Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Partijiet
Fil-kawża C-83/03
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fis-26 ta' Frar 2003,
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, rapreżentata minn R. Amorosi u A. Aresu, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrent
vs
Ir-Republika Taljana, rapreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenut
IL-QORTI tal-Ġustizzja (is-Sitt Awla),
komposta minn A. Borg Barthet President ta' Awla, J.P. Puissochet (Relatur) u S. von Bahr, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Motivi tas-sentenza
1. Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistabbilixxi li, billi ma vverifikatx korrettament jekk il-proġett ta' kostruzzjoni ta' marina għall-jottijiet f'Fossacesia (Chieti), tip ta' proġett inkluż fil-lista ta' l-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta' Ġunju 1985, dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, p.40), kellux ċerti karatteristiċi li kienu jeħtieġu l-ftuħ ta' proċedura ta' stima ta' l-effetti tiegħu fuq l-ambjent, ir-Republika Taljana naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 4(2) ta' din id-Direttiva.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni komunitarja
2. L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337, fil-verżjoni li kienet fis-seħħ meta seħħu l-fatti, jipprovdi :
"Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li, qabel ma jingħata kunsens, proġetti li xaktarx ikollhom effetti sinifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward ta' l-effetti tagħhom.
Dawn il-proġetti huma definiti fl-Artikolu 4"
3. L-Artikolu 4(2) ta' din id-Direttiva jistipola :
"Proġetti tal-klassijiet elenkati f'l-Anness II għandhom ikunu soġġetti għal stima, skond l-Artikoli 5 sa 10, fejn Stati Membri jikkunsidraw li l-karateristiċi tagħhom jirrikjedu hekk.
Għal dan il-għan Stati Membri jistgħu inter alia jispeċifikaw ċerti tipi ta' proġetti bħala li huma suġġetti għal stima jew jistgħu jistabbilixxu l-kriterji u/jew limiti meħtieġa biex jiddeterminaw liema mill-proġetti tal-klassijiet elenkati f'l-Anness II huma soġġetti għal stima skond l-Artikoli 5 sa 10."
4. Il-punt 10 ta' l-Anness II tad-Direttiva 85/337 intitolat "Proġetti ta' infrastruttura", jagħmel referenza għall-"marini għall-jottijiet".
5. Id-Direttiva 92/43/KEE tal-Kunsill, tal-21 ta' Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni ta' l- habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p.7) tipprovdi, min- naħa tagħha, għall-istabiliment ta' network ekoloġiku Ewropew koerenti ta' żoni speċjali ta' konservazzjoni taħt l-isem ta' "Natura 2000".
6. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom ċerti tipi ta' habitat naturali u ċerti speċi, għandu jippermetti li jinżammu jew, fejn jixraq jiġu ripristinati fi stat ta' konservazzjoni favorevoli, it-tipi ta' habitat u speċi in kwistjoni permezz ta' miżuri ta' protezzjoni xierqa. Sabiex jiġi stabbilit dan in-network, l-Istati Membri għandhom, skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/43, jipproponu siti li huma eliġibli biex jintgharfu bħala siti ta' importanza għall-Komunità u mbagħad nominati bħala żoni speċjali ta' konservazzjoni (ġeneralment nominati bħala "Siti ta' Importanza Komunitarja proposti", minn issa l-quddiem "SIKp").
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7. Mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li f'dak li jikkonċerna l-marini għall-jottijiet, il-leġiżlazzjoni Taljana li titrassponi d-Direttiva 85/337, tagħmel distinzjoni bejn dawk li l-livell ta' l-ilma tagħhom huwa l-fuq minn 10 ettari, jew dawk li l-iħawi tagħhom jaqbżu l-5 ettari, kif ukoll dawk li l-mollijiet tagħhom huma itwal min 500 metru u dawk li ma jaqbżux dan il-limitu. Dawk ta' l-ewwel biss huma kkunsidrati li għandhom karateristiċi li jrendu awtomatikament obligatorja l-proċedura ta' stima prevista minn din id-Direttiva. Dawk tat-tieni huma soġġetti għal eżami ad hoc sabiex jiġi stabbilit jekk huwiex neċessarju jew le li tinbeda tali proċedura.
Il-proċedura prekontenzjuża
8. Wara li assoċjazzjonijiet għall-ħarsien ta' l-ambjent ġibdula l-attenzjoni, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani informazjoni fuq il-kostruzzjoni ta' marina għall-jottijiet f'Fossacesia, fir-Reġjun ta' l-Abruzzo (iktar 'il quddiem ir-"Reġjun"). Din il-kostruzzjoni fil-fatt ġiet awtorizatta mingħajr ma ġiet soġġetta għal stima ta' l-effetti tagħha fuq l-ambjent jew inkella għall-verifika intiza sabiex jiġi stabbilit jekk kienx hemm bżonn jew le li ssir tali stima.
9. Mill-informazzjoni mogħtija bħala risposta mill-awtoritajiet Taljani, jirriżulta li f'dan il każ, hemm in kwistjoni marina għall-jottijiet bi 391 post u b'superfiċje totali ta' 59 825 metru kwadru, mogħnija, b'mod partikolari, b'parkeġġ ta' 398 post, b'diversi servizzi u b'ċentru kummerċjali. Il-Kummissjoni tirrimarka li dan ix-xogħol qed isik kollu kemm hu ġewwa SIKp, skond it-tifsira tad-Direttiva 92/43, msejjaħ "Lecceta litoranea di Torino di Sangro e foce fiume Sangro", li huwa wieħed mis-siti naturali l-aħjar konservati tal-littoral ta' l-Abruzzo.
10. Il-Kummissjoni tirrileva li l-awtorizazzjoni definittiva għal-kostruzzjoni ġiet mogħtija fid-9 ta' Ġunju 1999 mir-Reġjun. Skond l-indikazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Taljani, ir-Reġjun ikkonferma, permezz tad-Digriet Reġjonali Nru. 14/2000, tas-27 ta' Jannar 2000, li l-progett m'għandux ikun soġġett għal proċedura ta' stima ta' l-effetti tiegħu fuq l-ambjent, peress li dan ma jaqbiżx il-limiti stabbiliti mill-leġiżlazzjoni Taljana, limitu li jekk jinqabez tiġi applikata awtomatikament il-proċedura. Ir-Reġjun ta' din l-evalwazzjoni wara li l-Kumitat tal-Koordinazzjoni Reġjonali fuq l-Istima ta' l-Effetti fuq l-Ambjent (iktar 'il quddiem "il-Kumitat tal-Koordinazzjoni Reġjonali") fil-21 ta' Jannar 2000, kien ħareġ opinjoni favorevoli l-Opinjoni Nru. 2/92 wara eżami tal-karatteristiċi tal-proġett, li jindika li tali stima ma kienetx neċessarja.
11. Peress li ma kienetx konvinta mill-ispjegazzjonijiet tar-Republika Taljana, il-Kummissjoni, permezz ta' l-ittra tad-29 ta' Ottubru 2001, intimat lil din ta' l-aħħar sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq din id-deċiżjoni li l-proġett ma jiġix soġġett għal tali stima.
12. Billi li ma rċeviet ebda risposta mill-awtoritajiet Taljani, fis-27 ta' Ġunju 2002, il-Kummissjoni bagħtitilhom opinjoni motivata u stednithom jikkonformaw ruħhom ma' din fi żmien xahrejn.
13. peress illi ma rċeviet ebda risposta mingħand dawn l-awtoritajiet, Il-Kummissjoni ddecidiet li tressaq il-preżenti rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
14. Il-Kummissjoni ssostni li l-awtoritajiet kompetenti ma vverifikawx korretament, konformament mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 85/337, jekk il-kostruzzjoni tal-marina għall-jottijiet ta' Fossacesia teħtieġx stima ta' l-effetti tagħha fuq l-ambjent. In-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta' motivazzjoni għall-evalwazzjoni negattiva tagħhom f'dan ir-rigward, kif ukoll il fatt li din, sussegwentement, wasslet għall-ħruġ tal-permess għal kostruzzjoni, wasslet lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337 ma ġiex applikat korrettament.
15. Il-Gvern Taljan ikkonferma l-insuffiċjenza ta' motivazzjoni ta' l-opinjoni favorevoli maħruġa mill-Kumitat ta' Koordinazzjoni Reġjonali fil-21 ta' Jannar 2000 kif ukoll tad-Digriet Reġjonali tas-27 ta Jannar 2000 li eskludew il-ħtieġa ta' proċedura ta' stima ta' l-effetti tal-proġett fuq l-ambjent. Huwa jikkonferma wkoll li dawn l-atti ġew addottati wara l-ħruġ tal-permess ta' kostruzzjoni.
16. Madanakollu, hu jinvoka, opinjoni favorevoli ddettaljata oħra tal-Kumitat ta' Koordinazzjoni Reġjonali, li tinkludi proposti intiżi, b'mod partikolari, sabiex jiġu kkumpensati ċerti effetti tax-xogħolijiet li diġa twettqu. Huwa jindika wkoll li avża lir-Reġjun li jekk il-proċedura ta' stima ta' l-effetti tal-proġett fuq l-ambjent finalment tiġi konkluża b'mod negattiv, ikun hemm bżonn li tiġi eżaminata l-possibiltà li kollox jitpoġġa lura fl-istat inizjali. Il-Gvern Taljan iżid li, indipendentement mir-riżultat tal-proċedura ta' stima, hemm bżonn li jittieħdu miżuri dwar is-SIKp affettwt sabiex jiġi preservat jew jinstab ximkien ieħor dak li jkun intilef fiż-żona tal-marina għall-jottijiet.
17. Il-Gvern Taljan isostni madankollu li stima ta' l-effetti fuq l-ambjent tal-proġett ta' marina għall-jottijiet hija meħtieġa biss sabiex jiġu evalwati l-effetti tiegħu fuq is-SIKp "Lecceta litoranea di Torino di Sangro e foce fiume Sangro". Fil-kuntest tat-tieni opinjoni tal-Kumitat ta' Koordinazzjoni Reġjonali, din l-istima saret a posteriori.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
18. Id-Direttiva 85/337 hija intiża, kif tindika l-ħames premessa tagħha, sabiex tintroduċi prinċipji ġenerali għall-istima ta' effetti ambjentali ta' proġetti pubbliċi u privati bil-ħsieb li jikkompletaw u jikkordinaw proċeduri ta' kunsens għal proġetti pubbliċi u privati li xaktarx ikollhom efett qawwi fuq l-ambjent.
19. Għal ċertu tipi ta' proġetti, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, iħalli lill-Istati Membri marġni ta' evalwazzjoni sabiex jiddeterminaw jekk il-karatteristiċi ta' proġett jeħtiġux li dan ikun soġġett għal stima ta' l-effetti tiegħu fuq l-ambjent. Madankollu, dan il-marġni ta' evalwazzjoni huwa limitat mill-obbligu ta' dawn l-Istati, skond l-Artikolu 2(1) ta' din id-Direttiva, li jissotomettu għal tali stima l-proġetti li xaktarx ikollhom efett qawwi fuq l-ambjent (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza ta' l-24 ta' Ottubru 1996, Kraaijeveld e.a., C-72/95, Ġabra p. I-5403, punt 50)
20. Meta huwa u jużu l-possibilità prevista fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, Stat Membru jiddefinixxi regoli ġenerali biex jevalwa jekk il-proġetti li jaqgħu taħt l-imsemmi Artikolu 4(2), għandomx ikunu soġġetti għal stima minn qabel ta' l-effetti tagħhom fuq l-ambjent, qabel ma jiġu awtorizzati, il-ksur ta' dawn ir-regoli jwassal neċessarjament għall-ksur tad-dispożizzjonijet ta' l-Artikolu 2(1) flimkien ma' dawk ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337.
21. F'dan il-każ, huwa kostanti li, ir-Reġjun awtorizza l-kostruzzjoni tal-marina għall-jottijiet ta' Fossacesia qabel ma pproċeda għall-eżami ad hoc minn qabel meħtieġ mill-leġiżlazzjoni Taljana intiż biex jeżamina n-neċessità ta' stima ta' l-effetti ta' dan il-proġett fuq l-ambjent. Għaldaqstant, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiddeċiedi fuq il-ħtieġa ta' raġuni li twassal għal deċiżjoni pożittiva jew negattiva fuq tali neċessità, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(2), moqrija flimkien ma' dawk ta' l-Artikolu 2(1), tad-Direttiva 85/337, ġew miksura mir-Reġjun.
22. Anki jekk huwa veru li l-ksur tad-dritt komunitarju, fil-każ in eżami, jikkostitwixxi wkoll ksur tad-dritt nazzjonali addottat għall-implimentazzjoni tad-dritt komunitarju mill-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu dan il-ksur seħħ u li r-rimedji nazzjonali setgħu probabbilment jippermettu li dan il-ksur jiġi kkonstatat, dan il-ksur mwettaq minn entità pubblika ta' l-Istat Membru xorta waħda jikkostitwixxi nuqqas ta' dak l-istat li jwettaq obbligu skond l-Artikolu 226 KE.
23. Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li peress illi r-Reġjun ma vverifikax korretament jekk il-proġett ta' kostruzzjoni ta' marina għall-jottijiet f'Fossacesia - tip ta' proġett inkluż fil-lista ta' l-Anness II tad-Direttiva 85/337 - kellux ċerti karatteristiċi li kienu jeħtieġu l-ftuħ ta' proċedura ta' stima ta' l-effetti tiegħu fuq l-ambjent, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi impost fuqha skond l-Artikolu 4(2) ta' din id-Direttiva.
Dwar l-ispejjeż
24. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli ta' Proċcedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Parti operattiva
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (is-Sitt Awla) taqta' u tiddeċiedi :
1) Peress illi r-Reġjun ta' l-Abbruzzo ma vverifikax korretament jekk il-proġett ta' kostruzzjoni ta' marina għall-jottijiet f'Fossacesia (Chieti), tip ta' proġett inkluża fil-lista ta' l-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta' Ġunju 1985, dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kienx jippreżenta ċerti karatteristiċi li kienu jeħtieġu l-ftuħ ta' proċediment ta' stima ta' l-effetti tiegħu fuq l-ambjent, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi impost fuqha skond l-Artikolu 4(2) ta' din id-Direttiva.
2) Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata tbati l-ispejjeż.
Full & Egal Universal Law Academy