpretazzjoni.
21 Il-portata ta' dawn id-dispożizzjonijiet hija kkorroborata mill-post li huma għandhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fil-fatt, l-Artikolu 10 tal-Liġi 26/1984 emendata huwa inkluż fil-Kapitolu II ta' din il-liġi, intitolat "Protezzjoni ta' l-interessi ekonomiċi u soċjali", filwaqt li l-Artikolu 6 tal-Liġi 7/1998 jinsab fil-Kapitolu I ta' l-imsemmija liġi, intitolat "Dispożizzjonijiet ġenerali". Dawn it-titoli jagħtu 'l wieħed x'jifhem li huma jirrigwardaw dispożizzjonijiet b'applikazzjoni ġenerali, li ma jinvolvu ebda restrizzjoni għall-każ partikolari ta' l-azzjonijiet kollettivi għal ċessjoni.
22 Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat.
Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq it-traspożizzjoni inkorretta ta' l-Artikolu 6(2) tad-direttiva
Il-kuntest ġuridiku
Id-direttiva
23 L-Artikolu 6(2) tad-direttiva huwa fformulat bil-mod segwenti:
"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-konsumatur ma jitlifx il-protezzjoni mogħtija minn din id-Direttiva bis-saħħa ta’ l-għażla tal-liġi ta’ pajjiż li ma jkunx membru bħala l-liġi applikabbli għall-kuntratt jekk dan ta’ l-aħħar ikollu konnessjoni mill-qrib mat-territorju ta’ l-Istati Membri."
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
24 L-Artikolu 10a(3) tal-Liġi 26/1984 emendata jipprovdi li:
"Ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti għandhom japplikaw, irrispettivament mil-liġi li l-partijiet għażlu sabiex tirregola l-kuntratt, taħt it-termini u l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta' Ruma ta' l-1980 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali."
25 L-Artikolu 3(2) tal-Liġi 7/1998 jipprovdi li:
"Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' trattati u konvenzjonijiet internazzjonali, [din il-liġi] tapplika wkoll għall-kuntratti suġġetti għal liġi barranija meta l-parti li tkun aċċettat li tintrabat tkun tat il-kunsens tagħha fit-territorju Spanjol u jkollha r-residenza normali tagħha hemmhekk."
Il-Konvenzjoni ta' Ruma
26 Skond l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa, għall-iffirmar f'Ruma fid-19 ta' Ġunju 1980 (ĠU L 266, p. 1, aktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni ta' Ruma"), dan l-artikolu "japplika għall-kuntratti li bħala għan il-provvista ta' oġġetti jew servizzi lil persuna, il-konsumatur, għal użu li jista' jiġi kkunsidrat bħala li huwa barra mill-attività kummerċjali jew professjonali tiegħu, kif ukoll għall-kuntratti intiżi sabiex tiġi ffinanzjata din il-provvista" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skond il-paragrafi 4 u 5 tiegħu, l-imsemmi Artikolu 5 ma japplikax għal kuntratt ta' trasport, ħlief jekk dan joffri prezz globali għat-trasport flimkien ma' l-akkomodazzjoni u lanqas għal kuntratt ta' provvista ta' servizzi, meta s-servizzi dovuti lill-konsumatur għandhom jiġu pprovduti esklużivament f'pajjiż ieħor li mhuwiex dak tar-residenza normali tiegħu.
27 L-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta' Ruma jipprovdi li:
"[L]-għażla, mill-partijiet, tal-liġi applikabbli ma jistax ikollha l-effett li tiċħad lill-konsumatur mill-protezzjoni mogħtija lilu mid-dispożizzjonijiet obbligatorji tal-liġi tal-pajjiż fejn ikollu r-residenza normali tiegħu:
– jekk qabel il-konklużjoni tal-kuntratt f'dan il-pajjiż tkun saret proposta speċifika jew pubbliċità, u jekk il-konsumatur ikun ħa l-passi kollha neċessarji min-naħa tiegħu f'dan il-pajjiż għall-konklużjoni tal-kuntratt
jew
– jekk il-parti l-oħra jew ir-rappreżentant tagħha tkun irċeviet l-ordni tal-konsumatur f'dan il-pajjiż
jew
– jekk il-kuntratt huwa wieħed ta' bejgħ ta' merkanzija u l-konsumatur ikun mar minn dan il-pajjiż għal pajjiż ieħor u għamel l-ordni hemmhekk, sakemm il-vjaġġ kien ġie organizzat mill-bejjiegħ bil-għan li jipperswadi lill-konsumatur sabiex jixtri." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Motivi u argumenti tal-partijiet
28 Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 6(2) tad-direttiva huwa intiż sabiex jassigura l-protezzjoni tal-konsumaturi kollha fil-kuntratti kollha konklużi ma' bejjiegħ jew fornitur, filwaqt li l-Artikolu 10a tal-Liġi 26/1984 emendata jipprovdi protezzjoni bħal din għal ċerti tipi ta' kuntratti biss, jiġifieri dawk imsemmija fl-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta' Ruma, u dan biss meta ċerti kundizzjonijiet huma sodisfatti, jiġifieri dawk stabbiliti mill-Artikolu 5(2). Dawn il-kundizzjonijiet huma aktar restrittivi mill-uniku rekwiżit li jinsab fl-Artikolu 6(2) tad-direttiva, li jeħtieġ sempliċement li l-"kuntratt […] ikollu konnessjoni mill-qrib mat-territorju ta’ l-Istati Membri".
29 Skond il-Gvern Spanjol, minn interpretazzjoni koerenti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi minn klawżoli inġusti jirriżulta li dawn huma obbligatorji, irrispettivament mil-liġi magħżula mill-partijiet sabiex tirregola l-kuntratt. Huwa jsostni li l-Artikolu 3(2) tal-Liġi 7/1998 jipprovdi għall-applikazzjoni obbligatorja ta' l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali, jiġifieri l-protezzjoni mogħtija mid-direttiva lill-kuntratti rregolati minn liġi ta' pajjiż ieħor meta l-persuna li tkun aċċettat li tintrabat tkun tat il-kunsens tagħha fit-territorju Spanjol u jkollha r-residenza normali tagħha hemmhekk. B'hekk il-kunċett ta' "konnessjoni mill-qrib mat-territorju ta' l-Istati Membri", fis-sens ta' l-Artikolu 6(2) tad-direttiva jiġi kkonkretizzat fil-każ ta' kuntratti li għandhom konnessjoni mill-qrib mad-dritt Spanjol.
Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
30 Kif jirriżulta mis-sitt premessa tagħha, id-direttiva hija intiża sabiex "jiġi salvagwardat iċ-ċittadin fir-rwol tiegħu bħala konsumatur meta jakkwista merkanzija u servizzi b’kuntratti li jkunu rregolati mil-liġijiet ta’ l-Istati Membri mhux tiegħu stess" (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 18, u Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, punt 18). L-Artikolu 6(2) tad-direttiva jikkompleta din il-premessa. Kif jirriżulta mit-tnejn u għoxrin premessa ta' l-istess direttiva, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex jiġi evitat ir-riskju li, f'ċerti każijiet, il-konsumatur jiġi mċaħħad mill-protezzjoni Komunitarja permezz ta' l-għażla tal-liġi ta' pajjiż terz bħala l-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt. Għal dan il-għan, hija tipprovdi għaż-żamma, fir-relazzjonijiet kuntrattwali li jinvolvu pajjiżi terzi, tal-protezzjoni li l-imsemmija direttiva tagħti lill-konsumaturi fir-relazzjonijiet kuntrattwali intrakomunitarji, sakemm il-kuntratt ikollu konnessjoni mill-qrib mat-territorju ta' l-Istati Membri.
31 Fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni sostantiv tal-protezzjoni mogħtija mid-direttiva, mill-Artikoli 1(1) u 3(1) ta' din ta' l-aħħar jirriżulta li dan jestendi għall-kuntratti kollha konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, għall-klawżoli li ma kinux is-suġġett ta' negozjati individwali. Huwa minnu li, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-Artikolu 10a tal-Liġi 26/1984 emendata għandu kamp ta' applikazzjoni aktar limitat peress li japplika biss għat-tipi ta' kuntratti msemmija fl-Artikolu 5(1), (4) u (5) tal-Konvenzjoni ta' Ruma. Madankollu, kif ġie sostnut mill-Gvern Spanjol, din il-lacuna hija koperta mill-Artikolu 3(2) tal-Liġi 7/1998, li huwa applikabbli għall-kuntratti kollha konklużi, mingħajr negozjati individwali, fuq il-bażi ta' kundizzjonijiet ġenerali.
32 Fir-rigward tal-konnessjoni mal-Komunità, l-Artikolu 6(2) tad-direttiva jindika biss li l-kuntratt għandu jkollu "konnessjoni mill-qrib mat-territorju ta' l-Istati Membri". Din il-formula ġenerali hija intiża sabiex tippermetti t-teħid in kunsiderazzjoni ta' diversi elementi ta' konnessjoni skond iċ-ċirkustanzi tal-każ.
33 Għalkemm il-kunċett deliberatament vag ta' "konnessjoni mill-qrib" li l-leġiżlatur Komunitarju għażel jista' eventwalment jingħata effett konkret permezz ta' preżunzjonijiet, min-naħa l-oħra huwa ma jistax jiġi limitat permezz ta' għadd ta' kriterji ta' konnessjoni determinati minn qabel, bħalma huma l-kundizzjonijiet kumulattivi li jirrigwardaw ir-residenza u l-konklużjoni tal-kuntratt li huma msemmija fl-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta' Ruma.
34 Għaldaqstant, billi jirreferu għal din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar, b'mod espliċitu għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 10a tal-Liġi 26/1984 emendata u b'mod impliċitu għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 3(2) tal-Liġi 7/1998, id-dispożizzjonijiet tas-sistema legali Spanjola li suppost jittrasponu l-Artikolu 6(2) tad-direttiva jintroduċu restrizzjoni li hija inkompatibbli mal-livell ta' protezzjoni stabbilit minn din l-istess direttiva.
35 Minn dan isegwi li t-tieni lment huwa wkoll fondat.
36 F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ttrasponiex l-Artikoli 5 u 6(2) tad-direttiva b'mod korrett fid-dritt intern, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-imsemmija direttiva.
Fuq l-ispejjeż
37 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta' Spanja tilef, huwa għandu jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dan il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Billi ma ttrasponiex l-Artikoli 5 u 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta' April 1993, dwar il-klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur b'mod korrett fid-dritt intern, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-imsemmija direttiva.
2) Ir-Renju ta' Spanja huwa ordnat ibati l-ispejjeż.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.
Full & Egal Universal Law Academy