SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
9 ta' Diċembru 2004 (*)
"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 79/409/KEE – Konservazzjoni ta' l-għasafar selvaġġi – Kaċċa permezz ta' kolla ta' l-għasafar"
Fil-kawża C-79/03,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fil-21 ta' Frar 2003,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Valero Jordana, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C. Gulmann (Relatur), J. Makarczyk, P. Kūris u J. Klučka, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta' Settembru 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ppermetta l-kaċċa permezz tal-kolla ta' l-għasafar fit-territorju tal-Komunità ta' Valencia (Spanja) permezz tal-metodu magħruf bl-isem ta' "parany", ir-Renju ta' Spanja naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 8(1) u 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta' April 1979, dwar il-konservazzjoni ta' l-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, p. 1, aktar 'il quddiem id-"Direttiva").
2 Il-"parany" hija sistema użata għall-qbid ta' l-għasafar. Din tikkonsisti fi preparazzjoni ta' fergħat miksija bil-kolla ta' l-għasafar li jitqiegħdu f'siġra u li l-għasafar ikkaċċjati jkunu attirati lejhom permezz ta' għasfur tat-taħrik. Malli jmiss mal-kolla, l-għasfur ġeneralment jitlef il-kapaċità tiegħu li jtir u jkun jista' jinqabad u jinqatel mill-kaċċatur.
Id-dritt Komunitarju
3 L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva jipprovdi li, "[d]war il-kaċċa, qabda jew qtil ta' l-għasafar [...], l-[I]stati [M]embri għandhom jipprojbixxu l-użu tal-mezzi, arranġamenti u l-metodi kollha użati għall-qabda jew għall-qtil ta' l-għasafar fuq skala kbira jew mhux selettiva jew li jkunu kapaċi jikkawżaw l-għejbien lokali ta' speċi, partikolarment l-użu ta' dawk elenkati fl-anness iv (a)".
4 L-Anness IV (a) tad-Direttiva jsemmi, fost oħrajn, il-ġebel [kolla ta' l-għasafar].
5 L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva jipprevedi l-possibbiltà ta' derogi mill-Artikoli 5, 6, 7 u 8 għar-raġunijiet elenkati fil-paragrafi (a) sa (ċ) jekk ma jkunx hemm soluzzjoni sodisfaċenti oħra. B'mod partikolari, deroga bħal din hija possibbli "biex ikunu prevenuti l-ħsarat serji ta' l-uċuħ […] [it-tielet inċiż tas-subparagrafu (a)] jew "biex jippermettu, taħt kundizzjonijiet ta' sorveljanza stretta u fuq bażijiet selettivi, [i]l-qabda, iż-żamma jew l-użi oħra meqjusa ta' ċerti għasafar f'numri żgħar" [subparagrafu (ċ)].
Id-dritt nazzjonali
6 Id-Digriet 135/2000, adottat mill-Gvern tal-Komunità ta' Valencia fit-12 ta' Settembru 2000, jistabbilixxi sistema għall-għoti ta' awtorizzazzjonijiet speċjali sabiex tiġi pprattikata l-kaċċa għall-għasafar tal-familja Turdidae permezz tal-metodu tal-"parany" fil-Komunità ta' Valencia (aktar 'il quddiem id-"Digriet 135/2000). Dan id-digriet jistabbilixxi:
– il-kundizzjonijiet li l-"parany" għandu jirrispetta, u, b'mod partikolari, id-distanza bejn il-fergħat miksija bil-kolla u l-karatteristiċi tal-kolla użata;
– l-ispeċijiet ta' għasafar li l-qbid tagħhom huwa awtorizzat: il-malvizz (turdus philomelos), il-malvizz aħmar (turdus iliacus), il-malvizz oħxon (turdus pilaris) u l-merill kbir (turdus viscivorus);
– l-istaġun tal-kaċċa u l-ħinijiet tal-ġurnata li fihom din hija awtorizzata;
– il-qabda massima għal kull "parany".
7 Dan id-digriet ġie annullat permezz ta' sentenza tat-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana (Spanja) tas-26 ta' Settembru 2002. Din is-sentenza kienet is-suġġett ta' appell fuq punt ta' liġi mressaq mill-gvern tal-Komunità ta' Valencia quddiem it-Tribunal Supremo.
Il-proċedura prekontenzjuża
8 Peress li l-Kummissjoni kienet irċeviet ilmenti dwar il-prattika tal-kaċċa permezz tal-"parany" fit-territorju tal-Komunità ta' Valencia, hija inkludiet din il-kwistjoni fl-aġenda ta' laqgħa dwar l-ambjent li nżammet f'Madrid fit-12 u fit-13 ta' Novembru 1998. Matul din il-laqgħa, l-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw illi kienu awtorizzaw prattika bħal din taħt id-derogi previsti fl-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva minħabba li ma kinux jeżistu soluzzjonijiet aktar sodisfaċenti sabiex tkun evitata ħsara lill-uċuħ.
9 Peress li dehrilha li, billi ppermetta l-prattika tal-kaċċa permezz tal-"parany" fit-territorju tal-Komunità ta' Valencia u billi ma ġġustifikax in-nuqqas ta' soluzzjoni sodisfaċenti oħra fil-każ tad-derogi mogħtija f'din il-Komunità, ir-Renju ta' Spanja kien naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 8(1) u 9(1) tad-Direttiva, il-Kummissjoni, fil-25 ta' Ottubru 2000, indirizzatlu ittra ta' intimazzjoni.
10 Permezz ta' ittra ta' l-20 ta' Diċembru 2000, il-Gvern Spanjol wieġeb lill-Kummissjoni billi indika li, fid-dawl, b'mod partikolari, tal-Liġi 40/97, li tittrasponi l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva fis-sistema legali Spanjola, il-Gvern tal-Komunità ta' Valencia kien għamel sforz sabiex il-kaċċa għall-għasafar tal-familja Turdidae permezz ta' "paranys" tkun irregolata minn qafas legali xieraq li jiggarantixxi li din il-kaċċa tkun ipprattikata b'rispett għall-prinċipju ta' moderazzjoni, ta' selettività u ta' kontroll xieraq. Għaldaqstant, il-Gvern ta' l-imsemmija Komunità kien adotta d-Digriet 135/2000.
11 F'Mejju 2001, matul laqgħa mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Spanjoli ppreċiżaw li l-kaċċa permezz tal-kolla ta' l-għasafar kienet prattika li kellha għeruq b'saħħithom fir-reġjun ta' Valencia u li l-projbizzjoni tagħha tista' twassal għal inkwiet soċjali. Skond dawn l-awtoritajiet, ma jeżistux metodi oħra li jippermettu li tkun evitata ħsara lill-uċuħ.
12 Fis-26 ta' Lulju 2001, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fejn essenzjalment irriproduċiet l-ilmenti magħmula fl-ittra ta' intimazzjoni u tat terminu ta' xahrejn lir-Renju ta' Spanja sabiex jadotta miżuri xierqa sabiex jikkonforma ruħu ma' l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva.
13 Fir-risposta tiegħu tat-28 ta' Settembru 2001, il-Gvern Spanjol tenna u kkompleta l-argumenti li kien invoka qabel in sostenn tal-prattika tal-kaċċa in kwistjoni.
14 Peress li kkunsidrat li l-ksur tad-Direttiva mwettaq mir-Renju ta' Spanja kien għadu jippersisti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
15 Il-Kummissjoni ssostni li l-kaċċa għall-għasafar tal-familja Turdidae permezz tal-metodu tal-"parany" mhijiex ta' natura selettiva u la tista' tiġi ġġustifikata permezz tal-prevenzjoni ta' ħsara sinjifikanti lill-uċuħ prevista fl-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva u lanqas bħala qbid ta' ċerti għasafar f'numru żgħar fis-sens tal-paragrafu (ċ) ta' l-istess dispożizzjoni.
Fuq in-natura mhux selettiva tal-kaċċa bil-"parany"
L-argumenti tal-partijiet
16 Il-Kummissjoni ssostni li, minkejja l-miżuri adottati mill-awtoritajiet Spanjoli, bħalma huma dawk li jikkonċernaw, b'mod partikolari, id-daqs tal-"parany", l-arranġamenti tal-fergħat bil-kolla, l-użu ta' għasafar tat-taħrik kif ukoll l-obbligu tal-proprjetarji tal-"paranys" li jnaddfu u jeħilsu l-għasafar maqbuda li ma jkunux għasafar tal-famija Turdidae, il-kaċċa bil-kolla ta' l-għasafar hija metodu ta' qbid li mhuwiex selettiv u li huwa pprojbit mill-Artikolu 8 tad-Direttiva. Fil-fatt, l-imsemmija miżuri m'għandhomx l-effett li jipprevjenu l-qbid ta' għasafar ta' speċijiet li mhumiex koperti mis-sistema ta' derogata.
17 Il-Gvern Spanjol isostni li, skond il-premessi tad-Digriet 135/2000, il-kolla ta' l-għasafar, hija fiha nfisha element li mhuwiex selettiv iżda, meta tintuża b'mod xieraq, skond ir-restrizzjonijiet u l-limitazzjonijiet imposti minn dan id-digriet, issir metodu jew mezz ta' qbid totalment selettiv. Għalhekk, kull qbid ta' tipi ta' għasafar li mhumiex ta' l-ispeċijiet li jistgħu jiġi maqbuda permezz tal-kolla ta' l-għasafar ikun biss qbid aċċidentali. L-obbligu impost fuq il-kaċċaturi mid-Digriet 135/2000 li jnaddfu kull għasfur maqbud b'mod aċċidentali u li jeħilsuh jiggarantixxi n-natura selettiva tal-kaċċa bil-"parany".
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
18 Għandu jiġi mfakkar li, fir-rigward tal-kaċċa, il-qbid jew il-qtil ta' għasafar, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-użu ta' kull mezz, arranġament jew metodu użati għall-qbid jew għall-qtil ta' l-għasafar fuq skala kbira jew li ma jkunux selettivi jew li jistgħu jwasslu għall-għejbien lokali ta' speċi u, b'mod partikolari, ta' dawk il-mezzi elenkati fl-Anness IV (a) ta' din id-direttiva, fosthom il-kolla ta' l-għasafar.
19 Hemm qbil li l-kaċċa għall-għasafar tal-familja Turdidae permezz tal-kolla, kif organizzata fit-territorju tal-Komunità ta' Valencia ma tippermettix li jkun evitat il-qbid ta' għasafar li ma jkunux ta' din il-familja. F'dan ir-rigward, mit-tielet rapport tas-Soċjetà Ornitoloġika Spanjola dwar il-qbid bil-"parany" ta' għasafar tal-familja Turdidae fil-Komunità ta' Valencia (aktar 'il quddiem ir-"rapport SEO/BirdLife"), ippreżentat f'Settembru 2001 fil-kuntest ta' kawża pendenti quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana u inkluż fl-inkartament ta' din il-kawża mill-Kummissjoni, jirriżulta li fost l-għasafar maqbuda b'dan il-metodu, l-għasafar tal-familja Turdidae u l-għasafar ta' speċi oħra jinsabu fil-proporzjon ta' 1.24 għal 4. Barra minn hekk, ma tinsab l-ebda prova kuntrarja fl-inkartament tal-Qorti tal-Ġustizzja.
20 Minn dan isegwi li l-kaċċa bil-"parany" hija bbażata fuq metodu ta' qbid li mhuwiex selettiv. Il-fatt li, meta għasafar li ma jkunux koperti mid-Digriet 135/2000 jinqabdu fil-kolla, il-kaċċaturi huma obbligati jnaddfuhom u jeħilsuhom mhuwiex ta' natura tali li tegħleb in-natura mhux selettiva ta' l-imsemmi metodu ta' qbid.
21 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-kaċċa bil-"parany" taqa' taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva.
Fuq il-prevenzjoni ta' ħsara sinjifikanti għall-uċuħ, prevista fl-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva, bħala ġustifikazzjoni tal-kaċċa bil-"parany"
L-argumenti tal-partijiet
22 Skond il-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet li, skond l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva, jistgħu jiġġustifikaw deroga mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(1) ta' din id-direttiva li tippermetti l-qbid ta' għasafar permezz ta' kolla, mhumiex sodisfatti f'dan il-każ. Fl-ewwel lok, jeżistu soluzzjonijiet sodisfaċenti oħra sabiex tkun evitata l-allegata ħsara sinjifikanti kkawżata mill-għasafar tal-familja Turdidae lill-uċuħ tad-dwieli u tas-siġar taż-żebbuġ. Fil-fatt, il-kaċċa bis-snieter jew l-użu ta' ħsejjes ta' sparar li jbeżżgħu lill-għasafar huma użati b'suċċess fit-territorju ta' komunitajiet awtonomi oħra fi Spanja. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammont ta' ħsara invokat mill-Gvern Spanjol. Kemm il-popolazzjonijiet ta' l-għasafar tal-familja Turdidae milquta mill-kaċċa permessa taħt id-deroga stabbilita mid-Digriet 135/2000 u kemm il-kwantità ta' nutrizzjoni veġetali kkonsmata ta' kuljum minn dawn l-għasafar huma sopravalutati. Fit-tielet lok, skond il-Kummissjoni, il-konċentrazzjoni ġeografika ta' l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-użu tal-"paranys" u dik ta' l-uċuħ tas-siġar taż-żebbuġ u tad-dielji mhumiex identiċi.
23 Il-Gvern Spanjol isostni li s-soluzzjonijiet alternattivi indikati mill-Kummissjoni sabiex tkun evitata l-ħsara lill-uċuħ mhumiex sodisfaċenti. Fir-rigward ta' l-użu ta' ħsejjes ta' sparar li jbeżżgħu lill-għasafar, l-ispejjeż involuti huma għoljin wisq meta mqabbla ma' l-ispejjeż tal-ħsara subita u l-użu tagħhom jista' jikkawża nirien. Fir-rigward ta' l-użu ta' snieter, dan jinvolvi żieda fin-numru ta' permessi tal-kaċċa u titwil ta' l-istaġun tal-kaċċa. Dawn l-alternattivi jolqtu l-bilanċ tat-tjur tal-kaċċa preżenti fit-territorju kkonċernat b'mod partikolari billi l-imġiba ta' kaċċatur minn Valencia mhijiex komparabbli ma' dik ta' kaċċatur minn komunitajiet awtonomi oħra. Fir-rigward ta' l-ammont tal-ħsara lill-uċuħ tad-dwieli u tas-siġar taż-żebbuġ, il-Gvern Spanjol isostni li l-allegazzjonijiet tiegħu f'dan ir-rigward huma eżatti u li l-Kummissjoni, fl-evalwazzjonijiet tagħha, ma kkunsidratx l-elementi rilevanti kollha.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
24 Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva, deroga mill-Artikolu 8 tad-Direttiva tista' tingħata biss jekk ma tkunx teżisti soluzzjoni oħra sodisfaċenti u għar-raġunijiet elenkati b'mod eżawrjenti fil-paragrafi (a) sa (ċ) ta' l-istess Artikolu 9(1) (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta' Lulju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 262/85, Ġabra p. 3073, punt 7), fosthom il-prevenzjoni ta' ħsara serja lill-uċuħ.
25 F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li f'reġjuni oħra ta' Spanja bħal f'Castile-La Mancha u, b'mod partikolari, fl-Andalusia, fejn is-siġar taż-żebbuġ u d-dwieli huma kkultivati fuq skala kbira u fejn jgħixu wkoll popolazzjonijiet kbar ta' għasafar tal-familja Turdidae, il-kaċċa bil-kolla mhijiex awtorizzata. F'dawn ir-reġjuni dawn l-għasafar jistgħu jkunu kkaċċjati bis-senter, li huwa mezz ta' qtil selettiv. Ma jidhirx li s-siġar taż-żebbuġ u d-dwieli ta' l-imsemmija reġjuni jsofru ħsara aktar serja mill-istess uċuħ li jinsabu fil-Komunità ta' Valencia.
26 Fir-rigward ta' l-argument tal-Gvern Spanjol li l-bidla minn kaċċa għall-għasafar tal-familja Turdidae permezz ta' "paranys" għall-kaċċa permezz tas-senter twassal, minħabba ż-żieda fin-numru ta' snieter u fil-ġranet tal-kaċċa li jirriżultaw minn din il-bidla, għal disturb fl-ispeċijiet l-oħra ta' tjur tal-kaċċa, per eżempju billi tonqos il-popolazzjoni tagħhom, dan l-argument mhuwiex sostnut minn xi element fl-inkartament ta' din il-proċedura. F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kif ammetta l-Gvern Spanjol stess, il-ħaġel aħmar, speċi li tista' tkun is-suġġett ta' kaċċa fis-sens ta' l-Artikolu 7 u ta' l-ewwel parti ta' l-Anness II tad-Direttiva, u l-għasafar tal-familja Turdidae huma kkaċċjati fl-istess żmien u mingħajr ebda problema fit-territorju tal-Komunità ta' Valencia. Barra minn hekk, dan il-fatt, fin-nuqqas ta' xi element ieħor ta' informazzjoni rilevanti kuntrarja, ma jsostnix l-eżistenza ta' mġiba allegatament partikolari għall-kaċċaturi ta' Valencia.
27 Barra minn hekk, mill-preambolu tad-Digriet 135/2000, jirriżulta li n-nuqqas ta' soluzzjonijiet oħra aktar sodisfaċenti mill-kaċċa għall-għasafar tal-familja Turdidae permezz ta' "paranys" huwa dovut għall-fatt li din il-kaċċa tikkorrispondi għal tradizzjoni b'għeruq b'saħħithom fil-Komunità ta' Valencia pjuttost milli għall-prevenzjoni ta' ħsara serja lill-uċuħ.
28 Minbarra dan, mhuwiex ikkontestat li 80% tal-"paranys" installati fit-territorju ta' din il-Komunità jinsabu fil-Provinċja ta' Castellón u 69.5% minn dawn l-istess "paranys" jinsabu f'żoni fejn mhumiex ikkultivati siġar taż-żebbuġ jew dwieli. B'hekk, ma jidhirx li l-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni ta' ħsara serja lill-imsemmija uċuħ hija waħda konsistenti ma' sitwazzjoni bħal din.
29 F'dawn iċ-ċirkustanzi, la jista' jitqies li ġie stabbilit li ma teżistix soluzzjoni oħra sodisfaċenti minbarra l-kaċċa bil-"parany" sabiex tkun evitata ħsara serja lill-uċuħ u lanqas li din it-tip ta' kaċċa hija mmotivata minn għan bħal dan.
30 Minn dan isegwi li l-kaċċa bil-"parany" mhijiex ġustifikata taħt l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva.
31 Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jintlaqa' fuq dan il-punt.
Fuq il-qbid ta' ċerti għasafar f'numri żgħar, previst fl-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva, bħala ġustifikazzjoni tal-kaċċa bil-"parany"
L-argumenti tal-partijiet
32 Skond il-Kummissjoni, il-kaċċa in kwistjoni f'dan il-każ la tissodisfa l-kundizzjoni li l-kaċċa ssir b'mod selettiv u lanqas il-kundizzjoni li din il-kaċċa tikkonċerna numri żgħar ta' għasafar, fis-sens ta' l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva.
33 Il-Gvern Spanjol iwieġeb li l-kaċċa permezz tal-kolla ta' l-għasafar bħal dik irregolata mid-Digriet 135/2000 timplika metodu ta' qbid selettiv. Barra minn hekk, fid-dawl tal-proporzjoni bejn in-numru ta' għasafar tal-familja Turdidae li jistgħu jiġu kkaċċjati permezz tal-kolla u n-numru totali ta' għasafar ta' din il-familja preżenti fit-territorju tal-Komunità ta' Valencia, għandu jiġi kkunsidrat li din il-kaċċa tikkorrispondi għal sfruttament meqjus ta' ċerti għasafar f'numri żgħar.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
34 Għandu jiġi mfakkar li, sabiex deroga implementata fi Stat Membru mill-projbizzjoni dwar l-użu tal-kolla sabiex jinqabdu għasafar tkun konformi ma' l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva, hija għandha, f'kull każ, tiġi applikata b'mod selettiv u għandha tinvolvi biss il-qbid ta' għasafar f'numri żgħar (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta' April 1988, Il-Kummissjoni vs Franza, 252/85, Ġabra p. 2243, punt 28).
35 F'dan il-kawża, għandu jiġi vverifikat, qabel kollox, jekk din il-kundizzjoni ta' l-aħħar hijiex effettivament sodisfatta f'dan il-każ.
36 F'dan ir-rigward, it-"Tieni Rapport [tal-Kummissjoni] fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 79/409/KEE dwar il-konservazzjoni ta' l-għasafar selvaġġi" [COM(93) 572 finali, 24 ta' Novembru 1993] jindika li, skond il-ħidma tal-kumitat ORNIS, għandu jitqies bħala "numru żgħir" kull kampjun inferjuri għal 1% tan-numru totali ta' mwiet annwali fil-popolazzjoni kkonċernata (valur medju) għall-ispeċijiet li ma jistgħux jiġu kkaċċjati u għal 1% għall-ispeċijiet li jistgħu jiġu kkaċċjati, filwaqt li b'"popolazzjoni kkonċernata", fir-rigward ta' l-ispeċijiet ta' għasafar tal-passa, għandu jinftiehem il-popolazzjoni tar-reġjuni li minnhom joriġinaw il-kontinġenti prinċipali li jpassu mir-reġjun li fih tapplika d-deroga matul il-perijodu ta' l-applikazzjoni tagħha. Il-kumitat ORNIS, stabbilit skond l-Artikolu 16 tad-Direttiva, huwa l-kumitat responsabbli għall-adattament tal-progress tekniku u xjentifiku ta' din id-direttiva. Dan huwa kompost minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u huwa mmexxi minn rappreżentant tal-Kummissjoni.
37 Ir-rapport SEO/BirdLife jispjega li, skond il-manwâl l-aktar eżawrjenti dwar l-istorja naturali ta' l-għasafar fir-reġjun Paleartiku tal-punent (The BIRDS of Western Paleartic: Cramp 1988. Snow u Perrins 1988), ir-rata annwali ta' mwiet tal-malvizz tista' tvarja bejn 40 u 54% filwaqt li dik tal-malvizz aħmar tvarja bejn 57 u 58%.
38 Huwa stabbilit li l-popolazzjoni ta' għasafar tal-familja Turdidae fir-reġjuni li minnhom joriġinaw il-kontinġenti prinċipali ta' għasafar tal-passa hija ta' madwar 16-il miljun malvizz u ta' 5.9 miljuni malvizzi ħomor. Fil-każ tal-malvizz, kampjun li jikkorrispondi għal 1% tar-rata annwali totali ta' mwiet ta' din l-ispeċi ma jaqbiżx is-86,400 għasfur u, għall-malvizz aħmar, dan il-kampjun ma jaqbiżx l-34,200 għasfur.
39 Huwa stabbilit ukoll li, fl-2001, l-awtorizzazzjonijiet għall-kaċċa permezz tal-"parany" maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Komunità ta' Valencia kienu jkopru qbid li jaqbeż l-429,600 għasfur.
40 Għaldaqstant jidher li, irrispettivament mill-proporzjon bejn il-kwantitajiet ta' malvizzi u ta' malvizzi ħomor maqbuda, in-numru ta' għasafar tal-familja Turdidae li hija awtorizzata l-kaċċa tagħhom permezz tal-"parany" jaqbeż sewwa l-limitu ta' numri żgħar kif definiti mill-kumitat ORNIS u invokati mill-Kummissjoni.
41 Għalkemm huwa veru li l-kriterju ta' numri żgħar kif elaborat mill-kumitat ORNIS mhuwiex legalment vinkolanti għall-Istati Membri, f'dan il-każ, minħabba l-awtorità xjentifika li jgawdu l-opinjonijiet ta' dan il-kumitat u minħabba n-nuqqas ta' produzzjoni ta' xi element ta' prova xjentifika kuntrarja, dan il-kriterju jista' jintuża mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala bażi ta' riferiment sabiex jiġi evalwat jekk id-deroga mogħtija mill-Istat Membru konvenut skond l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva tirrispettax il-kundizzjoni li l-qbid ta' l-għasafar ikkonċernati jsir f'numri żgħar (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta' Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-3/96, Ġabra p. I-3031, punti 69 u 70).
42 Minn dak li għadu kemm intqal u, b'mod partikolari, mill-punt 40 ta' din is-sentenza, jirriżulta li l-kaċċa permezz tal-"parany", kif ipprattikata fil-Komunità ta' Valencia, ma tirrispettax din il-kundizzjoni.
43 Għalhekk, l-ilment tal-Kummissjoni li l-kaċċa permezz tal-"parany" mhijiex konformi mar-rekwiżiti ta' l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva għandu jiġi wkoll milqugħ.
44 Għaldaqstant u mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mressqa in sostenn ta' dan l-ilment, għandu jiġi kkonstatat li, billi ppermetta l-kaċċa bil-kolla ta' l-għasafar fit-territorju tal-Komunità ta' Valencia permezz tal-metodu magħruf bl-isem ta' "parany", ir-Renju ta' Spanja naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 8(1) u 9(1) tad-Direttiva.
Fuq l-ispejjeż
45 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta' Spanja tilef, hemm lok li huma jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) Billi ppermetta l-kaċċa bil-kolla ta' l-għasafar fit-territorju tal-Komunità ta' Valencia permezz tal-metodu magħruf bl-isem ta' "parany", ir-Renju ta' Spanja naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 8(1) u 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta' April 1979, dwar il-konservazzjoni ta' l-għasafar selvaġġi.
2) Ir-Renju ta' Spanja huwa kkundannat ibati l-ispejjeż.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.
Full & Egal Universal Law Academy