SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
25 ta' Novembru 2004 (*)
"Telekomunikazzjonijiet – Direttiva 98/10/KE – Netwerk miftuħ għat-telefonija bil-vuċi – Għoti ta' informazzjoni dwar l-abbonati – Iffissar tal-prezzijiet"
Fil-kawża C-109/03,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,
imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (l-Olanda), permezz ta' deċiżjoni tat-8 ta' Jannar 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta' Marzu 2003, fil-proċedura
KPN Telecom BV
vs
Onafhankelijke Post en Telecommunicatie Autoriteit (OPTA),
fil-preżenza ta':
Denda Multimedia BV,
Denda Directory Services BV,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann (Relatur), President ta' l-Awla, A. Rosas, K. Lenaerts, S. von Bahr u K. Schiemann, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta' Mejju 2004,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal KPN Telecom BV, minn B. L. P. van Reeken u E. Pijnacker Hordijk, advocaten,
– għall-Onafhankelijke Post en Telecommunicatie Autoriteit (OPTA), minn A. B. van Rijn u B. J. Drijber, advocaten,
– għal Denda Multimedia BV, minn T. F. W. Overdijk, advocaat,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Shotter u W. Wils, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-14 ta' Lulju 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 98/10/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta' Frar 1998, dwar l-applikazzjoni tal-provvista ta' netwerk miftuħ (ONP) għat-telefonija bil-vuċi u t-twaqqif ta' servizz universali tat-telekomunikazzjonijiet f'ambjent kompetittiv (ĠU L 101, p. 24, aktar 'il quddiem id-"Direttiva").
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn KPN Telecom BV (aktar 'il quddiem "KPN") u l-Onafhankelijke Post en Telecommunicatie Autoriteit (awtorità indipendenti tal-posta u t-telekomunikazzjonijiet, aktar 'il quddiem l-"OPTA") dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' impriżi privati ta' ċerta informazzjoni dwar l-abbonati ta' KPN bil-għan li jitħejjew direttorji telefoniċi minn dawn l-impriżi.
Il-kuntest ġuridiku
3 L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva jipprovdi li:
"Din id-direttiva tirrigwarda l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet li jassiguraw aċċess miftuħ u effettiv għan-netwerks telefoniċi pubbliċi fissi u għas-servizzi telefoniċi pubbliċi fissi, kif ukoll l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' l-użu tagħhom f'ambjent ta' swieq miftuħa u kompetittivi, skond il-prinċipji tal-provvista ta' netwerk miftuħ (ONP).
L-għanijiet tagħha huma li tiggarantixxi d-disponibbiltà, fil-Komunità kollha, ta' servizzi telefoniċi pubbliċi fissi ta' kwalità tajba u li tiddefinixxi s-servizzi kollha li għalihom l-utenti kollha, inklużi l-konsumaturi, għandu jkollhom aċċess għalihom, bi prezz raġonevoli, fil-kuntest ta' servizz universali u fid-dawl ta' kundizzjonijiet speċifiċi nazzjonali." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
4 Fl-Artikolu 2(2)(f) tagħha, id-Direttiva tiddefinixxi l-kunċett ta' "servizz universali" bħala "sett definit minimu ta' servizzi ta' kwalità speċifikata, li huwa aċċessibbli għall-utenti kollha indipendentament mil-lokazzjoni ġeografika tagħhom u, fid-dawl tal-kundizzjonijiet nazzjonali speċifiċi, bi prezz raġonevoli" [traduzzjoni mhux uffiċjali].
5 L-Artikolu 6 tad-Direttiva jipprovdi li:
"1. Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-artikolu huma applikabbli bla ħsara għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali u tal-ħajja privata, bħad-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 97/66/KE
2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li:
a) l-abbonati jkollhom id-dritt li jitniżżlu fid-direttorji mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, li jivverifikaw u, jekk ikun meħtieġ, li jikkoreġu d-data tagħhom, kif ukoll id-dritt li jitolbu li ma titniżżilx;
b) id-direttorji li jiġbru l-abbonati kollha li ma esprimewx l-oġġezzjoni tagħhom li jitniżżlu, inklużi n-numri tat-telefonijiet fissi, ċellulari u personali, jkunu mqiegħda għad-dispożizzjoni ta' l-utenti f'forma approvata mill-awtorità regolatorja nazzjonali, jew f'forma stampata jew elettronika jew fiż-żewġ forom fl-istess ħin, u jkunu aġġornati b'mod regolari;
ċ) minn ta' l-anqas servizz ta' informazzjoni telefonika li tkopri l-abbonati kollha mniżżla fid-direttorji jkun aċċessibbli għall-utenti kollha, inklużi l-utenti ta' telefonijiet pubbliċi li jaħdmu bi ħlas.
3. Sabiex tkun iggarantita l-provvista tas-servizzi indikati fil-punti (b) u (ċ) tal-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-organi kollha li jattribwixxu n-numri tat-telefon lill-abbonati jwieġbu għat-talbiet raġonevoli kollha għall-għoti ta' l-informazzjoni rilevanti f'forma mifthiema u f'kundizzjonijiet li jkunu ġusti, orjentati lejn l-ispiża involuta u li ma jkunux diskriminatorji.
4. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-organi li jipprovdu s-servizzi indikati fil-punti (b) u (ċ) tal-paragrafu 2 jirrispettaw il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni fl-ipproċessar u fil-preżentazzjoni ta' l-informazzjoni li tkun mgħoddija lilhom." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
6 Fl-Olanda, l-oqsma koperti mid-Direttiva huma rregolati mill-Wet op de telecommunicatievoorzieningen (liġi fuq it-telekomunikazzjonijiet) tas-26 ta' Ottubru 1988 (Staatsblad 1988, p. 520, aktar 'il quddiem il-"WTV"), kif ukoll mill-Besluit ONP huurlijnen en telefonie (digriet dwar il-linji mikrija u dwar it-telefonija ONP) ta' l-10 ta' Novembru 1998 (Staatsblad 1998, p. 639, aktar 'il quddiem il-"BOHT"), adottat taħt il-WTV, b'mod partikolari l-Artikoli 7.1 u 7.5 tagħha.
7 L-Artikolu 43 tal-BOHT jipprovdi li:
"Kull min jattribwixxi numru […] għandha, fuq talba, tagħmel dawn in-numri flimkien ma' informazzjoni relatata disponibbli, f'forma mifthiema u skond kundizzjonijiet ġusti, orjentati lejn l-ispiża involuta u li ma jkunux diskriminatorji, sabiex jiġu pprovduti direttorji u sabiex ikun assigurat servizz ta' informazzjoni bit-telefon [...]"
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8 KPN tipprovdi s-servizz universali ta' telefonija bil-vuċi fl-Olanda. Denda International vof, li saret Denda Multimedia BV (aktar 'il quddiem "Denda"), stabbilita fl-Olanda, u Topware CD-Service AG (aktar 'il quddiem "Topware"), stabbilita fil-Ġermanja, kienu, fiż-żmien meta seħħew il-fatti li l-qorti tar-rinviju għandha quddiemha, impriżi li jipproduċu, b'mod partikolari, direttorji telefoniċi f'forma stampata kif ukoll direttorji elettroniċi, prodotti inizjalment fuq CD-ROM u intiżi sabiex sussegwentament jitqiegħdu fl-Internet.
9 Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li Denda u Topware talbu lil PTT Telecom BV, li kienet il-predeċessur ta' KPN sa l-1998, sabiex tgħaddilhom data dwar l-abbonati tagħha tas-servizz ta' telefonija bil-vuċi tagħha bil-għan li jipproduċu d-direttorji tagħhom stess. Minbarra data li hija strettament bażika bħall-isem, l-indirizz, ir-residenza u n-numru tat-telefon kif ukoll, eventwalment, il-kodiċi postali ta' l-abbonat u l-indikazzjoni tal-fatt li n-numru kien użat biss bħala numru tal-faks, dawn iż-żewġ impriżi kienu interessati, b'mod partikolari, fil-komunikazzjoni ta' data addizzjonali li kienu jinsabu fil-white pages tad-direttorju stampat mill-predeċessur ta' KPN, apparti r-riklami pubbliċitarji. Din id-data kienet tinkludi, per eżempju, indikazzjonijiet addizzjonali dwar professjoni, dwar isem ieħor li taħtu kien imniżżel l-abbonat, indikazzjoni ta' komuni oħra li fiha kien imniżżel l-abbonat jew ta' numri addizzjonali ta' telefonijiet ċellulari ta' l-abbonat.
10 Il-predeċessur ta' KPN irrifjuta li jgħaddi din l-informazzjoni addizzjonali lil Denda u Topware. Bl-istess mod, huwa rrifjuta li jgħaddilhom id-data bażika bi prezz anqas minn NLG 0.85 għal biċċa data, prezz li skond dawn l-impriżi kien eżaġerat ħafna. Għaldaqstant, dawn l-impriżi ressqu lment quddiem l-OPTA sabiex jiġi kkonstatat li l-predeċessur ta' KPN kien wettaq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-WTV u tal-BOHT.
11 Permezz ta' deċiżjoni tad-29 ta' Settembru 1999, l-OPTA ddeċidiet, minn naħa, li KPN ma kinitx obbligata tgħaddi lil Denda u Topware d-data addizzjonali li dawn xtaqu jiksbu u, min-naħa l-oħra, li l-prezz mitlub minn KPN għall-għoti tad-data bażika kellu jkun anqas minn NLG 0.005 għal kull biċċa data.
12 KPN, kif ukoll Denda u Topware, ressqu lmenti kontra din id-deċiżjoni ta' l-OPTA. Permezz ta' żewġ deċiżjonijiet ta' l-4 ta' Diċembru 2000, l-OPTA biddlet il-pożizzjoni inizjali tagħha u kkunsidrat li KPN kellha tipprovdi wkoll id-data addizzjonali dwar numru jew numri tat-telefonijiet ċellulari, il-professjoni ta' l-abbonat u dwar jekk l-abbonat huwiex imniżżel f'komuni oħra.
13 KPN u Denda mbagħad ressqu rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem l-Arrondissementsrechtbank te Rotterdam (l-Olanda), iżda dawn ir-rikorsi ġew miċħuda bħala infondati. Il-College van Beroep voor het bedrijfsleven, li quddiemu tressaq appell, għandu dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-WTV u tal-BOHT in kwistjoni fid-dawl tad-Direttiva.
14 Peress li kkunsidra li l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva hija meħtieġa sabiex tinsab soluzzjoni għall-kwistjoni li għandu quddiemu, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"1) Il-kliem "informazzjoni rilevanti' fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 98/10/KE […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkopru biss in-numri tat-telefon attribwiti mill-organi kkonċernati, flimkien ma' l-isem, l-indirizz, ir-residenza u l-kodiċi postali tal-persuna li lilha n-numru jkun attribwit, kif ukoll l-indikazzjoni eventwali tal-fatt li n-numru jkun (esklużivament) użat bħala numru ta' faks, jew fis-sens li jkopru wkoll data oħra li l-imsemmija organi jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, bħalma huma l-indikazzjoni addizzjonali ta' professjoni, ta' isem ieħor, ta' komun ieħor jew ta' numri ta' telefonijiet ċellulari?
2) L-espressjoni 'jwieġbu għat-talbiet raġonevoli kollha […] f'kundizzjonijiet li jkunu ġusti, orjentati lejn l-ispiża involuta u li ma jkunux diskriminatorji', li tinsab fid-dispożizzjoni msemmija fl-ewwel domanda, għandha tiġi interpretata fis-sens li:
a) in-numri flimkien ma' isem, indirizz, residenza u kodiċi postali tal-persuna li lilha huwa attribwit in-numru għandhom jitqiegħu għad-dispożizzjoni billi tingħata biss remunerazzjoni li tkopri l-ispejjeż marġinali meħtieġa sabiex ikunu mqiegħda effettivament għad-dispożizzjoni, u
b) data minbarra dawk imsemmija fil-punt (a) għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni billi tingħata remunerazzjoni intiża sabiex tkopri l-ispejjeż li l-fornitur ta' din id-data juri li jkun għamel sabiex jikseb jew jipprovdi din id-data?"
Fuq l-ewwel domanda
15 Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi liema hija d-data li koperta mill-kliem "informazzjoni rilevanti" li jinsabu fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva.
16 Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva ma jagħti l-ebda definizzjoni tal-kunċett ta' "informazzjoni rilevanti" fir-rigward ta' l-abbonati li l-organi li jattribwixxu numri tat-telefon huma mistennija jipprovdu lil terzi persuni. Għaldaqstant, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kuntest li fih jinsab u ta' l-għan tad-Direttiva.
17 Kif jirriżulta mit-tieni paragarfu ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva, l-għanijiet tagħha huma li tkun iggarantita d-disponibbiltà, fil-Komunità kollha, ta' servizzi telefoniċi pubbliċi fissi ta' kwalità tajba u li jkunu definiti s-servizzi kollha li għalihom l-utenti kollha, inklużi l-konsumaturi, għandu jkollhom aċċess, bi prezz raġonevoli, fil-kuntest tas-servizz universali u, kif jirriżulta mit-titolu tad-Direttiva, "f'ambjent kompetittiv".
18 Għaldaqstant, id-Direttiva hija intiża sabiex tassigura bilanċ bejn l-interessi speċifiċi ta' min jipprovdi s-servizz universali u dawk ta' l-impriżi fis-settur kompetittiv, kif ukoll dawk ta' l-utenti, inklużi l-konsumaturi.
19 Qabel kollox, fir-rigward tas-servizz universali, għandu jiġi mfakkar li dan huwa definit fl-Artikolu 2(2)(f) tad-Direttiva bħala sett definit minimu ta' servizzi ta' kwalità speċifikata, li huwa aċċessibbli għall-utenti kollha indipendentament mil-lokazzjoni ġeografika tagħhom u, fid-dawl tal-kundizzjonijiet nazzjonali speċifiċi, bi prezz raġonevoli.
20 Kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, mill-kliem "[s]abiex tkun iggarantita l-provvista tas-servizzi indikati fil-punti (b) u (ċ) tal-paragrafu 2", li jinsabu fil-bidu ta' l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva, jirriżulta li l-obbligu ta' l-Istati Membri li jassiguraw li l-organi li jattribwixxu n-numri tat-telefon lill-abbonati jwieġbu għat-talbiet raġonevoli kollha għall-għoti ta' informazzjoni rilevanti jaqa' fil-kuntest tal-provvista tas-servizz universali.
21 Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat liema hija d-data meħtieġa sabiex tkun iggarantita l-provvista ta' servizz bħal dan.
22 F'dan ir-rigward, l-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva jsemmi biss li għandhom jinġabru fid-direttorji, sabiex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' l-utenti, l-abbonati kollha li ma esprimewx oġġezzjoni li jitniżżlu, inklużi n-numri tat-telefonijiet fissi, ċellulari u personali. Minn dan jirriżulta, kif enfasizzat ġustament KPN, li data oħra apparti dik imsemmija f'din id-dispożizzjoni mhumiex meħtieġa sabiex jitħejja direttorju telefoniku fil-kuntest tas-servizz universali.
23 Madankollu, xorta tibqa' l-kwistjoni ta' jekk limitazzjoni bħal din tad-data fil-kuntest ta' l-għoti ta' informazzjoni lill-kompetituri ta' min jipprovdi s-servizz universali tissodisfax ir-rekwiżiti tal-liberalizzazzjoni tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet li, fil-kuntest tagħha, kienet adottata d-Direttiva. L-OPTA u Denda jqajmu dubju qawwi dwar din il-possibbiltà u jsostnu li hija biss interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett tad-data li għandha tiġi pprovduta li tassigura kompetizzjoni ġusta.
24 Skond KPN, id-Direttiva, madankollu, mhijiex intiża sabiex terzi persuni jgawdu mill-isforzi magħmula minn min jipprovdi s-servizz universali, bħall-ġabra, li tinvolvi spejjeż sostanzjali, tad-data addizzjonali peress li sforzi bħal dawn mhumiex parti mill-obbligi tiegħu fir-rigward tal-provvista ta' dan is-servizz fis-sens strett tiegħu. Kull interpretazzjoni oħra tad-Direttiva twassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn impriżi li jipprovdu direttorji peress li waħda minnhom tkun obbligata tgħin lill-kompetituri tagħha mingħajr dawn ma jkunu obbligati jirreċiprokaw din l-għajnuna.
25 F'dan ir-rigward, hemm qbil li d-Direttiva ssemmi diversi drabi li l-għan tagħha huwa li tiffavorixxi l-ftuħ ta' suq kompetittiv fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet. B'mod aktar partikolari, fir-rigward tad-direttorji, is-seba' premessa tad-Direttiva tindika li "l-provvista ta' servizzi ta' direttorji hija attività miftuħa għall-kompetizzjoni" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva, safejn jipprovdi li ċerta informazzjoni dwar l-abbonati għandha tkun disponibbli għal impriżi kompetituri, jikkorrobora dan l-għan.
26 Fil-fatt, fl-Istat Membru kkonċernat, l-eżistenza ta' impriżi oħra li jipproduċu direttorji apparti min jipprovdi s-servizz universali, bħalma huma Denda u Topware, turi li effettivament żviluppa suq kompetittiv fejn għandhom x'jaqsmu d-direttorji.
27 Madankollu, mhuwiex eskluż li r-rifjut li tingħata d-data in kwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ta' natura li jinfluwenza l-kundizzjonijiet li fih jista' jiżviluppa suq kompetittiv ta' impriżi li jipprovdu direttorji. Fir-rigward ta' dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva jipprovdi li dawn għandhom "jkunu ġusti, orjentati lejn l-ispiża involuta u […] ma jkunux diskriminatorji". Għaldaqstant, sakemm min jipprovdi s-servizz universali jirrispetta r-rekwiżiti previsti f'din id-dispożizzjoni, huwa mhuwiex obbligat ukoll li jipprovdi d-data addizzjonali kollha li l-kompetituri tiegħu jixtiequ jiksbu.
28 Minn dan jirriżulta li r-rifjut li data oħra apparti dik imsemmija fl-Artikolu 6(2)(b) titqiegħed għad-dispożizzjoni ta' terzi persuni huwa kompatibbli mal-liberalizzazzjoni tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet, li hija waħda mill-għanijiet tad-Direttiva.
29 Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-interessi speċifiċi ta' l-utenti, inklużi l-konsumaturi, huma qabel kollox dawn il-persuni li, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva, huma mistennija jgawdu mill-kundizzjonijiet kompetittivi tas-suq in kwistjoni. Fil-fatt, is-seba' premessa tad-Direttiva tipprovdi li l-utenti u l-konsumaturi "jixtiequ li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom direttorji u servizzi ta' informazzjoni telefonika ġenerali li jkopru l-abbonati kollha mniżżla kif ukoll in-numri rispettivi tagħhom (b'mod partikolari n-numri ta' telefonijiet fissi, ċellulari u personali" [traduzzjoni mhux uffiċjali], liema termini huma riprodotti fl-Artikolu 6(2)(b) ta' l-imsemmija direttiva.
30 Dan il-bżonn għal informazzjoni ta' l-utenti jikkorrispondi wkoll mad-dritt, kif jirriżulta mill-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva, li mhux biss l-abbonat ikun imniżżel fid-direttorju iżda wkoll li jitlob li ma titniżżilx parti mill-informazzjoni li tinsab fid-direttorju jew l-informazzjoni kollha. Bl-istess mod, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jirreferi espressament għal ċerti dispożizzjonijiet Komunitarji intiżi sabiex jipproteġu data personali u l-ħajja privata.
31 Barra minn hekk, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, f'kuntest ieħor li madankollu huwa relatat ma' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva, minn din id-dispożizzjoni joħroġ prinċipju li kull operatur għandu jżomm lista ta' l-abbonati tiegħu li ma jixtiqux jitniżżlu fil-lista universali u m'għandux jikkomunika l-isem ta' dawn l-abbonati lill-editur tad-direttorju telefoniku (sentenza tas-6 ta' Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs France, C-146/00, Ġabra p. I-9767, punt 68).
32 Għaldaqstant hemm qbil li l-protezzjoni tad-data personali u tal-ħajja privata hija fattur ta' importanza primarja li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni meta jkun qiegħed jiġi ddeterminat liema hija d-data li operatur huwa obbligat iqiegħed għad-dispożizzjoni ta' terzi persuni li huma kompetituri. Fil-fatt, interpretazzjoni wiesgħa li teżiġi li, mingħajr ebda distinzjoni, id-data kollha li jkollu l-operatur titqiegħed għad-dispożizzjoni, bl-eċċezzjoni madankollu tad-data li tikkonċerna abbonati li ma jixtiequ bl-ebda mod jitniżżlu fil-lista ppubblikata, ma tistax tiġi rikonċiljata mal-protezzjoni kemm ta' din id-data kif ukoll tal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati.
33 Għaldaqstant, lanqas it-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-interessi speċifiċi ta' l-utenti tas-servizzi in kwistjoni, inklużi l-konsumaturi ma jiffavorixxi interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta' "informazzjoni rilevanti".
34 Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha dwar id-diversi interessi involuti jirriżulta li l-kliem "informazzjoni rilevanti" li jinsabu fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta. L-organi li jattribwixxu n-numri tat-telefon għandhom għalhekk jgħaddu biss lil terzi persuni d-data dwar l-abbonati li ma esprimewx oġġezzjoni għall-fatt li jitniżżlu f'lista ppubblikata u li hija biżżejjed sabiex l-utenti ta' direttorju jkunu jistgħu jidentifikaw l-abbonati li huma jkunu qegħdin ifittxu. Din id-data tinkludi, fil-prinċipju, l-isem u l-indirizz, inkluż il-kodiċi postali, ta' l-abbonati kif ukoll in-numru jew in-numri tat-telefon li kienu ġew attribwiti lilhom mill-organu kkonċernat.
35 Fid-dawl ta' dan, kif issostni l-Kummissjoni u kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa possibbli li, fuq livell nazzjonali, ikunu jeżistu differenzi fit-talba ta' l-utenti tas-servizzi ta' telefonija bil-vuċi. Safejn id-Direttiva, billi tuża l-kliem "informazzjoni rilevanti", ma twassalx għal armonizzazzjoni kompleta tal-kriterji kollha li jistgħu jidhru meħtieġa sabiex ikunu identifikati l-abbonati, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddeterminaw jekk, f'kuntest nazzjonali speċifiku, ċerta data addizzjonali għandhiex titqiegħed għad-dispożizzjoni ta' terzi persuni.
36 Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kliem "informazzjoni rilevanti" jkopru biss id-data dwar l-abbonati li ma esprimewx oġġezzjoni għall-fatt li jitniżżlu f'lista ppubblikata u li hija biżżejjed sabiex l-utenti ta' direttorju jkunu jistgħu jidentifikaw l-abbonati li huma jkunu qegħdin ifittxu. Din id-data tinkludi, fil-prinċipju, l-isem u l-indirizz, inkluż il-kodiċi postali, ta' l-abbonati kif ukoll in-numru jew in-numri tat-telefon li kienu ġew attribwiti lilhom mill-organu kkonċernat. Madankollu, huwa permess li l-Istati Membri jipprovdu li data oħra għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni ta' l-utenti meta, fid-dawl ta' kundizzjonijiet nazzjonali speċifiċi, din tidher li hija meħtieġa sabiex ikunu identifikati l-abbonati.
Fuq it-tieni domanda
37 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi liema huma l-ispejjeż marbuta mal-ġbir, ma' l-aġġornament u mal-provvista ta' informazzjoni rilevanti dwar l-abbonati li jistgħu jiġu inkorporati fil-prezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data fil-kuntest ta' l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva.
38 F'dan ir-rigward, kif isostnu ġustament l-OPTA u Denda, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-kisba tad-data bażiks dwar l-abbonati, jiġifieri l-isem, l-indirizz u n-numru tat-telefon tagħhom, hija marbuta mas-servizz ta' telefonija b'mod li ma tistax tkun separata minnu u ma teżiġi l-ebda sforz partikolari min-naħa min jipprovdi s-servizz universali.
39 Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ispejjeż marbutin mal-kisba jew ma' l-attribuzzjoni ta' din id-data, b'differenza mill-ispejjeż marbutin mat-tqegħid ta' din id-data għad-dispożizzjoni ta' terzi persuni, għandhom, f'kull każ, jiġu sostnuti minn min jipprovdi s-servizz ta' telefonija bil-vuċi u huma diġà inklużi fl-ispejjeż u fid-dħul ta' servizz bħal dan. F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-trasferiment ta' l-ispejjeż marbutin mal-kisba jew ma' l-attribuzzjoni tad-data lill-persuni li jitolbu l-aċċess għaliha jwassal sabiex l-ispejjeż in kwistjoni jkunu kkumpensati aktar milli hu ġġustifikat.
40 Minn dan jirriżulta li, meta din id-data tkun imqiegħda għad-dispożizzjoni ta' impriżi kompetituri fis-suq ta' provvista ta' direttorji, huma biss l-ispejjeż addizzjonali marbuta ma' dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni li jistgħu jiġu fatturati minn min jipprovdi s-servizz universali, bl-esklużjoni ta' l-ispejjeż marbuta mal-kisba ta' din id-data.
41 Madankollu, is-soluzzjoni tkun waħda differenti meta tkun involuta data addizzjonali li, għall-kisba tagħha, min jipprovdi s-servizz universali kellu huwa stess jagħmel spejjeż addizzjonali. F'każ bħal dan, jekk dan ta' l-aħħar jiddeċiedi li jqiegħed data bħal din għad-dispożizzjoni ta' terzi persuni, mingħajr ma jkun obbligat li jagħmel dan taħt id-Direttiva, l-ebda dispożizzjoni tagħha ma tipprekludi li dawn l-ispejjeż addizzjonali jkunu fatturati lit-terzi persuni sakemm ikun assigurat trattament li ma jiddiskriminax bejn l-imsemmija terzi persuni.
42 Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva, safejn jipprovdi li l-informazzjoni rilevanti għandha tingħata lil terzi persuni skond kundizzjonijiet ġusti, orjentati lejn l-ispiża involuta u li ma jkunux diskriminatorji, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
– fir-rigward ta' data bħalma huma l-isem u l-indirizz tal-persuni, kif ukoll in-numru tat-telefon li kien attribwit lilhom, huma biss l-ispejjeż marbutin mat-tqegħid effettiv ta' din id-data għad-dispożizzjoni ta' terzi persuni li jistgħu jkunu fatturati minn min jipprovdi s-servizz universali;
– fir-rigward ta' data addizzjonali li min jipprovdi s-servizz universali mhuwiex obbligat li jqiegħed għad-dispożizzjoni ta' terzi persuni, dan ta' l-aħħar għandu d-dritt li jiffattura, minbarra l-ispejjeż marbuta ma' dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni, l-ispejjeż addizzjonali li kellu jagħmel huwa stess sabiex jikseb din id-data, sakemm ikun assigurat trattament li ma jiddiskriminax bejn it-terzi persuni.
Fuq l-ispejjeż
43 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla), taqta' u tiddeċiedi li:
1) L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 98/10/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta' Frar 1998, dwar l-applikazzjoni tal-provvista ta' netwerk miftuħ (ONP) għat-telefonija bil-vuċi u t-twaqqif ta' servizz universali tat-telekomunikazzjonijiet f'ambjent kompetittiv, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kliem "informazzjoni rilevanti" jkopri biss id-data dwar l-abbonati li ma esprimewx oġġezzjoni għall-fatt li jitniżżlu f'lista ppubblikata u li hija biżżejjed sabiex l-utenti ta' direttorju jkunu jistgħu jidentifikaw l-abbonati li huma jkunu qegħdin ifittxu. Din id-data tinkludi, fil-prinċipju, l-isem u l-indirizz, inkluż il-kodiċi postali, ta' l-abbonati kif ukoll in-numru jew in-numri tat-telefon li kienu ġew attribwiti lilhom mill-organu kkonċernat. Madankollu, huwa permess li l-Istati Membri jipprovdu li data oħra għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni ta' l-utenti meta, fid-dawl ta' kundizzjonijiet nazzjonali speċifiċi, din tidher li hija meħtieġa sabiex ikunu identifikati l-abbonati.
2) L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva, safejn jipprovdi li l-informazzjoni rilevanti għandha tingħata lil terzi persuni skond kundizzjonijiet ġusti, orjentati lejn l-ispiża involuta u li ma jkunux diskriminatorji, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
– fir-rigward ta' data bħalma huma l-isem u l-indirizz tal-persuni, kif ukoll in-numru tat-telefon li kien attribwit lilhom, huma biss l-ispejjeż marbutin mat-tqegħid effettiv ta' din id-data għad-dispożizzjoni ta' terzi persuni li jistgħu jkunu fatturati minn min jipprovdi s-servizz universali;
– fir-rigward ta' data addizzjonali li min jipprovdi s-servizz universali mhuwiex obbligat li jqiegħed għad-dispożizzjoni ta' terzi persuni, dan ta' l-aħħar għandu d-dritt li jiffattura, minbarra l-ispejjeż marbuta ma' dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni, l-ispejjeż addizzjonali li kellu jagħmel huwa stess sabiex jikseb din id-data, sakemm ikun assigurat trattament li ma jiddiskriminax bejn it-terzi persuni.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy